L-Epistola ta' Ġakbu


Ġak.1:1. Ġakbu definittivament qed jikteb lill-Kristjani (Ġak.2:1). Huwa sinifikanti ħafna kif jindirizzahom: lit-tnax-il tribù fid-djaspora. Hekk qed juri illi l-Patt il-Qadim hu n-nwara li minnha ħarġet il-warda, il-Patt il-Ġdid. Il-poplu t’Alla matul iż-żminijiet hu wieħed, għalkemm mill-mewt ta’ Kristu ’l hawn daħal f’amministrazzjoni ġdida.


Ġak.1:2-4. Ikkonsidrawh kollu ferħ, ħuti, kull meta tiffaċċjaw tiġrib varju. Imissna nitolbu biex ma niddaħħlux fit-tiġrib u provi, minħabba d-debbolizzi tagħna (Mt.6:13); frattant, meta Alla jibgħathomlna fil-providenza għarfa tiegħu, għandna nilqgħuhom b’atteġġjament pożittiv, minħabba li bihom, hekk kif negħlbuhom, nissaħħu fil-karattru, u nsiru perfetti u kompluti, ċoè dixxipli maturi (Ġob.23:10; Ebr.12:11). 


Ġak.1:6. bla ma jiddubita xejn. Għalkemm id-dubju sikwit hu preżenti fil-qalb ta’ Kristjan veru (Mk.9:24), m’għandux ikun kuntent bih. Imissu jfittex jeqirdu bl-għajnuna tal-Kelma u l-Ispirtu. 


Ġak.1:8. moħħ doppju hu dik id-dispożizzjoni li tiġbed persuna f’żewġ direzzjonijiet f’daqqa minflok ma ddur deċiżivament mid-dinja lejn il-Mulej (1 Slat.18:21). 


Ġak.1:9-10. jiftaħar. Hemm ċertu orgolju jew ftaħir leġittmu fil-privileġġi jew possedimenti. Għalkemm batut u jgħaddi bin-nieqes fid-dinja, il-fqir jista’ jithenna fil-qagħda spiritwali u għolja tiegħu, dovuta għall-grazzja t’Alla (cf., Rum.8:17-18). 


Ġak.1:12. l-kuruna tal-ħajja, ċoè l-premju finali tal-fidili, il-ħajja eterna fil-milja tagħha, li Alla jagħti mal-mewt fiżika jew mal-miġja ta’ Kristu (Riv.2:10). 


Ġak.1:13-15. Alla ttestja lil Abraħam (Ġen.22:1) inkwantu l-ubbidjenza tal-fidi tiegħu (Ġen.22:12); u sikwit jittestja lilna lkoll. Frattant ma jġarrab lil ħadd, fis-sens illi l-provi li jlaqqagħna magħhom mhumiex intenzjonati biex nidinbu, bħalma hi ċertament il-fini tax-xitan. Fis-sovranità għarfa u inskrutabbli tiegħu, Alla jagħti lok għal Satana biex iġarrabna (Ġak.4:7; 1 Pt.5:8-9), u s-sors tat-tentazzjoni jiġi minn ġewwa fina. Qatt ma nistgħu nwaħħlu f’Alla għall-ħażen tagħna. 


Ġak.1:17 Kulma nirċievu bħala wlied Alla jaslilna bħala għotja tajba b’intenzjoni tajba mingħand Missierna (cf., Rum.8:28). M’hemm ebda ħaġa f’did-dinja li hi tabilħaqq tajba jekk mhix ġejja minn fuqnieżla mingħand Missier id-dwal, li miegħu m’hemmx varjazzjoni jew ombra ta’ bidla. Bħala Kreatur, Alla għamel id-dwal fis-sema (Sal.74:16; 136:7-9) – eżempju sabiħ tal-għotjiet tajba tiegħu. Alla hu immutabbli fil-karattru tiegħu, u allura wkoll fl-għoti tat-tajjeb tiegħu, mhux bħall-varjazzjonijiet tal-lejl li jaqleb għall-jum jew id-dellijiet ikkawżati mix-xemx u l-qamar. 


Ġak.1:18. Għax ried hu wilidna bil-kelma tal-verità. Din hi s-salvazzjoni spiritwali li taslilna permezz tal-evanġelju, appena nemmnuh fil-qalb. wilidna, jew ferraħna (jiġifieri ħariġna mill-ġuf) hi metafora għat-twelid mill-ġdid. 

speċi tal-ewwel frott hi referenza għall-ewwel ġabra tal-ħsad (cf., Es.23:16-19; Lev.23:9-14), deskrizzjoni ta’ fidili pijunieri, bħala preludju għal aktar konverżjonjiet (cf., Rum.16:5; 1 Kor.16:15). 


Ġak.2:1. Il-parzjalità jew favoritiżmu tidher meta tippreferi lil xi ħadd abbażi ta’ xi fatturi esterni jew superfiċjali, bħalma huma d-dehra fiżika, ir-razza, l-għana, il-professjoni jew il-grad soċjali (2:9).


Ġak.2:4. ma ddiskriminajtux fostkom infuskom...Alla jżommna responsabbli biex niddixxernu u niddiskriminaw bejn it-tajjeb u l-ħażin, iżda diskriminazzjoni bbażata fuq l-esterjuri, bħalma hi l-qagħda ekonomika, id-differenzi razzjali jew etniċi, jew ħwejjeġ hekk hi kkonsidrata bħala forma ħażina ta’ ġudizzju. 


Ġak.2:5. Fl-għażla tiegħu tal-midinbin għall-ħajja eterna (2 Tes.2:13), Alla f’ħafna każijiet għażel il-fqar, mhux il-famużi u l-kbarat (Mt.11:25; 1 Kor.1:27-29). 


Gak.2:8. l-liġi rjali tesprimi r-rieda tas-Sultan divin (Isa.33:22; Ġak.2:1; 4:12); hi l-istess bħal-liġi tal-libertà (Ġak.1:25; 2:12), għax Alla ma tahilniex biex ixekkilna iżda biex jiggwidana għall-ġid ta’ ruħna u l-glorja tiegħu. 


Ġak.2:10. min iżomm il-liġi kollha u frattant jogħtor f’punt wieħed, ikun sar kolpevoli ta’ kollox. Hawn ma jinnegax illi hemm gradi differenti ta’ ħażen; xi dnubiet huma aktar gravi minn oħrajn. Madankollu mqar l-iċken dnub hu offiża serja, kommessa kontra Alla qaddis. Meta tidneb f’punt wieħed tkun dnibt kontra l-liġi divina u għaldaqstant kontra l-Leġislatur. Kemm min jidneb gravament u kemm min jidneb ftit, it-tnejn kisru l-istess liġi. Ġakbu jwissi kontra fehma superfiċjali tal-liġi (cf., Mt.5:17-20). 


Ġak.2:13. il-ħniena tittrijonfa fuq il-ġudizzju. Billi nuru ħniena lill-oħrajn nkunu qed nagħtu evidenza ġenwina illi rċevejna ħniena mingħand Alla u allura nkunu lesti u bla twerwir għall-ġudizzju tiegħu.


Ġak.2:14-16. Jaqaw tista’ ssalvah din it-tip ta’ fidi? Il-kustjoni kkonsidrata hi, liema tip ta’ fidi hi fidi salvivika. Ovvjament, fidi bla opri qatt ma salvat lil ħadd. Fidi bla frott hi fidi mejta, falza u taparsi. M’aħniex iġġustifikati quddiem Alla bi professjoni ta’ fidi, jew għax nikklejmjaw li nemmnu; il-Bibbja tgħallem biss li nirċievu l-maħfra u salvazzjoni sħiħa appena neżerċitaw fidi ġewnina. F’dan il-pass l-awtur jiddeskrivi fidi ta’ paroli bla azzjoni, fidi li ma ssalvax.


Ġak.2:17. Hekk ukoll il-fidi, jekk m’għandhiex opri, hi mejta, billi hi waħidha. Il-vanġelu ta’ ġustifikazzjoni bil-fidi biss jinsisti illi l-afdar u d-dipendenza tal-fidili għas-salvazzjoni tagħhom għandha tkun biss fuq Ġesù Kristu, u mhux fihom infushom, fi ħlejjaq bħalhom jew kwalunkwe ħwejjeġ oħra. B’daqshekk ma jfissirx li l-fidi teżisti waħidha mingħajr ma trodd jew tipproduċi frott ta’ ubbidjenza. Fidi li ssalva tingħaraf: hi fidi ħabrieka u ħajja. Fidi mejta ma tfissirx fidi li dbielet u ġiet fix-xejn; aktarx, tissinifika fidi li qatt ma kellha ħajja vera. Fidi mejta ma tistax tagħmlek ħaj, ma tistax issalvalek ruħek (Ġak.1:21), u allura hi falza u inutli. 


Ġak.2:18. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-opri tiegħek. L-isfida għal kull persuna li tikklejma li temmen hi din: esibixxi l-fidi tiegħek, agħmilha viżibbli. L-unika evidenza viżibbli għall-għajn umana hi għemejjel ta’ ubbidjenza u mixja fl-imħabba. Għalkemm Alla kapaċi jaqra l-qalb, l-unika titwila fil-qalb hi bil-vista ta’ frott estern. 


Ġak.2:19. Int temmen illi Alla hu wieħed. Sewwa tagħmel; imqar id-demonji jemmnu, u jitkexkxu. Billi temmen fl-unità t’Alla veru tkun qed tafferma dottrina fondamentali tal-Bibbja, iżda din tista’ tkun sempliċi affermazzjoni intellettwali. Temmen f’Alla hu pass ’il quddiem, fl-intellett: hawn issa qed nitkellmu dwar afdar personali. Temmen li jeżisti jew li hu wieħed hi propożizzjoni li anke d-demonji jemmnuha. Ċertament, il-fidi salvivika tinkludi t-tagħrif, u ma tgħaddix mingħajr it-tagħrif. Però, aktar minn tagħrif, tinkludi wkoll dipendenza personali fuq Alla, u sottomissjoni lejh. 


Ġak.2:21. mhux bl-opri kien iġġustifikat...? Pawlu jappella għall-każ ta’ Abraħam bħala wieħed ġustifikat bil-fidi biss; Ġakbu jappella għall-istess patrijarka bħala wieħed ġustifikat bl-opri. Dan ma jinvolvi ebda konflitt bejniethom. 

Pawlu jalludi għall-Ġenesi 15 meta Abraħam kien ġustifikat f’għajnejn Alla, mentri Ġakbu jirreferina għall-Ġenesi 22, meta Abraħam offra lil ibnu. Fl-okkażżjoni meta Abraħam, f’ubbidjenza għall-ordni t’Alla, kien lest jissagrifika lil Iżakk fuq l-artal, kien ilu ġustifikat. Kien ilu snin twal maħfur u sewwa m’Alla. Fl-omnixjenza tiegħu, Alla kien jaf li l-fidi ta’ Abraħam hi ġenwina, u ttestjah għal dan il-għan, biex jesibiha. Frattant fl-għajnejn umani Abraħam intwera bħala ġustifikat meta obda lil Alla. Ġesù nqeda bl-istess verb f’Luqa 7:35 meta ddikjara li l-għerf hu ġġustifikat b’uliedu kollha, ċoè muri bħala għerf ġenwin mir-riżultati tiegħu. Hawnhekk, f’Ġakbu 2 “iġġustifika” ma tfissirx “rikonċiljat m’Alla” iżda “wera l-verità ta’ klejm li sar aktar kmieni.” Bħalma l-għerf veru hu manifestat mill-frott tiegħu, hekk il-klejm ta’ Abraħam bħala bniedem ġustifikat hi provata mill-ubbidjenza tiegħu. Frattant l-opri tiegħu ma kinux il-kawża meritevoli tas-salvazzjoni tiegħu; ma żiedu ebda mertu mal-mertu perfett u suffiċjenti ta’ Kristu. 


Ġak.2:22. l-fidi kienet kompluta bl-opri. L-iżvolġiment jew l-iżvilupp naturali tal-fidi jintwera dejjem fl-opri tajba. Fidi vera dejjem u infallibbilment tipproduċi frott ta’ ndiema, f’ubbidjenza għal-liġi t’Alla. Fidi u opri jistgħu jkunu distinti minn xulxin, iżda qatt separati jew divorzjati minn xulxin. 


Ġak.2:24. Taraw illi l-bniedem hu ġġustifikat bl-opri u mhux bil-fidi biss. Wieħed ma jintweriex li hu ġust bis-sempliċi kelma minn fommu għax jgħid li jemmen; fidi li tibqa’ waħidha, għerija u battala, mhi fidi xejn. Persuna tintwera bħala ġusta quddiem il-pubbliku b’li tagħmel. Il-kondotta ta’ kuljum tagħha timmarkaha bħala ġusta jew inġusta. Ovvjament, ebda waħda mill-opri tajba tagħna mhi denja ta’ ġustifikazzjoni f’għajnejn Alla, fl-aħħar mill-aħħar. Biss bil-mertu infinit ta’ Kristu illi wieħed jirċievi l-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi. Biss meta wieħed jafda fih isir sewwa m’Alla u jkollu l-paċi miegħu. 

Hawnhekk, mela, Ġakbu jattakka kull forma ta’ fehma żmerċa dwar il-liġi. Ifakkarna li impossibbli nilqgħu lil Ġesù bħala Salvatur mingħajr ma nabbraċċjawh bħala Sid. Is-Salvatur hu Sidna, daqskemm Sidna hu s-Salvatur. Bħalma Pawlu wera illi meta wieħed jafda fl-opri tiegħu jinsab misħut, daqstant ieħor Ġakbu jgħallem illi nibqgħu mitlufa jekk inserrħu fuq fidi vojta. 


Ġak.3:1. ġudizzju aktar strett, minħabba r-responsabbiltà ikbar quddiem Alla għall-awtorità u l-influwenza tagħhom. 


Ġak.3:2. nogħtru lkoll. Billi jinkludi lilu nnifsu, l-awtur jagħraf il-preżenza tad-dnub fih, imqar wara li rċieva l-grazzja tas-salvazzjoni (Ek.7:20). 


Ġak.3:6. U l-ilsien nar. Ilsien bla rażan hu mxebbah ma’ nar li jinfirex bla kontroll (Sal.120:3-4; Prov.16:27). 

itebba’ l-ġisem kollu. Diskors ħażin (bħad-dagħa, tqasqis, malafami, gideb, ħalf falz, u vizzji simili) għandu l-qawwa jgħarraq, iħammeġ u jikkorrompi l-karattru morali kollu ta’ persuna. 


Ġak.3:9-12. Bih inbierku...bih nisħtu. L-awtur juri l-inkonsistenza ta’ diskorsna, u kemm sikwit hu kontradittorju.


Ġak.3:13. Il-manswetudini hi qawwa taħt kontroll, l-oppost tal-promozzjoni tagħna nfusna u l-arroganza.


Ġak.3:15-16. Hemm għerf apparenti, iżda eventwalment jintwera li hu l-oppost, għax hu mondan u demoniku, u jinkixef mir-riżultati ħżiena tiegħu. 


Ġak.3:18. Il-ħsad tal-ġustizzja huma l-opri tajba li jirriżultaw mill-grazzja t’Alla fina li biha aħna salvati. Dan l-għejxien ġust jiffjorixxi fi klima ta’ sliem spiritwali. 


Ġak.4:1. Il-membri huma l-membri ta’ ġisimna, bix-xewqat tagħhom, li bihom in-natura midinba u mwaqqa’ tagħna hi espressa (Rum.6:13,19; 7:5,23). 


Ġak.4:3. ma tirċevux, għax tissupplikaw b’motivi ħżiena. Alla ma jonorax il-petizzjonijiet tagħna meta jipproċiedu minn xewqat ħżiena. Meta nitolbu b’intenzjoni żmerċa ma nkunux qed nitolbu bil-fidi, u allura talbna ma jinstemax (Rum.14:23; Ebr.11:6). 


Ġak.4:5. Jixxennaq bl-għira għall-ispirtu li kkawża biex jgħammar fikom. Alla ħalaq lill-bniedem bi spirtu, u jixtieq immensament illi l-ispirtu tagħna jħobbu, iqimu u jaqdih (cf., Ġw.4:23-24). Din il-ġelożija divina tiffittja l-kuntest (Ġak.4:4-8) għax jitkellem dwar ir-relazzjoni tal-bniedem m’Alla. 


Ġak.4:7-8. Mela ssottomettu rwieħkom għal Alla; imma rreżistu lix-xitan, u se jaħrab minnkom. L-uniku mod kif nistgħu nirreżistu lill-għadu hu b’att tar-rieda illi naċċettaw l-awtorità t’Alla fuqna u nkunu suġġetti għalih, billi wkoll nilbsu l-armatura li jipprovdilna hu ħalli nissieltu b’suċċess (Ef.6:13-17). Ninsabu taħt l-awtorità tiegħu sew jekk nissottomettu ruħna jew le. Imma hawnhekk ssottomettu tfisser obdu, it-tali ubbidjenza li tintwera fi ndiema u tfittxija aktar intima t’Alla. Għalhekk Oqorbu lejn Alla (cf., 1 Kor.10:13). Hekk Satana jkollu jaħrab, bħalma għamel meta ġarrab lil Kristu (Lq.4:13). 


Ġak.4:9. Bħall-profeti tal-qedem, l-awtur isejjaħ nies mimlija kompromessi għall-indiema ġenwina (Ġoel 2:12-13).


Ġak.4:12. Wieħed biss hu l-Leġislatur u Mħallef: hu Alla nnifsu (Isa.33:22). 

min int biex tiġġudika l-proxxmu tiegħek? Din mhix kundanna ta’ kull dixxerniment u twiddib fir-relazzjoni tagħna ma’ nies oħra, iżda twissija meta nikkritikaw bi kburija (Mt.7:1-6,15-20; Ġak.4:11). 


Ġak.4:15. Jekk is-Sid irid. Alla jiddetermina kollox, inklużi d-dettalji ta’ ħajjitna (At.18:21; Rum.1:10; 15:32; 1 Kor.4:19; 16:7; 1 Pt.3:17). Mela l-ftaħir hu bluha. 


Ġak.4:17. L-awtur jenfasizza l-konnessjoni bejn it-tagħrif u l-għemil (Ġak.1:22). Nidinbu mhux biss meta nagħmlu xi ħaġa ħażina iżda wkoll meta ma nagħlux xi ħaġa tajba li stajna għamilna. 


Ġak.5:1-3. Din hi sejħa oħra għall-indiema mill-mondanità. Id-dinja qed tgħaddi, iżda t-teżori ta’ Kristu huma garantiti għal niesu u jibqgħu għal dejjem (Mt.6:19). Imqar id-deheb jispiċċa meta Kristu jirritorna (1 Pt.1:7; 2 Pt.3:10-13). 


Ġak.5:4. Alla għandu għajnejh miftuħa għal kwalunkwe inġustizzja soċjali (Es.22:21-27; Lev.19:13). Jisma’ l-għajta tal-batuti u hu ostili kontra l-oppressuri. 


Ġak.5:5. Huwa kundannabbli illi l-għonja jixxalaw mingħajr ma jagħtu kas il-foqra (Lq.16:19-24). 


Ġak.5:12. taħilfux. Ħalfa skont il-verità (pereżempju, f’qorti tal-ġustizzja), ħalfa biex tagħmel il-ġid, ħalf sagru, sinifikanti u serju (Rum.9:1-2; Gal.1:20; Ġw.21:24; Dt.6:13), hu permess. Ġesù nnifsu ssottometta meta tqiegħed taħt ħalfa (Mt.26:63). Ġakbu hawn iwissi kontra ħalf falz, b’intenzjoni ħażina, jew ħalf profan, fieragħ u frivoluż, jew it-tip ta’ ħalf li jittieħed f’soċjetajiet sigrieti (Ħos.4:2; Mt.5:33-37). 


Ġak.5:13-16. U t-talba tal-fidi se ssalva lill-marid. Id-direttivi tal-awtur f’dan il-pass huma ċari, u frattant illum huma pjuttost injorati. Wieħed jistaqsi għaliex. Il-pass hu diffiċli, u fih paradossi “inkwetanti,” fosthom meta nqisu l-effett prodott: Ġakbu jgħid illi jekk il-marid jagħmel kif jgħidlu: 1. isejjaħ lill-presbiteri, 2. jitolbu fuqu, u 3. junzjonawh biż-żejt, ifiq! Nafu illi mhux dejjem jiġri hekk. Din hi d-diffikultà f’dan il-pass. Qisu jridna ngħidu, “Il-Bibbja vera, iżda meta nobduha, mhux dejjem isir bħalma tgħid!

Jeżistu propożizzjonijiet differenti x’qed jgħallem u jawtorizza Ġakbu hawnhekk. 

1. Il-Kattoliċi Rumani jemmnu li hawnhekk għandhom worant għall-griżma tal-morda, “sagrament,” kif isejħulu huma, illi attwalment kien stabilit fis-seklu 12! Hi msejħa “tal-morda” għaliex hi amministrata “lill-pazjenti maħsuba li jinsabu qrib il-mewt.” Ir-rit kien simplifikat fl-1965; qabel, il-qassis kien jidlek l-għajnejn, il-widnejn, l-imnieħer, l-idejn u s-saqajn tal-moribond “b’żejt qaddis,” filwaqt li jippronunzja formula ta’ talb biex tpatti għad-dnubiet magħmula minn dawk il-membri tal-ġisem. Iżda xorta waħda l-moribond ma jingħatalu ebda assigurazzjoni tal-ġenna. L-ikbar benefiċċju li jingħatalu b’dan ir-rit hu li xorta waħda jmur fil-post fittizju msejjaħ il-purgatorju biex ibati s-sofferenzi tan-nar. Imbagħad il-qraba u l-ħbieb tal-mejjet ikollhom id-dmir jixtrulu s-salvazzjoni b’quddies bla għadd.

Il-Bibbja tgħallem preċiżament il-kuntrarju: ara, pereżempju, Rumani 8:1 u Ġwanni 5:24. Kristu jagħti l-libertà; il-qassis jimponi l-jasar. Fil-forma preżenti tiegħu, dan ir-rit, jew xi ħaġa tixbhu, ma kienx introdott fil-Knisja Rumana qabel is-seklu tnax. Jerġa’, it-teologi Kattoliċi mhumiex ċerti meta twaqqaf, u m’għandu ebda awtorità biblika. 

Dan il-pass f’Ġakbu evidentement m’għandux x’jaqsam mal-griżma tal-morda. L-għan hawnhekk hu li l-marid ikun imfejjaq. Iżda l-griżma hi maħsuba u amministrata biss lil dawk mistennija li se jmutu fi żmien qasir, u mhux dawk li jistgħu jfiqu. Hi intenzjonata bħala preparazzjoni għall-ħajja lil hinn mill-qabar.

Il-griżma hi maħsuba u amministrata meta l-marid ikun moribond, wasal biex imut, u allura amministrata bħala preparazzjoni għall-mewt. Frattant Ġakbu jafferma l-kuntrarju: l-għan tad-direttivi tiegħu jwasslu għall-fejqan. Evidentement mhux qed jitkellem dwar ritwal ivvintat fil-Medju Evu!

2. Xi nies oħra jsostnu illi dal-pass hu l-bażi għall-ministeri ta’ fejqan għal-lum. Frattant imkien aktar, fejn jissemmew kwalifiki għall-presbiteri fil-Bibbja, ma jingħad li jridu jkun fejjieqa wkoll. Jerġa’, is-setting hu wieħed domestiku u personali, mhux pubbliku kif jiġri llum fejn għandek dawn it-taparsi “fejjieqa” illi jagħmlu xow, u għal darb’ oħra jkollna ngħidu li l-fejqan tagħhom regolarment ifalli.

3. Xi kummentaturi jissuġġerixxu illi dan il-pass kien intenzjonat għaż-żmien appostoliku. M’għadux rilevanti jew applikabbli għal-lum. Wieħed minnhom hu Matthew Henry, fejn qal: “Meta l-mirakli hedew, din l-istituzzjoni wkoll hediet.” Ma naħsibx li għandna nieħdu dil-pożizzjoni, għal raġunijiet kif spjegati aktar tard.

4. Xi Pentekostali estremi jisħqu illi dal-pass jagħtina l-unika preskrizzjoni divina għall-fejqan. Kull Kristjan imissu jippretendi l-fejqan b’dan il-mod. Dil-pożizzjoni hi perikoluża. Kieku hekk, għaliex mela Pawlu ma rrikkmandax id-direttivi ta’ Ġakbu lil Timotju, Epafroditu u Trofimu, li kienu lkoll ħbieb tiegħu u morda? Pawlu nnifsu kien marradi, u qatt ma rrikorra għal dawn id-direttivi. U għaliex lil Luqa jsejjaħlu “it-tabib il-maħbub”? (Kol.4:12). Il-mediċina hi rikkmandata: “Mhux dawk b’saħħithom għandhom bżonn it-tabib....” Naqblu illi meta mmorru għand tabib u jagħtina l-mediċina, il-fiduċja tagħna m’għandhiex tkun fihom, iżda finalment f’Alla l-imbierek. Dan kien l-iżball tas-Sultan Asa (ara 2 Kron.16:12).

5. Pożizzjoni oħra estrema, li qiegħda ssir popolari llum fost il-Pentekostali, hi din: illi l-Kristjan m’għandu għalfejn ikun qatt marid, għax hemm il-fejqan fis-salib. Kristu “ġarr il-mard tagħna,” jgħidulna (Mt.8:17). Tabilħaqq! Iżda Pietru jinterpreta dan l-istess pass minn Isaija f’sens spiritwali, ċoè illi Kristu fejjaq lil ruħna mill-mard (1 Pt.2:24-25). U nafu wkoll illi ġisimna, li għadu suġġett għall-mard u l-mewt, għad ikun glorifikat fil-qawmien, mar-ritorn ta’ Kristu fl-aħħar jum (Rum.8:23; Fil.3:21). 

Fil-pass ta’ Ġakbu nilmħu diversi prinċipju li nistgħu naqblu dwarhom:

1. Naraw l-ilment: il-marid jinsab f’qagħda kritika, imtaqqal b’marda serja, ikkonfinat f’daru, hekk illi jkollu jsejjaħ lill-presbiteri, u ma jistax imur hu personalment.

2. Ninnotaw is-sejħa tiegħu: lill-presbiteri, mhux lil kwalunkwe Kristjan.

3. Ninnotaw ukoll il-kmand ta’ Ġakbu: jitolbu fuqu: id-dover pastorali mhuwiex sempliċement istituzzjoni iżda personali. “Ibku ma’ min jibki” (Rum.12:15). Ix-xirka hi importanti. Jistgħu jitolbu għalih bla ma jżuruh, iżda l-kuntatt personali fih valur, għax il-Kristjani huma membri ta’ xulxin. 

4. Jissemma wkoll il-mezz: junzjonawh, jew jidilkuh, biż-żejt, li hawn jirrappreżenta l-mediċina (Isa.1:6; Lq.10:34; Mk.6:13), kif difatti ħallew bil-miktub bosta awturi antiki, fosthom Philo, Plinew u Galen. Hu imsemmi wkoll bħala simboliku għal kwalunkwe mediċina adatta u għad-dispożizzjoni tal-marid. Iż-żejt jista’ jkun ukoll referenza simbolika għall-qawwa fejjieqa t’Alla. 

Alternattivament nistgħu ngħidu li ż-żejt applikat fuq il-ġisem jagħti tama, għax hu xi ħaġa li tinħass. Ġesù kien ifejjaq mingħajr mezzi, bis-sempliċi kelma tiegħu, iżda f’każ minnhom għamel it-tajn mill-bżieq u applikat fuq għajnejn wieħed għama, biex jagħtih tama. Pawlu seta’jfejjaq bħal Sidu, iżda kien hemm drabi meta n-nies ħadu l-fradal u l-imkatar tiegħu biex iqegħduhom fuq il-morda.

5. Il-konsegwenza jew riżultat: fejqan. “se ssalva” mhux “tista’” jew “għandu mnejn issalva.” Kieku hekk ftit hemm kontroversja! Is-soluzzjoni probabbilment tinsab f’żewġ frażijiet li Ġakbu juża f’dan il-pass: “f’isem is-Sid” u “t-talba tal-fidi.” Se naraw xi jfissru realment dalwaqt. Meta nifhmu s-sinifikat tagħhom il-pass jiċċara wisq aktar.

5. Il-kondizzjoni inviżibbli: “f’isem is-Sid,” ċoè bil-mandat u l-approvazzjoni tiegħu. Ġakbu juża l-istess frażi ftit qabel fejn jgħid li l-profeti “tkellmu f’isem is-Sid” (5:10). Dan ifisser li l-profeti tkellmu u nidew il-messaġġ tagħhom bl-awtorità u l-kummissjoni ta’ Alla nnifsu, skont il-ħsieb tiegħu. Bl-istess mod, jekk il-presbiteri jaqdu l-ministeru tagħhom skont il-ħsieb t’Alla, u mhux bħala funzjoni mekkanika jew formali, il-fejqan jingħata. Iżda mhux biss!

6. Ninnotaw kondizzjoni inviżibbli oħra: “t-talba tal-fidi” (cf. 1:6). Ġakbu qed jitkellem dwar talba offruta bil-konvinzjoni sinċiera (mill-presbiteri u l-marid) illi hemm l-approvazzjoni t’Alla nnifsu. Dit-talba tibda fis-sema u tispiċċa fis-sema! Hi talba effettiva, għax hi offruta b’fiduċja sinċiera lil Alla (Rum.14:23), f’isem Kristu (Ġw.14:13) u skont ir-rieda t’Alla (1 Ġw.3:21-22; 5:14). Jekk u meta jsir hekk il-marid jitbierek bil-fejqan. 

7. Ġakbu jsemmi riżultat ieħor: jekk ikun għamel id-dnubiet se jinħafirlu. Jara l-possibbiltà ta’ konnessjoni bejn il-mard u d-dnub tagħna. Il-qagħda tar-ruħ taffettwa l-ġisem, u viċe versa! Id-dnub u l-mard għandhom x’jaqsmu flimkien, imma mhux neċessarjament f’kull każ speċifiku: innota l-kelma jekk. Il-maħfra hi terapewtika għall-ġisem kif ukoll għar-ruħ. Ġesù sikwit fejjaq fiżikament u spiritwalment, u l-istess konnotazzjoni doppja tista’ tkun preżenti f’dan il-pass. 

Ġakbu ma jridx jafferma illi kull mard ikun ċertament imfejjaq jekk in-nies sempliċement isejħu lill-presbiteri, jew jipprovaw jiġbru biżżejjed fidi għalihom infushom, jew jitolbu b’konvinzjoni biżżejjed. Meta l-marid ifiq dan hu dejjem bħala barka, għotja mingħand Alla ħanin, li hu sovran fuq kull ċirkostanza umana, inkluż il-mard u s-saħħa.

8. Fil-pass hemm assunzjoni: Ġakbu jassumi illi l-marid jirċievi l-maħfra ovvjament jekk hu niedem, u jistqarr. 

9. Bħala konklużjoni nistgħu ngħidu illi l-importanti hu l-glorifikazzjoni t’Alla, jiġrilna x’jiġrilna (Fil.1:20). L-interess finali ta’ Ġakbu hu spiritwali u pastorali, mhux fiżiku u għall-interess u l-kumdità personali (v.16).


Ġak.5:16. Mela stqarru dnubietkom lil xulxin. Għalkemm il-qrar fil-konfessjonarju ma’ qassis mhuwiex kmandat fl-Iskrittura, stqarrija lil Alla u lil xulxin hi kmandata. Nistgħu tant nirreaġixxu kontra s-sagrament tal-qrar (għax nafu li ma jgawdi ebda awtorità jew bażi biblika) illi naslu biex nittraskuraw stqarrija tajba u awtentika. Kultant stqarrija fil-komunità hi meħtieġa qabel ma jseħħ il-fejqan, peress li d-dnub jista’ jkun il-kawża tal-marda (cf., 1 Kor.11:29-30). 

Ruma tiggranfa ma’ dis-silta wkoll biex mingħaliha tressaq ġustifikazzjoni biblika, imqar jekk inadegwata, għall-konfessjonarju u b’mod speċjali għas-sagrament tal-qrar. Hu ovvju u ċar daqs il-kristall li Ġakbu mhux qed jikkmanda qrara privata lill-qassis bil-ħsieb li tingħatalu l-assoluzzjoni. L-istqarrija imsemmija hija waħda reċiproka, bħalma huwa t-talb! 

L-għan ta’ dan kollu mhux l-assoluzzjoni imma aktarx fejqan fiżiku. Ġakbu qed jidderieġi lill-fidili x’għandhom jagħmlu speċifikament f’każ ta’ mard. Il-presbiteri kellhom jinvistaw lill-marid u jfakkruh li l-mard u l-mewt jiġu mid-dnub. Jeżortawh ukoll biex jistqarr, jekk hu l-każ li kellu xi dnub, u mbagħad jitolbu għall-fejqan tiegħu. 

itolbu għal xulxin ħalli tfiqu hi indikazzjoni ċara illi t-talb għall-fejqan għandu jsir mill-Kristjani għal xulxin, u mhux biss mill-presbiteri tagħhom. 


Ġak.5:19. Ħuti, jekk xi ħadd fostkom jiżvija mill-verità u xi ħadd idawru lura. Il-qaddisin għandhom ikunu viġilanti sabiex jekk jaraw lil xi ħadd qed jiżgarra, billi ma jgħixx skont il-kelma tal-verità (Ġak.1:18), iċanfruh u bi mħabba jipprovaw jgħinuh jerġa’ jaqbad it-triq tal-ġustizzja kif infissra u illustrata f’din l-epistola. Twemmin sewwa hi esibit f’għejxien sewwa (Ġak.1:19-27).


Ġak.5:20. min idawwar midneb mill-errur ta’ triqtu. Il-protezzjoni u l-kura tal-erwieħ fil-komunija Kristjana għandha tkun l-interess ta’ kull membru, mhux biss tal-mexxejja tagħhom. Assistenza u inkuraġġiment reċiproku huma rikjesti. 

se jsalva ’l ruħu mill-mewt. Hawn mhux mewt fiżika (cf., 1 Kor.11:30) iżda mewt spiritwali (cf., 1 Ġw.5:16-17). 

se jgħatti multitudni ta’ dnubiet. Referenza għall-għata tad-dnubiet bil-maħfra li tiġi mingħand Alla waħdu (Sal.32:1; 85:2). Alla sikwit jinqeda b’niesu stess biex dawk li jkunu qed jiżvijaw jinġiebu lura. F’dan is-sens il-Kristjan jista’ jkun l-aġent tal-maħfra.