L-Epistola lil Titu


Titu 1:1. għall-fidi tal-magħżulin t’Alla. Dawk maħtura bi grazzja għas-salvazzjoni jeħtiġilhom jeżerċitaw fidi personali skont l-abbiltà li jagħti l-Ispirtu s-Santu. Minħabba f’hekk l-ippritkar tal-vanġelu hu essenzjali. Il-predestinazzjoni u l-evanġeliżmu jmorru flimkien. 


Titu 1:4. ibni. Titu kien konvertit bl-ippritkar ta’ Pawlu, allura l-appostlu hu l-missier spiritwali tiegħu (1 Kor.4:15; 1 Tim.1:2). 


Titu 1:7. Is-sopristant (jew isqof, wieħed mill-mexxejja fi knisja lokali) hu deskritt bħala pastor jew presbiteru (xiħ; anzjan) bnadi oħra (At.20:28; Ebr.13:17; 1 Pt.5:2). Idealment knisja waħda għandha tkun immexxija minn presbiterju, ċoè għadd ta’ sopristanti skont id-daqs numeriku tal-ġemgħa.


Titu 1:12. profeta tagħhom stess. Pawlu jikkwota lil Epimenide, poeta u riformista tas-seklu sitta q.K. minn Knossos fi Kreta, magħruf għat-tbassir u l-għerf tiegħu. L-appostlu ma jqegħdux fuq l-istess livell tal-profeti tal-Patt il-Qadim; sempliċement qed jappella għall-istima li fiha kien miżmum Epimenide fid-dinja antika (ara nota fl-1 Korintin 15:33).


Titu 1:14. ħrejjef Lhud. Probabbilment referenza għal-leġġendi dwar persunaġġi fil-Patt il-Qadim misjuba f’bosta kitbiet apokrifi (1 Tim.1:4; 4:7; 2 Tim.4:4). 


Titu 1:16. b’azzjonijiethom jiċħduh. Nuqqas ta’ opri tajba bi mħabba f’ħajja ġusta juri li l-fidi hi finta u falza (Mt.7:16-20; Ġak.2:14-16; 1 Ġw.3:17). 


Titu 2:11. dehret lill-bnedmin kollha. Ma jridx jagħti l-impressjoni li kull bniedem se jsalva, altrimenti jkun qed jikkontradixxi partijiet oħra tal-Bibbja. Qed jgħid li s-salvazzjoni għandha tkun offruta lin-nies inġenerali, mhux sempliċement lil ftit. Hi maħsuba għal kull tip ta’ nies, hu x’inhu s-sess, l-età, in-nazzjonalità jew il-klassi soċjali tagħhom (Titu 2:2-10; cf., 1 Tim.2:1-6). 


Titu 2:14. poplu bħala pussess tiegħu. Il-frażi Griega (laon periousion) għandha eku intenzjonat mill-Patt il-Qadim (ara speċjalment l-Esodu 19:5 u Malakija 3:17). Il-knisja hi l-poplu t’Alla, Iżrael il-veru. 


Titu 3:3. Għax. Pawlu jerġa’ jsejjes it-tjieba personali fuq id-dottrini tal-grazzja (Titu 2:11). L-umiltà Kristjana (Titu 3:1-2) tnixxi mit-tagħrif dwar id-depravità passata fil-moħħ, xewqat u relazzjonijiet. 


Titu 3:4. Il-bontà u l-qalb tajba ta’ wlied Alla huma mibnija bit-tagħrif tal-bontà t’Alla lejna (Ef.4:32-5:2). 


Titu 3:5. mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja. Is-salvazzjoni hi tagħna bi grazzja, jew favur pur, mingħand Alla, mingħajr l-iċken kontribut ta’ mertu uman (Rum.3:28-4:8; Gal.2:16; 3:10-14; Ef.2:8-9). 


Titu 3:5. bil-ħasil tar-riġenerazzjoni. Hawnhekk m’għandniex il-magħmudija speċifikata, iżda l-għoti spiritwali ta’ ħajja ġdida. Il-magħmudija bl-ilma sempliċement mhix imsemmija f’dal-pass. Il-magħmudija tabilħaqq hi stampa ta’ dan kollu, iżda mhix ir-realtà nfisha. 

Ir-riġenerazzjoni, jew it-twelid mill-ġdid, hu l-att t’Alla waħdu, li bih iġedded il-qalb umana, u jagħmilha ħajja fejn qabel kienet mejta. Fit-twelid mill-ġdid, Alla jopera fil-fond ta’ ruħna. Dan ifisser li ma jista’ jkun hemm ebda tħejjija jew dispożizzjoni fil-midneb li biha jkun ħaqqu l-ħajja ġdida mogħtija b’xejn minn Alla. Ħadd minna ma jista’ jikkontribwixxi xi ħaġa biex jitwieled mill-ġdid. 

It-twelid mill-ġdid hu meħtieġ għax id-dixxendenti kollha ta’ Adam u Eva wirtu d-dnub tagħhom u mhumiex moralment kapaċi jagħmlu dak li hu tajjeb. In-nies huma min-natura mejtin fit-trasgressjonijiet u dnubiet. F’din il-qagħda jinsabu mingħajr Alla u bla tama fid-dinja (Ef.2:1-3,12). Liberament u skont l-imħabba pura tiegħu, Alla jitkellem il-kelma li tqajjem mill-mewt, mhux bħala tweġiba għal xi mertu tagħna. 

Sidna Ġesù jisħaq li jekk kemm-il darba ma nkunux imwielda mill-ġdid ma nistgħux naraw saltnet is-smewwiet. Mingħajr il-grazzja t’Alla, il-midinbin ma jistgħux isibu l-bieb, u wisq inqas jimbottaw lilhom infushom ġewwa. Ġesù jafferma, “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw.15:5). Meta tkellem dwar is-salvazzjoni, qal: “Għall-bnedmin dan impossibbli, imma mhux għal Alla; għax kollox hu possibbli għal Alla” (Mk.10:27).

Nikodemu tħawwad meta Ġesù saħaqlu li kellu bżonn jitwieled mill-ġdid. Messu fehem mill-Patt il-Qadim li kien midneb ribelluż kontra Alla, u allura jeħtieġ tingħatalu ħajja ġdida. Messu kien jaf x’għallmu l-profeti, kif Alla jneħħi l-qalb tal-ġebel u minflokha jagħti qalb lesta biex tagħmel ir-rieda tiegħu; kif Alla jqajjem lill-mejtin, jagħti d-dawl lill-għomja, u jxandar il-bxara t-tajba lil dawk li ma setgħux isalvaw lilhom infushom.

Ir-riġenerazzjoni hi għotja b’xejn skont il-favur mhux mistħoqq t’Alla. Huwa x-xogħol immedjat u sopranaturali tal-Ispirtu tiegħu maħdum fina. L-effett tiegħu hu li jaqleb il-mewt spiritwali tagħna f’ħajja spiritwali. Jibdel ix-xeħta tar-ruħ, u jdawrilna qalbna lejh. 

In-nies jisimgħu l-evanġelju iżda mhumiex kapaċi jemmnuh minnhom infushom. It-twelid mill-ġdid jagħtihom il-kapaċità biex jirrispondu. Mela t-twelid mill-ġdid jingħaraf għax inissel fil-qalb il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu. Għalhekk it-twelid mill-ġdid jiġi qabel il-fidi; il-fidi tagħna hi l-frott tar-riġenerazzjoni.

Aħna responsabbli nkunu nafu aħniex spiritwalment ħajjin jew le, mhux li nkunu nafu d-data meta Alla nefaħ fina din il-ħajja ġdida.


Titu 3:6. permezz ta’ Ġesù. Ġesù hu l-uniku Medjatur ta’ kull grazzja salvivika (1 Tim.2:5). 


Titu 3:7. iġġustifikati bil-grazzja tiegħu. Imħollija waħidna (Titu 3:3-4) qatt ma stajna nsiru ġusti quddiem Alla. Il-punt f’Titu 3:3-7 hu illi nsiru sewwa m’Alla, milqugħin quddiemu, biss bi ħniena u mħabba mhux meritati daparti tagħna. Kristu hu l-garanti tal-fidili li jlibbishom bil-perfezzjoni tiegħu (Rum.3:21-25). 


Titu 3:8. Il-predikatur imissu regolarment jgħallem id-dottrini profitabbli dwar id-dnub, il-grazzja, it-twelid mill-ġdid, u l-ġustifikazzjoni bil-fidi biss (Titu 3-7), u jeżorta lill-fidili biex jirrispondu bl-opri t-tajba, il-frott naturali tal-grazzja operattiva fil-bniedem. 


Titu 3:14. n-nies tagħna huma l-fidili. Tul din l-ittra Pawlu jenfasizza l-Kristjaneżmu prattiku.