L-Epistola ta' Ġuda


Riv.1:1-22:21. Ir-Rivelazzjoni hu magħruf ukoll bħala l-Apokalissi, mill-kelma Griega, apokalupsis; it-tnejn ifissru ‘kixfa.’ Jagħlaq b’mod xieraq il-qanun tal-Bibbja Mqaddsa, u jservi bħala programm spiritwali, aktarx milli storiku, tal-Kristjaneżmu. Hu d-dramm miktub minn qabel tal-konflitt bejn id-dawl u d-dawl, u l-vittorja finali tad-dawl. Jassigura t-trijonf finali, u allura hu ispirazzjoni f’kull żmien għall-fidili mħabbta u persegwitati, li sikwit huma mibgħuda u kkalpestati minħabba Sidhom.

La nistgħu nifhmu u lanqas napprezzaw is-sinifikat, it-tifsira, l-iskop u d-disinn tal-ktieb mingħajr ma nkunu familjari mal-kontenut tal-Patt il-Qadim; hu ħsieb tal-Patt il-Ġdid espress kważi esklussivament b’lingwaġġ u simboli meħuda mill-Patt il-Qadim. Jagħmel użu estensiv min-numeroloġija, speċjalment in-numru sebgħa. 

Il-ktieb hu mimli bil-preżenza, il-personalità, il-potenza u l-għan ta’ Kristu. Hu rivelazzjoni, jew kixfa, tiegħu. Fid-drama kollha hu l-attur prinċipali. Il-fidwa b’demmu hi enfasizzata. L-avveniment preminenti meta jirritorna fid-dinja hu msemmi ripetutament bħala l-quċċata tal-għan divin. Ir-renju etern tiegħu mal-qaddisin hu mogħti prominenza. Ġesù hu preżentat bħala diġà fuq it-tron tas-sema, u x-xettru tiegħu jiddetermina x’jiġri fuq l-art. 

Għaldaqstant, matul dil-profezija l-qaddisin fid-dinja jingħataw faraġ, inkuraġġiment, u eżortazzjoni biex ma jintelqux. Huma msejħa biex jibqgħu fidili lejn Sidhom li xtrahom, għax ladarba hu rebbieħ, jegħlbu miegħu u fih, minkejja s-sofferenzi fiżiċi. Biex aktar iqawwilhom qalbhom, il-ktieb jiżvela t-tmiem ta’ daż-żmien preżenti, id-destin finali tal-ġusti u l-ħżiena, u jagħti titwila dwar ir-realtà magħrufa bħala l-eternità, speċjalment inkwantu l-feliċità tal-fidili fil-preżenza t’Alla Trinità. 

Ħafna qarrejja jitħawdu u jispiċċaw jiddilettaw fi spekulazzjoni rħisa li ma tiswa xejn spiritwalment, anzi taljena u ttellef. Il-muftieħ għall-interpretazzjoni tar-Rivelazzjoni hu l-istruttura unika tiegħu. Jixbah dramm Grieg ta’ żmien Ġwanni, bil-partijiet diversi tiegħu, l-atturi differenti u, f’intervalli regolari, bil-kor ikanta l-innijiet smewwitija. Kollox ma’ kollox hu żvelat l-għan veru u spiritwali tiegħu: illi l-knisja tingħata konsolazzjoni hi u għaddejja mill-provi, mit-tbatija, u l-oppożizzjoni qalila fid-dinja. 

Dramm jikkonsisti fi prologu, partijiet, atti, xeni, interludji, korijiet, plott u kontraplott, disfatta temporanja u trijonf finali. L-atturi għandhom fi xħin jidħlu u joħorġu. Persuna jista’ jkollha aktar minn rwol wieħed fid-dramm. Finalment jagħlaq b’epilogu. Dawn l-elementi kollha niltaqgħu magħhom fir-Rivelazzjoni, id-dramm l-iżjed importanti u eċċitanti fl-istorja umana.

Id-dramm hu preżentat f’seba’ battuti, kull darba minn angolu differenti u b’enfasi differenti. Kull darba wkoll jikkonkludi bil-miġja ta’ Kristu fl-aħħar jum, jew inkella bil-ġudizzju finali (li dejjem huma abbinati flimkien fl-Iskrittura). Minn hawn nindunaw illi l-preżentazzjoni waslet fi tmiemha, biex tagħmel il-wisa’ għal preżentazzjoni oħra tal-istess realtà drammatika, iżda minn aspett differenti. Ċiklu wieħed iċedi għal ċiklu ieħor, sikwit b’interludju bejniethom, kif ġej:

Rivelazzjoni 1:1-3 jifforma l-prologu.

Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù Kristu fil-glorja, il-persuna preminenti tal-ktieb kollu, hi mogħtija (Riv.1:4-20).

1. L-ewwel ċiklu: is-seba’ knejjes, rappreżentanti tal-poplu t’Alla mill-ewwel sat-tieni miġja ta’ Kristu (Riv.2:1-3:22).

Ir-renju etern ta’ Kristu, wara tmiem did-dinja preżenti, hu msemmi (Riv.3:20-21).

Interludju: qima fis-sema, għanjiet tal-ħolqien u l-fidwa (Riv.4:1-5:14).

2. It-tieni ċiklu: id-drama esibita b’seba’ siġilli (Riv.6:1-17).

L-għadab u l-ġudizzju tal-Imħallef, esibiti fl-aħħar jum, huma msemmija (Riv.6:16-17).

Interludju: fidwa u mistrieħ etern għall-ittribulati (Riv.7:1-17).

3. It-tielet ċiklu: it-trumbetti, ġudizzji fuq id-dinja (Riv.8:1-11:14).

Tipoloġikament, il-qawmien mill-mewt hu msemmi biex jindika tmiem dan iċ-ċiklu (Riv.11:12:-14).

Interludju (is-seba’ trumbetta): adorazzjoni u radd il-ħajr lil Alla (Riv.11:15-19).

4. Ir-raba’ ċiklu: id-dragun u ż-żewġ bestji, trinità ta’ ħażen (Riv.12:1-14:20).

Il-ġudizzju finali t’Alla hu msemmi (Riv.14:17-20).

Interludju: l-għana tal-kantiku mir-rebbieħa (Riv.15:1-4). 

5. Il-ħames ċiklu: il-bwieqi, ġudizzji fuq il-ħażen u l-apostasija (Riv.15:5-16:21).

Disturbi kosmiċi u l-għadab t’Alla fil-ġudizzju finali huma msemmija (Riv.16:17-21).

6. Is-sitt ċiklu: il-Babilonja u l-profeta falz (Riv.17:1-18:24; 19:11-21).

Il-ġudizzju finali hu msemmi (Riv.19:20-21).

Interludju: tifħir lil Alla għall-ġudizzji u s-saltna tiegħu (Riv.19:1-10).

7. Is-seba’ ċiklu: ir-renju tal-qaddisin, ġudizzju fuq Satana u l-ħżiena, u l-hena dejjiema tal-mifdija (Riv.20:1-15).

Il-ġudizzju finali, f’dettall konsiderevoli, hu msemmi (Riv.20:11-15).

L-istat etern: ir-rinovazzjoni tal-univers u l-hena tal-mifdija huma deskritti bħala x-xena finali u grandjuża (Riv.21:1-22:5).

L-epilogu, b’diversi wegħdi, barkiet, struzzjonijiet, talb, theddid u stediniet, hu preżentat (Riv.22:6-21).

Dejjem irridu nżommu f’moħħna illi kull panorama jew ċiklu separat m’għandux ikun ikkonsidrat totalment waħdu, iżda bħala parti komponenti tal-oħrajn kollha, għax f’ċiklu wieħed l-avveniment grandjuż jista’ jkun it-tieni miġja ta’ Kristu, mentri f’ċiklu ieħor ikun il-konflitt spiritwali intensiv u feroċi li ġġarrab il-knisja matul l-istorja tagħha. Ilkoll kemm huma jifformaw partijiet integrali mid-dramm.

Il-prosperità u r-risq kienu l-barkiet evidenti għall-fidili ubbidjenti fil-Patt il-Qadim (Dt.28; Sal.91), meta l-poplu t’Alla kien fl-infanzja tiegħu (Gal.4:1-7). Il-barka speċjali fil-Patt il-Ġdid hi l-avversità u t-tbatija (Ef.3:13; Fil.1:29-30; Kol.1:11-12,24-29). Kristu, bis-salib tiegħu, ta promozzjoni lil niesu għal livell ogħla minn suċċess mondan; jonorahom billi jseħibhom miegħu fis-sofferenzi tiegħu (Fil.3:10). Bħalu, il-knisja tittrijonfa bis-salib. Jekk nissaportu, nirrenjaw ukoll miegħu (2 Tim.2:12), għax b’ħafna tribulazzjoni jeħtiġilna nidħlu fis-saltna eterna tiegħu (At.14:22). 

Ġwanni jfakkarna illi n-nar tal-persekuzzjoni u l-magħmudija tad-demm għandhom ikunu l-marki tal-knisja fidila matul il-pellegrinaġġ tagħha lejn Ġerusalemm smewwitija. Il-knisja trijonfanti hi r-riżultat tal-knisja militanti, f’taqbida kontinwa kontra d-dnub, il-ħażen, l-inġustizzja u l-forzi tad-dlam. L-awtur, eżiljat fuq gżira ċkejkna msejħa Patmos minħabba l-fidi tiegħu, ipenġilna l-korsa tal-żmien, bil-knisja tikkumbatti kontra l-għedewwa, id-dinja seduċenti, b’Satana u d-demonji tiegħu. 

Ix-xenarju mhuwa xejn pjaċevoli, iżda finalment il-vittorja hi żgura għal Kristu u s-segwaċi tiegħu. Bl-interludji diversi tiegħu, l-awtur veġġent joffri konsolazzjoni. Ifakkar illi l-kant tar-rebħa finali se jkun fuq fomm dawk li huma leali lejn Kristu. Il-martri jingħataw kuruni. Il-qaddejja t’Alla se jkunu magħrufa u rikonoxxuti minnu. Hekk nifhmu tabilħaqq illi s-sofferenzi preżenti huma għaddiena u ma jaqblilniex nikkomparawhom mal-glorja eterna li għad nirtu (Rum.8:18). 

Mingħajr l-interludji l-ktieb jagħti stampi suwed u pessimistiċi: gwajijiet, ġudizzji, terremoti, gwerer, għaks, qirda, imwiet, inġustizzja, disturbi kosmiċi, demonji, dragun, bhejjem salvaġġi, u l-bqija. L-interludji huma importantissmi: iservu ta’ linja fiddiena madwar is-sħab iswed. Jagħtu tama fejn kollox jidher bla tama. Jiżvelaw l-imħabba speċjali t’Alla għall-maħturin tiegħu fost il-kruha ta’ dinja ribelluża. Joffru konsolazzjoni mingħand “Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor.1:3; cf., 1 Pt.5:6-11). 


Riv.1:2. testimonjanza ta’ Ġesù. Minħabba l-imminenza jew ir-realtà ta’ persekuzzjoni li heddet illi tgħakkes ix-xhieda evanġelika (Riv.17:6), ir-Rivelazzjoni hu kkargat bit-tema ta’ ‘xhieda.’ Kristu hu x-xhud preminenti (Riv.1:5; 3:14; 19:11). L-imitazzjoni tiegħu daparti tal-fidili tista’ tinkludi l-martirju (Riv.12:11), ix-xhieda finali. Il-ktieb innifsu hu xhieda intenzjonata biex issaħħaħ ix-xhieda tal-qarrejja. Il-messaġġ tiegħu fih is-siġill ta’ awtorità u awtentiċità divina u sħiħa (Riv.19:10; 22:6,16,20). 


Riv.1:3. Imbierek min jaqra. Il-ktieb mhux biss jippronunzja ġudizzju fuq il-miskredenti li jgħixu bla ndiema, iżda jagħti seba’ barkiet jew beatitudnijiet lill-fidili (Riv.1:3; 14:13; 16:15; 19:9; 20:6; 22:7,14). Hu l-uniku ktieb bibliku li jiġi b’barka għal min jaqrah jew jisimgħu moqri u spjegat ħalli mbagħad jirrispondi b’ubbidjenza. M’għandniex inwarrbuh għax hu pjuttost enimmatiku, simboliku jew diffiċli, għax joffri tama propizja lill-knisja militanti, fit-tislita tagħha kontra l-ħażen. 

iż-żmien qrib. L-epoka kbira li jmiss fl-iżvolġiment tal-istorja ridentiva hi imminenti. Imma għalkemm l-avvent glorjuż ta’ Kristu hu l-avveniment li jmiss, jista’ jiddewwem tant illi n-nies tibda tassumi li qatt mhu se jseħħ, jew tiddubita ċ-ċertezza tiegħu (cf., Mt.24:36-39; 2 Pt.3:3-4). 


Riv.1:4. is-seba’ Spirti hu referenza għall-profezija (Isa.11:2) dwar il-ministeru divers tal-Ispirtu s-Santu, jew inkella għall-kandelabru b’seba’ lampi, il-menora (Żak.4:1-10), ukoll deskrizzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Sebgħa hu n-numru tal-kompletezza, u għaldaqstant hawn hu enfasizzat il-milja u l-perfezzjoni tal-Ispirtu t’Alla. Il-qarrej irid ikun konxju tas-simboliżmu kotran użat matul ir-Rivelazzjoni. 


Riv.1:5. il-primoġenitu tal-mejtin. Fost dawk li kienu jew għad jitqajmu mill-imwiet, Ġesù hu l-preminenti, l-uniku wieħed li hu l-eredi bid-dritt (cf., Riv.3:15; Sal.89:27; Kol.1:15). 


Riv.1:6. Kull min jemmen l-evanġelju ġenwinament jiddaħħal fl-isfera tas-saltna jew ħakma spiritwali t’Alla, kemm f’qalbu kif ukoll fl-imġiba kollha tiegħu. Ladarba huma suġġetti għalih, fl-eternità għad jirrenjaw miegħu (Riv.2:26-27; 3:21; 5:10; 20:4,6).

Bħala saċerdoti, il-fidili għandhom id-dritt jidħlu fil-preżenza tiegħu (Ebr.10:19-22) biex iqimuh u jservuh. Fil-knisja m’hemmx kasta apparti ta’ qassisin mifrudin mil-lajċi; aktarx, il-Kristjani kollha huma qassisin (1 Pt.2:5,9). 

lilu tkun il-glorja u l-potenza. It-tema ta’ qima u tifħir lil Alla testendi tul il-ktieb kollu (Riv.4:8,11; 5:9,13; 7:12; 11:15; 12:10-12; 15:3-4; 19:1-8). It-tifħir sinċier, mogħti bil-fidi lil Alla Trinità, hu parti integrali mit-taqbid spiritwali tagħna. 


Riv.1:7. ġej mas-sħab (cf., Dan.7:13). Huma sħab ta’ glorja. Alla sikwit immanifesta lilu nnifsu f’dawl leqqien, imsejjaħ ix-Xekina jew sħaba ta’ glorja. Ħadd ma seta’ jara l-glorja divina kompletament u jgħix (Es.33:20), għaldaqstant kellha tkun pjuttost mgħottija. Imma meta Kristu jirritorna, il-glorja divina tiegħu tkun kompletament viżibbli, u l-umanità tagħrfu kif inhu tassew, Alla l-Iben, is-Salvatur ta’ niesu u l-Imħallef ta’ kulħadd (cf., Mt.24:29-30; 25:31). 


Riv.1:7. dawk li nifduh huma “dar David” u “l-abitanti ta’ Ġerusalemm” (Żak.12:10), jew l-Lhud, billi kienu direttament responsabbli għal mewtu (At.2:22-23; 3:14-15). 

se jnewħu minħabba fih it-tribujiet kollha tal-art. Dan mhuwiex xegħir jew biki ta’ sogħba jew ndiema ġenwina (cf., Riv.9:21), iżda r-riżultat ta’ ħtija għad-dnub u l-impenitenza, u t-twerwir mill-kastig ċert li l-midneb jaf fih innifsu illi se jirċievu minn idejn l-Imħallef universali (Riv.6:16; cf., Ġen.3:8-10).


Riv.1:8. Jien hu l-Alfa u l-Omega. L-ittri ta’ kwalunkwe alfabett, irranġati fi kliem diversi, jiġbru fihom is-somma ta’ kull tagħrif u komunikazzjoni. Bħalma Alla hu l-Alfa u l-Omega (Riv.1:8; 21:6), Kristu wkoll hu l-Alfa u l-Omega (Riv.22:13; cf., 2:8), u allura divin f’kull sens. Fi Kristu hemm it-totalità ta’ kull tagħrif u għerf (Kol.2:3), għax l-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg. M’hemm xejn barra mit-tagħrif komprensiv tiegħu, għax hu omnixjenti.

Mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu, huwa wkoll l-Omnipotenti (Riv.4:8; 11:17; 15:3; 16:7,14; 19:6,15; 21:22). Jeżerċita kontroll sovran fuq kull persuna u ħlejqa oħra, kull oġġett u avveniment. Lanqas l-iċken nitfa jew “koinċidenza” mhi barra mid-dominju tiegħu.


Riv.1:9. Patmos hi gżira fl-Eġew, żewġ terzi d-daqs ta’ Għawdex, fejn Ġwanni kien eżiljat. Skont Ewsebju, l-Imperatur Nerva llibera lil Ġwanni madwar is-sena 97 w.K. 


Riv.1:10. Kont fl-Ispirtu. L-awtur jispjega illi kien b’mod sopranaturali trasportat mid-dinja materjali għal esperjenza lil hinn mis-sensi normali (Riv.4:2; 17:3; 21:10). L-Ispirtu s-Santu għamlu kapaċi biex jirċievi rivelazzjoni mingħand Alla (cf., At.10:11).

jum is-Sid huwa l-Ħadd, meta Ġesù rxoxta. Jissemma f’das-sens f’bosta kitbiet Kristjani bikrija, meta l-Insara kienu jiltaqgħu flimkien għall-qima (At.20:7).

Il-leħen qawwi hu ta’ Kristu, is-Sid u s-Sultan tal-univers. Jindika setgħa u rilevanza universali tal-messaġġi u l-avvenimenti (Riv.1:15; 4:1,5; 5:2,12; 6:1; 7:2,10; 8:5,13; 10:3; 11:12,15,19; 12:10; 14:7,9,15,18; 19:1,3,6,17).


Riv.1:11. Efesu...Laodikeja. Seba’ bliet fl-Asja Minuri (it-Turkija moderna), imsemmija fl-ordni kif jilħaqhom messaġġier jekk jibda mill-kosta u jivvjaġġa f’ċirku kif idur l-arloġġ. 


Riv.1:12-16. Il-viżjoni mhijiex deskrizzjoni fiżika ta’ Kristu; hi aktarx ġabra ta’ simboli meħuda mill-Patt il-Qadim li flimkien jirrappreżentaw il-glorja tiegħu. 


Riv.1:13. fost il-kandelabri. Ġesù hu l-qassis il-kbir li jservi fost il-lampi dehbija taż-żejt fit-tempju t’Alla (Es.25:31). 

jixbah iben ta’ bniedem. Ġesù hu wkoll is-Sultan potenti li l-Missier ikkommetta f’idejh kull awtorità, u saltna dejjiema (Dan.7:13-14). 

liebes ċulqana sa saqajh u mħażżem mas-sider bi ħżiem dehbieni. Ġesù hu l-messaġġier smewwieti (Dan.10:5-6,11). 


Riv.1:14. Is-suf abjad hu simboliku għall-qdusija ta’ Ġesù glorifikat, kif ukoll tal-eternità tiegħu (Dan.7:9). 

għajnejh bħal fjamma nar iħarsu b’penetrazzjoni fil-qagħda tal-knisja tiegħu, fl-atti kif ukoll il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet ta’ kull fidil (Riv.2:18; 19:12; Ebr.4:13). Hekk Ġesù hu preżentat bħala Mħallef b’dixxerniment perfett u jagħraf x’hemm f’erwieħ il-bnedmin. 


Riv.1:15. saqajh jixbhu bronż imbornat hi referenza simbolika oħra, did-darba għall-ġudizzju divin. Ġesù jimxi fost il-knejjes biex jeżerċita l-awtorità tiegħu ħalli jiddixxiplina u jliġġem id-dnub f’niesu stess.

leħnu bħal ħoss ta’ ħafna ilmijiet. Ġwanni jxebbah il-vuċi awtorevoli ta’ Kristu, li bħalu ħadd ma tkellem (Mt.7:28; Mk.1:22; Ġw.7:46), mal-imwieġ jitkissru fuq il-blat (cf., Eż.43:2).


Riv.1:16. Ix-xabla misnuna ħierġa minn fommu tissinifika l-ħaqq rett ta’ Kristu (cf., Riv.2:16; 19:15), speċjalment fuq dawk li jaħbtu għal niesu u jipprovaw jeqirdu l-knisja tiegħu. Kliemu jinfed ir-ruħ u jeqred lill-għedewwa (Ebr.4:12). 


Riv.1:17. Tabilħaqq, Ġesù hu s-Sid inkomparabbli. Għal din id-dehra Ġwanni jgħid, inxtħitt ma’ saqajh. Din hi reazzjoni komuni meta wieħed jara l-glorja maestuża tal-Mulej Alla (Ġen.17:3; Num.16:22; Isa.6:1-8; Eż.1:28; Dan.8:17-18; At.9:4). 

Tibżax. Kristu hu ġentili u grazzjuż mas-servi tiegħu.

Kristu japplika isem mogħti lil Jaħwè għalih innifsu – l-Ewwel u l-Aħħar – (Riv.22:13; cf., Isa.41:4; 44:6; 48:12). B’diversi modi jikkonvinċina illi hu assolutament divin. Kwalunkwe idoli jibdew u jintemmu; hu qabilhom u jibqa’ warajhom. 


Riv.1:18. l-ħaj. Ir-resurrezzjoni u l-ħajja glorjuża tiegħu jipprovdu ħajja ġdida lil niesu (Riv.2:8; 5:9-10; 20:4-5), u t-tiġdid tad-dinja nfisha (Riv.22:1). 

Il-mewt u Ħades huma essenzjalment sinonimi, iżda l-mewt hi l-kondizzjoni ta’ Ħades, ekwivalenti għal Xeol fil-Patt il-Qadim, il-post tal-mejtin. Kristu jiddeċiedi min jgħix, min imut, meta u kif: għandi l-imfietaħ tal-mewt u ta’ Ħades. 


Riv.1:20. l-anġli litteralment tfisser messaġġiera, b’referenza għall-bnedmin (Lq.9:52; Ġak.2:25). Għalkemm tista’ tirreferi għal dawk l-ispirti qaddejja (Ebr.1:14), bħalma jiġri matul ir-Rivelazzjoni, hawnhekk tirreferi għal messaġġiera tas-seba’ knejjes, possibbilment presbiteri, li jirrappreżentawhom. L-anġli qatt ma jingħad li huma mexxejja fil-knisja. 


Riv.2:1-3:22. Lill-anġlu tal-knisja...ikteb. Kristu, ir-ras tal-knisja, juri għożża intima u interess partikolari fil-kongregazzjonijiet tiegħu mferrxa mad-dinja. Jindirizza lil kull waħda b’mod personali, skont il-ħtieġa u ċ-ċirkostanzi tagħha, b’inkuraġġiment, ċanfir, eżortazzjoni, u wegħda. Jaf sew x’inhu għaddej fosthom. 

Fl-ittri kollha nsibu allużjonijiet interessanti għaċ-ċirkostanzi jew tradizzjonijiet ta’ kull belt partikolari msemmija. Il-ġemgħat huma lkoll inklużi f’sejħa universali biex jibqgħu fidili u jissaportu kull tiġrib u tbatija sakemm il-wegħdi jilħqu t-twettiq tagħhom f’Ġerusalemm smewwitija. It-taqtigħat tagħhom jikkuntrastjaw sew mas-sliem u sodisfazzjon kif preżentati fil-konsumazzjoni (Riv.21:1-22:5). 

Kull messaġġ hu mfassal hekk: 

1. Jingħad lil min hi indirizzata l-ittra. 

2. L-identifikazzjoni ta’ Kristu b’allużjoni li tmur lura għall-maestà tiegħu kif preżentata fl-ewwel kapitlu. 

3. Kristu jikklejmja li jaf, u hekk ifakkar lil niesu dwar l-omnixjenza tiegħu, li miegħu għandhom x’jaqsmu. 

4. Sid il-knisja jagħti l-evalwazzjoni tiegħu, kif ukoll twiddib jew kommendazzjoni, skont il-każ. 

5. Jgħaddi wegħda jew theddida. 

6. Jagħti wegħda lil Min jegħleb. 

7. Finalment appell lil Min għandu widna biex jagħti kas. 


Riv.2:2. ttestjajt lil dawk li jsejħu lilhom infushom appostli. Dil-knisja eżerċitat id-dixxerniment spiritwali, kif għandu jkun. Kienet taf kif tevalwa nies li klejmjaw tmexxija spiritwali, billi kejlet id-dottrina u l-etika tagħhom mal-Iskrittura (cf., 1 Tes.5:20-21).


Riv.2:5. nneħħi l-kandelabru tiegħek minn postu. Il-ġudizzju t’Alla jġib fi tmiemha l-knisja f’Efesu, kif difatti ġara storikament. Knisja partikolari f’post ġeografiku tista’ tant tiddiġenera illi ma tibqax knisja, u tisfaxxa. Hawnhekk Ġesù mhuwiex qed jitkellem dwar salvazzjoni individwali, iżda dwar ix-xhieda ta’ kongregazzjoni u l-funzjoni tagħha bħala knisja organizzata.


Riv.2:6,14-15. In-Nikolajtin kienu segwaċi ta’ Nikola. Involvew irwieħhom fl-immoralità u pperikolaw il-knisja b’tentazzjonijiet senswali. It-tagħlim tagħhom ipperverta l-grazzja divina, li tingħatalna biex nitqaddsu, mhux biex nissoktaw fid-dnub. In-Nikolajtin qalbu l-libertà ta’ Kristu f’libertinaġġ. Kwalunkwe tagħlim illum li jħajjar għad-dnub għandu jkun imwarrab u kkundannat minnufih.


Riv.2:7. min jegħleb hu l-Kristjan veru (1 Ġw.5:4; Riv.2:11,17,26; 3:5,12,21). jiekol mis-siġra tal-ħajja. Il-kredenti ġenwini jgawdu l-wegħda tal-ġenna, mhux l-Għeden, iżda l-ħajja eterna u indistruttibbli fil-preżenza t’Alla l-imbierek.


Riv.2:9. dawk li jsejħu lilhom infushom Lhud, iżda mhumiex. Fiżikament kienu Lhud, iżda ma ġabux ruħhom bħala “tifħir” lil Alla, kif tfisser il-kelma “Lhudi.” Aktar kienu jixbhu lill-pagani (cf., Rum.2:28). 

Billi rroftaw lill-Messija Ġesù, il-Lhud, imwaħħlin fil-Ġudaiżmu, saru sinagoga ta’ Satana, miġmugħa flimkien biex jaqdu lill-ingannatur ewlieni fl-għama tagħhom (2 Kor.4:4), u kienu theddida għall-knisja bħalma kienet il-qima tal-imperatur. 


Riv.2:10. il-kuruna tal-ħajja hi l-premju li hu l-ħajja nfisha, mhux kuruna attwali biex iżżejjen ir-ras. 


Riv.2:11. L-ewwel mewt hi biss fiżika, meta r-ruħ toħroġ mill-ġisem, u l-ġisem jitniżżel fil-qabar; it-tieni mewt hi spiritwali, għax tindika s-separazzjoni tar-ruħ minn Alla għall-eternità fl-għadira tan-nar. Il-Kristjan hu assigurat li din it-tip ta’ mewt ma tmissux. 


Riv.2:13. fejn hemm it-tron ta’ Satana tissinifika l-kwartieri ta’ oppożizzjoni satanika u bażi pagana għar-reliġjonijiet foloz. Fuq l-akropoli f’Pergamu kien hemm artal kbir, f’għamla ta’ tron, iddedikat lil Żews. Asklepios, alla tal-fejqan, kien l-alla l-aktar assoċjat ma’ Pergamu. Il-forma tiegħu, bħal serp, għandu sal-lum is-simbolu tal-mediċina. 

Antipa probabbilment kien membru fil-knisja hemm, forsi wieħed mill-mexxejja tagħha. It-tradizzjoni tgħid li kien mixwi ġewwa barri tar-ram isfar fi żmien l-Imperatur Domizjanu (81-96 w.K.). 


Riv.2:14-15. jżommu mat-tagħlim ta’ Balaam. Balaam (Num.22-25; 31:16) prova, bla ma rnexxielu, jipprostitwixxi d-don tiegħu tal-profezija biex jisħet lil Iżrael għall-flus offruti lilu minn Balak, is-sultan ta’ Mowab. Allura, aktar tard, fassal komplott biex in-nisa Mowabiti jisseduċu lill-irġiel Iżraeliti ħalli jiżżewġu bejniethom. Ir-riżultat kien l-unjoni moqżieża ta’ Iżrael fl-immoralità u festi pagani. 


Riv.2:17. manna l-moħbija. Bħalma l-Lhud kienu sostnuti fid-deżert bil-manna, Alla jwiegħed illi jagħti lill-fidili ġenwini l-ħobż spiritwali li d-dinja miskredenti mhix kapaċi tarah: Ġesù Kristu (cf., Ġw.6:51). 

Meta atleta joħroġ rebbieħ fil-logħob, sikwit kien jingħata, bħala parti mill-premju, ġebla bajda, il-biljett tiegħu biex jidħol għaċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebbieħa aktar tard. Il-feliċità tal-ġenna hi mwiegħda lil dawk li jinsabu fil-pussess ta’ Kristu, u allura konkwistaturi miegħu. 

L-isem ġdid hu l-messaġġ personali mingħand Kristu lil dawk li jħobb, li jservihom bħala mogħdija għall-glorja eterna. Hu tant personali illi biss il-persuna li tirċevih se tkun taf x’inhu. 


Riv.2:20. Ġeżabel hu probabbilment psewdonimu għal mara li influwenzat il-knisja bil-mod kif ir-Reġina Ġeżabel, mara pagana, influwenzat il-Lhud fil-Patt il-Qadim għall-idolatrija u ż-żena (1 Slat.16:31; 19:1-2; 21:5-26; 2 Slat.9:30-37). 


Riv.2:23. t-tfal tagħha. Meta kiteb Ġwanni l-knisja kienet ilha teżisti mal-erbgħin sena, u t-tagħlim tagħha pproduċa t-tieni ġenerazzjoni li rreklamat l-istess debuxxaġni.

nfittex l-imħuħ u l-qlub. Alla għandu tagħrif perfett u intimu ta’ kull qalb umana; ebda ħażen ma jista’ jkun moħbi minnu (Sal.7:9; Prov.24:12; Ġer.11:20; 17:10; 20:12). 

skont l-opri tagħkom. L-għemejjel u l-atti tal-bnedmin huma dejjem il-bażi għall-ġudizzju futur (Riv.20:12-13; cf., Mt.16:27; Rum.2:6). L-opri tagħna ma jsalvawniex, f’ebda sens; il-mertu hu biss ta’ Kristu (Ef.2:8-9). Iżda l-ubbidjenza u d-dedikazzjoni lejn is-Sid ġdid tagħna huma evidenza konkreta illi tabilħaqq irċevejna l-grazzja, għax Alla mhux biss jaħfrilna iżda bl-istess grazzja jnaddafna mill-vizzju u jħarriġna fil-virtù (Ef.2:10; Ġak.2:14-26). 


Riv.2:24. il-ħwejjeġ fondi ta’ Satana. Dan il-libertiniżmu sfrenat kien il-frott ta’ tagħlim illi wieħed hu ħieles biex jingaġġa u jesplora l-isfera satanika, u jipparteċipa fil-ħażen bil-ġisem mingħajr ma jagħmel ħsara lil ruħu. 


Riv.2:28. Għalkemm il-kewkba ta’ filgħodu diġà żernqet fi qlubna (2 Pt.1:19), fiż-żmien propizju, meta narawh wiċċ imb wiċċ, għad ikollna lil Kristu (Riv.22:16) fil-milja tiegħu, f’perfezzjoni morali. 


Riv.3:1. għandek isem illi tgħix, u frattant int mejjet. Spiritwalment il-kongregazzjoni f’Sardi kellha fama bħala knisja, in-nies kienu jagħrfuha bħala knisja, iżda fir-realtà kienet ineffettiva, jew aktar probabbli, kienet popolata minn persuni mhux mifdija u mhux realment riġenerati. Kienu, fil-maġġor parti tagħhom almenu, sikrana aktarx milli qamħ. 


Riv.3:3. se niġi bħal ħalliel mhijiex referenza għat-tieni avvent ta’ Kristu (Riv.16:15; cf., 1 Tes.5:2; 2 Pt.3:10), iżda għall-miġja tiegħu għall-għarrieda fuq knisja fossilizzata u bla ndiema, biex jiġġudikaha u jtemmha. 


Riv.3:4. ma ċappsux ilbieshom, jiġifieri żammew il-karattru tagħhom fl-integrità u s-safa. Xi wħud kienu għadhom twajba, miexja fil-biża’ t’Alla (cf., Ġuda 23). 

L-ilbiesi bojod jappartienu għall-mifdija u jissimbolizzaw il-qdusija u l-purità (cf., Riv.6:11; 7:9,13; 19:8,14). It-tali lbies sabiħ hu riżervat għal Kristu nnifsu (Mt.17:2; Mk.9:3), l-anġli magħżula (Mt.28:3; Mk.16:5), u l-għarusa glorifika ta’ Kristu, il-knisja (Riv.19:8,14). 


Riv.3:5. ktieb il-ħajja hu r-rekordju infallibbli tal-ismijiet ta’ dawk kollha li Alla għażel mill-eternità biex isalvahom, u allura għandhom jidħlu fil-pussess tal-ħajja eterna (Riv.13:8; 17:8; 20:12,15; 21:27; 22:19; cf., Dan.12:1; Lq.10:20). 

qatt mhu se nħassar ismu minn ktieb il-ħajja. Taħt ebda ċirkostanzi l-ismijiet tal-maħbubin t’Alla mhuma se jitneħħew jew jiġu ngassati minnu. Alla jżomm lil tiegħu, u ma jitlef lil ħadd minnhom (Ġw.6:39-40). Xi wħud ipenġu lil Alla lest bil-pinna biex jingassa l-ismijiet ta’ Kristjani li jidinbu serjament. Jaħsbu li Alla qed jgħidilhom: “Jekk tħawwad u ma tirbaħx il-vittorja, hemm ċans titlef is-salvazzjoni tiegħek! Infatti, jekk tkun gravi, inħassar ismek mill-ktieb tal-ħajja!” 

Frattant il-vers hu wegħda, mhux theddida. Id-digriet t’Alla inkwantu s-salvazzjoni tal-maħturin tiegħu hu infallibbli u mhux suġġett għar-reviżjoni, skont x’jagħmlu jew ma jagħmlux il-fidili. Skont il-fedeltà pattwali tiegħu jżommhom. Ġesù jassigura lil tiegħu minn dan, u b’dal-mod jisħaq illi huma salvi fir-relazzjoni tagħhom miegħu. 

B’kuntrast, it-twissija f’Rivelazzjoni 22:19 hi diretta lejn fidili taparsi, li aktarx milli jagħrfu illi jeħtieġu bidla radikali f’qalbhom jipprovaw jibdlu Kelmet Alla biex takkomoda lilhom. It-tali nies ma jiklux mis-siġra tal-ħajja. 


Riv.3:7. il-Qaddis. Kristu, bħall-Missier u l-Ispirtu s-Santu (Sal.16:10; Isa.6:3; 40:25; 43:15; Ħab.3:3; Mk.1:11,24; Ġw.6:69; At.3:14), hu asssolutament u eternament safi u rett; jippossiedi n-natura divina li fuq kollox hi qaddisa (Riv.4:8; 6:10; 15:3; 16:7; 19:2,11). Hu separat għalkollox mill-ħażen. 

Jissejjaħ ukoll il-Veru, għax jitkellem il-verità u s-sewwa biss, kif ukoll għax hu l-ġenwin jew awtentiku, f’oppożizzjoni għal kull “salvatur” falz propost mid-dinja. 

l-muftieħ ta’ David jissinifika illi għandu awtorità sovrana biex jikkontrolla l-entratura fis-saltna eterna tiegħu (Isa.22:22; cf., Mt.16:19; Ġw.14:6). Aktar kmieni hu preżentat bħala s-Sovran li jaħkem saħansitra fuq il-mewt u l-infern (Riv.1:18); hawnhekk hu s-sors tas-salvazzjoni u l-barka. 


Riv.3:8. Il-bieb miftuħ hu għall-entratura fis-saltna (Riv.3:7) jew opportunità għas-servizz (cf., 1 Kor.16:9; 2 Kor.2:12; Kol.4:3). 

ftit għandek setgħa. Bħal ħuthom fi Smirna, fiżikament foqra iżda spiritwalment għonja, il-Kristjani hawnhekk kienu dgħajfa politikament u soċjalment, iżda għamlu l-iktar ħaġa importanti: żammew sħiħ il-kelma ta’ Sidhom. Baqgħu leali lejh (Riv.3:10-11). 


Riv.3:9. jiġu u jmilu quddiemek. Is-Salvatur iwiegħed illi eventwalment u finalment dawk li jkunu ħabbtu lis-segwaċi tiegħu jġegħilhom jirrikonoxxu li huma l-maħbubin tiegħu, bħalma kien imbassar illi l-Ġentili kellhom imilu quddiem l-Iżraeliti (Isa.45:14; 49:23). 


Riv.3:10. jien ukoll se nżommok mis-siegħa tat-tiġrib, li appik tiġi fuq id-dinja kollha biex tittestja ’l dawk li jgħammru fuq l-art. Jidher illi qabel tmiem id-dinja preżenti, se jkun hemm perjodu qasir iżda intensiv ta’ persekuzzjoni għall-fidili (ara Riv.19:19; 20:7-9) u ta’ manifestazzjoni dejjem tiskala tal-għadab divin kontra l-abitanti tad-dinja, l-umanità ribelluża (Riv.6:10; 8:13; 11:10; 13:8,12,14; 17:2, 8). 

Ġesù mhux iwiegħed illi lill-fidili tiegħu jiffrankalhom is-sofferenza jew il-martirju, iżda illi jipproteġihom mill-korla divina u jittrasforma l-martirju tagħhom fi trijonf (Riv.6:10-11; 12:11). Hawn mhux qed jintima illi qabel tibda “t-tribulazzjoni l-kbira,” se jneħħihom mid-dinja. Il-wegħda hi illi l-Mulej jgħasses fuq niesu, jippriżervahom fil-fedeltà lejh, u jagħtihom illi jissaportu t-tbatija bis-sabar.


Riv.3:12. kolonna. Il-fidil għad igawdi post sikur, permanenti u etern fil-preżenza t’Alla.

nikteb fuqu isem Alla tiegħi. L-isem jirreferi għall-karattru; is-Sid Ġesù għad jimmarka l-karattru qaddis t’Alla fuq niesu, identifikati bħala l-mifdija li jappartienu għalih. 

Ġerusalemm il-ġdida. Ir-rebbieħ, jew salvat, għad igawdi ċittadinanza dejjiema fil-belt eterna ta’ sebħ u glorja lil hinn mill-immaġinazzjoni umana. 

ismi l-ġdid. Bħalissa lil Ġesù nsejħulu b’diversi ismijiet u titli. Malli narawh wiċċ imb wiċċ, it-tagħrif uman tas-Salvatur jisseddaq b’tali mod illi dak li nafu issa f’did-dinja ma jkunx jista’ jitqabbel mar-realtà ġdida. U għad jagħtina isem ġdid u etern li bih inkunu nafuh.


Riv.3:14. l-Ammen. Fil-Bibbja “ammen” tissinifika ċertezza u veraċità (cf., Isa.65:16). Il-wegħdi divini huma mwettqa fl-Iben; ċoè, il-pattijiet u l-promessi grazzjużi tiegħu huma garantiti lill-fidi minħabba l-medjazzjoni ta’ Ġesù (2 Kor.1:20). 

ix-Xhud il-fidil u veru. Ġesù jgħaddielna l-verità divina b’mod kompletament affidabbli u perfettament akkurat, bla ma jqarraq (Ġw.14:6). 

F’Kolossi u Laodikea nibtet ereżija illi Kristu hu maħluq (cf., Kol.1:15-20). Ġesù nnifsu jikkoreġi dan l-iżball billi jgħid li hu il-Ħakkiem tal-ħolqien t’Alla, ċoè dak li bdieh, oriġinah jew inizjah (cf., Ġw.1:3). Hu l-ewwel kawża ta’ kulma jeżisti, allura hu l-Ħallieq innifsu. Għaldaqstant hu “l-primoġenitu tal-ħolqien kollu” (Kol.1:15). Bħala bniedem, kellu bidu u twieled; bħala Alla, hu s-suprem, il-Bidu ta’ kollox, għax ħalaq kollox, u allura hu superjuri għalih.


Riv.3:16. fietel...nobżqok minn fommi. Il-kongregazzjoni la ċaħdet lil Kristu apertament u lanqas kienet imħeġġa għalih – bħall-ilma tal-belt, miġub bl-akwadott mill-għejjun jaħarqu ta’ Ħjerapoli. Kienet tikkonsisti f’ipokriti li jippretendu lil jafu u jsegwu lil Kristu, imma fir-realtà ma kinux jappartienu għalih (cf., Mt.7:21-23). Ir-reċtar komdu tagħhom ‘marrad’ lil Kristu. 


Riv.3:17. Jien għani. Ekonomikament, Laodikea kienet tassew rikka, iżda spiritwalment falluta.


Riv.3:18. deheb...ilbiesi bojod...kollirju. Mimlijin bihom infushom, u konfortabbli fil-qagħda patetika tagħhom, is-Salvatur joffri lill-kongregazzjoni l-kontropartijiet spiritwali għat-tliet industriji maġġuri ta’ belthom stess. Kull ħaġa tista’ tittieħed bħala aspett tas-salvazzjoni. 


Riv.3:20. ninsab wieqaf quddiem il-bieb u nħabbat. Kristu qed ifittex jidħol f’din il-miġemgħa li kienet magħrufa b’ismu iżda kienet frustiera għalih. Jekk xi wħud minnhom jagħrfu l-falliment spiritwali tagħhom u jirrispondu bil-fidi fih, jilqagħhom fix-xirka tiegħu, deskritta bħala pranzu bejn il-ħbieb. 


Riv.3:21. ipoġġi miegħi fuq it-tron tiegħi. Espressjoni figurattiva: il-fidili f’ċertu sens jaqsmu ma’ Sidhom il-privileġġ u l-awtorità tiegħu huma u jsaltnu miegħu (Riv.1:6; cf., Mt.19:28; Lq.22:29-30). 

Missieri fuq it-tron tiegħu. Sikwit il-Lhud provaw jaħbtu għal Ġesù biex joqtluh qabel il-waqt, iżda kif jispjega Ġwanni, ma rnexxilhomx għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx (Ġw.7:6-8,30; 8:20). Fl-aħħar Kristu qal: “Ġiet is-siegħa” (Ġw.17:1). Dan kollu jurina li Alla jirrenja; din il-verità nsibuha bħala s-sovranità divina.

Alla jeżerċita sovranità assoluta fuq il-ħolqien tiegħu; hu sovran ukoll fil-providenza u s-salvazzjoni. Dan hu bażiku fil-fidi biblika biex jingħata tifħir xieraq lill-Mulej. Id-dehra t’Alla renjanti nsibuha minn ħin għall-ieħor matul l-istorja (1 Slat.22:19; Sal.11:4; 45:6; 47:8-9; Isa.6:1; Eż.1:26; Dan.7:9; Ebr.12:2; Riv.3:21; 4:2). Jingħad kemm-il darba li l-Mulej jaħkem bħala sultan, u jeżerċita dominju fuq il-kbar u żgħar (Eż.15:18; Sal.47; 93; 96:10; 97; 99:1-5; 146:10; Prov.16:33; 21:1; Isa.24:23; 52:7; Dan.4:34,35; 5:21-28; 6:26; Mt.10:29-31). 

Id-dominju t’Alla hu totali: bħalma jkun irid, hekk jagħżel, u jwettaq kulma jrid, u ħadd ma jista’ jżommlu idu, jew jiffrustra l-pjanijiet tiegħu. Jeżerċita l-ħakma tiegħu fil-korsa normali tal-ħajja, kif ukoll f’interventi iżjed rimarkevoli jew mirakli.

Il-ħlejjaq razzjonali t’Alla, l-anġli u l-bnedmin, għandhom aġenzija ħielsa, jiġifieri, għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjoni personali rigward x’jagħmlu. Ma konniex inkunu entijiet morali, responsabbli għal Alla l-Imħallef, kieku ma kienx hekk. Lanqas ma kien ikun possibbli, kif tagħmel l-Iskrittura, li niddistingwu bejn l-għanijiet ħżiena tal-bnedmin u l-għanijiet tajba t’Alla, li sovranament jinqeda b’azzjoni umana bħala mezz pjanat għall-iskopijiet tiegħu (Ġen.50:20; At.2:23; 13:26-29). 

Madankollu l-fatt li aħna aġenziji ħielsa huwa misterju meta nqisuh fid-dawl tas-sovranità divina. Il-kontroll t’Alla fuq l-azzjonijiet ħielsa tagħna, azzjonijiet magħżula minna nfusna, huwa sħiħ daqs fuq kull ħaġa oħra, imma kif dan jista’ jkun ma nafux. Minkejja dan il-kontroll, Alla mhuwiex, u lanqas jista’ jkun, l-awtur tad-dnub. Alla tana responsabbiltà, bħala aġenti morali, għal ħsibijietna, kliemna u għemilna, skont il-ġustizzja tiegħu. 

Salm 93 jgħallem illi l-ħakma sovrana t’Alla:

1. Tiggarantixxi l-istabbiltà tad-dinja kontra l-forzi kollha tal-kaos (Sal.93:1-4).

2. Tikkonferma li Alla huwa ta’ min jafdah fi kliemu u d-direttivi tiegħu (Sal.93:5).

3. Tagħti sejħa biex niesu jqimuh (Sal.93:5). Is-salm kollu jesprimi ferħ, tama, u kunfidenza fl-Omnipotenti.


Riv.4:1-5:14. fuq it-tron wieħed bilqiegħda. Alla jidher f’xena sabiħa u sublimi: jingħata l-qima bħala Sultan is-sema u l-art. Id-dettalji tad-dehra tiegħu mhumiex deskritti; hekk niftakru illi l-infinità u s-sebħ inesprimibbli tiegħu dejjem jiċċiedu l-komprensjoni umana. 

Hu mdawwar bl-eżerċti anġeliċi (1 Slat.22:19; Ġob.1:6; 2:1; Sal.89:6-7; Eż.1; Dan.7:9-10). Id-dominju tiegħu hu stabilit mill-ħolqien innifsu (Riv.4:11), eżerċitat fil-panorama tal-istorja tal-knisja (Riv.2-3) u l-ġrajja umana (Riv.6:1-22:5), miġjub għat-twettiq tiegħu permezz tal-Medjatur, il-Ħaruf (Riv.5:1-14; 22:1), u ċelebrat f’għanjiet ta’ tifħir (Riv.4:8-11; 5:9-13; 11:17-18; 15:3-4). 

Ir-Rivelazzjoni hu fuq kollox ktieb dwar Alla u l-kobor tiegħu. Is-sigrieti tal-istorja u l-konflitt spiritwali jiċċentraw fuq Alla nnifsu. L-univers kollu hu ddestinat illi jkun mimli bil-glorja divina (Riv.21:22-23), bit-tjieba t’Alla Trinità (Riv.22:1-5) u bil-lodi dejjiema tiegħu (Riv.5:13). Allura l-mostra għar-riżultat tal-istorja hi żvelata f’minjatura hawnhekk (Mt.6:10). 

Meta l-poplu t’Alla hu mhedded, imġarrab u ppersegwitat, it-turija tal-karattru u l-glorja t’Alla hu l-aħjar rimedju. Setgħetu tiggarantixxi l-vittorja finali. Il-ġustizzja tiegħu tassigura l-vindikazzjoni tad-dritt tiegħu, filwaqt li l-bontà u l-manjifiċenza tiegħu huma l-aqwa ċertifikat għall-barka u l-faraġ ta’ niesu. Id-demm tal-Ħaruf juri illi l-fidwa diġà hi miksuba. 


Riv.4:4. L-erbgħa u għoxrin anzjan huma probabbilment rappreżentattivi tal-mifdija kollha (Riv.9-11; 5:5-14; 7:11-17; 11:16-18; 14:3; 19:4), kemm mill-patt l-antik (rappreżentati minn tnax-il tribù ta’ Iżrael) kif ukoll mill-Patt il-Ġdid (rappreżentati mit-tnax l-appostlu). 


Riv.4:6. erba’ ħlejjaq ħajjin. Dawn il-qaddejja anġeliċi t’Alla jfakkruna fil-kreaturi ħajjin jew il-kerubini f’Eżekjel 1 u 10, kif ukoll is-serafini f’Isaija 6. Huma l-gwardjani tat-tron divin (cf., Ġen.3:24; Es.25:17-22; 1 Kron.28:18; Sal.18:10).


Riv.4:10. jitfgħu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron. Konxji illi Alla waħdu hu responsabbli għall-premji tagħhom li rċevew, b’għemilhom jirrikonoxxu l-unur mogħti lilhom u jagħrfu lis-Sultan bħala l-fonti ta’ kull barka għalihom. 


Riv.5:1-14. Mill-ħolqien (Riv.4:11), l-azzjoni issa tiffoka fuq il-fidwa u l-ħolqien mill-ġdid. L-għanijiet t’Alla fir-ridenzjoni u l-ħakma jistgħu jkunu milħuqa biss permezz ta’ dak li hu unikament denju, Ġesù Kristu. Hu l-iljun feroċi, li jissielet kontra l-għedewwa (Riv.17:14; 19:11-21) u fl-istess ħin il-Ħaruf manswet li kien maqtul, hekk li bis-sagrifiċċju tiegħu xtara lil niesu għal Alla (Riv.5:9-10).

Biss Alla fil-milja Trinitarjana tiegħu kapaċi jilħaq dawn l-għanijiet manjifiċenti: il-Missier (Riv.5:1,7), l-Iben (Riv.5:6-7) u l-Ispirtu (Riv.5:6). 

Dan il-kapitlu jikkostitwixxi x-xena introduttorja għall-ewwel ċiklu ta’ ġudizzji li jwasslu sat-tieni avvent ta’ Kristu. L-oriġni tal-ġudizzji hu t-tron u l-għan t’Alla; joħorġu mingħandu bħala l-manifestazzjoni tiegħu, l-Imħallef tal-art kollha. 


Riv.5:1. skroll. Hawnhekk jista’ jirrappreżenta l-patt, il-liġi, il-wegħdi t’Alla, jew testment legali. Imqabbel ma’ Danjel 12:4, l-iskroll probabbilment hu l-ktieb li fih il-pjan t’Alla u d-destin tad-dinja. Il-ftuħ tas-siġilli jimplika t-twettiq tiegħu skont l-intenzjoni t’Alla. 


Riv.5:3. fis-sema jew fuq l-art jew taħt l-art hi espressjoni biblika komuni li tissinifika l-univers kollu; mhix intenzjonata biex tgħallem tliet diviżjonijiet preċiżi. 


Riv.5:4. nibki wisq. Ġwanni jixxennaq biex l-għan tajjeb u għaref t’Alla jiġi fis-seħħ (Mt.6:10), u diffiċli wieħed jifhem jew jindovina kif seta’ jiġri. Madankollu, bis-sagrifiċċju deċiżiv ta’ Kristu miġemgħa innumerabbli hi mifdija (Riv.5:9), u l-għanijiet tal-Esodu u d-dominju oriġinali tal-bniedem huma finalment imwettqa (Riv.5:10). 


Riv.5:5. l-iljun mit-tribù ta’ Ġuda hu wieħed mit-titli l-aktar bikrija tal-Messija (cf., Ġen.49:8-12). Ġesù tana lemħa dwar il-feroċità qaddisa u s-setgħa tiegħu, iżda l-milja tad-dinjità sovrana tiegħu għad trid tidher quddiem kulħadd. 

l-Għerq ta’ David hu titlu messjaniku ieħor (cf., Isa.11:1-10), għax Ġesù hu dixxendent tas-Sultan David; b’forza tremenda se jġiegħel lill-ħżiena biex imilu għall-awtorità tiegħu. 


Riv.5:6. bħallikieku kien maqtul. Fir-realtà Kristu kien mislub u miet, iżda issa hu ħaj għall-eternità (1:18). Biss abbażi tas-sagrifiċċju u r-resurrezzjoni tal-Medjatur jistgħu l-għanijiet t’Alla għall-istorja umana jkunu mwettqa. 

seba’ qrun. Qrun sikwit jirrappreżentaw is-setgħa (Sal.89:17; 92:10; Dan.7:8; 8:3). F’dal-każ huma simboliċi għall-qawwa tal-ħajja eterna ta’ Kristu mimlija bl-Ispirtu (Ġw.3:34; Rum.8:11; 1 Kor.15:45). 


Riv.5:8. arpa. Strument mużikali antik użat fl-għana tal-poplu t’Alla (1 Kron.25:6; Sal.33:2), iżda wkoll akkumpanja l-profezija (cf., 1 Sam.10:5). L-anzjani, rappreżentattivi tal-knisja mifdija, idoqqu l-arpi b’tifħir u b’indikazzjoni simbolika illi kulma qalu l-profeti ċertament kien se jitwettaq.


Riv.5:9. Il-Patt il-Qadim jantiċipa l-kanzunetta ġdida li titnissel f’qalb li ġarrbet il-fidwa t’Alla (Riv.14:3; cf., Sal.33:3; 96:1; 144:9). Din l-għanja hi diwi minn qabel tal-fidwa finali u glorjuża li Alla għad jintroduċi.

minn kull tribù u lsien u poplu u ġens. Fil-battalja spiritwali, kemm Alla, bid-dritt, kif ukoll ix-xitan, l-impostur, jikklejmjaw lealtà fuq skala universali (Riv.7:9; 10:11; 11:9; 12:5; 13:7; 14:6,8; 15:4; 17:15; 18:3; 19:15; 20:3). Bil-mertu u l-medjazzjoni ta’ Kristu, li ħabbeb il-bniedem mal-Ħallieq tiegħu, il-pjan t’Alla jirnexxi, u jwettaq il-wegħda ta’ barka lill-ġnus kollha mogħtija oriġinarjament lil Abraħam (Riv.7:9-17; 21:24-27; Ġen.12:3; 22:18; Isa.60:1-5).


Riv.5:11. mirjardi hu ammont lil hinn minn kull kalkolu; hu innumerabbli, jew ħafna eluf (Lq.12:1; Ebr.12:22). 


Riv.6:1. U rajt. Bħalma l-viżjoni ta’ Bin il-Bniedem introduċiet editti lis-seba’ knejjes (Riv.2:1-3:22), hekk il-viżjoni tal-Ħaruf li jirċievi l-iskroll (Riv.4:1-5:14) tintroduċi sensiela ta’ seba’ viżjonijiet hekk kif is-siġilli tal-iskroll huma miksura. Dawn il-viżjonijiet jintroduċu strumenti mħaddma mill-Ħaruf biex iġib l-għedewwa tiegħu għall-ġustizzja (l-ewwel erba’ siġilli), jagħtu r-raġuni għall-għadab ġust tiegħu (il-ħames u s-seba’ siġill), u l-klajmaks tal-ħaqq fi tmiem l-istorja umana (is-sitt siġill). 


Riv.6:2-8. Minħabba similaritajiet ma’ Rivelazzjoni 19:11-16 xi wħud jikonkludu li hawn, fuq żiemel abjad, hu Kristu nnifsu, li jikkonkwista permezz tal-evanġelju tiegħu. Però rridu niftakru li jista’ jkun parodija ta’ Kristu. Il-kuntest jaffavorixxi interpretazzjoni oħra. Ir-rikkieb, armat bil-qaws probabbilment jissimbolizza l-kilba ta’ mexxejja militari biex jespandu d-demanji tagħhom, ambizzjoni li twassal għall-gwerra (iż-żiemel aħmar), għaks (iż-żiemel iswed), u mard epidemiku (iż-żiemel pallidu). 


Riv.6:6. Kojniku (bil-Grieg, choinix), bl-Ingliż quart (miżura niexfa) probabbilment kif fih litru. Jissemma hawn biss fil-Patt il-Ġdid. Hawn hi profetizzata karestija qalila, imma mhux neċessarjament f’perjodu wieħed jew post wieħed. 


Riv.6:9. erwieħ il-maqtulin huma n-nies fidili li taw xhieda tal-fidi tagħhom bil-martirju (Riv.7:9,13-15; 17:6; cf., Mt.24:9-14; Mk.13:9-13; Lq.21:12-19). 


Riv.6:10. kemm se ddum ma tiġġudika. Il-qaddisin martri jgħajtu għall-ġustizzja, mhux motivati minn xewqa egoistika, iżda f’armonija mal-ġustizzja tat-tron divin. Jixtiequ jaraw il-ħaqq manifestat kompletament (cf., Sal.13:1; 89:46).

L-umanità hi maqsuma fi tnejn: in-nies t’Alla, li għandhom iċ-ċittadinanza tagħhom fis-smewwiet (Fil.3:20), u f’oppożizzjoni lejhom, dawk li jgħammru fuq l-art, frażi ripetuta tul ir-Rivelazzjoni (3:10; 8:13; 11:10 (db); 13:8,12,14 (db); 17:2,8), ċoè n-nies ribellużi kontra Alla. Frattant l-art hi l-wirt tal-qaddisin; għad tkun tagħhom (Riv.5:10; Mt.5:5). 


Riv.6:11. jistrieħu ftit żmien ieħor (cf., Riv.14:13). Alla jonora talbhom, iżda fiż-żmien maħtur minnu. Difatti Alla ffissa jew iddetermina minn qabel l-għadd tal-ġusti li se jippermetti mewthom bil-martirju, qabel ma jitħarrek biex jeqred lir-ribelli. 

Iċ-ċulqana bajda hi simbolika għall-vittorja u l-purità (cf., Riv.2:17; 3:4-5; 7:9,14). 


Riv.6:12. terremot kbir. Is-soltu terremot jannunzja l-wasla terribbli tas-Sid fil-glorja tiegħu (Es.19:18; Sal.97:5; Eż.38:19-20), iżda l-miġja finali tiegħu se triegħed kemm l-art kif ukoll is-sema (Ħag.2:6; Ebr.12:26-27). 


Riv.6:12-14. Ix-xemx, il-qamar (luminarji stabbli mill-bidu tal-ħolqien, Ġen.1:14), is-sema, il-gżejjer u l-muntanji (Isa.34:4), ħwejjeġ tant solidi, se jitneħħew. Dan kollu jindika li wasal it-tmiem, imħabbar b’dawn id-disturbi kosmiċi straordinarji. 

L-avvent ta’ Bin il-Bniedem iseħħ immedjatament wara fenomeni terribbli li jinvolvu x-xemx, il-qamar u l-kwiekeb (Mk.13:24-26; Lq.21:25-27). Ladarba did-dinja se tkun hekk imriegħda, il-fidili għandhom iqiegħdu t-tama tagħhom f’Alla (Lq.12:32-34; 1 Kor.7:29-31; Ebr.12:25-29). 


Riv.6:15-17. Fl-ewwel miġja tiegħu, naraw lil Ġesù ħanin, ifejjaq il-morda, ibierek il-foqra, ifarraġ lill-imsejkna u jaħfer lill-midinbin (Lq.9:56; 19:10). Primarjament kienet missjoni ta’ salvazzjoni. 

It-tieni miġja tiegħu, però, se tkun waħda ta’ għadab u retribuzzjoni. L-istess wieħed li miet bħala ħaruf (Ġw.1:29) għad jirritorna bħala ljun (Rum.5:5). 

rabja tal-Ħaruf. L-abitanti impenitenti tad-dinja jagħrfu s-sors tal-gwaj tagħhom, u frattant jibqgħu mwebbsa kontra Alla. Fid-disprament tagħhom ifittxu jaħarbu jew jinħbew minn Alla, xi ħaġa assurda (cf., Isa.2:20-21; Ħos.10:8). 

Il-mistoqsija, min kapaċi jibqa’ wieqaf? tassumi li ħadd mhu kapaċi (Naħ.1:5-6; Mal.3:2). Frattant hemm nies li jieqfu quddiemu minħabba l-grazzja tiegħu (Riv.7:1-17). 


Riv.7:1-3. mal-erba’ rkejjen tal-art ovvjament ma timplikax illi d-dinja hi kwadra; aktarx hi figura tad-diskors li tfisser minn kull sezzjoni tal-globu (cf., Ġer.49:36). L-unika darba meta l-Bibbja tirreferi għas-sura tad-dinja, tgħid li hi sfera (Isa.40:22), u mdendla fl-ispazju (Ġob.26:7). 

nissiġillaw l-ilsiera t’Alla tagħna. L-annunz tas-seba’ siġill hu drammatikament imdewwem filwaqt li l-qaddisin jirċievu assigurazzjoni illi Alla jafhom u jħarishom f’nofs it-taqlib deskritt f’kapitlu 6. Huma simbolikament issiġillati bħala sinjal ta’ protezzjoni kif ukoll bħala sinjal illi jappartienu għal Alla (Riv.9:4; 14:1; Eż.9:3-4). 


Riv.7:4-17. L-għadd ibbilanċjat jissuġġerixxi n-numri huma simboliċi. Dawn il-mija erbgħa u erbgħin elf mhumiex litteralment Lhud, iżda Iżrael il-ġdid t’Alla, u huma deskritti bħala l-ilsiera t’Alla tagħna. 

L-istatus ugwali tal-Ġentili mal-Lhud fis-seba’ knejjes (Ef.2:11-22) u l-wegħdi assoċjati biss mal-144,000 (Riv.9:4; 14:1-5) jikkonfermaw dan. Il-qaddisin huma magħrufa lil Alla individwalment, u jinsabu taħt il-ħarsien u fl-għożża tiegħu (v.1-8; Mt.10:30). Ħadd ma jista’ jgħoddhom, tant huma kotrana (Riv.7:9-17).

Iż-żewġ gruppi – il-144,000 u l-folla kbira li ħadd ma seta’ jgħoddha – huma l-istess, il-knisja universali t’Alla. Iż-żewġ gruppi jappartienu għal Alla, u huma niesu u l-ilsiera tiegħu. Ilkoll huma ssiġillati (Rum.4:11; Ef.1:13-14). Kif inhuma 144,000 meta nafu li huma innumerabbli? Ġwanni juża, bħas-soltu, is-simboliżmu. Huma simbolu, mhux statistika. Lanqas nistagħġbu għax jissejħu Iżraeliti, meta nafu li l-maġġor parti tan-nies li jifformaw il-knisja ta’ Kristu huma Ġentili. Dan hu perfettament fil-linja ta’ ħsieb, kif il-knisja hi regolarment u konsistentement deskritti b’termini tal-Patt il-Qadim. (Ara nota fil-Galatin 6:16).

B’mod indirett Ġwanni ma jħallina f’ebda dubju illi l-144,000 huma l-knisja sħiħa. Kull tribù jikkontribwixxi 12,000, xejn inqas u xejn aktar; il-lista ta’ tribujiet kif jagħtiha hu ma tinstab imkien fil-bqija tal-Bibbja; wieħed mit-tribujiet, Dan, hu mħolli barra, u n-nuqqas tiegħu jimtela bl-inklużjoni ta’ wieħed minn ulied Ġużeppi kif ukoll b’Ġużeppi nnifsu. 

Minn perspettiva oħra Ġwanni jippreżentalna l-knisja bħala għadd ma jitkejjilx ta’ nies mifdija minn kull ġens u tribujiet u popli u ilsna. Bħall-144,000 huma l-qaddejja t’Alla, u allura huma l-issiġillati bħalhom (Riv.7:3), u jekk huma ssiġillati, huma l-144,000 (Riv.7:4). Imma kif jista’ numru limitiat, l-Iżaeliti kollha, ikunu fl-istess ħin multitudni innumerabbli ta’ nies meħuda minn kull nazzjon? Alla kapaċi jgħodd l-istess xagħar ta’ rasna (Mt.10:30), u allura hu faċilissmu għalih jgħodd l-irjus kollha ta’ niesu. Is-Sid jaf lil dawk li huma tiegħu (2 Tim.2:19), u Ġwanni jisma’ d-dikjarazzjoni tat-total, mogħti simbolikament bħala 144,000 (Riv.7:4). Imma mbagħad jara illi dan it-total definit, magħruf għal Alla, hu mill-perspettiva umana, ġemgħa innumerabbli ta’ nies (Riv.7:9). Mil-lat t’Alla, huma l-Iżrael tiegħu, niesu; mil-lat uman, huma meħuda minn kull pajjiz taħt is-sema. 


Riv.7:9. Il-friegħi tal-palm huma assoċjati maċ-ċelebrazzjoni, inkluża fl-Għid tal-Għerejjex (Lev.23:40; Neħ.8:17; Ġw.12:13). 


Riv.7:10. Is-salvazzjoni hi t-tema tal-qima tal-mifdija, u jagħrfu liberament illi tappartieni għal Alla tagħna (19:1; Ġob.2:9; Sal.3:8; 37:39; 62:7; Isa.43:11; 45:21; Ġer.3:23; Ħos.13:4), li sovranament sejħilhom għalih innifsu permezz tas-sagrifiċċju tas-salib. 


Riv.7:14. ħarġu mit-tribulazzjoni l-kbira. Hemm min jidentifika t-tribulazzjoni l-kbira ma’ perjodu finali ta’ persekuzzjoni ftit qabel l-avvent ta’ Kristu. Imma persekuzzjoni, afflizzjoni u tbatija jiġru tul il-ġenerazzjonijiet kollha tal-knisja, hekk li l-perjodu sħiħ jista’ faċilment ikun deskritt bħala żmien ta’ tribulazzjoni kbira (2 Tes.1:5-7; 2 Tim.3:1,12). Niftakru dejjem illi r-Rivelazzjoni nkiteb biex jikkonforta lill-Insara fi żmien l-awtur innifsu, apparti li jservi ta’ faraġ għad-dixxipli kollha ta’ Kristu fil-ġenerazzjonijiet sussegwenti. 

ħaslu ċ-ċlieqen tagħhom (cf., Riv.19:8). Alla jsalvana billi jagħmilna preżentabbli quddiemu: jiġġustifikana, ċoè jiddikjarana bħala ġusti quddiemu, darba għal dejjem, appena nafdaw fi Kristu Ibnu). Abbażi ta’ hekk, iqaddisna wkoll, voldiri jagħmilna ġusti fi mġibitna (1 Kor.6:9-11; Titu 2:11-14). 

demm il-Ħaruf – referenza għas-sagrifiċċju ta’ tpattija magħmul minn Ġesù fuq il-Golgota – hu l-kawża meritevoli għar-rikonċiljazzjoni u aċċettazzjoni tal-fidili quddiem Alla (Riv.1:5; 5:9; cf., Rum.3:24-25; 5:9; Sal.51:7). 


Riv.7:15-16. Is-sofferenzi tal-fidili msemmija ftit aktar kmieni issa huma esperjenza passata; Ġwanni jirrifletti fuq il-wirt futur u smewwieti tagħhom. Bħal dejjem, it-tbatija twassal għall-glorja, skont il-mostra profetika stabilita (Lq.24:26; 1 Pt.1:10-11). 

Mhux se jġuħu iżjed: darba batew, issa jgawdu (Lq.16:19-25). Bħala qassisin iservu lil Alla fit-tempju tiegħu, u kwalunkwe skumdità u toqol ta’ dil-ħajja tkun imwarrba darba għal dejjem – lanqas ma tkiddhom ix-xemx (cf., Isa.49:10). 

Alla jirfex it-tabernaklu tiegħu fuqhom, jgħożżhom u jħarishom. Fuq kollox jgħammar magħhom fis-safa u l-perfezzjoni (cf., Eż.37:27; Ġw.1:14).


Riv.7:17. il-Ħaruf...se jirgħahom. Hawn għandna taħlita sabiħa ta’ xbihat. Il-Ħaruf, Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb (Ġw.10) minn dejjem kien u jibqa’ l-gwardjan maħbub tal-merħla tiegħu (Sal.23; Ebr.13:20). Taħt il-ħarsien tiegħu, tul l-eternità, jipprovdilhom l-għejjun ta’ ilma ħaj (Sal.23:1-2). Jagħtihom illi jduqu l-heniet imwiegħda ta’ Ġerusalemm il-Ġdida qabel ma tinżel finalment mis-sema (Riv.22:1). 

Alla għad jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom. B’lingwaġġ poetiku u sabiħ, il-fidili għandhom l-assigurazzjoni illi kull ħaġa negattiva u kerha, ħtija tal-ħażen u d-dnub, se tkun imneħħija. It-tiġrib, il-wied ta’ dmugħ tul dil-ħajja, ikun għadda (Isa.25:8; Riv.21:4). It-tali konfort jagħti lill-martri u fidili oħra mejtin il-mistrieħ huma u jistennew il-qawmien kif ukoll il-kundanna finali tal-oppressuri tagħhom (Riv.6:11; 14:13). 


Riv.8:1-11:14. U s-seba’ anġli li kellhom is-seba’ trumbetti. Hawn jibda ċiklu ieħor fir-Rivelazzjoni. It-trumbetti jqanqlu seba’ ġudizzji li jwasslu sat-tieni avvent ta’ Kristu. Juru l-ħakma ġusta t’Alla fuq l-istorja umana minn angoli differenti. Bħal fil-każ tat-trumbetti wżati fil-battalja ta’ Ġeriko (Ġoż.6), ir-riżultat hu l-waqgħa tal-belt mondana, u fis-seba’ trumbetta tasal il-vittorja kompluta t’Alla. Il-flaġelli jfakkruna fil-kastigi mwikkija fuq l-Eġittu, u hekk jissinifikaw il-ġudizzji t’Alla fuq il-potenza idolatruża. 

Frattant ninnotaw ir-rażna u s-sabar divin; il-katakliżmu li jwassal inevitabbilment għat-tmiem hu pospost, biex jagħti l-opportunità għall-indiema. Il-viżjonijiet tal-gwajijiet inawgurati mill-aħħar tliet trumbetti juru attività demonika intensifikata, kif ukoll vjolenza globali hekk kif toqrob il-konsumazzjoni. 

Imbagħad saltnet did-dinja tkun spiċċat u minflokha jkun hemm saltnet Alla waħidha (11:15). Kull xewwiexi kontra r-renju t’Alla jisfa kkundannat u jkollu jsofri kastig etern. 


Riv.8:2-6. Il-ġudizzji huma mingħand l-anġli t’Alla, li huma quddiem it-tron tiegħu (Riv.8:2). Il-viżjoni f’kapitlu 4 u 5 tibqa’ punt ta’ referenza għal dan iċ-ċiklu ta’ viżjonijiet. Bħall-ġudizzji tas-siġilli, dawn huma esegwiti skont il-pjan divin, u fi qbil mal-ordni tiegħu, għax Alla ċertament jikkastiga d-dnub. Il-ġudizzji, għalkemm qliel, għandhom ċertu limitu, u jwissu dwar il-qirda ġejjiena (cf., Eż.33:1-6; Ġob.2:1) u jservu bħala sejħa għall-indiema (Riv.9:21).

It-talb tal-qaddisin iwettaq rwol notevoli fl-oriġni ta’ dawn il-ġudizzji (Riv.8:3-4). Bħalma l-inċens hu assoċjat mat-talb tal-fidili fis-santwarju mondan (Sal.141:2; Lq.1:9-11), hekk ukoll hu fil-viżjonijiet mogħtija lil Ġwanni (Riv.5:8). Mhux biss il-martri taħt l-artal smewwieti (Riv.6:9-10), iżda l-qaddisin fuq l-art, għaddejjin minn prova qalila, jgħajtu għall-ġustizzja. Għalhekk, nar mill-artal, mnejn jogħla t-talb tal-qaddisin, se jkun mitfugħ fuq l-art bħala ġudizzju; hekk jindikalna illi l-ġudizzji huma, almenu parzjalment, tweġiba għat-talb tal-poplu t’Alla.


Riv.8:7-12. L-ewwel erba’ pjagi tat-trumbetti jolqtu l-erba’ reġjuni maġġuri tal-ħolqien: l-art, il-baħar, l-ilmijiet u s-sema. L-ewwel erba’ bwieqi jaffettwaw l-istess erba’ reġjuni (Riv.16:1-9). Kemm in-nies midinba kif ukoll id-dinja naturali jgħaddu minn pressjoni u taqlib saż-żmien tat-tiġdid finali (Rum.8:18-25). 

Il-qirda finali tal-univers naturali, kif ukoll il-ġudizzju tal-bnedmin, huma l-konsegwenzi assoċjati mat-tieni miġja ta’ Kristu (2 Pt.3:10-12). 


Riv.8:13. Oraklu profetiku sikwit kien jibda bil-kelma tipika Gwaj! (eż., Isa.5:8,11,18,20-22; Am.5:18; 6:1). Dawn l-aħħar tliet trumbetti huma preżentati flimkien bħala tliet gwajijiet (Riv.9:12; 11:14). Il-flaġelli jagħmlu distinzjoni bejn il-ġusti u l-ħżiena, bħalma għamlu l-aħħar kastigi tal-Eġittu fi żmien Mosè. 


Riv.9:1-12. U l-ħames anġlu ttrumbetta. Hekk titqanqal armata terribbli ta’ ġurati, enerġizzati minn sorsi demoniċi (Riv.9:1-2). Ix-xbieha hi meħuda mill-Patt il-Qadim (Es.10:13-15; Ġob.2:1-11), fejn flaġell litteru ta’ ġurati jservi bħala dell ta’ ġudizzju wisq aktar gravi minn eżerċtu kkummissjonat minn Alla (Ġob.2:11). It-terrur maħluq minnhom jikkompara mar-renju tad-dbib (Riv.13:1-10). 

Dawn il-mostri infernali jattakkaw biss il-ħżiena, mhux lill-qaddisin (Riv.9:4). L-impenitenti kultant isofru mqar f’dil-ħajja bħala tidwiqa tal-kastig finali tagħhom (Riv.20:11-15). Il-ħażin hu meqrud mill-ħażen tiegħu nnifsu, u jġib turment fuq ruħu stess. Ingħataw diversi interpretazzjoni għal din ix-xena (u oħrajn fl-Apokalissi), iżda l-prinċipju fondamentali hu l-istess, u applikazzjonijiet diversi tal-prinċipju huma possibbli. 


Riv.9:1. rajt kewkba li kienet waqgħet mis-sema. Din hi referenza għal Satana, li Sidna Ġesù rah jaqa’ bħal sajjetta, riżultat tal-ministeru tad-dixxipli (Lq.10:18; cf., Isa.14:12-14; Riv.12:7). Bl-istess mod, aktar tard, Satana, magħruf bħala d-dragun, jinxteħet mis-sema għal fuq l-art (Riv.12:9).

ngħatatilha l-muftieħ. Il-lingwaġġ juri fiċ-ċar illi Satana mhu kapaċi jagħmel xejn apparti mill-permess sovran t’Alla (cf., “ngħadilhom” f’v.4, u Riv.13:5). 


Riv.9:2. fetħet l-ispiera tal-abbiss. Il-viżjoni turi żieda tremenda ta’ attività demonika, li twassal lill-umanità ribelluża sad-disperazzjoni, hekk kif l-era tar-rażna paċenzjuża t’Alla toqrob lejn tmiemha. 

L-abbiss jissemma seba’ darbiet fir-Rivelazzjoni; hu l-ħabs fejn xi wħud mill-qtajja’ demoniċi huma msakkra, il-post ta’ iżolazzjoni u turment mill-eħrex (Riv.9:1-2,11; 11:7; 17:8; 20:1,3).


Riv.9:5. Qatgħa ġurati normalment tidher għal ftit jiem, imbagħad tgħaddi. F’dan il-każ tibqa’ għal ħames xhur, perjodu estremament twil. 


Riv.9:7-11. l-apparenza tal-ġradijiet tixbah. Id-deskrizzjoni hi grafika ħafna, iżda m’għandhiex tittieħed litteralment; turi li d-demonji huma setgħana, veloċi, intelliġenti, feroċi, u kapaċi joħolqu turment mentali u spiritwali intensiv.


Riv.9:11. Abaddon u Apolljon it-tnejn ifissru “qerried.” Jista’ jkun hemm allużjoni ironika għall-Imperaturi Neruni u Domizjanu; it-tnejn qiesu lilhom infushom simili għall-alla Grieg Apollo. Il-qtajja’ ta’ Satana jiggwerraw kontra s-suġġetti umani tagħhom stess.


Riv.9:15. ippreparati għal dis-siegħa u l-jum u x-xahar u s-sena. Alla jaħdem skont il-pjan predeterminat tiegħu, dejjem skont l-għerf, il-ġustizzja u t-tjieba tiegħu (cf., Mt.24:36; At.1:7). 


Riv.9:13-21. L-Imperu Ruman beża’ minn ħbit daparti tal-Partjani lil hinn mix-Xmara Ewfrat (Riv.9:14), il-fruntiera tal-imperu fuq il-Lvant. Iżda din l-iskumdità mhi xejn imqabbla mal-istampa mogħtija hawnhekk. Theddid minn barra mġarrab mill-Imperu Ruman hu diwi ċkejken tal-jum finali ta’ battalja kosmika. L-avvenimenti f’dal-pass jixbhu lir-Rivelazzjoni 16:14, imma l-konsegwenzi huma inqas severi, u jħallu opportunità għall-indiema (Riv.9:18-21), għalkemm ma jidhirx li l-bnedmin irattbu qalbhom, anzi jibqgħu fil-korsa miġnuna tad-dnub. Dan juri d-depravità totali tal-midinbin (ara wkoll Riv.16:9,11,21; 20:7-10). Kull darba li Kristu joffrilhom biex iduru lejh, jikkalpestaw l-istedina tiegħu u jippreferu jsegwu lil Satana.

Għal darb’ oħra x-xitan jeqred lis-segwaċi tiegħu stess, għax xogħlu hu li jiddistruġġi. Ġwanni jiddeskrivi l-ħsara magħmula mill-aggressjoni militari. Frattant Alla xorta waħda jimponi limiti: terz mill-umanità hi maqtula (Riv.9:15,18).


Riv.9:20. la jaraw ma jistgħu, la jisimgħu u lanqas jimxu. Kwalunkwe idolatrija hi assurda u belha; xbihat tal-injam jew metall la huma kapaċi jipproteġu u lanqas isalvaw lill-bnedmin (Dan.5:33; Sal.115:4-8; 135:15-18; Isa.44:12-20). 


Riv.9:21. sħarijiet. Minn dil-kelma Griega, pharmakeia, ħriġna l-kelma “farmaċija” jew “spiżerija,” fejn jinbiegħu mediċini u drogi. Fid-dinja antika d-droga kienet użata biex tmewwet is-sensi u tinduċi stat xieraq għall-esperjenzi reliġjużi u okkultisti, bis-sħarijiet u prattiċi illeċiti oħra (Riv.21:8; 22:15). 


Riv.10:1-11:14. Hawn għandna żewġ xeni li jiffokaw fuq in-nies t’Alla, u r-rwol profetiku tagħhom matul iż-żmien ta’ prova. Fl-ewwel waħda (Riv.10) Ġwanni jirċievi messaġġi profetiċi u hu kkummissjonat biex jnedihom. It-tieni xena tpenġi l-istorja taż-żewġ xhieda u l-ambjent usa’ tagħhom. 


Riv.10:1-11 (cf., Eż.2:1-3:11; Dan.10:5-6). Ġwanni jirċievi l-messaġġi profetiċi ta’ skroll żgħir. B’mod grafiku jingħad kif l-appostlu xwejjaħ irċieva s-setgħa biex jissokta l-profezija tiegħu. Ċertament ir-rwol tiegħu huwa uniku, frattant f’diversi modi jservi bħala eżempju u mostra għax-xhieda tal-knisja. Il-fidili matul iż-żminijiet imisshom jgħożżu f’qalbhom il-messaġġ tal-ktieb (Riv.1:3), jgħixu fid-dawl tiegħu, u jkunu lesti jikkomunikawh lid-dinja kollha: popli u ġnus u ilsna u slaten. 


Riv.10:1-2. Jidher anġlu b’saħħtu, jirrifletti l-glorja t’Alla u s-sovranità tiegħu (Riv.1:14-16; cf., Eż.1:27-28; Dan.10:5-6). Il-maestà anġelika tirrinforza l-awtorità u s-sors divin tal-messaġġ. 


Riv.10:4. Issiġilla...tiktibhomx. Il-fidili ma ngħadilhomx kollox; hekk il-poplu t’Alla hu msejjaħ dejjem biex jgħix bil-fidi fost il-misterji mhux żvelati tal-għanijiet divini. Ma nafux bosta dettalji, iżda nafu lil dak li jrieġi u jiggverna fuq kollox, hekk li l-fiduċja tagħna fih m’għandhiex għalfejn tkun imriegħda (Riv.22:10; cf., Dan.8:26-27; 12:9). 


Riv.10:5-7. L-anġlu qagħad fuq il-baħar u l-art, b’idu l-leminija mgħollija lejn is-sema. Hekk it-tliet sferi tal-ħolqien (Riv.5:13; cf., Ġen.1:6-10) huma magħquda hekk kif il-Kreatur divin tagħhom hu invokat biex jagħti xhieda għall-ħalfa tal-anġlu (cf., Dan.12:7; ara wkoll Ġen.14:22; Dt.32:40). L-anġlu jaħlef illi l-era tas-sabar fit-tul t’Alla, li involviet ukoll dewmien hekk illi l-martri tiegħu ma kinux vindikati minnufih (Riv.6:10), se tispiċċa la tindaqq l-aħħar trumbetta. 

il-misterju t’Alla hu l-pjan tiegħu biex jgħaqqad kollox fis-sema u fl-art taħt Kristu bħala r-ras (Ef.1:10), ħalli hekk jagħmilha viżibbli għal kulħadd illi l-Iben sovran jorkestra kull avveniment għall-ġid tal-għarusa tiegħu, il-knisja (Ef.1:20-22). Il-misterju jinkludi wkoll l-espressjoni ta’ għadbu, sinifikat bil-ġudizzji tal-bwieqi, lejn dawk kollha li jirreżistu r-renju tiegħu.

bħalma annunzja lill-ilsiera tiegħu, il-profeti. Għalkemm ma kienx żvelat kompletament, il-misterju kien dikjarat mill-profeti tal-antik (cf., Am.3:7). 


Riv.10:9. se jmarrarlek l-istonku. Il-kontenut fih aħbarijiet ta’ tbatija. 

ħelu bħall-għasel (cf., Sal.19:10; 119:103; Eż.2:3). Kelmet Alla tipprovdi komunjoni miegħu u tagħmilnielna possibbli ngawdu tjubitu; il-ħlewwa takkumpanja mqar messaġġ ta’ gwaj. 

Il-Kelma t’Alla tagħtina antiċipazzjoni ħelwa tal-glorja tiegħu u l-vittorja tagħna, u fl-istess ħin tkiddna hekk kif naraw l-għadab tiegħu mferra’ fuq dawk li jirroftaw lil Ibnu. 


Riv.11:1-14. Il-viżjonijiet komplementarji tat-tempju u x-xhieda, bħal dawk tal-144,000 u l-multitudni internazzjonali f’kapitlu 7, jipprovdu ċertezza dwar il-protezzjoni t’Alla, u allura jservu ta’ faraġ. Hawnhekk, konsistenti mal-messaġġ morr u ħelu mogħti lil Ġwanni (Riv.10:10-11), il-ħsieb ta’ ħarsien spiritwali hu minsuġ mal-ħjut skuri ta’ sofferenza fiżika. 


Riv.11:1-3. kejjel it-tempju t’Alla. Eżekjel ra anġlu jkejjel it-tempju (Eż.40:2-3), imma issa Ġwanni hu kmandat ikejjel mhux biss is-santwarju iżda wkoll l-artal, u l-aduraturi fih. Il-kejl ta’ persuni juri l-għożża u l-protezzjoni t’Alla, għax huma fil-pusess tiegħu. It-tempju nnifsu jissimbolizza l-qaddisin (1 Kor.3:16-17; Ef.2:20-22; 1 Pt.2:4-10; Riv.3:12; 21:22). Il-qirda tal-bitħa l-esterna u l-belt il-qaddisa tirrappreżenta l-attakk tal-miskredenti fuq in-nies t’Alla. Spiritwalment huma salvi; fiżikament huma sikwit meqruda u maqtula. 

tnejn u erbgħin xahar (Riv.13:5) huma ekwivalenti għal elf mitejn u sittin jum (Riv.11:3; 12:6) u għal żmien, żminijiet u nofs żmien (tliet snin u nofs; Riv.12:14). Huma nofs ċiklu ta’ sena sabbatika, u jissimbolizzaw il-perjodu qasir tas-sofferenzi mġarrba mill-knisja, li jdumu sakemm jirritorna Sidha (cf., Rum.8:18; 2 Kor.4:17-18). 

Dawn il-kalkoli huma diwi ta’ profeziji antiki (Dan.7:25; 12:7). Ġwanni japplikahom għall-era sħiħa bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu, it-tribulazzjoni l-kbira (cf., Riv.7:14), li tilħaq il-quċċata u l-intensità tagħha fi żmien l-antikrist (Riv.13:7) meta Alla jirtira r-rażna tiegħu minn fuq il-poter tad-dragun biex iqarraq bil-ġnus u jiġborhom għal kontra l-knisja (Riv.20:7-10). 


Riv.11:3-14. L-Iskrittura tirrekjiedi żewġ xhieda għall-konferma ta’ kwalunkwe każ (Dt.19:15; Mt.18:16). Dawn jissimbolizzaw lill-qaddisin, kif inhu suġġerit (cf., Riv.11:7 ma’ Riv.13:7). L-identifikazzjoni tagħhom maż-żewġ kandelabri (Riv.11:4) hi indikazzjoni illi dawn huma figuri simboliċi għax-xhieda tal-knejjes (Riv.1:20). Żewġ kandelabri, aktarx milli sebgħa, huma msemmija, sabiex jimita l-mostra ta’ Żakkarija 4, iż-żewġ żebbuġiet li jissimbolizzaw iż-żewġ midlukin: mexxej irjali biex jerġa’ jibni t-tempju t’Alla (Żak.4:6-10) u qassis il-kbir biex imexxi l-qima fih (Żak.3:1-5). Hekk iż-żewġ xhieda hawnhekk b’mod xieraq jirrappreżentaw lil dawk kollha li l-Ħaruf feda biex iservu bħala qassisin u jirrenjaw bħala slaten (Riv.1:6; 5:10). 

Ix-xoqoq tax-xkora jissimbolizzaw il-messaġġ ta’ ndiema fuq fommhom, imwassal mad-dinja kollha. Min ixidd it-tali lbies kien jesprimi sogħba għad-dnub, umiltà u vistu (cf., Ġen.37:34; 2 Sam.3:31; 2 Slat.6:30; 19:1; Est.4:1; Isa.22:12; 37:1-2; Ġer.6:25; Ġw.3:5; Mt.11:21). Ixandru waqt li l-belt il-qaddisa ssofri tgħaffiġ (Riv.11:2), ċoè l-ministeru tagħhom jiġi bi prezz iebes. 


Riv.11:5-6. Fl-istess ħin jalludi wkoll għall-ministeri ta’ Mosè u Elija, rappreżentattivi tal-liġi u l-profeti (cf., Dt.17:6; Mt.17:3-4; Lq.10:1). Dan jaqbel ħafna man-natura simbolika tal-Apokalissi. Iż-żewġ xhieda, ċoè, il-knisja inġenerali, iwettqu rwol profetiku, billi jferrgħu kelmet Alla bħala ġudizzju jaħraq – nar joħroġ minn fommhom – (cf., 2 Slat.1:10-12), jannunzjaw il-kastig għad-diżubbidjenza u l-apostasija minn Alla – ma tagħmilx xita – bħalma għamel Elija (1 Slat.17:1), u għandhom is-setgħa fuq l-ilmijiet biex jaqilbuhom f’demm, bħalma għamel Mosè (Es.7:14-25), minħabba l-idolatrija lampanti u r-reżistenza kontra r-rieda t’Alla. 


Riv.11:7-10. Iż-żewġ xhieda huma invinċibbli sakemm itemmu t-testimonjanza tagħhom. Alla dejjem għandu knisja fuq l-art biex tixhed għalih fedelment (cf., Mt.24:14). Għalkemm sikwit maħbuta u ppersegwitata, twettaq il-missjoni tagħha. Id-dinja tipprova ssikkitha u tegħlibha, jekk mhux b’seduzzjoni spiritwali, bil-martirju (Riv.11:7; cf., Riv.13:7). 


Riv.11:8. Is-simbolu tal-belt il-kbira kellu sinifikat wiesa’ fi żmien Ġwanni, u jibqa’ s-simbolu rappreżentattiv għal kull imperu li jfittex supremazija u glorja, hekk illi fil-kilba għall-poter jaħqar il-poplu t’Alla. Tista’ tkun il-belt antika ta’ Ġerusalemm, imma s-simboliżmu għandu bosta applikazzjonijiet potenzjali. Il-belt hi l-belt mondana, li tirrappreżenta lill-umanità u ċ-ċiviltà fir-ribelljoni tagħhom kontra Alla. Babel, Sodoma, l-Eġittu, Ġerusalemm miskredenti, Ruma antika, bliet moderni, u l-apostasija finali qabel l-avvent ta’ Kristu, huma kollha eżempji. 


Riv.11:9-14. tlett ijiem u nofs. Iċ-ċelebrazzjoni tar-ribellużi minħabba l-qirda apparenti tal-knisja bil-persekuzzjoni se tkun qasira. Fir-ritorn tiegħu Ġesù Sidna jqajjem lill-umanità mill-mewt: niesu jisimgħu leħnu u jingħataw ġisem immortali u l-milja tal-ħajja eterna. Ikun daħal fihom nifs ta’ ħajja mingħand Alla. 

Ladarba x-xhieda jirrappreżentaw il-knisja militanti fit-twettiq tar-rwol tagħha illi xxandar il-Kelma t’Alla, allura r-resurrezzjoni tagħhom tissimbolizza l-vittorja tal-knisja u x-xhieda tagħha wara żmien ta’ persekuzzjoni. Ħsieb simili hu preżentat f’ċikli oħra (eż., Riv.6:9-10; 20:1-6).

telgħu lejn is-sema’ fis-sħaba. Alla jagħraf lil tiegħu u jivvindikahom, għall-għajb tal-għedewwa tiegħu u tagħhom (cf., Eż.37:10). Ikunu introdotti fis-saltna eterna tiegħu (cf., Dan.7:13-14,27). 


Riv.11:15-18. Dan il-pass hu interludju ieħor wara ċiklu ta’ ġudizzji (Riv.8:1-11:14). Ix-xenarju jiddawwar minn gwaj fuq l-art għall-qima fis-sema. Isegwi l-mostra stabilita: lejn tmiem iċ-ċiklu jew fl-interludju nnifsu jissemma xi avveniment illi nafu se jseħħ fil-konsumazzjoni taż-żmien. Hawnhekk l-erbgħa u għoxrin anzjan ifaħħru lil Alla għax wasal iż-żmien għall-ġudizzju universali, kommess f’idejn Kristu mal-miġja tiegħu.

Sikwit fl-interludji diversi matul il-ktieb, għanjiet mill-konsumazzjoni jdawlu l-mogħdija tal-knisja sofferenti. Jannunzjaw minn qabel il-jum meta s-saltna tad-dinja tkun saret is-saltna t’Alla u tal-Messija tiegħu (Riv.11:15). L-ordni preżenti, meta n-nazzjonijiet u l-ġnus għadhom jeħduha kontra l-Mulej (Sal.2:1-2), se jkun irriversjat. Is-saltna ridentiva t’Alla ġiet inawgurata fl-ewwel miġja ta’ Kristu (Mk.1:15; 9:1; At.2:30-36).

Hawnhekk, mela, l-anzjani – il-knisja kompluta u miġbura fil-preżenza immedjata t’Alla – huma preżentati bħala qed jiċċelebraw jum li għadu fil-futur, meta Alla Trinità jkun beda r-renju tiegħu bla sfida jew insubordinazzjoni, billi jiġġudika l-mejtin (deskrizzjoni aktar dettaljata fir-Rivelazzjoni 20:11-13), jagħti l-premju lill-ilsiera tiegħu (cf., Riv.21:1-7; 22:1-5) u jikkundanna lin-nies li jeqirdu l-art, ċoè lil dawk li ma kinux amministraturi tajba, iżda abbużaw bid-doni mogħtija lilhom, u ma rrikonoxxewx lil Alla (cf., Riv.20:14-15). 


Riv.11:18. ġiet ir-rabja tiegħek, u ż-żmien għall-mejtin biex ikunu ġġudikati. Minn issa r-rabja tiegħu hi espressa kontra l-inġustizzja u l-ħażen uman (Rum.1:18). Imma għad jasal jum meta Alla jsawwab il-korla ġusta u sħiħa tiegħu fuq il-bnedmin ribellużi; din hi tema maġġura fl-Iskrittura (cf., Isa.24:17-23; 26:20-21; 30:27-33; Eż.38:16-18; 2 Tes.1:5-10). 


Riv.11:19. l-arka tal-patt kienet l-oġġett l-aktar qaddis fit-tabernaklu (Es.25:10-22). Ħadd ma seta’ jaraha; kienet imqiegħda wara l-purtiera fil-Qaddis tal-Qaddisin. Il-fatt illi issa dan l-oġġett sagru hu muri jissinifika illi Alla rrivela l-glorja tiegħu, kemm is-sebħ tal-liġi tiegħu (kliem il-patt) kif ukoll il-meravilja ta’ ħnientu (sinifikata bl-għata tal-arka, il-propizjatorju). 


Riv.12:1-14:20. Dan il-pass twil jifforma r-raba’ ċiklu fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni. L-ewwel wieħed iffoka fuq it-tiġrib u l-esperjenza tad-diversi knejjes, rappreżentattivi tal-knisja universali matul is-sekli, mill-bidu sat-tmiem. 

Bħat-tieni u t-tielet ċikli (tas-siġilli u t-trumbetti rispettivament), dawn il-viżjonijiet f’dis-sezzjoni mhumiex innumerati. Jikkonsistu primarjament dwar l-istorja ta’ karattri prinċipali simboliċi: id-dragun, il-mara, id-dbib, il-profeta falz, il-144,000, xandara anġeliċi, u Bin il-Bniedem. 

Bħaċ-ċikli ta’ qablu, dan iċ-ċiklu wkoll iwassal għal viżjoni tat-tieni miġja ta’ Ġesù (Riv.14:14-20). Iċ-ċikli tas-siġilli u t-trumbetti (it-2 u t-3) ffokaw fuq il-ġudizzji li jipproċiedu mit-tron t’Alla minħabba d-dnub. Dan iċ-ċiklu jpenġilna b’mod indimentikabbli n-natura tal-konflitt spiritwali. Bih nafu fiċ-ċar min huma l-forzi fuq iż-żewġ naħat tal-gwerra kosmika spiritwali. 

Alla nnifsu diġà hu rrivelat fl-interludju aktar kmieni (Riv.4 u 5). F’oppożizzjoni għal Alla huma Satana (id-dragun) u l-aġenti tiegħu, id-dbib (Riv.13:1-10) u l-profeta falz (Riv.13:11-18; 16:13). Fuq in-naħa t’Alla hemm niesu, preżentati bħala mara li tagħti d-dawl (Riv.12:1-6,13-17), u bħala ġemgħa safja, magħduda, u protetta (Riv.14:1-5). Dawn iż-żewġ ritratti komplementarji juru lill-qaddisin fil-kapaċità tagħhom bħala xhieda tad-dawl t’Alla, separati mill-korruzzjonijiet tad-dinja. 

B’dal-mod il-fidili huma eżortati biex jibqgħu leali lejn Sidhom u ma jippermettux illi jkunu mkaxkra mis-seduzzjoni tal-qaħba. L-istampi simboliċi juru liż-żewġ naħat mingħajr inkonsistenzi jew konfużjoni, biex hekk tiġi esibita n-natura qalila tal-gwerra spiritwali (Ef.6:10-20). Il-konflitti preżenti għad ikunu segwiti mis-sliem kif deskritt aktar tard, meta l-pjan t’Alla jkun imwettaq totalment (Riv.21:1-22:5). 


Riv.12:1-6. Meta wieħed jikkonsidra kollox, is-sinjal kbir li Ġwanni ra, il-mara liebsa x-xemx, bil-qamar u tnax-il kewkba, tissimbolizza lil Iżrael, il-poplu antik t’Alla (qabbel mal-ħolma ta’ Ġużeppi fil-Ġenesi 39:9-10, u l-profezija f’Isaija 54:1-4 u 66:7-13). Kristu ħareġ minn Iżrael (Mt.1:1; Rum.9:4-5; 2 Tim.2:8), l-ewwel iben imwieled ta’ Marija (Gal.4:4), iben imwiegħed kemm ta’ Iżrael kif ukoll ta’ Eva minn żerniq l-umanità. 

Minkejja l-isforzi sataniċi biex Iżrael jinqered u l-linja messjanika tintilef, it-twelid ta’ Ġesù seħħ kif imbassar mill-profeti (cf., Isa.7:14; 9:6; Mik.5:2-3). Għalkemm apparentement tarbija dgħajfa u bla difiża quddiem id-dragun terribbli, hu merfugħ biex jirrenja m’Alla. 


Riv.12:2. għajtet billi kienet tweġġa’ fil-ħlas u tturmentata biex tiled. Iżrael hu sikwit pinġut bħala omm qed twelled (cf., Isa.26:17-18; 54:1; 66:7-12; Ħos.13:13; Mt.24:8; Mk.4:10; 5:2-3). Il-fidili veri fih agonizzaw għal sekli twal, mixtieqa u mxennqa biex jiġi l-Messija sabiex jeqred lix-xitan, id-dnub u l-mewt.


Riv.12:3. Id-dragun hu s-serpent l-antik, imsejjaħ ix-xitan u Satana (Riv.12:9; cf., 20:2; Ġen.3:1-15; Isa.27:1). Kif inhu deskritt jindika l-qilla mostruża u l-qawwa kbira tiegħu (cf., Dan.7:6-7), li jfittex jopponi l-pjanijiet t’Alla, imma hu ripetutament megħlub bl-atti kbar tal-qawwa salvivika t’Alla (Ġen.3:1,15; Sal.74:13-14; Isa.27:1; 51:9-10; Eż.29:3; Lq.10:18; 11:14-23; Ġw.12:31; Kol.2:15). Jeħodha kontra l-Messija (Riv.12:4-5) u l-qaddejja tiegħu (Riv.12:17) imma se jkun finalment mormi f’kastig dejjiemi (Riv.20:10). Meta tqabbel il-preżentazzjoni tiegħu ma’ dik tad-dbib aktar tard (Riv.13:1) tintebaħ bl-assoċjazzjoni bejniethom. 


Riv.12:4. denbu kines ’l hemm terz mill-kwiekeb tas-sema. L-ispirti ħżiena, jew demonji, f’lega max-xitan jaqsmu miegħu d-disfatta u l-waqgħa tagħhom quddiem il-forzi t’Alla (cf., Riv.12:7-9). Dan jista’ qed jirreferi għall-waqgħa oriġinali ta’ Satana, meta kaxkar miegħu fir-ribelljoni terz mill-anġli (cf., Isa.14:12-15; Eż.28:11-14; 2 Pt.2:4; Ġuda 6). 


Riv.12:5. It-tarbija maskili hi l-Messija mwiegħed (Mk.5:3, eċċ.), imwieled biex jaħkem fuq il-ġnus (cf., Sal.2:9). Ix-xitan ma jirnexxilux jeqirdu (eż., Mt.2:13-18; cf., Lq.4:28-29), anzi hu eżaltat għat-tron t’Alla (cf., At.2:33-36; Riv.3:21). 

Frattant it-tieni viżjoni (Riv.12:7-17) turi illi s-sofferenzi tal-Messija kienu integrali għar-rebħa tiegħu (Riv.12:11; cf., 5:9-10). Il-virga tal-ħadid (tissemma wkoll f’Riv.2:27 u 19:15) mhijiex xettru rjali, iżda ħatar tar-ragħaj, hawnhekk użat bħala simbolu ta’ dominanza sovrana fuq il-ġnus, bħala Sultan suprem (Riv.11:15; 19:15); dawk li ma joqogħdux għall-gvern tiegħu jisfaw imtertqa bl-istess virga bħalma jitkisser il-fuħħar (Sal.2:6-9). 


Riv.12:6. Omm it-tarbija ħarbet fid-deżert, ambjent illi fih in-nies t’Alla huma totalment dipendenti fuqu u fl-istess ħin huma protetti mir-rabja satanika (Riv.12:13-14), bħalma ġara fi żmien Mosè meta l-Lhud ħarġu mill-Eġittu, tbiegħdu minn Faragħun li ħaqarhom, u kienu mitmugħa minn Alla bil-manna fix-xagħri, imħarsa minnu (Es.16:13-18). Illum ukoll, Alla jieħu ħsieb il-knisja, bħalma wkoll tratta ma’ Elija (1 Slat.17:6; 19:5-8).


Riv.12:7-17. Din it-tieni viżjoni toffri aktar dettalji dwar il-vittorja u kif id-dragun kontinwament jipprova jeqred il-poplu t’Alla. 


Riv.12:7-11. Mikiel l-arkanġlu (Ġuda 9) hu l-prinċep spiritwali u l-gwardjan tan-nies t’Alla (Dan.10:13,21; 12:1). Ix-xitan, l-opponent legali tal-kredenti (cf., Riv.12:10-11) hu mkeċċi mill-ġenna. Mikiel jiffunzjona bħala l-aġent ta’ Kristu, is-Sid tiegħu. 

Ir-rebħa tiegħu u tal-anġli qaddisa fuq id-dragun hi konsegwenza tal-qawwa trijonfanti ta’ Kristu bis-salib tiegħu (cf., Kol.2:15). Din il-viżjoni, mela, ma titkellimx dwar il-waqgħa ta’ Satana fi żmien il-ħolqien imma dwar it-telfa tiegħu fil-kruċifissjoni u r-resurrezzjoni ta’ Kristu (Ġw.12:31; Riv.12:12).

Issa x-xitan ma jistax jippressa x-xiljiet tiegħu bħala l-akkużatur ta’ ħutna, għax il-Ħaruf xerred demmu għalihom (Rum.8:33-39). Daparti tagħhom, imantnu t-testimonjanza tagħhom; jafdaw fis-Salvatur imqar jekk ikollhom imutu martri. Ħafna minnhom attwalment ikollhom iċedu għall-mewt fiżika. Huma megħluba mid-dbib, iżda fir-realtà huma l-martri li jegħlbu lid-dbib (Riv.15:2) u lid-dragun li jagħtih is-setgħa. Il-kuntrast hu wieħed sabiħ u ironiku (cf., Riv.11:7 ma’ 13:7). 


Riv.12:12. ftit żmien biss għandu. B’mewtu u l-eżaltazzjoni tiegħu, Ġesù inawgura saltnet Alla fuq l-art (Riv.12:10); hekk iggarantixxa illi t-tirannija tax-xitan għad tinġieb fix-xejn. L-attività demonika hawnhekk (kif ukoll fl-Erba’ Evanġelji) hi konnessa mal-għadab frustrat tax-xitan. 


Riv.12:14-15. ġwienaħ tal-ajkla l-kbira. Alla jerfa’ lejh u jieħu ħsieb lil niesu, bħalma għamel dejjem (cf., Es.19:4). Ġwienaħ sikwit huma simboliċi għall-protezzjoni u għożża (cf., Dt.32:9-12; Sal.91:4; Isa.40:31). Il-knisja hi esposta fid-deżert u frattant mantnuta tul il-pellegrinaġġ tagħha, bħalma kienu l-Lhud fid-deżert f’mixjiethom lejn l-Art Imwiegħda. 

Tinsab taħt il-mira tal-attakk sataniku; dan hu muri b’iktar lingwaġġ metaforiku: is-serpent tefa’ minn ħalqu ilma bħal xmara għal wara l-mara. Bħalma qarraq b’Eva fil-bidu (Ġen.3:13), jibqa’ jipprova jeqred bil-gideb u t-tgħawwiġ tal-verità. Billi x-xitan għarrielu milli jeqred lil Kristu (Riv.12:4-5), jipprova jeqred lil niesu. Juża ħalqu, ċoè l-malinnità u r-rappreżentazzjoni falza (2 Tes.2:9-10; Riv.12:9,15). Meta ma jirnexxilux bl-ingann, jinqeda bil-persekuzzjoni u vjolenza diretta (Riv.12:17-13:10).


Riv.12:17. Ix-xitan ma rnexxilux jeqred lill-Messija (cf., Riv.12:4-5), għax avolja miet, Ġesù kien irxoxtat mat-tielet jum. Lanqas ma rnexxielu jiddistruġġi ’l ommu, ċoè, lil Iżrael. Issa allura d-dragun jagħmel gwerra mal-bqija ta’ nisilha, jiġifieri jaħbat għall-knisja bid-diversi strataġemmi ħajjiena tiegħu. 

L-imsieħba fil-merħla ta’ Kristu huma deskritti bħala dawk li josservaw il-kmandamenti t’Alla u jżommu t-testimonjanza ta’ Ġesù. Ulied Alla, minkejja t-tiġrib sataniku, jippersistu u jipperseveraw fedelment fl-ubbidjenza evanġelika. Jonoraw il-verità rivelata minn Alla kontenuta fl-Iskrittura Mqaddsa. L-ubbidjenza għal kelmtu dejjem hi marka indelibbli tal-fidil ġenwin (cf., Ġw.8:32; 1 Ġw.2:3-6). 


Riv.13:1-10. rajt dbib tiela’ mill-baħar. Kif se naraw, l-arma prinċipali tax-xitan hi d-dbib li joħroġ mill-baħar biex jaħbat għall-qaddisin (Riv.13:2,7). Dan id-dbib, jew bhima, hu kultant identifikat mal-Antikrist (1 Ġw.2:18,22; 4:3; 2 Ġw.7) jew il-bniedem tal-illegalità (2 Tes.2:3-12). Il-kliem midgħi u l-insistenza tiegħu biex jingħata qima jirrinforzaw il-konnessjonijiet bejn dawn it-tbassiriet dwar opponent futur u finali għar-renju preżenti ta’ Kristu. 

Ġwanni jippreżenta d-dbib skont il-viżjoni rekordjata f’Danjel 7, u allura jidher illi d-dbib mhuwiex biss individwu li se jidher fl-aħħar, sewwa sew qabel l-avvent ta’ Kristu, iżda wkoll potenzi dinjija preżenti li jesegwixxu l-gwerra ta’ Satana kontra l-Ħaruf u s-segwaċi tiegħu.


Riv.13:1-2. Id-dbib għandu fattizzi meħuda minn ljupard, ors, iljun kif ukoll jiggwerra kontra l-qaddisin (Riv.13:7). Allura jixbah l-erba’ bestji, jew bhejjem, li Danjel ra ħierġa mill-baħar qabel ma deher Bin il-Bniedem (Dan.7:1-8,21). Billi dawk il-bestji ssimbolizzaw saltniet (jew imperi, Dan.7:17,23), hekk dan id-dbib, kompost minnhom ilkoll, jirrappreżenta kull imperu jew poter uman – l-Eġittu, l-Assirja, il-Babilonja, il-Persja, il-Greċja, Ruma u s-suċċessuri tagħhom – illi jiddomandaw lealtà assoluta, u jinforzaw il-pretensjonijiet tagħhom bil-ġegħil. Id-dbib, bħad-dragun, għandu għaxart iqrun u sebat irjus, biex jintwera li hu l-aġent ta’ Satana, u jopera bl-awtorità kbira tiegħu. 

Ġraw għaxar persekuzzjonijiet imperjali u uffiċjali kontra l-knisja sa żmien Kostantinu fil-bidu tar-raba’ seklu. Fi żmien ix-xwejjaħ Ġwanni, il-persekuzzjoni kienet qalila. Fl-aħħar taż-żmien, sewwa sew qabel l-avvent ta’ Kristu, il-persekuzzjoni wkoll se terġa’ tiqliel (2 Tes.2:4). Bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu l-persekuzzjonijiet jinqalgħu sporadikament (Mt.24:9; 2 Tim.3:12-13; 1 Pt.4:12-19). Kemm mostra ripetuta ta’ oppożizzjoni satanika kif ukoll konċentrazzjoni finali ta’ persekuzzjoni huma mid-dehra suġġeriti fit-2 Tessalonkin 2:7-8. 


Riv.13:3. t-tidriba fatali tiegħu kienet ikkurata. Id-dbib jimita l-Ħaruf (Riv.5:6). Ruma, il-manifestazzjoni tad-dbib fi żmien Ġwanni, apparentement kienet mortalment feruta bis-suwiċidju ta’ Neruni (68 w.K.) u l-kaos ċivili li rriżulta wara, iżda esperjenzaw “resurrezzjoni” fir-renji ta’ Vespasjanu u wliedu Titu u Domizjanu. Imbagħad tul ir-renju ta’ Domizjanu l-persekuzzjoni salvaġġa u bestjali reġgħet fjammat kontra l-knisja. Jista’ jkun illi l-Antikrist finali wkoll ikun sofra tidriba mortali u jfiq minnha, f’imitazzjoni għall-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. 

L-imitazzjoni tal-għadu hi tema komuni fir-Rivelazzjoni:

1. Bħalma hemm Trinità Mqaddsa (il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; Riv.1:4-5), hemm ukoll trinità tal-ħażen (id-dragun, id-dbib u l-profeta falz; Riv.16:13; 20:10). 

2. Bħalma l-Ħaruf hu wieqaf, bħallikieku kien maqtul (Riv.5:6), hemm id-dbib b’ħafna rjus għandu ferita mortali mfejqa (Riv.13:3). 

3. Bħalma Alla jissiġilla lill-qaddisin tiegħu (Riv.7:2-3), hekk l-infidili jirċievu l-marka tad-dbib (Riv.13:16-18). 

4. Bħalma l-għarusa ta’ Kristu hi liebsa l-abjad (Riv.19:7-8), hekk il-prostituta hi liebsa l-porpra u l-iskarlatt (Riv.17:1-6). 


Riv.13:4. Min jixbah lid-dbib? Il-mistoqsija tikkopja t-tifħir ta’ Iżrael lill-Mulej wara l-esodu (Es.15:11). Tirrinforza l-klejm arroganti tad-dbib għall-unuri divini. L-Imperatur Domizjanu wkoll hu magħruf illi saħaq li tingħatalu qima divina. 


Riv.13:5. Id-dbib jitkellem diskors arroganti u dagħa, bħall-qarn fuq ir-raba’ bhima fil-viżjoni profetika (Dan.7:20,25). 


Riv.13:6. L-identifikazzjoni tal-għamara t’Alla bħala dawk li jgħammru fis-sema, tikkonferma illi s-santwarju mkejjel (Riv.11:1) issimbolizza l-qejjiema fih. B’mod simili, il-belt qaddisa hi l-għarusa u l-knisja tal-Ħaruf (Riv.21:2,9-27; cf., Ef.2:22). 


Riv.13:7. jagħmel gwerra mal-qaddisin u jegħlibhom. Il-martirju ta’ ħafna fidili hu apparentement id-disfatta tagħhom, imma l-fedeltà tagħhom li biha jisfidaw imqar il-mewt hi attwalment rebħa. Biha jegħlbu d-dragun u d-dbib, l-aġent tiegħu (Riv.12:11; 15:2). Jidhru telliefa, iżda fir-realtà jgawdu vittorja ma’ Kristu immedjatament f’mewthom (Riv.6:9-11), kif ukoll meta talbhom għad-disfatta finali tad-dbib hu mismugħ (Riv.19:11-21). 


Riv.13:8. kull wieħed li ismu mhux miktub mill-pedament tad-dinja fi ktieb il-ħajja tal-Ħaruf il-maqtul. Skont il-grazzja sovrana tiegħu, qabel il-ħolqien innifsu, Alla għażel individwi sabiex ikunu mifdija bil-mewt ta’ Kristu (Ef.1:4-14). L-idea ta’ ktieb tal-ħajja tissemma bnadi oħra (Es.32:32-33; Dan.12:1; Lq.10:20; Riv.3:5; 17:8; 20:15). 

Ir-reprobati, dawk li mhumiex reġistrati fil-ktieb tal-Ħaruf, skont l-inklinazzjoni midinba tagħhom, jirrikonoxxu u jagħtu qima lid-dbib. Huma ffissati fuq il-ħwejjeġ tal-art, ma jridux lil Alla veru f’ħajjithom, u ġustament għad isofru l-kastig etern. 


Riv.13:9-10. Hawn hu s-saportu paċenzjuż u l-fidi tal-qaddisin. Ir-rotta maħtura minn Alla għall-vittorja ta’ niesu, skont l-għerf u l-ħsieb intraċċabbli tiegħu, hi t-tbatija. Għaldaqstant huma msejħa biex jissaportu. 

Il-perseveranza hi tema maġġura fir-Rivelazzjoni (12:17; 14:12; 16:15; 17:14; 21:7-8; 22:7,10,12,14). Hekk jixraqilhom it-titlu ta’ għallieba, kif sikwit jissejħu (Riv.2-3).


Riv.13:11-18. Ir-rwol tad-dbib ieħor, tiela’ mill-art, hu ta’ propagandist. Jirreklama lill-ewwel dbib u jikkonvinċi lin-nies biex ikunu leali lejh. Iservi għalhekk bħala l-profeta falz (Riv.16:13; 19:20). B’diskors giddieb u malizzjuż, kif ukoll bl-għeġubijiet jew mirakli taparsi, għalkemm sopranaturali, iwettaq xogħlu. Il-poter tiegħu jinsab fl-ingann. Azzjonijietu huma kontrafazzjoni għax-xhieda tal-Ispirtu s-Santu. 

Fi żmien Ġwanni l-kult imperjali fl-Asja ppromwova l-qima tal-imperu u tal-imperatur bħala salvatur divin u leġislatur. L-abbuż ta’ devozzjoni reliġjuża biex timmanipula lin-nies ħalli jkunu devoti lejn l-istat akkost ta’ kollox hu fenomenu mill-antik. 


Riv.13:11. It-tieni dbib jixbah lill-Ħaruf, imma l-kliem giddieb tiegħu jesponih għal min għandu l-għerf minn fuq: attwalment hu bħal dragun (cf., Riv.12:15; 16:13-14; 19:20). 


Riv.13:13. jagħmel illi nar jinżel mis-sema. Il-profeta falz, it-tieni dbib, saħansitra jikkopja l-ġudizzji t’Alla biex iseddaq il-klejm bombastiku tiegħu illi l-ewwel dbib hu divin (cf., 1 Slat.18:38; 2 Slat.1:10; Riv.8:7; 11:5). 


Riv.13:14-15. ngħatalu biex jagħti n-nifs lill-immaġni tad-dbib. Ladarba l-idoli huma biss injam, metall jew ħaġar mejjet (Sal.115:5), l-asserzjoni illi d-dbib hu mogħti permess minn Alla biex jagħti l-ħajja lix-xbieha mejta tista’ tkun biss miraklu falz ħalli l-mitlufa jibqgħu kkonfermati fir-ribelljoni tagħhom kontra Alla. 

Jista’ jkun ukoll illi hawn qed jiddeskrivi xi tip ta’ meravilja maħduma b’qawwa demonika u frattant hi xorta waħda suġġetta għall-kontroll sovran t’Alla. (ngħatalu: cf., Riv.19:20; Dt.13:1-4; 2 Tes.2:9). Dawk li jirrifjutaw illi jqimu s-simbolu tal-istat (Dan.3) jew jaħarqu l-inċens quddiem ix-xbieha tal-imperatur Ruman, jinqatlu. 


Riv.13:16-17. marka fuq idhom il-leminija jew fuq ġbinhom. Il-Lhud ġarrew il-liġi t’Alla fuq idejhom u ġbienhom biex jissinifikaw l-awtorità tiegħu fuq għemilhom u ħsibijiethom (Dt.6:8). La l-marka tad-dbib u lanqas is-siġill t’Alla (Riv.7:3; 14:1; cf., Es.28:36-38; Eż.9:4) m’għandhom għalfejn jittieħdu litteralment bħala sinjali viżibbli u fiżiċi. Jissimbolizzaw il-kontroll spiritwali u l-lealtà tal-qalb u l-imġiba, sew lejn id-dbib kif ukoll lejn il-Ħaruf; u s-siġill t’Alla jiggarantixxi wkoll is-sigurtà u għarfien minn Alla. 


Riv.13:18. In-numru tad-dbib, sitt mija sitta u sittin, probabbilment jissimbolizza defiċjenza u nuqqas ta’ perfezzjoni fil-bniedem, bħala numru ta’ bniedem, f’kuntrast għall-kompletezza u perfezzjoni assoluta t’Alla (simbolizzati bin-numru sebgħa). 

Il-fatt li jista’ jiġi kkalkolat jissuġġerixxi l-użu tal-gematrija, kodiċi antik li juża l-valuri numeriċi tal-ittri fl-alfabett. Saru ħafna tentattivi f’dan il-qasam. Pereżempju, kemm “dbib” kif ukoll “Neruni Ċesri,” miktuba b’ittri Ebrajċi, jilħqu total ta’ 666. Hemm min jgħid li l-Antikrist ikollu dan in-numru, bħala twettiq akbar ta’ avversarju t’Alla fuq skala dinjija. 


Riv.14:1-3. il-Ħaruf wieqaf fuq il-Muntanja Sijon iwettaq il-profezija (Sal.2:6). Jinsab fil-glorja fuq l-għolja qaddisa t’Alla fis-sema (cf., Ebr.12:22), akkumpanjat bl-armata sħiħa tiegħu – 144,000 – nies mifdija, hienja f’komunjoni miegħu, u rikonoxxenti għall-grazzja li rċevew. Is-siġill fuq ġbienhom (ara nota għar-Rivelazzjoni 13:16-17) hu isem il-Ħaruf u isem il-Missier – għelm ta’ pussess u protezzjoni, imwiegħed lil kull konkwistatur fil-gwerra spiritwali (Riv.3:12). 

Huma għannejja bl-arpi tagħhom; jerġgħu jidhru mal-baħar tal-ħġieġ (Riv.15:2-4; cf., 4:6). L-għanja ġdida tagħhom tindika illi huma mifdija; tiċċelebra t-trijonf t’Alla fuq id-dnub permezz tal-Ħaruf (Riv.5:9; 15:3), bħalma l-vittorji passati tal-Mulej kienu ċelebrati bl-għana (Sal.96:1; 98:1; 144:9). 

L-għanja tappartieni biss għal dawk maħfura u mogħtija ħajja ġdida fl-Iben (Sal.33:1-3; 40:3; 96:1; 107:1-3; 144:9-10; 149; Lq.15:10). Din hi indikazzjoni oħra illi l-144,000 m’għandhomx jittieħdu bħala għadd litteru; jirrappreżentaw lill-mifdija kollha. 


Riv.14:4-5. dawk li ma ċċappsux man-nisa, għax huma verġni. Is-segwaċi fidili ta’ Kristu jżommu bogħod mill-Babilonja l-prostituta (Riv.14:8; 17:1-6), u huma leali lejn Sidhom bħala l-għarusa safja tiegħu (Ef.5:26-27; Riv.19:7-8). Il-purità fl-imġiba sesswali hi inkluża bħala element wieħed ta’ din il-purità esklussiva (1 Kor.6:15-20). Il-purità spiritwali tan-nies li għandhom fuqhom isem il-Ħaruf hi ssimbolizzata biċ-ċaħda sesswali tagħhom infushom, l-istess bħalma Iżrael ikkonsagrat għall-gwerra kien obbligat illi jiċċaħħad sesswalment (Dt.23:10-11; 1 Sam.21:5). 

F’għemilhom u f’diskorshom – fuq fommhom ma nstabet ebda gidba – jixbhu lil Sidhom (cf., Isa.53:9). 

huma bla ħtija, għax il-ġustizzja ta’ Sidhom hi magħduda bħala tagħhom, kif ukoll għax huma prattikament imqaddsa għal Alla. 

huma dawk li jsegwu l-Ħaruf kull fejn imur. Il-lealtà lejn Kristu s-Salvatur hi karatteristika tad-dixxipli tiegħu (cf., Mt.16:24; Mk.10:21; Lq.9:23; Ġw.10:27; 12:26; 14:15). 


Riv.14:6-7. l-evanġelju etern hu l-kmand illi kulħadd għandu jagħraf lil Alla bħala Ħallieq u Ħakkiem universali, aktar u aktar għax ir-renju tiegħu u ta’ Ibnu, li ilu mistenni, wasal biex ikun konsumat. Hi aħbar tajba dwar ħajja eterna u daħla fis-saltna t’Alla (Mt.24:14; 1 Kor.15:1-10). 

Biex wieħed isalva jkollu jpartat il-lealtà tiegħu lejn id-dinja, is-sistema satanika tad-dbib, u jagħraf lill-Ħaruf bħala l-Ħellies u Salvatur tiegħu. Fil-Patt il-Ġdid dan hu msejjaħ ukoll l-evanġelju t’Alla, l-evanġelju tal-grazzja, l-evanġelju ta’ Kristu, l-evanġelju tas-sliem, l-evanġelju glorjuż, u l-evanġelju tas-saltna. Hi aħbar tajba illi Alla jsalva bil-maħfra tad-dnub u jdaħħal fix-xirka miegħu lil dawk kollha li jindmu (jagħtu daharhom għad-dnub b’riżoluzzjoni biex ma jipprattikawhx aktar) u jemmnu (jafdaw fi Kristu waħdu bħala l-Feddej tagħhom). 

Jekk il-bniedem ma jagħrafx li hu maħluq għal min għamlu, u allura għandu jservih, hu mitluf, ċoè ma jilħaqx l-għan tal-eżistenza tiegħu. Mill-banda l-oħra, hi aħbar tajba għalina meta nissottomettu ruħna għar-renju ġust u tajjeb ta’ Alla s-sovran, għax hekk biss insibu l-milja u l-iskop tal-eżistenza tagħna. 

Ibżgħu minn Alla, u agħtuh glorja. Din hi tema maġġura, mhux biss fir-Rivelazzjoni, iżda fil-Bibbja Mqaddsa kollha. Issejħilna biex nagħtu unur, glorja, ġieħ, qima, riverenza u ubbidjenza lil Alla, il-Ħallieq tagħna (cf., Prov.23:17; 1 Pt.2:17). 

aduraw lil dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u n-nixxigħat tal-ilmijiet. Il-ħolqien hu prova għal kulħadd illi Alla jeżisti; hu evidenza inkonfutabbli illi ħadd ma jista’ jaħrabha. Kull predikatur jappella għall-kreazzjoni bħala bażi għan-nies kollha biex jemmnu f’Alla u jadurawh (cf., Riv.4:11; 10:6; Ġw.1:9; At.14:15-17; 17:23-28). 


Riv.14:8. Waqgħet il-Babilonja l-Kbira hi eku ta’ profezija antika (Isa.21:9). Qabel ma l-Babilonja hi introdotta fin-narrativa (Riv.16:19; 17:1-18), l-anġlu jannunzja l-qirda tagħha. Bħalma l-Babilonja antika ġarret lil-Lhud fil-jasar, hekk Ruma, fi żmien Ġwanni, kienet il-potenza pagana li eżerċitat ħakma fuq is-slaten tal-art (Riv.17:18), kif ukoll għakkset in-nies t’Alla (Riv.17:6). Frattant il-Babilonja f’dal-ktieb tittraxxendi lil Ruma, għax il-waqgħa diżastruża tagħha sseħħ finalment fl-aħħar tal-istorja umana (Riv.15:1; 16:17-19). 

Tissejjaħ il-Babilonja għax il-belt oriġinali tal-Babilonja kienet iċ-ċentru ta’ idolatrija fejn ir-residenti tagħha bnew it-Torri ta’ Babel, monument għar-ribelljoni umana kontra Alla u kwartieri ta’ reliġjon falza. Alla ġġudika t-tali idolatrija u sussegwentement infirxet skont il-qalb ħażina fil-bniedem (Ġen.11:1-9). 

mill-inbid tal-passjoni tal-fornikazzjoni tagħha. Il-Babilonja, il-prostituta, tirrappreżenta s-seduzzjoni tas-soċjetà bil-prosperità u l-pjaċiri tagħha, u tħajjar għal warajha biex il-bniedem jikkommetti adulterju spiritwali kontra l-Mulej. Hi s-saltna politika, ekonomika u reliġjuża tax-xitan, mifruxa mad-dinja u mħaddma mid-dbib u finalment mill-antikrist. 

L-immoralità sesswali u l-idolatrija (li hi adulterju spiritwali) kienu tentazzjonijiet maġġuri għas-seba’ knejjes (Riv.2 u 3), u jibqgħu għall-knisja universali ta’ Kristu. L-effett tagħhom, bħas-sokor, hu għajb, bluha u disgrejs (Riv.17:2,4; 18:3; 19:2; cf., Prov.9:13-18; Ġer.51:7). 


Riv.14:9-11. Bħall-Babilonja (Riv.16:19), min jissieħeb u jqim lid-dbib ikollu jsofri r-rabja jew l-għadab t’Alla (cf., Sal.75:8; Isa.51:17; Ġer.25:15-16) u l-konsegwenza tiegħu. Hawnhekk il-kastig hu simbolizzat grafikament billi wieħed ikollu jixrob mill-inbid tar-rabja divina. 

d-duħħan tat-turment tagħhom jitla’ għal dejjem ta’ dejjem juri illi l-kastig hu etern (Mt.3:12; 13:41-42; 25:41; Mk.9:48). Il-ħżiena impenitenti mhumiex miġjuba fix-xejn hekk illi ma jibqgħux jeżistu. 

turment hu wġigħ jew pwieni insapportabbli (cf., Lq.16:23-34), hawnhekk imwikkija fuq dawk leali lejn is-sistema satanika. L-għadab t’Alla mhuwiex sbroffaturi impulsivi jew kapriċċjużi ta’ rabja mmirata lejn nies li Alla ma jogħġbuhx. Hi r-reazzjoni stabbilita, konsistenti, bla ħniena jew grazzja, ta’ Alla li hu ġustament avversiv kontra d-dnub. Fil-prinċipju jopponih skont il-qdusija assoluta tiegħu. Ma jistax jibqa’ newtrali dwar id-deni, l-inġustizzja jew il-ħażen uman. 

bin-nar u l-kubrit. Dawn huma żewġ elementi illi sikwit huma assoċjati mat-turment ta’ kastig divin (Ġen.19:24-25; Isa.34:8-10). Ir-referenza hi għall-infern, magħruf ukoll bħala l-għadira tan-nar (cf., Riv.19:20; 20:10; 21:8). Il-kastig etern hu verità terribbli, iżda mhuwiex għaqal niċħduha; hi mgħallma ċar fl-Iskrittura. Minnha wieħed jintebaħ kemm Alla hu infinitament qaddis u jobgħod id-dnub. 


Riv.14:12. Hawn hi l-perseveranza tal-qaddisin, li jżommu l-kmandamenti t’Alla u l-fidi tagħhom f’Ġesù. Il-fidili ġenwini kollha qatt mhuma se jitilfu l-fiduċja tagħhom fis-Salvatur, li għandu ġrew għall-kenn mill-għadab li ġej. L-imwielda mill-ġdid kontinwament jissaportu, sat-tmiem, f’ubbidjenza għall-verità, konsistentement jegħlbu t-tiġrib, jirreżistu l-pjaċiri tad-dnub, ma jinstarmux bis-seduzzjonijiet tad-dinja taħt il-kontroll tad-dbib, u jfittxu jogħġbu lil Sidhom (Ġer.32:38-40; Mt.24:13; Ġw.6:35-40; 10:27-30; Rum.8:31-39; Fil.1:6; 1 Ġw.5:4,11-13,20).


Riv.14:14-20. Hawn aħna preżentati b’żewġ ħassada. Il-ħsad tal-qamħ jissinifika lil Bin il-Bniedem, Ġesù, meta jiġbor lill-fidili tiegħu fil-ġudizzju (cf., Dan.7:13-14; Mt.13:30; Riv.1:7,13). Hu Sid il-ħsad. Deher fostna l-ewwel darba bħala żerriegħ tal-evanġelju (Mt.13:37), u se jirritorna bħala ħassad ġust, illi jagħraf lil tiegħu, u joġborhom fil-maħżen tiegħu (Mt.3:12; Lq.3:17). 

Il-ħsad tal-għeneb juri l-qirda tal-ħżiena (cf., Ġoel 3:12-13), esegwit permezz tal-anġli (Mt.13:36-43,47-50). Mhux biss jiġbru l-għeneb, iżda jgħaffġuh fil-magħsra t’Alla. Il-Mulej jisħaq dawk in-nies li jkunu saħqu l-belt qaddisa tiegħu, ċoè niesu (Isa.63:1-6).

Dan il-pass, mela, juri ż-żewġ aspetti tal-istess avveniment ta’ ġudizzju universali. Jaqbel mal-preżentazzjoni ta’ Sidna Ġesù, fejn l-ewwel jindirizza lill-ġusti, imbagħad lill-inġusti (Mt.25:31-46).


Riv.15:1-8. Kbar u meraviljużi l-għemejjel tiegħek. Bħalma ċikli aktar kmieni bdew bi ftuħ is-santwarju smewwieti (Riv.4:1; 8:1; 11:19), hekk iċ-ċiklu tal-bwieqi bl-aħħar flaġelli, li fih l-għadab t’Alla fuq ir-ribelli hu komplut, hu preċedut b’xena ta’ qima ċelebrattiva offruta mill-qaddisin li għandhom sehem fil-vittorja tal-Ħaruf. 


Riv.15:1. rajt sinjal ieħor fis-sema. Bħal sinjali oħra msemmija qabel (Riv.12:1,3), dawn l-anġli jissinifikaw bidu ta’ perspettiva oħra fuq il-gwerra bejn Kristu u Satana: hawn il-viżjoni tikkonċentra fuq il-kompletezza tat-trijonf t’Alla fil-qirda tal-għedewwa tiegħu. 


Riv.15:2. dawk li ħarġu vittorjużi. Permezz ta’ talbhom il-fidili għandhom rwol xi jwettqu fil-ġudizzji t’Alla (Riv.6:9-11). Bħal f’kapitlu 7, huma protetti mill-ġudizzji li jaqgħu fuq l-art, bħalma l-Iżraeliti kienu protetti mill-kastigi fuq l-Eġizzjani fi żmien Mosè, għax Alla għamel distinzjoni bejn niesu u l-għedewwa tiegħu. 


Riv.15:2-4. L-arpi t’Alla u l-kantiku tal-Ħaruf jissuġġerixxu illi l-kor hu l-istess bħal ta’ qabel, ċoè tal-144,000, in-nies mifdija t’Alla, li jidhru mal-Ħaruf quddiem it-tron (Riv.7:9-12; 14:1-3). 

ħarġu vittorjużi fuq id-dbib billi żammew sħiħ il-fidi tagħhom f’Ġesù, imqar meta mhedda bil-mewt (Riv.12:11). 

il-baħar tal-ħġieġ jidher f’viżjonijiet profetiċi tas-sala tat-tron t’Alla (Riv.4:6; cf., Es.24:10; Eż.1:22,26). Huwa “l-art” tas-sema u “s-saqaf” tal-univers maħluq, u t-trankwillità trasparenti tiegħu juri s-sliem tas-sema f’kuntrast mat-taqlib u l-instabbiltà tal-art.

il-kantiku ta’ Mosè li jiċċelebra l-esodu, il-liberazzjoni u l-fidwa ta’ Iżrael mill-Eġittu (Es.15:1-18), hu mwettaq fil-kantiku tal-Ħaruf, li jitkellem dwar fidwa wisq ikbar, li biha l-imsieħba jifformaw saltna ta’ qassisin (Riv.5:9-10). Għanja aktar tard ta’ Mosè tfaħħar lil Alla, għax ġusti u veri triqatek (Dt.32:1-43; speċjalment v.4; cf., Sal.98:2). L-atti tal-ġudizzji t’Alla qatt mhuma arbitrarji jew bi sfida, iżda huma pagament ġust għad-dnub (Riv.16:5,7; 19:2,11). Alla hu Sultan tal-ġnus bil-ħolqien kif ukoll bil-fidwa (Sal.86:9; Ġer.10:7). 


Riv.15:5-16:21. Dan il-pass twil jifforma l-ħames ċiklu minn sebgħa fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni. Il-bwieqi jippreżentaw perspettivi diversi fuq il-qirda finali tad-dinja preżenti. Jissimbolizzaw l-għadab u l-oppożizzjoni fissa t’Alla kontra l-ħażen, it-tazza li biha l-ġnus jiskru (Riv.14:10; 16:19; cf., Isa.51:17,20,22; Ġer.25:15-29; Lam.4:21; Eż.23:31-34; Ħab.2:16). Jitferrgħu fuq l-ordni t’Alla (Riv.16:1). L-ewwel erba’ bwieqi jixħtu flaġelli fuq l-istess sferi bħall-ewwel erba’ trumbetti (Riv.8:7-12): l-art, il-baħar, ix-xmajjar u għejjun, u x-xemx. Il-ġudizzji tat-trumbetti kienu limitati għal terz ta’ kull sfera (ara wkoll Riv.9:4-5,18) mentri l-qirda mferra’ mill-bwieqi hi totali u twassal għat-tieni miġja ta’ Kristu, għax bil-bwieqi l-għadab t’Alla hu komplut (Riv.15:1). 


Riv.15:8. Meta t-tabernaklu (Es.40:34-35) u t-tempju (1 Slat.8:10-11) kienu kkonsagrati, il-glorja qaddisa t’Alla kienet tant intensa illi ħadd ma seta’ jidħol fis-santwarju. F’dan il-każ ħadd ma seta’ jidħol sakemm is-seba’ flaġelli jkunu mitmuma. Bihom il-ġudizzju t’Alla hu mferra’ totalment (Riv.16:1-21). Jimmarkaw tmiem il-ġrajja umana fuq l-art, kif ikkonfermat mill-qilla u s-severità estrema tagħhom. 

Id-duħħan jew sħab sfiq sikwit jakkumpanja l-preżenza t’Alla, speċjalment meta juri għadbu. L-assoċjazzjonijiet jinkludu l-Muntanja Sinaj (Es.19:9,16,18; 20:18) u l-viżjonijiet ta’ xi profeti (Isa.6:4; Eż.1:4; cf., Num.12:5; Sal.18:8,11; 74:1). 


Riv.16:11. ma nidmux mill-għemejjel tagħhom. Huwa xieraq illi r-reġim imsejjes fuq il-qerq (Riv.13:5,13-14) ikun mitfugħ fid-dlam ċappa. Għalkemm jaħsdu l-uġigħat li żergħu fir-ribelljoni, nies imwebbsa jirreaġixxu billi aktar jeħduha kontra l-Imħallef ġust tagħhom aktarx milli jissogħobihom għall-opri ħżiena tagħhom (cf., Riv.9:20-21; 16:9,21). Dan kollu hu prova tad-depravità totali mal-mitlufa bla ma jirrikonoxxu li hemm Sultan tas-sema u l-art, u fl-istess ħin jintwera l-ħaqq tal-kastig etern (Riv.20:3-15). 


Riv.16:12-14. Is-sitt bieqja tipprepara għall-battalja tal-jum il-kbir t’Alla l-Omnipotenti. Ix-Xmara Ewfrat tixxotta, li fuqha l-Babilonja antika kienet tiddependi għad-difiża (Isa.44:27-28; Ġer.50:38; 51:36). B’dan is-simboliżmu hi espressa t-tneħħija tar-rażna fuq il-kapaċità ta’ Satana biex jiġma’ konfoffa globali kontra l-knisja (ara Riv.20:7-9). 

Il-lingwaġġ militari jalludi wkoll għat-taqbida bejn Alla u Faragħun (Es.15:2), iżda hawn il-panorama hi universali. Insibu aktar dettalji tal-istess konfront finali (Riv.17:13-14; 19:11-21; 20:7-10; cf., 6:12-17). Kollox hu msejjes fuq il-battalja eskatoloġika ta’ Gog u Magog (Eż.38 u 39). Matul is-sekli ninnotaw konfronti intensi bejn Alla u l-forzi ta’ Satana (Riv.2:10,13), iżda l-eqqel wieħed hu dak li jseħħ fit-tieni avvent ta’ Kristu (Riv.19:11-21).

tliet spirti impuri, bħal żrinġijiet (cf., Es.8:2-11) joħorġu mit-trinità tal-ħażen biex mexxejja dinjija jisfaw ingannati b’delużjonijiet ta’ vittorja kontra Alla Trinità (Sal.2:1-2); hekk fis-sovranità divina jkunu miġmugħa għall-qirda finali tagħhom. Spirti impuri jew imniġġsa huma demonji (cf., Mt.12:43; Mk.1:23; Lq.8:29). Dawn huma speċjalment vili, setgħana u qarrieqa (Riv.16:14). 

jagħmlu sinjali, jew għeġubijiet sopranaturali (cf., Riv.13:12-15) maħsuba biex iqarrqu (Riv.19:20; cf., 1 Slat.22:20-23; Mk.13:22; 2 Tes.2:9). Alla waħdu hu omnipotenti; ix-xitan għandu biss qawwa limitata, u jeżerċitaha taħt is-sovranità u s-supremazija t’Alla. Il-Mulej biss għandu s-setgħa joħloq il-ħajja (Ġen.1:1,21; Dt.32:29); ix-xitan mhux kapaċi (Es.8:19). Biss Alla jqajjem il-mejtin (Ġw.10:18; Riv.1:18); ix-xitan ma jistax, għalkemm jagħti n-nifs, jew animazzjoni, lix-xbieha (Riv.13:15). 


Riv.16:15. Imbierek min jibqa’ mqajjem u jżomm ħwejġu. Sidna Ġesù jenfasizza l-ħtieġa ta’ viġilanza kontinwa għar-ritorn tiegħu (cf., 1 Ġw.2:28). Il-Kristjan hu mxebbah ma’ suldat lest għat-taqbida, jew sid dar għassa għall-wasla ta’ ħalliel (Riv.3:3; 1 Tes.5:2,4; 2 Pt.3:10). 


Riv.16:16. Ħarmagedon. F’Iżrael antik, Megiddo kienet pjanura, is-sit ta’ xi battalji importanti (Imħ.5:19; 2 Slat.23:39). Tirrappreżenta l-kumbatt globali (Riv.20:9) u l-konflitt finali bejn Kristu u Satana. Hi assurdità nimmaġinaw illi hi battalja littera bejn żewġ armati. Bit-tali lingwaġġ Ġwanni, bħas-soltu, jissinifikalna r-realtà tal-għadwa intensa bejn it-tajjeb u l-ħażin, li finalment trid tiġi riżolvuta. 


Riv.16:17-21. Is-seba’ bieqja ġġib pronunzja mit-tron t’Alla: Magħmul (cf., Riv.21:6). Il-pjan t’Alla laħaq it-tmiem tiegħu (Riv.10:7), għadbu kontra l-ħażen hu mitmum (Riv.15:1,8), u saltnatu waslet fil-milja kollha tagħha (Riv.11:15). 

Bħaċ-ċikli l-oħra, jikkonkludi bit-tieni miġja ta’ Kristu, għalkemm is-simboli tagħha mhumiex ovvji bħal f’xi każijiet oħra. Imma nnota dan il-ħjiel: il-qarrejja huma informati illi tmiem l-għadab t’Alla jiġi mas-seba’ bieqja (Riv.15:1); it-tneħħija tal-gżejjer u l-muntanji (Riv.16:20) jikkorrispondi mat-tregħid finali tad-dinja (Riv.6:14; 20:11; cf., Ebr.12:26-27). Band’ oħra l-waqgħa tal-Babilonja hi immedjatamnet segwita miċ-ċena tat-tieġ tal-Ħaruf (Riv.19:1-10); il-waqgħa tal-Babilonja hi assoċjata mal-aħħar battalja (Riv.17:14-17), li sseħħ mat-tieni miġja (Riv.19:11-12). Aktar minn hekk, il-battalja finali kienet imminenti (Riv.16:16). 

Il-ġudizzju tas-seba’ bieqja jkompli l-prattika illi jissellef l-istampi tal-battalja finali mill-konflitt ma’ Gogg u Magogg billi jiggruppja flimkien terremot, il-qlib tal-muntanji, u silġ (cf., Eż.38:19-23). Mela tiddeskrivi l-ġudizzji divini li jakkumpanjaw il-battalja; deskrizzjoni ta’ aspetti oħra tal-battalja hi miżmuma lura (Riv.19:11-21), skont il-pjan drammatika tar-Rivelazzjoni. 

Babilonja l-Kbira, li tirrenja fuq is-slaten tal-art (Riv.17:18) tispiċċa traġikament. Iċ-ċiviltà umana, bit-tlellix u l-pjaċiri midinba tagħha, tiddiżintegra. Wasal it-tmiem. B’lingwaġġ figurattiv u grafiku, il-viżjonarju jgħarrafna li mqar il-muntanji u l-gżejjer (cf., Riv.6:14 ma’ 16:20), rappreżentattivi tal-ewwel ħolqien, jaħarbu mill-preżenza terribbli t’Alla, u jagħtu posthom għas-smewwiet ġodda u art ġdida, perfetti u bla makkja tad-dnub (Riv.20:11; 21:1; 22:3). 

talent (bil-Grieg, talantiaios, ie., b’toqol ta’ talent) kien fih forsi madwar disgħin jew mitt libbra. 


Riv.17:1. ħafna ilmijiet jissinifikaw il-bosta ġnus u nazzjonijiet li fuqhom taħkem il-Babilonja. Il-kuntrast bejn il-prostituta u l-għarusa tal-Ħaruf hu enfasizzat b’similaritajiet fil-mod kif inhuma introdotti (cf., Riv.21:9-10). 


Riv.17:2. Il-fornikazzjoni u l-infedeltà spiritwali huma minsuġa flimkien. Fl-Iskrittura ż-żena fiżika tissimbolizza t-tluq minn Alla l-ħaj u infedeltà lejh (Riv.2:20-23; cf., Eż.16:15-43). Il-ġmiel u l-attrazzjonijiet tal-prostituta jisseduċu u jintossikaw kemm il-qalb kif ukoll il-ġisem.


Riv.17:3. ġarrni fl-Ispirtu. L-Ispirtu s-Santu ttrasporta lil Ġwanni biex ikun kapaċi jirċievi viżjoni profetika (Riv.19:10; cf., Eż.3:12; 11:24; 2 Pt.1:21).

deżert hu post ta’ protezzjoni spiritwali (cf., Riv.12:6,14) iżda wkoll deprivazzjoni fiżika, fejn Ġwanni kien f’pożizzjoni wisq aħjar biex il-vista tiegħu tippenetra lil hinn mill-qoxra esterna u jifhem il-kruha u l-oxxenità tal-prostituta. 

dbib lewn skarlatt. Fi żmien Ġwanni, kien jirrappreżenta l-Imperu Ruman bl-idolatriji lussurjużi u moqżieża tiegħu. Ruma xerrdet il-prattiċi pagani tagħha ma’ kullimkien u ssapportjat uffiċjalment il-paganiżmu. Eventwalment, però, id-dbib idur kontra l-prostituta u jeqridha (versi 16-17). Il-poteri ħattafin tal-gvern Ruman u l-leġjuni Rumani jeqirdu l-prosperità, u fl-aħħar mill-aħħar il-qawwiet militari ta’ tribujiet madwar l-imperu jeqirdu lil Ruma kompletament. 

Il-lezzjoni miż-żminijiet Rumani tista’ tkun ġeneralizzata: stati idolatrużi jispiċċaw biex iġibu fix-xejn il-qawwiet, għana, privileġġi u nies li appoġġjaw oriġinarjament. Il-qima falza teqred lilha nfisha. 


Riv.17:4. L-ilbies rikk u lussuż tal-qaħba l-kbira, bil-porpra u l-iskarlatt, jissinifika s-seduzzjoni u l-ġibda insidjuża tal-prosperità mondana (Riv.18:3), skop li għalih in-nies mitlufa jimmiraw. Hi mżejna bid-deheb, ħaġar prezzjuż u perli, dak kollu mixtieq min-nies b’qalbhom iffissata fuq ġid transitorju (cf., Riv.18:16; 19:8; 21:18-21). Kollox hu lelliexi. B’kuntrast, l-għarusa safja ta’ Kristu hi liebsa abjad pur.

Id-dbib assoċjat magħha, l-istess bħal dak imsemmi aktar kmieni (Riv.13:1-10), jirrappreżenta l-poter tal-istat biex iġiegħel konformità reliġjuża permezz tal-vjolenza, mentri l-prostituta tissimbolizza l-appell seduttiv ta’ sistema ekonomika dinjija misjuqa bil-kwestwa ta’ affluwenza u pjaċir (Riv.18:11-19). L-influwenza tagħha hi enormi: min jassoċja ruħu magħha jispiċċa fis-sakra (cf., Ġer.51:7). 

Hekk il-knisja hi mwissija dwar tliet għedewwa tagħha, kull wieħed b’metodu ta’ attakk partikolari: id-dbib, li jattakka bi vjolenza li tintimida; il-profeta falz, bl-ereżija qarrieqa; u issa l-prostituta, bl-affluwenza u l-għana seduċenti tagħha. 


Riv.17:5. Isimha, Babilonja l-kbira, omm il-qħab u l-abominazzjonijiet tal-art, jirrappreżenta r-regħba u l-waħma ta’ soċjetajiet bla Alla għall-pjaċiri senswali u r-rimi minn fuqhom ta’ kull rażna. Il-fatt li hi xurbana bid-demm tal-qaddisin, kif ukoll il-fatt li tirkeb fuq id-dbib, jiżvelaw illi, f’kulturi li jinjoraw jew saħansitra jisfidaw lil Alla, konfoffa insidjuża tgħaqqad il-kwestwa għall-għana u x-xalar mal-eżerċizzju riġidu ta’ poter politiku b’koerċizzjoni. 


Riv.17:6. fis-sakra b’demm il-qaddisin u b’demm il-martri ta’ Ġesù. Is-soċjetà kkakkmata mal-gosti, pjaċiri karnali u xalar bla liġi tikkonfoffa mal-istat, imwaħħam għall-poter, biex isikket it-testimonjanza tad-dixxipli tas-Salvatur Ġesù u x-xhieda dwar is-sewwa u l-etika biblika, akkost li teqridhom (Riv.13:15-17). 

Xi interpreti identifikaw lill-Babilonja ma’ Ġerusalemm, għax irrifjutat milli taċċetta lil Ġesù bħala l-Messija, u allura saret il-prostituta (Isa.1:21; Ġer.3:6-9; Eż.16:23-32; Ħos.2; 4:15; 5:3; 6:10; 9:1; cf., Lq.11:47-51; 21:9-18). Imma Ġerusalemm hi biss każ wieħed ta’ soċjetà illi webblet lin-nies jitbiegħdu mill-qima vera t’Alla. Ninwe (Naħ.3:1,4), Tir (Isa.23:17), u l-Babilonja antika kienu bliet qħab oħrajn, u allura r-Rivelazzjoni jissellef il-lingwaġġ tal-kundanni profetiċi tal-Babilonja u Tir (Ġer.50:51; Eż.27). 

Bliet moderni bir-reliġjonijiet foloz u l-esplojtazzjoni sesswali tagħhom huma wkoll forom tal-Babilonja. Hekk is-simboliżmu tal-Babilonja kapaċi jitlaħħam b’modi diversi tul is-sekli, biex finalment tkun manifestata bħala din il-Babilonja sewwa sew qabel it-tieni miġja ta’ Kristu. Imbagħad, meta l-qirda tal-qima falza tkun kompluta (Riv.17:1-18:24), l-aduraturi veri t’Alla, l-għarusa tal-Ħaruf, jirkaċċaw fl-isplendur u l-feliċità tagħhom (Riv.19:1-10). 


Riv.17:8. Id-dbib rċieva ġerħa mortali u frattant reġa’ għex (Riv.13:12-14). Il-fatt li kellu jitla’ mill-abbiss u jmur għall-qirda jfisser li l-qawwa preżenti tiegħu biex jippersegwita lid-dixxipli hi mfixkla, u d-dehra futura tiegħu bi vjolenza feroċi kellha tkun fil-qosor (Riv.19:19-21; 20:7-10).

kien u mhuwiex, u frattant għad jiġi. Id-deskrizzjoni hi kontrafazzjoni t’Alla sovran, kif proklamat aktar kmieni (Riv.1:4,8; 4:8).

mhuwiex, għax il-persekuzzjoni kienet mumentanjament majniet, iżda kellha terġa’ tiżbroffa b’intensità mġedda fil-futur. Id-dbib jirrappreżenta mostra ripetuta ta’ persekuzzjoni, kif għamlu d-dbub suċċessivi f’Danjel 7.


Riv.17:9-11. Fi żmien Ġwanni, il-kapitali tal-imperu, Ruma, eżerċitat dominju fuq is-slaten tal-art (Riv.17:18). Tingħaraf għax hi mibnija fuq seba’ għoljiet. Fil-lingwaġġ profetiku, muntanja jew għolja tissimbolizza maqgħad ta’ poter (Ġer.51:24-25; Dan.2:35,44-45). 

Diffiċli nidentifikaw min huma s-slaten imsemmija, humiex imperi jew inkella imperaturi Rumani tal-ewwel seklu. Xorta waħda dawn id-dettalji jgħaddulna l-messaġġ illi għalkemm id-dragun u l-assalt finali tad-dbib għadu ma bediex, iż-żmien tagħhom hu wieħed qasir (Riv.12:12), u fl-aħħar id-dbib jmur għall-qirda. 


Riv.17:14. Sid is-sidien, u Sultan is-slaten hu titlu t’Alla (Riv.19:16; cf., Dt.10:17; Sal.136:3; 1 Tim.6:15), mogħti lil Kristu. Jenfasizza s-sovranità tiegħu fuq kull ħakkiem li lilu jiddelega miżura ta’ awtorità. 


Riv.17:16-17. L-alleanza satanika tal-prostituta u d-dbib għad tiddiżintegra, u l-poter militari jħarbat is-sistema ekonomika li darba ssapportja. Meta d-dbib u l-alleati tiegħu jneżżgħu lill-prostituta għarwiena, ikunu qed jimitaw il-ġudizzju pronunzjat minn Alla fuq Iżrael, l-għarusa infidila tiegħu (Eż.16:39-41). Fis-sovranità tiegħu Alla jinqeda mqar bl-għedewwa tiegħu biex jagħmlu l-għan tiegħu, kemm għas-salvazzjoni ta’ niesu (At.2:23; 4:24-28) kif ukoll għall-qirda tal-għedewwa nfushom. 


Riv.18:4. Oħorġu ’l barra minnha. Il-knisja qatt m’għandha tirkeb fuq l-istess karru mal-Babilonja. L-appelli tal-profeti biex ma jiddakkrux mill-kulturi li fihom għammru bħala eżiljati (Isa.48:20; 52:11; Ġer.50:8; 51:6-9,45) jibqgħu rilevanti għall-fidili llum (2 Kor.6:14-18; 1 Pt.2:11-12). Ċerti knejjes lokali (bħal dawk f’Tijatira u Laodikeja) u individwi Kristjani jgħarrilhom bil-kbir meta jinnamraw mas-sistema tad-dinja.


Riv.18:5. Alla ma jiftakarx id-dnubiet ta’ niesu (Ġer.31:34), iżda jiftakar biex jipproteġihom (Mal.3:16-4:2). Għall-Babilonja bla ndiema m’hemmx maħfra, iżda biss ġudizzju: fil-każ tagħha Alla ftakar (cf., Riv.16:19).


Riv.18:6. F’ekwità perfetta, Alla jirrikumpensa lura lill-Babilonja skont kif aġixxiet hi nfisha (Es.21:23-25): ħallsuha lura d-doppju (Isa.40:2; Ġer.16:18) mill-kies tagħha. Din hi r-retribuzzjoni ġusta li tidduplika l-vjolenza li wikkiet fuq il-fidili, li ħafna minnhom xerrditilhom demmhom (Riv.19:2). 

It-tazza tal-ħażen li minnha xorbu tant nies (Riv.14:8; 17:2,4,6) issejjaħ għat-tazza tal-għadab divin (Riv.14:10; 16:19). 


Riv.18:7-8. Inpoġġi bħala sultana u m’inix armla. L-istorja tirrepeti ruħha, imma f’sens akbar u bi twettiq universali (cf., Isa.47:7-9). 


Riv.18:11-17. In-neguzjanti...li stgħanew minnha, flimkien mas-slaten, baħħara u dawk kollha relatati mal-Babilonja jilmentaw u jixhru kif jaraw il-waqgħa traġika tagħha u l-bluha tagħhom filli pparteċipaw fiha. Jirrealizzaw in-nuqqas ta’ sigurtà fil-ħwejjeġ għaddiena. Niftakru kif il-prostituta l-kbira tirrappreżenta speċjalment il-kilba għall-akkwist materjalistiku u l-lussu, bħallikieku huma l-prijorità ewlenija fl-eżistenza umana.


Riv.18:12-13. ħadd ma jixtri l-kargu tagħhom iżjed. Bħalma d-dbib jinkorpora kull espressjoni ta’ gvern korrott, hekk il-qaħba tiegħu tinkludi kull sistema ekonomika mħassra u abbużiva. Din ir-realtà Alla jiġġudika deċiżivament, fejn imqar il-ħajjiet umani huma ridotti bħala oġġetti, innegozjati bħala lsiera biex idawru l-inġenji tal-produzzjoni għar-rikkezzi materjali.


Riv.18:17. f’siegħa waħda safa rrovinat għana tant kbir! Meta jasal il-waqt Alla malajr jeqred ir-rikkezzi li l-mitlufa jafdaw fihom. Kull oġġett li mhux użat f’ubbidjenza lejh u b’devozzjoni lejh iġib rovina, mhux barka. 


Riv.18:19. tefgħu t-trab fuq irjushom. Espressjoni antika ta’ għali (cf., Ġoż.7:6; 1 Sam.4:12; 2 Sam.1:2; 15:32; Ġob.2:12; Lam.2:10; Eż.27:30). 


Riv.18:22-23. l-ħoss tal-mitħna qatt mhu se jinstema’ fik iżjed. Ix-xeni u l-ħsejjes tal-ħajja kwotidjana la jidhru u lanqas jinstemgħu iżjed fil-Babilonja (cf., Ġer.7:34; 25:10). Attivitajiet kulturali u artefatti ordinarji, għalkemm xierqa fihom infushom, isiru insostenibbli meta ċ-ċiviltà tirċievi l-ġudizzju t’Alla talli tkun sfidatu. L-għana, użat b’mod ateisitku, iqarraq, u jinstab fatali għar-ruħ.


Riv.18:24. Is-sistemi reliġjużi, kummerċjali u politiċi mlaħħma fil-Babiljonja jikkommettu atroċitajiet kontra n-nies t’Alla (cf., Riv.11:7; 13:7,15; 17:6; 19:2). Fil-waqgħa tagħhom Alla finalment jivvindika d-demm tal-martri tiegħu (Riv.6:10; 11:8) u ta’ dawk kollha li jkunu sofrew vjolenza fuq l-art bla ma ħaqqhom (Riv.11:18). 


Riv.19:2. veru u ġusti l-ġudizzji tiegħek. Il-qaddisin jixxenqu għal jum il-ġudizzju (Riv.6:10; 16:7; cf., Isa.9:7; Ġer.23:5). Nies twajba jħobbu l-ġustizzja u jistmerru d-dnub, għax l-għejxien tajjeb jonora lil Alla u d-diżubbidjenza għal-liġi tiegħu żżeblaħ lil ismu. Il-fidili huma għatxana għal dinja ta’ ġustizzja, u finalment għad tiġi (Riv.2:27; 12:5; 19:15). 


Riv.19:3. Id-duħħan tagħha jitla’ għal dejjem ta’ dejjem. L-istampa hi indikattiva għal ġudizzju irriversibbli, bħall-ġebla ta’ mitħna mitfugħa l-baħar (Riv.18:21). 

It-tifħir smewwieti – Ħalleluja! – għal dan il-ħaqq drastiku nifhmuh biss fid-dawl tal-ħażen pervażiv tal-prostituta l-kbira, ikkundannata għal żewġ reati: ikkorrompiet l-art (Riv.11:18) u xerrdet demm il-qaddisin (Riv.17:6). Finalment waqgħet il-vendetta fuqha minħabba fihom. Il-qaddisin fis-sema jfaħħru lil Alla wkoll għax b’hekk wera d-den infinit tal-qdusija tiegħu. 


Riv.19:6. l-Omnipotenti, isaltan. Alla ovvjament jirrenja matul l-istorja umana kollha, imma hawn hu mfaħħar talli stabbilixxa l-ħakma tiegħu mingħajr rivalità jew reżistenza fir-ritorn ta’ Kristu (Riv.11:15-17; l Kor.15:24). 


Riv.19:7-8. it-tieġ tal-Ħaruf jesprimi l-intimità, l-imħabba u l-feliċità ineffabbli bejn l-Għarus u l-għarusa, is-Salvatur u s-salvati tiegħu. Iwettaq l-impenji espressi aktar kmieni fl-Iskrittura (Isa.54:5-8; Ħos.2:19-20). 

ngħatalha. Issa l-għarusa hi preżentata, imlibbsa bil-purità u s-safa (Riv.21:2,9; 22:17; cf., 2 Kor.11:2; Ef.5:25-27). Ilbiesha, ċoè, l-għemejjel tajba u ġusti tagħha, huma l-għotja tal-grazzja mingħand l-għarus tagħha (Riv.6:11; 7:14; cf., Isa.61:10). 

Minn lat wieħed il-mistiedna huma l-fidili; minn lat ieħor l-għarusa nfisha hi s-simbolu tal-fidili kollha, il-knisja, imsejħa permezz tal-vanġelu tal-grazzja (Isa.25:6-9; Lq.14:15-24). 


Riv.19:9. Iċ-ċena tat-tieġ kienet antiċipata fit-tbassir ta’ bankett messjaniku (Isa.25:6-8; Mt.22:1-14; 25:10; 26:29). 


Riv.19:10. lil Alla adura. Melgħlub mill-grandizza tal-viżjonijiet mogħtija lilu Ġwanni jipprova jonora lill-anġlu aktar milli ħaqqu (cf., Riv.22:8-9). Minflok, huwa kmandat biex jagħti qima esklussiva lill-Ħallieq; indirettament din l-istruzzjoni sservi bħala konferma drammatika tad-divinità ta’ Ġesù, il-Ħaruf li denjament hu meqjum (Riv.5:8-14). 


Riv.19:12-16. fuq rasu ħafna kliel. Il-kliel, jew kuruni, jissinifikaw stat irjali, u juru s-supremazija ta’ Ġesù bħala Sultan is-slaten u Sid is-sidien. 

Hu msemmi l-Kelma t’Alla għax hu l-ogħla u l-aħjar rivelazzjoni tal-Missier (Ġw.1:1,14; Ebr.1:1-2). Frattant għandu isem sigriet, ladarba l-enti infinit tiegħu, bħala Bin Alla, ma jistax ikun magħruf minn ħlejjaq finiti. Il-misterju divin jgħatti parti min-natura tal-Iben li fih u bih Alla jitkellem bl-aħjar u l-aqwa mod (Lq.10:22). 


Riv.19:14. Il-fidili, bħal Sidhom, huma riekba fuq żwiemel bojod, għax minħabba fih igawdu l-vittorja miksuba minnu. 


Riv.19:17-18. L-istedina tal-anġlu lill-għasafar biex inaqqru l-iġsma mejta tirrifletti s-saħta tal-patt (Dt.28:26) u tidwi l-kelma profetika kontra Gogg u Magogg, l-għedewwa li għakksu lil niesu (Riv.20:8; cf., Eż.39:17-20). Kemm l-armata tad-dbib kif ukoll kull min servih jispiċċa biex ikun ikkonsmat, xbieha figurattiva ta’ telfien u qirda (Riv.13:16). Il-konflitt aħħari jġib fi klajmaks il-gwerer u taqbid kollha illi Alla vara għall-ġid ta’ niesu (Es.15:2; Dt.20; Isa.59:16-18; Eż.38 u 39; Ħab.3:8-15; Żak.12:1-9; 14:3-5). Huwa wkoll il-konsumazzjoni trijonfanti ottenuta minn Kristu bis-salib (Riv.5:9-10; 12:10-11; cf., Ġw.12:31; Kol.2:15). 


Riv.19:20-21. mitfugħin ħajjin fl-għadira tan-nar. Il-forzi tad-dlam impossibbli jegħlbu kontra Kristu. Id-dbib u l-profeta falz, bħall-prostituta l-kbira, jirrappreżentaw mhux biss istituzzjonijiet umani korrotti, iżda wkoll individwi li ħaddmu dal-makkinarju pervers. Biss l-armata tal-Ħaruf, il-fidili, jissopravivu l-battalja finali.

L-għadira tan-nar hi l-post ta’ turment dejjiemi għall-ħżiena (Riv.14:9-10; 20:10,14-15; 21:8; cf., Isa.66:24). Is-simbolu tan-nar hu sikwit assoċjat ma’ ġudizzju (Isa.66:15-16; Ġoel 2:3). 


Riv.20:1-3. U rajt. Dis-silta tibda s-seba’ u l-aħħar ċiklu fl-Apokalissi. Fiha l-awtur jagħti dehra simbolika u fil-qosor ta’ saltnet Alla f’dan iż-żmien preżenti. “Id-dragun” imsemmi jgħaqqad din il-viżjoni mad-disfatta ta’ Satana fl-eżaltazzjoni ta’ Kristu fis-sema (Riv.12:7-9). Il-konkwista assoluta u mitmuma ta’ Kristu hi inkontestabbli (Riv.5:5; cf., Lq.10:18; Ġw.12:31; 16:11). 


Riv.20:2. id-dragun hu identifikat bħala x-xitan, kif ukoll bħala is-serpent l-antik, billi nqeda bis-serp fl-ewwel dehra tiegħu fil-Ġnien tal-Għeden (Ġen.3:1-6), fejn qarraq b’Eva (2 Kor.11:3; 1 Tim.2:14). Bħalma rajna aktar kmieni (Riv.12:9-17), l-istampa tat-tkeċċija tiegħu mis-sema u l-miżuri meħuda kontrih biex ma jeqridx lill-knisja, hawnhekk għandna stampa oħra tar-rażna tiegħu imposta fuqu minn Alla. Did-darba hu marbut u miftugħ fl-abbiss, simbolu tar-restrizzjoni t’Alla fuq l-abbiltà ta’ Satana biex jagħmel il-ħsara. 

Speċifikment hu marbut biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus, tul il-perjodu sħiħ bejn l-ewwel u t-tieni avvent ta’ Kristu. Meta Ġesù inawgura s-saltna tas-smewwiet tul l-ewwel miġja tiegħu, jafferma illi rabat lix-xitan (Mt.12:29; cf., Ġw.12:31; Kol.2:15) u ġab id-dawl lill-ġnus biex ma jibqgħux fl-għama u l-ingann spiritwali (Mt.4:14-16; Lq.2:32; At.14:15-17; 17:30-31). 

L-irbit tax-xitan hu evidenti għax issa l-evanġelju tal-grazzja qed ikun mifrux u mwassal fost il-ġnus matul l-era preżenti; jerġa’, ix-xitan, bil-qilla u l-għadab kollu tiegħu, mhuwiex kapaċi jxejjen il-messaġġ ta’ tama, ħlief għal perjodi qasir ħafna qabel ir-ritorn ta’ Kristu, meta l-antikrist jassumi poter straordinarju fuq id-dinja (2 Tes.2:3-8) u jkun hemm apostasija terribbli. 


Riv.20:2. L-elf sena msemmija, bħal numri oħra fl-Apokalissi, hu tul ta’ żmien, mhux millenju sħiħ litteralment (cf., Ġob.9:3; Sal.50:10; 90:4; 105:8). Dan il-perjodu huwa l-era sħiħa li tulha l-Patt il-Ġdid hu fis-seħħ tiegħu, ċoè mill-ewwel sat-tieni miġja ta’ Sidna Ġesù. 

Xi wħud jaħsbu illi se jkun hemm renju litteru ta’ Kristu minn Ġerusalemm littera fid-dinja, immedjatament wara l-miġja futura tiegħu, u qabel il-ġudizzju finali. Dan hu żball dovut għal interpretazzjoni litteralistika ta’ dan il-pass, u ma ssib ebda sapport fil-bqija tal-Iskrittura. Dan il-pass imissu jkun mifhum fid-dawl tal-bqija tar-rivelazzjoni divina u skont il-letteratura profetika kollha kemm hi. 


Riv.20:2. rabtu. Ġesù rabat jew illimita lil Satana, u ġab saltnet Alla fl-ewwel miġja tiegħu (Mt.12:28-29; cf., Isa.24:21-23). Bħala l-irxoxtat, Kristu għandu awtorità fuq il-forzi tal-mewt (Riv.1:18). Iġġudika lil Satana u xekkel qawwietu (katina; cf., Ġuda 6), skont l-għanijiet qaddisa t’Alla (cf., Riv.9:1-11). Il-vittorja tiegħu fuq Satana hi deċiżiva u kompluta, bħallikieku l-avversarju miet u ndifen (sakkru u ssiġilla; Mt.27:66; cf., Dan.6:17). 

Lingwaġġ assolut bħal dan ma jfissirx li l-influwenza demonika fuq l-art hediet għalkollox (Riv.13:14). F’sens ieħor ix-xitan jibqa’ t-tentatur (1 Pt.5:8), iżda f’dan il-punt importanti mhu kapaċi jagħmel xejn: ma jistax jegħleb lill-magħżulin fost il-ġnus, il-mifdija tal-Ħaruf (Riv.17:14), milli jkunu salvati minnu. Issa li s-salvazzjoni ntbagħtet lill-ġnus Satana ma jistax iżomm lill-Ġentili barra mill-Iżrael t’Alla; ma jistax iħallihom f’dalma spiritwali totali, għax Kristu qed jiġbor lill-mifdija permezz tal-evanġelju (Ġw.12:31-33; Riv.5:9). Lanqas ma jista’ jimmobilizza d-dinja kontra l-knisja biex jeqridha (Riv.12:15-16), għalkemm għal perjodu qasir jingħatalu permess ivara attakk waħħaxi fl-aħħar nett (maħlul għal ftit żmien; cf., Riv.20:7-10). 


Riv.20:4-6. Is-saltna medjatorjali t’Alla (tronijiet...ingħatatilhom awtorità biex jiġġudikaw; Sal.122:5; Dan.7:9,22; Lq.22:30) diġà ġiet fir-realtà spiritwali tagħha lil niesu (Ġw.18:36-37; Rum.14:17; Kol.1:12-13). Dawk li jippossiedu s-saltna huma diġà mbierka minn Alla (Mt.5:3; Riv.1:3; 14:13; 16:15; 19:9). Imqar issa niesu, simbolizzati aktar kmieni bħala erba’ u għoxrin anzjan, huma inkurunati u jinsabu fuq tronijiet fil-preżenza smewwitija t’Alla (Riv.4:4; cf., Ef.2:6). 

F’did-dinja jsofru u huma maqtula mid-dbib (Riv.13:1-18), għax ma jipparteċipawx fl-idolatriji tagħha. Frattant dawk fidili sal-mewt xorta waħda jgħixu (Riv.2:10) bħala saċerdoti (Isa.61:6) u slaten minħabba s-sagrifiċċju ta’ Kristu għan-nom tagħhom (Riv.1:6; 5:10) u l-ħidma tal-Ispirtu fihom (cf., ir-resurrezzjoni spiritwali f’Eżekjel 37:1-14).

rajt tronijiet. Vers 4 u 5 jidwu l-viżjoni ta’ Danjel (cf., Dan.7:9,22), u allura t-tronijiet huma fis-sema. Hekk jew hekk, Ġwanni ra erwieħ l-iddekollati, ċoè fidili mejta li spiritwalment jinsabu ħajjin fil-ġenna. Il-martri huma msemmija speċjalment bħala xhieda notevoli fost il-fidili, iżda l-qaddisin l-oħra mhumiex esklużi mill-privileġġi msemmija. 

saltnu mal-Kristu għal elf sena. Fidili li jmutu matul il-perjodu sħiħ bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu, ċoè matul l-elf sena, jixxerjaw fis-saltna ta’ Kristu mis-smewwiet. 

L-elf sena hu għadd simboliku, mhux deskrizzjoni littera, għal perjodu twil u indefinit ta’ żmien, perjodu fil-milja tiegħu (Riv.20:1-6). Skont din il-fehma, allura, il-millenju diġà beda, u hu realtà preżenti, għax hu korrispondenti mal-epoka kurrenti tal-knisja. Matul il-perjodu sħiħ bejn l-ewwel u t-tieni miġja tiegħu (simbolizzat bħala elf sena), l-erwieħ tal-fidili – il-knisja trijonfanta – jirrenjaw ma’ Kristu fil-ġenna. 

Il-millenju, l-ewwel resurrezzjoni u l-istat intermedju jirreferu u jiddeskrivu l-istess realtà. Mat-tieni miġja tiegħu, imbagħad, jistabilixxi r-renju permanenti fi smewwiet ġodda u art ġdida (Dan.2:44). Din l-iskema biblika tissejjaħ amillenjaliżmu, għax ma tistenniex saltna littera ta’ elf sena wara l-avvent ta’ Kristu, peress li preżentement diġà qed isaltan (1 Kor.15:25-26), kemm fil-knisja militanti fuq l-art (Kol.1:12-14) kif ukoll fil-knisja trijonfanta fis-sema (Riv.20:1-6).


Riv.20:5. l-ewwel qawmien. Bħalma t-tieni mewt hi l-kastig finali fl-infern (Riv.20:14) wara (l-ewwel) mewt tal-ġisem, hekk l-ewwel resurrezzjoni hi l-għotja ta’ ħajja spiritwali qabel (it-tieni) resurrezzjoni tal-ġisem (Riv.20:12-13). Qawmien spiritwali jippreċiedi l-qawmien fiżiku (Ġw.5:24-29), għax il-fidili huma magħquda miegħu li hu l-qawmien u l-ħajja – imqar wara mewthom (Ġw.11:25-26; Kol.3:1-4; cf., Mt.22:21-32). Għalhekk igawdu l-vittorja diġà u jistgħu b’kuraġġ jiffaċċjaw il-persekuturi tagħhom. 

Ir-renju tagħhom iseħħ fis-smewwiet, mhux fuq l-art fejn kienu maqtula. għexu u l-ewwel qawmien jissinifikaw illi l-erwieħ tal-fidili ddaħħlu fil-preżenza t’Alla fis-sema appena mietu. Mewthom difatti hi l-vittorja tagħhom fuq ix-xitan u d-dbib (Riv.12:11; 15:2). Fl-istat intermedju diġà jgawdu togħma minn qabel tar-resurrezzjoni finali (Riv.20:12-15). 

Jekk dan il-qawmien ifisser qawmien fiżiku, iseħħ mat-tieni miġja ta’ Kristu (1 Kor.15:51-57; 1 Tes.4:13-18), u allura l-premillenjalisti għandhom raġun. Mill-banda l-oħra, il-lingwaġġ dwar it-tieni mewt fir-Rivelazzjoni 20:6 u 14, kif ukoll f’21:8, jissuġġerixxi kuntrast bejn l-ewwel u t-tieni mewt. L-ewwel mewt hi mewt fiżika, iżda hi biss preliminarja, mhux finali. It-tieni mewt hi finali u spiritwali fil-karattru. Bl-istess mod, l-ewwel qawmien hu preliminarju u t-tieni qawmien hu finali. L-ewwel qawmien hu spiritwali, it-tieni hu fiżiku. Xi whud jissuġġerixxu illi l-ewwel qawmien iseħħ mat-twelid mill-ġdid (Ġw.5:24-25). Preferibbilment u wisq probabbli jseħħ appena r-ruħ tidħol fil-preżenza tal-Feddej, meta l-fidil imut fiżikament (Riv.6:9; 10:2; cf., 2 Kor.5:8; Fil.1:23). Din l-aħħar alternattiva hi preferibbli għax il-Ktieb tar-Rivelazzjoni jieħu ħsieb jivvindika l-martri u hu intiż biex ifarraġ lil dawk li jeħtiġilhom isofru mqar sal-mewt. 


Riv.20:6. it-tieni mewt hi l-kastig etern fl-infern. Meta l-ħżiena, fl-aħħar jum, jingħataw ġisem ta’ għajb u infamja, ikunu kkundannati għal dnubiethom, u jinxteħtu fl-għadira tan-nar (Riv.20:12-15). B’kuntrast, il-fidili, imsejħa band’ oħra l-għallieba jew vittorjużi, li jkunu mantnew it-testimonjanza tagħhom dwar Ġesù u rreżistew lid-dbib, jaduraw lil Alla bħala qassisin tiegħu u jirrenjaw bħala slaten ma’ Kristu matul l-era li fiha Satana hu mxekkel milli jeżerċita l-ingann tiegħu totalment fuq id-dinja. 

Din l-interpretazzjoni offruta hawnhekk dwar “il-Millenju” tissejjaħ “Amillenjaliżmu,” għax tifhem l-elf sena – il-Millenju – bħala simboliku ta’ perjodu twil, magħruf u definit għal Alla, iżda mhux magħruf għalina l-bnedmin. Dil-fehma tinterpreta l-profezija tal-Patt il-Qadim dwar “saltna” (eż., 2 Sam.7:12-16; Sal.2; Isa.11:6-12; 24:23; Ħos.3:4-5; Ġoel 3:9-21; Am.9:8-15; Mik.4:1-8; Sof.3:14-20; Żak.14:1-11) bħala qiegħda titwettaq bħalissa fil-knisja (fuq l-art jew fis-sema), jew bħala referenzi għall-istat etern. 


Riv.20:7-10. Fi tmiem daż-żmien – l-elf sena – meta l-knisja tkun waslet biex tispiċċa l-missjoni tagħha, il-Mulej jagħti lix-xitan perjodu qasir (Riv.20:3) biex jiġma’ lill-ħżiena ħalli jaħbtu għall-poplu tiegħu (2 Tes.2:1-11; Riv.11:7-13; 16:12-16). B’lingwaġġ simboliku Ġwanni jiddeskrivi l-għadu internazzjonali bħala Gogg u Magogg (Eż.36-37) għall-attakk finali, deskritt bnadi oħra (Riv.19:17-21). 

Din mhix battalja attwali; l-awtur juża l-militar bħala xbieha għall-persekuzzjoni kontra l-knisja (Riv.12:17), simbolizzata bħala Iżrael fid-deżert tal-ittestjar (il-kamp tal-qaddisin; Es.14:19-20; cf., Riv.12:6,14) u bħala Ġerusalemm (il-belt il-maħbuba; Sal.87:2-3; Isa.66:10) imdawra bl-għedewwa min-nazzjonijiet kollha (fl-erba’ rkejjen tal-art). 

Il-knisja tkun fi sproporzjon qawwi mal-għadd ta’ avversarji (ramel tal-baħar; Ġoż.11:4; 1 Sam.13:5), bit-theddida illi l-wegħdi t’Alla lill-patrijarki jisfaw fix-xejn (Ġen.22:17; 32:12). Minkejja dan, mar-ritorn propizju tiegħu, Sid il-knisja, b’ġudizzju sopranaturali jsalva lill-knisja u jeqred l-avversarji (niżel nar mis-sema; 2 Slat.1:10-14; Eż.38:22-23; 39:6; 2 Tes.1:6-10; 2:8). Bħalma mexxejja ħżiena (dbib) u għalliema qarrieqa (profeta falz) se jkunu kkundannati għall-infern, hekk ukoll Satana (Riv.20:10). Immedjatament wara dil-ġrajja drammatika jseħħ il-ġudizzju universali (Riv.20:11-15).

Mela, hekk kif l-era preżenti tkun kważi waslet fi tmiemha, u ċoè tkun qorbot l-aħħar tad-dinja, ix-xitan jerġa’ jingħata s-setgħa biex iqarraq bil-ġnus u figurattivament jiġborhom għall-battalja finali, deskritta aktar kmieni (Riv.16:13-16; 19:17-21). 

L-għedewwa t’Alla u tal-knisja tiegħu huma msejħa Gogg u Magogg, titli mogħtija mill-profeta fl-antik għall-oppressuri ta’ Iżrael (Eż.38:22; 39:6). Kull min hu kontra Alla jispiċċa f’rovina (Eż.39:1-6,17-20; Riv.19:17-18,21). 

Għalkemm il-qaddisin huma esposti bħala kamp, u bħala abitanti tal-belt il-maħbuba (Riv.11:2; 21:2), kif ukoll assedjati minn għedewwa numerużi bħar-ramel tal-baħar (Riv.12:17), dawn tal-aħħar ikunu kkonsmati bil-ġudizzju ġust t’Alla. 


Riv.20:11-15. Il-ġudizzju tat-tron kbir abjad hu evidentement il-ġudizzju finali, li jseħħ immedjatament mal-avvent glorjuż ta’ Kristu (Mt.25:31-46). Hi deskritt bħala kbir biex jirrifletti l-grandizza u l-glorja ta’ Alla suprem, u jingħad li hu abjad għax jixhed għall-purità u l-għerf tal-Anzjan fil-Jiem (cf., Dan.7:9). Alla jesegwixxi ġudizzju li jaqbel mal-karattru qaddis u l-qawwa tiegħu fuq l-univers maħluq. Il-viżjoni tfakkarna f’passi mill-Patt il-Qadim (eż., Sal.7:6-8; 47:8-9; Dan.7:9-10).

L-umanità kollha għad tkun imqajma mill-qabar biex tkun iġġudikata skont ir-rekordju ta’ għemil kull bniedem, il-kotba (Riv.20:12), kif ukoll skont ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tal-magħżulin kif jidhru fi ktieb il-ħajja tal-Ħaruf (Riv.20:12). Ġesù, il-Ħaruf tagħhom, kien maqtul minħabba dnubiethom (Riv.13:8; 21:27) sabiex jinħafrulhom (Riv.1:5). 

L-opri rrekordjati tagħhom, tajba u ġusti, huma xhieda tal-fiduċja tagħhom fi Kristu li għalihom mhuwiex biss Salvatur iżda wkoll Sid. Għemilhom iservi wkoll bħala bażi biex jiġu determinati l-premji tagħhom (1 Kor.3:14-15; 2 Kor.5:10; Riv.22:12-16). 

kull wieħed skont l-għemejjel tagħhom. L-inġustizzji u s-sofferenzi tul il-ġrajja umana qatt ma jaħarbu l-għajn omnixjenti t’Alla. Dawk li jippersegwitaw lill-oħrajn u jipprattikaw l-inikwità ma jistgħux jirbħu fl-aħħar mill-aħħar. Alla jiġġudika kull att u opra, kull deni jiġi kkonsidrat, u kull tentattiv biex Alla jitniżżel mit-tron tiegħu jisfa mdawwar għall-qirda tal-għedewwa t’Alla. L-infidili huma ġustament ikkundannati għal dnubiethom (Riv.20:15; cf., Rum.3:23). 

Il-fidili, li huma magħrufin għal Alla u maħbubin minnu mill-eternità (Riv.20:12,15) jidħlu f’ħajja glorifikata f’univers ġdid (Riv.21:1). Hekk il-prospett ta’ ġudizzju finali jmissu jservi ta’ terrur u twissija solenni għall-impenitenti, iżda bħala pedament ta’ assigurazzjoni għall-qaddisin. 

Hu ġudizzju universali, għax fih huma inklużi l-mejtin, il-kbar u ż-żgħar: kemm il-fidili (Riv.11:18; 19:5) u l-infidili (Riv.13:16; 19:18) jidhru quddiem Alla għall-ħaqq. Il-ġudizzju hu wieħed ġust u fer (Rum.2:6-11), għax fl-omnixjenza tiegħu Alla għandu rekordju infallibbli ta’ kull għemil uman, u jippremja kif ukoll jikkastiga skont il-ġustizzja perfetta tiegħu. 

Dan hu l-ġudizzju aħħari u komprensiv (Riv.20:13), meta l-mejtin jerġgħu lura għall-eżistenza korporali tagħhom biex ikunu ġġudikati bħala bnedmin, ruħ u ġisem (2 Kor.5:10), minn Ġesù, l-Imħallef appuntat (Mt.16:27; Ġw.5:28-29; At.17:31). 

Il-ġudizzju aħħari hu abbinat ma’ tmiem id-dinja kif nafuha, għax ħarbu l-art u s-sema. It-tneħħija tal-univers kif inhu issa ilu mħabbar (Ħag.2:6; cf., Ebr.12:26-28) kif ukoll muri (Riv.6:12-14; 16:18-21). Il-qirda tal-ordni preżenti hi preparazzjoni għas-sema u art ġdida, li fihom ma jkun hemm ebda makkja jew tebgħa ta’ ħażen (Riv.21:1,4-5; cf., Isa.65:17; 66:22; 2 Pt.3:10-13). 

l-mewt u Ħades kienu mitfugħin fl-għadira tan-nar. Ovvjament dan hu lingwaġġ figurattiv; kemm il-mewt kif ukoll Ħades huma termini li jiddeskrivu l-istat tal-mejtin. Bħala l-aħħar għadu, il-mewt għad tkun meqruda meta jirritorna Kristu u jqajjem lill-mifdija tiegħu (1 Kor.15:23-26). 


Riv.21:1. rajt sema ġdid u art ġdida. Id-distruzzjoni tal-aħħar għadu, il-mewt, kif ukoll il-ġudizzju aħħari, iwasslu finalment għat-tiġdid tal-ordni maħluq, sabiex ikun l-għamara perfetta li fih il-Ħaruf jgħix għal dejjem mal-għarusa tiegħu, in-nies mifdija minnu bit-tpattija tiegħu fuq is-salib. 

l-ewwel sema u l-ewwel art għaddew. It-twarrib ta’ dawn telimina l-infezzjoni fatali tal-ħażen fl-ordni kosmiku. Id-dnub, bil-konsegwenzi miegħu ta’ tbatija u mewt, huma għal dejjem itturufnati. Bħalissa nesperjenzaw taħsir u krib (Rum.8:21-22), iżda l-mistennija tal-fidili, meta jiddaħħlu f’realtà mnaddfa totalment u permanentement mid-dnub, għad isseħħ (2 Pt.3:12-13). Il-profezija tal-qedem isseħħ ukoll (Sal.102:25-26; Isa.65:13-25; 66:22). Anke l-Patt il-Ġdid ibassar hekk (Lq.21:33; Ebr.1:10-12). 

L-univers preżenti ma jkunx meqrud hekk li jiġi fix-xejn biex imbagħad Alla joħloq univers ġdid li m’għandu ebda relazzjoni miegħu. Ikun hemm trasformazzjoni u grad ta’ kontinwità, bħalma l-ġisem tal-irxoxt se jkun meħud mill-ġisem mortali ta’ bħalissa (1 Kor.15:35-44). Ir-realtà ġdida se tkun ukoll differenti fil-kwalità, bħalma xitla tal-qamħ hi differenti miż-żerriegħa li minnha spontat. Hu sema ġdid għax hu trasformat fil-kwalità b’mod fondamentali; mhuwiex maħluq mix-xejn bħalma hu l-univers preżenti (Ġen.1:1). 

Hu ordni kosmiku ġdid għax se jkun post fejn hemm perfezzjoni morali (2 Pt.3:13), bla makkja ta’ ħażen jew tbatija (Riv.7:17; 21:4; cf., Isa.25:8), u l-mewt tkun spiċċat (Riv.21:4; cf., 1 Kor.15:26). Il-korruzzjoni tkun ħaġa tal-passat (Rum.8:21), u l-glorja divina tiddomina fuq kollox (1 Kor.15:42-43). Il-mifdija jkunu fit-tgawdija tal-ogħla realtà u l-barka l-aktar profonda, Alla nnifsu (Riv.14:4; cf., 22:1-5). 

ma kienx hemm baħar iżjed fis-sens illi s-sors ta’ ribelljoni mondana, kaos u periklu – il-baħar li minnu ħareġ id-dbib (Riv.13:1; Dan.7:3), ma jkunx iżjed. Kwalunkwe tixwix u insubordinazzjoni kontra Alla ma jheddux aktar il-perfezzjoni tal-ħolqien. 


Riv.21:2. Ġerusalemm il-ġdida (Riv.3:12; cf., Gal.4:26; Ebr.11:10; 12:22-24; 13:14) hi l-knisja jew il-mifdija ta’ Kristu, mhux aktar mgħaffġa mill-ġnus (Riv.11:2), iżda aktarx imżejna bħal għarusa. 


Riv.21:3. l-għamara t’Alla hi mal-bnedmin. L-ogħna u l-aqwa barka tal-istat etern tkun ix-xirka perfetta u feliċi m’Alla nnifsu. L-għan tal-patt, imtenni sikwit matul ir-rivelazzjoni divina, finalment jintlaħaq (Lev.26:11-12; Isa.7:14; Eż.37:27). 


Riv.21:4. l-mewt mhix se tkun iżjed. Il-vers kollu jassigura illi Alla għad jirriversja s-saħta imposta fuq id-dinja minħabba d-dnub (Isa.25:8; 65:19-20). 

In-nuqqas ta’ dmugħ fl-istat etern jindika illi xejn ma jnissel in-niket, diżappunt, frustrazzjoni, deni jew defiċjenza (cf., Isa.53:4-5; 1 Kor.15:54-57). 


Riv.21:5. dawn il-kelmiet huma affidabbli u veri (Riv.3:14; 19:11). Kulma jikkomunika Alla hu dejjem u assolutament veru, jaqbel mar-realtà, bla ma jqarraq (Ġw.17:17). Din hi xhieda wkoll illi l-Bibbja sħiħa, interpretata korrettement, ma fiha ebda tip ta’ żball, u twasslilna l-messaġġ sħiħ t’Alla.


Riv.21:6. Magħmul. Il-qirda tal-għedewwa t’Alla u ta’ kull ħażen (Riv.16:17), kif ukoll is-salvazzjoni tal-qaddisin tiegħu, huma kompluti t-tnejn. 

Bħalma Alla hu l-Bidu u t-Tmiem, hekk ukoll Ġesù hu magħruf bl-istess titlu (Riv.22:13; cf., 2:8), u allura xejn inqas divin mill-Missier. Il-Mulej hu lil hinn mill-oriġni tal-univers kif ukoll lil hinn mit-tmiem tiegħu bħala Kreatur sovran u dak li jwasslu fi tmiemu (Isa.41:4; 44:6; 48:12).

min-nixxiegħa tal-ilma tal-ħajja. It-tron t’Alla (Riv.22:1) hu wieħed li minnu tgelgel il-grazzja sovrana tiegħu (Ebr.4:6). Min jirrealizza l-bżonn spiritwali tiegħu jista’ hemm isib sodisfazzjon, bla ħlas u bla mertu personali. Is-salvazzjoni hi l-għotja ħielsa t’Alla. Eternità ta’ feliċità f’xirka m’Alla tappartieni għal dawk li jafu illi ruħhom hi mqaxqxa bid-dnub, u allura jfittxu sodisfazzjon fit-tpattija ta’ Kristu, u fih il-ħajja eterna (cf., Sal.42:1-2; Isa.55:1-2; Ġw.7:37-38). L-ilma hu r-rimedju spiritwali li jikkorrispondi għall-falliment tar-ruħ, bħalma l-ilma fiżiku jaqta’ l-għatx fiżiku. Hu għotja b’xejn mingħand Kristu (Ġw.4:13-14). 


Riv.21:7. Min jegħleb se jiret. Il-wegħdi lir-rebbieħa, ċoè l-fidili, dawk li jiddependu fuq Kristu waħdu bħala Salvatur u Sid suprem tagħhom (Riv.2:7,11,17; 1 Ġw.5:4-5; eċċ.) huma miġbura komprensivament f’din l-assigurazzjoni illi se jkunu eredi t’Alla f’univers ġdid. Il-wegħda lid-dixxendenti ta’ David (2 Sam.7:14), imwettqa preminentement f’Ġesù (Ebr.1:5), tinkludi wkoll lil dawk li jappartienu għalih (Gal.3:26). Il-fidili għandhom wirt riżervat għalihom (1 Pt.1:4; cf., Mt.25:33), u se jkun tagħhom fil-milja tal-ħolqien ġdid (cf., Rum.8:16-17). Hu tagħhom għax huma l-miksubin ta’ Kristu (1 Kor.3:21-23). Il-glorja ta’ salvazzjoni finali hi s-sehem ta’ dawk kollha li rrikorrew għand is-Salvatur Ġesù (Riv.2:7,17,26-28; 3:5,12,20-21; 7:9-17; 14:13; 21:1-7).


Riv.21:9-22:5. L-anġlu juri lil Ġwanni l-għarusa (cf., Mt.25:1-13; Ef.5:25-27), f’kuntrast tremend mal-prostituta (Riv.17:1-3). Difatti jurih il-belt qaddisa, Ġerusalemm smewwitija. Il-lingwaġġ hu simboliku u fluwidu, allura mhuwiex lant inkunu riġidi u niddistingwu bilfors bejn l-abitanti tal-belt u l-belt infisha. Ġerusalemm il-ġdida tieħu l-karattru tal-abitanti tagħha, il-mifdija. Dejjem skont il-ġeneru simboliku tal-ktieb, m’għandniex bilfors nieħdu l-belt bħala littera; abbli hi simbolu għall-ħajja mbierka fl-istat etern kif esperjenzata min-nies mifdija tal-Ħaruf. 

Ġwanni jiżvolġilna l-istampa ta’ Ġerusalemm il-ġdida. L-għamara finali u eterna tal-qaddisin hi simultanjament it-twettiq ta’ rivelazzjonijiet aktar bikrija t’Alla li jgħammar fis-smewwiet (Riv.21:22,23; 22:1,3; cf., Riv.4), Ġerusalemm il-belt qaddisa (Riv.21:10), il-Ġnien tal-Għeden (Riv.22:1-3), l-għarusa tas-Sid (Riv.21:9), u t-tempju bħala l-għamara t’Alla (Riv.21:22-23). 

Il-figura preminenti u l-barka ċentrali hu Alla nnifsu u l-Ħaruf (Riv.21:22-23; 22:1-5). Ir-rivelazzjoni finali t’Alla neċessarjament twassal fi klajmaks xieraq ir-rivelazzjonijiet aktar bikrija. Iġġib fi tmiema l-għan t’Alla illi jiġbor il-ħwejjeġ kollha taħt Ras wieħed, Kristu (Riv.11:15; cf., Ef.1:10). Tarmonizza mal-ħolqien ta’ kollox permezz ta’ Kristu fil-bidu (Riv.1:17; 4:11; cf., Kol.1:15-17), u l-fidwa ta’ niesu u tal-ħolqien tiegħu (Riv.5:9-14; cf., Rum.11:35; Kol.1:18-20). 


Riv.21:10. muntanja kbira u għolja. Wara l-qirda ta’ Gogg u Magogg (Eż.38-39), il-profeta kien trasportat lejn muntanja għolja ħafna (Eż.40:2-3) biex jara t-tempju futur t’Alla. Sikwit, il-muntanja hi l-post speċjali ta’ Alla biex jiltaqa’ man-nies (Riv.14:1; cf., Es.15:17; 19:1-25; Sal.48:1-2; 68:15-16; Eż.28:14; Mik.4:1-2). 

Għalkemm il-fidili huma esposti għas-sofferenza fuq l-art (Riv.11:2), il-ħajja vera tagħhom fil-belt il-qaddisa hi sikura għal dejjem. Għad tkun żvelata mis-sema, u tkun tagħhom (Kol.3:3-4). 


Riv.21:11. Il-glorja divina (Ġw.1:14) hi assoċjata mad-dawl, u tirrappreżenta l-maestà, il-prestiġju, it-timenza u l-ġmiel t’Alla. Hi tema prominenti fl-aħħar tal-ktieb (Riv.21:9-22:5), u tidher sikwit fejn jissemma t-tempju u d-dehriet t’Alla fil-Patt il-Qadim (Es.16:10; 24:16-17; 40:34-35; Isa.6:3; 40:3; 60:1-2,19-20; Ħab.2:14; Żak.2:5). 


Riv.21:12-14. Il-ħajt kbir u għoli tal-belt, u t-tnax-il xatba mgħassa mill-anġli (ara Ġen.3:24), jissinifikaw illi l-fidili issa jinsabu invulnerabbli għal kwalunkwe ħbit. Il-fatt li hemm it-tnax-il tribù u t-tnax-l appostlu juri l-unità tal-fidili kollha tul iż-żminijiet, ilkoll mifdija minn Salvatur wieħed, Ġesù. 


Riv.21:15-17. it-tul u l-wisa’ u l-għoli tagħha huma ugwali. Dan jikkorrispondi għall-Qaddis tal-Qaddisin (1 Slat.6:20; Eż.41:4). Ladarba l-belt sħiħa hi l-Qaddis tal-Qaddisin, fejn il-preżenza t’Alla hi manifestata, Ġwanni ma ra ebda tempju (Riv.21:22).

mija u erbgħa u erbgħin kubitu, ċoè tnax-il kubitu għal tnax-il darba. Id-dimensjonijiet tal-belt jiżvelaw l-assoċjazzjonijiet mat-tnax-il tribù u t-tnax-l appostlu (Riv.21:12,14), allura jinkorporaw il-poplu sħiħ t’Alla. 


Riv.21:18. Id-deheb pur hi espressjoni simbolika tas-safa trasparenti u l-valur imprezzabbli tal-wirt t’Alla fil-qaddisin tiegħu (Ef.1:18). 


Riv.21:19-21. b’kull tip ta’ ħaġra prezzjuża. Dawn jikkorrispondu mal-ħaġriet prezzjużi mnaqqxa bl-ismijiet tat-tribujiet Iżraeliti fuq l-efod tal-qassis il-kbir (Es.28:17-20). Il-prerogattivi darba riżervati għall-qassis il-kbir issa jappartienu għall-belt sħiħa, in-nies kollha t’Alla. 

Jixbhu wkoll il-ħaġriet assoċjati mal-Għeden (Eż.28:13-14).


Riv.21:22. ma rajtx tempju fiha. Ġesù nnifsu hu t-tabernaklu u t-tempju li fih Alla jgħammar fost niesu (Ġw.1:14; 2:19-21). Minħabba li l-Ħaruf hu f’nofsha, il-knisja hi l-għamara t’Alla bl-Ispirtu tiegħu (Ef.2:22). 

Aktar kmieni jingħad li hemm tempju fis-sema (Riv.3:12; 7:15; 11:19; 15:5). Din mhix kontradizzjoni. Il-glorja t’Alla li tillumina s-sema kollu tiddefinixxih bħala t-tempju tiegħu. M’hemmx bżonn tempju fl-istat etern ladarba Alla nnifsu jkun it-tempju li fih kollox jeżisti. Il-preżenza t’Alla timla s-smewwiet u l-art ġodda. Kull min jingħata ċittadinanza fil-belt smewwitija jkun bħallikieku daħal fil-preżenza illimitabbli t’Alla (cf., Ġw.14:3; 1 Tes.4:17). 


Riv.21:23. l-lampa tagħha hi l-Ħaruf. Alla l-Missier hu s-sors, u Kristu bħala l-Medjatur, biex l-għarusa tgawdi d-dawl glorjuż ta’ verità u safa (cf., Isa.60:19-20). 


Riv.21:24-27. Il-ġnus hawnhekk huma referenza għat-totalità tan-nies salvati, l-umanità mifdija fid-diversità kulturali tagħha, u jġibu l-isplendur jew il-glorja tagħhom. Il-bniedem hu fl-isbaħ u l-aħjar tiegħu bħala ħlejqa rinovata fix-xbieha t’Alla (cf., Isa.60:3-5). 

Hekk biss il-bniedem hu hieni u salv, u minħabba f’hekk x-xtabi tagħha ma jingħalqu xejn binhar għax mhu se jkun hemm ebda avversità jew oppożizzjoni kontriha. Hawn hu t-twettiq tal-profezija (Isa.60:11). L-għedewwa ostili jkunu inkarċerati fl-infern. 


Riv.22:1-2. Ix-xmara u s-siġra tal-ħajja jfakkruna fl-Għeden qabel il-waqgħa fid-dnub (Ġen.2:8-10) kif ukoll il-viżjoni tal-profeta meta ra t-tempju glorjuż tal-futur (Eż.47:1-2; ara wkoll Żak.14:8). 

Ħajja fl-aħjar kwalità tagħha tnixxi mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf, imwassla lill-fidili mill-Ispirtu s-Santu, bħalma wiegħed Ġesù (Ġw.4:10-14; 7:38-39; cf., Isa.44:3; Eż.36:25-27). Minn issa l-fidili jduqu dan l-ilma li jagħti l-ħajja (Riv.7:17; 22:17), iżda s-sodisfazzjon fil-milja tiegħu jingħatalhom fis-smewwiet ġodda u art ġdida. Dan kollu jindika stampa ta’ gelgul interminabbli ta’ barkiet abbondanti kif ukoll hena fl-aqwa tagħha. 

Is-siġra tal-ħajja, darba miċħuda lill-umanità ħatja (Ġen.3:22-24), għad tissodisfa r-residenti tal-belt qaddisa kostantement, għall-eternità (Riv.2:7). Il-ġnus, ċoè, il-kotra mħallta ta’ nies salvati, ikunu kkurati jew imfejqa, għax il-mewt tkun inqerdet darba għal dejjem (Riv.20:14; cf., Eż.47:12). 


Riv.22:3. Id-dinja preżenti tinsab taħt saħta minħabba d-dnub (Ġen.3:17), li minnu jirriżultaw il-ġlied, diqa, taqbid, mard, mewt, u fuq kollox, ħtija quddiem Alla. Fil-konsumazzjoni kwalunkwe saħta titneħħa; ebda gwaj ma jibqa’ (Riv.21:4). 

It-tron t’Alla, ċoè l-ħakma twajba tiegħu, tagħmel il-belt sħiħa tempju (21:22), li fih l-ilsiera tiegħu se jaqduh bħala l-qassisin ikkonsagrati tiegħu. 


Riv.22:4. għad jaraw lil wiċċu. Mosè u persunaġġi oħra ma setgħux jaraw wiċċ Alla (Es.33:20-23; 34:29-35), imma meta l-Ispirtu jkun ġab fi tmiem is-santifikazzjoni f’kull wieħed minn ulied Alla, imbagħad ikunu kwalifikati biex igawdu komunjoni fil-qrib miegħu. Din hi ċertament l-ikbar barka li l-mifdija jesperjenzaw, il-viżjoni beatifika. Jithennew fih bħalma Alla, fi Kristu Ibnu, iħares lejn niesu b’favur u għaxqa.

ismu se jkun fuq ġbienhom. Alla għarafhom bħala tiegħu u ssiġillahom bħala l-proprjetà protetta tiegħu matul it-taqlib tal-istorja u t-tiġrib tagħhom fuq l-art. Jibqgħu bil-marka tiegħu għall-eternità (Riv.3:11-12; 7:2-8; 14:1). 


Riv.22:5. Il-lejl, simboliku għal kulma hu assoċjat mal-biża’ u l-waħx, ikun memorja tal-passat, u daqshekk (cf., Riv.21:25). Ulied Alla jixxaħxħu fid-dawl li jiġi mill-glorja u l-verità t’Alla l-imbierek, li jgħammar f’dawl li ħadd ma jistax jersaq lejh (1 Tim.6:16; Riv.21:23-24). 

F’unjoni ma’ Kristu, is-Sultan tas-slaten, dawk il-fidili li minn did-dinja għarfuh u stqarrewh bħala s-sultan sovran u grazzjuż fuqhom, se jsaltnu fuq l-univers rinovat t’Alla. U l-barka tagħhom hi interminabbli u assigurata (Riv.5:10). 


Riv.22:6-7. Dal-kliem hu affidabbli u veru. Iċ-ċentralità, l-awtorità, is-suffiċjenza u l-eternalità tad-dikjarazzjonijiet t’Alla huma pivotali. Jistednuna nersqu lejn l-Iskrittura bl-ikbar kunfidenza illi l-messaġġ tagħha hu totalment u unikament veru. Fir-Rivelazzjoni dan hu enfasizzat hawn u bnadi oħra (Riv.21:5; 22:9-10,18-19). L-Iskrittura hi l-ħajja (Ġw.6:68) u tmantni l-ħajja (Mt.4:4) ta’ dawk kollha magħqudin ma’ Kristu bil-fidi għas-salvazzjoni tagħhom (Dt.6:6; 32:47), għax hija pura (Sal.12:6) u tibqa’ għal dejjem (Isa.40:8; 1 Pt.1:25). Xejn mhu aktar ċert u stabbli minnha (Mt.24:35). 


Riv.22:8-9. lil Alla adura. L-anġli twajba ma jaċċettawx adorazzjoni mogħtija lilhom, jew talb indirizzat lilhom, għax kwalunkwe qima u devozzjoni reliġjuża tixraq biss lil Alla. L-anġli nfushom iqimu lil Alla. Ladarba l-Ħaruf hu denjament meqjum (Riv.5:8-14), allura bilfors hu Alla. 


Riv.22:10. Tissiġġillax kliem il-profezija ta’ dal-ktieb. Danjel ingħadlu biex jissiġġillaha (Dan.12:4,9), għax il-viżjonijiet mogħtija lilu kkonċernaw avvenimenti fil-futur remot, iżda fil-każ ta’ Ġwanni ma kellux għalfejn, għax it-twettiq tal-viżjonijiet tiegħu kienu temporalment qrib il-qarrejja immedjati tiegħu, bħalma hu qrib ukoll għalina (1 Tes.5:2-3; 5:4). B’din il-perspettivi l-fidili jmisshom jgħixu, għax id-dragun diġà hu megħlub bis-salib; u t-tmiem iġib fil-konsumazzjoni l-konflitt spiritwali li fih il-knejjes fl-ewwel seklu kienu ingaġġati, bħalma huma l-knejjes illum (1 Kor.10:11). 


Riv.22:11. Min jaġixxi inġustament, ħa jibqa’ jaġixxi inġustament. L-istil ta’ ħajja, il-mostra morali ta’ kull wieħed, sew jekk tajba inkella ħażina, sew jekk ikkontrollata mill-fidi jew inkella mill-inkredulità, eventwalment issir irriversibbli (cf., Dan.12:10). 



Riv.22:12. Ġesù jwiegħed li ġej malajr, u għandu barkiet indeskrivibbli – premju – għas-segwaċi tiegħu kif ukoll ġudizzju għar-ribelli li ma joqogħdux għall-ħakma sovrana tiegħu. Bħala l-gwerrier divin (Isa.62:10-63:6), jirrikumpensa lil kulħadd skont il-ġustizzja (cf., Lq.12:47-48; 1 Kor.3:14-15). Dan għandu jimmotiva lill-fidili għall-perseveranza u s-safa, kif ukoll iqanqal lill-miskredenti għall-indiema. 


Riv.22:14. In-numru sebgħa hu mifrux matul ir-Rivelazzjoni anke b’mod klandestin. Pereżempju, wieħed jista’ jgħodd seba’ barkiet jew benedizzjonijiet, imferrxa tul il-ktieb sħiħ: 

1. Barka għal meta jaqrah u jgħix fid-dawl tiegħu (Riv.1:3).

2. Barka għal dawk li jmutu fis-Sid (Riv.14:13).

3. Barka għal min jibqa’ viġilanti u jżomm ħwejġu nodfa (Riv.16:15).

4. Barka għall-mistiedna għat-tieġ tal-Ħaruf (Riv.19:9).

5. Barka għal min għandu sehem fl-ewwel resurrezzjoni (Riv.20:6). 

6. Barka għal min iżomm il-kliem tal-profezija (Riv.22:7).

7. Barka għal dawk li jaħslu ċ-ċlieqen tagħhom, ċoè għall-fidili li huma preżentabbli għal quddiem Alla għax huma nodfa bis-saħħa tas-sagrifiċċju tal-Ħaruf (cf., 1:5). Is-sagrifiċċju ta’ Kristu jnaddaf il-kuxjenza u r-ruħ tal-fidili (Riv.7:14; Ebr.9:14).


Riv.22:14-15. Id-dikotomija u l-kuntrast estrem bejn iż-żewġ gruppi finali tal-umanità jidhru ċari: dawn ġewwa, li ngħatalhom il-jedd, bi Kristu, biex jidħlu fil-belt qaddisa, u dawk li huma esklużi: Barra hemm il-klieb. Kull min ħabb il-falsità satanika, is-senswalità, u mexa skont il-passjonijiet tiegħu aktarx milli qagħad għar-renju ta’ Kristu, bi ndiema u fidi fih, sehmu hu biss it-turment etern (cf., Riv.21:8,27).


Riv.22:16. Ġesù hu kemm bin David, dixxendent tiegħu skont in-natura umana tiegħu (Nisel), kif ukoll Sid David, skont in-natura divina tiegħu (Għerq; ara wkoll Riv.5:5; cf., Isa.11;1,10; Mk.12:35-37). 

il-kewkba brillanti ta’ filgħodu. Ġesù hu l-ħakkiem illi Balaam ra minn qabel li kellu jqum minn fost il-poplu Lhudi biex jikkonkwista l-ġnus, kif difatti qed jiġri (Num.24:17). 


Riv.22:17. min jixtieq, ħa jieħu l-ilma tal-ħajja bla ħlas. Stedina għal min hu konxju tal-faqar spiritwali tiegħu. Is-sodisfazzjon hu provdut bla ħlas skont il-grazzja t’Alla. Il-bniedem, midneb u għadu tal-Ħallieq tiegħu, ma jimmeritax, frattant Alla jagħti b’xejn dak li jistħoqqilniex (Riv.21:6; cf., Isa.55:1). 


Riv.22:18-19. jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla se jżidlu l-flaġelli miktubin f’dal-ktieb. Għeluq xieraq għar-Rivelazzjoni kif ukoll għall-Bibbja Mqaddsa kollha. Hi l-uniku sors affidabbli ta’ tagħrif spiritwali, suffiċjenti fiha nfisha, u magħha m’għandna nħalltu jew inżidu xejn (2 Tim.3:15-16; cf., Prov.30:5-6). La għandna awtorità nnaqqsu u lanqas nissupplimentaw (Dt.4:2; 12:32), iżda biss nemmnuha u nobduha kif inhi. Kull min jippretendi li jitkellem f’isem Alla mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu ħaqqu l-mewt (Dt.18:20-22). 

Alla se jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja. Dan qed jirreferi għal telfa ta’ salvazzjoni, darba posseduta minn Kristjani veri, jew inkella għall-premju salviviku finali għal dawk li jkunu esternament klejmjaw illi huma Kristjani iżda qatt ma kellhom fidi ġenwina? It-tieni grupp, ovvjament. 

Mhux qed jindika illi Kristjani ġenwini jistgħu jintilfu eternament. Għall-kuntrarju, ir-riġenerati kollha jibqgħu jgawdu l-ħajja eterna u xirka m’Alla. Kristu ma jitlef lil ħadd minn tiegħu (Ġw.6:39); huma ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu sa jum il-fidwa (Ef.4:30); u ħadd mhu kapaċi jaħtafhom minn id il-Missier (Ġw.10:28-29). Is-salvazzjoni hi ħidma esklussivament t’Alla (Titu 3:5), u għandu l-potenza biex iżomm lill-mifdija tiegħu biex ikomplu jafdaw fi Kristu sat-tmeim (1 Pt.1:3-5). 

Ġwanni qed iwissi, kif għamel tul l-Apokalissi, illi l-fidili nominali ma jirċevux il-premju finali (Riv.21:8,27; 22:15). Il-klejm tagħhom għall-fidi ġie milqugħ għax għal xi żmien wettqu l-parti u r-rwol tagħhom. Kienu kkonsidrati għal xi żmien mill-komunità ġenwina bħala nies li għandhom jirċievu l-wirt etern. Għaldaqstant il-porzjon jew sehem apparenti tagħhom mis-siġra tal-ħajja jitteħdilhom. 

Ħafna jidher li huma werrieta, iżda finalment jinkixfu. Huma friegħi li finalment jinqatgħu mid-dielja għax ma jipproduċux frott (Ġw.15:2,6). Flok jossottomettu ruħhom għall-Kelma kif inhi, ibagħbsu magħha kif jidhrilhom, iżidu u jnaqqsu minnha. Forsi ma jagħmlux dan litteralment, iżda jaċċettaw li jogħġobhom, u jinsew kulma jdarras jew ma jinżlilhomx. Xi kwalità ta’ frott nipproduċu juri għandniex sehem veru fis-salvazzjoni eterna (Mt.7:16-20).