L-Epistola lill-Galatin



Gal.1:2. Il-Galazja kienet distrett imdaqqas fiċ-ċentru tal-Asja Minuri, bil-Bitinja fit-Tramuntana, il-Pontu fil-Lvant, il-Likaonja u l-Kappadoċja fin-Nofsinhar, u l-Friġja fil-Punent. Bosta mill-abitanti kienu emigranti mill-Gallja, u allura mlaqqma l-Galli tal-Lvant. Kienu vjolenti u saru flaġell għall-ġirien tagħhom. Meta trażżnu, krew lilhom infushom bħala suldati merċenarji.

Jekk l-Ittra lill-Galatin inkitbet lill-knejjes fil-Galazja tan-Nofsinhar, kif inhu probabbli, il-knejjes kienu msejsa matul l-ewwel vjaġġ missjonarju ta’ Pawlu, u kitbilhom wara tmiem il-vjaġġ, probabbilment minn Antjokja, għall-ħabta tas-sena 49 w.K., u allura hi l-ittra l-iżjed bikrija ta’ Pawlu. Il-laqgħa importanti f’Ġerusalemm, kif naqraw dwarha fl-Atti 15, kienet konvokata ftit wara. 


Gal.1:4. Iż-żmien hawnhekk mhuwiex perjodu ta’ ħin iżda ordni jew sistema, is-sistema kurrenti tad-dinja maħkuma mix-xitan (1 Ġw.5:19). 


Gal.1:6. sejħilkom bil-grazzja ta’ Kristu. Il-grazzja divina taslilna bl-inizjattiva t’Alla, bis-sejħa tiegħu, u mhux minħabba xi rieda tajba, tħejjija jew kwalunkwe ħaġa oħra li nkunu għamilna biex tkun meritata lilna. Difatti, il-grazzja teskludi l-mertu (Gal.1:15; Rum.4:4-8; 8:30; 9:11-13). Qabel it-twelid tagħna (Gal.1:15), u allura qabel ma stajna nagħmlu xi ħaġa ħażina jew tajba, Alla għażilna biex joħloq il-fidi fina (Rum.9:10-13; Ef.1:4-6). Ħadd ma jista’ jaqla’ s-sejħa t’Alla bil-prestazzjoni reliġjuża tiegħu; hi għotja b’xejn. 


Gal.1:7. jiddisturbawkom. Probabbilment kienu Lhud minn Ġerusalemm li insistew illi l-Ġentili mhux biss għandhom jemmnu f’Ġesù bħala l-Messija iżda wkoll għandhom jaċċettaw iċ-ċirkonċiżjoni u hekk isiru Lhud (Gal.2:3-5,12; 6:12-13). Din l-idea kienet mifruxa fost il-Kristjani Lhud bikrija (At.15:1; 21:20-21; Fil.3:2-3). 


Gal.1:8-9. ħa jkun misħut. L-għalliema li jżidu kwalunkwe kondizzjoni oħra għas-salvazzjoni apparti l-fidi vera f’Ġesù Kristu, avolja jista’ jkollhom kredenzjali eċċellenti, ikunu qed jippervertu l-vanġelu u jħassruh. Predikaturi ta’ vanġelu falz jinsabu taħt il-kundanna t’Alla. 


Gal.1:10. qed nipprova nirbaħ l-approvazzjoni tan-nies, jew t’Alla? L-opponenti ta’ Pawlu fil-Galazja attakkaw mhux biss il-vanġelu iżda wkoll il-messaġġier tiegħu. Waħda mill-akkużi tagħhom kienet illi Pawlu prietka forma faċli tal-vanġelu, bla ma rrekjieda ċirkonċiżjoni jew ubbidjenza għal-liġijiet tas-Sibt u restrizzjonijiet fid-dieta (Gal.4:10; 5:11). 


Gal.1:13-2:21. smajtu bi mġibti. L-abbozz awtobijografiku ta’ Pawlu hu offrut bħala difiża għall-appostolat tiegħu u jagħti prova tal-awtentiċità tal-vanġelu tal-grazzja mniedi minnu. Li kien jiġi minnu kien jibqa’ fil-Ġudaiżmu (ir-reliġjon tal-Lhud), iżda Alla għoġbu jsejjaħlu. 


Gal.1:16. għoġbu jirrivela ’l Ibnu fija. Mhux biss Kristu kien żvelat lil Sawl fit-triq ta’ Damasku, iżda wkoll f’qalbu hekk kif Alla tah il-ħajja, id-dawl u l-fidi biex jemmen fih. 

ma kkonsultajtx. Pawlu ma rrikorra għand ħadd biex jikkjarifikalu jew iżidu mar-rivelazzjoni smewwitija li rċieva mingħand Kristu (At.9:19-20). 


Gal.1:24. Il-fatt illi gglorifikaw ’l Alla juri li Pawlu prietka l-istess vanġelu mxandar oriġinarjament mill-appostli f’Ġerusalemm. 


Gal.2:2. fil-batal. Il-mexxejja f’Ġerusalemm ma kinux is-sors tal-awtorità appostolika ta’ Pawlu. Frattant, l-isforzi tiegħu biex ixandar l-evanġelju kienu jkunu mfixkla kieku dawn l-irġiel influwenti opponewh. Kien fl-interess tal-vanġelu illi Pawlu jfittex xirka u għaqda magħhom. 


Gal.2:4. Pawlu kkonsidra d-dottrina tas-salvazzjoni bil-grazzja biss permezz tal-fidi biss fi Kristu waħdu bħala tant kruċjali illi kkonsidra lil dawk li opponewha bħala aħwa foloz (Gal.1:8-9; 5:2-4). 

il-libertà tal-fidili mhijiex laxkezza biex jidinbu kemm iridu; altru. Tkomplija fid-dnub, meta tgħid li temmen fi Kristu, hi turija ta’ fidi falza. Il-ħelsien li għalih jalludi Pawlu hawnhekk hu ħelsien mis-saħta li l-liġi tippronunzja fuq il-midneb (Gal.3:10-14; 5:1,13). Billi l-Kristjan hu maħfur, hu lliberat mill-kundanna – biex iservi lil Alla. 


Gal.2:5. il-verità tal-evanġelju. L-entratura fil-komunità tal-poplu pattwali t’Alla hi biss bil-fidi fi Kristu, mogħtija bħala għotja b’xejn lill-individwu minn Alla (Gal.1:6,16; Ef.2:8). Kwalunkwe tentattiv biex iżżid xi ħaġa mal-fidi, bħalma hi ċ-ċirkonċiżjoni, is-sagramenti jew ritwal reliġjuż, ubbidjenza personali jew ħwejjeġ oħra, hu ċaħda tas-suffiċjenza tal-fidi fil-merti infiniti ta’ Kristu li ssodisfa l-ġustizzja t’Alla, u allura hu perverżjoni tal-vanġelu. 


Gal.2:6. Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd. Il-privileġġ tat-Tnax m’għamilx l-appostolat tagħhom aktar awtorevoli minn ta’ Pawlu. Pawlu qatt ma qies lilu nnifsu inferjuru, għax l-istess Kristu kkummissjonahom ilkoll (2 Kor.12:11-12). 


Gal.2:7-8. fdat bl-evanġelju. Il-Ġudaisti klejmjaw illi Pawli kien qed jipprietka vanġelu irregolari, iżda l-appostli nfushom ikkonfermaw illi nieda l-istess vanġelu veru, biss lil udjenza differenti: huma primarjament lil-Lhud u Pawlu prinċipalment lill-pagani. 


Gal.2:9. It-tliet appostli msemmija huma deskritti bħala kolonni għax qdew rwol kruċjali sabiex il-knisja tkun stabilita u ssapportjata. 

l-id il-leminija tax-xirka ssimbolizzat ħalfa solenni ta’ ħbiberija u marka ta’ sħubija waħda. Hekk Pawlu u l-appostli l-oħra rrikonoxxew lil xulxin bħala għalliema tal-vanġelu veru. 


Gal.2:11-13. Kefa, ċoè Pietru, irtira minn Kristjani Ġentili biex jissieħeb ma’ Ġudaisti li kellhom pożizzjoni fatalment żbaljata dwar il-vanġelu. Hekk ta l-impressjoni illi appoġġja d-dottrina tagħhom u nnega l-vanġelu ta’ Pawlu, speċjalment illi s-salvazzjoni hi bi grazzja biss permess tal-fidi biss fi Kristu waħdu. 


Gal.2:14. tgħix bħala Ġentil. Pietru aċċetta l-Kristjani Ġentili u kiel magħhom, bla ma osserva d-dieta ċerimonjali Lhudija, u hekk wera li Alla laqagħhom bil-fidi fi Kristu mingħajr ma kellhom għalfejn isiru Lhud. Pawlu issa jċanfru għall-inkonsistenza tiegħu. 


Gal.2:16. ġġustifikati bil-fidi fi Kristu. Il-ġustifikazzjoni kienet għall-appostlu Pawlu il-qalba tal-evanġelju (Rum.1:17; 3:21-5:21; Gal.2:15-5:1), li sawret il-messaġġ (At.13:38,39) u d-devozzjoni tiegħu (Fil.3:4-14).

Jekk ebda ħaj mhu ġust quddiem Alla (Sal.143:2), kif jista’ jkun hemm tama ta’ verdett favur il-midneb? (Ġob.9:2). Bħalma Alla hu l-Imħallef, li l-verdett tiegħu hu finali u ġust, hekk ukoll hu s-Salvatur li kapaċi u difatti provda ħelsien mill-ġudizzju tiegħu stess (Ġob.2:9). Il-ġustizzja t’Alla hi żvelata, mhux biss bħala x’jirrekjiedi minna, iżda bħala l-għotja grazzjuża tiegħu (Isa.45:24-25; 54:14-17). L-għotja taslilna permezz tal-Messija (Isa.53:8; Ġer.23:5-6; 33:14-16). Pawlu jipproklama t-twettiq tal-wegħda fil-Patt il-Qadim (Rum.3:21-26). 

Il-ġustifikazzjoni hi l-att t’Alla meta jaħfer lill-midinbin u jaċċettahom bħala ġusti minħabba Kristu. Biha, Alla jsewwi darba għal dejjem ir-relazzjoni tagħhom miegħu. Hija l-kuntrarju tal-kundanna: il-bniedem ġustifikat hu magħdud bħala ġust fuq il-merti ta’ Kristu li patta għad-dnubiet minfloku (2 Kor.5:13-21). 

Is-sentenza t’Alla li biha jiġġustifika tidher stramba, għax meta tqis bħala ġusti nies midinbin donnha hi azzjoni inġusta minn wieħed fi rwol ta’ mħallef. Il-Bibbja stess tipprojbixxi dan l-aġir (Dt.25:1; Prov.17:15). Madankollu l-att t’Alla meta jiddikjarana bħala ġusti hu wieħed sewwa, għax hu msejjes fuq il-ġustizzja (ħajja ġusta) ta’ Ġesù Kristu. Bħala “l-aħħar Adam” (1 Kor.15:45), ir-ras rappreżentattiv li ħadem għan-nom ta’ niesu, Kristu obda l-liġi sħiħa li kienet torbotna u ħa fuqu l-kastig mistħoqq lilna minħabba d-diżubbidjenza tagħna, u allura mmerita li nkunu milqugħin fih. Il-ġustifikazzjoni tagħna quddiem Alla hi mqiegħda fuq pedament ġust (Rum.3:25-26; 1 Ġw.1:9), billi l-perfezzjoni ta’ Kristu hi magħduda fil-kont tagħna (Rum.5:18-19). 

Alla ppronunzja l-verdett favorina – minħabba s-sagrifiċċju tal-Ħaruf, Ibnu nnifsu. Effettivament, id-deċiżjoni tiegħu hi l-ġudizzju tal-aħħar jum rigward fejn se nqattgħu l-eternità, miġjub ’il quddiem fil-preżent u pronunzjat issa stess. Hu ġudizzju fuq id-destin etern tagħna; Alla qatt mhu se jerġa’ lura minnu, avolja Satana jista’ jappella kontra l-verdett (Żak.3:1; Rum.8:33-34; Riv.12:10). Meta Alla jgħoddok bħala ġust int ukoll eternament sikur (Rum.5:1-5; 8:30-39).

Inkunu ġustifikati meta nemmnu f’Ġesù Kristu bħala l-Feddej imsallab u Sid irxoxtat mill-qabar (Rum.4:23-25; 10:8-13). Il-fidi tirċievi l-għotja divina. Permezz tagħha l-kredenti jitlibbes bis-sewwa u l-perfezzjoni ta’ Kristu, u jirċievi maħfra kompluta minħabba t-tpattija mwettqa fuq il-Kalvarju. Il-fidi hi meħtieġa għaliex aħna nfusna ma nimmeritawx li naħarbu l-kundanna; biss permezz ta’ Kristu, li miet minflok l-inġusti, Alla jaċċettana. Hekk kif nagħtu lilna nfusna bil-fidi lil Ġesù, jagħtina l-għotja tiegħu li nkunu sewwa m’Alla, billi niksbu fih il-maħfra u l-aċċettazzjoni li ma nistgħu nsibu mkien ieħor (Gal.2:15-16; 3:24).


Gal.2:16. bl-opri tal-liġi. S’issa Pawlu rrefera għal opri li jiddistingwu l-Lhud mill-pagani (Gal.2:15), bħalma huma ċ-ċirkonċiżjoni, restrizzjonijiet fid-dieta, u ż-żamma tas-Sibt. Il-frażi tiegħu, madankollu, tinkludi kull sforz tal-umanità midinba biex tosserva l-liġi t’Alla ħalli hekk timmerita verdett favorevoli mingħandu.


Gal.2:17. aħna nfusna misjubin ukoll midinbin. Pawlu għadu kif iddiskuta kif il-Ġentili huma magħrufa fost il-Lhud bħala midinbin (Gal.2:15). Meta Kristjani Lhud jassoċjaw magħhom, jaqgħu taħt l-akkuża mil-Lhud tradizzjonalisti illi saru midinbin huma nfushom. L-appostlu ma jaċċettax din l-akkuża u jirreżistiha bil-qawwa. 


Gal.2:18. nagħti prova tiegħi nnifsi bħala trasgressur. Ironikament, il-bniedem li l-aktar fiċ-ċar jidher bħala midneb mhuwiex dak li jinsab barra l-liġi, ċoè l-Ġentili, iżda dak li jinsab taħt il-liġi. Mela, kieku Pawlu kellu jerġa’ jintroduċi l-binja tal-liġi, sempliċement ikun qed jagħt prova tiegħu nnifsu bħala wieħed ikkundannat.


Gal.2:19. permezz tal-liġi jien mitt għal-liġi. Il-Kristjan miet għal-liġi fil-mewt ta’ Kristu; kien mislub ma’ Sidu (Gal.2:20), għax bil-fidi jinsab fl-għaqda ma’ Kristu li miet minfloku (Rum.4:25; 5:6; Gal.3:13). Mewtu għal-liġi ma ġġibx fix-xejn il-liġi, għax Kristu onora d-domandi tagħha u ħa l-kastig tagħha, ladarba niesu kisruha. Mela hu permezz tal-liġi illi l-fidil hu rilaxxjat mill-jasar u l-kundanna tal-liġi. Lanqas għadu jgħix bħallikieku biex jipprova jikseb aċċettazzjoni quddiem Alla billi jobdi l-liġi. 

L-għan ta’ dan kollu hu sabiex ngħix għal Alla. Tqajjem ma’ Kristu u jgħix f’relazzjoni m’Alla (Kol.2:12; 3:1). M’għadux taħt it-toqol impossibbli illi jipprova jkun milqugħ quddiem l-Imħallef bl-isforzi morali tiegħu, għax bil-fidi diġà kiseb l-approvazzjoni t’Alla bil-ġustifikazzjoni li tinsab f’Ibnu. F’din ir-relazzjoni ġdida l-Kristjan isib libertà ġdida u meraviljuża biex jgħix ħajja devota lil Alla. Hekk il-Kristjan dejjem jagħmel l-almu tiegħu biex jimxi b’mod illi jogħġob lil Missieru, u frattant mhu qed jiddependi xejn fuq l-azzjonijiet tiegħu biex ikun dikjarat ġust. Diġà, fi Kristu, hu meqjus ġust, u allura jesprimi dil-ġustizzja fi mġibtu. 


Gal.2:20. Jien imsallab ma’ Kristu; u jien ma ngħixx iżjed, imma Kristu jgħix fija. L-unjoni ma’ Kristu tfisser illi rrappreżentana f’mewtu u fil-qawmien tiegħu. Aktar minn hekk, hi unjoni ħajja. Ġesù hu preżenti mal-fidil; bl-Ispirtu tiegħu jgħammar f’xirka interna ma’ niesu. B’daqshekk ma jfissirx illi l-individwalità tal-fidili hi mgħakksa jew assorbita fi Kristu; Pawlu jgħix fil-ġisem bil-fidi. L-unjoni hi relazzjoni spiritwali ta’ intimità ineffabbli. 


Gal.2:21. Kristu għalxejn miet. Min imqar jissuġġerixxi illi nistgħu naqilgħu s-salvazzjoni bl-isforzi morali tagħna jew bis-sagramenti jeqred il-pedament tal-Kristjaneżmu, u jirrendi s-sagrifiċċju ta’ Kristu bħala ineffettiv.


Gal.3:2. irċevejtu l-Ispirtu bl-opri tal-liġi, jew bis-smigħ tal-fidi? Il-Galatin irċevew l-Ispirtu s-Santu appena kienu salvati billi emmnu l-vanġelu (Rum.8:9), mhux għax żammew il-liġi. Jappella għall-esperjenza tagħhom stess biex jintebħu bl-iżball gravi li kienu qed jaċċettaw. 


Gal.3:3. bil-laħam. Hawnhekk il-laħam jirreferi għall-isforz uman. Forsi Pawlu għandu f’moħħu mhux biss illi wieħed jipprova jżomm il-liġi mingħajr l-Ispirtu (Rum.7:7-8:17), iżda wkoll it-tentattiv illi wieħed jirbaħ favur mingħand Alla billi jkun ċirkonċiż (Fil.3:2-3). Hu x’inhu, għandna twissija kontra kull sforz biex nirbħu s-salvazzjoni billi nwettqu xi opra jew ħidma. Ebda għemil uman ma jsalvana, la ta’ ħaddieħor (mexxej reliġjuż, knisja, ġenituri, ħbieb) u lanqas tagħna nfusna (parteċipazzjoni fis-sagramenti, talb, sawm, opri tajba, penitenzi). Kristu biss isalvana. Appena nafdaw fih ġenwinament Alla jilliberana mill-kundanna. Mhux x’nagħmlu aħna li jgħodd, iżda x’għamel is-Salvatur (Gal.2:16). 


Gal.3:4. jekk tabilħaqq għalxejn? Din tagħti ħjiel illi Pawlu ma kienx għadu qata’ jiesu mis-sitwazzjoni wegħrija tal-Galatin li b’din l-epistola qed jipprova jirranġa. 


Gal.3:6. emmen ’l Alla, u kienet kreditata lilu għall-ġustifikazzjoni tiegħu. Abraħam kien missier il-Lhud; kien il-persuna li miegħu Alla l-ewwel stabbilixxa ċ-ċirkonċiżjoni bħala sinjal pattwali (Ġen.17:10). Imqar il-patrijarka venerabbli tqiegħed f’relazzjoni sewwa m’Alla permezz tal-fidi (Rum.4:11). Pawlu mhux talli ma kienx qed ixejjen il-patt t’Alla m’Abraħam: għall-kuntrarju, l-ulied veri ta’ Abraħam jixxerjaw il-fidi tiegħu, sew jekk huma dixxendenti fiżiċi tiegħu jew le. Il-wegħda lil Abraħam hi wkoll wegħda ta’ barka għall-ġnus, li trid tkun milqugħa bil-fidi bħalma għamel Abraħam. 


Gal.3:7. Huma ulied Abraħam f’sens spiritwali (Gal.3:29; Rum.4:11). 


Gal.3:8. l-Iskrittura, billi pprevediet. Il-personifikazzjoni tal-Iskrittura kienet ħaġa komuni fost il-Lhud (Ġw.7:38,42; Rum.9:17; 10:11). Billi l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, meta titkellem hi virtwalment qed jitkellem Alla. 


Gal.3:9. dawk tal-fidi huma mbierka ma’ Abraħam, li emmen. Il-profeti kienu diġà bassru illi kull min jemmen, Lhud jew pagani, kellhom ikunu magħduda bħala ġusti quddiem Alla, eżattament kif ġralu Abraħam. Dawn il-barkiet jaslulna biss minħabba Kristu (cf., Ġw.1:16; Rum.8:32). 


Gal.3:10-11. dawk kollha li huma mill-opri tal-liġi: referenza għan-nies li qed jipprovaw jaqilgħu s-salvazzjoni billi jżommu l-liġi. Impossibbli dan, għax il-liġi tiddomanda ubbidjenza perfetta u perpetwa, altrimenti tikkundanna, mhux tbierek. Ksur wieħed tal-liġi ħaqqu s-saħta divina. 


Gal.3:12. Imma l-liġi mhix mill-fidi; għall-kuntrarju, “Min jagħmilhom se jgħix bihom.” Oriġinarjament dil-kwotazzjoni mil-Levitiku 18:5 kellha x’taqsam ma’ barka temporali u milja tal-ħajja li jgawdu dawk li “jagħmlu” l-liġi. Tidher ukoll li hi wegħda kondizzjonali fil-liġi illi tindika li l-ubbidjenza twassal għall-ġustizzja, ċoè qagħda ta’ aċċettazzjoni quddiem Alla (cf., Dt.6:25). Madankollu dil-wegħda tibqa’ bla mhi mwettqa għax hi kondizzjonata fuq ħaġa li ma tistax tiġri, voldiri illi individwu jobdi l-liġi divina b’mod komplut u suffiċjenti, bla falliment (Ġak.3:1).

L-argument ta’ Pawlu hu sempliċi u konvinċenti: jekk se tipprova ssalva bl-ubbidjenza tiegħek għal-liġi, trid tirrendi ubbidjenza perfetta u bla mittiefsa, mill-bidu sat-tmiem – xi ħaġa impossibbli. Jekk se ssalva bil-fidi fi Kristu, il-Feddej waħdu jsalvak, mingħajr parteċipazzjoni daparti tiegħek. 


Gal.3:13. sar saħta għalina. Billi ksirna l-patt t’Alla għax ma żammejniex il-liġi, ħaqqna nirċievu s-saħta tal-liġi u l-kundanna t’Alla. Iżda Kristu tgħabba bis-saħta minflok niesu, u hekk kisbilna s-sliem m’Alla (Rum.3:21-26; 4:25; 5:1-8; 2 Kor.5:21; Kol.2:13-15; 1 Pt.2:24). 


Gal.3:14. L-Ispirtu s-Santu, li bih aħna mogħtija l-ħajja spiritwali, hu l-barka t’Abraħam. Il-Ġentili fidili, li ħajjithom hi mmarkata bl-Ispirtu li jgħammar fihom, iwettqu l-wegħda illi b’Abraħam il-ġnus ikunu mbierka. 


Gal.3:15-18. il-liġi, li ġiet introdotta erba’ mija u tletin sena aktar tard, ma tinvalidax il-patt ratifikat minn qabel minn Alla. Alla wiegħed barkiet salviviċi lill-ġnus permezz ta’ Abraħam u lin-nisel tiegħek, ċoè Kristu, dixxendent minn Abraħam skont in-natura umana tiegħu. Il-wegħda fil-patt ma’ Abraħam ma kinitx ikkanċellata meta Alla ta l-liġi tiegħu permezz ta’ Mosè fuq is-Sinaj. Il-liġi ma topponix il-wegħdi (Gal.3:21), iżda tassumihom. Id-domandi rigorużi tal-liġi juru kemm hu impossibbli tipprova taqla’ s-salvazzjoni bil-mertu uman; aktarx tipponta n-nies lejn Kristu biex jafdaw fih (Gal.3:24). 


Gal.3:19. Kienet miżjuda minħabba t-trasgressjonijiet. Ir-rwol tal-liġi hu illi tiddefinixxi d-dnub bħala dnub, ribelljoni kontra r-rieda espliċita t’Alla, u hekk tagħmel id-dnub jidher wisq iżjed fil-gravità u l-kruha kollha tiegħu (Rum.5:13,20). 


Gal.3:20. Issa intermedjarju mhux rappreżentant ta’ parti waħda biss. Mosè serva ta’ medjatur meta Alla għamel il-patt tiegħu ma’ Iżrael minn fuq is-Sinaj (Es.19-34). Il-wegħda mogħtija lil Abraħam, madankollu, ma ħtiġilha ebda medjatur u għaldaqstant tieħu preċedenza fuq il-patt Mosajku.

imma Alla hu wieħed (Dt.6:4). Il-patt t’Alla ma’ Abraħam, peress li ma involva ebda medjatur, wera l-unità u s-sovranità t’Alla aktar perfettament mill-patt tas-Sinaj. It-twettiq tal-patt t’Alla ma’ Abraħam bl-inklużjoni tal-Ġentili fil-poplu t’Alla wkoll jesibixxi l-unità t’Alla aktar fiċ-ċar milli l-patt tas-Sinaj, għax jiddikjara s-sovranità divina fuq il-ħolqien kollu (Rum.3:29-30).


Gal.3:21. Mela l-liġi kontra l-wegħdi t’Alla? Il-liġi tkun biss f’kompetizzjoni mal-vanġelu kieku kapaċi tagħti l-ħajja billi teħles lill-midinbin mill-kundanna tagħha stess. Għalkemm il-liġi hi tajba u turi x’jogħġob lil Alla u x’jobgħod Alla (Lev.18:5; Rum.7:10), m’għandhiex il-ħila tirrikonċilja l-midinbin mal-Ħallieq (2 Kor.3:6). Il-Lhud ingħataw il-liġi u kienu kkundannati biha għax kisruha. Aktar minn hekk, il-ġnus kollha jaqgħu taħt il-kundanna, u allura t-tama tagħna tinsab biss fis-Salvatur imwiegħed u issa provdut. 


Gal.3:22. sakkret lil kulħadd taħt id-dnub, jiġifieri, taħt is-setgħa u l-penali tiegħu. Allura l-liġi ma tistax tipproduċi l-ubbidjenza rikjesta biex wieħed ikun illiberat mill-kundanna. 


Gal.3:23-24. qabel ma ġiet il-fidi. Fl-esperjenza ta’ kull individwu, kif ukoll kif uriet il-ġrajja tal-fidwa, biss il-fidi ġenwina tiftaħ il-kanċell tal-ħabs fejn il-liġi, personifikata bħala gwardjan li jgħasses il-ħatjin (Rum.6:23), iżżomm il-midinbin maqfula. 


Gal.3:25. m’aħniex iżjed taħt is-superviżjoni ta’ tutur. Il-fidi salvivika teħles lill-kredenti mid-domanda tal-liġi għal ubbidjenza perfetta sabiex wieħed ikun ġustifikat. 


Gal.3:27. mgħammdin. Mhux bl-ilma, iżda billi spiritwalment kienu mqiegħda fi Kristu, fl-unjoni miegħu (cf., Gal.2:20), fil-mewt u r-resurrezzjoni tiegħu (cf., Rum.6:3-4). 

ilbistu ’l Kristu. Bl-unjoni mistika tal-fidil ma’ Kristu (ħidma misterjuża tal-Ispirtu s-Santu), issa hu magħdud ġust u perfett quddiem Alla, bħallikieku Alla jara lil Kristu (Fil.3:8-10). Aktar minn hekk, prattikament jeħtiġilna nxiddu lil Sidna quddiem il-bnedmin, fl-imġiba kollha tagħna (Rum.13:14). 


Gal.3:28. m’hemm la maskil u lanqas femminil, għax intom ilkoll wieħed fi Kristu Ġesù. Il-ħajt ta’ separazzjoni bejn Lhud u Ġentili issa twaqqa’ għal dawk uniti ma’ Kristu bil-fidi. Fih aħna lkoll ulied Abraħam (Ef.2:14-16; Kol.3:11). Ebda distinzjoni umana mhi importanti fil-kustjoni tas-salvazzjoni. Pawlu mhuwiex qed iħassar dawn id-distinzjonijiet, bħalma hi d-differenza bejn is-sessi, iżda jindika illi ma jagħtu ebda status preferenzjali inkwantu l-qagħda tagħna quddiem Alla u l-unjoni tagħna ma’ Kristu. Sakemm Kristu jirritorna nibqgħu nagħrfu l-ordni kif ħalaq Alla inkwantu r-raġel u l-mara (1 Kor.11:3: 14:34; 1 Tim.2:11-14). 


Gal.3:29. nisel Abraħam. Mhux id-dixxendenti fiżiċi ta’ Abraħam huma l-Iżrael t’Alla (Gal.6:16), voldiri l-ulied spiritwali tiegħu (Rum.9:6-8). Imqar il-pagani, jekk isegwu l-pattern ta’ fidi tiegħu (Rum.4:11-12) huma wliedu, f’sens spiritwali. 


Gal.4:3. Skont il-ħsieb antik, il-prinċipji elementari tad-dinja huma l-elementi bażiċi li jifformaw id-dinja, ċoè l-art, ir-riħ, l-ilma u n-nar. Kultant dawn l-elementi kienu murija riverenza bħala divinitajiet li jiggvernaw l-univers. 

Jerġa’, qabel il-konverżjoni tagħhom, il-Galatin kienu suġġetti għall-paganiżmu bl-allat foloz tiegħu, l-astroloġija u r-ritwali staġjonali, li lkoll huma futili u dannużi (Gal.4:8-9).

Hawnhekk Pawlu jista’ jkun qed jaħseb speċjalment dwar il-kalendarju sagru tal-liġi, bl-istaġuni tiegħu determinati mill-kwiekeb u l-pjaneti (cf., Kol.2:8,20-22). Il-legaliżmu (l-idea li nistgħu nsalvaw bl-opri tagħna) jissuġġetta l-ħajja għall-kontroll tal-istrutturi tad-dinja. 


Gal.4:4. il-milja taż-żmien hu ż-żmien maħtur mill-Missier (Gal.4:2), tmiem iż-żminijiet (1 Kor.10:11), meta l-wegħdi t’Alla bdew ikunu realizzati. 


Gal.4:5. jifdi jiġifieri jeħles mis-suq tal-ilsiera u jagħtihom il-libertà (Gal.3:13; cf., 1 Kor.6:20; Riv.5:9). 

Il-kelma adozzjoni hi wżata minn Pawlu biss, u tissinfika “tqiegħed fl-istatus ta’ iben” ġo familja (Rum.8:15,23; 9:4: Ef.1:5). 


Gal.4:8-9. issa li sirtu tafu ’l Alla. Li tkun taf ’l Alla veru hu l-ideal spiritwali ta’ kull wieħed minna. Kristu jgħid li dan it-tagħrif huwa infatti l-ħajja eterna, li hu biss kapaċi jagħti. Meta bil-fidi nagħrfu lil Alla jkollna s-salvazzjoni u ħajja, u l-Ispirtu tiegħu jiġġenera fina l-imħabba, it-tama, l-ubbidjenza u l-hena (Eż.33:13; Ġer.31:34; 8:8-12; Dan.11:32; Gal.4:8-9; Fil.3:8-11; 2 Tim.1:12; Ebr.8:8-12). 

Id-dimensjonijiet ta’ dan it-tagħrif huma fil-qasam tal-intellett (tkun taf il-verità dwar Alla; Dt.7:9; Sal.100:3), tar-rieda (tafda, tobdi u tqim ’l Alla); u tal-etika (tipprattika l-ġustizzja, moralità biblika, u l-imħabba (Ġer.22:16; 1 Ġw.4:7-8). 

It-tagħrif tal-fidi jiffoka fuq Ġesù Kristu, Alla inkarnat u l-medjatur bejn Alla u l-bniedem. Il-fidil ifittex speċifikament li jkun jaf lil Kristu u s-setgħa tiegħu (Fil.3:8-14). Aħna nafuh bħala Alla tagħna għax hu jafna bħala tiegħu (Ġw.10:14; Gal.4:9; 2 Tim.2:19).

 jew aktarx magħrufin minn Alla. Nistgħu nsibu nafu lil Alla għax hu għażilna u sejħilna (Ġw.6:44; 15:16), bħalma nħobbuh biss għax hu ħabbna l-ewwel (1 Ġw.4:19). 


Gal.4:10. L-għalliema foloz fost il-Galatin kienu qed jiffittawhom biex josservaw ir-ritwal u ċerimonjal tal-Patt il-Qadim: pereżempju, jiem speċjali (Lev.16:29-34), x-xhur u l-istaġuni (Num.28:11-15; Isa.1:13-14; 12:1-30), u s-snin (Lev.25:4), meta Kristu emanċipani minn taħt il-liġi ċerimonjali. 


Gal.4:12. siru bħali, għax jien ukoll sirt bħalkom. Biex iġibilhom l-evanġelju, Pawlu ħalla warajh ir-restrizzjonijiet legali u ċerimonjali taħt is-sistema Mosajka illi pprojbixxiet taħlit mal-Ġentili (1 Kor.9:19-23). Pawlu sar bħall-pagani fil-libertà tagħhom mil-liġi u issa jinkuraġġihom biex isiru bħalu fil-libertà mill-jasar legalistiku. 


Gal.4:11. Jesprimi pessimiżmu iżda s-sentenza hi intiża biex tqanqalhom għall-indiema. 


Gal.4:12. Qed jitkellem dwar iż-żjara inizjali tiegħu fil-Galazja meta gawda armonija kbira ma’ dawk li kkonvertew. 


Gal.4:13. X’kienet il-marda fiżika ma nafux fiċ-ċert; jista’ jkun Pawlu kien ibati minn vista fqira (Gal.4:15; 6:11). 


Gal.4:15. taqilgħu għajnejkom: abbli figura tad-diskors, jew indikazzjoni tal-marda fiżika tal-appostlu li b’xi mod affettwatlu l-vista. Ċertament tixhed għall-imħabba li wrewh inizjalment. 


Gal.4:16 Mistoqsija intiża biex jagħtihom prova illi hu ħabibhom u jixtiqilhom l-aqwa ġid. 


Gal.4:17. L-għan tal-Ġudaisti kien illi jirbħu s-sapport tal-Galatin billi jiżolawhom minn Pawlu. Urew interess qawwi fihom, iżda bi skop ħażin. 


Gal.4:19. Kristu jissawwar fikom. Tissinifika l-bidla interna fix-xebh ta’ Kristu (cf., Rum.8:29; Kol.1:27-28). 


Gal.4:21. taħt il-liġi, hawnhekk bħala mod għall-ġustifikazzjoni. Mill-bqija, il-Kristjan jirrispetta, iħobb il-liġi t’Alla u jirsisti biex jobdiha – għax hu diġà ġustifikat. 


Gal.4:22-25. Il-patrijarka kellu aktar minn żewġt ulied, iżda hawn qed jirreferi għal Ismael, bin il-qaddejja Ħagar (Ġen.16:1-16), u Iżakk, bin martu Sara (Ġen.21:1-7).

Sara u Ħaġar huma rappreżentattivi ta’ żewġ pattijiet: Sara tal-patt tal-wegħda u Ħaġar tal-patt tal-liġi. Pawlu japplika lil Ħaġar għall-jasar ta’ ġustifikazzjoni bil-liġi. 


Gal.4:23. It-twelid ta’ Ismael kien skont il-laħam, ċoè motivat minn żelqa temporanja ta’ fidi f’Abraħam inkwantu l-wegħda t’Alla, u mwettqa b’mezzi midinba. 


Gal.4:25. tikkorrispondi għal Ġerusalemm preżenti, għax tinsab imjassra mat-tfal tagħha. Minn żmien Pawlu sal-lum il-maġġoranza tal-Lhud baqgħu, bħall-bqija tal-miskredenti, fi skjavitù għad-dnub u taħt is-saħta illi l-patt tas-Sinaj jippronunzja fuq dawk kollha li ma jobdux il-kondizzjonijiet tiegħu. 


Gal.4:26. Ġerusalemm t’hemm fuq. Ġerusalemm kienet il-belt fejn Alla qiegħed ismu, il-post tal-għamara tiegħu f’nofs il-poplu (Sal.78:68-69). Ir-realtà tal-għamara t’Alla magħna ġiet ottenuta fi Kristu, it-tempju veru (Ġw.2:19). Ġerusalemm il-vera hi fis-sema fejn jinsab hu (Ebr.12:22; Riv.21:2). Il-fidili huma wliedha fis-sens li jappartienu għaliha. 


Gal.4:28. It-tfal tal-wegħda huma dawk kollha li jappartienu għal Kristu (Rum.9:8). 


Gal.4:29. Ismael, bin Ħaġar, ippersegwita lil Iżrakk, bin Sara (Ġen.21:9). Dak l-inċident hu meħud bħala stampa kif in-nies mhux riġenerati jippersegwitaw lin-nies imwielda mill-ġdid bi ġlied, tgħajjir u tilwim magħhom. 


Gal.4:30. il-libera. Ommna tissejjaħ ħielsa għax m’aħniex ilsiera biex nipprattikaw id-dnub, u lanqas ma ninsabu taħt is-saħta tal-liġi miksura (Rum.6:1-7:6). 


Gal.4:31. Il-fidili kollha ta’ kull żmien huma n-nisel spiritwali tal-grazzja t’Alla (Gal.3:29). 


Gal.5:1. ieqfu sħiħ. Il-fidili huma obbligati jipperseveraw kontra t-tagħlim insidjuż tal-Ġudaisti li jgħawġu l-evanġelju. Bil-libertà maqlugħa għalina bl-evanġelju nsiru kapaċi nżommu fis-sod, bla ma nċedu għall-pressjoni ta’ tagħlim falz (Ġw.8:32-36; Rum.6:17-23). 


Gal.5:2. jekk tkunu ċirkonċiżi, Kristu xejn affattu mhu se jiswielkom. Appena wieħed jistma lil Kristu u ċ-ċirkonċiżjoni bħala neċessarji għas-salvazzjoni jkun minnufih qed jiċħad is-suffiċjenza ta’ Kristu għas-salvazzjoni. Is-sagrfiċċju tal-Kalvarju ma jibbenifika xejn lil dik il-persuna li qed tafda fil-liġi jew fiċ-ċerimonjal għas-salvazzjoni, imqar jekk parzjalment. Għall-meħlusin fi Kristu, meta jipprovaw jagħmlu kwalunkwe ħaġa biex mingħalihom se jsalvaw biha jkunu qed jinsew li Kristu diġà salvahom. 

Apparti minn hekk, jekk wieħed jidhirlu li se jagħmel xi ħaġa biex isalva biha, allura hu obbligat josserva l-liġi kollha u mhux sempliċement parti minnha – xi ħaġa impossibbli (Gal.2:21). Prattikament ikun qed iwarrab lil Kristu u s-sagrifiċċju tiegħu. Ikun qed jirritorna għad-dominju tad-dnub u s-saħta tal-liġi. 


Gal.5:3. Min jibda mill-premessa illi jista’ jsalva bil-merti tiegħu, u allura jipproponi biex josserva l-liġi, hu obbligat iħares il-liġi kollha. Inqas minn ubbidjenza perfetta ma tiswa xejn. 


Gal.5:4. waqajtu ’l barra mill-grazzja, jiġifieri dawk li rrinunzjaw il-grazzja t’Alla billi ma baqgħux jiddependu fuqha. Pawlu mhux qed jiddiskuti l-kustjoni jekk fidil ġenwin jistax jitlef is-salvazzjoni. Qed jgħid biss illi n-nies li darba setgħu għamlu professjoni tal-fidi, jekk issa qed ifittxu illi jkunu ġġustifikati bil-liġi, bilfors li r-relazzjoni tagħhom ma’ Kristu ma kinitx ġenwina. Kristjan veru jistrieħ fuq is-Salvatur waħdu. 

Dawk magħżulin fi Kristu jinżammu milli jabbandunaw il-vanġelu tal-grazzja, u Pawlu jibqa’ jesprimi l-kunfidenza tiegħu illi t-twissija tiegħu se jagħtu kasha (Gal.5:10). Però xorta jibqa’ l-fatt li jkun hemm nies li jidhru f’għajnejna bħala membri ta’ Kristu u frattant jabbandunaw l-evanġelju (Rum.11:22; 1 Ġw.2:19). Allura aħna ammoniti biex inkunu bieżla u nagħmlu s-sejħa u l-għażla ċerti għalina nfusna billi nġibu ruħna b’tali mod li nesibixxu r-realtà tal-preżenza tal-Ispirtu fina (Gal.5:16-6:10; Ebr.10:26-27; 2 Pt.1:5-11).


Gal.5:5. nistennew bil-ħeġġa l-ġustizzja li għaliha nittamaw. Il-Kristjani ma jipprovawx jipproduċu l-ġustizzja perfetta f’ħajjithom bl-isforzi tagħhom bħalma jagħmlu l-opponenti tal-vanġelu. Jafu li din ħaġa impossibbli. Allura t-tama tagħhom mhijiex fihom infushom. Minflok, jistennew lil Alla biex iġibhom f’dak l-istadju ta’ ġustizzja kompluta u perfetta fil-prattika – meta jmutu u jkunu mal-Mulej (Ebr.12:23) jew inkella mar-ritorn ta’ Kristu (1 Kor.15:49; cf., Riv.21:27). Għalhekk jitkellem dwar il-ġustizzja li għaliha kull Kristjan għadu jittama. 

Spjegazzjoni alternattiva u daqstant ieħor konvinċenti hi din: il-Kristjan jittama u jaf li mhux se jkun diżappuntat illi Alla għad jiddikjarah ġust fil-ġudizzju finali bħalma hu diġà meqjus ġust fi Kristu bħalissa. 


Gal.5:6. la ċ-ċirkonċiżjoni ma tfisser xi ħaġa u lanqas n-nuqqas ta’ ċirkonċiżjoni. Kulma hu magħmul fil-ġisem, imqar jekk hu ritwal jew ċerimonja reliġjuża jew sagrament, ma jagħmel ebda differenza fir-relazzjoni tagħna m’Alla (Gal.6:15). L-estern hu immaterjali u bla siwi, jekk kemm-il darba ma jirriflettix ġustizzja interna fil-qalb (Rum.2:25-29). 

fidi li topera permezz tal-imħabba. Pawlu hawn jiddeskrivi l-vera fidi, li tagħti prova tal-ġenwinità tagħha b’opri motivati mill-imħabba. Ovvjament mhux qed jissuġġerixxi li l-imħabba tagħna b’xi mod tiġġustifikana, altrimenti jkun qed jinnega l-argument kollu tal-epistola. 


Gal.5:7. tiġru tajjeb. Stampa meħuda mit-tlielaq u l-atletika (1 Kor.9:24-27; Gal.2:2; Ebr.12:1). 


Gal.5:8. Il-persważjoni hawnhekk hi l-idea ta’ salvazzjoni bl-opri. Is-salvazzjoni b’ebda mod hi kustjoni ta’ mertu uman. 

ma tiġix minn dak li jsejħilkom, għax Alla ma jippromwovix il-legaliżmu, ċoè l-mentalità li nistgħu b’xi mod nirbħu l-favur tiegħu. 


Gal.5:9. Il-ħmira hi l-influwenza ħażina tal-Ġudaisti bit-tagħlim falz tagħhom (cf., Mt.16:6). 


Gal.5:10. se jerfa’ l-ġudizzju. Kull għalliem falz li jikkorrompi l-evanġelju tal-grazzja hu diġà misħut (1:8-9) u eventwalment jirċievi sentenza ta’ kundanna eterna mingħand Alla.


Gal.5:11. Kieku Pawlu għadu jipprietka illi n-nies imisshom ikunu ċirkonċiżi, allura l-offiża tas-salib (1 Kor.1:18-2:5) titneħħa għax il-kburija umana fl-isforz personali tirritorna. Fi kliem ieħor, ma jibqa’ ebda skandlu biex jumiljana: is-salib tal-Golgota jiddikjara illi ebda għemil uman ma jista’ jikkontribwixxi biex jagħmilna ġusti quddiem Alla. 


Gal.5:12. Pawlu huwa indignat, u hawnhekk ironiku wkoll. Ladarba l-Ġudaisti kienu tant insistenti fuq iċ-ċirkonċiżjoni bħala mezz biex jogħġbu lil Alla, imisshom imorru sal-estrem tad-devozzjoni reliġjuża u jikkastraw lilhom infushom, kif kienu jagħmlu xi qassisin ta’ reliġjonjiet pagani. Tista’ tfisser ukoll illi jixtieq li r-razza tagħhom tisparixxi minn wiċċ id-dinja. 


Gal.5:13. Il-libertà Kristjana hi libertà mid-dnub, mhux libertà fid-dnub. X’meravilja ta’ ħelsien qalgħalna Kristu!


Gal.5:14. il-liġi kollha. L-evanġelju ma jarmix il-liġi, iżda jagħti l-ħelsien biex nibdew nosservaw il-liġi kif jixraq, b’mod li jogħġob lil Alla. Mhux nobduha biex insalvaw biha, imma nobduha mill-qalb, b’radd il-ħajr u bl-abbiltà li jipprovdi l-Ispirtu s-Santu. Kristu ma ġabx fix-xejn il-liġi, iżda wettaqha (Mt.5:17). Xi provdimenti tal-liġi (dieta, ċirkonċiżjoni, festi tal-Lhud, il-ħarsien tas-Sibt) m’għadhomx applikabbli fil-Patt il-Ġdid, iżda l-kmandamenti etiċi tal-liġi jibqgħu bħala dikjarazzjonijiet tar-rieda t’Alla għalina biex jirregolaw il-kondotta tal-fidili (Rum.8:2-8; 13:8-10). 


Gal.5:16. imxu fl-Ispirtu. L-Ispirtu s-Santu, residenti f’kull Kristjan, jipprovdi qawwietu biex jirnexxilna nogħġbu lill-Missier. Il-mixja hi l-azzjoni kontinwa tagħna, l-istil abitwali ta’ ħajja. Timplika progress, filli l-fidil jirrispondi b’ubbidjenza għall-kmandamenti tal-Iskrittura (Rum.8:13). 


Gal.5:17. jopponu ’l xulxin. It-tendenza midinba fina tissielet kontra l-Ispirtu, u viċe versa, hekk illi nesperjenzaw konflitt (Rum.7:14-25). 


Gal.5:18. immexxijin mill-Ispirtu hawnhekk tissinifika l-kobor fil-qdusija. Aktar ma nkunu ubbidjenti għall-gwida tiegħu, murija fl-Iskrittura, aktar ingawdu libertà mis-saħta tal-liġi (Rum.6:14; 8:1-4). 


Gal.5:19. l-atti tal-laħam huma l-operazzjonijiet diversi tad-dnub kif jimmanifesta ruħu fin-natura umana. 


Gal.5:20. l-idolatrija hi l-pussess ta’ xbieha tal-enti divin, jew tqim permezz ta’ statwa (Es.20:4-6). Apparti minn hekk, jista’ jkollok xbieha mentali falza t’Alla Trinità, li wkoll taqa’ taħt idolatrija. 


Gal.5:21-22. mhumiex se jirtu saltnet Alla (cf., 1 Kor.6:9-10; 15:50; Ef.5:5). Il-punt hu wieħed fondamentali u importantissmu: dawk in-nies li ma jesibixxux il-virtujiet prodotti fihom mill-Ispirtu s-Santu ma jkollhomx sehem fir-renju etern t’Alla, ċoè jintilfu fl-infern. Kristjan ġenwin jafda fi Kristu waħdu, u fl-għaqda ma’ Sidu, id-dielja, ma jistax jonqos milli jipproduċi l-frott ta’ qdusija ġenwina. Ikun trasformat moralment u etikament, fi ħsiebu, kliemu u għemilu. 

l-frott tal-Ispirtu hu l-imħabba (cf., Rum.6:22; Ef.5:9; Fil.1:11). L-indiema ġenwina tipproduċi l-frott ta’ mġiba etika fil-konkret (Mt.3:8; Lq.3:8). L-imħabba li l-Ispirtu jaħdem fina u jħarriġna fiha tixbah lil ta’ Sidna Kristu: tmur lil hinn minn ġustizzja legalistika (Lq.10:25-27). 


Gal.5:23. L-awtokontroll hu r-rażna xierqa fuq l-emozzjonijiet, l-impulsi, il-passjonijiet u x-xewqat fina nfusna. 


Gal.5:24. sallbu l-laħam. Għan-nies t’Alla, is-salib kiser il-qabda tal-liġi (Gal.2:19) kif ukoll it-tfixkil tal-fdal tad-dnub fina, imsejjaħ il-laħam, ix-xewqat ħżiena li jibqgħu jikkumbattu kontra ruħna (Gal.2:20; 6:14; Rum.6:6). Bil-fidi l-Kristjani jirrikonoxxu r-realtà tal-unjoni tagħhom ma’ Kristu f’mewtu. Hekk ukoll kienu mqajma miegħu għal ħajja ġdida fl-Ispirtu ta’ Kristu, u allura jimxu miegħu fil-mogħdijiet tas-sewwa (Kol.3:1-5). 


Gal.5:25. ngħixu bl-Ispirtu. Is-sors tal-ħajja spiritwali hi fl-Ispirtu s-Santu (Ġw.6:63; Rum.8:10). Mingħajr il-ħidma tiegħu m’hemm ebda tama jew ħajja għalina. 

nimxu wkoll bl-Ispirtu. Niddependu fuqu mument wara mument sabiex isostnina u ngħaddu ’l quddiem bħala fidili. Ladarba ngħixu bih nitmantnew bih ukoll. 


Gal.6:1. jinqabad f’xi trasgressjoni, ċoè minħabba nuqqas ta’ għassa fuqu nnifsu, jaqa’ fi dnub. tirrestawrawh tfisser terġgħu ġġibuh f’pożizzjoni ta’ utilità. 


Gal.6:2. l-liġi ta’ Kristu hi espressa fit-tagħlim etiku kollu tiegħu, partikolarment l-enfasi tiegħu fuq l-imħabba (Ġw.13:34), iżda fl-aħħar mill-aħħar kulma hu mgħallem fl-Iskrittura għall-kondotta tagħna għandu l-approvazzjoni ta’ Sidna. 


Gal.6:2,5. Erfgħu t-toqol ta’ xulxin...kull wieħed se jkollu jerfa’ t-tagħbija tiegħu stess. F’vers 2 hu rikmandat illi nuru simpatija lejn xulxin, nassistu u nissapportjaw lil xulxin. F’vers 5 qed jgħid illi jkollna nieħdu r-responsabbiltà għalina nfusna, għal għemilna kollu. 


Gal.6:4. jiftaħar bih innifsu biss, u mhux f’ħaddieħor. Jithenna b’kulma Alla jkun għamel f’ħajtu, mhux jithenna sempliċement minħabba l-assenza ta’ difetti viżibbli f’nies oħra. 


Gal.6:5. jerfa’ t-tagħbija tiegħu stess. Kull persuna hi kontabbli għall-fallimenti u l-ħtijiet tagħha; ma tistax twaddab ir-responsabbiltà fuq ħaddieħor. 


Gal.6:6. Min qed jitgħallem il-Bibbja mingħand ħaddieħor messu jaqsam il-ħbiberija u r-riżorsi fiżiċi tiegħu mal-għalliem tiegħu (1 Kor.9:11-14). 


Gal.6:8. jiżra’ għal-laħam. Jagħti ħinu u jaħli l-enerġija tiegħu biex jissodisfa x-xewqat ħżiena tiegħu. 


Gal.6:10. dawk ta’ dar il-fidi huma l-fraternità tal-mifdija li jħaddnu l-fidi fl-evanġelju f’familja waħda u kbira (Ef.2:19; 1 Tim.3:15). Huma l-fidili kollha taħt Missier wieħed (Gal.1:1-2). 


Gal.6:12. Dawk kollha li jixtiequ jagħmlu impressjoni tajba fil-laħam. Il-Ġudaisti kienu motivati bi kburija reliġjuża u kienu ffissati biex jimpressjonaw lil ħaddieħor bit-tjieba esterna tagħhom u ritwal viżibbli. 

sabiex ma jkunux ippersegwitati. Il-Ġudaisti kienu aktar ikkonċernati bis-sigurezza personali tagħhom milli b’dottrina korretta. Billi aderixxew mal-liġi ta’ Mosè aktarx milli żammew sħiħ mal-evanġelju ta’ Ġesù, ittamaw illi jevitaw l-ostraċiżmu soċjali u reliġjuż, u fl-istess ħin imantnu l-istatus protett tagħhom bħala Lhud fl-Imperu Ruman. 


Gal.6:13. sabiex jiftaħru b’laħamkom. L-għalliema foloz stinkaw biex jikkonvertu l-Kristjani ġodda tal-Galazja għall-fehmiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiddandnu bil-proselitiżmu effettiv tagħhom (cf., Mt.23:15). 


Gal.6:14. li permezz tiegħu d-dinja hi misluba għalija, u jien għad-dinja. Is-sistema sħiħa mondana fis-sebħ u t-tlellix kollu tagħha, f’oppożizzjoni għal Alla, hi mejta u meqruda fil-qawwa tagħha biex tattira lill-Kristjan veru; m’għandha ebda influwenza fuqu, ma tappellax għalih u jirreżistiha bil-forza. Ma jitħabbilx fil-leblibiet u l-offerti tagħha għax ħsiebu biss biex iservi l-Imgħallem ġdid tiegħu, li fih isib il-ftaħir u s-sodisfazzjon kollu tiegħu. 


Gal.6:15. L-attività tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-fidili tirriversja l-effetti tal-waqgħa oriġinali fid-dnub, u tipproduċi poplu mġedded għal Alla (2 Kor.5:17) li eventwalment jieħu postu fis-smewwiet ġodda u art ġdida (Riv.21:1-6). Minn issa jissejjaħ ħolqien ġdid, miġjub fir-realtà tiegħu bir-riġenerazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. 


Gal.6:16. U dawk kollha li jimxu ma’ dir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, ossija fuq l-Iżrael t’Alla. Il-kuntest wiesa’ tal-ittra kollha jiffavorixxi dit-traduzzjoni. Pawlu mhux qed jirreferi għal żewġ gruppi ta’ nies. L-Iżrael t’Alla mhumiex ulied Ġerusalemm preżenti (Gal.4:25); aktarx hu fformat minn dawk kollha li jemmnu bħalma emmen Abraħam (Gal.3:7,29), li jappartienu għal Ġerusalemm t’hemm fuq (Gal.4:26-27). Bir-raġun il-knisja tissejjaħ l-Iżrael il-ġdid, l-Iżrael veru t’Alla. 

Il-Patt il-Ġdid regolarment japplika għall-knisja Kristjana t-titli u l-privileġġi ta’ Iżrael. Hekk il-knisja inġenerali tissejjaħ “it-tnax-il tribù” (Ġak.1:1; cf., Mt.19:28; Lq.22:30), u l-istess jingħad kif Pietru jikteb lill-Kristjani jew, kf isejħilhom, “lill-għorba tad-djaspora” (1 Pt.1:1). Il-Kristjan jidher bħala l-Lhudi veru (Rum.2:29), u hawnhekk il-knisja hi riferuta bħala l-Iżrael t’Alla (Gal.6:16). Deskrizzjonijiet ta’ Iżrael fl-antik huma mogħtija lill-knisja (1Pt.2:9-10; Ef.1:11,14). Il-knisja, hi “poplu bħala pussess tiegħu” (Titu 2:14; cf., Es.15:16). In-nies ta’ Kristu huma “nisel Abraħam” (Gal.3:29), u jingħad li huma “ċ-ċirkonċiżjoni” (Fil.3:3). Jekk hemm “Iżrael skont il-laħam” allura l-implikazzjoni hi illi hemm ukoll Iżrael skont l-Ispirtu. Il-knisja miġbura u preżentata mill-perspettiva t’Alla hi 144,000, tnax-il elf minn tnax-il tribù (Riv.7:1-9). Lhud miskredenti li huma fiżikament Lhud jingħad illi mhumiex Lhud verament (Riv.2:9; 3:9). Ġerusalemm il-ġdida hi d-dar spiritwali tal-Kristjani (Riv.21:2, eċċ.), u għandha fuq ix-xtabi tagħhom l-ismijiet tat-tnax-il tribù (Riv.21:12). 


Gal.6:17. inġorr fuq ġismi l-marki ta’ Ġesù. Pawlu qed jitkellem dwar iċ-ċikatriċijiet li baqgħulu ma’ ġismu minħabba swat jew flaġellazzjoni matul l-appostolat tiegħu (2 Kor.11:23-25). Dawn il-ġrieħi mmarkawh bħala l-iskjav ta’ Kristu (Rum.1:1; Fil.1:1; Titu 1:1).