It-Tieni Epistola lil Timotju


2 Tim.1:6. tkebbes mill-ġdid: bħal nar li appik se jintefa’, Timotju jeħtieġlu jqajjem id-don tal-Ispirtu s-Santu mogħti lilu bit-talb, studju tal-Iskrittura, u attenzjoni diliġenti għall-vokazzjoni tiegħu. 


2 Tim.1:8. Issa Pawlu jinsab lura f’Ruma, priġunier (madwar 66-67 w.K.), u ma kienx qed jistenna ħelsien (2 Tim.4:6-8).


2 Tim.1:9. skont l-għan u l-grazzja tiegħu stess. Id-digriet divin tal-fidwa hu msejjes biss fuq l-għan t’Alla u l-għoġba tajba tiegħu. Band’ oħra, dan l-għan hu identifikat bħala ħniena (Titu 3:5) u mħabba (Ef.1:4-5).

qabel il-bidu taż-żmien hi affermazzjoni illi d-digriet divin tal-fidwa permezz ta’ Kristu hu mill-eternità (Ef.1:4; Titu 1:2; 1 Pt.1:20; Riv.13:8).


2 Tim.1:10. abolixxa l-mewt u ġab il-ħajja u l-immortalità għad-dawl, ċoè, permezz ta’ mewtu u l-qawmien tiegħu (Ebr.2:14-15; Riv.1:18). Avolja xorta waħda mmutu fiżikament, il-fidili ngħataw it-tama li l-mewt għad tingħeleb eventwalment. Ladarba Kristu rxoxta, il-membri tiegħu għad ukoll ikollhom ġisem immortali bħal tiegħu (1 Kor.15:20). Uffiċjalment il-mewt hi abolita; attwalment se tkun meqruda meta is-Sultan tas-slaten jirritorna fl-aħħar jum (1 Kor.15:54). Hi l-aħħar għadu li jċedi għall-ħakma universali ta’ Kristu (1 Kor.15:26).


2 Tim.1:12. jgħasses id-depożitu tiegħi għandu. Ħajjet Pawlu, għaż-żmien u l-eternità, ingħatat lil Sidu. Għex b’kunfidenza qawwija u bil-kuraġġ minħabba l-verità rivelata dwar is-setgħa u l-fedeltà tiegħu, u l-esperjenza f’relazzjoni stabbli ma’ Sidu (Rum.8:31-39). 

dak il-jum, jew jum Kristu (Fil.1:10), hu meta l-fidili jidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu biex ikunu premjati (2 Kor.5:10; 1 Pt.1:5). 


2 Tim.1:13. kliem korrett, ċoè l-Iskrittura u d-dottrina li tgħallem (2 Tim.3:15-17). 


2 Tim.1:14. id-depożitu. Alla kkommetta l-verità tiegħu (speċjalment l-evanġelju) lill-knisja, biex iżżommha bla mittiefsa, u xxandarha (ara nota fl-1 Timotju 6:20). 


2 Tim.2:3. suldat tajjeb. Kull Kristjan hu involut f’taqbid kontra s-sistema satanika msejħa d-dinja, kontra n-natura midinba tiegħu nnifsu, u kontra Satana u l-forzi tad-dlam. 


2 Tim.2:8. minn nisel David. Ġesù jwettaq il-wegħda t’Alla illi kellu jagħti saltna eterna lil wieħed mid-dixxendenti ta’ David (2 Sam.7:12-16; Mt.1:1; Mk.12:35; Lq.1:32-33; Ġw.7:42; At.2:30-36; Riv.5:5). Għall-assoċjazzjoni bejn il-qawmien ta’ Kristu u d-dixxendenza tiegħu minn David, ara Rumani 1:3-4. 


2 Tim.2:10. Dawk magħżulin għas-salvazzjoni, magħrufa mill-eternità minn Alla waħdu, kellhom f’xi żmien jew ieħor jaslu għall-fidi fi Kristu (At.18:10; Titu 1:1). Minħabba fihom Pawlu kien lest isofri biex iwasslilhom l-evanġelju, imxandar lil kulħadd, iżda milqugħ ġenwinament minn dawn il-magħżulin. 


2 Tim.2:11. jekk mitna miegħu hi referenza għall-unjoni tal-fidili ma’ Kristu f’mewtu fuq is-salib (Rum.6:3-11). 


2 Tim.2:12. jekk nissaportu. Pawlu jeħodha bħala fatt illi wlied Alla jipperseveraw minkejja provi u tentazzjonijiet. 

se nsaltnu wkoll miegħu hi xbieha popolari fil-Patt il-Ġdid għall-glorja eterna li l-mifdija jirċievu permezz ta’ Sidhom u Salvatur tagħhom, Ġesù (Mt.19:28; Rum.5:17; Riv.3:21; 5:10; 20:4-6; 22:5). 

jekk se niċħduh, hu ukoll se jiċħadna. Pawlu jaf illi fost id-dixxipli ġenwini hemm nies li jipprofessaw l-istess fidi iżda mhumiex ġenwinament riġenerati. Dawn eventwalment jinkixfu għax ma jkomplux miexja fuq it-triq id-dejqa. Hawnhekk mela għandna twissija sobrija kontra l-apostasija (Mt.10:33). Min jinnega lil Kristu jkun iġġudikat għal dejjem; il-fidili kollha jaqgħu fid-dnub, iżda Alla hu fidil u jaħfer, jirrestawra u jżomm lil dawk li huma tabilħaqq tiegħu. 


2 Tim.2:13. jekk m’aħniex fidili, hu jibqa’ fidil. Affermazzjoni meraviljuża ta’ assigurazzjoni illi għalkemm il-fidili huma msejħa biex jissaportu u jibqgħu leali lejn Sidhom, is-salvazzjoni fl-aħħar mill-aħħar ma tiddependix fuq il-fedeltà tagħhom, iżda fuq il-patt etern t’Alla espress permezz ta’ Kristu (2 Tim.2:19). It-tama Kristjana għandha għeruqha fil-karattru immutabbli t’Alla – ma jistax jiċħad lilu nnifsu (Num.23:19; Titu 1:2). 


2 Tim.2:14. wissihom quddiem Alla biex ma jinstarmux f’tilwim dwar kliem, li mhu utli għal xejn. Noqogħdu attenti biex ma ninvolvux ruħna f’disputi trivjali fuq il-ħmerijiet, lanqas naqgħu għas-sofiżmi li bihom ma jiggwadanja ħadd. Jekk nispiċċaw nikkonċentraw fuq it-tentufiet, nitilfu l-perspettiva xierqa, illi nżommu dak li hu maġġuri bħala maġġuri. 


2 Tim.2:15. jittratta b’akkuratezza, litteralment jaqtagħha dritta. Il-preċiżjoni hi rikjesta fl-interpretazzjoni tal-Iskrittura, għax hi l-leħen t’Alla, li m’għandux ikun mgħawweġ, żbilanċjat jew b’xi mod preżentat żmerċ. 


2 Tim.2:19. Is-Sid jaf lil dawk li huma tiegħu hi kwotazzjoni min-Numri 16:5 (skont is-Septwaġinta). Fuq il-poplu t’Alla hemm id-digriet etern tal-għażla (2 Tim.2:11), li jiżgura s-sigurtà tal-ġisem ta’ Kristu (Ġw.10:29). 

Kull min isemmi isem is-Sid għandu jasteni mill-inikwità. Fuq is-sħubija tal-knisja t’Alla hemm is-sejħa tiegħu għall-qdusija (2 Tim.2:21), inkluż iċ-ċaħda ta’ tagħlim falz. Mela l-għażla t’Alla għas-salvazzjoni u l-qdusija jmorru flimkien; tal-ewwel twassal għal tat-tieni. Ma nistgħux nifirduhom.


2 Tim.2:23. evita kwestjonijiet boloh u stupidi, billi taf illi jikkawżaw it-tilwim. Argumenti teoloġiċi b’ebda mod mhuma projbiti, anzi hemm posthom. Pawlu nnifsu ddisputa, irraġuna u argumenta fis-sinagogi u postijiet oħra (At.17:2,17-18). Aħna msejħa biex nissieltu għall-fidi, biex tinżamm fl-integrità tagħha (Ġuda 3). Biss hemm ċertu periklu li nitħabblu fi kwestjonijiet bla fedja, li joħolqu biss dissens. Id-dixxerniment hu dejjem neċessarju. 


2 Tim.2:25. Il-Kristjan qatt m’għandu jassumi li dawk maqbuda fl-ereżija satanika m’hemm ebda tama għalihom. Il-vanġelu għandu jiġi pritkat u nħarsu lejn Alla biex jiġbed in-nies lejh: abbli Alla jagħtihom l-indiema.

L-indiema tfisser tibdel fehmtek, tant li l-opinjonijiet, valuri, skopijiet u mogħdijiet tiegħek jinbidlu, u l-ħajja sħiħa tiegħek tieħu rotta differenti għalkollox. Il-moħħ u l-ġudizzju, ir-rieda u l-affezzjonijiet, l-imġiba u l-istil ta’ ħajja, il-motivi u l-pjanijiet: kollox huwa involut fl-indiema. Biha tibda tgħix ħajja ġdida. 

Mela l-indiema hi għotja mingħand Alla, li twassal għal att ħieles daparti tal-bniedem. Hi dispożizzjoni mingħand Alla, kif ukoll azzjoni fil-bniedem. Hi provdiment t’Alla, u deċiżjoni ta’ bniedem. 

Is-sejħa għall-indiema kienet it-tnedija fondamentali tal-Battista (Mt.3:2), ta’ Ġesù (Mt.4:17), tat-tnax (Mk.6:12), ta’ Pietru f’Għid il-Ħamsin (Atti 2:38), ta’ Pawlu lill-ġnus (At.17:30; 26:20), u ta’ Kristu glorifikat lil ħamsa mis-sebgħa knejjes fl-Asja (Riv.2:5,16,22; 3:3,19). 

Hi parti mis-sommarju tal-evanġelju li kellu jkun meħud fid-dinja kollha (Lq.24:47). Tikkorrispondi mas-sejħa kontinwa tal-profeti lil Iżrael biex iduru lejn Alla li kienu tbiegħdu minnu (eż., Ġer.23:22; 25:4-5; Żak.1:3-6). L-indiema hi dejjem preżentata bħala l-mogħdija għall-maħfra tad-dnubiet u restawrazzjoni għall-favur t’Alla, filwaqt li t-twebbis fin-nuqqas ta’ ndiema huwa ċ-ċertifikat għall-qirda eterna (Lq.13:1-8).

L-indiema mid-dnub, flimkien ma’ fidi f’Ġesù Kristu, huma nfushom il-frott tat-twelid mill-ġdid. Imma bħala ħaġa prattika, l-indiema hi inseparabbli mill-fidi. Impossibbli ddur lejn Kristu bil-fidi mingħajr ma tagħti dahrek għad-dnub bl-indiema. L-idea li jista’ jkun hemm fidi li ssalva mingħajr indiema, u li wieħed jista’ jkun ġustifikat billi jħaddan lil Kristu bħala Salvatur filwaqt li ma jistqarrux bħala Sidu, hi żball perikoluż. Il-fidi vera tirrikonoxxi lil Kristu bħalma tabilħaqq hu, is-Sultan maħtur għalina minn Alla u l-qassis il-kbir li Alla provdielna, u wieħed li jafdah bħala Feddej jissottometti ruħu għalih bħala Mulej ukoll. Fidi bla indiema mhi fidi xejn.

Fl-indiema l-midneb jikseb sens qawwi ta’ dnubietu u jarahom bħala kuntrarji għan-natura qaddisa u l-liġi ġusta t’Alla. Jinduna bil-periklu spiritwali li jinsab fih, u jagħraf lilu nnifsu bħala maħmuġ u mistmell minħabba d-diżubbidjenza tiegħu. Jagħraf ukoll il-ħniena t’Alla fi Kristu għal min hu niedem, u allura tant jagħli minħabba dnubietu u jsir jobgħodhom illi jdur lejn Alla minnhom, bil-għan u determinazzjoni li jimxi ma’ Sidu fil-mogħdijiet kollha tal-kmandamenti tiegħu.

Sentimenti ta’ sogħba, kritika tiegħek innifsek, u diqa għad-dnub imnissla mill-biża’ tal-kastig, mingħajr ebda xewqa jew ħajra li tabbanduna d-dnub, m’għandniex nassumuhom bħala ndiema ġenwina. David jesprimi ndiema vera f’Salm 51, fejn f’qalbu kellu l-iskop serju li ma jidnibx aktar, u jgħix ħajja ġusta (Lq.3:8; At.26:20).


2 Tim.3:1. fl-aħħar jiem. Din hi l-era inawgurata mill-ewwel avvent ta’ Kristu (At.2:17) u se tkun kompluta meta jirritorna għall-ġudizzju finali. Bħal fi żmien Timotju, aħna llum ninsabu fl-aħħar jiem.


2 Tim.3:5. għandhom forma ta’ pjetà imma jiċdħu s-setgħa tagħha. L-għalliem foloz huma perikolużi għax jagħtu l-impressjoni li huma Kristjani, mentri huma attwalment għedewwa tal-vanġelu (Mt.7:15,21-23). setgħa tfisser l-operazzjoni preżenti u effettiva t’Alla fil-fidili u permezz tagħhom. 


2 Tim.3:8. Ġannes u Ġambrè ma jissemmewx fl-Esodu, imma ismijiethom jidhru relattivament kmieni f’kitbiet Lhud. Gwidat mill-Ispirtu s-Santu, Pawlu jsemmihom bħala sħaħar li rreżistew lil Mosè fil-konfront tiegħu quddiem Faragħun. 

skwalifikati inkwantu l-fidi. Minkejja l-ftaħir u l-klejmijiet tagħhom, dawn in-nies moralment ħżiena m’għandhomx fidi salvivika, ladarba wkoll jopponu l-evanġelju mhux biss bi mġibithom iżda wkoll b’tagħlimhom (Titu 1:16). 


2 Tim.3:15. kapaċi jagħmluk għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Il-Bibbja ngħatat bl-iskop biex wieħed jikseb it-tagħrif tal-verità (2 Tim.2:25; 1 Tim.2:4). Hi intiża biex twassal il-qarrejja jew semmiegħa tagħha għall-fidi (cf., Ġak.1:18; 1 Pt.1:23). Interpretata kif jixraq, twassal għall-fehma tajba dwar ir-rwol ċentrali ta’ Ġesù Kristu fil-pjan divin għall-ħolqien u l-fidwa provduta. 


2 Tim.3:16. Kull Skrittura hi ispirata minn Alla. Il-Bibbja kollha għandha lil Alla bħala s-sors finali tagħha (2 Pt.1:21). Hu l-awtur: għalkemm inqeda b’kittieba umani biex jiktbu kulma riedhom jiktbu skont l-istil u l-karattru tagħhom, xejn iżjed u xejn inqas, ir-rivelazzjoni hi tiegħu, bla żball, infallibbli u safja. Għandha l-awtorità divina u allura hi l-ogħla awtorità għall-knisja. Bit-tagħrif tagħha, kull Kristjan hu kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba.


2 Tim.4:6. qed nitferra’ bħala tiswiba. Din hi metafora għall-mewt (cf., Fil.2:17), meħuda mil-lingwaġġ tas-sistema ta’ sagrifiċċji fil-Patt il-Qadim. Offerta ta’ nbid kienet imsawba fis-santwarju bħala offerta lil Alla (Num.15:5,7,10; 28:7). Pawlu jara mewtu stess bħala offerta lil Kristu. 


2 Tim.4:11. Fil-passat kien inqala’ dissens bejn Pawlu u Barnaba minħabba Marku (At.15:39), iżda issa jidher illi seħħet rikonċiljazzjoni. 


2 Tim.4:14. is-Sid għad iroddlu. Kull vendetta jew tpattija għandha titħalla f’idejn Alla, l-Imħallef infallibbli u rett (Dt.32:35; Rum.12:19). 


2 Tim.4:17. ħalq l-iljun hi espressjoni li turina l-periklu estrem ta’ Pawlu fl-ewwel priġunerija tiegħu, meta, nassumu, kellu jiffaċċja l-Imperatur Neruni. 


2 Tim.4:20. ’l Trofimu ħallejtu warajja f’Miletu marid. Imqar Pawlu, bid-doni appostoliċi (cf., At.19:11-12; 2 Kor.12:12) ma kienx dejjem imqawwi biex ifejjaq. Bħal fil-każ ta’ Epafroditu (Fil.2:25), hawn għandna indikazzjoni illi d-doni temporanji fi żmien l-appostli (ilsna, interpretazzjoni tal-ilsna, fejqan, mirakli) kienu qed jiġu rtirati.

Il-Kristjani llum għandhom jitolbu bil-fidi u bil-ħeġġa għall-fejqan fiżiku, waqt li jżommu f’moħħhom illi Alla jibqa’ sovran jagħtix il-fejqan fil-każ speċifiku.