It-Tieni Epistola lit-Tessalonikin



2 Tes.1:3. Il-fidi, it-tama (murija fil-perseveranza) u l-imħabba huma tliet frottijiet primarji tal-Kristjaneżmu veru (Gal.5:5-6; Ef.1:15,18; 2 Tim.1:12-13). 


2 Tes.1:4. Pawlu joffri inkuraġġiment lill-fidili maħbuta u persegwitati (At.14:22); il-kondotta eżemplari tagħhom serviet bħala mudell għal knejjes oħra (1 Tes.1:6-7). 


2 Tes.1:5. ħalli tkunu magħdudin denji. Ħajja denja tas-saltna, bħal hawnhekk, kif ukoll denja t’Alla (1 Tes.2:12), tas-sejħa tiegħu (Ef.4:1; 2 Tes.1:11), tas-Sid (Kol.1:10), u tal-evanġelju (Fil.1:27-28), hi ħajja ta’ dixxiplar paċenżjuż u ferrieħi mqar f’wiċċ l-abbuż u theddid fuq il-ħajja minn dawk ostili għall-evanġelju. It-tali Kristjani jagħtu evidenza konkreta kemm il-ġudizzju t’Alla hu sewwa. 


2 Tes.1:6-7. Ir-rilif hu l-ħelsien mid-diqa u għawġ li Kristu jagħti lill-knisja kollha meta jirritorna (Isa.25:8). 


2 Tes.1:8. ma jobdux l-evanġelju. Normalment jingħad illi l-evanġelju għandu jkun emmnut u milqugħ, iżda daqshekk ieħor għandu jkun obdut (1 Pt.4:17), fis-sens li noqogħdu għall-istipulazzjonijiet tiegħu, ċoè illi nindmu u nemmnu. B’din il-konverżjoni mbagħad nipproduċu l-frott tagħha. Il-kmand divin hu għaċ-ċediment assolut lejn Alla permezz tas-sliem miksub minn Ibnu Ġesù. 


2 Tes.1:9. iħallsu l-penalità ta’ qirda eterna. Id-dottrina sobrija ta’ kastig etern (Isa.66:24; Mt.25:42; Mk.9:43,48) tista’ tregħidna u ma nilqgħuhiex faċilment, però aħna assigurati illi Alla jagħmel ġustizzja finali u perfetta billi jrodd lil kull bniedem skont għemilu. Għaldaqstant il-Kristjan qatt m’għandu għalfejn ipattiha jew jagħmel vendetta personali (1 Tes.5:15; cf., Rum.12:17-21), minħabba l-atroċitajiet li jsofri (2 Tes.1:4), billi jafda ruħu f’idejn Alla li jagħmel ħaqq ġustament (1 Pt.2:23; cf., Ġer.17:10; At.17:31; Rum.2:6,11,16; Riv.22:12). 

qirda ma tfissirx tmiem ta’ eżistenza. Karozza meqruda għadha karozza, iżda ma tiffunzjonax kif fassluha u mmanifatturawha oriġinarjament fil-fabbrika. Hekk ukoll il-mitlufa: jibqgħu bnedmin, iżda jonqsu gravament milli jwettqu l-għan li għalih inħalaq il-bniedem oriġinarjament, ċoè sabiex iħobb u jgawdi lil Alla. 


2 Tes.1:10. meta jiġi f’dak il-jum, ċoè jum is-Sid (1 Tes.5:2). Għalkemm ma nafux kemm se jdum dak il-jum, l-impressjoni mogħtija hawn hi illi l-ġudizzju finali tal-ħżiena jakkumpanja fil-qrib mal-avvent ta’ Kristu għall-qaddisin tiegħu, u mhux, kif jispekulaw xi wħud, xi elf sena aktar tard.


2 Tes.2:1-3. rigward il-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu, u l-ġmigħ tagħna flimkien miegħu. Din hi l-ħatfa tal-qaddisin (1 Tes.4:17). Iż-żmien tal-miġja ta’ Kristu u l-ħatfa huma abbinati flimkien (1 Tes.5:2; cf., 1 Kor.1:7-8; Fil.2:16). F’dan ix-xenarju l-fidili kollha huma miġbura quddiem is-Sid f’miġjietu (1 Tes.2:19) u fil-jum tiegħu (2 Kor.1:14). 

L-apostasija trid tiġi u il-bniedem tal-illegalità jeħtieġ ikunu żvelati qabel ma jasal jum is-Sid, u allura jeħtieġ iseħħu qabel il-ħatfa tal-knisja. Jekk l-għalliema foloz kienu qed jgħidu li jum is-Sid wasal (2 Tes.2:2) u allura kienu qed jantiċipaw il-ħatfa fi kwalunkwe mument, setgħu jkunu provati bħala żbaljati bl-assenza ta’ dawn iż-żewġ sinjali. 

L-apostasija tista’ tirreferi għal waqgħa ta’ ħafna fil-knisja billi jiċħdu l-fidi, avolja jafuha (1 Tim.4:1-2; 2 Tim.3:1-9; Ġuda 17-19), jew inkella għal ribelljoni dinjija kontra Alla, jew anke għal dak li naraw illum fil-Kristjaneżmu, kif parti kbira minnu ma jgħallimx l-evanġelju appostoliku (eż., fil-Knisja Kattolika Rumana u l-Knisja Ortodossa). 

il-bniedem tal-illegalità hu individwu mill-eħżen li għad jidher, bil-faħx u d-dagħa tiegħu (2 Tes.2:3-12). Jiġbed għad warajh bil-qerq lil dawk diġà inklinati kontra Alla l-veru (2 Tes.2:10), u finalment jikkommetti s-sagrileġġ li jimponi ruħu fuq l-umanità biex tqimu (2 Tes.2:4). 

Id-dominju tiegħu hu ispirat u mqawwi mix-xitan innifsu, bħalma Kristu ġie bis-setgħa t’Alla l-Missier, u jaħdem għeġubijiet foloz bħalma Kristu wettaq mirakli ġenwini (2 Tes.2:9; cf., At.2:22). Dan l-impostur hu kemm parodija kif ukoll antiteżi tal-Messija l-veru. Pawlu ma jittimbrahx bħala l-Antikrist speċifikament (1 Ġw.2:18,22; 4:3), iżda dan it-titlu jixraqlu. Id-destin tiegħu hu ssiġillat; għad ikun meqrud mal-miġja ta’ Kristu. 


2 Tes.2:4. jeżalta lilu nnifsu fuq kull ħaġa msejħa alla. Did-deskrizzjoni tidwi l-qarn ċkejken msemmi fil-profezija (Dan.7:8,20,25; 8:9-12; cf., 11:31,36), u jservi bħala dell minn qabel għad-dbib kif deskritt fir-Rivelazzjoni 13:1-8). 

jpoġġi fit-tempju t’Alla. Forsi tempju litteru f’Ġerusalemm li għad jerġa’ jinbena; wisq iżjed probabbli hu tempju fis-sens tal-knisja (1 Kor.3:16; Ef.2:19-22; 1 Pt.2:5). Jista’ jkun ukoll li dan hu mod intenzjonalment esaġerat biex ifisser l-aspirazzjonjiet ta’ dan l-impostur għal setgħa smewwitija (cf., Isa.14:13-14; Eż.28:2).


2 Tes.2:6-7. X’inhi l-ħaġa li trażżnu jew iżżommu lura milli jidher mhijiex evidenti għalina llum, għalkemm it-Tessalonkin infushom kienu jafu. Hi ħaġa impersonali, iżda hi wkoll personali – dak li bħalissa jrażżnu. Jista’ jkun l-istat Ruman bl-imperatur tiegħu; ma nafux fiċ-ċert. Wara l-qawwa li xxekklu hemm ir-rieda sovrana t’Alla. 


2 Tes.2:8. joqtol bin-nifs ta’ fommu. Probabbilment mod poetiku biex jingħad illi Kristu għad jiġġudika b’kelmtu stess (cf., Riv.1:16; 19:15; Ġw.12:47-50). 


2 Tes.2:9. Il-bniedem tad-dnub, l-Antikrist, ikun imqawwi minn Satana b’għeġubijiet giddieba, mirakli apparenti. 


2 Tes.2:10-12. Alla jibgħatilhom delużjoni qawwija ħalli jemmnu l-gidba. Kif jista’ Alla jiddeludi n-nies meta jiċħdilna kull tip ta’ ingann, qerq jew gideb? (Riv.21:8). Alla jikkonferma lill-midinbin fl-istat mitluf tagħhom għax diġà ma jkunux laqgħu l-imħabba tal-verità ħalli jsalvaw. It-tort hu kollu tagħhom; Alla mhuwiex responsabbli għan-nies li jispiċċaw l-infern. Għażlu r-rovina għalihom infushom għax ma ridux inkunu jafu bil-verità. Huma nies li ħadu pjaċir bil-ħażen. Ippreferew id-dnub mis-salvazzjoni provduta. 


2 Tes.2:14. għall-otteniment tal-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dan hu mod ieħor kif wieħed jista’ jitkellem dwar is-salvazzjoni li għaliha sejħilha Alla (Rum.8:30; 1 Tes.2:12; 1 Pt.5:10). 


2 Tes.2:15. aqbdu sod mat-tradizzjonijiet li kontu mgħallmin, sew jekk bid-diskors jew b’epistola tagħna. L-appostli għallmu l-verità t’Alla b’fommhom u b’kitbiethom (Rum.6:17; 1 Kor.11:2,23; 15:3; 2 Tim.1:13). Tagħlimhom issa hu inkorporat fid-dokumenti tal-Patt il-Ġdid. Din mhijiex allużżjoni li apparti l-Bibbja Alla tana sors ieħor ta’ rivelazzjoni, imsejjaħ “it-Tradizzjoni Mqaddsa,” kif tgħallem il-Knisja Kattolika Rumana. Il-knisja ta’ Kristu hi appostolika fis-sens li tħaddan u tipprattika t-tagħlim tal-appostli tiegħu; Ruma ma tagħmilx hekk, anzi żiedet matul is-sekli dommi u dottrini distintivament tagħha bla ma għandha ebda worant għalihom fl-Iskrittura. 


2 Tes.3:5. Alla hu s-sors ta’ kull ħaġa tajba fi qlub il-bnedmin (1 Kron.29:18-19). Pawlu talab biex Alla jiffokalhom imħuħhom fuq l-imħabba ħielsa u sovrana t’Alla lejhom (2 Tes.2:13,16) u l-kostanza, jew sabar, ta’ Kristu – il-mudell għad-dixxipli fl-umiltà u t-tbatijiet (Fil.2:5-8; Ebr.12:1-3; 1 Pt.2:21-24). 


2 Tes.3:15. widdbuh. Il-motiv ta’ kull pass dixxiplinarju fil-knisja hu l-imħabba, bil-għan illi min ikun żvija jiġi restawrat għall-mogħdija tas-Sid (Gal.6:1-20). 


2 Tes.3:17. sinjal distintiv f’kull epistola. Billi l-knisja f’Tessalonika kienet irċeviet xi ittra falza, taparsi mingħand Pawlu, l-appostlu beda jagħmel xi marka fuq l-ittra biex tiggarantixxi l-ġenwinità tagħha.