L-Epistola lill-Filippin
Fil.1:1. Filippi kienet belt pjuttost żgħira, imsejsa mis-Sultan Filippu tal-Maċedonja, missier Alessandru l-Kbir. Gawdiet l-ikbar fama tagħha mill-battalja missielta fil-qrib, fis-sena 42 q.K., bejn il-forzi ta’ Brutu u Kassju u dawk ta’ Antonju u Ottavjanu (aktar tard Ċesri Awgustu). Saret kolonja Rumana, avampost militari bi privileġġi speċjali.
Pawlu waqqaf knisja hemmhekk matul it-tieni vjaġġ missjonarju; kienet l-ewwel knisja stabilita minnu fuq art Ewropea (At.16). Ir-relazzjoni tiegħu mal-Filippin kienet dejjem amikevoli u anke għenuh finanzjarjament (Fil.4:16) fl-appostolat tiegħu.
d-djakni (bil-Grieg, diakonos, qaddej; serv). Xogħol id-djakni hu li jissollevaw u jgħinu lill-presbiteri, hawnhekk imsejħa sopristanti (tradizzjonalment isqfijiet), fl-aspetti prattiċi u f’ħidma ta’ ħniena u qadi fil-knisja. L-ewwel djakni nħatru minn kmieni (At.6:3). Bħala kelma – billi sempliċement tfisser serv – tintuża għal Kristu (Rum.15:8; Gal.2:17) kif ukoll għal Pawlu u oħrajn (Kol.1:7,23,25), għall-politiċi (Rum.13:4), u saħansitra għall-emissarji ta’ Satana (2 Kor.11:15). Kwalifiki għad-djakunat huma mogħtija fl-1 Timotju 3:8-13; apparentement anke n-nisa jistgħu jinħatru għal dil-kariga (Rum.16:1).
Fil.1:5. xirka. Insibu enfasi speċjali fil-Filippin fuq ix-xewqa li jkun hemm unità fil-knisja.
Fil.1:6. dak li beda xogħol tajjeb fikom għad itemmu. Il-Kristjani ġenwini, fidili u qaddisin, jipperseveraw fil-fidi sat-tmiem għax Alla, bl-omnipotenza u l-fedeltà tiegħu, jippriżervahom hekk illi jibqgħu mexjin ma’ Kristu tul għomorhom (Rum.8:30-37). L-għan salviviku t’Alla jkun finalment imwettaq fil-jum ta’ Kristu (Fil.1:10; 2:16) meta jirritorna fil-glorja biex iqajjem lil niesu mill-mewt (Fil.3:11,20-21) u biex jirċievi omaġġ universali (Fil.2:9-11).
jum Kristu Ġesù hu ż-żmien iffissat mill-Missier meta għandu jirritorna fid-dinja għall-ħaqq finali (1 Kor.1:8; 5:5; 2 Kor.1:14; Fil.1:10; 2:16); hi espressjoni sinonima għal “jum is-Sid” (Am.5:18-20; 1 Tes.5:2).
Fil.1:8. affezzjoni tittraduċi litteralment il-kelma “msaren,” il-parti tal-ġisem li tirreaġixxi għall-emozzjoni intensa. Tissinifika allura mħabba b’kumpassjoni, li tinvolvi l-persuna sħiħa.
Fil.1:9-11. U dan nitlob, li mħabbitkom toktor aktar u aktar f’tagħrif sħiħ u kull dixxerniment. Jgħarrafhom saħansitra l-kontenut tal-interċessjoni tiegħu għalihom. It-twemmin Kristjan – tagħrif sħiħ u kull dixxerniment – huwa espress fi mħabba Kristjana u fost nies sinċieri u inoffensivi. L-assenza tal-imħabba turi illi s-suppost tagħrif hu bla siwi (1 Kor.13:1-3); l-imħabba nfisha hi tagħrif tal-ifnad kwalità (1 Kor.8:1-3). Is-serjetà tat-talba sabiex l-imħabba toktor se ssir iżjed apparenti fil-Filippin 2:1-18.
Mhux biss il-midneb hu dikjarat ġust fi Kristu (Fil.3:9), iżda l-frott tal-ġustizzja, jew l-għejxien ġust li jirriżulta, ukoll jiġi permezz ta’ Ġesù Kristu, bil-ħidma tal-Ispirtu (Gal.5:22-23). Dan kollu jseħħ sabiex il-Missier ikun imsebbaħ – għall-glorja u t-tifħir t’Alla. Il-persuni tat-Trinità huma lkoll attivi fis-santifikazzjoni tal-fidili.
Fil.1:18. Kristu hu mniedi, u b’dan nifraħ. Ladarba l-appostlu jqis lilu nnifsu bħala skjav ta’ Ġesù s-Sid, kien ikkonċernat biss illi l-Imgħallem tiegħu jkun eżaltat.
Fil.1:19. Pawlu apprezza ħafna l-petizzjonijiet u l-interċessjoni tal-fidili għalih u ddependa fuq il-provvista tal-grazzja mingħand l-Ispirtu s-Santu.
Fil.1:20. L-ikbar ambizzjoni u l-aqwa xewqa tiegħu kienet illi Kristu jkun eżaltat, manjifikat u msebbaħ, akkost ta’ kollox.
Fil.1:21-24. għalija li ngħix hu Kristu, u li mmut qligħ. Ir-raġuni għala l-Kristjan jgħix fiżikament għandha dejjem u f’kull post tkun Sidu Ġesù. Il-mewt mhux talli ma taqtax lill-Kristjan minn mas-Salvatur iżda biha jiddaħħal f’esperjenza iżjed fonda ta’ dik l-unjoni. Inċidentalment, dan ir-raġunar jinnega l-idea falza li l-Kristjan ikollu jissaffa wara l-mewt f’post fittizju msejjaħ purgatorju. Il-ħsieb hu totalment pagan u jagħmel għajb lil Kristu u s-suffiċjenza tiegħu. Il-Kristjan diġà hu maħfur u kwalifikat għall-ġenna – bil-merti esklussivi ta’ Kristu li jħobbu.
Pawlu jixtieq ikun ma’ Kristu fejn jarah u jgawdih viżibbilment, flok bil-fidi, iżda wkoll jixtieq jibqa’ fid-dinja għas-servizz tal-knisja. Din hi d-dilemma tiegħu: ninsab marsus bejn iż-żewġ direzzjonijiet. Frattant ir-riżultat hu f’idejn Alla, u l-appostlu hu kunfidenti li Alla għandu aktar ħidma għalih x’jagħmel fost il-Filippin (Fil.1:24-25).
Fil.1:29. mogħti...li tbatu għalih. Is-sofferenzi mġarrba mill-fidili, inkredibbilment, huma għotja ta’ grazzja illi jirriżultaw f’qawwa spiritwali (2 Kor.7:9-10; 1 Pt.5:10), u premju etern (1 Pt.4:13).
temmnu fih. Ebda bniedem mhu kapaċi jafda fi Kristu bil-ħila nattiva jew naturali tiegħu. Din ukoll hi għotja minn fuq.
Fil.2:1. xi xirka fl-Ispirtu, ċoè sħubija f’ħajja eterna komuni, provduta mill-Ispirtu s-Santu li jgħammar f’kull Kristjan (1 Kor.3:16).
xi affezzjonijiet u mogħdrijiet. L-imħabba tenera mingħand il-Missier hi murija lill-mifdija, b’kumpassjoni fidila (Rum.12:1; 2 Kor.1:3). Dir-realtà jmissha tirriżulta f’għaqda bejn l-aħwa.
Fil.2:2. agħmlu l-ferħ tiegħi komplut. L-appostlu xtaq unità ġenwina bejn il-fidili, u l-hena tiegħu ddependiet fuq dan l-ideal.
Fil.2:3. Fost il-pagani l-umiltà kienet mistmerra, iżda fost l-Insara hi virtù ewlieni, għax tagħmilna nixbhu lil Sidna Ġesù.
kkonsidraw lil xulxin superjuri għalikom infuskom. Il-kbir fis-saltna tas-smewwit hu min jaqdi b’qalb onesta. Hawn għandna definizzjoni ta’ umiltà vera, meta tkun lest illi jikber ħaddieħor billi tiċkien int (Rum.12:10).
Fil.2:5-11. Ħa jkollkom din l-attitudni fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù. Sidna hu l-ikbar eżempju ta’ altruwiżmu; aħna s-segwaċi tiegħu jmissna nadottaw l-istess atteġġjament fit-trattativi tagħna ma’ xulxin. L-eżortazzjonijiet minn vers 1 sa 4 nistgħu niġbruhom fil-qosor fi frażi waħda: “kunu bħal Kristu.”
umilja lilu nnifsu...Alla eżaltah. L-umiltà ma tfissirx tippretendi li ma tiswa xejn u tirrifjuta pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, imma tkun taf u żżomm il-post li Alla ħatar għalik. Tkun umli jiġifieri tilqa’ l-arranġament t’Alla, sew jekk dan jinvolvi l-espożizzjoni għolja tat-tmexxija (Mosè kien umli bħala mexxej; Num.12:3), jew l-oskurità li tkun seftur. Meta Ġesù qal li kien “ġwejjed u umli fil-qalb” ried jgħid li kien qed isegwi l-pjan ta’ Missieru matul ħajtu fuq l-art.
It-tliet persuni tat-Trinità huma eterni u jeżistu minnhom infushom, u għandhom ugwalment l-aspetti u l-attributi kollha tad-divinità, u dejjem jaġixxu flimkien. Imma l-persuni huma distinti fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Xaqq dawl dwar xi jfisser dan huwa mogħti lilna fis-sottomissjoni umli ta’ Kristu għar-rieda tal-Missier, kif ukoll fil-mod kif l-Ispirtu s-Santu hu mibgħut mill-Missier u l-Iben biex japplika u jikkonferma x-xogħol tas-salvazzjoni fi qlubna.
Ir-rieda tal-Missier għal Kristu kultant insejħulha l-patt tal-fidwa, billi hemm ftehim bejn żewġ partijiet. Fl-għan etern tiegħu, Alla għoġbu jaħtar u jordna lill-Mulej Ġesù, l-Iben uniġenitu tiegħu, biex ikun il-Medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Profeta, il-Qassis, u s-Sultan. Ħatru wkoll bħala r-Ras u s-Salvatur tal-knisja tiegħu, il-werriet ta’ kollox, u l-imħallef tad-dinja. Mill-eternità tah għadd ta’ nies biex ikunu nislu, u ħalli fiż-żmien ikunu mifdija bit-tixrid ta’ demmu, kif ukoll imsejħa, ġustifikati, imqaddsa u glorifikati.
Kristu wettaq dan il-patt f’żewġ stadji, magħrufin bħala “l-umiljazzjoni” u “l-eżaltazzjoni” tiegħu. Fl-umiljazzjoni tiegħu ħalla warajh il-glorja eterna li kienet tiegħu, u mill-verġni Marija ħa natura umana pefetta u kompluta, filli kellu ruħ u ġisem bħalna. Fl-inkarnazzjoni tiegħu għex ħajja etikament u assolutament perfetta, fil-faqar u t-tbatija. Kien miċħud minn ġensu, u finalment miet mewta ta’ għajb bħallikieku kien kriminal komuni (2 Kor.8:9; Gal.3:13; Fil.2:6-8).
Fl-eżaltazzjoni tiegħu, Kristu qam mill-qabar, tela’ fis-smewwiet, minn fejn qiegħed jirrenja bħala Sultan fuq id-dinja u l-knisja. Flimkien mal-Missier, bagħat l-Ispirtu s-Santu biex japplikalna x-xogħol tal-fidwa mirbuħa għalina.
L-ubbidjenza ridentiva ta’ Kristu hi attiva kif ukoll passiva. Fl-ubbidjenza attiva tiegħu, Kristu wettaq il-kmandamenti pożittivi t’Alla għal niesu, billi serva lil Alla u għamel il-ġid. Din il-ġustizzja pożittiva hi mogħtija bħala don permezz tal-fidi lil kull min jemmen, u biha huma assigurati li l-qagħda tagħhom quddiem Alla hi waħda ġusta.
Fl-ubbidjenza passiva, Kristu ħallas id-dejn u ħa fuqu l-piena mistħoqqa lilna l-midinbin, billi daq il-mewt fuq l-għolja tal-Kalvarju. Insejħulha passiva għaliex ħalla jew ippermetta lill-midinbin jaħqruh, isawtuh, jgħabbuh is-salib u fl-aħħar idendluh miegħu. Ġesù ġie biex jagħmel ir-rieda tal-Missier, mhux biex jevitaha, u qalbu kienet konformi totalment magħha.
ta’ ħlejjaq fis-smewwiet, u tal-art, u taħt l-art. L-għarfien ta’ Kristu bħala Sid sovran u suprem se jkun wieħed universali u totali, imqar minn dawk li ma jkunux irrikorrew għandu għas-salvazzjoni eterna tagħhom.
Fil.2:6. fis-sura t’Alla. Din il-frażi tirreferi għar-realtà sostanzjali u mhux biss għad-dehra. Pawlu qed jisħaq fuq id-divinità sħiħa u ġenwina ta’ Kristu.
Fil.2:7. battal lilu nnifsu. Mhux neħħa l-identità tiegħu bħala Alla, iżda fis-sens li umilja lilu nnifsu. Meta l-Iben sar bniedem xorta waħda baqa’ Alla, għax Alla ma jinbidilx. Mela Pawlu qed jalludi għall-umiljazzjoni tiegħu bħala bniedem meta mexa fostna fuq l-art.
ħa s-sura ta’ lsir. Lingwaġġ qawwi biex jesprimi kemm Kristu fl-inkarnazzjoni tiegħu attwalment sar bniedem reali u ġie fostna biex iservi u jifdina, ubbidjenti għar-rieda ta’ Missieru, bla ma qagħad ifittex l-istatus eżaltat tiegħu.
Fil.2:11. kull ilsien jistqarr illi Ġesù Kristu hu s-Sid. L-umiltà ta’ Kristu hi l-glorja tiegħu (cf., Mt.23:12). L-isem li hu fuq kull isem hu Sid, it-titlu għal Alla. Fis-Septwaġinta, it-traduzzjoni Griega tal-Patt il-Qadim, l-isem t’Alla hu rappreżentat bit-titlu Sid (bil-Grieg, Kurios). Kristu issa hu dikjarat bħala dak li minn dejjem kien, ċoè, Alla veru (1 Ġw.5:20). It-tifħir hu mogħti lilu bħala uman, Ġesù, u bħala divin, Sid. Hu meqjum bħala Alla-bniedem.
għall-glorja t’Alla l-Missier. Tant il-persuni tat-Trinità huma ħaġa waħda illi l-att ta’ qima lill-Iben jigglorifika lill-Missier. L-għaxqa tal-Missier hi illi jara lil Ibnu msebbaħ fost il-bnedmin, anzi, fl-univers kollu tiegħu.
Fil.2:12. aħdmu s-salvazzjoni tagħkom. Bħal fil-Filippin 1:28, din hi salvazzjoni fis-sens ridentiv b’enfasi partikolari fuq it-taqdis tal-fidili. Il-proċess li bih insiru nixbhu lil Sidna jiddomanda ubbidjenza għall-eżortazzjoni fil-Filippin 2:1-5. Ninnotaw kif is-salvazzjoni diġà hi tagħna: issa rridu nħaddmuha, niżviluppawha, nesprimuha jew nesibuha f’mixja qaddisa. Ċertament Pawlu mhux qed jgħid, “Aħdmu għas-salvazzjoni tagħkom.” Hsieb hekk hu totalment kontra l-evanġelju, għax mill-bidu sat-tmiem is-salvazzjoni hi għotja b’xejn skont il-ħniena divina, milqugħa bil-fidi.
bil-biża’ u t-tregħid, ċoè b’timenza u riverenza, b’sens ta’ responsabbiltà, aktarx milli bl-għażż jew indifferenza, jew inkella bil-paniku jew allarm. L-emozzjonijiet huma mqanqla bil-preżenza u l-operazzjoni t’Alla fina (Fil.2:13), u mhux b’mistoqsijiet jew dubju dwar is-sigurtà eterna tagħna.
Fil.2:13. Alla hu dak li qed jopera fikom. L-użu tal-isforz uman (Fil.2:12) mhux talli ma jinnegax l-involviment u r-rieda t’Alla, iżda hu proprjament x’qiegħed jikkmanda biex nilħqu l-għan salviviku tiegħu (Ef.2:8-10). Issa li invoka l-eżempju ta’ Kristu, Pawlu jassigura lill-Filippin illi huma ma jridux u ma jaħdmux waħidhom, iżda r-rieda u l-azzjonijiet tagħhom huma l-għelieqi fejn il-qawwa divina hija operattiva (Fil.4:13; 1 Tes.2:13).
Fil.2:14. It-tmaqdir, argumentar fjakk, tgemgim u tgergir ifixklu l-unità.
Fil.2:16. ma ġrejtx fil-batal: metafora mislufa mill-atletika Griega, biex tesprimi l-intensità tal-attivita tal-appostlu.
Fil.2:17. jekk qed nitferra’ bħala tiswiba. Proprjament Pawlu qed ixebbah lil ħajtu stess bħala libazzjoni jew offerta tax-xorb, mogħtija lil Alla. Qed jirreferi għall-ministeru tiegħu fost il-Filippin, li involva sagrifiċċju.
Fil.2:25-27. marad tabilħaqq, u kien wasal viċin il-mewt. Hu ċar illi Alla ma jwegħidx illi jfejjaq lil kulħadd li għalihom nitolbu bil-fidi. Pawlu talab għalih innifsu, u l-Mulej ma fejqux (2 Kor.12:8-9). Pawlu fejjaq (At.28:9), iżda ma fejjaqx lil Epafroditu u lil Trofimu (2 Tim.4:20). Ġobb marad mhux għax m’emminx f’Alla (Ġob.1:1). Mill-banda l-oħra, Ġesù qajjem nies mill-mewt avolja ma setgħux jeżerċitaw fidi. Alla jfejjaq skont l-għan sovran u tajjeb tiegħu, mhux f’kull każ partikolari, iżda wiegħed li għad jagħti ġisem b’saħħtu u immortali lil uliedu kollha fl-aħħar jum (Rum.8:23-25).
Fil.3:2. Ħarsu ruħkom mill-klieb. L-avversarji ta’ Pawlu setgħu kienu nies magħrufa bħala Nsara (bħal fil-Galazja) jew Lhud mhux Kristjani illi insistew li l-liġi ta’ Mosè hi indispensabbli u saħqu li ċ-ċirkonċiżjoni hi marka tas-salvazzjoni (cf., At.15:1).
Fil.3:3. aħna ċ-ċirkonċiżjoni. Il-Ġudaisti kienu għalliema foloz li propagaw l-idea li l-bniedem isalva bil-fidi fi Kristu u bl-opri tiegħu nnifsu. Issa, bi tweġiba għalihom u għall-enfasi tagħhom fuq ir-rit estern u fiżiku taċ-ċirkonċiżjoni, Pawlu jasserixxi li l-Kristjani huma ċ-ċirkonċiżjoni vera, ċoè l-Iżrael spiritwali (Gal.3:6-4:7).
Fil.3:6-7. inkwantu il-ġustizzja fil-liġi, misjub bla ħtija. Mhux qed jgħid li kien assolutament bla dnub (Rum.7:7-13), iżda li kien fidil għall-istil ta’ ħajja kif preskritt fil-Patt il-Qadim. L-ubbidjenza ta’ Sawl ta’ Tarsu għal-liġi kienet onorabbli, iżda rriżultat f’ċerta kunfidenza jew fiduċja fih innifsu (Fil.3:3-4) li hi l-agħar fost id-dnubiet.
kwalunkwe ħwejjeġ li kienu qligħ għalija. Ovvjament Pawlu m’għandux f’moħħu trasgressjonijiet għal-liġi, iżda aktarx l-ubbidjenza skrupluża u metikoluża tiegħu għall-kmandamenti t’Alla.
ikkonsidrajthom telf minħabba l-Kristu. Id-deċiżjoni hi wisq aktar sinifikanti għax (almenu parzjalment) Sawl kellu jirrinunzja l-virtù, xi ħaġa iżjed diffiċli biex twarrab mill-vizzju. Frattant issa Pawlu jirrealizza illi aktar ma tkun nobbli l-ġebbieda tiegħek, u aktar ma jkunu abbondanti l-kisbiet reliġjużi tiegħek, akbar hi t-tentazzjoni għall-kburija u konfidenza fik innifsek (Lq.18:9-14; Ef.2:8-9). Pawlu liberament iċedi kull sors ta’ afdar fih innifsu u profitt personali sabiex iħaddan lil Kristu waħdu, bil-fidi, għax hu Kristu waħdu li kapaċi jsalvana.
Fil.3:9. mhux li għandi l-ġustizzja tiegħi. Pawlu issa jagħraf illi s-salvazzjoni mhijiex ibbażata fuq ottenimenti umani u ubbidjenza personali għal-liġi. Is-salvazzjoni hi għotja tal-grazzja, totalment u esklussivament is-sewwa u l-perfezzjoni li Alla jlibbes lill-fidili bihom minħabba Kristu. Huma ġustifikati mingħandu, billi huma magħquda ma’ Kristu bil-fidi (Rum.1:16-17; 3:21-26).
permezz tal-fidi fi Kristu. Il-fidi hi diretta kompletament lejn Bin Alla, is-Salvatur (Gal.2:16). Issa li Pawlu jafda fih waħdu, jabbanduna kull afdar fil-kredenzjali ritwali, morali, reliġjużi u ċivili tiegħu (Fil.3:7-8). Il-fidi hi strumentali; mhix ir-raġuni jew bażi tas-salvazzjoni. Hu Kristu li jsalvana billi l-Ispirtu jgħaqqadna miegħu bil-fidi. Qatt ma jingħad illi aħna salvati minħabba l-fidi jew abbażi tagħha. Il-pedament u r-raġuni għas-salvazzjoni hi l-mertu ta’ Kristu. Il-fidi bħala l-mezz ma tipprovdi ebda valur fiha nfisha; aktarx tgħaqqadna ma’ Kristu u l-mertu tiegħu.
il-ġustizzja mingħand Alla bbażata fuq il-fidi. Bil-fidi nirċievu l-għotja tal-ġustizzja, ċoè li nkunu sewwa m’Alla, maħfura u dikjarati ġusti (Rum.3:22; 5:17). Abbażi ta’ dil-ġustizzja jingħata l-verdett favur il-persuna li temmen (Rum.4:3; 5:1; Gal.3:6). B’dan il-mod il-fidi u l-ġustifikazzjoni jiġru fl-istess ħin, għalkemm loġikament il-fidi hi l-ewwel. Alla jiġġustifika lin-nies li jemmnu.
Fil.3:10. ħalli nkun naf lilu. Din hi x-xenqa l-aktar appassjonata ta’ Pawlu (Fil.1:20-23). Jitkellem mhux sempliċement dwar konsapevolezza mentali ikbar, iżda dwar unjoni u komunjoni personali aktar profonda.
s-setgħa tar-resurrezzjoni tiegħu u x-xirka tas-sofferenzi tiegħu, billi nkun ikkonformat mal-mewt tiegħu. L-identifikazzjoni ma’ Kristu mislub u rxoxtat hi fondamentali għall-ħajja Nisranija (2 Kor.4:7,10-11). Bil-parteċipazzjoni tagħna fit-tbatijiet ta’ Sidna s-setgħa tal-irxoxt tiegħu tkun manifestata fil-ħajja tal-Kristjan. Ma jalludix biss għall-martirju (Fil.2:17), iżda għall-ħajja fl-aspetti u l-istadji tagħha kollha.
Fil.3:11. sabiex b’xi mod nilħaq għar-resurrezzjoni mill-imwiet. Il-perseveranza tal-fidil tiddependi fuq ir-rieda u l-ħidma ta’ Alla sovran (Fil.1:6; 2:13; 3:12-14,21; cf., Ebr.6:3). Hekk kif nixxerjaw fis-sofferenzi ta’ Kristu nkunu qed niġu preparati biex nixxerjaw il-glorja tiegħu fil-qawmien fl-aħħar jum (Rum.8:17; Fil.3:20-21).
Fil.3:12. Mhux illi diġà ottenejt dan kollu, jew diġà sirt perfett. Il-premju tas-salvazzjoni fil-milja tagħha għadu ma ntrebaħx, u Pawlu jikkumbatti ideat ta’ perfezzjoniżmu f’din il-ħajja (Rum.7; 1 Kor.4:8; 2 Tim.2:18). Frattant il-proċess salviviku li għad ikun konsumat f’jum Kristu (Fil.1:6,10) u r-resurrezzjoni mill-mewt (Fil.3:11) diġà bdew.
Fil.3:13. ninsa l-ħwejjeġ li jinsabu warajja. Esperjenzi midinba fil-passat m’għandniex inħalluhom jeffettwawna jekk kemm-il darba rċivejna l-maħfra mingħand il-Missier. Lanqas rebħiet spiritwali: ma naffordjawx inserrħu fuq għemejjel virtużi jew kisbiet tal-imgħoddi. Jekk inħallu l-passat jiddettalna, l-isforzi tal-preżent jitgħaxxu.
Fil.3:15. It-tfittxija għall-pefezzjoni spiritwali tibda mas-sejħa tagħna għas-salvazzjoni. Dawk li jimmiraw biex isiru jixbhu lil Sidhom juru li huma maturi.
Fil.3:18-19. mbikki. Pawlu jagħli mhux għax jibża’ li xi wħud kapaċi jżarmaw dak li bena Kristu f’ħajjithom, iżda minħabba l-qirda merfugħa għall-opponenti tal-vanġelu. Dan id-destin ta’ telfien etern iġib fil-kompletezza tiegħu il-proċess distruttiv mibdi minn dnubhom stess (Rum.1:18-32; Gal.6:7-8).
l-glorja tagħhom tinsab fil-mistħija tagħhom. Il-Ġudaisti, għalliema foloz, ftaħru fl-isforz personali tagħhom, iżda mqar l-aħjar għemejjel umani huma maħmuġa (Isa.64:6; Fil.3:7-8). Oħrajn, libertini pagani, ftaħru bi dnubhom stess. Ġabu skuża bil-libertà biex jiddefendu mġibithom (1 Kor.6:12).
Fil.4:3. ktieb il-ħajja hu simbolikament ir-reġistru tal-persuni li Alla ddetermina mill-eternità li jsalvahom u allura jasal biex isejħilhom bl-evanġelju ħalli jkunu miegħu għal dejjem (Lq.10:20; Ebr.12:23; Riv.3:5; 17:8; 20:12,15; 21:27).
Fil.4:4. Min jixher, u allura, jagħli għal dnubietu, hu mbierek (Mt.5:4), u r-riżultat hu relazzjoni tajba m’Alla, relazzjoni li hi mmarkata bil-ferħ, għaldaqstant il-kmand Ifirħu fis-Sid dejjem hu f’loku ħafna. Dawk li jumiljaw lilhom infushom, Alla jgħollihom (Ġak.4:10).
Fil.4:7. Alla jagħti s-sliem lil dawk li jressqu l-ansjetajiet tagħhom quddiemu.
Fil.4:8. Kull Kristjan messu b’mod konxju u deliberattiv jixħet l-attenzjoni tiegħu u jimmedita fuq il-ħwejjeġ t’Alla, ħwejjeġ pożittivi u moralment tajba.
Fil.4:10-20. xxeriktu flimkien miegħi f l-afflizzjoni. Hawn jitkellem dwar l-għotja finanzjarja mibgħuta lilu mill-knisja ta’ Filippi, u joffru radd il-ħajr għaliha, kif ukoll jinqeda bl-opportunità biex jispjega x’inhi u kif tinkiseb il-kuntentizza, li rridu nitgħallmuha fil-prosperità u fil-faqar; hi kwistjoni tal-qalb. Ma tiddependix fuq iċ-ċirkostanzi.
Fil.4:13. Kollox niflaħ nagħmel. Billi jserraħ fuq is-setgħa ta’ Kristu u jsegwi l-eżempju tiegħu (Fil.2:5; 3:10), il-Kristjan kapaċi jiffaċċja kwalunkwe ċirkostanza, iebsa kemm hi iebsa, b’kuntentizza fil-qalb (Fil.4:6-7,19). L-ubbidjenza kostanti u grata kif ukoll servizz umli huma possibbli għall-Kristjan, għax hu mseddaq minn Sidu stess.
Fil.4:14-16. Madankollu. Pawlu ma kellux bżonn l-għotja biex isir kuntent; ifakkarhom, però, kemm hu grat lejhom, u jiftakar l-atti ta’ ġenerożità li wrew miegħu fil-passat.
Fil.4:17. jiżdied għall-kreditu tagħkom. Min hu ġeneruż u jagħti jkun qed jaħżen teżor fis-sema (Mt.6:20). Il-kontribuzzjoni lil Pawlu kienet qed taqla’ dividendi fil-kont spiritwali tal-Filippin (Prov.11:24-25; 19:17).
Fil.4:18. Il-bniedem spiritwali jithenna fl-attitudni li biha tingħata l-ħaġa, aktarx milli fil-ħaġa nfisha. Il-qalb hi aqwa mill-għotja materjali.
Fil.4:19. jissupplixxi għalkollox kull bżonn tagħkom, ċoè kull ħtieġa materjali u spiritwali (Fil.4:6-7). Il-wegħda hi għal dawk li huma fl-għaqda ma’ Kristu (Fil.4:21; 1:1), u ubbidjenti lejh.
Fil.4:20-23. il-qaddisin kollha. Għalkemm il-fidili huma mxerrda ġeografikament, teżisti unità sabiħa fi Kristu.
Fil.4:22. dawk mid-dar ta’ Ċesri kienu Kristjani, ilsiera jew liberi, ingaġġati fis-servizz imperjali.