L-Epistola lill-Efesin


Ef.1:1. Efesu kienet belt magħrufa tal-Jonja. Fi żmien ir-Rumani kienet il-kapitali tal-parti msejħa “il-provinċja tal-Asja,” il-parti tal-Punent tal-Asja Minuri. Sitwata qrib il-baħar, serviet bħala ċentru ta’ kummerċ, politika u reliġjon. It-tempju famuż ta’ Djana, jew Artemi, ġibed lejh eluf ta’ pagani. Bħala ċentru ta’ negozju, kienet tampar Lixandra u Antjokja. 

Pawlu waqaf f’Efesu fit-tieni vjaġġ missjonarju (At.18:18-19). Fit-tielet vjaġġ issetilja hemm għal madwar tliet snin u l-vanġelu xtered matul l-Asja Minuri kollha (At.19:10). Fit-tard, Ġwanni l-appostlu għamel il-belt il-kwartieri tiegħu. 


Ef.1:3. Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, hu titlu ta’ relazzjoni pattwali, bħal “Alla ta’ Abraħam.”

L-imkejjen smewwitin huma d-demanju totali tal-ħakma t’Alla, mnejn uliedu fuq l-art jirċievu l-barkiet kotrana tiegħu (cf., Ef.1:20; 2:6; 3:10; 6:12).

fi Kristu, jew fih, hi frażi wżati sikwit biex tesprimi l-unjoni tal-fidili ma’ Sidhom.


Ef.1:4. Qabel ma aħna għażilna lil Kristu u emminna l-evanġelju tiegħu, Alla kien diġà għażilna fih biex tingħatalna l-abbiltà nagħmlu proprjament dan (cf., Ġw.15:16).

ħalli nkunu qaddisin. L-għażla divina mill-eternità tipproduċi fiż-żmien il-qdusija fina (2 Tes.2:13). 


Ef.1:5. L-adozzjoni hu l-pożizzjoni ta’ wlied lil persuni li darba ma kinux membri fil-familja. 

skont l-intenzjoni tajba tar-rieda tiegħu. Il-predestinazzjoni u l-barkiet l-oħra mhumiex imsejsa fuq xi ħaġa magħmula mill-bniedem, iżda biss sforz l-imħabba t’Alla lejna (Dt.7:7-8; Rum.9:11-13). 


Ef.1:6. għat-tifħir tal-grazzja glorjuża tiegħu. L-imħabba mhix mistħoqqa t’Alla, tant rikka u inkomparabbli, li tiddi fis-salvazzjoni maħduma minnu, tqanqal lir-riċevituri tal-grazzja biex iqimuh. Il-maħbub hu Kristu nnifsu (Mt.17:5). 


Ef.1:7. Il-fidwa hi l-għotja ta’ libertà bil-ħlas ta’ prezz (Es.21:30), bħal meta lsir jinħeles mill-iskjavitù għax ħaddieħor jixtrih.


Ef.1:7. demmu jirreferi għas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq il-Kalvarju (Mk.10:45). Illibera midinbin magħżula billi ssodisfa għan-nom tagħhom il-ġustizzja t’Alla (Rum.3:24-26). 


Ef.1:7. il-maħfra tad-dnubiet hi grazzja li ssalva, li biha l-midneb li jemmen fi Kristu jkollu d-dejn tiegħu kkanċellat (Kol.2:13-14) u mħassar (Isa.43:25); jiġifieri Alla ma jiftakarx aktar ħtijietu (Ebr.10:17-18) u jwiegħed li qatt mhu se jerġa’ jqajjem il-kwistjoni (Mik.7:18-19).

Ladarba l-bniedem jikser il-liġi divina u jidneb primarjament kontra Alla (Sal.51:4), Alla biss jista’ jaħfirlu. Il-maħfra hi l-prerogattiva esklussiva t’Alla, u ma jinqeda b’ebda medjazzjoni umana biex jgħaddilna l-maħfra tiegħu (Sal.103:3-4; Isa.1:18; 40:2; 55:7; Ġer.50:20). 

Peress li hu wieħed mal-Missier, u Alla nnifsu, Sidna Ġesù Kristu jeżerċita l-maħfra (Mt.9:2-8; Lq.5:20-26; 7:47-50), u għadu jagħti l-maħfra llum ukoll (At.2:38; 5:31). B’hekk jagħtina prova oħra tad-divinità assoluta tiegħu (Mk.2:1-12).

Alla jista’ jaħfer id-dnubiet u fl-istess ħin jibqa’ ġust, għaliex fil-mogħdrija u l-grazzja tiegħu ssodisfa l-ġustizzja tiegħu billi provda ’l Ibnu stess biex jieħu l-kastig minflok il-maħturin tiegħu (1 Pt.2:24-25; 3:18). Alla mela jaħfer biss permezz ta’ Kristu (Lq.24:47; Kol.1:13-14). 

Dawk li jafdaw fi Kristu bħala s-sostitut tagħhom igawdu l-maħfra divina (1 Ġw.2:12), don li ma jitteħidx lura (Rum.11:29). Din il-verità superba ġġegħilna nimxu f’dedikazzjoni ubbidjenti għall-Mulej; il-Kristjan hu fid-dmir jaħfer kontinwament, kompletament u mill-qalb, bħalma ħafirlu Sidu (Ef.4:32).


Ef.1:9. Il-misterju hu sigriet magħruf biss għal Alla u dawk li jurihulhom (Mt.13:11; Ef.3:3-5). L-evanġelju jiżvela l-pjan etern t’Alla, iċċentrat fi Kristu (Ef.1:10; 3:11). 


Ef.1:10. għall-milja taż-żminijiet. Mhux sempliċement il-futur. Kristu diġà ġie biex iġib il-fidwa u l-adozzjoni (Gal.4:4). Minħabba mewtu u l-qawmien, diġà assuma tmexxija fuq il-knisja bħala r-ras, u avolja wara l-kwinti, diġà jaħkem fuq l-univers (At.2:32-36; Kol.1:15-20). 

Jerġa’, tiddomina enfasi futura. L-unità viżibbli tal-knisja hi tidwiqa minn qabel tal-ħakma viżibbli li Kristu għad eventwalment ikollu. Minħabba f’hekk Pawlu jenfasizza l-unità ta’ Lhud u Ġentili fil-knisja (Ef.1:11-14; 2:11-22), u l-prattika tal-imħabba fost l-aħwa (Ef.4:2,15; 4:32-5:2,21-23). It-tema introdotta hawn (Ef.1:9-12) jespandiha akatr tard (Ef.3:2-12). 

jiġbor kollox flimkien fil-Kristu, il-ħwejjeġ fis-smewwiet u l-ħwejjeġ fuq l-art. Mhux qed jirreferi għal salvazzjoni universali, ċoè illi d-demonji u l-umanità kollha se jkunu eventwalment salvati; din l-idea tikkontradixxi t-tagħlim ċar illi m’hemmx salvazzjoni għad-demonji, u parti mill-umanità se tkun eternament mitlufa fl-infern. Aktarx, Pawlu qed jisħaq fuq is-sovranità universali ta’ Ġesù (ara nota fil-Kolossin 1:20).


Ef.1:11. magħmulin werrieta. Mogħtija l-jedd ingawdu saltnet Alla bħala wlied adottivi tiegħu (Rum.8:17; Ef.1:14,18; 5:5). 


Ef.1:11. Alla jopera kollox skont l-għan tar-rieda tiegħu; il-providenza tiegħu tikkontrolla kull avveniment skont il-pjan komprensiv tiegħu sabiex il-magħżulin tiegħu jkunu salvati u jaslu sal-glorja eterna (Rum.8:28-30). 


Ef.1:12. Kull bniedem salvat jeżisti sabiex il-glorja divina tkun imfaħħra u manjifikata (Isa.43:7,21). 


Ef.1:13-14. bl-Ispirtu s-Santu mwiegħed. L-Ispirtu s-Santu hu l-wegħda tal-Missier (Lq.24:49). Rimarkevolment dil-wegħda hi estiża lill-Ġentili wkoll, abbażi ta’ Kristu li fih jemmnu (Eż.36:26-27; Ġoel 2:28; At.1:4-5; 2:33,38-39; Gal.3:14; 4:6). 

Mhux biss hu t-twettiq tal-wegħda t’Alla li jgħammar fil-poplu tiegħu, iżda l-Ispirtu s-Santu hu l-kapparra tal-wirt tagħna, il-garanzija li Alla għad iġibna għall-eredità finali tagħna. Diġà fdiena spiritwalment, u l-Ispirtu hu depożitu minn qabel bħala assigurazzjoni li għad naslu fil-glorja taż-żmien li ġej (Rum.8:18-23). 

sal-fidwa sħiħa tal-possediment t’Alla. Alla għażel poplu bħala l-wirt tiegħu (Dt.32:9; Sal.33:12), u fdieh mill-jasar biex isir għalih proprjetà valutata (Es.19:5; Dt.7:6). Fil-Patt il-Ġdid dan il-poplu jikkonsisti minn Lhud u Ġentili (1 Pt.2:9). 


Ef.1:15-16. Aħna obbligati nroddu ħajr lil Alla għax kemm il-fidi kif ukoll imħabbitna huma għotjiet mingħandu. 


Ef.1:17. spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni fit-tagħrif tiegħu. Alla biss, permezz tal-Ispirtu tiegħu, kapaċi jżejjinna bis-sapjenza (Isa.11:2) u jgħaddilna l-verità santifikanti tiegħu (1 Kor.2:10-12). Waħidna ma naslux. Minħabba f’hekk it-talb hu vitali, ħalli navvanzaw fit-tagħrif sperimentali t’Alla Trinità. 


Ef.1:18. Imqabblin mal-infidili, il-fidili huma dawl, iżda xorta waħda jeħtieġu jgħaddu ’l quddiem fit-tagħrif (Sal.119:18) ħalli japprezzaw aħjar il-għana tal-grazzja t’Alla. 

it-tama tas-sejħa tiegħu hi l-glorja futura u eterna li għaliha l-Missier isejħilna. Meta nifhmu r-rikkezzi spiritwali riservati għalina nkunu motivati wisq aħjar biex naqdu u nonoraw lil Alla. 


Ef.1:19-20. Alla jnissel il-fidi f’qalb il-maħturin billi japplikalhom il-qawwa tal-qawmien ta’ Kristu. Hu l-bniedem li jemmen, iżda impossibbli jemmen mingħajr ma jkun mogħti l-kapaċità minn fuq (Ef.1:20; 2:5; 2 Kor.4:6; 1 Pt.1:3). 


Ef.1:21. kull isem imsemmi. Efesu kienet mimlija idolatrija u maġija; kienet ħaġa komuni jinvokaw qawwiet kosmiċi b’isimhom (At.19:11-20,27,35). Kristu hu infinitament ikbar mill-ispirti kollha, tajbin jew ħżiena. 


Ef.1:22. Kristu, kemm divin kif ukoll uman, hu eżaltat; għad jirrestawra lill-umanità mifdija wisq ogħla mid-dinjità ta’ qabel. Hu jaħkem fuqha bħala r-ras fuq il-ħolqien kollu (Ebr.2:5-10), għax Alla ssottometta kollox taħt saqajh (kwotazzjoni minn Salm 8:6, miktub oriġinarjament b’referenza għall-bniedem). 


Ef.1:23. Kristu qed jimla l-knisja tiegħu bl-Ispirtu tiegħu sabiex jimla l-ħolqien kollu bil-glorja tas-Sid (Ef.3:19; 4:10; 5:18). 


Ef.2:1. Bħal katavru bla ħajja, hekk spiritwalment konna mejtin fit-trasgressjonijiet. Ma konniex kapaċi nagħmlu kwalunkwe ġid jew tajjeb spiritwali, u konna wkoll offensivi u mniġġsa f’għajnejn Alla (Rum.8:6-8). Mhux biss konna nieqsa mill-ħajja spiritwali, iżda wkoll għedewwa t’Alla, is-sors ta’ kull ħajja (Ef.4:18). 


Ef.2:2-3. skont il-ħakkiem tas-setgħa tal-arja, tal-ispirtu li issa jopera f’ulied id-diżubbidjenza. Hemm dominju reali ta’ spirti ħżiena, li l-mexxej tagħhom hu Satana (1 Kor.2:12; 1 Pt.5:8; Riv.20:2). Imqar il-Kristjani kienu taħt l-influwenza tiegħu, iżda bi Kristu huma meħlusa, avolja x-xitan kapaċi jġarrabhom (Mt.16:23). 

ulied id-diżubbidjenza, ċoè nies karatterizzati minn insubordinazzjoni lejn Alla.

tfal tar-rabja: nies fil-periklu illi jsofru l-korla divina fl-infern (Ef.5:6). In-nies kollha, li mhumiex imlaqqma fi Kristu, huma gvernati mix-xitan, motivati mill-egoiżmu, u taħt is-saħta t’Alla. 


Ef.2:4-5. bil-grazzja intom salvati. Meta ngħidu illi Alla jsalvana bil-grazzja tiegħu biss, infissru illi Alla ffavoriena skont il-ħniena u l-imħabba tiegħu, u mhux għax ra xi ħaġa tajba jew dispożizzjoni pożittiva fina. Ebda raġuni fina nfusna ma qanqlitu biex isalvana (Titu 3:5). Is-salvazzjoni hi riżultat tad-deċiżjoni u l-azzjoni divina, mhux minħabba xi virtù, att jew attitudni tagħna. Difatti hi resurrezzjoni sopranaturali, minn stat ta’ mewt spiritwali għal stat ta’ ħajja spiritwali.


Ef.2:6-7. L-unjoni tal-fidili ma’ Kristu timplika illi huma diġà jixxerjaw l-eżaltazzjoni tiegħu fis-sema; jum wieħed għad jesperjenzaw dik l-istess eżaltazzjoni u glorja (Ef.1:3,20; Riv.3:21). Dan kollu jwassal biex Alla tagħna jkun manjifikat għal dejjem. 


Ef.2:8. hi l-għotja t’Alla. Il-midinbin huma dipendenti fuq l-għotja grazzjuża t’Alla għar-rispons pożittiv tagħhom lejn Kristu, ċoè biex jafdaw fih. Is-sors finali tal-fidi salvivika hu Alla nnifsu; il-bniedem waħdu m’għandu ħila la jibda u lanqas ikomplu l-proċess ta’ afdar fis-Salvatur (At.13:48; Fil.1:29). 


Ef.2:9-10. mhux bl-opri. Il-fidi biss, mhux l-opri, kapaċi ġġibna f’qagħda aċċettabbli quddiem Alla. Iżda l-opri tajba huma l-konsegwenza vitali u l-evidenza konkreta ta’ ħajja m’Alla (Titu 2:14; 3:8; Ġak.2:14-26). Alla għażilna biex jagħmilna ulied qaddisa (Ef.1:4-5), u issa sawwarna biex inkunu mġedda fix-xbieha tiegħu (Ef.4:24), maħsuba għal tip ta’ ħajja li tikkonforma mal-karattru tal-Missier (Ef.4:1-6:20). F’dan is-sena aħna għemilu. 


Ef.2:11. magħmula fil-ġisem b’id il-bniedem. Ir-realtà vera u finali ta’ diċ-ċirkonċiżjoni fiżika hi ċ-ċirkonċiżjoni spiritwali fil-qalb (Dt.10:16; Ġer.4:4), applikata lill-Ġentilu bħalma wkoll lil-Lhud (Rum.2:28-29; Fil.3:3; Kol.2:11-13). 


Ef.2:12. bla Alla fid-dinja. Alla rrivela lilu nnifsu lill-umanità kollha fl-għemejjel tal-ħolqien tiegħu u fil-kuxjenza. Iżda l-pagani ssopprimew il-verità u minflok ddegradew irwieħhom fl-idolatrija (At.17:22-31; Rum.1:18-2:16), allura huma maqtugħin mill-ħajja t’Alla.


Ef.2:13. Hemm żewġ dimensjonijiet kif il-Ġentili jinġiebu qrib Alla, milqugħa minnu: 

1. Il-bażi meritevoli hi waħda storika: il-mewta ta’ Kristu bħala sagrifiċċju għad-dnub – bid-demm ta’ Kristu (Ef.1:7; 2:14-16). 

2. Din issir tiswa għall-fidil illi jafda fis-Salvatur, għax bil-fidi jidħol f’unjoni spiritwali miegħu – fi Kristu Ġesù (Ef.2:4-10). 


Ef.2:14. ċ-ċint diviżorju tal-barriera: allużżjoni għall-ħajt fit-tempju li fired il-Bitħa tal-Ġentili mill-partijiet aċċessibbli biss għal-Lhud. Hawn hu msemmi bħala simboliku tas-separazzjoni reliġjuża, spiritwali u soċjali li żammet lill-Ebrej u lill-pagani distakkati minn xulxin. 


Ef.2:15. abolixxa f’laħmu l-kawża tal-għadwa, ċoè l-liġi tal-kmandamenti kontenuta f’ordinanzi. Kristu offra f’ġismu stess is-sagrifiċċju finali li lejh ippontaw is-sagrifiċċji kotrana fit-tempju. Il-liġijiet ċerimonjali tal-Patt il-Qadim li sseparaw lil-Lhud mill-Ġentili saru skaduti u m’għadhomx jgħoddu, issa li sabu t-twettiq tagħhom fi Kristu. 


Ef.2:17. xandar is-sliem. Bl-Ispirtu tiegħu Ġesù jitkellem kull fejn l-evanġelju hu pritkat (Ġw.10:16). 


Ef.2:18. Dal-vers jidderiġina kif imissna nqimu: nersqu lejn il-Missier fit-talb u t-tifħir, permezz tal-medjatur Ġesù, filwaqt li ngawdu l-preżenza t’Alla bl-Ispirtu tiegħu. 


Ef.2:19. membri tad-dar t’Alla. Kristu kkostitwixxa Iżrael ġdid bi twettiq tal-patt tal-grazzja (Gal.3:29; 6:16). 


Ef.2:20. mibnijin fuq is-sies tal-appostli u l-profeti. Kristu hu l-pedament tal-knisja f’sens primarju (1 Kor.3:11), mentri l-appostli f’sens sekondarju. L-għemil ta’ Kristu (mewtu u r-resurrezzjoni), flimkien mad-dottrina appostolika dwaru jifformaw il-pedament tal-knisja Kristjana (At.2:42). 


Ef.2:21-22. Is-santwarju, jew tempju, m’għadux iżjed binja f’Ġerusalemm, iżda nies mifdija li jinġemgħu flimkien għall-qima f’diversi lokalitajiet (1 Pt.2:5-6). It-tempju jinżamm ħaġa waħda bl-unjoni ma’ Kristu. Hu tempju li qed jinbena bl-imħabba (Ef.4:16). Alla jgħammar magħhom u jaħdem fosthom bl-Ispirtu tiegħu (1 Kor.3:16). 


Ef.3:1. il-priġunier tal-Kristu. Pawlu kien miżmum arrestat f’daru stess f’Ruma (At.28:30). Fir-realtà kien priġunier tal-Imperu Ruman, iżda għaraf illi Kristu hu Sid fuq qaddisin li jsofru u fuq midinbin ħżiena. 


Ef.3:2-3. Alla żvela direttament il-misterju dwar Kristu lil Pawlu (Gal.1:11-12). Il-fidi Nisranija hi mibnija fuq rivelazzjoni divina, priżervata fl-Iskritturi Mqaddsa. 


Ef.3:4-5. bħalma issa hu rrivelat. Is-silenzju tal-Patt il-Qadim dwar il-misterju li dwaru jitkellem Pawlu – l-unjoni tal-Lhud u l-Ġentili fi knisja waħda (Ef.3:6) – kien relattiv, mhux assolut. 

1. Il-profeti jagħtu ħjiel (Isa.19:25) u l-idea mhijiex għalkollox assenti fil-Patt il-Qadim (Ġen.12:2-3; Ġw.8:56; Ebr.11:24-26).

2. Il-patt ma’ Abraħam inkluda lil dawk kollha li għandhom il-fidi bħalma kellu l-patrijarka, inklużi l-Ġentili (Rum.4). 

3. Ix-xandir tad-dawl lil-Lhud u l-Ġentili ma jeċċedix kulma twiegħed minn Mosè u l-profeti (At.26:22-23). 


Ef.3:8. Filli ddeskriva lilu nnifsu bħala l-iżgħar nett fost il-qaddisin kollha Pawlu ma kienx qed jesprimi umiltà falza, iżda biss l-ikbar onestà. Kien konxju tan-nuqqas ta’ den tiegħu fid-dawl tal-ġustizzja divina (cf., Isa.6:1-9).


Ef.3:10. mgħarraf lill-ħakkiema u l-awtoritajiet fl-imkejjen smewwitin. L-istabbiliment tas-sliem bejn il-Lhud u l-Ġentili fil-knisja hu sinjal lill-qawwiet fl-univers kollu. Ma kien hemm ebda diviżjoni aktar grassa fir-razza umana minn dik bejn il-Lhud u l-pagani. Issa li bdew jingħaqdu flimkien fi Kristu hi esibizzjoni tal-għerf profond t’Alla (Isa.55:8-9; 1 Kor.2:6-10), u jagħtu prova lis-setgħat sopranaturali illi Ġesù hu Sid l-univers (Ef.1:20-23). 


Ef.3:12. L-aċċess hawn imsemmi hu l-ħbiberija konfidenti u mill-qrib li l-fidili għandhom m’Alla l-Missier (Ef.2:18). Il-pjan t’Alla hu illi jesibixxi l-glorja tiegħu billi jsawwab imħabbtu fuq il-familja spiritwali tiegħu, meħuda mill-ġnus (Ef.1:3-6; 2:7). 


Ef.3:13. It-tribulazzjonijiet jew tbatijiet li s-servi ta’ Kristu jġarrbu huma parti mill-pjan divin biex iwassal lill-magħżulin għat-tgawdija ta’ glorja dejjiema (2 Tim.2:10). Mela s-sofferenzi tal-mexxejja u tal-knisja inġenerali m’għandhomx jiskuraġġuna. 


Ef.3:14. nilwi rkopptejja. Eżempji ta’ postura fiżika fit-talb huma varjati: fuq l-irkopptejn (Dan.6:10), mixħut mal-art (2 Sam.12:15-20; Mt.26:39), bilqiegħda (Dan.9:3-4), bilwieqfa (Lq.18:9-14), u mqar mindud fuq is-sodda (Sal.63:6). 


Ef.3:16. fil-bniedem ġewwieni. Dan hu x-xogħol tal-Ispirtu s-Santu (2 Kor.5:17). L-identità korporata tal-fidili hi enfasizzata fl-Efesin (eż., 4:3-6,12-16). Iżda Kristu jgħammar ukoll fi qlub individwali. Il-Kristjaneżmu mhuwiex stqarrija komuni hekk li teskludi l-esperjenza individwali, u lanqas mhu tjieba privata mingħajr viżjoni korporata. 


Ef.3:18. l-wisa’ u t-tul u l-għoli u l-fond huwa mod grafiku biex jissuġġerixxi l-vastezza u l-kompletezza tal-imħabba divina. 


Ef.3:19. l-imħabba tal-Kristu hu inkomprensibbli fl-infinità tagħha, iżda nistgħu nagħrfuha u nesperjenzawha aktar u aktar (Rum.5:8; 1 Ġw.4:10). 

timtlew sal-milja kollha t’Alla: tkunu tant spiritwalment setgħana, tant imqanqla mill-imħabba smewwitija, illi tkunu totalment dominati mill-Mulej u ma jibqa’ xejn imniġġes jew egoistiku. 


Ef.3:20-21. L-għan finali għall-qawwa infinita t’Alla li topera f’kull membru tal-knisja hi l-glorja tiegħu stess.


Ef.4:1. mela. Id-dottrina (jew veritajiet divini misjuba fl-Efesin 1-3) twassal għall-prattika (l-imġiba etika kif mgħallma fl-Efesin 4-6) tal-Kristjan. Hawn jibda t-tieni nofs tal-ittra, li tenfasizza l-komportament tal-knisja, fid-dawl tal-istatus elevat tagħha fi Kristu. 

timxu. Fid-dawl tal-privileġġi mogħtija lilhom bi grazzja, il-fidili issa huma mħeġġa biex iġibu ruħhom denjament, ċoè b’mod konsistenti, mal-vanġelu mqaddes li laqgħu (Lq.3:8).

Is-sejħa hi l-istedina effettiva mingħand Alla lill-maħturin tiegħu permezz tal-vanġelu (2 Tes.2:13-14). L-Ispirtu jopera bil-qawwa biex iwassal lill-magħżulin ħalli jafdaw fi Kristu (1 Kor.1:24; 2:4) u jkomplu jsegwuh f’ħajja qaddisa sakemm jaslu fil-glorja (Rum.8:29-30; 1 Tes.2:12; 4:7; 5:23-24). 


Ef.4:4. kontu msejħin f’tama waħda tas-sejħa tagħkom. Dawk kollha li Alla ppredestina għall-ħajja, u dawk biss, huwa jogħġbu, fiż-żmien maħtur u milqugħ minnu, isejħilhom effettivament permezz tal-Kelma u l-Ispirtu tiegħu, mill-istat tad-dnub u l-mewt, li fih jinsabu min-natura, għall-grazzja u s-salvazzjoni, b’Ġesù Kristu. Idawlilhom moħħhom spiritwalment biex jifhmu l-ħwejjeġ t’Alla għas-salvazzjoni tagħhom, ineħħilhom il-qalb ġeblija tagħhom, u jagħtihom qalb tal-laħam; iġeddilhom ir-rieda tagħhom u, bil-qawwa omnipotenti tiegħu, jagħtihom determinazzjoni għal dak li hu tajjeb, u effettivament jiġbidhom lejn Ġesù Kristu. Madankollu dan jagħmlu b’tali mod li huma jersqu voluntarjament, billi jkunu magħmulin iridu bil-grazzja tiegħu.

Dan hu l-proċess tal-konverżjoni Kristjana, imqanqal u mibdi bit-twelid mill-ġdid, u jinvolvi t-tidwil tal-qalb, u t-trasformazzjoni tar-rieda. Huwa xogħol sovran t’Alla, jiġifieri jwettqu fuq min irid hu biss, u x’ħin irid. 

Pawlu għandu ħabta juża l-kelma “sejħa” fis-sens ta’ “ġab għall-fidi,” u “msejjaħ” għalih tfisser “konvertit” (Rum.1:6; 8:28-30; 9:24; 1 Kor.1:9,24,26; 7:18,21; Gal.1:15; Ef.4:1,4; 2 Tes.2:14). Din is-sejħa hi differenti mill-istedina ġenerali, kif deskritta fl-ispjegazzjoni tal-parabbola tal-festa tat-tieġ (Mt.22:14). In-nies jistgħu ma jagħtux widen għall-istedina ġenerali u esterna, imma s-sejħa effettiva hi att partikolari t’Alla, marbut sfiq mat-twelid mill-ġdid. Ma tistax tkun rifjutata.

Id-dnub oriġinali jfisser li l-bnedmin kollha huma min-natura “mejta,” jew ma jistgħux jirrispondu għal Alla. Bis-sejħa effettiva, Alla jagħti l-ħajja lill-mejtin. Is-sejħa esterna t’Alla għall-fidi fi Kristu hi komunikata kullimkien permezz tal-qari, l-ippritkar u t-tfissir tal-evanġelju. Fis-sejħa ġewwiena u effettiva, l-Ispirtu s-Santu jdawwal il-moħħ u jġedded il-qalb ta’ dawk li l-Missier għażel biex hekk l-evanġelju huwa aċċettat bħala l-verità divina, u Alla fi Kristu jsir l-mira tal-imħabba u l-affezzjoni. Ladarba l-midneb hu riġenerat, ossija mwieled mill-ġdid, u jkollu r-rieda lliberata biex jagħżel lil Alla u t-tajjeb, huwa jdur mill-imġiba midinba tal-imgħoddi u jilqa’ lil Ġesù Kristu bħala Sid u Feddej tiegħu, u f’xirka miegħu jibda ħajja ġdida fjamanta.


Ef.4:5. Il-magħmudija waħda probabbilment tirreferi għall-magħmudija bl-ilma sussegwenti għas-salvazzjoni, l-istqarrija pubblika tal-kredenti inkwantu l-fidi tiegħu fi Kristu. Il-magħmudija spiritwali, li biha l-fidili kollha huma mqiegħda fil-ġisem ta’ Kristu (1 Kor.12:11-13) hi implikata fl-Efesin 4:4.


Ef.4:7. F’dan il-kuntest il-grazzja ma tfissirx salvazzjoni, iżda l-għotja ta’ qawwa mis-sema biex inservu lil Alla (Ef.3:8; 1 Pt.4:10). 

skont il-kejl tal-għotja. Fis-sovranità tiegħu Alla jagħti lil kull wieħed minn uliedu abbiltà kif jogħġob lilu (1 Kor.12:11,18). 


Ef.4:8. ħa bħala priġunieri eżerċtu tal-ikkaptivati u ta rigali lill-bnedmin. Il-forzi spiritwali tad-dlam kienu megħluba bis-salib (Kol.2:15). Waqt li Salm 68:18 jiddeskrivi s-Sid vittorjuż qed jirċievi għotjiet mingħand il-bnedmin, Pawlu jpenġi lil Kristu qed jaqsam it-tribut tiegħu mal-bnedmin. Pawlu forsi ħaseb dwar das-salm għax kien assoċjat ma’ Pentekoste, il-jum meta Kristu ferra’ l-Ispirtu tiegħu fuq il-knisja (At.2:32-33). 


Ef.4:9. xi tfisser, “tela’,” ħlief illi wkoll kien niżel fil-partijiet aktar saflenija tal-art? Mhux referenza għall-infern, iżda għall-qabar. Imqar il-ġuf ta’ mara hu deskritt bħala l-partijiet aktar saflenija tal-art (Sal.139:15). 


Ef.4:10. jimla l-ħwejjeġ kollha. Kristu jaqsam il-vittorja tiegħu magħna. Hekk kif kull membru tiegħu jħaddem id-doni spiritwali (Ef.4:7), saltnet Kristu tilħaq id-dinja kollha (Sal.72:8,19; Ef.1:23). 


Ef.4:11-12. Dawn huma doni ta’ Kristu eżaltat lill-knisja tiegħu. Il-profeti u appostli servew bħala l-pedament (Ef.2:20); l-evanġelisti huma l-ħabbara tal-vanġelu lill-mitlufa, f’kuntest ta’ evanġeliżmu. Filippu (At.21:8) u Timotju (2 Tim.4:5) huma l-uniċi tnejn imsejħa hekk fil-Patt il-Ġdid. L-Iskrittura tagħti direzzjonijiet u kwalifiki għall-ħatra ta’ rgħajja u għalliema fil-knisja lokali (1 Tim.3:1-7; Titu 1:5-9). Hu l-ministeru ordinarju biex bih il-kongregazzjoni jkollha superviżjoni kompetenti u tagħlim bibliku. Il-presbiteri jew pastors fil-knisja huma għotjiet ta’ Kristu (At.14:23; 20:17,28). 


Ef.4:13. għall-milja tal-Kristu. Dil-milja nilħquha meta nimmanifestaw il-kwalitajiet tal-Iben, li hu nnifsu l-istandard għall-maturità u l-perfezzjoni spiritwali ta’ wlied Alla. 


Ef.4:15-16. Il-knisja tuża l-verità biblika u l-imħabba biex tmantni x-xirka tagħha ma’ Kristu, u tikber fih. Bħala r-ras tagħha (Ef.1:21-22), imexxi u jkabbar il-ġisem hekk kif il-membri jieħdu ħsieb xulxin u jiffunzjonaw f’armonija flimkien (1 Kor.12:12-19). 


Ef.4:17. Bħala infidili konna ħaġa waħda mad-dinja, iżda issa rridu nagħrfu illi għandna Sid u ħajja ġdida, u jeħtieġ niżviluppawha f’kuntrast radikali milli konna qabel. timxu tfisser iġġibu ruħkom. 


Ef.4:18. separati mill-ħajja t’Alla, fis-sens illi jobogħdu l-ħajja ġusta u qaddisa li Alla jagħti minħabba l-qawmien ta’ Kristu (Ef.2:5; Kol.1:21). 

L-injoranza mhijiex biss intellettwali, iżda wkoll morali: ma jafux u lanqas jirrikonoxxu lil Alla veru, u allura m’għandhom ebda rabta jew relazzjoni miegħu (Ef.2:12; 1 Tes.4:5). 

Ix-xrufija ta’ qalbhom hi l-ebusija u l-istinazzjoni perversa fil-bniedem mitluf li hu kontra Alla. Il-kawża fondamentali tal-bluha umana hi r-rifjut illi jkun jaf lil Alla (Rum.1:20-21). 


Ef.4:19. Huma kallużi għax ma jħossux il-gravità u l-ħtija tad-dnub (Prov.10:23; Rum.1:32). Tidher speċjalment fis-senswalità, l-immoralità u l-laxkezza sesswali (Rum.1:24-27), kif ukoll fir-regħba, il-leblieba għal aktar pjaċir midneb u iżjed possedimenti. 


Ef.4:20-21. tgħallimtu l-Kristu, ċoè rċevejtu l-Kelma dwar is-Salvatur. 

l-verità hi f’Ġesù: appena nħaddnu l-vanġelu b’fidi ġenwina nsiru magħqudin mal-Feddej (Ef.1:13), fin-natura umana u qaddisa tiegħu. Allura l-messaġġ tal-vanġelu hu sejħa biex nabbandunaw id-dnub radikalment u nafdaw fi Kristu, filwaqt li nadottaw il-ħsieb tiegħu u nimitawh (At.26:20). 


Ef.4:22. tneħħu l-bniedem il-qadim: referenza għan-natura midinba, inutli, antikwata u maħmuġa, korrotta bil-ġibdiet kontra l-liġi t’Alla. Is-salvazzjoni tinvolvi l-mewt u d-difna ta’ din ix-xeħta għad-dnub, kif ukoll il-qawmien tal-bniedem ġdid. Hi trasformazzjoni radikali (Rum.6:2-8). 


Ef.4:25. L-Insara huma membri tal-istess ġisem (Ef.4:16), ċittadini tal-istess saltna, ulied tal-istess familja t’Alla. 


Ef.4:26. Irrabjaw u frattant tidinbux. Bnadi oħra r-rabja hi kkundannata (Mt.5:22; Gal.5:19-20). Ir-rabja fiha nfisha mhix neċessarjament ħażina. Tirrabja għad-dnub u minħabba l-ħażen hi ċertament azzjoni tajba; Ġesù hekk għamel (Mt.23; Mk.3:5; Ġw.2:13-17). Alla hu mgħaddab għall-inġustizzja umana u l-apostasija (Es.4:14; Num.11:1). Minkejja dan, rabja bħala passjoni naturali – kapriċċjuża, egoistika, u bla raġuni valida – hi dnub. Allura importanti niddistingwu. 


Ef.4:29. l-ebda kelma mħassra. Diskorsna għandu jkun veru, utli, għaref u meħtieġ. Biex nikkomunikaw effettivament flimkien irridu nitgħallmu nisimgħu lil xulxin (Prov.18:13), u nitkellmu l-verità bil-ħsieb li nagħmlu l-ġid lil xulxin.


Ef.4:30. tnikktux lill-Ispirtu s-Santu. Hu mnikket partikolarment meta nirrifjutaw nibdlu l-modijiet skaduti tad-dnub għall-istil ta’ ħajja qaddisa u ġdida. Jitnikket meta ma nikkooperawx miegħu, li jixtiqilna u kapaċi jaħdem fina t-tajjeb.

ssiġillati. L-Ispirtu fil-fidili hu l-garanzija ta’ fidwa eterna għan-nies fl-unità ma’ Kristu, li jafdaw fih (1:13-14). 


Ef.5:1-2. kunu imitaturi t’Alla. Il-kuntest immedjat juri illi aħna msejħa biex insiru nixbhu lil Alla fl-attributi morali tiegħu: l-imħabba u kull karatteristika ġusta u qaddisa oħra. 

offerta u sagrifiċċju ’l Alla. Kristu miet biex iberred u jelimina l-għadab qaddis t’Alla minn fuq niesu (Ebr.10:5,10). Is-sagrifiċċju tiegħu ntlaqa’ minn Alla bħala aroma tfuħ minħabba d-devozzjoni u l-ubbidjenza tiegħu. 


Ef.5:5-6. Nies karatterizzati mid-dnub huma evidentement mitlufa u barra mis-saltna ta’ Kristu, avolja l-bniedem jista’ jirraġuna mod ieħor. 


Ef.5:8. L-unjoni tal-fidil ma’ Kristu bidlitu minn dlam għal dawl, u allura hu obbligat jinfired mid-dnub u jfittex il-ġustizzja. 


Ef.5:10. tgħallmu, ċoè ddixxernu ħalli tiskopru x’jonora tabilħaqq lill-Mulej. Hekk kif il-fidili jimxu fid-dawl tal-verità t-tagħrif tal-volontà t’Alla ssir ċara (Rum.12:1-2). 


Ef.5:11. Għalkemm id-dnub jista’ jkun vantaġġjuż u profitabbli għal xi żmien, finalment hu bla frott. 


Ef.5:12. Imqar titkellem dwar id-dnub hu skomdu (Ef.5:3-4), u jmissna nevitaw dan ħlief meta neċessarju. Tajjeb nikkoltivaw innoċenza għarfa (Mt.10:16; Rum.16:19). 


Ef.5:13. Egħleb id-dlam tal-ħażen billi tiddi d-dawl tat-tjieba t’Alla. 


Ef.5:14. qum mill-imwiet. Bis-sejħa tal-vanġelu Alla jqajjem lill-midinbin għall-ħajja fi Kristu (Ef.2:5), biex hekk id-dawl (il-qdusija u s-sewwa) jiddi fuqhom (Ef.5:8; 2 Kor.3:18; 4:6). Hekk kif ulied Alla jfittxu l-qdusija (Ef.5:9), jgħinu biex iġibu n-nies mid-dlam għad-dawl bil-vanġelu (At.26:18). 


Ef.5:16. tagħmlu l-aħjar użu mill-ħin, jew tixtru kull opportunità u okkażżjoni qabel ma tintilef (Ġw.9:3). 

il-jiem huma ħżiena, allura rridu nibqgħu fuq l-allert, għax ninsabu ingaġġati fi gwerra kontra l-forzi tal-ħażen (Ef.6:12-13). 


Ef.5:18. kunu mimlijin bl-Ispirtu. L-issiġillar tal-Ispirtu (Ef.1:13-14; 4:30) iseħħ fil-bidu nett tal-ħajja Kristjana. Issa, il-mili tal-Ispirtu japplika għal matul il-ħajja Kristjana. Mhux biss hu ripetut, iżda għandna nfittxuh kontinwament. F’pass jixbah lil dan, Pawlu jgħallem biex il-paċi t’Alla tiggverna qlubna u nħallu kelmet Kristu tgħammar fina bl-abbondanza (Kol.3:15-16). Mela kull min hu mimli jew ikkontrollat mill-Ispirtu għandu lil Kristu bħala preminenti f’ħajtu, u kelmtu tiggvernah (Ġw.14:16,26; 16:12-15; 17:17). 


Ef.5:19-20. Il-qima tal-knisja jeħtieġ tkun Trinitarjana: imqawwija mill-Ispirtu (Ef.5:18), b’għana lis-Sid Ġesù u b’radd il-ħajr lill-Missier (Ef.2:18). 


Ef. 5:21-22. kunu suġġetti għal żwieġkom. Din hi applikazzjoni tal-prinċipju fondamentali illi nkunu kkontrollati mill-Ispirtu s-Santu. Bħalma l-knisja hi suġġetta għal Kristu u tobdih, hekk il-mara hi msejħa biex tirrifletti din ir-relazzjoni. Il-mara hi mitluba tissottometti, b’mod kreattiv u dinamiku, għal żewġha, mhux għall-irġiel inġenerali. (Kulħadd hu sottomess għal xi ħadd ieħor: iċ-ċittadini huma sottomessi għall-gvern; il-membri fi knisja huma sottomessi għall-presbiteri; it-tfal huma sottomessi għall-ġenituri). Is-sottomissjoni mhijiex rwol ta’ degradazzjoni, iżda mod kif nogħġbu lil Alla. Kristu nnifsu, fl-umiljazzjoni tiegħu, kien sottomess għar-rieda tal-Missier. B’daqshekk ma jfissirx li kien inferjuri għalih). 


Ef.5:22-32. Dal-misterju hu kbir; imma jien qed ngħid għal Kristu u għall-knisja. Ġesù jagħti l-ħajja lill-komunità ġdida ta’ mħabba – il-knisja tiegħu, ġismu. Imħabbtu wkoll tiddefinixxi r-relazzjoni taż-żwieġ għal niesu. Is-sessi huma komplementarji; raġel u mara huma ugwali quddiem Alla. Frattant fiż-żwieġ ir-raġel hu afdat bit-tmexxija, li mhijiex assoluta iżda tagħtih l-inizjattiva, u għaliha martu tirrispondi. Dan kollu hu msejjes fuq l-ordni tal-ħolqien (1 Kor.11:8-9; 1 Tim.2:13). Il-fidwa fi Kristu tirrestawra l-intimità li għaliha kienu maħluqa r-raġel u l-mara fiż-żwieġ. 


Ef.5:25. ta lilu nnifsu għaliha. L-Iben għandu l-istess għan tal-Missier u tal-Ispirtu fis-salvazzjoni tal-midinbin. Kristu miet għall-istess nies magħżula mill-Missier, ħadd iktar u ħadd inqas. 


Ef.5:28-30. bħallikieku ġisimhom stess. Raġel messu jkun simpatetiku ma’ martu u jgħożżha, jagħti kas is-sentimenti u x-xewqat tagħha, ma’ ħtiġijietha, qisha hi parti minnu (v.31). 


Ef.5:30. aħna membri ta’ ġismu. Il-fidili huma magħquda ma’ Sidhom b’rabta ħajja permezz tal-Ispirtu (1 Kor.6:17; Kol.1:18; 2:19). 


Ef.5:31-32. Ir-raġel u martu huma uniti flimkien minn Alla f’għaqda permanenti (Mt.19:5-6). Pawlu jikkwota l-Ġenesi 2:24 dwar Adam u martu, iżda b’mod sorprendenti japplikaha għal Kristu u għall-knisja. Adam kien tip ta’ Kristu (Rum.5:14), u ż-żwieġ hu stampa tal-unjoni tal-knisja ma’ Sidha. 


Ef.6:5. bil-biża’ u t-tregħid. Mhux bi twerwir, iżda b’rispett għall-awtorità tas-sidien, avolja jkunu inġusti. (Fuq il-jasar, ara nota f’Filemon 16).


Ef.6:1. fis-Sid. L-ulied għandhom jobdu u jirrispettaw lill-ġenituri volontarjament, bil-grazzja ta’ Kristu u għall-glorja tiegħu. Jobdu mbasta l-ġenituri ma jikkmandawhomx jagħmlu xi ħaġa li tmur direttament kontra l-Iskrittura.


Ef.6:2-3. Pawlu jikkwota l-ħames kmandament (Dt.5:16). Għalkemm Kristu abolixxa l-liġi ċerimonjali, il-liġi morali tibqa’ tgħodd għalina. Il-liġi ma tistax tikkundanna lill-fidili (Ef.2:15), frattant l-Għaxar Kmandamenti għadhom jidderieġu lill-Kristjani fl-ubbidjenza tagħhom (1 Kor.7:19; 9:21). 


Ef.6:4. Il-missirijiet huma delegati bir-responsabbiltà primarja bħala r-ras tal-familji tagħhom (Ef.5:23). 


Ef.6:5-9. mhux b’qadi għall-għajn. Pawlu mhux qed jaċċetta l-iskjavitù bħala ideali, iżda qed jikkummenta fuq istituzzjoni soċjali ta’ żmienu, kif dawk maqbudin fiha għandhom jaġixxu u jġibu ruħhom. 


Ef.6:10-17. Ilbsu l-armatura sħiħa t’Alla. Id-dover Kristjan għall-unità u s-safa hu kumplikat mill-preżenza ta’ qawwiet spiritwali ostili. Is-salib ta’ Kristu u r-resurrezzjoni tiegħu huma d-disfatta tax-xitan (Kol.2:15). Fl-avvent glorjuż ta’ Kristu l-konkwista ta’ Satana tkun kompluta (Rum.16:20).

Fil-frattemp il-paċi, mirbuħ bis-salib, hu esperjenzat fost taqbid spiritwali. Il-forzi tad-dlam huma megħluba, iżda għadkom kapaċi jagħmlu l-ħsara. Alla għaldaqsant provdielna riżorsi diversi biex inħaddmuhom ħalli nibqgħu ngawdu r-rebħa. 


Ef.6:12. Il-battalja tal-knisja mhijiex kontra d-demm u l-laħam, ċoè kontra s-sempliċi nies, iżda kontra l-forzi tad-dlam, ix-xitan u d-demonji. 


Ef.6:14. tħażżmu ġenbejkom bil-verità. Iċ-ċintorin ġludi tas-suldat Ruman kien jissapportja ż-żaqq, iżomm it-tunika, u serva wkoll biex miegħu jitqiegħed is-sejf. Il-ħsieb hu l-kunfidenza li tiġina meta nkunu ċerti dwar il-veraċità ta’ Kelmet Alla.

tilbsu l-korazza tal-ġustizzja. Il-fidili huma protetti bis-sewwa jew il-ġustizzja ta’ Kristu magħduda fil-kont tagħhom (Rum.4:6-11; Fil.3:9). Allura kapaċi jieqfu kontra l-akkużi tax-xitan, ix-xellej (Rum.8:31-34). 

Simultanjament, Pawlu jara lill-fidili qegħdin jieħdu l-karattru ġust ta’ Kristu (Ef.4:25; 5:9), filwaqt li l-konformità tagħhom max-xbieha ta’ Sidhom, dejjem tikber u tissaħħaħ, tagħtihom kunfidenza biex jirreżistu t-tiġrib. 


Ef.6:15. xxiddu “s-saqajn bil-preparazzjoni tal-evanġelju tas-sliem”. Pawlu jalludi għal Isaija 52:7, frattant l-istampa hawnhekk hi l-qorq b’saħħtu tas-suldat Ruman, li jagħtih stabbilità u protezzjoni fil-battalja. Is-sliem li jiġina mill-evanġelju jikkwalifika lill-individwu biex jissielet kontra l-ħażen (Ef.2:14-17). 


Ef.6:16. ħudu t-tarka tal-fidi. It-tarka Rumana kienet kbira biżżejjed biex tgħatti l-ġisem sħiħ. Kienet tal-injam u bil-ħadid fuq u isfel. Qabel il-battalja kienu jxarrbuha bl-ilma biex titfi l-vleġeġ imqabbda bil-qatran magħhom. Ix-xitan nirreżistuh billi nafdaw f’Alla u nkomplu nipproduċu l-ubbidjenza li tiġi mill-fidi. 


Ef.6:17. l-elmu tas-salvazzjoni. Is-salvazzjoni hi esperjenza preżenti (Ef.2:8) kif ukoll tama futura (1 Tes.5:8). Il-bażi finali għall-kunfidenza tal-fidil hi l-fedeltà t’Alla li jwassal fi tmiemha s-salvazjoni diġà mibdija (Fil.1:6). 

u s-sejf tal-Ispirtu, li hu l-kelma t’Alla. L-unika arma offensiva hi x-xabla. In-natura spiritwali tar-riżorsi tal-knisja tidher l-iżjed fil-fiduċja tagħha fil-Iskrittura. Mifhuma u prattikata bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ir-rebħa hi żgurata (Ebr.4:12). 


Ef.6:18. itolbu. Il-vers kollu jiddeskrivi kif suppost ikun it-talb tal-fidili:

kull tip ta’ talb u petizzjoni tippreżentalna l-varjetà: talb ta’ tifħir u adorazzjoni, talb ta’ stqarrija tad-dnub, talb ta’ radd il-ħajr u rikonoxximent għat-tjieba diversa t’Alla, u talb f’għamla ta’ rikjesti speċifiċi lil Alla, kemm għal bżonnijiet materjali kif ukoll spiritwali.

f’kull żmien ifakkarna illi t-talb għandu jkun frekwenti, minsuġ fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja (cf., Rum.12:12; Fil.4:6; 1 Tes.5:17, filwaqt li wkoll inwarrbu ħinijiet apposta għat-talb (At.3:1). 

fl-Ispirtu jiffoka fuq is-sottomissjoni tagħna lejn Alla, hekk kif aħna nagħrfu r-rieda tiegħu għalina u nilqgħuha bla tgemgim jew protesti (cf., Rum.8:26-27).

inviġilaw fih tgħallimna dwar il-manjiera (cf., Mt.26:41; Mk.13:33).

b’kull perseveranza tindikalna l-ħtieġa ta’ persistenza, bla ma naqtgħu qalbna jew niddgħajfu fil-fidi (cf., Lq.11:9; 18:7-8). 

għall-qaddisin kollha tagħti attenzjoni speċjali għall-interċessjoni, meta nitolbu għall-ħaddieħor, u partikolarment għall-aħwa fil-fidi (cf., 1 Sam.12:23) u għall-pijunieri fl-evanġelju (Kol.4:2-4).


Ef.6:23-24. Is-sliem hi barka tipika Lhudija. Il-grazzja tappartieni biss għal dawk li jħobbu lil Ġesù; il-bqija huma għedewwa misħuta t’Alla (1 Kor.16:22).