L-Epistola lil Filemon


Fm.14. ma jkunx bħallikieku mġiegħel, iżda voluntarju. Pawlu ma jridx jisforza lil Filemon iżda jipprova jipperswadih, sabiex imħabbtu tkun awtentika u mhux kontra qalbu. Il-prinċipju ta’ azzjoni ħielsa u voluntarja jmissna nżommuh quddiem għajnejna. Xejn ma jiswielna nservu lil Alla mingħajr rieda tajba, minn rajna. 


Fm.16. Pawlu donnu jiffavorixxi l-istituzzjoni tal-iskjavitù, għax jibgħat lil Onesimu lura għand sidu Filemon. Apparentement japprova l-jasar, li huwa ksur tal-prinċipju ta’ libertà u dinjità umana. Frattant Pawlu għamel hekk għax Alla ma jiffavorixxix ir-rivoluzzjoni soċjali. 

Eventwalment, bl-influwenza tal-vanġelu u l-applikazzjoni ta’ prinċipji bibliċi, l-iskjavitù nqered kull fejn daħal it-tagħlim Nisrani. Imqar tul il-Patt il-Qadim, hu magħruf illi l-bnedmin kollha għandhom dinjità għax huma magħmula fix-xbieha t’Alla (Ġen.1:27). Il-liġi Mosajka ddomandat illi eventwalment l-iskjavi jinħelsu (Es.21:2; Lev.25:40); u l-qaddejja kellhom ikunu trattati b’rispett (Es.21:20,26). 

Fil-Patt il-Ġdid hu dikjarat illi fi Kristu l-klassijiet soċjali huma irrilevanti; aħna lkoll ugwali quddiem Alla. Kwalunkwe kummerċ fl-iġsma u l-erwieħ tal-bnedmin hu projbit (Riv.18:13). Meta l-ilsiera Kristjani huma ordnati biex jobdu lil sidienhom, u Pawlu bagħat lura lil Onesimu għand sidu, kien qed jaċċetta s-sitwazzjoni kif kienet teżisti dakinhar, bla ma japprovaha jew jikkommendaha. Difatti esprima tama illi Filemon jillibera lil Onesimu (Fm.21), u jilqgħu, mhux iżjed bħala lsir, iżda iżjed minn ilsir, bħala ħuk maħbub. 

Dan l-approwċ, filli wieħed jifhem il-valur tal-bniedem, kemm bħala ħlejqa t’Alla, kif ukoll bħala ħlejqa mifdija, iwassal inevitabbilment biex il-bniedem jingħata d-dinjità tiegħu, hu x’inhu l-lewn ta’ ġildu, u l-grupp etniku li jifforma parti minnu. 


Fm.18. Il-Kristjan esperjenza personalment il-libertà mid-dejn u l-penali tad-dnub għax is-Salvatur Ġesù għamel tajjeb għalih. Bħala riżultat jitgħallem jissollieva t-toqol ta’ ħaddieħor, u jurih imħabba: għalhekk, iddebita dan fil-kont tiegħi. 


Fm.19. int midjun miegħi saħansitra tiegħek innifsek. Filemon kien konvertit bil-ministeru ta’ Pawlu hekk illi Filemon kellu dejn mal-appostlu għal xi ħaġa ikbar u iżjed prezzjuża, il-ħajja eterna li qed igawdi. Paragunat miegħu, id-dejn li Onesimu għandu ma’ sidu Filemon, allura, hi insinifikanti.