L-Epistola lir-Rumani


Rum.1:1. L-evanġelju t’Alla. Alla hu s-sors u t-tema tal-messaġġ. Hu l-bxara t-tajba tiegħu, għax ħadem is-salvazzjoni hu, u jibgħat ħbarha mad-dinja. It-Trinitarjaniżmu ta’ Pawlu – it-twemmin tiegħu f’Alla Trinità – kull darba jitla’ fil-wiċċ (Rum.1:3-4; 5:1-5; 8:3-4, 9-11, 16-17; 14:17-18; 15:16,30). 


Rum.1:2. Alla wiegħed minn qabel l-evanġelju issa annunzjat mill-appostli. Il-wegħdi diversi jinsabu fil-Patt il-Qadim (1 Pt.1:10-12; cf., Mt.5:17; Ebr.1:1), u l-preżentazzjoni tal-vanġelu hi meħuda minn hemm. In-nwara hi l-Patt il-Qadim; il-Patt il-Ġdid huwa l-fjura miftuħa (Rum.16:25-27). 

fl-Iskritturi mqaddsa. Il-kitbiet ispirati tal-antik ċertament bassru minn qabel l-era tal-vanġelu (cf., Lq.24:25,27,32; Ġw.5:39; At.3:18; 7:52; 10:43; 13:32; 26:22-23). Il-profeti tkellmu dwar l-istabbiliment ta’ patt ġdid (Ġer.31:31-34; Eż.36:25-27; cf., Ebr.8:6-13). 


Rum.1:3-4. iddikjarat bis-setgħa bħala Bin Alla. Hawn għandna deskrizzjoni tal-ministeru tas-Salvatur. Għalkemm Bin Alla mill-eternità, twieled bħala dixxendent tas-Sultan David skont il-wegħda (2 Sam.7:12-16) biex jixxerja d-dgħufija umana tagħna (mhux dnubietna). 

Fiż-żmien propizju, wara t-tpattija tiegħu fuq is-salib, kien trasformat skont l-Ispirtu tal-qdusija fir-resurrezzjoni glorjuża tiegħu, u miġjub f’epoka ġdida tal-eżistenza umana u personali tiegħu (1 Kor.15:45; 2 Kor.13:4). 


Rum.1:5-6. permezz tiegħu...għal ismu. Pawlu jara lil Kristu bħala l-awtur tas-salvazzjoni kif ukoll tas-sejħa biex ikun neddej ta’ aħbar tajba lill-pagani (Rum.11:13-14; At.9:15; Ef.3:8). 

grazzja hi l-favur mhux meritat li Alla juri lill-midinbin ħatja. Hi l-element l-aktar kruċjali tal-messaġġ tal-vanġelu: is-salvazzjoni hi għotja b’xejn mingħand Alla, totalment apparti minn kwalunkwe sforz uman jew ottteniment (Rum.3:24,27; 4:1-5; 5:20-21). 

ubbidjenza tal-fidi tindika kemm l-ubbidjenza li tnixxi mill-fidi, kif ukoll il-fatt li l-fidi tfisser ukoll ubbidjenza u sottomissjoni għas-sejħa salvivika t’Alla. Fidi mingħajr ubbidjenza hi evidentement falza (Mt.7:13-14,22-27; Rum.10:9-10; 16:19,26; Ġak.2:17-20). 

imsejħin. Fl-epistoli s-sejħa t’Alla dejjem tirreferi għas-sejħa effettiva tiegħu li biha jiġbed lejh midinbin maħturin għas-salvazzjoni (cf., Rum.8:28-30), aktarx milli s-sejħa ġenerali lin-nies kollha biex jilqgħu l-evanġelju, sejħa li sikwit tiġi injorata jew opposta (cf., Mt.20:16). 


Rum.1:7. maħbubin t’Alla. Il-Missier iħobb bi mħabba superba u speċjali lil niesu (Rum.5:5; 8:35; Ef.1:6; 2:4-5; 1 Ġw.3:1). Estendielhom mhux biss l-istedina ġenerali u esterna biex jemmnu l-evanġelju (Isa.45:22; 55:6; Eż.33:11; Mt.11:28; Ġw.7:37; Riv.22:17), iżda wkoll is-sejħa effettiva tiegħu – ġibidhom lejh bħala dawk li għażel għas-salvazzjoni eterna (Ġw.6:44; Rum.8:30; 2 Tes.2:12-14; 2 Tim.1:9). 

msejħin bħala qaddisin. Il-fidili huma separati mid-dnub u d-dinja (cf., Rum.1:1), miġjuba qrib Alla u kkonsagrati għas-servizz (ara Es.19:6; Lev.11:44). Mal-konsagrazzjoni l-Ispirtu s-Santu jibda jittrasformahom biex isiru jixbhu lil Kristu b’ħidma progressiva, ħidma magħrufa bħala t-taqdis tal-fidili (ara At.9:13; Ef.4:23-24). 

Mela l-maħbubin t’Alla jsiru qaddisin, mifruda għalih u għas-servizz tiegħu (1 Kor.3:16-17; 1 Pt.2:5,9).


Rum.1:8. nirringrazzja ’l Alla. Radd il-ħajr għall-ħidma tal-grazzja divina f’oħrajn titfaċċa sikwit fil-ħajja u l-kitbiet tal-appostlu (1 Kor.11:4; Fil.1:3; Kol.1:3; 1 Tes.1:2; 2 Tes.1:3; 2 Tim.3:1; Fm.4). Kemm imissna nimitawh!


Rum.1:9. Fil-Grieg naqdih tirreferi għal servizz reliġjuż, u kultant hi tradotta “qima.” Pawlu kien jaf x’inhi reliġjon baxxa u ipokrita, kif ukoll l-idolatrija pagana u superstizzjuża. 

fl-ispirtu tiegħi. Is-servizz spiritwali tiegħu issa ma jirriżultax minn twerwir jew obbligu legali, iżda kien ġenwin u sinċier (Fil.3:3; 2 Tim.1:3; 2:22). 

insemmikom. L-atteġġjament u l-prattika tat-talb f’Pawlu huma espressjoni tas-servizz impenjat u x-xewqa ardenti tiegħu biex ikun spiritwalment utli. Jitlob f’sottomissjoni sħiħa għall-volontà tas-sema (Rum.1:9-12; cf., Ef.1:15; Fil.1:9; Kol.1:9; 1 Tes.1:3). 


Rum.1:11. don spiritwali. Fil-Grieg, don hu charisma, “għotja ta’ grazzja,” titjib u avvanz spiritwali li s-sors tiegħu hu l-Ispirtu s-Santu. Fir-Rumani Pawlu juża l-kelma għal Kristu nnifsu (Rum.5:15-16), għall-barkiet ġenerali mingħand Alla (Rum.11:29; cf., 1 Tim.6:17), u għad-doni spiritwali speċifiċi mogħtija lill-membri tal-ġisem biex jaqdu lil ħuthom (Rum.12:6-8; cf., 1 Kor.12:1-31; 1 Pt.4:10-11). 


Rum.1:13. L-Iskrittura ssemmi tliet tipi ta’ frott spiritwali: 

1. Attitudnijiet spiritwali li jikkaratterizzaw fidil immexxi mill-Ispirtu (Gal.5:22-23).

2. Azzjonijiet ġusti li jogħġbu lil Alla (Rum.6:22; Fil.4:16-17; Ebr.13:15). 

3. Konvertiti ġodda, li rrispondew bil-fidi għall-evanġelju (Rum.16:5). 

F’dan il-kuntest, Pawlu probabbilment qed jirreferi għat-tielet kategorija, nies mirbuħa għas-saltna. Ix-xewqa tiegħu kienet eventwalment realizzata matul il-priġunerija tiegħu f’Ruma (Fil.4:22). 


Rum.1:14. Jien obbligat. L-ippjanar u l-mistennija ta’ Pawlu għandhom għeruqhom f’sens ta’ dmir jew dejn. Ingħata l-evanġelju għall-Ġentili, u b’urġenza u mħabba lejn Kristu kellu jgħaddihulhom (Rum.11:13-14; 1 Kor.9:16-17; cf., Ef.3:1-8). 

lejn il-Griegi kif ukoll lejn il-barbari. Il-punt hu enfasizzat: Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ – l-evanġelju tiegħu jeħtieġ jilħaq l-elit u l-emarġinati, ċivilizzati u mhumiex – kulħadd, hu min hu (cf., Ġw.4:4-42; Ġak.2:1-9).


Rum.1:15. nipprietka l-evanġelju lilkom ukoll. Pawlu jagħraf l-importanza illi mqar il-Kristjani nfushom jeħtiġilhom jibqgħu taħt is-smigħ ta-vanġelu, għax mhuwiex biss sejħa għall-fidi inizjali li permezz tagħha nsalvaw, iżda wkoll vokazzjoni biex nibqgħu miexja kuljum fil-mogħdija evanġelika (Rum.6:4; 8:4; 2 Kor.5:17; Gal.5:6). 

Jerġa’, il-vanġelu hu tant kruċjali illi kull Kristjan imissu jkun stabilit fih, bla ma jkun influwenzat minn tgħawwiġ jew perverżjonijiet tiegħu (Fil.3:1-11). 


Rum.1:16. ma nistħix mill-evanġelju. Għalkemm l-istorja dwar il-Messija tidher bluha għall-iskulari, filosfi u nies kolti, Pawlu jikkonsidra l-messaġġ smewwieti bħala l-għerf divin, għax Alla wettaq rikonċiljazzjoni bit-tpattija ta’ Ibnu fuq is-salib (1 Kor.1:22-25,30). Mhuwiex imbarazzat bil-metodu t’Alla għas-salvazzjoni; għandu kunfidenza sħiħa fih, għax:

1. Jinsab persważ li hu verissmu; mhux xi ħrafa vvintata bl-immaġinazzjoni umana. Il-vanġelu hu msejjes fuq fatti storiċi.

2. Mill-esperjenza jaf li hu effettiv; mhux iwiegħed bla ma jirrendi. Attwalment iġib maħfra u rikonċiljazzjoni għall-midneb mal-Ħallieq. 

3. Jifhem illi hu mill-aktar rilevanti għal kulħadd, għax kulħadd hu midneb, u r-rimedju jgħodd proprjament għalih. 

hu s-setgħa t’Alla. Bl-evanġelju wieħed hu riġenerat hekk li jibda jħalli impatt fuq ħajtu; bih jinbidel fix-xbieha ta’ Kristu. Dan l-indħil divin hu essenzjali minħabba l-jasar uman għad-dnub u Satana. Il-bniedem mhuwiex kapaċi jersaq lejn Alla, jekk Alla ma jressqux lejh b’setgħetu espressa fl-evanġelju (Rum.5:6; 8:5-9). 

L-evanġelju jista’ jidher ridikolu għal xi wħud (1 Kor.1:18), frattant hu dinamiku għax iġorr miegħu l-omnipotenza divina (cf., Es.15:6; Dt.32:39; Ġob.9:4; Sal.33:8-9; 89:13; 106:8-9; Isa.26:4; 43:13). Biss il-qawwa t’Alla kapaċi tegħleb in-natura midinba tal-bniedem u tagħtih ħajja ġdida (Ġw.1:12; Rum.5:6; 8:3; 1 Kor.1:23-25; 2:1-4; 4:20; 1 Pt.1:23). 

salvazzjoni tfisser ħelsien jew salvataġġ. Il-qawwa tal-vanġelu teħles lin-nies mill-istat mitluf tagħhom (Mt.18:11), mill-għadab t’Alla (Rum.5:9), mill-injoranza spiritwali (Ħos.4:6; 2 Tes.1:8), mill-passjonijiet ħżiena (Lq.14:26), mill-iskjavitù għax-xitan (At.26:17-18), u mid-dlam ta’ reliġjonijiet foloz (Kol.1:13; 1 Pt.2:9). Fuq kollox teħlishom mill-penali finali dovut għal dnubiethom, ċoè s-separazzjoni eterna minn m’Alla, f’kastig dejjiem. 

’l kull min jemmen. Is-salvazzjoni mid-dnub u l-infern mhi qatt meritata, iżda lanqas mhi universalment gawduta. Il-fidi hi rikjesta; il-midneb jeħtieġlu jħaddan u jilqa’ l-messaġġ f’qalbu. 

Temmen jiġifieri tafda, ċoè l-fiduċja tiegħek tqegħidha f’ħaddieħor, f’dan il-każ fi Kristu waħdu, l-uniku Salvatur ġenwin. Il-fidi mhix avveniment ta’ darba, iżda hi kondizzjoni, attitudni fil-qalb, dispożizzjoni ġewwiena, li tibda u tkompli. Il-fidi vera, li permezz tagħha nsalvaw, hi sopranaturali, għotja ta’ grazzja mingħand Alla li jipproduċiha fil-qalb umana. Hi l-uniku mezz li bih wieħed jirċievi għalih innifsu l-ġustizzja li biha jsir aċċettabbli u milqugħ quddiem Alla, għax din il-ġustizzja hi s-sewwa li Alla nnifsu jlibbsu biha (cf., Rum.3:22,25; 4:5,13,20; 5:1). 

Il-fidi ġenwina, li tgħaqqadna ma’ Kristu ħalli hekk nirċievu l-benefiċċji mingħandu tas-salvazzjoni, tikkonsisti fi tliet elementi:

1. Notitia. L-aspett mentali: il-moħħ jifhem l-evanġelju u l-verità dwar Alla u l-Messija tiegħu (Rum.10:14-17).

2. Assensus. L-aspett emozzjonali: il-persuna taqbel mat-tnedija, tħaddan il-verità ta’ dawn il-fatti, b’sogħba għad-dnub, u ferħ minħabba l-ħniena u l-grazzja t’Alla (Rum.6:17; 15:13).

3. Fiducia. L-aspett tar-rieda: il-midneb jissottometti l-volontà sħiħa tiegħu taħt Kristu u jafda fih waħdu bħala l-uniku tama ta’ salvazzjoni (Rum.10:9).

Hekk fidi ġenwina dejjem tipproduċi ubbidjenza awtentika (Rum.1:5; cf., Ġw.8:31; 14:21-24). 

għal-Lhudi l-ewwel. Dan hu minnu fil-ġrajja tal-fidwa (Rum.2:9-10; 15:8-9; Ġw.4:22; cf., Mk.7:24-30). Naraw ukoll dan il-qafas segwit fl-appostolat ta’ Pawlu. F’kull belt u post li żar, fejn possibbli, beda billi fisser l-Iskritturi fis-sinagoga, u prietka lil Ġesù l-Messija bħala t-twettiq tal-wegħdi fil-Patt il-Qadim (At.9:20; 13:5,14; 14:1; 17:1,17; 18:4,19,26; 19:8). Ma nistgħux niċħdu l-validità tal-privileġġi mogħtija minn Alla lil Lhud (Rum.3:1-2,11-12; 9:4-5). 


Rum.1:17. l-ġustizzja t’Alla (dikaiosunē theou) hi frażi importantissma fir-Rumani (Rum.3:21; 5:19; 10:3). Hi l-qagħda ġusta li l-fidil jgawdi quddiem Alla permezz tal-fidi (Rum.3:22; 9:30; 10:6). Il-ġustizzja t’Alla hu murija fil-ġustizzja ta’ Kristu mgħoddija fil-kont tal-fidil. Alla bħala l-Imħallef jiddikjara lill-fidil bħala mhux ħati, illiberat minn kull kundanna. Din id-dikjarazzjoni legali hi kompletament konsistenti mal-ġustizzja personali t’Alla. Bħala Mħallef ġust (Rum.2:5-16), minħabba s-sagrifiċċju fuq il-Kalvarju, Alla jiġġustifika, jew jgħodd bħala ġust, lil dawk il-midinbin li jersqu lejh b’fiduċja f’Ibnu (Rum.3:21-26; 5:10). Din il-verità hi essenzjali biex ikollna fehma tajba tal-vanġelu. 

minn fidi għal fidi. F’kull stadju tal-influwenza tiegħu, mill-bidu sat-tmiem, il-vanġelu jiddependi fuq il-fiduċja jew l-afdar tal-midneb fi Kristu, mhux fl-għemil uman, sew jekk hu ubbidjenza etika jew inkella parteċipazzjoni fis-sagramenti. 

Il-ħajja tal-fidi hi komprensiva: hu bil-fidi li inizjalment nirċievu l-għotja tas-salvazzjoni, il-ħajja eterna; hu wkoll bil-fidi li jeħtieġ ngħixu kuljum (cf., Ħab.2:4; Gal.3:11; Ebr.10:38). 

bħalma hu miktub. Sentenza f’Ħabaqquq tipprovdi l-bażi biblika għall-preżentazzjoni tal-vanġelu, u xejn xejn tiġbor fil-qosor x’inhu l-vanġelu. Hekk l-awtur jindika li l-mogħdija tal-ħajja bil-fidi kienet diġà magħrufa fil-Patt il-Qadim.

l-ġust se jgħix bil-fidi. Jgħix fis-sens li ma jibqax separat minn Alla, f’mewt spiritwali; jgħix ukoll fis-sens li jissokta f’xirka m’Alla. Mill-bidu sat-tmiem, l-għejxien ġust ifisser tiddependi fuq Alla u tafda fil-grazzja suffiċjenti tiegħu. 

Alla mill-bidu hekk iġġustifika lill-midinbin, fuq il-bażi tal-fidi biss. Qiegħed quddiemna lil Abraħam bħala mostra ta’ fidi (Rum.4:22-25; Gal.3:6-7), u hekk jissejjaħ missier dawk kollha li jemmnu (Rum.4:11,16). M’hemm ebda metodu ieħor biex insalvaw (Gal.3:11). Dil-fidi, jew dipendenza tal-qalb fuq Kristu u ħidmietu, tingħaraf għax tintwera fl-azzjoni (Fil.2:12-13). Mhijiex mumentanja jew temporanja, iżda mod ta’ ħajja, u allura tissokta bla ma tiġi fix-xejn. Minħabba f’hekk nitkellmu dwar il-perseveranza tal-qaddisin (cf., Kol.1:22-23; Ebr.3:13-14), kif naraw fl-istorja ta’ Ġobb. Għalkemm ix-xitan prova jeqirdu, baqa’ jafda f’Alla (cf., Rum.8:31-38). 


Rum.1:18. ir-rabja hi r-retribuzzjoni ġusta tal-Imħallef divin, u l-istmerrija personali tiegħu kontra kull ħażen morali. Hi r-rispons determinat u loġiku ta’ Alla qaddis kontra d-dnub. Hi enfasizzata fil-Patt il-Qadim (Sal.2:5,12; 45:7; 75:8; 76:6-7; 78:49-51; 90:7-9; Isa.51:17; Ġer.25:15-16), u xejn inqas fil-Patt il-Ġdid (Ġw.3:36; Rum.9:22; Ef.5:6; Kol.3:5-6). 

Alla hu personalment mgħaddab kontra d-dnub. Għadbu mhuwiex egoistiku, arbitrarju jew inkella xi żbroffatura impulsiva ta’ korla kapriċċjuża. Aktarx, jirrappreżenta r-reazzjoni qaddisa u ġusta tiegħu għall-ħażen uman. 

Il-ġudizzju t’Alla mhuwiex limitat għall-futur. L-antagoniżmu tiegħu kontra d-dnub diġà hu muri fid-dinja tul l-istorja umana. L-effetti tad-dispjaċir divin huma viżibbli; hu evidenti li m’aħniex ngħixu f’dinja normali. 

qed tkun rivelata. Mindu Adam u Eva dinbu, Alla wera d-diżapprovazzjoni u l-għadab tiegħu: keċċiehom mill-Ġnien tal-Għeden. Alla għandu tipi diversi ta’ għadab: 

1. Għadab etern, li hu l-kastig tal-infern.

2. Għadab eskatoloġiku, meta f’Jum is-Sid jindaħal b’mod deċiżiv f’din id-dinja biex iġib il-konsumazzjoni. 

3. Għadab katakliżmiku, bħalma kienu d-dulluvju globali fi żmien Noè, u l-qirda ta’ Sodoma u Gomorra.

4. Għadab konsegwenzjali, li hu l-prinċipju ta’ żrigħ u ħsad: jekk wieħed jagħmel il-ħażen jaħsad il-ħażen (Gal.6:7-8). 

5. Għadab ta’ abbandun, meta jneħħi l-ilġiem u jħalli lin-nies stinati jegħrqu fi dnubiethom stess (Sal.81:11-12; Prov.1:23-31). 

Dawn l-interventi kollha juru għadbu, imma b’mod speċjali wera għadbu fuq il-Kalvarju, filli ferra’ l-ġudizzju u l-għadab qaddis tiegħu kontra d-dnub billi kkastiga lil Ibnu, li voluntarjament miet minflok il-midinbin.

Hawnhekk, fil-kuntest, qed jirreferi għall-għadab ta’ abbandun, kif Alla, matul l-istorja umana, jitlaq lill-ħżiena biex jiffangaw fi dnubhom bil-konsegwenzi kollha li jġib miegħu (Rum.1:24-32). 

jissopprimu l-verità fl-inġustizzja. Mhuwiex il-każ li l-bniedem qed jipprova jfittex il-verità dwar Alla u impossibbli jsibha. Aktarx, konfrontata bil-verità, murija ċara fil-ħolqien (Rum.1:20), fil-kuxjenza (Rum.1:19; 2:14), u fil-Kelma irrifjutabbli tiegħu, l-umanità mwaqqa’ fid-dnub tfittex tfixkel jew toskura l-influwenza tal-verità u tibqa’ fid-dnub (cf., Sal.14:1; Ġw.3:19-20). Allura hi bla skuża (Rum.1:20); ħadd ma jista’ jappella li ma kienx jaf b’Alla. 


Rum.1:19-20. dak li hu magħruf dwar Alla. Ir-rivelazzjoni divina hi reali u universali. Hi perpetwa mill-bidu ta-ħolqien, u perspikaċi, ċoè ċara. L-inviżibbiltà, l-eternità u s-setgħa divina huma lkoll espressi fil-ħolqien (Sal.19:1-8; 94:9; At.14:15-17; 17:23-28). Alla li ma jidhirx hu żvelat minn għemilu stess, il-kreazzjoni viżibbli. Din ir-rivelazzjoni hi evidenti, u ħadd ma jista’ jaħrab minnha; mhijiex oskurata, iżda tidher quddiem kulħadd. 

huma bla skuża. Alla jżomm lill-umanità kollha responsabbli talli tirrifjuta milli tistqarru minn dak li wera dwaru nnifsu fil-ħolqien. Imqar dawk li qatt ma kellhom opportunità biex jisimgħu l-evanġelju diġà rċevew xhieda adegwata dwar l-eżistenza u l-karattru t’Alla, u għakksuha fihom infushom. Bħala midneb, il-bniedem ma jistax u lanqas irid idur lejn Alla. 


Rum.1:21. kienu jafu ’l Alla. L-umanità għandha l-opportunità tagħraf lill-Ħallieq permezz tar-rivelazzjoni ġenerali tiegħu nnifsu, li tagħti tagħrif reali, u mhux biss teoretiku. Id-dnub tal-ġens uman hu ċ-ċaħda individwali t’Alla: ma jammettux dak li diġà jafu dwaru. Filwaqt li fil-qiegħ ta’ qalbhom jagħrfu l-eżistenza tiegħu, u jafu li hu s-suprem fuq kollox, jirrifjutaw milli jonorawh u lanqas huma grati lejh kemm u kif suppost. Bħala konsegwenza l-moħħ u l-qalb umana jiddallmu. Meta Alla mhuwiex rikonoxxut u mweġġaħ, il-ħajja umana ssir intellettwalment fiegħa, eżerċizzju fil-frustrazzjoni u assurdità li ġġib ħtija magħha.

ma gglorifikawh bħala Alla. L-ogħla u l-aqwa għan tal-bniedem, l-aktar wieħed fondamentali, hu illi jigglorifika lil Alla (Lev.10:3; 1 Kron.16:24-29; Sal.148; Rum.15:5-6), u l-Iskrittura kostantement tfakkarna f’dan il-dmir u privileġġ (Sal.29:1-2; 1 Kor.10:31; Rum.4:11). 

Tigglorifikah billi tonorah, tistqarr l-attributi tiegħu, u tfaħħru għall-perfezzjonijiet tiegħu (cf., Es.34:5-7). Ifisser tirrikonoxxi s-sebħ tiegħu u timmanjifikah minħabba f’hekk, bi mġiba ġusta li taqbel mal-karattru tiegħu (At.12:22-23). 

jew irringrazzjawh. Il-mitlufa ma jirrikonoxxux mill-qalb illi kull ħaġa tajba li jgawdu ġejja mingħand Alla (Mt.5:45; At.14:15-17; 1 Tim.6:17; Ġak.1:17). 

friegħu fi ħsibijiethom. Il-kwestwa umana għas-sinifikat, it-tifsira u l-iskop għall-ħajja, mingħajr mhu inkluż Alla, tipproduċi biss konklużjonijiet filosofiċi żbaljati u inadegwati, vani u xejn sodisfaċenti. 

qalbhom bla sens iddallmet. Bil-verità divina mwarrba, il-bniedem jibqagħlu biss injoranza spiritwali u falsità (cf., Ġw.3:19-20). 


Rum.1:22-23. bliehu. Imqar persunaġġi brillanti li ma jonorawx lil Alla jimmissjaw l-għan prinċipali tal-ħajja u għalhekk huma deskritti wkoll bħala boloh (cf., Prov.1:7,22; 10:1; 12:15; 14:7; 17:25; 20:3). Mill-bqija, il-bniedem inġenerali jirrazzjonalizza dnubu, issejjaħlu b’tikketti oħra, jew jimminimizzah, u hekk jagħti prova tal-ġenn tiegħu billi jsawwar u jadotta filosofiji umani dwar Alla, l-univers, u dwaru nnifsu (cf., Sal.14:1; 53:1). 

partu l-glorja t’Alla inkorruttibbli ma’ xbihat. Bosta kulturi antiki oriġinarjament ma kellhomx idoli. Ir-rekordju l-aktar bikri dwar l-idolatrija hu f’Ur tal-Kaldej (Ġoż.24:2). Xbihat minquxa huma projbiti (Es.20:3-5) u l-profeti kontinwament jirridikolaw lil dawk li jagħmlu allat għalihom infushom (Isa.44:9-17; cf., 2 Slat.17:13-16). 

L-arroganza intellettwali quddiem Alla turi sens riversjat ta’ valuri. Il-qima xierqa t’Alla hi mibdula għal devozzjoni ta’ oġġetti magħmula mill-bniedem stess u idoli li jirriflettu l-apostasija tiegħu mill-Ħallieq, kif naraw sikwit isir fir-reliġjonijiet etniċi. L-istint indelibbli għall-qima jisfa pervertit billi jkun iċċentrat fuq l-oġġett żbaljat. 


Rum.1:24. Alla reħiehom. Il-ġudizzju divin jinvolvi t-tneħħija ta’ lġiem morali, kemm fuq azzjonijiet midinba kif ukoll fuq il-konsegwenzi tagħhom (Rum.1:26,28; cf., Imħ.10:13; 2 Kron.15:2; 24:20; Sal.81:11-12; Ħos.4:17; Mt.15:14; At.7:38-42; 14:16). Id-dnubiet individwali kollha huma konsegwenza tal-falliment illi l-bniedem la japprezza u lanqas ifaħħar lil Alla bħala d-donatur ta’ kull għotja tajba. 


Rum.1:25. skambjaw il-verità t’Alla ma’ gidba. Ir-reliġjonijiet dinjija huma msejsa fuq ideat foloz dwar l-uniku Alla ħaj u veru; mhumiex mogħdijiet differenti għall-istess Alla, kif jikklejmjaw xi wħud. Il-gidba ġejja mix-xitan, missier il-gideb (Ġw.8:44), li webbel lil Adam u Eva illi jekk ma jobdux lil Alla jkunu bħalu (Ġen.3:5). Temmen il-gidba jfisser tirriġetta l-verità dwar Alla u tipparteċipa fl-idolatrija (Ġen.3:5; 2 Tes.2:11). Il-propensità tal-umanità biex tħaddan gidba u tfittex tiddetermina d-destin tagħha stess apparti minn Alla twassal għal xi tip ta’ idolatrija, li biha sservi lill-ħlejjaq aktarx milli l-Ħallieq. Tista’ tkun idolatrija grassa, bħal meta wieħed iqim statwa, inkella idolatrija fil-qalb, bħalma hi r-regħba u l-materjaliżmu. Minħabba f’hekk aħna mwissija kontra l-kburija (Eż.28:2; cf., Prov.6:17; 8:13; 16:18; 1 Tim.3:6; Ġak.4:6; 1 Ġw.2:16). 


Rum.1:26-27. reħiehom għall-passjonijiet diżonorevoli. L-istint għall-qima, pervertit, iħalli l-effett tiegħu fuq istinti oħra hekk li ma jiffunzjonawx kif suppost. Kull azzjoni omosesswali hi riżultat tal-bniedem imbiegħed minn Alla (Lev.18:22; 21:13). Il-konsegwenza tal-idolatrija hi d-degradazzjoni tal-ġisem (Rum.1:24), id-dominanza tal-konkupixxenza, id-diżintegrazzjoni ta’ dak li hu tabilħaqq naturali (Rum.1:26), u l-jasar għal passjonijiet inkontrollabbli. 

irġiel ma’ rġiel jikkommettu atti indiċenti. Kwalunkwe nazzjon li jiġġustifika l-omosesswalità bħala stil ta’ ħajja aċċettabbli jinab fi stat avvanzat ta’ korruzzjoni morali. L-omosesswalità hi abominazzjoni quddiem Alla (Ġen.19:4-9; Lev.20:13; Dt.23:17; 1 Slat.14:24; 15:12; 22:46; Isa.3:9; 1 Kor.6:9-10; 1 Tim.1:10; 2 Pt.2:6; Ġuda 7).

jirċievu lura fihom infushom il-piena dovuta. Imqar f’moralità mwaqqa’ u allura f’dinja imprevidibbli (għall-umanità), il-ħsad maħsud għandu x’jaqsam maż-żerriegħa miżrugħa (Gal.6:7-8). 


Rum.1:28. ma rawhiex ħaġa xierqa illi jirrikonoxxu ’l Alla. Id-dnub iġib stmerrija għall-valuri veri, u l-midneb jirriskja l-abbandun minn Alla għal spirtu ta’ libertinaġġ, immoralità u laxxivja (Rum.1:29-31).


Rum.1:32. jafu sew ir-regolament t’Alla. Ġeneralment in-nies ma jeħduhiex kontra l-liġi morali t’Alla innoċentement, minħabba l-injoranza. Fil-qiegħ ta’ qalbhom jafu u kapaċi jirraġunaw illi l-ħażen ħaqqu l-kundanna u l-kastig. Flok iduru lejn Alla sikwit jieħdu pjaċir u japprovaw il-ħażen f’ħaddieħor, għax hekk iħossuhom inqas ħatja dwar il-korsa mħassra li qabdu, u jirraġunaw illi mhijiex sitwazzjoni daqshekk gravi, għax kulħadd hekk jagħmel. 


Rum.2:1-16. m’għandek l-ebda skuża, o bniedem. Pawlu jkellem rappreżentant immaġinarju ta’ kategorija ta’ nies reali. Għalkemm speċifikament isemmi lil-Lhud f’Rumani 2:17 biss, probabbilment għandu l-Lhud kollha f’moħħu diġà, u magħhom il-moralisti kollha. Jaqblu miegħu dwar ir-realtà tal-għadab t’Alla, iżda jassumu li jinsabu lil hinn minnu, u għalhekk iwissihom (Rum.2:5), għax qed ikunu prużuntużi. Kulħadd ikollu jiffaċċja l-ġudizzju: hu bbażat fuq il-verità (Rum.2:2), immarkat bil-ġustizzja (Rum.2:5), hu skont l-opri umani (Rum.2:5), hu imparzjali fin-natura tiegħu (Rum.2:11), u esegwit permezz tal-Imħallef maħtur, Ġesù (Rum.2:16). It-tali ġudizzju jġib rovina eterna fuq il-midinbin impenitenti (Rum.2:8-9). 


Rum.2:1. tipprattika l-istess affarijiet. Min jipponta sebgħu lejn il-ħażen ta’ ħaddieħor qed jikkundanna lilu nnifsu għax jaf li hemm standard li bih wieħed jiġi evalwat. Nies ġusti f’għajnejhom stess jixlu lil ħaddieħor mentri ma jinnotawx il-fallimenti tagħhom infushom. Dan jiġri minħabba żewġ erruri fatali: 

1. Ibaxxu l-istandard morali t’Alla billi normalment jenfasizzaw ħwejjeġ esterni, bla ma jikkonsidraw il-qalb, l-atteġġjament u l-ħsieb.

2. Iħaddnu stima baxxa tal-istat midneb tagħhom stess (cf., Mt.5:20-22,27-28; 7:1-3; 15:1-3; Lq.18:21). 


Rum.2:2. skont il-verità. Kulma jagħmel Alla hu neċessarjament u min-natura tiegħu sewwa u tajjeb (cf., Rum.3:4; 9:14; Sal.9:4,8; 96:13; 145:17; Isa.45:19). 


Rum.2:4. tiddisprezza. Il-mitlufa jirrifjutaw milli jirrikonoxxu t-tjieba t’Alla, u ma jrrealizzawx li suppost għandha tnissel fihom sogħba għad-dnub hekk illi jċeduh f’ħajjithom. Jiddisprezzaw l-għan tal-ġenerożità divina, u hekk jesprimu tmasħir lejn Alla nnifsu. 

It-tjubija hawnhekk tirreferi għall-grazzja komuni, il-benefiċċji u barkiet li Alla jsawwab, xi ftit jew wisq, fuq il-bnedmin kollha (cf., Mt.5:45; At.14:15-17). 


Rum.2:5. ostinazzjoni. Il-bniedem mitluf hu stinat u b’qalbu iebsa (Eż.36:26; Mt.19:8; Mk.3:5; 6:52; 8:17; Ġw.12:40; Ebr.3:8,15; 4:7). Mingħajr il-grazzja l-bniedem ma jindimx: la għandu l-abbiltà u lanqas id-dispożizzjoni. 

taħżen ir-rabja għalik innifsek. Il-preżunzjoni reliġjuża hi ebusija spiritwali, ladarba r-reżistenza kontinwata kontra l-għanijiet t’Alla filli juri grazzja hi ċ-ċaħda tar-rieda tiegħu, u żżid il-ħtija waqt li wieħed jidhirlu li hu innoċenti. Id-dispjaċir divin joktor sakemm jingħata l-kastig proporzjonat għall-ħtija fl-infern (Ebr.10:26-30; Riv.20:12). 


Rum.2:6-10. għad rodd lil kull wieħed skont l-opri tiegħu. Il-bażi tal-ġudizzju se jkun x’kienu n-nies u x’għamlu (Isa.3:10-11; Ġer.17:10; Ġw.5:28-29; Rum.14:12; 1 Kor.3:8; Gal.6:7-9). Ċertament, is-salvazzjoni hi għotja b’xejn, mhux premju għall-istink uman (Rum.5:15,17; 6:23). 

Il-ġudizzju, però, hu msejjes fuq kull aspett tar-relazzjoni tal-individwu m’Alla. Biss dawk li jirċievu l-grazzja infatti jagħmluha l-ambizzjoni tagħhom biex jigglorifikaw lil Alla, jonorawh u jfittxu l-immortalità. L-oħrajn jikkonċentraw fuq l-interessi egoistiċi, u jwarrbu lil Alla prattikament minn ħajjithom. Mela s-salvazzjoni mhix meritata, iżda l-ġudizzju hu skont l-għemil uman (2 Kor.5:10). Apparti mill-grazzja hemm verdett wieħed possibbli: kundanna ġusta (cf., Rum.1:16). 


Rum.2:7. Il-ħajja eterna mhix sempliċement eżistenza bla tmiem, għax imqar il-mitlufa jgħixu għal dejjem (2 Tes.1:9; Riv.14:9-11). Fuq kollox hi ħajja tal-ogħla kwalità, il-ħajja qaddisa mogħtija lill-fidili minn Alla etern. 


Rum.2:9. tal-Lhudi l-ewwel. Bħalma l-Lhud ingħataw l-ewwel opportunità biex jisimgħu u jwieġbu għall-vanġelu (Rum.1:16), għad ikunu l-ewwel li jirċievu kundanna jekk jirrifjutaw (cf., Am.3:2). Iżrael jirċievi kastig eqqel għax ingħata dawl u barka ikbar (cf., Rum.9:3-4). 


Rum.2:11. m’hemmx parzjalità m’Alla. Qagħda sewwa quddiem Alla mhijiex abbażi ta’ sfond etniku, reliġjuż, kulturali, edukattiv jew kwalunkwe distinzjoni oħra li l-umanità ġġenerat matul iż-żmien (cf., Rum.9:6-13; Gal.6:15). Il-popolarità, l-influwenza u d-dehra ma jaffettwawhx lil Alla fil-ġudizzju. Billi fin-natura tiegħu hu assolutament ġust, impossibbli juri favoritiżmu (At.10:34; Gal.2:6; Ef.6:7-8; Kol.3:25; 1 Pt.1:17). 


Rum.2:12. il-liġi ta’ Mosè, miġbura fil-qosor fl-Għaxar Kmandamenti (Es.20:1-17), tiżvela l-kundanna t’Alla kontra d-dnub. Il-kawża tad-dnub tinsab fil-qalb umana, ċoè, għandha għeruqha fin-natura mwaqqa’ tal-bniedem, mhux fil-liġi (Rum.7:13). It-tagħrif dwar x’inhu tajjeb u ħażin ukoll jgħammar fil-qalb (Rum.2:15), għax il-bniedem inħalaq fi xbieha t’Alla (Ġen.1:26-27). Ladarba Alla jiġġudika skont l-istandard magħruf mill-individwu, difiża bbażata fuq l-injoranza dwar il-liġi ta’ Mosè hi irrilevanti u illeġittma. Mhux kemm irċevejt rivelazzjoni, iżda x’rispons urejt għal dik ir-rivelazzjoni illi se tkun kritika fil-ġudizzju finali (Rum.2:16). 


Rum.2:12-16. Il-Lhud kienu dejjem pronti jappellaw għal-Liġi ta’ Mosè, li huma kellhom mentri l-Ġentili ma kellhomx. L-implikazzjoni hi illi f’dan ir-rigward Alla infatti juri “parzjalità.” Ir-rwol tal-liġi hi tema maġġura f’din l-epistola (Rum.3:27-31; 4:13-15; 5:13-15; 6:14-15; 7:1-25; 13:8-10), però evidentement (ħaġa li l-Lhud apparentement injoraw) huma l-għammiela tal-liġi illi se jkunu ġustifikati. Billi għandek il-liġi ma jiswielek xejn; trid tagħmilha – perfettament u mill-qalb – biex tgħaddi b’suċċess mill-ġudizzju. Mela, ladarba ħadd ma jobdiha kompletament, Alla xorta waħda mhux juri parzjalità. 


Rum.2:14-16. Pawlu mhux qed jissuġġerixxi li jekk il-pagani jobdu l-liġi f’qalbhom jaslu għas-salvazzjoni (cf., Rum.2:7,10). Jispjega għala l-Ġentili, li m’għandhomx il-liġi, se jiffaċċjaw il-ġudizzju apparti mil-liġi (Rum.2:12). Alla hu rett filli jiġġudikahom għax il-liġi, u l-effett tagħha, hu miktub fi qlubhom, hekk illi l-kuxjenza tagħhom tattesta dwar x’inhu aċċettabbli jew żmerċ fi mġibithom. Pawlu ma jimplikax li x-xhieda tal-kuxjenza hi dejjem gwida morali perfetta, iżda l-istess eżistenza ta’ dix-xhieda hi biżżejjed biex in-nies isiru kontabbli quddiem il-Ħallieq tagħhom. 

jagħmlu min-natura l-ħwejjeġ rikjesti mil-liġi. Mingħajr ma jafu l-liġi miktuba t’Alla, nies f’soċjetajiet pagani ġeneralment japprezzaw u jipprovaw jipprattikaw il-valuri tagħha, bħalma huma l-ġustizzja, l-onestà, il-ħniena, u t-tjieba lejn ħaddieħor. Hekk jagħtu evidenza konkreta illi l-liġi divina, xi ftit jew wisq, jafuha fihom infushom. 

huma liġi għalihom infushom. Il-fatt li jipprattikaw xi tajjeb, u d-diżapprovazzjoni tagħhom ta’ reati, delitti, stupri, serq u ħażen ieħor, jagħti xhieda illi għandhom tagħrif bażiku tal-liġi divina – tagħrif illi attwalment jixhed kontra tagħhom f’jum il-ġudizzju. 


Rum.2:15. Il-kuxjenza hi s-sens istintiv dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Das-sens jipproduċi l-ħtija meta wieħed jeħodha kontrih. Hi speċi ta’ sistema ta’ twissija fih illi tiġi attivata meta wieħed jinjora jew ma jobdix il-liġi. Ebda bniedem m’għandu jmur kontra l-kuxjenza jew iħajjar lil ħaddieħor jeħodha kontriha (Rum.13:5; 1 Kor.8:7,12; 10:25,29; 2 Kor.5:11). Meta wieħed jinjora l-kuxjenza ripetutament ma tibqax sensittiva u eventwalment il-leħen tagħha jissikket, għad-dannu tiegħu nnifsu (1 Tim.4:2). 


Rum.2:16. Ikompli jiddeskrivi l-ġudizzju pronunzjat minn Ġesù Kristu (Rum.14:10), li jestendi sas-sigrieti tal-bnedmin, mhux biss atti pubbliċi.


Rum.2:17-24. Hawn Pawlu jittratta l-konfidenza tal-Lhud quddiem Alla. Juri x’jista’ jagħmel il-bniedem filwaqt li jibqa’ jħobb id-dnub, mingħajr relazzjoni vitali m’Alla. 


Rum.2:24. Isem Alla hu midgħi. Ħafna Lhud taw okkażżjoni lill-pagani biex jitmaħsru b’Alla l-ħaj, minħabba l-fatt li kienu jgħidu mod u jagħmlu ieħor. Illum, il-kompromessi ta’ knejjes Evanġeliċi permissivi jagħtu “skuża” lill-mitlufa biex iwaqqgħu għaċ-ċajt il-ħwejjeġ t’Alla. 


Rum.2:25. iċ-ċirkonċiżjoni tiswa jekk tipprattika l-liġi. Il-kundanna tirriżulta minn falliment morali. Jekk wieħed ma jobdix ir-rivelazzjoni, partikolarment dik mogħtija fil-liġi Mosajka, iċ-ċirkonċiżjoni titbattal minn kwalunkwe sinifikat reali. Huwa vantaġġ tkun Lhudi (Rum.9:4-5) u jaqbillek tkun ċirkonċiż (Rum.3:1-2; 4:11). Iżda ċ-ċirkonċiżjoni fiżika hi simbolu tat-taqdis u tiġdid fil-ħajja (cf., Dt.30:6). Il-ħaġa vitali hi r-realtà, mhux is-sinjal. Wieħed jista’ jkollu r-realtà mingħajr ma jkun speċifikament Lhudi (Rum.2:26-27).


Rum.2:29. Il-Lhudi veru u ċ-ċirkonċiżjoni ġenwina huma kustjoni tal-qalb, il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Il-kuntrast bejn l-ittra u l-Ispirtu nsibuh tliet darbiet f’Pawlu (ara wkoll Rum.7:6; 2 Kor.3:6). Hekk iqabbel l-era antika tal-ġrajja ridentiva maż-żmien ġdid inawgurat minn Ġesù. Il-liġi hi deskritta bħala ittra għax ma tista’ tittrasforma lil ħadd. 

Ir-referenza għax-xogħol tal-Ispirtu juri illi l-ubbidjenza deskritta fir-Rumani 2:7,10,26-27 hi r-riżultat tal-operazzjoni tiegħu. Mela Pawlu mhuwiex qed jitkellem dwar l-ubbidjenza tal-mitlufa iżda aktarx l-ubbidjenza ta’ dawk li, bix-xogħol konvinċenti tal-Ispirtu s-Santu, nidmu mill-qlub iebsa tagħhom (Rum.2:5), irċevew l-Ispirtu tal-qdusija, u qed ikunu magħmulin kapaċi minnu biex jgħixu ħajja karatterizzata minn ubbidjenza lejn Alla. 


Rum.3:1-2. Wisq b’kull mod. Il-Lhud kellhom privileġġi kbar u reali, iżda kienu qed jabbużaw mill-maġġoranza minnhom dak iż-żmien (Rum.9:4-5). L-ewwel nett kellhom il-Kelma t’Alla fil-pussess tagħhom. 


Rum.3:1-8. Ħa jkun Alla veru. Alla hu l-istandard tal-verità; il-Kristjani jemmnu illi Alla dejjem għandu raġun u infallibbilment jagħmel is-sewwa. 


Rum.3:3-4. Jekk xi wħud ma kinux fidili, l-infedeltà tagħhom mhix se tinnullifika l-fedeltà t’Alla? Pawlu antiċipa illi l-Lhud ma jaqblux mal-istqarrijiet tiegħu illi Alla ma ggarantiex li jwettaq il-wegħdi tiegħu lil kull dixxendent fiżiku ta’ Abraħam. Stħajjel, u bir-raġun, illi se jargumentaw miegħu illi t-tali tagħlim jinnullifika l-wegħdi kollha t’Alla magħmula lil-Lhud fil-Patt il-Qadim. It-tweġiba tiegħu tirrifletti t-tagħlim dirett u indirett tal-Patt il-Qadim: qabel ma kwalunkwe Lhudi jista’ jiret il-wegħdi, jeħtieġlu jersaq lejn Alla b’fidi niedma (cf., Rum.9:6-7; Isa.55:6-7). 


Rum.3:6. altrimenti Alla kif se jiġġudika d-dinja? Alla hu l-Imħallef suprem u universali, tema maġġura fl-Iskrittura (Ġen.18:25; Sal.50:6; 58:11; 94:2). Hawnhekk probabbilment qed jirreferi għall-ħaqq universali fl-aħħar jum. Il-punt ta’ Pawlu hu dan: jekk Alla jegħmeż id-dnub, ma jkollu ebda bażi ġusta u ekwitattiv għall-ġudizzju. 


Rum.3:8. rapportati b’mod kalunnjuż. Il-messaġġ appostoliku – salvazzjoni bil-grazzja permezz tal-fidi biss – faċilment jista’ jiġi kritikat u mgħawweġ mill-opponenti. Iġibuha illi jipprovdi liċenzja għad-dnub, u jinkuraġġixxi lill-Kristjan biex jidneb (Rum.5:20; 6:1-2). Fil-prattika, però, ma jsirx hekk; bniedem konvint li hu maħbub minn Alla jfittex iħobbu lura, mhux jabbuża minn imħabbtu.



Rum.3:10-18. Pawlu jikkwota diversi Skritturi biex jiddeskrivi l-korruzzjoni fatali tal-bniedem f’kull qasam tal-ħajja, inkluż id-diskors, l-azzjonijiet u l-perspettiva.


Rum.3:11. m’hemm ħadd min jifhem. Mogħmi bid-dnub, il-bniedem mhux kapaċi jifhem il-verità t’Alla jew japprezza l-istandard tal-ġustizzja tiegħu (Sal.14:2; 53:3; cf., 1 Kor.2:14). It-tali injoranza ma tirriżultax minħabba nuqqas ta’ opportunità (Rum.1:19-20; 2:15), iżda hi espressjoni tad-depravità u r-ribelljoni umana (Ef.4:18). 

m’hemm ħadd li jfittex lil Alla. L-implikazzjoni ma nistgħux naħarbu minnha: ir-reliġjonijiet etniċi huma t-tentattivi tal-bniedem imwaqqa’ fid-dnub biex jaħrab mill-veru Alla, mhux biex ifittxu. It-tendenza naturali tal-bniedem hi illi jfittex l-interessi tiegħu (cf., Fil.2:21), u l-unika tama tiegħi hi illi jfittxu Alla (Ġw.6:37,44). Biss bħala riżultat tal-grazzja divina l-bniedem jasal biex ġenwinament ifittex u jagħraf lil Alla (Sal.16:8; Mt.6:33), bil-premju li jiġi wara (Ebr.11:6). 


Rum.3:12. m’hemm ħadd min jagħmel it-tjieba. B’inizjattiva u l-interess personali tiegħu, b’motiv tajjeb, ħadd ma jfittex lil Alla jew jagħmel xi tajjeb li jimmerita s-salvazzjoni. Xi nies jagħmlu azzjonijiet li jikkonformaw esternament mat-tjieba, iżda dawn l-azzjonijiet, qabel is-salvazzjoni, huma xorta waħda mtebba’ bil-ħażen, għax la jsiru biex Alla jkun imsebbaħ (Rum.1:21) u lanqas ma jirriżultaw minn fidi sinċiera fih (Rum.14:23). 


Rum.3:18. Il-biża’ t’Alla, tul il-Patt il-Qadim, hu l-essenza ta’ atteġġjament xieraq lejn il-Ħallieq providenzjali u Feddej ta’ niesu. Apparti dir-riverenza qaddisa l-bniedem jgħix bħala ateu prattiku. Mingħajr biża’ t’Alla l-bniedem ma jissottomettix għalih u lanqas jurih riverenza. Il-biża’ hawnhekk jikkonsisti f’timenza għall-kobor u l-glorja tiegħu, kif ukoll twerwir meta wieħed jeħodha kontra n-natura qaddisa tiegħu (Prov.1:7; 9:10; 16:6; At.5:1-11; 1 Kor.11:30). 


Rum.3:20. mill-opri tal-liġi. L-ubbidjenza perfetta għal-liġi morali t’Alla hi impossibbli, hekk illi kull persuna hi ssaħtjata b’dik l-istess inabbiltà (Gal.3:10-13).


Rum.3:21. Imma issa. Pawlu wera kif l-umanità, minkejja d-distinzjonijiet bejn Lhudi u Ġentili, teħtieġ il-ġustizzja mingħand Alla kif żvelata fil-vanġelu (Rum.1:16). Wera kemm hu impossibbli illi wieħed ikun milqugħ bħala ġust quddiem Alla bl-ubbidjenza personali tiegħu, bl-isforz uman. Allura issa jdur biex jesibixxi l-ġustizzja – il-qagħda sewwa m’Alla – li Alla nnifsu pprovida. Hekk mela, issa jidħol f’fażi oħra tal-argument tiegħu; jispjega kif il-midneb hu lliberat fi Kristu.

apparti l-liġi. L-ubbidjenza tagħna għal-liġi t’Alla m’għandha x’taqsam xejn ma’ kif insiru sewwa miegħu. Dan il-fatt hu bażiku biex nifhmu l-evanġelju (Rum.4:15; Gal.2:16; 3:10-11; 5:1-2; Ef.2:8-9; Fil.3:9; 2 Tim.1:9; Titu 3:5). Il-liġi ta’ Mosè, bħala kodiċi ta’ kmandamenti u ordinanzi, ma tistax issalvana (Rum.3:10-11; 5:1-2; Ef.2:8-9), u qatt ma ngħatat b’dan l-iskop. Frattant il-vanġelu mhuwiex kuntrarju għal-liġi (Rum.1:2), għax kien diġà proklamat, bit-tbassir u tipi diversi, bil-wegħdi u s-sagrifiċċji tal-bhejjem, fil-Liġi u l-Profeti. 

Issa żernaq jum ġdid. Bil-miġja ta’ Kristu u bit-tpattija ridentiva tiegħu fuq is-salib, l-għotja tal-ġustizzja mingħand Alla tiġi realizzata permezz tal-Medjatur u s-sagrifiċċju sostituzzjonarju tiegħu. 

Mela l-qagħda sewwa tagħna quddiem Alla ma nottenuhiex bl-atti reliġjużi jew morali li jirnexxielna nagħmlu. Frattant, il-vanġelu la jkeċċi l-liġi u lanqas hu kontriha; anzi, bl-għotja tal-Ispirtu, il-fidil kapaċi jobdi l-liġi, u jixtieq jonora lil Alla (Rum.3:31; 6:15; 8:3-4; 13:8-10). 


Rum.3:22. il-ġustizzja t’Alla hi unika, l-unika sewwa li hi aċċettabbli quddiem Alla qaddis, għax:

1. Alla nnifsu hu s-sors u d-donatur ta’ din il-ġustizzja (Isa.45:8). 

2. Twettaq il-penali u l-preċett tal-liġi t’Alla. B’mewtu bħala sostitut, Kristu ħallas il-piena dovuta lil dawk li ma żammewx il-liġi t’Alla, u bl-ubbidjenza perfetta tiegħu ssodisfa d-domanda t’Alla għal ġustizzja komprensiva (2 Kor.5:21; 1 Pt.2:24; cf., Ebr.9:28). 

3. Il-ġustizzja t’Alla hi eterna (Sal.119:142; Isa.51:8; Dan.9:24). Il-fidil li jirċeviha mingħand Alla jgawdiha għal dejjem.

permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu. Il-ġustizzja mingħand Alla jeħtieġ tkun milqugħa, issa li hi murija. Tilqagħha, jew temminha, tinvolvi tagħrif tal-kontenut tal-vanġelu, qbil mentali mat-testimonjanza tiegħu dwar Kristu (Rum.10:14), u afdar ubbidjenti u dipendenza tar-ruħ fuqu bħala Salvatur suffiċjenti u Sid f’kull qasam tal-ħajja u fuq kollox (Rum.1:5). Alla jdaħħal f’relazzjoni sewwa miegħu lil dawk in-nies li jeżerċitaw il-fidi: mill-bqija m’hemmx distinzjonijiet (Rum.1:16-17). 

m’hemmx distinzjoni. In-nies kollha għarrielhom milli jgħixu skont l-istandard divin, u allura s-salvazzjoni tgħodd għal kulħadd. 


Rum.3:23. jonqsu mill-glorja t’Alla. Din hi deskrizzjoni milquta dwar il-konsegwenza tad-dnub. Magħmula fix-xbieha ta’ Alla glorjuż (Ġen.1:26-27), l-umanità preferiet l-idolatrija baxxa minnu (Rum.1:23) u għawġet ix-xebh divin fiha. Issa n-nies huma spiritwalment u moralment inkapaċi, immankati, koroh u depravati. Fuq dan l-isfond Pawlu juri kif il-grazzja ġġedded u tirrestawra l-glorja mitlufa tal-umanità fil-fidili (Rum.5:2; 8:18; 1 Kor.15:42-49; 2 Kor.3:18; Ef.4:24; Fil.3:20; Kol.3:10). 


Rum.3:24. ġustifikati. Il-ġustifikazzjoni hi l-oppost tal-kundanna (eż., Prov.17:15). Biha Alla jiddikjara illi l-midneb li jemmen hu magħdud bħala ġust quddiemu; dan jista’ jagħmlu ġustament għax jikkredita l-perfezzjoni ta’ Kristu fil-kont tal-midneb. Hi l-għotja tal-ġustizzja (Rum.5:17). Il-ġustizzja ta’ Kristu issa hi legalment ikkonsidrata bħala l-possediment tal-midneb kredenti. 

Il-ġustifikazzjoni hi finali u irriversibbli (Rum.8:1,33-34). Hi msejsa fuq l-ubbidjenza perfetta li ħadem Kristu matul ħajtu kollha, li biha wettaq il-preċetti tal-liġi divina għan-nom ta’ niesu. F’mewtu fuq is-salib ħa fuqu l-penali tal-ġudizzju ġust t’Alla kontrina. Flok irċevejna l-kastig aħna rċevieh Ibnu flokna, voluntarjament. Il-fidili issa jixxerjaw l-istess qagħda ġusta bħal Kristu rxoxtat innifsu, li miegħu jinsabu f’unjoni mistika, issa u għal dejjem (2 Kor.5:18-21). Dan hu l-vanġelu distintivament kif imxandar minn Pawlu. 

Il-fidwa hi l-ħelsien miksub għax tħallas prezz. Hawnhekk tissinifika r-rilaxximent jew il-libertà mill-kondizzjoni ta’ jasar għad-dnub. Din seħħet bil-mewt ta’ Kristu, ir-riskatt (prezz għall-ħelsien) għas-salvazzjoni ta’ dawk li jirrikorru għandu bil-fidi (Mk.10:45; 1 Tim.2:6; Ebr.9:15). 

Dan kollu ġara b’xejn bil-grazzja tiegħu. L-inizjattiva u l-ħniena divina huma enfasizzati. Alla hu s-sors tal-ħelsien tagħna mill-kundanna, mill-infern u mill-iskjavitù għad-dnub u x-xitan. 


Rum.3:25. Kristu miet bħala sagrifiċċju li bih tberrdet u tneħħiet ir-rabja t’Alla minn fuq il-fidili. Issodisfa totalment il-ġudizzju divin, u allura Alla m’għadux kontra l-bniedem, iżda hu rikonċiljat miegħu. Minħabba f’hekk jissejjaħ propizjazzjoni (għal aktar tagħrif, ara n-noti fl-1 Ġwanni 2:2 u 4:10). 

Pawlu joqgħod attent biex jagħmilha ċara li s-sagrifiċċju ma kkawżax lill-Missier biex iħobbna. L-oppost hu veru: l-imħabba t’Alla kkawżatu biex joffri lil Ibnu (Rum.5:8; 8:32; Ġw.3:16): Alla preżentah.

b’demmu. Il-mewt ta’ Kristu fiha valur infinit, u nistgħu nqisuha minn diversi aspetti:

1. Hi sagrifiċċju, ċoè offerta ta’ ħajtu mogħtija minħabba d-dnub, biex jinħafer (cf., 1 Kor.5:7; Ef.5:2).

2. Hi sostituzzjonarja. Kristu ma mietx minħabba fih innifsu, iżda għal ħaddieħor (Rum.5:8; 8:32; Mk.10:45). Bata l-mewt bħala l-piena għall-ħażen tal-midinbin (Rum.6:23).

3. Hi propizjattiva, jiġifieri mewtu għall-midinbin issodisfat għalkollox il-ġustizzja t’Alla u l-ordni morali. Hekk l-għadab t’Alla kontra l-midneb niedem hu mneħħi. L-integrità t’Alla ddomandat illi d-dnub ikun ikkastigat u ssir tpattija adegwata għalih. Bid-demm imxerred ta’ Kristu, il-qdusija t’Alla mhijiex mimsusa u issa jista’ ġustament joffri l-grazzja tiegħu li twassal għall-maħfra. 

4. Hi rikonċiljattiva. Alla ma kellux għalfejn ikun perswadit biex juri ħniena u mħabba; il-Kalvarju hu dimostrazzjoni ta’ mħabbtu. Hemm irrikonċilja, jew ħabbeb, id-dinja miegħu nnifsu, ċoè lil dawk kollha li jilqgħu din ir-rikonċiljazzjoni bil-fidi (2 Kor.5:19-21; cf., Ġw.3:16; Rum.5:8; 8:3,32; 1 Kor.8:6).

5. Hi espjatorja, ċoè sagrifiċċju biex jagħmel riparazzjoni għad-dnub. Bħala espjazzjoni, is-sagrifiċċju hu dirett lejn l-annullament tal-ħtija. Bil-mewt ta’ Kristu l-ħtija u s-setgħa tad-dnub illi jisseparaw lill-bniedem minn Alla huma miġjuba fix-xejn. 

6. Hi effikaċi. Mewt Kristu għandha fiha nfisha l-qawwa biex tipproduċi l-effett mixtieq ta’ fidwa meta approprijata bil-fidi. B’mewtu u bl-irxoxt tiegħu Kristu attwalment u realment isalva lill-bnedmin, mhux potenzjalment jew bħala possibbiltà. Il-maħturin kollha, tabilħaqq, xi darba jew oħra, jaslu biex jiksbu l-benefiċċju kollha ta’ mewtu. 

7. Hi vittorjuża. Bis-salib Kristu ssielet kontra l-qawwa tad-dnub u għeleb. Satana u l-eżerċtu demoniku li żamm lil niesu mjassrin sofrew disfatta (Ġw.12:31-32; Kol.2:15). 

8. Mela mewtu hi wkoll ridentiva. Bir-riskatt ta’ ħajtu stess (1 Pt.1:18-19), illiberana mill-għedewwa li jżommu lir-razza umana fil-jasar: ċoè d-dnub (Rum.6:6), il-mewt (1 Kor.15:54-57; 2 Tim.1:10), u x-xitan (At.10:38). Hekk issa magħmulin kapaċi biex inservu lil Alla bħala lsiera tiegħu (Rum.6:18). 

Dan kollu Kristu qalgħu għalina bis-salib tiegħu, u jsir tagħna u ngawduh appena nduru lejh u nafdawh. permezz tal-fidi. L-enfasi (Rum.3:22) hi mtennija u hekk ma nistgħux nimmissjawha. Il-mezz li bih ingawdu l-fidwa tal-Kalvarju hu l-fidi fi Kristu. Il-fiduċja hi l-kawża strumentali tal-ġustifikazzjoni. 


Rum.3:25-26. bħala turija tal-ġustizzja tiegħu. Fis-sistema ta’ sagrifiċċji taħt il-patt l-antik, il-maħfra kienet offruta, mhux minħabba, iżda permezz tas-sagrifiċċji tal-annimali. Dawn ma jistgħux ipattu għad-dnubiet umani (Ebr.9:11-15; 10:1-4). Is-sinifikat reali tagħhom jinsab fil-fatt li antiċipaw u servew bħala dell tas-sagrifiċċju effettiv offrut minn Kristu. Hekk biss Alla tratta d-dnub b’mod finali u xieraq. 

Minħabba li s-salib hu fatt żgur għal Alla etern, seta’ jissaporti t-tħollija tad-dnubiet li saru qabel. B’mewtu Kristu wera kemm tabilħaqq Alla hu ġust, għax jikkastiga d-dnub; juri wkoll illi jħobb, għax flok ikkastiga lill-midneb tefa’ l-kastig fuq Ibnu, li minn rajh aċċetta t-tbatija u l-mewt għal niesu (Rum.8:32). Alla jersaq lejn il-midneb mingħajr ma jikkomprometti qdusitu. Fil-grazzja tiegħu provda salvazzjoni li l-umanità ma kinitx kapaċi taħdem għaliha nfisha. Hekk is-salib hu manifestazzjoni wkoll tal-għerf divin (1 Kor.1:23-24). 

ħalli jkun ġust u jiġġustifika. L-għerf fil-pjan t’Alla kien tali illi wasal biex ikkastiga lil Ġesù minflok il-midinbin, u allura kapaċi jiddikjara bħala ġusti lil dawk ħatja mingħajr ma jikkomprometti l-ġustizzja tiegħu. 


Rum.3:30. hemm Alla wieħed biss. Is-salvazzjoni ma tiġiniex għax nippossiedu l-liġi. Hi għad-dispożizzjoni anke ta’ nies li m’għandhomx il-liġi, ċoè l-pagani. Pawlu jikkonferma din il-verità f’wiċċ l-oppożizzjoni Lhudija billi japella għall-istqarrija fondamentali tar-reliġjon Ġudaistika, illi Alla hu wieħed (Dt.6:4). Il-profeti kemm-il darba ressqu l-qorti lill-poplu Iżraelita minħabba t-tradiment tagħhom u l-ksur tal-patt m’Alla ta’ Abraħam (eż., Am.1:2). L-enfasi allura hi illi l-ġustifikazzjoni u l-maħfra, kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Ġentili, huma gawduti bl-istess mod – bil-fidi biss. 


Rum.3:31. Mela ninnullifikaw il-liġi permezz ta’ dil-fidi? Pawlu għamel osservazzjoni li l-Lhud kważi kważi nsewha: il-liġi mhix qiegħda hemm biex insalvaw biha. Imma ladarba l-liġi bħala domanda morali ma ngħatatx lill-midinbin biex ikunu ġustifikati biha (Rum.3:19-20), il-prinċipju ta’ salvazzjoni bil-grazzja permezz tal-fidi mhuwiex kontradizzjoni għal-liġi. Il-vanġelu attwalment iseddaq il-liġi u, bħala nies ġustifikati u maħfura, jibgħatna għand il-liġi biex inwettqu l-għan veru tagħha, nobduha mill-qlab u bi gratitudni (Rum.8:3-4; 13:8-10). 


Rum.4:1-8. Pawlu jikkonferma l-argument tiegħu illi l-ġustifikazzjoni hi bil-grazzja biss permezz tal-fidi biss fi Kristu waħdu billi jappella għall-ħajja ta’ Abraħam. Bħala l-missier spiritwali tal-Lhud, jipprovdi l-illustrazzjoni perfetta għad-dottrina tal-appostlu. 

Attwalment Abraħam ma kellux b’xiex jiftaħar għax il-Ġenesi 15:6 jagħti prova illi kien bil-fidi, u mhux biż-żamma tal-liġi, illi Abraħam kien magħdud bħala ġust quddiem Alla. Inċidentalment, Abraħam hu wkoll eżempju ta’ wieħed li jiddimostra l-fidi tiegħu bl-opri tiegħu (Ġak.2:21), meta aktar tard offra lil ibnu Iżakk f’ubbidjenza għall-ordni t’Alla. Hawnhekk, għalkemm il-fidi kienet daparti ta’ Abraħam, ma kkontribwiet xejn għall-qagħda sewwa tiegħu quddiem Alla, għax il-fidili jitlibbsu bil-ġustizzja ta’ Kristu bħala għotja b’xejn (Rum.4:4). Il-fidi hi l-istrument tal-ġustifikazzjoni; għalkemm tinvolvi l-attività umana, mhijiex opra ta’ mertu. Abraħam sar sewwa quddiem Alla billi l-ġustizzja kienet kreditata lilu. 

Il-mertu uman inkwantu s-salvazzjoni tagħna hu totalment eskluż, kif jikkonferma wkoll David f’Salm 32:1-2, kwotat fir-Rumani 4:6-8. Il-Patt il-Qadim, bħall-Patt il-Ġdid, jgħallem salvazzjoni bi grazzja waħidha, li tirriżulta f’għejxien ġust u qaddis. 


Rum.4:3. emmen. Il-fidi mhijiex opra meritevoli. Qatt mhi l-bażi jew ir-raġuni għall-ġustifikazzjoni – hi sempliċement l-istrument li permezz tagħha l-bniedem hu dikjarat ġust quddiem Alla, u dan bħala għotja b’xejn.

Il-kelma kreditata tista’ tintuża f’kuntest legali jew finanzjarju; f’kapitlu 4 biss insibuha disa’ darbiet (Rum.4:5-6,8-11,22-24). Tfisser tieħu xi ħaġa li tappartieni għal xi ħadd u tpoġġiha fil-kont ta’ xi ħadd ieħor. Hi transazzjoni minn persuna waħda; Abraħam ma għamel xejn biex iġemmagħha jew jakkumulaha. Alla sempliċement stmaha fil-kont tiegħu. Alla ħa s-sewwa jew il-perfezzjoni ta’ Ibnu u kreditaha lil Abraħam bħallikieku kienet attwalment tiegħu. Alla seta’ jagħmel dan għax Abraħam emmen fih. 


Rum.4:4-5. ’l min ma jaħdimx. L-att forensiku li bih persuna hi dikjarata ġusta hu kompletament apparti minn kwalunkwe għemil uman. Kieku s-salvazzjoni kienet abbażi tal-isforz tal-bniedem, Alla jkollu jsalvah bħala obbligu – iżda difatti s-salvazzjoni hi dejjem għotja skont il-grazzja sovrana t’Alla (Rum.3:24; Ef.2:8-9) lil dawk li jemmnu (cf., Rum.1:16). Ladarba l-fidi hi kuntrastata mal-opri, il-fidi bilfors tfisser it-tmiem ta’ kull tentattiv biex wieħed jaqla’ jew jimmerita l-favur t’Alla bl-ubbidjenza tiegħu. 

jiġġustifika lill-empji, ċoè lill-ħżiena. Biss dawk li jċedu kull klejm għat-tjieba personali u jammettu li huma ħatja u kkundannati, huma kandidati biex isiru sewwa mal-Ħallieq tagħhom (cf., Lq.5:32). 


Rum.4:9-12. biex ikun missier dawk kollha li jemmnu. Iċ-ċirkonċiżjoni, għemil uman, hi irrilevanti fejn tidħol il-ġustifikazzjoni. Attwalment Abraħam kien diġà magħdud ġust quddiem Alla, avolja mhuwiex ċirkonċiż. Abraħam iservi bħala l-prototip għall-fidili kollha. Għal-Lhud, għaliex iċ-ċirkonċiżjoni tiegħu hi sinjal u tissiġilla l-ġustifikazzjoni tiegħu, u għall-Ġentili, għax irċieva l-ġustifikazzjoni meta kien għadu mhux ċirkonċiż.

sinjal. Dan jindika l-bżonn uman għat-tindif spiritwali (cf., Rum.2:28-29; Ġer.4:3-4; 9:24-26), kif ukoll ir-relazzjoni pattwali bejn Alla u niesu. 

siġill. Dimostrazzjoni esterna tal-qagħda ġusta li Alla kkredita lil Abraħam permezz tal-fidi. 


Rum.4:13-15. Bħalma Abraħam ma kienx illiberat, jew ġustifikat, bir-rit taċ-ċirkonċiżjoni (Rum.4:9-12), lanqas ma kien ġustifikat biż-żamma tal-liġi. 

il-liġi ġġib ir-rabja billi tesponi, jew tikxef, il-qagħda midinba tal-bniedem (Rum.7:7-11; Gal.3:19,24). Ma nistgħux insiru werrieta t’Alla bl-osservanza tal-liġi, għax ilkoll ksirnieha u allura ninsabu taħt id-dispjaċir u l-għadab divin. Triq waħda fadal: fiduċja sempliċi fi Kristu, is-sostitut għall-midinbin. 


Rum.4:17-18. Bit-tama, kontra kull tama, emmen. Il-patrijarka kellu fiduċja fl-omnipotenza divina illi l-wegħda tkun imwettqa. Fidi vera hi diretta lejn Alla u mhux lejn l-umanità, lejn il-kelma divina u mhux lejn is-sitwazzjoni umana. 


Rum.4:20. ta glorja ’l Alla. Meta wieħed jemmen f’Alla jkun qed jafferma l-eżistenza u l-karattru tiegħu, u dan jimmanjifika lil Alla (cf., Ebr.11:6; 1 Ġw.5:10). 


Rum.4:23. mhux minħabba fih biss inkiteb. L-Iskrittura għandha applikazzjoni universali (Rum.15:4; 2 Tim.3:16-17), u l-esperjenza ta’ Abraħam mhijiex eċċezzjoni. Ladarba Abraħam kien magħdud ġust permezz tal-fidi biss, allura n-nies l-oħra kollha huma ġustifikati abbażi tal-fidi wkoll. Alla minn dejjem kellu, u għad għandu, metodu wieħed ta’ salvazzjoni. 


Rum.4:25. hu kien merħi biex jingħata l-mewt għall-offiżi tagħna, u rxoxtat għall-ġustifikazzjoni tagħna. Il-prova tal-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi fil-każ ta’ Abraħam teħodna lura għall-pedament tal-ħidma salvivika ta’ Kristu (Rum.3:24-26). Il-mewt u l-qawmien tiegħu huma żewġ aspetti ta’ ħidmietu għas-salvazzjoni tal-fidili. B’mewtu Kristu ħa fuqu nnifsu l-penali legali għall-ħtija tagħna. Il-qawmien tiegħu jikkonferma illi mewtu kienet suffiċjenti u effettiva bħala offerta biex jitneħħa d-dnub. Hu sagrifiċċju li għoġob lill-Imħallef Suprem, il-Ġust u l-Qaddis, u milqugħ quddiemu. 


Rum.5:1. ġustifikati bil-fidi. Kif tista’ ssalva? “Emmen fil-Mulej Ġesù Kristu, u tkun salvat” (At.16:30-31). L-Insara huma ġustifikati quddiem Alla bil-fidi (Rum.3:26; 4:1-5; Gal.2:16), u bil-fidi jgħixu ħajjithom (2 Kol.5:7) u jsostnu t-tama tagħhom (Ebr.10:35-12:3).

Il-fidi mhix speċi ta’ sentiment jew deċiżjoni ottimistika. Lanqas ma jkollok il-fidi għax sempliċement taf il-fatti storiċi dwar Ġesù Kristu. Il-fidi Nisranija hi eżerċitata meta tafda f’Alla etern u fil-wegħdi tiegħu assigurati f’Ibnu Ġesù. Titnissel meta wieħed jisma’ l-evanġelju u jifhmu bil-ħidma grazzjuża tal-Ispirtu s-Santu. Mhux biss jifhmu, iżda jilqgħu u jgħixu. Għalhekk hi att personali, li jinvolvi l-moħħ, il-qalb, u r-rieda. Fidi vera hi ċċentrata f’Alla l-ħaj, mhux f’xi idolu jew idea.

Is-soltu nanalizzaw il-fidi bħala tliet elementi: it-tagħrif, il-qbil, u l-afdar.

1. It-tagħrif, jiġifieri ssir midħla ta’ x’inhu l-evanġelju (il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu għall-maħfra tad-dnubiet).

2. Il-qbil, jew rikonoxximent li dawn l-avvenimenti ġraw verament.

3. L-afdar, il-pass essenzjali li bih tikkommetti lilek innifsek għal Alla. 

Dawn l-aspetti jmorru flimkien fis-sens li jista’ biss ikun hemm fidi Kristjana meta l-Bxara t-Tajba hi magħrufa u l-verità tagħha aċċettata, hekk li tibda tittrasforma l-ħajja tal-individwu (Rum.10:14). 

Il-fidi mela hi t-tagħrif stabbli u sod li Alla wriena l-ħniena tiegħu, tagħrif imsejjes fuq il-verità ta’ wegħda ħielsa fi Kristu, u murija għall-moħħ tagħna, u ssiġillata fi qlubna mill-Ispirtu s-Santu.

Nirċievu ’l Kristu permezz tal-fidi, li ssodisfa l-liġi kollha għall-benefiċċju tagħna. B’dan il-mod Alla jilqagħna u jqisna bħala ġusti permezz tal-fidi biss, mingħajr ma nipprovaw nimmeritaw il-favur tiegħu. Imma ladarba l-fidi tgħaqqadna ma’ Kristu, ma tistax tkun bla ħajja. Fidi diretta lejn il-Mulej, u dipendenti fuqu, hi fidi bieżla, u taħdem bl-imħabba (Gal.5:6). Fidi ħajja u attiva tfittex tagħmel l-opri tajba, li Alla ħejja minn qabel għalina (Ef.2:10). Il-ġustifikazzjoni hi bil-fidi biss, imma l-fidi li tiġġustifika qatt ma tista’ tkun waħidha. 

Ċertament, Ġakbu jafferma li l-fidi mingħajr opri hi mejta (Ġak.2:20-26). Il-kuntest juri fiċ-ċar illi qed jiddeskrivi fidi li taf bl-evanġelju u saħansitra taqbel miegħu, imma baqgħet bla ma tafda fil-Mulej b’mod reali u vitali. Meta ma tikbirx, ma tiżviluppax fl-imħabba, u ma tipproduċix il-frott tal-ġustizzja tkun qed turi li l-għotja b’xejn ta’ Alla fi Kristu qatt ma rċevejtha. 

It-tweġiba għan-nies b’dit-tip ta’ fidi mhix illi jipprovaw isalvaw lilhom infushom billi jipprovaw jirbħu xi mertu quddiem Alla, bħallikieku jistgħu joħolqu l-fidi bl-isforzi tagħhom infushom. Aktarx għandhom isejħu isem il-Mulej (Rum.10:13). Alla waħdu jista’ jsalva lil dawk li altrimenti s-salvazzjoni hi ħaġa impossibbli għalihom (Mk.10:27). 

Pawlu jisħaq li l-opri tajba waħidhom ma jistgħux iressquna lejn Alla; Ġakbu juri li l-fidi li Alla jitlob minna għandha tkun fidi li tistrieħ fih, u allura hi fidi ħajja li tirriżulta f’atti ta’ mħabba.

Imqar meta nemmnu, l-opri tajba tagħna qatt mhuma perfetti. Huma aċċettabbli għal Alla biss minħabba l-ħniena ta’ Kristu (Rum.7:13-20; Gal.5:17). Nesprimu mħabbitna lejn Alla billi nagħmlu dak li jogħġob lilu; hu, fit-tjieba tiegħu, iwiegħed li jippremjana għall-għemil ġust tagħna (Fil.3:12-14; 2 Tim.4:7-8). B’daqshekk ma nkunux qed nagħmlu ’l Alla midjun magħna, daqskemm meta emminna fil-Mulej ma konniex qed nobbligawh lejna. Kif innota Wistin ta’ Ippona, meta Alla jippremjana, ikun qed jinkuruna grazzjożament l-għotjiet grazzjużi tiegħu nnifsu fina. 


Rum.5:2. f’dil-grazzja li fiha ninsabu tirreferi għall-pożizzjoni permanenti u sikura li l-fidili jgawdu fil-favur t’Alla (cf., Ġw.6:37; Rum.5:10; 8:31-34; Fil.1:6; 2 Tim.1:12; Ġuda 24).

fit-tama tal-glorja t’Alla. It-tama tal-Kristjan ma fiha ebda inċertezza; titkellem dwar aspetattiva żgura, għalkemm għadha mhix realizzata. Id-destin finali tal-fidili hu illi jixxerjaw fis-sebħ t’Alla (Ġw.17:22-24; Rum.8:29-30; 2 Kor.3:18; Fil.3:20-21; 1 Ġw.3:1-2). It-tama ċertament tkun imwettqa għax Kristu nnifsu jassiguraha (1 Tim.1:1). Mingħajr il-wegħdi ċari u ċerti tal-Kelma t’Alla, il-fidi ma jkollha ebda bażi għat-tama (Rum.15:4; Sal.119:81,114; Ef.2:12; cf., Ġer.14:8). 


Rum.5:4. il-karattru provat. Dari kienu jittestjaw il-metalli biex jiddeterminaw il-purità tagħhom. Hawnhekk il-prova hi l-katattru u l-maturità Kristjana (cf., Ġak.1:12). Il-fidili kapaċi jithennew imqar fit-tribulazzjoni, għax jafu x’tipproduċi fihom bil-grazzja t’Alla. 


Rum.5:5. t-tama ma tiddiżappuntaniex. L-Insara jħarsu ’l quddiem bit-tama għall-hena li jkunu ma’ Kristu fil-glorja għal dejjem. Il-fidi hija s-sustanza tal-ħwejjeġ li nittamaw fihom (Ebr.11:1) għaliex il-ħwejjeġ inviżibbli li qed nittamaw għalihom fil-ġejjieni huma maħfuna permezz tal-fidi. It-tama hi żgura; hi ankra tar-ruħ, ċerta kif ukoll soda (Ebr.6:18-19). Kristu hu t-tama tagħna (1 Tim.1:1), u Alla tagħna hu msejjaħ Alla tat-tama (Rum.15:13).

Etika ta’ tama hi minsuġa matul il-Patt il-Ġdid. L-Insara huma penġuti bħala pellegrini, stranġieri fuq l-art mexjin lejn darhom fis-smewwiet (Ebr.11:13; 1 Pt.2:11). It-tama tnissel fina s-safa: min jittama li jkun bħal Ġesù meta jerġa’ jiġi jippurifika lilu nnifsu, bħalma hu pur (1 Ġw.3:3). It-tama tħajjarna nżommu lilna nfusna preparati, peress li għandna nkunu lesti nħallu did-dinja fi kwalunkwe ħin (2 Kor.5:6-8; Fil.1:21-24; cf., Lq.12:15-21). It-tama mħawla fina ssejħilna nkunu paċenzjużi (Rum.8:25). Tagħtina l-qawwa u l-kunfidenza biex niġru t-tiġrija mqiegħda quddiemna, niġġielda t-taqbida t-tajba, u nissaportu l-afflizzjoni li tibqa’ sejra tul ħajjitna (At.14:22; Rum.8:18; 2 Tim.4:7-8).

Għalkemm il-ħajja Kristjana hi mmarkata iżjed bit-tbatija milli bit-trijonf (At.14:22; 1 Kor.4:8-13; 2 Kor.4:7-18), tamitna hi ċerta u l-atteġġjament tagħna għandu jkun ħieles mid-disprament (1 Ġw.4:18). 


Rum.5:5. l-imħabba t’Alla hi msawba fi qlubna. Imħabbet Alla lejna (Rum.5:8) tferrgħet ġenerożament hekk illi faret fi qlubna. Pawlu jgħaddi mill-aspetti oġġettivi tas-sigurtà tal-fidili fi Kristu għall-esperjenza soġġettiva u interna fina. Alla ħawwel f’ruħna stess evidenza konkreta illi nappartienu għalih fis-sens illi aħna nħobbu lil dak li ħabbna l-ewwel (1 Kor.16:22; cf., Gal.5:22; Ef.3:14-19; 1 Ġw.4:7-10). 

permezz tal-Ispirtu s-Santu li hu mogħti lilna. L-Ispirtu hu testimonjanza meraviljuża tal-imħabba t’Alla lejn uliedu (Ġw.7:38-39; Rum.8:9,14-17; 1 Kor.6:19-20; 12:13; Ef.1:18), mogħti lilna biex ikun magħna għal dejjem, ħalli jgħallimna, iseddaqna, jiggwidana, iqawwina, iqaddisna, jgħinna nitolbu, jilluminana, u jgħaqqadna flimkien.


Rum.5:6. Midinbin bla riġenerazzjoni huma dgħajfin, anzi saħansitra spiritwalment mejta u mhumiex kapaċi jagħmlu xi ħaġa għall-avvanz spiritwali tagħhom stess, apparti l-grazzja minn fuq (Ġw.6:44; 15:5; Ef.2:1). 

miet għall-empji. L-imħabba t’Alla lejn niesu mhix effettwata bil-burdati, u lanqas mhi bbażata fuq kemm aħna amabbli, iżda fuq il-karattru kostanti u fidil tiegħu nnifsu; l-att suprem ta’ mħabbtu sar meta konna fl-agħar tagħna, midinbin bla fejda, u taħt saħta u kundanna (cf., Mt.5:46). 


Rum.5:9-10. ġustifikati b’demmu hi realtà preżenti għall-fidili kollha. Jistgħu jkunu ċerti li jinsabu meħlusa mir-rabja t’Alla li għad tidher. Jinsabu rrikonċiljati u rrestawrati għal relazzjoni ta’ ħbiberija. Issa l-futur hu assigurat minħabba l-interċessjoni kontinwa tas-Salvatur ħaj għan-nom taħghom (Rum.8:34). 


Rum.5:12-21. Għalhekk (Rum.5:12) tindika illi dis-silta kollha hi konnessa f’moħħ Pawlu ma’ dak li ngħad qabel, hekk illi l-paragun u l-kuntrast bejn Adam u Kristu hi elaborazzjoni fuq xi ngħad diġà. 

Evidentement iż-żewġ persuni huma meqjusa bħala reali, individwi storiċi. Fil-każ ta’ Adam, l-attenzjoni hi mixħuta fuq l-offiża tiegħu li biha il-ħafna kienu magħmulin midinbin. Pawlu juri s-solidarjetà tar-razza umana ma’ Adam bħala r-rappreżentant tagħhom quddiem Alla, bħalma Kristu hu r-rappreżentant tal-fidili quddiem Alla, għall-ġustifikazzjoni u l-qagħda aċċettata tagħhom. Ir-renju universali tal-mewt hu l-konsegwenza tad-dnub. Pawlu ma jispjegax kif l-umanità kollha kienet involuta ma’ Adam fi dnubu, iżda sempliċement jassserixxi l-fatt – peress li kollha dinbu.


Rum.5:14. Adam, li hu tip ta’ dak li kellu jiġi. L-ewwel bniedem, kien ir-ras maħtur minn Alla għall-umanità kollha. Bi dnubu tellef il-ġustizzja għal dawk kollha li rrappreżenta. Bl-istess mod, Alla appunta lil Kristu bħala r-ras rappreżentattiv ta’ umanità ġdida biex bl-ubbidjenza tiegħu sal-mewt jikseb il-ġustifikazzjoni tagħhom. 


Rum.5:15-18. F’vers 15 Pawlu juża l-kelma ħafna b’żewġ tifsiriet distinti, bħalma jagħmel bil-kelma kollha f’vers 18. Diġà stabbilixxa illi l-bnedmin kollha, bla eċċezzjoni, jerfgħu l-ħtija tad-dnub u għalhekk huma suġġetti għall-mewt. Għalhekk il-ħafna li jmutu huma referenza għad-dixxendenti kollha ta’ Adam. 

se jsaltnu fil-ħajja. Kuntrarju għall-att ta’ Adam, l-att ta’ Kristu kiseb kulma kien intenzjonat li jikseb (cf., Fil.1:6), ċoè, il-ħajja spiritwali (cf., Ef.2:5).

ġustifikazzjoni tal-ħajja għall-bnedmin kollha. Din ma tistax tfisser illi l-umanità kollha se tkun salvata; il-fidwa hi biss għal dawk li jeżerċitaw fidi fi Kristu (cf., Rum.1:16-17; 3:22,28; 4:5,13). Aktarx, bħall-kelma ħafna f’vers 15, Pawlu jinqeda b’kollha b’żewġ tifsiriet differenti minħabba l-paralleliżmu, prattika komuni fil-Patt il-Qadim. 


Rum.5:20. Il-liġi ngħatat bħala element addizzjonali wara l-waqgħa tal-bniedem fid-dnub. Alla hekk tratta ma’ niesu sabiex tiżdied l-offiża. Qabel ma ngħatat il-liġi d-dnub kien diġà fid-dinja (Rum.5:13), iżda l-liġi tikxef il-karattru speċifiku tiegħu bħala trasgressjoni jew indħil fejn m’għandux ikun. 

L-istandard divin ma nżammx. Id-dnub żdied għax id-domandi tal-liġi jqanqlu leblibiet kuntrarji fi qlub il-midinbin (Rum.7:5,8). 

Imma fiż-żieda tad-dnub, il-grazzja kotrot aktar eċċessivament; mhux biss żammet pass mal-offiża, iżda sebqitha, fis-salvazzjoni kbira ottenuta permezz ta’ Kristu. 


Rum.6:1-14. Nissoktaw fid-dnub sabiex tiżdied il-grazzja? L-evanġelju tant jenfasizza l-grazzja b’xejn t’Alla illi l-ippritkar tiegħu sikwit iqanqal l-akkuża illi jwassal għat-traskuraġni lejn il-liġi morali. 

Pawlu jispjega illi jekk wieħed ikompli fid-dnub ikun qed jikkontradixxi l-identità ġdida tiegħu fi Kristu. Il-Kristjani m’għandhomx iħallu d-dnub jirkeb jew jiddomina fuq ħajjithom; għall-kuntrarju, imisshom iċedu għal Alla, issa li huma assigurati mill-grazzja u r-rieda tajba tiegħu lejhom. Ladarba bil-grazzja huma salvati jmisshom jgħixu fiha. 


Rum.6:3-4. midfunin miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt. Il-magħmudija, is-sinjal u s-siġill tal-unjoni inizjali tal-fidil ma’ Kristu, hi l-funeral tal-bniedem il-qadim (Rum.6:6), kif ukoll iċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni għall-persuna ġdida fi Kristu. Tipproklama illi dawk uniti ma’ Kristu mietu għad-dnub. Minn Rumani 5:20 sa 8:4 id-dnub hu preżentat bħala enerġija sewwieqa li tipproduċi atti midinba, u hu personifikat bħala sopristant tiranniku li jiddomanda dominju u allura jeħtieġ illi jkun reżistit. 


Rum.6:6. l-bniedem il-qadim tagħna jinkludi l-ħajja qabel il-konverżjoni, iżda wisq aktar ukoll. Għandu jkun interpretat fid-dawl tar-Rumani 5:12-21 biex ifisser kulma konna fl-unjoni tagħna ma’ Adam. Il-Kristjan messu jaħseb dwar dan kollu bħala msallab mas-salib biex imut.


Rum.6:10. miet għad-dnub. Kristu ta ħajtu għad-dnub f’żewġ sensi:

1. Rigward il-penali jew kastig tad-dnub – issodisfa d-domandi legali tad-dnub fuq il-midneb.

2. Rigward il-qawwa jew dominju tad-dnub – kiser għal dejjem is-setgħa tad-dnub fuq dawk li jappartienu għalih. 

Din il-mewt, billi hi effettiva fl-għan tagħha, m’għandhiex għalfejn tkun ripetuta (Ebr.7:26-27; 9:12,28; 10:10; cf., 1 Pt.3:18). Il-punt enfasizzat hu dan: il-fidili, magħquda ma’ Sidhom, mietu għad-dnub bl-istess mod. 


Rum.6:11. istmaw, jew ikkonsidraw. Pawlu jsejjaħ lill-fidili biex jeżerċitaw kunfidenza bla riżerva u sħiħa f’dak li nafu illi hu veru u minnu, it-tip ta’ kunfidenza mill-qalb illi teffettwa l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħna. L-appostlu mhux qed jistedinna għal xi logħba mentali li biha nittrikkjaw lilna nfusna sakemm naħsbu f’ċertu mod. Aktarx, qed jeżortana biex inħaddnu bil-fidi dak li Alla żvelahulna bħala veru. 


Rum.6:13. tippreżentaw tirreferi għal deċiżjoni tar-rieda. Qabel ma d-dnub jista’ jkollu setgħa fuq il-fidil, l-ewwel irid jgħaddi mir-rieda tiegħu (cf., Fil.2:12-13). 


Rum.6:14. Għax id-dnub mhux se jiddomina fuqkom. Din hi stqarrija indikattiva u wegħda fl-istess ħin, mhux kmand jew tħeġġiġa. Il-prinċipju dominanti li jikkontrolla l-ħajja tal-fidili hu r-renju tal-grazzja li ġab il-maħfra u l-abbiltà biex jegħlbu d-dnub (Rum.5:21) u jittrasforma fix-xbieha ta’ Kristu. 

għax m’intomx taħt il-liġi iżda taħt il-grazzja. Dan ma jfissirx illi Alla warrab il-liġi morali tiegħu (Rum.3:31; cf., Mt.5:17-19). Il-liġi hi tajba, qaddisa u ġusta (Rum.7:12; cf., 1 Tim.1:8), iżda l-bniedem impossibbli jżommha perfettament, allura twaqqgħu taħt is-saħta. Ladarba l-liġi ma tistax tassistih biex iżomm l-istandard morali t’Alla (cf., Rum.7:7-11), tista’ biss turi l-istandard rikjest u hekk iċċanfar u tikkundanna lil dawk li jgħarrilhom milli josservawha. 

Iżda l-fidil m’għadux iktar taħt il-liġi bħala kondizzjoni biex biha jiġi aċċettat minn Alla. Biex niġu milqugħa minn Alla bl-ubbidjenza tagħna trid tkun ubbidjenza perfetta, ideal impossibbli. Il-liġi kienet maħsuba biex turi lill-bniedem l-istat midneb tiegħu (Rum.3:19-20; Gal.3:10-13). Issa, billi l-fidil hu fl-isfera tal-grazzja, l-istess grazzja tagħmlu kapaċi biex tabilħaqq iwettaq ir-rikjesti ġusti tal-liġi (Rum.7:6; 8:3-4). Kapitlu 7 hu l-kummentarju komplut fuq din l-espressjoni kruċjali. 


Rum.6:15-22. Nistgħu nidinbu, għax m’aħniex taħt il-liġi iżda taħt il-grazzja? Il-Kristjani m’għandhomx x’jaqsmu mal-liġi bħallikieku kapaċi tikkundannahom. Jgħixu fl-isfera tal-grazzja mill-bidu sat-tmiem. Dan għandu mnejn jidher illi jinkuraġġixxi l-laxkezza morali, iżda Pawlu jiċħadha bil-qawwa. 

Taħt ir-renju tal-grazzja l-fidili jsiru lsiera t’Alla. Mela l-libertà li ġġib il-grazzja hi libertà biex nobdu lil Kristu u naqduh, mhux biex niffangaw fil-libertinaġġ. 


Rum.6:22. mjassrin għal Alla. Is-salvazzjoni ġġib lill-fidili f’relazzjoni pekuljari m’Alla; huma lsiera u Alla issa hu l-Imgħallem tagħhom. Qarrej fl-ewwel seklu, familjari mas-sistema ta’ jasar fl-Imperu Ruman, kien jifhem dil-frażi bħala sejħa għal: 

1. ubbidjenza assoluta (Mt.8:5-9; Lq.7:2-10).

2. ubbidjenza mġiegħla (Lq.6:46). 

3. ubbidjenza konsistenti (Ġw.13:16).

4. ubbidjenza esklussiva (Mt.6:24). 

5. ubbidjenza leali (Mt.10:24; Ġw.15:20). 

Doulos, ilsir, hi dejjem użata fil-kuntest ta’ pussess, xi ħadd li jappartieni għal xi ħadd ieħor, u dejjem subordinat għall-imgħallem tiegħu. Kristu hu l-eżempju suprem, billi hu kemm ilsir (Fil.2:7) u Sid (Fil.2:11). Bniedem ġenwinament salvat iżomm lil Kristu bħala s-Sid suprem u uniku tiegħu, kemm fl-inawgurazzjoni kif ukoll fil-kontinwazzjoni tar-relazzjoni tiegħu mal-Feddej (cf., Rum.10:9; Kol.2:6). 

Is-Salvatur jippossiedi awtorità sovrana fuq dawk salvati minnu; minħabba s-salvazzjoni tagħhom il-mifdija huma obbligati jobdu, bħala dawk mixtrija bi prezz, u allura m’għadhomx tagħhom infushom (At.20:28; 1 Kor.6:19-20; 1 Pt.1:17-19). 

Il-benefiċċju ta’ jasar lejn Alla hu l-qdusija, u r-riżultat hu l-ħajja eterna. 


Rum.7:1-12. Hawnhekk hi trattata r-relazzjoni tal-fidil mal-liġi. Għalkemm il-liġi hi qaddisa, il-midneb suġġettat għaliha jsib biss kundanna, għax il-liġi fil-ġustizzja tagħha tikxef kull trasgressjoni u falliment. Ir-relazzjoni tal-midneb mal-liġi hi paragunata maż-żwieġ. Il-mewt ittemm dawn ir-relazzjonijiet, u l-armla hi ħielsa biex tidħol f’relazzjoni ġdida. Peress li “ż-żwieġ” mal-liġi hu miksur bil-mewt, il-fidil mhuwiex adulteru u ma jistax ikun ikkundannat mil-liġi. Il-fidil imut billi hu magħqud ma’ Kristu f’mewtu (Gal.2:19-20), u hekk il-katina tad-diżubbidjenza u l-mewt hi miksura, li rabtet lill-midneb flimkien ma’ Adam fid-destin tiegħu (Rum.5:12-21). 

Issa, l-unjoni ma’ Kristu fl-irxoxt tiegħu ddaħħal lill-fidili f’relazzjoni ġdida. Fiha, ubbidjenza ġenwina, għalkemm mhux perfetta, hi offruta lil Alla fl-imħabba u l-gratitudni. Fl-għaqda ma’ Sidu, l-enerġija tal-Ispirtu tassigura illi tkun ħajja li tirrendi frott. 


Rum.7:4. mittu għal-liġi. Il-liġi mhijiex mejta, għax tkompli tkun id-definizzjoni tad-dnub u l-ġustizzja mqar għall-fidili. Xorta waħda, ġrat mewt li tneħħi lill-fidil mir-relazzjoni qadima ta’ dominju taħt il-liġi. Issa l-fidili huma miżżewġa ma’ Kristu. Hekk biss nistgħu nibdew nagħtu frott għal Alla. Il-liġi tinformana x’inhu midneb, iżda ma tistax tqaċċat l-imħabba fina għad-dnub. 

ġisem tal-Kristu. Is-sofferenzi u t-tislib ta’ Kristu, bħala tpattija għad-dnub.


Rum.7:5. konna fil-laħam. Dil-frażi hawn tfisser l-istat midneb qabel ma kkonvertejna, meta konna taħt id-dominju tad-dnub, fin-natura umana kkontrollata u diretta mid-diżubbidjenza lejn Alla. 


Rum.7:6. maħlulin mil-liġi. Il-liġi miksura m’għadhiex tikkundanna lill-fidili.

naqdu fit-tiġdid tal-Ispirtu u mhux fil-qedem tal-ittra. Il-ministeru tal-Ispirtu s-Santu f’kuntrast mal-liġi miktuba: wieħed hu effettiv, u l-oħra waħidha hi ineffettiva (Rum.2:29; 8:2-3; 2 Kor.3:3,6). 


Rum.7:7-13. M’għadniex miżżewġin mal-liġi, bħallikieku se niksbu aċċettazzjoni quddiem Alla bit-tentattivi morali tagħna biex nobduha. L-użu tajjeb tal-liġi hu dan: turina d-dnub tagħna u kemm tabilħaqq neħtieġu lil Kristu. Użu tajjeb ieħor hu dan: hi mogħtija bħala struzzjoni ħalli nobduha, motivati mill-imħabba u gratitudni lejn Alla). 


Rum.7:9. jien kont darba ħaj apparti l-liġi, imma meta ġie l-kmandament, id-dnub ħa l-ħajja, u jien mitt. Joffri l-esperjenza personali tiegħu bħala indiċi kif id-dnub u l-liġi jirrelataw flimkien f’kulħadd. 

Meta jgħid ħaj, mhux għax kellu ħajja spiritwali, iżda hekk ikkonsidra lilu nnifsu. Billi kien midħla tal-liġi, li wiegħdet il-ħajja għal min jobdiha (Rum.7:10; cf., Lev.18:5; Dt.30:15,19), Sawl ta’ Tarsu rrealizza li jmissu jobdiha. Fit-tentattivi tiegħu rrealizza illi internament, fix-xewqat ta’ qalbu (Rum.7:8), kien qed jiksirha kontinwament imqar qabel ma kien jaf bil-liġi, u meta ntebaħ x’kien qed jagħmel ma setax iwaqqaf il-vizzju. Id-dnub, dik il-forza kontra Alla u l-liġi tiegħu, ingannah u qatlu (Rum.7:11). Sar konvint illi spiritwalment kien bla ħajja u mitluf. 


Rum.7:14-25. Pawlu hawnhekk jiddeskrivi lilu nnifsu u lill-Kristjani inġenerali li, għalkemm huma fi Kristu u ħielsa mill-kundanna tal-liġi, ma jirnexxilhomx iwettqu perfettament x’tiddomanda l-liġi. Il-Kristjan hu konxju li l-liġi t’Alla hi spiritwali. Attwalment jitgħaxxaq fiha, jixtieq jobdiha f’kull qasam u perfettament. Jitnikket kif jara d-dnub fih jopponi xewqtu. Hu grat minħabba l-prospett ta’ ħelsien futur minn dil-frustrazzjoni (Rum.7:24; 8:23), filwaqt li jiddistingwi bejn moħħu li jimmira lejn l-ubbidjenza, u l-laħam li jibqa’ jidneb (Rum.7:25). 

Dan kollu jikkonferma li Pawlu qed jiddeskrivi l-esperjenza matura tiegħu bħala bniedem ġdid fi Kristu. Tinvolvi konflitt qalil u profond li kull Kristjan isir konxju tiegħu aktar ma jikber fil-mixja tiegħu ma’ Kristu. Sidu jgħammar fih (Gal.2:20) u frattant id-dnub ukoll jgħammar fih (Rum.7:17,20). Ebda Kristjan, avolja ġustifikat u maħfur, ma jilħaq konformità perfetta mar-rieda t’Alla matul għomru fuq l-art. Is-salvazzjoni, mela, għandha żewġ dimensjonijiet: hi “diġà” u “għadha mhix.”


Rum.7:24. Min se jeħlisni mill-ġisem ta’ dil-mewt? Pawlu mhuwiex iddisprat, għax jaf u jipprovdi t-tweġiba: Alla hu s-Salvatur f’kull sens u f’kull aspett. Frattant il-ġisem fiżiku, bħala strument li bih id-dnub hu espress, jibqa’ jfixkel. Ix-xewqa ta’ Pawlu mhijiex illi jmut, iżda għall-ħelsien li finalment ikun konsumat fir-resurrezzjoni (Rum.8:23; 2 Kor.5:2-4; Fil.3:20).


Rum.7:25. Hekk mela, minn banda waħda jien innifsi bil-moħħ qed naqdi l-liġi t’Alla, imma mill-banda l-oħra fil-laħam il-liġi tad-dnub. Dis-sentenza tiġbor fil-qosor il-ħsieb li kien ilu jiżvolġih fir-Rumani 7:14 sa 23. Il-Kristjan hu rebbieħ għax jegħleb id-dnub, iżda hu wkoll frustrat għax ma jirnexxilux għalkollox. 


Rum.8:1. Għalhekk issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù. L-appostlu hu kkonċernat pastoralment. Wara li għallimhom dwar il-konflitt mad-dnub bla ma jaqta’, jeħtiġilhom jithennew fl-aċċettazzjoni, l-immunità u s-sigurtà tagħhom fi Kristu.


Rum.8:2. il-liġi tal-Ispirtu tal-ħajja tfisser il-qawwa operattiva tal-Ispirtu s-Santu (Rum.7:23), mentri l-liġi tad-dnub u tal-mewt hi l-qawwa operattiva tad-dnub, jew inkella l-liġi divina, kif użata mid-dnub, biex tipproduċi l-mewt (Rum.7:8-13). 


Rum.8:3-4. impossibbli għal-liġi. Il-kmandamenti juruni dnubietna (Rum.3:20; 7:7), iżda mhumiex kapaċi jagħtuna l-qawwa biex nieqfu nikkommettu d-dnubiet jew inpattu għal dnubietna, għax minkejja t-tentattivi kollha tagħna biex inżommu l-liġi ninsabu mwaqqgħin u midinba. 

Ġesù hu realment u totalment uman (Ġw.1:14; 1 Ġw.4:3). Pawlu probabbilment jgħid f’xebh ta’ laħam ta’ dnub biex ifisser illi għalkemm Ġesù hu uman, u deher fostna bħala bniedem, attwalment ma kellux dnub bħalna (Ebr.4:15; 1 Pt.3:18; 1 Ġw.3:3). 

bħala offerta rigward id-dnub. Biex iġorr il-ħtija tad-dnub bħala sagrifiċċju lil Alla (Rum.3:24-25). 

ikkundanna d-dnub fil-laħam. Kristu qered il-qawwa tad-dnub billi daħal responsabbli għall-ħtija tiegħu; ħa l-kastig tiegħu hu nnifsu. Ir-riżultat tar-riparazzjoni tiegħu fuq is-salib hu nies illi, taħt id-direzzjoni u t-tqawwija tal-Ispirtu, jibdew iżommu l-liġi t’Alla mill-qalb, ladarba dik il-liġi għadha id-definizzjoni divina tal-qdusija. 


Rum.8:5-6. skont il-laħam...skont l-Ispirtu. Hemm żewġ kategoriji biss ta’ bnedmin: dawk li jgħixu skont in-natura mwaqqa’ tagħhom, u dawk li għandhom l-Ispirtu t’Alla residenti fihom u jgħixu bit-tqawwija tiegħu. 

mewt...ħajja. Dawn mhumiex biss id-destini futuri tal-bnedmin, iżda wkoll il-kondizzjonijiet spiritwali u preżenti tagħhom (Ef.2:1,5). 


Rum.8:7. Il-moħħ tal-laħam hu ostili għal Alla. Il-mentalità u l-atteġġjament bażiċi u reali tan-nies mitlufa, apparti minn Kristu, huma f’għadwa kontinwa lejn Alla. Qabel ma jkun imġedded mill-Ispirtu, il-bniedem midneb jistma lil Alla bħala għadu tiegħu (Rum.3:9-18).


Rum.8:9. Intom, imma. F’kuntrast qawwi mal-mitlufa (Rum.8:7-8). m’intomx fil-laħam. Ir-riġenerati mhumiex fl-istess saltna bħall-infidili, u allura mhumiex gvernati mid-dnub, iżda huma ddominati u mmexxija mill-Ispirtu. Jagħtihom il-qawwa u l-libertà biex jissottomettu b’għaxqa għal-liġi t’Alla (Rum.7:22,25), u hekk jogħġbuh bħala wlied ubbidjenti (Rum.8:14). Ninnotaw ukoll kif kull Kristjan għandu l-Ispirtu, bla eċċezzjoni. L-Ispirtu nirċevuh appena nemmnu tabilħaqq (Ef.1:13). 


Rum.8:10-11. Għalkemm id-dnub ġab il-mewt għal ġisem il-fidil, l-Ispirtu s-Santu se jġib il-ħajja, billi japplika l-qawwa tal-irxoxt ta’ Kristu (Rum.1:4; 1 Kor.15:22,44-45). 


Rum.8:13. jekk bl-Ispirtu qed toqtlu l-prattiċi ħżiena tal-ġisem, għad tgħixu. Il-ġisem mhuwiex ħażin fih innifsu. Id-dnub joriġina fil-qalb, iċ-ċentru spiritwali tal-enti uman, li tinkludi r-rieda (Mk.7:18-23). Imma ladarba ngħixu f’iġsma fiżiċi, id-dnub isib espressjoni permezz tal-ġisem. Filwaqt li jgħasses fuq qalbu, il-Kristjan jagħraf ukoll l-importanza illi ma jħallix id-dnub ikun espress esternament; għall-kuntrarju, għandu jimmortifikah jew joqtlu, ċoè, jissielet kontrih u jxejnu (Rum.6:12-13; 12:1). 


Rum.8:14. mmexxijin mill-Ispirtu t’Alla. Il-fidili mhumiex gwidati b’impressjonijiet mentali jew tqanqil soġġettiv biex jieħdu deċiżjonijiet tajba. Għalkemm kultant iċ-ċirkostanzi huma hekk orkestrati flimkien illi nkunu nistgħu nagħrfu xi jrid Alla minna (At.16:7), frattant imexxina primarjament u regolarment bl-illuminazzjoni tiegħu sabiex nifhmu l-Iskrittura u napplikawha sewwa f’ħajjitna (Lq.24:44-45; 1 Kor.2:14-16; Ef.1:17-19; cf., Ef.3:16-19; Kol.1:9). Imexxina wkoll bit-taqdis, billi jagħmilna kapaċi nobdu l-Kelma (Gal.5:16-17,25). 

ulied Alla. Meta wieħed jesperjenza t-tmexxija tal-Ispirtu b’dawn il-modi, jikseb assigurazzjoni illi Alla adottah fil-familja tiegħu. 


Rum.8:15. spirtu ta’ jasar. Minħabba l-prattika tad-dnub, nies mitlufa huma skjavi għall-biża’ tal-mewt (Ebr.2:14-15), u mill-kastig finali (1 Ġw.4:18). 

Abba hi kelma Aramajka; tfisser Missier (ara n-notament f’Marku 14:36).


Rum.8:16. L-Ispirtu nnifsu jixhed mal-ispirtu tagħna, mhux b’rivelazzjoni diretta, iżda billi jagħmilna kapaċi naraw lilna nfusna bħala wlied adottivi t’Alla fid-dawl ta’ Kelmtu. Jagħtina ċertezza ħelwa fi qlubna illi aħna eredi t’Alla. Hekk jikkonferma l-validità tal-adozzjoni tagħna, mhux b’xi leħen mistiku u interjuri. Apparti dan nistgħu nilmħu wkoll il-frott etiku li jipproduċi f’ħajjitna (Gal.5:22-23), u l-qawwa li jagħtina biex inservu lil Sidna (At.1:8). 


Rum.8:17. Il-fidili huma kkostitwiti werrieta t’Alla, il-Missier (Mt.25:34; Gal.3:29; Ef.1:11). Għad igawdu salvazzjoni eterna (Titu 3:7), lil Alla nnifsu (Riv.21:3), il-glorja (Rum.5:2), u l-univers ġdid (Riv.21:1-5). 

mbasta nbatu miegħu. Il-prova illi l-fidil hu eredi ta’ glorja finali tinsab fil-fatt illi jsofri minħabba Sidu, sew jekk hi ridikulaġni, tgħajjir jew persekuzzjoni fiżika (Mt.5:10-12; Ġw.15:18-21). 


Rum.8:18. glorja li dalwaqt se tkun rivelata lilna: allużżjoni għar-resurrezzjoni tal-ġisem (Rum.8:23) u l-konformità sħiħa tal-fidili max-xbieha ta’ Kristu (Kol.3:4; Fil.3:20-21). 


Rum.8:19-21. Il-ħolqien hu l-univers materjali apparti l-mifdija. Il-kreazzjoni, taħt l-effetti tas-saħta minħabba d-dnub, hi personifikata, bħallikieku qed tixxennaq għat-trasformazzjoni aħħarija. 

r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla. Mar-ritorn ta’ Kristu f’għeluq l-ordni preżenti, jidher fiċ-ċar min huma l-mifdija li se jixxerjaw miegħu l-glorja eterna. 

il-ħolqien kien issuġġettat għall-futilità. Minħabba d-dnub uman (Ġen.3:18), il-ħolqien tħassar, però għad ikun illiberat mill-jasar għall-korruzzjoni. Dan se jseħħ fil-konsumazzjoni, meta jirritorna Kristu, u jagħti ġisem tal-qawmien lil niesu kollha (Fil.3:20-21), u jġedded is-smewwiet u l-art. 

Hawnhekk il-futilità hi l-inabbiltà tal-ħolqien illi jottieni l-iskop għall-eżistenza tiegħu. Minħabba d-dnub uman, Alla seħet l-univers fiżiku (Ġen.3:17-19). Bħalissa, ebda parti tal-kreazzjoni ma twettaq totalment l-għan oriġinali tal-Ħallieq. 


Rum.8:22-25. Kull Kristjan ikollu jistenna bit-tama, għax il-kondizzjoni preżenti mhijiex finali. Il-ħolqien jixbah omm tokrob għax waslet biex twelled. Is-salvazzjoni tagħna bdiet, u nippossiedu l-Ispirtu s-Santu bħala l-ewwel frott, speċi ta’ depożitu jew pagament minn qabel, garanti illi s-salvazzjoni se tkun konsumata sal-qawmien tagħna mill-mewt, ir-realizzazzjoni sħiħa tal-adozzjoni tagħna fi Kristu (Rum.8:23).

Ulied Alla diġà għandhom il-bidu tal-ħolqien ġdid fihom peress li l-Ispirtu s-Santu jgħammar fihom, li hu l-ewwel frott, il-garanzija illi l-ħolqien ġdid tagħna għad ikunu komplut. 

nokorbu fina nfusna għall-wirt sħiħ li jinkludi l-ġisem tal-qawmien. Dan jissejjaħ l-adozzjoni, fis-sens futur tagħha, għax hi l-ogħla tgawdija tal-privileġġi ta’ wlied Alla. 

it-tama hi l-mistennija ċerta ta’ ġid futur li għadna m’aħniex narawh; dan jirriżulta mil-fidi fit-testimonjanza divina. 


Rum.8:26. l-Ispirtu jgħinna wkoll fid-dgħufija tagħna. Ministeru partikolari tal-Ispirtu hu illi jiffortifikana u jseddaqna fl-istat debboli tagħna, li dwaru ninsabu kontinwament konxji. Sikwit inkunu perplessi kif se nitolbu. Ix-xenqiet bla mlissna biex nitolbu kif jixraq huma indikazzjoni illi l-Ispirtu li jgħammar fina diġà qed jassistina billi jinterċiedi għalina fi qlubna, u jagħmel rikjesti lill-Missier li ċertament iweġibhom.


Rum.8:27. jaf x’inhu l-moħħ tal-Ispirtu. Il-kliem mhuwiex meħtieġ għax il-Missier jifhem u jaqbel mal-Ispirtu fina. 


Rum.8:28. skont l-għan tiegħu. Il-pjan t’Alla jiggarantixxi l-ġid għal niesu kollha. Għalihom mhux neċessarjament tkun sodda ta’ ward, kumdità u suċċess materjali; l-iskop t’Alla hu primarjament li jġibhom jixbhu lil Kristu fil-qdusija (Rum.8:17-23,29). Fil-providenza għarfa u twajba tiegħu jaħkem fuqhom b’tali mod u manjiera biex jassigura illi kulma jiġrihom iservi għall-ġid finali u l-barka eterna tagħhom.


Rum.8:29. Alla wkoll ippredestinahom. Il-kelma “predestinazzjoni” sikwit tintuża biex tissinifika l-ħatra minn qabel t’Alla tal-avvenimenti kollha fil-ġrajja tad-dinja – fl-imgħoddi, fil-preżent u fil-ġejjieni. Tintuża wkoll speċifikament biex tirreferi għad-deċiżjoni t’Alla, meħuda fl-eternità qabel ma eżistiet id-dinja, rigward id-destini finali ta’ persuni individwali. 

Inġenerali, il-Patt il-Ġdid jitkellem dwar il-predestinazzjoni, jew l-għażla, ta’ midinbin partikolari għas-salvazzjoni u ħajja eterna (Rum.8:29; Ef.1:4,5,11), għalkemm l-Iskrittura wkoll kultant titkellem dwar deċiżjoni minn qabel t’Alla dwar dawk li finalment mhumiex salvati (Rum.9:6-29; 1 Pt.2:8; Ġuda 4). Għalhekk il-predestinazzjoni tinkludi d-deċiżjoni t’Alla li jsalva lil xi wħud (għażla), kif ukoll id-deċiżjoni korrispondenti li ma jsalvax lill-bqija (reprobazzjoni). 

Kultant issib min jaħseb li Alla jagħżel individwi għas-salvazzjoni għax jaf minn qabel li xi darba ħa jagħżlu lil Kristu bħala l-Feddej tagħhom. Din idea totalment żbaljata (Ef.1:3-4).

Tabilħaqq, Alla kien jafhom minn qabel (cf., Rum.11:2; 1 Pt.1:2,20). Dan jindika mhux biss rikonoxximent minn qabel, imma wkoll għażla bil-quddiem minn Alla tan-nies tiegħu. Ma tesprimix l-idea tal-antiċipazzjoni passiva ta’ spettatur inkwantu x’għad jiġri spontanjament. Alla jafhom minn qabel lil niesu, u dan jimplika relazzjoni speċjali ta’ għażla skont l-imħabba tiegħu (Ġen.18:19). 

Ladarba kulħadd hu naturalment mejjet fid-dnub (maqtugħ mill-ħajja t’Alla u insensittiv għalih), ebda bniedem li jisma’ l-evanġelju mhu kapaċi jersaq (billi jindem u jemmen f’Ġesù Kristu) mingħajr it-tiġdid ġewwieni li Alla biss jista’ jopera fina (Ġw.3:1-5; Ef.2:4-10). Il-midinbin jagħżlu lil Kristu, għax Alla għażilhom l-ewwel, u qanqalhom għall-għażla tagħhom billi ġeddilhom qalbhom skont il-grazzja għanja tiegħu.

Għalkemm l-atti umani kollha huma ħielsa fis-sens ta’ determinazzjoni immedjata fuqna nfusna, dawn l-atti huma wkoll il-ħidma tal-għan u d-digriet etern t’Alla; huma riżultat tal-ħatra minn qabel tiegħu. Ta’ bnedmin li aħna nsibuha diffiċli nifhmu preċiżament kif is-sovranità divina fuq naħa, u l-libertà u r-responsabbiltà umana fuq naħa oħra, huma kompatibbli. Frattant, l-Iskrittura kullimkien tassumi li t-tnejn huma veri (At.2:23; 4:28).

Mela wlied Alla jmisshom jiżżuh ħajr għall-konverżjoni tagħhom, iħarsu lejh biex iżommhom fil-grazzja tiegħu, u jistennew bil-kunfidenza t-trijonf finali tiegħu, skont il-pjan għaref imfassal minnu stess. 

igglorifika. It-temp passat hu wżat għal avveniment fil-futur biex jenfasizza ċ-ċertezza u l-kompletezza tal-għan t’Alla favur niesu. 


Rum.8:31-32. Il-wirja suprema ta’ mħabbet Alla diġà saret filli tana lil Ibnu (Rum.5:6-8). Allura ċertament mhux se jċaħħad lil uliedu kwalunkwe ħaġa li hi fl-aħjar interess tagħhom (Sal.84:11). 


Rum.8:33. Alla hu dak li jiġġustifika. Ħadd mhu kapaċi jixli lil xi ħadd b’suċċess jekk Alla diġà ddikjarah bħala ġust quddiemu. 


Rum.8:35. Min se jifridna mill-imħabba tal-Kristu? Meta nitkellmu dwar is-sigurtà eterna tan-nies t’Alla jkun forsi aħjar nitkellmu dwar il-priżervazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-perseveranza tagħhom. Il-perseveranza tfisser tibqa’ żżomm it-twemmin minkejja l-iskuraġġiment u l-oppożizzjoni. Ir-raġuni għala l-fidili, minkejja kollox, ikomplu fil-fidi u l-lealtà lejn Sidhom, tinstab f’Ġesù Kristu li jippriżervahom bl-Ispirtu tiegħu, aktarx milli fil-qawwa naturali tagħhom infushom.

Is-sigurtà preżenti u futura tal-Kristjani (Kol.1:2) tinsab fl-imħabba omnipotenti t’Alla (Rum.8:31-39). Jithennew fiċ-ċertezza li Alla se jtemm il-ħidma tajba li beda fihom, bħala l-fidili tiegħu, l-imsejħin għas-saltna eterna (Fil.1:6; cf., 1 Kor.1:8,9; 1 Tes.5:23-24; 2 Tes.3:3; 2 Tim.1:12; 4:18). 

Għalhekk dawk li Alla aċċettahom fil-maħbub Ibnu, dawk li sejħilhom effettivament u qaddishom bl-Ispirtu tiegħu, ma jistgħux jaqgħu għalkollox u għal dejjem mill-qagħda tal-grazzja, imma ċertament jinżammu u jitħarsu mis-setgħa t’Alla bil-fidi, għas-salvazzjoni li se tidher fl-aħħar waqt (1 Pt.1:5). Dawk imwielda mill-ġdid huma salvati filli jkomplu f’xirka ma’ Sidhom sat-tmiem (Ebr.3:6; 6:11; 10:35-39): dan kapaċi jagħmluh għax Alla li predestinahom ukoll wiegħed li jigglorifikahom.

Dan ma jfissirx li dawk kollha li xi darba pprofessaw li huma Kristjani għad ikunu l-ġenna. Min jipprova jgħix il-ħajja Nisranija bil-ħila tiegħu jaqa’ (Mt.13:20-22). Il-professjoni falza ta’ ħafna li jgħidu lil Ġesù, “Sid, Sid,” mhix se tkun rikonoxxuta (Mt.7:21-23). Minkejja l-qerq li fih jinqabdu xi wħud, dawk li jfittxu l-qdusija tal-qalb u l-imħabba lejn il-proxxmu, u b’hekk juru lilhom infushom bħala nies imwielda mill-ġdid, huma intitolati jemmnu li jinsabu sikuri fi Kristu. 

Il-fidili jistgħu jitfixklu u jaqgħu fid-dnub. Meta jiġri dan ikunu qed jopponu n-natura ġdida tagħhom infushom. Frattant l-Ispirtu s-Santu jikkonvinċihom rigward id-dnub tagħhom (cf., Ġw.16:8) u jġegħilhom jindmu ħalli jkunu restawrati għal ħajja ġusta. Meta r-riġenerati, ċoè l-imwielda mill-ġdid, juru xewqa umli u grata biex jogħġbu lil Alla li ħelishom, it-tagħrif illi Alla nnifsu wiegħed li jħarishom għal dejjem ikabbar dik l-istess xewqa. Mela, jekk tifhimha sew, id-dottrina tal-priżervazzjoni sat-tmiem ma twasslikx biex tgħix ħajja traskurati jew turi preżunzjoni arroganti. Pjuttost il-kuntrarju!


Rum.8:38-39. Il-ħakkiema jistgħu jkunu anġli jew demonji. setgħat tirreferi għall-mirakli jew inkella għal persuni (jew anġli) f’pożizzjonijiet ta’ awtorità. 

la l-għoli, la l-fond huma termini astronomiċi komuni għall-punt għoli u l-punt baxx ta’ kewkba, allura jrid ifisser il-mogħdija tal-ħajja mill-bidu sat-tmiem. 

Pawlu jispiċċa biex jgħid lanqas kwalunkwe ħliqa oħra, biex żgur ma jħalli xejn barra, ħalli ħadd ma jibqagħlu xi dubju dwar l-infallibbiltà tal-imħabba divina lejn il-magħżulin tiegħu. 


Rum.9:3. stajt nixtieq li jien innifsu nkun misħut. L-appostlu fehem illi t-tpartita li qed jissuġġerixxi hi impossibbli (Rum.8:38-39). Frattant hi l-espressjoni sinċiera ta’ mħabbtu lejn il-kompatrijotti tiegħu. Imqanqal minn imħabba profonda, Pawlu jidwi s-sentimenti ta’ Mosè meta l-Lhud inqabdu f’nuqqas ta’ twemmin (Es.32:20-32). Jinsab imdejjaq qatigħ minħabba fihom, għax baqgħu ma laqgħux lil Ġesù bħala l-Messija tagħhom. Imħabbtu lejhom hi qawwija hekk illi kien lest isofri s-saħta t’Alla għalihom. B’din id-dispożizzjoni fil-qalb insiru ħabbara tal-vanġelu kif għandu jkun, motivati mill-mogħdrija lejn nies mitlufa.


Rum.9:4. pattijiet huma l-legi, kuntratti, jew ftehim solenni li Alla fis-sovranità tiegħu għamel mal-ġens Lhudi, b’wegħda li jberikhom, ibda mill-patt bażiku li stabilixxa ma’ missierhom Abraħam, u spiċċa fil-patt ġdid imwiegħed mill-antik (Ġer.31:31-34) u mwettaq fi Kristu (cf., Ebr.8:6-13). 

Il-qima tirreferi għas-sistema Mosajka ta’ sagrifiċċji u ċerimonji oħra (cf., Es.29:43-46).

Il-wegħdi huma mferrxa matul il-Patt il-Qadim; għadd minnhom speċjalment għandhom x’jaqsmu mal-Messija mwiegħed, li kellu joħroġ minn Iżrael, u jġib ħajja eterna u saltna dejjiema (cf., At.2:39; 13:32-34; 26:6; Gal.3:16,21). 


Rum.9:5. Il-patrijarki Abraħam, Iżakk u Ġakobb, li Alla tkellem magħhom dwar in-nisel, Kristu, li bih id-dinja kellha tkun imbierka. 

dak li hu Alla fuq kollox. Affermazzjoni qawwija tas-sovranità u d-divinità ta’ Kristu. Il-privileġġi kotrana tal-Lhud jilħqu l-quċċata tagħhom filli permezz tagħhom ingħata s-Salvatur mis-sema. 


Rum.9:6. kelmet Alla tirreferi għall-wegħda u l-pjan illi jkun Alla ta’ nisel Abraħam (Ġen.17:7-8). Dixxendenza naturali qatt ma ggarantiet il-wirt tal-wegħda. Alla għażel lil min kellu jiritha, kif inhu evidenti fil-familji ta’ Abraħam u Iżakk.


Rum.9:8. tfal t’Alla. Mhux id-dixxendenti fiżiċi kollha ta’ Abraħam fformaw il-poplu t’Alla. Il-wegħdi jitgawdew biss min-nisel spiritwali tagħhom, nies li jemmnu l-wegħdi (Rum.4:6,11; 11:3-4). 


Rum.9:11. sabiex l-għan t’Alla skont l-għażla tiegħu jibqa’. Skont il-Bibbja, qabel il-ħolqien Alla għażel mir-razza umana lil dawk li ried jifdi, jiġġustifika, iqaddes u jigglorifika f’Ġesù Kristu (Rum.8:28-39; Ef.1:3-14; 2 Tes.2:13,14; 2 Tim.1:9-10). L-għażla divina hi espressjoni ta’ grazzja ħielsa u sovrana. Dawk magħżula ma jimmeritawhiex għax ikunu għamlu xi ħaġa aħjar mill-oħrajn. Alla mhu midjun ma’ ħadd; mhux obbligat juri ħniena mal-għedewwa tiegħu; anzi, il-midinbin jistgħu jippretendu biss kundanna mingħandu. L-għaġeb hu kif Alla infatti għoġbu jagħżel għadd ta’ nies biex jagħtihom b’xejn il-glorja tal-ġenna.

Bħal kull verità oħra dwar Alla, id-dottrina tal-għażla tinvolvi misterju, u kultant tqanqal kontroversja, għax mhux kull Kristjan jinsab f’pożizzjoni biex jifhem u japprezza ugwalment il-mogħdijiet t’Alla.

Fl-Iskrittura hi preżentata bħala dottrina pastorali, u biha l-Insara jistgħu jirrealizzaw kemm hi kbira l-grazzja li ssalvahom. Għaldaqstant tħajjarhom iwieġbu bl-umiltà, ringrazzjament kontinwu, kunfidenza u tifħir. 

Ma nafux lil min Alla għażel fost dawk li għadhom ma jemmnux, u lanqas għalfejn għażel lilna partikolarment. Nafu li sirna nemmnu għax konna magħżulin, u nafu li bħala fidili nistgħu nistrieħu fuq il-Mulej biex itemm il-ħidma tajba li beda fina (1 Kor.1:8-9; Fil.1:6; 1 Tes.5:23-24; 2 Tim.1:12; 4:18). Minħabba f’hekk it-tagħrif tal-għażla huwa sors ta’ hena eċċezzjonali.

L-għażla timmotivana wkoll għall-qdusija. Jingħad li għandna nkunu diliġenti biex nagħmlu s-sejħa u l-għażla tagħna ċerti” (2 Pt.1:10) – jiġifieri, ċerti għalina nfusna, mhux għax hi dubjuża fil-ħsieb etern t’Alla. Se nkun ċert illi jien magħżul għas-salvazzjoni billi minn issa nemmen l-evanġelju, u ngħix fid-dawl tiegħu, f’mixja ubbidjenti lejn Sidi Ġesù. L-għażla tingħaraf mill-frott tagħha. Pawlu ntebaħ illi t-Tessalonkin kienu magħżulin għax ra l-fidi, it-tama, u l-imħabba tagħhom, kif ukoll it-trasformazzjoni ta’ ħajjithom miġjuba bl-evanġelju (1 Tes.1:3-6).


Rum.9:12. mhux mill-opri, iżda minn dak li jsejjaħ. Il-fatt ovvju illi Alla għażel lil Ġakobb qabel ma twieldu t-tewmin hu dimostrazzjoni qawwija illi l-ħajja spiritwali tagħna tiddependi fuq is-sovranità t’Alla, apparti minn kull sforz jew mertu uman. Hi msejsa biss fuq il-prerogattiva t’Alla li għamel l-għażla tiegħu (Rum.8:29; 1 Kor.1:9). 


Rum.9:13. Ħabbejt lil Ġakobb, imma bgħadt lil Eżaw. L-għan t’Alla fl-għażla ta’ nies għas-salvazzjoni u r-roftiment ta’ oħrajn, li huma midinbin, hu kkonfermat fi kliem Malakija 1:2-3, fejn hemm imħabbra mħabbet Alla għal Iżrael, b’għeruqha fl-għażla ħielsa ta’ Ġakobb aktarx milli ħuh Eżaw. 

bgħadt għandha s-sens ta’ roftiment u antipatija, kif inhu muri f’Malakija 1:3-4; dan għaliex Eżaw kien profan u midneb. Avolja Alla bierek lil Eżaw materjalment, ma kienx magħżul biex ikun ir-reċipjent tal-ħniena li twassal għas-salvazzjoni eterna. Alla ħabbu bħalma jħobb lill-bnedmin kollha inġenerali, bil-grazzja komuni tiegħu, filli jipprovdi lil kulħadd ikel, xorb, għata, saħħa, ġid u barkiet oħra. 

Iżda fit-trattament tiegħu ma’ Ġakobb u Eżaw, id-differenza tidher filli wieħed kien magħżul u l-ieħor mhux; wieħed wiret il-glorja tal-ġenna u l-ieħor le. Hi differenza radikali daqskemm l-imħabba u l-mibegħda huma estremi minn xulxin. 


Rum.9:14-18. Jaqaw hemm l-inġustizzja m’Alla? Pawlu jantiċipa l-oġġezzjoni. Mid-dehra, jekk Alla jagħżel xi wħud għas-salvazzjoni u jwarrab lill-bqija, bla ma jqis il-merti u l-azzjonijiet tagħhom, isir Alla inġust u arbitrarju. Ovvjament Pawlu jiċħad din l-akkuża bil-qawwa kollha, u jispjega illi s-salvazzjoni hi kustjoni ta’ ħniena divina biss, u għall-ħniena m’għandna ebda jedd. Il-għaġeb hu illi Alla ma ħalliex l-umanità kollha fir-rovina!


Rum.9:16. jiddependi mhux minn dak li jkun irid. Is-salvazzjoni mhijiex għad-dispożozzjoni ta’ kulħadd hekk illi issa jonqos biss mill-individwu jaċċettahiex jew le, skont il-volontà tiegħu. Imqar il-fidi hi don mingħand Alla! (Ġw.6:37; Ef.2:8-9). Lanqas mhi kustjoni ta’ sforz uman. 


Rum.9:17. l-Iskrittura tgħid lill-Faragħun. Attwalment kien Alla li kellem lil Faragħun permezz ta’ Mosè (Es.9:16), iżda għal Pawlu kliem l-Iskrittura, u l-leħen u l-awtorità suprema t’Alla, huma ħaġa waħda. 


Rum.8:18. ’l min irid iwebbsu. Alla ġieli jikkastiga d-dnub billi jħalli lill-midneb jgħaffeġ aktar fid-dnub, u f’dan is-sens isir stinat. Fl-Esodu jingħad għaxar darbiet illi Alla webbes qalb Faragħun (eż., 4:21; 7:3,13), u drabi oħra jingħad illi Faragħun webbes qalbu stess (eż., 8:32; 9:34). Ovvjament ma nikkonkludux illi Alla b’mod attiv ħalaq l-inkredulità f’qalb Faragħun (cf., Ġak.1:13); aktarx nifhmu illi irtira l-influwenza divini illi ordinarjament jaġixxu bħala lġiem għad-dnub u hekk ħalla l-qalb ħażina ta’ Faragħun biex tiffanga fid-dnub bla rażan (cf., Rum.1:24,26,28). 


Rum.9:19. Għaliex mela għadu jsib ħtija fina? B’liema dritt Alla jista’ jixli lill-bnedmin bi dnubiethom ladarba hu stess webbishom kontra tiegħu nnifsu? 

Pawlu jieħu illustrazzjoni mill-esperjenza (Rum.9:20-21). Huwa irraġunevoli u irriverenti nikkritikaw ir-rettitudni tal-mogħdijiet divini. Il-fuħħari għandu kull jedd jagħmel kulma jogħġbu bit-tafal (Isa.64:8). Il-bnedmin kollha jappartienu għall-istess ċappa (cf., Rum.9:10-13) ta’ umanità mwaqqa’ f’Adam (Rum.5:12-14); ilkoll jidinbu attivament qabel ma Alla jwebbishom fid-dnub (Rum.1:18-28). 

Alla jħaddem il-prerogattiva sovrana tiegħu: lil xi wħud miċ-ċappa Adamika jurihom ħniena u jsawwar minnhom reċipjenti ta’ ġieħ; lill-oħrajn jagħmel użu minnhom biex bihom jesibixxi l-ġustizzja perfetta tiegħu lejhom. Min isalva ma ħaqqux illi jsalva; min jintilef ħaqqu jintilef. 


Rum.9:20. int min int biex tkun rispostuż m’Alla? Pawlu għandu f’moħħi nies illi jfittxu jużaw din id-dottrina profonda u diffiċli bħala skuża għad-dnub u l-inkredulità tagħhom infushom. 


Rum.9:20-21. Huwa kontra r-raġuni, u turija ta’ arroganza, illi l-bnedmin jipprotestaw kontra l-għażla t’Alla, bħalma hu ridikolu għal biċċa tafal illi tilmenta jew tipprova tifhem l-għan tal-fuħħari (cf., Isa.64:6-8; Ġer.18:3-16). 


Rum.9:22-23. x’inhu jekk Alla. Alla pperpetta l-oriġni u l-firxa tal-ħażen biex juri l-avversità tiegħu lejh, qawwietu ssir magħrufa, u jesibixxi r-rikkezzi tal-ħniena tiegħu. Ħadd mhu trattat inġustament. Xi wħud jirċievu l-ħaqq li qalgħu għalihom infushom u jixirqilhom (Rum.6:23), mentri oħrajn jirċievu ħniena. 

ppreparahom minn qabel, peress li huma magħżula mill-eternità, u fiż-żmien sejħilhom bl-evanġelju tiegħu. 


Rum.9:25-33. bħalma hu miktub. In-nuqqas ta’ twemmin fost il-Lhud mhuwiex inkonsistenti mal-pjan divin tal-fidwa; Pawlu jikkwota l-profeta bħala prova. Ħosea, pereżempju, tkellem dwar ir-restawrazzjoni ta’ Iżrael, u allura jimplika li Iżrael hu aljenat minn Alla. L-inkredulità tal-Lhud fi żmien l-appostli hi konsistenti mar-rivelazzjoni tal-Patt il-Qadim. 


Rum.9:29. s-Sid tal-eżerċti hu titli għal Alla li jisħaq fuq is-sovranità assoluta tiegħu (cf., Ġak.5:4). 

Sodoma u Gomorra kienu bliet antiki meqruda mill-Mulej minħabba l-ħażen u l-immoralità estrema tagħhom (Ġen.19:29). 


Rum.9:30-32. Tfixklu fil-ġebla tat-tfixkil. Għalkemm Alla għażel lil xi wħud biex jirċievu ħnientu, dawk li jirċievu l-ġudizzju mingħandu jiġrilhom hekk mhux minħabba xi ħaġa li Alla għamlilhom, iżda purament minħabba n-nuqqas ta’ rieda tagħhom biex jemmnu l-evanġelju (cf., 2 Tes.2:10). Il-bnedmin jinsabu taħt kundanna minħabba d-dnubiet personali tagħhom, filli jwarrbu lil Alla u jippreferu jgħixu mingħajru (cf., Ġw.8:21-24; Rum.2:2-6,9,12). 


Rum.9:33 Sijon (Rum.11:33) hu isem alternattiv għal Ġerusalemm (2 Sam.5:7; Isa.2:3). 


Rum.10:1. Il-privileġġi numerużi ta’ Iżrael (Rum.9:4-5) ma jbiddlux il-fatt li ħadd ma jsalva mingħajr fidi fi Kristu. 


Rum.10:2. Iż-żelu jew ħeġġa reliġjuża tagħhom, kif ukoll it-tagħrif li kellhom mill-Iskrittura, ma kinux it-tagħrif salviviku t’Alla u tal-Messija tiegħu bit-tidwil tal-Ispirtu s-Santu (2 Kor.3:14-17). Wieħed jista’ jkollu informazzjoni biblika, u jkun moralista, bla mhu salvat. 


Rum.10:3. ma jafux dwar il-ġustizzja t’Alla: ma jifhmux illi Alla jiddikjara ġusti lil dawk li jafdaw f’Ibnu Ġesù. Jidhrilhom illi jistgħu jsiru sewwa miegħu billi josservaw il-liġi, li hu żball fatali. 


Rum.10:4. Għax Kristu hu tmiem il-liġi għall-ġustizzja ’l kull min jemmen. Kristu hu l-għan jew l-iskop tal-liġi, ċoè l-liġi twassal u tieħu n-nies midinbin għand Kristu: dak hu r-rwol tagħha (Gal.3:24). 

Apparti minn hekk, huwa minnu wkoll illi fejn qabel il-fidili provaw jistabbilixxu s-sewwa personali tagħhom quddiem Alla billi jipprovaw jobdu l-liġi, fi Kristu din il-mentalità hi waħda skaduta.


Rum.10:5. Il-bniedem li jagħmilha se jgħix biha. L-implikazzjoni donnha hi din: min jobdi l-liġi jkun salvat bl-ubbidjenza tiegħu nnifsu. Iżda fir-realtà ż-żamma tal-liġi qatt ma ġabet il-ħajja eterna lil ħadd (Gal.3:11,21; Rum.7:10; 8:2). Allura l-kwotazzjoni mil-Levitiku nifhmuha ipotetikament, mhux attwalment. Teoretikament, kieku wieħed kellu jobdi l-liġi perfettament, isalva, imma difatti ħadd mhu kapaċi jagħmel dan (Rum.3:23; Ġak.2:10). 


Rum.10:6-7. ‘Min se jitla’ fis-sema?’ Insiru sewwa m’Alla, definittivament u ċertament, billi nafdaw fis-salvazzjoni tiegħu mwettqa fuq il-Kalvarju. Ma tinvolvi ebda impossibbiltà jew avventura straordinarja daparti tal-bniedem. 


Rum.10:8. Il-kelma hi qribek. Il-bniedem mhux imsejjaħ biex jagħmel xi bravura; għall-kuntrarju, it-triq tas-salvazzjoni hi żvelata fiċ-ċar. Naslu għand Alla bil-fidi f’Ibnu.


Rum.10:9. Ġesù huwa s-Sid. Mhux biss rikonoxximent intellettwali (cf., Ġak.2:19), iżda konvinzjoni personali qawwija, bla riżerva, u sinċiera, illi Ġesù hu l-Imgħallem u s-Sultan fuq il-persuna li tistqarr hekk. Allura l-istqarrija tinkludi ndiema mid-dnub, afdar f’Ġesù għall-maħfra u salvazzjoni sħiħa, u sottomissjoni lejh f’ubbidjenza konsistenti. 

Alla qajmu mill-imwiet. Mingħajr ir-resurrezzjoni m’hemmx salvazzjoni (1 Kor.15:14-17). Hu neċessarju nemmnu li litteralment reġa’ ħa l-ħajja wara mewtu: salvatur mejjet mhu salvatur xejn. Bil-qawmien tiegħu Alla wrieh pubblikament bħala Salvatur validu u awtentiku, kif ukoll illi l-Missier laqa’ s-sagrifiċċju tiegħu għan-nom tal-fidili (Rum.4:24; cf., At.13:32-33; 1 Pt.1:3-4). 


Rum.10:10. jistqarr, hawn jiġifieri jgħid l-istess ħaġa bħalma jgħid Alla l-Missier; ikun fi qbil miegħu. Min jistqarr lil Ġesù (Rum.10:9) jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Missier illi Ibnu hu tabilħaqq Salvatur u Sid. 


Rum.10:13. jinvoka, jew isejjaħ, tfisser illi wieħed qed jirrikorri u jqiegħed it-tama tiegħu f’Alla veru kif żvela lilu nnifsu f’Ibnu – rivelazzjoni li issa tinkludi r-rikonoxximent illi Ġesù ta’ Nażaret hu s-Sid suprem, vittorjuż imqar fuq il-qabar (Rum.10:9). 


Rum.10:14-15. kif jemmnu. Biex titnissel fidi salvivika jrid ikun hemm preżentazzjoni korretta tal-vanġelu, li tista’ tiftiehem. Il-fidi dejjem għandha kontenut. Il-vanġelu mxandar jagħmilha possibbli biex wieħed isalva. 


Rum.10:16. obdew. Il-vanġelu hu offerta skont il-grazzja divina iżda wkoll kmand biex il-midneb idur lejn Alla u jafda f’Ibnu (Rum.1:4-6; 2:8; 6:17). Il-kwotazzjoni mill-profeta (Isa.53:1) talludi għall-fatt illi s-sagrifiċċju ta’ Kristu sar bħala sostituzzjoni għall-midinbin (Isa.53:5).


Rum.10:17. kelmet Kristu (Kol.3:16) hi ekwivalenti għal kelmet Alla (Rum.9:6; 1 Tes.2:13), jew kelmet is-Sid (Isa.2:3). 


Rum.10:18. ma semgħux? Il-kwotazzjoni minn Salm 19 turi li mqar David fl-antik fehem illi r-rivelazzjoni t’Alla dwaru nnifsu laħqet l-art kollha (cf., Ġer.29:13; Mt.24:14; Rum.1:18-20). 


Rum.10:19-21. jaqaw Iżrael ma fehemx? B’sensiela ta’ kwotazzjoni Pawlu jagħti prova illi Iżrael kien injorant dwar is-salvazzjoni offruta fl-Iskritturi tiegħu stess. Ukoll, il-vanġelu kien imbassar minn qabel li kellu jilħaq il-ġnus. Bih Alla jfittex u jiġbed lejh nies li mhumiex interessati fih. 

mhumiex ġens: il-Ġentili, li ma fformawx parti mill-poplu t’Alla, Iżrael. 


Rum.11:1-10. Alla rrinunzja ’l niesu? L-appostlu nnifsu hu evidenza illi Alla ma warrabx lin-nies li mmarkahom bi mħabba; la rroftahom finalment u lanqas kompletament. Fost il-Lhud xorta waħda nstab fdal bħalma kien hemm minoranza ċkejkna fi żmien Elija, maħbubin minn Alla u allura fidili lejh. Il-fdal jibqa’ jiġi fformat skont il-grazzja divina. U bl-istess grazzja jottienu s-salvazzjoni mentri l-bqija jisfaw imwebbsa. 


Rum.11:2. kien jafhom minn qabel (cf., 8:29). Id-diżubbidjenza ta’ Iżrael ma tinnullifikax l-imħabba determinata t’Alla lejhom.


Rum.11:5. Bħala nazzjon Iżrael ma laqax lil Ġesù l-Messija, frattant eluf ta’ individwi, il-fdal, afdaw fin ġenwinament (cf., At.2:41; 4:4). 

magħżul bi grazzja. Alla wera favur ma’ dal-fdal, bħal dejjem (cf., Dt.7:7-8; Ef.2:8-9; 2 Tim.1:9). M’għażilhomx għax ra minn qabel il-fidi tagħhom, jew id-den spiritwali tagħhom, jew l-opri jew ir-rieda tajba tagħhom. 


Rum.11:6. jekk bi grazzja, mhux iżjed mill-opri. Salvazzjoni b’ubbidjenza personali u salvazzjoni bi grazzja divina huma żewġ metodi distinti; jekk b’waħda, allura mhux bl-oħra. Ma jitħalltux flimkien. Jew issalva lilek innifsek (li hu umanament impossibbli), inkella tkun salvat esklussivament minn Alla waħdu, kif diġà saħaq (cf., Rum.3:21-31; 4:1-11; 9:11). 


Rum.11:7. X’qed ifittex Iżrael. Il-Lhud inġenerali kellhom żelu reliġjuż għami għal Alla, u frattant għarrielhom milli jsiru sewwa miegħu, għax ir-rikonċiljazzjoni tinkiseb bil-fidi f’Ġesù u mhux bir-ritwal ċerimonjali jew ubbidjenza morali (Rum.9:31-32; 10:2-3). 

mwebbsa: dan seħħ b’att t’Alla bħala Mħallef (cf., Es.4:21; Dt.2:30; Ġw.12:40), bi tweġiba għall-istinazzjoni jew ribelljoni tagħhom (2 Kron.36:13; Prov.28:14; Mt.19:8; Ebr.3:8,15; 4:7). 


Rum.11:8. L-Iskrittura tgħallem id-dottrina tar-reprobazzjoni, ċoè, Alla ddigrieta li ma jsalvax lil xi midinbin iżda minflok iwebbishom (1 Pt.2:7-8). 


Rum.11:9. Il-mejda hi l-post ta’ providment u sigurtà, iżda l-barkiet użati ħażin jinqalbu għad-dannu tal-midinbin. Ħafna nies jafdaw fil-ħwejjeġ li eventwalment huma misħuta bihom. 


Rum.11:11-24. jaqaw għotru tant li jaqgħu? Ir-roftiment tal-ġens Iżraelita la hu totali u lanqas finali. Bħalma r-roftiment ta’ Kristu fost il-Lhud wassal għall-aċċettazzjoni tal-vanġelu fost il-Ġentili, hekk Alla issa jinqeda bil-Ġentili biex jipprovoka lil-Lhud ħalli jgħiru għall-barkiet imsawba fuq il-Ġentili, u hekk jitwasslu għas-salvazzjoni tagħhom u konsegwentement għal għana spiritwali ikbar. 


Rum.11:12. L-għana għad-dinja hu l-veritajiet meraviljużi tas-salvazzjoni, kif minn nies ikkundannati Alla jilliberana, u minn midinbin falluti jagħmilna eredi tiegħu (Isa.49:6; 2 Kor.8:9).


Rum.11:13-15. Il-ministeru ta’ Pawlu fost il-pagani xorta waħda kellu l-interessi ta’ Iżrael, ladarba l-kobor tal-knisja fost il-Ġentili tipprovoka lil-Lhud biex jikkopjawhom u jduru lejn il-Messija. Il-ħajja mill-imwiet hi frażi figurattiva għall-mogħdija minn mewt għall-ħajja spiritwali (Ġw.5:24). 


Rum.11:16. l-għaġna wkoll. Il-prinċipju illi l-ewwel frott iservi bħala pleġġ tal-ħsad finali hawnhekk hu applikat spiritwalment (cf., Num.15:17-21). 

l-għerq hu l-patrijarki Abraħam, Iżakk u Ġakobb (cf., Rum.4:13). 


Rum.11:17. Iż-żebbuġa hi l-post tal-barka divina: il-patt magħmul ma’ Abraħam li bih hi mwiegħda u miġjuba s-salvazzjoni (Ġen.12:1-3; 15:1-21; 17:1-27). Ninnotaw kif in-nies salvati matul iż-żminijiet kollha huma rappreżentati bħala siġra waħda: Alla għandu poplu wieħed, mhux tnejn jew iżjed. 


Rum.11:19-22. Ladarba s-siġra hi biss il-knisja viżibbli, il-Ġentili fiha jmisshom ikunu umiljati mill-fatt illi huma wkoll jitqaċċtu jekk ma jkunux fidili veri fi Kristu.


Rum.11:20. ibża’, għax Alla jiġġudika knisja apostata (cf., Riv.2:15-16; 3:16), bħalma ġġudika lil Iżrael apostat. 


Rum.11:22. L-attributi t’Alla huma armonjużi u uniti flimkien. M’hemm ebda konflitt bejn il-bontà u s-severità tiegħu. Il-fidili jesperjenzaw tjubitu mentri l-infidili huma suġġetti għall-qilla tiegħu (2:4-5). 

mbasta tissokta. Pawlu qed jindirizza l-massa tal-Ġentili. Il-fidili Ġentili jmisshom jieħdu bis-serjetà r-rivelazzjoni tal-karattru t’Alla f’dawn l-avvenimenti tal-providenza. Il-beninnità divina tirrendi l-frott biss meta n-nies t’Alla jkomplu fiha (Rum.2:4). Niftakru, frattant, illi individwi b’fidi ġenwina dejjem jipperseveraw sal-aħħar (Ġw.8:31; 15:5-6; 1 Ġw.2:19). 


Rum.11:23-26. Il-ġbir ta’ Iżrael fil-knisja mhuwiex sempliċement possibbiltà (Rum.11:23) jew anke probabbiltà (Rum.11:24), iżda ċertezza mwiegħda (Rum.11:25-26). 


Rum.11:24. kontra n-natura kont imlaqqam f’żebbuġa kkoltivata. Kuntrarju għall-prattika argikola, il-Ġentili (imxebbha ma’ zokk salvaġġ) huma mlaqqma fiż-żebbuġa kkoltivata (simbolu għall-ġens Lhudi), biex jixxerjaw fil-barkiet tiegħu. 


Rum.11:25. misterju, fil-Bibbja, hu verità li qabel ma kinitx magħrufa iżda issa hi żvelata (cf., 1 Kor.2:7; Ef.3:2-6).


Rum.11:26. Iżrael kollu tissinifika l-Iżrael spiritwali kollu, ċoè, in-nies kollha magħżula għas-salvazzjoni, kemm Lhud kif ukoll Ġentili. Alternattivament, tista’ tfisser il-Lhud kollha ddestinati li għandhom isalvaw matul il-ġrajja umana. Il-pass kollu ma jinkuraġġix il-fehma illi l-Lhud bħala nazzjon għad jikkonvertu fil-futur, iżda biss illi għadd minnhom, mal-bqija tal-Ġentili li jemmnu, jifformaw l-Iżrael il-veru t’Alla. 

Xi wħud jaħsbu illi jmissna nistennew xi konverżjoni nazzjonali tal-ġens Lhudi. Le. It-tina li Ġesù seħet hi illustrazzjoni tal-poplu Iżraelita li kellu biss reliġjożità (weraq) mingħajr ir-realtà (frott). “Qatt iżjed,” qalilha, “ma jsir frott minnek, għal dejjem” (Mt.21:18-19). Bħala l-poplu t’Alla l-massa tal-Lhud huma mwarrba minħabba n-nuqqas ta’ twemmin tagħhom (1 Tes.2:14-16), ħlief għal fdal ċkejken li baqa’ fidil u laqa’ lill-Messija Ġesù (Ġw.1:11-13), skont il-profezija (Rum.9:27-29). Issa, bl-inklużjoni tal-Ġentili fil-knisja, xi Lhud jaslu biex jemmnu f’Ġesù bħala l-Messija tagħhom, u hekk isiru sħab magħhom fil-wirt (Ef.2:11-22; 3:6). 

Dan jibqa’ jsir sal-miġja ta’ Kristu, u “hekk Iżrael kollu,” ċoè l-għadd sħiħ tal-magħżulin matul il-ġenerazzjonijiet meħuda mill-poplu antik tal-Lhud, ikun salvat. Mal-milja tal-Ġentili eventwalment tidħol ukoll il-milja tal-Iżraeliti. Dan għaliex tul il-Patt il-Ġdid kollu, sat-tmiem, ebda nazzjon ma jingħata privileġġi speċjali fuq nazzjon ieħor: is-salvazzjoni hi għal kull individwu li jemmen il-vanġelu (Rum.10:12-13; Gal.3:28; Ef.2:14). 


Rum.11:29. id-doni u s-sejħa t’Alla huma irrevokabbli. Fis-sovranità tiegħu Alla mill-antik għażel lil Iżrael, u allura xi Iżraeliti jibqa’ jemmnu fih matul iż-żminijiet. L-għażla ta’ kull fidil individwali hi ċerta u ma tinbidilx, għax għandha l-għerq tagħha fin-natura immutabbli t’Alla, kif espressa fil-patt etern u unilaterali tiegħu ma’ Abraħam. 


Rum.11:30-32. jirċievu ħniena. Alla jkompli jestendi l-grazzja tiegħu lil Iżrael (bir-riżultat li fdal minnu jemmen), bħalma jagħmel mal-Ġentili (cf., Rum.5:8). Is-salvazzjoni tnixxi mill-ħniena tiegħu, għax kulħadd hu midneb (cf., 1 Tim.1:12-14). 


Rum.11:33-36. O, il-fond tal-għana. Id-diżubbidjenza tal-Lhud wasslet biex ħniena ġiet estiżi lill-ġnus, mentri r-riċeviment tal-vanġelu mill-Ġentili jqanqal lil-Lhud biex jemmnu huma wkoll. Dan il-pjan iwassal lil Pawlu biex jinfexx f’dossoloġija (għanja ta’ tifħir) lil Alla, rispons xieraq għall-veritajiet preżentati s’issa, inkluż il-fatt grandjuż kif Alla jiġġustifika lill-midinbin permezz tal-fidi f’Ibnu. Dan hu kollu għemil Alla, bla ħadd ma tah parir jew għenu, peress li hu s-sors u l-għan ta’ kollox. 


Rum.12:1. il-mogħdrijiet t’Alla huma l-grazzji liberali, stravaganti u tant ġenerużi preżentati diġà. Jinkludu l-imħabba t’Alla lejna (Rum.1:7; 5:5; 8:35,39), il-favur mhux mistħoqq tiegħu (Rum.1:6-7; 3:24; 5:2,20-21; 6:15), il-mod kif iqegħidna f’relazzjoni sewwa miegħu (Rum.1:17; 3:21-22; 4:5-6,22-24), u l-għotja tal-fidi (Rum.1:5,17; 3:22,26; 4:5; 5:1).


Rum.12:1. sagrifiċċju ħaj. Is-sagrifiċċji tal-bhejjem issa huma skaduti peress li Ġesù offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju effettiv li tabilħaqq ineħħi d-dnubiet. Għal niesu, l-unika qima milqugħa hi illi joffru lilhom infushom kompletament lis-Sid. Ġisimna jista’ u jmissna nċeduh għalih bħala għodda biex bih ngħixu ħajja ġusta (Rum.6:12-13; 8:11-13). 


Rum.12:2. tkunux ikkonformati ma’ did-dinja. Il-fidili m’għandhomx ikomplu jadottaw is-sistema ta’ twemmin tal-mitlufa u l-valuri taż-żmien. Il-mentalità tagħhom trid tkun mibdula radikalment, sabiex isiru jaħsbuha kif jaħsibha Sidhom. 

tiġdid ta’ moħħkom. It-trasformazzjoni rikjesta sseħħ hekk kif l-Ispirtu s-Santu jibdel ħsiebna bi studju serju u meditazzjoni siewja fl-Iskrittura (Sal.119:11; cf., Kol.1:28; 3:10,16). Aktar ma nxappu moħħna fil-Kelma aktar tidher bidla spiritwali fina. 


Rum.12:3. ġudizzju sobriju. L-evalwazzjoni korretta tagħna nfusna twassalna biex nagħrfu illi fina nfusna m’aħna xejn (cf., 1 Pt.5:5), u hekk inroddu l-frott tal-umiltà (3 Ġw.9). 

Il-kejl ta’ fidi hu l-proporzjon tad-don jew doni spiritwali mogħtija lil kull fidil (1 Pt.4:10), sabiex jipparteċipa fil-ħajja tal-knisja, il-ġisem ta’ Kristu (1 Kor.12:7,11). Il-fidi hawn talludi għall-amministrazzjoni fidila tal-għotjiet fdati lilna, bil-kwantità u l-kwalità tagħhom. Ħadd ma jirċievi inqas jew iżjed milli l-Ispirtu jiddetermina li jagħtih, allura kull fidil għandu r-riżorsi neċessarji biex iwettaq ir-rwol tiegħu fil-knisja. 


Rum.12:3-5. Jeħtieġ ikunu realistiċi, umli dwar id-doni tagħna, u nużawhom b’diliġenza fil-ġemgħa tal-fidili. Kull don messu jintuża bħala don mogħti minn Alla; naċċettawh b’fiduċja fis-Sid biex jagħtina l-grazzja nimplimentawh. 


Rum.12:6-8. doni varji. Hemm varjetà u prattikalità kbira fil-charismata, id-doni spiritwali. Pawlu jsemmi xi wħud, u xi oħrajn fl-Ewwel Epistola lill-Korintin u fl-Efesin, bla ma jimplika li l-lista hi kompluta. Sikwit id-doni huma minsuġa ma’ talenti jew kapaċitajiet naturali. Il-konsiderazzjoni ewlenija fit-tħaddim tad-doni hi l-barka u l-edifikazzjoni tal-aħwa. 


Rum.12:14-15. L-umiltà u l-imħabba, iċċentrati f’Alla u ispirati minnu fina, jibdlu l-mod kif nirreaġixxu mal-għedewwa tagħna, kif ukoll jferrħuna fil-ġid ta’ ħaddieħor, u simpatija lejn l-afflitti (Prov.17:5). 


Rum.12:16. Imħabba reċiproka lejn xulxin, mingħajr diskordja u tilwim, imissha tkun karatteristika ta’ kull knisja lokali. Hawn aħna eżortati biex ma niffissawx fuq il-pożizzjoni u l-unur pubbliku, iżda nitħalltu liberament mal-baxxi jew umli. 


Rum.12:17. ħudu inkonsiderazzjoni ħalli tagħmlu s-sewwa. Il-Kristjani għandhom jirrispettaw kulma hu xieraq u onest, u jmantnu mġiba sewwa meta jkunu fil-pubbliku, speċjalment quddiem l-infidili. 


Rum.12:18. jekk inhu possibbli. Is-sliem hu l-ideal tagħna, dejjem u kullimkien, iżda mhux dejjem se jseħħ, għax jiddependi wkoll mill-kondotta u l-atteġġjament ta’ ħaddieħor. 


Rum.12:19-21. Il-fidili m’għandhomx jaqgħu għat-tentazzjoni li jpattuha lil min jagħmlilhom id-deni. Negħlbu l-istint għall-vendetta meta nagħrfu u naġixxu fuq it-tagħrif illi Alla kapaċi, sikwit f’did-dinja, iżda żgurament u kompletament fil-ġudizzju finali, irodd lil kulħadd skont għemilu (Dt.32:35). Ir-rabja t’Alla hi l-għadab u l-avversità qaddisa tiegħu kontra d-dnub, bir-retribuzzjoni li eventwalment iġġib magħha (Riv.16:1; 19:15).

Alla juri sabar mal-midneb, u permezz tagħna sikwit għandu l-għan illi jurih grazzja (Prov.25:21-22). It-tpattija ta’ ħsara bil-ġid lill-għadu tkun qisek qed timborġa ġamar jaqbad fuq rasu, ċoè twasslu għall-konverżjoni jew almenu għal sens ta’ mistħija u ħtija hekk li l-imġiba ħażina tkun modifikata. 


Rum.13:1. awtoritajiet governattivi. Mhux biss gvern morali, kompetenti u raġunevoli, iżda kwalunkwe ħakma oħra. Il-qarrejja ta’ din l-ittra kienu suġġetti għall-imperatur Ruman, ħakma pagana, tirannika u abbużiva. 

m’hemm ebda awtorità ħlief mingħand Alla. Alla waħdu hu l-ħakkiem sovran fuq l-univers (Sal.62:11; 103:19). Bażikament waqqaf erba’ awtoritajiet: il-gvern fuq iċ-ċittadini, il-ġenituri fuq uliedhom; l-imgħallma fuq l-impjegati tagħhom; u l-presbiteri fuq il-fidili fil-knisja. 

stabiliti. L-awtorità tal-gvern ċivili ġejja mingħand Alla, istitwita u definita minnu, bil-għan illi t-tajjeb ikun premjat u l-ħażen imrażżan u kkastigat, f’dinja mwaqqa’. 


Rum.13:3. ħażina. Imqar l-agħar gvernijiet iservu ta’ deterrent kontra l-kriminalità.


Rum.13:4. is-sejf hu s-simbolu tal-mewt, referenza indiretta għall-piena kapitali. Il-prinċipju tat-tali kastig għal reati gravi, bħalma hu l-omiċidju, hu assunt (At.25:11), bħala prinċipju stabilit mill-qedem (Ġen.9:3-7). Il-gvern hu obbligat, fost dmirijiet oħra, illi jkun vendikatur ħalli jesegwixxi r-rabja. Dak li l-individwu m’għandux jagħmel minn motiv ta’ vendetta (Rum.12:19), l-istat hu obbligat jagħmel, leċitament, biex iwettaq ġustizzja. 


Rum.13:5. Imissna nkunu sottomessi għall-gvern ċivili sabiex nogħġbu lil Alla, mhux sempliċement għax nibżgħu mill-kastig jekk ma nobdux. 


Rum.6:6-7. L-evitar tat-taxxa mhuwiex fuq l-aġenda tal-Kristjan; ukoll, imissna nittrattaw il-politiċi u mexxejja ċivili b’rispett (At.23:1; 1 Pt.2:17). 


Rum.13:8. min iħobb lil ħaddieħor wettaq il-liġi. Aħna naħluqin suġġetti għal-liġi t’Alla. Din ma kinitx ħaġa iebsa, għaliex Alla ħalaq il-bniedem b’tali mod li l-ubbidjenza grata ġġiblu l-ogħla kuntentizza. Id-dmir u l-għaxqa kienu jkunu minsuġa flimkien, kif kienu fil-każ ta’ Ġesù (Ġw.4:34; cf., Sal.112:1; 119:14-16, 47-48, 97-113, 163-167). Il-qalb mgħassda fid-dnub tobgħod il-liġi divina, kemm għaliex hi liġi kif ukoll għax ġejja mingħand Alla. Dawk li jafu lil Kristu, madankollu, isibu li mhux biss iħobbu l-liġi u jridu jżommuha, kemm biex jogħġbu lil Alla u bi gratitudni għall-grazzja mogħtija lilhom (Rum.7:18-22; 12:1-2), imma wkoll li l-Ispirtu s-Santu jmexxihom lejn grad ta’ ubbidjenza li qatt ma jkunu laħqu qabel (Rum.7:6; 8:4-6; Ebr.10:16).

Il-liġi morali t’Alla (x’inhu tajjeb u ħażin) hi preżentata abbondantament fl-Iskrittura: fid-Dekalogu (l-Għaxar Kmandamenti), fi statuti oħra ta’ Mosè, fi prietki mill-profeti, fit-tagħlim ta’ Ġesù, u fl-epistoli inkorporati fil-Patt il-Ġdid. Il-liġi tirrifletti l-karattru qaddis t’Alla u l-għanijiet tiegħu għall-bnedmin. Alla jordna minna mġiba li togħġbu u jipprojbixxi kwalunkwe ħaġa li toffendih. 

Ġesù ġabar fil-qosor il-liġi morali fiż-żewġ kmandamenti l-kbar: ħobb ’l Alla b’qalbek kollha, u ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek (Mt.22:37-40). Jafferma li fuq dawn it-tnejn jiddependu l-istruzzjonijiet morali kollha tal-Patt il-Qadim. It-tagħlim morali ta’ Kristu u l-appostli tiegħu hi l-liġi l-qadima mfannda iżjed u applikata mill-ġdid għal ċirkostanzi ġodda – ħajja fis-saltna t’Alla, fejn jirrenja s-Salvatur, u fiż-żmien Pentekostali tal-Ispirtu, meta l-poplu t’Alla hu msejjaħ jgħix ħajja mqaddsa f’dinja ostili.

Il-liġi biblika fiha aspetti diversi. Il-liġijiet morali jikkmandaw l-imġiba ġusta li hi dejjem dmirna, kemm bħala individwi kif ukoll bħala soċjetà. Il-liġijiet politiċi tal-Patt il-Qadim applikaw prinċipji tal-liġi morali għas-sitwazzjoni nazzjonali ta’ Iżrael meta kienu teokrazija, in-nies t’Alla fuq l-art. Il-liġijiet dwar is-safa ċerimonjali, id-dieta u s-sagrifiċċji kienu preċetti temporanji bil-għan li jgħallmu. Dawn ġew ikkanċellati bil-Patt Ġdid li Alla kkonferma f’Ibnu, peress li t-tifsira simbolika tagħhom twettqet fih (Mt.15:20; Mk.7:15-19; At.10:9-16; Ebr.10:1-14; 13:9,10).

It-taħlit tal-liġijiet morali, ġudizzjali u ritwali fil-kotba Mosajki sar bl-iskop biex il-ħajja narawha u ngħixuha, mhux f’kompartimenti, imma bħala unità b’ħafna naħat. Sar ukoll biex l-awtorità t’Alla bħala leġislatur tagħti forza ugwali lill-kodiċi kollu. Madankollu, il-liġijiet kienu ta’ xorta differenti, b’għanijiet differenti. Il-liġijiet politiċi u ċerimonjali kienu ta’ applikazzjoni limitata, filwaqt li jidher ċar li l-affermazzjoni ta’ Ġesù Kristu rigward il-forza universali tal-liġi t’Alla hi mogħtija b’referenza għal-liġi morali bħala liġi morali (Mt.5:17-19; cf., Lq.16:16-17). 

Alla jirrekjiedi ubbidjenza totali minn kulħadd għall-implikazzjonijiet kollha tal-liġi tiegħu. Il-liġi hi spiritwali, u għaldaqstant tilħaq il-fehma, ir-rieda, l-affezzjonijiet, u l-qawwiet kollha tar-ruħ kif ukoll id-diskors, l-għemil u l-mossi. Fi kliem ieħor, ix-xewqat kif ukoll l-azzjonijiet iridu jkunu sewwa. Ġesù jikkundanna l-ipokritu li jipprova jaħbi t-taħsir ġewwieni b’wiri estern (Mt.15:7-8; 23:25-28). 

Iżjed minn hekk, fejn Alla jikkmanda dmir, ikun qed jiċħdilna d-dnub oppost, jiġifieri meta jikkmanda, “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok,” qed jgħid ukoll, “Tabbandunax, iżżeblaħx jew b’xi mod ieħor tiddiżonora lill-ġenituri.” Fejn imbagħad jipprojbixxi d-dnub, ikun qed jordnalna d-dover oppost. Eżempju: meta jgħid “Tigdibx,” qed jordnalek ukoll, “Għid dejjem il-verità.”


Rum.13:9-10. L-Għaxar Kmandamenti (Es.20:1-17) jibqgħu jeżerċitaw awtorità divina fuq il-knisja (Ef.6:2). Jispjegawlna l-implikazzjonijiet tal-kmand ġenerali biex inħobbu lil għajrna bħalma nħobbu lilna nfusna (Lev.19:18; Mk.12:31). 


Rum.13:11. L-irqad hawn hu l-apatija għall-ħwejjeġ tas-sema, u indifferenza inkwantu r-rabta tagħna m’Alla. 


Rum.13:11. eqreb. Hawnhekk, salvazzjoni fis-sens ta’ fidwa futura u finali (Rum.8:23), li sseħħ mal-miġja ta’ Kristu (Rum.8:23). Kull ġurnata li tgħaddi qed navviċinaw dan l-avveniment grandjuż. Ir-ritorn ta’ Sidna jimmotivana biex nitqaddsu għalih (Titu 2:11-13; 2 Pt.3:11-14).


Rum.13:11. s-salvazzjoni tagħna. It-tema ċentrali fl-evanġelju hi s-salvazzjoni. Il-Bxara t-Tajba tipproklama li bħalma Alla ħeles lil Iżrael mill-Eġittu u lis-salmista mill-mewt (Es.15:2; Sal.116:6), hekk ukoll jeħles mid-dnub u l-konsegwenzi tiegħu lil dawk kollha li jafdaw fi Kristu. Din is-salvazzjoni mid-dnub, mill-mewt u mill-infern hi kollha kemm hi x-xogħol t’Alla. “Għax bi grazzja intom salvati permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom; din hi l-għotja t’Alla” (Ef.2:8; cf., Ġob.2:9).

Bis-salvazzjoni tiegħu l-Mulej jillibera lill-fidil mill-għadab divin, mid-dominju tad-dnub, u mis-setgħa tal-mewt (Rum.1:18; 3:9; 5:21; 1 Tes.5:9). Alla jeħles lill-midinbin mill-qagħda naturali li fiha kienu maħkuma minn did-dinja ħażina, mill-ġibda fina għad-dnub, u mit-tirannija tax-xitan (Rum.8:7-8; 1 Ġw.5:19). Jeħles lil niesu mill-biżgħat imnissla minn ħajja midinba (Rum.8:15; 2 Tim.1:7; Ebr.2:14-15) u mill-vizzji li jgħarrqu lir-ruħ u l-ġisem fil-jasar (Ef.4:17-24; 1 Tes.4:3-8; Titu 2:11-3:6). 

Is-salvazzjoni ġġib mhux biss il-wegħda ta’ saħħa spiritwali u paċi, imma wkoll ta’ fejqan fiżiku (Mt.9:21-22; Ġak.5:15). Għalkemm l-Insara diġà rċevew is-salvazzjoni, huma jesperjenzaw il-benefiċċji tas-salvazzjoni fil-milja tagħhom biss meta Kristu jirritorna fl-aħħar taż-żmien (Ebr.9:28; 1 Pt.1:3-5). 

Is-salvazzjoni hi miksuba minn Kristu: b’dak li wettaq fl-istorja (mewtu u l-qawmien tiegħu) u b’dak li jkompli jagħmel fil-fidili tiegħu bl-Ispirtu s-Santu. Is-salvazzjoni tagħna hi msejsa fuq is-salib, u fuq il-ġustizzja li kiseb Ġesù għalina bl-ubbidjenza matul ħajtu kollha. Hi realizzata f’ħajjitna billi Kristu jgħix fina (Ġw.15:4; 17:26; Kol.1:27) u aħna ngħixu fih, magħquda miegħu f’mewtu u fil-ħajja tal-irxoxt tiegħu (Rum.6:3-10; Kol.2:12,20; 3:1). Din l-unjoni vitali, miżmuma bl-Ispirtu permezz tal-fidi u fformata fina meta jwellidna mill-ġdid, isseħħ biss għax konna predestinati għall-ħajja eterna mill-Missier (Ef.1:4-6; At.13:48). Ġesù nħatar minn qabel biex jirrappreżentana u jġorr dnubietna bħala s-sostitut, ċoè minflokna (1 Pt.1:18-20; cf., Mt.1:21). Intgħażilna biex inkunu msejħa effettivament, biex inkunu naqblu max-xbieha tal-Iben t’Alla, u nkunu glorifikati bis-setgħa tal-Ispirtu (Rum.8:11,29-30).


Rum.13:12. Il-lejl hu allużżjoni għad-depravità umana u d-dominju sataniku (cf., 1 Tes.5:4-5). Il-jum hu referenza figurattiva għar-ritorn ta’ Kristu u r-renju dejjiemi tiegħu (cf., 1 Tes.5:2-4). L-armi tad-dawl huma l-protezzjoni offruta meta wieħed jimxi ġustament, bi mħabba u ubbidjenza lejn Sidu (cf., Ef.6:11-17). 


Rum.13:13. nimxu: l-imġiba ġenerali ta’ wlied Alla hi mpenġija bħala mixja li togħġbu. Il-komportament estern juri li r-ruħ hi tabilħaqq mifdija u maħfura (cf., 6:4; 8:4). 


Rum.13:14. Flok ma qal, “Kunu mqaddsin totalment,” jeżorta, “ilbsu s-Sid.” Hu proċess spiritwali kontinwu. Il-fidili jinbidlu kulma jmur fix-xbieha tiegħu (cf., 2 Kor.3:18; Fil.3:13-14). 

tagħmlux ħsieb bil-quddiem, fis-sens illi m’għandniex nippjanaw biex inwettqu l-ħażen. Il-maġġor parti ta’ mġiba midinba tirriżulta minn ideat żmerċi u xewqat illeċiti li nħalluhom jgħammru fi mħuħna (cf., Ġak.1:14-15). 


Rum.14:1-15. Inkwantu d-dgħajjef fil-fidi, aċċettawh. Id-diversità fi kwalunkwe knisja lokali tesibixxi l-qawwa ta’ Kristu illi jressaq nies differenti f’unità ġenwina. Frattant Satana jipprova dejjem jiżra’ l-firda u d-disgwid, speċjalment billi jkeskes fidili debboli (li għadhom ma jifhmux sewwa l-verità biblika dwar il-libertà tagħhom) kontra fidili maturi (li għandhom dixxerniment tajjeb), u viċe versa. 

Allura l-attitudni bażika tal-Kristjan lejn ħuh fil-fidi għandha tkun waħda ta’ akkoljenza u merħba bbażata fuq l-atteġġjament t’Alla lejna fi Kristu (Rum.14:3; 15:7). Għandna nuru sensittività lejn il-fidil debboli li l-kuxjenza tiegħu għadha mxekkla bi skrupli li minnhom l-evanġelju normalment jilliberana. 

imma mhux biex tgħaddu ġudizzju fuq affarijiet disputabbli. F’dan il-każ, kwistjonijiet ta’ ikel, xorb u l-osservanza reliġjuża ta’ xi jiem. B’tagħlim korrett dawn id-differenzi bejn l-aħwa jistgħu jitwittew, iżda frattant l-unità tal-knisja u x-xirka tal-aħwa għandhom ikunu mħarsa (cf., Rum.12:5,10,16). It-tali kwistjonijiet mhumiex essenzjali għall-evanġelju, iżda jappartienu għas-saħħa jew debbolizza relattiva tal-fidi tal-individwu fl-evanġelju. Meta l-evanġelju kien ipperikolat, Pawlu dejjem wera fermezza u ma kienx lest jikkompromettih (Gal.1:6-7; 3:1-8; Fil.3:2,18-19). 


Rum.14:2-3. jiekol biss il-ħxejjex. Din abbli kienet kustjoni għal-Lhud Insara li baqgħu jistmaw lilhom infushom marbuta mal-liġijiet ta’ dieta kif għaddihomlhom Mosè. Hu x’inhu, irridu nissaportu u nilqgħu awtentikament lill-aħwa li huma skruplużi bla bżonn, u mill-banda l-oħra nagħrfu wkoll illi regoli vvintati mill-bnedmin m’għandhom qatt ikunu imposti fuq il-ġemgħa tal-fidili. 


Rum.14:4. M’għandna ebda jedd nieħdu post Kristu bħallikieku ħuna hu kontabbli għalina, fl-aħħar mill-aħħar. Jekk il-kuxjenza tiegħu qed tinformah mod, differenti mill-pożizzjoni tagħna, ma jfissirx li ma jistax ikun fis-servizz tas-Sid komuni tagħna. Kristu kapaċi jsostnih fil-mixja tiegħu. 


Rum.14:5-6. Eżempju ieħor hu rigward l-istima ta’ jiem qaddisa, probabbilment il-ġranet ċerimonjali tal-patt il-qadim, darba maħtura minn Alla u issa kkanċellati fi Kristu (Gal.4:10; Kol.2:16-17). Is-Sibt innifsu hu ordinanza tal-ħolqien (Ġen.2:1-3), u allura għandu forza morali li tibqa’ (Es.20:11), bid-differenza biss illi l-jum inqaleb għall-Ħadd, jum is-Sid (Riv.1:10). Ċertament Pawlu m’għandux f’moħħu illi l-Ħadd jista’ jitqies bħall-bqija tal-jiem tal-ġimgħa, altrimenti jkun qed jgħid l-istess ħaġa dwar l-ikel (Rum.14:14-23), bl-implikazzjoni illi l-Kristjani m’għandhom ebda obbligu josservaw użu sagru tal-ikel, bħal fiċ-Ċena tas-Sid. 


Rum.14:5. konvint kompletament fil-moħħ personali tiegħu. Kull Kristjan messu jkun sinċerament perswadut skont kif tiddettalu l-kuxjenza, inkwantu ħwejjeġ li dwarhom l-Iskrittura ma titkellimx direttament. Tinjorax il-kuxjenza: hi l-mekkaniżmu fik li jwissi, u jirrispondi għall-ogħla standard ta’ liġi morali f’moħħok (2:14-15). Int u tikber fl-għarfien tal-Iskrittura tkun aktar kapaċi tieħu deċiżjonijiet sani u korretti.


Rum.14:6. għas-Sid. Sew jekk wieħed jasteni jew jiekol, jirringrazzja lill-Mulej, u allura l-motiv hu l-istess: irid jogħġob lill-Imgħallem tiegħu. 


Rum.14:7. għalih innifsu. Il-konċentrazzjoni ta’ kull kondotta Kristjana hi sabiex nogħġbu lil Mulejna; il-fok, sew jekk ngħixu jew immut, qatt mhu fuqna nfusna (cf., 1 Kor.6:20; 10:31). 


Rum.14:9. Kristu miet mhux biss biex jilliberana mid-dnub u l-kundanna tal-infern, iżda wkoll biex jikkostitwina servi tiegħu (Rum.6:22). Irid ikun is-Sid sovran fuq il-qaddisin tiegħu, kemm fis-sema kif ukoll fuq l-art (cf., 1 Tim.6:15; Riv.17:14; 19:16). 


Rum.14:10. it-tribunal t’Alla. Kull fidil għad jagħti kont tiegħu nnifsu quddiem il-Ħallieq, imqar fuq deċiżjonijiet ta’ kuxjenza. Il-verdett tas-sema hu l-uniku wieħed li tabilħaqq jgħodd (1 Kor.4:1-5). 


Rum.14:13. iddeterminaw. Flok ma ngħaddu ġudizzju negattiv fuq ħaddieħor, bla sensittivà u bla mħabba, imissna nużaw l-aħjar ġudizzju, jew evalwazzjoni, tagħna sabiex ngħinu lil ħutna. 


Rum.14:14-15. Ebda ikel mhu fih innifsu essenzjalment midneb (At.10:15; 1 Tim.4:4). Fl-istess ħin hu ħażin tisforza lin-nies jaġixxu kontra l-kuxjenza tagħhom, imqar jekk il-fehma tagħhom hi żbaljata. 


Rum.14:15. Teqridx bl-ikel tiegħek lil dak li għalih miet Kristu. Teqred tfisser taqta’ ’l barra mill-komunità tal-patt (Dt.28:21,45,48,51,61). Meta tinkuraġġixxi mġiba projbita minn kuxjenza dgħajfa tkun qed tagħmel il-qalb lil dak l-individwu biex jaġixxi kontra l-kuxjenza tiegħu stess, att serju u perikoluż. 


Rum.14:16-18. riferut bħala ħażin. Meta l-infidili jinnotaw Kristjan iweġġa’ lil ħuh bi mġiba insensittiva, jikkonkludu li l-knisja hi komposta min-nies bla mħabba, u allura dan jirrifletti ħażin fuq ir-reputazzjoni t’Alla (cf., 2:24). Il-qawwijin fil-fidi huma eżortati biex jiżnu l-importanza illi jeżerċitaw il-libertà tagħhom mingħajr ma joħolqu firda jew iġibu għajb fil-knisja. Apparti minn hekk, saltnet Alla, u allura l-libertà tagħna, mhijiex kwistjoni ta’ affarijiet għaddiena u mondani, iżda t-tgawdija ta’ barkiet kotrana skont il-grazzja divina (Rum.5:1-2). Ladarba l-libertà ma tikkonsistx fit-tali ħwejjeġ ta’ ikel u xorb, ma tistax tintilef billi nastenu minnhom sforz imħabbitna lejn ħutna aktar debboli minna. 


Rum.14:17. saltnet Alla hi l-isfera tas-salvazzjoni. Dawk fiha huma maħkuma u gvernati mill-Mulej f’qalbhom u mġibithom.

ikel u xorb, ċoè ħwejjeġ mhux essenzjali għar-ruħ, kif ukoll osservanzi esterni. 

ġustizzja: għejxien qaddis fi qbil mal-liġi ġusta t’Alla (Ef.6:14; Fil.1:11). 

Is-sliem hu t-trankwillità u benesseri prodotti mill-Ispirtu fil-qalb umana. Ir-relazzjonijiet tal-aħwa ma’ xulxin u m’Alla għandhom ikunu mmarkati b’din il-paċi. 

ferħ fl-Ispirtu s-Santu: atteġġjament ta’ tifħir u radd il-ħajr minkejja ċirkostanzi avversivi, għax għandna konfidenza fis-sovranità t’Alla (cf., 1 Tes.1:6). 


Rum.14:20-21. ix-xogħol t’Alla hawn hu l-persuna mifdija u maħfura minn Alla Trinità (Ef.2:10). 

jikkawża tfixkil għall-oħrajn. Avolja l-ħaġa tista’ tkun tajba fiha nfisha, jekk nużaw il-libertajiet tagħna bl-addoċċ, egoistikament u bla ma nikkalkolaw lill-aħwa l-oħra, ikunu qed noffenduhom, u flok ma javvanzaw fil-fidi jaqgħu lura. 


Rum.14:22-23. Il-fidi li għandek int, żommha bħala konvinzjoni personali quddiem Alla. Il-fidi hawn tirreferi għall-konvinzjonijiet personali dwar dettalji. Kull fidil imissu jifhem il-parametri tal-libertà tiegħu u jgawdiha mingħajr ma joffendi lil sħabu. M’għandux jimponiha fuq ħaddieħor, anzi jrid jifhem illi hu liberu wkoll jirrestinġi l-libertà tiegħu sabiex b’hekk ikun qed jaġixxi bl-imħabba. B’dal-mod imantni kuxjenza tajba f’kulma jagħmel, għax ma jkunx qed ikisser lil ħuh. 


Rum.15:1-2. ħalli jedifikah, jew jibnih u jsaħħu. B’sens ta’ sagrifiċċju tagħna nfusna, irridu dejjem nikkonsidraw il-qagħda spiritwali ta’ ħaddieħor, u mhux naġixxi f’iżolazzjoni (1 Kor.10:23-24; Fil.2:2-5).


Rum.15:4. ħwejjeġ miktubin fl-imgħoddi huma d-dokumenti tal-Patt il-Qadim, li writtna mingħand Iżrael, għax il-Kelma t’Alla tibqa’ rilevanti u l-liġi morali tiegħu ma tinbidilx. Mill-Iskrittura kollha nistgħu niksbu benefiċċji spiritwali (1 Kor.10:6,10-11; 2 Pt.1:20-21). 

Mingħajr il-wegħdi ċerti u ċari inkorporati fil-Bibbja, il-fidili m’għandhom ebda pedament ta’ tama sikura (cf., Sal.119:81,114; Ġer.14:8). 


Rum.15:6. L-unità fil-fidi u mħabba matura jwasslu għall-għaqda fil-qima, minkejja d-differenzi etniċi u kulturali li jistgħu jiddividu l-knisja. 


Rum.15:7. Kristu laqagħna bħala midinbin għas-sebħ ta’ Missieru, li juri grazzja (Lq.15:2); allura jmissna b’qalb ġeneruża u miftuħa nagħtu merħba sinċiera lill-fidili imperfetti. 


Rum.15:8. Kristu ġie fostna bħala serv taċ-ċirkonċiżjoni, ċoè qaddej għal-Lhud. Immanjifika l-fedeltà u l-veraċità t’Alla billi niżel mis-sema skont il-wegħdi pattwali t’Alla. Il-barkiet imwiegħda kollha tal-patt, magħmul ma’ Abraħam, jaslu permezz tan-nisel imwiegħed, Ġesù (Gal.3:16). 


Rum.15:9-12. bħalma hu miktub. Il-pjan t’Alla minn dejjem kien illi jġib il-Lhud u l-Ġentili f’saltnatu. Pawlu jikkwota mil-Patt il-Qadim bħala prova ta’ dan, ħalli jseddaq l-unità tal-knisja f’Ruma u jgħinhom ineħħu l-preġudizzji kontra xulxin. Iridhom jesibixxu armonija bejniethom, minkejja l-isfond u l-kultura differenti tagħhom (15:5). 


Rum.15:12. l-għerq ta’ Ġessi hu d-dixxendent minn Ġessi u ibnu David (1 Sam.17:12; Mt.1:5-6; Lq.3:31), ċoè, Ġesù l-Messija.


Rum.15:13. It-tama Kristjana mhijiex sempliċi speranza intellettwali iżda realtà sperimentali fil-qalb, prodotta mill-Ispirtu s-Santu, permezz tal-fidi eżerċitata fil-wegħdi divini. Hi relatata vitalment mal-ferħ u s-sliem. 


Rum.15:16. inservi saċerdotalment fl-evanġelju t’Alla. Pawlu jara l-ippritkar tal-vanġelu bħala mezz li bih il-Ġentili huma miġjuba quddiem Alla bħala sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr (Rum.12:1). 


Rum.15:17. fi Kristu Ġesù għandi raġun niftaħar. Pawlu ma tkabbarx bil-kisbiet personali, iżda biss xi rnexxielu jwettaq bih Sidu stess (1 Kor.1:27-29,31; 2 Kor.10:13-17; 12:5,9). 


Rum.15:19. bis-setgħa ta’ sinjali mirakolużi u għeġubijiet hi frażi b’għeruqha fl-awtentikazzjoni tal-ministeru ta’ Mosè fi żmien l-Esodu. Alla perjodikament ta t-tali mirakli fi stadji kritiċi tal-istorja ridentiva, bħalma ġara fl-Esodu (Es.7:3; Dt.4:34; 6:22; 7:19), il-ministeri profetiċi ta’ Elija u Eliżew, u l-ministeru ta’ Kristu u l-appostli. Dawn l-avvenimenti stupendi huma barra min-norma, u jiddistingwu dawk iż-żminijiet bħala stadji suċċessivi tal-ġrajja tal-fidwa, u l-għoti ta’ rivelazzjoni ġdida li akkumpanjathom. 


Rum.15:19. L-Illirja kienet provinċja Rumana, illum magħrufa bħala l-Albanija u pajjiżi li darba kienu parti mill-Jugoslavja. Titu, kollaboratur ta’ Pawlu, mar id-Dalmazja (2 Tim.4:10), il-parti tan-Nofsinhar. Ma nafux Pawlu evanġelizzax l-Illirja personalment; aktar probabbli, qed jgħid li permezz tiegħu, l-evanġelju eventwalment laħaq imqar dawk l-inħawi. 


Rum.15:21. bħalma hu miktub. L-ippritkar tal-vanġelu lill-ġnus iwettaq il-profezija tas-Serv tas-Sid (Isa.52:15). 


Rum.15:24. M’aħniex ċerti Pawlu rnexxilux iżur Spanja u jipprietka hemm, kif kienet l-ambizzjoni tiegħu. 


Rum.15:26. il-Maċedonja u l-Akaja huma reġjuni kbar fejn illum hemm il-Ġreċja. Pawlu stinka f’dawn l-inħawi tul il-vjaġġi missjonarji tiegħu. 


Rum.15:31. aċċettabbli. Pawlu xtaq illi l-Kristjani Lhud jirċievu l-kontribuzzjoni finanzjarja mingħand knejjes Ġentili bi gratitudni u rieda tajba, u jistmawha bħala ġest ta’ ġenerożità u mħabba fraterna. 


Rum.16:1. serva ġejja mill-istess kelma għal djaknu (1 Tim.3:10-12). Mhuwiex magħruf fiċ-ċert kinitx kariga uffiċjali. It-tali nisa kienu jindokraw il-morda, il-foqra, l-istranġieri u l-ħabsin. 


Rum.16:1. Kenkre: belt b’port viċin Korintu, fejn Pawlu kiteb din l-ittra.


Rum.16:5. L-Asja hawn hu reġjun vast, illum imsejjaħ it-Turkija. Epajnetu kien l-ewwel konvertit minn dat-territorju. 


Rum.16:7. eċċezzjonali: fis-sens illi dawn it-tnejn, probabbilment koppja miżżewġa, kienu magħrufa sew mal-appostli, u apprezzati minnhom.


Rum.16:13. Rufu hu possibbilment l-istess persuna msemmija f’Marku 15:21. Jekk hu hekk, is-salvazzjoni tiegħu hi traċċjata mhux għax kien fiżikament qrib Kristu fuq l-art, iżda minħabba l-għażla sovrana t’Alla. 

omm tiegħu u tiegħi. Ma kinitx omm Pawlu bijoloġikament, iżda abbli f’xi żmien servietu u ħadet ħsiebu waqt il-vjaġġi tiegħu (cf., Mt.19:29). 


Rum.16:16. bewsa qaddisa. Il-bewsa hi sinjal komuni ta’ tislim fil-Lvant. L-aħwa huma inkuraġġiti biex iqaddsu t-tislim tagħhom bħala simbolu ta’ xirka bejniethom, bla ipokrisija (2 Sam.20:9-10; Prov.27:6; Lq.22:48). 


Rum.16:17. L-għalliema foloz, li joħolqu firdiet bid-dottrina vvintata tagħhom, għandhom ikunu mmarkati. Jista’ saħansitra jkollhom kariga fil-knisja; irridu xorta waħda nirreżistuhom, u dejjem napplikaw id-distinzjoni bejn l-errur u l-verità. 


Rum.16:20. It-trijonf ta’ Kristu fuq Satana (Ġen.3:15) hu applikat lill-mifdija bħala werrieta ma’ Sidhom u għalhekk huma aktar minn konkwistaturi permezz tiegħu. 


Rum.16:22. Terzju serva bħala segretarju ta’ Pawlu meta ddetta din l-epistola.


Rum.16:25-27. Il-vanġelu jibda fl-eternità, fil-ħsieb u l-għan divin. Jibqa’ mhux magħruf jekk ma jkunx rivelat; misterju hu verità, darba mhix magħrufa iżda issa mikxufa. L-Iskritturi tal-Patt il-Qadim tkellmu minn qabel dwar l-evanġelju, iżda kien fi żmien il-knisja appostolika illi t-twettiq tagħhom fi Kristu sar magħruf, bit-tħabbir tiegħu fost il-ġnus. Kull fejn jixxandar il-vanġelu jiddomanda l-ubbidjenza li tirriżulta mill-fidi.