L-Ewwel Epistola lit-Tessalonikin


1 Tes.1:1. lill-knisja tat-Tessalonkin. Tessalonika kienet belt port Maċedonjana, it-tieni belt Ewropea fejn Pawlu pietka l-vanġelu. Kienet imdaqqsa u popolata. Kassandru kabbarha u semmieha għal martu Tessalonika, oħt Alessandru l-Kbir. Taħt ir-Rumani kienet belt notevoli, u eventwalment saret belt ħielsa u l-kapitali tal-Maċedonja. Kienet sitwata fuq waħda mir-rotot minn Ruma għal-Lvant, u saret ċentru kummerċjali famuż. Dan naturalment attira lil-Lhud hemm fejn bnew sinagoga. Meta Pawlu xandar il-vanġelu hemm, xi Lhud u bosta Griega emmnu; u meta kien Korintu kitbilhom iż-żewġ epistoli ispirati tiegħu. 


1 Tes.1:3. fidi...imħabba...tama. It-tliet virtujiet prinċipali huma l-frott tal-għotja tat-twelid mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu. Qatt mhuma rieqda, iżda jipproduċu attività fir-ruħ u fil-ħajja prattika. 


1 Tes.1:4. hu għażilkom. Alla ppredestina lil niesu għas-salvazzjoni billi għażilhom fi Kristu qabel kull żmien. Infallibbilment jagħmel l-għażla tiegħu effettiva f’xi stadju fil-korsa ta’ għomorhom, hekk illi jisimgħu u jemmnu l-vanġelu. Kull fidil nidem u emmen għax hu magħżul għall-ħajja eterna (At.13:48). 

l-evanġelju tagħna ma ġiex għandkom bil-kelma biss. Il-fidi, li biha nirċievu l-vanġelu bħala messaġġ mis-sema, hi evidenza ta’ għażla mill-eternità. Ħafna nies jisimgħu l-vanġelu bil-widna iżda ma jippenetrax sal-qalb. Il-magħżulin biss, u ħadd ħliefhom, ma jaslu biex jemmnu, u jemmnu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fihom. 


1 Tes.1:6. imitaturi tagħna u tas-Sid. Il-Bibbja tirrikkmandalna li nżommu nies spiritwali u maturi bħala mudelli u eżempji għalina nfusna, għax b’hekk inkunu, b’mod ħaj u viżibbli, nimitaw lil Sidna nnifsu (1 Kor.11:1). 

Meta n-nies ikunu ġenwinament ikkonvertiti, isiru dixxipli sinċiera. U jġarrbu wkoll żewġ realtajiet konfliġġenti: ibatu minħabba l-identità tagħhom ma’ Ġesù u fl-istess ħin huma ferħana b’ferħ maħdum fihom mill-Ispirtu. 


1 Tes.1:7-8. Idealment kull Kristjan isir mudell jew eżempju għan-nies li jafuh. Dawn it-Tesslonkin, avolja konvertiti riċenti, kellhom fidi konsistenti u soda.


1 Tes.1:9. dortu lejn Alla. Il-bidla ċentrali fil-konverżjoni hi apprezzament ġdid t’Alla u l-klejms tiegħu fuqna. Il-fidi mhijiex biss kredu intellettwali iżda stil radikalment ġdid ta’ ħajja, b’Alla dominanti fuqha. 


1 Tes.1:10. tistennew ’l Ibnu mis-smewwiet. Jum wieħed Kristu għad jirritorna f’did-dinja. It-tieni miġja tiegħu tkun żjara rjali. Kristu għad jiġi personalment u fil-ġisem, bħalma l-appostli rawh tiela’ fis-smewwiet (Mt.24:44; Atti 1:11; Ebr.9:28; 2 Tim.4:8); għad jiġi viżibbilment u trijonfalment (Mk.8:38; 2 Tes.1:10; Riv.1:7).

Mal-avvent tiegħu Kristu jġib fit-tmiem il-ġrajja tad-dinja kif nafuha bħalissa. Għad iqajjem lill-mejtin kollha u jiġġudikahom; lil ulied Alla jagħtihom il-glorja finali tagħhom (Rum.8:17-18; Kol.3:4). Imbagħad Kristu jagħti s-saltna lill-Missier (1 Kor.15:24-28). B’daqshekk il-Bibbja ma tridx tfisser li jonqoslu l-unur, iżda li jkun temm il-pjan li Alla reħa f’idejh biex jifdi l-magħżulin tiegħu. 

Mit-tħabbir li għandna rigward il-miġja ta’ Kristu, ma nistgħu nikkonkludu ebda data: iż-żmien tar-ritorn tiegħu jibqa’ kompletament mhux magħruf (Mt.24:36).

Kristu jgħallem li jkun diżastru traġiku għal dawk li ma jkunux preparati meta jirritorna (Mt.24:36-51). Il-ħsieb ta’ dit-tama mbierka għandu jkun f’moħħna kontinwament, għax jinkuraġġina biex naqdu lil Sidna lealment (1 Kor.15:58) u jħajjarna ngħixu fis-safa biex inkunu lesti ħa niltaqgħu ma’ Kristu fi kwalunkwe żmien (Mt.25:1-13).

Ġesù, li jeħlisna mir-rabja li ġejja. Il-mewt ta’ Kristu neħħiet l-għadab divin żmien twil ilu, iżda s-sinifikat tas-sagrifiċċju riparatorju tiegħu għad ikun manifestat f’jum il-ġudizzju. Bl-intervent u l-medjazzjoni ta’ Kristu, il-fidili tiegħu ma jaqgħux taħt il-kundanna u l-kastig tal-infern li altrimenti jkun jixraqilhom. 


1 Tes.2:4. Fl-aħħar mill-aħħar id-den u l-karattru veru tal-bniedem narawh f’dan id-dawl: qed jimmira biex jogħġob lilu nnifsu jew lil Alla? (Gal.1:10). Kapitlu 2 kollu jiżvela l-kondotta ta’ evanġelista: ir-rettitudni (1 Tes.2:1-4), il-bżulija sinċiera (1 Tes.2:5-9), l-imġiba safja (1 Tes.2:10-12), u l-interess ġenwin tiegħu fil-mitlufa u fis-sofferenzi tad-dixxipli (1 Tes.2:13-20). 


1 Tes.2:13. il-kelma t’Alla, li wkoll topera fikom li temmnu. L-evanġelju u l-verità t’Alla, għalkemm jaslulna permezz ta’ aġenzija umana, huma mingħand Alla bħala sors, u allura ta’ importanza divina. Kelmtu tibdilna moralment bil-ħidma misterjuża tal-Ispirtu s-Santu (Isa.55:11; At.20:32; Ebr.4:12; 2 Tim.2:15-17). 


1 Tes.2:15. qatlu. L-inkredulità tipproduċi għadwa u avversità kontra n-nies tal-Mulej; hi reazzjoni mistennija. 


1 Tes.2:16. laħqithom kompletament ir-rabja t’Alla. Din tista’ tkun profezija tal-katastrofi li kellha tiġri lil Ġerusalemm fis-sena 70 w.K., jew inkella għas-sensiela ta’ kalamitajiet li kienu diġà bdew u kellhom jilħqu l-quċċata tagħhom f’dak id-diżastru nazzjonali.

Tista’ wkoll tirreferi għat-twebbis punittiv fuq parti kbira ta’ Iżrael minħabba illi rroftaw lil Ġesù bħala l-Messija (Isa.6:9-10; Mt.13:14-15). Qabbel ħidma simili tal-għadab t’Alla fuq il-pagani (Rum.1:18-32). 

Għama parzjali waqgħet fuq Iżrael u tibqa’ sakemm il-milja tal-Ġentili tiddaħħal fl-isfera tas-salvazzjoni, ċoè sa tmiem did-dinja preżenti. Il-parti ta’ Iżrael li mhijiex suġġettata għal dat-twebbis hi l-fdal (Isa.6:13), li tul l-era tal-Patt il-Ġdid jkomplu bħala l-oġġett tal-ħniena t’Alla, u jsibu salvazzjoni filli jagħrfu u jemmnu f’Ġesù bħala l-Messija tagħhom. 


1 Tes.2:17. naraw wiċċkom b’xewqa intensa. L-imħabba Kristjana tiġbed lill-aħwa flimkien, spontanjament u irreżistibbilment. Hi marka ċerta ta’ wlied Alla. 


1 Tes.2:18. Satana jostakola, joħloq impedimenti u jiffrustra xi xewqat ta’ wlied Alla, għax hu l-avversarju tagħhom, iżda jinsab kull ħin taħt is-setgħa u l-awtorità ta’ Kristu s-suprem. 


1 Tes.2:19-20. intom il-glorja u l-ferħ tagħna. Predikaturi bis-siġill t’Alla fuqhom jixtiequ onestament il-ġid tal-kongregazzjoni, u jantiċipaw l-hena dejjiema tagħhom meta Kristu nnifsu jirritorna mis-sema. 


1 Tes.3:3. ddestinati. Meta ħatru għall-appostolat, Alla wissa lis-serv tiegħu illi kellu jsofri għal isem Kristu (At.9:16). Allura t-Tessalonkin m’għandhomx jaħsbu illi l-pjan t’Alla falla minħabba l-gwaj li minnu għadda Pawlu. L-afflizzjonijiet tiegħu mhumiex evidenza tad-dispjaċir t’Alla, iżda wettqu l-għan misterjuż t’Alla.


1 Tes.3:5. bgħatt ħalli nkun naf dwar il-fidi tagħkom. Pastor denju hu dejjem ikkonċernat biex il-fidili jikbru u jissaħħu fil-fidi, u jkunu ġenwinament frott tal-Kelma mxandra.


1 Tes.3:7-8. issa realment ngħixu, jekk intom tieqfu sħiħ fis-Sid. Il-ministeru ta’ Pawlu kien miġbur fis-saħħa spiritwali tal-kongregazzjoni f’Tessalonika. L-inkuraġġiment tiegħu ddependa fuq ir-rispons tagħhom.


1 Tes.3:11-13. jalla s-Sid iżidkom. Ministru tajjeb tal-vanġelu jagħraf l-importanza vitali tal-interċessjoni, sabiex l-aħwa javvanzaw fl-imħabba u fil-qdusija. 

Il-qaddisin huma kemm anġli (Lq.9:26) kif ukoll il-mifdija (1 Tes.4:13-18). 


1 Tes.4:1-12. kif jeħtiġilkom timxu u togħġbu ’l Alla. L-imġiba xierqa għall-Kristjani hi ubbidjenza għar-rieda qaddisa t’Alla: negattivament, billi jevitaw pjaċiri midinba, u pożittivament, billi jħobbu lill-proxxmu. 


1 Tes.4:3. din hi r-rieda t’Alla, il-qdusija tagħkom. Ir-rieda t’Alla nisgħu nqisuha f’żewġ aspetti:

1. Ir-rieda tad-digriet etern tiegħu. Kultant, bħall-Efesin 1:11, ir-rieda t’Alla tiddeskrivi l-għan etern tiegħu li jiddetermina l-istorja umana, li ma nistgħux inkunu nafuh ħlief billi nosservaw l-iżvolġiment tal-istorja jew inkella b’rivelazzjoni speċjali (profezija). Din hi r-rieda tad-digriet tiegħu, moħbija jew sigrieta, xi ddeċieda li jseħħ Alla matul iż-żminijiet, inkluż ir-realtà tad-dnub. Din ir-rieda tesibixxi s-sovranità assoluta tiegħu fuq il-ħolqien.

2. Ir-rieda morali tiegħu. Bnadi oħra, bħala hawn u fl-1 Tessalonkin 5:18, tirreferi għad-dover li Alla annunzja permezz ta’ Kelmtu, li aħna obbligati nkunu kkonformati magħha. Hi r-rieda preċettiva jew rivelata t’Alla (Dt.29:29), li tinkludi l-kmandamenti kollha indirizzati lill-bnedmin biex josservawhom. Din ir-rieda tesprimi l-qdusija u l-ġustizzja t’Alla. 


1 Tes.4:4. jippossiedi r-reċipjent tiegħu nnifsu. Il-Bibbja tisħaq fuq is-santità taż-żwieġ u l-evitar ta’ kull immoralità. Pawlu hu sensittiv meta jitkellem dwar is-sess (Rum.1:26-27; 9:10; 13:13; 1 Kor.5:1; 7:1-5; 12:23). Dakinhar il-kelma reċipjent kienet tintuża għall-organi sesswali, kemm maskili kif ukoll femminili. 


1 Tes.4:8-9. min jirrofta dan. Min jistmerr lil ħuh ikun qed jistmerr lil Alla. L-Ispirtu s-Santu hu mogħti lill-fidili sabiex jirnexxilhom jgħammru flimkien fi mħabba fraterna. 


1 Tes.4:11. taħdmu b’idejkom. L-antiki kellhom stmerrija għax-xogħol, speċjalment għall-ħaddiema manwali. Frattant ix-xogħol hu barka, jipproduċi l-ġid u jagħti sodisfazzjon lill-ħaddiem. 


1 Tes.4:13. reqdin hi metafora għal nies mejta. Fil-Patt il-Ġdid qatt ma tintuża fis-sens illi l-erwieħ tal-mejtin huma inkonxji jew jinsabu fil-qabar. Huma reqdin fis-sens li l-ġisem tagħhom qed jistenna l-qawmien fl-aħħar jum. L-erwieħ tal-fidili jibqgħu konxji u huma mbierka fil-preżenza t’Alla bejn mewthom u r-resurrezzjoni (Lq.16:19-31; 23:42-43; Ġw.14:1-3; 2 Kor.5:6-8; Fil.1:23; Riv.6:9-11; 7:9-17; 20:4-6). 


1 Tes.4:14. Alla se jġib miegħu. Jista’ jkun għax idaħħalhom fil-preżenza glorjuża tiegħu fil-ġenna (1 Tes.3:13) jew fis-saltna eterna bil-qawmien fl-aħħar jum (1 Kor.6:14; 2 Kor.4:14). Probabbilment qed jirreferi għal meta jġibhom fuq l-art meta jirritorna Kristu. Hu x’inhu, il-faraġ hu reali u t-tama ma tiddiżappuntax. 


1 Tes.4:15. aħna l-ħajjin u li nitħallew sal-miġja tas-Sid. Pawlu donnu qed jimplika illi Kristu kellu jirritorna qabel mewtu, mentri nafu li hemm profeziji li għadhom ma seħħewx qabel ma jseħħ dan l-avvenimenti grandjuż (eż., Mt.24:14; 2 Tes.2:1-5). M’għandhiex għalfejn tkun problema din għax aħna tista’ tkun ekwivalenti għal dawk li jkunu għadhom ħajjin. Dakinhar Pawlu kien għadu mal-ħajjin, u seta’ allura jitkellem hekk. Barra minn hekk, Pawlu abbli kien qed jesprimi t-tama tiegħu, mingħajr ma jafferma li attwalment se jkun ħaj meta Kristu jirritorna. Wara kollox, il-parusija, jew miġja, ta’ Kristu hi t-tama ta’ wlied Alla kollha (Titu 2:13). 


1 Tes.4:16-17. b’għajta ta’ kmand, bil-leħen tal-arkanġlu u bit-trumbetta t’Alla. Hekk il-mejtin jissejħu biex iqumu mit-trab. L-uniku arkanġlu identifikat fil-Bibbja hu Mikiel (Ġuda 9). Trumbetti fil-Patt il-Qadim jipproklamaw il-preżenza tal-Mulej (Es.19:16; 1 Kron.16:6; Sal.47:5; Ġoel 2:1; Żak.9:14). Fit-tradizzjoni Lhudija t-trumbetta hi assoċjata mal-battalja, jum il-Mulej, u r-resurrezzjoni (cf., 1 Kor.15:52). 

Dawk li jgħallmu li Kristu se jiġi f’miġja sigrieta ma jikkonsidrawx bis-serjetà dan il-vers, l-iktar wieħed storbjuż fil-Bibbja kollha! Il-ħatfa tal-knisja se tkun pubblika u mhux sigrieta (Lq.17:24; 21:35; Riv.1:7). Jipprovaw jiskapulaw billi jgħidu li mbagħad se jirritorna għal darb’ oħra wara seba’ snin. Imma l-Bibbja ssemmi miġja futura waħda, mhux tnejn, fl-aħħar jum.

se nkunu maħtufin flimkien magħhom. Dil-profezija mhijiex mogħtija biex tissodisfa l-mistoqsijiet kollha tagħna jew biex taqtagħlna l-kurżità; hi preżentata pastoralment biex tikkonforta lill-vistużi u Kristjani mħawdin bil-mewt ta’ ħuthom maħbuba. L-assigurazzjoni ċerta hi illi l-fidili kollha bla distinzjoni, kemm dawk li jkunu baqgħu ħajjin kif ukoll dawk irxoxtati, għad ikunu għal dejjem mas-Sid Ġesù, u miġbura flimkien fl-avvent tiegħu (1 Tes.4:18). 


1 Tes.5:1-11. jum is-Sid. Għandna nippreparaw għall-istess avvenimenti li se jiġi ħabta u sabta fuq il-ħżiena – jum il-Mulej (1 Tes.5:1-4). Kristjani u mhumiex se jkunu ħajjin u preżenti meta jasal il-jum il-kbir t’Alla. Il-Kristjani jkunu viġilanti u preparati, mentri l-mitlufa jisfaw sorpriżi bħal meta ħalliel jagħmel serqa għall-għarrieda billejl (Mt.24:43-44; 2 Pt.3:10; Riv.3:3; 16:15). 

Fi kliem ieħor il-ħatfa msemmija fl-1 Tessalonkin 4:17 mhix se tiġri qabel ma jasal il-jum li wkoll iġib qirda ħin bla waqt, li l-ħżiena ma jeħilsux minnha (2 Tes.2:1-2). L-idea li wara l-miġja ta’ Kristu biex jiġbor lill-fidili l-bqija tan-nies jingħataw iċ-ċans biex jidħlu f’saltna littera ta’ elf sena fuq l-art hi falza u ma ssib ebda sapport fl-Iskrittura. 

Jum is-Sid hu deskrizzjoni prominenti ta’ dak il-perjodu kritiku meta Kristu jirritorna fid-dinja. Hu magħruf sew fil-Patt il-Qadim (eż., Ġoel 2:1,31; Am.5:18; Sof.1:7,14; Mal.4:5) fejn hu wżat għal meta Alla jersaq bil-ġudizzju tiegħu. Din l-assoċjazzjoni prominenti ta’ jum is-Sid mal-ħaqq hi importata wkoll fil-Patt il-Ġdid, fejn l-aħħar ġudizzju, kif ukoll il-premji u l-kastigi finali huma mogħtija (At.17:31; Rum.2:5,16; 2 Kor.1:14). Dakinhar ukoll l-univers jiġi mġedded u mnaddaf minn kull inġustizzja (2 Pt.3:10-13). 


1 Tes.5:9. Alla ma ddestinaniex għar-rabja. Il-Missier ħatar lil niesu biex jiksbu salvazzjoni u glorja f’Ġesù (1 Tes.1:10; 2 Tes.2:14). Frattant uliedu kollha huma appuntati biex jgħaddu minn tribulazzjoni u jissaportu kull tip ta’ provi (1 Tes.3:2-4; 2 Tes.1:4; Ġak.1:2-4; 1 Pt.4:12-14; Riv.1:9). Ir-rabja hawnhekk evidentement hi l-kundanna u l-pwieni li jaqgħu fuq l-impenitenti (Ef.5:6; Kol.3:6; Riv.6:16-17; 11:18) f’jum il-għadab (Rum.2:5). 


1 Tes.5:10. mistenbħin jew inkella norqdu, ċoè fiżikament ħajjin jew mejtin (1 Tes.4:13-15). Hu x’inhu, xi darba l-fidili għad jgħixu flimkien mas-Salvatur (Ġw.14:1-3). 


1 Tes.5:12. jippresiedu fuqkom fis-Sid u jammonukom. Dawn huma l-uffiċjali tal-knisja, il-presbiteri li jamministraw u jgħallmu. Il-kwalifiki tagħhom huma preżentati fl-1 Timotju 3:1-7; 5:17. 


1 Tes.5:17. itolbu kontinwament. Ma jfissirx illi l-fidili jmisshom jitolbu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, iżda aktarx illi fid-dispożizzjoni ta’ ruħhom u f’kull ċirkostanza jduru lejn Alla bit-talb, sew jekk espress bil-fomm jew le.


1 Tes.5:18. irringrazzjaw f’kull ċirkostanza. Ma nfittxux it-tbatija, it-tiġrib, id-diffikultajiet jew l-avversità, iżda meta nsibu ruħna fihom inroddu ħajr lil Alla, li hu dejjem preżenti biex jassistina u jqawwina. 


1 Tes.5:19. Titfux l-Ispirtu – billi naħmlu d-dnub f’ħajjitna, għax hekk inkunu qed nostakolaw jew infixklu l-operazzjoni santifikanti tiegħu fina. 


1 Tes.5:20. tiddisprezzawx il-profeziji. Hawnhekk profezija tirreferi għal rivelazzjoni mitkellma mingħand Alla permezz ta’ profeta (cf., At.11:27-28; 1 Tim.1:18; 4:14). Wara li ngħataw il-kotba tal-Patt il-Ġdid kemm appostli kif ukoll profeti ma kienx fadal lok għalihom. Illum ir-rieda sħiħa t’Alla nagħrfuha fl-Iskrittura (cf., Mt.13:14; Riv.1:3; 22:7,10,18-19). Bil-profezija miktuba għandna messaġġ awtorevoli u ċert, disponibbli għall-knisja kollha, u għalhekk meta l-Iskrittura hi moqrija jew pritkata, imissna nilqgħuha bl-ikbar serjetà u mpenn.


1 Tes.5:21-22. ttestjaw kollox. Qatt m’għandna mmaqdru jew nistmaw biċ-ċajt l-ippritkar u t-tagħlim tal-Kelma. Nevalwaw kulma nisimgħu fid-dawl tal-Bibbja Mqaddsa (At.17:10-11), inħaddnu l-veru u nwarrbu l-imgħawweġ jew falz. 


1 Tes.5:23. jalla l-ispirtu u r-ruħ u l-ġisem tagħkom jinżammu kompluti. Dawn it-tliet kelmiet – spirtu, ruħ u ġisem – huma wżati flimkien biex jenfasizzaw is-sħuħija tal-perfezzjoni li l-Kristjani għad igawdu. Ruħ u spirtu huma sinonimi virtwali fil-Bibbja; jiddenotaw il-komponent spiritwali ta’ persuna. Mela l-bniedem hu kompost minn parti immaterjali (ir-ruħ) u parti materjali (il-ġisem). Meta nsibuhom flimkien, bħal hawnhekk u fl-Ebrej 4:12, diffiċli nsibu xi differenza sinifikanti fit-tifsira. Qabbel ir-rappreżentazzjoni kwadrupla ta’ qalb, ruħ, moħħ u qawwa f’Marku 12:30. Ma jfissirx b’daqshekk li l-bniedem hu kompost minn erba’ partijiet!


1 Tes.5:27. Inġegħilkom taħilfuli quddiem is-Sid biex din l-epistola tinqara lill-aħwa kollha. Parti mill-qima pubblika fil-knisja għandha tkun il-qari tal-Kotba Mqaddsa (Kol.4:16; 1 Tim.4:13).