It-Tieni Epistola lill-Korintin


2 Kor.1:1. Xi opponenti fil-knisja ddubitaw il-kredibbiltà ta’ Pawlu, kif ukoll l-awtorità u l-ministeru tiegħu. Allura jfakkarhom mill-bidu illi hu Alla li sejjaħlu bħala appostlu. 


2 Kor.1:3-4. Alla jfarraġ u jinkuraġġixxi lil niesu f’nofs l-afflizzjoni biex isibu fih il-qawwa ħalli jissaportu. F’kollox u dejjem għandu jkun Imbierek u mfaħħar. 


2 Kor.1:5. joktru s-sofferenzi tal-Kristu f’ħajjitna. Mhux bħallikieku nistgħu inżidu xi ħaġa mat-tbatija tal-Feddej għalina (Isa.53:11; Ġw.19:30; Ebr.9:25-28). Aktarx, Alla sejħilna biex insofru għal Kristu u hekk insegwu fil-passi tiegħu (Rum.8:17; Kol.1:24; Ebr.12:2-3; 1 Pt.2:21). Peress li l-fidili huma uniti ma’ Sidhom u huma spiritwalment parti minn ġismu, kemm is-sofferenzi tagħna għall-evanġelju kif ukoll il-konfort li Alla jipprovdi fi Kristu huma riżultat tal-parteċipazzjoni tagħna fih (Fil.3:10-11). L-esperjenzi ewlenin ta’ Kristu, speċjalment it-tbatijiet, il-mewt u l-qawmien, huma l-mostra; bihom l-Insara jistgħu jifhmu s-sofferenzi tagħhom infushom u t-trijonf finali tagħhom. 


2 Kor.1:7. parteċipanti fis-sofferenzi. Il-fidili kollha, bħala membri fil-ġisem wieħed ta’ Kristu, huma magħquda flimkien biex hekk kull dimensjoni tal-ħajja fi Kristu hi xxerjata fosthom (1 Kor.12:26). Aktar ma dir-realtà tinfluwenza fis-sħiħ l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tal-fidili lejn xulxin, aktar fis-sħiħ jesperjenzaw xirka sodisfaċenti permezz ta’ Kristu ma’ xulxin. 


2 Kor.1:9. Pawlu sikwit sab ruħu f’sitwazzjonijiet tant estremi illi deherlu li l-uniku riżultat kellu jkun il-mewt. F’dawn il-kriżijiet il-fiduċja tiegħu baqgħet f’Alla. 


2 Kor.1:10. It-tama Kristjana dejjem għandha tkun f’Alla l-ħellies. Pawlu ġarrab il-ħelsien tiegħu fil-passat, baqa’ jġarrabha fil-preżent, u stennieha fil-futur. Ulied Alla ma jistgħux imutu sekonda qabel ma jkun ddigrieta l-Missier għalihom (Lq.12:4-7). 


2 Kor.1:12. il-ftaħir tagħna. Pawlu jiftaħar mhux fl-abbiltà u s-suċċessi tiegħu nnifsu, iżda filli jmantni kuxjenza safja u kondotta moralment retta. Is-sempliċità u s-sinċerità devota tiegħu mhumiex ir-riżultat talli segwa xi għerf konvenzjonali tad-dinja, iżda jiddependu fuq il-grazzja t’Alla. Meta l-appostlu jiftaħar ma jieħu ebda krettu għalih innifsu; hu t-trijonf tal-grazzja divina fih. 


2 Kor.1:13. ma niktbulkomx ħwejjeġ oħra barra minn dak li taqraw u wkoll tifhmu. Bħall-ministeru tiegħu, il-kitbiet ta’ Pawlu mhumiex diżonesti jew kollha trikkjar, mimlija tifsiriet mistura u skopijiet moħbija. Huma luċidi u ċari biżżejjed, bħalma hi l-bqija tal-Iskrittura, miktuba mhux prinċipalment għall-iskulari iżda għall-fidili kollha. Kull Kristjan li kapaċi jaqra kapaċi jifhimha meta jfittex ġenwinament l-għajnuna t’Alla bl-umiltà u l-fidi, juża l-mezzi ta’ studju, meditazzjoni u talb, u jkun dejjem lest jobdiha (Dt.6:6-7; Sal.19:7; 119:130; Mt.12:3-5; 19:14; 21:42; Kol.4:16). 


2 Kor.1:14. Il-jum tas-Sid tagħna Ġesù hu meta jirritorna fil-glorja fil-konsumazzjoni taż-żminijiet (Fil.3:20-21; 1 Tes.2:19-20). 


2 Kor.1:18. “Iva” u “Le.” Ma kienx qed jgħid ħaġa u jfisser oħra. Pawlu u sħabu kienu nies ta’ integrità, u l-bidliet fil-pjanijiet tagħhom saru biss meta kien hemm raġunijiet sodi.


2 Kor.1:20. fih hemm l-“Iva” tagħhom. Alla ta lil uliedu bosta wegħdi tajba ta’ sliem, imħabba, ferħ, maħfra, taqdis, xirka u tama. Wegħidhom is-salvazzjoni u l-glorifikazzjoni finali tagħhom, ċoè jwassalhom sabiex igawdu l-wirt sħiħ tagħhom. Dan kollu hu possibbli u jsir attwali bil-mertu ta’ Kristu Ibnu (cf., Lq.24:44). 


2 Kor.1:21. unzjonana litteralment tfisser tferra’ ż-żejt fuq ir-ras, sikwit bħala sinjal ta’ sejħa u tqawwija divina (1 Sam.2:10; 16:13). Bħalma Alla dilek jew unzjona lil Ġesù għal servizz u ministeru partikolari, hekk junzjona lis-servi tiegħu, mhux biż-żejt, iżda bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu (1 Ġw.2:20,27). 


2 Kor.1:22. issiġillana. Siġill iservi bħala marka uffiċjali u jindika awtorità ta’ pussess. Jiggarantixxi wkoll protezzjoni (Est.8:8; Dan.6:17; Mt.27:66; Riv.7:3). Il-Missier issiġillana, mhux b’siġill fiżiku tax-xamgħa jew inċira, iżda bl-Ispirtu qaddis tiegħu fi qlubna (Ef.1:13; 4:30). Din il-ħidma ġewwiena sseħħ darba waħda f’persuna, appena jemmen fi Kristu għas-salvazzjoni tiegħu. 

Il-kelma Griega għal kapparra hi depożitu jew ħlas bil-quddiem bħala parti mit-total, u allura jiggarantixxi li l-ħlas totali għad isir. L-Ispirtu s-Santu hu l-garanzija tas-salvazzjoni kompluta li għad tkun realizzata (1 Kor.5:5; Rum.8:23; Ef.1:14). Diġà għandna ħajja smewwitija fina, qabel ma naslu l-ġenna (1 Kor.3:16; Kol.1:27). 


 2 Kor.1:24. niddominaw fuq il-fidi tagħkom. Bħala serv t’Alla Pawlu qagħad attent li ma jikkontrollax lin-nies għall-vantaġġ tiegħu hu u jaqdihom u jaħdem fosthom (cf., 1 Pt.5:2-3). 


2 Kor.2:1. Pawlu ħass illi kien aktar importanti mhux jmurx għandhom biex iweġġagħhom. Kien jimportah minnhom aktar minn itinerarju pjanat. 


2 Kor.2:2. Ħafna mill-Korintin kellhom bżonn dixxiplina, u dawn il-miżuri ma ġabu ebda ferħ f’qalb Pawlu. 


2 Kor.2:3. ktibtilkom. Kien diġà tahom struzzjonijiet biex jittrattaw ma’ aħwa fid-dnub (1 Kor.5). Kienet it-tama tiegħu illi jaġixxu minnufih, sabiex meta jasal għandhom jifraħ magħhom bl-indiema u r-restawazzjoni tal-individwu. 


2 Kor.2:4. Pawlu jiżvela l-emozzjonijiet tiegħu. Ma kinitx xewqtu illi jnikkithom iżda aktarx li jindmu; il-motiv tiegħu għal kulma għamel kien l-imħabba lejhom. 


2 Kor.2:6-7. punizzjoni li kienet mogħtija mill-maġġoranza. Apparentement wara li Pawlu telaq minn Korintu, jew almenu wara li Titu wasal għandhom bl-ittra qalila, il-Korintin kienu eżerċitaw dixxiplina kontra l-individwu li offenda lil Alla u l-knisja bi dnubu (cf., Mt.18:15-20). L-għan tad-dixxiplina hu dejjem biex il-Kristjan, imwaqqa’ fi dnub, ikun restawrat, mhux biex jinqered jew ipattuhielu (2 Kor.10:8). 


 2 Kor.2:10. fil-preżenza ta’ Kristu. Pawlu kien konxju illi ħajtu kollha kienet magħrufa għal Alla omnixjenti. Kulma ħaseb, għamel u qal ma kienx sigriet minnu (cf., 2 Tim.4:1). 


2 Kor.2:12. nfetaħli bieb. Alla provda opportunitajiet biex jiġi pritkat l-evanġelju. 


2 Kor.2:14-15. dejjem imexxina trijonfanti. Pawlu jxebbah l-avvanz trijonfanti tal-vanġelu fuq l-għedewwa ma’ ġeneral Ruman f’parata mas-suldati tiegħu f’purċissjoni f’Ruma, meta jmexxi lill-maqbudin tiegħu fost l-għajjat u ċ-ċelebrazzjoni tal-folol, bi ħwawar fewwieħa jinħarqu fit-toroq. Għaldaqshekk jgħid ukoll li aħna fwieħa ta’ Kristu għal Alla.


2 Kor.2:16-17. min hu suffiċjenti għal dawn il-ħwejjeġ? Li twassal messaġġ ta’ ħajja jew mewt eterna hi responsabbiltà sobrija. Ħadd mhu denju għal biċċa xogħol solenni bħal din, iżda Alla jikkwalifika lil niesu sabiex iwettquha bla kompromessi, bla tbagħbis bil-Kelma, u bis-sinċerità (2 Kor.3:6). 


2 Kor.3:1-6. Ċerti għalliema foloz f’Korintu xeħtu dubju fuq il-kompetenza ta’ Pawlu bħala appostlu u ministru tal-vanġelu, u allura hawn jiddefendi lilu nnifsu. Intimaw illi ma kellux dokumenti xierqa li jagħtu prova illi hu għalliem leġittmu, iżda jwieġeb illi kien hu nnifsu li beda l-knisja f’Korintu: Intom infuskom l-epistola tagħna. 


2 Kor.3:4-6:13. għamilna kompetenti bħala ministri ta’ patt ġdid. Pawlu jiddeskrivi x’inhu ministeru ġenwin. Ifisser illi tkun qaddej ta’ patt ġdid u glorjuż (2 Kor.3:4-4:6), tafda f’Alla f’nofs il-gwaj u l-provi (2 Kor.4:7-5:10), u twassal il-messaġġ tar-rikonċiljazzjoni (2 Kor.5:11-6:13). L-insistenza hi dejjem fuq il-fedeltà għal dawn il-kompiti bħala l-bażi għal ministeru validu – mhux elokwenza, jew ħsieb filosofiku profond, jew standand mondan ta’ eċċellenza personali.


2 Kor.3:6-7. Il-patt ġdid hu r-rabta solenni, jew ir-relazzjoni legali ġdida illi Alla stabbilixxa ma’ niesu permezz ta’ Ġesù Kristu, b’ħajtu, mewtu, il-qawmien u l-axxensjoni tiegħu. Bih iwiegħed li l-fidili jsiru wlied Alla, u Alla nnifsu jkun Alla tagħhom.

l-Ispirtu jagħti l-ħajja. Din hi ħajja ġdida fi Kristu. Biha l-Ispirtu jikteb il-liġi t’Alla fi qlub il-fidili (Ġer.31:31-34; Ebr.8:8-12; 9:13-14), kif ukoll inissel u jkabbar imħabba fina għall-istandard morali t’Alla, u jagħtina l-qawwa nobduh mill-qalb u bi gratitudni (Rum.8:4; 1 Kor.7:19). 

Meta Pawlu jgħid mhux tal-ittra ma jridx jimplika li ma kien hemm ebda ħajja spiritwali tul il-patt l-antik. Ifisser biss illi l-liġi miktuba, karatteristika tal-Patt il-Qadim, waħidha ma tipproduċix ħajja fil-komunità fidila. L-Ispirtu s-Santu, li l-ministeru setgħan tiegħu illi jagħti l-ħajja hu karatteristiku tal-Patt il-Ġdid, iġib din il-ħajja ġdida f’miżura wisq ikbar milli qatt kien tul il-patt l-antik.

il-ministeru li ġab il-mewt. Il-kliem miktub tal-liġi tal-Patt il-Qadim, waħdu, ikkundanna lin-nies għax ma obdewx, bla ma tahom ħajja u relazzjoni valida m’Alla. 


2 Kor.3:9. il-ministeru tal-ġustizzja. Insiru sewwa m’Alla billi jiġġustifikana permezz tal-fidi fi Kristu Ibnu. Il-ġustifikazzjoni hi d-dikjarazzjoni legali, frott il-grazzja divina, li biha l-fidili huma lliberati mill-kundanna u jingħataw il-maħfra. Hekk tibda l-ħajja Kristjana. Tkompli fit-taqdis, il-kobor progressiv tal-fidil fi ħsibijiet ġusti, diskors qaddis, u għemejjel tajba. It-tali santifikazzjoni sseħħ bil-grazzja permezz tal-fidi; tirrekjiedi studju, talb u sforz konxju (eż., 2 Kor.7:1; Fil.2:12-13).


2 Kor.3:11. qed tkun innullifikata. Il-liġi kellha glorja li tgħaddi (2 Kor.3:7). Qatt ma kienet maħsuba bħala s-soluzzjoni finali għall-miżerja tal-midinbin. Il-patt ġdid biss hu permanenti. Jibqa’ għax hu l-konsumazzjoni tal-pjan tas-salvazzjoni. Għandu glorja dejjiema. 


2 Kor.3:12. t-tali tama hi l-fiduċja illi l-wegħdi tal-Patt il-Ġdid jitwettqu. Hi speranza fil-maħfra totali u kompluta tad-dnubiet għall-fidili (Gal.5:5; Ef.1:18). 

Minħabba l-konfidenza tiegħu Pawlu prietka l-patt ġdid bil-kuraġġ, bla timidezza jew eżitazzjoni. 


2 Kor.3:13. Mosè poġġa velu fuq wiċċu, stampa illi ma kellux il-konfidenza ta’ Pawlu, għax il-patt introdott minnu kien mdellel, magħmul minn tipi, illustrazzjonijiet, simboli u misterju. Il-glorja tal-patt Mosajku kienet komunikata b’ċerta oskurità (cf., 1 Pt.1:10-11), u eventwalment għamlet il-wisa’ għal patt superjuri u dejjiemi. 


2 Kor.3:14-15. l-istess velu jibqa’ mhux mikxuf. Il-Lhud għamew għall-fatt illi l-patt magħmul magħhom minn Alla fi żmien Mosè kien biss temporanju, jipponta lejn Kristu u dak il-patt ġdid li inawgura, patt permanenti, li fih il-fidili jgawdu l-maħfra bil-mewt u l-qawmien tiegħu (Isa.6:9-10; Ġer.31:31-34; Rum.4:25). 

Mosè hu moqri fis-sinagogi meta jinqara porzjon minn xi wieħed mill-ħames kotba tiegħu, magħrufa bħala t-Tora, jew il-Pentatewku. 


2 Kor.3:17. s-Sid hu l-Ispirtu: affermazzjoni qawwija tad-divinità sħiħa tal-Ispirtu s-Santu. Jaħwè tal-Patt il-Qadim hu l-istess Sid li qed isalva n-nies fil-Patt il-Ġdid bl-aġenzija tal-Ispirtu tiegħu. 

Illum il-fidili jgawdu l-libertà mid-dnub u t-tentattiv futili illi jipprova jżommu d-domandi tal-liġi bħala mezz biex isiru ġusti quddiem Alla, xi ħaġa li provaw jagħmlu l-Lhud fl-għama tagħhom (cf., Ġw.8:32-36; Rum.3:19-20). In-nies ta’ Kristu la għadhom taħt il-kundanna tal-liġi miksura u lanqas taħt it-tirannija tax-xitan. 


2 Kor.3:18. Qabel il-passjoni tiegħu, Ġesù wiegħed li hu u l-Missier kellhom jibagħtu paraklitu, jew avukat, ieħor lid-dixxipli (Ġw.14:16,26; 15:26). Avukat hu persuna li jgħinek fi kwistjoni legali. F’kuntest usa’ tfisser persuna li jipprovdi inkuraġġiment, parir u qawwa. Ġesù kellu jibgħat avukat ieħor, wieħed bħalu (ċoè, divin bħalu), biex jissokta fit-tagħlim u xhieda li kien beda hu (Ġw.16:7-15).

Il-Patt il-Qadim jurina ħafna dwar l-attività tal-Ispirtu fil-ħolqien (Ġen.1:2; Sal.33:6), fir-rivelazzjoni (Isa.61:1-3; Mik.3:8), fl-għoti tas-setgħa (Es.31:2-6; Imħ.15:14,15; Isa.11:2), u tiġdid ġewwieni (Sal.51:10-12; Eż.36:25-27). 

L-Ispirtu ntwera ċar bħala persuna divina fil-Patt il-Ġdid, ugwali mal-Missier u l-Iben. L-Ispirtu jingħad li jitkellem (At.1:16; 8:29; 10:19; 13:2), ifittex (1 Kor.2:10), għandu rieda (1 Kor.12:11), u jinterċiedi (Rum.8:26-27). L-Ispirtu jdawwal (Ef.1:17,18), iwelled mill-ġdid (Ġw.3:5-8), iqaddes (Gal.5:16-18), u jittrasforma (2 Kor.3:18; Gal.5:22,23). Jagħti lin-nies t’Alla l-bżonnijiet tagħhom biex jaqduh (1 Kor.12:4-11). Dawn l-atti huma kollha atti ta’ persuna individwali. 

Id-divinità tal-Ispirtu tidher mill-mod kif jissemma mal-Missier u l-Iben f’benedizzjonijiet (2 Kor.13:14; Riv.1:4-6) u ħafna partijiet oħra tal-Patt il-Ġdid, bħal hawnhekk: bħalma mingħand is-Sid, l-Ispirtu. Frattant ix-xogħol tal-Ispirtu hu li jigglorifika lil Ġesù Kristu billi juri lid-dixxipli min hu (Ġw.16:7-15), u xi jfisser għalihom (Rum.8:15-17; Gal.4:6). 

Il-ministeru sħiħ tal-Ispirtu beda f’Pentekoste, wara li Ġesù tela’ fis-smewwiet (At.2:1-4). Ġwanni l-Battista kien ħabbar li Ġesù kellu jgħammed bl-Ispirtu (Mk.1:8; Ġw.1:33) bħala t-twettiq ta’ wegħda magħmula fil-Patt il-Qadim u mtennija minn Ġesù (Ġer.31:31-34; Ġoel 2:28-32; At.1:4-5). Għid il-Ħamsin jimmarka l-inawgurazzjoni tal-aħħar era fl-istorja tad-dinja, li għad tintemm meta jirritorna Ġesù Kristu.

Malli jitwieldu mill-ġdid, il-fidili f’Ġesù jirċievu l-Ispirtu skont il-milja tal-Patt il-Ġdid (At.2:38; Rum.8:9; 1 Kor.12:13). Id-doni kollha għal ħajja ta’ qadi jnixxu minn din il-magħmudija inizjali tal-Ispirtu, għaliex f’din il-magħmudija l-midneb kredenti hu magħqud ma’ Kristu rxoxt.


2 Kor.4:1. Minħabba f’hekk. Is-superjorità u l-eċċellenza tal-ministeru tal-patt il-ġdid (kap.3) hi r-raġuni għala ma jaqtax qalbu jew jiskuraġġixxi ruħi. 


2 Kor.4:2. B’kuntrast għall-avversarji tiegħu Pawlu ma jbagħbasx mal-Bibbja bi brikkunaġni. Jirrikkmanda lilu nnifsu bħala serv fidil u veru t’Alla. 


2 Kor.4:4. Ix-xitan hu l-alla ta’ daż-żmien (1 Ġw.5:19). Jissejjaħ hekk għax jinfluwenza tremendement did-dinja mwaqqa’ u ħażina; il-kontroll tiegħu fuq ir-reprobati jkompli sa żmien ir-ritorn ta’ Kristu li jinawgura ż-żmien li ġej (cf., Gal.1:4). 


2 Kor.4:6. Ħa jiddi d-dawl mid-dlam hi allużżjoni għall-ħolqien oriġinali t’Alla; hekk fir-riġenerazzjoni (twelid mill-ġdid) jiddi fi qlubna, u jagħmilna ħolqien ġdid għalih. 


2 Kor.4:7. dat-teżor hu l-ministeru tal-vanġelu u l-qawwa tal-Patt il-Ġdid li takkumpanjah, ġejja mingħand l-Ispirtu s-Santu. 

Ir-reċipjenti xaqqufin huma n-naturi umani u dgħajfin tagħna, imma mhux limitati għall-iġsma fiżiċi tagħna. Jifformaw kuntrast qawwi mal-glorja tal-vanġelu. Il-metodu t’Alla hu sikwit u regolarment illi jopera permezz ta’ nies komuni, debboli fihom infushom u xejn impressjonanti f’għajnejn id-dinja. 


2 Kor.4:8-10. Pawlu jiddeskrivi d-dgħufija u l-afflizzjonijiet li jiffaċċja, u jafferma li ma jwasslux biex jiddispra. Sikwit jabbina s-sofferenzi tiegħu mas-sofferenzi ta’ Kristu (Rum.8:36; 1 Kor.4:9; 15:31; 2 Kor.11:23; Gal.6:17; Fil.3:10).


2 Kor.4:10. inġorru f’ġisimna l-mewt ta’ Ġesù. Il-qawwa ta’ Ġesù ssir kontinwament magħrufa fid-dgħufija tas-servi tiegħu (cf., Gal.2:20). Is-sofferenzi u d-disfatti apparenti tagħhom huma evidenza illi fihom infushom m’għandhomx setgħa. Huma mejta inkwantu l-abbiltà tagħhom biex iwettqu xi ħaġa ta’ sinifikat etern. 


2 Kor.4:12. Hekk il-mewt topera fina, imma l-ħajja fikom. Għalkemm Pawlu jsofri, bħalma ġralu Ġesù, ir-riżultat tal-ministeru tiegħu hu ħajja spiritwali u qawwa tal-irxoxt f’ħaddieħor. Dan hu paradoss li d-dinja ma tifhmux. Ir-riċevituri ta’ ministeru evanġeliku sikwit jgħadduha ħafna aħjar fid-dinja mill-persuna ddedikata li twasslilhom l-evanġelju, għax dak li jġibulhom sikwit ibati minħabba l-evanġelju u l-lealtà stretta tiegħu lejn Sidu (cf., 2 Kor.8:9). 


2 Kor.4:15. minħabba fikom. L-appostlu jagħmilha ċara illi lest jissaporti t-tbatijiet għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor.

għall-glorja t’Alla. M’għandux f’moħħu illi n-nies ifaħħruh jew jammirawh għas-sofferenzi tiegħu. Jifraħ aktarx illi l-provi li jgħaddi minnhom iqanqlu lil ħaddieħor biex isebbħu lil Alla. Il-fama tajba t’Alla hi l-ogħla motiv fl-appostolat tiegħu. 


2 Kor.4:16. il-bniedem esterjuri tagħna qed jitħassar. Il-kuntrast bejn l-esterjuri u l-interjuri mhuwiex sempliċement bejn il-ġisem u r-ruħ, iżda bejn n-natura qadima u mwaqqa’ u l-umanità mġedda.


2 Kor.4:18. Il-perspettiva Kristjana hi dejjem iffokata fuq realtajiet eterni, ħwejjeġ inviżibbli għall-għajn fiżika iżda determinattivi għall-għażliet u l-istil ta’ ħajja tad-dixxipli (2 Kor.5:7). 


2 Kor.5:1. it-tinda terrena hi metafora għall-ġisem fiżiku. Imqar jekk is-sofferenzi ta’ Pawlu jwasslu għall-mewt, hemm xi ħaġa wisq ikbar tistennieh; hemm dar mhix magħmula bl-idejn, eterna fis-smewwiet. Din probabbilment tirreferi għall-ġisem tal-qawmien, għalkemm jista’ jkun li tissinifika l-post smewwieti li Ġesù qed jipprepara għal niesu (Ġw.14:2-3). 


2 Kor.5:3-4. għarwenin għax inkunu bla ġisem fiżiku. Pawlu jixxennaq għall-ġisem tal-irxoxt, ħieles mid-dgħufija u l-imperfezzjoni ta’ dil-ħajja. 


2 Kor.5:5. L-Ispirtu s-Santu ngħata bħala l-garanzija ta’ fidwa eterna u l-glorifikazzjoni tal-fidili (2 Kor.1:22). 


2 Kor.5:6-7. dejjem kuraġġjużi. Il-konfidenza tal-appostlu baqgħet bla mittiefsa mqar f’nofs is-sofferenzi għax għex bil-fidi u mhux skont ma jidher bl-għajnejn fiżiċi. 


2 Kor.5:8. nippreferu aktarx li nkunu assenti mill-ġisem u nkunu d-dar mas-Sid. L-ispirtu, ossija r-ruħ, tal-Kristjan, appena jmut fiżikament, immur immedjatament fil-preżenza ta’ Kristu fil-ġenna (Lq.23:43; Fil.1:23). L-idea fittizja ta’ purgatorju wara l-mewt, kif mgħallma mill-Knisja Kattolika, hi perniċċjuża: tagħmel għajb lis-sagrifiċċju perfett ta’ Kristu, li bih il-fidili jgawdu maħfra kompluta, kif ukoll tisraq il-faraġ minn wlied Alla. 

Billi l-ġenna hi post inkonċepibbilment aħjar minn did-dinja, Pawlu jippreferi jkun hemm, għax hekk ikun fil-preżenza immedjata u konfortabbli t’Alla. Din hi x-xewqa ta’ kull Kristjan matur, li japprezza t-tama tiegħu; nafu, però, illi Alla għandu ż-żmien maħtur tiegħu għalina meta jsejħilna fid-dar tiegħu. 


2 Kor.5:10-11. kull wieħed jirċievi l-kumpensa. Fil-ġenna se jkun hemm gradi ta’ premji. Għalkemm il-Kristjani għandhom dnubiethom maħfura u qatt ma jsofru l-pwieni tal-infern (Rum.6:23; 8:1), xorta waħda se jieqfu quddiem Kristu f’jum il-ġudizzju, biex jirċievu gradi varji ta’ premji, sikwit imsejħa kuruni fil-Patt il-Ġdid, għal kulma jkunu għamlu f’din il-ħajja (Mt.6:20; Lq.19:11-27; 1 Kor.3:12-15). Il-ġudizzju għad jinkludi wkoll kixfa u evalwazzjoni tal-motivi moħbija fil-qalb (1 Kor.4:5). 

nafu l-biża’ tas-Sid. Mhux terrur ta’ kundanna eterna, iżda timenza sana u riverenti (cf., Prov.9:10; At.9:31; 2 Kor.7:1) inkwantu d-dispjaċir ta’ Kristu għall-għażliet li nkunu għamilna, il-ħwejjeġ magħmula fil-ġisem. 


2 Kor.5:12. jiftaħru bl-apparenza. L-avversarji tal-appostlu f’Korintu ma kellhomx integrità, u allura ffissaw fuq l-estern, b’wirja ta’ ipokrisija (cf., Mt.5:20; 6:1; Mk.7:6-7). 


2 Kor.5:13. insensati. Pawlu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “miġnun” għall-verità, tant kien dommatikament devot lejha. Hekk iwieġeb il-kritiċi tiegħu illi għajruh li ma kien xejn ħlief fanatiku spissjat (cf., Ġw.8:48; At.26:22-24). 


2 Kor.5:14. l-imħabba tal-Kristu hawn hi l-imħabba tas-Salvatur lejn Pawlu u l-fidili kollha (cf., Rum.5:6-8), murija bil-mewta sostituzzjonarja tiegħu fuq is-salib, u sservina bħala motivazzjoni biex naqduh u nogħġbuh f’kollox (Gal.2:20). 


2 Kor.5:14-15. wieħed miet għal kulħadd. Eseġesi korretta u riflessjoni akkurata juru illi l-kulħadd li għalihom Kristu ta ħajtu huma l-istess nies li mietu miegħu u huma rxoxtati miegħu biex jgħixu għalih f’ubbidjenza evanġelika. L-idea li Kristu miet għall-umanità kollha biex jagħmel is-salvazzjoni possibbli għal kull individwu bla eċċezzjoni hi falza, avolja popolari. Aktarx, Kristu miet għal niesu, mogħtija lilu mill-Missier, biex jagħmel is-salvazzjoni tagħhom attwali, reali u ċertament applikata lilhom (Ġw.6:35-40; 10:11-16). Bħalma Ġesù r-ragħaj it-tajjeb miet għan-nagħaġ, hekk ukoll hemm nies li mhumiex in-nagħaġ tiegħu (Ġw.10:25-30).


2 Kor.5:16. skont il-laħam. Pawlu ma baqax jevalwa lin-nies skont xi standard estern, uman u mondan (cf., 10:3). 


2 Kor.5:17. fi Kristu. L-unjoni ma’ Kristu tbiddil kollox għax miġjietu ġabet bidu ġdid bil-ħajja, it-tbatijiet, il-mewt, l-irxoxt u l-axxensjoni tiegħu. Kull min bil-fidi jinsab fih igawdi minn issa ħajja ġdida, u għandu l-prospett ta’ ħajja eterna fil-ħolqien ġdid. 


2 Kor.5:18-21. Alla, li rrikonċiljana miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu. Meta żewġ partijiet ikunu miġġielda ikun hemm bżonn rikonċiljazzjoni bejniethom, jiġifieri jkunu restawrati għall-ħbiberija mill-ġdid. Irid ikun hemm arranġamenti biex l-offiżi u n-nuqqasijiet jitħassru, u jingħata sodisfazzjon għad-deni li jkun sar.

Skont l-Iskrittura kull persuna tidneb u jeħtiġilha tagħmel tpattija, imma m’għandhiex il-ħila u r-riżorsi biex twettaq dan il-pass. Aħna offendejna l-Ħallieq tagħna, li minnu nnifsu jobgħod id-dnub (Ġer.44:4; Ħab.1:13) u jikkastigah (Sal.5:4-6; Rum.1:18; 2:5-9). Dawk li dinbu ma jistgħux jkunu milqugħa minn Alla u lanqas ma jistgħu jgawdu xirka miegħu qabel ma ssir it-tpattija. Ladarba jeżisti d-dnub imqar fl-aħjar azzjonijiet ta’ kreaturi midinba, kwalunkwe ħaġa li nagħmlu bit-tama li nsewwu l-ħsara tista’ biss tkabbar il-ħtija jew tgħarraq iżjed is-sitwazzjoni, għax “is-sagrifiċċju tal-ħżiena hu mistmell mill-Mulej” (Prov.15:8). M’hemm ebda mod kif nistgħu nistabbilixxu l-ġustizzja tagħna nfusna quddiem Alla (Ġob.15:14-16; Isa.64:6; Rum.10:2-3); hi ħaġa sempliċement impossibbli.

Imma fuq dan l-isfond ta’ nuqqas ta’ tama daparti tagħna, l-Iskrittura tikxfilna l-grazzja u l-ħniena t’Alla, li hu nnifsu jipprovdi t-tpattija mitluba minħabba d-dnub. Il-grazzja meraviljuża t’Alla hi prominenti; mill-Ktieb tal-Ġenesi sal-Apokalissi tiddi bi glorja ta’ għaxqa liema bħalha. 

Meta Alla ħareġ lill-poplu tiegħu mill-Eġittu, bħala parti mill-patt tiegħu magħhom, waqqaf sistema ta’ sagrifiċċji fejn kien isir it-tixrid tad-demm tal-bhejjem, “biex (in-nies) jagħmlu tpattija għall-erwieħ tagħhom” (Lev.17:11). Dawn is-sagrifiċċji kienu “tipiċi,” jiġifieri, bħala “stampi” kienu jippontaw ’il quddiem lejn xi ħaġa aħjar. Id-dnubiet kienu jinħafru meta s-sagrifiċċji kienu jkunu offruti fedelment, imma qatt ma kien id-demm tal-annimali li neħħa d-dnubiet (Ebr.10:4). Kien biss id-demm ta’ Ġesù Kristu (li wettaq dawn it-tipi) li b’mewtu fuq is-salib patta għad-dnubiet magħmulin qabel, kif ukoll għad-dnubiet li kellhom isiru wara (Rum.3:25-26; 4:3-8; Ebr.9:11-15).

Skont il-Patt il-Ġdid, id-demm ta’ Kristu xxerred bħala sagrifiċċju (Rum.5:9; Ef.1:7; Riv.1:5). Kristu feda lil niesu bi ħlas; mewtu stess kienet il-prezz li bih ħelisna mill-ħtija u l-jasar tad-dnub (Rum.3:24; Gal.4:4-5; Kol.1:14). Fil-mewt ta’ Kristu, Alla rrikonċiljana, jew ħabbibna, miegħu nnifsu; biha għeleb l-ostilità tiegħu nnifsu lejna provokata minn dnubietna (Rum.5:10; 2 Kor.5:18-19; Kol.1:20-22). Is-salib issodisfa l-għadab ġust t’Alla kontra tagħna. Il-korla qaddisa tiegħu tberrdet bis-sagrifiċċju ta’ Ibnu l-għażiż, li hu nnifsu provda biex iħallas kompletament għal dnubietna. Hekk saret it-tpattija neċessarja, u għal dawk li ġenwinament jemmnu din l-aħbar, ċoè jilqgħu r-rikonċiljazzjoni mwettqa, dnubiethom huma maħfura (Rum.3:25; Ebr.2:17; 1 Ġw.2:2; 4:10). Is-salib kellu dan l-effett għaliex bil-passjoni tiegħu Kristu assuma l-identità tagħna u ssaporta l-ġudizzju li kien imiss lilna, jiġifieri, “is-saħta tal-liġi” (Gal.3:13). Bata bħala s-sostitut tagħna, voldiri miet minflokna. Alla sammar mas-salib il-lista sħiħa ta’ ħtijietna. Kristu ta ħajtu bi tpattija kompluta għal dawk il-ħtijiet (Kol.2:14; cf., Isa.53:4-6; Mt.27:37; Lq.22:37).


2 Kor.5:21. għamlu dnub għalina. B’daqshekk ma jfissirx li Ġesù sar midneb. Kien dejjem bla dnub attwalment, iżda Alla ġudizzjalment tefa’ fuqu d-dnub ta’ niesu, b’mewtu fuq is-salib. Daħal responsabbli għall-ħażen tagħhom, u allura kien meqjus u magħdud bħala midneb, għax kien qed jieħu l-kastig xieraq għall-midinbin. Hekk ikkanċella d-dejn tad-dnub kontrina. Mela, filwaqt li Ġesù qatt ma kkommetta dnub personalment, sar dnub għalina b’sostituzzjoni. 


2 Kor.6:1. Din hi twissija biex joqogħdu b’seba’ għajnejn għall-għalliema foloz, kif ukoll biex ma jdurux lil hemm mill-grazzja mogħtija lilhom. 


2 Kor.6:2. Kristu ġab miegħu era ġdida (2 Kor.5:17); wasal it-twettiq ta’ kulma kien imwiegħed mill-antik. M’hemm ebda żmien aħjar biex tħaddan l-evanġelju minn issa, ladarba issa wasal fil-milja tiegħu. 


2 Kor.6:4-10. Pawlu jagħti stampa ġenerali tal-qaddej ġenwin fl-evanġelju. Jiddeskrivi pressjonijiet u afflizzjonijiet li jinqalgħu minn kull naħa (2 Kor.6:4-5), il-provdiment divin illi l-Ispirtu jagħti lis-servi ta’ Kristu (2 Kor.6:6-7), kif ukoll it-trijonf fuq l-ostakli u l-attakki (2 Kor.6:8-10). 


2 Kor.6:10. ngħanu lil ħafna: billi qasam ir-rikkezzi ta’ veritajiet spiritwali ma’ ħaddieħor (cf., At.3:6). 


2 Kor.6:11. qalbna hi mwessa’ għalikom, jew miftuħa beraħ. Pawlu mantna mħabba ġenwina lejhom minkejja l-fatt li xi wħud minnhom immaltrattawh. Żamm wisa’ f’qalbu għalihom (cf., Fil.1:7). 


2 Kor.6:12-13. Kien hemm wisa’ f’qalb l-appostlu għall-Korintin, iżda b’mod ġenerali l-Insara ta’ Korintu kienu għadhom ma tawx lok għal Pawlu fl-emozzjonijiet tagħhom. Ir-rispons tagħhom kien fjakk imqabbel mal-imħabba li wriehom l-appostlu. Frattant Pawlu aċċettahom u jappellalhom biex jilqgħuh bl-istess mod kif fetaħ qalbu hu għalihom. 


2 Kor.6:14. Tkunux marbutin taħt madmad wieħed mal-miskredenti. Irridu nevitaw assoċjazzjonijiet, relazzjonijiet jew sħubija mal-infidili fejn dawn b’mod sinifikanti jinfluwenzaw l-għażliet u l-azzjonijiet morali tagħna. Imkien ma jingħad fl-Iskrittura li l-fidili għandhom jitwarrbu mis-soċjetà jew ma jkollhomx x’jaqsmu mal-miskredenti (Mk.2:15-17; 1 Kor.5:9-10). Imma jkun żball gravi daparti tal-fidili meta jissieħbu magħhom hekk illi d-direzzjoni u r-riżultat tad-deċiżjonijiet morali tagħhom ikunu affettwati għall-agħar. 


2 Kor.6:15. xi ftehim għandu t-tempju t’Alla mal-idoli? Il-Kristjaneżmu bibliku u r-reliġjonijiet idolatrużi u demoniċi huma totalment inkompatibbli (cf., 1 Sam.4-6; 2 Slat.21:1-15; Eż.8).


2 Kor.6:17-18. kunu sseparati, bħalma kien Kristu (cf. Ebr.7:26). Meta nitwarrbu mid-dottrina falza u prattika midinba, nagħrfu r-rikkezzi tal-pożizzjoni tagħna bħala wlied Alla. 


2 Kor.7:1. nipperfezzjonaw it-tqaddis, ċoè nġibuh għall-kompletezza tiegħu. Is-santifikazzjoni hi proċess li bih nsiru nixbhu aktar u aktar lil Sidna Kristu, li fih biss hemm qdusija perfetta, u allura jmissna nfittxu lilu (Mt.5:48; Rum.8:29; Fil.3:12-14). 


2 Kor.7:2. Agħmlu l-wisa’ għalina fi qlubkom. Wara li Pawlu ffoka fuq in-naħa negattiva tas-separazzjoni mill-infidili, iħeġġiġhom biex iħaddnuh magħhom u jilqgħu l-ministeru tiegħu għall-ġid tagħhom. 


2 Kor.7:3. L-affezzjoni profonda ta’ Pawlu għall-Insara Korintin tibqa’ tul il-ħajja u l-mewt. 


2 Kor.7:5-7. ġejna fil-Maċedonja. Pawlu jirritorna għad-diskussjoni tiegħu dwar il-vjaġġi tiegħu li semma fl-ewwel kapitlu. 


2 Kor.7:10. in-niket skont ir-rieda t’Alla jġib indiema li twassal għas-salvazzjoni. L-indiema hi d-dawrien lura mill-prattika tad-dnub, deċiżjoni sinċiera biex tabbanduna ħażen speċifiku jew vizzji, u minflok tibda tobdi lil Alla b’riżoluzzjoni onesta. Hi bidla fil-ħsieb li ġġib bidla fl-imġiba. 

Hawnhekk mhux qed jirreferi għall-indiema inizjali li jeħtieġ takkumpanja l-fidi li permezz tagħha ningħaqdu ma’ Kristu għas-salvazzjoni tagħna (Mk.1:15; At.3:19; 17:30; 26:20). Hawn hi r-ritorn mid-dnub fil-ħajja tal-Kristjan.

Is-salvazzjoni ma tirreferix għas-salvazzjoni li l-individwu jirċievi appena jikkonverti u jilqa’ l-evanġelju, iżda aktarx kobor u progress fil-ħajja spiritwali tiegħu. Kull żvilupp ordinarju jinkludi żminijiet ta’ diqa profonda għall-fdal tad-dnub li jibqa’ jkidd lill-Kristjan. 


2 Kor.7:12. minħabba min għamel il-ħsara. Jerġa’ jirreferi (2 Kor.2:5-7) għal x’kien ġara fl-assenza tiegħu, kif wieħed minnhom weġġa’ lil ħaddieħor, inċident illi għalih kritikahom severament għax ma ħadu ebda azzjoni. Ċanfarhom bit-tama illi jġib rikonċiljazzjoni u xirka għal darb’ oħra miegħu. 


2 Kor.7:15. bil-biża’ u t-tregħid, jiġifieri b’riverenza lejn Alla u b’biża’ san ta’ ġudizzju. 


2 Kor.8:1. Il-ġenerożità Kristjana tirriżulta mill-ħidma tal-grazzja t’Alla fir-ruħ (1 Kron.29:17-18). 


2 Kor.8:3-4. Ma kkontribwewx għax kienu sforzati jew pressati, iżda volontarjament, kif għandu jkun. Avolja kienu pjuttost foqra, ittallbu sabiex tingħatalhom l-okkażżjoni biex jipparteċipaw fil-ministeru ta’ solliev għal aħwa f’qagħda agħar minn tagħhom. 


2 Kor.8:5. Il-Maċedonjani qiesu l-għoti tagħhom primarjament bħala att ta’ qima lill-Mulej (Fil.4:18; Ebr.13:16). 


2 Kor.8:7. Minkejja diversi fallimenti u difetti, Pawlu jara evidenzi ċari ta’ grazzja fil-ġemgħa Korintina (1 Kor.1:4-5). 


2 Kor.8:8. Ma ngħidx dan bi kmand. Pawlu jirrikkmanda għoti voluntarju, mhux imġiegħel. Inġenerali, għalkemm investit b’awtorità mis-sema, l-appostlu prefera jagħmel rikjesti lil ħaddieħor u mhux jordnalhom (Fm.14), mudell eċċellenti għan-nies fl-awtorità (Mt.20:25-26). 


2 Kor.8:9. Il-grazzja divina lejn il-fidili jmissha tqanqalhom biex jagħtu għall-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor, bħalma Alla ta lil Ibnu għall-ħtieġa tagħhom. 

għani...ftaqar. Bħala l-Iben etern t’Alla, Kristu gawda status divin, iżda minħabba fina l-midinbin umilja ruħu biex hekk deher fostna bħala bniedem (Fil.2:6-8). 

bil-faqar tiegħu tistagħnu. Ir-riżultat tal-inkarnazzjoni ta’ Bin Alla hu stupend: minħabba li sofra u miet għas-salvazzjoni tal-midinbin, issa jgawdu barkiet spiritwali (mhux sempliċement għana jew ġid temporali). Fid-dawl ta’ kulma wettaq Kristu għalina, hi ħaġa żgħira ħafna illi ngħinu lin-nies fil-bżonn. 


2 Kor.8:12. l-għotja hi aċċettabbli skont kwalunkwe ħaġa li wieħed għandu, mhux skont m’għandux. Din hi twissija kontra għoti jew wegħdi li tagħti ammont li fir-realtà m’għandikx, bit-tama li Alla jroddlok lura. Meta tagħmel hekk tkun qed tisforza test fuq Alla (Lq.4:12). Il-Kristjan imissu jagħti skont kif Alla jagħtih ir-risq (1 Kor.16:2), proporzjonalment għall-introjtu tiegħu. Min hu sinjur ħafna jagħti ħafna; min hu fqir jagħti l-ftit milli jista’. Imma kull Kristjan għandu jagħti regolarment, ġenerożament, b’qalb grata u ferrieħa. 


2 Kor.8:13-14. Pawlu mhux qed jipproponi illi l-Kristjani jkollhom ġid u introjtu ugwali, imma li jkun hemm distribuzzjoni fer tal-piżijiet. Hawnhekk ugwaljanza tista’ tiġi tradotta “ekwità” (Kol.4:1).


2 Kor.8:20-23. Fl-aspett finanzjarju, bħal f’kull qasam ieħor, ix-xogħol għandu jsir bħal ma tingħata opportunità għall-kritika jew jinqalgħu suspetti minħabba nuqqas ta’ trasparenza. Min jamministra l-flus għandu jkun affidabbli u kredibbli, biex l-għadu ma jsibx ma’ xiex iqabbad difrejh. 


2 Kor.9:7. Kull wieħed għandu jagħti bħalma ddeċieda f’qalbu. Il-Patt il-Ġdid mkien ma jsemmi x’perċentwal mill-introjtu tagħna obbligati nagħtu. L-għoti volontarju u sinċier, b’radd il-ħajr lil Alla, hu dejjem imħeġġeġ. Alla jieħu pjaċir b’dawk li jikkontribwixxu bil-ferħ, mhux biex jimpressjonaw jew għax imġiegħla. Inċidentalment, is-sistema tad-dieċmi (tagħti għaxra fil-mija mid-dħul tiegħek) kienet tgħodd għall-poplu t’Alla fil-Patt il-Qadim; mhijiex imposta fuq il-knisja tal-Patt il-Ġdid. L-appostlu, però, jeżorta lill-aħwa biex ikunu ġenerużi. 


2 Kor.9:10. il-ħsad tal-ġustizzja hu l-barkiet temporali u spiritwali t’Alla fuq min jagħti bil-ferħ (cf., Ħos.10:12). 


2 Kor.9:11-12. Min jagħti bil-ferħ isib illi Alla jipprovdilu b’mod suffiċjenti f’kollox. Dan l-arranġament iqanqal ringrazzjamenti lil Alla għal kulma jagħmel magħna. L-għoti ta’ karità jkopri għall-bżonnijiet tal-batuti, u aktar minn hekk, iwassal għal radd il-ħajr lill-Missier. Fl-aħħar mill-aħħar l-azzjonijiet kollha tal-Kristjan għandhom isiru bil-ħsieb biex Alla jkun manjifikat u msebbaħ. 


2 Kor.9:15. Grazzi ’l Alla għall-għotja indeskrivibbli tiegħu! L-għoti tagħna hu biss imitazzjoni żgħira tal-ġenerożità eċċellenti u superba t’Alla lejna, speċjalment meta tana lil Ibnu stess, l-għotja li ma titfissirx adegwatament bi kliem uman (Ġw.3:16). 


2 Kor.10:1. Issa jien innifsi, Pawlu. Minn hawn sal-aħħar tal-ittra t-ton tal-appostlu jinbidel. Issa wasal il-waqt biex jiddefendi lilu nnifsu, ladarba hu sforzat jagħmel hekk. Idawwar l-attenzjoni tiegħu biex jittratta ma’ dawk li jopponuh, għax kienu theddida għall-knisja. 


2 Kor.10:3-5. l-armi tal-iggwerrar tagħna mhumiex karnali. It-taqbida tal-knisja mhijiex militari, bl-użu ta’ forza, vjolenza, rikatt, intimidazzjoni jew ġegħil, iżda hi waħda spiritwali bl-armi tat-talb, il-Kelma t’Alla pritkata u obduta, il-fidi, u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Bil-ministeru tal-Ispirtu l-knisja ġġib fix-xejn kwalunkwe oppożizzjoni ta’ ħsieb uman żbaljat jew imġiba immorali, kif ukoll tegħleb il-forzi demoniċi, il-fortizzi tad-dlam (1 Pt.5:8-9; 1 Ġw.5:19). L-opponenti tal-knisja huma servi ta’ Satana (2 Kor.11:14-15), imma m’għandniex għalfejn nitħawdu, għax l-Ispirtu residenti fina hu infinitament aqwa. 


2 Kor.10:6. meta tkun kompluta l-ubbidjenza tagħkom. Jistenna li l-knisja turi lealtà billi żżomm miegħu kontra l-għalliema foloz, filwaqt li jagħti ċans biex jindmu qabel ma jiddixxiplina lid-diżubbidjenti. 


 2 Kor.10:11. Pawlu ġab ruħu b’integrità u konsistenza (2 Kor.1:18). 


 2 Kor.10:12. Iġiegħel lill-opponenti tiegħu jistħu għall-fissazzjoni tagħhom biex ikunu onorati, u sarkastikament jgħid li ma jissograx jikkompara lilu nnifsu magħhom.


2 Kor.10:15. hi u tikber il-fidi tagħkom. Meta jimmaturaw spiritwalment jitgħallmu jħobbuh u jonorawh kif jixraq. 


2 Kor.10:16. Pawlu adotta l-istrateġija illi jipprietka l-vanġelu fejn kien għadu ma nstemax, u mhux jinvadi fil-ministeru ta’ ħaddieħor bħalma l-opponenti tiegħu kien qed jagħmlu f’Korintu. 


2 Kor.10:18. Il-ġudizzju t’Alla, u mhux it-tifħir uman, jimporta l-iktar (Rum.2:29; 1 Kor.4:3-4). Pawlu hu konfidenti li l-Mulej japprova l-appostolat tiegħu. 


2 Kor.11:1. Pawlu jesprimi skonfort filli jkollu jiftaħar, imma juri l-kredenzjali tiegħu ladarba sforzawh jagħmel dan, sabiex il-vanġelu ma jieħu ebda daqqa. 


2 Kor.11:2. ġeluż għalikom. Pawlu jixxennaq għall-Korintin biex jibqgħu leali lejn Kristu. Uża metafora ta’ għerusija u żwieġ. Jekk il-Korintin imorru wara l-appostli foloz jitbiegħdu minn Kristu u jkunu infidili lejh. Imbagħad ma jkunux aktar verġni safja. 

Inċidentalment, l-ideal t’Alla għaż-żwieġ hu li ma jkunx hemm sess qabel iż-żwieġ, sabiex kemm l-għarusa kif ukoll l-għarus jersqu lejn xulxin fis-safa. 


2 Kor.11:3. s-serpent inganna ’l Eva. Impressjonanti tassew kif l-awturi kollha tal-Patt il-Ġdid jaċċettaw l-istoriċità u l-awtentiċità ta’ kulma hu rrekordjat fil-Patt il-Qadim, imqar stejjer li llum ħafna jistmawhom bħala miti jew ħrejjef. Għal moħħ Pawlu l-ġrajja tal-Ġnien tal-Għeden hi l-pura verità; aħna jmissna nadottaw l-istess persważjoni. 


2 Kor.11:5 appostli supereminenti. Mhux referenza għal xi wħud mit-Tnax, iżda kumment sarkastiku għall-opponenti ta’ Pawlu illi perrċu lilhom infushom bħala appostli, meta fil-fatt ma kinux (2 Kor.11:13). 


2 Kor.11:6. Pawlu ma kienx trenjat bħala kelliem; l-avversarji tiegħu lmentaw kontrih f’dan ir-rigward (2 Kor.10:10). Dejjem irrifjuta milli juża t-trikkijiet manipulattivi tal-oraturi Griegi, iżda għallem it-tagħrif spiritwali veru (2 Kor.2:14,17). 


2 Kor.11:8-9. Sraqt knejjes oħra. Pawlu rċieva appoġġ finanzjarju u ddependa ħafna fuq offerti minn knejjes bħal dik f’Filippi (Fil.4:10-19), biex ma jkun piż fuq il-Korintin. 


2 Kor.11:13. appostli foloz, ħaddiema qarrieqa. L-opponenti ta’ Pawlu mhumiex Kristjani li ma jaqblux miegħu fuq kustjonijiet sekondarji; attwalment huma qaddejja ta’ Satana nnifsu, li qed jipprovaw jiksbu t-tmexxija taħt idejhom biex ikomplu jxandru l-vanġelu falz tagħhom (2 Kor.11:4). 


2 Kor.11:14. Satana stess jittravestu lilu nnifsu f’anġlu tad-dawl. Wieħed mit-trikkijiet spissi tax-xitan hu illi jikklejmja li qed jagħmel it-tajjeb u l-ġid, u jibgħat f’ġemgħa Kristjana nies li jilagħbuha ta’ aħwa, iżda jispiċċaw biex jiżirgħu ereżija u dottrina perversa, diviżjoni, tqasqis, kompromessi midinba, immoralità u kull tip ta’ ħsara. L-ardità, l-arroganza u l-abbużi tagħhom eventwalment jidhru wkoll (2 Kor.11:20). Minn għemilhom jingħarfu (Mt.7:20; cf., At.20:29-30; 2 Pt.2). 


2 Kor.11:15. L-għalliema foloz jistgħu jidhru ġenwina għal xi żmien, iżda fir-realtà huma servjenti ta’ Satana, u għad ikunu mikxufa u ġġudikati. 


2 Kor.11:17. Pawlu jkompli jitkellem b’ispirazzjoni divina, iżda t-tali ftaħir jiżgarra għal appostlu ta’ Kristu. Frattant ikollu jagħmel dak li ma jixtieqx sabiex javvanza l-kawża ta’ Kristu f’Korintu. 


2 Kor.11:20-21. ddgħajjifna wisq biex naġixxu hekk! Is-sarkażmu ta’ Pawlu laħaq il-quċċata tiegħu filli qalilhom illi kien wisq debboli biex jabbuża minnhom bħalma għamlu l-għalliema foloz. 


2 Kor.11:22-27. L-appostlu jagħti katalgu tal-provi, sofferenzi, perikli u tbatijiet li għadda minnhom. Il-ministeru tiegħu, miżgħud bil-periklu, hu f’kuntrast qawwi ma’ dak tal-għalliema foloz, li fettxew biss l-interess u l-prosperità tagħhom infushom. 


2 Kor.11:29-30. Pawlu jesprimi solidarjetà u sapport għal dak li tfixkel, u jgħid kemm iħossu mgħaddab ġustament lejn dak li serva ta’ skandlu għalih. Hawn għandna l-atteġġjament xieraq ta’ pastor li jissimpatizza mal-esperjenzi ta’ Kristjani ordinarji. 


2 Kor.11:32. l-gvernatur, jew litteralment etnarka (bil-Grieg, ethnarchēs) jfisser ħakkiem ta’ nazzjon. Eventwalment saret tissinifika ħakkiem ta’ provinċja, superjuri għal tetrarka, iżda inferjuri għal sultan. Hekk kien in-Nabatean Areta IV, imsemmi hawn.


2 Kor.12:2-4. kien maħtuf għal ġol-ġenna. Il-ġenna hi magħrufa wkoll bħala t-tielet sema (l-ewwel sema hi l-atmosfera; it-tieni fejn hemm il-kwiekeb, ċoè l-ispazju, jew l-univers). Is-smewwiet hu l-għamara t’Alla (Sal.33:13-14; Mt.6:9), il-post tal-preżenza tiegħu fejn irritorna Kristu glorifikat (At.1:11). Il-knisja militanti u trijonfanti tingħaqad hemm għall-qima (Ebr.12:22-25). Ir-ruħ ta’ kull mifdi li jmut tkun milqugħa hemm, mnejn fir-ritorn ta’ Kristu niesu kollha, issa mqajma mill-mewt, jgħammru miegħu f’dinja ġdida (1 Tes.4:16,17; Riv.21:1-5).

Meta naħsbu dwar il-ġenna bħala lokalità jew post hu iżjed korrett milli żbaljat, għalkemm il-kelma tista’ tiżgwidana. L-Iskrittura tiddeskrivi l-ġenna bħala realtà: it-tron ta’ Kristu fuq il-leminija tal-Missier, u l-ħajja tal-mifdija fi Kristu, huma t-tnejn “fl-imkejjen smewwitin” (Ef.1:3,20; 2:6). 

L-appostlu Pawlu hawn jalludi għall-esperjenza tiegħu fit-tielet sema jew il-ġenna. Hemm jistenniena ġisem tal-qawmien, adatt għall-ħajja tul l-eternità (2 Kor.5:1-8). Sakemm għadna fil-ġisem preżenti tagħna r-realtajiet tas-sema ma narawhomx, u nafuhom biss bil-fidi (2 Kor.4:18; 5:7). 

Nistgħu nifformaw idea tal-ħajja perfetta fis-sema minn dak li nafu imperfettament bħalissa (1 Kor.13:12). Il-komunjoni tagħna m’Alla u l-qaddisin l-oħra mhix se tkun miksura (Sal.23:6). Fil-ġenna mhux se jkun hemm dmugħ, diqa jew mewt (Lq.16:25); fit-tama nistennew il-libertà glorjuża ta’ wlied Alla (Rum.8:21).

Aħna maħluqin biex insebbħu ’l Alla u ngawduh għal dejjem. Il-kuruni, festi u ċelebrazzjonijiet ta’ vittorja deskritti fl-Iskrittura jġibu quddiem għajnejna aspett wieħed ta’ din l-hena. It-trijonf tal-Ħaruf li kien maqtul u tal-qaddisin miegħu huwa aspett ieħor (Riv.5:6; 14:1). Fiċ-ċentru hemm l-unjoni t’Alla ma’ niesu (Riv.22:4): preċiżament il-wegħda ewlenija fil-patt (Ġer.30:22). Fil-għan divin għad tkun realizzata lil hinn mill-istħajjil tagħna (Ef.2:7; 3:9; cf., 1 Kor.2:9).


2 Kor.12:7. xewka fil-laħam. M’hemm ebda qbil fost il-kummentaturi x’setgħet kienet dix-xewka. Tant l-aħjar: hekk din l-esperjenza negattiva sofferta minn Pawlu tista’ tiġi applikata għal varjetà ta’ provi ffaċċjata minn ulied Alla tul dil-ħajja. Ftit mis-servi tiegħu huma ħielsa minn almenu xi tip ta’ tfixkil, dgħufija jew oppożizzjoni. B’hekk jinżammu umli u utli għall-Mulej. 

Interessanti kif dak li x-xitan intenzjonah biex jgħakkes u jxejjen lil Pawlu, Alla fis-sovranità tiegħu nqeda bl-istess ħaġa biex juri lill-qaddej tiegħu grazzja suffiċjenti.


2 Kor.12:8. Is-Sid hu t-terminu normali biex il-Patt il-Ġdid jirreferi għal Kristu, mhux għal Alla l-Missier. Għalkemm it-talb hu sikwit u regolarment offrut lill-Missier, dan hu eżempju ta’ talb indirizzat lil Kristu direttament (ara wkoll At.1:24; 7:59; 1 Kor.16:22; Riv.22:20). Impressjonanti kif fil-ftaħir tiegħu Pawlu jixhed għal rikjesta tiegħu li Alla ma onorahiex. 


2 Kor.12:9. is-setgħa hi pperfezzjonata fid-dgħufija. Alla jwettaq l-għanijiet tiegħu bla ma jneħħi mis-serv tiegħu x-xewka li donnha qed timpedih jew tfixklu. Minkejja debolizzi umani, bil-grazzja Alla jottieni l-intenzjoni tiegħu f’dinja mwaqqa’. Il-wegħda mingħand Alla indubjament seddqet u inkuraġġiet lil Pawlu fis-sofferenzi li ġarrab. Tgħallem jorbot dal-prinċipju ta’ saħħa fid-dgħufija mas-sors tiegħu: is-salib ta’ Kristu (2 Kor.13:4). 


2 Kor.12:10. meta jien dgħajjef, imbagħad inkun setgħan. Il-fehma spiritwali ta’ Pawlu kienet tant ċara illi seta’ jara tbatijietu bħala raġuni għall-feliċità, għax kien persważ illi fihom il-qawwa ta’ Sidu kienet operattiva. Hi lezzjoni li l-knisja kontemporanja jeħtiġilha titgħallem. 


2 Kor.12:11. appostli supereminenti. Pawlu qed jitkellem b’ironija; dawn mhuma appostli xejn, iżda nies arroganti u foloz li kienu qed jipprovaw jimminawlu l-awtorità appostolika tiegħu f’Korintu. (Għall-ftaħir tiegħu, ara nota fl-1 Korintin 15:10).


2 Kor.12:12. Tul l-epistola Pawlu tkellem dwar is-sinjali tal-appostlu li jiddistingwuh minn appostli foloz: il-ħajjiet mibdula tal-Korintin (2 Kor.3:2-3), il-karattru irreprensibbli tal-ministeru tiegħu (2 Kor.6:3-10; 7:2; 8:20-21), l-imħabba ġenwina tiegħu għall-knejjes (2 Kor.6:11-12; 7:3; 11:7-11), u s-saportu fis-sofferenzi (2 Kor.6:3-10; 11:23-33). 

Magħhom isemmi sinjali u għeġubijiet u setgħat mirakolużi, bħala konferma indisputabbli tal-ġenwinità tiegħu; frattant is-setgħa li jaħdem mirakli hi l-inqas waħda li jikkonċentra fuqha. 


2 Kor.12:16-17. qbadtkom bil-ħjiena. Abbli l-opponenti tiegħu kienu qed iġibuha illi l-altruwiżmu apparenti tiegħu kien trikk biex jingannahom. Pawlu jwieġeb illi qatt ma sfruttahom permezz ta’ ħaddieħor. 


2 Kor.12:19. L-interess kbir ta’ Pawlu ma kienx l-unur personali tiegħu, iżda t-tisħiħ u l-maturità tal-kongregazzjoni. Finalment hu kontabbli lejn Alla, bħal kulħadd (2 Kor.5:10); Alla jaf illi aġixxa għall-ġid tal-Korintin. 


2 Kor.12:21. jumiljani quddiemkom. Kienet tkun misħtija u għajb għall-appostlu kieku kellu jsib il-knisja li ħawwel hu oriġinarjament bħala ġemgħa ta’ nies bla ndiema.


2 Kor.13:1. żewġ xhieda jew tlieta kienu neċessarji għal skopijiet ta’ dixxiplina (Dt.19:15; Mt.18:16). 


2 Kor.13:2. m’iniex se niffrankahielhom. Ma kienx se jżomm lura jew ikun tolleranti jekk fiż-żjara tiegħu isib li d-diżubbidjenza grassa għadha qed tippersisti. 


2 Kor.13:3. Kristu qed jitkellem bija. L-awtorità appostolika ta’ Pawlu hi enfasizzata. Is-Sid innifsu qed jitkellem bl-ambaxxatur u l-araldu tiegħu. Lill-appostli Ġesù kien qalilhom: “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jilqa’ ’l dak li bagħatni” (Mt.10:40). 


2 Kor.13:5. Eżaminaw lilkom infuskom biex taraw jekk intomx fil-fidi. Il-Kristjan għandu l-obbligu jeżamina ħajtu għall-evidenza tas-salvazzjoni. It-tali sinjali li wieħed hu tabilħaqq mifdi, u jixraq ukoll ikun assigurat mis-salvazzjoni tiegħu, huma prinċipalment dawn: 

1. Afdar sinċier fi Kristu waħdu (Ebr.3:6).

2. Ubbidjenza evanġelika lejn Alla, bi gratitudni (Mt.7:21).

3. Kobor etiku u spiritwali fil-qdusija (Ebr.12:14; 1 Ġw.3:3).

4. Produttività fil-frott tal-Ispirtu (Gal.5:22-23). 

5. Imħabba lejn Kristjani oħra u lejn il-proxxmu (1 Ġw.3:14). 

6. Influwenza pożittiva fuq ħaddieħor (Mt.5:16). 

7. Żamma leali mat-tagħlim appostoliku (1 Ġw.4:2).

8. Ix-xhieda interna tal-Ispirtu s-Santu (Rum.8:15-16). 


2 Kor.13:7. avolja aħna nkunu nidhru bħala diżapprovati, jiġifieri Pawlu u sħabu jibqgħu stmati bħala messaġġiera mhux ġenwini ta’ Kristu mill-għalliema foloz. 


2 Kor.13:14. Il-grazzja tas-Sid Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka tal-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll. Il-Patt il-Ġdid jinsisti bla dubju xejn li hemm Alla wieħed, il-Ħallieq li rrevela lilu nnifsu, li jmissna nadurawh u nħobbuh esklussivament (Dt.6:4-5; Isa.44:6-45:25). Il-Patt il-Ġdid jaqbel miegħu (Mk.12:29-30; 1 Kor.8:4; Ef.4:6; 1 Tim.2:5), imma jitkellem dwar tliet aġenti personali, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li jaħdmu flimkien biex iġibulna s-salvazzjoni (Rum.8; Ef.1:3-14; 2 Tes.2:13-14; 1 Pt.1:2). Id-dottrina tat-Trinità mhix tentattiv biex nispjegaw lil Alla – għalina hi ħaġa impossibbli. Biss tiggwida lil ħsibijietna f’dan il-misterju.

Id-dottrina ġiet formulata mill-fatti storiċi tal-fidwa kif rekordjati u spjegati fil-Patt il-Ġdid. Ġesù talab lill-Missier u għallem lid-dixxipli jagħmlu l-istess. Madankollu kkonvinċiehom li hu nnifsu kien divin. It-twemmin fid-divinità tiegħu u fix-xerqa li noffrulu qima u talb hu bażiku għall-fidi (Ġw.20:28-31, cf., Ġw.1:1-18; At.7:59; Rum.9:5; 10:9-13; 2 Kor.12:7-9; Fil.2:5-6; Kol.1:15-17; 2:9; Ebr.1:1-12; 1 Pt.3:15). 

Aktar tard Ġesù wiegħed li jibgħat “Avukat ieħor” jew “Paraklitu” biex ikompli l-ħidma tiegħu (Ġw.14:16-17; 15:26-27; 16:7-15). Attwalment l-Ispirtu s-Santu ġie f’Għid il-Ħamsin biex iwettaq il-ministeru tiegħu. Mill-bidu kien magħruf bħala persuna divina oħra: min jigdiblu, qal Pietru, ikun qed jigdeb lil Alla (At.5:3-4).

Kristu ħallielna l-magħmudija “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” – tliet persuni li huma Alla wieħed, li għalih l-Insara jikkommettu lilhom infushom (Mt.28:19). Ninnotaw: isem wieħed, jew Alla wieħed, u frattant hemm tliet persuni divini. 

Hekk ukoll jissemmew it-tliet persuni fl-okkażżjoni tal-magħmudija ta’ Ġesù: il-Missier jagħraf lill-Iben, u l-Ispirtu wera l-preżenza tiegħu fil-ħajja u l-ministeru tal-Iben (Mk.1:9-11). Il-barka fit-2 Korintin 13:14 hi Trinitarjana, bħalma hi t-talba għall-grazzja u sliem fir-Rivelazzjoni 1:4-5. 

It-tliet sussistenzi personali, kif inhuma wkoll imsejħin, huma ugwali u eternament konxji tagħhom infushom. Kull persuna għandha l-essenza divina sħiħa, l-eżistenza speċifika li hi t’Alla waħdu. Alla mhux persuna waħda li jwettaq tliet rwoli differenti; dan hu żball magħruf bħala “modaliżmu.” Lanqas mhu tliet allat li jidhru qishom Alla wieħed għax dejjem jaġixxu flimkien; dan hu errur ieħor – “triteiżmu.”

Bażikament il-fidi f’Alla Trinità hi din:

1. Hemm Alla wieħed biss.

2. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma Alla kull wieħed minnhom.

3. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma persuni distinti minn xulxin.

Prattikament it-Trinità tirrekjiedi minna li nagħtu ġieħ ugwali lit-tliet persuni fl-unità ta’ Alla wieħed. Il-fidi tagħna hi stabilita u biblika meta nafdaw f’Alla Trinità, u nħobbuh bi mħabba u devozzjoni suprema.