L-Epistola lill-Kolossin


Kol.1:2. Kolossi kienet madwar mitt mil fil-Lvant ta’ Efesu, qrib Laodikeja u Ħjerapoli (Kol.4:13). Kienet ċentru kummerċjali antik iżda qed titlef l-importanza tagħha. Il-vanġelu abbli wasal hemm matul il-ministeru ta’ Pawlu f’Efesu (At.19:10), għalkemm kien Epafra li wettaq rwol maġġuri fl-evanġeliżmu u l-kobor spiritwali tal-Kolossin. Pawlu ma kienx midħla mal-fidili hemmhekk (Kol.2:1), u f’xi żmien Epafra rrapportalu dwar il-qagħda tal-kongregazzjoni. 


Kol.1:4-5. Jissemmew il-fidi fi Kristu, l-imħabba lejn l-aħwa u t-tama ta’ salvazzjoni sħiħa – ġabra fil-qosor tal-ħajja Nisranija (1 Kor.13:13). 


Kol.1:6. fid-dinja kollha (cf., v.23). Il-vanġelu mhux riservat għal xi grupp wieħed jew ġens ċkejken; hu bxara tajba għal kulħadd (Rum.1:8,14,16). 


Kol.1:9. għerf u dehen spiritwali: kull Kristjan hu mistenni illi jsir kapaċi jiġbor u jorganizza l-prinċipji skritturali, sabiex japplikahom għall-ħajja kwotidjana tiegħu. 


Kol.1:10. tikbru fil-konoxxenza t’Alla. Impossibbli nikbru spiritwalment jekk ma nafux lil Alla (1 Pt.2:2; 2 Pt.3:18). Tinduna li qed timmatura jekk għandek ġibda ifnad għal Kelmtu (Sal.119:97), ubbidjenza aktar konsistenti (1 Ġw.2:3-5), pedament dottrinali sod (1 Ġw.2:12-14), fidi qed tissaħħaħ (2 Tes.1:3), u mħabba sinċiera lejn il-proxxmu (Fil.1:9). 


Kol.1:12. kwalifikakom. Mingħajr il-grazzja, mogħtija minħabba Kristu u s-sagrifiċċju tiegħu, il-bnedmin ħaqqhom biss l-għadab u l-kastig t’Alla. Frattant il-Missier innifsu jawtorizza lill-midinbin biex ikollhom sehem mill-ħniena tiegħu. 

Id-dawl hu sinonimu għal saltnet Alla. Fl-Iskrittura jirrappreżenta l-verità (Sal.119:130) u l-purità divina (Ef.5:8-14). 


Kol.1:13. ttrasferiena għas-saltna tal-Iben ta’ mħabbtu. It-tema tas-saltna t’Alla hi prominenti matul il-Bibbja kollha, u tiffoka l-għan t’Alla għall-ġrajja dinjija. Fit-Testment il-Qadim il-Mulej iddikjara li kellu jeżerċita l-jedd irjali tiegħu (is-sovranità; Dan.4:34,35), billi jaħkem fuq il-ħajja u ċ-ċirkostanzi tal-bnedmin permezz tas-Sultan magħżul tiegħu, il-Messija Davidiku (Isa.9:6-7) fi żmien dehbi ta’ barka. Din is-saltna ġiet b’Ġesù u hi magħrufa kulfejn is-Sid Kristu hu rikonoxxut. Ġesù jinsab inkurunat fis-smewwiet bħala ħakkiem fuq il-ħwejjeġ kollha (Mt.28:18; Kol.1:13), Sultan tas-slaten u Sid is-sidien (Riv.17:14; 19:16). 

Iż-żmien dehbi ta’ barka huwa perjodu ta’ salvazzjoni mid-dnub u xirka m’Alla li twassal għal stat ġejjieni ta’ hena sħiħa f’univers kostruwit mill-ġdid. Is-saltna hi preżenti fil-bidu tagħha imma fil-milja tagħha għadha futura. F’sens wieħed hawnhekk diġà, imma fl-ogħna sens għad trid tiġi (Lq.11:20; 16:16; 17:21; 22:16,18,29,30).

Is-saltna ġiet u ġabet ħniena iżda wkoll ġudizzju, bħalma qal il-Prekursur (Mt.3:1-12). Dawk li laqgħu l-kelma ta’ Kristu u ħallew id-destin tagħhom f’idejh sabu mogħdrija, waqt li dawk li ma ridux kienu ġġudikati. 

Il-missjoni tal-knisja hi li minn saltna inviżibbli tagħmilha viżibbli permezz ta’ ħajja leali u xhieda konsistenti tagħha. L-evanġelju ta’ Kristu għadu l-evanġelju tas-saltna (Mt.4:23-24; 24:14; At.20:25; 28:23,31), l-aħbar it-tajba ta’ ġustizzja, paċi u ferħ fl-Ispirtu s-Santu. Il-knisja tagħmel il-messaġġ tagħha kredibbli billi turi r-realtà ta’ ħajja fis-saltna.

Il-wasla tas-saltna kienet tfisser stadju ġdid fil-programm ridentiv t’Alla. Kulma kien tipiku, temporanju u imperfett fl-arranġamenti li Alla kien għamel għall-komunjoni ta’ Iżrael miegħu saru ħwejjeġ skaduti tal-imgħoddi. L-Iżrael t’Alla, nisel Abraham, issa hu rivelat bħala l-miġemgħa ta’ kredenti f’Ġesù (Gal.3:16,26-29). L-Ispirtu ssawwab, u mod ġdid ta’ ħajja sar realtà għal did-dinja. Kien twieled internazzjonaliżmu ġdid ta’ xirka: knisja globali b’evanġeliżmu għal kulħadd bla distinzjoni (Mt.28:19,20; Ef.2:11-18; 3:6,14-15; Kol.1:28-29; Riv.5:9-10; 7:9).


Kol.1:15. hu l-immaġni t’Alla l-inviżibbli. Għal Pawlu, twemmin fid-divinità ta’ Kristu (Rum.9:5; Fil.2:6; Titu 2:13) hu prattiku. Ladarba min-natura hu Alla, Kristu jiżvela lil Alla li altrimenti ma jidhirx (1 Tim.1:17; 6:16). Il-ħsieb insibuh ukoll fi Ġwanni 1:1-18 u l-Ebrej 1:3. Noqogħdu attent biex ma nfittxux lil Alla band’ oħra, għax apparti minn Kristu kwalunkwe ħaġa li toffri lilha nfisha lilna f’isem Alla tkun biss idolu.

il-primoġenitu tal-ħolqien kollu. Mhux għax l-Iben kien l-ewwel enti maħluq. Fil-Patt il-Qadim, il-primoġenitu hu l-werriet prinċipali tal-ġid jew assi (Dt.21:17; cf., Es.4:22; Sal.89:27). Hawnhekk tissinifika illi Kristu għandu tant unur u dinjità, mhux għax hu l-ewwel wild ta’ familja. Kristu hu speċjalment maħbub mill-Missier (Kol.1:13), u l-ħolqien sar fih, bih u għalih (Kol.1:16-17). 


Kol.1:16. tronijiet jew dominji jew ħakkiema jew awtoritajiet: kategoriji diversi ta’ anġli, maħluqa minn Kristu u gvernati minnu. Ħżiena jew tajbin, Ġesù hu s-Sid fuq iż-żewġ gruppi.


Kol.1:18. hu l-bidu. M’għandniex nifhmu illi Kristu b’xi mod kellu bidu, għax f’din l-istess ittra Pawlu jafferma li Kristu ħalaq kollox (Kol.1:16) u fih tgħammar il-milja kollha tad-divinità korporalment (Kol.2:9). Mhuwiex il-bidu fil-ħolqien, iżda l-bidu fuq il-ħolqien (Kol.1:15). F’dan il-kuntest bidu tfisser il-werriet ta’ kollox, il-Ħallieq (fis-sens li hu l-ewwel kawża ta’ kollox), u allura l-pussessur ta’ kollox. 

il-primoġenitu mill-imwiet. Il-qawmien ta’ Kristu minnn bejn l-imwiet jimmarkah bħala l-bidu ta’ ħolqien ġdid (Kol.3:10; 2 Kor.5:17). Bħala l-ewwel wieħed li qam mill-mewt b’ġisem glorifikat, Kristu jinawgura l-era ġdida antiċipata mill-profeti (At.2:29-36; 13:33-35) u jsejjes umanità ġdida fih innifsu biex tieħu post l-umanità qadima f’Adam. Ir-resurrezzjoni tiegħu hi antiċipazzjoni u garanzija tar-resurrezzjoni li ħutu kollha għad jiksbu u jgawdu (Rum.8:29; 1 Kor.15:20-28; Ebr.1:6; 12:23). 


Kol.1:19. Il-milja kollha tad-divinità (il-qawwiet, karatteristiċi u attributi divini kollha) tappartieni għal Kristu. Hu fil-veru sens Alla (Kol.2:9), daqskemm huwa bniedem. 


Kol.1:20. permezz tiegħu jirrikonċilja l-ħwejjeġ kollha għalih innifsu...sew jekk huma l-ħwejjeġ fuq l-art jew il-ħwejjeġ fis-smewwiet. Pawlu mhux qed jgħallem l-universaliżmu (ċoè, illi l-bnedmin kollha se jsalvaw), altrimenti jkun qed jikkontradixxi lilu nnifsu f’epistoli oħra (eż., Fil.3:18-19; 2 Tes.1:8-9). Qed jisħaq dwar is-sovranità universali ta’ Ġesù, fis-sens li ngħatatlu awtorità fis-sema u fl-art (Mt.28:18). Minħabba l-mewt u r-resurrezzjoni tiegħu, Kristu bħala l-aħħar Adam hu Sid fuq kollox li kien intilef mill-ewwel Adam (1 Kor.15:45-49). 


Kol.1:21-22. rrikonċiljakom. Id-dnub jifred il-bnedmin minn Alla (Rum.8:7). Frattant, bil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu nħadmet rikonċiljazzjoni jew ħbiberija m’Alla. Bil-fidi fih nkunu restawrati lura miegħu u ngawdu s-sliem miegħu. 

bla tixlija. Il-fidwa ta’ Kristu hi tant qawwija illi mhux biss tħabbibna mal-Ħallieq iżda wkoll tagħmilna moralment qaddisin (Ef.5:25-27). 


Kol.1:23. jekk tabilħaqq tissoktaw fil-fidi. Il-fidi salvivika tippersevera u tissaporti (Kol.1:11), ankrata fit-tama (Kol.1:5). Fidi u tama veri ma jinstabu mkien jekk mhux fi Kristu u mmirati lejh. Pawlu mhuwiex qed jixħet dubju illi forsi Kristjan ġenwin jista’ ma jkomplix jgħix bħala Kristjan; aktarx, qiegħed jagħti l-istampa sħiħa, illi l-fidi tilħaq it-tmiem tagħha, sal-glorifikazzjoni fil-ġenna.

proklamat fil-ħolqien kollu taħt is-sema. Pawlu kapaċi jitkellem dwar waħda mill-kondizzjonijiet għall-konsumazzjoni taż-żminijiet, ix-xandir dinji tal-vanġelu (Mt.24:14; Mk.13:10; cf., Kol.1:6), bħala diġà kompluta. Qed jinqeda bl-iperbole (esaġerazzjoni letterarja għall-enfasi). Jerġa’, billi mmira l-appostolat tiegħu lejn iċ-ċentri urbani tal-Imperu Ruman, fehem lilu nnifsu bħala ambaxxatur li qed jilħaq id-dinja ċivilizzata (At.19:10; Rum.15:18-25). 


Kol.1:24. Issa nifraħ fis-sofferenzi tiegħi għalikom, u nimla f’laħmi dak li għad jonqos fl-afflizzjonijiet ta’ Kristu għal ġismu, li hu l-knisja. Il-kuntest jenfasizza s-suffiċjenti totali ta’ Kristu, bħalma naraw bnadi oħra (eż., Rum.3:21-26; 2 Kor.5:17-21). Allura Pawlu ma jridx ifisser li l-ħidma salvivika ta’ Kristu fuq is-salib hi defiċjenti f’xi aspett. Kristu waħdu sofra għad-dnub (ta’ ħaddieħor); aħna nsofru minħabba d-dnub (tagħna nfusna). Aktarx, billi l-knisja hi msejħa biex issofri għal Kristu (2 Kor.4:7-12; 1 Tes.3:2-4), hemm rekwiżit maħtur minn Alla għas-sofferenzi li wliedu għandhom iġarrbu fid-dinja. Pawlu jbati minħabba l-knisja (Ef.3:13; 2 Tim.2:10), iżda mhux biex ipatti għad-dnubiet; ir-ridenzjoni eterna wettaqha Kristu waħdu (Ebr.1:3). Bħala serv tal-evanġelju, Pawlu jifraħ fl-opportunità tiegħu biex jipparteċipa fis-sofferenzi tal-poplu t’Alla. Il-knisja ċertament mhijiex inkarnazzjoni ta’ Kristu li l-membri tagħha jżidu bi tbatijiethom mal-mertu ottentut minn Kristu bis-salib tiegħu. Il-mertu ta’ Kristu hu infinit: la jista’ jonqos u lanqas jiżdied. Kristu biss patta għad-dnubiet; it-tbatija tagħna, mela, hi fis-servizz, mhux għas-salvazzjoni. 


Kol.1:26. il-misterju. Fir-reliġjon kontemporanja pagana “l-misterji” kienu tagħrif sigriet mogħti (normalment bi ħlas) lil xi wħud biss, inizjati fihom. B’naqra ironija Pawlu jinqeda bl-istess terminu għar-rivelazzjoni li Alla għamel disponibbli b’xejn għall-ġnus (Kol.1:27; 2:2; 4:3; Ef.1:9; 3:3-4,9; 5:32; 6:19). Kif jużaha Pawlu l-kelma misterju tirreferi għal verità darba moħbija, imma issa qed tkun żvelata. 


Kol.2:2. assigurazzjoni sħiħa tad-dehen. Aktar ma napprezzaw u ngħożżu l-evanġelju, u aktar ma nkunu inkuraġġiti u eżerċitati fl-imħabba, aktar nimmaturaw, bir-riżultat illi ngawdu ċ-ċertezza dwar is-salvazzjoni finali tagħna.

Il-misterju t’Alla: illi l-Messija mwiegħed hu Alla nnifsu, inkarnat fostna. 


Kol.2:3. L-għerf u t-tagħrif jinstabu fi Kristu (1 Kor.1:30); impossibbli tkun għaref, bl-istandard tal-Iskrittura, mingħajru. 


Kol.2:6. mexjin fih. L-imġiba kwotidjana tal-fidili hi mpenġija bħala mixja (Rum.6:4; 8:4; 13:13). Timxi fih ifisser tfassal ħajtek fuq ħajtu, iżżommu bħala l-mudell u l-ispirazzjoni tiegħek. 


Kol.2:8. Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jeħodkom priża tiegħu permezz tal-filosofija u ingann battal, skont it-tradizzjoni tal-bnedmin. Alla ma jridniex nistudjaw il-filosofija? Nagħmlu dawn l-osservazzjonijiet:

1. Il-Bibbja mhix kontra l-filosofija daqskemm mhix kontra r-reliġjon; iżda ċertament hi kontra l-filosofija fiergħa (ibbażata biss fuq ir-raġuni umana) daqskemm hi kontra r-reliġjon falza (għax mhix imsejsa fuq ir-rivelazzjoni t’Alla), jew kontra reliġjon bla frott ta’ etika tajba (Ġak.1:26-27). 

2. Pawlu qed jipprotesta kontra filosofija partikolari, u jsejħilha battala: probabbilment qed jattakka xi forma bikrija ta’ Njostiċiżmu. Kien ċertu tagħlim illi infiltra l-knisja f’Kolossi, li involva legaliżmu, mistiċiżmu u axxetika (Kol.2).

3. Pawlu nnifsu kien imħarreġ u midħla fil-filosofiji ta’ żmienu, u swewlu biex irraġuna mal-filosfi f’Ateni (At.17:17,34). 

4. Alla ma jridniex inkunu injoranti, iżda konoxxenti x’sistemi ta’ ħsieb huma mħaddna fis-soċjetà tagħna, biex inkunu kapaċi nikkumbattuhom, u niddefendu l-evanġelju (Fil.1:17; Titu 1:9; 1 Pt.3:15). 

5. Ħadd ma jmur għand tabib li ma jkunx studja dwar il-mard. U hawn hu l-periklu meta nitgħallmu x’filosofiji kontemporanji huma popolari: aħna u nistudjaw irridu noqogħdu attenti biex ma nkunux influwenzati bihom, bħalma riċerkatur fuq il-mard joqgħod attent biex ma jitteħidx mill-mard hu nnifsu. 


Kol.2:8. il-prinċipji elementari tad-dinja. L-għalliema foloz f’Kolossi offrew ħwejjeġ simplistiċi u immaturi, bħall-bqija tal-filosofiji mondani, idealoġiji u spekulazzjonijiet oħra, ivvintati min-nies mitlufa. 


Kol.2:9. Kristu hu realment u litteralment Alla daqskemm hu bniedem. Alla l-inviżibbli sar viżibbli fil-laħam (Ġw.1:18). 


Kol.2:10. Il-fidili kollha huma mimlijin fi Kristu, kemm pożizzjonalment bis-sewwa tiegħu magħduda fil-kont tagħhom, kif ukoll bis-suffiċjenza kompluta tar-riżorsi mingħand il-Missier sabiex jimmaturaw prattikament (2 Pt.1:3-4). 


Kol.2:11. Fih kontu wkoll ċirkonċiżi b’ċirkonċiżjoni mhix magħmula bl-id. Pawlu hawn qed jitkellem għal operazzjoni spiritwali, bl-inizjattiva grazzjuża t’Alla, u jiddeskriviha bħala t-tneħħija tal-ġisem tal-laħam. Il-fidili m’għadhomx jgħixu fl-isfera tal-umanità mwaqqa’ fid-dnub u taħt l-influwenzi tagħha (Gal.5:24), iżda kienu trasferiti għas-saltna ta’ Kristu. Issa jgħixu bih u fih, taħt is-sovranità tiegħu (Kol.1:13). B’dan l-għemil sopranaturali magħmul mill-Feddej – biċ-ċirkonċiżjoni ta’ Kristu – il-fidili issa huma mneħħija mis-solidarjetà tagħhom ma’ Adam u dnubu (Rum.6:6), u jinsabu f’solidarjetà ma’ Kristu u s-sewwa tiegħu. Kapaċi jgħixu għalih, bħalma qabel ma setgħux. 


Kol.2:12-13. midfunin miegħu bil-magħmudija...wkoll irxoxtati miegħu permezz tal-fidi fil-qawwa t’Alla, li qajmu mill-imwiet... għamilkom ħajjin flimkien miegħu.

B’metafora oħra meħuda mill-ħidma ta’ Kristu fuq il-Golgota, ir-rit tal-magħmudija jirrappreżenta identifikazzjoni ma’ Kristu f’mewtu (cf., Rum.6:4-6) flimkien mal-identifikazzjoni ma’ Kristu fil-qawmien tiegħu (cf., Ef.2:6). Mewt u qawmien ma’ Kristu jissinifikaw il-mewt għad-dominju tad-dnub u ta’ Satana, kif ukoll tqawwija u kapaċità biex il-fidil jgħix ħajja ġdida li għaliha jsejħilna s-Salvatur u Sidna, f’imitazzjoni tiegħu (Rum.6:3-11). 

Dan kollu jgħodd għall-Kristjan mhux għax il-magħmudija għandha xi effett maġiku jew sagramentali, iżda sar realtà billi eżerċita l-fidi fil-qawwa t’Alla. 


Kol.2:14. It-totalità ta’ dnubiet ta’ kull individwu huma dejn (Rum.3:23), tant kbir illi impossibbli jitħallas personalment (Mt.18:21-35). Frattant, Kristu ħa d-dejn tal-midinbin fuqu nnifsu u skontah bis-salb tiegħu. Ħallas il-penali tiegħu u kkanċellah. 


Kol.2:15. żarma. Hawn għandna aspett ieħor tas-sagrifiċċju ta’ Kristu: ħarbat lix-xitan u l-forzi tiegħu, għelibhom u ssiġilla l-kundanna tagħhom (Ġw.12:31; 16:11). 


Kol.2:16. qamar ġdid. L-ewwel jum tax-xahar Lhudi kien jum ta’ mistrieħ, sagrifiċċji speċjali, u daqq ta’ trumbetti (Num.28:11-15; Sal.81:3). Din hi l-unika referenza għalih fil-Patt il-Ġdid; hemm oħra indiretta fil-Galatin 4:10. 


Kol.2:16-17. Sibtijiet – li huma sempliċement dell tal-ħwejjeġ li kellhom jiġu. Is-Sibt kien assoċjat mal-fidwa (Dt.5:15). Kien dell tas-salvazzjoni u mistrieħ li kellhom isiru reali aktar tard, provduti minn Kristu. Allura s-Sibt issimbolizza l-misrieħ minn ħidmietna u l-entratura fil-mistrieħ (Sabbat, jew Sibt, ifisser mistrieħ) t’Alla provdut fit-tpattija ta’ Ibnu fuq is-salib. 

L-Għaxar Kmandamenti huma lkoll ripetuti u mgħallma fil-Patt il-Ġdid: l-unika differenza hi illi flok is-Sibt, il-Kristjani josservaw il-Ħadd. U bir-raġun. Bil-qawmien tiegħu mill-mewt fl-ewwel jum il-ġimgħa, il-Ħadd (Mt.28:1), bid-dehriet tiegħu fi Ħdud ta’ wara (Ġw.20:19,26), u l-miġja tal-Ispirtu s-Santu nhar ta’ Ħadd f’Pentekoste (At.2:1), il-knisja bikrija ngħatat mostra ċara għall-qima nhar ta’ Ħadd. Hekk għamlu regolarment, taħt il-gwida tal-appostli (At.20:7; 1 Kor.16:2). 


Kol.2:18. jiskwalifikakom. L-għalliema foloz, bil-mistiċiżmu irrazzjonali tagħhom, kienu theddida għall-fidili. Kieku taw kashom kienu jtellfuhom mill-prempju temporali u etern (2 Ġw.8). 

umiltà falza. L-għalliema foloz tkabbru bl-axxetika tagħhom, iżda Alla attwalment jobgħod dil-prattika (Prov.6:16-17). 

l-qima tal-anġli, li tinvolvi l-invokazzjoni tagħhom għall-għajnuna u protezzjoni, kif mgħallem fir-Rumaniżmu, hi kkundannata kategorikament (Mt.4:10; Riv.19:10). Il-qima u kwalunkwe venerazzjoni reliġjuża għandha tingħata lill Alla Trinità waħdu. 

Kull kult u reliġjon falza tibbaża fuq viżjonijiet u rivelazzjonijiet, li jbegħduna mill-Iskrittura u d-devozzjoni tagħna lejn Kristu.


Kol.2:19. ma jaqbadx sod mar-Ras. Il-knisja ma ġġarrabx risq, saħħa u kobor jekk ma żżommx sħiħ il-komunjoni tagħha ma’ Sidha (Ġw.15:4-5). 


Kol.2:20. mittu ma’ Kristu: referenza għall-unjoni mistika tal-fidili ma’ Sidhom, f’mewtu u l-qawmien tiegħu (Rum.6:1-11).


Kol.2:21-23. umiltà falza u trattament sever tal-ġisem. Kull tentattiv biex tikseb il-qdusija billi tittraskura l-ġisem, jew billi ssawtu litteralment, u prattiċi oħra bħal dawn huma kkundannati. Ma fihom ebda valur biex irażżnu d-dnub jew biex iressqu lill-individwu lejn Alla. L-estremitajiet tal-axxetika jiggratifikaw biss in-natura midinba, u sikwit huma wżati bħala wirja ta’ qdusija taparsi (Mt.6:16-18). 


Kol.3:1. bilqiegħda fuq il-leminija t’Alla: il-pożizzjoni ta’ maestà u l-ogħla ġieħ. Kristu jgawdi din l-eżaltazzjoni bħala Bin Alla rxoxtat (Fil.2:9), u hekk sar il-fonti ta’ barkiet għall-fidili tiegħu (Ġw.14:13-14). 


Kol.3:3. ħajjitkom hi moħbija ma’ Kristu f’Alla. Il-ħajja tal-Kristjan mhijiex dejjem ovvja għall-oħrajn, iżda ċertament Pawlu jrid ifisser aktar minn hekk (cf., Kol.2:3). Il-fidil hu inseparabbilment magħqud ma’ Kristu (Ġw.6:51-58; cf., Gal.2;20). Ir-realtà sħiħa ta’ dil-ħajja ġdida għadha mhijiex żvelata kompletament. Frattant Pawlu, b’dil-frażi sabiħa, qed jafferma li l-ħajja ġdida hi sikura fi Kristu. Dak li Alla tana b’xejn la l-bniedem u lanqas d-demonji mhuma kapaċi jisirqulna (Ġw.10:29; cf., Isa.49:2; Sal.27:5-6; 31:19-20). 


Kol.3:5. Mewtu mela l-membri tagħkom. Peress li l-fidili mietu ma’ Kristu (Kol.2:20; 3:3), kapaċi jkunu emanċipati mill-prattiċi ħżiena u vizzji (Rum.6:11; 8:13). Il-lingwaġġ ta’ mortifikazzjoni jew qatla tad-dnub jindika li l-Kristjani jmisshom jieħdu miżuri severi biex jikkonkwistaw id-dnub. Il-viġilanza fuqhom infushom (Mt.26:41), il-qari u l-meditazzjoni fuq l-Iskrittura, t-talb u xirka ma’ aħwa oħra għall-qima t’Alla, huma l-ewwel passi, iżda għandhom ikomplu b’dixxiplina serja fuqhom infushom (Mt.5:29-30). 

r-regħba, li hi idolatrija. Il-leblieba għall-flus, immoralità jew kwalunkwe kwestwa midinba oħra hi essenzjalment idolatrija, għax wieħed ikun qed jiffissa u jadura lilu nnifsu (Ef.5:3-5).


Kol.3:6. r-rabja t’Alla hi r-reazzjoni qaddisa u invarjabbli tiegħu kontra l-ħżiena u l-ħażen tagħhom (Rum.1:18; Riv.11:18). F’wiċċ id-diżubbidjenza impossibbli Alla jibqa’ passiv. 


Kol.3:9. l-bniedem il-qadim hu l-ego qadim u naturali, li writtna mingħand Adam (Rum.5:12-14). Il-Kristjan jidneb meta jħalli l-laħam jiddetta fuqu. 


Kol.3:10. lbistu l-ġdid. Il-Kristjan hu mwieled mill-ġdid b’natura ġdida, riżultat tal-unjoni tiegħu ma’ Sidu (Ef.4:17). 


Kol.3:11. Skita: stmat fid-dinja Rumana bħala l-eżempju assolut tal-paganiżmu. L-Iskiti kienu razza ta’ nies jgħammru fir-Russja tan-Nofsinhar, fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, nies slavaġ u bla ċiviltà. 


Kol.3:11. Kristu kollox u f’kollox. Ladarba Ġesù hu l-Feddej tal-fidili kollha, hu s-Sid suprem tagħhom ilkoll, suffiċjenti għal kulħadd, minkejja d-distinzjonijiet umani. 


Kol.3:12. l-magħżulin t’Alla. Il-mifdija waslu biex igawdu l-maħfra u kull barka oħra minħabba l-fatt li kienu magħżulin mill-eternità biex isiru werrieta t’Alla. Ħadd ma jagħżel lil Kristu jekk Kristu m’għażilx lilu (Ġw.15:16). Ħadd ma jikkonverti bid-deċiżjoni tiegħu; il-fidi tiegħu hi għotja ħielsa mingħand Alla sovran. 


Kol.3:17. agħmlu kollox f’isem is-Sid Ġesù. Waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-ħajja Kristjana hi din: ma ngħixux għat-tifħir jew l-approvazzjoni tal-bniedem, iżda nagħmlu u ngħidu kollox f’ġieħ Kristu, għas-sebħ tiegħu, u bi gratitudni lejh. 


Kol.3:18-19. Nisa, issottomettu għal żwieġkom. Is-sottomissjoni tal-mara lejn żewġha hi f’ubbidjenza għal Sidha, bħalma r-raġel hu msejjaħ biex iħobb lil martu bl-istess imħabba li Kristu ħabb lilu. Kull rwol – għan-nisa u rġiel miżżewġa, kif ukoll għall-ulied – jgħodd għalihom skont l-għerf t’Alla biex il-familja tiffunzjona sewwa. 


Kol.3:20. Tfal, obdu l-ġenituri f’kollox. Kwalunkwe ħaġa neħduha fil-kuntest tagħha. L-ubbidjenza mhix mistennija meta l-ġenituri jikkmandaw lil uliedhom jagħmlu l-ħażen: innota kif Pawlu jkompli, għax dan jogħġob ferm lis-Sid. Ċertament il-ħażen ma jogħġobx lil Alla. Il-kwalifika fl-Efesin 6:1 hi illi jobdu “fis-Sid.”


Kol.3:24-25. tirċievu l-premju tal-wirt. L-Imħallef jassigura illi wliedu jirċievu kumpensa ġusta u eterna għall-isforzi tagħhom biex jissottomettu għar-rieda tiegħu u jogħġbuh, speċjalment fil-każ meta sidhom mondan hu inġust magħhom. Mingħandu jirċievu mhux biss ġustizzja finali, iżda ħniena inkalkolabbli, għax jilqagħhom fi ħdanu. 


Kol.4:3. bieb hawn jissinifika opportunità jew okkażżjoni għas-servizz u evanġeliżmu (1 Kor.16:8-9). 


Kol.4:5-6. Imxu bl-għerf ma’ dawk ta’ barra. Għandna nżommu testimonjanza attraenti mal-infidili. Inżommu quddiemna l-għan ta’ ħajjitna, illi nagħtu glorja lil Sidna u nservu ta’ gwida; partikolarment kliemna għandu jkun bil-grazzja, imħawwar bil-melħ (cf., Mt.5:13). Irridu nikkoltivaw is-sengħa kif nitkellmu b’mod interessanti, stimulanti u b’dehen, strettament skont il-verità u bil-għan li nagħmlu l-ġid, sew jekk b’inkuraġġiment jew twiddib, tagħlim jew korrezzjoni. Il-Kristjani huma involuti fil-komunità lokali tagħhom u għandhom ifittxu opportunitajiet biex jitħalltu mal-miskredenti bl-intenzjoni biex jirrikkmandawlhom l-evanġelju. 


Kol.4:16. intom ukoll taqraw l-ittra minn Laodikeja. Din tista’ tkun referenza għall-Epistola lill-Efesin, li kienet maħsuba mill-bidu biex tiċċirkola fost il-knejjes. Inkella possibbilment hi ittra ta’ Pawlu li ma kinitx kanonika, u allura ntilfet maż-żmien, bħalma ntilfu vanġeli li Luqa jirreferi għalihom (Lq.1:1). Kienet prattika komuni fil-knejjes illi tinqara l-Kelma t’Alla waqt il-qima tagħhom; din it-tradizzjoni lodevoli għandha tinżamm illum ukoll.