L-Ewwel Epistola lill-Korintin



1 Kor.1:2. Korintu kienet il-kapitali ta’ provinċja msejħa l-Akaja. Il-belt li żar Pawlu kienet imsejsa minn Ġulju Ċesri madwar seklu wara l-waqgħa ta’ Korintu qabilha fl-istess lokalità. Sitwata fuq istmu dejjaq bejn l-Eġew u l-Adrijatiku, Korintu kienet belt port, ċentru kbir ta’ traffiku kummerċjali fuq ir-rotta minn Ruma għal-Lvant. Kienet għanja u estremament immorali, notorja għal kull vizzju u oxxenità. 

Il-belt kienet tiftaħar b’teatru għall-apert jakkomoda għoxrin elf ruħ; kienet torganizza l-logħob atletiku jikkompeti fil-popolarità mal-Logħob Olimpiku. Kellha popolazzjoni Griega, Rumana u Orjentali, u tempju impressjonanti ta’ Afrodite b’elf prostituta mpjegati fih. 


1 Kor.1:2. L-imqaddsin huma l-mifdija kollha li Alla warrabhom għalih innifsu fi Kristu Ibnu (Gal.1:6; Ef.4:1,4). 


1 Kor.1:5. stagħnejtu fih. Minn did-dinja stess il-fidili mhuma mċaħħda minn xejn li hu ta’ ġid spiritwali għalih; fi Kristu għandhom kulma jeħtieġu (1 Kor.3:21; Ef.1:3; 2 Pt.1:3). 


1 Kor.1:6. konfermata fikom: mill-mument tas-salvazzjoni, meta l-vanġelu emmnuh u għożżewh f’qalbhom. 


1 Kor.1:7. r-rivelazzjoni ta’ Sidna sseħħ meta jirritorna f’did-dinja bi glorja, maestà u splendur indeskrivibbli (Riv.17:14). Mal-avvent tiegħu niesu jkunu kkonfermati bħala prattikament qaddisa, bla ħtija u kwalifikati biex jgħammru miegħu fl-hena tas-sema (Ef.5:25-27). 


1 Kor.1:8. jum Sidna hu l-aħħar jum, l-avveniment futur meta s-Salvatur jiġbor il-poplu tiegħu għalih innifsu f’miġjietu.


1 Kor.1:9. msejħin. Hi s-sejħa effettiva t’Alla li biha jqiegħed lill-maħturin tiegħu fi stat ta’ salvazzjoni, u allura kapaċi wkoll iżomm lil uliedu kollha fi stat ta’ grazzja.


1 Kor.1:13. Il-Kristu safa diviż? Il-fidili kollha huma uniti ma’ Sidhom (1 Kor.1:2). Meta knisja tinqasam f’partiti tkun qed tikkontradixxi n-natura tagħha bħala ġisem wieħed b’ħafna membri. Pawlu jistaqsi mistoqsijiet bi tweġiba ovvja: le! Huwa assurd meta nħallu spirtu egoistiku jiddetta fil-knisja: bl-imħabba, l-unità fil-ħsieb u l-għemil huma possibbli. 


1 Kor.1:17. Kristu ma bagħatnix ngħammed. Naturalment Pawlu mhux qed jopponi l-magħmudija (Mt.28:19), iżda lanqas ma jemmen li hi kondizzjoni għas-salvazzjoni (ara nota fl-Atti 2:38). Hu nnifsu tgħammed bl-ilma (At.9:18; 22:16), u għallem din l-ordinanza (Rum.6:3-4; Kol.2:12). Imqar fl-1 Korintin 1:14-16 isemmi illi għammed xi nies. Filwaqt li qies il-magħmudija bħala marbuta mas-salvazzjoni u parti mill-vanġelu, ma kinitx komponent essenzjali u assolutament indispensabbli. 

diskors t’għerf uman. Il-knisja f’Korintu kellha stima esaġerata għall-wirjiet rettoriċi. Il-Kristjan, bħal Pawlu, għandu jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq l-għerf veru (1 Kor.1:18-2:16; 3:18-23). Is-setgħa fl-ippritkar tal-vanġelu ma jiddependix fuq it-tali ħiliet jew fuq tattiċi umani biex il-mitlufa jkunu influwenzati u mirbuħa, iżda jiddependi fuq l-operazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. 


1 Kor.1:18. Għax il-kelma tas-salib hi bluha għal dawk li qed jintilfu, imma għalina li qed isalvaw hi s-setgħa t’Alla. Hemm żewġ tipi ta’ reazzjonijiet għall-evanġelju; dawn jirriżultaw mill-għan divin tal-għażla u r-reprobazzjoni (Isa.6:9-10; Lq.2:34; Rum.9:10-12; 2 Kor.2:15-16). Alla mhuwiex responsabbli għat-telfien tal-ħżiena, għax il-ħżiena ma jridux lil Alla; jintilfu minħabba dnubhom stess u n-nuqqas ta’ ndiema tagħhom. Dawk li jemmnu u huma salvati, però, huma l-imsejħin t’Alla (1 Kor.1:24; Rum.9:16). 


1 Kor.1:20. Hemm oppożizzjoni bażika bejn daż-żmien preżenti (Gal.1:4), jew did-dinja ta’ bħalissa, karatterizzata minn għadwa kontra Alla, u ż-żmien li ġej, li diġà żernaq għal dawk li rċevew l-Ispirtu (1 Kor.10:11; Gal.5:16-17; Ef.1:13-14; 2:6; Fil.3:20). 


1 Kor.1:21. jemmnu permezz tal-bluha tal-predikazzjoni. Hawnhekk Pawlu qed ikun ironiku. L-għorrief skont l-istandard mondan jaħsbu li l-evanġelju hu stupidaġni. Frattant Alla kapaċi jinqeda bis-sempliċità tal-vanġelu biex jagħti prova illi l-bluha reali tappartieni għal dawk li jopponuh (1 Kor.1:25,27). L-arroganza tal-filosofija u kwalunkwe għerf uman jagħmi lill-infidili għall-verità (cf., Mt.11:25-26). 


1 Kor.l:22. Il-Lhud miskredenti baqgħu jiddomandaw is-sinjali, jew mirakli (Mt.12:38-44), u frattant warrbu l-ikbar għemil t’Alla, filli provda salvazzjoni b’Messija mwieled minn verġni.

Il-Griegi kienu ffissati fuq l-għerf, jew il-filosofija, bħala suġġett għal dibattitu u diskussjoni bla tmiem. 


1 Kor.1:24. Alla jsejjaħ Lhud u Griegi, jew Ġentili; bl-istedina tiegħu effettivament ineħħi l-għama sabiex jaraw illi l-messaġġ tas-salib hu setgħan u għaref (2 Kor.4:4-6). 


1 Kor.1:26. ikkonsidraw is-sejħa tagħkom. Min-natura tagħha stess, is-salvazzjoni ma tiddependix fuq il-valuri, gradi jew distinzjonijiet umani. Ħadd mhu magħżul minn Alla minħabba l-kwalitajiet tajba tiegħu. Aktarx, Alla juri ħniena ma’ dawk kollha li jagħrfu l-povertà spiritwali tagħhom u jduru lejh bl-indiema, fiduċjużi li fi Kristu u minħabba mewtu u l-qawmien tiegħu jingħataw merħba, maħfra u ħajja eterna (Mk.2:17; Ġw.9:39-41). 


1 Kor.1:30. Ġesù, li sar għalina għerf mingħand Alla, u ġustizzja u qdusija u fidwa. Bl-inizjattiva grazzjuża u bid-deċiżjoni sovrana tal-Missier, il-midinbin huma magħquda ma’ Kristu bis-sejħa li jirċievu mis-sema (1 Kor.2:24). Hekk igawdu mill-barkiet tiegħu. Bla tlaqliq Pawlu jiddikjara li, b’kuntrast ma’ kif taħsibha d-dinja, Kristu hu l-għerf tagħna. Fl-Iskrittura l-għerf hu abbiltà u sengħa sabiex inkunu kapaċi ngħixu sewwa quddiem Alla. Kristu hu kulma neħtieġu biex nidhru quddiem Alla bħala ġusti (ġustizzja), biex nitqaddsu f’din il-ħajja (qdusija) u biex naraw salvazzjoni sħiħa fl-aħħar jum (fidwa). 


1 Kor.2:3-5. Pawlu wasal Korintu wara swat u priġunerija f’Filippi, flimkien ma’ persekuzzjoni oħra. Fiżikament kien mudell ta’ dgħufija u tregħid, iżda spiritwalment kien setgħan. Ħa nqediex b’mutetti u tekniċi biex jimmanipula lin-nies, iżda fada fil-qawwa tal-vanġelu. 


1 Kor.2:6-7. nitkellmu l-għerf: qed jirreferi għas-sapjenza divina, il-messaġġ tas-salib, li bih il-midinbin isiru qaddisin. Pawlu mhux qed jirreferi għal xi għerf inaċċessibbli jew misterjuż li jilħquh biss xi Kristjani speċjali. L-għana tal-vanġelu, għalkemm pjuttost mistur tul il-Patt il-Qadim, issa hu żvelat mill-Ispirtu (1 Kor.2:10). Il-messaġġ distintiv ta’ Pawlu lill-Ġentili hu misterju (Ef.3:2-6). Hi verità li qabel ma kinitx magħrufa iżda issa hi rrivelata (Ef.3:5). Kienet relattivament sigrieta mindu bdiet id-dinja (Rum.16:25). Issa hi manifestata fiċ-ċar lil dawk li għandhom l-Ispirtu, li jgħixu fi tmiem iż-żminijiet (1 Kor.10:11). 


1 Kor.2:9-11. Il-vanġelu ma jisitax ikun apprezzat u milqugħ mill-bnedmin appart il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, li jillumina l-qalb. 


1 Kor.2:13. ninterpretaw veritajiet spiritwali lil nies spiritwali. Frażi li tista’ tiġi tradotta diversi modi. Il-kuntest jissuġġerixxi illi Pawlu qed jitkellem skont it-tagħlim mgħoddi mill-Ispirtu; qed jesprimi ideat spiritwali bi kliem spiritwali. 


1 Kor.2:14. Il-bniedem naturali hu l-persuna mhux konvertita, bla ħajja u għerf spiritwali. 


1 Kor.2:15. hu nnifsu mhu ġġudikat minn ħadd. L-infidili kapaċi jippontaw lejn id-difetti ta’ wlied Alla, iżda mhumiex kompetenti biex jevalwaw in-natura veru tagħhom bħala individwi spiritwali, trasformati f’ulied Alla (cf., 1 Ġw.3:2). 


1 Kor.2:16. aħna għandna l-moħħ ta’ Kristu. Il-fidili, bl-użu tal-Kelma u l-illuminazzjoni tal-Ispirtu, ingħatalhom illi jkunu jafu l-ħsibijiet ta’ Sidhom (cf., Lq.24:45). 


1 Kor.3:1. Min hu karnali jingħaraf għax hu dominat min-natura midinba. Sarx (litteralment, laħam) hi l-kelma prinċipali li Pawlu juża biex jiddeskrivi ż-żmien preżenti u ħażin, u l-qagħda tal-bniedem bħala midneb mitluf. Ladarba l-Korintin irċevew l-Ispirtu s-Santu, kienu spiritwali fis-sens l-iżjed fondamentali, iżda mġibithom kienet tant inkonsistenti ma’ dil-verità illi Pawlu kellu jittratta magħhom bħala nies li kellhom fehma spiritwali dgħajfa wisq. 


1 Kor.3:2. ħalib: il-veritajiet aktar faċilment diġeribbli mogħtija lill-fidili ġodda. 

ikel solidu: id-dottrina tal-Bibbja bl-implikazzjonijiet profondi tagħhom. Id-differenza bejn ħalib u ikel tinsab fil-grad ta’ fond. L-immaturità spiritwali tfixklek milli tirċievi l-veritajiet l-aktar rikki. 


1 Kor.3:4. Jien ta’ Pawlu. Partiti, piki, dissens u għira huma biss il-prodott ta’ mentalità karnali. 


1 Kor.3:6. Pawlu jinqeda b’tixbiha agrikola biex juri kemm hu bla sens niżviluppaw fazzjonijiet minħabba s-servi u l-predikaturi t’Alla. Kull suċċess fil-ministeru hu l-għemil t’Alla; ħa jirċievi l-glorja hu, u mhux il-bniedem. 


1 Kor.3:10-15. Kull ministeru Kristjan għad ikun evalwat. Xi wħud ipprovaw jibnu l-binja t’Alla f’Korintu, iżda kienu qed jiddependu fuq l-għerf uman, u allura nqdew b’materjal li jispiċċa – injam, ħuxlief, tiben. Dat-tip ta’ qadi ma jissopravivix il-ġudizzju t’Alla, għalkemm il-bennejja nfushom jeħilsuha bi żbrixx: hu nnifsu se jkun salvat, imma hekk bħallikieku minn ġon-nar.

Il-Knisja Kattolika Rumana tagħfas fuq dal-pass bħala referenza għall-purgatorju. Dan impossibbli għax:

1. Pawlu, li kien jemmen fil-maħfra sħiħa tad-dnubiet appena wieħed jafda fi Kristu għall-ġustifikazzjoni tiegħu, żgurament mhux qed jalludi għal xi purgatorju hawnhekk! In-nar li jiżvela u jittestja x-xogħol, il-ħidma jew servizz, tal-bnedmin ċertament mhuwiex in-nar litteru li skont Ruma jnaddaf l-erwieħ mid-dnubiet venjali. 

2. Jingħad ukoll li xi nies isalvaw bħallikieku minn ġon-nar, totalment differenti milli kieku tgħid, “min-nar.” 

3. Finalment, ir-referenza prinċipali f’dal-pass mhuwiex għall-istat intermedju iżda dwar x’jiġri f’dak “il-jum,” ċoè, jum il-ġudizzju fl-aħħar tad-dinja meta, kif diġà indikajna, il-purgatorju jkun sar ħaġa tal-passat.

Il-Kardinal Gibbons isejjaħ il-purgatorju bħala “dottrina għażiża, u tikkonsla l-qalb umana,” mentri Chiniquy, il-qassis Kattoliku li kkonverta għall-fidi Evanġelika, kiteb, “Kemm se ddum tippermetti, Mulej, lil dak l-għadu tal-evanġelju, il-Knisja ta’ Ruma, biex tħaxxen lilha nfisha fuq id-dmugħ tal-armla u tal-orfni permezz tal-invenzjoni kattiva u irriverenti tal-paganiżmu msejħa purgatorju?” (Fifty Years in the Church of Rome, p. 48). Fehmiet kuntrastanti tassew! – u minn persuni li t-tnejn jikklejmjaw li jemmnu fl-Iskrittura. 

Sta għall-Knisja Kattolika illi tagħti prova tad-dottrina tagħha. Dan tagħmlu prinċipalment billi tisħaq fuq pass minn ktieb apokrifu (2 Makkabin 12:43-45) li la mil-Lhud u lanqas mill-Evanġeliċi qatt ma nżamm bħala parti mill-qanun tal-Bibbja, u allura m’għandux awtorità biex jirregola l-fidi tagħna. 

Imma lanqas hawn ma nilmħu l-iċken idea ta’ tisfija fid-dinja l-oħra, għax il-pass jitkellem biss dwar talb għal suldati li mietu fid-dnub mejjet tal-idolatrija, li għalih, skont il-Knisja Kattolika, ma ssirx tisfija bil-purgatorju, iżda ħaqqu kastig etern.


1 Kor.3:13. il-jum hu ż-żmien ta’ ġudizzju, meta nagħtu kont ta’ ħajjitna (2 Kor.5:10). 


1 Kor.3:16-17. Jekk xi ħadd jiddistruġġi t-tempju t’Alla, Alla għad jiddistruġġih. Pawlu jalludi għall-possibbiltà illi xi wħud mill-bennejja f’Korintu mhux biss qed jużaw materjal li jintemm, iżda b’mod attiv qed jeqirdu xogħol Alla. Dawn ma jeħilsuhiex fil-ġudizzju finali. 


1 Kor.3:19. Alla hu dak li jaqbad l-għorrief fl-astuzja tagħhom. Pawlu jikkwota lil Elifaż mill-Ktieb ta’ Ġobb (5:13) biex jafferma l-punt tiegħu, frattant Alla jgħid li kien irrabjat għalli qal Elifaż u sħabu (Ġob.42:7). Kif jista’ jkun? Is-soluzzjoni mhix diffiċli: Alla ma jgħidx illi kulma qalu t-tlett iħbieb ta’ Ġobb kien żbaljat, imma biss meta akkużaw lil Ġobb illi bilfors hu midneb ladarba ġrawlu dawk id-disgrazzji kollha. 


1 Kor.3:21. kollox hu tagħkom. Il-mifdija kollha jixxerjaw fil-provdimenti imprezzabbli t’Alla, maqlugħa għalihom minn Kristu, u allura kull ftaħir hu barra minn loku. 


1 Kor.4:3. lanqas lili nnifsi ma niġġudika. Il-kuxjenza ta’ Pawlu hi irreprensibbli (1 Kor.4:5), frattant hu Alla waħdu li jiddetermina jekk wieħed kienx fidil lejh inkella le. 


1 Kor.4:5. tiġġudikaw xejn qabel iż-żmien. Mhuwiex kmand assolut (1 Kor.5:2; 6:2), iżda referenza għall-kritika żbaljata kontra Pawlu. 


1 Kor.4:8-13. Pawlu jagħmel użu minn ironija qawwija biex juri lill-Korintin kemm huma trivjali l-interessi u l-ambizzjonijiet tagħhom, u kemm hi żmerċa l-kritika kontrih. Is-sofferenzi tiegħu jxebbahhom mal-umiljazzjoni pubblika ta’ nies ikkundannati għall-mewt (2 Kor.11:23-30). Fl-estrem l-ieħor, xi Korintin jaħsbu dwarhom infushom bħala suċċessuni notevoli, imma jaġixxu hekk għax ma jifhmux xi tfisser inkunu boloh minħabba Kristu. 


1 Kor.4:16. siru imitaturi tiegħi. Mexxejja spiritwali jmisshom ikunu mudelli u eżempji ta’ karattru li tabilħaqq jixbah lil tas-Sid Ġesù (Ebr.13:7). 


1 Kor.4:18. Xi wħud, bi kburija, ħasbu illi Pawlu kien qed jiftaħar u ma kienx lest imur jerġa’ jżurhom. 


1 Kor.4:20. Il-karattru spiritwali mhuwiex imkejjel b’diskors impressjonanti u minfuħ, iżda bis-setgħa ta’ ħajja trasformata mill-Ispirtu (cf., Mt.7:21-23).


1 Kor.4:21. Il-mexxejja fil-knisja m’għandhomx joqogħdu lura milli jużaw il-ħatar tat-twiddib u l-korrezzjoni, jekk jaraw pattern ta’ dnub persistenti. Did-dixxiplina tmantni s-saħħa tal-kongregazzjoni (1 Kor.5:1-13; cf., Mt.18:15-18). 


1 Kor.5:1-2. U intom arroganti! Id-dnub tal-immoralità kien gravi biżżejjed, iżda Pawlu hu aktar xxokkjat bl-arroganza u l-laxkezza tal-knisja, li ma kinitx lesta tieħu passi. 


1 Kor.5:3-5. Il-knisja falliet milli teżerċita dixxiplina, għall-unur tal-isem t’Alla, għall-ħarsien tagħha nfisha u għall-ġid spiritwali tal-individwu li kien ħati ta’ inċest (1 Kor.5:1). Għalkemm Pawlu hu fiżikament assenti mill-komunità Nisranija f’Korintu, jikklejmja li diġà għadda ġudizzju profetiku f’nofshom. Jikkmanda lill-knisja biex tkeċċi lil min offenda b’dal-mod mix-xirka tagħha: tirrendu t-tali lil Satana. 

L-għan ta’ dal-pass dixxiplinarju hu sabiex l-hekk imsejjaħ ħu jkun salvat, imma dan iseħħ biss jekk t-tendenzi midinba tiegħu u n-nuqqas ta’ ndiema tiegħu jkunu megħluba – il-qirda tal-laħam. L-indikazzjonijiet huma li dar-raġel attwalment nidem aktar tard (2 Kor.2:5-11). 


1 Kor.5:7-8. Kristu, l-Għid tagħna. Is-sagrifiċċju tal-ħaruf tal-Għid serva bħala dell tal-ħwejjeġ tajba u superjuri li kellhom jiġu bi Kristu (Ebr.10:1). Attwalment il-festi kolla tal-Lhud huma tipiċi ta’ Kristu u l-ħidma tiegħu għas-salvazzjoni tagħna; minħabba f’hekk il-knisja tagħraf it-twettiq tagħhom fih, u allura m’għadhiex tosservahom. 

Mela l-argument tal-appostlu, sabiħ u effettiv, hu dan: ħa niċċelebraw il-festa tal-Ażżmi fis-sinifikat veru tagħha, ċoè illi l-Kristjan messu jgħix ħajja ta’ purità u twarrib mid-dnub, simbolizzat mill-ħmira. 


1 Kor.5:9. Ktibtilkom fl-epistola tiegħi. Din hi ittra llum mitlufa. Evidentement Pawlu, u probabbilment l-appostli l-oħra, kitbu diversi ittri oħra matul ħidmiethom. Ma jfissirx neċessarjament li kulma kitbu kien ispirat. Kien korrett, iva, imma ma kienx ispirat u allura mill-bidu ma kinitx l-intenzjoni t’Alla li jkun inkluż bħala parti mill-Bibbja Mqaddsa. 


1 Kor.5:9-13. Il-Bibbja ma tikkmandax separazzjoni fiżika u kompluta mis-soċjetà, anzi Alla jridna ninfluwenzaw is-soċjetà bħala l-melħ u d-dawl tagħha. Frattant mhuwiex sew nistmaw bħala ħuna lil xi individwu li jikkontradixxi l-fidi bi twemmin eretiku jew imġiba moralment skifuża bla ma juri almenu xewqa għall-indiema: ma tassoċjawx erwieħkom ma’ xi ħadd hekk imsejjaħ ħu jekk huwa żieni. Mhux fis-sens illi nevitaw kull kuntatt assolutament, iżda nfittxu nammonuh u nwissuh biex jabbanduna l-mogħdija tad-dnub (2 Tes.3:15). 

Filli jikkwota d-Dewteronomju (17:7), Neħħu ’l hemm il-bniedem ħażin minn fostkom, Pawlu juri relazzjoni bejn il-komunità pattwali fil-Patt il-Qadim u l-knisja Kristjana (1 Kor.10:1-11). Il-knisja għandha awtorità teżerċita dixxiplina fix-xirka tagħha nfisha, mhux tipprova tirregola l-imġiba ta’ nies li mhumiex Kristjani. Id-distinzjoni trid tinżamm dejjem. Inwissu, nevanġelizzaw u ngħallmu lill-mitlufa, iva, iżda mhux nimponu jew nisforzaw fuqhom dixxiplina li tgħodd biss għall-membri tal-knisja. 


1 Kor.6:2-3. ma tafux illi l-qaddisin għad jiġġudikaw id-dinja? Ovvjament Alla hu l-imħallef tad-dinja (Sal.96:13; At.17:31; Riv.20:11-15), u tal-anġli (2 Pt.2:4). Hu x’inhu s-sehem li se jingħata lill-fidili fil-ġudizzju, se jkun wieħed delegat u rappreżentattiv, mhux b’xi jedd li għandhom fihom infushom. Id-deċiżjonijiet finali mhux huma jagħmluhom. F’xi sens l-appostli se jiġġudikaw (Mt.19:28); il-fidili wkoll (Riv.20:4). Forsi Alla jiġġudika l-ħżiena bil-kondotta ġusta ta’ niesu; jurihom bħala eżempji ta’ midinbin niedma lil dawk li baqgħu ma nidmux.


1 Kor.6:4. bla pożizzjoni fil-knisja: referenza għall-pagani bl-imħallfin tagħhom, li huma l-inqas stmati mill-mifdija. 


1 Kor.6:6. Din hi sommarju tal-problema: l-aħwa kienu qed iħarrku lil xulxin u hekk jiddiżonoraw lil Sidhom f’għajnejn l-infidili. 


1 Kor.6:7-8. Il-Korintin kienu mimlija u mkabbrin bihom infushom u ma kinux lesti jsofru d-dannu biex tinżamm l-unità bejniethom. Hekk kienu qed joħolqu l-iskandli u t-testimonjanza tal-knisja kienet qed titgħarraq. Pawlu fakkarhom f’jum il-ġudizzju, meta kull deni jitranġa u kulħadd jirċievu dak li ħaqqu. Dan mela mhuwiex tolleranza ta’ inġustizzja, iżda sejħa għas-sabar u t-tama Kristjana. 


1 Kor.6:9. ma tafux illi l-inġusti mhumiex se jirtu saltnet Alla? Il-ħwejjeġ ta’ did-dinja huma inkompatibbli ma’ saltnet is-smewwiet (1 Kor.15:50; Gal.5:21). Jekk kulħadd midneb, mela min jista’ jsalva? Alla jitgħaxxaq filli jiġġustifika lill-ħżiena (Rum.4:5). Mill-banda l-oħra, dawk ġustifikati (dikjarati ġusti minħabba l-mewt ta’ Kristu) huma wkoll imqaddsa, ċoè huma mmexxija biex jgħixu ħajja ġusti f’konformità mal-liġi t’Alla (Rum.6:1-4). 

Pawlu hu kunfidenti illi l-Korintin huma fidili, ċoè ġustifikati u mqaddsa (1 Kor.6:11); il-kondotta tiżgarra tagħhom kienet biss anomalija li tista’, u jmissha tkun, ikkoreġuta. Il-persistenza fil-ħażen tkun indikazzjoni illi l-fidi tagħhom hi falza u allura m’għandhom ebda post fis-saltna. 


1 Kor.6:11. Irridu dejjem niftakru min aħna, u xi ġralna. Il-fidili huma maħsula mid-dnub (Sal.51:2,7), huma mqaddsin jew santifikati, ċoè sseparati għal Alla fi Kristu (1 Kor.1:2), u huma ġustifikati, dikjarati ġusti minn Alla inkwantu l-liġi (Rum.3:19-26). Bħala fidili rridu nkunu x’aħna, mhux x’konna. 


1 Kor.6:12. “Kollox permissibbli għalija” – abbli dan kien slowgan fost il-Korintin. Veru illi avolja l-Kristjan ifalli gravament Alla jaħfirlu (Ef.1:7), iżda mhux kulma jsir hu profitabbli jew jirriżulta f’ġid. L-abbuż tal-libertà jġib prezz miegħu, u d-dnub dejjem jissarraf f’telfa. 


1 Kor.6:13. “L-ikel maħsub għall-istonku, u l-istonku għall-ikel” – slowgan ieħor, jew proverbju popolari biex jiddefendi l-idea illi s-sess hu purament bijoloġiku, bħall-ikel. 

jeqridhom fis-sens illi l-ġisem uman imut u jitħassar. 


1 Kor.6:14-15. Il-fidili, ruħ u ġisem, għandhom relazzjoni ma’ Sidhom illi ma tispiċċax, għax il-ġisem għad ikun mibdul u glorifikat (cf., Fil.3:20-21). 


1 Kor.6:17. spirtu wieħed miegħu. Kull sess barra ż-żwieġ hu immoralità. Dad-dnub hu speċjalment mistmerr fil-Kristjan għax bih jipprofana lil Sidu, li miegħu jinsab ħaġa waħda (Ġw.17:20-23).


1 Kor.6:18-19. Aħarbu ż-żena. Kuljum il-Kristjan irid ikun viġilanti u attwalment jiskansa okkażżjonijiet li jistgħu jwassluh għall-immoralità (Ġen.39:12). 

Raġuni qawwija għala jmissna nżommu lil ġisimna moralment nadif hi din: il-ġisem tal-Kristjan hu tempju fejn jgħammar l-Ispirtu Qaddis t’Alla. U hemm raġuni oħra: ġisimna mhuwiex tagħna, għax Kristu jippossedina: inxtrajtu bi prezz. 


1 Kor.7:1. ma jmissx hi ewfemiżmu Lhudi għar-relazzjoni sesswali (Ġen.20:6; Rut 2:9; Prov.6:29). Iċ-ċelibat (tibqa’ mhux miżżewweġ) hu tajjeb, iżda daqshekk ieħor hu ż-żwieġ (Ġen.1:28; 2:18). It-tnejn huma għotjiet mingħand Alla (1 Kor.7:7).


1 Kor.7:2. minħabba l-immoralità. Iż-żwieġ hu l-uniku provdiment t’Alla għat-twettiq sesswali. Meta tkun għadek għażeb hemm periklu ta’ żena (Mt.19:12), iżda ż-żwieġ mhuwiex hemm sempliċement biex jissodisfa l-impuls sesswali. Il-ħsieb t’Alla hu wisq ogħla (cf., Ef.5:22-23). 


1 Kor.7:3. iwettaq id-dmir konjugali. Il-miżżewġa m’għandhomx iċaħħdu lil xulxin mill-espressjoni sesswali. Hu obbligu tagħhom lil jissodisfaw lil xulxin. 


1 Kor.7:4. Bil-patt sagru taż-żwieġ ir-raġel jingħata l-awtorità, jew il-jedd, fuq il-ġisem ta’ martu, biex jissodisfaha, u viċe versa. 


1 Kor.7:5. Wara perjodu ta’ astinenza mis-sess, ix-xewqa tintensifika u r-raġel u martu jsiru aktar vulnerabbli għall-impuls sesswali. Satana jista’ jieħu vantaġġ minn dan, u allura l-koppja jmissha tersaq flimkien għal darb’ oħra. 


1 Kor.7:7-9. Pawlu jinkuraġġixxi l-kuntentizza bis-sejħa preżenti tagħna, u jieħu lilu nnifsu bħala eżempju. Frattant, jekk xi wħud jidhrilhom li mhux kapaċi jibqgħu għożieba, għandhom jiżżewġu (v.2). Dan hu kmand, għax wieħed ma jistax jgħix ħajja kuntenta u jservi lill-Mulej effettivament jekk jinħaraq, ċoè hu dominat b’passjoni sesswali. 


1 Kor.7:10. mhux jien, iżda s-Sid. It-tagħlim kien diġà ngħata minn Sidna Ġesù (Mt.5:31-32; 19:5-8). Aktar ’il quddiem (1 Kor.7:12-13) Pawlu jagħti struzzjonijiet ġodda bl-awtorità appostolika mogħtija lilu. 


1 Kor.7:10-11. tissepara u jibgħat huma sinonimi; jirreferu għad-divorzju. 

tibqa’ mhix miżżewġa. Jekk wieħed kredenti jiddivorzja mara kredenti, ħlief għall-adulterju (Mt.5:31-32), la wieħed u lanqas l-oħra mhuma ħielsa biex jiżżewġu persuna oħra. Huma obbligati jirrikonċiljaw, jew almenu jibqgħu mhux miżżewġa.


1 Kor.7:12. jien, mhux is-Sid. Pawlu jrid jgħid illi s-Sid Ġesù ma indirizzax din il-kustjoni direttament meta tkellem dwar id-divorzju u ż-żwieġ (Mt.5:31-32; 19:4-12). Pawlu jimla l-vojt, u jagħti l-fehma awtorevoli tiegħu dwar jekk mara Kristjana għandhiex tibqa’ tgħammar fiż-żwieġ ma żewġha miskredenti. 


1 Kor.7:14. l-mara l-miskredenti hi mqaddsa. Hawn insibu affermazzjoni impressjonanti tal-karattru speċjali tal-familja li fiha almenu ġenitur wieħed hu fidil. Imqar is-sieħeb li jirrifjuta milli jemmen jiġi taħt l-influwenza tal-ħidma t’Alla, u wisq iżjed l-ulied huma qaddisin, ċoè sseparati għal Alla b’mod differenti minn tfal li m’għandhom ebda kuntatt mal-fidi Kristjana. 

issa huma qaddisin. Il-preżenza ta’ ġenitur fidil tesponi lill-ulied għal bosta barkiet, isservi ta’ protezzjoni, u sikwit b’dik l-influwenza Alla jwassalhom għas-salvazzjoni.


1 Kor.7:14-16. jekk il-miskredenti jissepara, ħa jissepara. B’daqshekk Pawlu mhux qed jikkontradixxi lil Ġesù meta qal li l-immoralità biss hi raġuni valida għad-divorzju. M’hemm ebda diskrepanza. Pawlu jgħid li jekk ir-raġel hu Kristjan u martu mhix, jew viċe versa, jekk il-miskredenti ma jridx jitlaq, il-Kristjan m’għandux jinsisti biex jitlaq (1 Kor.7:12-13). U jekk il-mara tħalli lil żewġha, għandha tibqa’ mhix miżżewġa (1 Kor.7:11); dan jgħodd ukoll għar-raġel li jitlaq lil martu. 

Meta persuna miskredenti ma tkunx trid tgħix aktar mal-partner Kristjan tagħha, id-divorzju jista’ jkun preferibbli aktarx milli l-Kristjan jibqa’ jipprova jżommha u jżid it-tensjoni u l-konflitt. Id-divorzju qatt mhu ideali, iżda f’dal-każ Alla jkun qed isejjaħ għas-sliem (1 Kor.7:12-15), u l-fidil mhux imjassar. Meta l-miskredenti tabbanduna ż-żwieġ, b’mod deċiżiv u permanenti, l-iskop taż-żwieġ ikun intilef, u inutli wieħed jibqa’ formalment miżżewweġ meta ebda parti mhi twettaq dmirijietha, b’ebda mod. 


1 Kor.7:16. Għax kif taf int, mara, jekk intix se ssalva ’l żewġek? Dan jispjega l-vers qablu: ċoè, ħallih jitlaq, għax m’għandek ebda assigurazzjoni illi se jkun salvat billi tisforzah jibqa’ miżżewweġ miegħek. 


1 Kor.7:17. bħalma Alla sejjaħ lil kull wieħed, ħa jimxi hekk. Il-kuntest juri li s-sejħa ma tirreferix għall-pożizzjoni soċjali, iżda għall-konverżjoni nfisha. Meta wieħed isir Kristjan m’għandux għalfejn jibdel l-istatus, sew jekk konjugali, etniku, jew soċjali (1 Kor.7:20,26). Mill-bqija, jekk Kristjan tiġih l-opportunità jimmiljora l-qagħda soċjali jew ekonomika tiegħu, għandu jeħodha. Pawlu difatti jinkuraġġixxi lill-ilsiera biex jottienu l-libertà tagħhom jekk tiġihom l-okkażżjoni (1 Kor.7:21). 


1 Kor.7:19. Iċ-ċirkonċiżjoni ma tgħodd xejn, u n-nuqqas ta’ ċirkonċiżjoni ma tgħodd xejn, iżda li jimporta hu ż-żamma tal-kmandamenti t’Alla. Meta nqabblu did-dikjarazzjoni ma’ dikjarazzjonijiet simili fil-Galatin 5:6 u 6:15, ninnotaw illi l-osservanza tal-liġi morali hi mod ieħor kif il-fidi topera bl-imħabba. It-tali fidi operattiva hi karatteristika ewlenija ta’ nies dikjarata bħala ħlejjaq ġodda fi Kristu. 


1 Kor.7:21. Issejjaħt meta kont ilsir? Din mhijiex approvazzjoni tal-iskjavitù, iżda eżortazzjoni biex ilsir jibqa’ jobdi u jonora lil Kristu (Ef.6:5-8; 1 Tim.6:1-2). 


1 Kor.7:22. hu l-liberu tas-Sid. Ħadd mhu aktar ħieles minn wieħed mifdi minn Kristu. L-agħar jasar hu jasar għad-dnub, li minnu kull fidil hu lliberat. 

hu l-ilsir ta’ Kristu. Nies fidili, li fis-soċjetà tagħhom ma kinux ilsiera, f’sens spiritwali huma servi ta’ Kristu, u marbuta miegħu biex jobdu lilu (Rum.6:22). 


1 Kor.7:23. Il-prezz hu d-demm ta’ Kristu, li bih ulied Alla huma mifdija. 

ilsiera tan-nies. Kull Kristjan irid joqgħod b’seba’ għajnejn sabiex ma jkunx influwenzat mill-modi tad-dinja midinba. Minn dat-tip ta’ skjavitù jmissu jimportana, l-ewwel u qabel kollox. 


1 Kor.7:26. Id-diqa preżenti ma nafux eżattament x’kienet: forsi xi kriżi jew persekuzzjoni, jew inkella referenza għall-qagħda gravi f’Korintu, inkwantu l-laxkezza morali, minkejja li kienet mimlija b’simboli reliġjużi pagani, u allura ta’ periklu spiritwali għall-Kristjani hemmhekk. 


1 Kor.7:29. iż-żmien hu mqassar. Il-ħajja Kristjana għandha tkun investita bl-aħjar mod possibbli u nirrealizzaw illi m’għandniex ħin xi nberbqu (Rum.13:11-12; Ġak.4:14). 


1 Kor.7:30. dawk li jibku bħallikieku ma jibkux. Kristjan matur ma jinġarrx mal-emozzjonijiet u t-taqlib ta’ dil-ħajja hekk li jitlef il-motivazzjoni u t-tama, jew jitfixkel fl-għan tiegħu.


1 Kor.7:31. dawk li jużaw id-dinja bħallikieku ma jużawhiex għalkollox. Id-dinja hi fgata b’materjaliżmu sfrenat u gosti għaddiena. Il-fidili jmisshom jixtru u jbiegħu, iżda għall-bżonn, bla ma jinġarru minn intrapriżi mondana tant li l-interess smewwieti tagħhom jiċċajpar. 


1 Kor.7:36-38. Kemm l-istat ta’ għeżubija kif ukoll l-istat taż-żwieġ huma opzjonijiet tajba, għalkemm Pawlu jara benefiċċju partikolari jekk wieħed jibqa’ għażeb, għax ikun kapaċi jiddedika aktar ħin bħala serv t’Alla u ma jkunx imħabbat daqstant b’affarijiet mondani (1 Kor.7:32-34). F’dawn is-sensi jagħmel aħjar.


1 Kor.7:39. Armla għandha l-għażla tibqa’ armla jew inkella terġa’ tiżżewweġ liberament, mbasta fis-Sid, ċoè żewġha għandu jkun Kristjan bħalha (cf., 1 Kor.9:5).


1 Kor.7:40. jidhirli li jien ukoll għandi l-Ispirtu t’Alla. Pawlu mhuwiex dubjuż jippossedix l-Ispirtu s-Santu; b’daqshekk ma nikkonkludux illi qed jitkellem mingħajr awtorità divina, li jaffermaha espliċitament fl-istess epistola (1 Kor.2:13; 14:37).


1 Kor.8:1. l-ikel sagrifikat lill-idoli. Il-Griegi u r-Rumani kienu jemmnu f’ħafna allat. Kienu jissagrifikawlhom biex jiksbu l-favur tagħhom. Kulma kien jibqa’ mhux maħruq fuq l-artal kienu jservuh waqt festi pagani, u l-bqija jinbiegħ fis-suq. Dak iż-żmien kienet kustjoni taħraq jistgħu jixtru minn dal-laħam (bl-irħis), jew le. 

“lkoll għandna t-tagħrif.” Wieħed mgħallem mill-Iskrittura jaf illi l-allat tal-pagani ma jeżistux, u l-laħam offrut fuq altari pagani mhuwiex differenti minn kwalunkwe laħam ieħor. 

l-imħabba tedifika. L-informazzjoni korretta u l-eżerċizzju ta’ mħabba sensittiva ma jħallux lill-Kristjan milli juża libertajiet illi joffendu aħwa dgħajfa. Aktarx ifittex jgħinhom u jsaħħaħhom fil-verità u l-għerf. 


1 Kor.8:2-3. xi ħadd iħobb lil Alla, dan hu magħruf minnu. Waħda mill-provi kbar illi ninsabu f’relazzjoni tajba m’Alla hu meta nħobbuh, billi nosservaw il-kmandamenti tiegħu (1 Ġw.4:19-5:1). Alla jirrikonoxxi t-tali nies bħala tiegħu.


1 Kor.8:4-6. idolu mhu xejn affattu fid-dinja. Apparentement xi wħud mill-Korintin użaw id-dottrina tal-monoteiżmu (l-eżistenza ta’ Alla wieħed) bħala argument biex jissapportjaw il-prattika tagħhom. Jekk hemm Alla wieħed biss, li jgħallimna biex nitmasħru bl-idoli (Isa.46:6-7), għaliex għandna ninkwetaw dwar niklux ikel offrut lilhom? Pawlu jammetti dil-verità u jaffermaha, iżda jkompli biex juri l-iżball fl-użu li l-Korintin kienu qed jagħmlu minn did-dottrrina. 


1 Kor.8:7. Il-kuxjenza ta’ konvertiti ġodda setgħet tibqa’ takkużahom meta kielu minn laħam idolatruż. Baqgħu jimmaġinaw illi l-idoli huma reali u ħżiena. Il-kuxjenza tiċċappas jew titniġġes meta neħduha kontriha, u hekk jitnissel fina biża’, mistħija u ħtija. 


1 Kor.8:8. L-ikel hu spiritwalment newtrali. Fih innifsu la jqarribna u lanqas ibegħidna minn Alla. 


1 Kor.8:9-11. Bl-abbuż tal-libertà quddiem aħwa debboli fil-fidi, jistgħu jaqgħu lura fil-vizzji antiki tagħhom u jerġgħu jinvolvu ruħhom fl-idolatrija. Dan ikun tfixkil għalihom. 


1 Kor.8:11. minħabba fih miet Kristu. Is-Salvatur ta ħajtu għall-kredenti kollha. Pawlu jgħid hekk biex ifakkar illi kull mifdi hu prezzjuż f’għajnejn Alla, u m’għandniex inkunu skandlu għalih. 


1 Kor.8:12. tfieru l-kuxjenza dgħajfa. Għalkemm il-kuxjenza mhijiex infallibbli, hi kustjoni serja meta nivvjolawha jew inġarrbu lil ħaddieħor jeħodha kontriha. 


1 Kor.8:13. ma niekol qatt laħam aktar. Il-kumment konklużiv hu intenzjonat biex jistabbilixxi l-prinċipju bażiku tal-imħabba: tfittex il-ġid ta’ ħaddieħor aktar milli l-avvanz jew il-pjaċiri tiegħek innifsek (1 Kor.10:24,33; 13:5; Fil.2:4).


1 Kor.9:1. Il-kriterji għal appostlu kienu diversi: 

1. Tkun rajt personalment lil Ġesù (At.1:21). Għalhekk Pawlu jistaqsi rettorikament, Ma rajtux lil Ġesù Sidna?

2. Tkun xhud okulari tal-irxoxt tiegħu (At.1:21; 9:5; 1 Kor.15:8-9).

3. Tkun kummissjonat direttament minn Ġesù bħala appostlu tiegħu (Mk.3:13-19; At.9:15-16).

4. Tikseb riżultati spiritwali f’konverżjonijiet ta’ nies, bil-konferma addizzjonali ta’ mirakli (2 Kor.12:12). Intom m’intomx xogħli fis-Sid?

Ovvjament m’hawn ħadd illum illi jilħaq dawn il-kwalifiki, għax l-appostli servew bħala pedament għall-knisja (Ef.2:19-22). Importanti biss illi nħaddnu t-tagħlim li ħallewlna.


1 Kor.9:2. L-eżistenza tal-knisja f’Korintu kienet siġill, jew approvazzjoni u evidenza mingħand Alla tal-awtentiċità tal-appostolat ta’ Pawlu. 


1 Kor.9:4-5. Pawlu kellu jedd jew dritt għas-sapport finanzjarju, kif ukoll kellu jedd jiżżewweġ, bħal Kefa, ċoè Pietru (cf., Mk.1:29-31), u wlied Marija u Ġużeppi, l-aħwa ta’ Ġesù. Kien ukoll intitolat għall-ikel u l-bqija. Iżda għażel illi ma jiddomandax dawn id-drittijiet.


1 Kor.9:6-7. Predikatur u għalliem għandu l-jedd ikun imħallas min-nies li fosthom jaqdi. Pawlu kellu dritt jirċievi sapport mill-knisja, iżda provda għan-neċessitajiet tiegħu stess billi ħadem b’idejh (At.18:3). Jagħti eżempji mill-militar u l-ħajja agrikola biex jissapportja l-klejm tiegħu. 


1 Kor.9:8-12. Imqar il-liġi tal-Patt il-Qadim tiffavorixxi l-idea li kwalunkwe ħaddiem ħaqqu ħlasu (Dt.25:4; cf., 1 Tim.5:18). Iżda wieħed jista’ jgħaddi mingħajr ma jiddomanda l-jedd tiegħu (1 Kor.9:15); Pawlu hekk għamel, sabiex l-evanġelju ma jkunx imfixkel. 


1 Kor.9:13. Il-qassisin tal-Patt il-Qadim, li jservu regolarment fuq l-artal, kienu sapportjati mill-għexur fuq l-uċuħ tar-raba’ u l-bhejjem, kif ukoll għotjiet ta’ flus (Num.18:8-24). 


1 Kor.9:15. aħjar għalija mmut. Pawlu ried ikun jista’ jgħid b’wiċċu minn quddiem illi kien lil hinn minn kull xilja, u lanqas ried jagħti l-impressjoni illi kien fil-miniseru b’motiv finanzjarju. 


1 Kor.9:16. Pawlu ma pritkax minħabba kburija personali, jew b’xi għan baxx ieħor. Aktarx kien imġiegħel, imqabbad u maħtur minn Alla nnifsu, li fis-sovranità tiegħu sseparah għal dan l-għan (At.9:3-6,15). 


1 Kor.9:17. jekk involuntarjament. Ma jfissirx li kien fl-appostolat kontra qalbu. Aktarx iridna nifhmu illi r-rieda jew d-deċiżjoni tiegħu ma kellhom x’jaqsmu xejn mas-sejħa tiegħu biex ixandar l-evanġelju. Irċieva amminstrazzjoni, responsabbiltà jew dover illi kellu jkun immaniġġjat b’għaqal u kontabbiltà lejn min ħatru. 


1 Kor.9:20. sirt bħallikieku taħt il-liġi. Meta kien ikollu x’jaqsam mal-Lhud biex jevanġelizzahom u jgħallimhom, Pawlu kkonforma mar-regulazzjonijiet ċerimonjali tal-Patt il-Qadim, avolja kien jaf li dawn il-ħwejjeġ ma kinux essenzjali. Adotta dit-tattika biex ma joffendihomx.


1 Kor.9:21. sirt bħallikieku bla liġi. Il-flessibbiltà ta’ Pawlu, bħala mastru evanġelista, tidher ukoll meta kien jagħmilha mal-pagani: kien lest jgħix bħalhom u magħhom, filwaqt li jirrikonoxxi illi qatt ma kien ħieles biex ma jobdix lil Alla. 


1 Kor.9:22. sirt kollox għal kulħadd, ovvjament fil-parametri tal-Kelma t’Alla. Ma jfissirx li aġixxa b’tali mod illi kkomprometta ruħu bi mġiba midinba jew imqar dubjuża. B’kull mezz qagħad attent illi ma joffendix nies oħra bla bżonn; kien lest jinżel għal-livell tagħhom biex iwasslilhom l-evanġelju. 


1 Kor.9:23. Għal Pawlu, l-evanġelju hu aktar importanti mid-drittijiet u l-libertajiet tiegħu. Dan jgħodd għall-fidili kollha. 


1 Kor.9:24. Iġru b’tali mod sabiex tiksbuh. Meta jitkellem dwar premju għas-servizz li nkunu tajna bħala Kristjan, Pawlu, b’metafori mislufa mil-logħob atletiku Grieg, jirrikkmanda l-isforz u d-dedikazzjoni (1 Kor.3:10-15; 2 Kor.5:10), mentri meta jispjega dwar is-salvazzjoni, jisħaq li hi bil-grazzja u mhux bl-opri, il-ħila jew il-ġiri tagħna (Rum.4:5; 9:16; Ef.2:8-9; Titu 3:5-7). Allura mhuwiex qed jikkontradixxi ruħu. 


1 Kor.9:27. li ma mmurx b’xi mod, wara li nkun pritkajt lill-oħrajn, jien innifsi nisfa skwalifikat. B’daqshekk Pawlu mhux qed jintima illi Kristjan ġenwin jista’ jitlef is-salvazzjoni tiegħu. Dawk li Alla jressaq lejh u jirrikonċiljahom miegħu jibqgħu tiegħu fiż-żmien u l-eternità (Rum.8:28-30), għax il-ħajja mogħtija lilhom gratwitment, bil-mertu ta’ Kristu, hi eterna fil-karattru tagħha (Ġw.5:24; Ebr.7:16). Il-ħidma t’Alla favur uliedu ċertament titwassal sat-tmiem xieraq tagħha (Fil.1:6). 

Frattant ikun żball jekk nimminimizzaw l-ansjetà ta’ Pawlu (cf., 1 Kor.15:2; Fil.3:11; Kol.1:23) billi nissuġġerixxu li hi biss ipotetika jew inkella għandha x’taqsam biss mal-premji u mhux mas-salvazzjoni. Pawlu kien assolutament ċert li xejn u ħadd mhu kapaċi jifred lir-riġenerati mill-imħabba t’Alla (Rum.8:38-39), iżda qatt ma ppreżuma jew assuma li se jkun salvat jagħmel x’jagħmel. Ebda Kristjan m’għandu jieħu t-twissijiet tal-Iskrittura b’mod leġġier (1 Kor.10:12). 


1 Kor.10:1-2. Sinifikanti kif Pawlu, avolja qed jikteb lill-aħwa Ġentili, jirreferi għall-ġenerazzjoni antika tal-Lhud fi żmien l-esodu bħala missirijietna, u allura juri l-unità tal-poplu t’Alla matul iż-żminijiet. 

Jgħid illi kienu taħt is-sħaba, ċoè taħt il-protezzjoni t’Alla, viżibbilment murija billi s-Sid mar quddiemhom fi sħaba ta’ glorja (Es.13:21). 

lkoll mgħammdin f’Mosè. Il-magħmudija tenfasizza l-unjoni tal-fidil ma’ Kristu. Pawlu juża l-lingwaġġ tal-magħmudija biex iqabbel l-Iżraeliti u l-Korintin (1 Kor.5:12-13). Il-Lhud kollha (innota l-1 Kor.10:1-3 u 12:13) għaddew mill-esperjenza u l-ħelsien tal-Esodu minħabba l-identifikazzjoni mal-mexxej tagħhom, Mosè. Il-membri kollha tal-knisja f’Korintu tgħammdu fi Kristu, u għaldaqstant daqu l-ħelsien t’Alla, imma dan ma jiggarantixxix illi Alla jogħġbu kull individwu minnhom bla eċċezzjoni. Dal-pass jispjega t-twissija fl-1 Kor.9:24-27. 


1 Kor.10:1-13. Madankollu Alla ma tgħaxxaqx bil-maġġur parti tagħhom. Il-mawrien ta’ Iżrael tul erbgħin sena fix-xagħri, bejn l-Eġittu u l-Kagħnan iservi bħala illustrazzjoni kif il-libertà tista’ tkun abbużata, kif ukoll bħala twissija kontra konfidenza żejda. Il-Lhud m’għożżewx il-ħelsien tagħhom kif suppost, u spiċċaw waqgħu fl-immoralità, idolatrija u ribelljoni. Hekk skwalifikaw lilhom infushom milli jirċievu l-barka mis-sema. Dan jista’ jiġri lill-knisja ukoll.


1 Kor.10:3-4. Wara l-analoġija tal-magħmudija, Pawlu jwissi lill-Korintin biex ma jsibux faraġ falz fil-parteċipazzjoni tagħhom fl-Ikla tal-Mulej (1 Kor.10:14-22). Il-Lhud ukoll esperjenzaw għotjiet mis-sema, u kielu lkoll l-istess ikel spiritwali; u xorbu lkoll l-istess xorb spiritwali. Frattant Alla, minħabba l-infedeltà tagħhom, sparpaljahom fid-deżert (1 Kor.10:5). 


1 Kor.10:4. l-blata kienet il-Kristu. Fil-Patt il-Qadim Alla hu sikwit imxebbah ma’ blata, u Iżrael hu deskritt bħala poplu li abbanduna lil Alla, il-blata tas-salvazzjoni tiegħu (Dt.32:15; cf., Es.17:6). L-analoġija bejn l-Iżraeliti u l-Korintin mhijiex illustrazzjoni arbitrarja; hemm konnessjoni teoloġika. Bla ma jnaqqas il-privileġġi gawduti mill-Kristjani, Pawlu jfakkarhom illi l-Ħellies tal-Iżraeliti ma kien ħadd ħlief is-Salvatur mislub u rxoxtat. 


1 Kor.10:6. eżempji għalina. L-avvenimenti fid-deżert għandhom korrispondenza maħsuba u intenzjonata minn Alla nnifsu mal-esperjenzi tal-knisja Kristjana. Iservu ta’ tipi jew mudelli biex nimitaw it-tajjeb tagħhom u niskansaw il-fallimenti tagħhom. 


1 Kor.10:11. u nkitbu bħala twiddib għalina, li fuqna wasal it-tmiem taż-żminijiet. L-ewwel miġja ta’ Kristu inawgurat l-aħħar jiem (Ebr.1:2), ċoè ż-żmien meta l-wegħdi kbar tal-Patt il-Qadim seħħew u għad iseħħu kompletament fit-tieni miġja tal-Messija. Hekk nirrealizzaw illi l-avvenimenti rekordjati fil-Patt il-Qadim antiċipaw l-era messjanika ġdida u japplikaw għalina. Dawn il-fatti jissuġġerixxu illi, bil-pożizzjoni privileġġjata tagħna, messna nirrikonoxxu r-responsabbiltà ikbar tagħna (cf., Ebr.11:39-40). 


1 Kor.10:13. mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh. Is-sentenza kollha tipprovdi inkuraġġiment qawwi lill-Kristjani ffaċċjati bit-tentazzjoni. Fl-istess ħin tiġbor fiha ċanfira impliċita. Ladarba Alla jżommna lura minn tiġrib ikbar milli kapaċi nifilħu għalih, allura ma nistgħux niskużaw ruħna meta nidinbu. Id-dnub qatt mhu neċessità għall-fidili. 


1 Kor.10:16. Il-ħobż li naqsmu mhuwiex xirka fil-ġisem tal-Kristu? Hemm sinifikat profond filli wieħed jieħu sehem minn ikla distintivament reliġjuża. Impossibbli tipparteċipa fil-Komunjoni u fl-istess ħin tikklejmja li m’għandha ebda tifsira reliġjuża. Bl-istess mod il-Kristjan m’għandux jaħseb li jista’ jiddakkar mill-paganiżmu madwaru mingħajr ma jkun qed jinvolvi ruħu fih. Ukoll, l-unità tal-ġisem ta’ Kristu, simbolizzata fix-xirka tal-ħobż u l-inbid, teskludi għaqda mal-idoli jew tbagħbis fi kwalunkwe immoralità. 


1 Kor.10:18-19. Is-sagrifiċċji fil-Patt il-Qadim kienu jsiru għal dawk li jipparteċipaw fihom (Lev.7:15-18). In-nies identifikaw ruħhom mal-offerta u hekk esprimew id-devozzjoni tagħhom lejn Alla. B’implikazzjoni, sagrifiċċju lill-idolu kien allura parteċipazzjoni mal-idolu. Mela hu kompletament inkonsistenti għall-fidili illi jsiru ixirka fit-tali qima, li kienet demonika. 


1 Kor.10:19-20. Kulma jsir bi kwalunkwe idolu m’għandu ebda forza jew qawwi fih innifsu (cf., 1 Kor.8:4,8). Frattant it-tali attività hi ispirata mid-demonji, u l-Kristjan allura għandu jżomm distakk (cf., Dt.32:17; Sal.106:37). 


1 Kor.10:21-22. Alla jikkastiga kull idolatrija għax ma jittollera ebda kompetizzjoni miegħu (Dt.32:21; Ġer.25:6,9). Id-devozzjoni lejh teskludi kull rabta ma’ ħaddieħor jew qima barranija. 


1 Kor.10:29. ġġudikata. Meta fidil dgħajjef ikun offiż bil-libertà tiegħek, użata bla diskrezzjoni, jispiċċa biex jikkundannak.


1 Kor.10:31-33. Żewġ prinċipji bażiċi għandhom jiggwidaw l-aġir tal-Kristjani fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. L-ewwel: agħmlu kollox għall-glorja t’Alla. U t-tieni: ma nfittixx il-profitt tiegħi nnifsi, iżda tal-ħafna. Il-kriterju tal-imġiba tagħna għandu dejjem ikun l-imħabba, li ma nfittixx dak li jaqbel lili nnifsi (1 Kor.13:5). 


1 Kor.11:2. Hawnhekk it-tradizzjonijiet huma strettament il-Kelma t’Alla mgħoddija fit-tagħlim prattiku, mill-fomm għall-widna (cf., 2 Tes.2:15). 

F’sens negattiv it-tradizzjoni tirreferi għal ideat u prattiċi vvintati mill-bnedmin, bla awtorità tal-Kelma, speċjalment jekk dawn jikkontradixxuha (cf. Mt.15:2-5; Kol.2:8). 


1 Kor.11:2-16. kull mara li titlob jew tipprofetizza b’rasha mhix mgħottija tiddiżonora ’l rasha. Evidentement hemm insistenza biex kull mara li titlob tgħatti rasha. Dan ifisser illi n-nisa llum għandhom jilbsu l-velu fil-knisja, jew din hi ħaġa purament kulturali? U jekk hi kulturali, allura kif insiru nafu x’inhu kulturali u x’mhux? Diversi konsiderazzjonijiet jixħtu dawl fuq din il-problema diffiċli.

1. Għandha ssir distinzjoni bejn it-tifsira tat-test u s-sinifikat tiegħu. It-tifsira hi x’qed jgħid lin-nies f’dik il-kultura, u s-sinifikat hu kif japplika għas-sitwazzjoni kulturali tagħna llum. Ftit hemm dubju dwar it-tifsira tiegħu. Ifisser eżattament dak li qed jgħid. Meta n-nisa f’Korintu neħħew il-velijiet tagħhom u talbu fil-knisja, iddiżonoraw ir-ras tagħhom, ċoè żewġhom (1 Kor.11:3,7,9,11). Dak iż-żmien, il-velu kien simbolu tar-rispett ta’ mara għal żewġha. Fit-tali kuntest kulturali, kien imperattiv illi mara tilbes velu fil-knisja meta titlob.

2. Hemm differenza bejn kmand u kultura. Il-kmandamenti etiċi tal-Iskrittura huma assoluti u ma jinbidlux, mentri l-kultura hi relattiva, u tinbidel maż-żmien. Pereżempju, min minna jemmen illi l-kmand ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu biex ma jkollhomx par sandli ekstra meta jkunu fuq itinerarju evanġelistiku jgħodd għalina llum? U l-maġġor parti tal-Kristjani llum ma jilqgħux lil xulxin b’bewsa qaddisa (1 Tes.5:26). Lanqas jemmnu illi l-erfigħ ta’ jdejn qaddisa fit-talb hu essenzjali għat-talb pubbliku (1 Tim.2:8). 

Hemm prinċipju wara dawn il-kmandamenti kollha illi hu assolut, iżda l-prattika mhijiex. Kulma jmisshom jagħmlu l-Kristjani hu assolut, iżda kif jagħmluh hu kulturalment relattiv. Ngħidu aħna, il-Kristjani jsellmu jew jilqgħu lil xulxin (il-xiex), iżda kif jilqgħu lil xulxin hu relattiv skont il-kultura rispettiva tagħhom. F’xi kulturi, bħal fiż-żmien appostoliku, isellmu lil xulxin b’bewsa, f’kulturi oħra b’tgħanniqa, u jerġa’ f’oħrajn billi jieħdu b’idejn xulxin. Ħafna skulari bibliċi jemmnu li dan il-prinċipju jgħodd ukoll għall-prattika illi jintlibes il-velu. Jiġifieri, in-nisa kollha f’kull kultura u f’kull żmien imisshom juru rispett lil żwieġhom (il-xiex), iżda kif dan ir-rispett hu manifestat mhux bilfors ikun dejjem bil-velu fuq ir-ras. Pereżempju, jista’ jkun billi jintlibes iċ-ċurkett tat-tieġ jew b’xi simbolu kulturali ieħor.

Mela hawnhekk m’għandniex xi liġi assoluta għan-nisa sabiex jilbsu velu jew iqiegħdu għata fuq rashom fil-knejjes kollha f’kull żmien. Qed jiddikjara aktarx illi s-simboli tar-rwoli tal-maskil u femminil għandhom ikunu ġenwinament onorati f’kull kultura. 


1 Kor.11:3. u r-ras tal-Kristu hu Alla. L-Iben qatt ma kien b’xi mod inferjuri fl-essenza tiegħu għall-Missier (Ġw.10:30; 17:21-24), imma fl-inkarnazzjoni tiegħu volontarjament issottometta ruħu għar-rieda tal-Missier f’ubbidjenza umli, u dan l-aġir hu l-glorja tiegħu. 

Kristu hu r-ras, skont l-Efesin 4:15 u l-Kolossin 2:19; hawn jista’ jkun hemm l-idea ta’ “sors” (cf., 1 Kor.11:8). L-istess metafora hi wżata b’referenza ċara għal awtorità jew sottomissjoni (Ef.1:22; 5:23-24; Kol.1:18; 2:10). Hawnhekk l-enfasi hi fuq awtorità aktarx milli sors (cf., 1 Kor.11:10).


1 Kor.11:3-15. Fuq kollox, Pawlu f’dal-pass qed jgħallem l-importanza illi tinżamm distinzjoni ċara bejn ir-raġel u l-mara, bla ma tkun imtappna b’ebda mod. Jgħallem ukoll li t-tmexxija maskili u s-sottomissjoni femminili huma prinċipji stabiliti minn Alla, u għandhom ikunu onorati mill-fidili kollha.

Ir-raġel u l-mara, bħala ħlejjaq t’Alla, huma ugwali u m’hemmx distinzjoni bejniethom inkwantu kapaċità intellettwali, den, jew spiritwalità (cf., Gal.3:28). Ir-rwoli tagħhom, però, huma differenti. Il-mara tiffunzjona unikament billi tissottometti għall-awtorità tar-raġel. Ir-raġunijiet huma dawn: 

1. Il-pattern f’Alla nnifsu (1 Kor.11:3). 

2. Il-pjan divin ta’ maskil u femminil (1 Kor.11:7).

3. L-ordni tal-ħolqien tagħhom (1 Kor.11:8).

4. L-għan tal-mara inkwantu r-raġel (1 Kor.11:9).

5. L-interess tal-anġli (1 Kor.11:10).

6. Il-karatteristiċi ta’ fiżjoloġija naturali (1 Kor.11:13-15). 


1 Kor.11:4. għata fuq rasu. L-irġiel fl-ewwel seklu kienu jikxfu rashom waqt il-qima. Id-drawwa Lhudija illi l-irġiel jgħattu rashom waqt it-talb żviluppat aktar tard. Pawlu mhuwiex qed jesprimi xi prinċipju divin, iżda qed jirrikonoxxi drawwa lokali, li rriflettiet il-prinċipju divin. F’dik is-soċjetà, ir-ras mhix mgħottija tar-raġel kienet sinjal tal-awtorità tiegħu fuq il-mara. Kieku kellu jgħattiha jkun qed jiċħad ir-rwol xieraq tiegħu. 


1 Kor.11:6. hi għarukaża għal mara li tkun imqarwża jew imqaxxra. Fil-kultura Griega prostituta jew femminista biss kienet tqaxxar xagħarha. Mara Kristjana illi tiċħad il-mori aċċettabbli tas-soċjetà tkun virtwalment qed tingħaqad mat-tali nisa ribellużi. 


1 Kor.11:7-8. l-mara hi l-glorja tar-raġel. Ir-raġel gaħndu awtorità delegata lilu mingħand Alla. Il-mara għandha awtorità delegata lilha mingħand Alla permezz tar-raġel. Ir-raġel oriġina minn Alla, u l-mara oriġinat mir-raġel. L-argument ta’ Pawlu hu msejjes fuq l-Iskrittura (Ġen.1:27; 2:9-23; 3:16-17), u ma qagħadx lura milli jgħallmu ċar (1 Tim.2:11-13).


1 Kor.11:10. Jekk il-mara ma tkunx sottomessa toffendi mqar lill-anġli li josservaw x’qed jiġri fil-knejjes ta’ Kristu fuq l-art (cf., Mt.18:10; Ef.3:9-10). Dawn il-ħlejjaq qaddisa u sottomessi għal Alla kienu preżenti fil-ħolqien (Ġob.38:4,7), meta Alla fassal u stabilixxa l-ordni ta’ awtorità għar-raġel u l-mara. 


1 Kor.11:11-12. Hawn għandna kwalifika li tibbilanċja l-kummenti li għadu kif għamel. B’referenza għar-relazzjoni tagħna fis-Sid, l-irġiel u n-nisa jikkumplimentaw lil xulxin u huma dipendenti fuq xulxin, ladarba aħna ħaġa waħda fih (Gal.3:28). 


1 Kor.11:13. hu dekoruż. L-appostlu saħansitra jappella għas-sensibbiltà komuni fil-bniedem, u jissuġġerixxi illi s-sottomissjoni tal-mara hi evidenti minnha nfisha. 


1 Kor.11:14-15. Mhux in-natura nfisha tgħallimkom illi jekk raġel hu xuxan, hu diżunur għalih, imma jekk mara hi xuxana, hu glorja għaliha? In-natura tfisser l-ordni ta’ liġijiet naturali. Pawlu jitkellem dwar l-omosesswali bħala kontra n-natura (Rum.1:26), u kif il-pagani jafu min-natura – ċoè, bil-liġi miktuba f’qalbhom stess (Rum.2:15) – dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Allura Pawlu hawn qed jirraġuna hekk: “Imqar il-pagani, li m’għandhom ebda rivelazzjoni speċjali, xorta waħda għandhom inklinazzjoni naturali biex jiddistingwu s-sessi bit-tul tax-xagħar. In-nisa ġeneralment għandhom xuxa itwal u iżjed mimlija. Hu fatt illi bosta rġiel jiqriegħu, u l-mara rari jaqagħlha xagħarha. Dil-fiżjoloġija evidenti hi riflessa mad-dinja kollha. Jidher ċar illi Alla ta xagħar twil lill-mara bħala għata biex bih tesprimi tenerezza, irtubija u ġmiel.” 

Il-bnedmin istintivament jagħrfu d-differenza bejn maskil u femminil, u waħda minnhom hi t-tul tax-xagħar. Hemm eċċezzjonijiet: minħabba ħtieġa (saħħa, sigurtà), perversità (omosesswalità), jew qdusija speċjali (il-vot tan-Nażirita). L-eċċezzjonijiet, però, jagħtu prova tar-regola ġenerali msejsa fuq it-tendenza naturali biex tinżamm id-differenza bejn is-sessi bbażata fuq it-tul tax-xagħar. Inċidentalment, minħabba f’hekk ukoll ir-raġel m’għandux jilbes bħal mara (Dt.22:5), għax dil-prattika tistieden affarijiet oħra xejn xierqa, kemm soċjali kif ukoll morali. 


1 Kor.11:16. m’għandniex it-tali abitudni. Apparentement l-appostlu mhuwiex qed jippreskrivi forom permanenti ta’ qima (inkluża l-idea li n-nisa jmisshom jgħattu rashom b’velu fil-funzjonijiet tal-knisja); aktar qed jittratta kustjonijiet ta’ xerqa kulturali, u diċenza fis-soċjetà u fost il-kongregazzjoni. Xorta waħda d-diskussjoni għandha implikazzjonijiet teoloġiċi. 


1 Kor.11:17-34. L-agape, jew il-festa tal-imħabba, kienet komuni fil-knisja bikrija (Ġuda 12), u normalment kienet tintemm bl-osservanza tal-Ikla tal-Mulej. Il-Korintin qalbu dawn iċ-ċeni sagri f’xalar u sokor (1 Kor.11:21); flok għat-tisħiħ fil-fidi spiċċaw biex jiltaqgħu flimkien għall-agħar (1 Kor.11:17). Biex tagħqad, fidili sinjuri kienu jġibu l-ikel għalihom infushom bla ma jixxerjaw ma’ aħwa foqra (1 Kor.11:21) u hekk jiddisprezzaw il-knisja (1 Kor.11:22). 


1 Kor.11:19. jeħtieġ ikun hemm ukoll fazzjonijiet fostkom. Xejn ma jiġri barra r-rieda sovrana t’Alla. F’għerfu l-Mulej kapaċi jinqeda bid-dnub uman biex jilħaq għanijietu (bħalma ġara fuq il-Kalvarju). Il-firdiet jiżvelaw minn jgħaddi t-test ta’ ġenwinità u purità spiritwali (cf., 1 Tes.2:4).


1 Kor.11:20. mhux iċ-Ċena tas-Sid tieklu. Il-proċedimenti fil-knisja ta’ Korintu tant kienu ħżienu illi ma setax jingħad illi kienu qed jonoraw lill-Mulej. Imqar l-Ewkaristija sfat pervertita. 


1 Kor.11:23-26. Iċ-Ċena Mqaddsa (ara l-passi paralleli f’Mt.26:26-30, Mk.14:22-25 u Lq.22:15-20).


1 Kor.11:25. f’demmi. Il-patt ġdid kien ratifikat darba għal dejjem bis-sagrifiċċju effettiv ta’ Kristu fuq il-Kalvarju (cf., Ebr.9:28). 


1 Kor.11:26. tieklu dal-ħobż. Huwa sinifikanti illi, avolja wara l-barka, il-ħobż jibqa’ ħobż, għalkemm is-sinifikat tiegħu hu wieħed qaddis, għax jirrappreżenta l-ġisem ta’ Kristu mogħti għal niesu. L-idea li l-ħobż jinbidel fil-ġisem ta’ Kristu mal-konsagrazzjoni tal-qaddis hi idea żbaljata li żviluppat fost ħafna kontroversja fil-Medju Evu.

tniedu l-mewt tas-Sid sakemm jiġi. Ninnotaw konnessjoni intima bejn l-ippritkar tal-vanġelu u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla qaddisa. Il-Komunjoni tesibixxi Kelmet Alla b’mezzi viżibbli aktarx milli verbali. Fl-istess ħin l-Ikla tas-Sid tesprimi t-tama ċerta tagħna illi Sidna għad jirritorna. 


1 Kor.11:27. Din hi twissija serja kontra parteċipazzjoni fil-Komunjoni bi mġiba irriverenti, formalistika, egoistika, bi spirtu ta’ qrusa jew nuqqas ta’ ndiema jew maħfra lejn ħaddieħor, jew b’xi mod midneb ieħor – indenjament. Min jonqos hawn ikun qed ikażbar is-sinifikat fl-elementi tal-ħobż u nbid peress li jirrappreżentaw il-ġisem u d-demm ta’ Kristu. 

ikun ħati ta’ dnub kontra l-ġisem u d-demm tas-Sid. Jekk nersqu lejn il-mejda mqaddsa waqt li ngħożżu d-dnub fina nkunu qed niddiżonoraw l-ordinanza, u allura nwaqqgħu wkoll għaċ-ċajt is-sagrifiċċju ta’ Kristu, u nistmawh bħala xi ħaġa rħisa.


1 Kor.11:29. bla ma jiddixxerni l-ġisem. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi sagra u sinfikanti immensament; hu għajb meta tkun trattata b’indifferenza. Ikun ifisser illi qed immasħru lis-Sid Ġesù nnifsu: ħajtu, tbatijietu u mewtu (cf., At.7:52; Ebr.6:6; 10:29). Hekk nistiednu ġudizzju fuqna nfusna, ċoè intervent ta’ dixxiplina mingħand Alla. 


1 Kor.11:30. L-offiża tal-Korintin tant kienet serja illi Alla ħa l-ħajja ta’ xi wħud minnhom – raqdu – mentri oħrajn sfaw morda. Alla kapaċi jieħu miżuri estremi iżda effettivi biex jippurifika l-knisja tiegħu (cf., At.5:1-11). 


1 Kor.12:3. Ġesù hu s-Sid (cf., At.2:36; Rum.10:9-10; Ef.1:20-21). Kulma jingħad hu validu biss jekk hu veru. X’nemmnu u x’ngħidu dwar Ġesù hu t-test primarju jekk aħniex naġixxu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li dejjem imexxi n-nies biex jistqarru sinċerament illi hu s-Sid suprem (Ġw.15:26). 


1 Kor.12:4-26. Id-doni huma abbiltajiet mogħtija b’mod sovran lill-fidili kollha (1 Kor.12:7,11), b’varjetà sħiħa fosthom, sabiex bihom jedifikaw lil xulxin u jimmanjifikaw l-isem t’Alla. Hemm doni ta’ diskors kif ukoll ta’ qadi (1 Kor.12:8-10; 1 Pt.4:10-11). Il-lista mogħtija hi rappreżentattiva u mhux komprensiva. Il-mirakli, il-fejqan, l-ilsna u l-interpretazzjoni tagħhom kienu doni temporanji, limitati għall-epoka appostolika. Servew biex jawtentikaw lill-appostli u l-messaġġ tagħhom, sakemm tlestew il-kitbiet tal-Patt il-Ġdid. 


1 Kor.12:6. Hawnhekk, id-don tal-fidi hu distint mill-fidi li permezz tagħha nsalvaw. 


1 Kor.12:10. xorti differenti t’ilsna. Il-Pentekostali, li bħala denominazzjoni nibtu fis-seklu għoxrin, jisħqu illi dawn l-ilsna huma diskors estatiku, mhux lingwi veri, u possibbilment hu relatat mal-ilsna tal-anġli msemmija fl-1 Korintin 13:1. Però l-Patt il-Ġdid jagħti evidenza espliċita u ċara illi l-Ispirtu s-Santu ta lil xi Kristjani bikrija, fi żmien l-appostli, l-abbiltà illi jitkellmu b’lingwi ġenwini ta’ żmienhom bla ma qatt kienu tgħallmuhom (At.2:4-11). L-ilsna, kif esperjenzati fi gruppi kariżmatiċi llum, m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ilsna fi żmien l-appostli, u lanqas huma prattikati fuq il-prinċipji mgħallma fl-1 Korintin 12-14. 


1 Kor.12:13. bi Spirtu wieħed aħna lkoll konna mgħammdin f’ġisem wieħed. L-enfasi hi fuq il-kelma lkoll u l-allużżjoni għas-sagramenti tfakkarna fid-deskrizzjoni simili tal-Iżraeliti (1 Kor.10:2-4). Waħda mill-veritajiet sinifikati u ssiġillata bil-magħmudija hi l-magħmudija tal-Ispirtu s-Santu li biha l-fidili huma inkorporati fil-ġisiem wieħed ta’ Kristu. Il-magħmudija ħadet post iċ-ċirkonċiżjoni bħala s-sinjal ta’ ammissjoni fil-patt m’Alla (Kol.2:11-14). B’mod simili, meta l-fidili jieħdu sehem fl-Ikla tas-Sid ikunu qed jissinifikaw il-komunjoni kontinwata tagħhom ma’ Kristu u l-knisja tiegħu. 


1 Kor.12:14-17. Il-ġisem uman hu kompost minn diversi membri: idejn, saqajn, għajnejn, widnejn u l-bqija. Flimkien joperaw effettivament; kull membru jikkontribwixxi għas-saħħa tal-ġisem. Kull membru hu importanti u għandu sehem uniku x’jagħti. 


1 Kor.12:18-20. ħafna membri. Id-diversità, mhux uniformità, hi l-ideali. Kull Kristjan għandu rwol differenti minn ieħor x’jaqdi. 


1 Kor.12:25. ma jkunx hemm diviżjoni. L-għan tad-diversità hu sabiex ma jkunx hemm firdiet. Dan nifhmuh meta nirrealizzaw illi l-unità mhijiex uniformità. Alla għaref u sovran jaf illi d-diversità taħdem favur l-unità.


1 Kor.12:29-30. Jaqaw kollha appostli? Kieku kulħadd hu appostlu jew profeta, il-ġisem ma jiffunzjonax sew. Dejjem imissna nirsistu għall-aħjar doni; ninnotaw kif Pawlu jpoġġi d-don tal-ilsna bħala l-iċken fil-lista tiegħu. 


1 Kor.12:31. doni ikbar. Pawlu jantiċipa x’għandu xi jgħid aktar tard dwar id-doni “għall-edifikazzjoni tal-knisja” (1 Kor.14:12), ċoè, meta wieħed jitkellem “kelmiet b’moħħi sabiex nistruwixxi lill-oħrajn” (1 Kor.14:19). Sadattant irid jispjega l-kondizzjoni essenzjali għall-eżerċizzju xieraq ta’ kwalunkwe don – l-imħabba, it-triq jerġa’ iżjed eċċellenti.


1 Kor.13:1-13. imma m’għandix imħabba. Fl-ewwel tliet versi Pawlu juża l-esaġerazzjoni biex jenfasizza l-futilità ta’ doni mħaddma mingħajr imħabba. 

Il-Kristjaneżmu huwa r-reazzjoni tagħna għar-rivelazzjoni tal-Ħallieq bħala Alla tal-imħabba. Sforz imħabbtu għal dawk li ma jħobbux, il-Missier ta lill-Iben, u l-Iben ta ħajtu, u l-Missier u l-Iben flimkien bagħtu lill-Ispirtu, biex jeħilsu l-midinbin mill-miżerja u jwassluhom fil-glorja. Meta wieħed jemmen f’din ir-realtà stupenda ta’ mħabba divina u jisfa megħlub minnha, ikollu pedament sod biex iħobb lil Alla u l-proxxmu kif jitolbu ż-żewġ kmandamenti l-kbar (Mt.22:35-40). Imħabbitna tesprimi l-gratitudni tagħna għall-imħabba grazzjuża t’Alla lejna, u timitaha bħala mudell (Ef.4:32-5:2; 1 Ġw.3:16).

Il-marka indispensabbli tal-ħajja Kristjana hi l-imħabba biblika. Din l-imħabba b’sens ta’ sagrifiċċju tinvolvi li nagħtu, nonfqu, u nfaqqru lilna nfusna għall-ġid ta’ ħaddieħor. Il-ħniena murija minn wieħed Samaritan lejn l-għadu tradizzjonali tiegħu hi d-definizzjoni u l-mudell kif imissna nħobbu lil ġarna (Lq.10:25-37).

F’dal-kapitlu Pawlu jiddeskrivi l-imħabba Kristjana. Min iħobb mhux ikkonċernat bih innifsu. Ifittex il-ġid ta’ ħaddieħor, u l-kejl veru ta’ mħabbtu jidher f’kemm kapaċi jagħti għal dan l-iskop. L-imħabba hi prinċipju ta’ azzjoni aktarx milli ta’ emozzjoni. Hija kwistjoni ta’ għemil tajjeb man-nies għax tagħdirhom, sew jekk tħoss affezzjoni personali lejhom jew le. 


1 Kor.13:4-7. L-imħabba hi paċenzjuża. Il-virtù fondamentali u bażiku, l-imħabba, hu personifikat bħala individwu li jaġixxi f’modi illi l-Kristjani għandhom jimitaw. L-istampa totali tissuġġerixxi ritratt ta’ Kristu nnifsu. Meta niftakru d-diversità ta’ problemi u saram indirizzati f’din l-epistola, dan il-pass iservi bħala ċanfira lill-Korintin, li kienu qed jonqsu milli jikkomportaw erwieħhom fl-imħabba evanġelika.


1 Kor.13:8-13. L-imħabba qatt ma tfalli, jew qatt ma tispiċċa, speċjalment fid-dawl tal-estremitajiet li kapaċi tmur fihom għall-ġid ta’ ħaddieħor, fis-sens li ma taqtax qalbha, hi fiduċjuża favur tagħhom, u lesta ssofri għalihom (1 Kor.13:7). Fl-istess ħin b’did-dikjarazzjoni Pawlu jibni kuntrast bejn l-imħabba, li tibqa’ għal dejjem (1 Kor.13:13) u d-doni spiritwali, li jieqfu.

jew ilsna, għad jehdew. Storikament nafu illi d-don tal-ilsna waqaf fl-ewwel seklu. Xi setet, bħall-Montanisti u l-Irvingites, provaw jerġgħu jqanqluh, iżda kien biss sforz uman, u mhux l-għotja tal-Ispirtu s-Santu. Il-Pentekostali moderni qed jagħmlu l-istess. Flimkien ma’ doni mirakolużi oħra (bħalma huma l-profezija, il-fejqan, l-interpretazzjoni tal-ilsna, u l-mirakli) ingħataw fl-era appostolika biex jawtentikaw lill-appostli u l-ħidma tagħhom, kif ukoll il-kitbiet ispirati li ħallewlna biex iservu bħala l-pedament għall-knisja (Ef.2:20). Hekk kif il-qanun tal-Patt il-Ġdid ifforma ruħu u l-appostli mietu (ċ 100 w.K.) id-doni mirakolużi ma baqax ħtieġa għalihom. Il-bżonn dejjiem u l-ikbar wieħed għall-knisja, iżjed minn kull ħaġa oħra, hu illi timmatura fil-virtujiet teoloġiċi: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Imma l-ikbar minn dawn hi l-imħabba, għax dawn jibqgħu, f’kuntrast għad-doni temporanji. 

meta jiġi l-perfett, il-parzjali se jkun abolit. Il-kuntest (speċjalment 1 Kor.13:12) jissuġġerixxi bil-qawwa illi Pawlu qed jirreferi għat-tieni miġja ta’ Kristu bħala l-avveniment finali fil-pjan t’Alla ta’ fidwa u rivelazzjoni. Paragunati ma’ x’se nirċievu dakinhar, il-barkiet preżenti huma biss parzjali u allura imperfetti. L-iżball tal-Korintin kien illi ffissaw fuq l-ilsna u esaġeraw l-importanza tagħhom meta kienu biss għal ftit taż-żmien filwaqt li naqsu jistagħnew f’dak li hu finalment u eternament essenzjali, ċoè l-kobor tagħhom fl-imħabba. F’dan is-sens kienu immaturi. 


1 Kor.14:1. Irsistu fl-imħabba u xxenqu bil-ħerqa għad-doni spiritwali, imma speċjalment sabiex tipprofetizzaw. Issa li lewwen id-diskussjoni fid-dawl xieraq u indispensabbli tal-imħabba, Pawlu jinkuraġġixxi lill-Korintin biex jagħrfu l-valur tad-doni spiritwali. Madankollu, peress li kellhom żbilanċ enormi favur l-ilsna, l-enfasi f’kapitlu 14 kollu hi fuq id-doni li jiftiehmu (1 Kor.14:19) – primarjament il-profezija, iżda wkoll l-interpretazzjoni tal-ilsna (1 Kor.14:27-28). 

Id-diskussjoni kollha kienet pertinenti ħafna għall-Insara f’Korintu, u sakemm id-doni mirakolużi kienu operattivi Pawlu jieħu ħsieb jgħallimhom kif għandhom jitħaddmu sewwa. Frattant, tibqa’ wkoll diskussjoni tgħodd ħafna għalina llum, għax l-istess prinċipji elenkati jibqgħu validi għalina aħna u naqdu u nsaħħu lil xulxin bid-doni diversi mogħtija lilna. 


1 Kor.14:2. Għax min jitkellem b’ilsien mhux lill-bnedmin ikellem, iżda ’l Alla; għax ħadd ma jifhmu, imma jitkellem il-misterji bl-ispirtu tiegħu. Hawn u f’vers 14 id-don tal-ilsna hu deskritt; donnu jagħti impressjoni li hu fenomenu differenti mill-ilsna (lingwi) li bihom tkellmu d-dixxipli f’Pentekoste (At.2:4-11). Madankollu:

1. l-kelma glossa, tradotta “ilsien,” hi l-kelma Griega normali għal “lingwa.”

2. Pawlu juża l-kelma misterji biex jindika verità divina li qabel ma kinitx magħrufa iżda issa hi rivelata; ma tfissirx xi ħaġa impossibbli tifhimha, bħal meta nitkellmu dwar “il-misterju tat-Trinità Mqaddsa.”

3. Kollox jindika li l-ilsna, bħala don spiritwali msemmija fil-Patt il-Ġdid, huma dejjem lingwi veri u mhux diskors estatiku jew sillabi bla sens (1 Kor.14:10-11,21).


1 Kor.14:4. Min jitkellem bi lsien jedifika lilu nnifsu. Dawk li jitkellmu bi lsien mhux interpretat jinkuraġġixxu u jfarrġu lilhom infushom, avolja ma jifhmux il-messaġġ. Però dan mhuwiex l-iskop finali għala ngħataw id-doni: l-intenzjoni għandha tkun dejjem biex insaħħu lil ħaddieħor; f’dan is-sens il-profeta jedifika lill-knisja.


1 Kor.14:6-19. xi nkun niswielkom...? Il-prinċipju ta’ edifikazzjoni lill-oħrajn hu l-punt u l-enfasi prinċipali tal-passaġġ kollu. Pawlu qed japplika t-tagħlim fl-1 Korintin 12:7 illi Alla ta varjetà ta’ doni għall-ġid komuni. Tul il-pass sħiħ Pawlu jargumenta illi l-ilsna mingħajr interpretazzjoni ma jedifikawx: ikun qisu wieħed qed jitkellem fl-arja (1 Kor.14:9). 


1 Kor.14:12. teċċellaw għall-edifikazzjoni tal-knisja. Pawlu jirritorna għall-benefiċju tal-doni għall-ġemgħa kollha. Id-doni li għandi ma ngħatawx għalija nnifsi iżda għall-ġid ta’ ħuti. 


1 Kor.14:13. għandu jitlob sabiex ikun kapaċi jinterpreta. Bla ma jċekken is-sinifikat tad-don tal-ilsna, Pawlu jinkuraġġixxi lill-Korintin biex jużawh b’mod li jkun siewi għall-kongregazzjoni.


1 Kor.14:18-19. fil-knisja nippreferi nitkellem ħames kelmiet b’moħħi sabiex nistruwixxi lill-oħrajn milli għaxart elef kelma bi lsien ieħor. Pawlu nnifsu kellu u eżerċita d-don tal-ilsna. Iżda jagħraf iqiegħed id-don fil-perspettiva xierqa billi josserva illi hu wisq aktar ta’ gwadann tagħmel xi ħaġa sabiex ħaddieħor jitgħallem. Alla ma jagħtiniex doni biex inħaddmuhom personalment, għalina nfusna, iżda biex bihom naqdu u ngħallmu lill-aħwa. 


1 Kor.14:20-25. l-ilsna huma bħala sinjal, mhux għall-kredenti, iżda għall-miskredenti. Il-Korintin injoraw l-infidili, u Pawlu jċanfarhom għal din il-wirja ta’ immaturità spiritwali. Jappella għal-Patt il-Qadim biex juri illi Alla juża diskors barrani (ma jiftihemx) bħala sinjal ta’ ġudizzju (Isa.28:11). Jekk il-mitlufa jattendu l-knisja u jisimgħu lingwa inkomprensibbli, ikunu mbottati ’l hemm flok attirati lejn il-vanġelu (1 Kor.14:23). F’dis-sitwazzjoni ilsna bla interpretazzjoni huma sinjal ta’ ġudizzju lill-infidili. Iżda l-Korintin messhom jimmiraw biex iwasslu lill-infidili għall-indiema u għall-għarfien illi Alla hu preżenti fost niesu (1 Kor.14:25). Peress li Alla juża diskors jiftiehem ta’ profezija biex jilħaq dan l-għan, il-profezija hi sinjal għall-kredenti. Hi evidenza tat-tjieba t’Alla għalihom (1 Kor.14:22). 


1 Kor.14:27. L-ilsna għandhom jiġu użati bl-ordni, mhux kif isir illum fost il-Pentekostali, meta hu normali għalihom illi ħafna jitkellmu “bl-ilsna” f’daqqa fil-knisja. Dan hu kontra l-ordni appostolika – apparti l-fatt li “l-ilsna” moderni mhumiex lingwi veri, kif kienu fi żmien l-appostli (u allura kellhom bżonn ikunu tradotti jew imfissra), iżda sillabi bla sens. 


1 Kor.14:34-35. in-nisa għandhom jibqgħu siekta fil-knejjes, għax m’għandhomx permess jitkellmu, iżda għandhom ikunu sottomessi. Pawlu ppermetta n-nisa jitolbu u jipprofetizzaw (1 Kor.11:5,13), dment li ma jiddiżonorawx lil żwieġhom bil-mod kif jilbsu (1 Kor.11:5). Allura ma nistgħux ngħidu li din hi projbizzjoni assoluta (cf., At.2:17; 21:8-9). Pawlu probabbilment qed jiċħad lin-nisa milli jaqbżu u jitkellmu u jiġġudikaw profeziji (din hi l-attività fil-kuntest immedjat; cf., 1 Kor.14:29), għax it-tali attività tinnega lir-raġel bħala r-ras. L-interess ta’ Pawlu hu illi tinżamm l-ordni u d-diċenza, kif ukoll id-distinzjoni bejn is-sessi.

bħalma wkoll tgħid il-Liġi. L-appostlu probabbilment qed jaħseb dwar il-ħolqien tal-mara mir-raġel u għar-raġel (Ġen.2:20-24; 1 Kor.11:8-9), kif ukoll qed jirreferi għall-kampjun ġenerali ta’ tmexxija maskili fost il-poplu ta’ Iżrael fil-Patt il-Qadim. (Ara nota fl-1 Tim.2:12-13).


1 Kor.14:37. profeta. Fil-Patt il-Ġdid ċerti nies servew bħala profeti fiż-żmien bikri tal-knisja, meta rivelazzjoni ġdida kienet qed tingħata. Filippu kellu erba’ bniet li pprofetizzaw; u Agabu bassar x’kellu jiġrilu Pawlu (At.21:9-11). Madankollu l-ipprofetizzar fil-Patt il-Ġdid hu wżat ukoll f’sens differenti. Il-kelma ġejja min prophēmi, “tkellem,” u allura profeta jista’ jkun deskritt bħala kelliem għal Alla, u l-profezija bħala l-ippritkar tal-messaġġ t’Alla, jew id-don tax-xandir tal-messaġġ t’Alla. Il-profezija ta’ dat-tip hi don fil-knisja għall-edifikazzjoni tal-fidili, peress li biha tinġieb il-kelma t’Alla bis-setgħa fuq il-kuxjenza u l-qalb tas-semmiegħa. Hi don ta’ importanza kbira fil-knisja (1 Kor.14:1-5,24,31,39; 1 Tes.5:20).

Fir-Rumani 16:26 il-kitbiet tal-Patt il-Ġdid huma riferuti bħala “l-Iskritturi profetiċi,” u l-assemblea hi mibnija fuq il-pedament imqiegħed mill-appostli u l-profeti (Ef.2:20), ċoè, il-verità mwassla bihom. 


1 Kor.15:1-23. kien irxoxtat fit-tielet jum skont l-Iskritturi. Il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù hu att divin li fih kienu involuti t-tliet persuni tat-Trinità (Ġw.10:17-18; At.13:30-35; Rum.1:4). Ma kienx sempliċement il-vivifikazzjoni ta’ ġisem fiżiku li kien tniżżel mis-salib u midfun. Kien trasformazzjoni tal-umanità ta’ Ġesù li biha kien kapaċi jidher, jisparixxi u jiċċaqlaq bla ma jidher minn post għall-ieħor (Lq.24:31,36). Kien it-tiġdid kreattiv ta’ ġismu, u hekk sar il-ġisem li bħalissa hu kompletament glorifikat u li ma jistax imut iżjed (Fil.3:21; Ebr.7:16,24). L-Iben t’Alla fis-smewwiet jgħix fil-ġisem, u jibqa’ hekk għall-eternità. L-Insara ħajjin fuq l-art, meta jirritorna Kristu, iġarrbu trasformazzjoni simili (1 Kor.15:50-54). Dawk l-Insara li jkunu laħqu mietu qabel it-tieni miġja tiegħu jkunu wkoll imqajma u mibdula biex ma jmutu qatt iżjed.

Il-fidi Nisranija tistrieħ fuq iċ-ċertezza tal-qawmien ta’ Ġesù bħala avveniment fl-istorja. L-Evanġelji jilħqu l-quċċata tagħhom fil-qawmien tal-Mulej Ġesù, b’qabar vojt u d-dehriet ta’ Kristu rxoxtat. Il-predikazzjoni appostolika tinsisti fuq dan il-fatt (At.1:3; 2:24-35; 3:15; 4:10; 5:30-32; 13:33-37). Pawlu kien jistma r-reżurrezzjoni bħala prova li l-messaġġ dwar Ġesù bħala Mħallef u Salvatur huwa veru, prova li ħadd ma seta’ jmeriha bir-raġun (At.17:31; 1 Kor.15:1-11,20). 

Kristu rxoxt jagħtina turija tal-vittorja tiegħu fuq il-mewt (At.2:24; 1 Kor.15:54-57), u ntwera bħala ġust (Ġw.16:10). Il-qawmien tiegħu jindikalna wkoll l-identità divina tiegħu (Rum.1:4). Wara li rxoxta, Kristu tela’ s-sema mnejn bħalissa qiegħed jirrenja. L-irxoxt jiggarantixxi l-maħfra preżenti tal-fidil, kif ukoll li jkun meqjus bħala ġust quddiem il-Missier (Rum.4:25; 1 Kor.15:17). Fi Kristu rxoxtat kull min jemmen għandu t-tama tal-ħajja eterna (Ef.1:18-2:10; Kol.2:9-15; 3:1-4).


1 Kor.15:2. emmintu għalxejn. Jekk wieħed jiċħad l-irxoxt litteru ta’ Kristu mill-qabar, il-fidi tiegħu hi futili u ma tiswa xejn (1 Kor.15:14).


1 Kor.15:3-6. Pawlu jiġbor il-vanġelu fil-qosor billi jenfasizza żewġ avvenimenti storiċi: il-mewt ta’ Kristu biex jinħafru d-dnubiet tal-fidili, u l-qawmien tiegħu. Dawn seħħew skont il-profezija tal-Patt il-Qadim. Il-kelma tas-salib toriġina mingħand Alla; hi l-għerf tiegħu (1 Kor.1:17-25). Ukoll, kull fatt tal-vanġelu hu verifikat. Il-mewt ta’ Kristu hi awtentikata bid-difna tiegħu, u r-resurrezzjoni tiegħu hi kkonfermata mid-diversri xhieda li rawh ħaj, f’postijiet u ħinijiet differenti. 


1 Kor.15:10. stinkajt iżjed bil-kotra minnhom kollha (cf., 2 Kor.11:16; 12:11). Pawlu qisu qed jiftaħar; frattant hu nnifsu jgħid illi l-ftaħir hu midneb; ebda bniedem m’għandux b’xiex jiftaħar quddiem Alla (1 Kor.1:29; cf., Prov.27:2). 

Tajjeb ninnotaw, qabelxejn, illi meta Pawlu ftaħar ammetta, “Li qed ngħid b’dil-kunfidenza faħħarija, m’iniex ngħidu skont is-Sid, iżda bħallikieku b’imbeċillaġni” (2 Kor.11:17). Aktar minn hekk, ikkwalifika l-ftaħir tiegħu bi frażijiet bħal “avolja ma jien xejn” (2 Kor.12:11), u “mhux jien, iżda l-grazzja t’Alla” (1 Kor.15:10). Mela l-ftaħir tiegħu jeħtieġ ikun mifhum fid-dawl tal-konfessjoni illi “bil-grazzja t’Alla jien li jien” (1 Kor.15:10).

Il-motiv tiegħu ma kienx b’applaws jew b’vindikazzjoni tiegħu nnifsu, iżda għad-difiża u l-firxa tal-vanġelu. Finalment, Pawlu ma ftaħarx karnalment, iżda ftaħar aktarx fis-Sid u fil-privileġġ illi jkun umiljat u persegwitat minħabba fih. “Jekk jeħtieġli niftaħar, se niftaħar bil-ħwejjeġ li juru d-dgħufija tiegħi” (2 Kor.11:30; ara l-pass sħiħ, 2 Kor.11:16-12:18). Dat-tip ta’ ftaħir hu f’armonija perfetta mal-umiltà vera. 


1 Kor.15:17. Kristu miet bħala s-sostitut tal-midinbin (1 Kor.15:3). Il-qawmien tiegħu hu l-garanzija illi s-sagrifiċċju fuq il-Kalvarju hu effettiv; Alla laqa’ s-sagrifiċċju offrut hekk illi attwalment id-dnubiet ta’ dawk li jemmnu fih huma mneħħija darba għal dejjem. Kieku Kristu ma rxoxtax allura mewtu ma kinitx tkun kapaċi ssalva lill-midinbin. 


1 Kor.15:19. Ladarba Kristu rxoxta, hu tamitna mhux biss għal dil-ħajja iżda wkoll għal li ġejja. 


1 Kor.15:20. Kristu kien irxoxtat mill-imwiet. Ġesù kien l-ewwel wieħed imqajjem mill-mewt għal eżistenza glorifikata li ma kinitx aktar suġġetta għall-mewt bħala l-kastig tad-dnub (At.26:23). Jissejjaħ l-ewwel frott ta’ dawk li raqdu, għax bħalma kienet titressaq l-ewwel qatta’ tal-ħsad biex tkun offruta lil Alla (Lev.23:10-11,20), b’antiċipazzjoni illi l-bqija għad jinħasad ukoll, hekk Kristu hu l-garanzija illi niesu wkoll għad ikunu rxoxtati. 

Meta jirritorna f’din id-dinja jqajjem lill-qaddejja tiegħu għall-ħajja ta’ qawmien jixbah lil tiegħu (1 Kor.15:20-23; 2 Kor.5:1-5; Fil.3:20-21). Tabilħaqq, għad iqajjem lill-bnedmin kollha mill-mewt; imma dawk li mhumiex tiegħu għad ikunu mqajma għall-kundanna (Ġw.5:29) u suġġetti għat-tieni mewt (kundanna fl-infern) minħabba dnubiethom (Riv.2:11; 21:8). L-Insara li jkunu għadhom ħajjin meta jiġi jkunu trasformati meraviljożament f’waqt wieħed (1 Kor.15:50-54). 

Hemm kontinwità bejn il-ġisem mortali u l-ġisem immortali. Il-Mulej Ġesù rxoxta bl-istess ġisem li bih miet. Il-Bibbja tqabbel il-ġisem mortali u l-ġisem tal-qawmien ma’ żerriegħa u x-xitla li tikber minnha (1 Kor.15:35-44). Filwaqt li hemm kontinwità nagħrfu wkoll differenza. L-iġsma preżenti tagħna, bħal ta’ Adam, huma naturali u magħmulin mit-trab, suġġetti għad-dgħufija u l-mewt. Il-ġisem tal-qawmien, bħal ta’ Kristu, għad ikun spiritwali, maħluq u sostnut mill-Ispirtu s-Santu, u jkun adatt għall-ordni eterna fis-smewwiet. La jitħassar u lanqas jintemm (1 Kor.15:45-54). 

Wara l-qawmien tiegħu, id-dixxipli ta’ Ġesù setgħu jagħrfuh minkejja d-differenzi fil-ġisem ġdid tiegħu. Bl-istess mod, l-Insara għad jagħrfu lil xulxin, u għad ikun hemm reunjonijiet hienja meta l-firdiet kkawżati mill-mewt ikunu mitmuma. Dan jidher ċar mill-1 Tessalonkin 4:13-18, fejn aħna assigurati illi l-Insara vistużi għad jerġgħu jiltaqgħu mal-maħbubin ħuthom u jarawhom.


1 Kor.15:22. L-umanità kollha hi f’relazzjoni inevitabbli mar-ras federali tagħha: f’Adam, u allura tinsab imwaqqa’ u taħt is-saħta. Xi wħud minn dik l-istess umanità jinsabu fi Kristu, u allura msieħba fil-ħajja tiegħu. 


1 Kor.15:24-28. L-argument hi diffiċli fid-dettalji, iżda l-għafsa tiegħu hija ċara u qawwija. L-irxoxt ta’ Kristu mhuwiex avveniment iżolat b’riperkussjonijiet limitati. Hu aktarx avveniment li jintegra kollox; jifforma klajmaks fil-ħakma sovrana t’Alla fl-istorja umana. Il-fidwa mhijiex kompluta qabel ma jqiegħed l-għedewwa kollha tiegħu taħt saqajh (Sal.110:1). U ladarba l-mewt hi L-aħħar għadu, il-ħidma ta’ Kristu mhijiex lesta qabel ma l-mewt tinqered għalkollox. 

l-Iben innifsu wkoll se jkun suġġettat għal dak li ssuġġetta kollox għalih. Ma jridx jimplika li l-Iben hu inferjuri fid-dinjità jew l-enti. Aktarx, fil-ħidma messjanika tiegħu l-Iben jissuġġetta lilu nnifsu għall-volontà tal-Missier meta jikkonsenja s-saltna ’l Alla l-Missier. Il-quċċata tal-ħidma sottomessa u messjanika ta’ Kristu hi din il-konkwista totali fuq l-għedewwa tiegħu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox, meta l-ħakma assoluta ta’ Alla Trinità tkun magħrufa u milqugħa universalment. 


1 Kor.15:29. x’se jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-mejtin? Apparentement xi wħud f’Korintu kienu qed jitgħammdu f’isem nies diġà mejtin, prattika mhix approvata mill-appostli. Dan hu pass oskur u iżolat; mhuwiex għaqli nsejsa dottrina fuqu. Dejjem jeħtieġ l-għajnuna ta’ passi aktar ċari mill-Bibbja biex fid-dawl tagħhom nifhmu sewwa xi pass diffiċli; f’dan il-każ m’għandniex, għax dil-prattika fost il-Korintin tissemma hawn biss. Xi wħud spekulaw illi jekk wieħed jitgħammed għal xi ħadd mejjet isalva. Din idea assurda, għax il-Bibbja hi enfatika illi l-magħmudija waħidha ma ssalvax (ara nota fl-Atti 2:38). Alla jsalvana permezz tal-fidi f’Ibnu, bil-grazzja tiegħu, mhux minħabba opra jew sagrament (Rum.4:5; Ef.2:8-9; Titu 3:5-7). Jerġa’, ma nistgħu nagħmlu xejn biex nottienu s-salvazzjoni għal ħaddieħor, ħlief nitolbu għalih, u naqsmu miegħu l-evanġelju meta għadu ħaj. Kull persuna trid temmen personalment (Ġw.1:12).

Dwar dan il-pass ġew proposta spjegazzjonijiet numerużi: kollha huma spekulattivi u l-ebda waħda persważiva:

1. Pawlu jsemmi r-rit biss biex juri l-inkonsistenza loġika fil-pożizzjoni ta’ nies li jiċħdu l-qawmien. 

2. Xi skulari jissuġġerixxu illi Pawlu sempliċement qed jirreferi għall-fatt illi l-magħmudija ta’ konvertiti ġodda tkun qed timla l-vojt li ħallew il-fidili li jkunu mietu. Allura s-sens hu: “Għala qed tkomplu timlew il-knisja b’konvertiti ġodda, li jieħdu post il-Kristjani mejta, jekk mhux verament temmnu illi hemm tama għalihom lil hinn mill-qabar?”

3. Hemm min jgħid li billi l-magħmudija tissimbolizza l-mewt tal-fidil ma’ Kristu (Rum.6:3-5), allura s-sens hu hekk: “Għala qed tieħdu fuqkom infuskom is-sinjal tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, jekk ma temmnux fil-qawmien?”


1 Kor.15:32. Il-bhejjem probabbilment huma l-għedewwa ta’ Pawlu li riedu jikkundannawh (cf., 2 Tim.4:17). It-tama tar-resurrezzjoni tqawwi lill-Kristjan, meta tabilħaqq jgħożż il-fidi tiegħu u jaġixxi fuqha, biex jissaporti provi qliel u persekuzzjonijiet. 


1 Kor.15:33. Kumpanija ħażina tikkorrompi l-morali t-tajba. Pawlu jikkwota d-drammaturgu pagan, Menander, bħalma jikkwota awturi pagani bnadi oħra (At.17:28; Titu 1:12), u b’hekk donnu jagħtihom awtorità bħal meta jikkwota passi mill-Patt il-Qadim bħala l-Kelma t’Alla (eż., Rum.1:17; 3:9-18; 4:6-8). Frattant dan m’għandhiex tkun diffikultà: ma kkwotahomx bħala kitba ispirata, iżda bħala kitba vera. Awtur ieħor għamel l-istess (Ġuda 9,14). Kull verità hi l-verità t’Alla, qalha min qalha. Qajfa, avolja għadu ta’ Kristu, tkellem il-verità dwaru (Ġw.11:49). Il-Bibbja ġieli tuża sorsi mhux ispirati (Num.21:14; Ġoż.10:13; 1 Slat.15:31), sempliċement għax kien fihom il-verità. Qatt mhuma introdotta bil-formula, “Hekk jgħid is-Sid” (Isa.7:7; Ġer.2:5; eċċ.), jew “hu miktub” (Mt.4:4,7,10). Imma m’hemm ebda raġuni għala awtur bibliku, bi gwida mill-Ispirtu s-Santu, ma setax jinqeda b’verità, avolja misjuba barra mill-Bibbja. 


1 Kor.15:34. xi wħud huma injoranti dwar Alla. Possibbilment referenza għall-membri fil-knisja li ftaħru bit-tagħrif tagħhom (1 Kor.8:1) iżda li nnegaw jew iddubitaw il-qawmien, u allura wrew injoranza grassa inkwantu l-ħwejjeġ t’Alla. 


1 Kor.15:44. hu rxoxtat ġisem spiritwali. Pawlu mhux qed jagħmel kuntrast bejn il-fiżiku u l-mhux fiżiku, jew il-materjali u l-immaterjali. Il-ġisem tal-qawmien hu ġisem fiżiku, mhux fantażma intanġibbli. Il-bniedem li għandu l-Ispirtu s-Santu hu spiritwali, mentri min m’għandux l-Ispirtu hu naturali (1 Kor.2:6,14). Il-persuna naturali tappartieni għal daż-żmien preżenti (1 Kor.1:20), mentri l-bniedem spiritwali hu ċittadin tas-smewwiet (Fil.3:20). Il-Kristjani kollha rċevew l-Ispirtu, u minħabba f’hekk huma spiritwali. Għadhom ma rċevewx il-ġisem spiritwali tagħhom, il-ġisem li jkun konformat u adatt totalment għall-ħajja mogħtija mill-Ispirtu (cf., Rum.8:22-25). 


1 Kor.15:50. il-laħam u d-demm hi frażi li talludi għad-dgħufija ta’ eżistenza umana u mondana; hi ekwivalenti għal “korruzzjoni.” Mingħajr iġsma inkorruttibbli u ġodda ma nistgħu ngħixu bħala bnedmin mifdija kompletament. Allura ċ-ċaħda tal-qawmien daparti tal-Kortinin hi waħda mnissla mill-injoranza. 


1 Kor.15:51. m’aħniex se norqdu lkoll. Ħafna Kristjani ma jmutux iżda jkunu ħajjin fi żmien ir-ritorn ta’ Kristu fl-aħħar jum. Ovvjament ma jkunux imqajma mill-mewt, iżda jkunu trasformati u jirċievu istantanjament iġsma immortali li ma jitħassrux (cf., 1 Tes.4:13-18). 


1 Kor.15:54-57. Il-mewt inbelgħet fil-vittorja. Hawn għandna assigurazzjoni illi appena Kristu jirritorna l-mewt tkun meqruda għalkollox. Il-jum il-kbir t’Alla wkoll jimmarka t-tmiem tad-dnub. 

Inċidentalment, dal-pass hu konferma qawwija illi meta Kristu jiġi għat-tieni darba jkun it-tmiem tal-istorja umana kif nafuha bħalissa (cf., 1 Kor.15:23-24). L-idea ta’ renju litteru ta’ Kristu minn Ġerusalemm li jdum għal elf sena hi totalment żbaljata. Min iħaddan din l-idea inkonsistentement jemmen li tul l-elf sena n-nies fuq l-art xorta waħda jidinbu u jmutu – kontradizzjoni diretta għal dak li qed jingħad hawnhekk. 


1 Kor.16:2. Fl-ewwel jum ta’ kull ġimgħa, ċoè l-Ħadd, il-jum li fih Kristu rxoxta u ltaqa’ mad-dixxipli ripetutament (Ġw.20:19,26; cf., jum is-Sid; Riv.1:10). Miż-żmien appostoliku l-Insara ltaqgħu nhar ta’ Ħadd biex iqimu u jiċċelebraw il-Komunjoni (At.20:7), u allura kien xieraq illi l-offerta għall-foqra għandha wkoll tingħata dak il-jum. 


1 Kor.16:3. Biex żgur ma jkunx hemm suspetti, Pawlu rrikjesta illi jkun hemm rappreżentanti mill-ġemgħa ta’ Korintu ħalli jwasslu l-għotja tal-flus, u jaraw illi attwalment tingħata lill-fidili foqra t’hemmhekk. 


1 Kor.16:16. sottomessi għat-talin. Il-membri fil-knisja għandhom juru rispett u jobdu lill-mexxejja maħtura fuqhom, sabiex l-unità fosthom tiġi promossa. Kwalunkwe organizzazzjoni jrid ikollha tmexxija, altrimenti ma tkampax. 


1 Kor16:20. Il-bewsa qaddisa kienet att komuni li jikkomunika ħbiberija u merħba bejn il-fidili. L-ekwivalenti fil-kultura tagħna hi illi wieħed jieħu b’id l-ieħor, jew tgħanniqa. 


1 Kor.16:22. Jekk xi ħadd ma jħobbx lis-Sid, ħa jkun misħut. Kull min jgħid, “Ġesù hu misħut” (1 Kor.12:3), hu nnifsu misħut. Jekk il-barka mis-sema tiġina bil-medjazzjoni ta’ Ġesù, min iwarrbu u ma jintrabatx miegħu jġib fuqu saħta. 


1 Kor.16:22. Sidna, ejja! Din hi traduzzjoni ta’ kelmtejn bl-Aramajk, “Marana ta,” li jirriflettu l-qima tal-knisja bikrija, bix-xewqa ardenti tagħha illi Sidna jirritorna ħalli jipperfezzjona s-salvazzjoni fil-fidili tiegħu (Riv.22:20).


1 Kor.16:24. Pawlu kiteb bla kompromess u sikwit b’ċanfir lill-Korintin, allura jikkonkludi billi jiżgurahom minn imħabbtu lejhom. Min iħobb ma jħallix il-ħażen għaddej bħallikieku xejn.