L-Ewwel Epistola ta' Pietru
1 Pt.1:1. L-awtur jindirizza l-ittra tiegħu lill-għorba tad-djaspora. Pietru mhux qed jitkellem dwar eżilju litteru (cf., 1 Pt.1:17; 2:11). Il-fidili jixxenqu għad-dar veru tagħhom fid-dinja ġdida li għad trid tiġi u għall-wirt li jingħatalhom fl-aħħar jum, għax ma jikkonformawx mal-valuri u l-filosofiji ta’ dan iż-żmien preżenti u ħażin. Huma l-eżiljati t’Alla u l-magħżulin tiegħu, bħalma Iżrael fl-antik kien deskritt bħala l-poplu magħżul t’Alla (Dt.4:37; 7:6-8; Sal.106:5; Isa.43:20; 45:4).
Ladarba r-riċevituri tal-ittra huma primarjament Ġentili, Pietru qed jgħallem ċar u tond illi l-knisja ta’ Ġesù hi l-Iżrael il-ġdid. Id-djaspora twassal l-istess verità. Hi tipikament użata biex tiddeskrivi t-tifrix tal-Lhud mad-dinja (Dt.28:25; 30:4; Neħ.1:9; Sal.147:2; Isa.49:6; Ġer.15:7; 41:17; Ġw.7:35), iżda Pietru jara parallel fil-knisja li hi mxerrda mad-dinja (cf., Ġak.1:1).
1 Pt.1:2. Aħna mqaddsin permezz tal-verità t’Alla (Ġw.17:17), li hi mingħand l-Ispirtu t’Alla – bit-taqdis tal-Ispirtu. L-Ispirtu hu l-kawża effiċjenti, u l-verità hi l-kawża strumentali. Alla hu s-sors, u l-verità tiegħu hi l-mezz tat-taqdis, jew santifikazzjoni.
It-taqdis, mela, hu l-ħidma tal-grazzja sovrana t’Alla, li biha wliedu huma mġedda fil-bniedem sħiħ skont ix-xbieha tiegħu, u jkunu magħmulin kapaċi biex iżjed u iżjed imutu għad-dnub, u jgħixu għall-ġustizzja. Hu kambjament kontinwu maħdum minn Alla fina, li bih jilliberana minn vizzji midinba u jifforma fina affezzjonijiet, dispożizzjonijiet, u virtujiet bħal ta’ Kristu. Ma jfissirx li d-dnub hu maqtul f’daqqa, imma hu iżjed minn azzjoni kuntrarja, li fiha d-dnub hu sempliċement imrażżan mingħajr ma jkun meqrud progressivament. Is-santifikazzjoni tinvolvi trasformazzjoni reali, mhux biss l-impressjoni ta’ bidla.
It-tifsira bażika ta’ “qaddes” hi “warrab” jew “issepara.” F’dan il-każ il-konvertiti huma sseparati għal Alla u għall-użu tiegħu. Alla jopera f’dawk li ssepara għalih innifsu biex jikkonformahom max-xbieha ta’ Ibnu (Rum.8:29). Dan it-tiġdid morali, li fih kulma jmur ninbidlu minn dak li darba konna, inixxi mill-aġenzija tal-Ispirtu residenti fil-fidili (Rum.8:13; 12:1-2; 1 Kor.6:11,19-20; Ef.4:22-24; Ebr.13:20-21). Alla jsejjaħ lil uliedu għall-qdusija, jikkmanda l-qdusija mingħandhom, u bi grazzja jagħtihom dak li jikkmanda (1 Tes.4:4; 5:23).
Bit-twelid mill-ġdid nidħlu fis-saltna; bit-taqdis nikbru fiha. Fit-twelid mill-ġdid, Alla jħawwel fina xewqat li qabel ma kinux hemm: xewqa għal Alla u għall-qdusija, kif ukoll ambizzjoni biex nigglorifikaw lil ismu fid-dinja; Jiżra’ fina xewqa biex nitolbu u nqimu; xewqa għall-imħabba li biha nibbenifikaw lil ħaddieħor. L-Insara jsiru aktar u aktar jixbhu lil Sidhom Kristu, hekk kif il-profil etiku ta’ Ġesù, imsejjaħ il-frott tal-Ispirtu, hu kulma jmur ifformat fihom (2 Kor.3:18; Gal.4:19; 5:22-25).
1. It-twelid mill-ġdid hu att mumentanju; bih tinġieb istantanjament minn mewt spiritwali għall-ħajja.
It-taqdis hu proċess għaddej il-ħin kollu, mill-konverżjoni ’l quddiem.
2. It-twelid mill-ġdid mhuwiex ripetut, għax il-ħajja ġdida fil-persuna riġenerata hi inkorruttibbli.
It-taqdis jibqa’ għaddej, u l-fidil bih jinġieb minn glorja għal glorja.
3. It-twelid mill-ġdid hu esklussivament l-opra t’Alla.
It-taqdis iseħħ filli l-Kristjan jikkoopera m’Alla, iċedi għalih, ikun mimli bl-Ispirtu, u b’rieda ferma jitgħallem jobdi lil Sidu. Jiddependi fuq l-azzjoni kontinwa t’Alla fil-fidil, u jikkonsisti fit-taqtigħa kontinwa tal-fidil kontra d-dnub. Fis-santifikazzjoni, l-Ispirtu jaħdem fina kemm ir-rieda kif ukoll l-għemil skont l-għan t’Alla, u hekk jagħti l-kapaċità lil niesu biex iwettqu x-xewqat ġodda u tajbin tagħhom (Fil.2:12-13).
Il-metodu t’Alla għat-taqdis la hu attiviżmu dipendenti fuqek innifsek u lanqas apatija, jiġifieri tibqa’ passiv taparsi qed tafda f’Alla. Aktarx huwa sforz uman dipendenti fuq Alla (2 Kor.7:1; Fil.3:10-14; Ebr.12:14). Billi nafu li mingħajr il-kapaċità li jagħtina Kristu ma nistgħux nagħmlu opri tajba, imma wkoll li hu lest iqawwina biex nagħmlu d-dmir kollu tagħna (Fil.4:13), aħna “nibqgħu” fih, u nitolbu l-għajnuna tiegħu l-ħin kollu – u nirċevuha (Kol.1:11; 1 Tim.1:12; 2 Tim.1:7; 2:1).
L-istandard tax-xogħol t’Alla fit-taqdis tagħna huwa muri fil-liġi morali tiegħu, imfissra u mmudellata minn Kristu nnifsu. L-imħabba, l-umiltà u s-sabar li bihom għex Kristu huma l-livell li għandna nimmiraw lejh (Rum.13:10; Ef.5:2; Fil.2:5-11; 1 Pt.2:21).
Il-fidili jsibu fihom infushom tqanqiliet kuntrarji għal xulxin. L-Ispirtu jsostni x-xewqat u l-għanijiet qaddisa tagħhom, filwaqt li l-istinti mwaqqa’ tagħhom (“il-laħam,” kif isejjaħlu Pawlu) ifixklulhom il-mogħdija tagħhom u jkaxkruhom lura.
Il-kunflitt huwa iebes; u aktar ma wieħed javvanza fil-mogħdija tal-qdusija, aktar isir konxju tiegħu u jħossu. Pawlu nnifsu jgħid li mhux kapaċi jagħmel it-tajjeb, u m’għandux ħila jirrestrinġi lilu nnifsu milli jagħmel id-deni (Rum.7:14-25). Il-Kristjani jkollhom din is-serriegħa u frustrazzjoni sakemm jibqgħu fil-ġisem.
Madankollu billi jgħassu u jitolbu kontra t-tentazzjoni, u billi jikkoltivaw virtujiet opposti, jistgħu bl-għajnuna tal-Ispirtu “jimmortifikaw” drawwiet ħżiena partikolari (Rum.8:13; Kol.3:5). Jesperjenzaw ħelsien u vittorji fit-taqbid tagħhom kontra d-dnub, filwaqt li ma jkunux esposti għal tiġrib li jsibuh impossibbli jirreżistuh (1 Kor.10:13).
u t-traxxix ta’ demmu jirreferi għas-sagrifiċċju riparatorju ta’ Kristu fuq is-salib, fejn id-dnubiet kollha tal-fidili kollha kienu maħsula ’l hemm, bħalma l-patt l-antik kien inawgurat bit-tixrid tad-demm (cf., Es.24:3-8). Pietru jara lill-fidili mraxxa b’demm Kristu, u hekk jirreferi għall-entratura inizjali fil-patt m’Alla (simili għall-Esodu 24:3-8), kif ukoll għat-tindif sussegwenti bid-demm ta’ Kristu, ċoè, kobor fil-qdusija (Lev.14:6-7; cf., Sal.51:7; 1 Ġw.1:7).
1 Pt.1:3. Is-salvazzjoni nafuha għall-ħniena u l-grazzja sovrana t’Alla, għax meraviljożament jagħti lill-midinbin ħajja ġdida – kkawża li nkunu mwielda mill-ġdid (cf., 1 Pt.1:23).
Jista’ jkun li qed jgħaqqad it-twelid mill-ġdid mar-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, u allura jrid ifisser li t-twelid mill-ġdid hu magħmul possibbli għax Alla ħaseb dwar dawk li jemmnu f’Ġesù bħala uniti miegħu fil-qawmien (cf., Rum.6:4; Ef.1:19-20; 2:5-6; Kol.3:1). Jew inkella qed jabbina r-resurrezzjoni mat-tama ħajja tal-fidili, għax dik it-tama ssegwi immedjatament il-qawmien. F’dan il-każ it-tama tal-Kristjani hi r-resurrezzjoni futura tagħhom. Għandhom tama sikura għall-ġejjieni, għax il-qawmien ta’ Sidhom hu pleġġ tal-qawmien futur tagħhom.
1 Pt.1:4-5. It-tama issa hi deskritta bħala wirt. Fil-Patt il-Qadim tipikament jiddeskrivi l-Art Imwiegħda u l-post ta’ Iżrael fiha (Num.32:19; Dt.2:12; 12:9; 25:19; 26:1; Ġoż.11:23; Sal.105:11). Iżda l-wirt fil-Patt il-Ġdid jitkellem dwar eredità wisq ikbar u aħjar, għax hu riservat fis-sema għan-nies tal-Patt il-Ġdid. L-istess wirt, f’dan il-kuntest, hu msejjaħ ukoll salvazzjoni, dak il-ħelsien futur mid-dnub u t-tgawdija sħiħa ta’ glorja eterna (1 Pt.1:9; 4:13-14; 5:1,4).
1 Pt.1:5. protetti mis-setgħa t’Alla permezz tal-fidi. Il-grazzja dejjem tieħu prijorità f’ħajjet il-fidil, u magħha nsibu abbinata l-azzjoni umana li tirriżulta minnha. Il-fidi hi l-għotja t’Alla, iżda l-fidili huma xorta waħda responsabbli biex jeżerċitawha, ikomplu jafdaw f’Alla, f’battalja spiritwali (1 Pt.5:8-9; Ef.6:16; Fil.2:12-13). Il-qawwa tal-ħarsien t’Alla hi deskritta b’terminu militari, hawnhekk tradotta protetti, li tissinifika difiża viġilanti ta’ fortizza.
1 Pt.1:6-7. jekk hu meħtieġ. Għalkemm Alla qatt ma jġarrab bl-intenzjoni biex il-bniedem jidneb kontrih (Ġak.1:13), jippermetti u saħansitra jibgħat provi meta neċessarju u fil-miżura korretta biex issaħħaħ il-fidi tagħna (Rum.5:3-4; Ġak.1:2-4). Bħalma d-deheb u metall ieħor hu ttestjat bin-nar, Alla jinqeda bit-tiġrib biex jiddistingwi fidi ġenwina minn professjoni superfiċjali, u fl-istess ħin iseddaq lil uliedu fil-fidi, it-tama u l-imħabba tagħhom (Ġob.23:10).
Ir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu hi referenza għat-tieni miġja tiegħu fil-futur (1 Kor.4:3-5; 1 Pt.4:13; 5:1).
1 Pt.1:9. tottienu jew tirċievu. Il-fidili diġà jgawdu elementi essenzjali tas-salvazzjoni (eż., paċi u xirka m’Alla) iżda l-possediment sħiħ tagħha jistenna l-avvent glorjuż ta’ Kristu meta jkunu mqajma mill-mewt u pperfezzjonati moralment (1 Pt.1:5).
erwieħkom hawn tfisser il-persuni tagħna, aħna nfusna (cf., 1 Pt.3:20).
1 Pt.1:11-12. għal liema persuna jew xi speċi ta’ żmien. Il-profeti kienu jafu li għad jiġi l-Messija (Isa.7:14; 9:6; 11:1), iżda qajla kellhom ħjiel meta jew kif (cf., Dan.12:6,9).
issa kienu rrapportati lilkom. Is-sofferenzi u l-glorji ta’ Kristu huma l-kontenut tal-vanġelu (Lq.24:25-27,45-47). L-avvenimenti mbassra mill-profeti huma l-avvenimenti mwettqa fi Kristu u magħduda lill-knisja mill-messaġġiera tal-vanġelu.
bl-Ispirtu s-Santu mibgħut mis-sema. L-oriġni tal-messaġġ tal-vanġelu hu Alla. L-istess Spirtu li ispira lill-profeti dderieġa wkoll lill-araldi tal-vanġelu. Il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid huma unità li ssib iċ-ċentru tagħha fi Kristu u s-salvazzjoni tiegħu.
l-anġli jixxenqu biex jittawlu fihom. L-anġli huma intensivament interessati fil-fidwa tagħna, imma t-tagħrif u l-esperjenza tagħha huma limitati. Il-pjan t’Alla hu mgħarraf lilhom permezz tal-knisja (Ef.3:10).
1 Pt.1:13. tħażżmu ġenbejn moħħkom hi idjoma qawwija, qasira u grafika: jiġifieri, bħalma wieħed jipprepara ruħu għall-mixi jew ġiri billi jiġbor ħwejġu taħt iċ-ċintorin (jitħażżem), sabiex ma jitfixkilx, hekk ukoll irridu nħejju moħħna għall-azzzjoni, inkunu mentalment fuq l-allert.
soġġorn tfakkarna illi ninsabu f’art barranija hawnhekk; iċ-ċittadinanza permanenti tagħna hi fis-smewwiet (Fil.3:20-21). Kull Kristjan hu pellegrin.
1 Pt.1:14-16. Id-dmir maġġuri tat-tfal ubbidjenti hu illi jagħtu daharhom għad-dinja bil-ħajriet tagħha għad-dnub, filwaqt li jitgħallmu jitgħaxxqu f’Alla l-qaddis, billi jikkoltivaw il-qdusija fihom infushom (Lev.20:26).
1 Pt.1:17. imparzjalment jiġġudika skont l-għemil ta’ kull wieħed. Għalkemm il-Kristjani mhumiex se jkunu kkundannati għal dnubiethom (Isa.53:3-6; 1 Pt.2:24), għad ikunu ġġudikati għall-ħidma tagħhom bħala wlied Alla u ppremjati skont l-istess ħidma (Rum.14:10-12; 1 Kor.3:12-15). Il-premju mwiegħed, però, mhuwiex ibbażat strettament fuq il-mertu; għalkemm hu mogħti skont l-għemil, il-premju xorta waħda hu frott il-grazzja, bħallikieku Alla jinkuruna l-għotijiet tiegħu stess.
fil-biża’. Alla hu kemm Missier kif ukoll l-Imħallef tagħna. Għalkemm il-fidili javviċinawh b’timenza u ġieħ, m’għandhom ebda jedd jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom (Sal.34:11).
1 Pt.1:18. riskattati mill-manjiera ta’ ħajja futili tagħkom mgħoddija minn missirijietkom. Il-vojtizza u l-inutilità ta’ qima pagana hi tema frekwenti (Ġer.2:5; At.14:15). Il-Patt il-Ġdid jikkundanna ċerti tradizzjonijiet Lhud miżjuda mad-domandi tal-liġi Mosajka (Mk.7:8-13), iżda Pietru hawn għandu f’moħħu speċifikament il-paganiżmu (1 Pt.1:14; 4:3).
1 Pt.1:20. magħruf bil-quddiem minn qabel il-pedamet tad-dinja. Kristu kien maħtur mill-Missier bħala l-Feddej tal-magħżulin tiegħu fl-eternità passata (Ġw.17:24; Ef.1:4) – prova ċara li Alla kien jaf illi Adam, għalkemm maħluq tajjeb, kien se jaqa’ fid-dnub.
1 Pt.1:21. permezz tiegħu temmnu f’Alla. Bħala l-Medjatur bejn Alla u l-umanità, Kristu jipprovdi l-uniku aċċess għall-Missier (Ġw.14:6). Fih hu rivelat il-Missier (Ġw.1:18), u l-mewta riparatorja u feddejja tiegħu fetħet mogħdija effettiva għal għand Alla (1 Pt.3:18).
1 Pt.1:22-23. mill-qalb ħobbu ’l xulxin. Imħabba ġenwina u spiritwali għall-oħrajn, li tissarraf f’atti karitattevoli u assistenza konkreta, hi possibbli biss sforz l-imħabba li Alla wriena l-ewwel billi wellidna mill-ġdid fi Kristu (Ġw.13:35; 1 Ġw.4:7-11).
1 Pt.1:24-25. Il-bnedmin huma litteralment laħam, u allura korruttibbli, jgħaddu u jintemmu. Iżda t-tama tal-fidil hi msejsa fuq Kelmet Alla, li qatt ma tiġi nieqsa (Isa.40:6-8; Ġak.1:10-11).
1 Pt.2:2. bħal trabi appena mwielda. Pietru jissokta bix-xbieha ta’ twelid ġdid (1 Pt.1:23). Il-fidili għandu jkollhom l-istess xenqa għall-ikel spiritwali bħalma jkollha tarbija għal ħalib ommha.
1 Pt.2:3. It-tjieba tas-Sid tħajjar lin-nies lejh (Sal.34:8).
1 Pt.2:4. Filwaqt li tersqu lejh. Tiġi għand Kristu jinkludi l-indiema inizjali u l-fidi fih, iżda hawnhekk għandna implikat resqien kontinwu wkoll.
Kristu hu l-ħaġra (1 Kor.10:4). Ix-xbieha ta’ “blata” u “ġebla” hi komuni fil-Patt il-Qadim (Sal.118:22; Isa.8:14; 28:16) u hi applikata minn Ġesù għalih innifsu (Mt.21:42).
ħajja tindika illi Kristu hu s-sors u d-donatur tal-ħajja (Ġw.1:4; 1 Kor.15:45).
1 Pt.2:5. dar spiritwali. L-isfond tas-simboliżmu hu t-tempju tal-Patt il-Qadim bħala dar jew għamara t’Alla. L-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-knisja, it-tempju veru t’Alla (2 Kor.6:16; Ef.2:19-22; Ebr.3:6).
saċerdozju qaddis. Kull fidil veru hu qassis (1 Pt.2:9) fis-sens li għandu aċċess ugwali u immedjat għal għand Alla u jservih personalment.
sagrifiċċji spiritwali. Kristu wettaq is-sagrifiċċju propizjatorju u uniku sabiex Alla jkun sodisfatt u s-sistema tas-sagrifiċċji saret allura skaduta (Ebr.8:13; 10:9-10,18). Xorta waħda s-sagrifiċċji daparti tal-fidili huma xierqa; anzi huma possibbli minħabba s-sagrifiċċju ta’ Kristu. Huma r-rispons grat ta’ poplu mifdi. Dawn huma spiritwali u mhux materjali kif preskritti fil-Patt il-Qadim. Jifformaw parti sewwa mill-qima u l-manjiera ta’ ħajja għal kull Kristjan (Rum.12:1; Fil.4:18; Ebr.13:5; Riv.8:3-4; cf., Sal.51:16-17).
1 Pt.2:6. Il-ġebla angolari hi l-ġebla kbira mqiegħda għall-pedament fil-post fejn iż-żewġ ħitan jiltaqgħu u alura hi ta’ importanza speċjali għall-istabbiltà tal-binja sħiħa. Il-knisja hi stabilita fuq il-profeti u l-appostli, miżmuma flimkien bil-ġebla prinċipali – Kristu (Ef.2:20).
1 Pt.2:7-8. il-kredenti huma dawk li jafdaw fi Kristu; dawn ma jkunux imriegħxa jew diżappuntati (Sal.118:22; Isa.8:14). B’kuntrast, għad-diżubbidjenti l-istess vanġelu li seta’ salvahom isir għalihom il-kundanna tagħhom, għax ma laqgħuhx (1 Kor.1:18-30).
1 Pt.2:8. għal dan kienu wkoll iddestinati. Is-sovranità divina u assoluta kif ukoll ir-responsabbiltà umana huma veri t-tnejn. In-nies huma kkundannati għax huma diżubbidjenti, iżda dan ma jiġrix apparti r-rieda sovrana t’Alla (Rum.9:14-24).
Ir-reprobazzjoni hu l-isem mogħti lid-deċiżjoni eterna t’Alla rigward dawk il-midinbin li m’għażilx għall-ħajja. Billi m’għażilhomx għall-ħajja, Alla ddetermina li ma jibdilhomx. Huma jkomplu fid-dnub, u finalment ikunu ġġudikati għalli jkunu għamlu. F’xi każijiet Alla jista’ jneħħilhom l-influwenzi ta’ rażan minn fuqhom li jżommu lill-persuna minn estremi ta’ diżubbidjenza. Dan l-abbandun, imsejjaħ “twebbis,” huwa nnifsu kastig għad-dnubiet (Rum.1:24-28; 11:25; cf., Sal.81:12).
Ir-reprobazzjoni hi mgħallma fil-Bibbja (Rum.9:14-24; 1 Pt.2:8), imma l-influwenza tagħha fuq l-imġiba tal-Kristjan hi indiretta. Id-digriet t’Alla rigward l-għażla hu sigriet; liema persuni huma magħżula u liema huma reprobati mhux se jkun żvelat qabel il-ġudizzju finali. Sa dak l-avveniment, il-kmand t’Alla hu li s-sejħa għall-indiema u fidi tkun imxandra lil kulħadd.
1 Pt.2:9-10. ġens magħżul, saċerdozju sultani, nazzjon qaddis, nies bħala l-pussess t’Alla. Pietru japplika l-lingwaġġ fil-Patt il-Qadim rigward Iżrael għall-knisja, u hekk jasserixxi l-kontinwità bejn Iżrael tal-Patt il-Qadim u l-knisja tal-Patt il-Ġdid. Jippreżentahom it-tnejn bħala l-poplu wieħed t’Alla.
1 Pt.2:11. barranin u għorba. Għal darb’ oħra Pietru jiddeskrivi lil ulied Alla fid-dinja bħala frustieri. Għalkemm nirresiedu hawn, m’aħniex ta’ hawn. Għomorna hawn hu biss residenza temporanja; il-ġenna hi d-destinazzjoni tagħna (Fil.3:20-21; Ebr.11:16).
biex tastenu mil-leblibiet karnali. Xewqat fiżiċi mhumiex ħżiena fihom infushom, imma huma pervertiti, għax il-bniedem hu min-natura wild id-diżubbidjenza. L-espressjoni tinkludi mhux biss dnubiet tal-ġisem, imma xewqat oħra tan-natura mwaqqa’ tagħna (Gal.5:19-21).
1 Pt.2:12. jigglorifikaw ’l Alla f’jum il-viżitazzjoni tiegħu. Dan jista’ jirreferi għall-konverżjoni inizjali tal-fidil permezz tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li biha jirriġenera lill-midneb; f’dan is-sens iżuru. Jew inkella qed jitkellem dwar il-mod kif dawk li jsiru fidili jsebbħu lil Alla fl-aħħar jum. Nistgħu nigglorifikawh b’diversi modi: billi nemmnu (cf., At.13:48; Rum.15:7-9), billi nwettqu opri tajba (cf., Mt.5:16), u fi tmiem iż-żmien (cf., Riv.14;7; 19:7).
1 Pt.2:13-17. minħabba s-Sid, ċoè sabiex nirrikkmandawh lill-oħrajn u nbiegħdu l-għajb minn ismu. Ukoll, sottomissjoni għal ħaddieħor, fiha nfisha, hi servizz lejn Kristu (Kol.3:23-24). L-evanġelju ma jippermettilniex illi neħduha kontra l-gvern ċivili ħlief meta jimponi fuqna liġijiet direttament kuntrarji għal-liġijiet t’Alla (At.5:29; Rum.13:1-7). Mill-bqija nagħtu lil kulħadd dak li jmissu u jixraqlu (1 Pt.2:17).
1 Pt.2:21. L-Imgħallem tagħna ħallielna eżempju kif id-dixxipli tiegħu jmisshom jissaportu s-sofferenzi (Lq.9:22-23; Fil.2:5-11).
1 Pt.2:24-25. fuq is-siġra, jew fuq l-għuda, hi referenza għas-salib. Din l-idjoma meħuda mil-Patt il-Qadim tenfasizza illi Kristu, f’mewtu, ġarr fuqu s-saħta minħabba d-dnub tagħna (Dt.21:22-23; Gal.3:13).
ngħixu għall-ġustizzja. Il-mewt ta’ Kristu ssalva lil dawk magħquda miegħu bil-fidi mhux biss mill-penali jew il-kastig dovut għad-dnub iżda wkoll mill-qawwa tiegħu hekk illi jkunu kapaċi jgħixu għall-foħrija t’Alla, ubbidjenti lejh (Rum.6:1-4).
ġrieħi tiegħu kontu mfejqa. Il-fidili m’għadhomx ħatja, morda jew imniġġsa bid-dnub, għax irċevew maħfra totali (Isa.53:5); il-fejqan fiżiku komplut jistenna sa meta nirċievu l-ġisem tal-irxoxt tagħna fl-aħħar jum.
1 Pt.3:1-2. mingħajr diskors. Fil-kultura Rumana antika l-mara kienet mistennija illi tadotta r-reliġjon ta’ żewġha, u xi nisa Kristjani fil-knejjes Asjatiċi apparentement kellhom irġiel ma jemmnux. F’dan il-każ in-nisa ma kellhomx iserrħu fuq l-argument, li seta’ jidher bħala insubordinazzjoni mir-raġel, li abbli diġà jkun jissuspetta fiha. Aktarx, l-imġiba risponsiva u ġentili tal-mara tirrikkmanda l-evanġelju. Il-prinċipju dejjiemi involut hawnhekk mhuwiex silenzju (1 Pt.3:15), iżda sensittività għall-interessi tar-raġel miskredenti sabiex l-evanġelju jkun preżentat fl-aħjar dawl.
1 Pt.3:3-4. It-tiżjin tagħkom m’għandux ikun sempliċement estern. Din mhix projbizzjoni kategorika kontra t-tiżjin, iżda twissija kontra preokkupazzjoni bid-dehra barranija (1 Tim.2:9-10). L-awtur jiffavorixxi l-prinċipju tal-modestja.
il-persuna moħbija tal-qalb hi idjoma li tissinifika d-dispożizzjoni interna.
1Pt.3:6. ssejjaħlu sidha. Espressjoni orjentali konvenzjonali ta’ rispett u sottomissjoni (Ġen.18:12).
sirtu wlied, jiġifieri, dawk li jixbhu lil Sara fl-attitudni ta’ sottomissjoni tagħha.
1 Pt.3:7. reċipjent iżjed dgħajjef. Qed jirreferi għas-saħħa fiżika, mhux għall-abbiltà morali, spiritwali, jew mentali tal-mara. Id-diskrepanza fis-saħħa fiżika tipprovdi raġuni waħda għall-konsiderazzjoni speċjali li l-irġiel messhom juru lin-nisa tagħhom.
werrieta magħkom tal-grazzja tal-ħajja. Xirka fil-fidi żżid raġuni oħra għall-wiri ta’ rispett. Pietru hawn jassumi li l-koppja hi Nisranija (cf., 1 Pt.3:1). In-nisa jgawdu ugwaljanza spiritwali mal-irġiel (Gal.3:28).
1 Pt.3:8. armonjużi. Ix-xewqa t’Alla hi illi wliedu jgħammru fl-unità u qbil bejniethom, kemm fid-dar kif ukoll f’relazzjonijiet oħra.
1 Pt.3:13. min hu dak li jagħmlilkom id-deni...? Il-Kristjan jista’ jsofri minn idejn ħaddieħor (1 Pt.4:12). Hawn qed jgħid li Kristjan inqas għandu ċans isofri jekk imġibtu hi eżemplari; jew, aktar probabbli, qed jgħid li jiġrilu x’jiġrilu, ebda forza esterna ma tista’ tikkawżalu ħsara spiritwali (Sal.56:4; Lq12:4-5), għax Alla hu fuq in-naħa tiegħu (Isa.8:12-13).
1 Pt.3:15. qaddsu lill-Kristu. Sidna għandu jkun stmat u valutat fil-qalb bħala s-Sid suprem. Flok nitwerwru mill-persekuturi aħna msejħa biex niddefendu twemminna quddiem l-infidili.
1 Pt.3:17. jekk Alla jrid hekk. Tbatija inġusta hi fil-providenza t’Alla u għall-ġid ta’ niesu kif ukoll għall-glorja tiegħu (1 Pt.1:6-7; 4:19).
1 Pt.3:18-20. Permezz tiegħu wkoll mar u pproklama lill-ispirti issa fil-ħabs. Hawnhekk l-Ispirtu, bi żball, hu interpretat bħala l-ispirtu, ċoè, ir-ruħ ta’ Kristu, u l-ippritkar imsemmi suppost sar bejn il-mewt u r-resurrezzjoni tiegħu. Dan impossibbli.
L-Ispirtu hu referenza għall-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja, u kien b’dak l-istess Spirtu li Kristu xandar. Fl-Ispirtu, Kristu prietka permezz ta’ Noè lin-nies diżubbidjenti li għexu qabel id-dulluvju, li kienu spirti fil-ħabs meta kiteb Pietru, u għalhekk setgħu jiġu deskritti hekk.
1 Pt.3:21. liema tip kontroparti issa jsalvakom, il-magħmudija. Il-magħmudija hi sinjal u siġill tal-grazzja t’Alla f’Ġesù Kristu. L-istqarrija illi l-magħmudija ssalvana tissorprendina jekk inkunu nafu x’jgħid il-bqija tal-Patt il-Ġdid. Pietru jitkellem hekk biex juri kemm hi sfiqa r-relazzjoni bejn is-sinjal innifsu u r-realtà sinifikata mis-sinjal. Is-salvazzjoni fiżika ta’ Noè mill-ilmijiet tad-dulluvju iffigurat minn qabel l-ilmijiet tal-magħmudija u s-salvazzjoni sinifikata. Il-magħmudija tissimbolizza ġudizzju fuq id-dnub fil-mewt ta’ Kristu, u mbagħad ukoll it-tiġdid tal-ħajja (Rum.6:4). Id-dulluvju kien ġudizzju fuq il-ħżiena, u fl-istess ħin salvazzjoni għall-ġusti (Noè u familtu).
Biex ma jagħtiniex x’nifhmu li l-magħmudija ssalvana ex opere operato, kif tgħallem Ruma, Pietru fl-istess sentenza jispjega eżattament xi jrid jgħid. Il-magħmudija ssalvana, mhux it-tneħħija tal-ħmieġ mill-ġisem – ċoè, mhux att estern u fiżiku li jaħsel il-ġisem. Mhux dik il-parti li ssalvak! Il-magħmudija ma fiha ebda setgħa mekkanika jew maġika.
Aktarx, huwa l-appell ta’ kuxjenza tajba lejn Alla. Fi kliem ieħor, hi t-transazzjoni ġewwiena u spiritwali bejn Alla u l-individwu, simbolizzata biċ-ċerimonja esterna tal-magħmudija. Parafrażi tajba hi din: “Il-magħmudija issa ssalvakom – mhux ir-rit fiżiku u estern iżda r-realtà spiritwali u interna, rappreżentata bil-magħmudija.” B’dal-mod Pietru jirribatti kontra kull fehma li tattribwixxi lill-magħmudija xi setgħa awtomatika fiċ-ċerimonja fiżika nfisha.
Il-frażi l-appell ta’ kuxjenza tajba lejn Alla hu mod ieħor kif tgħid “rikjesta għall-maħfra tad-dnubiet u qalb ġdida.” Meta Alla jagħti lill-midneb “kuxjenza tajba” dik il-persuna għandha l-assigurazzjoni li kull dnub tiegħu hu maħfur u allura jinsab f’relazzjoni sewwa m’Alla. L-Ebrej 9:14 u 10:22 jitkellmu hekk dwar it-tindif tal-kuxjenza permezz ta’ Kristu. Titgħammed sewwa jfisser tagħmel dan l-appell lil Alla. Effettivament qed tgħid, “Mulej, hekk kif jien nidħol f’dil-magħmudija li se tnaddaf lil ġismi esternament, nitolbok biex int tnaddafli qalbi internament, taħfirli dnubieti, u tagħmilni sewwa miegħek.” Mifhuma hekk, il-magħmudija hi simbolu xieraq għall-bidu tal-ħajja Nisranija. Inċidentalment, x’jgħid Pietru hawnhekk jiffavorixxi l-pożizzjoni ta’ dawk li jemmnu li l-magħmudija għandha tkun amministrata lil dawk li jemmnu biss, fi kliem ieħor, dawk li kapaċi jagħmlu dat-tali “appell” lejn Alla.
Mela dal-pass ċertament ma jgħallimx li l-magħmudija ssalva lin-nies awtomatikament jew tikkonferixxi l-grazzja minnha nfisha. L-att tal-magħmudija m’għandux qawwa salvivika fih innifsu, iżda aktarx is-salvazzjoni taslilna permezz tal-eżerċizzju ġewwieni tal-fidi, fidi rappreżentata mill-magħmudija. Dan fi qbil perfett mad-dikjarazzjoni ta’ Pawlu: “midfunin miegħu bil-magħmudija, li fiha kontu wkoll irxoxtati miegħu permezz tal-fidi fil-qawwa t’Alla, li qajmu mill-imwiet” (Kol.2:12).
Allura nikkonkludu li l-pożizzjoni Kattolika, illi l-magħmudija hija essenzjali għas-salvazzjoni, ma tistax tkun difiża mill-Iskrittura. Imqar Wistin ta’ Ippona, li teoloġikament enfasizza ħafna l-magħmudija, jgħid: “Għax dawk il-persuni, li għadhom ma tgħammdux, jekk imutu jistqarru lil Kristu, din l-istqarrija għandha l-istess effikaċja għall-maħfra tad-dnubiet bħallikieku kienu maħsula fil-fonti sagru tal-magħmudija” (De Civitate Dei, 13.7). Il-magħmudija mhijiex assolutament neċessarja għas-salvazzjoni, għax l-unika kawża meritevoli tas-salvazzjoni hi r-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-magħmudija tissimbolizza dik l-unjoni tal-fidil ma’ Kristu f’mewtu u fil-qawmien tiegħu.
1 Pt.4:1-2. min bata fil-ġisem heda mid-dnub. Mir-referenza għall-magħmudija (1 Pt.3:21; cf., Rum.6:1-10) hu indikat illi Pietru qed jaħseb dwar l-unjoni tal-fidili ma’ Kristu fis-sofferenzi u l-mewt tiegħu, unjoni partikolarment simbolizzata mill-magħmudija (Rum.6:4). Għalkemm Kristu dejjem kien bla dnub (2 Kor.5:21; Ebr.4:15; 1 Pt.2:22), identifika ruħu mal-umanità midinba fix-xebh ta’ ġisem tad-dnub (Rum.8:3) u sar suġġett għat-tentazzjoni, tbatija u mewt (Mk.1:12-13; Ebr.2:10; 4:15).
Kristu miet għad-dnub (Rum.6:10) fis-sens li wara mewtu u r-resurrezzjoni tiegħu ma kienx iżjed suġġett għall-qawwa tad-dnub u l-mewt. Fir-relazzjoni tiegħu ma’ Kristu, il-fidil li lest isofri bħalu jiksirha minn mad-dnub. Għalkemm il-fidil qatt ma jkun liberu totalment mid-dnub f’ħajtu (cf., Ġak.3:2; 1 Ġw.1:8), meta jissaporti s-sofferenzi f’ġieħ Kristu juri li l-għan tiegħu fil-ħajja mhuwiex il-pjaċir tiegħu nnifsu imma li jgħix għar-rieda t’Alla u l-glorja tiegħu.
1 Pt.4:5-6. imxandar saħansitra lill-mejtin. Għalkemm xi wħud isostnu illi Pietru joffri t-tieni ċans wara l-mewt għal dawk li jkunu rroftaw lil Kristu, din l-idea tikkontradixxi sfaċċatament il-bqija tal-Bibbja (eż., Lq.16:26; Ebr.9:27) u l-kuntest immedjat rigward l-importanza ta’ perseveranza daparti tal-fidili (1 Pt.4:1-16) u l-ġudizzju li ġej tal-ħajjin u l-mejtin. Fil-kuntest il-mejtin huma l-Kristjani li lilhom ġie pritkat l-evanġelju meta kienu għadhom ħajjin u li fil-frattemp mietu. Allavolja l-fidili jesperjenzaw il-mewt fiżika (ċoè, huma ġġudikati skont il-bnedmin fil-ġisem), il-fidili li jkunu mietu jgħixu skont Alla fl-ispirtu (ċoè, issa jgħixu fis-smewwiet, u għad jgħixu f’sens aktar profound fir-resurrezzjoni meta Kristu jirritorna).
1 Pt.4:8-9. l-imħabba tgħatti multitudni ta’ dnubiet. Min iħobb ma jżommx rekordju ta’ deni kontrih; jaħfer bħalma ħafirlu Alla (Prov.10:12; Mt.18:21-22; 1 Kor.13:4-7; Ġak.5:20). Fejn l-imħabba toktor, l-offiżi huma sikwit imwarrba u malajr minsija. Dit-tip ta’ mħabba ġenwina tagħti xhieda li wieħed qed jgħix fid-dawl tal-futur.
1 Pt.4:10. Id-dispensieri huma amministraturi, nies responsabbli biex jissorveljaw jew iħaddmu r-riżorsi ta’ ħaddieħor. Id-don mhuwiex tiegħi, iżda fdat lili minn Alla sabiex nimmaniġġjah għat-tisħiħ tal-knisja u s-sebħ tiegħu.
1 Pt.4:13-16. tixxierku fis-sofferenzi tal-Kristu. Id-dixxipli jixxerjaw it-tbatijiet ta’ Sidhom, mhux billi jikkontribwixxu fil-ħidma mitmuma ta’ Kristu biex jitneħħa d-dnub u jkunu rikonċiljati mal-Missier, iżda billi jesperjenzaw maltrattament simili għax huma identifikati u magħquda mal-Feddej tagħhom (Rum.8:17; 2 Kor.1:5; Fil.1:29; Kol.1:24).
1 Pt.4:17. wasal iż-żmien biex jibda l-ġudizzju mid-dar t’Alla. Dan jalludi għal Eżekjel 9:1-6 u Malakija 3:1-4, fejn is-Sid jippurifika lil niesu. Il-ġudizzju mhuwiex punittiv, però, iżda bih huma ppurifikati u mnaddfa. Is-sofferenzi mġarrba min-nies t’Alla, milqugħa bil-fidi, jirraffinawhom u jsaħħuhom (1 Pt.1:6-7; Ebr.12:9-11).
1 Pt.4:18. il-ġust diffiċilment hu salvat. Mhux għax is-salvazzjoni finali hi inċerta, iżda għax il-mogħdija għaliha hi permezz ta’ dixxiplina iebsa (Mt.7:14; At.14:22). Pietru mhux qed jintima li l-ġusti jsalvaw bi żbrixx, iżda illi huma salvati f’nofs it-tbatija; is-salvazzjoni tagħhom mela mhi la faċli u lanqas sempliċi.
1 Pt.5:1-4. Pietru jantiċipa li jkun partiċipant fil-glorja li għad tintwera pubblikament għall-ferħ tal-fidili (1 Pt.1:1:7,11,21; 4:13; 5:10-11).
Kien komuni illi mexxejja u indokraturi jkunu deskritti bħala rgħajja (Sal.23; Isa.40:11; Ġer.23:1-4). Importanti għall-presbiteri illi jwettqu s-sejħa tagħhom fl-ippritkar, tagħlim u amministrazzjoni bi spirtu tajjeb, bla motivi ħżiena, u bla ma jipprovaw ikunu dittaturi fuq il-wirt t’Alla, ċoè l-fidili. Għandhom jimmiraw dejjem illi jservu bħala eżempji ħajjin ta’ x’kapaċi jagħmel l-evanġelju fil-ħajja umana.
1 Pt.5:5-6. Kull dixxiplu ta’ Ġesù messu jkun imżejjen b’dak il-virtù li tant spikka f’Sidu stess (Mt.11:29), l-umiltà (Prov.3:34).
1 Pt.5:7. It-talb hu l-aqwa prova ta’ dipendenza fuq il-Mulej, u atteġġjament umli. Ir-rimedju kontra l-ansjetà u l-inkwiet hu illi nirrikorru għand is-Sid bir-rikjesti u l-hemm tagħna.
1 Pt.5:9. irreżistuh. Lix-xitan niqfulu mhux billi nużaw xi formuli maġiċi, jew diskors indirizzat lejh jew kliem dirett lejn id-demonji, iżda billi nibqgħu fermi fil-fidi u nkomplu ngħixu fi qbil mal-verità t’Alla. Iktar ma nafu l-Iskrittura u nissottomettu ruħna għaliha f’ubbidjenza, aktar naraw suċċess fit-taqbid spiritwali tagħna.
1 Pt.5:10. għal kemxejn żmien (cf., 1 Pt.1:6). Dan jinkludi l-perjodu ta’ żmien li jibda mill-axxensjoni ta’ Kristu (cf., At.1:6-11) sakemm Kristu jirritorna fi tmiem iż-żmien. Mill-perspettiva t’Alla, għomorna f’did-dinja hu notevolment qasir (cf., Ġak.4:14; 2 Pt.3:8). Is-sofferenzi jistgħu jkunu intensi u fit-tul, iżda paragunati mal-feliċità eterna tal-fidili, huma tassew qosra.
1 Pt.5:13. Il-Babilonja hi referenza mistura għal Ruma. Fil-Patt il-Qadim tirrappreżenta ċentru ta’ poter dinji f’oppożizzjoni għal Alla (cf., Isa.13-14; Ġer.50-51; ukoll Riv.17-18).