L-Ewwel Epistola ta' Ġwanni


1 Ġw.1:1. jdejna messew (cf., Ġw.20:27; 1 Ġw.4:2). Xi wħud kienu qed jiċħdu l-umanità vera ta’ Kristu; ġabuha li deher illi kellu ġisem, però difatti ma kienx bniedem. Din l-ereżija ssejħet Doċetiżmu, parti minn moviment li aktar tard sar magħruf fil-fergħat diversi tiegħu bħala Njostiċiżmu. Kien pjaga għall-knisja fl-ewwel sekli tagħha, għax ħallat l-immaġinazzjoni u l-ispekulazzjoni umana, kif ukoll elementi minn reliġjonijiet pagani, mal-Kristjaneżmu veru.


1 Ġw.1:2. l-ħajja kienet manifestata. L-awtur jenfasizza l-eternità tal-Iben fil-glorja qabel ma kien inkarnat (cf., 1 Ġw.5:12; Ġw.1:4). 


1 Ġw.1:3. xirka ma tfissirx relazzjonijiet soċjali, iżda illi l-qarrejja jkunu msieħba ma’ Ġwanni fil-possediment tal-ħajja eterna (cf., Fil.1:5; 2 Pt.1:4). Kristjani ġenwini qatt mhuma barra mix-xirka, jew komunjoni, għax hawn l-awtur iqiegħed ix-xirka u s-salvazzjoni bħala ekwivalenti. 


1 Ġw.1:4. il-ferħ tagħna jkun komplut. L-appostlu jrid illi wlied Alla fid-dinja jkunu hienja. Ir-realtà tal-vanġelu tipproduċi xirka fil-ħajja eterna (1 Ġw.1:1-3), u dan kollu jirriżulta f’barka ineffabbli. 


1 Ġw.1:5. Metaforikament Alla hu deskritt bħala dawl, il-ġabra ta’ verità (intellettwalment) u ta’ purità jew qdusija (moralment). F’Alla mhemm ebda dalma: hu perfett f’kull sens (cf., Ġak.1:17). 


1 Ġw.1:7-9. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust sabiex jaħfer dnubietna. Meta wieħed jammetti dnubu onestament quddiem Alla hi indikazzjoni ta’ salvazzjoni ġenwina. Il-Kristjan jaffaċċja d-dnub personali bħala illegalità kontra Alla, u jfittex jabbanduna kull diżubbidjenza (Sal.32:3-5; Prov.28:13). Jieħdu bis-serjetà, u jaf kif jista’ jirċievi maħfra għalih. Ma jinnegahx, ma jwaħħalx f’ħaddieħor għall-ħażen tiegħu, ma jilgħabhiex taparsi ma dinibx, għax jaf x’rimedju provda Alla, fi Kristu, għat-trattament u l-eliminazzjoni tad-dnub. 

Meta nistqarru, litteralment, inkunu qed ngħidu l-istess ħaġa kif jgħid Alla dwar id-dnub, li hu offiża kontrih, iġib ħtija u ħaqqu kastig; inkunu qed naqblu mal-perspettiva t’Alla dwar id-dnub. 

Ninnotaw illi nistqarru direttament lil Alla; ebda qassis mhu msemmi, bħal fil-bqija tal-Patt il-Ġdid. Id-drawwa li l-Kristjan iqerr għand qassis bdiet bil-mod il-mod sekli wara li mietu l-appostli. L-istqarrija tal-Kristjan, kif irrikkmandata hawn, hi neċessarja u importanti sabiex imantni relazzjoni filjali ma’ Alla. Diġà hu maħfur u ġustifikat minn Alla bħala Mħallef; issa ladarba ġie introdott fil-familja t’Alla bħala Missieru, jeħtieġ imantni xirka miegħu. Dix-xirka, jew komunjoni, tiġi interrotta bid-dnub; allura jeħtieġ jammettih quddiem Alla, bil-wegħda illi x-xirka tiġi restawrata, għax d-demm ta’ Ġesù Ibnu jippurifikana minn kull dnub. 

Aktar milli jiffoka fuq stqarrija għal kull dnub partikolari (li hi prattika neċessarja u importanti), Ġwanni għandu speċjalment f’moħħu l-għarfien stabilit u l-ammissjoni illi wieħed hu midneb li jeħtieġ it-tindif kontinwament u l-maħfra mingħand l-Imħallef divin, li sar għalih Missier u Salvatur (Ef.4:32; Kol.2:13). 


1 Ġw.1:10. Ladarba Alla ddikjara l-umanità kollha bħala midinba, f’oppożizzjoni kontrih u midjuna miegħu (cf., Sal.14:3; 51:5; Isa.53:6; Ġer.17:5-6; Rum.3:10-19,23; 6:23), ma nistgħux niċħdu jew ma naqblux miegħu. Jekk nikkontradixxuh inkunu qed niddifamaw il-karattru tiegħu u nagħmluh giddieb. Meta nikkontradixxu lil Alla nkunu qed nikxfu lilna nfusna bħala privi mill-verità tiegħu. 


1 Ġw.2:1. Il-Kristjani ma jagħlqux għajnejhom għal dnubhom iżda lanqas jiddispraw minħabba fih, għax għandna Paraklitu mal-Missier, Ġesù Kristu l-ġust. Jagħrfu kull trasgressjoni u inikwità bħala realtà qawwija, iżda huma persważi illi għandhom antidotu aqwa. Bis-sagrifiċċju tiegħu, Ġesù qalagħlhom il-maħfra.

Paraklitu (cf., Ġw.16:7) hu wieħed imsejjaħ maġenb ħaddieħor biex jgħinu jew jassistih, bħalma jagħmel avukat difensur. Satana, l-akkużatur, iwettaq ir-rwol tal-prosekuzzjoni (Riv.12:10), filwaqt li Kristu, bil-ministeru saċerdotali tiegħu, mhux biss jiggarantixxi simpatija iżda maħfra wkoll (Ebr.4:14-16), għax patta għal dnubietna, il-ġust minflok l-inġusti (1 Pt.3:18) hekk illi l-Missier, filwaqt li jibqa’ ġust, kapaċi wkoll jiddikjara lill-fidili bħala ġusti u jaħfrilhom totalment (Rum.3:26). 


1 Ġw.2:2. propizjazzjoni (cf., 1 Ġw.4:10) tfisser sodisfazzjon b’sagrifiċċju li bih l-għadab ġust t’Alla kontra d-dnub hu mneħħi, u d-dispożizzjoni tiegħu lejn il-midneb li jemmen hi mibdula minn waħda antagonistika għal waħda favorih. Il-mewta ta’ Ġesù fuq il-Kalvarju hi waħda ta’ tpattija; bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu ssodisfa d-domandi infiniti tal-qdusija divina. Il-fidili, mela, ma jirċevux kastig, għax diġà ngħata lis-sostitut tagħhom (cf., Rum.1:18; 2 Kor.5:21). 

għad-dinja kollha hi frażi ġenerika; biha l-awtur mhux qed jirreferi għal kull bniedem individwali, iżda għall-umanità inġenerali. Kristu attwalment ħallas il-penali għal dawk li jindmu u jafdaw fih, huma min huma, minn liema ġens jew żmien ikun. 

Tabilħaqq, jingħad bnadi oħra wkoll illi Kristu miet għad-dinja kollha jew għal kulħadd (Ġw.1:29; 3:16; 6:51; 1 Tim.2:6; Ebr.2:9). Frattant nafu illi għadd ta’ nies huma diġà jew għad ikunu kkundannati fl-infern biex iħallsu għal dnubiethom stess. Ladarba hu hekk, mela Kristu ma ħallasx għal dnubiethom, għax impossibbli għal Alla illi jikkastiga darbtejn, darba lil Kristu u darba lill-midneb innifsu. 

Allura dawn il-passi li jiddikjaraw illi miet għad-dinja kollha bilfors ikollna nifhmuhom bħala qed jirreferu għall-umanità inġenerali (cf., Titu 2:3-4). Alla ħadem rikonċiljazzjoni u provda propizjazzjoni inkwantu d-dinja ta’ midinbin. 

Minħabba l-Kalvarju, miż-żerniq tal-umanità Alla ma trattax mal-bniedem kif tabilħaqq jixraq dnubu; ma jikkastigahx immedjament, anzi jurih tjubitu u anke jbierku temporanjament, billi jippermettilu jgħix u jgawdi għomru fuq l-art. F’dak is-sens Kristu provda propizjazzjoni temporanja u qasira għad-dinja kollha, litteralment. 

Iżda, mill-banda l-oħra, attwalment issodisfa l-korla t’Alla eternament għal dawk biss li jemmnu fih. Mewtu, fiha nfisha, għandha valur infinit u bla limitu għax hu Alla qaddis. Hekk is-sagrifiċċju tiegħu hu suffiċjenti biex iħallas il-penali għad-dnubiet ta’ dawk kollha li Alla jressaqhom lejh bil-fidi f’Ibnu. 

Fir-realtà, mela, is-sodisfazzjon attwali u t-tpattija saret għal dawk li jilqgħuha, ċoè jduru lejn Alla permezz tal-Medjatur Ġesù (cf., Ġw.10:11,15; 17:9,20; At.20:28; Rum.8:32,37; Ef.5:25). Il-maħfra hi offruta lill-ġnus inġenerali, iżda riċevuta biss minn dawk li jemmnu (cf., 1 Ġw.4:9,14; Ġw.5:24). Dawk li fl-aħħar mill-aħħar isalvaw huma magħduda kollettivament bħala d-dinja kollha. U Ġesù hu msejjaħ is-Salvatur tad-dinja (Ġw.4:42; 1 Ġw.4:14), għax dawk kollha li jsalvaw huma salvati minnu biss. M’hemm ebda mod ieħor kif il-bnedmin jistgħu jkunu rikonċiljati m’Alla. 


1 Ġw.2:7-8. kmandament qadim li kellkom mill-bidu...Frattant qed niktbilkom kmandament ġdid. Hu ġdid fil-kwalità, l-ispeċi, il-forma u l-preżentazzjoni, mhux fis-sens ta’ żmien. Ir-rivelazzjoni tal-imħabba t’Alla u l-volontà tiegħu, fi Kristu, issa tisboq kwalunkwe ħaġa li ngħatat jew kienet murija qabel. 

Il-kmandament li dwaru qed jitkellem hu l-imħabba (cf., 2 Ġw.5-6). Hu ġdid għax Ġesù, bl-avvent tiegħu fostna, ippersonifika l-imħabba b’mod li qabel twelidu ma kienx possibbli; u issa li hi msawba fi qlub il-fidili permezz tal-Ispirtu tiegħu (Rum.5:5), għandhom l-enerġija biex attwalment jesperjenzaw l-imħabba u jesprimuha ma’ ħaddieħor (Gal.5:22; 1 Tes.4:9). Kristu eleva l-imħabba għal standard ogħla u ġdid għad-dixxipli tiegħu sabiex jimitawh (1 Ġw.3:16; Ġw.13:34). 

Fl-istess ħin l-imħabba hi kmandata mill-qedem (Lev.19:18; Dt.6:5), u mill-bidu, ċoè mindu semgħu l-evanġelju l-ewwel darba u wieġbu għalih bil-fidi (1 Ġw.2:24; 3:11; 2 Ġw.6), il-qarrejja ta’ Ġwanni ilhom jafu bid-dmir u l-privileġġ tagħhom illi jestendu l-imħabba ta’ Kristu lill-proxxmu tagħhom.


1 Ġw.2:13-14. missirijiet...ġuvnotti...tfal. Ġwanni jiddistingwi tliet stadji ta’ kobor spiritwali fil-familja t’Alla. 

Il-missirijiet igawdu għarfien matur ta’ Alla etern, u avvanzaw aktar mill-bqija fil-mixja spiritwali tagħhom: jafu lil Alla (Fil.3:10), għax it-teoloġija tagħhom mhijiex sempliċement akkademika, iżda esperjenzali. 

Il-ġuvnotti huma dawk li avolja m’għandhomx l-esperjenza matura fl-għarfien t’Alla fil-kelma u l-mixja tagħhom, madankollu jżommu dottrina b’saħħitha. Kapaċi jieqfu kontra t-tiġrib u d-dnub għax kelmet Alla tgħammar fihom. Jegħlbu l-ittrikkjar tax-xitan, bl-errrur u l-ingann tiegħu, li kapaċi jagħmel ħerba minn fidili li għadhom tfal fil-fidi (Ef.4:14). 

It-tfal huma l-fidili li għandhom bidu ta’ ħajja spiritwali, iżda jeħtiġilhom jikbru u jsiru tabilħaqq dixxipli effettivi u maturi. 

Fuq livelli differenti wlied Alla kollha jirriflettu l-karattru ta’ Kristu u jesprimu l-ħajja spiritwali tagħhom b’mod viżibbli. 


1 Ġw.2:15. Alla jobgħod ċerta tip ta’ mħabba, ċoè li wieħed ikun miġbud jew attirat lejn is-sistema satanika f’did-dinja li żżomm in-nies imbiegħda minnu, bla interess ġenwin fih (Ġw.15:18-20). F’dan is-sens Ġwanni jikkmanda: Tħobbux id-dinja, lanqas il-ħwejjeġ fid-dinja. Il-Kristjan iħobb lil Alla u lil ħutu; hu devot u affezzjonat lejhom. Fl-istess ħin għandu jrawwem avversità u antagoniżmu lejn kwalunkwe ħaġa li tfixklu milli jgawdi l-ħajja abbondanti u vittorjuża fi Kristu. Alla, mhux il-ħwejjeġ transitorji ta’ did-dinja, għandu jieħu l-prijorità assoluta f’ħajjet il-fidil (Mt.10:37-39; Fil.3:20). 

Mela d-dinja hawn ma tfissirx id-dinja fiżika, ċoè l-pjaneta, jew in-natura (baħar, muntanji, kampanja, widien, xmajjar), iżda s-sistema spiritwali u inviżibbli ta’ ħażen iddominata minn Satana, b’kulma toffri f’oppożizzjoni lejn Alla, lejn Kelmtu u niesu (1 Ġw.5:19; cf., Ġw.12:31; 1 Kor.1:21; 2 Kor.4:4; 2 Pt.1:4). Min hu marbut mad-dinja jfisser li mhuwiex salvat (Ef.2:1-3; Kol.1:13; Ġak.4:4). 


1 Ġw.2:16. kulma hu fid-dinja. Reliġjonijiet, filosofiji, ideoloġiji diversi jistgħu jidhru illi joffru xi ħaġa sostanzjali, u jippreżentaw ruħhom b’mod attraenti. Jappellaw lill-bniedem. Frattant kollha huma ngann, imħaddma mix-xitan, u jħallu lir-ruħ fir-rovina tad-dnub. Iżommu lill-midneb fil-jasar flok ma jilliberawh (2 Kor.10:3-5). 

il-leblieba tal-laħam hi x-xewqa qawwija għall-ħwejjeġ midinba, skont id-dispożizzjoni u x-xeħta fil-bniedem naturali lejn id-dnub. Ir-ruħ tal-mitlufa hi ribelluża u dominata mid-dnub, f’avversità lejn il-Ħallieq (Rum.7:15-25; 8:2-8; Gal.5:19-21). Satana jinqeda bis-sistema ħażina tad-dinja biex jgħawwi n-natura mwaqqa’ tal-bniedem u jħajru jkompli fid-dnub. 

l-leblieba tal-għajejn hi mogħdija strateġika oħra biex l-għadu jattirana lejn id-dnub (Ġoż.7:20-21; 2 Sam.11:2; Mt.5:27-29). L-għajnejn kapaċi jkunu miġbuda u mħajra b’xi ħaġa “sabiħa,” iżda r-riżultat ikun mewt spiritwali (Ġen.3:6).

l-kburija faħħarija tal-ħajja, vjal ieħor għad-dnub, tindika l-arroganza biċ-ċirkostanzi, il-possedimenti u l-unuri tal-individwu, li jwassluh biex jesaġera, jiddandan u ħsiebu biex jimpressjona nies oħra (Ġak.4:16). 

Il-Kristjan mela hu obbligat jiċħad id-dinja li tinsab f’ribelljoni u oppożizzjoni lejn Alla Missieru, għax hi kkontrollata mix-xitan (1 Ġw.5:19; Ef.2:2; 2 Kor.4:4; 10:3-5). Jaħrabha minħabba x’inhi u x’tagħmel.


1 Ġw.2:18. Hawn jissemma għall-ewwel darba li ġej l-antikrist (cf., 1 Ġw.4:3; 2 Ġw.7). Lejn il-konklużjoni tal-ġrajja umana fid-dinja se jidher mexxej dinji, enerġizzat mix-xitan, li jfittex jieħu post Kristu u jopponih (Dan.8:9-11; 11:31-38; 12:11; Mt.24:15; 2 Tes.2:1-12). 

Il-ħafna antikristijiet huma prekursuri tiegħu; speċifikament Ġwanni qed jirreferi għall-għalliema eretiċi u foloz li kienu qed iħabbtu lill-knisja, billi jgħawġu l-verità u jopponu lil Kristu bħala s-Sid u r-Ras tagħha (Mt.24:24; Mk.13:22; At.20:28-30). Dawn l-għedewwa huma mbottati bi prinċipju ta’ ħażen, u huma ostili lejn Alla u saltnatu (cf., 2 Kor.10:4-5), filwaqt li jippromwovu l-gideb (cf., Ef.5:11).

l-aħħar siegħa hi sinonima għall-aħħar żminijiet jew l-aħħar jiem, il-perjodu sħiħ bejn l-ewwel u t-tieni avvent ta’ Kristu (1 Tim.4:1; Ġak.5:3; 1 Pt.4:7; 2 Pt.3:3; Ġuda 18). 


1 Ġw.2:19. L-antikristijiet iqumu fi ħdan il-knisja, iżda eventwalment jitwarrbu minnha u jiġbdu dixxipli għal warajhom. Minkejja x-xiżmi u l-firdiet li joħolqu, il-fidili ġenwini jissoktaw fil-fidi u jkomplu fix-xirka, miexja fil-verità tal-vanġelu. Din ir-realtà nsejħulha l-perseveranza tal-qaddisin (1 Kor.11:19: 2 Tim.2:12). Id-dixxiplu jissaporti u jkompli fil-fidi u l-imħabba: hekk ikun qed jagħti evidenza ta’ sejħa ġenwina (Mk.13:13; Ebr.3:14). Il-bqija, meta jitilqu mill-verità biblika u jabbandunaw ix-xirka mal-knisja, ikunu qed juru li huma foloz: ħarġu, sabiex ikun manifestat illi kollha kemm huma mhumiex minn tagħna.


1 Ġw.2:20-21. L-Ispirtu s-Santu jħares lill-Kristjani ġenwini mill-errur serju u fatali (1 Ġw.2:27; At.10:38; 2 Kor.1:21): għandkom unzjoni mingħand il-Qaddis, ċoè Kristu (Lq.4:34; At.3:14). L-Ispirtu, l-għotja mingħand il-Missier, maqlugħa għalina mis-Salvatur Ġesù, jgħasses fuqna u jillumina lill-fidili mill-qerq sataniku. Bħala dixxipli jiggwidana biex nitgħallmu u nissaħħu spiritwalment (Ġw.14:26; 16:13). Bil-ministeru tiegħu nipperseveraw fil-verità. Dawk li jaqgħu fl-apostasija jew jibqgħu fl-ereżija juru b’għemilhom stess li qatt ma kienu ġenwinament imwielda mill-ġdid (cf., 1 Ġw.2:19). 


1 Ġw.2:24-25. ħa jibqa’ fikom dak li smajtu fil-bidu, għax l-evanġelju ma jinbidilx, iżda hu permanenti (Ġuda 3). Mela n’għandniex għalfejn nagħtu kas l-għalliema foloz, li jivvintaw tagħlim stramb u kontradittorju għall-Iskrittura (cf., 2 Tim.3:1,7,13; 4:3). Dan hu l-bażi biex nibqgħu nesperjenzaw komunjoni intima u ġenwina m’Alla, u nipperseveraw sal-milja tal-ħajja eterna (cf., 1 Ġw.5:11-12). 


1 Ġw.2:27. m’għandkomx bżonn sabiex xi ħadd jgħallimkom. Għalliema maħtura minn Alla fil-knisja hemm posthom u jaqdu rwol importanti għall-edifikazzjoni tal-merħla (1 Kor.12:28; Ef.4:11). Iżda la dawn l-istess għalliema u lanqas il-fidili mhuma dipendenti fuq l-għerf uman, il-filosofija, l-ispekulazzjoni jew l-opinjonijiet tal-bnedmin biex tinkiseb il-verità. Bħalma Alla hu veru (cf., 2 Kron.15:3; Ġer.10:10; Ġw.17:3; 1 Tes.1:9), u bħalma l-Iben hu l-verità (cf., Ġw.14:6), l-Ispirtu s-Santu hu l-verità wkoll (Ġw.15:26; 16:13; 1 Ġw.5:6). Hu l-unzjoni tagħna mingħand Kristu, u jgħallimkom dwar il-ħwejjeġ kollha, u hu veru u mhux gidba. Bih nissoktaw fil-fedeltà waqt li nħaddnu dottrina biblika (2 Ġw.4; 3 Ġw.4). 


1 Ġw.2:28. Kull meta Ġwanni juża dal-verb ibqgħu f’sens spiritwali jkun qed jitkellem dwar id-dmir tal-fidili li jipperseveraw fil-fidi tas-salvazzjoni, biex hekk ikollhom tama fl-avvent ta’ Kristu (1 Ġw.2:28-3:3; cf., 2 Tim.4:8). Min jibqa’ jkun qed jagħti evidenza konkreta li hu salvat (Ġw.15:1-6). Min jibqa’ fil-komunjoni ta’ Kristu jibqa’ wkoll fix-xirka tal-knisja tiegħu (1 Ġw.2:19). Nibqgħu mhux b’mod passiv: l-awtur hawn qed jikkmanda: ibqgħu fih, b’mod kontinwu u attiv (cf., Fil.2:12). 

Il-Mulej iżommna skont l-omnipotenza u l-ħniena tiegħu (cf., Ġw.6:37-44; 10:27-30); daparti tagħna nipperseveraw f’kooperazzjoni mal-grazzja tiegħu, fil-fidi u l-ubbidjenza (cf., Ġw.8:31-32). Alla jsalvana skont l-għan sovran tiegħu, iżda mhux apparti mill-fidi personali ta’ dawk imsejħa u riġenerati. Alla jqaddisna billi jikkonforma l-karattru tagħna mal-karattru sabiħ u qaddis ta’ Ibnu Ġesù, iżda mhux apparti mill-ubbidjenza tagħna (cf., 2 Kor.6:1-2). Kulma jirnexxilna nagħmlu nagħmluh skont il-qawwa li biha jfornina (cf., Kol.1:29). 


1 Ġw.2:29. tafu wkoll illi kull min jipprattika l-ġustizzja hu mwieled minnu. Ulied Alla neċessarjament jingħataw illi jkunu jixbhu lil Missierhom fis-smewwiet (1 Pt.1:3,13-16). Jesibixxu l-karatteristiċi ta’ Alla ġust, ħanin u mimli mħabba. Id-drawwa u d-dixxiplina ta’ għejxien ġust huwa riżultat tar-riġenerazzjoni; mela l-għejxien fil-qdusija u ġustizzja hu prova pożittiva (flimkien ma’ oħrajn) illi wieħed hu mwieled mill-ġdid (Ġak.2:20,26; 2 Pt.3:11). 


1 Ġw.3:1. Fir-realtà l-Kristjani għandhom oriġni mis-sema, u jesibixxu natura u stil ta’ ħajja tixbah lis-Salvatur tagħhom. Bħalma d-dinja ma għarfitx lil Sidna, hekk ma tagħrafx lid-dixxipli tiegħu (1 Kor.2:15-16; 1 Pt.4:3-4). Minħabba f’hekk id-dinja ma tafniex. U xejn mhu għaġeb dan, għax il-fidili huma eżiljati u stranġieri fuq l-art (Ebr.11:13; 1 Pt.1:1; 2:11). 


1 Ġw.3:4-10. F’dan il-pass Ġwanni jagħti diversi raġunijiet għala l-Kristjan ma jipprattikax id-dnub (cf., Ġw.8:31,34-36; Rum.6:11; 2 Ġw.9). Kull min jgħammar fih ma jkomplix jidneb. B’mod kategoriku jafferma illi l-Kristjan kisiriha minn mad-dnub; mhuwiex id-drawwa abitwali tiegħu. Għalkemm il-Kristjan għad fadallu dispożizzjoni għad-dnub (1:8), u fir-realtà jaqa’ u jistqarr il-fallimenti morali tiegħu (1 Ġw.1:9; 2:1), dan mhuwiex il-mostra regolari u karatteristika ta’ ħajtu. Bl-Ispirtu s-Santu fih għandu gwardja kontra l-ħażen minħabba n-natura ġdida imħawla fih: ma jistax jidneb, għax hu mwieled minn Alla. 

Jerġa’, il-Kristjan ma jistax jibqa’ fil-vizzju tad-dnub għax dan hu totalment inkompatibbli mal-missjoni ta’ Sidu, li ġie fostna biex ineħħi d-dnub u jqaddisna għal Alla Missieru: hu kien immanifestat sabiex ineħħi d-dnubiet. Is-salvazzjoni tiegħu mhijiex biss mill-kastig dovut għad-dnub, iżda tinkorpora wkoll it-taqdis ta’ niesu (2 Kor.5:21; Ef.5:25-27). 

Għaldaqstant min jidneb bi prattika, bla ma jissielet kontra d-dnub u jmewtu, ikun qed jinkixef apertament illi m’għandux sehem mill-fidwa ta’ Kristu, għax id-dnub hu kuntrarju għall-opra ta’ Kristu fuq is-salib. Imsallab ma’ Kristu, id-dixxiplu jesperjenza libertà mid-dominju tad-dnub f’ħajtu (Rum.6:1-15). 


1 Ġw.3:8. ix-xitan ilu jidneb sa mill-bidu. Billi Satana kien oriġinarjament maħluq perfett, u aktar tard irribella kontra Alla (cf., Isa.14:12-14; Eż.28:12-17), probabbilment hawn qed jitkellem dwar il-bidu tar-rewwixta tiegħu kontra Alla, u allura l-bidu tal-karriera perversa u djabolika tiegħu. Billi d-dnub hu l-karatteristika tiegħu, hekk ukoll min hu maħkum mid-dnub ġej minnu (cf., Ġw.8:44). 

Kristu għex fostna biex b’mewtu eventwalment ixejjen l-attività tax-xitan u jkun mibgħut l-infern għal dejjem (Riv.20:10). ix-xogħlijiet tax-xitan hu d-dnub fid-diversi għamliet u espressjonijiet tiegħu, kif ukoll kwalunkwe ribelljoni kontra Alla, tentazzjonijiet għad-dnub, il-persekuzzjoni u l-akkużar kontra l-qaddisin, il-qawwa tal-mewt, u l-bqija (eż., Lq.8:12; Ġw.8:44; At.5:3; 1 Kor.7:5; 2 Kor.4:4; Ef.6:11-12; 1 Tes.2:18; Ebr.2:14; Riv.12:10). 


1 Ġw.3:9. It-twelid mill-ġdid jinvolvi l-akkwist ta’ ħajja spiritwali ġdida, u prinċipju ta’ ħajja minn fuq, imħawwel f’ruħ il-fidil. Ġwanni jgħallem dan billi jirreferi għaż-żerriegħa tiegħu li tibqa’ fil-fidil: hi ħajja u tibqa’ u tikber. Biha l-Kristjan hu sseparat mill-ħażen: ma jistax jidneb, għax hu mwieled minn Alla.


1 Ġw.3:14. għaddejna mill-mewt għall-ħajja: issir Kristjan jiġifieri Alla qajmek minn mewt spiritwali għal ħajja spiritwali. Il-Mulej jittrasferik minn ħajja maħkuma mill-mibegħda għal ħajja motivata u ddominata mill-imħabba (Gal.5:6,22). Nuqqas ta’ mħabba hi indikazzjoni konkreta ta’ mewt spiritwali. Kif naf illi jien imwieled mill-ġdid? Wieħed mit-testijiet (flimkien ma’ oħrajn) hu l-mistoqsija: onestament u ġenwinament, jien inħobb lill-proxxmu tiegħi jew le? (1 Ġw.2:9,11). L-imħabba ma twassalx għat-twelid mill-ġdid; għall-kuntrarju, it-twelid mill-ġdid jirriżulta f’ħajja mmarkata bi mħabba lejn Alla u l-bniedem.


1 Ġw.3:16. Il-fidili huma obbligati jimitaw imħabbet Kristu (Ġw.15:12-13; Ef.4:32-5:2). 


1 Ġw.3:18. L-imħabba hi sentiment u azzjoni; hi wisq aktar minn diskors pożittiv. Twassal għall-opri ta’ benefiċjenza (Ġak.2:15-16). 


1 Ġw.3:19. B’dan se nkunu nafu illi aħna mill-verità. Mixja serja fl-imħabba u azzjoni ta’ ħniena lejn ħaddieħor hi prova konkreta ta’ salvazzjoni (1 Ġw.3:16). Meta nħobbu nkunu qed ninbnew fl-assigurazzjoni tas-salvazzjoni peress li l-imħabba fir-realtà hi test prattiku ta’ professjoni Kristjana (cf., 4:7; Ġw.13:34-35).


1 Ġw.3:20. kull meta qalbna tikkundanana; għax Alla hu akbar minn qalbna. Alla jaf lill-imsejħin u l-maħbubin tiegħu (2 Tim.2:19), u jrid jagħtihom iċ-ċertezza dwar is-salvazzjoni tagħhom. Għalkemm wieħed ikkonvertit tabilħaqq jista’ jgħaddi minn nuqqas ta’ sigurtà jew iġarrab dubji dwar is-salvazzjoni tiegħu, frattant Alla Missieru ma jikkundannahx (Rum.8:1). L-eżerċizzju fl-imħabba hu prova illi l-fidili ngħataw ħajja ġdida, huma tabilħaqq ġustifikati u allura huma milqugħa quddiem Alla. 


1 Ġw.3:22. Billi huma maħfura u mqaddsa fi Kristu (1 Ġw.1:7; 2:1-2; 3:5,8), l-għemejjel tal-fidili jogħġbu lil Alla, u l-Missier jisma’ talbhom (1 Ġw.5:14). 


1 Ġw.3:23. Ir-rieda t’Alla għalina hi miġbura hawn fil-qosor: emmen fi Kristu (Ġw.6:29) u ħobb lin-nies (Ġw.13:34).

L-isem hawnhekk hu l-glorja żvelata tal-persuna u l-ħidma ta’ Kristu. 


1 Ġw.3:24. b’dan nafu. L-Ispirtu s-Santu jagħti l-assigurazzjoni billi jipproduċi l-frott tiegħu fil-fidili u jagħtihom id-dixxerniment biex jagħrfu ħidmietu f’ruħhom (Rum.8:9,13-16; Gal.5:22-23). 


1 Ġw.4:1. temmnux kull spirtu. Kull Kristjan għandu jkollu grad ta’ xettiċiżmu rigward kull tagħlim; imissu jevalwah u jiċċekkja s-sors tiegħu (cf., At.17:10-12). Ir-raġuni hi sempliċi: apparti l-Ispirtu s-Santu, li jgħallimna l-verità, hemm spirti oħrajn, demoniċi, illi jinqdew b’għalliema u profeti foloz biex jippropagaw id-dottrina mgħawġa tagħhom. B’mod rigoruż għandna nqabblu kull tagħlim mal-Iskrittura, biex naraw jaqbilx magħha, ir-regola stabbilita minn Alla nnifsu għall-fidi u l-prattika tagħna.


1 Ġw.4:3. dan hu l-ispirtu tal-antikrist, li smajtu illi ġej, u issa hu diġà fid-dinja. L-istess qerq demoniku li għad jopera biex jipproduċi l-mexxej dinji finali, li għad jiggverna bħala l-Kristu falz, dejjem qed jipprova jgħawweġ l-identità vera ta’ Ġesù, jipperverti l-evanġelju, u jinganna b’ulied Alla. L-antikrist finali mhux se jkun fenomenu totalment ġdid, iżda jkun it-tlaħħima finali tal-ispirti antikristjani kollha li jaħdmu kontra l-verità u jippropagaw gideb sataniku. Bħal fl-1 Tessalonkin 2:3-8, l-antikrist għad ikun żvelat, imma l-misterju tal-illegalità diġà huwa operattiv. 


1 Ġw.4:4. ikbar min hu fikom milli min hu fid-dinja. Il-fidili messhom jgħassu kontra t-tagħlim falz. Fl-istess ħin huma mfarrġa, għax huma mwielda mill-ġdid, u l-Ispirtu t’Alla jgħammar fihom, li kapaċi jilluminahom u jżommhom mill-errur fatali (cf., 2:20,27). Lill-Kristjani ġenwini jħarriġhom fil-verità li hu stess irrivela permezz tal-appostli u l-profeti. It-tagħlim tiegħu llum hu miġbur kollu kemm hu fil-Bibbja Mqaddsa. Kristjani ġenwini jingħarfu, fost ħwejjeġ oħra, filli jesprimu interess ġenwin fl-Iskrittura u jirsistu biex iħaddnu u jimxu skont dottrina biblika (cf., Rum.8:17). L-għadu jista’ jkun qawwi, iżda l-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu favur tagħna, hu infinitament aqwa. 


1 Ġw.4:5-6. Huma mid-dinja. Il-profeti foloz, li jiċħdu dottrini kardinali tal-fidi tagħna, jappartieni għad-dominju ta’ Satana, u allura jgħallmu skont il-filosofija qarrieqa u mkabbra tad-dinja (1 Ġw.2:15-17). Mill-banda l-oħra, l-appostli maħtura minn Kristu, jgħallmu skont ir-rivelazzjoni smewwitija mogħtija lilhom. Kif in-nies jilqgħu tagħlimhom jiżvela humiex t’Alla inkella le (Ġw.13:20). 


1 Ġw.4:7-8. l-imħabba hi minn Alla...Alla hu mħabba. Il-Kristjan imissu jħobb għax Missieru hu l-essenza tal-imħabba. Alla hu spirtu mill-aktar pur (Ġw.4:24), hu dawl, ossija qaddis u veru (1 Ġw.1:5), hu nar li jikkonsma, jiġifieri jeżerċita ġudizzju (Ebr.12:29), u hu fuq kollox imħabba, għax l-imħabba hi f’kulma hu u f’kulma jagħmel. Imqar il-ħaqq u l-għadab tiegħu huma armonizzati perfettament ma’ mħabbtu. L-imħabba hi attribut glorjuz fl-enti divin, imma mhuwiex l-uniku attribut, bħallikieku hu mħabba u xejn iżjed. Hu rett u ġust, kif ukoll għaref, setgħan, omnixjenti u etern. 


1 Ġw.4:9. B’dan l-imħabba t’Alla kienet immanifestata fostna. Kull Kristjan hu msejjaħ biex iħobb ħalli hekk isegwi l-eżempju suprem tal-imħabba t’Alla, li wasslitu biex bagħat lill-uniku Iben tiegħu fid-dinja sabiex ngħixu permezz tiegħu. Il-ġudizzju ta’ dnubna fuq is-salib kien it-turija suprema tal-imħabba divina, għax ferra’ għadbu fuq Ibnu l-Maħbub minflok fuq il-midinbin (Ġw.3:14-16; 2 Kor.5:21; Ef.5:1-2). 

Ġwanni jinqeda bil-kelma uniku (bil-Grieg, monogenēs, uniku jew uniġenitu; ara Ġw.1:14; 3:16,18) biex jesprimi r-relazzjoni unika tal-Iben mal-Missier, l-eżistenza eterna tiegħu qabel ma twieled, u l-fatt li huwa distint mill-ħolqien. Il-kelma tenfasizza l-uniċità ta’ Kristu, bħala l-uniku wieħed tat-tip tiegħu. Hu dak mibgħut mill-Missier fid-dinja bħala l-ikbar għotja qatt mogħtija (Ġw.17:3; 2 Kor.8:9), għax bis-saħħa tiegħu, u tiegħu waħdu, il-fidili jingħataw il-ħajja eterna (cf., Ġw.3:14-15; 12:24). 


1 Ġw.4:10. bagħat ’l Ibnu bħala l-propizjazzjoni għal dnubietna (ara 2:2). Kristu hu bħall-għatu tal-arka, imqiegħda fit-tempju, fejn il-qassis il-kbir kien jidħol darba fis-sena, f’Jum it-Tpattija (il-Yom Kippur) u jċappas id-demm miegħu (Lev.16:15). Bħala l-antitip, Kristu għamel dan b’demmu stess, imxerred minħabba l-midinbin, biex hekk issodisfa d-domandi infiniti tal-qdusija u l-ġustizzja t’Alla ħalli ma jibqax mgħaddab kontra l-midinbin, iżda jilqagħhom. Kristu hu s-sagrifiċċju, provdut mill-Missier innifsu, li bih il-Missier issa bidel l-atteġġjament tiegħu: flok ma jħares lejn il-fidili b’għadab, jagħtihom merħba, u għandu pjaċir bihom, għax saret tpattija adegwata. 


1 Ġw.4:11. imissna. Il-vanġelu jobbliga lill-fidili biex jimitaw lis-Sid u Salvatur tagħhom (1 Ġw.3:16). 


1 Ġw.4:12. L-essenza t’Alla hi inviżibbli (Ġw.1:18; 1 Tim.1:17; Ebr.11:27; 1 Ġw.4:20). Imħabbet Alla, dejjem perfetta fih, tilħaq l-għan perfett tagħha meta tgħaqqad lil Alla u l-bniedem biex issir viżibbli fix-xbieha umana tiegħu (Kol.1:15; 3:10; 1 Ġw.4:17-18; 2:5). 


1 Ġw.4:13. mill-Ispirtu tiegħu: ċoè miżura mill-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, ħidma ta’ mħabba u fidi, li biha l-fidili jirrealizzaw illi huma t’Alla u miegħu (1 Ġw.3:24). 


1 Ġw.4:14. rajna u nixhdu: Ġwanni qed jirreferi għat-testimonjanza tiegħu u tal-appostli sħabu (1 Ġw.1:20).

Salvatur tad-dinja: dan il-fatt waħdu hu avvanz tremend fuq il-patt l-antik, li kien limitat bażikament għal nazzjon wieħed, Iżrael. Issa hu dikjarat illi l-Messija jgħodd għall-midinbin mill-ġnus kollha (Ġw.4:40-42). 


1 Ġw.4:17-18. B’dan hi pperfezzjonata l-imħabba magħna. Ġwanni mhuwiex qed jissuġġerixxi perfezzjoni totali bla ebda nuqqas ta’ dnub, iżda aktarx imħabba matura mmarkata b’kunfidenza quddiem il-ġudizzju. Il-kunfidenza u l-assenza tal-biża’ huma sinjali li l-imħabba laħqet kwalità għolja. 

bħalma hu dak, aħna wkoll aħna f’did-dinja. Ġesù hu Bin Alla, u l-Missier sab l-għoġba tiegħu fih fuq l-art. F’sens ieħor il-fidili huma wkoll ulied Alla (1 Ġw.3:11), u r-riċevituri tat-tjieba tiegħu. Bħalma Ġesù sejjaħ lil Alla Missieru, hekk ukoll aħna, peress li bil-fidi aħna adottati fil-familja tiegħu u ninsabu milqugħa f’Ibnu l-Maħbub (Ef.1:6). Lejn Alla nuru timenza, u nersqu lejh b’riverenza qaddisa, iżda bla twerwir, għax diġà għandna s-sliem miegħu, bis-salib (Rum.5:1; 8:14-15; 2 Tim.1:7). 

l-imħabba perfetta tixħet ’il barra l-biża’: ovvjament mhux il-biża’ lejn Alla, li nistgħu niddeskrivuh bħala riverenza qaddisa u afdar fih b’timenza (Prov.1:7; Sal.2:11; 2 Kor.5:11; 1 Pt.2:17). Aktarx, hu l-biża’, intimidazzjoni jew twerwir min-nies, għedewwa, demonji, jew ċirkostanzi avversivi. 

il-biża’ jinvolvi l-kastig jew it-turment, realtà li wlied Alla qatt mhuma se jġarrbu, għax jinsabu maħfura minħabba s-sagrifiċċju effettiv ta’ Kristu. 


1 Ġw.5:1. Kull min jemmen illi Ġesù hu l-Kristu hu mwieled minn Alla. Bħall-awturi sagri l-oħra, għal Ġwanni “temmen” tfisser tibda temmen f’xi stadju ta’ ħajtek u tkompli temmen sa tmiem għomrok. Kristjan ġenwin jingħaraf filli jissokta f’relazzjoni ta’ fiduċja m’Alla, dipendenza totali fuqu, permezz ta’ Kristu, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. 

Il-fidi salvivika mhijiex sempliċement aċċettazzjoni intellettwali, iżda timplika dejjem dedikazzjoni mill-qalb lejn Ġesù s-Salvatur, li hu l-Messija mwiegħed, jew il-Kristu, l-Unzjonat mibgħut mill-Missier apposta biex jilliberana mid-dnub u l-kastig tiegħu. Bħala l-Messija, jew l-Unzjonat, Ġesù jwettaq ir-rwol ta’ profeta, qassis u sultan: profeta biex jgħallimna t-triq tas-salvazzjoni, qassis biex jiksbilna l-istess salvazzjoni bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, u sultan biex, bħala l-mifdija tiegħu, jaħkem fuqna u jipproteġina. 

Inkunu nafu li aħna mwielda mill-ġdid, u allura eredi t’Alla, billi niċċekkjaw aħniex niddependu ġenwinament fuq Ġesù l-Messija għas-salvazzjoni tagħna. Il-fiduċja tagħna hi fih esklussivament? Jew fih u f’xi ħaġa jew xi ħadd ieħor? Dan hu mod wieħed kif nistgħu niddeterminaw għalina nfusna jekk aħniex salvati jew le, għax it-twelid mill-ġdid iġibna f’relazzjoni permanenti ta’ fidi fi Kristu, u allura f’rabta dejjiema m’Alla l-Missier. 

kull min iħobb lil min inissel iħobb lil min hu mwieled minnu. Fidi ġenwina tirriżulta fi mħabba ġenwina; it-tnejn, jekk ġenwini, issibhom imsieħba flimkien. Għalkemm niddistingwuhom, u bir-raġun nisħqu li aħna salvati bil-fidi biss f’Ġesù waħdu, imorru dejjem flimkien. Il-Kristjan mhux biss jemmen l-evanġelju dwar Ġesù, iżda jħobb kemm lil Alla, billi josserva l-kmandamenti tiegħu, kif ukoll lill-aħwa, billi jagħmlilhom il-ġid. Dan hu t-test morali għal darb’ oħra. 


1 Ġw.5:3. Kuntrarju għat-tagħbijiet reliġjużi u tradizzjonijiet fiergħa vvintati mill-bnedmin (cf., Mt.23:4), l-kmandamenti tiegħu mhumiex gravużi, bħalma wkoll il-madmad mgħoddi lilna minn Ġesù hu faċli u t-tagħbija tiegħu ħafifa (Mt.11:3), għax jgħoddu għalina, neħtiġuhom, u bihom nesprimu r-relazzjoni tagħna ma’ Sidna, u aħna bħala s-sudditi tiegħu. Jerġa’, mhux gravużi jew tqal għax nobduhom minn sens ta’ mħabba, mhux kontra qalbna jew bil-geddum. Lil min tħobb ma tiksirlux qalbu (Ġw.15:9-14). 


1 Ġw.5:4. Id-dixxiplu ta’ Ġesù jegħleb id-dinja, għax ingħatatlu ħajja spiritwali ġdida, skont l-għan sovran t’Alla. Kontinwament u konsistentement ivinċi fuq il-filosofiji mondani u ma jħallix il-ġibda tad-dinja twaqqgħu mis-sodizza tiegħu. Hi l-karatteristika magħrufa tiegħu. 

Il-vinċituri, l-għallieba jew ir-rebbieħa huma dawk kollha (cf., 1 Ġw.2:13) li ġrew għar-refuġju f’Ġesù u jafdaw totalment fih, bħala Bin Alla u s-Salvatur tagħhom mill-ħtija u l-prattika u l-preżenza tad-dnub. Fih igawdu vittorja u konkwista kontra l-ħażen u x-xitan. Fih għandhom superjorità fuq is-sistema tad-dinja li tfittex tixrobhom fiha. Fi Kristu, ma’ Kristu u bi Kristu għandhom garanzija ta’ suċċess spiritwali, ċoè jirnexxilhom jgħixu f’komunjoni m’Alla. 

Hi rebħa evidenti; l-għadu jsofri disfatta hekk li ma jkunx hemm dubju min għeleb u qed jegħleb fis-serriegħa. Ġesù hu l-vinċitur għan-nom ta’ niesu (Ġw.16:33); issa minħabba l-unjoni tagħhom miegħu, jipparteċipaw fir-rebħa tiegħu (Rum.8:37; 2 Kor.2:14).


1 Ġw.5:6-8. bl-ilma u bid-demm. Dawn huma xhieda esterna u oġġettiva inkwantu min hu Ġesù. L-ilma jalludi għall-magħmudija tiegħu, mentri d-demm hu referenza għal mewtu fuq il-Kalvarju. Xi għalliema foloz kienu qegħdin iġibuha illi “Kristu” warrab minn “Ġesù” qabel ma miet. Biex juri l-preżentazzjoni tagħhom bħala fittizja, Ġwanni juri illi Alla ta testimonjanza dwar id-divinità ta’ Ġesù kemm fil-magħmudija kif ukoll f’mewtu. 

l-Ispirtu u l-ilma u d-demm. Fil-magħmudija ta’ Ġesù, il-Missier u l-Ispirtu taw xhieda dwaru (Mt.3:16-17). F’mewtu wkoll intwera min tabilħaqq kien: Bin Alla (Mt.27:54; Ebr.9:14). L-Ispirtu s-Santu ta xhieda matul ħajtu dwar l-identità tiegħu (Mk.1:12; Lq.1:35; At.10:38).


1 Ġw.5:7. Ebda traduzzjoni moderna tal-Bibbja, ibbażata fuq l-aħjar xhieda tal-manuskritti antiki, ma tinkludi l-kliem, “Għax hemm tlieta li jixhdu fis-sema: il-Missier, il-Kelma u l-Ispirtu s-Santu; u dawn it-tlieta huma wieħed.” Dis-sentenza nsibuha biss f’manuskritti tal-Vulgata (ie., bil-Latin) u f’xi erba’ jew ħames manuskritti Griegi mwaħħrin ħafna. Ċertament mhumiex oriġinarjament miktuba minn Ġwanni. 

Jitkellmu dwar it-Trinità, li ovvjament bħala dottrina fondamentali tal-fidi tagħna hi stabilita indubjament b’ħafna passi tul l-Iskrittura kollha. 


1 Ġw.5:10. għandu t-testimonjanza fih innifsu. Apparti xhieda storika u esterna, li l-fidil messu jqisha sew, għandu wkoll xhieda interna u soġġettiva, f’qalbu, ikwantu min hu Ġesù u x’barka jgawdi bih (Rum.8:15-16; Gal.4:6). 

min ma jemminx ’l Alla għamlu giddieb. Jekk xi ħadd iwarrab it-testimonjanza tal-Missier dwar Ibnu, din tkun l-agħar forma ta’ dagħwa, għax prattikament ikun qed isejjaħ lil Alla giddieb, meta Alla ma jistax jigdeb (Titu 1:2; Ebr.6:18). 


1 Ġw.5:12. Mingħajr l-Iben m’hemmx ħajja (Ġw.14:6). Il-vanġelu jeskludi r-reliġjonijiet mondani (1 Ġw.2:23; 2 Ġw.9), u jiddomanda fidi fi Kristu biss. 


1 Ġw.5:13. L-għan prinċipali tal-epistola hu biex il-fidili jifirħu (1 Ġw.1:4) fit-tagħrif illi għandhom il-ħajja mingħand Alla permezz tal-Medjatur Ġesù (1 Ġw.2:2,19-20; 2:3,5,28-29; 3:14-15,19,24; 4:13). 


1 Ġw.5:14-15. Alla wera r-rieda tiegħu lilna fil-liġi (1 Ġw.2:17) u l-evanġelju (Ġw.6:38-40) sabiex jidderiġina f’talb konfidenti (Ġw.15:7). 


1 Ġw.5:16-17. Id-dnub kapaċi jinħafer meta nfittxu l-maħfra mingħand Alla, bi ndiema kif suppost, u Alla lest jagħti l-maħfra skont ħnientu, murija fi Kristu Ibnu. Il-mewt u l-ħajja eterna huma t-tnejn stati spiritwali preżenti, kif ukoll destini attwali u finali – fl-infern u l-ġenna. 

Hemm dnub li jwassal għall-mewt, ċoè għal mewt eterna, mhux mewt fiżika. Dan hu possibbilment id-dnub li wieħed jibqa’ ma jindimx minnu, jew inkella d-dnub li Ġwanni wissa dwaru fl-ittra tiegħu, ċoè r-roftiment riżolut u persistenti dwar id-dottrina vera ta’ Kristu, kif ukoll diżubbidjenza kronika lejn il-kmandamenti t’Alla, u nuqqas serju ta’ mħabba lejn l-aħwa – kollha evidenza qawwija ta’ nuqqas ta’ fidi salvivika – li allura għalihom m’hemmx maħfra. Hemm min jgħid li hu d-dnub tal-apostasija (cf., Ebr.6), jew inkella r-rifjut ostinat meta wieħed jibqa’ ma jħaddanx l-evanġelju bil-fidi (Ġw.8:24). 

Wisq probabbli, però, Ġwanni hawn qed jirreferi għad-dnub li ma jinħafirx, id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu (Mt.12:31-32; Mk.3:28-30; Lq.12:8-10).


1 Ġw.5:18. Il-vittorja fuq id-dnub u Satana hi ċertezza Kristjana (Rum.6:15-22; 1 Ġw.3:9). Alla jgħasses fuq il-fidil – jipproteġih – hekk illi l-Ħażin, ix-xitan, ma jista’ jagħmillu ebda ħsara eterna. Satana jopera biss skont is-sovranità t’Alla u ma jistax jiffunzjona lil hinn milli jippermetti Alla (Ġob.2:5; Rum.16:20). Ċertament jagħmel minn kollox biex iġarrab u jwebbel għad-dnub, jippersegwita, u jixli lill-fidil. Frattant Alla jiddefendih u jqiegħed limiti definiti biex ix-xitan ma jmissux, ċoè ma jaqbdux taħt il-ħakma tirannika tiegħu (1 Ġw.2:13; Ġw.10:28; 17:12-15). 


1 Ġw.5:20-21. Ġwanni jikkonkludi b’kelma ta’ twissija: għassu lilkom infushom mill-idoli. Tfisser, żommu lilhom infuskom milli tafdaw, tobdu, tħobbu jew issegwu – effettivament, taduraw – kwalunkwe ħlejqa jew ħaġa apparti minn Alla nnifsu, rivelat f’Ibnu Ġesù. Fuq kollox, aċċettazzjoni ta’ Ġesù li mhuwiex Alla l-veru hu idolu tal-agħar kwalità, bħalma jagħmlu s-setet moderni li jiċħdu d-divinità sħiħa tiegħu.