It-Tieni Episola ta' Pietru


2 Pt.1:1. rċevew fidi ugwalment prezzjuża daqs tagħna. Lil dawk li għad jgħixu wara mewtu (2 Pt.1:13-15), Pietru jassigurahom illi m’għandhomx fidi tat-tieni klassi, inferjuri għal tal-appostli li kienu xhud okulari ta’ Kristu (cf., Ġw.20:29). 

bil-ġustizzja t’Alla, ossija s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hawnhekk ġustizzja tirreferi għall-ġustizzja li biha Alla jsalvana, il-ġustizzja sostituzzjonarja ta’ Kristu li biha l-fidili huma ġustifikati (Rum.3:22; 4:6). Dan juri li l-fidi hi għotja mingħand Ġesù, hawnhekk deskritt b’mod l-aktar qawwi u espliċitu bħala kemm Alla kif ukoll Salvatur. 


2 Pt.1:3. s-setgħa divina tiegħu, ċoè ta’ Ġesù Kristu, is-sors ta’ kull suffiċjenza għall-fidili fil-perseveranza tagħhom (Lq.4:14; 5:17). 


2 Pt.1:4. partiċipanti fin-natura divina. Il-fidili mhumiex assorbiti fid-divinità, u lanqas ma jsiru divini. Aktarx, irċevew l-Ispirtu s-Santu u huma wlied Alla (Ġw.1:12; Rum.8:9-21). Hekk huma qed jiġu kkonformati max-xbieha ta’ Kristu (Rum.8:29) u l-immaġni ta’ Alla fihom qed tiġġedded f’ġustizzja vera. 


2 Pt.1:5-7. issupplixxu fil-fidi tagħhom il-virtù. L-ordni tal-virtujiet (fidi li twassal għall-imħabba) mhijiex sekwenza fiż-żmien, bħallikieku qed jiddeskrivi stadji separati fil-ħajja Kristjana (2 Pt.1:8-9). L-awtur qed isemmi sensiela ta’ elementi biex jilħaq klajmaks. Il-bidu u l-konklużjoni tas-sensiela, però, huma sinifikanti. Il-fidi Kristjana tibda bil-fidi (anzi, hi minn fidi għal fidi), frattant tilħaq il-milja tagħha fl-imħabba (Rum.5:1-5; 1 Kor.13), il-frott preminenti maħdum mill-Ispirtu s-Santu fina. 


2 Pt.1:9. Meta wieħed jonqos milli jistagħna fil-virtujiet spiritwali jkun qed juri li nesa min hu, ma jkunx kapaċi jagħraf il-qagħda spiritwali tiegħu, u ma jkollu ebda konfidenza dwar il-ġenwinità tal-fidi tiegħu. Jista’ jkun salvat, iżda mingħajr dawn l-eċċellenzi jgħix fid-dubju u biża’. 


2 Pt.1:10. tagħmlu żgura s-sejħa u l-għażla tagħkom. Alla għażel lil dawk li għandhom ikunu salvati, u dan mill-eternità passata; f’dan is-sens l-għażla hi ċerta, ferma, infallibbli u ma tinbidilx (2 Tim.2:19). Frattant din ir-realtà mhix dejjem ovvja għall-Kristjan individwali. L-assigurazzjoni dwar is-sejħa t’Alla tiġi mill-evidenza tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-fidil (1 Ġw.3:10,14) kif ukoll mit-testimonjanza interna tal-Ispirtu f’qalbu (Gal.4:6). 

kemm-il darba tipprattikaw dawn il-kwalitajiet. Il-wegħda t’Alla għas-salvazzjoni hi mogħtija lil dawk li jipperseveraw fil-fidi (Mt.10:22; 24:12-13; Ebr.3:6). Il-fidi ġenwina tkompli sat-tmiem u inevitabbilment tipproduċi l-frott (Gal.5:6,22-23). 


2 Pt.1:13. f’dit-tinda tenfasizza n-natura transitorja tal-ħajja umana fuq din-naħa tar-ritorn glorjuż ta’ Kristu (2 Kor.5:1,4). 


2 Pt.1:16-18. Glorja Manjifika hi mod indirett, tipiku fid-diskors Ebrajk, kif wieħed seta’ jirreferi għal Alla nnifsu; hawnhekk jenfasizza t-traxxendenza tal-preżenza glorjuża tiegħu (ara Es.33:12-23; 34:29-35; 2 Kor.3:12-18). Kienu jitkellmu hekk indirettament biex jevitaw kwalunkwe abbuż mill-isem sagru t’Alla. 

Pietru qed jirreferi għall-esperjenza tiegħu meta ra lil Ġesù trasfigurat fuq il-muntanja (Mt.17:1-9), probabbilment il-Muntanja Ħermon aktarx milli t-Tabor (is-sit tradizzjonali). 


2 Pt.1:19. għandna aktar ċerta l-kelma profetika. Il-kitbiet profetiċi tal-Patt il-Qadim huma aktar stabbli u żguri mill-esperjenza personali u spettakolari ta’ Pietru meta kien xhud tat-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu. Hekk qed jafferma l-affidabbiltà totali tal-Iskrittura. 

Il-frażi tista’ tiġi tradotta wkoll “għandna l-kelma profetika kkonfermata,” għax it-Trasfigurazzjoni tipprovdi konferma tal-profezija, u hekk xi ħaġa diġà ferma hi magħmula jerġa’ iżjed ferma, ikkonfermata mix-xhieda appostolika. Hu x’inhu, il-fidili huma ammoniti biex joqogħdu attenti għaliha, ċoè għall-Kelma skritturata. 

Il-matutina probabbilment talludi għan-Numri 24:17, pass interpretat messjanikament (Riv.2:28; 22:16). Allura s-simbolu jirreferi għat-tieni miġja ta’ Kristu meta d-dawl sħiħ tiegħu jittrasforma l-qlub ta’ niesu f’purità perfetta. 


2 Pt.1:20-21. ebda profezija tal-Iskrittura mhi ta’ interpretazzjoni privata. L-oriġni tal-profeziji fil-Patt il-Qadim mhijiex minn xi fehma individwali tal-avvenimenti, viżjonijiet jew ħwejjeġ oħra, iżda aktarx il-profezija kollha tal-Iskrittura ġiet mingħand l-Ispirtu s-Santu, bl-ispirazzjoni tiegħu (2 Pt.1:21). Pietru qed jassigura lill-qarrejja illi l-Iskritturi tal-Patt il-Qadim li ppontaw lejn Kristu kienu mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, u l-qarrejja tiegħu għandhom jagħtu kashom b’kull serjetà (2 Pt.1:19), abbli f’kuntrast mal-għalliema foloz li kienu qed iwaqqgħu u jiżvalutaw l-Iskrittura. 

Fehma oħra dwar dal-pass tgħid illi hawn Pietru qed jitkellem dwar kif il-profezija tal-Patt il-Qadim għandhom ikunu mfissra. F’dan il-każ l-awtur qed jgħid illi l-Iskritturi tal-Patt il-Qadim għandhom ikunu interpretati kif interpretawhom l-appostli, u allura l-interpretazzjonijiet tal-għalliema foloz għandhom ikunu mwarrba. Għalkemm dil-fehma hi possibbli, l-ewwel waħda tidher aktar probabbli, fid-dawl tal-kuntest immedjat u l-enfasi ta’ Pietru fuq l-awtorità tal-Iskrittura. 


2 Pt.2:1. se jintroduċu nkiss inkiss ereżiji qerrieda. L-għalliema foloz karatteristikament jippożaw bħala rgħajja, evanġelisti jew għalliema Kristjani, l-istess bħalma vaża Ġuda fl-epistola qasira tiegħu (cf., 2 Pt.2:4). L-ereżija, l-opra tal-moħħ imħassar tagħhom, tfisser gideb reliġjuż li jwassal għall-firda u diviżjonijiet (cf., 1 Kor.11:19; Gal.5:20). Hi ċaħda ta’ veritajiet fondamentali li twassal għat-telfien etern (2 Pt.1:1-3; 3:7,16). Mhuwiex virtù għal knisja illi tittollera tagħlim kontradittorju għall-Iskrittura jew tħalli ideat foloz għaddejjin f’isem l-imħabba. Ċertament aħna msejħin biex inħobbu, mhux billi nwarrbu l-verità, iżda billi nirrikkmandawha lill-kuxjenza ta’ bnedmin oħra (2 Tes.3:14; 1 Tim.4:1-5; Titu 3:9-11). 

Il-gravità u l-ħtija tal-għalliema foloz jidhru, aktar minn kull ħaġa oħra, filli jiċħdu l-Mulej li xtrahom, lil dak li għandu awtorità suprema. Fil-prattika ma jirrikonoxxux li Ġesù għandu jedd totali fuqhom, apparti l-fatt li jistgħu jinnegaw it-twelid verġni tiegħu, id-divinità sħiħa, il-qawmien fiżiku tiegħu jew it-tieni miġja. 

Kulti, setet u kwalunkwe għalliema foloz jingħarfu billi jħaddnu tagħlim serjament żbaljat dwar Kristu, li xtrahom. B’din il-frażi Pietru jippreżenta analoġija aktar milli fatt teoloġiku. Ixebbah lill-għalliema foloz ma’ lsiera li jiddaħħlu f’dar il-padrun, u allura suppost juru lealtà u ubbidjenza lejh, bħalma jingħad ukoll illi Alla xtara lil Iżrael, avolja huma rroftawh (Dt.32:5-6). Din l-analoġija nistgħu nħarsu lejha bħala responsabbiltà għas-sottomissjoni lejn Alla, xi ħaġa li l-għalliema foloz ma jurux f’ħajjithom. Jikklejmjaw li huma Kristjani daqslikieku Kristu tabilħaqq u attwalment akkwistahom għalih innifsu bil-fidwa tas-salib. 

B’element ta’ sarkażmu l-awtur jitmasħar b’dan il-klejm billi jenfasizza d-dannazzjoni futura tagħhom. Jiftaħru li huma salvati mentri għadhom fit-triq il-wiesa’ li twassal għat-telfien jew qirda. 


2 Pt.2:4. xeħithom fl-infern. Attwalment Pietru jissellef kelma mill-mitoloġija Griega għall-infern, tartarus. Il-Griegi kienu jaħsbu illi dan kien il-post aktar fond minn Ħades riservat għall-agħar bnedmin ħżiena, kif ukoll għal allat u demonji ħżiena. Il-Lhud eventwalment draw jużaw dan it-terminu biex jiddeskrivu l-post fejn l-anġli mwaqqa’ kienu mibgħuta, l-ifnad ħofra, il-post l-aktar terribbli għat-tortura u sofferenza eterna.

Id-demonji huma marbuta (Ġuda 6), jew inkella huma ħielsa biex iġarrrbu lill-bnedmin (Mt.12:22; 17:14-17; At.16:16-18; Rum.16:14). Jista’ jkun li Pietru qed jitkellem dwar id-destin uffiċjali u finali tal-anġli mwaqqa’, mhux l-istat attwali u immedjat tagħhom. Huma diġà ssentenzjati għad-dannazzjoni eterna, mentri għad mhumiex qed iservu l-penali tagħhom. Frattant, jafu illi ż-żmien tagħhom riesaq (Mt.8:29; Rum.12:12). Jista’ jkun ukoll illi xi demonji huma diġà marbuta, u oħrajn għadhom le. 


2 Pt.2:5. Filli jirreferi kif Alla ma ffrankahiex lid-dinja antika, Pietru juża d-dulluvju fi żmien Noè bħala fatt storiku. M’għandu ebda dubju illi r-rakkont fil-Ġenesi, kif Alla salva tmien bnedmin u qered il-bqija tad-dinja, hu veru. Iservi ta’ illustrazzjoni illi Alla tabilħaqq, wara li jkun wera s-sabar tiegħu, jasal biex jikkastiga ġustament. 


2 Pt.2:6. Sodoma u Gomorra (cf., Ġen.18:16-33;* 19:1-38; Dt.29:23) wkoll huma msemmija bħala preċedenti illi għad ċertament ikun hemm ħaqq futur divin. Pietru jalludi għal dawn il-ġrajjiet storiċi għax iservu bħala eżempju jew illustrazzjoni storika kif Alla, l-Imħallef ġust, irid jikkonvinċina illi l-ħażen inevitabbilment jirriżulta f’ġudizzju, avolja l-ġudizzju ġieli jdum ma jasal. 


2 Pt.2:9. Alla jikkastiga l-ħżiena u jeħles lill-ġusti mill-periklu: huma żewġ fatti ċerti. 


2 Pt.2:10. L-għalliema foloz huma regolarment indulġenti, ċoè jiffangaw f’xewqat korrotti ta’ immoralità u regħba (cf., Ġuda 6). 

jiddisprezzaw l-awtoritajiet, probabbilment l-anġli ħżiena. Qatt mhu għaqli illi nitmasħru bix-xitan u l-ispirti mniġġsa tiegħu. 


2 Pt.2:14. tfal issaħtjati hi Ebrajiżmu (lit., “tfal ta’ saħta”). Tirreferi għall-maledizzjoni tad-dnub bħala l-ħaġa dominanti f’ħajjet l-għalliema foloz. Minħabba l-ħażen lampanti tagħhom huma kkundannati għall-infern (cf., Gal.3:10,13; Ef.2:1-3; 1 Pt.1:14). 


2 Pt.2:15. Intellettwalment kienu jafu l-verità għal xi żmien, mingħajr ma ħaddnuha bl-imħabba biex isalvaw, u allura issa Abbandunaw it-triq id-dritta. Pietru qed jitkellem dwar nies reprobati u apostati; b’ebda mod mhu qed jixhet xi dubju illi l-maħturin t’Alla, mifdija bid-demm ta’ Kristu, imsejħa u mwielda mill-ġdid, jistgħu b’xi mod jitilqu mill-fidi hekk illi jerġgħu lura għat-telfien. Alla jaf lil dawk li huma tiegħu (2 Tim.1:12; 2:19). 

Balaam ħabb il-flus u ħajjar lil Iżrael biex jiżvijaw fl-idolatrija u l-immoralità (Num.22:5-25:9; 31:6; Riv.2:14). 


2 Pt.2:18. jitkellmu diskors bombastiku ta’ frugħa. L-għalliema foloz iqarrqu bid-dgħajfa u l-instabbli b’ħafna klejmijiet minfuħa (cf., Ġuda 16). Jippożaw bħala spiritwalment setgħana, forsi b’illuminazzjoni speċjali u b’edukazzjoni straordinarja, iżda regolarment jikkontradixxu r-rivelazzjoni biblika. Issibhom jeħduha kontra t-tagħlim tal-Iskrittura, li mhumiex kapaċi jifhmuh huma nfushom għax mhumiex mogħnija b’għerf divin (cf., 1 Kor.2:14). 


2 Pt.2:20. ħarbu ’l hinn mit-tkasbiriet tad-dinja bit-tagħrif tas-Sid, ossija s-Salvatur Ġesù Kristu. F’xi żmien, l-għalliema foloz u s-segwaċi tagħhom xtaqu jevitaw il-kontaminazzjoni morali tas-sistema mondana u fettxew ir-reliġjon, saħansitra lil Ġesù Kristu. Iżda l-konverżjoni tagħhom kienet skont kif dehrilhom huma, mhux skont kif jirrekjiedi l-evanġelju. Allura dawn qatt ma kienu konvertiti ġenwinament lejn Kristu. Tabilħaqq, semgħu l-evanġelju appostoliku, iżda mbagħad warrbu lil Kristu mniedi f’dak l-istess evanġelju. L-apostati qatt ma kienu nies salvati, u t-tmiem tagħhom hu wisq agħar milli kieku qatt ma pprofessaw xejn (Lq.11:24-26; 12:47-48; Ebr.3:12-18; 6:6; 1 Ġw.2:19; Ġuda 4-6).


2 Pt.2:21. iduru mill-kmandament qaddis mgħoddi lilhom. Pietru jkompli jiddeskrivi dawn l-għedewwa t’Alla u tal-knisja tiegħu. Huma perikolużi għax huma mrawma fi ħdan il-knisja nfisha u jindiehsu ma’ fidili ġenwini. Darba pprofessaw l-esperjenza Kristjana, il-mogħdija ta’ għejxien ġust (cf., Mt.21:32), u saħansitra saru familjari mal-kontenut tal-Iskrittura. 

Frattant imġibithom fl-aħħar mill-aħħar tikxifhom bħala foloz, għax mhumiex ubbidjenti għas-Sid Ġesù (cf., Ebr.10:26-31). Fiżikament huma fil-knisja iżda spiritwalment qatt ma kienu parti minnha. Eventwalment jirroftaw il-madmad ta’ Kristu, u jipprovaw jisseduċu lill-erwieħ debboli fit-tentattiv tagħhom biex jiggratifikaw il-passjonijiet karnali tagħhom. 


2 Pt.3:3. l-aħħar jiem ikopru l-perjodu kollu bejn l-ewwel miġja ta’ Kristu fl-umiljazzjoni sat-tieni miġja tiegħu fil-glorja (cf., At.2:17; Gal.4:4; 2 Tim.3:1; Ebr.1:2; Ġak.5:3; 1 Pt.1:20; 1 Ġw.2:18-19; Ġuda 18). Hu ż-żmien li fih hu amministrat il-Patt il-Ġdid, fil-milja tar-rivelazzjoni divina. 

Matulu l-knisja jkollha tissielet u tiddefendi lilha nfisha kontra s-sabotaġġ u l-qerq tal-ereżija u dottrina falza. Minħabba f’hekk irridu dejjem naċċertaw ruħna li t-twemmin tagħna hu msejjes dejjjem u f’kull każ fuq l-Iskritturi Mqaddsa. 


2 Pt.3:4. Il-miġja hi l-avvent glorjuż ta’ Kristu fl-aħħar jum (Mt.24:3,27-31). Il-missirijiet huma l-ġenerazzjoni ta’ Iżraeliti ta’ qabel (At.3:13,22,25; Rum.9:5; 1 Kor.10:1). 


2 Pt.3:5-7. B’injoranza jew apposta, iż-żeblieħa jew kritiċi arroganti tal-Iskrittura jinsew illi d-dinja hi maħluqa b’kelmet Alla (Sal.33:6) u nqerdet b’dulluvju mondjali. Dan juri li Alla hu Sid l-istorja umana u kapaċi jinterrompi l-korsa ordinarja kif u meta jogħġbu, bħalma se jagħmel meta jirritorna Kristu. 


2 Pt.3:8. jum wieħed għas-Sid hu bħal elf sena. Alla ħalaq iż-żmien, u jaf eżattament x’inhu u kif jopera, iżda hu nnifsu hu lil hinn miż-żmien u barra minnu, għalkemm jaf perfettament x’inhi l-esperjenza taż-żmien. Jifhmu totalment differenti milli kif ngħaddu minnu aħna. Mill-perspettiva tagħna l-bnedmin, l-avvent ta’ Kristu fl-aħħar jum jidher ’il bogħod wisq (cf., Sal.90:4); mill-punto di vista divina mhux se jieħu fit-tul.


2 Pt.3:9. Alla hu paċenzjuż magħkom, ċoè mal-mifdija, in-nies mirbuħa bl-evanġelju. Skont is-sabar tiegħu jistenna biex ikunu salvati qabel ma jseħħ il-ġudizzju universali (2 Pt.3:15; cf., Ġoel 2:13; Lq.15:20; Rum.9:22; 1 Pt.3:15). Alla jissaporti l-ħażen estrem, bil-ksur kollu tal-liġi tiegħu, u fil-frattemp qed isejjaħ lill-maħturin tiegħu, u jressaqhom lejn Kristu s-Salvatur tagħhom. Jidher li mhux jindaħal fil-korsa tal-umanità; xejn mhu aktar imbiegħed mill-verità, għax attwalment qed jesegwixxi l-pjan tal-grazzja tiegħu, biex finalment ikollu poplu partikolari tiegħu, għax ma jridx li xi wħud jintilfu. Dawk li jafhom minn qabel ċertament isejħilhom bl-evanġelju tiegħu biex hekk ebda persuna ma tintilef minnhom. 

Ladarba Pietru fil-pass kollu qed jitkellem dwar il-qirda tal-ħżiena, is-sabar divin mhuwiex eżerċitat sabiex kull bniedem ikun salvat, iżda sabiex isalva kull wieħed li ismu hu fi ktieb il-ħajja. Mhux qed jistenna biex kulħadd idur lejh, għax Pietru qed jaċċertana illi l-ħżiena impenitenti se jkunu meqruda, ikkastigati għall-eternità għax warrbu l-uniku rimedju għal dnubhom, Kristu Ġesù, jew inkella għax għexu fid-diżubbidjenza mqar għall-kuxjenza tagħhom. Il-mogħdija li twassal għad-dannazzjoni eterna hi l-mogħdija tal-qalb bla ndiema, ta’ nies illi jgħożżu d-dnub u jippreferuh minn Alla (cf., Isa.55:1; Ġer.13:17; Eż.18:32; Mt.11:28; 23:37; Lq.13:3; Ġw.3:16; 8:21; Riv.22:17). 

Il-pjan infallibbli t’Alla hu illi kulħadd jasal għall-indiema, voldiri dawk in-nies kollha li Alla jridhom ikunu salvati, u allura f’xi ħin jew ieħor jingħataw il-grazzja sabiex iduru lejn Kristu bil-fidi. Ilkoll flimkien jifformaw il-kulħadd tal-poplu t’Alla. Mela r-raġuni għala Alla qed idum milli jerġa’ jibgħat lil Ibnu f’did-dinja hi din: sabiex fil-frattemp il-maħturin tiegħu fil-preżent u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu jiksbu s-salvazzjoni permezz tal-fidi fih. Bilfors hekk hu, għax Alla ma jistax imur lura mill-wegħda tiegħu.


2 Pt.3:10. F’dan il-kuntest, jum is-Sid hu l-intervent speċjali u finali t’Alla fl-istorja umana għall-ġudizzju. Hekk is-sistema mondana, karatterizzata bil-ħażen u l-inġustizzja, tiġi fi tmiemha. Dakinhar, isem il-Mulej ikun vindikat, l-għedewwa tiegħu jkunu miknusa ’l hemm, il-glorja tiegħu tkun żvelata, u saltnatu tassumi l-aspett etern tagħha. Id-dinja preżenti kif nafuha llum tkun spiċċat (cf., Isa.2:10-21; 13:6-22; Ġoel 1-2; Am.5; Għab.15; Żak.14; Mal.4; 2 Tes.1:7; 2:2). 

għad jiġi bħal ħalliel. Dak il-jum ikun sorpriża għall-impenitenti. Billi taqbadhom għall-għarrieda, il-miġja ta’ jum is-Sid tkun diżastruża eternament għalihom, għax jinqabdu taħt kundanna, mentri għall-fidili tkun it-twettiq ta’ tamithom. 

Fil-bqija tal-vers Pietru jiddeskrivi kif l-univers fiżiku ta’ bħalissa għad jinqered (cf., Isa.24:19-20; 34:4) biex minnu Alla joħloq ordni ieħor, fejn id-dnub m’hemmx postu, u ma jkun fadal ebda traċċa tiegħu.


2 Pt.3:12. tistennew bil-ħerqa u tgħaġlu l-miġja ta’ jum Alla. Kull Kristjan galbat jantiċipa l-intervent finali t’Alla bil-ferħ; għandu seba’ mitt sena biex jasal. Did-dinja midinba ddejqu, u minn issa qed ifittex saltnet is-smewwiet. Ma jibżax mill-avvent ta’ Kristu, anzi jittama u jitlob għalih (1 Kor.1:7; 16:22; 1 Ġw.2:28; 3:3). 

jum Alla hawnhekk jirreferi għall-introduzzjoni tal-istat etern għall-mifdija. Biex jiġi inawgurat, dan l-ordni ta’ ħolqien preżenti jeħtieġ ikun irrimpjazzat b’wieħed perfett, fejn id-dnub ma jikkorrompix, bħalma jagħmel preżentement (cf., Rum.8:19-22). Fih Alla jkun kollox f’kollox, u kull insubordinazzjoni lejh tkun imxejna (1 Kor.15:28). Imbagħad jum il-bniedem, bit-taħsir tiegħu, ikun għadda darba għal dejjem. 


2 Pt.3:13. smewwiet ġodda u art ġdida. Hawn hi l-wegħda mwettqa t’Alla, li ssib għeruqha fi tħabbiriet diversi fil-Patt il-Qadim (eż., Sal.102:25; Isa.65:17; 66:22). L-univers għad ikun ġdid fil-kwalità, differenti minn dan ta’ bħalissa, għax il-ġustizzja u s-sewwa jkunu residenti b’mod permanenti u esklussiv (cf., Isa.60:19-22; Riv.21:1-7). 


2 Pt.3:15. qisu l-paċenzja ta’ Sidna bħala salvazzjoni. Il-mifdija jobdu dan meta, matul iż-żmien kollu waqt li Alla qed jestendi s-sabar tiegħu, jagħrfu kemm huma obbligati jingaġġaw irwieħhom filli jfittxu s-salvazzjoni ta’ nies oħra. 


2 Pt.3:17. L-eżortazzjoni hi dejjem pertinenti: għassu sabiex ma tinġarrux mill-errur tan-nies bla prinċipju. Minn ġenerazzjoni għall-oħra l-aħwa huma avżati minn qabel illi se jkun hemm min jipprova jiżvijahom. Faċli nagħrfu illi l-promoturi ta’ reliġjonijiet oħra huma foloz; id-dixxerniment neħtiġuh biex niddistingwu għalliema bibliċi minn għalliema li, filwaqt li jinqdew u jabbużaw mill-Bibbja, ifittxu biex jingannaw bil-fidili. M’għandniex nisimgħu minnhom, anzi nesponuhom u nuru l-karattru veru tagħhom; il-presbiteri għandhom ikunu minn ta’ quddiem biex iwettqu dan il-ministeru importanti ħalli l-kongregazzjoni ma titwarrabx mill-pedament solidu tagħhha, li hu t-tagħlim safi tal-Iskrittura, l-Iskrittura kollha u xejn ħlief l-Iskrittura (cf., 2 Tim.2:14-18; Titu 1:10-16).