It-Tieni Epistola ta' Ġwanni


2 Ġw.6. din hi l-imħabba, illi nimxu skont il-kmandamenti tiegħu. L-imħabba mhix primarjament sentiment jew emozzjoni, iżda ubbidjenza għall-kmandamenti divini b’motivi onorabbli għal Alla. Dawk li joqogħdu għall-verità kif kontenuta fil-kmandamenti t’Alla, u l-artikli fondamentali tal-fidi (1 Ġw.2:3-11), huma identifikati bħala nies li jimxu fl-imħabba (cf., Ġw.14:15,21; 15:10). 


2 Ġw.7. ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie fil-laħam (cf., 1 Ġw.1:1; 4:2). Apparti li Ġesù hu divin, huwa wkoll kompletament u realment uman. Il-Medjatur hu neċessarjament kemm Alla kif ukoll bniedem perfett, altrimenti ma jistax ikun hemm fidwa, għax il-maħfra tiddomanda d-demm, u huwa bniedem li jeħtieġlu jmut. Imma sempliċi bniedem ma jikseb xejn b’mewtu. Ġesù, Alla u bniedem f’persuna waħda, hu l-unika tweġiba għad-dilemma. Id-difett bażiku u fatali ta’ reliġjonijiet foloz, ereżiji u kulti hi ċ-ċaħda tal-veru Ġesù, persuna waħda b’natura umana sħiħa kif ukoll b’natura divina sħiħa.


2 Ġw.8. ma titilfux il-ħwejjeġ li ħdimna, iżda tirċievu premju sħiħ. Alla jogħġbu jippremja x-xogħol tal-grazzja tiegħu fil-fidil, iżda hawn aħna mwissija illi nitilfu l-premju jekk ma niddiskriminawx ma’ min se nixxierku (Kol.2:18-19; 3:24-25). Il-premju etern li wieħed jista’ jottieni billi jservi lil Kristu bil-ħerqa u l-purità, kif ukoll effettivament fl-Ispirtu, jista’ jkun imnaqqas meta wieħed jgħin jew jaħmel kwalunkwe tagħlim falz. 


2 Ġw.10. tirċevuhx fid-dar, u tgħidulux merħba. Il-projbizzjoni hawn mhijiex rigward il-każ meta tilqa’ nies għandek li ma jaqblux miegħek fuq punti minuri, jew nies oħra li jammettu apertament li mhumiex Kristjani però jixtiequ jitgħallmu mingħandek. 

Aktarx, Ġwanni qed iwissi dwar nies li kienu għaddejjin b’kampanja regolari biex jiddistruġġu l-veritajiet fondamentali tal-fidi. Il-kredenti m’għandhomx jassoċjaw mat-tali eretiċi. Ebda benefiċċju jew għajnuna mhi permissibbli. Għall-kuntrarju, il-fidili messhom jassistu biss lil dawk li jniedu l-verità fedelment (2 Ġw.5-8).