L-Epistola lill-Ebrej


Ebr.1:2. fl-aħħar ta’ dawn il-jiem. Il-Lhud fehmu l-aħħar jiem bħala ż-żmien meta l-Messija kellu jiġi (Ġer.33:14-16; Mik.5:1-2). 

dinjiet, jew żminijiet. Tirreferi għaż-żmien, spazju, enerġija u materja – l-univers kollu (Ġw.1:3). 


Ebr.1:3. hu l-isplendur tal-glorja t’Alla. B’diversi modi matul l-ewwel kapitlu l-awtur jisħaq u juri illi l-Iben hu divin, b’kull mod (Kol.1:15). 

jsostni l-ħwejjeġ kollha bil-kelma setgħana tiegħu. Kristu providenzjalment jiggverna l-ħolqien kollu, u jmantnih fl-eżistenza tiegħu. 

għamel purifikazzjoni. Bi Kristu wieħed għandu kull opportunità biex jindaf totalment minn dnubietu, bil-fidi fih, minn issa stess (Kol.1:14; 2:13). L-idea ta’ purgatorju wara l-mewt hi fittizja; il-Bibbja ma tgħallimhiex. 

poġġa fuq il-leminija. Kristu temm il-missjoni tiegħu fuq l-art, u issa hu inkurunat fuq kollox u kulħadd, billi rċieva glorja medjatorjali. Is-sessjoni tiegħu fis-sema tkompli sakemm jasal il-jum illi jirritorna biex jagħmel ħaqq. 


Ebr.1:4. daqskemm wiret isem iżjed eċċellenti minn tagħhom. L-Iben etern assuma natura umana biex jilliberana mid-dnub u l-mewt (Ebr.2:14-15). Issa, wara li għal xi żmien voluntarjament ħa pożizzjoni iżjed baxxa minn tal-anġli (Ebr.2:7), bħala l-Messija rxoxtat u meħud lura fis-smewwiet, hu dikjarat bħala Bin Alla bis-setgħa (Rum.1:4) biex isalva lil niesu. L-eżaltazzjoni ta’ Kristu allura tinawgura fażi ġdida tiegħu bħala Iben, biex iwettaq ir-rwol tiegħu bħala Messija u Feddej, u dan jagħtih glorja u dinjità wisq ogħla mill-anġli. 


Ebr.1:5. Int Ibni; jien illum nissiltek (cf., Sal.2:8). Bħala Iben Ġesù hu x-xbieha perfetta ta’ Alla inviżibbli. Ma kienx maħluq mill-Missier, iżda eternament imnissel. 


Ebr.1:6. jerġa’ jġib il-primoġenitu fid-dinja: dan se jseħħ fit-tieni miġja ta’ Kristu. 


Ebr.1:12. sninek mhumiex se jintemmu. Kristu hu superjuri għall-ħolqien kollu, għax il-ħwejjeġ magħmula jeqdiemu u jintemmu, frattant Kristu jibqa’ għal dejjem. 


Ebr.1:13. L-awtur jikkwota Salm 110 biex juri illi Ġesù jgawdi post ta’ preminenza fis-saltna glorjuża t’Alla, ogħla mill-anġli. 


Ebr.2:1. Minħabba f’hekk: in vista ta’ kulma ngħad f’kapitlu 1. Din il-kelma finali t’Alla jixraqilha l-attenzjoni kollha tagħna. 


Ebr.2:3. naħarbu, jiġifieri nevitaw milli naqgħu taħt l-għadab t’Alla. 


Ebr.2:4. L-għeġubijiet u mirakli tal-appostli u xi soċji qrib tagħhom fl-ewwel seklu kkonfermaw il-messaġġ ta’ Kristu wara t-tlugħ fis-sema tiegħu (Mk.16:20). Konferma waħda u tajba hi biżżejjed; il-Bibbja ma timplikax illi l-mirakli huma bżonjużi f’kull era u żmien. 


Ebr.2:6-9. L-awtur jikkwota Salm 8, li juri l-glorja u d-dinjità tal-bniedem kif maħluq minn Alla. Dak li Adam tilef bid-diżubbidjenza Kristu jagħtih lil dawk kollha li huma tiegħu. 


Ebr.2:10. jipperfezzjona permezz tas-sofferenzi lill-awtur tas-salvazzjoni tagħhom. Ġesù, fid-divinità tiegħu, hu assolutament perfett u ma jinbidilx. Fl-umanità tiegħu kien suġġett għall-bidla u żvilupp (Lq.2:52), għalkemm mingħajr dnub (Ebr.4:15); tgħallem bl-esperjenza, fir-reżistenza tiegħu kontra kull tiġrib, u hekk tgħallem l-ubbidjenza (Ebr.5:8) – mhux għax xi darba ma kienx ubbidjenti, iżda b’din il-korsa ta’ ħajtu sar ir-rappreżentant simpatetiku tagħna quddiem Alla. Tbatijietu għamluh kwalifikat u kompetenti biex ikun is-Salvatur, kif ukoll faraġ reali u inkuraġġiment għad-dixxipli tiegħu li jsofru. 


Ebr.2:8-11. Frattant għalissa għadna m’aħniex naraw il-ħwejjeġ kollha suġġetti għalih. Salm 8 jiddeskrivi l-istatus glorjuż tal-bniedem bħala r-ras tal-ħolqien kollu. Iżda ovvjament il-bniedem mhuwiex qed igawdi t-tali status, u allura hemm bżonn spjegazzjoni.

imma naraw lil Ġesù. Ġesù għandu l-kuruna ta’ glorja u ġieħ. Issa jeħtieġ ikun muri illi rċevieha bħala bniedem, u għaldaqstant kapaċi jissodisfa l-kliem tas-salm kwotat. 

jduq mill-mewt għal kulħadd. Hawnhekk kulħadd trid tkun mifhuma fid-dawl tal-kuntest u r-riżultati tal-mewt ta’ Ġesù deskritti bnadi oħra f’din l-ittra. Tirreferi għal ħafna wlied li Alla jwassalhom għall-glorja eterna, imsejħin aħwa minn Ġesù. Dawk li għalihom Ġesù daq, jew esperjenza, il-mewt huma mqaddsa u magħmulin perfetti darba għal dejjem bis-sagrifiċċju tiegħu (Ebr.10:10,14). Il-kuxjenza tagħhom hi wkoll imnaddfa minn atti li jwasslu għall-mewt (Ebr.9:14), hekk illi huma lliberati mill-biża’ tal-mewt (Ebr.2:14-15). 

B’kuntrast, issib nies (imqar f’kongregazzjonijiet Kristjani) illi ma jafdawx fl-Iben, iżda jissuġġettawh għar-ridikulaġni (Ebr.6:6). Għalihom ma fadal ebda sagrifiċċju għad-dnub iżda biss stennija ta’ ġudizzju (Ebr.10:26-27). Mela kulħadd hawnhekk bilfors tinkludi lil dawk kollha, u dawk biss, li jipperseveraw fl-afdar tagħhom f’Ġesù (Ebr.3:6,14). 


Ebr.2:13. Ara, jien u l-ulied li tani Alla. Bħalma Isaija u wliedu kienu sinjali tal-fedeltà t’Alla lill-ġenerazzjoni tagħhom (Isa.8:18), hekk l-Iben li hu ikbar mill-profeti (Ebr.1:1-2; 3:3-6) issa għandu ċ-ċirku ta’ ulied, mogħtija lilu mill-Missier (Ġw.17:6). 


Ebr.2:14. jeqred lil dak li għandu l-potenza tal-mewt, ċoè, ix-xitan. Alla hu sovran fuq kull ħajja (Dt.32:39; Ġob.1:21): hu biss joħloqha, jiddetermina jiem għomorna (Sal.90:10-12) u ħatar ukoll jum mewtna (Ebr.9:27). Frattant, billi ġarrab lil Adam u Eva, Satana rnexxielu jġib fuq ir-razza umana l-ġudizzju pronunzjat tal-mewt għad-diżubbidjenza (Ġen.3:17; Rum.5:12). F’dan is-sens ix-xitan għandu l-qawwa tal-mewt. Ġesù jeħles lil niesu minn dit-tirannija filli esperjenza l-mewt (Ebr.2:9), u qam trijonfanti mill-qabar (Rum.4:25). Billi qered il-mewt b’mewtu stess (2 Tim.1:10), issa għandu l-imfietaħ ta’ Ħades u tal-mewt (Riv.1:18). 


Ebr.2:16. nisel Abraħam huma dawk kollha mbierka spiritwalment bħalu, permezz ta’ Ġesù, kemm Lhud kif ukoll Ġentili (Ġen.12:3). 


Ebr.2:17. jippropizja, jiġifieri jitgħabba bl-għadab u s-saħta t’Alla li kienu fuq in-nies li dinbu (Rum.3:25-26). Mewtu serviet bħala tpattija u riparazzjoni; biha d-dnub ta’ kull min jemmen fih tneħħa. Mewtu ssodisfat il-ġusizzja divina hekk li l-korla t’Alla minħabba d-dnub issa twarrbet. Bis-sagrifiċċju tas-salib m’għadx hemm għadwa bejn il-midinbin kredenti u bejn Alla. 


Ebr.3:1. Ġesù hu msejjaħ l-appostlu hawn biss fil-Patt il-Ġdid. Tenfasizza t-twettiq fidil tal-missjoni li fuqha l-Missier bagħtu (Ef.3:2; cf., Ebr.10:5-10; Ġw.6:38; 20:21). 


Ebr.3:3. il-bennej ta’ dar. L-implikazzjoni neċessarja hi illi Ġesù hu l-bennej tad-dar, u għaldaqstant hu divin (Ebr.3:4). Dan il-pass jgħallem kemm l-identità ta’ Ġesù bħala Alla kif ukoll id-distinzjoni personali tiegħu mill-Missier (Ebr.3:6). 


Ebr.3:6. jekk inżommu sħiħa l-kunfidenza u l-ftaħira tat-tama tagħna. Din il-kondizzjoni tinforma lill-qarrejja kif jistgħu jkunu jafu illi jappartienu għal Alla u għal daru – il-fidi tagħhom trid tagħti prova tagħha nfisha billi tippersevera (Ebr.3:14; 6:11; 10:23). Din-nota ta’ twissija hi introduzzjoni xierqa għall-kwotazzjoni minn Salm 95 (Ebr.3:7-11). 


Ebr.3:7. bħalma jgħid l-Ispirtu s-Santu. L-awtur jikkwota Salm 95, miktub minn bniedem, iżda hu kreditat illi hu d-diskors tal-Ispirtu s-Santu, għax il-Bibbja hi ispirata minnu (2 Tim.3:16). 

illum. L-urġenza tal-vanġelu tidher filli wieħed jeħtieġlu jiddeċiedi bla dewmien, u jfittex dħul f’saltnet Alla. 

jekk tisimgħu leħnu. Il-vuċi t’Alla titkellem ċar fil-ħolqien, fil-providenza u speċjalment fl-Iskritturi Mqaddsa (Ebr.1:1-4). 


Ebr.3:11. fil-mistrieħ tiegħi. Alla wiegħed lil-Lhud serħan fl-Art Imwiegħda, il-wirt tagħhom (Dt.12:9-10). Minħabba r-ribelljoni tan-nies li ħarġu mill-Eġittu, ġenerazzjoni sħiħa kienet projbita milli jgawdu l-mistrieħ (Dt.28:65). Dal-fatt hu applikat għall-mistrieħ spiritwali tal-individwu fil-Mulej (cf., Sal.116:7; Isa.28:12). Appena jafda fi Kristu wieħed jidħol f’mistrieħ veru, u ma jkollux għalfejn jipprova jottieni qagħda ġusta quddiem Alla bi sforz personali. 


Ebr.3:12-13. Araw, l-aħwa, li ma jkunx hemm f’xi ħadd minnkom qalb ħażina ta’ inkredulità, filli twarrab minn Alla l-ħaj. L-awtur jindirizza lill-qarrejja, skont l-istqarrija tal-fidi tagħhom (Ebr.3:1), bħala aħwa, frattant jagħraf ukoll illi xi wħud fix-xirka Nisranija jistgħu jkunu għadhom ma jemmnux ġenwinament (cf., Ebr.12:15-17). Kristu jsalva kompletament lil dawk li bih jersqu lejn Alla (Ebr.7:25), imma d-dixxipli jeħtiġilhom jgħassu fuq is-saportu u l-perseveranza tagħhom billi jinkuraġġixxu lil xulxin (Ebr.10:24-25), bħalma l-awtur jagħmel tul l-epistola (Ebr.13:22). 

bl-ingann tad-dnub. Id-dnub jippromwovi l-illużżjoni illi d-diżubbidjenza hi aktar sikura (Es.17:3) jew trodd aktar pjaċir u kumdità (Es.16:3; Ebr.11:25-26) mill-pellegrinaġġ tal-fidi.


Ebr.3:14. sħab tal-Kristu: dawn huma dawk li jinsabu f’unjoni vera mas-Salvatur. Hu r-ras, u l-knisja, komposta min-nies li jemmnu fih, hi ġismu. 


Ebr.3:16. Mhux kull min ġarrab il-fidwa t’Alla mill-Eġittu attwalment daħal fl-Art Imwiegħda. Tisma’ l-vanġelju mhuwiex biżżejjed; trid tilqgħu bil-fidi jekk tixtieq issalva (Rum.10:14-16). 


Ebr.3:17-19. Bħalma l-fidi hi l-għerq għall-virtujiet l-oħra, hekk l-inkredulità hi s-sors tad-dnubiet l-oħra. Hawnhekk l-Insara huma meqjusa f’relazzjoni tixbah lil tal-Iżraeliti. 


Ebr.4:1. hi mħollija wegħda biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu. Filwaqt li ħafna Lhud għarrielhom milli jidħlu, xorta waħda Alla għadu jwiegħed il-mistrieħ. Il-Kagħnan, l-Art Imwiegħda, ma kinitx maħsuba bħala l-mistrieħ finali offrut minn Alla. 


Ebr.4:2. Il-vanġelu mhuwiex għalina biss, iżda kien ukoll is-sustanza tal-messaġġ imwassal lill-fidili fil-Patt il-Qadim. 


Ebr.4:3-5. Mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi. Jeżisti mistrieħ mingħand Alla mindu għamel il-ħolqien (Ġen.2:2; Ebr.4:4), avolja l-ġenerazzjoni diżubbidjenti ma setgħetx tgawdi dak il-mistrieħ. Il-kittieb jifhem il-wegħdi dwar l-art ġeografika tal-Kagħnan bħala qegħdin jippontaw fl-aħħar mill-aħħar lejn il-mistrieħ divin (Ebr.3:11) li jidħlu fih dawk li jemmnu (Ebr.4:3). 


Ebr.4:8. Għax kieku Ġożwè serraħhom, Alla ma kienx jitkellem dwar jum ieħor wara dawn il-ħwejjeġ. Indikazzjoni oħra (cf., Ebr.4:3-5) illi l-art fiżika tal-Kagħnan ma wettqitx il-wegħda tal-mistrieħ t’Alla. Meta kiteb David, Iżrael kien ilu li daħal fil-Kagħnan taħt it-tmexxija ta’ Ġożwè. Kieku minn dakinhar bdew igawdu l-mistrieħ kienet tkun ħaġa assurda għal David illi jwissi l-ġenerazzjoni tiegħu li ma jmorrux jonqsu milli jidħlu fil-mistrieħ. It-tama tal-patrijarki u dawk li emmnu bħalhom kienet iffissata fuq pajjiż aħjar (Ebr.11:16; cf., 7:11; 8:7). 


Ebr.4:11. Meta wieħed jonqos milli jemmen l-evanġelju jirċievi kundanna akbar minn dik tal-Lhud fid-deżert (Num.14). 


Ebr.4:12. tippenetra sad-diviżjoni tar-ruħ u tal-ispirtu. Xi wħud hawn isibu sapport għall-fehma illi l-bniedem bażikament hu kompost minn tliet komponenti: il-ġisem, ir-ruħ u l-ispirtu (trikotomija). Frattant il-kuntest hu kontra din l-istess idea. L-enfasi hu fuq il-qawwa ta’ kelmet Alla biex tidħol fl-ifnad partijiet tal-persuna, u mhux speċi ta’ diviżjoni f’partijiet kostitwenti. Ukoll, jekk l-idea ta’ diviżjoni hi intenzjonata, nippretendu l-awtur jgħid “għadam u mudullun” u mhux tal-ġogi kif ukoll tal-mudullun. Bnadi oħra l-bniedem hu deskritt bħala kompost minn ġisem u ruħ, li hi l-ispirtu tiegħu (Mt.10:27-28) – parti viżibbli u tanġibbli, u parti inviżibbli u intanġibbli.


Ebr.4:14. Il-qassisin li ġarrew l-arka wasslu lill-poplu fl-Art Imwiegħda (Ġoż.3). Kristu l-qassis il-kbir tagħna wassalna sal-mistrieħ smewwieti. Hu s-suġġett prinċipali fil-kapitli li ġejjin. 


Ebr.4:14-16. nersqu mela bil-kunfidenza lejn it-tron tal-grazzja. B’kuntrast għat-twissijiet solenni (Ebr.4:12-13), il-fidili huma mfakkra illi hemm mogħdija miftuħa għall-preżenza t’Alla, is-Sultan grazzjuż. 


Ebr.5:4. jirċevih meta hu msejjaħ minn Alla. Is-sommi saċerdoti kienu maħtura minn Alla (Num.17), għalkemm fi żmien it-tieni tempju, is-saċerdozju kien mibjugħ u mixtri minn potenzi politiċi. 


Ebr.5:5-6. L-awtur jikkwota Salm 2:7 u 110:1. L-idea ta’ Kristu bħala Iben u bħala saċerdot huma konnessi mill-qrib. Bħala s-sultan u l-qassis t’Alla, Kristu hu t-twettiq tal-profezija (Żak.6:9-15). 


Ebr.5:8. tgħallem l-ubbidjenza mill-ħwejjeġ li bata. Għalkemm totalment ħieles mid-dnub (Ebr.4:15), it-taqtigħa ta’ Ġesù kontra t-tiġrib kienet reali (Ebr.2:18). Bħala wieħed li ġie fid-dinja biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru (Ebr.10:7), Kristu laqa’ l-isfidi diffiċli b’suċċess u ħajtu kollha żamm integrità morali assoluta, biex finalment miet mewta ta’ wġigħ fuq salib (Fil.2:8). Dil-ħajja ta’ ubbidjenza prattika hi f’kuntrast għad-diżubbidjenza ta’ Adam (Rum.5:19) u tikkwalifikah biex iservi ta’ sommu saċerdot etern (Ebr.2:17-18; 4:15). 


Ebr.5:9. Dal-vers ovvjament ma jfissirx li Ġesù finalment sar bla dnub, għax mit-tnissil tiegħu kien assolutament immakulat u moralment perfett (Ebr.4:15). Qed jitkellem aktarx dwar kif temm il-korsa tas-sofferenzi mqiegħda quddiemu, inkluża mewtu bħala sagrifiċċju għad-dnub. Kif għamel dan, kien ipperfezzjonat, jiġifieri sar kompletament kwalifikat biex iservi bħala qassis il-kbir uniku u effettiv. 

sar is-sors tas-salvazzjoni eterna għal dawk kollha li jobduh. Din mhijiex ubbidjenza għall-kmandamenti, regoli u ordinanzi. Mhijiex ubbidjenza għal-liġi bħala sistema biex insalvaw biha. Hi l-ubbidjenza tal-fidi (Rum.1:5). Alla jridna nobduh l-ewwel u qabel kollox billi nafdaw f’Ibnu. L-ubbidjenza vera, l-istess bħall-opri vera, hi l-ewwel nett temmen (Ġw.6:29; 1 Ġw.3:23). Afdar fi Kristu hu x-xogħol tal-fidi u l-ubbidjenza tal-fidi.


Ebr.5:14. imma l-ikel solidu hu għall-maturi, għal dawk li minħabba l-prattika għandhom is-sensi ttrenjati biex jiddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Il-maturità meħtieġa biex napprezzaw il-ministeru saċerdotali ta’ Kristu mhijiex sofistikazzjoni intellettwali, iżda dixxerniment spiritwali li jitnissel minn ubbidjenza konsistenti għar-rieda t’Alla (Fil.1:9-11). 


Ebr.6:2. tqegħid tal-idejn. Din l-azzjoni takkumpanja l-barka, il-fejqan tal-morda, l-ordinazzjoni ta’ uffiċjali (presbiteri u djakni), u speċjalment l-għotja tal-Ispirtu s-Santu, assoċjata wkoll mal-magħmudija (Mt.19:13-15; Lq.4:40; At.6:6; 8:17; 9:17; 28:8; 1 Tim.4:14).


Ebr.6:4-9. terġa’ ġġeddidhom għall-indiema. Hemm tip ta’ apostasija illi hi irriversibbli (1 Ġw.5:16). Is-salvazzjoni ta’ Kristu hi finali (Ebr.10:4). Meta wieħed jiddeċiedi illi jwarrabha, jekk magħmula fuq ċerta livell, ma tistax tkun riversjata. Skont l-1 Ġwanni 2:19, kull min jagħmel it-tali deċiżjoni ma kienx realment membru fil-familja tal-fidi, avolja forsi dehru illi kienu. Ġuda l-Iskarjota hu eżempju mill-iżjed ċar ta’ bniedem li pparteċipa fil-miġja tas-saltna bla ma daħal fiha (Mt.26:47-49; cf., Mt.7:21-23). Dit-twissija ma ngħatatx biex tinkuraġġixxi l-ispekulazzjoni dwar min hu salvat jew mitluf, iżda biex timmotivana ħalli naqbdu mill-qrib mas-Salvatur aħna nfusna. 

jerġgħu jsallbu lil Bin Alla għad-dannu tagħhom infushom. Meta jirrinunzjaw il-fidi tagħhom fi Kristu, jiddikjaraw illi s-salib tiegħu mhuwiex sagrifiċċju qaddis għad-dnubiet ta’ ħaddieħor, iżda l-penali mistħoqqa ta’ kriminal ħati (Ebr.10:29). It-tali apostati jkunu rritornaw għall-punt fejn is-salib ma jagħmel xejn ħlief jikkundannahom bħala kompliċi f’omiċidju (At.18:5-6. Għal eseġesi aktar dettaljati, ara l-ktieb Nixtiequ Naraw lil Ġesù, paġni 560-2).


Ebr.6:12. permezz tal-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi. Abraħam hu l-eżempju preminenti (Ebr.6:15-17; 11:18-19). Il-ġrajja biblika hi miżgħuda b’xhieda ta’ nies li ġrew il-korsa ta’ fidi paċenzjuża qabilna (Ebr.11:4-38), u issa rċevew il-wirt imwiegħed bil-mertu tas-sagrifiċċju perfett ta’ Kristu (Ebr.11:13,39-40). 


Ebr.6:13-20. Dawn l-Insara Lhud kienu fl-istess post bħall-Iżraeliti fid-deżert (Ebr.3:7-4:13). Huma mwissija kontra l-apostasija; dawk li jibqgħu fidili jkunu mbierka, iżda l-infidili jispiċċaw issaħtjati (Ebr.6:9-12). L-awtur issa jiżviluppa l-argument billi juri kif il-Mulej iżomm il-wegħdi pattwali tiegħu. Il-fedeltà t’Alla hi t-tama tagħna, nies li nafu bit-tendenza ġewwiena tagħna illi niżvijaw. 


Ebr.6:18. b’żewġ affarijiet immutabbli, ċoè l-wegħda ferma t’Alla mgħoddija lil Abraħam, kif ukoll il-ħalfa li seddqitha. Ma kien fadal ebda lok għall-inċertezza jew nuqqas ta’ afdar. L-għan t’Alla hu infallibbli. 


Ebr.7:3. bla missier, bla omm, bla ġenealoġija. Waqt li l-maġġor parti tal-persunaġġi fil-Ġenesi għandhom arblu tar-razza, Melkisedek jidher bla antenati u bla ma jingħata ebda tagħrif dwar twelidu jew mewtu. L-Ispirtu s-Santu ddeskrivieh b’mod illi hu profetiku ta’ Kristu, li bħala l-Iben t’Alla, la għandu bidu u lanqas tmiem. 


Ebr.7:4-10. Is-saċerdozju ta’ Kristu hu etern, tal-istess kwalità ta’ Melkisedek. Issa l-awtur jgħallem illi s-saċerdozju Levitiku hu inferjuri għas-saċerdozju ta’ Melkisedek. Ta’ Arun u wliedu kien saċerdozju skont il-laħam, u allura kien meħtieġ illi s-saċerdozju ta’ Kristu jkun ta’ ordni differenti u aħjar. 


Ebr.7:7. Billi bierek u rċieva l-għexur, Melkisedek wera fiċ-ċar li hu superjuri għal Abraħam. 


Ebr.7:8. bnedmin mortali jirċievu l-għexur; imma fil-każ l-ieħor, hemm jirċevihom wieħed li hu mixhud illi jgħix. Il-mortali huma l-Leviti, li l-kariga u l-awtorità tagħhom kienet trasmessa b’dixxendenza u b’wirt, skont il-provdimenti tal-liġi (Ebr.7:5). B’kuntrast, Melkisedek jgħix, skont kif jingħad ukoll f’Salm 110:4, kwotat fl-Ebrej 5:6 u msemmi bi prominenza fl-Ebrej 6:20 u 7:3. 


Ebr.7:11. Tul din l-epistola l-perfezzjoni tirreferi għar-rikonċiljazzjoni kompluta m’Alla u aċċess quddiemu bla tfixkil, fi kliem ieħor, is-salvazzjoni. Is-sistema ta’ sagrifiċċji fit-tempju ma setgħet issalva lil ħadd mid-dnub: kienet dell tar-realtà li dehret fi Kristu. 


Ebr.7:13. dak li dwaru hi referenza għal Kristu. 


Ebr.7:18. sar annullament. Il-liġi Mosajka kienet debboli filli ma kellha ħila ssalva lil ħadd u lanqas toħloq xi bidla ġewwiena fil-midneb (cf., Rum.8:3; Gal.4:9). 


Ebr.7:19. għax il-liġi ma pperfezzjonat xejn. Il-liġi nfisha hi perfetta fin-natura tagħha (Sal.19:7), għax tirrifletti l-karattru qaddis t’Alla (Lev.11:45), iżda hi imperfetta fir-riżultati tagħha. Hi espressjoni perfetta tal-ġustizzja t’Alla, iżda mezz imperfett biex tagħmel lill-bnedmin ġusti. Mhux għax il-liġi hi difettuża, iżda għax il-bniedem hu dgħajjef minħabba d-dnub (Rum.8:1-3). Il-liġi ma ngħatatx biex tifdina (Rum.4:5; Titu 3:5-6), iżda aktarx biex tiżvela d-dnub u turina l-ħtieġa tal-fidwa minnu. Bħala standard u mezz biex tikxef il-qagħda midinba tagħna, il-liġi hi impekkabbli; hi l-aqwa għalliema, għax issuqna lejn Kristu. Biha nsiru konvinti li aħna midibin, u hekk nirrikorru lejn Kristu biex isalvana (Gal.3:24). 


Ebr.7:20-21. Il-wegħdi divini ma jinbidlux; hu ssiġillati b’ħalfa (cf., Ebr.6:17). Is-saċerdozju ta’ Kristu, immudellat fuq dak ta’ Melkisedek, qassis għal dejjem, hu kkonfermat u Alla mhux se jerġa’ jibdielu. 


Ebr.7:22. garanti. Ġesù jiċċertifika s-suċċess tal-patt ġdid ta’ salvazzjoni, patt superjuri u aħjar minn kwalunkwe ieħor (Ebr.8:8,13; 9:15).


Ebr.7:24. minħabba li jibqa’ għal dejjem, għandu qsusija permanenti. Bil-qawmien tiegħu mill-qabar Kristu rċieva ħajja inkorruttibbli u eterna, u hekk il-ministeru tiegħu bħala saċerdot ma jintemm qatt. Dal-fatt waħdu jikxef il-klejm falz tal-Kattoliċeżmu illi Kristu stabilixxa kasta ta’ saċerdoti biex iservu ta’ medjaturi.


Ebr.7:26-28. qaddis, innoċenti, pur. Il-karattru divin, totalment immakulat u bla għajb, ta’ Ġesù hu prova oħra tas-superjorità tal-ministeru, l-interċessjoni u s-saċerdozju tiegħu. 


Ebr.8:2. fit-tabernaklu l-veru. It-tempju smewwieti t’Alla hu l-oriġinali; it-tinda u tempju fuq l-art kienu biss kopji (Ebr.8:5). Alla ħatar santwarju fuq l-art bħala mezz u sinjal tal-preżenza tiegħu fost niesu, iżda strettament ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-idejn (At.7:48-49; cf., 1 Slat.8:27). 


Ebr.8:3. xi ħaġa x’joffri. L-offerta ta’ Ġesù kienet hu nnifsu (Ebr.7:27), demmu (Ebr.9:12), u ġismu (Ebr.10:10).


Ebr.8:5. kopja u dell. It-tabernaklu mibni minn Mosè provda għal qima mmudellata fuq id-demanju spiritwali li fih Kristu jservi. Dak it-tabernaklu fid-deżert u l-qima fih ippontaw ’il quddiem lejn il-pjan tas-salvazzjoni li kellu jkun żvelat u attwat fi Kristu. 


Ebr.8:7. bla difett. Alla apposta għamel il-patt Mosajku bħala patt li mhux kapaċi jneħħi d-dnub. Dawk salvati taħt il-patt il-qadim kienu mifdija billi ħarsu ’l quddiem lejn il-Messija, li kellu jintroduċi patt superjuri u dejjiemi. 


Ebr.8:8. dar Iżrael u dar Ġuda mhumiex il-gruppi nazzjonali tal-Lhud iżda l-ġemgħa spiritwali ta’ dawk li bil-fidi huma nisel Abraħam (Gal.3:28-29). 


Ebr.8:10. inqiegħed l-liġijiet tiegħi f’moħħhom. Min-natura tiegħu l-patt tal-liġi kien primarjament estern, iżda l-patt istitwit permezz ta’ Ġesù hu intern (cf., Eż.36:26-27) Differenti mis-sagrifiċċji tal-liġi, il-mewt ta’ Kristu tnaddaf il-kuxjenza (Ebr.9:9-14) sabiex nagħmlu r-rieda t’Alla (Ebr.10:36; 13:21). 

se nkun Alla tagħhom hi formula standard mill-Patt il-Qadim applikata għall-knisja tal-Patt il-Ġdid (Ġen.17:7; Es.6:7; Lev.26:12; Sal.50:7; Ġer.7:23). Dan jimplika li hemm kontinwità ta’ sustanza bejn iż-żewġ pattijiet. 


Ebr.8:11. ma jgħallmux aktar. Għalkemm Alla ħatar predikaturi u katekisti taħt il-patt il-ġdid (Ef.4:11), in-nies kollha tal-patt il-ġdid għandhom tagħrif esperjenzali tal-Mulej permezz tal-Ispirtu s-Santu (1 Ġw.2:3-4,13,27). 


Ebr.8:12. dnubiethom żgurament ma niftakarhomx iżjed. M’hemmx għalfejn isiru aktar sagrifiċċji għad-dnub għax Kristu finalment u effettivament patta għalihom u qala’ maħfra reali u attwali għal niesu li jafdaw fih. 


Ebr.9:2-3. Il-Post Qaddis kien parti mit-tabernaklu (aktar tard, it-tempju) fejn qassisin ordinarji setgħu jservu (Ebr.9:6). Mifruda b’dik il-purtiera li ċċarrtet meta miet Kristu, kien hemm l-Qaddis tal-Qaddisin, fejn kien hemm l-arka tal-patt; is-sommu saċerdot biss seta’ jidħol fih, darba fis-sena (Lev.16:1-17; Ebr.9:7). 


Ebr.9:8. kienet għadha mhix manifestata. Is-sistema Levitika ma provdiet ebda aċċess fil-preżenza t’Alla. Id-dħul kellu jkun b’xi mod ieħor (Ebr.9:12). It-tabernaklu nnifsu wera kemm Alla hu inaċċessibbli apparti mill-mewt ta’ Ġesù (Ġw.14:6). 


Ebr.9:9. simbolu: il-kelma littera hi parabbola. Is-sistema ta’ sagrifiċċji fit-tempju kienet illustrazzjoni jew lezzjoni grafika dwar x’kellu jseħħ fi Kristu. 


Ebr.9:10. regolamenti għall-ġisem. L-ordinanzi saċerdotali u Levitiċi tal-antik rregolaw l-azzjonijiet viżibbli mingħajr ma bidlu l-bniedem fuq ġewwa. 

żmien ir-riformazzjoni. Ir-restawrazzjoni seħħet fi Kristu, bil-patt ġdid u l-applikazzjoni tiegħu. 


Ebr.9:11-12. tal-ħwejjeġ tajba li diġà ġew: il-fidwa dejjiema, jew b’mod inġenerali, is-salvazzjoni reali u attwali maħduma minn Kristu (Ebr.9:28). Huma l-barkiet maqlugħa għall-fidili bil-patt ġdid stabilit minnu. 


Ebr.9:14. atti mejtin huma għemejjel li ma jistgħux isalvaw għax huma midinba u allura ħaqqhom is-saħta tal-mewt (Ebr.6:1). 


Ebr.9:16-17. Testment iservi bħala illustrazzjoni tal-mewt ta’ Kristu. Il-benefiċċji u l-provdimenti ta’ testment huma biss wegħdi sakemm imut min għamel it-testment. Il-mewt biss taqleb il-wegħdi f’realtajiet. 


Ebr.9:18-22. Biex il-patt Mosajku daħal fis-seħħ kellu wkoll jixxerred id-demm. Din hi stampa addizzjonali kemm il-mewt tas-Salvatur kienet neċessarja. Il-verità smewwitija tapplika f’kull każ: mingħajr it-tixrid tad-demm m’hemmx maħfra.


Ebr.9:23. It-tabernaklu fuq l-art, bit-tagħmir u reċipjenti tiegħu, servew biss bħala replika jew kopji tat-tabernaklu smewwieti, it-tabernaklu veru (Ebr.8:2). 

Avolja ordnati minn Alla, il-kwantità kbira ta’ sagrifiċċji Levitiċi kellha tagħmel il-wisa’ għal sagrifiċċji aħjar, rappreżentati fl-offerta waħda, inklużiva u perfetta, ta’ Ġesù fuq is-salib (cf., Ebr.10:12). 


Ebr.9:24. L-antitip hu prefigurazzjoni tat-tip, bħalma s-serp tal-bronz (l-antitip) serva bħala illustrazzjoni ta’ x’kellu jiġri bit-tgħollija tat-tip, Ġesù (Ġw.3:15), u bħalma l-Qaddis tal-Qaddisin hu l-antitip ta’ realtajiet fis-smewwiet. L-antitip mhuwiex il-ħaġa reali, iżda kopja tagħha. 


Ebr.9:26. fil-konsumazzjoni taż-żminijiet. Kull epoka u perjodu jiġu flimkien u jilħqu l-għan tagħhom fil-miġja tal-Messija. L-era eskatoloġika (tal-aħħar) issa hi inawgurata (Gal.4:4; Ebr.1:2). 


Ebr.9:27. jmutu darba, u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju. Ladarba mal-mewt ir-ruħ hi ġġudikata, allura kemm ir-rinkarnazzjoni kif ukoll it-twemmin li l-mewt fiżika hi t-tmiem tal-eżistenza personali huma esklużi. 


Ebr.9:28. mhux biex jittratta mad-dnub. Il-fidwa ta’ Kristu hi kompluta storikament; id-dnub ta’ niesu neħħieh bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu fuq il-Kalvarju. Meta jirritorna l-missjoni tiegħu se tkun xort’ oħra, ċoè biex jiġbor lill-mifdija tiegħu u jagħmel ħaqq mill-umanità kollha. 


Ebr.10:1. tal-ħwejjeġ tajbin li ġejjin. Dawn kienu futuri inkwantu l-liġi, li serviet bħala dell tagħhom. Bl-ewwel miġja ta’ Kritu fostna issa huma preżenti. 


Ebr.10:3. tifkira annwali tad-dnubiet. Is-sagrifiċċji matul il-Patt il-Qadim servew bħala avviż pubbliku, quddiem Alla u l-umanità, illi n-nies kienu għadhom midinbin (Num.5:15). Il-Patt il-Ġdid ġab maħfra reali (Ebr.8:12; 10:17), u kull bniedem li nħafer jew għad ikun maħfur qala’ l-maħfra bil-mertu tas-sagrifiċċju fuq il-Golgota. 


Ebr.10:4. Kien impossibbli illi d-diversi sagrifiċċji ordnati minn Mosè jneħħu d-dnubiet. Sempliċi annimal maqtul ma jistax ineħħi l-ħmieġ morali fir-ruħ umana. Frattant is-sistema kollha kienet preparatorja għall-miġja tas-Salvatur (Gal.3:24). Biha l-poplu t’Alla sar antiċipattiv (cf., 1 Pt.1:10). Biha ntebaħ bil-qagħda gravi tar-ruħ midinba tiegħu. Biha rrealizza aktar u aktar il-qdusija u l-ġustizzja t’Alla, għax tgħallem illi d-dnub kellu jkun mgħotti. Biha, aktar minn kollox, fehem il-ħtieġa ta’ maħfra sħiħa u kompluta, maqlugħa biss minn Kristu, sabiex in-nies jidħlu f’xirka dejjiema mal-Ħallieq tagħhom. 


Ebr.10:5-6. sagrifiċċju u offerta ma xtaqtx. Alla nnifsu ordna u stabilixxa s-sistema komplikata ta’ sagrifiċċji fit-tabernaklu, avolja kienet inadegwata. Kien jaf x’kellu jagħmel fil-futur, b’Ibnu stess. Storikament nafu kemm-il darba Alla ilmenta ma’ niesu għax ma kinux joffru s-sagrifiċċji b’qalb sinċiera (Sal.51:17; Ġer.6:20; Ħos.6:6). Ir-ritwal, mingħajr ubbidjenza, kien xi ħaġa mistmerra minn Alla nnifsu (Isa.1:11-18). 


Ebr.10:10. aħna mqaddsin. Hawn it-topik mhuwiex it-taqdis bħala proċess (bħal f’Ebr.12:14), iżda għall-kambjament darba għal dejjem fl-istatus tagħna meta konna uniti ma’ Kristu bil-fidi. B’dal-mod konna separati mit-tniġġis tad-dnub, u kwalifikati għall-qima t’Alla. F’din l-ittra, “imnaddaf,” “imqaddes,” u “pperfezzjonat” huma virtwalment sinonimi. 


Ebr.10:11. Il-Levitiku 17:11 jgħid illi Alla tahom id-demm “fuq l-artal biex jagħmel tpattija għal erwieħkom.” Frattant hawn jisħaq illi dawk is-sagrifiċċji ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Is-soluzzjoni tinstab hawn: Alla ħafer lil niesu qabel il-mewt ta’ Kristu xorta waħda, minħabba l-fatt illi Kristu eventwalment kellu jkun is-sagrifiċċju reali u effettiv, illi jagħmel validi s-sagrifiċċji kotrana tal-Patt il-Qadim. Fihom infushom is-sagrifiċċji tal-bhejjem ma qalgħux maħfra; is-sinifikat tagħhom insibuh biss fil-Ħaruf t’Alla li attwalment ineħħi d-dnub (Ġw.1:29). 


Ebr.10:19. nidħlu fil-Qaddis tal-Qaddisin. Dak li kien aċċessibbli għall-qassis il-kbir biss tul il-patt il-qadim issa hu disponibbli għall-fidili kollha minħabba l-mewt ta’ Kristu. 


Ebr.10:22. bi qlubna mraxxin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem maħsul b’ilma pur. Il-mewta ta’ Ġesù tnaddaf il-kuxjenza u tneħħi kull ħtija, allura hi infinitament superjuri għas-sagrifiċċji offruti taħt il-liġi (Ebr.9:13-14). Dan it-tindif hu simbolizzat fil-magħmudija (Ef.5:26). Bħalma l-qassis il-kbir kien jinħasel bl-ilma bi preparazzjoni qabel jidħol fil-post l-aktar qaddis (Es.29:4; Lev.16:4), hekk il-fidili llum jistgħu jidħlu bħala qassisin fil-preżenza t’Alla. 


Ebr.10:25. tarawh joqrob il-jum. Dan hu l-jum tal-avvent glorjuż ta’ Kristu għat-tieni darba biex iġib salvazzjoni kompluta lil dawk li jistennewh (Ebr.9:28; 12:26-27). 


Ebr.10:26. jekk inkomplu nidinbu apposta wara li nirċievu t-tagħrif tal-verità. Xi wħud fil-komunità Nisranija jiskandalizzaw lil ħaddieħor għax jidinbu vilment u jirrifjutaw milli jindmu. L-awtur qed jirreferi speċjalment għal nies li diġà semgħu u ħaddnu l-verità. Il-fatt li jkomplu fid-dnub jindika li mhumiex, u qatt ma kienu, fidili ġenwini. Huma nies li qatt ma abbraċċjaw il-vanġelu ġenwinament hekk illi rriżultat ħajja ta’ fidi, ubbidjenza u frott. 

ma jifdalx iżjed sagrifiċċju għad-dnubiet. Dan jista’ jirreferi għall-inabbiltà ta’ midinbin bla ndiema illi jkunu restawrati (Ebr.6:4-6), jew aktar probabbli għall-fatt illi ma jibqagħlhom ebda post fejn iduru għall-maħfra barra mis-sagrifiċċju ta’ Kristu, li jkunu rroftaw. 


Ebr.10:30. Is-Sid għad jiġġudika ’l niesu. Alla lest biex jiġġudika skont il-patt tiegħu, u jiddiskrimina bejn dawk li ġenwinament jappartienu għalih u dawk li huma apostati (cf., 1 Pt.4:17). 


Ebr.10:34. possediment aħjar u li jibqa’, ċoè l-belt smewwitija u l-pajjiż t’Alla (Ebr.11:10,16; 12:22) li ma jistgħux ikun mriegħda b’katakliżmu li jeqred l-ordni maħluq t’issa (Ebr.12:27-28). Paragunat ma’ dan il-wirt etern (Ebr.9:15), il-proprjetà mitlufa minħabba Kristu hi bla valur. 


Ebr.10:37-38. l-ġust tiegħi se jgħix bil-fidi. Tliet elementi minn Ħabaqquq 2:3-4 se jkunu illustrati fil-ħajjiet ta’ fidili mil-Patt il-Qadim: 

1. Il-fidi tiffissa ħarsitha fuq dak li ġej, u tittama fid-dehra futura tiegħu (Ebr.11:1,7,10,13,20,22,27).

2. Il-fidi tirċievi l-verdett t’Alla favur tagħha: il-bniedem isir sewwa m’Alla, u dnubu jinħafer permezz tal-fidi (Ebr.11:4,7; 12:23). 

3. Il-fidi la tirtira u lanqas tehda minħabba l-provi u sofferenzi (Ebr.11:24-26,35-38). 


Ebr.11:1-40. Issa l-fidi hi l-assigurazzjoni tal-ħwejjeġ ittamati, il-prova tal-affarijiet li ma narawx. Dan id-diskors famuż fuq irġiel u nisa fidili fil-Patt il-Qadim jibda u jispiċċa b’kummentarju li jpoġġina fuq l-allert għal aspett speċifiku ta’ fidi illustrata hawn – iċ-ċertezza illi għad nirċievu mingħand Alla kulma wiegħed għalkemm s’issa għadu ma tahulniex (Ebr.11:1-2,39-40). 


Ebr.11:2. b’dil-fidi kienu rrikkmandati l-antiki. Alla ddikjara illi sa mill-bidu tar-razza umana, in-nies kienu ġusti bil-fidi, bħalma hu mistqarr espliċitament dwar Abel u Ħenok (Ebr.11:4-5; cf., Ebr.11:39). 


Ebr.11:3. Bil-fidi nifhmu li d-dinjiet kienu ppreparati bil-kelma t’Alla. Għalkemm ebda bniedem ma ra l-ħolqien isir, nafu mill-Iskrittura illi Alla ġab kollox fl-eżistenza permezz ta’ Kelmtu (Sal.33:6,9). Niddixxernu illi l-ħaġa li naraw mhijiex ir-realtà finali li teżisti fiha u minnha nfisha. 


Ebr.11:4. sagrifiċċju aħjar. Il-prinċipju li s-sagrifiċċji kienu inutli u bla valur jekk ma kinux offruti bil-fidi kien jgħodd mill-bidu (cf., Ebr.10:4). Kristu waħdu kien kapaċi joffri mhux biss sagrifiċċju aħjar iżda sagrifiċċju perfett u effettiv.


Ebr.11:5. ħadu ’l fuq. Alla refa’ lil Ħenok lejn is-sema mingħajr ma kien għadu miet (Ġen.5:24). Hu każ eċċezzjonali, bla m’għandna aktar tagħrif fuqu. 


Ebr.11:6. Il-fidi hi neċessarja biex nogħġbu lill-Mulej (Rum.14:23). It-twemmin fih hu bażiku (Es.3:14). Alla jippremja lil dawk li huma diliġenti u serji biex ifittxuh, skont il-karattru u n-natura tiegħu.


Ebr.11:12. mejjet, għax Abraħam kien ilu li skadielu ż-żmien meta seta’ jnissel l-ulied (Ġen.21:1-5). 


Ebr.11:13-16. barranin u għorba fuq l-art. Bħala eredi tas-salvazzjoni l-Kristjani, bħall-antenati tagħhom fl-antik, huma refuġjati bla dar fuq l-art (Ebr.11:38). Sakemm jirritorna Kristu aħna ninsabu fl-eżilju (1 Pt.1:1,4-5,17; 2:11), għax is-smewwiet ġodda u l-art ġdida li fihom jgħammar il-ħaqq għadhom mhumiex maħluqa. Id-dinja l-ġdida għad tkun il-wirt tal-qaddisin (2 Pt.3:12-13).

pajjiż aħjar, ċoè wieħed smewwieti. Il-wirt li fuqu l-fidi tal-patrijarki kienet iffissata kien inviżibbli għal żewġ raġunijiet: kien wirt fis-sema, mhux fuq l-art, kif ukoll kien wirt fil-futur, mhux fil-preżent. 


Ebr.11:17-18. Iżakk ma kienx l-uniku iben ta’ Abraħam. Il-kelma tfisser li kien uniku, wieħed tax-xorta tiegħu (cf., Ġw.1:14), għax twelidlu skont il-wegħda divina.


Ebr.11:23. sabiħ hawn tfisser iffavorit minn Alla (At.7:20; cf., Es.2:2). Il-ġenituri ta’ Mosè eżerċitaw fidi għax fehmu u ħaddnu xi ħaġa dwar il-pjan t’Alla għat-tarbija tagħhom. 


Ebr.11:29. Il-Baħar l-Aħmar (Es.10:19; Sal.106:7,9,22) hu magħruf ukoll bħala l-Baħar Eġizzjan (Isa.11:15). Alla mirakolożament fetaħ dan il-baħar biex il-poplu tiegħu jaqsam u jeħles mill-għedewwa tiegħu.


Ebr.11:33. kisbu wegħdi. Raw tweġibiet għal wegħdi partikolari tul it-triq. Għall-wegħda tal-miġja tal-Messija kellhom xorta waħda jistennew (Ebr.11:39). Il-wegħdi magħmula lil Abraħam kienu parzjalment imwettqa f’did-dinja, hekk kif id-dixxendenti tiegħu mmultiplikaw (Ebr.11:12) u għexu fl-Art Imwiegħda (Ebr.11:9,33). Imma sakemm dawn il-wegħdi rreferew għar-realtà smewwitija, “il-mistrieħ tiegħu” (Ebr.4:10), ma setgħux ikunu mwettqa qabel ma jitwieled il-Messija u jwettaq fidwa għalina. 


Ebr.11:40. għax Alla kien pjana xi ħaġa aħjar għalina, sabiex mingħajrna ma jkunux ipperfezzjonati. Fl-aspett storiku u ridentiv, hemm differenza bejn il-perjodi tal-Patt il-Qadim u tal-Patt il-Ġdid; fl-istess ħin teżisti unità bejniethom. Għalkemm il-fidili fil-Patt il-Qadim għexu bil-fidi (Ebr.10:38), ma kinux privileġġjati biex jaraw fuq l-art it-twettiq tal-wegħda kbira t’Alla. 

Madankollu huma wkoll jipparteċipaw fil-benefiċċji tal-ħidma saċerdotali ta’ Kristu. Flimkien mal-qaddisin tal-Patt il-Ġdid, huma ipperfezzjonati. Il-fidili taż-żewġ gruppi issa flimkien jistennew il-perfezzjoni li għad tidher biss fit-tieni miġja ta’ Kristu (Ebr.12:26; 13:14; cf., Rum.8:18; Ef.1:9-10). 


Ebr.12:1. għandna mdawra madwarna sħaba daqshekk kbira ta’ xhieda. Dawn huma l-eroj tal-fidi tul il-Patt il-Qadim, bħallikieku l-Kristjani llum qed tarahom folla kbira ta’ nies jiġru t-tiġrija li huma diġà ġrew qabilhom u temmewha bl-unuri. L-eżempju tagħhom jinkuraġġixxi lill-qarrejja, u jċanfarhom jekk kemm-il darba jitfixklu. 

Imkien fil-Patt il-Ġdid ma nsibu ħjiel illi l-qaddisin fis-sema qed josservaw litteralment il-qaddisin fuq l-art, u lanqas jinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jitolbu lil dawn il-qaddisin fis-sema, jew biex iressqu petizzjoni ħalli l-qaddisin jitolbu lil Alla għalihom. Kristu jitlob għal niesu (Ġw.17; Rum.8:34; Ebr.7:25), u hu l-uniku medjatur bejnhom u bejn Alla (1 Tim.2:5). L-Ispirtu s-Santu jgħinhom fit-talb (Rum.8:26-27), u l-Kristjani kollha huma qassisin bid-dritt ta’ aċċess dirett quddiem it-tron tal-grazzja (Ebr.4:16; 10:22; 1 Pt.2:5,9). 


Ebr.12:2. niffissaw ħarsitna fuq Ġesù. Ix-xhieda mill-antik jispirawna, iżda l-inkuraġġiment prinċipali nsibuh fil-persuna u l-ħidma ta’ Kristu, li mar qabilna bħala l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi tagħna, u l-mudell suprem tal-fidi fit-tiġrija (Ebr.12:3). Bħala l-perfezzjonatur Ġesù ġab il-fidi ta’ dawk kollha li japprowċjaw lil Alla bih għall-għan intenzjonat tagħha: qima grata u aċċettabbli għal Alla, offruta fil-preżenza tiegħu (Ebr.10:14; 11:30; 12:28). 


Ebr.12:4-7. Ibni, tistmax id-dixxiplina tas-Sid b’leġġerezza. Fil-providenza tiegħu Alla Missierna jiddixxiplinana, iċanfarna u jwissina, għax iħobbna u jimportah minna. M’għandniex għaldaqstant naqtgħu qalbna meta niltaqgħu ma’ ċirkostanzi diffiċli; id il-Mulej hi fuqna għall-ġid tagħna. 


Ebr.12:9. kellna missirijiet mondani bħala korretturi. Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà sagrosanta illi jrabbu lil uliedhom fil-mogħdija tas-Sid (Dt.6:4-9,20-25), b’dixxiplina (Prov.13:24) u trenjar xieraq fil-biża’ t’Alla (Prov.22:6). 


Ebr.12:12-13. Ara Proverbji 4:26 u Isaija 35:3-4. Isaija 35 hi mqiegħda f’kuntest tal-wegħda tas-salvazzjoni li tiġi wara l-pass dixxiplinarju tal-eżilju. 


Ebr.12:14. l-qdusija, li mingħajrha ebda wieħed mhu se jara s-Sid. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu jagħmilna pożizzjonalment qaddisin darba għal dejjem (Ebr.10:10). Jagħtina wkoll aċċess kunfidenti quddiem Alla. Hawnhekk qdusija tfisser safa fil-ħajja. Hi provduta minn Alla (Ebr.13:21) u gwidata mid-dixxiplina tiegħu (Ebr.12:10), iżda l-fidili jeħtiġilhom jagħmlu kull sforz biex jilħquha. 

jara s-Sid jiġifieri tkun m’Alla, it-tmiem tas-salvazzjoni tagħna (Riv.22:4). Dawk li issa bil-grazzja permezz tal-fidi jirsistu u jirċievu l-qdusija ta’ Kristu tabilħaqq għad jaraw lis-Sid, u jsiru bħalu moralment (2 Kor.3:18; 1 Ġw.3:2). 


Ebr.12:15. jonqos mill-grazzja, ċoè jasal tard u jitħalla barra. Hawn hi referenza għall-persuna intellettwalment konvinta u interessata fi Kristu, iżda baqa’ fit-tarf tal-apostasija. 

xi għerq ta’ mrar. Dan hu persuna li tiżra d-dubju u l-iżlealtà lejn il-Mulej fost niesu, marbuta miegħu bil-patt (Dt.29:18). It-tali jikkawża gwaj, tfixkil u tniġġis morali. Biex insostu lil xulxin fil-fidi, jeħtieġ ninkuraġġixxu lid-dgħajfa, iżda wkoll nopponu l-apostati, li jistgħu jinfluwenzaw lil ħaddieħor. 


Ebr.12:16. Eżaw kien irreliġjuż u iblah, għax ra biss sa xiber imnieħru, bla ma kellu interess fi ħwejjeġ tas-sema. Kien mondan, u japprezza biss l-immedjat, illi jissodisfa l-aptit fiżiku (Ġen.25:29-30), aktarx milli jgawdi l-barka t’Alla (Ġen.27:31-32). Hu twissija sobrija għalina lkoll. 


Ebr.12:18-24. m’ersaqtux lejn muntanja li tista’ tintmess...Iżda ersaqtu lejn il-Muntanja Sijon. Iż-żewġ pattijiet huma paragunati bil-muntanji Sinaj u Sijon assoċjati magħhom. It-tema dominanti tas-Sinaj kienet il-biża’, muntanja li setgħet tintmess u għaldaqstant artija u tinbidel, li minn fuqha ngħatat il-liġi (Ebr.12:18-21). Il-ferħ u l-kunfidenza jikkaratterizzaw lil Sijon smewwitija u għaldaqstant eterna, għax fiha hemm is-Salvatur bid-demm li ġab il-maħfra (Ebr.12:22-24). 

ersaqtu...lejn il-belt t’Alla l-ħaj. Għadna fuq pellegrinaġġ fuq l-art, u bħall-patrijarki (Ebr.11:13) għadna nistennew il-belt li għad trid tiġi (Ebr.13:14). Madankollu, minħabba Ġesù l-prekursur tagħna, wasalna bil-fidi f’Ġerusalemm smewwitija u nistgħu nidħlu fil-post l-aktar qaddis biex nagħtu qima (Ebr.10:19-22). 

knisja tal-primoġeniti reġistrati fis-smewwiet. Il-primoġeniti, jew l-ewwel imwielda, f’Iżrael kienu mqaddsa fi żmien l-Għid u kkonsagrati għas-servizz fil-preżenza t’Alla, iżda l-Leviti servew fis-santwarju minflokhom (Num.3:11-13). Fl-assemblea smewwitija l-fidili kollha, mifdija mill-qirda eterna, huma l-primoġeniti, ikkonsagrati għal Alla u miktuba jew reġistrati bħala l-qassisin tiegħu. Eżaw żeblaħ il-jedd tiegħu bħala primoġenitu (Ebr.12:16); b’kuntrast, il-fidili jixxerjaw bi gratitudni fil-wirt ta’ Ġesù, il-primoġenitu (Ebr.1:6,14; 2:11-12). Fil-ġemgħa smewwitija l-kredenti kollha jqimu, fis-sema u fl-art (Ebr.10:22,25). 

l-ispirti ta’ nies ġusti pperfezzjonati. Dawn huma l-erwieħ ta’ dawk li mietu fil-Mulej (2 Kor.5:8; Riv.14:13). Alla jixhed li dawn in-nies huma sewwa miegħu (Ebr.12:2,4-5,39) għax bis-sagrifiċċju ta’ Kristu huma pperfezzjonati (Ebr.11:40). 


Ebr.12:24. aħjar mid-demm ta’ Abel. Abel offra sagrifiċċju bil-fidi u ubbidjenza (11:4), iżda ma kellu ebda qawwa biex iħallas għad-dnub. B’kuntrast is-sagrifiċċju ta’ Ġesù inaddaf kompletament mid-dnub (cf., 1 Ġw.1:7), qala’ l-fidwa (Ebr.9:12), il-maħfra (Ebr.9:26), taqdis, u salvazzjoni totali (Ebr.10:10,14).


Ebr.12:25. wisq aktar ma naħarbux aħna. L-apostati, fid-dawl ta’ rivelazzjoni sħiħa, isofru konsegwenzi wisq eqqel min-nies ta’ dari. 


Ebr.12:26-27. se nheżżeż mhux biss l-art. Mal-Muntanja Sinaj Alla riegħed l-art. Minn Sijon se jheżżeż l-univers kollu (cf., Isa.13:13; 34:4; 2 Pt.3:10-13). 


Ebr.12:29. Alla tagħna hu nar li jikkonsma. Kwotazzjoni solenni mid-Dewteronomju 4:24 tipprovdi konklużjoni xierqa għal eżortazzjoni illi tisħaq fuq il-qdusija t’Alla u l-finalita tal-ġudizzju tiegħu fuq l-apostati (Ebr.10:27). 


Ebr.13:7-8. Ġesù Kristu hu l-istess ilbieraħ u llum u għal dejjem. Jeħtiġilna nimitaw lil dawk li jirtu l-wegħdi permezz ta’ fidi li tissaporti (Ebr.6:12). Iżda għalkemm mexxejja umani jgħaddu u jmutu, Ġesù hu l-istess (Ebr.1:12): ilbieraħ meta Alla tkellem permezz tal-profeti (Ebr.1:1), llum hekk kif Alla jsejħilna biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu bil-fidi (Ebr.3:7,13; 4:7), u għal dejjem (Ebr.1:8; 7:17,21,24,28), għax jibqa’ Salvatur omnipotenti għall-eternità. Hu l-ankra soda fost is-sofferenzi u l-inċertezzi (Ebr.6:19). 


Ebr.13:9. b’tagħlim varju u stramb. Dawn id-dottrini apparentement mantnew illi l-qarrejja, peress li ma kinux qed jieħdu sehem fil-ħajja ritwali tat-tempju (Ebr.13:13), inklużi l-festi u s-sagrifiċċji, ma kellhom ebda aċċess għal quddiem Alla. L-awtur jirribatti illi l-grazzja, u mhux ikel ċerimonjali, isaħħaħ il-qalb, għax bil-grazzja divina nipparteċipaw fil-qima quddiem l-artal smewwieti fejn Ġesù jservi. 


Ebr.13:10. L-artal, is-sagrifikatur u s-sagrifiċċju huma marbuta flimkien intimament. Hawnhekk l-artal hu ekwivalenti għall-offerta propizjatorja ta’ Kristu.


Ebr.13:13-14. Allura ħa noħorġu lejh barra mill-kamp. It-tbatija ta’ Kristu barra mix-xatba tal-belt issimbolizzat mhux biss is-saħta li ġarr bħala s-sostitut tagħna, iżda wkoll ir-roftiment tiegħu mill-istabbiliment reliġjuż Lhudi u l-mexxejja tiegħu. 

Issa l-qarrejja huma msejħa biex jaċċettaw bil-kuraġġ it-tkeċċija tagħhom stess mill-istituzzjonijiet Lhud (sinagoga u tempju, u abbli wkoll mill-familji tagħhom), bil-mistennija kunfidenti tal-belt eterna, dik li għad trid tiġi. Mela bħalma Kristu bata, id-dixxipli tiegħu jgħaddu mill-istess esperjenza – f’das-sens nġorru l-għajb tiegħu (Sal.69:7-9; Rum.15:3; Ebr.11:25-26). 


Ebr.13:20. b’demm ta’ patt etern. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu xejjen il-mewt (Ebr.2:14) u inawgura l-patt ġdid u dejjiemi (Ebr.9:12-15). Wara li kien irxoxtat, Kristu ma jmut qatt iżjed (Rum.6:9); l-effetti tas-sagirfiċċju tiegħu jservu għall-eternità.