L-Ewwel Epistola lil Timotju


1 Tim.1:8. l-liġi hi tajba, jekk wieħed jużaha leċitament. Il-ġabra tal-kmandamenti hi tajba u utli għax tirrifletti r-rieda qaddisa t’Alla u l-istandard ġust tiegħu (Sal.19:7; Rum.7:12). Inkunu qed ninqdew biha leċitament, jew kif suppost, meta bħala midinbin tikkonvinċina mid-dejn spiritwali tagħna mal-Ħallieq (Rum.3:19) kif ukoll billi tmexxina lejn Kristu. Il-liġi nfisha ma ssalvaniex, iżda turina kemm neħtieġu Salvatur, ċoè lil Ġesù (Gal.3:24). 

Jekk ma twettaqx dan ir-rwol, allura l-liġi tisforza lill-bnedmin biex jagħrfu kemm tabilħaqq huma ħatja talli m’obdewx lil Alla, u hekk tikkundannahom u turi kemm verament jixraqilhom il-kastig tal-infern.


1 Tim.1:9-10. l-liġi mhix magħmula għall-ġust imma għall-bnedmin bla liġi u l-insubordinati. Dawk li jidhrilhom illi huma ġusti ma jsalvawx (Lq.5:32); wieħed mill-għanijiet tal-liġi hu illi tesponi l-falliment spiritwali u morali tagħna. Il-liġi mhijiex mezz biex insiru ġusi fina nfusna u bil-ħila tagħna, iżda mezz ta’ kundanna, u bil-konvinzjoni tagħha twassalna għall-indiema u l-appell tagħna lejn Alla biex iħenn għalina (1 Tim.1:15). 

Bħala maħfurin, imbagħad, il-liġi tiswielna biex tgħallimna l-mogħdijiet ġusti t’Alla. Mifhuma tajjeb, il-liġi tagħtina l-għerf dwar it-tip ta’ kondotta li togħġob lil Alla, kif ukoll dik l-imġiba kundannata minnu. Il-Patt il-Ġdid qatt ma jgħallem illi l-Kristjan jista’ jgħix bla liġi, jew m’għandux bżonnha. Għall-kuntrarju, hi tajba għalih (1 Tim.1:8), u hawn Pawlu jidwi diversi mill-Għaxar Kmandamenti (Es.20:1-17): għall-omiċidi, għall-fornikaturi, għall-omosesswali, għan-neguzjanti fl-ilsiera, għall-giddibin u l-isperġuri. 

Il-Kristjani mhumiex taħt il-liġi bħala sistema ta’ salvazzjoni (Rum.7:6; Gal.2:16; 3:19-26), iżda hu mistenni jobdiha bħala dixxiplu ta’ Ġesù (1 Kor.9:29), li ma ġiex biex jeqridha jew iwarrabha, iżda biex iwettaqha. Il-grazzja qatt ma tabolixxi l-liġi, anzi timmotivana u tgħinna nobduha (Titu 2:11-12). 


1 Tim.1:11. skont l-evanġelju. Obbligati nosservaw il-liġi t’Alla għax hi tajba, u fl-istess ħin l-evanġelju jurina illi bħala midinbin m’aħniex kapaċi. Dan jikxef id-depravità u t-tniġġis tagħna, iżda t-tama tagħna hi din: Kristu deher fostna apposta biex isalva lill-midinbin (1 Tim.1:15). 


1 Tim.1:15. fosthom jien l-ewlieni. Sawl ippersegwita l-knisja u vvilifika ’l Alla, u allura wieħed mill-agħar midinbin. Minn wieħed minfuħ bih innifsu jagħraf kemm hu dipendenti fuq il-ħniena divina. L-attitudni tiegħu nbidlet drammatikament (cf., Fil.3:7-9). 

minħabba f’hekk: sabiex Alla jesibixxi s-sabar u l-grazzja tiegħu mqar lejn l-agħar avversarji tiegħu. 


1 Tim.1:20. irħejthom lil Satana. Din hi probabbilment referenza għat-tqegħid ta’ dawn l-individwi barra x-xirka tal-knisja u allura lura fid-dinja, id-demanju tax-xitan (Ġw.12:31; 14:30; 16:11; 2 Kor.4:4; Ef.2:2). Espressjoni simili tinstab band’ oħra (1 Kor.5:5; cf., Mt.18:17). 

sabiex ikunu mgħallma ma jidgħux. L-għan tal-iskomunika hu dixxiplinarju – sabiex min ikun qed jiżbalja jirrikonoxxi l-erruri tiegħu u jindem (2 Tim.2:25-26; Titu 3:10). 


1 Tim.2:1. għall-bnedmin kollha. Kif nistgħu nintebħu mill-espressjoni ta’ wara, dan ma jfissirx “kull bniedem individwalment,” iżda aktarx kull tip ta’ nies, hi x’inhi s-sejħa, l-impjieg jew il-pożizzjoni tagħhom fil-ħajja. 


1 Tim.2:4. li jixtieq il-bnedmin kollha jsalvaw. Fis-sovranità tiegħu Alla ma ddeterminax illi kull bniedem għandu jkun salvat. Il-Bibbja ma tgħallimx l-universaliżmu, ċoè li l-umanità kollha se tkun mifdija minn Kristu; imqar f’din l-istess ittra jingħad li xi wħud jintilfu (1 Tim.4:1; 5:24; 6:10; cf., Mt.25:30,41,46; Riv.14:9-11). Aktarx Pawlu qed jaċċentwa l-benevolenza ġenerali t’Alla, li ma jiħux pjaċir bil-mewt tal-ħżiena, jew inkella għax-xewqa tiegħu illi kull tip ta’ nies (cf., 1 Tim.2:1) ikunu salvati (voldiri Alla ma għażilx il-magħżulin tiegħu minn grupp etniku wieħed). 

Jaqaw Alla jixtieq xi ħaġa (is-salvazzjoni tal-umanità totali) illi mhux kapaċi jwettaq? L-Arminjani jisħqu illi x-xewqa t’Alla hi din: illi jippriżerva l-libertà umana u ġenwina (li hi neċessarja għall-imħabba ġenwina) u għaldaqstant bilfors ikollu jħalli xi wħud jagħżlu illi jirroftaw l-offerta tas-salvazzjoni. Alla jixtieqhom isalvaw, iżda huma jagħżlu li ma jsalvawx. Din hi pożizzjoni żbaljata. 

Il-pożizzjoni Kalvinista hi wisq aktar biblika. Skont dil-fehma, ix-xewqa akbar t’Alla hi illi jesibixxi l-medda sħiħa tal-glorja tiegħu (Rum.9:22-23). Din tirriżulta fl-għażla li tiddependi fuq il-libertà tal-ħniena tiegħu u mhux fuq xi deċiżjoni umana (Rum.9:15-18). Dan il-vers, l-1 Timotju 2:4, ċertament jgħallem l-offerta ħielsa u universali tal-vanġelu lill-bnedmin; jixtieq jew irid turi li din l-offerta hi espressjoni bona fide tar-rieda tajba t’Alla. 


1 Tim.2:5. Il-ħidma salvivika ta’ Ġesù Kristu tinġabar hawn fl-istqarrija dwaru bħala medjatur wieħed ukoll bejn Alla u l-bnedmin. Medjatur hu bejjien jew intermedjarju, wieħed li jġib flimkien partijiet li jinsabu aljenati minn xulxin, bil-komunikazzjoni maqtugħa, jew saħansitra fi gwerra kontra xulxin. Il-medjatur irid ikollu x’jaqsam maż-żewġ naħat, jidentifika lilu nnifsu mat-tnejn, u jżomm l-interessi tat-tnejn. Irid ukoll jirrappreżenta wieħed lill-ieħor fuq bażi ta’ rieda tajba. Hekk Mosè kien medjatur bejn Alla u Iżrael (Gal.3:19), u kellem lill-poplu f’isem Alla meta kien mogħti l-liġi (Es.20:18-21) u kellem lil Alla f’isem il-poplu meta n-nies dinbet (Es.32:9-33:17). 

Kull membru tar-razza ribelluża u mwaqqa’ tagħna hu min-natura f’għadwa kontra Alla (Rum.8:7), u jinsab taħt l-għadab t’Alla, iċ-ċaħda li biha l-Imħallef tal-art kollha jesprimi l-korla attiva tiegħu minħabba l-ħażen tagħna (Rum.1:18; 2:5-9; 3:5-6). Jeħtieġ ikun hemm ir-rikonċiljazzjoni, jew tħabbib, tal-partijiet miġġielda. Dan iseħħ biss jekk l-għadab, jew dispjaċir, t’Alla hu sodisfatt, u l-qalb umana, li topponi ’l Alla u timmotiva mġiba xewwiexa kontrih, hi mibdula. Fil-ħniena meraviljuża tiegħu, Alla bagħat ’l Ibnu fid-dinja biex iwettaq ir-rikonċiljazzjoni meħtieġa. Mhuwiex il-każ li l-Iben aġixxa biex iberred ir-rabja ta’ Missier aħrax; l-inizjattiva kienet tal-Missier innifsu. Fi kliem Wistin ta’ Ippona, “b’mod tal-għaġeb u divin imqar meta bagħadna, kien iħobbna” (Kummentarju fuq Ġwanni 110.6; cf., Ġw.3:16; Rum.5:5-8; 1 Ġw.4:8-10). Fil-ministeru medjatorjali kollu tiegħu, l-Iben kien qed jagħmel ir-rieda ta’ Missieru.

Kristu kiseb rikonċiljazzjoni għal niesu darba għal dejjem billi offra ħajtu bħala sagrifiċċju minflokhom. Ħa posthom fuq is-salib, ġarr fuqu s-saħta li ġustament kienet tmiss lilhom (Gal.3:13); bit-tixrid ta’ demmu ġabilhom is-sliem (Ef.2:16-18; Kol.1:20). 

Il-paċi hawnhekk ifisser tmiem l-ostilità; il-ħtija spiċċat, u l-fidili m’għadhomx iżjed esposti għall-kastig retributtiv li altrimenti ma setgħux jevitawh. Fi kliem ieħor, Kristu rebaħ għalihom maħfra sħiħa u aċċettazzjoni eterna għall-ġejjieni. Dawk li rċevew ir-rikonċiljazzjoni permezz tal-fidi tagħhom fi Kristu huma magħduda bħala ġusti u jgawdi s-sliem m’Alla (Rum.5:1,10). Il-ħidma preżenti tal-Medjatur, li jwettaqha permezz ta’ messaġġiera umani, hi illi jipperswadi lil dawk li għalihom kiseb ir-rikonċiljazzjoni biex attwalment jirċevuha (Ġw.12:32; Rum.15:18; 2 Kor.5:18-21; Ef.2:17). 

Ġesù hu l-Medjatur ta’ patt ġdid (Ebr.9:15; 12:24), dak li bdielna relazzjoni ġdida ta’ sliem konxju m’Alla, li huwa wisq aħjar mill-arranġamenti matul il-Patt il-Qadim rigward il-ħtija tad-dnub (Ebr.9:11-10:18).

Kristu jwettaq tliet rwoli: huwa l-Profeta, il-Qassis, u s-Sultan. Dawn l-aspetti fil-missjoni tiegħu nsibuhom flimkien fl-Epistola lill-Ebrej:

1. Hu preżentat bħala s-Sultan messjaniku, eżaltat fuq it-tron tiegħu (Ebr.1:3,13; 4:16; 2:9).

2. Huwa wkoll is-Sommu Saċerdot kbir (Ebr.2:17; 4:14-5:10; kap.7-10), li offra lilu nnifsu ’l Alla bħala sagrifiċċju minħabba dnubietna. 

3. Barra minn hekk, Kristu hu l-messaġġier jew l-appostlu, il-mibgħut speċjali mingħand Alla (Ebr.3:1), li nieda l-messaġġ dwaru nnifsu (Ebr.2:3). Huwa msejjaħ Profeta (At.3:22) għall-istess raġuni, għaliex għallem lin-nies billi ddikjaralhom il-kelma t’Alla.

Filwaqt li fil-Patt l-Antik il-ħidma tal-profeta, qassis, u sultan kienet normalment imwettqa minn individwi separati, issa t-tliet karigi jintisġu flimkien f’Ġesù. Hija l-glorja tiegħu, mogħtija lilu mill-Missier, li jkun b’dan il-mod is-Salvatur suffiċjenti għalina. Aħna li nemmnu msejħa biex nifhmu dan, u nagħtu prova tagħna nfusna bħala niesu billi nitgħallmu minnu bħala l-profeta u l-għalliem tagħna, nobduh u nirrikonoxxuh bħala r-re tagħna, u nafdawh bħala l-qassis uniku tagħna. Il-Kristjaneżmu awtentiku jingħaraf meta wieħed jiċċentra l-fidi tiegħu fih. 

Mela, hemm wieħed biss li jarbitra bejn Alla u l-umanità biex hekk jirrikonċiljahom flimkien, Ġesù li hu nnifsu kemm Alla kif ukoll bniedem. Dan ir-rwol hu uniku għalih. L-idea ta’ medjaturi oħra – qassisin, Marija jew qaddisin oħra – hi totalment falza u tikkontradixxi l-Iskrittura. 


1 Tim.2:6. ta lilu nnifsu bħala riskatt għal kulħadd. Riskatt hu x-xiri ta’ lsir biex hekk ikun rilaxxjat. Il-mewta ta’ Kristu kienet fidwa li biha l-fidili huma lliberati u jgawdu ħelsien biex jaqdu lil Alla (cf., Gal.1:4; 2:20; Ef.5:2). Insibu diversi konċetti relatati mal-fidwa (Lq.1:68; 2:38; 24:21; Titu 2:14; Ebr.9:12; 1 Pt.1:18-19) u riskatt (Mt.20:28; cf., Riv.5:9). Il-lingwaġġ jirrifletti d-dikjarazzjoni ta’ Ġesù nnifsu (Mk.10:45). Ladarba Ġesù ta lilu nnifsu bħala l-prezz imħallas għall-ħelsien, allura l-idea ta’ sostituzzjoni (mewta minflok il-midinbin) hi inkluża. 

F’konsistenza mal-1 Timotju 2:1,4, għal kulħadd probabbilment hi referenza għal kull speċi jew tipi ta’ nies, minn kull ġens, mhux sempliċement minn fost il-Lhud. Alternattivament, tesprimi l-konvinzjoni ta’ Pawlu illi l-mewt ta’ Kristu hi suffiċjenti biex tifdi l-umanità kollha, frattant bl-intenzjoni u l-effett sovran t’Alla mhux kulħadd hu riskattat jew mifdi. 


1 Tim.2:7. araldu kien messaġġier investit b’awtorità pubblika biex iwassal messaġġi uffiċjali ta’ slaten, maġistrati, prinċpijiet jew kmandanti militari. 


1 Tim.2:8. jerfgħu ’l fuq idejn sagri hi postura tipika waqt it-talb (eż., Es.9:29; 1 Slat.8:22; Sal.28:2; 63:4; 141:2; Isa.1:15; Lq.24:50). Billi jaqbad il-kustjonijiet fl-1 Timotju 2:8-15 immedjatament wara l-1 Timotju 2:1-7, Pawlu jissuġġerixxi illi l-mod kif il-knisja tikkonduċi lilha nfisha f’qima korporata (unità, modestja, sottomissjoni xierqa) taffettwa b’mod sinifikanti l-effettività tagħha fl-evanġeliżmu.


1 Tim.2:9-10. L-enfasi u ż-żina tal-mara, avolja tkun sinjura, m’għadnux ikun estern u fiżiku, iżda b’modestja u diċenza u b’opri tajba (cf., 1 Pt.3:3-6). B’daqshekk mhux qed jissuġġerixxi li ma jagħtux kas l-apparenza tagħhom, iżda biss biex ma jinsewx il-prijorità ta’ ħajjithom. 


1 Tim.2:11. Il-mara jmissha titgħallem bi kwietha. Kif inhu indikat fl-1 Korintin 11:5, Pawlu ma jipprojbixxix kull parteċipazzjoni vokali tan-nisa fil-funzjonijiet tal-knisja. Aktarx, jikkmanda silenzju ta’ tip partikolari – silenzju li jirrispetta t-tagħlim awtoritattiv u r-rwol governanti tal-mexxejja fil-knisja (1 Tim.2:12). 

fis-sottomissjoni kollha. Is-sottomissjoni ma tindikax neċessarjament status inferjuri. Pawlu japplika dal-konċett lin-nisa miżżewġa (Ef.5:22; Kol.3:18; Titu 2:5; cf., 1 Kor.14:34), irġiel miżżewġa u n-nisa tagħhom (Ef.5:21), l-ulied (1 Tim.3:4), l-iskjavi (Titu 2:9), il-profeti (1 Kor.14:32), il-Kristjani inġenerali (Rum.13:1,5; 1 Kor.16:16; Titu 3:1), il-knisja kollha (Ef.5:24), u saħansitra Kristu nnifsu (1 Kor.15:28).


1 Tim.2:12-13. ma nippermettix li l-mara tgħallem jew teżerċita awtorità fuq ir-raġel; aktarx għandha tkun bi kwietha. Pawlu konxjament jikteb bl-awtorità ta’ appostlu (eż., 1 Tes.4:1; 2 Tes.3:6), aktarx milli sempliċement joffri opinjoni. Din id-direttiva hi mogħtija f’kuntest ta’ struzzjonijiet lill-knisja għall-irranġar ta’ prattika meta l-fidili jkunu miġbura flimkien. F’dak il-kuntest hu projbit illi n-nies jgħallmu l-Iskrittura pubblikament lill-irġiel, kif ukoll illi n-nisa jeżerċitaw awtorità fuq l-irġiel fil-knisja. 

Mill-bqija l-Bibbja tinkuraġġixxi n-nisa jgħallmu nisa oħra (Titu 2:4) u t-tfal (cf., 2 Tim.1:5). Li jgħid Pawlu hawn m’għandu x’jaqsam xejn mar-rwol tan-nisa f’sitwazzjonijiet ta’ tmexxija barra l-knisja (eż., fin-negozju jew gvern).

Għax Adam kien ifformat l-ewwel. Il-kelma Għax tindika l-bażi biblika għall-projbizzjoni. Pawlu jappella għall-ordni fil-ħolqien (Ġen.2:7,21-22). Juża argument simili, għalkemm b’xi kwalifiki, band’ oħra (1 Kor.11:8-12).

Kollox ma’ kollox, in-nisa għandhom mingħand Alla ministeru tremend fil-ġisem ta’ Kristu. Aħna u nikkonsidraw it-topik tar-rwol femminili fil-knisja, inżommu f’moħħna diversi punti:

1. Il-Bibbja tiddikjara illi n-nisa, bħall-irġiel, huma fix-xhieba t’Alla (Ġen.1:27). Min-natura huma ugwali mal-irġiel. M’hemm ebda differenza essenzjali – kemm il-maskil kif ukoll il-femminil huma ugwalment umani bil-ħolqien. 

2. In-nisa u l-irġiel huma ugwali bil-fidwa. Għandhom l-istess Mulej fuqhom u t-tnejn jaqsmu ugwalment fl-istess salvazzjoni (Gal.3:28).

3. Id-doni tal-Ispirtu jingħad li huma għal kulħadd, irrispettiv hux raġel jew mara. In-nisa għandhom l-istess doni għall-ministeru fil-ġisem ta’ Kristu bħalma għandhom l-irġiel. Hu mistenni minnhom illi jedifikaw, bħall-irġiel, il-ġisem ta’ Kristu, anke bil-profezija (At.2:17-18; 21:9) u t-tagħlim (At.18:26; Titu 2:4), mbasta mhux f’kuntest ta’ knisja miġbura, fejn hemm irġiel u nisa flimkien.

4. Matul l-istorja Alla bierek permezz tan-nisa fil-ministeru. Forniehom biex jaqdu lil ħaddieħor. Dawn jinkludu lil Mirjam fil-qasam tal-mużika (Es.15:20), Debora fit-tmexxija (Imħ.4:4), Ħulda l-profetessa (2 Kron.34:22), Anna l-profetessa, u wlied Filippu li kienu jipprofetizza (Lq.2:36; At.21:8-9), Priskilla li ma’ żewġha għenet lil Apollo jifhem l-Iskrittura aħjar (At.18:26), u Febe d-djakunissa, li ngħatalha rwol kruċjali filli twassal l-epistola ta’ Pawlu indirizzata lill-knisja f’Ruma (Rum.16:1).

5. Ġesù kellu nisa li assistewh fil-ministeru (Lq.8:1-3; 23:49). Huwa sinifikanti ħafna illi f’kultura patrijarkali Ġesù għażel l-ewwel lin-nisa biex jurihom lilu nnifsu ħaj wara l-qawmien tiegħu (Mt.28:1-10; Ġw.20:10-18).

6. X’ried ifisser Pawlu bil-frażi illi n-nisa għandhom ikunu siekta fil-knisja, forsi hu miftuħ għad-dibattitu, iżda ċertament mhux qed jgħallem illi n-nisa m’għandhom ikollhom ebda ministeru fil-knisja. Istruwixxa lin-nisa dwar kif għandhom jitolbu u jopprofetizzaw fil-knisja, ċoè, b’mod diċenti u bl-ordni (1 Kor.11:5). Jerġa’, kien hemm ukoll ħinijiet meta l-irġiel kollha kellhom ikunu “siekta” wkoll, ċoè, meta xi ħaddieħor kien qed jitkellem mingħand Alla (1 Kor.14:28).

7. Pawlu ma eżitax milli jkollu nisa jgħinuh fil-ministeru (Fil.4:2-3). Ninnotaw x’rikonoxximent profond kellu lejn Priska u żewġha (Rum.16:3-4). Jgħid li ċerta Marija tħabtet ħafna għall-aħwa f’Ruma (Rum.16:6). Jibgħat iselli wkoll “għal Trufajna u Trufosa, li jitħabtu qatigħ fis-Sid. Sellu għal Persi, il-maħbuba, li f’qabda ħwejjeġ tħabtet wisq fis-Sid. Sellu għal Rufu, il-magħżul fis-Sid, u għall-omm tiegħu u tiegħi” (Rum.16:12-13). Nistgħu biss nimmaġinaw kif omm Rufu serviet bħala ommu wkoll. 

8. Meta mifhuma fil-kuntest, il-passaġġi fejn jingħad li n-nisa għandhom ikunu “siekta” mhumiex qed jinnegaw il-ministeru tan-nisa, iżda jillimitaw l-awtorità tagħhom (1 Tim.2:12). Isegwi l-eżortazzjoni tiegħu biex “jibqgħu siekta” billi jfakkarhom illi għandhom ikunu “sottomessi” (1 Kor.14:34). Ovvjament, l-irġiel ukoll kienu taħt awtorità u kellhom bżonn jissottomettu għal Kristu bħala r-ras tagħhom (1 Kor.11:3).

9. Alla ta lin-nisa rwol eżaltat kemm bl-ordni tal-ħolqien kif ukoll tal-fidwa. L-ewwel nett, Eva ma kinitx maħluqa minn riġlejn Adam biex tintrifes minnu, lanqas minn rasu biex taħkem fuqu, iżda minn ġenbu biex tkun ugwali miegħu u kumpanna korrispondenti miegħu (Ġen.2:19-25).

10. Jerġa’, kull raġel li jiġi fid-dinja jinġarr inizjalment f’ġuf ta’ mara (1 Kor.11:12). Il-maġġoranza vasta tal-bnedmin huma mrobbija mill-mara tul l-infanzja, it-tfulija u ż-żgħożija sakemm jikbru. Bit-twelid u t-trobbija, Alla żejjen lill-mara bir-rwol meraviljuż illi biha jkunu fformati l-bnedmin kollha, inkluż kull raġel, fiż-zmien l-iżjed impressjonabbli ta’ għomorhom, kemm qabel (Sal.139:13-18) kif ukoll wara twelidhom. 

11. Addizzjonalment, meta Bin Alla għażel l-istrumentalità kif kellu jkun manifestat fostna (Ġw.1:14). ma kienx b’ħolqien dirett ta’ ġisem uman (bħal fil-każ ta’ Adam), jew billi assuma forma viżibbli (bħall-Anġlu tal-Mulej). Aktarx, kien ikkonċeput mirakolożament f’ġuf verġni u żviluppa normalment (Mt.1:20-21; Gal.4:4).

12. Tabilħaqq, il-prova finali illi m’hemm xejn degradenti dwar is-sottomissjoni hi illi Kristu, Alla f’laħam uman, hu dejjem sottomess għall-Missier, kemm fuq l-art u kif ukoll fis-smewwiet (Fil.2:5-8; 1 Kor.15:28). Ir-raġel bħala r-ras u t-tmexxija maskili mhumiex sempliċement ħaġa kulturali. Dan jidher mill-fatt illi huma bbażati fuq l-ordni tal-ħolqien (1 Kor.11:9; 1 Tim.2:13).


1 Tim.2:15. se tkun salvata filli twelled l-ulied. Ovvjament Pawlu ma jemminx illi n-nies jistgħu jsalvaw fis-sens illi jkunu ġustifikati u maħfura quddiem Alla billi jkollhom l-ulied, jew b’xi mezzi oħra ħlief bil-fidi fi Kristu (Ef.2:8-9). Niftakru li l-Patt il-Ġdid juża l-kelma “salva” jew “salvazzjoni” f’sens illi wieħed progressivament jasal biex jesperjenza l-aspetti kollha tas-salvazzjoni, inkluż it-taqdis u l-glorifikazzjoni tagħna. F’dak is-sens, is-salvazzjoni tibqa’ għaddejja (cf., Fil.2:12-13). 

Nistgħu wkoll nifhmu dan bħala referenza għas-saportu u l-perseveranza fil-fidi meħtieġa għas-salvazzjoni eterna (cf., Mt.10:22; 24:13, eċċ.). In-nies isalvaw hekk kif jipperseveraw jew jissoktaw (tibqa’) fil-fidi biex iwettqu s-sejħa tal-Mulej f’ħajjithom; eżempju minnhom hu r-rwol uniku tal-mara filli tiled l-ulied. 



1 Tim.3:2. raġel ta’ mara waħda biss. Din l-espressjoni diffiċli (1 Tim.3:12; Titu 1:6; cf., 1 Tim.5:9) hemm min fehemha bħala projbizzjoni kontra l-poligamija, it-tieni żwieġ wara divorzju, jew infedeltà maritali. Din tal-aħħar, tant prevalenti fid-dinja Griega Rumana li fiha Pawlu għex, donnha taqbel l-aħjar mal-kuntest.

Il-presbiteri tal-knisja għandhom ikunu rġiel. Madankollu, dan b’ebda mod ma jitfa’ fil-għajb jew inaqqas ir-rwol tan-nisa, kemm fil-familja kif ukoll fil-knisja. Il-fatt illi l-irġiel ma jistgħux iwelldu t-trabi mhix degradenti għall-umanità tagħhom jew ir-rwol tagħhom fil-familja. Sempliċement Alla ma tahomx dik il-funzjoni, iżda oħra differenti. 


1 Tim.3:9. l-misterju tal-fidi hu referenza għall-verità rivelata tal-evanġelju (1 Tim.3:16; cf., Rum.16:25-26; 1 Kor.2:7; 4:1; Ef.1:9; 3:3-9; 6:19; Kol.1:26-27; 2:2; 4:3). 


1 Tim.3:10. l-ewwel ikunu ttestjati. Probabbilment mhux qed jissuġġerixxi illi jkun hemm perjodu ta’ probazzjoni, iżda aktarx ikunu eżaminati bir-reqqa inkwantu l-kondotta u l-impenn tagħhom għat-tagħlim bibliku.


1 Tim.3:13. jakkwistaw grad tajjeb: jottieni miżura ta’ dinjità u unur.


1 Tim.3:15. il-kolonna u s-sostenn tal-verità. Il-knisja tipprovdi s-sapport għaż-żamma u t-tixrid tal-verità divina. F’oppożizzjoni għas-setet li kienu qed jinbtu mqar dakinhar, Pawlu jsostni illi l-verità tal-vanġelu tinsab fil-knisja (il-komunità tal-fidili veri) u hi sostnuta minnhom. 


1 Tim.3:16. ġustifikat fl-Ispirtu, jew ivvindikat bl-Ispirtu, permezz tal-irxoxt glorjuż tiegħu li bih intwera innegabbilment bħala Bin Alla (Rum.1:4). 


1 Tim.4:1. fi żminijiet futuri ma tissinifikax sempliċement perjodu qasir qabel ma jirritorna Ġesù fuq l-art. Fi qbil mal-perspettiva ġenerali tal-Patt il-Ġdid, huma l-era inawgurata mill-ewwel avvent ta’ Kristu u se tkun kompluta fil-parusija, jew miġja, futura tiegħu (2 Tim.3:1; cf., At.2:17; Ebr.1:2; 1 Pt.1:20; 1 Ġw.2:18).


1 Tim.4:1-2. immarkati fil-kuxjenza tagħhom stess b’ħadida mikwija. Xi kriminali kienu jkunu kkastigati billi jittimbrawlhom ġisimhom b’marka minn ħadida mikwija. Dawk li japostataw mill-fidi huma magħduda bħala kriminali b’kuxjenza li m’għadhiex tħoss, bħalma ġilda maħruqa ma tibqax sensittiva. 


1 Tim.4:4. kull ħaġa kreata minn Alla hi tajba. L-axxetika tikkontradixxi din id-dikjarazzjoni. Alla waqqaf iż-żwieġ u jagħti l-ikel lill-bnedmin, u allura huma intrinsikament tajbin, u jistgħu jkunu gawduti b’radd il-ħajr. 


1 Tim.4:7. skansa l-ħrejjef. Il-bniedem t’Alla hu mwissi biex ma jintilifx f’diskussjonijiet bla fejda u frivolużi. 


1 Tim.4:8. l-eżerċizzjoni fiżiku, bħalma hu t-taħriġ atletiku għal-Logħob Olimpiku u Istmijan ta’ dak iż-żmien (cf., 1 Kor.9:27), kien popolari fost il-Griegi, u meħud bl-ikbar serjetà. Frattant Pawlu jikkuntrastja l-valur limitat tiegħu mal-ittrenjar spiritwali, li jħalli riżultati kemm preżenti kif ukoll għall-eternità. 


1 Tim.4:10. li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha. Mhux għax in-nies kollha se jmorru l-ġenna. Fil-kuntest, Alla hu s-Salvatur fis-sens li jgħin u jsostni lil kulħadd, mhux għax jaħfer id-dnubiet ta’ kulħadd. Din hi affermazzjoni tal-grazzja komuni t’Alla li biha jseddaq u jipproteġi lin-nies fil-bżonn.

B’mod aktar speċjali u profond, hu s-Salvatur speċjalment tal-kredenti, dawk li jqiegħdu l-fiduċja tagħhom f’Ibnu Ġesù. L-enfasi hu fuq l-għożża u t-tjieba divina fuq id-dinja mitlufa. Tul l-ittra Pawlu qed jenfasizza għal darb’ oħra (cf., 1 Tim.2:3-5) illi r-rieda t’Alla li n-nies isalvaw hi l-bażi għall-missjoni universali fdata lill-knisja (cf., Mt.28:19-20). 


1 Tim.4:13. Il-qari pubbliku tal-Iskrittura kien prattikat fl-antik f’Iżrael (Neħ.8:1-6; cf., 2 Kor.3;14), fis-sinagogi (Lq.4:14-21; At.13:15), u matul il-qima pubblika tal-knisja (Kol.3:16; 1 Tes.5:27). Hu komponent integrali tal-qima, u qatt m’għandu jiġi mwarrab. Alla jkellimna bih bħalma aħna nkellmuh bit-talb. 


1 Tim.4:16. billi tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u lis-semmiegħa tiegħek. Alla waħdu jagħti s-salvazzjoni (1 Tim.4:10; 1:1; 2:3), iżda jogħġbu jinqeda b’niesu biex iwasslu s-salvazzjoni lil ħaddieħor. Is-salvazzjoni mhijiex kompluta meta wieħed isir jemmen. Ċertament, bil-fidi aħna ġustifikati u naslu wkoll biex inkunu assigurati mis-salvazzjoni. Imma l-fidi wkoll tibda proċess tul il-bqija tal-għomor individwali, proċess ta’ taqdis li jissokta sal-glorifikazzjoni finali fis-smewwiet. It-taqdis, jew santifikazzjoni, hu għemil Alla li jiddomanda l-attività kooperattiva ta’ wliedu (Fil.2:12). 


1 Tim.5:1-2. Iċċanfarx raġel aktar anzjan minnek. L-Iskrittura tesiġi rispett u ġieħ lejn is-superjuri tagħna fl-età (Ġen.46:29; Lev.19:32; 1 Sam.22:3; Prov.19:26; Lam.5:12). B’daqshekk ma jfissirx li n-nuqqasijiet tagħhom jgħaddu: mexxej fi knisja xorta waħda jista’ jeżortahom b’approwċ simili għal kif iben jirraġuna ma’ missieru. 


1 Tim.5:5. ttamat f’Alla, u tissokta fis-suppliki. Faqar tabilħaqq sikwit wassal lir-romol għal ħajja eżemplari ta’ talb u dipendenza fidila fuq Alla. Għat-talin, il-knisja jmissha tkun l-id viżibbli t’Alla biex dawn l-imsejkna jkunu provduti bi ħtiġijiethom. 


1 Tim.5:10. ħaslet saqajn il-qaddisin. Espressjoni konvenzjonali ta’ servizz u qadi umli f’kultura fejn in-nies kienu jilbsu l-qrieq u jimxu f’toroq mutraba (cf., Ġw.13:4-5). Aħna kmandati nservu lil xulxin, imqar fi ħwejjeġ umli (Ġw.13:14-15). 


1 Tim.5:17. denji t’unur doppju, ċoè il-ġieħ tal-pożizzjoni kif ukoll renumerazzjoni finanzjarja. 


1 Tim.5:23. uża daqsxejn inbid (ara nota fi Ġwanni 2:3).


1 Tim.6:1-2. Il-qaddejja u lsiera huma msejħa juru ubbidjenza xierqa biex jevitaw il-kritika, b’dannu għall-vanġelu. 


1 Tim.6:6-10. Il-kuntentizza timplika illi Kristjan dejjem għandu biżżejjed fil-Mulej. L-ambizzjoni għall-flus twebbel lill-individwu biex jiżvija mill-fidi, b’dannu u rimors għalih innifsu. 


1 Tim.6:12. aqbad il-ħajja eterna. Ċoè, tintelaqx jew titgħażżinx. Filwaqt li l-fidi fi Kristu hi l-bidi ta’ ħajja ġdida (1 Tim.4:8), l-għan tal-ħajja Kristjana hi dejjem fil-ġejjieni (1 Tim.6:19; cf., Fil.3:12; 2 Tim.4:8). Dan jinvolvi l-ħarba mid-dnub u x-xenqa vigoruża għall-virtù.


1 Tim.6:16. Alla waħdu għandu l-immortalità, min-natura tiegħu stess. Il-fidili tingħatalhom l-immortalità bħala għotja mingħandu, iżda mhijiex intrinsika għan-natura tagħhom bħala ħlejjaq. Jerġa’, Alla hu immortali għax la għandu bidu u lanqas tmiem, mentri l-bnedmin u l-anġli għandhom bidu, u jibqgħu jeżistu. 

jgħammar f’dawl inaċċessibbli. Bnadi oħra jingħad illi Alla jgħammar fid-dlam (1 Slat.8:12; Sal.18:11; 97:2). Dawl u dlam jistgħu jkunu figuri tad-diskors, bla m’għandna għalfejn neħduhom litteralment. It-tnejn jiddeskrivu kemm tabilħaqq ma nistgħux niskandaljaw jew nifhmu kulma hu Alla (Rum.11:33). Imqar jekk hu litteralment hekk, nistgħu nfissruhom illi d-dawl qawwi tad-divinità traxxendenti tiegħu kapaċi jkun dlam għat-tentattiv fjakk tagħna biex nikkomprendu lil Alla. 


1 Tim.6:17-18. Ordna lill-għonja. M’hemm xejn ħażin filli tippossiedi r-rikkezzi, dment li ma tkun possedutx mir-rikkezzi. Minħabba f’hekk Ġesù ordna lill-ħakkiem biex ibiegħ kulma kellu u jagħti l-introjtu lill-foqra (Mt.19:21). Abraħam u David kienu għonja, u frattant irġiel t’Alla. Fil-knisja Pawlu jagħti struzzjoni lis-sinjuri kif jamministraw tajjeb il-ġid tagħhom, mhux biex jarmuh jew igeddsuh. 


1 Tim.6:20. id-depożitu hu l-verità t’Alla, speċjalment l-evanġelju. Hu r-rivelazzjoni divina li Alla kkommetta lil kull Kristjan, partikolarment dawk fi rwol ta’ tmexxija u tagħlim, biex ma jħallux il-verità tkun imtappna, iżda mxandra kif inhi (1 Kor.4:1; 1 Tes.2:3-4; 2 Tim.1:14)