L-Evanġelju Skont Ġwanni


Ġw.1:1. Fil-bidu kien il-Kelma (cf., Ġen.1:1). Il-Kelma hu Ġesù (Ġw.1:14). Hawnhekk hu affermat illi Ġesù, Bin Alla, eżista mill-eternità – attribut uniku għal Alla. Mhux “fil-bidu sar,” imma “fil-bidu kien” diġà, mela eżista qabel il-ħolqien tal-univers u ż-żmien. 

Il-kelma Griega logos (Kelma) twassal l-idea tal-espressjoni t’Alla u għandha sfond rikk mil-Patt il-Qadim. Kelmet Alla hi effettiva: Alla jitkellem, u l-affarijiet isiru (Ġen.1:3,9; Sal.33:6; 107:20; Isa.55:10-11), u bid-diskors jirrelata personalment ma’ niesu (eż., Ġen.15:1). 

Il-konċett tal-Kelma hu superjuri għall-idea filosofika Griega tal-Kelma (logos); għal Ġwanni, il-Kelma mhuwiex sempliċement il-prinċipju impersonali tar-Raġuni li ta ordni lill-univers. Ġesù hu l-għerf manifestat t’Alla (1 Kor.1:30; Ef.3:10-11; Kol.2:2-3) u r-rivelazzjoni perfetta tan-natura u l-persuna t’Alla (Ġw.1:3-5,14,18; Kol.2:9). Bħalma l-kliem ta’ individwu jikxiflu qalbu u moħħu, Kristu bħala l-Kelma jiżvela l-qalb u l-moħħ t’Alla. 

u l-Kelma kien m’Alla. Hemm relazzjoni interpersonali u intima mal-Missier; hemm ukoll distinzjoni fl-unità tad-Divinità. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu mhumiex forom suċċessivi kif Alla jippreżenta ruħu quddiemna, iżda huma persuni eterni preżenti “mill-bidu” (Ġw.1:2). 

u l-Kelma kien Alla. Il-Kelma hu l-istess wieħed li fil-bidu ħalaq l-univers. Alla l-ħaj u veru jikkonsisti f’iżjed minn persuna waħda. Jirrelataw ma’ xulxin, u eżistew minn dejjem. Mal-ewwel sentenza tiegħu Ġwanni jafferma d-divinità sħiħa ta’ Ġesù, u matul il-vanġelu tiegħu se jikkorrobora t-teżi, jew aħjar, l-affermazzjoni tiegħu b’evidenza varjata, li tilħaq il-quċċata fl-irxoxt, u partikolarment il-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxiplu meta Tumas jiddikjaralu direttament u bla ħabi, “Sid tiegħi u Alla tiegħi!” 

Il-fatt li l-kelma “Alla” fil-frażi l-Kelma kien Alla hi mingħajr artiklu definit mhuwiex argument li Ġesù hu b’xi mod inferjuri fin-natura tiegħu għall-Missier. Insibu eżempji oħra fejn il-kelma “Alla” (bil-Grieg, Theos), b’referenza għal Alla l-Missier, hi mingħajr artiklu definit (Ġw.1:6,12-13,18; eċċ.). Kieku Ġesù hu “alla,” u allura inqas mill-Missier u l-Ispirtu s-Santu, allura l-Patt il-Ġdid jgħallem il-politeiżmu, b’kunflitt qawwi mal-monoteiżmu konsistenti tul il-Bibbja kollha. 


Ġw.1:2. Hu kien fil-bidu m’Alla. Kristu mhuwiex maħluq; meta sar il-bidu Kristu diġà kien; hu qabel il-bidu taż-żmiem, mela hu etern. Minn dejjem kien f’xirka ta’ mħabba mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu. 


Ġw.1:3. Kollox sar permezz tiegħu. Enfasi ieħor fuq id-divinità tal-Kelma, ladarba l-ħolqien jappartieni għal Alla waħdu. Kollox tinkludi l-univers kollu. Ħlief għal Alla, kulma jeżisti ġiet kkawżat minnu, u ħlief għal Alla, xejn ma eżista eternament. 

Skont il-mostra konsistenti tal-Iskrittura, permezz tiegħu turi li Alla l-Missier wettaq il-ħidmiet kreattivi tiegħu bl-attività tal-Iben (cf., 1 Kor.8:6; Kol.1:16-17; Ebr.1:2). Dan il-vers ixejjen is-suġġeriment li l-Iben kien maħluq, għax altrimenti Alla l-Missier kien ikollu joħolqu mingħajru, u Ġwanni jgħid li xejn, jew lanqas ħaġa waħda, ma nħolqot b’dan il-mod.

“Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art” (Ġen.1:1). Alla ma ħalaqx minn xi materjal diġà jeżisti; anzi, ħalaq mix-xejn, bir-rieda tiegħu. Iddeċieda li l-ħwejjeġ għandhom jeżistu u ġabhom fl-eżistenza tagħhom bil-kelma tiegħu (“Ħa jkun id-dawl,” eċċ.). Il-Mulej ta lill-ħolqien eżistenza dipendenti fuq l-eżistenza eterna tiegħu nnifsu, u madankollu eżistenza distinta minn tiegħu. Il-kreazzjoni hu x-xogħol t’Alla Trinità: il-Missier (Sal.33:6-9; 148:5), l-Iben (Ġw.1:1-3; Ebr.1:2; 11:3), u l-Ispirtu s-Santu (Ġen.1:2; Ġob.33:4).

Għalina l-att tal-ħolqien hu misterju; hemm iżjed fih milli nistgħu nifhmu. Il-bniedem mhux kapaċi joħloq għax sempliċement ikun irid joħloq, u allura ma nafux kif Alla seta’ jagħmel hekk. Meta ngħidu li ħalaq “mix-xejn” inkunu qed nammettu dal-misterju, mhux infissruh. 

Partikolarment, ma nistgħux nifhmu kif eżistenza dipendenti tista’ tkun distinta, jew kif l-anġli u n-nies fl-eżistenza dipendenti tagħhom jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ħielsa u fl-istess ħin ikunu moralment responsabbli lejn Alla li għamilhom. Madankollu l-Iskrittura l-ħin kollu tgħallem din il-verità.

L-univers mhux biss kellu bidu, iżda hu miżmum kontinwament minn Alla. Mingħajr din l-attività tal-Iben divin (Kol.1:15-17), kull kreatura ta’ kull tip, inklużi aħna, ma tibqax teżisti. “Hu nnifsu jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox...Fih ngħixu u qed inkunu mċaqilqa u neżistu” (At.17:25,28). 

Alla mhuwiex limitat għall-ispazju jew imxekkel biż-żmien; dawn huma realtajiet tal-ordni maħluq; mhux marbut bihom bħalna. Kapaċi jaħdem fil-ħolqien b’modi lil hinn mill-fehma tagħna. 

It-tagħrif li Alla ħalaq lilna u d-dinja ta’ madwarna jservi ta’ pedament għar-reliġjon vera. Alla għandu jkun imfaħħar bħala l-Ħallieq (Sal.148) u rikonoxxut mill-ordni meraviljuża u l-ġmiel tal-għemejjel tiegħu (Sal.104). Meta nagħrfu li niddependu fuq il-Mulej għall-eżistenza kontinwa tagħna nkunu nistgħu nobdu s-sejħa biex ngħixu ħajja ta’ devozzjoni, gratitudni u lealtà lejh.


Ġw.1:4. Fih kienet il-ħajja. Affermazzjoni oħra tad-divinità tal-Iben; bħal u daqs il-Missier għandu l-ħajja fih innifsu (Ġw.5:26). 

l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Ħajja vera u ġenwina tinsab biss fi Kristu (cf., Ġw.17:3). Ħajtu kienet u tibqa’ d-dawl għal kulħadd, ċoè, il-verità, in-natura u l-qawwa t’Alla huma disponibbli għall-bnedmin permezz ta’ Ibnu (Ġw.8:12; 15:35-36,46). 

Il-ħajja (bil-Grieg, zoē) u d-dawl (bil-Grieg, phōs) huma konċetti importantissmi għal Ġwanni. 

Ġesù hu l-ħajja (Ġw.14:6), il-ħobż tal-ħajja (Ġw.6:35,48), u l-ilma tal-ħajja (Ġw.4:10-11; 7:38). Kliemu hu kliem il-ħajja eterna (Ġw.6:68). Hu dak li jagħti l-ħajja (Ġw.6:33; 10:10). Il-ħajja, rivelata f’Ġesù, hi mogħtija lilna hekk kif nemmnu u ngħammru f’relazzjoni vitali miegħu bil-fidi (1 Ġw.1:1-3). Dil-ħajja hi eterna, gawduta issa, u tkun tagħna fil-milja tagħha fir-resurrezzjoni finali (Ġw.5:28-29; 6:39-40,54). 

Id-dawl hu msemmi tlieta u għoxrin darba fil-Vanġelu skont Ġwanni, aktar minn kull ktieb ieħor fil-Patt il-Ġdid. Ġesù hu d-dawl u bih insiru wlied id-dawl (Ġw.12:36). Il-fidili obbligati wkoll jgħammru fid-dawl (qdusija u verità) u jiżviluppaw il-frott tad-dawl (Ef.5:9; 1 Ġw.1:7). 


Ġw.1:5. Id-dawl jiddi fid-dalma. Il-motivi tal-ħolqien ikomplu (cf., Ġen.1:3-5,14-18,20-31; 2:7; 3:20; cf., ukoll Isa.9:2; 42:6-7; 49:6; 60:1-5; Mal.4:2; Lq.1:78-79). Fuq dan l-isfond, Ġesù d-dawl iġib f’did-dinja mudlama t-tagħrif veru, purità morali u d-dawl li juri l-preżenza t’Alla (cf., Ġw.8:12; 1 Ġw.1:5). 

d-dalma ma fehmitux. Tul il-Vanġelu Ġwanni jenfasizza konċetti kuntrastanti. Il-plott nistgħu nilmħuha fit-taqtigħa bejn il-forzi tal-fidi u l-inkredulità. Id-dawl ta’ Kristu jiddi f’dinja ħażina u midinba maħkuma minn Satana. Il-maġġor parti tad-dinja ma aċċettatx il-ħajja u d-dawl tiegħu, iżda l-errur qatt ma jista’ jegħleb il-verità.


Ġw.1:6-8. Ġwanni nħatar mis-sema biex ikun xhud ta’ Ġesù bħala l-prekursur tiegħu (Ġw.1:15,19-36). Frattant Ġwanni, għalkemm kbir bħala profeta, kien sempliċi bniedem u mhux ugwali ma’ Kristu (Ġw.1:27) – ma kienx dak id-dawl. 

ilkoll ma tfissirx kull individwu fid-dinja iżda ħafna f’Iżrael u bnadi oħra (Mt.3:5-6). 


Ġw.1:7-9. Id-dawl il-veru. Il-verità u l-veru huma sikwit użati biex jissinifikaw id-dejjiemi u s-smewwieti, f’kuntrast għal dak sempliċement temporali jew mondan (cf., Ġw.4:24; 6:32). 

li jdawwal lil kull bniedem. Kristu jillumina lil dawk kollha li jisimgħu l-evanġelju billi jgħaddi miżura ta’ grazzja u fehma tajba sabiex il-bnedmin liberament jagħżlu biex jaċċettaw jew jirroftaw il-messaġġ. In-nies li jirrikorru għandu jagħmlu hekk sforz is-sejħa effettiva t’Alla f’qalbhom. In-nies li juru interess iżda xorta waħda finalment jitwarrbu minnu jagħmlu hekk sforz il-qalb midinba tagħhom, għax iħobbu d-dlam aktarx mid-dawl (Ġw.3:19-21). 

Il-vanġelu hu rilevanti għal kull ġens u kull individwu. Għaldaqstant Alla hu attiv biex idawwal skont il-grazzja komuni tiegħu (Ġw.1:9). Mhuwiex ristrett għal xi poplu partikolari, bħalma virtwalment illimita lilu nnifsu fil-Patt il-Qadim għall-ġens Lhudi.


Ġw.1:10. d-dinja m’għarfitux. Il-kelma Griega għal dinja hi kosmos, u għandha tifsiriet diversi, fosthom: 

1. L-univers fiżiku, maħluq minn Alla (Ġw.1:9; cf., v.3; 21:24-25). 

2. L-umanità inġenerali (Ġw.3:16; 6:33,51; 12:19). 

3. Is-sistema inviżibbli u spiritwali ta’ ħażen dominata mix-xitan. Hi s-soċjetà organizzata u operattiva indipendentement minn Alla, apparti minn Kelmtu, u bla ma tagħraf il-ħakma tiegħu (Ġw.3:19; 4:42; 7:7; 14:17,22,27,30; 15:18-19; 16:8,20,33; 17:6,9,14; cf., 1 Kor.1:21; 2 Pt.1:4; 1 Ġw.5:19). 

Id-dinja qatt mhi se tagħraf jew tirrikonoxxi lil Kristu; tibqa’ indifferenti għalih jew saħansitra għadu tiegħu u tal-evanġelju (Ġak.4:4). Id-dinja hi l-opponent kbir tas-Salvatur fl-istorja tal-fidwa (1 Ġw.2:15-17; 4:5). 


Ġw.1:11. ma laqgħuhx. Is-Sultan (Ġw.1:45,49) ġie fid-dinja tiegħu, magħmula minnu, u niesu stess, li suppost kienu qed jistennewh, spiċċaw biex irriġettawh. Il-ministeru pubbliku ta’ Ġesù kien wieħed ta’ roftiment mil-Lhud, kumpatrijotti tiegħu, ħlief għal minoranza ċkejkna. 


Ġw.1:12. rċevewh timplika mhux biss kunsens għal xi fatti dwar Ġesù, iżda wkoll il-ħtieġa li nilqgħuh u nissottomettu għalih f’relazzjoni personali, bl-intellett, l-emozzjoni u r-rieda, ċoè b’qalbna kollha. 

jemmnu f’ismu tkompli tenfasizza l-afdar personali u esklussiv fil-persuna sħiħa tiegħu. Dan il-vers juri ċar kif il-fidi ġenwina hi kemm att wieħed istantanju kif ukoll attitudni kostanti sal-mewt. Biex wieħed isir wild Alla, irid “jirċievi” (bil-Grieg, elabon, minn lambanō, irċieva, ħa) lil Kristu. It-temp aorist (passat) hawnhekk jissinifika att definit fl-imgħoddi. Bħala konsegwenza ta’ dan l-att ta’ fidi jrid ikun hemm azzjoni kontinwata ta’ afdar u dipendenza fuq Kristu. Il-kelma jemmnu (bil-Grieg, pisteuousin, minn pisteuō, emmen, kellu fidi jew kunfidenza) hi partiċipju preżenti, u allura tiddeskrivi azzjoni li tkompli u tindika l-ħtieġa ta’ perseveranza fit-twemmin. Hekk il-fidil juri tabilħaqq li għandu fidi ġenwina. Tibda u tkompli temmen (Mt.10:22; 24:12-13; Kol.1:21-23; Ebr.3:6,12-15). 

Importanti ninnotaw illi Ġwanni qatt ma juża n-nom “twemmin” jew “fidi” (bil-Grieg, pistis) fil-Vanġelu, però juża l-verb “emmen” 98 darba. Għal Ġwanni, il-fidi li ssalva hi attività jew dispożizzjoni, xi ħaġa li n-nies jagħmlu. Il-fidi vera mhijiex twemmin statiku, bħal fossila, iżda dipendenza b’impenn fuq Ġesù, bħalma siġra tiddependi fuq il-ħamrija għall-ħajja u biex trodd il-frott. Bil-fidi wieħed jabbanduna ruħu f’idejn is-Salvatur hekk li kulma jmur joqrob lejh f’intimità spiritwali (cf., Ebr.7:25). 

tahom il-jedd tindika li l-ewwel neżerċitaw fidi salvivika fi Kristu mbagħad allura nsiru membri fil-familja t’Alla bl-adozzjoni. 

isiru tfal t’Alla. Il-bnedmin, imwaqqa’ fid-dnub, mhumiex ulied Alla min-natura (Ef.2:1-3). Il-privileġġ ta’ adozzjoni jgawduh l-individwi li jeżerċitaw fidi ħajja skont l-evanġelju, ġenerata fihom mill-azzjoni sovrana t’Alla (Ġw.1:13).


Ġw.1:13. huma mweldin. Il-fidili waslu biex emmnu ġenwinament għax twieldu mill-ġdid (cf., Ġw.3:3-8), jew huma riġenerati. Lil dawk mejtin fid-dnubiet (Ef.2:1) l-Ispirtu jogħġbu, skont l-għan tal-Missier, jagħti ħajja spiritwali ġdida. Niddeskrivu dan l-att divin ukoll bħala resurrezzjoni spiritwali (Rum.6:4-6; Ef.2:5; Kol.2:13; 3:1; cf., Ġw.5:24). Għemil Alla fis-salvazzjoni hu totalment u assolutament sovran u grazzjuż. Mhux talli ma jikkanċellax ir-rispons uman ta’ fidi, iżda jikkawżaha, għax it-twelid mill-ġdid jagħmel lill-bniedem kapaċi jemmen.

Ġwanni jafferma li la d-dixxendenza etnika (mhux mid-dmija) u lanqas l-isforz uman jew ir-rieda tal-laħam, ma jagħmilna wlied Alla. Lanqas ma niddaħħlu fil-familja tiegħu minħabba deċiżjoni tal-ġenituri jew nies oħra – mir-rieda tal-bniedem. Hu biss ix-xogħol sopranaturali t’Alla (Ġw.8:41-47). 


Ġw.1:14. Il-Kelma sar laħam. Alla mhuwiex kontra l-materja u l-fiżiku; ħalqu hu, u jogħġbu. Għas-salvazzjoni tagħna, mingħajr ma ċeda d-divinità tiegħu, l-Iben assuma għalih innifsu ġisem kompletement u realment uman. Mhux deher bħala bniedem, iżda attwalment sar bniedem sħiħ u ġenwin, b’ġisem u ruħ raġunevoli. Storikament, Kristu, Alla etern, sar bniedem ukoll (Fil.2:5-9). L-umanità u d-divinità saru uniti flimkien fih; b’mod umli sar parti mill-umanità bil-limitazzjonijiet kollha tagħha, però bla qatt ma kkommetta dnub (cf., Ġw.3:17; 6:38-42; 7:29; 9:5; 10:36). 

Id-dottrini tat-Trinità (tliet persuni f’Alla wieħed) u l-Inkarnazzjoni (Alla l-Iben li sar ukoll bniedem) imorru flimkien. Kristu hu tabilħaqq divin; l-Evanġelju jiddikjara wkoll li l-istess Kristu huwa wkoll uman. Flimkien jipproklamaw ir-realtà sħiħa tas-Salvatur muri fil-Patt il-Ġdid, l-Iben li ġie fostna minn ħodon il-Missier, skont ir-rieda tal-Missier, biex joffri ħajtu bħala sagrifiċċju minflok il-midinbin fuq il-Kalvarju (Mt.20:28; 26:36-46; Ġw.1:29; 3:13-17; Rum.5:8; 8:32; 2 Kor.5:19-21; 8:9).

Il-knisja mill-bidu nett iġġieldet l-ereżija li l-Iben hu inqas jew inferjuri għall-Missier. Il-Konċilju ta’ Niċea (325 w.K.) afferma li Kristu hu “natura waħda mal-Missier li bih sar kollox,” kif ukoll li Kristu hu “mnissel, mhux magħul”(Ġw.1:14,18; 3:16,18). 

L-Inkarnazzjoni - l-Kelma saret laħam - il-miraklu misterjuż fil-qalba tal-fidi storika tagħna, hi kruċjali fix-xhieda tal-appostli. Ġesù ġie l-ewwel għal-Lhud, u naraw kif dan il-ġens, fiċ-ċentru tar-reliġjon tiegħu jħaddan din l-affermazzjoni ewlenija, li hemm Alla wieħed veru. It-tnax kienu Iżraeliti, u madankollu għallmu li Ġesù l-Messija għandu jkun meqjum u fdat. B’hekk riedu jgħidu li hu Alla xejn inqas milli hu bniedem. 


Ġw.1:14. għammar fostna. L-idea hi “waqqaf it-tinda tiegħu fostna.” Dan jindika n-natura temporanja tal-eżistenza terrestri ta’ Ġesù – għex man-nies għal ftit snin. L-għamara tiegħu tfakkarna wkoll fit-tabernaklu antik ta’ Iżrael, fejn Alla mmanifesta ruħu (Es.25:8-9; 33:7; 40:34-35). Hekk il-miġja ta’ Kristu twettaq is-simboliżmu fil-Patt il-Qadim għall-għamara t’Alla mal-bniedem fit-tabernaklu u t-tempju. Aktar tard, permezz tal-Ispirtu s-Santu, Kristu jagħmel tempju kemm mill-knisja (1 Kor.3:16) kif ukoll mill-ġisem ta’ kull Kristjan (1 Kor.6:19). 

osservajna l-glorja tiegħu, bħalma l-Lhud raw il-glorja t’Alla fid-deżert (Es.16:1-10; 33:18-23) u fit-tabernaklu (Es.40:34-35) u aktar tard fit-tempju (1 Slat.8:1-11). Forsi qed jirreferi wkoll għat-Trasfigurazzjoni (Mt.17:1-5). Il-glorja tappartieni supremament għal Alla, il-Ħallieq u Ħakkiem tal-univers; l-Iben għandu l-glorja divina bi dritt (Ġw.17:5). 

tal-uniku (bil-Grieg, monogenēs, uniku; waħdieni; uniġenitu). Hu msejjaħ hekk għax hu assolutament uniku fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier. Il-kelma monogenēs tittraduċi l-kelma Ebrajka yachid (wieħed) fis-Septwaġinta. L-Ebrej 11:17 tapplika l-kelma għal Iżakk bħala l-iben uniku u speċjali ta’ Abraħam, l-iben maħbub tiegħu, l-uniku iben tal-wegħda. 

grazzja u verità jikkorrispondu għal “ħniena u verità” (bl-Ebrajk, hesed u emet, Es.34:6; cf., Es.33:18-19) inklużi fil-patt t’Alla fl-antik (Ġen.24:27; Sal.25:10; Prov.16:6; cf., Sal.26:3). Ġesù, preżenti fostna, wera l-karattru t’Alla, li jagħmel u jżomm il-patt bi grazzja liema bħalha. 


Ġw.1:15. Dak li ġej warajja sebaqni għax kien qabli. Il-ministeru tal-Battista seħħ qabel il-ministeru ta’ Ġesù (Mt.3), frattant il-Kelma, billi hu etern, eżista wisq qabel Ġwanni, difatti eżista mill-eternità (cf., Ġw.8:58). 


Ġw.1:16. Ġwanni juża l-kelma grazzja hawn u fir-Rivelazzjoni 1:4 u 22:21 biss. U frattant il-vanġelu tiegħu jaċċentwa l-grazzja b’mod sabiħ u impressjonanti. (Inċidentalment, lanqas juża l-kelma “ndiema” tul il-vanġelu; b’daqshekk ma jfissirx li mhix importanti, għax naraw diversi każijiet ta’ ndiema.) Ġesù, u mhux ħaddieħor, għandu kull suffiċjenza biex mingħandu napplikaw għall-grazzja, kontinwa u sodisfaċenti. 

Is-salvazzjoni u kulma hu assoċjat magħha huma għotja gratis mingħand Alla ħanin. Il-grazzja tindika l-favur mhux meritat t’Alla li jġib barka u ferħ. Hi l-inizjattiva tiegħu, l-imħabba u l-favur divin li jagħmlu possibbli u reali s-salvazzjoni sħiħa fi Kristu. Is-salvazzjoni ma naqilgħuhiex billi nipprovaw inżommu l-kmandamenti. Alla jsalvana skont ħnientu, u appena nirċievu l-maħfra u l-ħajja mingħandu, isir possibbli għalina nimxi sinċerament u bi gratitudni skont il-kmandamenti tiegħu sabiex ix-xbieha ta’ Kristu tissawwar fina. 


Ġw.1:17. Mosè...Kristu. Hemm kuntrast kif ukoll paragun. Il-grazzja u l-verità ovvjament kienu operattivi tul il-Patt il-Qadim, iżda huma żvelati kompletament bil-miġja ta’ Ġesù, li jimmarka r-rivelazzjoni finali u definittiva t’Alla fil-grazzja u l-verità tiegħu, għax hu superjuri għal Abraħam (Ġw.8:53), Ġakobb (Ġw.4:12), u saħansitra Mosè (Ġw.5:46-47; cf., 9:28). Għan-nies taħt il-patt l-antik kien hemm miżura ta’ grazzja kif jidher fil-fidi tagħhom (Ġen.5:24; 7:1; 15:6; eċċ.) u fil-wegħdi tal-maħfra (Es.34:6-7; Lev.5:17-18). Issa permezz ta’ Kristu, il-grazzja u l-verità huma disponibbli sal-ogħla miżura possibbli (Rum.5:17-21). Il-verità m’għadhiex mistura taħt tipi, bħalma kienu s-sagrifiċċji u l-festi tal-Lhud.


Ġw.1:18. Qatt ħadd ma ra ’l Alla b’mod sħiħ u komplut (cf., Ġw.6:46), għax hu inviżibbli u bla forma (1 Tim.6:16), għalkemm xi nies fil-Patt il-Qadim raw teofaniji, ċoè dehriet jew rivelazzjonijiet parzjali tiegħu. Frattant Ibnu, inkarnat fostna, jimmanifestah u jwassal lill-bniedem għand Alla (Ġw.14:6). Iġib l-inviżibbli u l-viżibbli flimkien b’mod li la għandu parallel u lanqas analoġija. 

li hu f’ħodon il-Missier. Dan jindika intimità reċiproka, imħabba u tagħrif eżistenti f’Alla Trinità (ara Ġw.13:23; Lq.16:22-23). 

għarrfu. Minn dil-kelma Griega għandna ‘eseġesi’ jew ‘interpreta.’ Ġesù jfissrilna jew jispjegalna min hu Alla u x’jagħmel (Ġw.14:8-10). 


Ġw.1:21. Int Elija? Malakija 4:5 bassar illi l-profeta Elija jirritorna qabel ma l-Messija jistabbilixxi s-saltna. Ġwanni ma kienx litteralment Elija, iżda deher fl-ispirtu u l-qawwa tiegħu (Lq.1:17), ċoè eżerċita l-istess tip ta’ ministeru ta’ restawrazzjoni, b’personalità simili għal tiegħu (2 Slat.1:8; cf., Mt.3:4). 

Int il-Profeta? Mosè kien ħabbar illi Alla għad iqajjem profeta kbir bħalu li jiffunzjona bħala l-vuċi tiegħu (Dt.18:15-18). Il-profezija twettqet f’Ġesù (At.3:22-23; 7:37), għalkemm xi nies ħasbu li seta’ jkun il-Battista. 


Ġw.1:23. Jien leħen. Ġwanni stqarr illi hu l-forier imbassar minn Isaija 40:3. Il-ministeru tal-Battista kien illi jipprepara l-ġens Lhudi għad-dehra tal-Messija fosthom. Bl-ippritkar qawwi u l-prattika tal-magħmudija, li biha sejjaħ lil-Lhud għall-indiema, riegħed is-soċjetà. 


Ġw.1:24-28. Ġesù superjuri għal Ġwanni (ara l-passi paralleli f’Mt.3:11-12, Mk.1:7-8 u Lq.3:15-18). 


Ġw.1:25. Għaliex mela qed tgħammed...? Ġwanni ma assumiex ir-rwol rimarkevoli tiegħu bħala xandar u għammiedi permezz tal-metodu konvenzjonali tal-iskejjel rabbiniċi, u allura l-awtorità tiegħu kienet sfidata. 


Ġw.1:29. li jneħħi dnub id-dinja! Id-dinja hi l-umanità inġenerali f’ostilità kontra Alla, mhux kull bniedem individwalment. Għalkemm mhux kull persuna mingħajr eċċezzjoni se tkun salvata, is-sagrifiċċju ta’ Kristu hu l-uniku tpattija għad-dnub uman, u l-effettività tiegħu mhijiex limitata biż-żmien jew post. Ġesù hu dikjarat bħala l-ħaruf, provdut minn Alla nnifsu, biex ikun sagrifikat minflok il-midinbin (cf., Es.12:3-17; Isa.53:7). B’mewtu, Ġesù neħħa l-ħtija u l-kundanna minħabba d-dnub minn fuq niesu, meħudin minn kull żmien u pajjiż.

Ġesù jwettaq is-simboliżmu tal-Għid u s-sagrifiċċji varjati fil-Patt il-Qadim (Lev.1:1-5:19; 1 Kor.5:7; Ef.5:2; Ebr.10:1-14). Il-ħelsien permezz tad-demm ta’ ħaruf kien dell tal-miġja ta’ Kristu bħala l-ħaruf veru li ottiena salvazzjoni finali għan-nies t’Alla permezz ta’ mewtu. Biha huma salvati mill-mewt eterna fl-infern, mid-dnub u x-xitan (Kol.1:13-14; Ebr.2:14-15). Mogħti mill-Missier innifsu, mewtu hi effettiva għax ingħata bħala sostitut għall-midinbin, biex jitberred u jitneħħa għadab Alla minn fuqhom (cf., Rum.3:25; Ebr.2:17; 1 Ġw.2:2; 4:10). 

Ix-xbieha tal-ħaruf tissokta u tilħaq il-quċċata tagħha fil-viżjoni tal-ħaruf apokalittiku gwerrier li jġib ġudizzju u vittorja universali (Riv.5:6-13; 7:17; 21:22-23; 22:1-3). 


Ġw.1:31. jien ma kontx nafu. Ġesù u Ġwanni probabbilment kellhom kuntatt (cf., Lq.1:39-45), iżda l-Battista ma kienx jaf min kien Ġesù, ċoè, il-Ħaruf, qabel ma l-Ispirtu identifikah. 


Ġw.1:32. Rajt l-Ispirtu nieżel bħal ħamiema. Is-sinjal mirakoluż meta Ġwanni għammed lil Ġesù wera lil Ġwanni illi Ġesù hu tabilħaqq il-Messija (Mt.3:16). 


Ġw.1:34. Bin Alla. Għalkemm, f’sens limitat, il-fidili huma msejħa “wlied Alla” (eż., Mt.5:9; Rum.8:14) il-forza sħiħa ta’ dat-titlu hi riservata fl-użu tiegħu għal Ġesù, minħabba l-uniċità u l-intimità tiegħu mal-Missier bħala Ibnu, ir-riflessjoni eżatta tiegħu (Ebr.1:1-3). Allura l-frażi fiha l-idea tad-divinità ta’ Ġesù bħala l-Messija (Ġw.1:49; 5:16-30; Ebr.1:1-9; cf., 2 Sam.7:14; Sal.2:7). 


Ġw.1:37-49. Ġesù sejjaħ xi rġiel, aktar tard appostli, hawnhekk, f’perjodu kmieni, mentri s-Sinottiċi jgħidu li s-sejħa saret ħafna aktar tard (Mt.4:18-22; Mk.1:16-20; Lq.5:1-11). Is-soluzzjoni mhijiex diffiċli. Ġwanni jirrekordja intervista inizjali mad-dixxipli, mhux is-sejħa permanenti tagħhom. Bħala riżultat qagħdu miegħu jum wieħed (Ġw.1:39), imbagħad irritornaw lejn djarhom u l-impjieg tagħhom. Aktar tard hu indikat meta ħallew xogħolhom biex jakkumpanjaw lil Ġesù l-ħin kollu, u jitħarrġu minnu bħala l-appostli tiegħu. 


Ġw.1:42. Kefa hi kelma Aramajka li tfisser “blata” (cf., Mt.16:16-18). Alla sikwit bidel l-ismijiet ta’ nies biex jindika s-sejħa speċjali tagħhom, bħalma ġara fil-każ ta’ Abram għal Abraħam, u Ġakobb għal Iżrael. 


Ġw.1:45. Sibna ’l dak li dwaru kiteb Mosè. Il-Patt il-Qadim kollu, difatti, antiċipa ħidma ridentiva kbira t’Alla miksuba minn wieħed unzjonat speċjalment. Il-Patt il-Qadim iħares ’il quddiem lejn Kristu, u xogħlu hu affermat minn Kristu nnifsu (Lq.24:25-27,44-47). Dan kien ċentrali fl-ippritkar tal-knisja bikrija (At.2:29-32; 3:18,21,24; 7:52-53; 8:30-35; 26:22-23; 28:23). 


Ġw.1:45. bin Ġużeppi. Filippu mhuwiex jiċħad it-twelid verġni ta’ Ġesù; abbli lanqas kien konxju tiegħu f’dak l-istadju. Ġużeppi, uffiċjalment u għal għajn in-nies, aġixxa bħala missieru u trabba minnu. Filippu sempliċement qed jidentifika lil Ġesù b’beltu u b’familtu (Mt.1:24). 


Ġw.1:47. Natanael kien bniedem sinċerament devot lejn Alla, membru tal-poplu veru u spiritwali t’Alla – wieħed verament Iżraelita. 


Ġw.1:48-49. taħt it-tina. Il-viżjoni sopranaturali ta’ Kristu pprovokat lil Natanael biex jistqarru bħala l-Għalliem – Rabbi – mibgħut mis-sema, il-Ħakkiem u s-Salvatur

is-Sultan ta’ Iżrael, bħal Bin Alla (2 Sam.7:14; Sal.2:7) hi deskrizzjoni fil-Patt il-Qadim tal-Messija (eż., Sof.3:15). Iż-żewġ frażijiet insibuhom maġenb xulxin ukoll f’Mattew 27:42-43.


Ġw.1:50. ħwejjeġ ikbar minn dawn. Il-mirakli ta’ Ġesù jservu bħala sinjali tal-qawwa u l-ħidma ridentiva tiegħu. Napprezzaw il-mirakli, mhux biss fihom infushom, iżda minħabba r-realtajiet ridentivi li jwiegħdu. Ikbar mit-tali ħwejjeġ hi s-salvazzjoni nfisha (Ġw.1:51).


Ġw.1:51. Tassew, tassew ngħidilkom hi affermazzjoni solenni li tenfasizza l-awtorità u l-importanza fil-pronunzji ta’ Ġesù. 

taraw is-sema miftuħ. Ġesù jalludi għall-viżjoni ta’ Ġakobb, meta ra sellum jew taraġ li mill-art iwassal sas-sema (Ġen.28:12). Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala r-realtà sinifikata mis-sellum. Il-patrijarka ra f’ħolma r-reunjoni tas-sema u l-art; Kristu ġabha fir-realtà. Hu l-medjatur veru bejn Alla u l-bnedmin li jibgħat l-anġli tiegħu biex iwettqu l-volontà tiegħu.

Bin il-bniedem hu s-Sultan smewwieti maħtur minn Alla biex jaħkem għal dejjem fuq kollox (Dan.7:13-14; Ġw.3:13-14; 5:27; 6:27,53,62; 8:28; 12:23,34; 13:31). 


Ġw.2:1-11. l-ewwel mis-sinjali mirakolużi ta’ Ġesù kien meta qaleb l-ilma fi nbid waqt tieġ. Jissinfika t-trasformazzjoni tal-ordni qadima (simbolizzat b’ilma merfugħ f’ġarar tal-ġebel użat għall-purifikazzjoni ritwali) fil-ġdida (l-inbid li jissimbolizza l-ħajja eterna f’saltnet Alla permezz ta’ Ibnu (cf., 2 Kor.5:17). Is-salvazzjoni hi sikwit pinġuta bħala bankett (Isa.25:6-9). 

Xi skulari jsejħu l-ewwel tnax-il kapitlu ta’ Ġwanni bħala “l-ktieb tas-sinjali” (bil-Grieg, sēmeiōn). L-għeliem mirakolużi f’dal-Vanġelu jippontaw lejn Ġesù bħala Alla l-Iben (Ġw.1:18), bħala “l-Kristu, Bin Alla” (Ġw.20:30-31). Jikkonfermaw l-attività tiegħu bħala l-għemil t’Alla; huma wkoll provi tad-divinità u l-awtorità tiegħu. Isejħulna biex nemmnu fih, mhux fis-sinjali rjali nfushom. 

Il-Patt il-Ġdid jwissi wkoll dwar sinjali foloz, maħduma bil-qawwa tax-xitan, maħsuba biex iqarrqu (Mt.24:24; Mk.13:22; 2 Tes.2:9; Riv.13:14). 


Ġw.2:1-2. Il-parteċipazzoni ta’ Ġesù f’tieġ timplika l-approvazzjoni u l-barka tiegħu fuq iż-żwieġ bħala ordinanza divina (Ġen.2:18-25; 1 Tim.4:3-4). 


Ġw.2:3. Hawn tintuża l-kelma normali għal inbid, xarba ffermentata u alkoħolika, l-istess waħda fl-Efesin 5:18. Il-Bibbja tikkundanna l-abbuż tal-alkoħol u s-sokor (Prov.20:1; 31:4-5; Isa.24:9; 1 Kor.6:9-10; Ef.5:18), iżda mhux neċessarjament il-konsum tal-inbid, mbasta jkun bil-qies u r-rażan (Sal.104:15; Prov.20:1). 

Il-fatt li spiċċalhom l-inbid waqt tieġ nistgħu narawh bħala simbolu tal-isterilità spiritwali tal-Ġudaiżmu, speċjalment fuq l-isfond tal-Patt il-Qadim illi jħares lejn l-inbid (imma qatt lejn is-sokor) bħala sinjal ta’ ferħ u l-barka mis-sema (Sal.104:15; Prov.3:10; cf., Mt.26:29). 


Ġw.2:4. X’inhu dan għalija u għalik, mara? Fi kliem ieħor, “Għala tinvolvini?” Ġesù jwieġeb ir-rikjesta ta’ Marija, mhux għax hi ommu, iżda bħala parti minn ħidmietu bħala l-Messija. Ir-rwol speċjali ta’ Marija bħala ommu ma jagħtiha ebda awtorità biex tintervieni fil-karriera messjanika tiegħu. Hawn mela għandna argument qawwi kontra t-talb lil Marija, jew lil kwalunkwe kreatura oħra. Dejjem tul l-Iskrittura t-talb tal-ġusti hu indirizzat lil Alla. 

mara hi mod rispettuż kif wieħed seta’ jindirizza lil persuna tas-sess femminili; Ġesù normalment hekk jindirizza lin-nisa (Ġw.4:21; 8:10). 

is-siegħa tiegħi normalment tissinifika ż-żmien tas-sofferenzi u l-mewt tiegħu (Ġw.7:30; 8:20; 12:23,27; 13:1; 17:1). Ġesù, u mhux Marija, jiddetermina l-orarju tal-ministeru tiegħu. 


Ġw.2:5. “Kulma jgħidilkom, agħmluh.” Il-parir ta’ Marija jgħodd għalina lkoll. Jekk Ġesù jgħidilna biex immorru għandu għall-mistrieħ spiritwali, immorru għandu (Mt.11:28-30) u mhux għand ommu. Jekk jgħidilna nitolbu lill-Missier, nindirizzaw talbna lil Alla (Lq.11:1-2) u mhux lil ommu. 


Ġw.2:6. Il-Lhud kellhom diversi ċerimonji u ritwal ta’ purifikazzjoni (cf., Mk.7:3-4). 

metreta (bil-Grieg, metretēs) hi miżura likwida ta’ madwar disa’ jew għaxar galluni, ossija 35 litru.Tissemma hawn biss. 


Ġw.2:8-9. l-imgħallem tal-festa kien l-istjuward prinċipali tal-arranġamenti tat-tieġ. 


Ġw.2:10. Kulħadd l-ewwel iservi l-inbid it-tajjeb. It-togħma tal-inbid, prodott b’miraklu, kienet notevolment itjeb mill-inbid servut qabel, xi ħaġa kontra d-drawwa. Ġesù jġibilna kwalità għolja fil-ħajja, li ebda inġenwità jew ħila umana ma tista’ tlaħħaq miegħu. 


Ġw.2:11. Il-bidla ta’ ilma fi nbid hu l-ewwel miraklu maħdum minn Ġesù. Ġwanni jirrekordja seba’ b’kollox tul il-vanġelu (2:1-11; 4:46-54; 5:1-9; 6:1-14,15-21; 9:1-7; 11:1-46), inkurunati bil-qawmien glorjuż tiegħu mill-mewt. Ġwanni jgħarrafna illi għamel wisq iktar mirakli minn dawn (2:23; 20:30). 

Ġwanni jsejjaħ il-mirakli ta’ Ġesù sinjali. Huma wirjiet sinifikanti ta’ setgħa li jippontaw lil hinn minnhom infushom għar-realtajiet divini ifnad li setgħu jkunu mifhuma bl-għajnejn tal-fidi. 

mmanifesta l-glorja tiegħu. Fil-Patt il-Qadim Alla wera l-glorja tiegħu b’varjetà ta’ avvenimenti mirakolużi. Il-Vanġelu jwassalna biex nagħrfu d-divinità sħiħa ta’ Ġesù bl-għemejjel setgħana tiegħu. Hawn juri lilu nnifsu bħala l-Kreatur sovran u l-ħakkiem fuq l-univers materjali, kif ukoll bħala Alla ħanin li jipprovdi bl-abbondanza għal bżonnijiet ta’ niesu. Biss il-Ħallieq kapaċi jaqleb sustanza kimika f’sustanza oħra bis-sempliċi rieda tiegħu. 

u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Xi wħud mill-mirakli huma preżentati b’xi dettall biex bihom nissaħħu fil-fiduċja tagħna f’Ġesù u nitgħallmu nobduh, u biex l-infidili jkunu kkonfrontati bir-realtà ta’ Ġesù (Ġw.5:23; 20:31). 


Ġw.2:12-23. Ġesù hu l-espressjoni finali u sħiħa ta’ dak li kien biss dell fil-Patt il-Qadim (Ebr.10:1). Alla hu preżenti fih. It-tempju seta’ jisfa meqrud, iżda mhux it-tempju li Ġesù kellu jerġa’ jibni fi tlett ijiem. Ġwanni jirrekordja t-tindifa tat-tempju immedjatament wara l-miraklu f’Kana: dan joffri muftieħ għall-ministeru sħiħ ta’ Ġesù. Għal darb’ oħra l-qadim (it-tempju ta’ Erodi) se jkun rimpjazzat bit-tempju ġdid, il-Ħaruf irxoxtat (Riv.21:22).

Fil-frattemp, b’sawt mill-ħbula, Ġesù jwettaq il-profezija f’Malakija 3:1-4. Jiġi għall-għarrieda fit-tempju tiegħu u jippurifika lil ulied Levi, bħala dimostrazzjoni tal-ħeġġa tiegħu għal Alla u għaż-żamma tal-ordinanzi qaddisa tiegħu. 


Ġw.2:13-17. Ġesù juri ħeġġa għat-tempju t’Alla (ara l-passi paralleli f’Mt.21:12-13, Mk.11:15-17 u Lq.19:45-46). 


Ġw.2:13-25. L-awtur jirrinforza t-tema prinċipali tiegħu illi Ġesù hu l-Messija mwiegħed, Bin Alla. F’dis-sezzjoni jaċċentwa tliet attributi ta’ Ġesù, bħala konferma tad-divinità tiegħu: hu assolutament qaddis u żeluż għar-riverenza (Ġw.2:13-17), għandu s-setgħa fuq il-mewt (Ġw.2:18-22), u jagħraf ir-realtà f’qalb il-bniedem (Ġw.2:23-25). 


Ġw.2:13. l-Għid kien miżmum f’Marzu jew April. Kull Lhudi maskili ta’ tnax-il sena jew aktar kien mistenni jattendi għal dil-festa importanti, sebat ijiem b’kollox, li fakkret il-ħelsien ta’ Iżrael mill-jasar Eġizzjan. 


Ġw.2:15-16. Kristu naddaf it-tempju f’Ġerusalemm f’żewġ okkażżjonijiet, hawn fil-bidu tal-ministeru tiegħu (li dam tliet snin) u ftit qabel ma kien maqtul (Mt.21). Iddispjaċieh ferm jara dar Missieru aktar tixbah suq milli lok ta’ qima. 


Ġw.2:17-18. Iż-żelu għal darek. L-azzjonijiet dixxiplinarji ta’ Kristu tqanqlu mill-ħeġġa qaddisa tiegħu għal Alla u l-qima pura tiegħu (Sal.69:9). Iżda aktarx milli nidmu mill-mondanità tagħhom, l-awtoritatjiet reliġjużi sfidaw l-azzjoni ta’ Ġesù. 


Ġw.2:19. fi tlett ijiem inqajmu. Is-semmiegħa, inklużi d-dixxipli (Ġw.2:22), ma jifhmux l-istqarrija ambigwa tiegħu. Sikwit hekk jiġri matul in-narrattiva (eż., Ġw.3:4; 6:52). Dawk li jirċievu lil Ġesù (Ġw.1:12) jitwasslu għal fehma sħiħa, iżda min iwarrbu jibqa’ f’dalma spiritwali (Ġw.1:5). 

Ġesù jimplika illi hu nnifsu se jkollu sehem filli jqajjem lilu nnifsu mill-mewt (cf., Ġw.10:17; 11:25), għalkemm bnadi oħra jsemmu illi l-Missier u l-Ispirtu huma involuti wkoll (ara At.2:24; Rum.1:4; 6:4; 8:11; 1 Kor.6:14; Gal.1:1; Ef.1:20).


Ġw.2:23-24. emmnu f’ismu. L-isem jiġbor fih il-karattru ta’ persuna, kif ukoll l-attività u l-post fl-għan t’Alla. Il-fidi ta’ dawn baqgħet superfiċjali, għax waslu għaliha purament abbażi tal-mirakli. Minħabba f’hekk Ġesù ma kkommettiex ruħu għalihom. Seta’ jaqralhom qalbhom bħal ktieb miftuħ. Għalkemm skont in-natura umana tiegħu ma kienx jaf kollox (Mk.13:32; Ġw.11:34), sikwit wera tagħrif sopranaturali, importanti għall-ħidma ridentiva tiegħu biex il-klejm u l-missjoni tiegħu jkunu validati (Mt.9:4; 17:27; Mk.11:2-4; 14:13-16; Ġw.1:48). 

Ġesù stenna mingħand in-nies konverżjoni ġenwina aktar milli sempliċement entużjażmu għall-ispettakolari. Hawnhekk nilmħu dubju kemm verament dawn in-nies emmnu fih (cf., Ġw.8:31-32). Temmen f’ismu jinvolvi aktar minn qbil jew kunsens intellettwali; irid ikun hemm ukoll impenn mill-qalb bħala dixxiplu tiegħu (cf., Mt.10:37; 16:24-26). 

meta raw is-sinjali. Filwaqt li l-mirakli huma għeliem biex jikkonfermaw il-fidi fi Kristu (Ġw.2:11), il-midinbin għandhom ħabta jħarsu lejhom bħala qawwa biex jitwettqu x-xewqat mondana tagħhom (Ġw.6:14-15). Għalhekk Ġesù sikwit ċanfar lil dawk li kienu qed ifittxu l-mirakli per se (Ġw.4:48; 6:30). 


Ġw.2:25. hu nnifsu kien jaf x’kien hemm fil-bniedem. Kristu ma tqarraqx bl-attenzjoni u l-interess tan-nies. Qara iktar mill-professjoni esterna tal-fidi. Qralhom qalbhom, billi hu Alla, l-Omnixjenti nnifsu (Ġer.17:10). 


Ġw.3:2. Nikodemu żaru billejl forsi għax beża’ li sħabu jarawh jitħallat miegħu. Mifhuma simbolikament, hawn niltaqgħu ma’ persuna li qed jgħix fid-dlam tad-dinja, avolja hu bniedem reliġjuż, u issa hu kkonfrontat bid-dawl (Ġw.8:12; 9:4; 11:10; 13:30). 

għalliem mingħand Alla. Nikodemu jifhem illi Alla jattesta l-messaġġiera tiegħu billi jagħtihom il-qawwa jagħmlu l-mirakli, iżda dil-fehma ma tippenetrax sal-identità vera ta’ Ġesù.


Ġw.3:3. mill-ġdid tista’ wkoll tkun tradotta bħala “minn fuq,” li taqbel mal-kuntest, diskussjoni bejn ħwejjeġ tal-art u ħwejjeġ tas-sema (Ġw.3:12), kif ukoll tlugħ u nżul (Ġw.3:13). Bnadi oħra hi tradotta hekk (Ġw.19:11,23). Nikodemu fehmu “mill-ġdid.” Forsi l-awtur iridna nifhmu ż-żewġ tifsiriet – twelid ġdid li hu appuntu twelid sopranaturali, minn fuq, ċoè hu l-għemil misterjuż tal-Ispirtu t’Alla. 

Ġesù hawn wieġeb mistoqsija illi Nikodemu ma staqsiex; Ġesù rreaġixxa hekk għax qralu qalbu u ra l-problema radikali tiegħu, il-bżonn essenzjali ta’ trasformazzjoni spiritwali, jew riġenerazzjoni – ħajja ġdida – prodotta mill-Ispirtu s-Santu. Dan hu att sovran t’Alla; bih tingħata l-ħajja eterna (2 Kor.5:17; Titu 3:5) hekk illi dil-ħajja ġdida tidher bir-riżultati tagħha, f’ubbidjenza għal Alla u mħabba lejh u lejn il-proxxmu. 


Ġw.3:5. mill-ilma u l-Ispirtu. Il-frażi tirreferi għal twelid spiritwali, li jaħsel mid-dnub u jġib trasformazzjoni spiritwali u tiġdid. 

Xi wħud hawnhekk jaraw l-ilma tal-magħmudija. Meta Ġesù tkellem hekk ma’ Nikodemu, il-magħmudija apparentement kienet għadha mhix imwaqqfa. Allura referenza għall-magħmudija hi ħaġa bla sens, għax il-magħmudija bħala sagrament kienet għadha mhix istitwita, u kien impossibbli għal Nikodemu jifhimha. Lanqas ma tirreferi għall-magħmudija tal-Battista, għax imkien ma tissemma’ bħala neċessarja għas-salvazzjoni, iżda kienet biss għelm ta’ ndiema. 

Farka wara Ġesù jċanfru billi jgħidlu, “Int għalliem ta’ Iżrael u ma tifhimx dawn il-ħwejjeġ?” Evidentement Ġesù qed jalludi għal xi ħaġa li Nikodemu, Fariżew espert fil-liġi, kien suppost jaf biha. Probabbilment, mela, l-ilma u l-Ispirtu jirreferuna lura għal passi fil-Patt il-Qadim (li miegħu Nikodemu kien familjari) li jitkellmu dwar kif Alla kellu jferra’ l-Ispirtu tiegħu fl-aħħar taż-żminijiet (Isa.32:15; 44:3-5). L-ilma hu wżat figurattivament; fil-Patt il-Qadim jirreferi abitwalment għat-tiġdid jew tindif spiritwali, speċjalment meta jissemma mal-Ispirtu (Num.19:17-19; Sal.51:9-10; Ġer.2:13; Ġoel 2:28-29). Mela Ġesù qed jirreferi għall-ħasil spiritwali jew purifikazzjoni tar-ruħ, imwettqa mill-Ispirtu permezz tal-Kelma fil-mument tas-salvazzjoni (cf., Ef.5:26; Titu 3:5). 

Ġesù ċanfar lil Nikodemu għax bħala għalliem f’Iżrael suppost dawn il-ħwejjeġ kien jafhom (Ġw.3:10), għax dil-ħajja ġdida hi bħar-resurrezzjoni mpenġija f’Eżekjel 37 u l-qalb ġdida fid-Dewteronomju 30:6 u Ġeremija 31:33. Appuntu Ġesù qiegħed wisq probabbli jirreferih għall-wegħda ta’ patt ġdid imbassar mill-profeta: “Imbagħad inroxx fuqkom ilma nadif, u tindafu; mill-inġiesa tagħkom kollha u mill-idoli kollha tagħkom nippurifikakom. U qalb ġdida wkoll nagħtikom, u spirtu ġdid inqiegħed fikom; u naqlagħlkom il-qalb ġeblija minn ġisimkom, u nagħtikom qalb tal-laħam. U nqiegħed l-Ispirtu tiegħi ġewwa fikom, u nagħmel li timxu skont l-istatuti tiegħi, u tħarsu l-ordinanzi tiegħi, u tagħmluhom” (Eż.36:25-27).

Il-profeta hawn jitkellem dwar ħasil “spiritwali” li għad iseħħ f’jiem il-patt ġdid meta Alla jqiegħed l-Ispirtu tiegħu f’niesu. Fid-dawl ta’ dan, titwieled “mill-ilma u mill-Ispirtu” jindika dal-ħasil li jiġri meta tkun riġenerat, bħalma tirċievi “qalb ġdida” spiritwali, mhux fiżika, dak iż-żmien ukoll. 

Anke jekk għas-saħħa tal-argument Ġesù qed jalludi għall-magħmudija, waħidha mhix suffiċjenti, kif tisħaq ukoll il-Knisja Kattolika. Is-sinjal jiswa, tabilħaqq; hu importanti kemm bħala rappreżentazzjoni viżiva kif ukoll bħala siġill. Iżda Ġesù jinsisti li s-sinjal irid ikun akkumpanjat bil-ħaġa sinifikata: it-tindif imwettaq mill-Ispirtu s-Santu. Hi dil-ħidma spiritwali li hija assolutament neċessarja jekk wieħed għandu jkun salvat. Difatti, darbtejn wara, fl-istess konverżazzjoni, Ġesù jagħfas biss fuq li tkun “imwieled mill-Ispirtu.”


Ġw.3:6. Il-ħaġa mwielda mil-laħam hi laħam. In-natura umana, imwaqqa’ fid-dnub, kapaċi biss tipproduċi aktar natura umana, xejn aħjar. Is-salvazzjoni tirrekjiedi għemil sopranaturali tal-Ispirtu (Ġw.6:63), li jipproduċi x-xbieha tiegħu (spirtu) fil-midinbin bit-twelid mill-ġdid (1 Ġw.2:29; 3:9; 4:7; 5:1,4,18). 


Ġw.3:8. Ir-riħ jonfoħ fejn jixtieq. Bħalma r-riħ, għalkemm inviżibbli, hu identifikat mill-attività u l-ħoss tiegħu, hekk ukoll l-Ispirtu s-Santu hu osservat bl-attività u l-effetti tiegħu fuq in-nies imwielda mill-ġdid (1 Ġw.2:29; 3:9; 4:7; 5:1,4,18). Hawn huma enfasizzati l-prijorità u s-sovranità t’Alla fil-ħidma tas-salvazzjoni. Alla jsalva lil min irid hu! Dan ma jeskludix ir-realtà tar-rispons uman, ċoè, il-ħtieġa li neżerċitaw indiema u fidi. 


Ġw.3:10. Nikodemu hu deskritt bħala l-għalliem ta’ Iżrael. Iċ-ċanfira ta’ Ġesù timplika illi tagħlimu fuq it-twelid mill-ġdid għandu għeruqu fil-Patt il-Qadim, u wkoll illi moħħ Nikodemu kien għami għall-verità minkejja t-taħriġ Fariżajiku tiegħu. 


Ġw.3:11-21. Dis-sezzjoni tispjega s-sinifikat tas-salvazzjoni. It-twelid mill-ġdid jirriżulta f’fidi f’Ġesù. Versi 1-10 jiffokaw fuq l-inizjattiva divina fis-salvazzjoni, mentri dan il-pass issa jenfasizza r-reazzjoni umana għall-opra meraviljuża t’Alla fir-riġenerazzjoni. Il-bniedem jeħtieġlu jemmen. Is-silta tista’ tinqasam fi tliet partijiet: il-problema tan-nuqqas ta’ fidi (Ġw.3:11-12), it-tweġiba għan-nuqqas ta’ fidi (Ġw.3:13-17), u r-riżultati tan-nuqqas ta’ fidi (Ġw.3:18-21). 


Ġw.3:11-12. il-ħwejjeġ artin probabbilment jirreferu għat-tagħlim ta’ Ġesù dwar it-twelid ġdid, li jseħħ fil-ħajja ta’ persuna fuq l-art. Jekk Nikodemu mhux kapaċi jifhem dan, allura Ġesù ma jistax jgħaddilu veritajiet ifnad, għax it-twelid mill-ġdid hu realtà bażika, pedament biex wieħed jifhem tagħlim aktar profond. 

ma tirċevux it-testimonjanza. Ġesù hawn jiffoka fuq l-idea illi n-nuqqas ta’ twemmin hu l-kawża tal-injoranza. Essenzjalment, Nikodemu ma fehmux mhux minħabba li kien bla skola, iżda għax naqas milli jilqa’ x-xhieda ta’ Ġesù b’fiduċja sempliċi. 

Ġesù juża l-plural – tirċevux – għax Nikodemu tkellem bħala rappreżentant ta’ ġensu (cf., v.2). L-inkredulità ta’ Nikodemu kienet tipika tan-nazzjon Lhudi. 


Ġw.3:13. ħadd ma tela’ fis-sema. Sistemi reliġjużi oħra jikklejmjaw rivelazzjoni mingħand Alla, però ħadd mhu kwalifikat jitkellem dwar ħwejjeġ smewwitija ħliefu. Hu biss għammar fis-sema qabel l-inkarnazzjoni tiegħu u għalhekk hu biss għandu t-tagħrif veru dwar l-għerf tas-sema (cf., Prov.30:4). Qed jikklejmja illi ħadd fuq l-art ma mar fis-sema u rritorna b’messaġġ bħalma kien qed joffri hu nnifsu.

B’daqshekk mhux qed jinnega illi Elija (2 Slat.2:11) u Ħenok (Ġen.5:24) ittieħdu fis-sema minn fuq l-art.

niżel mis-sema hu lingwaġġ li bih Alla jesibixxi l-glorja tiegħu fuq l-art (Es.19:11,18,20; 24:16; Neħ.9:13). 


Ġw.3:14-15. għolla s-serpent. Numri 21:4-9 jirrekordja l-ġrajja tal-Iżraeliti ribellużi li maqmqu u lmentaw. Alla bagħtilhom sriep valenużi biex jikkastigahom. Imbagħad qal lil Mosè biex jgħolli serp tal-bronż fuq arblu, bil-wegħda li kull min iħares lejh ifiq. Dan hu tip jew rappreżentazzjoni li turi d-digriet t’Alla illi hu neċessarju għas-Sultan smewwieti (Bin il-bniedem f’vers 13) biex ikun mgħolli fuq is-salib biex kull min iħares lejh bil-fidi jirċievi l-ħajja eterna. 

hekk jeħtieġ jitgħolla Bin il-Bniedem. It-tgħollija hi importanti f’dan il-Vanġelu (Ġw.8:28; 12:32-34). Għandha tifsira doppja: tislib (umiljazzjoni) u glorifikazzjoni (eżaltazzjoni). Il-mewt ta’ Kristu, kif ukoll il-qawmien u l-glorifikazzjoni tiegħu flimkien jiżvelaw il-glorja t’Alla. 

Il-kelma jeħtieġ tipponta lejn l-għan sovran t’Alla. Il-kruċifissjoni hija l-avveniment kruċjali fil-pjan etern t’Alla biex isalva lil niesu (At.4:27-28). 


Ġw.3:15. ħajja eterna mhijiex biss ħajja ta’ kwantità, ċoè li ddum għal dejjem, iżda speċjalment kwalità ta’ ħajja, filli wieħed isir jaf ġenwinament lil Alla u jixxierek miegħu (Ġw.17:3). Fil-milja tagħha hi l-ħajja tal-qawmien ta’ Kristu u l-eżistenza fis-smewwiet fi glorja u qdusija perfetta. 

Din il-ħajja għall-fidili fil-Mulej Ġesù hi esperjenzata qabel ma jilħqu l-ġenna. Fl-essenza tagħha mhi xejn ħlief il-parteċipazzjoni tal-kredenti fil-ħajja eterna tal-Kelma ħajja, Ġesù Kristu. Hi l-ħajja t’Alla f’uliedu, avolja għadha mhix manifestata kompletament qabel ir-resurrezzjoni fl-aħħar jum (Rum.8:19-23; Fil.3:20-21). 


Ġw.3:16. L-ispjegazzjoni finali għas-salvazzjoni ta’ kull individwu hi r-rieda t’Alla l-Missier (Ġw.6:38-40; Gal.1:4-5; Ef.2:4). 

hekk ħabb. L-Iben ma rebaħx imħabbet il-Missier għall-midinbin, iżda ġie appuntu għax il-Missier iħobb lill-midinbin, b’tali mod u manjiera illi saħansitra wasal biex ta l-għotja l-aktar prezzjuża u immaġinabbli, l-uniku Iben tiegħu (1 Ġw.4:9-10). 

Meta Ġwanni jgħid “Alla hu mħabba” (1 Ġw.4:8), ried ifisser, kif infatti ssokta biex ifiehem huwa stess, li Alla jeħles u jsalva lill-midinbin permezz ta’ Ġesù Kristu “B’dan l-imħabba t’Alla kienet immanifestata fostna, illi Alla bagħat lill-uniku Iben tiegħu fid-dinja sabiex ngħixu permezz tiegħu. F’dan hi l-imħabba: mhux illi aħna ħabbejna ’l Alla, iżda illi hu ħabbna u bagħat ’l Ibnu bħala l-propizjazzjoni għal dnubietna” (1 Ġw.4:9-10). 

Bħal dejjem fil-Patt il-Ġdid, “aħna” jew “fostna,” bħala dawk li qed ingawdu l-imħabba feddejja t’Alla, tirreferi għal “aħna li nemmnu.” Jekk noqogħdu attenti fil-qari tagħna, nintebħu kif “aħna” ma tfissirx kull individwu fir-razza umana. 

Id-dinja hi terminu ġenerali għall-umanità, meqjusa mhux bħala l-persuni kollha bla eċċezzjoni f’kull post u f’kull żmien (cf., Ġw.8:26; 12:19; 14:22; 16:20), iżda bħala l-bnedmin fir-ribelljoni unifikata tagħhom kontra l-Ħallieq (Ġw.1:9-11; 3:19; 7:7; 8:23; 14:17,30; 15:18-19; 16:11,20; 17:14,25). Quddiem dir-realtà l-imħabba t’Alla għall-umanità tispikka u tibbrilla aktar u aktar (Rum.5:6-8).

L-espressjoni suprema tat-tjieba u l-ħniena t’Alla hi dik l-imħabba li ssalva lill-midinbin li jistħoqqilhom biss kundanna: issalvahom, fuq kollox, bil-prezz tal-mewt tal-Ħaruf fuq il-Golgota (Rum.3:22-24; 5:5-8; 8:32-39; Ef.2:1-10; 3:14-18; 5:25-27). 

Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja bl-għan li jġib is-salvazzjoni lil kull persuna mingħajr eċċezzjoni, u lanqas biex jagħmel is-salvazzjoni possibbli lil kull persuna. Ġesù jsalva lil dawk mogħtija lilu minn Missieru, lilhom biss u lilhom kollha. Isalvahom mhux bħala possibbiltà iżda b’ċertezza assoluta (Ġw.6:37-40; 10:14-18; 17:9). 

kull min jemmen. L-iskop t’Alla għala bagħat lil Ibnu ma kienx sabiex isalva lill-bnedmin kollha, iżda biex jagħti l-ħajja eterna lil dawk li hu nnifsu jwassalhom biex jemmnu salvivikament permezz tat-twelid ġdid (Ġw.3:3-8). Is-salvazzjoni mill-infern tirrekjiedi fiduċja fi Kristu. 

Fl-analiżi finali tagħha, meta jingħad li Alla ħabb u feda d-dinja (Ġw.3:16-17; 2 Kor.5:19; 1 Ġw.2:2), dik id-dinja allura hi l-għadd kbir tal-magħżulin t’Alla mferrxa ma’ l-erbat irjieħ, f’kull nazzjon (cf., Ġw.10:16; 11:52), li xi darba jew oħra jitwasslu għall-fidi fi Kristu.

Id-dinja f’dan il-vers allura tenfasizza li l-ħidma salvivika ta’ Kristu mhijiex limitati għal xi żmien jew post wieħed; tapplika għall-magħżulin kollha meħudin mid-dinja kollha. Dawk li li jirċevux ir-rimedju provdut minn Alla jintilfu. Kull min jemmen ma jmutx, jew ma jkunx separat eternament minn Alla.


Ġw.3:17. ma bagħatx lil Ibnu. Il-frażi favorita ta’ Ġwanni hi illi l-Iben hu mibgħut mill-Missier (ara wkoll 3:34-36; 5:19-26; 6:40; 8:35-36; 14:13; 17:1). Il-konċett Lhudi hu illi l-messaġġier hu bħal dak li bagħtu. Ġesù hu l-mibgħut pereċċellenza (cf., Ġw.9:7), bħalma hu mbagħad jibgħat lid-dixxipli (Ġw.20:21-22). Billi hu mibgħut jimplika li l-kummissjoni u l-messaġġ huma maħruġa minn dak li bagħat u ma joriġinawx mill-persuna mibgħuta. 

jiġġudika d-dinja. Band’ oħra Ġesù jgħid li ġie biex jiġġudika (Ġw.9:39). Il-punt mhuwiex illi mhux se jiġġudika, iżda li ż-żmien għadu ma wasalx. Id-dinja midinba diġà kienet taħt theddida ta’ ġudizzju qabel ma ġie, iżda bil-miġja tiegħu s-salvazzjoni saret realtà, offruta lil dinja ostili għal Alla (Mt.23:37; Rum.5:8). Fl-ewwel dehra tiegħu Ġesù ġie biex iġib is-salvazzjoni, mhux biex jiġġudika jew jikkastiga. Iżda min jirroftah ikun qed iġib il-ġudizzju t’Alla fuqu nnifsu. 


Ġw.3:18. mhux iġġudikat. Alla hu l-Imħallef. Il-midinbin huma legalment ġustifikati jew illiberati minn kull ħtija u kundanna permezz tal-fidi biss fi Kristu biss (Gal.2:16). 

In-nuqqas ta’ fidi mhuwiex l-unika bażi għall-kundanna, iżda jikkostitwixxi l-quċċata ta’ ribelljoni għax hekk il-bniedem ikun qed jirreżisti mqar l-offerta grazzjuża t’Alla ta’ salvazzjoni b’Ibnu. Ġesù ġie f’dinja diġà kkundannata għax warrbet ir-rivelazzjoni ċara t’Alla (Rum.1:18-32). 

m’emminx fl-isem tfisser iżjed minn kunsens intellettwali għad-dikjarazzjonijiet tal-vanġelu. Tinkludi afdar u impenn lejn Kristu bħala Sid u Salvatur, u dan bħala riżultat illi l-individwu jkun ingħata natura spiritwali ġdida (Ġw.3:7) u mġiba morali rinovata. Il-fidi tipproduċi kambjament profond fil-qalb u allura ubbidjenza għas-Sid u l-liġi tiegħu. 


Ġw.3:19. Ir-raġuni għala Ġesù hu rroftat hi bażikament din: il-bnedmin ħabbew id-dlam aktarx milli d-dawl. Ġesù hu d-dawl li jesponi jekk persuna hix ġusta jew le. Karatteristika fondamentali tal-ħżiena hi illi jħobbu d-dlam, ċoè jsibu l-pjaċir tagħhom fid-dnub, sew jekk hi idolatrija, mibegħda, immoralità jew ereżija (Rum.1:18-32; Fil.3:19; 2 Tim.3:2-5; 2 Pt.2:12-15). Mill-banda l-oħra, nies tabilħaqq imwielda mill-ġdid iħobbu l-għejxien ġust u jobogħdu kull forma ta’ ħażen. Jiddispjaċihom u jagħlu meta josservaw l-għemejjel inġusti ta’ nies depravati (1 Kor.13:6). Ma jieħdu ebda gost fit-trattenimenti senswali jew fl-espressjoni ta’ kondotta midinba murija tant bil-miftuħ fis-soċjetà kontemporanja (Sal.97:10; Prov.8:13; Rum.12:9). 


Ġw.3:20-21. Alla jħobb lid-dinja (Ġw.3:16), iżda d-dinja tobgħod lil Kristu, id-dawl (Ġw.1:4,9), minħabba l-kburija u l-ġibda għad-dnub. Hekk Alla bilfors irid jibdel il-qalb qabel ma wieħed ikun kapaċi jersaq lejn Kristu b’fidi salvivika – jiġi lejn għad-dawl (Ġw.6:35). 

jagħmel il-verità. Il-verità hi kwestjoni ta’ ħsieb kif ukoll għemil jew prattika. Mhux temminha biss iżda timxi fiha jew twettaqha fl-imġiba. Għejxien bil-verità hu kuntrastat mal-għemil tal-ħażen. 

maħduma f’Alla. Imwettqa minn Alla jew permezz tal-grazzja tiegħu. Ħadd ma jirrikorri għand Kristu apparti minn ħidma preċedenti t’Alla fir-ruħ (Ġw.3:3; 6:37,44). 


Ġw.3:25-36. Hawnhekk hi mfissra kif il-ministeru ta’ Ġwanni kellu x’jaqsam mal-ministeru ta’ Ġesù. Il-Battista kkostitwixxa t-tmien taż-żmien l-antik (Ġw.3:25-29). Kienet qed isseħħ transizzjoni għall-ministeru ta’ Ġesù (Ġw.3:30). Il-preżenza ta’ Ġesù kkostitwiet il-bidu ta’ żmien ġdid (Ġw.3:31-36). Allura, flok għira, l-Għammiedi, il-prekursur tal-Messija, esibixxa fedeltà umli lejn Ġesù, superjuri fil-persuna u l-ministeru tiegħu: dal-ferħ tiegħi hu komplut. 


Ġw.3:27. Alla hu l-benefattur u l-awtur ta’ kull tajjeb li għandna u nirċievu; mertu u ftaħir huma esklużi (1 Kor.4:7; 15:10). Hu d-donatur ta’ kull għotja tajba; it-tajjeb ma joriġinax fil-bniedem jew bil-ħila tiegħu. Hu mogħti lilu mis-sema.


Ġw.3:29. Ġesù hu l-għarus (cf., Mt.9:15; ukoll Ef.5:25-27; Riv.19:7-8), u allura identifikat bħala s-Sultan u l-Messija ta’ Iżrael, għax il-poplu t’Alla hu sikwit deskritt bħala l-għarusa t’Alla (eż., Isa.62:4-5; Ġer.2:2; Ħos.2:16-20). Ir-rwol tal-Battista hu bħala l-ħabib tal-għarus, li altruwistikament jithenna mal-għarus (cf., Ġw.1:6-9,15,19-36). 


Ġw.3:31-36. Kristu hu fuq kulħadd, għax tagħlimu hu bbażat fuq x’ra u sema’ bħala Bin Alla fis-sema, ċoè, il-fehmiet dejjiema u infallibbli t’Alla Omnipotenti. Kristu għandu l-Ispirtu s-Santu jgħammar fih b’milja kompluta. Bħala Bin Alla, Ġesù hu maħbub mill-Missier u lilu ngħatatlu kull awtorità – tah kollox f’idu. Biex tkun ċert mill-ġenna jeħtieġ tafda fi Kristu waħdu; tirriġetta lil Kristu jfisser illi tkun u tibqa’ taħt ir-rabja u d-dispjaċir t’Alla. 


Ġw.3:32. ħadd ma jirċievi t-testimonjanza tiegħu (cf., Ġw.1:10-11). La l-Lhud u lanqas il-ġnus ma kienu lesti biex jilqgħu jew jaċċettaw lil Kristu, ħlief il-ftit (Ġw.3:33). It-tfixkil hu d-dnub u l-għama li Alla waħdu kapaċi jippenetra u jegħleb (Ġw.1:5; 3:3). Għal ġeneralizzazzjoni simili, ara Ġwanni 1:10-11.


Ġw.3:33. ssiġilla, ċoè ċċertifika jew ta l-konferma tiegħu billi emmen. 


Ġw.3:34. jagħti l-Ispirtu bla miżura. Alla qawwa l-ministeru ta’ Ġesù bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu (Lq.3:22; 4:1). Nistgħu nifhmuha wkoll għall-milja tal-Ispirtu li Ġesù jagħti lid-dixxipli fis-servizz tagħhom; hu l-aġent li kellu jibgħat l-Ispirtu (Ġw.15:26). 


Ġw.3:35. Il-Missier...tah kollox f’idu. L-Iben għandu awtorità delegata fuq l-univers maħluq kollu, kif inhu indikat matul il-Patt il-Ġdid (Ġw.1:3; 3:16-17; 5:22; 6:38; 14:16,28; At.2:33; 5:31; 8:29,34; 1 Kor.8:6; 15:28; Ef.1:4-5; Ebr.1:2-3,13; 1 Pt.3:22). Frattant, fl-istess ħin, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma kompletament Alla fl-unità ta’ enti divin wieħed. 


Ġw.3:36. għandu l-ħajja eterna. Dan jindika li l-ħajja eterna mhix sempliċement mistennija fil-futur, iżda diġà hi esperjenza u realtà preżenti. Mhix biss oġġett ta’ tama fil-futur, iżda barka preżenti għall-fidil, għax ikun għadda mill-mewt għall-ħajja appena jemmen (cf., Ġw.5:24; 6:47). Għal Ġwanni, avveniment li suppost jiġri fl-aħħar taż-żmien hu, almenu parzjalment, realizzat minn issa. Il-fidil għandu preżentement fil-pussess tiegħu l-ħajja eterna, li għad igawdiha fil-milja tagħha fil-ġenna. 

min ma jobdix lill-Iben, ċoè jirroftah jew ma jkunx suġġett għalih, m’għandu ebda tama ta’ salvazzjoni. ma jobdix hu mqiegħda f’kuntrast ma’ jemmen fl-istess sentenza. Għal Ġwanni n-nuqqas ta’ fidi tfisser diżubbidjenza lejn Kristu, is-Sid ta’ kollox. Il-fidi u l-ubbidjenza kultant jintużaw waħda flok l-oħra (cf., Rum.1:8 ma’ 16:19; 1 Tes.1:8; ara wkoll Rum.15:18), biex hekk nifhmu illi fidi sterili, bla ma tipproduċi mħabba u ubbidjenza lejn Alla, hi fidi falza. 

Il-vanġelu jaslilna bħala għotja b’xejn (Rum.5:15-16; 6:23), iżda appena hi milqugħa ma tħalliniex ħielsa biex nagħmlu li jfettlilna u li jogħġobna. Fejn qabel konna lsiera tad-dnub issa nsiru lsiera t’Alla u l-ġustizzja tiegħu. It-triq tas-salvazzjoni hi deskritta bħala sottomissjoni għas-sewwa t’Alla (Rum.10:3). 

r-rabja t’Alla tibqa’ fuqu tagħmilha ċara li jekk kemm-il darba persuna ma temminx f’Ġesù bħala l-Messija, tibqa’ taħt il-ġudizzju divin. Apparti minn Ġesù m’hemmx salvazzjoni (cf., Ġw.3:19-21; Rum.1:18-25). Dawk li jemmnu ġenwinament jistgħu jiffaċċjaw il-ġudizzju b’kunfidenza (cf., 1 Ġw.5:11-13).


Ġw.4:7. Il-konverżazzjoni ta’ Ġesù ma’ mara Samaritana tiżvela l-impenn tiegħu illi jwettaq l-għan tal-Missier u x-xewqa ġewwiena tiegħu li jwassal lil dil-persuna għall-ħajja eterna fih. Ġesù wera żelu biex isalva lill-mitlufa (Lq.1:5; 19:10; cf., Prov.11:30; Dan.12:3; Ġak.5:20). Għalih kien skop wisq iżjed importanti mill-ikel ta’ kuljum (Ġw.5:34). 

Dawk li jimxu fuq il-passi tiegħu Ġesù jittrasformahom f’sajjieda tal-bnedmin bħalu. In-nies madwarna jeħtiġilhom jisimgħu Kelmet Alla urġentement. Irridu nsibu modi u opportunitajiet biex inkellmuhom dwar il-bżonn spiritwali tagħhom u dwar Ġesù, li waħdu kapaċi jissodisfa dak il-bżonn. 


Ġw.4:9. Kif int, li int Lhudi...? L-azzjonijiet ta’ Ġesù kienu sikwit kulturalment u reliġjożament inaċċettabbli għall-mentalità ta’ żmienu; ma kienx marbut bil-konvenzjonijiet jew preġudizzji umani. 


Ġw.4:10. l-għotja t’Alla tenfasizza li s-salvazzjoni ma nimmeritawhiex, f’ebda sens, iżda hi mogħtija b’xejn (Ef.2:8). Ġesù nnifsu hu l-għotja t’Alla (Ġw.3:16; Gal.2:20; Ef.5:25). 

Fil-Patt il-Qadim, l-ilma ħaj (ara wkoll Ġw.5:14; 7:37-39) jew ilma ġieri serva bħala xbieha għall-attività divina (Ġer.2:13; Eż.47:1-6; Żak.14:8). Il-metafora titkellem dwar it-tagħrif t’Alla u l-grazzja tiegħu, li jipprovdu tindif, ħajja spiritwali, u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tittrasforma lill-bniedem etikament (cf., Isa.1:16-18; 12:3; 44:3; Eż.36:25-27). Ġwanni japplika dawn it-temi għal Ġesù bħala l-ilma ħaj, simboliku tal-ħajja eterna medjata mill-Ispirtu s-Santu mingħandu (cf., Ġw.4:14; 6:35; 7:37-39). 


Ġw.4:13. jerġa’ jaqbdu l-għatx. Ġesù jikkuntrastja s-sodisfazzjon temporanju mal-etern. Jgħallem li kwalunkwe pjaċir mondan, imqar jekk leċitu, jgħaddi u mhuwiex suffiċjenti għal ruħ il-bniedem. 


Ġw.4:14. ilma...ħajja eterna. L-ilma mogħti minn Ġesù jfisser ħajja spiritwali (cf., Isa.12:3). Biex nieħdu minn dan l-ilma ħaj, irridu “nixorbu” (Ġw.7:37). Dan l-att mhuwiex att wieħed mumentanju, iżda aktarx xorb progressiv u mtenni. Nixorbu billi regolarment immantnu komunjoni mas-sors ta’ dan l-ilma ħaj, Ġesù nnifsu. Ħadd ma jista’ jkompli jixrob jekk jinqata’ minn din l-għajn. Nies li ma jkomplux fil-fidi jinkixfu bħala “għejjun bla ilma” (2 Pt.2:17). 

l-ilma li se nagħtih se jsir fih funtana ta’ ilma. Xewqat fiżiċi jirrekjiedu sodisfazzjon ripetut, u qatt ma jhennuna totalment, iżda Kristu jsir sors intern ta’ vitalità li jissodisfa l-qalb (Isa.12:3), u jwassalna għall-kuntentizza vera u kompluta għal dejjem – tfawwar għall-ħajja eterna. 


Ġw.4:16-18. sejjaħ lil żewġek. Issa li ġibdilha l-attenzjoni, ipoġġi sebgħu fuq il-kuxjenza tagħha biex jiżvelalha dnubietha u kemm teħtieġu għas-salvazzjoni. 


Ġw.4:18. dak li għandek bħalissa mhuwiex żewġek. Raġel jgħix ma’ mara ma jfissirx li huma miżżewġa. Żwieġ jirrekjiedi xi tip ta’ sanzjoni uffiċjali u ċerimonja pubblika li fihom ir-raġel u l-mara jikkommettu rwieħhom għall-obbligi taż-żwieġ, u l-komunità mbagħad tagħrafhom bħala koppja miżżewġa (ara Ġw.2:1; ukoll Għan.3:11; Mal.2:14; Mt.9:15). Relazzjonijiet sesswali qabel iż-żwieġ huma indubjament ħżiena moralment (Ġen.38:24; Es.22:16; Dt.22:13-29; Mt.15:19; Ġw.8:41; At.15:20; 1 Kor.6:18; 7:2,9; 1 Tes.4:3). 


Ġw.4:19. profeta. Il-mara rrealizzat illi Ġesù għandu tagħrif sopranaturali fuq ħajjitha (Ġw.4:29). Il-kuxjenza tagħha tqanqlet, u baqgħet tkellmu fuq livell reliġjuż. 


Ġw.4:20-21. ġejja siegħa. Il-miġja ta’ Kristu ġabet il-milja taż-żmien (Gal.4:4), u permezz tiegħu Alla beda jimplimenta l-pjan biex jiġbed il-ġnus għall-qima vera. 

dil-muntanja hi l-Muntanja Gerażim, fejn is-Samaritani bnew it-tempju tagħhom. Però ma kienx hemm għalfejn jiddibattu l-post, għax it-tnejn kienu se jsiru skaduti bħala ċentri ta’ qima, u ma jkollhom ebda sinifikat għal dawk li ġenwinament jaduraw lil Alla. 

lanqas f’Ġerusalemm. It-tempju u l-liġi ċerimonjali kienu waslu biex jitwarrbu, għax Kristu hu t-tempju veru, perfett, qaddis u permanenti (Ġw.1:14; 2:21). 


Ġw.4:22. intom taduraw dak li ma tafux. Is-Samaritani laqgħu l-ħames kotba ta’ Mosè, il-Pentatewku, iżda ma aċċettawx il-bqija tal-Patt il-Qadim. Dan l-iżball kardinali wassalhom biex iqimu b’qima inaċċettabbli għal Alla. 

is-salvazzjoni hi mingħand il-Lhud, fis-sens li l-Patt il-Qadim, li għallem dwar is-salvazzjoni, inkiteb mil-Lhud u kien mingħandhom, u l-Messija nnifsu ġie mil-Lhud. 


Ġw.4:23. ġejja siegħa, u issa hi (ara Ġw.6:25). Dalwaqt ġej żmien meta d-diviżjonijiet bejn il-Lhud u s-Samaritani jitneħħew (Ġw.4:21), u l-qima fit-tempju tiġi skaduta. 

issa hi għax Ġesù hu preżenti u beda x-xogħol li jwassal għall-preżenza tal-Ispirtu fil-knisja (Ġw.7:39; 20:22). 


Ġw.4:24. Alla hu spirtu. Għalkemm hu kompletament personali, Alla ma jgħixx f’ġisem jew permezz ta’ ġisem bħalna, u għaldaqstant mhuwiex suġġett għal-limitazzjonijiet tal-ispazju u l-ħin. Ebda ħaġa maħluqa ma tista’ tkun preżenti kullimkien, iżda Alla hu omnipreżenti (jinsab kullimkien) fil-milja kollha tiegħu kontinwament. L-affarijiet maħluqa huma limitati biż-żmien, iżda għal Alla m’hemm ebda “mument preżenti” li fih hu msakkar bħalma ninsabu aħna. 

Alla mhux kompost minn xi materja fiżika u m’għandux ġisem materjali, iżda għandu eżistenza wisq aktar meraviljuża għax hu kullimkien preżenti (għaldaqstant il-qima mhijiex konfinata għal post wieħed; Ġw.4:21). Ma nagħrfuhx bis-sensi tal-ġisem (cf., Ġw.3:6-8), u frattant hu tant setgħan illi ġab l-univers fl-eżistenza (cf., Ġw.1:1-3,10; 17:5). Billi hu spirtu, ma nistgħux nagħmlu xbihat tiegħu għax neċessarjament tkun xbieha falza tiegħu u allura idolu (Es.20:4).

Il-ħelsien t’Alla minn kull limiti nistgħu nsejħulu l-infinità u l-immensità tiegħu (1 Slat.8:27; Isa.40:12-26; 66:1). 

Alla ma jinbidilx. Xejn ma jista’ jkabbar jew inaqqas il-perfezzjoni t’Alla, u ma jagħmel ebda kambjament, la għall-aħjar u lanqas għall-agħar. Billi mhux fiż-żmien Alla mhuwiex suġġett għall-bidla bħalma huma l-kreaturi tiegħu (2 Pt.3:8). Madankollu hu attiv fid-dinja tiegħu l-ħin kollu, u jnissel kontinwament ħwejjeġ ġodda (Isa.42:9; 2 Kor.5:17; Riv.21:5). Fl-għemejjel kollha tiegħu jesprimi l-karattru perfett tiegħu bla ebda nuqqas. 

Fl-Ispirtu, “il-Mulej qrib dawk kollha li jsejħulu, lil dawk kollha li jsejħulu fis-sewwa,” huma fejn huma (Sal.145:18; cf., Ebr.4:14-16). Permezz tat-turija tiegħu fi Kristu Ibnu, Alla qed jistieden lill-ħlejjaq limitati u midinba biex jagħrfuh bħala Alla etern u ma jinbidilx, bħala Alla tagħhom. Alla hu impenjat għal niesu permezz ta’ patt ta’ wegħdi divini, ċerti daqskemm hu Alla fidil (Ebr.6:17-18).

jadurawh fl-ispirtu u l-verità. Il-qima vera hi kuntrastata mal-qima regolata mill-provdimenti temporanji tal-liġi, speċjalment is-separazzjoni bejn Lhud u Ġentili, u l-ħtieġa li l-qima ssir f’tempju f’Ġerusalemm. L-aspetti ċerimonjali u s-sagrifiċċji rikjesti mil-liġi ma kinux foloz; biss kienu temporanji u proviżjonali. 

Billi hu spirtu, Alla jeħtieġ ikun meqjum fl-ispirtu u l-verità. Fil-verità tfisser qima msejsa fuq ir-rivelazzjoni t’Alla li laħqet il-quċċata tagħha fil-Kelma li sar ġisem, Ġesù Kristu, il-verità nnifsu (Ġw.14:6).

Il-verità (bil-Grieg, alētheia) hi karatteristika t’Alla (Sal.31:5; Rum.1:25; 3:7; 15:8); hi inkarnata f’Ġesù (Ġw.14:6; 2 Kor.11:10; Ef.4:21); hi intrinsika fl-Ispirtu s-Santu (Ġw.14:17; 15:26; 16:13); u tinsab fil-qalba tal-vanġelu (Ġw.8:32; Gal.2:5; Ef.1:13). Għaldaqstant il-qima jeħtieġ tingħata skont il-verità tal-Missier rivelat fl-Iben u milqugħ bl-operazzjoni tal-Ispirtu. Dawk li jippromwovu qima li twarrab il-verità u d-dottrina tal-Iskrittura fir-realtà qed iwarrbu l-uniku pedament għall-qima ġenwina u aċċettabbli. 

Qima fl-ispirtu hi qima motivata u diretta mill-Ispirtu s-Santu li jkompli x-xogħol mibdi minn Ġesù (Ġw.14:16-18; At.2:33). Tfisser qima minn qalb imġedda mill-Ispirtu s-Santu. Ebda ritwal, ċerimonja, jew formalità devozzjonali mhi qima vera mingħajr qalb maqsuma u nadifa, li l-Ispirtu s-Santu biss kapaċi jipprepara. 

Marki prominenti ta’ żmien l-Ispirtu huma t-tneħħija tal-firda bejn Lhud u Ġentili, u l-abbiltà illi l-fidili jistgħu iqimu mingħajr il-bżonn ta’ tempju materjali. B’qima fl-ispirtu l-aduratur jersaq lejn Alla bis-sinċerità u bi spirtu dirett mill-ħajja u l-attività tal-Ispirtu s-Santu fih.


Ġw.4:25-26. “Jien hu, li qed inkellmek.” Ġesù apertament stqarr illi hu l-Messija mwiegħed. 


Ġw.4:27. mmeraviljaw. Kienet regola stabilita illi rabbi ma jitkellem ma ebda mara fit-triq. Ġesù qatt ma ħalla drawwiet umani jxekkluh. 


Ġw.4:28. ħalliet il-qolla tagħha. Dettall sabiħ u sinifikanti. Ma kellhiex x’tambi l-ġarra, għax f’Ġesù sabet il-veru bir.


Ġw.4:29-30. Ejjew, araw raġel. Riżultat spontanju meta wieħed isalva hu illi jgħarraf lil ħaddieħor xi ngħatalu mis-sema. Id-dixxipli ta’ Ġwanni skoprew lil Ġesù u xandruh ma’ ħaddieħor (Ġw.1:41-42,45-46), u issa l-mara ma setgħetx iżżomm lura milli tistieden lin-nies biex jiltaqgħu ma’ Ġesù huma wkoll. 


Ġw.4:32-34. L-ikel tiegħi. Ġesù sikwit inqeda bi ħwejjeġ fiżiċi biex jgħallem dwar realtajiet differenti fid-dinja spiritwali u inviżibbli. It-twettiq b’suċċess tal-missjoni tiegħu hu aktar importanti għalih mill-ikel fiżiku (cf., Dt.8:3; Mt.4:4; 6:25; Mk.3:20-21). 


Ġw.4:36. jiġbor il-frott għall-ħajja eterna. Dawk li jressqu lil ħaddieħor għall-fidi f’Ġesù qed jistinkaw sabiex eventwalment jiġbru riżultati u jkollhom dividenti eterni. Jum wieħed għad jifirħu fil-ġenna minħabba dawk li ġew salvati bit-talb u x-xhieda tagħhom. Ulied Alla jesperjenzaw hena unika meta jaraw nies oħra jaslu għall-fidi f’Ġesù. Fl-istess ħin għandhom jifhmu illi xogħolhom hu sikwit ħsad ta’ ħidmet ħaddieħor (Ġw.4:38). 


Ġw.4:37. Wieħed jiżra’, u ieħor jaħsad. Id-dixxipli għandhom responsabbiltà distinta minn ta’ Ġesù. Għad jaħsdu dak li żera’ Sidhom (cf., Ġw.12:23-24). Kellu jasal il-jum meta l-appostli jaħsdu s-Samarija (At.1:8; 8:5,14,25). 


Ġw.4:42. is-Salvatur tad-dinja. Il-mira tas-salvazzjoni divina hi illi tilħaq il-ġnus kollha (cf., Ġw.10:16; 11:51-52; Riv.5:9). Il-knisja bikrija ingaġġat f’missjoni Samaritana wkoll (At.8:4-25). Allura l-mostra tal-missjoni ta’ Ġesù, skont Ġwanni – mill-Ġudea (Nikodemu, Ġw.3:1-15), għas-Samarija (Ġw.4:1-42), għall-Ġentili (Ġw.4:46-54; cf., Ġw.12:20-33) – tantiċipa l-missjoni tal-knisja kif ħabbarha mill-bidu Ġesù nnifsu (At.1:8). 


Ġw.4:46-54. ibnek jgħix. Din kienet kelma b’qawwa għall-fejqan mirakoluż, mhux sempliċi profezija li se jgħaddilu. Ġesù wettaq bosta mirakli qabel dan (Ġw.2:23; 3:2; 4:45), imma dan kien it-tieni wieħed li ġara f’Kana (cf., Ġw.2:11). Inċident simili iżda differenti hu rakkontat f’Mattew 8:5-13 (cf., Lq.7:1-10). 

Tliet darbiet jingħad ibnek jgħix (Ġw.4:50,51,53); hi enfasi li tiżvela kif Ġesù għandu s-setgħa jagħti l-ħajja. Korrispondenti ma’ dir-repetizzjoni naraw il-progress fil-fidi tal-uffiċjal (Ġw.4:48,50,53). Dan il-fokus fuq il-qawwa ta’ Ġesù biex jagħti l-ħajja tipprepara lill-qarrej għad-diskors dwar il-ħajja permezz tal-Iben (Ġw.5:19-30).


Ġw.4:48. Jekk ma tarawx sinjali mirakolużi u għeġubijiet, b’ebda mod ma temmnu. Xi wħud tant jaffaxxinaw ruħhom bil-mirakli illi jgħarrilhom milli jirrealizzaw li dawn jippontaw lejn Ġesù. Jeħlu fihom u allura jonqsu milli jemmnu f’Ġesù (cf., Ġw.6:2,26,30). Dan ma jfissirx li s-sinjali huma negattivi fihom infushom. 

Għall-kuntrarju, il-mirakli ta’ Ġesù huma wieħed mill-mezzi primarji li Alla juża biex iwassal lin-nies għall-fidi fih; sikwit jinkuraġġixxu lill-individwi biex isegwu lil Ġesù jew iqiegħdu l-fiduċja tagħhom fih bħala l-Messija (Ġw.2:11,23; 3:2; 4:53-54; 6:2,14; 7:31; 11:47-48; 12:11,18; 20:31). 


Ġw.5:5. ilu tmienja u tletin sena bil-marda tiegħu. Biss intervent mis-sema seta’ jaqilgħu minn marda hekk qalila u mtawla. 


Ġw.5:7. waqt li nkun ġej jien, jinżel ieħor qabli. Stampa patetika tan-natura egoistika tal-umanità, kulħadd jaqdef għal rasu, bla ma jagħti kas il-ħtiġijiet tal-proxxmu. 


Ġw.5:10. mhux leċitu għalik terfa’ l-mitraħ. Ir-reliġjużi, b’qalb qarsa u b’ipokrisija taparsi devota, flok ma ferħu ċanfruh talli allegatament kiser is-Sibt.


Ġw.5:14. Tidnibx iżjed. Ġesù jiddomanda mingħand is-segwaċi biex jehdew radikalment mill-prattika tad-dnub. Billi huma mwielda mill-ġdid, u allura mogħtija qalb u rieda ġdida, il-mifdija ma jibqgħux jitħammġu fid-dnub; jaħarbuh bħall-pesta. Għalkemm mhumiex perfetti u lanqas ogħla mit-trasgressjoni okkażżjonali, fidili ġenwini jikkommettu rwieħhom lis-Salvatur tagħhom, bil-qawwa tal-Ispirtu operattiv fihom, hekk illi d-dnub ma jibqax karatteristiku fl-andament ta’ ħajjithom (1 Pt.1:5; 1 Ġw.3:6,9). 

Ix-xi ħaġa agħar hi mħollija indefinita, iżda tista’ tirreferi għall-ġudizzju etern t’Alla, li hu wisq aktar orribbli minn diżabbiltà severa (Mt.5:29-30). Jekk hu hekk, allura dar-raġel, għalkemm fiżikament imfejjaq, kien għadu mhuwiex salvat.

Il-punt tat-twissija, però, mhuwiex neċessarjament illi r-raġel ġab il-marda fuqu nnifsu b’xi dnub speċifiku. Xi dnubiet jistgħu jipprovokaw lil Alla għall-ġudizzju fiżiku u temporali (1 Kor.11:28-32; Ġak.5:15), iżda l-mard mhuwiex neċessarjament relatat direttament ma’ dnubiet partikolari (Ġw.9:3; Lq.13:1-5). 


Ġw.5:16. Hawn u bnadi oħra (Ġw.5:18; 7:1,11,13, eċċ.) il-Lhud hi referenza għall-Fariżej u mexxejja oħra fil-Ġudea, mhux neċessarjament il-ġens Lhudi kollu. 


Ġw.5:17-47. Ġesù qalilhom. Jiddibatti l-Lhud rigward ir-relazzjoni tiegħu mas-Sabat u m’Alla. Ma jargumentax magħhom dwar jekk fehmux il-leġislazzjoni tas-Sabat korrettament jew le. L-interess tiegħu, aktarx, hu jekk jifhmux min hu tassew. Jikklejmja li hu Alla billi jindika xi wħud mill-prerogattivi divini tiegħu (Ġw.5:17-30), u juri l-bażi għall-klejm straordinarju tiegħu (Ġw.5:31-37). 


Ġw.5:17. Missieri hu mod bla preċedent kif titkellem dwar Alla. Il-Lhud fehmuh sewwa: Ġesù klejmja l-ugwaljanza m’Alla (Ġw.10:30-33). 


Ġw.5:18. jagħmel lilu nnifsu ugwali m’Alla. Ġesù preżenta lilu nnifsu bħala wieħed bl-istess awtorità fuq is-Sabat bħall-Awtur tas-Sabat (Lq.6:5), li ngħata mhux biss minn fuq is-Sinaj, iżda fl-ordni tal-ħolqien innifsu. 

Filli qal li hu Bin Alla, mhux fis-sens bħalma fidili ordinarji huma wlied Alla bl-adozzjoni, iżda f’sens illi hu daqs Alla fin-natura tiegħu u f’kull mod, u frattant irrelata m’Alla f’relazzjoni ta’ Missier u Iben. F’widnejn il-Lhud il-klejm tiegħu nstema’ bħala dagħwa mill-akbar.


Ġw.5:19. Meta Ġesù qal l-Iben ma jista’ jagħmel xejn ma riedx jesprimi inabbiltà personali, iżda enfasizza l-unità kompluta fl-għan u fl-azzjoni mal-persuni l-oħra fit-Trinità. Il-ħidmiet tat-Trinità fil-ħolqien, providenza u fidwa jingaġġaw lit-tliet persuni divini f’azzjoni unita, għax jixxerjaw potenza divina waħda. 


Ġw.5:20-21. jurih kollox li hu nnifsu jkun jagħmel. Dan jimplika illi l-Iben għandu tagħrif infinit t’Alla (Ġw.16:30; 21:17). 

Il-kuntest juri li l-għemejjel akbar mill-fejqan tal-morda hu r-resurrezzjoni tal-mejtin. Il-qawmien mill-mewt hu possibbli biss għal Alla (cf., 1 Slat.17:17-24; 2 Slat.4:32-37; 5:7), frattant Ġesù jikklejmja dis-setgħa għalih innifsu (Ġw.5:21-29; 11:25-44; 14:19; 20:1-18). 


Ġw.5:21. l-Iben jagħti l-ħajja ’l min irid hu klejm ieħor għad-divinità ta’ Ġesù, għax jagħmel ħwejjeġ li Alla sovran waħdu kapaċi jagħmilhom (cf., Dt.32:39; 1 Sam.2:6; 2 Slat.5:7). Din il-ħajja hi l-ħajja ġdida mogħtija issa lill-fidili (Ġw.5:24; 11:25-26; 2 Kor.5:17) kif ukoll il-qawmien tal-ġisem fit-tieni miġja tiegħu (1 Kor.15:42-47; 1 Tes.4:13-18). 


Ġw.5:22-23. ta l-ġudizzju kollu lill-Iben – dikjarazzjoni oħra favur id-divinità ta’ Kristu, ladarba l-ġudizzju hu l-prerogattiva esklussiva t’Alla (eż., Ġen.18:25; Imħ.11:27). Il-Missier iddelega l-ħaqq finali lill-Iben; ikkommettieh lilu bħala l-Imħallef suprem tal-umanità.

Hawnhekk kulħadd jonora lill-Iben bħalma jonoraw il-Missier, billi jesprimu u jgħixu f’dak il-biża’ qaddis t’Alla mqanqal mit-tagħrif tal-ġudizzju futur. L-Iben, xejn inqas mill-Missier, hu dak li quddiemu u lilu rridu nagħtu kont tagħna nfusna. 

Turi wkoll li Ġesù għandu jingħata qima, u allura dan jammonta għal evidenza addizzjonali favur id-divinità sħiħa tiegħu. Inċidentalment, reliġjonijiet bħall-Ġudaiżmu modern u l-Iżlam, li jikkonsidraw lil Ġesù bħala profeta kbir u daqshekk, ma jirrappreżentawx il-verità dwar Alla, għax jonqsu milli jqimu u jweġġħu lil Ġesù kif irid il-Missier, bl-istess qima li tingħata lilu. 


Ġw.5:24. jisma’ kelmti, u jemmen. Għal darb’ oħra għandna żewġ verbi bħala partiċipji preżenti: jisma’ u jemmen. Dan jenfasizza azzjoni għaddejja. Is-smigħ u t-twemmin mhumiex atti ta’ mument wieħed, iżda azzjonijiet li jkomplu tul il-ħajja. Kristu jafferma illi l-possediment tal-ħajja eterna hu muri b’fidi ħajja preżenti u kontinwata, aktarx milli xi deċiżjoni drammatika jew spontanja xi darba fil-passat.

 għadda mill-mewt għall-ħajja. Ġesù jagħti l-ħajja lil min irid hu (Ġw.5:21). Min jirċievi dil-ħajja hawnhekk hu identifikat bħala dak li jisma’ l-kelma u jemmen fil-Missier u l-Iben. F’unjoni m’Alla, qatt mhuma se jkunu kkundannati (Rum.8:1; Kol.1:13). 


Ġw.5:25. ġejja siegħa, u issa tinsab hawn (cf., Ġw.4:23). Inkwantu r-resurrezzjoni hemm tensjoni bejn “diġà” u “mhux għalissa.” Ġesù hawn mhux jenfasizza r-resurrezzjoni finali iżda r-realtà preżenti u l-esperjenza tal-ħajja eterna, għax jgħid li ż-żmien jinsab hawn. Il-mejtin huma n-nies spiritwalment mejta li, bi grazzja, jisimgħu l-messaġġ ta’ Ġesù u jemmnuh. Dawk imwielda mill-ġdid huma diġà spiritwalment imqajma għall-ħajja (Ef.2:1; Kol.2:13), u frattant jistennew qawmien fiżiku fil-futur (1 Kor.15:35-54; Fil.3:20-21). 


Ġw.5:26. l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, għax qatt ma kien maħluq u qatt ma ngħata l-ħajja minn ħadd. Jeżisti minnu nnifsu, u allura jagħti l-ħajja lil ħaddieħor. Hekk ukoll l-Iben għandu l-ħajja fih innifsu, u kapaċi allura jsejjaħ lill-mejtin għall-ħajja. Dis-sentenza tispjega għala leħen Ġesù kapaċi jkellem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja. Bħala l-Missier qatt ma kien maħluq u qatt ma ngħatalu l-ħajja minn xi ħadd ieħor, iżda għandu l-ħajja fih innifsu, hekk l-Iben għandu l-ħajja fih innifsu u kapaċi jsejjaħ lill-mejtin għall-ħajja. 

ta lill-Iben ma timplikax li hu maħluq (Ġw.1:3), iżda li l-Missier awtorizza lill-Iben biex jagħti l-ħajja lin-nies (hekk dal-vers jispjiega xi ngħad fis-sentenza ta’ qabel). In-natura ta’ Kristu hi s-sors tal-ħajja eterna; hi intrinsika fih (Ġw.1:4). Madankollu Alla ma tax lill-fidili l-qawwa li jkollhom il-ħajja eterna intrinsikament fihom infushom. Għandna l-ħajja dment illi nibqgħu mwaħħla bħal friegħi fid-dielja (Ġw.15:1-5). Il-ħajja tal-Kristjan hi l-ħajja ta’ Sidu fih (Gal.2:20). 


Ġw.5:27. Għax hu Bin il-Bniedem (ara Ġw.1:51). Peress li Ġesù mhuwiex biss l-Iben divin t’Alla iżda wkoll verament umana, il-mexxej dinji u etern profetizzat (Dan.7:13-14), il-Missier tah awtorità biex jesegwixxi l-ġudizzju finali ta’ kull bniedem. 


Ġw.5:28-29. ġejja s-siegħa. Ġesù jafferma li r-resurrezzjoni tal-umanità kollha se sseħħ fl-aħħar jum. 

għamlu t-tajjeb. Pawlu jidwi kliem Ġesù (Rum.2:6-8). B’daqshekk mhumiex qed jissuġġerixxu illi mmorru l-ġenna għax nagħmlu t-tajjeb (Ġw.3:16-18; 5:24). L-opri tan-nies tul għomorhom mhumiex il-kawża tas-salvazzjoni, għax altrimenti tkun kontradizzjoni għall-enfasi qawwija li Ġesù hu l-ħajja eterna tal-fidili (Ġw.3:16; 5:24-25; eċċ.). Minflok, l-opri tajba jiffunzjonaw bħala evidenza ta’ fidi ġenwina, u jekk l-opri tajba huma nieqsa juru allura assenza ta’ fidi vera (Efesin 2:8-10). 

Kull min tabilħaqq jemmen jinġieb mill-mewt għall-ħajja, it-tali ħajja li tipproduċi t-tajjeb u bħala riżultat finali l-fidil igawdi r-resurrezzjoni tal-ħajja. Skont l-Iskrittura, il-ġudizzju hu dejjem abbażi tal-opri, għax huma manifestazzjoni tanġibbli u inkonfutabbli tal-fidi u l-kondizzjoni tal-qalb. Dan ifisser li għad inkunu ġġudikati mhux bil-professjoni verbali tal-fidi (għax imqar ix-xitan jemmen li hemm Alla wieħed), iżda bil-ħajja li nkunu għexna (Mt.12:36-37; 16:27; Rum.2:6-10; 14:12; 1 Kor.3:13-15; 2 Kor.5:10; Ef.6:8; Kol.3:25; Riv.2:23; 20:12; 22:12).

ipprattikaw il-ħażen. L-immoralità, l-impurità, ix-xehwa, l-idolatrija, ix-xewqat ħżiena u t-tali ħwejjeġ m’għandhom ebda post fil-ħajja tal-fidili (Kol.3:5). Min jgħallem li wieħed jista’ jkollu l-ħajja eterna waqt li jimxi maqtugħ mix-xirka ma’ Kristu qed jgħallem qerq fondamentali. Ikunu qed jemmnu dottrina falza ta’ sigurtà eterna (1 Kor.6:9-10; Gal.5:19-21; Ef.5:5-6). 


Ġw.5:31. it-testimonjanza tiegħi mhix vera. Kieku xehed għalih innifsu, kulma Ġesù kien jgħid kien ikun il-pura verità. Iżda jaf li xhieda dit-tip, meta wieħed jixhed għalih innifsu, mhix permessa fil-qorti skont il-liġi Mosajka (Dt.17:6; 19:15). 


Ġw.5:31-39. Kristu kien akkużat illi kiser is-Sibt u kklejmja falzament l-ugwaljanza m’Alla (Ġw.5:16,18). Allura hawn jelenka erba’ tipi ta’ testimonjanza, jew xhieda, biex jistabbilixxi x’qed jikklejmja għalih innifsu (Ġw.5:31): ix-xhieda tal-Battista (Ġw.5:32-35), il-mirakli tiegħu nnifsu (Ġw.5:36), t’Alla l-Missier (Ġw.5:37), u tal-Iskrittura (Ġw.5:39), speċjalment Mosè (Ġw.5:46-47). 


Ġw.5:36. l-opri nfushom li qed nagħmel, jixhdu dwari. Dan hu l-prinċipju ammess minn Nikodemu (Ġw.3:2). Is-setgħa mogħtija minn Alla biex isiru l-mirakli hi sinjal tal-approvazzjoni tiegħu (Ġw.10:25,38), għalkemm mhux kull għemil meraviljuż hu miraklu f’dan is-sens, għax ix-xitan kapaċi, sa ċertu punt, jidduplika biex iħawwad u jqarraq (Es.7:11-12; Mt.7:22-23; 24:24; Riv.13:13). 


Ġw.5:37. La qatt smajtu leħnu. Xi wħud semgħu leħen Alla (1 Sam.3:4-14), u l-Missier tkellem mis-sema matul il-ministeru ta’ Ġesù (Mt.3:17; 17:5; Ġw.12:28). Allura xi jrid ifisser Ġesù? 

Abbli qed jagħmel kuntrast bejn it-tagħrif tas-semmiegħa tiegħu u dak tal-profeti, li semgħu leħen Alla u raw il-forma tiegħu, manifestata f’teofaniji. Jekk hu hekk, allura l-inabbiltà tagħhom illi jifhmu kienet minħabba l-fatt li ma ridux iwieġbu għal Alla li issa kien qed jitkellem bl-Iskritturi (Ġw.5:40). 

Jista’ jkun ukoll li ma kinux qed jagħtu kas il-leħen uniku jew ġewwieni t’Alla fi qlubhom, għax ma kinux riċettivi għal Kelmtu (1 Kor.2:14). Dan jaqbel mal-fatt li għalkemm kienu midħla tal-Iskritturi (Ġw.5:39), xorta waħda mmissjaw il-messaġġ prinċipali tagħhom, ċoè Kristu nnifsu. 


Ġw.5:38-39. l-Iskritturi...jixhdu dwari. Ġesù jaqbel li l-Patt il-Qadim iwassal għall-ħajja eterna (cf., 2 Tim.3:15), iżda jiżvela li dil-ħajja tinsab fih, l-Awtur tal-ħajja eterna. It-tfittxija ta’ dawk li jirrifjutaw milli jsibu lil Kristu fil-Bibbja Mqaddsa hi futili, għax hi nieqsa mill-illuminazzjoni tal-Ispirtu (2 Kor.3:6). 


Ġw.5:40. ma tridux tiġu għandi. Biex niksbu fehma xierqa dwar il-libertà tar-rieda tagħna fil-qagħda preżenti bħala midinbin, jeħtieġ niddistingwu bejn aġenzija ħielsa u rieda ħielsa.

Il-bnedmin kollha huma aġenti ħielsa fis-sens li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar x’se jagħmlu, u jagħżlu kif jogħġobhom fid-dawl tal-kuxjenza, ix-xeħtiet u l-ħsibijiet tagħhom. Huma jkollhom jagħtu kont lil Alla u lill-bqija tal-umanità għall-għażliet tagħhom. Adam kien aġent ħieles qabel ma waqa’ fid-dnub, kif ukoll wara. Baqa’ jkollu xewqat u ħsibijiet u jħaddimhom permezz tar-rieda tiegħu. Hekk ukoll, aħna bħalissa aġenti ħielsa; u nissoktaw f’din il-qagħda anke wara l-qawmien. 

Il-qaddisin glorifikati jeżerċitaw ir-rieda tagħhom, iżda huma kkonfermati fil-grazzja, hekk li ma jistgħux jidinbu. L-għażliet tagħhom huma l-prodott ta’ aġenzija umana ħielsa, magħmulin skont in-natura tagħhom, iżda issa l-għażliet tagħhom huma tajba u ġusti. It-trasformazzjoni ta’ qalbhom hi kompluta u jixtiequ jagħmlu biss is-sewwa, kif difatti jagħmlu. 

Mill-banda l-oħra, ir-rieda ħielsa hi l-abbiltà li tagħmel kwalunkwe waħda mix-xeltiet morali offruti f’ċerta sitwazzjoni. Wistinu ta’ Ippona għallem li din il-possibbiltà ntilfet minħabba l-waqgħa fid-dnub. It-telfa hi parti mit-toqol tad-dnub oriġinali. Wara l-waqgħa l-qalb naturali tagħna ma baqgħetx inklinata lejn Alla; anzi, tinsab imjassra għad-dnub u ma tistax tkun meħlusa minn dan l-iskjavitù ħlief bil-grazzja tat-twelid mill-ġdid. Pawlu l-appostlu jgħallem dwar ir-rieda mjassra fir-Rumani 6:16-23.

Biss ir-rieda li ngħatat il-libertà kapaċi tagħżel il-ġustizzja liberament u bil-ferħ. Imħabba permanenti għall-ġustizzja, jiġifieri, ix-xeħta tal-qalb għal dik it-tip ta’ ħajja li togħġob lil Alla, hi aspett wieħed tal-ħelsien li jagħti Kristu (Ġw.8:34-36; Gal.5:1,13).


Ġw.5:43. jekk xi ħadd ieħor jiġi f’ismu stess. Ġesù jbassar dwar kristijiet foloz (Mt.24:24) bħala sinjal tal-aħħar taż-żminijiet (Mt.24:5). Josephus, storiku Lhudi fl-ewwel seklu, jirrapporta sensiela sħiħa ta’ imposturi messjaniċi qabel is-sena 70 w.K.


Ġw.5:44. tirċievu glorja mingħand xulxin. Il-fidili ġenwini mhumiex motivati bl-imħabba, tifħir jew stima li jistgħu jirċievu mingħand nies oħra, speċjalment nies mitlufa. L-għan tagħhom hu illi jogħġbu lil Missierhom smewwieti. Meta tixxennaq għall-approvazzjoni tan-nies aktarx milli l-approvazzjoni mingħand Alla tkun qed turi li mhux veru temmen il-vanġelu, u l-fidi ġenwina ssir impossibbli (cf., Rum.2:29). 


Ġw.5:45. hemm dak li jakkużakom, Mosè. Billi Mosè kiteb dwar Ġesù, min ma jilqgħux hu allura mixli minn Mosè. Ġesù ma jirreferix għal xi pass partikolari, bħad-Dewteronomju 18:15, iżda biss għall-kitbiet tiegħu, il-Pentatewku (Ġw.5:46) b’mod ġenerali (cf., Lq.24:27,44-46; At.3:18; 17:2-3; 18:28; 26:22-23; 28:23). 


Ġw.5:47. ma temmnux kitbietu. Dal-pass hu importanti biex nistabbilixxu l-fehma ta’ Ġesù dwar il-Patt il-Qadim. Evidentement emmen li Mosè hu l-awtur tal-Pentatewku. Jekk wieħed ma jemminx fl-ispirazzjoni, l-awtentiċità u l-veraċità tal-kitbiet tal-Patt il-Qadim, la jilqa’ u lanqas jossottometti għall-awtorità ta’ kliem Ġesù u l-kitbiet tal-Patt il-Ġdid li jagħtu xhieda dwaru (At.24:14).


Ġw.6:2. Il-mirakli huma għemejjel ta’ oriġni u setgħa divina (bil-Grieg, dunamis, setgħa, qawwa, At.8:13; 19:11). Jiffunzjonaw bħala sinjali jew marki ta’ awtorità divina (Lq.23:8; At.4:16,30,33). 

Il-miraklu ċentrali u l-ikbar wieħed fl-istorja dinjija hu r-resurrezzjoni ta’ Kristu (1 Kor.15). Il-mirakli jservu almenu tliet għanijiet f’saltnet Alla: 

1. Jixhdu dwar Ġesù, filli jawtentikaw il-verità tal-messaġġ tiegħu, u jagħtu prova tal-identità tiegħu bħala l-Messija t’Alla (Ġw.2:23; 5:1-21; 10:25; 11:42). 

2. Jesprimu l-kumpassjoni u l-imħabba ta’ Ġesù (Mk.8:2; Lq.7:12-15; At.10:38). 

3. Jissinifikaw żmien is-salvazzjoni (Mt.11:2-6), il-wasla ta’ saltnet Alla, u l-invażjoni t’Alla fid-demanju ta’ Satana (Mt.12:27-29).


Ġw.6:5-9. Ġesù jittestja lil Filippu (ara l-passi paralleli f’Mt.14:13-18, Mk.6:30-38 u Lq.9:10-13). 


Ġw.6:10-15. Ġesù jitma’ l-eluf (ara l-passi paralleli f’Mt.14:19-21, Mk.6:39-44 u Lq.9:14-17).


Ġw.6:14. il-Profeta (Dt.18:15). In-nies xtaqu biss Messija li jissodisfa l-bżonnijiet fiżiċi tagħhom, mhux dawk spiritwali. M’għarfux il-ħtieġa ta’ ndiema u preparazzjoni għas-saltna (Mt.4:17). Riedu Messija politiku u mondan biex jeħlishom mill-oppressjoni Rumana. Dir-reazzjoni hi rappreżentattiva ta’ ħafna li jippreferu “Kristu” li ma jiddomanda xejn mingħandhom (cf., Mt.10:34-39; 16:24-26), kif ukoll li jistgħu jiddobbaw mingħandu. 


Ġw.6:15. Ġesù rrifjuta t-tentattiv żgwidat tal-popolin sabiex jagħmuh sultan, u l-istess għamel bl-offerta ta’ Satana (Mt.4:8-9; Lq.4:5-6). Il-Messija hu sultan spiritwali, mhux politiku; aċċetta dat-titlu, “Sultan ta’ Iżrael,” meta ngħata lilu f’sens tajjeb (Ġw.1:49). 


Ġw.6:16-21. Ġesù jimxi fuq il-baħar (ara l-passi paralleli f’Mt.14:14-33 u Mk.6:45-52). 


Ġw.6:19. miexi fuq il-baħar. Ġesù m’għamilx dal-miraklu bħala bravura biex jgħaġġeb lid-dixxipli. Aktarx hi dimostrazzjoni viżibbli tas-sovranità tiegħu fuq id-dinja maħluqa minnu stess (Ebr.1:3,10). Fil-Patt il-Qadim, Alla waħdu jaħkem fuq l-ibħra (Sal.29:10-11; 89:9; 107:28-30). 


Ġw.6:26-27. mhux għax rajtu s-sinjali mirakolużi. Għalkemm in-nies gawdew mit-tkattir tal-ħobż u l-ħut, ma għarfuhx bħala sinjal li jidentifika lil Ġesù bħala l-Messija. Għalihom kien biss opportunità biex jieklu ikla b’xejn. Allura Ġesù jipponta lejn it-tifsira spiritwali tal-miraklu, ċoè, bħala s-siġill tal-approvazzjoni tal-Missier fuq il-ministeru tiegħu u biex ikun identifikat bħala Bin il-Bniedem, il-Messija mwiegħed. 


Ġw.6:28-29. Din hi l-opra t’Alla, illi temmnu f’min bagħat hu. Il-Lhud assumew illi Ġesù qed jgħidilhom illi Alla jirrekjiedi minnhom xi ħidma biex jaqilgħu l-ħajja eterna, xi ħaġa li huma, ħasbu, kellhom il-kapaċità jagħmlu. L-unika “opra” li Alla ried minnhom kienet il-fidi jew fiduċja f’Ibnu bħala l-Messija u l-Iben uniku tiegħu (cf., Mal.3:1; Ġw.5:24). Jekk irridu nservu lil Alla, l-ewwel sejħa tagħha hi illi nafdaw fi Kristu bħala s-Salvatur. 


Ġw.6:31. manna...ħobż mis-sema. Emmnu illi Ġesù seta’ kien profeta bħal Mosè (Ġw.6:14), allura jirrikjestawh jagħmel mirakli simili għal x’raw l-antenati tagħhom fid-deżert (Es.16; Sal.78:24). 


Ġw.6:32. il-ħobż il-veru mis-sema. Ġesù jagħmel aċċent fuq dak li hu dejjiemi, kif oppost għal xi ħaġa sempliċement rappreżentattiva. Il-ħobż li Alla provda permezz ta’ Mosè, il-manna (Num.11), kien biss materjali u temporanju, avolja mirakoluż; ma kienx ħobż spiritwali u etern u allura l-veru.


Ġw.6:33. L-inkarnazzjoni ta’ Bin Alla hi sikwit deskritta bħala nżul mis-sema (Ġw.6:38,41-42,50-51,58; 3:13,31; Ef.4:9-10). 

jagħti l-ħajja lid-dinja. Kristu jipprovdi ħajja eterna lil dawk mejta fid-dnubiet (Ef.2:1). Huma magħżula kemm minn fost il-Lhud kif ukoll il-bqija tal-ġnus. Is-salvazzjoni maħduma minn Ġesù mhix se titgawda mill-umanità kollha, iżda għandha rilevanza u appell universali (Ġw.3:16). 


Ġw.6:34. agħtina dejjem dal-ħobż. Bħalma għamel Nikodemu (Ġw.3:4) u s-Samaritana (Ġw.4:15), il-folla hawn ukoll tieħu kliem Ġesù fuq livell purament fiżiku. 


Ġw.6:35. Jien hu l-ħobż tal-ħajja hi l-ewwel minn seba’ stqarrijiet fuq fomm Ġesù li jibdew b’Jien hu (il-bqija huma rekordjati fi Ġwanni 8:12; 9:5; 10:7,9,11,14; 11:25; 14:6; 15:1,5). L-espressjoni tfakkar lill-qarrej midħla tal-Iskrittura fl-isem li bih Alla għarraf lilu nnifsu mill-antik (Es.3:14), u allura indirettament Ġesù qed jalludi għad-divinità tiegħu (Ġw.8:58-59).

Ġesù jmantni lil niesu spiritwalment u jissodisfa l-ifnad xenqiet spiritwali tagħhom. F’dan is-sens, min jafda fih ma jaqbdux ġuħ, jiġifieri x-xewqa tiegħu biex isir jaf ġenwinament lil Alla tkun sodisfatta (cf., Ġw.4:14). 


Ġw.6:37. kulma jagħtini l-Missier. Alla jwassal għall-fidi lil dawk kollha li hu jippjana biex jifdihom eternament. Ir-ridenzjoni tal-magħżulin hi ċertissma. L-Iben, daparti tiegħu, iwiegħed li jaċċetta lil kull min jemmen verament. 

Din l-istqarrija tenfasizza r-rieda sovrana t’Alla fl-għażla ta’ dawk li jiġu għandu għas-salvazzjoni (cf., Ġw.6:44,65; 17:6,12,24). Il-Missier ippredestina lil dawk li jridhom isalvaw (Rum.8:29-30; Ef.1:3-6; 1 Pt.1:2). Is-sovranità assoluta t’Alla hi l-bażi għall-kunfidenza ta’ Ġesù fis-suċċess tal-missjoni tiegħu (Ġw.6:40; Fil.1:6). Ebda wieħed magħżul ma jintilef eternament. Dan l-għan salviviku hu r-rieda tal-Missier, li l-Iben ma jfallix milli jagħmel perfettament (Ġw.6:38; 4:34; 10:28-29; 17:6,12,24). 

se jiġi għandi. L-għażla u s-sejħa t’Alla jipproduċu l-fidi fi Kristu (Ġw.1:12-13). 

mhux se nkeċċih ’il barra. Ġesù jwiegħed illi jagħti merħba lil dawk kollha li jirrikorru għandu bi ndiema u fidi (Mt.11:28). Kull min imur għandu jagħmel hekk b’rispons għall-grazzja mogħtija lilu minn Alla. 


Ġw.6:38. mhux sabiex nagħmel ir-rieda tiegħi. Ir-rieda tal-Iben u r-rieda tal-Missier jaqblu; m’hemm ebda kompetizzjoni jew dissens. Difatti, is-sottomissjoni ta’ Ġesù għall-Missier tesprimi u turi dil-volontà ta’ Alla Trinità. 


Ġw.6:39. mhu se nitlef xejn minnu. Ir-rieda tal-Missier hi wisq aktar milli Ġesù jagħmel offerta għan-nom tal-midinbin mitlufa. Fl-aħħar se jqajjem lil dawk kollha mogħtija lilu mill-Missier u ma jitlef xejn minn dak il-grupp. Alla, bi grazzja pura, jippriżerva lill-fidili ġenwini, u hekk jassigura s-salvazzjoni finali tagħhom. 


Ġw.6:40. kull min jara l-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja eterna. Hawn Ġesù jenfasizza r-responsabbiltà umana fis-salvazzjoni. Alla hu ċertament sovran, u fis-sovranità tiegħu ħatar illi jopera permezz tal-fidi fil-bniedem, hekk illi persuna jeħtiġilha temmen f’Ġesù bħala l-Messija, Bin Alla, li waħdu hu s-salvazzjoni tal-bnedmin (cf., Ġw.14:6). Frattant imqar il-fidi hi għotja mingħand Alla (Rum.12:3; Ef.2:8-9). Is-sovranità divina u r-responsabbiltà umana qajla nistgħu narmonizzawhom intellettwalment, iżda huma perfettament riżolvuti fil-moħħ infinit t’Alla. 

Ebda fidil veru ma jista’ qatt jintilef, ladarba kull min jafda f’Ġesù tingħatalu l-ħajja eterna, u jibqa’ jemmen fih sa jum il-ġudizzju, l-aħħar jum, meta Ġesù jqajmu mill-mewt biex igawdi l-milja tal-ħajja fil-preżenza t’Alla, ruħ u ġisem mifdija u pperfezzjonati għal dejjem. Il-pjan t’Alla favur il-magħżulin tiegħu ma jistax ifalli. 


Ġw.6:41. gemgmu dwaru. Il-folol iddomandaw illi Ġesù jagħtihom il-manna bħalma għamel Mosè (Ġw.6:30-31). Hawnhekk issa jaġixxu eżattament bħalma għamlu missirijiethom fix-xagħri (Es.15:24; 16:2,7-9). 

niżel mis-sema. Mnejn ġie Ġesù jistabbilixxi l-identità tiegħu bħala l-Unzjonat u Bin Alla (Ġw.6:29,33,38; 1:1-2,14,18,45-46; 3:2,13,17,31; 5:36-38). Dawk konfrontati b’din ir-rivelazzjoni jeħtieġ jirrispondu bi twemmin jew roftiment. M’hemm triq tan-nofs. 


Ġw.6:43. Tgemgmux bejnietkom. Ġesù jtenni l-ilment t’Alla kontra n-nies; hi mostra li nsibuha matul il-Patt il-Qadim (eż., Es.16:8; Num.14:27; Sal.95:8-9). 


Ġw.6:44. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux. Ħadd ma jista’ jwieġeb pożittivament għat-twissija u l-istedina ta’ Ġesù apparti mill-attività grazzjuża u potenti tal-Missier. Qalb il-bniedem hi naturalment iebsa u ma tilqax l-istedina, apparti minn ħidma speċjali ta’ Alla, imsejħa fit-teoloġija s-sejħa effikaċi (Ġw.6:65). 

L-Iskrittura tagħtina ritratt tad-dnub bħala deformità universali fin-natura tagħna, misjuba f’kull qasam f’kull persuna (1 Slat.8:46; Rum.3:9-23; 7:18; 1 Ġw.1:8-10). Id-dnub hu deskritt bħala ribelljoni kontra l-ħakma t’Alla, it-trasgressjoni tal-liġi divina. Id-dnub hu enerġija ta’ reazzjoni bla raġuni, negattiva, u xewwiexa lejn Alla. Huwa spirtu ta’ ġlied m’Alla billi tilgħabha t’Alla. L-għerq tad-dnub hi l-kburija u għadwa kontra Alla, l-ispirtu muri fl-ewwel trasgressjoni t’Adam, u l-atti midinba dejjem għandhom warajhom ħsibijiet u xewqat li b’xi mod jew ieħor jesprimu l-oppożizzjoni stinata tal-qalb ingannata għad-dritt t’Alla fuq ħajjitna. 

Id-dnub nistgħu niddefinuh bħala l-ksur tal-liġi t’Alla, jew nuqqas ta’ konformità għall-istess liġi, fi kwalunkwe qasam tal-ħajja, sew fil-ħsieb, fid-diskors, jew fl-għemil. L-Iskrittura tagħtina diversi aspetti tad-dnub (ara, eż., Ġer.17:9; Mt.12:30-37; Mk.7:20-23; Rum.1:18-3:20; 7:7-25; 8:5-8; Gal.5:16-21; Ef.2:1-3; 4:17-19; Ebr.3:12; Ġak.2:10-11; 1 Ġw.3:4; 5:17). Bih toffendi l-purità t’Alla billi tniġġes lilek innifsek, u timmissja l-marka li Alla qiegħed quddiemek biex timmira lejha. Allura quddiem l-Imħallef kulħadd jinsab ħati. 

“Id-dnub oriġinali,” li jfisser dnub ġej mill-oriġni tagħna, mhix frażi biblika, imma tiffoka fuq ir-realtà tad-dnub fis-sistema spiritwali tagħna. Id-dnub oriġinali ma jfissirx li d-dnub hu fil-bniedem kif maħluq minn Alla; għall-kuntrarju, “Alla għamel lill-bniedem dritt” (Ek.7:29). Ifisser aktarx li l-qagħda midinba timmarka lil kulħadd mit-twelid, fl-għamla ta’ qalb mixħuta lejn il-ħażen, qabel ma tkun ikkommettiet kwalunkwe dnub attwali; din il-qagħda ġewwiena hi l-għerq u l-għajn tad-dnubiet kollha li nagħmlu fil-prattika; hi trasmessa lilna minn Adam, l-ewwel rappreżentant tagħna quddiem Alla. Allura aħna m’aħniex midinbin għax nagħmlu d-dnubiet, imma nagħmlu d-dnubiet għax aħna midinbin, imwielda b’natura mjassra għad-dnub.

Il-frażi “depravità totali” nużawha biex noħorġu fiċ-ċar l-implikazzjonijiet tad-dnub tan-nisel. Tissinifika l-korruzzjoni tan-natura morali u spiritwali tagħna li hi totali fil-prinċipju, għalkemm mhux fil-grad (għax ħadd mhu ħażin daqskemm jista’ jkun). Ebda parti minna mhi bla mittiefsa bid-dnub, u ebda azzjoni tagħna mhi tajba daqskemm suppost hi. Konsegwentement, ebda ħaġa li nagħmlu ma tista’ qatt tikseb mertu f’għajnejn il-Mulej. Ma nistgħux naqilgħu l-favur t’Alla, nagħmlu x’nagħmlu; jekk Alla ma jindaħalx u jsalvana, aħna mitlufin. 

Id-depravità totali tinkludi l-inabbiltà totali, jiġifieri, m’għandniex qawwa nemmnu f’Alla jew fil-Kelma tiegħu (Rum.8:7-8). Dan in-nuqqas ta’ ħila hu forma ta’ mewt; il-qalb imħassra hi “mejta” (Ef.2:1,5; Kol.2:13). Il-bniedem bil-waqgħa tiegħu f’qagħda ta’ dnub tilef kompletament kull kapaċità tar-rieda biex jagħmel xi tajjeb spiritwali li jakkumpanja s-salvazzjoni. Għalhekk, bħala bniedem naturali (mingħajr l-indħil ta’ l-Ispirtu s-Santu), billi hu avversiv għal kull tjieba, u mejjet fid-dnub, mhuwiex kapaċi jikkonverti lilu nnifsu bil-ħila tiegħu, u lanqas iħejji lilu nnifsu biex jersaq lejn Alla. Il-Kelma t’Alla biss iġġib id-dawl f’din id-dalma (Lq.18:27; 2 Kor.4:6).

ma jiġbdux. Dal-verb ifisser tiġbed b’forza u qawwa (jintuża wkoll fi Ġwanni 21:11, kif ukol fl-Atti 16:19 u 21:30). Hawnhekk hu applikat għas-sejħa effikaċi t’Alla biex iressaq lill-midinbin lejn Kristu (Ġw.12:32). 


Ġw.6:45-46. se jkunu lkoll mgħallmin minn Alla. Fil-kuntest oriġinali, Isaija 54:13, din hi wegħda ta’ fidwa finali. Dawk li jipparteċipaw f’dil-fidwa huma dawk li jiġu għand Ġesù; hekk Ġesù jidentifika lilu nnifsu bħala l-Ħellies li bih taslilna l-fidwa finali. Kull min jixtieq jista’ jiġi, u jiġi għax ikun tgħallem minn fuq (Ġw.6:44). 


Ġw.6:51-58. Kif jista’ dan jagħtina l-laħam tiegħu x’nieklu? Għal darb’ oħra s-semmiegħa ma jifhmux lil Ġesù; jeħduh litteralment (cf., Ġw.6:34). Ħasbu li Ġesù qed jirrikkmandalhom isiru kannibali. Nifhmuha kif il-Lhud ipprotestaw, għax kienu projbiti milli jixorbu d-demm (Ġen.9:4; Lev.7:26-27; 17:10-14; Dt.12:23-24). 

Ġesù jinqeda bix-xbieha ta’ ikel u xorb biex jagħti illustrazzjoni tal-unjoni intima bejnu u l-fidil. Din ir-rabta spiritwali, li biha Kristu jagħti ħajja ġdida lill-fidil, hi deskritta wkoll bħala l-ħajja tal-friegħi mid-dielja (Ġw.15:1-8). Kultant tissejjaħ l-unjoni mistika. Pawlu sikwit jirreferi għaliha bħala relazzjoni “fi Kristu” (eż., Gal.2:20; Ef.1:3-14). Hi parteċipazzjoni fih, kif ukoll identifikazzjoni miegħu. Tiġbor fiha wkoll l-idea ta’ inkorporazzjoni mas-Salvatur, u rappreżentazzjoni minnu. Hi verità profonda ħafna. 

Xi wħud jikkonkludu li Ġesù hawn qed jirreferi għall-Ewkaristija. Dan impossibbli, għax is-sagrament kien għadu ma twaqqafx. Raġuni oħra hi din: kieku Ġesù qed jitkellem dwar l-Ewkaristija, allura qed jgħallem illi kull min jieħu sehem minnha jirċievi l-ħajja eterna, pożizzjoni li lanqas il-Knisja Kattolika ma tipproponi. 

Il-pass nittrattawh l-aħjar meta nifhmuh bħala spjegazzjoni tar-realtà spiritwali sinifikati wkoll fl-Ikla tal-Mulej – unjoni ma’ Kristu u l-benefiċċji kollha tas-salvazzjoni milqugħa permezz tiegħu. Apparti minn din ir-rabta ma’ Kristu m’hemmx salvazzjoni (Ġw.6:53). 

Noqogħdu attenti għal diskors figurattiv biex nidentifikawh u niskopru s-sinifikat veru tiegħu. Ġesù hu realment il-pedament tal-knisja (1 Kor.3:11; Ef.2:20), iżda mhux litteralment. Ġesù hu realment id-dielja, u l-fidili l-friegħi li jgħixu mid-dielja (Ġw.15:1-5), imma mhux litteralment. F’dan id-diskors Ġesù nnifsu jwissina biex ma niħdux kliemu f’sens materjalistiku (Ġw.6:63). Hi ħaġa assurda u kannibalistika nieklu laħmu b’mod fiżiku. Jerġa’, ma kienx qed jitkellem fuq ħajja fiżika jew korporali, iżda dwar il-ħajja eterna (Ġw.6:54). Isejjaħ lilu nnifsu l-ħobż tal-ħajja (Ġw.6:48), u joħloq kuntrast qawwi bejn dan il-ħobż, hu nnifsu, u l-ħobż fiżiku li l-Lhud kielu fid-deżert (Ġw.6:58). Juża l-figura ta’ “ikel” f’paralelliżmu għal “tibqa’” (Ġw.6:56), li hi wkoll figura tad-diskors. La waħda u lanqas l-oħra ma jistgħu jittieħdu litteralment. Jekk nieħdu kliemu litteralment, dan jikkontradixxi kmandamenti oħra biex ma niklux laħam bid-demm (Lev.17:10-14). 


Ġw.6:54-58. Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja eterna. L-analoġija ta’ Ġesù għandha sinifikat spiritwali, mhux litteru. Bħalma wieħed jiekol u jixrob biex jgħix fiżikament, hekk ukoll l-afdar fi Kristu, mogħti fuq is-salib, huwa neċessarju għall-ħajja eterna. Nieklu u nixorbu tassew meta nilqgħu lil Ġesù u s-sagrifiċċju tiegħu bil-fidi. 

Għal-Lhud, però, l-idea ta’ Messija msallab hi assurda u kontradizzjoni għal kull mistennija tagħhom (cf., At.17:1-3). Għal darb’ oħra, il-Lhud, fl-għama stinat tagħhom, ma setgħux jaraw is-sinifikat reali u l-verità fi kliem Ġesù. 

Jerġa’, nirċievu l-ħajja spiritwali mhux b’xi parteċipazzjoni formali f’xi sagrament, iżda billi nafdaw fi Kristu u nibbenefikaw mill-fidwa tiegħu fuq is-salib (Rum.3:24-25; 1 Ġw.1:7). Il-Kristjan iddaħħal f’saltnet Alla għax jgħix bil-ħajja ta’ Kristu fih, u hekk ikompli f’xirka miegħu, f’ubbidjenza għal Kelmtu (cf., Ġw.6:53 ma’ Ġw.6:63). 


Ġw.6:60. dixxipli tista’ tintuża biex tirreferi għal nies impressjonati bit-tagħlim u l-mirakli ta’ Kristu, u jsegwuh għal xi żmien, bla ma jkunu spiritwalment tiegħu, bħalma hu f’dal-każ. 

Din hi kelma iebsa. Bosta mid-dixxipli offendew irwieħhom, u rrifjutaw jisimgħu l-ispjegazzjoni, u allura la kienu jridu u lanqas lesti jilqgħu il-messaġġ ta’ salvazzjoni bi grazzja. 


Ġw.6:62. taraw lil Bin il-Bniedem tiela’ fejn kien qabel. Bħal “jitgħolla” (Ġw.3:14), tiela’ hawnhekk probabbilment tirreferi għall-avvenimenti li bdew meta Kristu kien mgħolli fuq is-salib biex jilħaq il-klajmaks tiegħu fl-eżaltazzjoni fuq il-leminija tal-Missier. Jekk id-dixxipli skandalizzaw ruħhom (Ġw.6:53-58), mela x’se tkun ir-reazzjoni tagħhom għall-iskandlu tal-kruċifissjoni? U kif se jeħduha jekk ikollhom jarawh fl-axxensjoni tiegħu wara tmiem il-missjoni tiegħu?


Ġw.6:63. il-laħam ma jiswa xejn affattu. Il-laħam hu n-natura umana mwaqqa’ fid-dnub, bl-emozzjonijiet, ir-rieda u l-intellett kontra Alla. Waħdu, il-bniedem mhuwiex kompetenti biex jiġġenera ħajja spiritwali ġenwina fih permezz tal-fidi (Rum.7:14-25), għax L-Ispirtu hu li jagħti l-ħajja, li jopera bis-setgħa fil-kliem u bil-kliem ta’ Ġesù, kliem illi hu spirtu u ħajja fis-sens li jaħdem fid-demanju spiritwali u inviżibbli biex inqanqal ħajja spiritwali ġenwina.

Inkunu żbaljati totalment jekk nieħdu kliem Ġesù fuq livell purament fiżiku. Ninnotaw il-ħidma konġunta tat-Trinità: il-Missier (Ġw.6:37-40,44-46,57,65), l-Iben (Ġw.6:50-51, eċċ.), u l-Ispirtu s-Santu (Ġw.6:63).


Ġw.6:64. kien jaf mill-bidu. Każ ta’ tagħrif sopranaturali, bħalma nsibu wkoll fl-istess kuntest (Ġw.6:61,70). 


Ġw.6:65. ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jkunx mogħti lilu mill-Missier. Ebda bniedem mhu kapaċi, waħdu, bl-intelliġenza, l-għerf jew ir-rieda tiegħu, jirrikorri għand Kristu mingħajr is-sejħa t’Alla, li biha jsir irid u kapaċi. L-inabbiltà morali tal-midneb biex jagħżel lil Kristu jeħtieġ tkun megħluba bil-qawwa grazzjuża u sovrana tal-Ispirtu (Ġw.3:5-21). 


Ġw.6:66-71. Ħafna nies, sa dakinhar interessati f’Ġesù, issa daru lura u abbandunaw kollox. Il-fidi inizjali tagħhom ma kinitx ġenwina u abbli segwew wara Ġesù minħabba l-benefiċċji fiżiċi li tahom, bħall-fejqan u l-ikel. Issejħu dixxipli għax urew xi tip ta’ impenn, avolja temporanju. 

Dejjem irridu nagħmlu distinzjoni bejn dixxipli foloz u dixxipli ġenwini, bħalma kien Pietru u sħabu, li l-istess okkażżjoni serviethom biex isseddqu fil-fidi tagħhom f’Ġesù, hekk li Pietru jiddikjara, Sid, għand min se mmorru? Int għandek kliem il-ħajja eterna. L-implikazzjoni ċara hi illi m’hemm ebda għalliem jew reliġjuż ieħor li jwassal lin-nies għall-ħajja eterna u għal xirka ġenwina m’Alla nnifsu. 


Ġw.6:69-70. Mhux jien għażiltkom, it-tnax? Pietru kien għadu kif afferma illi hu u sħabu emmnu. Ġesù jfakkarhom illi hu għażilhom, skont ir-rieda sovrana tiegħu (Ġw.6:37,44,65). Ma jridx illi jkun hemm imqar tpespisa ta’ pretensjoni umana fl-għażla divina. 


Ġw.7:1. Ġesù qal lid-dixxipli illi m’għandhomx għalfejn jibżgħu mill-mewt (Lq.12:4), u frattant hawnhekk qed jevita l-periklu illi jispiċċa maqtul. Dan ma jfissirx illi Ġesù beża’ mill-mewt; sempliċement ma riedx imut qabel iż-żmien maħtur (Ġw.2:4; 8:20). Meta ġiet is-siegħa ffaċċjaha bi qlubija u determinazzjoni (Ġw.12:23). Għalkemm indiehex mill-orrur tagħha (Ebr.5:7), ma riedx jaħrabha (Ġw.12:27). Sidna kien jaf mill-bidu illi ġie fostna biex imut (Ġw.2:19-20; 10:10-11). 

Il-missjoni tiegħu kienet biex jagħti ħajtu bħala riskatt, jew ħlas, biex il-midinbin ma jibqgħux fil-jasar tal-ħażen u Satana (Mk.10:45). Madankollu, biex jirnexxilu jagħmel dan kif ħatar Alla u kif tbassar mill-profeti, kellu joqgħod attent għal tentattivi fuq ħajtu qabel iż-żmien propizju. Pereżempju, kellu jkun imsallab (Sal.22:16; Żak.12:10) u mhux imħaġġar, kif provaw jeqirduh il-Lhud darba fost l-oħrajn (Ġw.10:32-33). 


Ġw.7:2. l-Għerejjex, jew Sukkot, kienet l-itwal festa reliġjuża li matulha kienu jikkkommemoraw il-provdiment t’Alla matul l-erbgħin sena fid-deżert. Kienet taħbat fil-ħmistax-il jum tas-seba’ xahar u tkompli għal sebat ijiem, b’konvokazzjoni qaddisa fit-tmien jum. Iżrael kien jgħammar fl-għerejjex jew tined matul il-festa, u hekk jiftakru wkoll li għammru fit-tined meta nħarġu b’fidwa mill-Eġittu (Es.23:16; 34:22; Lev.23:33-43; Num.29:12-38; Dt.16:13-15). 

Kienet issir fi tmiem il-ħsad, meta n-nies ikunu jgawdu l-frott tat-tjieba t’Alla. Fiha kien isir irfigħ ċerimonjali tal-ilma (jikkommemora l-provdiment tal-ilma fid-deżert; Num.20:2-13), u ritwal li fih jinxtegħlu l-lampi. L-ewwel ċerimonja tipprovdi l-isfond għall-proklama ta’ Ġesù fi Ġwanni 7:37-38, u t-tieni għall-istqarrija tiegħu fi Ġwanni 8:12. 

Il-festa tipprefigura wkoll il-komunjoni eterna li għad igawdu n-nies t’Alla miegħu (Żak.14:16).


Ġw.7:3-5. ħutu huma wlied Marija u Ġużeppi (Mk.3:21). Ma kinux jemmnu fih, iżda kkonvertew wara li qam mill-mewt (At.1:14). Riedu lil Ġesù jwettaq mirakli biex jarahom kulħadd. 


Ġw.7:6. Iż-żmien tiegħi (ara Ġw.7:8,30; 2:4; 8:20; 12:23; 13:1; 17:1; Mt.26:18; Mk.14:1). Ġesù hu dejjem ikkonċernat biex jikkonforma mal-iskeda t’Alla għalih.


Ġw.7:7. Id-dinja hi l-umanità f’oppożizzjoni kontra Alla u l-għan tiegħu. Il-midinbin ma jiħdux pjaċir, anzi jippillaw, meta l-ħażen tagħhom ikun mikxuf (Ġw.3:19-20). Għalhekk Ġesù qal lili tobgħodni, għax ipproklama illi kulma jagħmlu n-nies, maqtugħin mill-ħajja t’Alla, hu ħażen (cf., Ġw.2:14-16; 3:19-20; 5:30-47). Tul il-ministeru tiegħu Ġesù fedelment iddenunzja l-inġustizzja, il-kefrija u l-immoralità. Din ix-xhieda diretta u bla ħabi tikkontradixxi dawk li ħsiebhom biex ixandru “vanġelu pożittiv,” ċoè messaġġ imneżża’ mid-domanda profetika għall-indiema u l-ġustizzja. 


Ġw.7:8-10. m’iniex tiela’ għal dil-festa. Ħutu talbuh jippreżenta lilu nnifsu bil-miftuħ; Ġesù jirrimarka li kien għadu mhux lest jidher b’mod hekk pubbliku. Kienet ir-rieda tal-Missier li tiddettalu l-affarijiet, mhux in-nies, avolja qraba tiegħu. Għaldaqstant nifhmuha kif aktar tard imur il-festa, imma mhux kif qalulu ħutu, manifestament, iżda bħallikieku bil-moħbi. 


Ġw.7:13. minħabba l-biża tal-Lhud, partikolarment il-mexxejja u l-uffiċjali ostili lejn Ġesù (ara l-istess frażi fi Ġwanni 19:38 u 20:19). Il-mexxejja opponew u skomunikaw lis-segwaċi tiegħu mis-sinagoga (Ġw.12:42). 


Ġw.7:15. qatt ma studja. Ebda rabbi m’għallem formalment lil Ġesù, frattant it-tagħrif u l-għerf tiegħu għaġġbu lis-semmiegħa (cf., Mt.7:28; Lq.2:47; Ġw.3:2). 


Ġw.7:16. It-tagħlim tiegħi mhuwiex tiegħi; ingħatalu minn Alla (Ġw.14:10; 17:8), mhux bi tradizzjoni umana. Minflok ma nittestjaw lil Kristu bil-kredenzjali umani tiegħu, imissna nħallu tagħlimu jittestjana biex naraw ir-rieda tagħna hix sottomessa għar-rieda divina. 


Ġw.7:17. se jkun jaf dwar it-tagħlim. L-individwu jagħraf verament in-natura divina tat-tagħlim ta’ Ġesù jekk jixtieq bil-ħerqa jagħmel ir-rieda t’Alla (Sal.25:14). Dawk li moralment iridu jsegwuh ikunu intellettwalment konvinti li Ġesù hu l-verità (Ġw.14:6). 


Ġw.7:18. ifittex il-glorja ta’ min bagħtu. Hemm nies u fondaturi reliġjużi li jivvintaw il-messaġġ huma – jitkellmu minnhom infushom. B’kuntrast, Ġesù jħaddem prinċipju li dejjem jiggwidah: irid ikun leali għall-missjoni tiegħu (Ġw.12:49). Ġesù u l-messaġġ tiegħu huma identifikati mal-verità (Ġw.1:14,17; 14:6; 18:37; 2 Kor.11:10; Riv.3:7,14; 19:11). 

L-istess jingħad għal Alla l-Missier (Ġw.7:28; 8:26; 17:3; Sal.31:5; Isa.65:16; Rum.3:4; 1 Tes.1:9; 1 Ġw.5:20; Riv.6:10; 15:3; 16:7), u għall-Ispirtu s-Santu (Ġw.14:17; 15:26; 16:13; 1 Ġw.4:6; 5:6). 

L-istess japplika għall-Iskrittura u l-ippritkar appostoliku (Ġw.17:17; Sal.119:30,43,138,142,151,160; Ef.1:13; Kol.1:5; 2 Tim.2:15; Ġak.1:18). Dan kollu hu fl-estrem l-ieħor għall-gidba tax-xitan (Ġw.8:44). 


Ġw.7:20. Għandek demonju! Ġesù mhux darba jew tnejn kien mixli li hu ppussessat minn spirtu ħażin (cf., Ġw.8:48; 10:20; Mt.12:24). L-istess xilja kienet diretta lejn il-Battista (Mt.11:18). Akkużi foloz oħra kontra Kristu jinkludu l-ksur tas-Sibt (Ġw.5:16,18; 9:16), dagħwa (Ġw.5:18; 8:59; 10:31,33,39; 19:7), iqarraq bin-nies (Ġw.7:12,47), ġenn (Ġw.10:20), attivita kriminali (Ġw.18:30), u li kien Samaritan (Ġw.8:48). Kollha juri kemm id-dlam ma jistax jifhem id-dawl (Ġw.1:5).


Ġw.7:22. iċ-ċirkonċiżjoni kienet preskritta fil-liġi ta’ Mosè (Lev.12:3), iżda kienet istitwita minn Alla fi żmien Abraħam (Ġen.17:10-14). Kellha ssir fit-tmien jum mit-twelid tat-tarbija, avolja jinzerta jkun is-Sibt. 


Ġw.7:23. tisblu miegħi għax għamilt bniedem b’saħħtu...? Ġesù jiġbed l-attenzjoni għall-inkonsistenza tal-akkużaturi tiegħu. Kienu jippermettu għadd ta’ attivitajiet nhar ta’ Sibt, inkluża ċ-ċirkonċiżjoni, u hu jqabbel dawn l-attivitajiet mal-ministeru ta’ fejqan tiegħu. 


Ġw.7:24. Filwaqt li Ġesù projbixxa ġudizzju ta’ ċensura bl-addoċċ u faċċola, kif promoss mil-legaliżmu tal-Fariżej (Mt.7:1), saħaq biex neżerċitaw id-dixxerniment morali u teoloġiku: ġġudikaw b’ġudizzju ġust. 


Ġw.7:27-28. dan nafu mnejn hu. In-nies kienu jafu li Ġesù hu mill-Galilija (Ġw.7:41,52), u dan deher ma jaqbilx mal-fehma popolari li l-Messija kellu jitfaċċa minn Betleħem (Ġw.7:42; Mt.2:5-6), jew li l-oriġni tiegħu ma tkunx magħrufa. 

Ġesù jwieġeb billi jgħarrafhom illi hu mibgħut minn Alla l-veru, mis-smewwiet, aktarx milli jirreferihom għal xi post fuq l-art. Il-Lhud ma rrikonoxxewx il-missjoni divina tiegħu, u hekk inkixfu bħala injoranti dwar il-pjan t’Alla, minkejja l-mirakli, li kienu prova tal-approvazzjoni t’Alla (Ġw.7:31). 

intom ma tafuhx. Għalkemm assumew illi kienu orjentati tajjeb spiritwalment u perċettivi fi ħwejjeġ reliġjużi, il-fatt li rroftaw lil Ġesù żvela l-falliment spiritwali tagħhom (Rum.2:17-19). 


Ġw.7:30. kienet għadha ma ġietx is-siegħa tiegħu. Din hi r-raġuni għala ma setgħux joqtluh, ċoè l-orarju u l-pjan t’Alla sovran ma ppermettewx l-arrest prematur tiegħu. Attwalment kollox jimxi u jseħħ skont l-orarju divin. 


Ġw.7:34-35. m’intomx se ssibuni. Ma jsibuhx għax kellu jitla’ lura fis-smewwiet. Ninnotaw il-kuntrast bejn l-infidili (Ġw.7:34) u l-fidili (Ġw.14:3). Il-Lhud kienu mistifikati dwar l-oriġni ta’ Ġesù u allura ma setgħux jifhmu d-destinazzjoni tiegħu, il-ġenna. Ħasbu li se jmur fost il-pagani.


Ġw.7:37. ħa jiġi għandi u jixrob. Min għandu l-għatx għal Alla jissodisfah b’Ġesù. Tiġi u tixrob ifisser temmen fih, tidħol f’relazzjoni personali u kontinwa li matulha tafdah għall-maħfra u kull barka oħra. Mhijiex sempliċement qbil ma’ xi fatti, iżda l-involviment personali u onest tal-bniedem; hi parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù.


Ġw.7:38. bħalma qalet l-Iskrittura. Sikwit il-Patt il-Qadim għaqqad l-ilma mal-għotja tal-Ispirtu fl-aħħar taż-żmien (eż., Isa.44:3; Eż.36:25-27) u l-barkiet taż-żmien messjaniku preżenti (eż., Prov.4:23; Isa.12:3; 58:11). Ġesù jwettaq it-tifsira tal-Festa tal-Għerejjex. 

Ġesù rrefera għall-Iskrittura għax hi l-istess Kelma ta’ Missieru u allura għandha awtorità suprema għal ħajtu u tagħlimu. Hi wkoll l-awtorità suprema għad-dixxipli tiegħu, għax Alla waħdu għandu d-dritt jgħarrafna x’inhi l-verità (biex nemmnuha), u jiddetermina l-istandard ta’ ħajjitna (biex il-kondotta tagħna tkun aċċettabbli quddiemu). 

Alla għażel illi finalment l-awtorità tiegħu tkun magħrufa tul il-ġenerazzjonijiet permezz tal-Bibbja Mqaddsa. Kulma tgħallem l-Iskrittura hu t-tagħlim t’Alla għalina. Għaldaqstant tradizzjonijiet ekkleżjastiċi, rivelazzjonijiet taparsi ġodda, dottrini u ideat umani jeħtieġ dejjem ikunu ttestjati bl-Iskrittura u qatt m’għandhom ikunu elevati għal awtorità ugwali mal-Bibbja (cf., Mk.7:13; Kol.2:8; 1 Pt.1:18-19). 


Ġw.7:39. l-Ispirtu kien għadu ma ngħatax. Dan ġara f’Pentekoste. L-Ispirtu s-Santu kien preżenti u operattiv mill-ħolqien (Ġen.1:2) u tul il-Patt il-Qadim kollu (eż., Ġen.6:3; 41:38; Es.31:3; Num.11:25). Saħansitra ħadem fil-fidili qabel ma twieled Ġesù (eż., Num.27:18; Dt.34:9; Eż.2:2; 3:24; Dan.4:8-9,18; 5:11; Mik.3:8; cf., Lq.1:15,41,67). 

F’Pentekoste, però, daħal f’relazzjoni aktar intima mal-fidili (Ġw.14:17; 1 Kor.6:19), aktar qawwija u mimlija, skont kif kien imwiegħed (Eż.36:26-27; 37:14; Ġoel 2:28-29; cf., Ġw.20:22; At.2:1-13). Hu l-għotja tal-Messija lil niesu, għax jgħammed bih (Mt.3:11; Mk.1:8; Lq.3:16), imma din il-barka fil-milja tagħha kellha tistenna t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù li mbagħad iferrgħu mis-sema fuq niesu (Ġw.16:7; cf., Ef.4:8). L-impartazzjoni tal-Ispirtu s-Santu hi s-sors tal-ħajja spiritwali u eterna. 


Ġw.7:42. L-ironija hi apparenti, għax ma rrealizzawx illi Ġesù attwalment twieled f’Betleħem.


Ġw.7:45-52. Il-preġudizzju qawwi tas-sommi saċerdoti u l-Fariżej jidher kif maqdru u kkundannaw lill-gwardji (Ġw.7:47-48), kif iddisprezzaw lill-popolin (Ġw.7:49), u saħansitra lis-sieħeb tagħhom Nikodemu (Ġw.7:52). 

Qatt ma tkellem hekk bniedem. Il-gwardji abbli ma rrealizzawx kemm verament hekk hu, iżjed milli ħasbu. Ebda bniedem tul il-ġrajja umana ma kien ukoll Alla nnifsu, u hekk kapaċi jitkellem bit-tagħrif infinit u l-awtorità t’Alla nnifsu.

ebda profeta mhu mqajjem mill-Galilija. L-injoranza reali kienet tal-Fariżej arroganti li ma għamlux tfittxija bir-reqqa biex isiru jafu l-fatti fejn Ġesù attwalment twieled. Akkużaw lill-folla b’injoranza mentri huma nfushom kienu injoranti. Aktar minn hekk, il-profeta Ġona kien attwalment mill-Galilija. 


Ġw.7:53-8:11 hu pass li ma jinstabx fl-aħjar u l-eqdem manuskritti Griegi tal-Patt il-Ġdid, u allura probabbilment ma jifformax parti oriġinali tal-Vanġelu. Jinstab inkorporat f’manuskritti diversi f’postijiet differenti (eż., wara Ġwanni 7:36,44,52, jew 21:25, u manuskritt wieħed ipoġġih wara Lq.21:38. Ħafna manuskritti oħra jimmarkaw il-passaġġ b’obelus, jew marka, biex jindikaw dubju dwar l-inklużjoni tiegħu. 

Ma jinstabx lanqas fl-aħjar manuskritti tat-traduzzjonijiet l-iżjed bikrija tal-Bibbja fil-lingwa Sirjaka antika, il-Koptiku, il-Gotiku u l-Latin antik.

Ebda wieħed mis-Santi Padri Griegi ma jikkummentaw fuq il-passaġġ qabel is-seklu tnax. Il-pass lanqas hu ċċitat mill-maġġor parti tas-Santi Padri bikrija, inkluż Klement, Tertulljanu, Oriġene, Ċiprijanu, Ċirillu, u oħrajn. 

Il-vokabularju u l-istil tas-sezzjoni huma differenti mill-bqija tal-Vanġelu.

L-istorja tinterrompi s-sekwenza ta’ Ġwanni 7:52 ma’ 8:12. 

Essenzjalment ma nitilfu ebda dottrina jekk il-pass jitħalla barra, għax kulma hu mgħallem hawn hu mgħallem ukoll bnadi oħra, l-istess bħal Marku 16:9-20, pass ieħor dubjuż. Billi m’għandniex ċertezza assoluta huwiex ġenwin jew inkella spurju, nistgħu nikkonsidrawh xorta waħda. 


Ġw.8:5. inħaġġruhom. Ma kinux qed jaġixxu skont il-liġi Mosajka, li rrekjediet illi kemm l-adulteru kif ukoll l-adultera jitħaġġru (Dt.22:22-24). Ladarba l-mara nqabdet fl-att, għaliex ma ġabux ukoll lir-raġel? L-ipokrisija tal-iskribi tidher filli qed jilagħbuha illi jridu jonoraw il-liġi meta fallew jagħmlu skont ma titlob il-liġi, ċoè ġustizzja għal kulħadd. 


Ġw.8:6. sabiex ikollhom fuqiex jakkużawh. B’adultera quddiemu, Ġesù ġie konfrontat b’każ kritiku. Kieku qalilhom biex iħaġġruha, ikun qed jikser il-liġi Rumana għax il-gvernatur Ruman biss kellu l-awtorità jiġġustizzja (Ġw.18:31). Kieku qalilhom biex jitilquha, jidher li qed jegħmeż l-adulterju u jivvjola l-liġi ta’ Mosè. 

b’sebgħu kiteb mal-art. Abbli mossa profetika bħala twissija ta’ ġudizzju divin (Ġer.17:13) fuq dawk li jirriġettaw il-funtana ta’ ilmijiet ħajjin (Ġw.7:37-38). 


Ġw.8:7. Min hu bla dnub fostkom. Dal-kliem m’għandux jittieħed bħala ġustifikazzjoni talli nirrifjutaw nikkundannaw id-dnub fil-knisja, jew talli nagħlqu għajnejna għall-fallimenti morali ta’ Kristjani oħra. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed ngħawġu l-attitudni tal-Iskrittura lejn id-dnub fost in-nies t’Alla. Il-kondotta tal-knisja lejn il-midinbin barra l-knisja illi ftit li xejn kellhom ċans jirrispondu għall-grazzja t’Alla fi Kristu, u l-kondotta tagħha lejn dawk fi ħdanha li jidinbu u ma jobdux lil Kristu, huma żewġ sitwazzjonijiet differenti. Id-dnubiet kommessi minn Kristjani professjonanti m’għandhomx ikunu tollerati (Riv.2:20), u jmisshom ikunu mċanfra u esposti (Lq.17:3; 1 Kor.5:1-13; 2 Kor.2:6-8; Ef.5:11; 2 Tim.4:2; Titu 1:13; 2:15; Riv.3:19). 


Ġw.8:11. Lanqas jien ma nikkundannak. Il-kundanna hi sentenza ta’ kastig mogħtija fil-qrati. Ġesù jindika li ebda proċeduri leċiti ma ġew segwiti u allura m’hemm ebda bażi għall-piena kapitali proposta. B’daqshekk Ġesù mhux qed jgħid illi hu oppost għall-piena kapitali; il-Bibbja tidher li tipprononiha (Ġen.9:6; Mt.26:52; Rum.13:4; At.25:11).

Kliemu Ġesù jirrifletti l-imħabba ridentiva tiegħu għall-mitlufa (Ġw.3:16), f’kuntrast għall-atteġġjament tal-Fariżej, li kienu ħsiebhom biex jikkundannaw lil ħaddieħor bla ma jaraw xturhom. Billi Ġesù ma kkundannahiex ma jfissirx li għalih id-dnub ma jimportax; għall-kuntrarju, jeżortaha biex minn issa ’l quddiem tidnibx iżjed. Iwissiha biex tabbanduna l-mogħdija tal-ħażen.


Ġw.8:12. Jien hu d-dawl tad-dinja. Kienu jintużaw xamgħat bħala parti miċ-ċelebrazzjoni fil-Festa tat-Tabernakli. Matulha, il-blata li provdiet l-ilma fid-deżert kif ukoll il-kolonna tan-nar li tat id-dawl u gwida kienu mfakkra (Es.13:21). Il-blata tipponta lejn Ġesù (1 Kor.10:4). Ukoll, hu d-dawl li għalih il-kolonna bħala tip ippontat. Ladarba Alla hu dawl (1 Ġw.1:5), kliem Ġesù jammonta għal klejm ta’ divinità. Jerġa’, Jien hu teħodna lura għall-isem t’Alla, Jaħwè, fl-Es.3:14. 

Ġesù hu d-dawl veru (Ġw.1:9); ineħħi d-dalma u l-qerq billi jillumina l-mogħdija tas-sewwa lejn Alla u s-salvazzjoni. Kull min isegwih hu meħlus mid-dlam tad-dnub, mid-dinja ħażina u Satana. Min jibqa’ jitmiegħek jew imqar jinnamra mal-dnub ifisser li mhuwiex isegwih (1 Ġw.1:6-7). min isegwini hi partiċipju preżenti; tagħti stampa ta’ dixxiplar kontinwat, l-uniku tip aċċettabbli. 


Ġw.8:13. it-testimonjanza tiegħek mhix vera, jew valida. Il-Fariżej jinsistu li x-xhieda ta’ Ġesù għalih innifsu hi legalment inaċċettabbli għax m’għandhiex korroborazzjoni (Dt.17:6; 19:15). 


Ġw.8:15. Intom tiġġudikaw skont il-laħam, jiġifieri tiddeċiedu x’inhu veru u sewwa bbażat fuq il-mentalità ta’ umanità mwaqqa’ fid-dnub, u allura ostili għal Alla (Rum.8:7). 

jien ma niġġudika ’l ħadd. Tul il-ministeru tiegħu Ġesù ma ġiex bħala mħallef tad-dinja iżda bħala s-Salvatur tagħha (Ġw.3:17; 12:47). Frattant miġjietu tipprovdi bażi għad-diviżjoni u allura “ġudizzju” f’sens ieħor (Ġw.3:19; 9:39), u fi żmien aktar tard Ġesù għad jiġi biex jiġġudika d-dinja kollha (Ġw.5:22,27,29; 12:48). Jerġa’ f’sens ieħor, fejn “niġġudika” tfisser “nevalwa sewwa,” Ġesù jiġġudika avvenimenti u nies matul il-ministeru tiegħu fuq l-art (Ġw.5:30; 7:24; 8:16,26). 


Ġw.8:16. m’iniex waħdi. Ladarba l-Missier hu x-xhud tiegħu, it-testimonjanza ta’ Ġesù hi legalment aċċettabbli. Hekk jew hekk, min għandu x-xhieda u l-approvazzjoni t’Alla m’għandu x’jambi xejn iżjed. 


Ġw.8:19. Dawk li ma jafux lil Kristu bħala s-Salvatur ma jistgħux ikunu jafu lil Alla bħala Missierhom. 


Ġw.8:21. Jien sejjer. Ġesù jitkellem dwar il-mewt, il-qawmien u l-axxensjoni tiegħu fis-smewwiet. 

tmutu fi dnubkom. Hemm żewġ destini eterni, u żewġ destini biss, għall-umanità. Mhux kulħadd se jsalva; xi wħud ma jkunux jistgħu jmorru fejn se jkun Ġesù, ċoè, fil-ġenna. L-uniku mod ta’ salvazzjoni hu twemmin ġenwin fih (Ġw.3:16-18; 8:24). 


Ġw.8:23. Intom minn isfel, jien minn fuq. Hemm kuntrast qawwi bejn id-demanju t’Alla (Ġw.15:19; 17:14-16) u did-dinja mwaqqa’ u midinba, is-sistema spiritwali u inviżibbli tal-ħażen dominata minn Satana, b’kulma toffri f’oppożizzjoni għal Alla, Kelmtu u niesu. L-opponenti ta’ Ġesù jappartienu għaliha, u huma spiritwalment għomja (2 Kor.4:4; Ef.2:1-3). 


Ġw.8:24. jekk ma temmnux. Ġesù enfasizza illi d-dnub bażiku u fatali għal dawk li semgħu l-evanġelju hu illi jibqgħu ma jafdawhx għall-maħfra. 

jien hu. Ġesù japplika lingwaġġ tal-Patt il-Qadim dwar Jaħwè għalih innifsu (Es.3:14; Isa.43:10,13,25; 46:4; 48:12), identifikazzjoni li ssir ċara u tonda fi Ġwanni 8:58, hekk li l-Lhud jipprovaw iħaġġruh. 


Ġw.8:28. tgħollu hi allużżjoni għat-tislib tiegħu, li kulma jmur kien qed isir imminenti. 

tkunu tafu illi jien hu. Il-Lhud bagħduh flok ħabbewh, irroftawh meta suppost laqgħuh, u għajruh flok ma qimuh (cf., Fil.2:9-11; Riv.1:7). Frattant ħafna Lhud emmnu fih wara l-qawmien tiegħu, u rrealizzaw illi dak li sammru mas-salib kien attwalment il-Messija (At.2:36-37,41). 


Ġw.8:29. nagħmel dejjem il-ħwejjeġ li jogħġbuh. Dad-diskors fuq kwalunkwe bniedem ikun gidba sfaċċata; minn fomm Kristu jesprimi l-glorja tiegħu, għax infallibbilment u perfettament obda l-volontà ta’ Missieru, b’approvazzjoni sħiħa mis-sema (Mt.3:17; 17:5; Ġw.8:46). 


Ġw.8:30-31. Għalkemm emmnu fih, jidher illi twemminhom kien superfiċjali (Ġw.8:33,37,39). Fidili veri huma nies li jibqgħu f’kelmet Kristu; il-perseveranza, jiġri x’jiġri, tiddistingwi lil dawk li huma tabilħaqq imwielda mill-ġdid (Ġw.15:2,6; 1 Ġw.2:19). 

tibqgħu f’kelmti tfisser tkomplu temmnu x’għallem Ġesù u timxu f’ubbidjenza lejh (cf., Ġw.15:4; 6:56; 1 Ġw.2:6,28; 3:6). L-individwu jgħaddi t-test bħala dixxiplu ġenwin hu u jissokta jafda u jobdi lil Ġesù. Qatt ma inkuraġġixxa d-dixxipli tiegħu biex iqiegħdu l-kunfidenza tagħhom f’fidi passata jew esperjenza fl-imgħoddi. Fidili ġenwini jissoktaw fit-triq tal-ġustizzja (Lq.21:19; Ġw.15:6). 


Ġw.8:32. tkunu tafu l-verità. Meta nibqgħu leali mat-tagħlim ta’ Ġesù, li hu l-verità (Ġw.14:6), naslu għall-pussess tal-verità illi tilliberana mill-jasar għad-dnub. Hu Ġesù li jeħlisna, mhux aħna lilna nfusna. Is-salvazzjoni mhijiex ottenuta b’tagħrif intellettwali; hi relazzjoni vitali ma’ Ġesù l-Messija, murija f’ħajja impenjata għall-verità żvelata minnu (Ġw.18:37). 

l-verità se tilliberakom. Fit-tagħrif uman bosta affarijiet huma veri. Frattant hemm verità waħda biss li tillibera lill-bnedmin mid-dnub, mill-qirda u d-dominju tax-xitan, ċoè, Ġesù nnifsu u r-rivelazzjoni tal-verità tiegħu fl-Iskrittura. Il-verità salvivika hi rivelata mingħand Alla permezz tal-Ispirtu tiegħu (1 Kor.2:10) u ma toriġinax minn xi persuna jew għerf uman (1 Kor.2:12-13). 


Ġw.8:33. dixxendenti t’Abraħam, iżda biss fiżikament (Ġw.8:39), u allura mhumiex werrieta tal-patt (Ġen.12:7; 17:7; Rum.2:28-29; 4:12). 


Ġw.8:34. kull min jagħmel id-dnub hu lsir tad-dnub. Kull diżubbidjenza għal-liġi divina hi reat gravi, u l-umanità tinsab fi predikament qalil. Is-semmiegħa ta’ Ġesù ma fehmux il-libertà offruta lilhom għax ma rrealizzawx li kienu fi skjavitù spiritwali minħabba dnubhom. Ma nistgħux naħarbu mill-vizzji u l-qawwa dominanti tad-dnub mingħajr l-intervent ta’ Ġesù f’ħajjitna. Ġesù jikser il-qawwa u d-dominju tad-dnub fil-ħajja ta’ dawk li jsegwuh ġenwinament (Ġw.8:31-32,36). Individwi li jidinbu abitwalment għadhom maqbuda mid-dnub u allura huma wlied ix-xitan (cf., 1 Ġw.3:6-10). L-unjoni ta’ fidili sinċiera ma’ Kristu fil-mewt u l-qawmien tiegħu tirriżulta f’libertà mal-ħakma tal-ħażen (Ġw.8:36; cf., Rum.6:12-14). 


Ġw.8:36. l-Iben jilliberakom. It-twelid mill-ġdid, li bih nidħlu f’saltnet Alla, hu l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu (Ġw.3:3-8), imwettqa abbażi tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu għan-nom ta’ niesu (Ġw.3:14-16). 


Ġw.8:36. realment liberi. Mhux libertà politika jew solliev minn xi jasar fiżiku. Il-libertà vera hi meta l-bniedem isir kapaċi u jkun irid iservi lil Alla, ħalli hekk iwettaq l-għan li għalih ġie maħluq. Sakemm għadna bla konverżjoni, bla maħfra u mingħajr l-Ispirtu ta’ Kristu fina, id-dnub jipprivana minn dan it-twettiq għax iċajprilna u jagħmilna moħħna, jiddegradi s-sentimenti u jorbot ir-rieda fil-jasar. 

In-nies mitlufa huma skjavi tad-dnub u l-impurità, apparti li huma taħt it-tirannija tax-xitan (Ġw.8:34; Rum.6:17-20). Jgħixu skont il-leblibiet naturali tagħhom u taħt id-dominju sataniku (Ef.2:1-3). B’kuntrast, bħala fidili vera, nippossiedu salvazzjoni fi Kristu bil-grazzja tal-Ispirtu li jgħammar fina u hekk aħna meħlusa mid-dominju tad-dnub u l-immoralità (Rum.6:17-22; 8:1-17). Meta niffaċċjaw it-tiġrib, issa ngawdu l-abbiltà biex naġixxu skont ir-rieda t’Alla. Ninsabu meħlusa biex inkunu mjassra lejn Alla u l-ġustizzja (Rum.6:18,22). 

Il-libertà mill-jasar tad-dnub hu kriterju wieħed ċert li bih nistgħu nittestjaw lilna nfusna nippossedux il-ħajja eterna jew le. Kull min għadu maħkum mill-vizzju tad-dnub, hu x’inhu, ifisser li għadu mhuwiex imwieled mill-ġdid (Rum.6:16,21-23; 8:12-13). Bħala fidili xorta waħda rridu ningaġġaw ruħna f’taqbid spiritwali kontra d-dnub. Tul għomorna rridu nissieltu kostantement kontra l-pressjonijiet tad-dinja, ix-xitan u l-forzi tad-dlam (Ef.6:11-12), kif ukoll il-laħam fina, ċoè x-xeħta u l-inklinazzjoni fina għall-ħażen. 

Libertà assolutament kompluta nesperjenzawha mal-mewt fiżika jew meta Kristu jirritorna għall-fidili tiegħu. Bħalissa Kristu joffrilna l-qawwa santifikanti ta’ ħajtu, li biha aħna, imġedda bl-Ispirtu s-Santu, ninsabu lliberti mix-xewqat tal-fdal tad-dnub fina (Gal.5:16-24). Aħna mogħtija l-kapaċità biex ngħixu ħajja qaddisa quddiem il-Missier fl-imħabba (Ef.1:4). 


Ġw.8:37. dixxendenti t’Abraħam. Dixxendenza spiritwali hu bil-wisq iżjed importanti minn dixxendenza fiżika. L-antenati tiegħi setgħu kienu nies twajba, iżda lili ma jiswieli xejn jekk ma nimxix fil-mogħdija tad-diżubbidjenza. U jekk missieri kien ħażin, għalija ma jimportax jekk kemm-il darba nkun imġedded bl-Ispirtu t’Alla u nitgħallem nimxi fil-fidi evanġelika. Ulied Alla jingħarfu mhux mill-bijoloġija iżda mill-ubbidjenza (Eż.18). 


Ġw.8:40. Ġesù kien bniedem li kkonvinċa lin-nies qrib tiegħu li kien ukoll Alla. L-umanità tiegħu rari hi fid-dubju. L-Evanġelji juru lil Ġesù mġarrab u suġġett għal limitazzjonijiet umani, bħalma huma l-ġuħ u l-injoranza dwar ċerti fatti. Il-Bibbja tisħaq li jekk Kristu ma qasamx magħna dawn l-esperjenzi umani – id-dgħufija, it-tentazzjoni u l-uġigħ – ma kienx ikun kwalifikat biex jgħinna aħna u niffaċċjaw dawn il-provi (Lhud 2:17-18; 4:15-16; 5:2,7-9). L-umanità sħiħa tiegħu tiggarantilna li f’kull waqt tar-relazzjoni tagħna m’Alla nistgħu mmorru għandu, kunfidenti li għadda mill-istess ħwejjeġ qabilna, u allura hu r-refuġju u l-awżiljarju adatt għalina. 


Ġw.8:41. Missier wieħed għandna, lil Alla. Il-Lhud rari indirizzaw lil Alla bħala Missier. Ġesù rrefera kontinwament għal Alla bħala l-Missier fis-smewwiet. Hu Missier dawk li huma salvati u milqugħa fil-familja tiegħu bl-adozzjoni. F’sens uniku, Alla hu Missier Ġesù (Ġw.1:14; 3:16; 20:17). 


Ġw.8:42. kontu tħobbuni. L-unità bejn il-Missier u l-Iben hi tant profonda illi ħadd ma jista’ jappartieni għall-Missier u fl-istess ħin iwarrab lill-Iben. Hawnhekk Ġesù jagħti prinċipju fondamentali tas-salvazzjoni, ċoè, illi l-evidenza intix wild Alla jew le (voldiri, imwieled mill-ġdid) tinsab fl-attitudni ta’ mħabba lejn Ġesù. L-ulied ġenwini t’Alla jesibixxi atteġġjament ta’ fidi sinċiera u ubbidjenza konsistenti lejn l-Iben. Inqas minn hekk mhuwiex aċċettabbli (cf., Ġw.8:31; 10:2-5,14,27-28; 14:15,21).


Ġw.8:44. missierkom ix-xitan. Teżisti relazzjoni prominenti bejn il-verità u l-għejxien ġust. Il-mitlufa jħobbu d-dlam (l-errur u l-ħażen) aktarx milli d-dawl (il-verità u l-qdusija), għax għemilhom hu ħażin (Ġw.3:19-20). Ninnotaw, mela, kuntrast qawwi, b’żewġ opzjonijiet: Alla jew Satana. Bil-grazzja, Abraħam mexa fil-mogħdija tal-fidi u l-ubbidjenza (Ġw.8:39-41). Dawk li jwarrbu lil Ġesù qed jagħmlu l-oppost. 

tridu tagħmlu. Il-midinbin jixtiequ jagħmlu l-ħażen; dak jafu jagħmlu. Biss att sopranaturali tal-grazzja divina kapaċi jagħti direzzjoni ġdida lir-rieda umana biex tkun tixtieq ġenwinament tagħmel it-tajjeb. 

Satana hu missier il-gideb; hu s-sors oriġinali ta’ kull falsità (Ġen.3:1-6; At.5:3; 2 Tes.2:9-11; Riv.12:9). Il-gideb hu dnub totalment oppost għall-moħħ t’Alla, li hu l-verità (Riv.19:11). L-indifferenza għall-gideb hu sintomu ta’ kondizzjoni illi wieħed jinsab taħt l-influwenza ta’ Satana bħala l-missier spiritwali tiegħu (Riv.22:15). 


Ġw.8:46. Min minnkom jagħti prova li jien midneb? Ġesù kien kompletament u assolutament ħieles mid-dnub (2 Kor.5:21; Ebr.7:26; 1 Pt.2:22; 1 Ġw.3:5). Mhux biss dejjem obda lill-Missier, imma wkoll ħabb il-liġi t’Alla, u thenna f’qalbu hu u josservaha. 

Fil-bnedmin, imwaqqa’ fid-dnub, dejjem hemm xi atteġġjament mgħawweġ fl-ubbidjenza tagħhom, u kultant qalb iebsa u kważi kważi mibegħda għall-jeddijiet li Alla jeżerċita fuqhom (Rum.8:7). Imma n-natura morali ta’ Ġesù ma kinitx imwaqqa’, u fih ma kien hemm ebda inklinazzjoni ’l bogħod minn Alla li Satana seta’ jġarrbu biha, bħalma hemm fina. Ġesù ħabb ’il Missieru u l-volontà tiegħu b’qalbu kollha, bil-moħħ, bir-ruħ, u bil-qawwa tiegħu kollha. 

Is-Salvatur kien “f’kull qasam imġarrab bħalna” (Ebr.4:15), u madankollu bla dnub. Fil-Getsemani u fuq il-Golgota ssara mat-tiġrib u rreżista d-dnub sas-siegħa tal-mewt, bħalma għamel matul ħajtu kollha. L-Insara jridu jitgħallmu mingħandu biex jaġixxu bl-istess mod (Lq.14:25-33; Ebr.12:3-13).

Kien meħtieġ għas-salvazzjoni tagħna li Ġesù jkun totalment ħieles mill-ħażen, immakulat u bla ħtija. Biss bħala l-Ħaruf bla għajb u bla tebgħa seta’ joffri d-demm prezzjuż tiegħu għall-fidwa tagħna (1 Pt.1:19). Kieku ma kienx perfett kien ikollu bżonn salvatur hu nnifsu, u mewtu ma kien ikun fiha ebda siwi għalina. Kristu obda għalina l-kmandamenti morali li japplikaw għall-umanità kollha. Wettaq ukoll ir-rieda kollha t’Alla għalih partikolarment, bħala dak imsejjaħ biex ikun il-Messija. L-ubbidjenza perfetta tiegħu tikkwalifikah biex ikun is-Salvatur suffiċjenti għalina.


Ġw.8:47. intom ma tisimgħuhx, għax m’intomx minn Alla. Id-dnub jipparalizza s-sensi spiritwali tagħna. Biss intervent ta’ Alla ħanin kapaċi jġib il-midneb f’pożizzjoni biex jisma’ u jirreaġixxi sewwa għal leħnu (cf., Ġw.8:43; 10:3-4,16,27). 


Ġw.8:48. Sikwit jiġri li l-mitlufa, avolja jkunu reliġjużi, meta jiġu daharhom mal-ħajt quddiem il-verità (li tixlihom u tesponihom), jirrikorru għal-lingwaġġ abbużiv u insolenti – Samaritan – u saħansitra dagħa: għandek demonju.


Ġw.8:51. jekk xi ħadd iżomm kelmti, qatt mhu se jara l-mewt. Il-mewt, bħala separazzjoni eterna minn m’Alla, bla tama ta’ xirka miegħu, hi l-kastig ġudizzjarju għad-dnub (Rum.6:23). Peress li Ġesù miet bħala s-sostitut ta’ niesu, dawk li jappartienu għalih huma lliberati mill-penali tad-dnub għax Kristu ssaportieh u skontah għan-nom tagħhom. Għandhom il-ħajja eterna (Ġw.6:63,68), u l-mewt fiżika ma tistax teqred it-tali ħajja (Ġw.5:24; 6:40,47; 11:25-26). 


Ġw.8:54. il-glorja tiegħi. Matul il-ministeru tiegħu Ġesù ma fittixx unur għalih innifsu avolja appartiena għalih bħala Bin Alla. Il-glorja tiegħu kienet viżibbli għal dawk li kellhom għajnejn biex jarawha (Ġw.1:14). Kienet apparenti fir-resurrezzjoni u l-axxensjoni tiegħu (1 Tim.3:16) u se tkun manifestata apertament fit-tieni avvent tiegħu, hekk li kull kreatura raġunevoli tammetti l-identità vera tiegħu (Fil.2:9-11). 


Ġw.8:56. jara l-jum tiegħi. Il-patrijarka Abraħam antiċipa l-miġja ta’ Kristu, u approfitta ruħu filli abbraċċja l-bosta wegħdi mogħtija lilu minn Alla. Il-mostra fil-ħajja ta’ Abraħam kienet waħda ta’ fidi kunfidenti u ferrieħa f’Alla. Ġesù mhux neċessarjament qed jirreferi għal avveniment wieħed f’ħajtu, iżda jekk iva, hemm diversi possibbiltajiet (eż., Ġen.12:1-3; 17:17; 22:8,13-18; cf., Rum.4:13-21). 

Il-wegħdi divini ddomandaw l-inkarnazzjoni ta’ Bin Alla biex ikunu jistgħu jitwettqu. Naraw illi mqar tul il-Patt il-Qadim, il-fidili kienu salvati permezz tal-fidi fi Kristu, preżentat lilhom fit-tipi u profeziji mogħtija minn Alla biex jiżvela l-pjan tal-fidwa tiegħu (cf., At.4:12). 


Ġw.8:58-59. qabel ma twieled Abraħam, jien hu. Hekk Ġesù jafferma l-preeżistenza u saħansitra l-eternità tiegħu nnifsu. L-eternità hi attribut ta’ Alla waħdu, u allura bla ħabi jew riżerva Ġesù qed jgħid li hu Alla. It-temp preżenti tal-verb jissuġġerixxi l-preżent etern tal-eternità t’Alla. 

jien hu tfakkarna wkoll f’isem Alla – Jaħwè (Es.3:14). Il-Lhud antagonistiċi għalih ma aċċettawx din l-affermazzjoni u trattawha bħala dagħwa, hekk li provaw iħaġġruh (Lev.24:16; cf., Mt.26:65; Ġw.10:31). 

Bħala xhud li sema’, ra u mess, Ġwanni jiftaħ in-narrativa tiegħu (Ġw.1:14; cf., 19:35; 21:24) bid-dikjarazzjoni li Ġesù hu l-Logos (Kelma) divin u etern, aġent tal-ħolqien u sors tal-ħajja u d-dawl (Ġw.1:1-5,9). Billi sar “laħam,” il-Logos kien rivelat bħala l-Iben t’Alla u l-għajn ta’ kull “grazzja u verità,” “l-uniġenitu tal-Missier” (Ġw.1:14,18). 

Fl-Evanġelju nsibu stqarrijiet minn fomm Kristu (kollha jibdew “Jien hu...”) li għandhom sinifikat speċjali għaliex “Jiena hu” kien użat bħala isem divin minħabba t-traduzzjoni Griega tal-Esodu 3:14. Meta Ġwanni jippreżenta lil Kristu bħala “Jien hu,” jagħmilha ċara li hu Alla nnifsu. Eżempji ta’ dan huma Ġwanni 8:28,58, u s-seba’ dikjarazzjonijiet ta’ Ġesù bħala:

1. Il-ħobż tal-ħajja, li jagħti ikel spiritwali (Ġw.6:35,48,51).

2. Id-dawl tad-dinja, li jkeċċi d-dlam tal-errur sataniku (Ġw.8:12; 9:5).

3. Il-bieb tan-nagħaġ, li jipprovdi dħul għal għand Alla (Ġw.10:7,9).

4. Ir-ragħaj it-tajjeb, li jipproteġi mill-periklu (Ġw.10:11,14).

5. Il-qawmien u l-ħajja, li jegħleb il-mewt (Ġw.11:25).

6. It-triq, il-verità u l-ħajja, li jiggwida u jwassal għand il-Missier (Ġw.14:6).

7. Id-dielja l-vera, tant li l-friegħi magħquda magħha jipproduċu l-frott (Ġw.15:1,5). 

Il-qofol tal-Evanġelju jintlaħaq fil-qima li ta Tumas lil Ġesù mqajjem mill-mewt, meta qallu: “Sid tiegħu u Alla tiegħi” (Ġw.20:28). Ġesù jippronunzja l-barka tiegħu fuq dawk kollha li jaslu għall-fidi ta’ Tumas, avolja ma jarawx (Ġw.20:29-31).


Ġw.9:2. min dineb...? Il-mistoqsija tad-dixxipli tirrifletti l-idea antika li t-tbatija tista’ tiġi traċċata għad-dnub, biex hekk Alla ma jkunx mixli li jibgħat id-deni fuq nies innoċenti. Hi idea b’intenzjoni tajba, iżda żgwidata (cf., Es.20:5; Num.14:18; Dt.5:9). Frattant is-sofferenza mhijiex dejjem ir-riżultat dirett ta’ dnub personali (eż., Lq.13:2-3; 2 Kor.12:7; Gal.4:13; Ġw.12:28,37-41; 17:1,5). L-ikbar prova hi l-kruċifissjoni ta’ Kristu: bniedem perfett ibati l-ikbar tbatija. 


Ġw.9:3. sabiex ikunu esibiti l-opri t’Alla fih. Xi sofferenzi, bħall-provi ta’ Ġobb, huma għall-glorja t’Alla, għax jirriżultaw f’miżura ogħla ta’ taqdis, jew inkella f’fejqan, xi kultant spettakolari, bħal f’dal-każ. L-għan t’Alla mhux dejjem hu mgħarraf lilna, iżda dejjem għandna l-assigurazzjoni illi hu wieħed tajjeb (Rum.8:28). Il-providenza t’Alla hi sikwit misterjuża iżda dejjem għarfa. 


Ġw.9:4. sakemm għadu l-jum. Ġesù kien jaf illi mewtu kienet riesqa, u allura kellu żmien limitat biex jagħmel il-ġid fid-dinja. Fl-għami ra opportunità biex ikun ta’ servizz.


Ġw.9:5. jien id-dawl tad-dinja (cf., Ġw.1:4,9; 8:12). L-għama kellu jservi ta’ illustrazzjoni għall-manjiera li biha Kristu jillumina r-ruħ.


Ġw.9:6-7. Ġesù beżaq fl-art (cf., Mk.8:23-25) u għamel it-tajn, mhux bħala mediċina, ovvjament, iżda biex jipprovdi opportunità lill-għama biex jesprimi l-fidi tiegħu billi jobdi l-kmand ta’ Ġesù.


Ġw.9:8-12. Il-ġirien qajla setgħu jispjegaw kif ir-raġel issa seta’ jara; servew bħala xhieda illi Kristu tabilħaqq wettaq miraklu. 


Ġw.9:12. Ma nafx. Ir-raġel imfejjaq javvanza fil-fidi. Hawnhekk m’għandux ħjiel min hu Ġesù; aktar tard jasserixxi li hu profeta (Ġw.9:17); jerġa’ aktar tard iqajjem dubji dwar l-akkuża li Ġesù hu midneb (Ġw.9:25); u finalment, wara li reġa’ ltaqa’ ma’ Ġesù, jistqarru bħala Bin Alla u jqimu (Ġw.9:35-38). Dawn il-passi ta’ fidi jservu bħala illustrazzjoni kif messha tkun il-fidi tal-qarrejja, dejjem tikber u tissaħħaħ. 


Ġw.9:16. kien hemm firda fosthom. It-testimonjanza tal-mirakli kienet tant qawwija illi ħolqot diviżjoni mqar fost il-Fariżej. 


Ġw.9:17. L-għami ra ċar illi Ġesù kien wisq iktar minn sempliċi bniedem, mentri l-Fariżej, avolja fiżikament jaraw, kienu spiritwalment għomja għall-verità (Ġw.9:39). L-għama hu metafora għad-dlam spiritwali, ċoè ma tkunx kapaċi tagħraf lil Alla u l-verità tiegħu (Kol.1:12-14). 


Ġw.9:18-23. L-ispirtu beżżiegħ tal-ġenituri hu eżempju ċar ta’ ħafna nies illi jibqgħu lura milli jistqarru pubblikament lil Ġesù minħabba l-konsegwenzi fis-soċjetà li fiha jgħixu (Ġw.5:44; 12:42-43). 


Ġw.9:24. Agħti glorja ’l Alla. Il-mexxejja Lhud riedu illi l-imfejjaq jammetti li Ġesù hu midneb għax kiser it-tradizzjonijiet u hedded l-influwenza tagħhom (cf., Ġoż.7:19). 


Ġw.9:31. Alla sema’ t-talba tal-pubblikan mitluf, fil-parabbola rekordjata f’Luqa 18:9-14. Alla jilqa’ lill-midinbin hekk kif jistqarru l-qagħda ribelluża tagħhom kontrih, u jfittxu l-maħfra tiegħu (Ġw.6:37; Rum.10:13). Madankollu Alla ma jwegħidx illi jwieġeb it-talba ta’ midinbin li mhumiex iservuh: Alla ma jismax lill-midinbin. Xorta waħda, il-grazzja tiegħu sikwit teċċiedi kull ħaġa oħra (Ġob.1:14-16). Din hi parti mit-tjieba tiegħu li tmexxi lill-bnedmin lejn l-indiema (Rum.2:4). 


Ġw.9:34. xeħtuh ’il barra. Ironikament l-iskomunika ta’ dar-raġel mir-reliġjon qadima tiegħu serviet bħala barka. Kieku ħallewh jibqa’ fis-sinagoga, kien ikun fil-periklu li jerġa’ lura għall-mogħdijiet tradizzjonali tal-Ġudaiżmu apostat u jaljena ruħu minn Kristu u l-evanġelju. 

Illum l-istess jista’ jiġri lin-nies li jinsabu msieħbu fi knejjes bierda jew organizzazzjonijiet reliġjużi infidili għall-Kelma t’Alla. L-aħjar hu li jisseparaw irwieħhom minn kulma mhuwiex onorabbli għal Alla (2 Kor.6:14-18), sabiex Kristu jersaq lejhom fl-ifnad sens (Ġw.9:35-38). 


Ġw.9:35-38. Temmen int f’Bin il-Bniedem? Ġesù stieden lir-raġel biex iqiegħed il-fiduċja tiegħu fih bħala dak li juri min hu Alla lill-bniedem. Ġesù enfasizza l-istqarrija pubblika dwar min hu (Mt.10:32; Lq.12:8). 

“Nemmen, Sid,” u adurah. Fit-tieni inkontru ma’ Ġesù, il-fidi tal-imfejjaq tgħaddi minn kunfidenza ġenerali fil-missjoni tajba ta’ Ġesù għal aċċettazzjoni ferrieħa tiegħu bħala l-Messija, denju tal-qima tiegħu. 


Ġw.9:39-41. Għall-ġudizzju jien ġejt f’did-dinja. Ġesù jispjega l-impatt tal-miġja tiegħu: dawk li falzament jimmaġinaw li għandhom dixxerniment speċjali fl-affarijiet t’Alla jsiru opponenti tal-mogħdijiet tiegħu, mentri dawk wisq inqas informati jsiru kapaċi jaraw meta l-Ispirtu t’Alla jiftħilhom għajnejhom u jwassalhom għall-fidi. 

Fl-ewwel miġja tiegħu Ġesù ma ġabx il-ġudizzju finali (Ġw.3:17; 12:47), iżda kkonfronta n-nies bl-obbligu li jiddeċiedu favorih; jekk mhux favorih, allura l-għażla hi neċessarjament kontrih (Mt.12:30; Lq.11:23). Sat-tieni miġja tiegħu għadu żmien ir-rikonċiljazzjoni m’Alla: matulu l-għomja jsiru jaraw, u l-mejtin fi dnubiethom jitqajmu għat-tiġdid tal-ħajja (Ef.2:4).


Ġw.9:41. Aħna naraw. Bil-ftaħir u l-arroganza reliġjuża tagħhom, l-avversarji ta’ Ġesù wrew kemm kienu nieqsa mill-umiltà elementari, u qatt ma basru li setgħu kienu midinbin, u jeħtieġu s-salvazzjoni bħal midinbin oħra.


Ġw.10:1-2. Alla hu r-ragħaj ta’ niesu (Ġen.48:15; 49:24; Sal.23:1; 28:9; 78:52; 80:1; Isa.40:11; Ġer.31:10; Eż.34:11-16). David jew il-Messija Davidiku hu wkoll impenġi bħala ragħaj tajjeb (2 Sam.5:2; Sal.78:70-72; Eż.37:24; Mik.5:4). Il-profezija dwar ir-Ragħaj ta’ Iżrael hi applikata għal Ġesù (Żak.13:7). 

Ġesù issa jippreżenta lilu nnifsu bħala r-ragħaj tan-nagħaġ. Addizzjonalment, hu msejjaħ ir-ragħaj il-kbir (Ebr.13:20), ir-ragħaj ewlieni (1 Pt.5:4), u kurjożament, il-Ħaruf li jirgħa lil niesu (Riv.7:17). 

Il-magħlaq kien il-post fejn jinżammu n-nagħaġ, b’entratura waħda. Ħallelin ġieli xxabbtu l-ħajt biex jisirqu u saħansitra joqtlu n-nagħaġ (Ġw.10:8,10). Ir-ragħaj ma kellux għalfen jixxabbat minn xi mkien illegalment, iżda l-għassies iħallih jidħol. Kemm-il merħla kienu jitqiegħdu f’maqjel wieħed, u kull ragħaj kien jieħu ħsieb il-merħla tiegħu. 


Ġw.10:3. isejjaħ in-nagħaġ tiegħu stess b’isimhom. Ir-ragħaj jaf lin-nagħaġ b’isimhom u daparti tagħhom in-nagħaġ jagħrfu leħen ir-ragħaj u jersqu lejh. Hawn għandna xbieha vivida kif Alla mmarka xi nies biex ikunu tiegħu minn fost l-umanità midinba. 


Ġw.10:4. jafu leħnu. Alla għażel bil-grazzja, u l-istess grazzja hi effettiva. Ġesù, li jagħraf lin-nagħaġ, jiżvela lilu nnifsu lilhom b’tali mod li jirrispondu. Ma jisforzahomx biex isegwuh; bil-ħidma misterjuża tat-twelid mill-ġdid jagħmilhom iridu minn rajhom. 


Ġw.10:5. ma jafux leħen l-istranġieri. Wegħda li tabilħaqq tfarraġ lill-fidili! Frattant ma teskludix il-bżonn li jkunu mwissija kontra għalliema qarrieqa (Mk.13:22-23; 2 Tim.3:5; 4:2-5; 1 Ġw.2:26). 


Ġw.10:7. jien hu l-bieb tan-nagħaġ. Ġesù jibdel il-metafora u jagħti dikjarazzjoni oħra li tibda b’jien hu. Bħala l-bieb, hu dak li minnu u permezz tiegħu nirċievu l-ħajja eterna (cf., Ġw.14:6; Mt.7:7,13-14; 18:8-9; 25:10). M’hemm ebda entratura oħra għal għand Alla ħliefu.


Ġw.10:9. Jien hu l-bieb. Kull min jersaq u jidħol permezz ta’ Ġesù jkun salvat, ċoè, tingħatalu ħajja eterna u abbondanti (Ġw.10:10). Fi Kristu jsib kulma jeħtieġ biex ikun meħlus mid-dnub, mill-ħtija u l-kundanna. Ġesù hu l-unika xatba jew bieb għall-ġenna; ma jeżisti ebda ieħor (At.4:12). 

jekk xi ħadd jidħol minni se jkun salvat. Ġesù jiggarantixxi li jagħti s-salvazzjoni lil kull min jafda fih (At.16:31; Rum.10:9-10). Min jirrikorri għandu bi ndiema u fidi ġenwina jiret il-glorja, dawn biss (Ġw.14:6). Kristu hu neċessarju u suffiċjenti għas-salvazzjoni (Ġw.3:36), u l-vanġelu hu l-mezz kif insiru nafu bih ħalli nsibu fih refuġju mill-ħaqq li ġej. 

se jidħol u se joħroġ għandha diwi ta’ terminoloġija tal-patt, speċjalment il-barkiet għall-ubbidjenza (Dt.28:6; cf., Num.27:16-17; Sal.121:8). 

se jsib il-mergħa twassal l-assigurazzjoni tal-provdiment divin (cf., 1 Kron.4:40; Sal.23:2; Isa.49:9-10; Eż.34:12-15). 


Ġw.10:10. u jkollhom bl-abbondanza. Il-ħajja abbondanti tal-Kristjan, dik realment ħajja, tibda minn issa. Dan ifakkarna fil-wegħdi dwar barkiet bil-kotra (eż., Eż.34:12-15,25-31). Ġesù jsejħilna mhux għal eżistenza bla gost u miżerabbli li toħnoq il-potenzjal, iżda għal mixja miegħu, rikka u ferrieħa, sħiħa u sal-milja tagħha, tfawwar b’attività sinifikanti taħt il-favur u l-barka personali t’Alla u f’komunjoni kontinwa ma’ niesu. 

Hawn nilmħu d-dinamika spiritwali operattiva wara x-xenarju tal-attività umana fid-dinja tagħna. Fl-istorja Satana hu evidentement il-ħalliel, li jaħdem permezz ta’ reliġjonijiet u għalliema foloz. Hu l-użurpatur, u l-missjoni primarja tiegħu hi illi jisraq, u joqtol, u jeqred il-bnedmin. Ġesù deher biex mhux biss jinnewtralizza x-xibka distruttiva tax-xitan (1 Ġw.3:8), iżda bil-qawwa tas-sagrifiċċju tiegħu (Kol.2:15) jagħti l-ħajja li hi ridentiva u mimlija lil dawk li jemmnu fih u jilqgħuh (Ġw.3:16-17; 8:31-32; 20:31). Ħadd mhu kapaċi jesperjenza l-milja tal-ħajja apparti minn Ġesù u l-operazzjoni santifikanti tal-Ispirtu tiegħu (cf., Ġw.10:14-15; Rum.8:1-2,9-11). 


Ġw.10:11. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ. X’kienet l-intenzjoni ta’ Alla Trinità fil-mewt li seħħet fuq il-Golgota? Fi kliem ieħor, għal min miet Kristu?

Bla dubju hemm siwi infinit fis-sagrifiċċju ta’ Kristu; u lanqas m’għandna nqajmu l-kwistjoni jekk l-istedina t’Alla għal kull min jisma’ l-evanġelju hix sinċiera jew le (Riv.22:17). 

Frattant b’mewtu, Kristu kellu l-intenzjoni jikseb dak li attwalment kiseb, xejn inqas u xejn iżjed: jiġifieri, ineħħi d-dnubiet tal-magħżulin t’Alla, u jassigura li lkoll jinġiebu għall-fidi permezz tat-twelid mill-ġdid u jkunu miżmuma fil-fidi sakemm jaslu għall-glorja. Ma kienx il-ħsieb ta’ Kristu li jmut f’dan is-sens effettiv għal kulħadd. Il-prova ta’ dan hi evidenti, għalkemm sikwit imwarrba: l-Iskrittura u l-esperjenza jgħallmuna t-tnejn illi mhux kulħadd finalment se jkun salvat. 

Bażikament hemm tliet alternattivi inkwantu l-iskop tal-mewt ta’ Kristu:

1. Meta jiddiskutu t-tpattija ta’ Kristu fuq is-salib, xi wħud jgħidu li Kristu miet għal kulħadd, u li kulħadd mingħajr eċċezzjoni għad isalva. Dan l-iżball insejħulu universaliżmu attwali. 

2. Tgħawwiġa oħra tal-verità tgħid li Kristu miet għal kull persuna, imma li l-mewt tiegħu m’għandha ebda effett salviviku mingħajr il-fidi u l-indiema miżjuda, li f’mewtu ma kienx jaf min għad jesprimihom. Fi kliem ieħor, miet bl-iskop ġenerali biex jagħmel is-salvazzjoni possibbli, imma s-salvazzjoni ta’ individwi partikolari ma kinitx inkluża f’mewtu. Dan hu universaliżmu ipotetiku. 

3. Jerġa’, xi wħud oħra jgħallmu li għalkemm mewtu kienet infinita fil-valur, Kristu offra ħajtu biex isalva lil għadd limitat biss, infatti dawk magħrufin minn qabel mill-Missier. Din id-dottrina hi magħrufa bħala tpattija definita, u taqbel max-xhieda biblika.

L-Iskrittura ma tgħallimx li kulħadd għad jiret il-glorja dejjiema. Għall-kuntrarju, Alla għażel għas-salvazzjoni numru kbir ta’ nies minn fost l-umanità midinba, u għaldaqstant bagħat lil Kristu fid-dinja biex isalva lilhom u mhux lill-bqija (Ġw.6:37-40; 11:51-52; Rum.8:28-29; Ef.1:3-14; 1 Pt.1:20). 

Jingħad li Kristu miet għal nies partikolari, bl-implikazzjoni ċara li mewtu assigurat is-salvazzjoni tagħhom (Ġw.10:15-18,27-29; Rum.5:8-10; 8:32; Gal.2:20; 3:13-14; 4:4-5; 1 Ġw.4:9-10; Riv.1:4-6; 5:9-10). Jgħaddi mill-mewt għall-ġid etern tal-midinbin (Ġw.1:29; 2:19; 3:14; 6:51). Mewtu fuq is-salib issalva lin-nagħaġ (Isa.53:12; Mt.20:28; Mk.10:45). Is-sagrifiċċju hu magħmul għan-nagħaġ, dawk mogħtija lilu mill-Missier (Ġw.17:2,6,24), il-magħżulin. Bis-saħħa ta’ mewtu, permezz tal-fidi fih, ikunu ġustifikati u jgawdu xirka m’Alla, fiż-żmien u għall-eternità.

Qabel miet, Kristu talab għal dawk mogħtija lilu mill-Missier, u mhux għad-dinja (Ġw.17:9,20). Fit-talba tiegħu Kristu għolla lil dawk li kellu jmut għalihom, u wegħidhom li ma kienx se jfalli milli jifdihom. 

Għalkemm Kristu miet “għall-poplu tiegħu,” “għan-nagħaġ tiegħu,” “għall-knisja tiegħu,” xorta waħda aħna ordnati nniedu l-evanġelju b’xejn lil kulħadd, għax ma nafux min huma l-magħżulin t’Alla. Dan mhux inkonsistenti mat-tagħlim li Kristu miet għan-nies magħżula tiegħu. Dawk kollha li jiġu għand Kristu jsibu ħniena (Rum.1:16; 10:8-13). Il-bxara t-tajba toffri lil Kristu, li jaf in-nagħaġ tiegħu. Għalihom miet; isejħilhom b’isimhom, u huma jisimgħuh. Dan hu l-evanġelju li kmanda lid-dixxipli jxandruh mal-erbat irjieħ, biex isalva l-midinbin.


Ġw.10:11-12. Jien hu r-ragħaj it-tajjeb. Ġesù jiddikjara lilu nnifsu bħala r-ragħaj tajjeb imwiegħed (Sal.23:1; Isa.40:11; Eż.34:23; 37:24). Hekk ifehimna xi ħaġa dwar l-għożża tenera u l-ħarsien tiegħu favur niesu. Il-marka distintiva ta’ ragħaj tajjeb hi r-rieda tiegħu illi jagħti ħajtu għall-benefiċċju tan-nagħaġ. Ġesù mhux biss jażżarda ħajtu (cf., 1 Sam.17:34-36) għas-sigurtà ta’ niesu iżda jċedi ħajtu stess; joffriha biex niesu ma jmutux. Mewtu seħħet minflok tagħhom. 

Dan jagħmlu f’kuntrast mal-mikri (kwalunkwe mexxej reliġjuż falz), li fis-siegħa kritika jabbanduna l-merħla. Il-pastor li jservi biss biex jaqla’ x’jiekol jew biex jikseb unur personali hu mikri. Rgħajja spiritwali maħtura minn Alla jindokraw lil ħuthom billi jgħallmuhom il-Bibbja Mqaddsa fedelment, iwissuhom u jinkuraġġuhom biex isiru dixxipli effettivi. Għalliema foloz jaħsbu l-ewwel u qabel kollox dwarhom infushom u l-pożizzjoni tagħhom.


Ġw.10:14. naf lil tiegħi u tiegħi jafu lili. Din ir-relazzjoni intima hi mqiegħda f’xebh mar-relazzjoni bejn il-Missier u l-Iben (Ġw.10:5; cf., Ġw.17:21-23). naf hi wisq iżjed minn fehma mentali; tinkludi fehma personali u impenn tar-rieda. Meta l-Mulej jaf persuna b’dal-mod ifisser li għandu impenn ridentiv u ħanin lejha. It-tagħrif u l-imħabba t’Alla għal uliedu tinvolvi affezzjoni personali, fedeltà u ħarsien providenzjali kostanti. Uliedu huma mnaqqxa fuq il-pali t’idejh (Isa.49:14-17). Qatt ma jinsina, u għajnejh jgħassu fuqna għall-ġid (cf., Es.33:17; Ġer.1:5; Rum.8:28).


Ġw.10:16. nagħaġ oħrajn. Il-fidwa eterna mhijiex limitata għal-Lhud, iżda testendi għall-bqija tad-dinja (Isa.56:8). 

merħla waħda u ragħaj wieħed talludi għal Eżekjel 34:23 u 37:24, iżda Ġesù hawn japplikaha b’mod usa’, billi l-Lhud u l-Ġentili se jkunu uniti f’komunità messjanika waħda (cf., Mt.28:18-20; Ef.2:11-22). 


Ġw.10:17. il-Missier iħobbni. Il-Missier ħabb lill-Iben mill-eternità (Ġw.3:35; 5:20); hawn jirreferi għall-għaxqa tiegħu fl-ubbidjenza ta’ Kristu (Fil.2:8-9). 


Ġw.10:17-18. Meta Ġesù qal, Ħadd ma ħadha mingħandi, iżda jien nagħtiha minni nnifsi, qed jgħallem illi ma kienx vittma iżda offra lilu nnifsu liberament għall-midinbin.

għandi awtorità nerġa’ neħodha. Ġesù rrepeta din il-frażi biex jindika illi l-mewta tiegħu bħala sagrifiċċju ma kinitx it-tmiem. Irxoxta bħala dimostrazzjoni illi hu l-Messija l-veru, u bħala indikazzjoni tad-divinità tiegħu (Rum.1:4). Hekk wasal għall-glorifikazzjoni tiegħu (Ġw.12:23; 17:5), u seta’ jferra’ l-Ispirtu tiegħu fuq il-knisja (Ġw.7:37-39; cf., At.2:16-39). 



Ġw.10:20-21. demonju kapaċi jiftaħ għajnejn l-għomjin? Ġesù hu mixli li hu ppussessat minn demonju; dan però hu kontradett mit-tagħlim fil-Patt il-Qadim illi hu l-Mulej li jagħti d-dawl lill-għomja (Sal.146:8; cf., Es.4:11). 


Ġw.10:22. il-Festa tad-Dedikazzjoni, magħrufa wkoll bħala Dwal, jew Ħanukka, kienet festa annwali ta’ tmint ijiem f’Diċembru biex tiġi ċelebrata d-dedikazzjoni tat-tempju minn Ġuda Makkabew wara li kien imniġġes minn Antjokju Epifane fis-sena 164 q.K. 


Ġw.10:24-25. Jekk int il-Kristu, għidilna fiċ-ċar. Din kienet il-kwestjoni kollha. Id-dixxipli waslu għall-konklużjoni tagħhom (Mt.16:16; Mk.8:29; Lq.9:20; Ġw.6:69). Sal-aħħar il-mexxejja reliġjużi baqgħu jopponu dil-possibbiltà, u fil-ġuri ta’ Ġesù ddikjarawha bħala dagħwa (Mt.26:63-65; Mk.14:61-64). 

Għidtilkom. Għarraf lil individwi (Ġw.4:26; 9:37), u aċċetta l-istqarrija tad-dixxipli (Ġw.1:49). Fid-diskussjoni tiegħu mal-awtoritajiet, implikaha kemm-il darba (Ġw.8:28,58). Hawnhekk jafferma l-identità messjanika tiegħu assolutament, kif talbuh. 

Mhux biss b’fommu, iżda wkoll l-opri xehdu kontinwament dwaru. M’għamel ebda klejm fil-vojt, iżda ssostanzjah b’għemil mirakoluż, bħalma wkoll għamel mas-segwaċi tiegħu (Ġw.14:11; 15:24). L-għama, fis-sempliċità tiegħu, irraġuna l-istess (Ġw.9:32-33). 


Ġw.10:26-27. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni. Kristjani ġenwini jingħarfu għax konsistentement u bi stil karatteristiku jobdu r-rieda tiegħu, isegwu tagħlimu u jonorawh bħala r-ragħaj fid-deċiżjonijiet ta’ ħajjithom; jinsabu f’xirka regolari miegħu. 

jisimgħu u jsegwuni huma fit-temp preżenti; juru attività ripetuta jew abitwali. Dawn, u dawn biss, huma n-nies li għandhom il-ħajja eterna mingħand Ġesù. Fi kliem ieħor, il-ħajja eterna mhijiex moħbija, iżda tiffjorixxi fi mġiba qaddisa u ubbidjenti lejn Kristu s-Salvatur. Inqas minn hekk hu Kristjaneżmu falz (cf., Ġw.15:1-6). 

għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi. Il-Lhud għalqu għajnejhom quddiem evidenza ċara. Jiġri hekk għax biss dawk li huma ta’ Kristu, mogħtija lilu grazzjożament mill-Missier, jersqu lejh u jemmnu fih. L-oħrajn huma mogħmija bil-preġudizzju midneb tagħhom u jirrifjutaw milli jafdaw fih. 

Biss ir-riġenerati jemmnu (Ġw.3:3,7). Dawn, imsejħa n-nagħaġ, għax huma s-segwaċi tar-Ragħaj it-Tajjeb, jisimgħuh (Ġw.10:3-5), u jobdu kemm is-sejħa kif ukoll il-kmandamenti tiegħu (Ġw.10:4). Bħala fidili jinħadem fihom tiġdid spiritwali f’direzzjoni ġdida u b’impenn għal ubbidjenza evanġelika. 


Ġw.10:28. B’don ta’ grazzja, Ġesù jagħti l-ħajja eterna ta’ komunjoni bla tmiem m’Alla (Ġw.17:2-3). Jipproteġi lil niesu milli jintilfu, skont l-infallibbiltà tal-grazzja divina; huma sikuri għal dejjem. Il-fidil jista’ jiżbalja, iżda ma jistax jintilef eternament (cf., Ġw.17:12). It-twissijiet kontra l-apostasija mhumiex intenzjonati biex jixħtu dubji dwar id-don tal-perseveranza li Alla jagħti lir-riġenerati (cf., 1 Ġw.2:19). 

b’ebda mod ma jintilfu, qatt. Din hi wegħda prezzjuża mogħtija lil dawk imsejħa n-nagħaġ. Qatt mhuma se jitkeċċew mill-imħabba jew mill-preżenza t’Alla; ebda ċirkostanza jew qawwa, sew jekk umana jew satanika, mhi kapaċi tifridhom mir-ragħaj (cf., Rum.8:35-39). Tabilħaqq hemm sigurezza mqar għall-idgħjef fidil li b’qalb riġenerata jsegwi lil Sidu.


Ġw.10:29. Id ir-Ragħaj hi wkoll id il-Missier, u l-omnipotenza suprema t’Alla hi l-garanzija finali tas-sigurtà għan-nagħaġ. 


Ġw.10:30. Il-Missier u l-Iben mhumiex persuni identiċi, iżda huma ħaġa waħda fl-essenza; difatti, il-kelma Griega għal waħda (hen) hi ġens newtru. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jippossiedu l-milja tan-natura divina. Minn din l-unità essenzjali tiżvolġi l-unità tagħhom fl-għan ridentiv. 


Ġw.10:31-33. Indubjament is-semmiegħa fehmu lil Ġesù li qed jikklejma d-divinità għalih innifsu (cf., Ġw.5:18), u kienu lesti biex iħaġġruh (Ġw.8:58). 


Ġw.10:34. fil-Liġi tagħkom. Ġesù jikkwota Salm 82:6. Il-kelma Liġi ma kinitx ristretta għall-Pentatewku, jew it-Tora, iżda tiddeskrivi kwalunkwe parti tal-Patt il-Qadim, u allura għandha awtorità legali (Ġw.15:25). 

Jiena għidt, ‘Allat intom’? Imħallfin umani jistgħu f’xi sens jissejħu allat (fid-dawl tar-rwol tagħhom bħala rappreżentanti t’Alla). Allura din il-kelma hi jerġa’ iżjed xierqa għal dak li verament hu Bin Alla (Ġw.10:33,35-36). F’ebda sens il-fidili m’għandhom iqisu lilhom infushom allat; min jażżarda jagħmel hekk jaqa’ taħt kundanna (Ġer.10:11). Dan hu attwalment id-dnub gravi tal-antikrist (2 Tes.2:4,11). 


Ġw.10:35. għandhom ġiet kelmet Alla. Mhux għax kitbu l-Iskrittura, iżda għax kienu maħtura bħala mħallfin. 

ma tistax tinkiser l-Iskrittura. Bla riżerva Ġesù jafferma l-awtorità suprema u infallibbli tal-Patt il-Qadim (cf., Mt.5:17-19); għalih hu totalment affidabbli. F’konfront serju li kellu jintemm b’mewtu, ma eżitax milli jibbaża l-argument sħiħ tiegħu fuq kelma waħda ta’ salm minuri ta’ Asaf. 


Ġw.10:36. il-Missier qaddes. L-Iben hu mwarrab, ikkonsagrat u appuntat għall-missjoni tiegħu. Dal-lingwaġġ jidwi l-Patt il-Qadim inkwantu nies maħtura għal xi kariga, bħalma kien wieħed mill-profeti (Ġer.1:5) jew il-qassisin Aroniċi (Es.28:41; 40:13; Lev.8:30). 


Ġw.10:37. l-għemejjel ta’ Missieri huma l-mirakli ta’ setgħa divina, testimonjanza pubblika għal Kristu (Ġw.5:36). 


Ġw.10:38. l-Missier fija, u jien fil-Missier. Dan hu lingwaġġ ta’ unjoni jew twaħħid (Ġw.17:21,23). Il-mirakli ta’ Kristu jindikaw illi jixxerja l-istess potenza divina tal-Missier (Ġw.14:10-11). 


Ġw.11:4. mhix għall-mewt. Ġesù mhuwiex jiċħad li Lazzru se jkun mejjet għal erbat ijiem, iżda jiċħad li l-mewt finalment għad tittrijonfa.

iżda għall-glorja t’Alla, sabiex biha jkun igglorifikat Bin Alla. L-għan t’Alla hu l-glorja tiegħu nnifsu, imma rridu nfissru sewwa xi rridu ngħidu, biex ma niftehmux żmerċ. Mhix kwistjoni ta’ egoiżmu divin, iżda ta’ mħabba divina. Ċertament, Alla jiddomanda minna li nfaħħruh u neżaltawh għall-kobor u t-tjieba tiegħu; li jkun apprezzat bħala l-uniku Alla ħaj u veru.

Is-sebħ tiegħu fih żewġ naħat: fuq naħa waħda jirrevela l-glorja tiegħu f’atti ta’ ġenerożità ħielsa, u min-naħa l-oħra niesu jirrispondu b’adorazzjoni, u jagħtuh glorja b’radd il-ħajr għal dak li jkunu raw u rċevew. Il-bnedmin huma magħmula għal dix-xirka reċiproka ta’ mħabba, u dan sar possibbli għall-midinbin permezz tal-fidwa maħduma minn Kristu. In-natura umana titwettaq billi tara l-glorja t’Alla u troddlu tifħir, bħalma Alla jieħu pjaċir jiżvela tjubitu għal dawk li jirċevuha (Sof.3:14-17). 

“Il-glorja” fil-Patt il-Qadim hi assoċjata mal-valur, rikkezzi, splendur u dinjità. Meta Mosè talab biex jara l-glorja t’Alla, il-Mulej ipproklamalu ismu; jiġifieri, wera lill-qaddej tiegħu xi ħaġa min-natura, il-karattru u l-qawwa tiegħu (Es.33:18-34:7). 

L-awturi tal-Patt il-Ġdid iniedu illi l-glorja t’Alla issa hi rivelata f’Ġesù Kristu (2 Kor.4:3-6; Ebr.1:1-3). 

Alla hu glorifikat fl-atti tas-salvazzjoni, għaliex jesibixxu kemm kapaċi jinżel fil-baxx minħabba mqar l-għedewwa tiegħu. Matul l-istorja biblika Alla wera l-imħabba bla limiti tiegħu, u s-setgħa kbira tiegħu. “Is-salvazzjoni hi mingħand il-Mulej” (Ġob.2:9), u dawk li jsalva ma kkontribwew xejn għas-salvazzjoni tagħhom ħlief il-ħtieġa tagħhom (Isa.42:8; 48:11). It-tifħir għas-salvazzjoni ma jmissna nagħtuh lil ħadd ħlief lil Alla: soli Deo gloria.


Ġw.11:5-6. baqa’ jumejn oħra. Ippermetta lil ħbiebu jgħaddu mill-għali u l-vistu għax kien iħobb lill-aħwa u xtaqhom jesperjenzaw id-dimostrazzjoni tremenda ta’ setgħetu fuq il-mewt, u hekk jaraw il-glorja tiegħu u jsaħħilhom il-fidi (Ġw.1:14; 11:40) kif ukoll il-fidi tad-dixxipli miegħu (Ġw.11:15). 

Il-Mulej mhux dejjem iwieġeb it-talb kif nippretendu. Meta nsofru jew ninsabu morda, ma jfissirx li Ġesù ma jħobbniex (Ġw.11:5), jew li aħna ma nħobbuhx (Ġw.11:1-2; cf., Lq.10:38-42). Bħal dil-familja f’Betanja, nistgħu xorta waħda nesperjenzaw id-diqa, il-mard u l-mewt. Dawn jiġu fuq il-fidili kollha, bħalma wkoll fuq il-mitlufa. Il-fidili kapaċi jgħajtu, “Kemm se ddum, o Mulej? Se tinsina għal dejjem?” (Sal.13:1; cf., Mt.27:46; Riv.6:10). 

Ġesù jgħid li ddawwar mhux għax nieqes mis-simpatija jew l-imħabba, iżda għat-turija tas-sebħ t’Alla (Ġw.11:4) kif ukoll għall-ġid etern u finali ta’ min isofri (Ġw.11:15,23-26,40-44). Il-kunfidenza tagħna m’għandhiex tistrieħ jew tiddependi fuq x’qed jagħmel preżentement Alla, iżda fuq min hu, Alla qaddis, setgħan u mimli ħniena lejna. 

L-azzjoni ta’ Ġesù inizjalment donnha indikat li ma kienx jimportah. Frattant l-awtur jenfasizza li Ġesù kien iħobb lil dik il-familja (Ġw.11:3,5,35). L-orarju u l-għan ta’ Ġesù huma sikwit differenti minn tagħna. F’nofs il-prova, id-dewmien tiegħu jista’ jħawwadna. Alla dejjem iwieġeb skont l-għerf, il-perspettiva u l-imħabba tiegħu, li huma lil hinn mill-fehma tagħna. 


Ġw.11:9. Jekk xi ħadd jimxi matul il-jum, ma jitfixkilx. Dan hu l-mod sikur biex tgħix: dejjem u kullimkien tagħmel il-volontà tas-sema. 


Ġw.11:10. id-dawl mhuwiex fih. Min ma jafdax fi Kristu jinsab f’injoranza spiritwali totali. 


Ġw.11:11. raqad hi l-ekwivalenti għal “raqad ma’ missirijietu” fil-Patt il-Qadim (eż., 1 Slat.2:10). Fil-Patt il-Ġdid l-mewt hi sikwit rappreżentata bħala raqda (At.7:60; 1 Kor.15:51; 1 Tes.4:13), għax il-ġisem mejjet jidher qisu rieqed, u jkun qed jistenna l-qawmien, bħalma wieħed rieqed l-għada jistenbaħ. Ir-ruħ tibqa’ konxja wara l-mewt, sew jekk fl-infern jew inkella fil-ġenna (Riv.6:9-11). 


Ġw.11:22-24. anke issa. Marta stenniet xi miraklu, għalkemm deher li ħuha hu lil hinn minn kull tama. Meta Ġesù jitkellem dwar qawmien, għaliha l-qawmien, skont it-twemmin korrett tagħha, kellu jseħħ fil-futur imbiegħed, fl-aħħar jum, fi qbil mat-twemmin tal-Lhud (At.23:8) u ta’ Ġesù nnifsu (Ġw.5:21,25-29; 6:39-44,54).


Ġw.11:25-26. Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Dikjarazzjoni oħra li tibda b’Jien hu, imtennija parzjalment fi Ġwanni 14:6 (cf., At.3:15; Ebr.7:16). Il-ħajja għall-fidil ma tintemmx mal-mewt, iżda tissokta eternament bħala ħajja bla tmiem f’xirka m’Alla. Dan jgħodd għall-kredenti li, bħal Lazzru, ġisimhom jinsab fil-qabar, kif ukoll għal dawk li għadhom ħajjin. 

Għal min jemmen f’Ġesù l-mewt fiżika mhijiex tmiem traġiku. Minflok, hi xatba għal ħajja abbondanti u pperfezzjonata f’xirka indistruttibbli m’Alla. Għad ikollu ġisem ġdid, immortali u inkorruttibbli (1 Kor.15:42,54), li ma jistax imut jew jitħassar (cf., Rum.8:10; 2 Kor.4:16). Ikun ġisem disinnjat perfettament minn Alla għall-ħajja fuq livell wisq ogħla li għad tiġi (1 Kor.15:35-58). 

min jemmen fija timplika fiduċja personali fi Kristu. Il-prepożizzjoni “fi” (bil-Grieg, eis) ordinarjament tfisser “għal ġo.” Allura fidi ġenwina fi Kristu f’ċertu sens iġġib lin-nies ġo Kristu, hekk li jistrieħu fih u jiddependu fuqu, u jsiru uniti miegħu. L-istess espressjoni nsibuha fi Ġwanni 3:16,18,36; 6:35; 7:38; 12:44,46; 14:12; u l-1 Ġwanni 5:10.3.

b’ebda mod ma jmut, qatt. Avolja l-fidili jmutu fiżikament, spiritwalment ma jmutux. Dawk li jemmnu fih għandhom ħajja spiritwali (Ġw.3:16,36), minkejja li jesperjenzaw mewt fiżika. Għax min jitwieled darba biss imut darbtejn (fiżikament, u jġarrab ukoll it-tieni mewt, firda minn Alla għall-eternità fl-infern; Riv.20:14); imma min jitwieled darbtejn (darba minn ġuf ommu, u darba mill-Ispirtu t’Alla; Ġw.3:3,7), imut darba biss, ċoè fiżikament, imma jgħix m’Alla għal dejjem. 


Ġw.11:33-35. ddisturba ruħu. Ġesù esprima d-diqa u l-vistu tiegħu apertament. Fl-umanità tiegħu Ġesù beka f’simpatija mal-vistużi, ħbieb tiegħu. Impressjonanti kif il-Vanġeli jippreżentaw kemm id-divinità ta’ Ġesù (Ġw.1:1,18) kif ukoll l-umanità ġenwina tiegħu. 

Filli staqsa, Fejn qegħidtuh? aġixxa fil-limiti tal-umanità bla dnub tiegħu, bla ma qatt warrab jew naqqas mid-divinità tiegħu. Esperjenza emozzjonijiet umani u seta’ jesprimi injoranza dwar fatti. 


Ġw.11:40. jara l-glorja t’Alla. Il-miraklu jesibixxi setgħet Alla biex isalva l-midinbin mill-miżerja tal-waqgħa, rappreżentata fl-għadu l-kbir, il-mewt (Ġen.2:17). 


Ġw.11:42. dejjem tismagħni. L-interċessjoni ta’ Kristu infallibbilment tottieni grazzja mingħand il-Missier għax l-Iben jogħġbu perfettament (Ġw.8:29). 


Ġw.11:43. Lazzru, ejja ’l barra! Tistema’ assurdità tkellem lill-mejtin u tordnalhom iqumu, iżda Ġesù ried lin-nies preżenti jaraw kif leħen Alla kapaċi jagħti l-ħajja lill-mejtin (Ġw.5:28-29). Din is-sejħa divina li tagħti l-ħajja lill-mejtin hi illustrazzjoni vivida tas-sejħa t’Alla lil nies mejta spiritwalment hekk li jqumu għal ħajja spiritwali ġdida (Ef.2:5). 


Ġw.11:44. Dak li kien miet ħareġ. Lazzru reġa’ rċieva l-ħajja fiżika, sinjal illi Ġesù hu tabilħaqq il-qawmien u l-ħajja. Il-miraklu hu dimostrazzjoni x’għad jagħmel Alla għall-fidili kollha li jkunu mietu, għax huma wkoll għal jitqajmu mill-mewt (Ġw.14:3; 1 Tes.4:13-18), iżda did-darba mhux għall-istess ħajja fiżika preżenti, iżda għall-immortalità fir-ruħ u l-ġisem.


Ġw.11:45-47. emmnu fih. Ħidmet Alla tħalli riżultat doppju: fidi f’xi wħud, u reżistenza u inkredulità f’ħaddieħor (cf., 2 Kor.3:15-16). Il-miraklu hawn serva bħala l-klajmaks għas-sinjali preċedenti l-oħra fil-Vanġelu li lkoll żvelaw il-glorja t’Alla permezz ta’ Ibnu. Il-mewt infisha, l-għadu finali tal-umanità, hi konfrontata b’suċċess mill-Awtur ta’ kull ħajja.


Ġw.11:48. jiġu r-Rumani. Il-Lhud ma ridux jemmnu li Ġesù hu l-Messija, avolja kien għadu kif qajjem lil Lazzru. Beżgħu illi l-mistennija messjanika, dejjem teskala, setgħet tkebbes moviment kontra l-oppressjoni u l-okkupazzjoni Rumana, hekk illi jindaħlu u jeħdulhom id-drittijiet u l-libertà li kien fadlilhom. 


Ġw.11:50. hu aħjar għalikom li bniedem wieħed imut għan-nies. Bi brikkunaġni u insensittività, Kajfa jissuġġerixxi li l-qtil ta’ persuna innoċenti jista’ jiġi skużat jekk jassigura vantaġġ għan-nazzjon. Nesa l-messaġġ espress fil-Proverbji 17:15. B’tifsira doppja, tipika f’dal-Vanġelu (cf., Ġw.3:14; 4:10; 8:24; 19:19), il-pronunzja ta’ Kajfa tantiċipa t-tpattija sostituzzjonarja ta’ Ġesù (cf., 2 Kor.5:21; 1 Pt.2:24). 


Ġw.11:51-52. bassar. Fl-għan divin, Kajfa bla ma kien jaf profetizza x’kien se jiġri. Attwalment mewt Ġesù hi l-ogħla barka, għax tassigura s-salvazzjoni mhux biss tal-Lhud iżda tal-magħżulin mad-dinja kollha.

ulied Alla li kienu mferrxin huma l-Ġentili (cf., Ġw.10:16). Mhux qed jissuġġerixxi li diġà kienu wlied Alla, iżda jantiċipa l-inklużjoni tagħhom fil-familja t’Alla. Kristu miet għal nies partikolari, il-magħżulin t’Alla meħuda minn fost il-ġnus. Ilkoll għad ikunu salvati (Ġw.10:14-15,26-28). 


Ġw.12:1-3. Ġesù midluk f’Betanja (ara l-passi paralleli f’Mt.26:6-7 u Mk.14:3). Hawn tibda l-aħħar ġimgħa tal-ministeru ta’ Ġesù qabel mewtu. 


Ġw.12:3. Il-libbra (bil-Grieg, litra) Rumana kienet tiżen ħdax-il uqija u nofs, jew probabbilment madwar nofs litru. Tissemma hawn u Ġwanni 19:39 biss.


Ġw.12:4-8. Ġuda jipprotesta bi skuża tal-foqra (ara l-passi paralleli f’Mt.26:8-13 u Mk.14:4-9). 

L-attitudni xejn ġeneruża tiegħu rriflettiet il-qalb sammija tiegħu, bla riġenerazzjoni (Ġw.6:70-71). 


Ġw.12:4-6. Għaliex dil-fwieħa ma nbigħetx...? Ġuda (u d-dixixpli l-oħra; Mt.26:8) oġġezzjona, u sejjaħ id-dilka ħala ta’ flus. Ir-rimarki tiegħu wrew nuqqas ta’ rispett lejn Ġesù u kienu krudili inkwantu Marija. L-interess fil-foqra nkixef bħala artifiċjali. 

Hu deskritt direttament bħala ħalliel, għax qalbu kienet gvernata mir-regħba (Mt.26:15). 


Ġw.12:7-8. Ħalliha. Ġesù jiddefendi lil Marija waqt li jintima kemm kienet qrib mewtu. Meta nikkonsidraw il-ħidma ridentiva t’Alla, ebda spiża mhi kbira żżejjed. 

iżżommu għal jum id-difna tiegħi. Marija aġixxiet hekk b’devozzjoni lejn Ġesù, iżda bħal fil-każ ta’ Kajfa (Ġw.11:49-52), l-att tagħha żvela aktar milli rrealizzat hi stess dak il-ħin. 

il-foqra dejjem għandkom magħkom. F’dinja aljenata minn Alla, il-faqar u l-inġustizzja jibqgħu sat-tmiem, flimkien mar-responsabbiltà li nissollevaw lill-fqir bħala espressjoni ta’ mħabbet Alla (Dt.15:11). Però l-opportunità li wieħed ikun preżenti ma’ Ġesù u jservih tul jiemu fuq l-art mhix se tkun ripetuta. 


Ġw.12:10-11. L-ebusija ta’ qalb is-saċerdoti ewlenin kienet tant illi flok ma rrispondew pożittivament għall-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt (Ġw.11:1-57), ikkomplotatw biex joqtlu lil Ġesù. 


Ġw.12:12-16. Id-daħla messjanika ta’ Ġesù f’Ġerusalemm (ara l-passi paralleli f’Mt.21:1-11, Mk.11:1-11 u Lq.19:29-40). 


Ġw.12:13. Il-friegħi tal-palm jissimbolizzaw il-ferħ li jgelgel mis-salvazzjoni; in-nies jagħtu tribut irjali lil Kristu (cf., Riv.7:9; ara Sal.118:27). Das-salm jiċċelebra l-purċissjoni tal-Messija rjali. Il-folla kienet eċċitata u mimlija tifħir għall-Messija li għallimhom b’tant awtorità, fejjaq il-morda, u qajjem saħansitra l-mejtin (cf., Ġw.12:12-18).


Ġw.12:16. Ġesù beda jkun glorifikat mir-resurrezzjoni tiegħu ’l quddiem. 


Ġw.12:19. id-dinja marret warajh. Fil-kuntest id-dinja tfisser in-nies inġenerali; mhux kulħadd inpartikolari. Sikwit il-kelma dinja hi wżata f’das-sens ġenerali (eż., Ġw.1:29; 3:16-17; 4:42; 12:47; 14:22; 17:9,21). 


Ġw.12:20-22. Il-Griegi hawnhekk iservu bħala għelm jew indikazzjoni bil-quddiem illi ħafna nies kellhom ikunu mifdija minn fost il-ġnus, mhux biss Lhud (Ġw.12:32). 


Ġw.12:23. Ġiet is-siegħa. Tul il-ministeru tiegħu Ġesù diversi drabi rrimarka li ħinu għadu ma wasalx (Ġw.2:4; 7:6,8,30; 8:20). Din issa hi l-ewwel minn għadd ta’ stqarrijiet illi l-passjoni u r-resurrezzjoni qorbu sew (Ġw.12:27; 13:1; 16:32; 17:1). Is-salib u d-difna huma parti mill-umiljazzjoni tiegħu (Fil.2:8), li biha Kristu l-Medjatur, wara l-jiem tal-qawmien tiegħu fuq l-art, ħtieġlu jidħol fil-glorja tal-axxensjoni tiegħu fuq il-leminija tal-Missier (Ġw.13:31-32; cf., Fil.2:8-9).

illi jkun glorifikat Bin il-Bniedem. Ġesù jitkellem dwar mewtu bħala glorifikazzjoni aktarx milli traġedja. 


Ġw.12:24. il-ħabba tal-qamħ. Il-qamħ, bħal ħxejjex oħra, jikber minn żerriegħa li tmut. Din l-istampa tispjega s-siwi tal-mewt fuq il-Kalvarju. Mewta waħda f’ċertu post u ħin tipproduċi ħsad kbir; tiftaħ il-bibien ta’ salvazzjoni lil nies minn kull ġenerazzjoni u poplu. 


Ġw.12:25. Min iħobb lil ħajtu jitlifha. In-nies assorbiti totalment fl-interessi personali ta’ għomorhom fuq l-art jiffaċċjaw rovina eterna. 

min jobgħod lil ħajtu f’did-dinja se jżommha għall-ħajja eterna. Huma nies li jaħsbu ftit dwar ħajjithom għax huma mixrubin bil-ħsieb t’Alla u lesti jissagrifikaw kollox għalih. Dawk distakkati mill-ambizzjonijiet u interessi mondani jottienu ħajja eterna bis-saħħa tal-fidwa ta’ Kristu (Mt.10:39; Lq.17:33). Hu fis-servizz lejn Kristu u fl-unjoni miegħu li dan hu esperjenzat.


Ġw.12:27. ruħi mħawda. Ġesù jesprimi l-ansjetà u l-aġitazzjoni interna tiegħu f’wiċċ il-mewt. Hekk kif ikkontempla kif kellu jieħu fuqu l-għadab divin minħabba d-dnubiet tad-dinja, l-ispirtu tiegħu, pur u immakulat, tqalleb quddiem dal-prospett (cf., 2 Kor.5:21). 


Ġw.12:28. igglorifka ’l ismek! Din ir-rikjesta tiġbor fiha l-prinċipju ewlieni illi Ġesù għex u miet bih (cf., Ġw.7:18; 8:29,50). 


Ġw.12:29. qalet illi riegħed. Avvenimenti ta’ konsegwenza eterna jiġru fid-demanju spiritwali u inviżibbli, iżda meta l-miskredenti jaraw jew jisimgħu manifestazzjoni tagħhom, imqar jekk ikun leħen Alla jitkellem mis-sema, jinterpretawhom żmerċ bħala avvenimenti naturali. Hekk juru l-għama spiritwali tagħhom. 


Ġw.12:31. Issa hu l-ġudizzju ta’ did-dinja. B’mewtu, Ġesù jtemm il-potenza tad-dnub fuq ir-razza ta’ Adam, billi jiġġudikah u jikkundannah. 

l-ħakkiem ta’ did-dinja hu Satana (cf., Ġw.14:30; 16:11; Mt.4:8-9; 2 Kor.4:4; Ef.2:2; 6:12; 1 Ġw.4:4; 5:19). Ix-xitan għandu poter fil-fatt, mhux bi dritt. Bil-Golgota Alla qered is-setgħa tal-avversarju. Satana sofra disfatta deċiżiva (cf., Lq.10:18; Kol.2:14-15; Ebr.2:14-15). It-trijonf ta’ Ġesù fuqu bil-mewt u l-qawmien tiegħu huwa l-bażi għat-trijonf finali tiegħu fil-konsumazzjoni (Riv.20:10). 


Ġw.12:32-33. nitgħolla mill-art. Ġesù jirreferi għat-tislib tiegħu, iżda wkoll għall-glorifikazzjoni fis-smewwiet meta, bħala Medjatur, ikun mgħolli fuq il-leminija tal-Maestà (cf., Ġw.3:14; 18:32). 

se niġbed lil kulħadd lejja nnifsi. Bis-salib Kristu jeżerċita attrazzjoni universali, u hi dejjem effettiva, bħal fi Ġwanni 6:44. Nies minn kull nazzjon u kull żmien se jkunu salvati bih. 

kulħadd ma tfissirx l-umanità kollha, iżda kull tip ta’ nies bla distinzjoni, Lhud u Ġentili (cf., Ġw.10:16; 11:52; 12:20-21). Is-semmiegħa ta’ Ġesù ma setgħux jirrikonċiljaw il-ħsieb tal-kruċifissjoni mal-fehma tagħhom dwar il-Messija li jibqa’ għal dejjem (Ġw.12:34). 


Ġw.12:34. l-Kristu għandu jibqa’ għal dejjem. Abbli kellhom f’moħħhom Isaija 9:7, fejn hu mwiegħed illi saltnet il-Messija tibqa’ għall-eternità; jew għal Eżekjel 37:25, fejn David finali hu preżentat bħala l-prinċep ta’ Iżrael għal dejjem (cf., Sal.89:35-37). 


Ġw.12:35-36. Ftit żmien ieħor. Kristu kellu jkun magħhom xi jumejn jew tlieta oħra. Il-ministeru tiegħu fost il-Lhud kien wasal fi tmiemu. 


Ġw.12:37-40. ma setgħux jemmnu. Ġwanni jagħti l-ispjegazzjoni biblika għall-inkredulità katastrofika tal-Lhud, fuq skala hekk mifruxa. Dan mhux biss l-Iskrittura ratu minn qabel, iżda jingħad li kien neċessarju skont il-pjan sovran t’Alla fit-twebbis ġudizzjarju ta’ Iżrael. 

Pawlu jiżvolġi l-argument fir-Rumani 9-11. Alla ppredestina t-tali ġudizzju, iżda dan mhuwiex apparti mir-responsabbiltà u l-ħtija umana (cf., Ġw.8:24). Ħadd mhu kapaċi jemmen ġenwinament qabel ma Alla jiftaħ il-fehma tiegħu b’ħidma sopranaturali tal-Ispirtu (Ġw.3:3-7). 


Ġw.12:41. ra l-glorja tiegħu. Isaija rċieva viżjoni tal-glorja t’Alla fuq it-tron (Isa.6:1), u bassar dwar il-Qaddej divin li jsofri (Isa.52:13-53:12). 


Ġw.12:42. ħafna emmnu fih. Il-ħaqq annunzjat minn Isaija seħħ, u frattant xi mexxejja saru fidili minkejja t-theddida ta’ skomunika (eż., Ġw.19:38-40). 


Ġw.12:43. ħabbew il-glorja tan-nies. Billi jfittxu l-approvazzjoni ta’ sħabhom u tas-soċjetà tagħhom, ħafna bnedmin jissagrifikaw il-konvinzjonijiet tagħhom u jaġixxu kuntrarju għall-kuxjenzi tagħhom. Huma lesti jingħaqdu mal-maġġoranza (cf., Dan.11:32-34) u ħsiebhom biex jiksbu opinjoni favorevoli dwarhom infushom mingħand is-setgħana jew il-folla. 

X’inhu s-sigriet biex tottieni vittorja fuq il-biża’ minħabba n-nies, u kif ixxejjen ix-xewqa għat-tifħir tagħhom? Hi l-fidi tal-evanġelju (1 Ġw.5:4) – il-fidi li tara lil Alla, lil Kristu, il-ġenna, l-infern, il-ġudizzju u l-eternità bħala realtajiet finali (Rum.1:20; Ef.3:16-19; Ebr.11). Meta tilgħabha li int dixxiplu ta’ Ġesù waqt li titlebleb għall-ġieħ uman aktar mill-glorja t’Alla hu faċċoliżmu gravi. 


Ġw.12:44-50. għajjat u qal. Dan id-diskors hu sommarju tat-tagħlim pubbiku tiegħu fuq medda ta’ tliet snin. 


Ġw.12:44-45. Min jemmen fija, mhux fija jemmen, iżda f’min bagħatni. Hemm relazzjoni qrib bejn Ġesù u l-Missier (cf., Ġw.12:45,50; 17:21-23). Mill-banda l-oħra, min jiċħad lil Kristu u kliemu jkun qed jiċħad lill-Missier ukoll, hekk li jirċievi ġudizzju, għalkemm l-għan ewlieni għala Bin Alla sar inkarnat kien is-salvazzjoni ta’ niesu u mhux il-kundanna ta’ dawk li ma jemmnux fih. 

min jara lili jara ’l min bagħatni. It-tliet persuni fit-Trinità Mqaddsa jixxerjaw l-istess natura divina, hekk illi l-Iben jirrivela perfettament lill-Missier (Ġw.1:18; 10:30; 14:7,9). 


Ġw.12:47-49. ma ġejtx biex niġġudika d-dinja. Ġesù qed jitkellem dwar l-ewwel miġja tiegħu, għax fit-tieni miġja ċertament se jiġġudika l-umanità kollha (Ġw.5:22,27-30). 

hu tani kmandament x’ngħid. Għal darb’ oħra Ġesù jindika li l-awtorità suprema fit-Trinità tappartieni għall-Missier, u awtorità delegata tappartieni għall-Iben, għalkemm huma ugwali fid-divinità. 


Ġw.13:1. ħabbhom sat-tmiem, ċoè sal-perfezzjoni, bi mħabba straordinarja u bla nuqqas. Alla jħobb id-dinja (Ġw.3:16) u l-midinbin (Mt.5:44-45; Titu 3:4) b’kumpassjoni u grazzja komuni, iżda jħobb lill-magħżulin tiegħu bi mħabba eterna, perfetta u salvivika. 


Ġw.13:2. x-xitan kien diġà qegħidha f’qalb Ġuda. B’daqshekk Ġuda mhuwiex skużat, għax il-qalb ħażina tiegħu xtaqet tissokta fil-mogħdija tal-ħażen. Satana u Ġuda qalbu flimkien.


Ġw.13:3. se jmur lura għand Alla. Ġesù ffaċċja t-tradiment, l-agunija, u l-mewt għax kien jaf li għad ikun eżaltat aktar tard, meta jirċievi l-glorja u xirka li gawda eternament fit-Trinità (Ġw.17:4-5). B’dan il-prospett ta’ ferħ issaporta l-passjoni (Ebr.12:2). 


Ġw.13:5. jaħsel saqajn id-dixxipli. Il-kondotta umli ta’ Ġesù mhijiex għax nesa l-grad tiegħu bħala l-Iben inkarnat t’Alla. L-att tiegħu juri illi l-grad u l-privileġġ mhumiex okkażżjonijiet għall-arroganza jew ambizzjoni egoistika, iżda kredenzjali ogħla għas-servizz. Il-ħasil tas-saqajn kien element komuni ta’ ospitalità f’pajjiż mutrab fejn in-nies kienu jxiddu l-qrieq (cf., Lq.7:44). Dax-xogħol kienu jagħmluh il-membri l-iżjed baxxi fid-dar, ġeneralment ilsiera.


Ġw.13:6-10. Sid, int taħsilli saqajja? Pietru, bl-impulsività tiegħu (eż., Lq.5:8; Mt.16:22; At.10:14), oġġezzjona għall-azzjoni ta’ servitudni daparti ta’ Ġesù. Ma setax jifhem l-umiltà tiegħu. Ġesù jispjegalu illi Pietru kellu jaċċettah fil-mogħdija li Alla għażel għalih bħala l-Messija (Isa.55:7-9; Mt.16:23). 

m’għandek ebda parti miegħi. Dan jingħad għal dawk li mhumiex ta’ Kristu. Hawnhekk il-ħasil tas-saqajn jissimbolizza l-ħasil neċessarju għall-maħfra tad-dnubiet, b’antiċipazzjoni għall-mewt ta’ Ġesù għal niesu, li biha l-fidili huma maħsula mid-dnubiet. 

m’għandux bżonn jinħasel ħlief saqajh. Persuna mwielda mill-ġdid m’għandhiex għalfejn tinħasel kompletament darbtejn, iżda jeħtieġ tindif mid-dnubiet ta’ kuljum (1 Ġw.1:9).

mhux kollha. Ġesù issa żvela illi wieħed mit-tnax ma kienx tabilħaqq konvertit. 


Ġw.13:11. kien jaf min hu dak li kellu jittradih. Ġesù kien totalment konxju tal-avvenimenti li kienu ġejjin fuqu. L-azzjoni ta’ Ġuda kienet id-deċiżjoni ħielsa u responsabbli tiegħu – frattant imwettqa skont il-pjan divin. 

Mhux kollha intom nodfa. Ġesù japplika l-ħasil tas-saqajn mod ieħor. Dawk maħsula bis-sagrifiċċju ta’ Kristu darba għal dejjem jeħtieġu wkoll tindif kujum minn dnubiethom simbolizzat mill-ħtieġa spissa li jaħslu saqajhom. Ġesù japplika l-ħasil tas-saqajn figurattivament peress li jgħid li mhux kollha kienu ndaf, b’referenza għal Ġuda, iżda ovvjament ħasel saqajn Ġuda wkoll. Billi Ġuda mhuwiex spiritwalment nadif (bħalma kien Pietru), m’għandux parti ma’ Ġesù (mhuwiex salvat). 


Ġw.13:15. tajtkom eżempju. B’għemilu Ġesù stabilixxa eżempju u mudell għad-dixxipli kollha (Ebr.4:11; 8:5; 9:25; Ġak.5:10; 2 Pt.2:6). L-għan tiegħu fil-ħasil tas-saqajn, faċenda mill-aktar baxxa, kien illi jistabbilixxi mudell ta’ umiltà mqanqla mill-imħabba. 


Ġw.13:17. imberkin intom jekk tagħmluhom. Tagħrif intellettwali mhuwiex biżżejjed; minnu messha tnixxi ħajja impenjata għas-Sid Ġesù. Flok aspirazzjoni biex niddominaw, ħallielna eżempju biex nimitawh u nkunu ħerqana biex inservu (Ġw.13:15; cf., Mt.20:26-28; Fil.2:5-8; 1 Pt.2:21). 

Il-Kristjan ubbidjenti hu mbierek. Għemilu mhuwa qatt il-bażi għall-aċċettazzjoni quddiem Alla, iżda hu evidenza konkreta ta’ fidi vitali. La darba jemmen, jobdi. Fidi bla ubbidjenza hi fiergħa u inutli, għax hi fidi falza. 


Ġw.13:18-21. Ġesù jbassar it-tradiment (ara l-passi paralleli f’Mt.26:20-25, Mk.14:17-21 u Lq.22:21-23).


Ġw.13:18. naf lil min għażilt. Alla jħobb lill-umanità b’mod inġenerali, hekk li jagħmel il-ġid lil kulħadd, b’xi mod jew ieħor, xi darba jew oħra. L-imħabba speċjali tiegħu, però, li twassal għas-salvazzjoni mhijiex estiża lil kull individwu. Ġuda ma kienx magħżul għall-glorja eterna (Mt.26:24), frattant b’ebda mod ma kien imġiegħel biex jittradixxi lil Ġesù. 


Ġw.13:19. qabel ma jiġri. Il-profezija, meta sseħħ, isservi bħala marka ta’ profeta veru, u t-tbassir falz kien mod ċert biex jingħaraf profeta falz (Dt.18:18-22). Ġesù b’hekk mhux biss juri li hu messaġġier mingħand Alla, iżda hu Alla nnifsu – jien hu (Es.3:14). 


Ġw.13:23. li Ġesù kien iħobb (cf., Ġw.19:26; 20:2; 21:7,20) – apparentement l-awtur tal-Vanġelu. Ma jfissirx nuqqas ta’ mħabba għad-dixxipli l-oħra, iżda tindika affinità speċjali ma’ Ġwanni (Ġw.19:26-27). 

kien qed jirreklina fuq ħodon Ġesù. Kienet prattika komuni fi żmien Ġesù illi jimteddu huma u jieklu.


Ġw.13:27. daħal fih Satana. Ġuda rrifjuta milli jirrispondi sew għall-appell ta’ Ġesù, u hekk qalbu nfetħet għall-kontroll tax-xitan. Baqa’ aġent responsabbli, iżda ċeda għad-dominju tal-ħażen (cf., Ġw.8:34). 

agħmlu malajr. Ġesù għad għandu ħakma fuq l-orarju tal-avvenimenti, u ma jagħmel ebda sforz iżjed biex jirrestrinġi lil Ġuda mill-mogħdija traġika tiegħu. 


Ġw.13:28. ħadd...ma kien jaf. Wieħed mitluf jista’ jkun tant jixbah wieħed salvat illi ma jingħarafx. Id-dixxipli ma ssuspettawx illi kien Ġuda.


Ġw.13:30. billejl hu suġġeriment tal-qawwa tad-dalma spiritwali operattiva (Lq.22:53). 


Ġw.13:31-32. glorifikat Bin il-bniedem. Il-medjatur u Sultan maħtur minn Alla kien wasal biex jieħu s-saltna eterna tiegħu fuq kulħadd (Dan.7:13-14), u frattant permezz tal-umiljazzjoni. Alla kkonkwista d-dinja u żvela l-glorja tiegħu bil-mewt u l-eżaltazzjoni ta’ Ġesù (Ġw.7:39; 12:23-28). Hekk is-sofferenzi ta’ Kristu ħbew kif ukoll żvelaw il-glorja tiegħu. 


Ġw.13:34. Kmandament ġdid. M’hemm xejn ġdid dwar il-kmandament biex inħobbu (Lev.19:18). Hu ġdid biss fis-sens illi minflok ħobbu “lill-proxxmu,” issa Ġesù jgħid, ħobbu “bħalma ħabbejtkom.” 

Persuna speċifikament Kristjana żżomm l-imħabba suprema ta’ sagrifiċċju bħala l-mudell tagħha. Ukoll, il-post primarju (għalkemm b’ebda mod l-uniku mod) għall-espressjoni ta’ din l-imħabba hu fil-komunità tal-fidili (cf., Mt.25:40; Gal.6:10; Ef.5:25). 

1. Il-fidili jeħtiġilhom jiddistingwu Kristjani veri minn dawk bi professjoni falza; dan jagħmluh billi jeżaminaw imħabbithom lejn Ġesù u l-ubbidjenza tagħhom lejh, kif ukoll il-lealtà tagħhom lejn il-Kelma Mqaddsa t’Alla (Mt.7:21; Ġw.5:24; 8:31; 10:27; Gal.1:9). 

2. Kwalunkwe persuna li tippossiedi fidi ħajja fi Kristu kif imxandar fl-evanġelju appostoliku, u tibqa’ leali għall-Iskrittura kif tifhimha sinċerament, filwaqt li tibqa’ tieqaf ferma kontra l-ispirtu popolari u sekulari ta’ żmienha, hi oħti jew ħija fi Kristu. Jixraqilha l-imħabba u l-appoġġ speċjali tiegħi.

3. Meta nħobbu lill-Kristjani veri kollha, inklużi dawk li jappartienu għal denominazzjonijiet oħra, ma jfissirx li obbligati nikkompromettu ruħna jew nakkomodaw it-twemmin bibliku u partikolari tagħna, jew ninsew id-differenzi dottrinali. Lanqas ma timplika li jmissna nfittxu unità fl-organizzazzjoni, bħallikieku rridu nilbsu uniformi waħda. 

4. Il-Kristjani qatt m’għandhom jinsew il-qdusija t’Alla. Imħabbitna lejn Alla u r-rieda tiegħu kif rivelati fl-Iskrittura trid tikkontrolla u tidderieġi mħabbitna lejn ħaddieħor. L-imħabba għal Alla trid tieħu prijorità fuq kollox u tiddetermina l-kwalità ta’ mħabbitna lejn l-aħwa. 


Ġw.13:35. B’dan se jkun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi. L-imħabba (bil-Grieg, agapē) ċertament hi l-marka distintiva tad-dixxipli ta’ Ġesù (1 Ġw.3:23; 4:7-21). Hi bażikament atteġġjament pożittiv li bih wieħed jagħti b’sens ta’ sagrifiċċju; hu lest jonfoq u jintefaq, mbasta jara lil ħaddieħor javvanza u jitjieb moralment u materjalment (1 Ġw.4:9-10). 

Hekk, mela, ir-relazzjoni bejn il-kredenti trid tkun predominata b’interess devot illi jfttex jippromwovi l-ogħla ġid tal-aħwa fi Kristu. L-Insara messhom jieħdu ħsieb xulxin fil-provi, sensittivi għas-sentimenti u r-reputazzjoni ta’ xulxin, u jiċħdu lilhom infushom sabiex iwettqu l-ġid lil xulxin (cf., 1 Kor.13; Gal.6:2; 1 Tes.4:9; 2 Tes.1:3; 1 Pt.1:22; 2 Pt.1:17).


Ġw.13:36-38. Pietru kellu jiċħdu lill-Imgħallem tiegħu (ara l-passi paralleli f’Mt.26:31-35, Mk.14:27-31 u Lq.22:31-34).


Ġw.13:36. ma tistax issegwini għalissa. Xogħlu kien kważi mitmum, mentri tad-dixxipli kien għadu ħa jibda (Mt.28:16-20). Biss Ġesù, bħala s-sagrifiċċju perfett għad-dnubiet, seta’ jaqla’ l-maħfra bis-salib (1 Pt.2:22-24). Hu biss seta’ jkun glorifikat fil-ġenna bħalma kien qabel l-inkarnazzjoni (Ġw.12:41; 17:1-5). 

għad issegwini aktar tard. Din hi profezija dwar il-martirju ta’ Pietru, li bih kellu jiddaħħal fil-glorja tas-sema (Ġw.21:18-19). 


Ġw.13:37-38. Se nagħti ħajti għalik. Pietru għadu ma rrealizzax kemm hu tabilħaqq debboli fih innifsu. 


Ġw.14:1. Tħallux qalbkom tkun iddisturbata. Hu nnifsu ddisturba ruħu f’ċerti okkażżjonijiet (Ġw.12:27; 13:21), iżda hawn jaqsam it-tama u l-ferħ tiegħu mad-dixxipli, sabiex isostnihom (Ġw.14:27; 15:11). 


Ġw.14:2. B’dar Missieri Ġesù jirreferina għall-ġenna, peress li Ġesù hemm mar wara mewtu, ftit ġimgħat wara r-resurrezzjoni u t-tlugħ fis-sema tiegħu (Mt.6:9; cf; Sal.33:13-14; Isa.63:15). Il-familja t’Alla, li bħalissa qiegħda fid-dinja, qed tiġi trasferita għad-dar proprja tagħha (Ebr.13:14). 

ħafna kmamar, jew ħafna għamajjar, postijiet għar-residenza. Tabilħaqq it-triq hi dejqa u x-xatba ristretta li jwasslu għall-ħajja (Mt.7:14). Frattant ulied Abraħam huma kotrana bħar-ramel fuq ix-xatt u numerużi bħall-kwiekeb fis-sema (Ġen.22:17), multitudni immensa (Riv.7:9). 

nipprepara post għalikom. Kristu jħejji għamara għal niesu fis-smewwiet, mentri l-Ispirtu s-Santu jħejji l-mifdija fuq l-art għal posthom fil-ġenna.


Ġw.14:3. nirċevikom għandi. Ġesù, is-sellum li jgħaqqad l-art mas-sema (Ġw.1:51), jilqa’ lill-pellegrini fi ħdanu f’dar Missieru. 


Ġw.14:6. l-ħajja mhix sempliċement eżistenza (għalkemm neżistu minħabba Kristu), iżda hi eżistenza bi twettiq għall-pjan t’Alla li nkunu l-maqdes ħaj tiegħu (Ġw.1:4). 

ħlief permezz tiegħi hi affermazzjoni li Kristu waħdu hu t-triq tas-salvazzjoni. Jekk nimmaġinaw jew inxandru modi oħra nkunu qed niżwigdaw in-nies u ninsew in-neċessità tal-miġja u l-fidwa tiegħu (At.4:12; Rum.10:14-15; 1 Ġw.5:12). 


Ġw.14:7-11. minn issa tafuh u rajtuh, għax għandhom rabta ma’ Ġesù fl-identità vera tiegħu bħala l-Messija divin. Allura jekk wieħed jaf lil Ġesù jaf ukoll lill-Missier. L-enfasi fuq Ġesù bħala Alla inkarnat hi evidenti matul dal-Vanġelu (Ġw.1:1-3,14,17,18; 5:10-23,26; 8:58; 9:35; 10:30,38; 12:41; 14:11; 17:1-5; 20:28). 


Ġw.14:8-9. urina lill-Missier. Filippu juri li mhux jifhem (tema rikorrenti fil-Vanġelu). 

Min ra lili ra ’ll-Missier. Ġesù b’daqshekk mhux qed jiċħad li hemm distinzjoni tal-persuni f’Alla. Qed ifakkar lil Filippu illi Ġesù hu dak li jirrivela lill-Missier (Ġw.1:18). 


Ġw.14:12. ikbar minn dawn se jagħmel. L-istorja tal-knisja tfornina bi prova qawwija illi Ġesù hawn mhuwiex qed jafferma li kull fidil se jagħmel mirakli ikbar milli għamel hu. Għemil il-knisja, bil-qawwa tal-Ispirtu, se jkun ikbar mill-għemejjel ta’ Ġesù fil-għadd u t-territorju. Dawn l-għemejjel jinkludu l-evanġeliżmu mondjali, it-tagħlim tal-verità, u l-opri ta’ ħniena u mogħdrija – il-ministeru sħiħ tal-knisja universali. Huma ikbar mhux għax huma mirakli aktar meraviljużi, iżda għax huma aktar kotrana, jilħqu d-dinja, u jirriżultaw fit-trasformazzjoni ta’ individwi kif ukoll kulturi u soċjetajiet sħaħ. 

għax jien sejjer għand il-Missier. Huma għemejjel li jsiru wara s-sagrifiċċju tal-Golgota u Ġesù jkun mar lura għand il-Missier (Ġw.12:24; 15:13; 19:30). Dan jindika illi l-għemejjel ikbar se jkunu possibbli minħabba l-qawwa tal-Ispirtu li jkun mibgħut (Ġw.7:39; 14:16,26; 16:7). Id-dixxipli se jkunu kapaċi jagħmlu għemejjel ikbar għax kellhom jirċievu l-Ispirtu, il-Paraklitu, wara li Ġesù jirritorna għand Missieru fis-smewwiet (Mt.7:39; 14:26). 


Ġw.14:13. kulma tissupplikaw f’ismi, dan se nagħmel. Din mhix garanzija li nitolbu x’nitolbu Alla jagħtihulna mbasta nżidu l-frażi “f’isem Ġesù” mat-talba tagħna. Allura xi tfisser f’ismi?

1. Titlob f’isem Ġesù jfisser tersaq lejn Alla bir-rikjesti tiegħek bl-awtorità tiegħu, għan-nom tiegħu u fuq il-mertu tiegħu.

2. Ifisser nidentifikaw ruħna mal-għan ta’ Kristu b’tali mod u manjiera li r-rieda tagħna ssir identifikata mar-rieda t’Alla (1 Ġw.5:14-15). 

3. Titlob f’ismu jfisser titlob f’armonija man-natura u l-karattru qaddis u ġust tiegħu.

4. Ifisser titlob fiduċjuż fih, bix-xewqa li tigglorfika kemm lill-Missier kif ukoll lill-Iben (At.3:16). 

Titlob f’isem Ġesù, mela, jissinifika illi Ġesù jwieġeb kwalunkwe talba li hu nnifsu jista’ jitlob. Mill-bqija, m’hemm ebda limitu għall-effettività tat-talb meta indirizzat lill-Missier b’fidi qaddisa skont ix-xewqa ta’ Ibnu stess. 

Niftakru, però, illi l-Kristjan li ma jaqlax dak li talab speċifikament sikwit hu sorpriż bi tweġiba differenti iżda aħjar, u ċaħda hi kultant l-aħjar tweġiba, għax it-talba la tkun għall-glorja t’Alla u lanqas għall-ġid spiritwali tagħna. 


Ġw.14:15. Jekk tħobbuni, se żżommu l-kmandamenti tiegħi. L-imħabba għal Kristu hi inseparabbli mill-ubbidjenza (Lq.6:46; 1 Ġw.5:2-3), mhux biss għat-tagħlim etiku tiegħu (Ġw.14:23-24), iżda għar-rivelazzjoni sħiħa mingħand il-Missier (ara Ġw.3:31-32; 12:47-48; 17:6). 


Ġw.14:16. se nirrikjesta lill-Missier. It-tferrigħ u l-ministeru kontinwat tal-Ispirtu hu l-frott tax-xogħol ta’ Kristu (Gal.3:13-14), miksub bl-interċessjoni saċerdotali tiegħu. 


Ġw.14:16. Paraklitu ieħor. Il-Missier u l-Iben huma t-tnejn attivi filli jibagħtu l-Ispirtu. Hu l-Ispirtu t’Alla jew l-Ispirtu tal-Missier (Ġen.1:2; Isa.11:2; Mt.10:2) kif ukoll l-Ispirtu ta’ Kristu (Rum.8:9; Gal.4:6; Fil.1:19; 1 Pt.1:11). 

L-Ispirtu hu deskritt bħala l-Paraklitu, kelma legali li tfisser avukat għad-difiża (1 Ġw.2:1), u aktar ġeneralment wieħed imsejjaħ biex jgħin. Ġesù hekk kien għad-dixxipli; l-Ispirtu s-Santu jissokta xogħlu wara l-axxensjoni tiegħu. Illum hu l-għajnuna u l-qawwa tagħna (cf., Mt.14:30-31), biex jgħallimna l-korsa profitabbli għal ħajjitna (Ġw.14:26), biex ifarraġna f’sitwazzjonijiet diffiċli (Ġw.14:18), biex jinterċiedi għalina (Rum.8:26-27,34), biex ikun ħabibna ħalli jwettaq l-aħjar interessi tagħna (Ġw.14:17), u biex jibqa’ magħna għal dejjem. 

Ġesù jenfasizza l-personalità tal-Ispirtu, distint mill-Missier u l-Iben, kif ukoll l-unità tiegħu magħhom fil-ħidma tal-fidwa. 


Ġw.14:17. L-Ispirtu s-Santu hu msejjaħ l-Ispirtu tal-verità (Ġw.15:26; 16:13; cf., 1 Ġw.4:6; 5:6) għax hu l-Ispirtu ta’ Ġesù, li hu l-verità. Allura jixhed favur il-verità (Ġw.18:37), idawwal inkwantu l-verità, jesponi l-falsità (Ġw.16:8), u jiggwida lill-fidili fil-verità rivelata kollha (Ġw.16:13). Inkunu qed niżbaljaw bl-ikrah jekk nissagrifikaw il-verità minħabba l-unità, l-imħabba jew xi raġuni oħra. Qatt mhu lant inwarrbu l-Ispirtu tal-verità, altrimenti kulma nagħmlu jkun imsejjes u ispirat minn gidba. 

d-dinja hawn tissinfika l-umanità midinba f’kuntrast man-nies mifdija t’Alla (Ġw.15:18-19; 17:9; 1 Ġw.2:15-17; 4:5; 5:4-5,19). 

jibqa’ magħkom u se jkun fikom. L-Ispirtu jirresiedi b’mod speċjali fil-fidili (1 Kor.3:16-17; 6:19; 2 Kor.6:16; Ef.2:21). Dan ma jfissirx li ma kien hemm ebda ħidma tal-Ispirtu fil-fidili qabel daż-żmien (Ġw.7:39), iżda aktarx l-Ispirtu s-Santu kellu jkun f’relazzjoni ġdida u aktar setgħana wara Pentekoste. 


Ġw.14:18. niġi għandkom. Primarjament Ġesù qed jitkellem dwar il-laqgħat tiegħu mad-dixxipli wara l-qawmien tiegħu (Ġw.20-21). Jista’ jkun ukoll li qed jirreferi għall-miġja tal-Ispirtu f’Pentekoste. Jirrelata u jixxierek ma’ niesu permezz tal-Ispirtu s-Santu. Illum Ġesù jiżvela ruħu lill-fidil ubbidjenti permezz tal-Ispirtu, li jgħarrafna bil-qrubija ta’ Ġesù ma’ dawk li jħobbuh (Ġw.14:21). L-Ispirtu jagħmilna konxji tal-intimità ta’ Ġesù u r-realtà ta’ mħabbtu lejna, kif ukoll tal-barka u l-għajnuna tiegħu. Hekk nirrispondu bl-imħabba, qima u devozzjoni.


Ġw.14:19. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix iżjed. Kien jonqos ftit sigħat biss qabel ma Kristu jmut u jkun midfun. Kellu mbagħad jidher wara l-irxoxt tiegħu lid-dixxipli (Ġw.20:1-21:25), iżda mhux pubblikament lill-infidili. 

Għax jien ngħix, se tgħixu intom ukoll. Għal darb’ oħra Ġesù jisħaq li l-ħajja spiritwali tagħna hi l-ħajja tiegħu fina. Il-ħajja reali tinsab biss fih (Ġw.1:4; 11:25-26; 14:6).


Ġw.14:20. F’dak il-jum, ċoè f’Pentekoste u wara. It-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù u l-inżul tal-Ispirtu kienu vindikazzjoni illi l-Missier rċieva l-ħidma ta’ Kristu u kien sodisfatt biha. 


Ġw.14:21. Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jżommhom, dak hu li jħobbni. L-ubbidjenza għal-liġi ta’ Kristu mhijiex opzjonali għal dawk li ngħatatilhom il-ħajja eterna (Lq.6:46-49; Ġw.3:16; 14:21,23; 15:8-10,13-14; Ġak.1:22; 2 Pt.1:5-11; 1 Ġw.2:3-6). 

1. Għalkemm ma tistax tkun perfetta, l-ubbidjenza lejn Kristu trid tkun ġenwina. Hi parti essenzjali mill-fidi li ssalva, u tnixxi minn imħabbitna lejh (Ġw.14:15,21). Mingħajr imħabba lejn Kristu, ubbidjenza lejh issir legaliżmu mistkerrah. 

2. Lid-dixxiplu li jħobb lil Kristu u jirsisti biex jobdi l-kmandamenti tiegħu konsistentement, Sidu jwiegħdu mħabba speċjali, grazzja u l-preżenza ġewwiena tiegħu magħmula mill-iktar reali (cf., Ġw.14:23-24).


Ġw.14:23. nagħmlu l-għamara tagħna miegħu. Dawk li tabilħaqq iħobbu lil Ġesù u jobdu kliemu jesperjenzaw il-preżenza immedjata u l-imħabba tal-Missier u tal-Iben, li jiġu għand il-fidili permezz tal-Ispirtu. Bħalma l-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-fidil, hekk ukoll il-Missier u l-Iben (Rum.8:9-11; Riv.3:20). Ninnotaw illi l-imħabba paterna tal-Missier lejn uliedu hi kondizzjonata fuq imħabbithom lejn Ġesù u l-lealtà tagħhom lejn Kelmtu.


Ġw.14:26. L-attribut l-aktar enfasizzat dwar l-Ispirtu s-Santu mhuwiex setgħetu (At.1:8), iżda l-qdusija tiegħu. Il-karattru qaddis u safi tiegħu, flimkien mal-manifestazzjoni tal-karattru assolutament ġust u safi tiegħu fil-ħajja tal-fidili, hi l-iktar ħaġa importanti dwaru (cf., Gal.5:22-26). 

Ġesù jwiegħed li l-Ispirtu jgħallimkom kollox, ċoè kulma jeħtieġu jkunu jafu biex iwettqu l-missjoni tagħhom. 

jfakkarkom kulma għidtilkom. L-Ispirtu assigura li t-tagħlim ta’ Ġesù jkun priservat għall-katekeżi tal-knisja (Mt.24:35). Dawn il-wegħdi mogħtija lill-appostli twettqu fl-ippritkar tagħhom u t-tlestija tad-dokumenti li flimkien jifformaw il-Patt il-Ġdid. Ikomplu jitwettqu hekk kif in-nies t’Alla jitgħallmu u jikbru permezz tal-Iskritturi ispirati. 


Ġw.14:27. is-sliem mogħti lill-fidili minn Ġesù hu r-rikonċiljazzjoni reali m’Alla, mixtrija b’demmu (At.10:36; Rum.5:1; 14:17; Ef.2:14-17; Fil.4:7; Kol.3:15). Hu l-barka pożittiva, speċjalment f’termini ta’ relazzjoni sewwa m’Alla (eż., Num.6:24-26; cf., Sal.29:11; Ħag.2:9). Huwa wkoll ir-rimedju suprem kontra kull biża’ (Ġw.14:1), u l-legat li Ġesù jħalli lill-werrieta tiegħu, gawdut imqar fil-persekuzzjoni u l-afflizzjoni li l-Kristjan jiltaqa’ magħhom (Ġw.15:18-19; 16:33). 


Ġw.14:28. kontu tifirħu. Il-partenza tal-Mulej u r-ritorn tiegħu huma neċessarji biex ilesti x-xogħol medjatorjali tiegħu (Ġw.14:3); huma t-tmiem tal-umiljazzjoni tiegħu u l-manifestazzjoni tal-glorja tiegħu. 

il-Missier hu ikbar minni. Fid-dawl tal-bqija tal-Vanġelu, impossibbli nikkonkludu li Ġesù hu Alla inferjuri għall-Missier. L-ugwaljanza u l-unità tiegħu mal-Missier huma innegabbli (Ġw.1:1; 10:30; 14:9; 20:28). 

L-Iben volontarjament satar il-glorja divina tiegħu biex isegwi l-mogħdija ta’ ubbidjenza umli lejn il-Missier (Fil.2:6-11). Mela Ġesù, billi hu l-mibgħut u ġie bħala l-Qaddej tal-Mulej, seta’ jgħid hekk bla ħabi.


Ġw.14:30. il-ħakkiem ta’ did-dinja hu Satana (Ġw.12:31). Hawn nies li ma jagħrfux lil Kristu bħala Sidhom; b’daqshekk mhumiex awtonomi. Fir-realtà qed iservu lix-xitan, avolja forsi mhumiex konxji ta’ dan il-jasar. 

fija m’għandu xejn. Satana ma seta’ jagħmel ebda klejm fuq Ġesù, jew jixlih b’xi dnub. Għaldaqstant ma setax iżommu fil-mewt. Kristu kellu jittrijonfa u jeqred lix-xitan (Ebr.2:14). Mewtu mhijiex sinjal li x-xitan rebaħ, iżda li r-rieda t’Alla kienet qed titwettaq (Ġw.14:31). 


Ġw.14:31. sabiex id-dinja tkun taf illi nħobb il-Missier. Kristu mmanjifika lil Alla (Ġw.12:28; 13:31) u ħabbu billi obda l-kmand tiegħu mqar sal-punt tal-mewt fuq salib (Fil.2:8). 


Ġw.15:1-17. L-unjoni ta’ Kristu l-Medjatur u n-nies mifdija tiegħu hi mpenġija b’diversi modi, fosthom:

1. Hu l-pedament u l-knisja hi l-bini (1 Kor.3:11; Ef.2:20-22).

2. Kristu hu r-ras u l-ġisem tal-knisja (1 Kor.6:15,19; 12:12; Ef.1:22-23; 4:15).

3. It-tnejn huma mqabbla ma’ raġel u martu (Rum.7:4; Ef.5:31-32; Riv.19:7).

4. Ġesù u niesu huma paragunati ma’ Adam u d-dixxendenti tiegħu rispettivament (Rum.5:12,18-21; 1 Kor.15:22,45,49).

5. Hawnhekk, Ġesù hu preżentat bħala d-dielja u d-dixxipli huma l-friegħi tagħha (cf., Rum.6:5). 

Il-paragun mad-dielja jindika l-unjoni organika u relazzjoni ta’ dipendenza kompluta. Billi jibqgħu mwaħħla miegħu bħala s-sors tal-ħajja, jipproduċu l-frott. Il-Missier hu l-ġardinar li jassigura illi l-friegħi jkunu għammiela (Ġw.15:2,8). Alla jistenna frott mingħand uliedu kollha bla eċċezzjoni. 

Bħal f’diversi bnadi oħra, l-vera (Ġw.15:1) tfisser ġenwina. Ġesù hu d-dielja reali u finali, paragunata ma’ Iżrael, li kien tip li antiċipa r-realtà. Iżrael issejjaħ d-dielja t’Alla jew il-vinja t’Alla (Sal.80:8-16; Ġer.2:21), iżda issa Iżrael hu ġġudikat għax ma produċiex frott, mentri Ġesù, fil-friegħi tiegħu, jipproduċi frott għall-glorja tal-Missier. 

Din hi l-aħħar dikjarazzjoni li tibda b’Jien hu f’dal-Vanġelu. 


Ġw.15:2. Kull żarġun fija li ma jipproduċix frott. Dan jirrappreżenta lin-nies li jikklejmjaw li huma ta’ Kristu però attwalment mhumiex. Mhux kull min isegwi lil Ġesù għal xi żmien hu bilfors riġenerat ġenwinament (cf., Ġw.6:66; 13:10-11). Fl-aħħar mill-aħħar il-Missier ineħħihom. 

Ebda fergħa fi Kristu ma tista’ tkun totalment bla frott. Xi ftit jew wisq niesu jipproduċu, għax il-Missier jiżbor biex il-friegħi jitqawwew u jkunu aktar għammiela. In-nuqqas ta’ frott ifisser falliment milli tkun ubbidjenti lejn Alla (cf., Sal.80; Isa.5:1; Ġer.2:21). Il-frott hu prinċipalment karattru li fil-virtujiet esibiti fih, speċjalment l-imħabba, jixbah lil ta’ Kristu; dan hu prodott fina mill-Ispirtu s-Santu (Gal.5:22-23). 

jiżbru. Fergħa miżbura, għalkemm imnaqqsa fit-tul, għandha aktar saħħa. Alla jneħħi minn ħajjet il-fidil l-affarijiet li jfixkluh milli jikber fil-maturità; ċoè jiddixxiplinah biex jinqata’ minn mad-dnub billi hu impediment li jnixxef il-ħajja spiritwali (Ebr.12:3-11). 


Ġw.15:3. nodfa minħabba l-kelma. Il-fidili huma salvati permezz tal-fidi fl-evanġelju (Ġw.3:15-16); bih Alla jaħsilhom mit-tniġġis spiritwali (Ġw.13:8-10; At.15:9; Ef.5:26). 


Ġw.15:4. lanqas intom, jekk ma tibqgħux fija. Ġesù jenfasizza l-permanenza u s-sodizza fir-relazzjoni tagħna miegħu. Il-verb “baqa’” hu mtenni għaxar darbiet fi Ġwanni 15:4-10. Biss meta l-vitalità u n-nutrijenti tad-dielja jgħaddu għall-friegħi illi l-frott hu prodott. 

Fi kliem ieħor, Ġesù qed jgħid lil niesu, “Oqogħdu attenti: qisu li tmantnu r-relazzjoni tagħkom miegħi biex jien nibqa’ ngħammar kompletament fikom” (cf., Ġw.8:31; 1 Ġw.2:6). It-teoloġija tal-patt fil-Patt il-Qadim taċċentwa din l-idea ta’ “fi,” inklużi testi profetiċi dwar patt ġdid fil-futur (ara Es.25:8; 29:45; Lev.26:11-12; Eż.37:26-28; 43:9). Ir-referenzi repetuti għall-frott turi kif inhu l-għan primarju ta’Alla fil-ħolqien (Ġw.1:11-12,22,28) u fil-fidwa (cf., Ġw.15:8,16). In-nies t’Alla huma spiritwalment għammiela: hekk hi l-istampa profetika dwarhom (Isa.27:6; Ħos.14:4-8).


Ġw.15:5. fija u jiena fih: relazzjoni ta’ unjoni u komunjoni mill-qrib. 

mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn affattu. L-inabbiltà totali tal-midneb, priv mill-grazzja, turi n-neċessità assoluta kif Kristu jrid jibda, isostni u jġib f’maturità l-esperjenza tas-salvazzjoni. Apparti minn unjoni ma’ Kristu l-bniedem ma jagħmel xejn ta’ valur etern. 


Ġw.15:6. Jekk xi ħadd ma jibqax fija (cf., Eż.15:1-8; Ebr.6:7-8). Dawk li ma jipperseverawx fil-komunjoni ma’ Kristu juru li qatt ma kellhom relazzjoni salvivika miegħu. Id-destin tagħhom hu t-telfien etern, minkejja l-apparenza għall-kuntrarju (cf., Mt.3:12; 25:41; Ġuda 7; Riv.20:14). 

In-nar hu simbolu komuni fl-Iskrittura għall-ġudizzju divin (eż., Isa.30:27; Mt.3:12; 5:22; 18:8; 25:41). Nies bla frott mhuma Kristjani xejn (Mt.7:21; Ġak.2:14,17). 


Ġw.15:7. Jekk tibqgħu fija, u kliemi jibqa’ fikom. Żewġ kondizzjonijiet huma msemmija għat-talb effettiv: tibqa’ f’Ġesù, u kliemu jibqa’ fil-fidili (biex hekk jittrasforma ħsibijiethom). Band’ oħra Ġesù jgħid li għandna nitolbu f’ismu, ċoè fi qbil mal-karattru tiegħu u għall-glorja tiegħu (Ġw.14:13-14; 16:23-24). Jekk in-nies t’Alla tabilħaqq jibqgħu f’Ġesù jkunu jixtiequ kulma jixtieq hu, u jitolbu skont kliemu, u dak it-talb jogħġob lill-Missier, u jkun onorat. Talb mismugħ jitqanqal milli tkun taf, tħobb, u titlob r-rieda tal-Missier rivelata fl-Iskrittura (1 Ġw.5:14). 


Ġw.15:8. hekk tagħtu prova li intom dixxipli tiegħi. Alla hu msebbaħ u glorifikat mhux bit-tifħir verbali biss, iżda billi wliedu jagħmlu ħafna frott għall-avvanz ta’ saltnatu fuq l-art. Il-frott hu evidenza ta’ salvazzjoni ġenwina; naturalment mhuwiex il-bażi tal-aċċettazzjoni tal-fidil quddiem Alla, iżda hu r-riżultat tal-unjoni salvivika mas-Salvatur. Il-mertu hu tiegħu, mhux tagħna. Il-fidili huma xogħlu (Ef.2:10).


Ġw.15:9. Bħalma ħabbni l-Missier. Meraviljożament, imħabbet Kristu lejn niesu hi estensjoni tal-imħabba bejn it-Trinità eterna (Ġw.17:23). 

ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Ġesù jsejjaħ lil tiegħu għal mixja ta’ intimità qaddisa u devozzjoni personali lejh. Dan hu possibbli sforz l-imħabba t’Alla lejna: 

1. Oġġettivament kienet murija bl-għotja ta’ Ibnu fuq is-salib għall-ġustifikazzjoni tal-midinbin li jemmnu fih (Rum.5:6-10): x’għamel Alla għalina.

2. Soġġettivament inġarrbu l-esperjenza ta’ mħabbtu billi jferragħha fi qlubna bl-Ispirtu s-Santu mogħti lilna (Rum.5:5): x’jagħmel Alla fina.

 Nibqgħu fl-imħabba ta’ Kristu billi mmantnu kuljum intimità spiritwali u komunjoni miegħu, u billi nobdu l-kmandamenti mgħoddija lilna, bħalma għamel hu nnifsu ma’ Missieru. 


Ġw.15:11. il-ferħ tiegħi jkun fikom. L-ubbidjenza lejn Kristu mhijiex toqol, avolja tirrekjiedi sagrifiċċju u ċ-ċediment tagħna nfusna fis-servizz (Rum.12:1-2). Għall-kuntrarju, l-ubbidjenza ġġib magħha l-feliċità u l-barka. Il-profeti hekk rawha s-sitwazzjoni: qadi bil-hena (eż., Isa.25:9; 35:10; 51:3; 61:10; 66:10; Sof.3:14-17; Żak.9:9). Inqas minn hekk mhuwiex aċċettabbli (Dt.28:47-48).


Ġw.15:14. ħbiebi. It-test finali ta’ ħbiberija ma’ Kristu hi l-ubbidjenza sinċiera u konsistenti lejh. Hemm interazzjoni meraviljuża u konfortabbli bejna u s-Salvatur li hu wkoll il-Ħallieq etern u omnipotenti tal-univers (Ġw.1:1-3,10). Fil-Patt il-Qadim, biss Abraħam (2 Kor.20:7; Isa.41:8) u b’implikazzjoni Mosè (Es.33:11) huma msejħa “ħbieb Alla.” Ġesù issa jestendi dan il-privileġġ lill-fidili ubbidjenti. 


Ġw.15:12-13. Dan hu l-kmandament tiegħi. L-imħabba hi l-ġabra tal-liġi t’Alla (Mt.22:37-40; Ġw.13:34), l-ikbar fost il-virtujiet (1 Kor.13:13), u l-ogħla dover tiegħu lejn ħutna (1 Ġw.3:23). 

jagħti ħajtu. Bħalma l-ħajja spiritwali tnixxi mill-unjoni ma’ Kristu bil-fidi f’mewtu u fir-resurrezzjoni tiegħu (Ġw.15:3-5), hekk ukoll il-ħajja spiritwali hi msawra u diretta bl-imitazzjoni ta’ Kristu fis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu għal ħaddieħor (1 Ġw.3:16-18). 


Ġw.15:15. Ma nsejħilkomx iżjed ilsiera. Id-deskrizzjoni tal-Kristjan bħala ilsir ta’ Kristu tinstema’ estrema, iżda hi xierqa (Ġw.12:26). L-appostli ma ddejqux jużawha għalihom infushom (Rum.1:1; Ġak.1:1; eċċ.). Ladarba Ġesù bid-dritt hu s-Sid, allura d-dixxipli huma servi tiegħu (Ġw.13:13). Issa ħbieb tissuġġerixxi relazzjoni intima, u l-lingwaġġ ta’ fraternità jerġa’ iżjed (Ebr.2:10-11). 


Ġw.15:16. Mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom. L-inizjattiva oriġinali, li biha l-fidili huma msejħa u maħtura għas-servizz, hi ta’ Kristu. Kieku ma għażilniex hu, ma konniex nagħżluh aħna. B’daqshekk mhux qed jgħid li ma eżerċitajniex ir-rieda; attwalment kull Kristjan jiddeċiedi biex jibda u jkompli jsegwi lil Ġesù. Iżda r-rieda divina hi suprema u tinfluwenza l-għażliet tagħna b’tali mod u manjiera li l-għażliet tagħna huma ħielsa, skont il-pjan infallibbli t’Alla. 

Ġesù jgħid appuntajtkom, li wkoll tenfasizza l-attività sovrana t’Alla eżerċitata bla ma jinnega jew jivvjola l-att uman tad-deċiżjoni. 

Il-frott hawn jiddenota t-taqdis individwali tal-Kristjan (Gal.5:22-23; Ef.5:9; Kol.1:6; Ebr.12:11; Ġak.3:18) kif ukoll l-effettività fl-evanġeliżmu (Mt.13:3-8; Ġw.4:36; 12:24; Rum.1:13). 

Hu frott ta’ kwalità, jibqa’, għax għandu riżultati b’sinifikat etern. Hu frott karatterizzat mill-imħabba għall-aħwa (Ġw.13:34; 15:12,17). Fuq kollox, meta l-Kristjan jimxi konsistentement skont is-sejħa għolja tiegħu, ikun effettiv fit-talb. Identifikat mar-rieda t’Alla, jaqla’ l-petizzjonijiet tiegħu (Ġw.14:13; Sal.66:18). 


Ġw.15:18-16:4. L-unjoni ma’ Kristu tagħmel persuna għammiela għal Alla, iżda wkoll tpoġġih f’oppożizzjoni diretta għad-dinja mitlufa, li tobgħod lil Alla u allura tobgħod lil niesu wkoll. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tad-dixxipli fl-Iżrael il-veru aljenathom minn Iżrael infidil (Ġw.16:2), u issa jistgħu biss jippretendu persekuzzjoni mill-istabbiliment reliġjuż. 


Ġw.15:18. id-dinja tobgħodkom. Il-mitlufin, fl-għama tagħhom, b’xi mod jew ieħor, xi darba jew oħra, għandhom ħabta jopponu lill-magħżulin t’Alla (Ġw.14:17). L-odju u l-antagoniżmu ma jirriżultawx għax id-dixxipli jagħmlu d-deni, iżda għax jipprattikaw is-sewwa. Mela d-dixxipli m’għandhomx ikunu sorpriżi meta l-infidili jduru kontrihom. Din hi mostra li ilha sejra mill-qedem (Ġen.4:8; Ebr.11:4; 1 Ġw.3:12).


Ġw.15:19. bagħdet lili. Ħadd mhu newtrali lejn Kristu. Dawk li jisimgħu l-evanġelju iżda għadhom mhux konvertiti jobogħduh u jirroftawh (Ġw.1:10; 3:19-20; 7:7). 

m’intomx tad-dinja. Iċ-ċittadinanza tagħhom hi fis-sema (Ġw.8:23; Fil.3:20). 

għażiltkom. Kristu għażel lill-midinbin li għandhom isalvaw, u dan jirriżulta f’bidla fin-natura u l-alleanza tagħhom. Hekk id-dixxipli ma jiffittjawx aktar mad-dinja fl-inkredulità tagħha. 


Ġw.15:20. jippersegwitaw lilkom ukoll. Sakemm id-dixxipli ta’ Ġesù jibqgħu fid-dinja jkunu mibgħuda, maħbuta u rroftati minħabba ismu. Id-dinja hi l-opponent kbir ta’ Kristu u ta’ niesu matul il-ġrajja umana. Il-fidili jeħtieġ jifhmuha illi d-dinja, inklużi organizzazzjonijiet reliġjużi u knejjes apostati, dejjem se jopponu lil Alla u l-prinċipji ta’ saltnatu (Ġak.4:4). Id-dixxipli jsofru għax huma fondamentalment differenti; ma jappartenux għad-dinja (Ġw.15:19). Il-valuri, l-istandard u d-direzzjoni tal-kredenti jinsabu f’konflitt mal-mogħdijiet inġusti tas-soċjetà korrotta. Jirrifjutaw milli jikkompromettu rwieħhom u allura jsiru l-mira tal-mibegħda tal-mitlufa.


Ġw.15:21. minħabba ismi. Hu faraġ kbir għall-fidil meta jirrealizza illi jsofri minħabba Sidu (Mt.5:10-12; 1 Pt.4:12-19). 


Ġw.15:22. ma kienx ikollhom ħtija tad-dnub – partikolarment id-dnub ta’ mibegħda lejn Ġesù u dawk li jappartienu għalih; mhuwiex dnub f’sens ġenerali (Ġw.15:24). 

m’għandhomx skuża. Il-ministeru ta’ Kristu f’Iżrael, bħall-ippritkar tal-vanġelu fost il-ġnus illum, ineħħi kull skuża. Aktar u aktar il-midinbin ma jistgħux jinħbew wara subgħajhom. 


Ġw.15:23. Min jobgħod lili jobgħod lil Missieri wkoll. Tobgħod, tagħti dahrek jew tkun indifferenti lejn Ġesù jfisser fir-realtà antagoniżmu lejn Alla wkoll. Kull min iwarrab lil Kristu impossibbli jagħti qima lil Alla, avolja jista’ jidher devot u mħeġġeġ fir-reliġjon tiegħu. 


Ġw.15:25. Il-Liġi tagħhom hi referenza ġenerali għall-Patt il-Qadim.

‘Bagħduni intortament.’ Din hi kwotazzjoni minn Salm 69, sikwit kwotat għall-profezija tiegħu dwar Kristu, li għamel biss ġid lill-umanità, iżda minkejja mħabbtu pattewlu billi daru kontrih u sallbuh. 


Ġw.15:27. għax kontu miegħi sa mill-bidu. Niftakru li Ġesù qed jindirizza lill-appostli, li servew bħala xhieda okulari tal-ġrajja ridentiva fi Kristu. Bl-operazzjoni tal-Ispirtu kellhom jipprovdu x-xhieda awtorevoli dwar il-Messija ħalli sservi bħala l-pedament għall-knisja tul il-ġenerazzjonijiet tagħha (Lq.24:48; At.1:21-22; Ef.2:20). La temmew l-appostolat tagħhom, ma fadal ebda wisa’ jew bżonn ta’ appostli aktar; ix-xhieda preżenti tal-knisja hi dipendenti fuq ix-xhieda appostolika kif rekordjata fil-Patt il-Ġdid u illuminata mill-Ispirtu tal-verità. 


Ġw.16:2. jaħseb li jkun qed joffri servizz lil Alla. Qabel ma kien salvat, Sawl ta’ Tarsu serva ta’ eżempju ta’ nies li jippersegwitaw lill-knisja, filli assuma li qed jaqdi lil Alla (At.22:4-5; 26:9-11; Gal.1:13-17; Fil.3:6; 1 Tim.1:12-17). Wara li kkonverta sar l-ippersegwitat minħabba l-mibegħda tad-dinja (2 Kor.11:22-27; cf., Stiefnu fl-Atti 7:54-8:3). 


Ġw.16:7. hu għall-vantaġġ tagħkom illi jien nitlaq. Dan għaliex sakemm Ġesù baqa’ fuq l-art, seta’ jkun f’post wieħed f’ħin wieħed, iżda l-Ispirtu s-Santu kellu jwettaq il-ministeru ta’ Ġesù mad-dinja kollha f’kull ħin. 

jekk immur se nibagħtu għandkom. L-aħbar illi Ġesù kien wasal biex jitlaq iddisturbat lid-dixxipli, però hekk kien neċessarju biex igawdu l-preżenza permanenti tal-Ispirtu s-Santu, fil-milja u l-qawwa tiegħu. 


Ġw.16:8. jikkonvinċi lid-dinja rigward id-dnub. Il-mitlufa huma esposti bħala ħlejjaq bi ħtija qudiem Alla, li għaliha m’għandhomx skuża. Frattant ħafna li bħalissa huma avversivi għal Alla jaslu għall-indiema u jemmnu fi Kristu. 


Ġw.16:9. rigward id-dnub, għax ma jemmnux fija. In-nuqqas ta’ twemmin hu dnub speċjalment serju. L-Ispirtu s-Santu jesponi d-dnub u l-inkredulità biex iqajjem kuxjenza ta’ ħtija u l-bżonn ta’ maħfra. Il-konvinzjoni tiegħu wkoll tagħmel ċar ir-riżultati waħħaxija jekk il-midinbin ħatja jippersistu fi ħżunithom. Mal-konvinzjoni l-bniedem għandu għażla. Sikwit dan iwassal għall-indiema vera u dawrien lejn Kristu bħala Sid u Salvatur (At.2:37-38). 


Ġw.16:10. għax sejjer għand il-Missier. Ġesù ma kienx se jibqa’ aktar fid-dinja biex jgħallem dwar il-ġustizzja vera, u hekk l-Ispirtu jiġi biex jissokta dik il-funzjoni, bl-illuminazzjoni (Ġw.16:13) u bi kliem il-fidili li jagħtu xhieda għall-evanġelju. Ġesù hu l-Iben ġust t’Alla, imqajjem mill-mewt, vindikat, u issa dikjarat bħala s-Sid ta’ kollox. L-Ispirtu jagħmel lin-nies konxji dwar l-istandard divin ta’ ġustizzja misjub fi Kristu, jurihom x’inhu d-dnub u jagħtihom il-qawwa biex jegħlbu s-sistema ħażina tad-dinja (At.3:12-16; 7:51-60; 17:31; 1 Pt.3:18). 


Ġw.16:11. rigward il-ġudizzju. Satana, kif ukoll l-anġli ħżiena u l-bnedmin reprobati li fuqhom jaħkem, fl-aħħar mill-aħħar għad ikunu kkundannati b’ġustizzja divina. Il-verdett diġà ngħata, u Satana sofra disfatta bis-salib tal-Kalvarju (Ġw.12:31). Alla preżentement qed jiġġudika d-dinja (Rum.1:18-32) u għad jiġġudika r-razza umana kollha fl-aħħar jum (Mt.16:27; At.17:31; 24:25; Rum.14:10; 1 Kor.6:2; 2 Kor.5:10; Ġuda 14). 


Ġw.16:12-13. Għad għandi ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom. Kristu kellu jkompli jgħallem lill-appostli wara l-qawmien tiegħu (At.1:1-3) u l-axxensjoni (Ef.3:5; 4;8-11), meta l-Ispirtu jagħtihom illuminazzjoni spiritwali ikbar (Lq.24:45). 

jiggwidakom fil-verità kollha, ċoè l-verità rivelata dwar Alla, mhux kwalunkwe tagħrif jew fatti oħra. L-Ispirtu fakkar lill-appostli u partikolarment l-awturi tal-Patt il-Ġdid dwar il-passat (l-Erba’ Vanġeli, Ġw.14:26), interpreta l-vanġelu għall-preżent (Atti u Epistoli; Ġw.14:26; 15:26), kif ukoll żvela x’għandu jiġri (Riv.1:19). 


Ġw.16:14. Hu jigglorifika lili. Ladarba l-pjan tal-fidwa jiċċentra fuq Kristu, l-Ispirtu s-Santu jikkonċentra t-tagħlim tiegħu fuqu (Ġw.15:26). 

jieħu mill-ħwejjeġ ta’ Kristu u jirrivelahom lill-fidili. Jippreżentalhom l-imħabba, il-maħfra, il-fidwa, it-taqdis, is-setgħa, id-doni spiritwali, il-fejqan, il-preżenza konfortabbli tiegħu, u kulma hu tagħna permezz tal-fidi fih, u jagħmilhom reali fl-esperjenza tagħna. 

Permezz tal-Ispirtu Ġesù jirritorna biex jgħarrafna bl-imħabba, il-grazzja, u x-xirka personali tiegħu (cf., Ġw.14:16-23). L-Ispirtu jopera fil-fidili biex iqanqal fina u jagħmilna konxji tal-preżenza ta’ Ġesù; jattira qlubna lejh b’fidi attiva, għal imħabba sinċiera lejh, ubbidjenza matura, komunjoni ħelwa, qima aċċettabbli u tifħir kostanti.


Ġw.16:16. Ftit ieħor...ftit ieħor. L-ewwel jirreferi għal-kruċifissjoni tiegħu, meta jkun meħud minnhom. Bit-tieni jitkellem dwar ir-resurrezzjoni (l-aktar probabbli), il-miġja tal-Ispirtu, jew it-tieni miġja tiegħu fl-aħħar jum. 


Ġw.16:20. n-niket tagħkom għad jinbidel f’ferħ. Nies ħżiena kellhom jifirħu bil-kruċifissjoni u l-mewt tiegħu, iżda niesu jagħlu u jitnikktu; mal-qawmien u l-axxensjoni tiegħu kellu jkun hemm bidla radikali f’dawn l-emozzjonijiet. 


Ġw.16:22. għad nerġa’ narakom. Wara l-qawmien iltaqa’ magħhom. Apparti dal-perjodu qasir ta’ xirka (At.1:1-3) Ġesù jibqa’ mad-dixxipli permanentement permezz tal-Ispirtu (Ġw.16:16-19). 

u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodulkom. Il-barka tal-fidwa ma tistax tkun kanċellata, misruqa minna, jew niċċaħdu minnha, la b’malinnità satanika u lanqas b’qawwa umana. L-għan tal-grazzja jassigura ferħ permanenti hekk kif il-fidili jgawdu s-salvazzjoni (Ġw.10:28; Fil.1:6). 


Ġw.16.23. f’dak il-jum, ċoè f’Pentekoste, meta l-Ispirtu s-Santu tferra’ (At.2:1-13). Din hi wkoll referenza għall-aħħar jiem, inawgurati wara l-qawmien ta’ Kristu u l-miġja tal-Ispirtu (At.2:17; 2 Tim.3:1; Ebr.1:2; Ġak.5:3; 2 Pt.3:3; 1 Ġw.2:18). 


Ġw.16:24. il-ferħ tagħkom ikun mimli. L-hena tal-fidili hi marbuta ma’ talb imwieġeb u provdiment sħiħ ta’ barkiet smewwitija, konsistenti mal-għan ta’ Sidhom tul ħajjithom. 


Ġw.16:25. nannunzjalkom apertament. Il-Patt il-Ġdid kellu jġib miegħu ċarezza ikbar ta’ verità mill-Patt il-Qadim.


Ġw.16:26. ma ngħidilkomx illi jien se nirrikjesta lill-Missier għalikom. Mhux għax se jieqaf jitlob għad-dixxipli (Rum.8:34; Ebr.7:25; 1 Ġw.2:1), imma d-dixxipli se jkunu laħqu livell ta’ maturità fit-talb, hekk li ma jkollux għalfejn jitlob minflokhom. Fuq kollox se jkollhom aċċess personali għall-Missier (Ef.2:18). 


Ġw.16:27. il-Missier innifsu jħobbkom. It-tliet persuni fit-Trinità huma uniti fi mħabbithom għall-fidili (Ġw.3:16), li jirreaġixxu b’fidi u mħabba lejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier iħobb in-nies kollha, iżda hi verità sublimi illi jeżerċita mħabba speċjali u filjali lejn il-fidili li huma rikonċiljati miegħu b’Ibnu, u jibqgħu leali lejh filwaqt li jissaportu l-provi fid-dinja (Ġw.16:33). L-affezzjoni tagħna lejn Ġesù tqanqal l-affezzjoni tal-Missier lejna, għax il-Missier iħobb partikolarment lil min iħobb lil Ibnu. L-imħabba twieġeb għall-imħabba.

Dan hu eżempju ieħor tal-imħabba t’Alla bbażata fuq l-għaxqa tiegħu f’ubbidjenza għall-kmandamenti tiegħu (Ġw.14:21), mhux l-imħabba ta’ grazzja ħielsa li tiġi qabel l-imħabba tagħna lejn Kristu (Ġw.3:16). 


Ġw.16:30. nafu illi int taf kollox. Ladarba Alla waħdu hu omnixjenti, id-dixxipli hawn indirettament qed jistqarru d-divinità ta’ Ġesù.


Ġw.16:32. titferrxu. Għalkemm verament emmnu fih, minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni (Ġw.10:12) kellhom jabbandunawh fil-mument tal-kriżi (Ġw.13:38), kif bassret l-Iskrittura (Żak.13:7). 


Ġw.16:33. jien għelibt id-dinja. Id-dixxipli jissaportu l-persekuzzjoni minħabba l-vittorja ta’ Sidhom fuq is-sistema satanika msejħa d-dinja (Ġw.12:31; 1 Kor.15:57). Irrenda l-oppożizzjoni tagħha nulla u vojta. Filwaqt li l-infidili jibqgħu jattakkaw lil niesu, it-tali assalti ma jħallux ħsara, għax ir-rebħa ta’ Kristu hi diġà miksuba bis-salib (Rum.8:35-39). 


Ġw.17:1. refa’ għajnejh hi mossa ta’ riverenza lejn Alla. 

ġiet is-siegħa: il-ħin l-iktar kruċjali fl-istorja umana kollha, il-klajmaks tax-xogħol ta’ Kristu.

Igglorifika ’l Ibnek, sabiex l-Iben jigglorifika lilek. Il-ħajja perfetta tal-Iben fl-inkarnazzjoni tagħti sebħ u ġieħ lil Alla. L-Iben hu glorifikat fil-kruċifissjoni, il-qawmien u l-inkurunazzjoni tiegħu fuq il-lemnija t’Alla. Dawn l-avvenimenti jifformaw unità f’dal-Vanġelu (Ġw.12:23; 13:31). 


Ġw.17:2. awtorità fuq l-umanità kollha. Kristu hu l-medjatur ta’ saltnet Alla (Mt.28:18; Ġw.3:35; 5:22-23).

lil kull min tajt lilu jagħtihom il-ħajja eterna. Alla għażel nies mill-eternità biex jingħataw lil Kristu bħala l-għarusa tiegħu. Id-dottrina tal-predestinazzjoni hi preżentata b’diversi modi matul il-Patt il-Ġdid (eż., Ġw.15:16,19; At.13:48; Rum.8:29-33; Ef.1:3-6; 2 Tes.2:13; Titu 1:1; 1 Pt.1:2). 


Ġw.17:3. din hi l-ħajja eterna. Il-ħajja reali tikkonsisti f’xirka m’Alla li ħalaqna għalih innifsu, sabiex insibu t-twettiq u l-milja tagħna fih. Il-ħajja eterna hi wisq iżjed minn eżistenza bla tmiem. Hi kwalità speċjali ta’ ħajja illi l-fidili jirċievu meta jieħdu sehem mill-ħajja essenzjali t’Alla permezz ta’ Kristu. 

Il-ħajja eterna hi:

1. Realtà preżenti (Ġw.5:24; 10:27-28). Il-possediment preżenti tal-ħajja eterna jirrekjiedi fidi ġenwina. Il-ħajja eterna la niksbuha u lanqas immantnuha b’att wieħed sempliċi ta’ ndiema u fidi li ġara fil-passat. Tinvolvi wkoll unjoni ħajja preżenti kif ukoll komunjoni ma’ Kristu (1 Ġw.5:11-13); apparti minnu ebda bniedem m’għandu l-ħajja eterna (Ġw.10:27-28; 11:25-26). 

2. Tama futura. Il-ħajja eterna hi assoċjata mal-avvent ta’ Kristu għall-fidili tiegħu (Ġw.14:3; Mk.10:30; 2 Tim.1:10; Titu 1:2; 3:7). Hi kontinġenti fuq l-għejxien bil-fidi, mantnut mill-Ispirtu s-Santu (Rum.8:12-17; Gal.6:8), u tilħaq it-twettiq sħiħ tagħha fl-eternità.

illi jkunu jafu lilek. Essenzjalment, dan jintroduċina f’qagħda illi fiha nkunu nafu lil Alla Trinità f’tagħrif dejjem jitwessa’ u xirka qaddisa miegħu. It-tagħrif mhuwiex biss fehma intellettwali; jinvolvi l-affezzjoni u l-impenn tar-rieda wkoll. Ġesù u l-Missier flimkien huma s-sors tal-ħajja eterna, imwassla lilna permezz tal-Ispirtu. Hekk Ġesù qed jafferma d-divinità tiegħu stess. 

l-uniku Alla veru. Ma jfissirx illi l-Messija mhuwiex divin. Ġesù wkoll hu Alla (Ġw.1:1; 20:28), u ħaġa waħda mal-Missier (Ġw.10:30). Il-Missier hu unikament Alla f’kuntrast għall-allat foloz fir-reliġjonijiet l-oħra (Ġer.10:10-11; 1 Ġw.5:20-21). 


Ġw.17:4. temmejt ix-xogħol. Is-salib tant hu fatt deċiż fil-ħsieb ta’ Kristu, bħalma hu fid-digriet etern t’Alla, illi hawn jantiċipa l-għajta trijonfanti tiegħu fuq il-Kalvarju, “Kollox mitmum” (Ġw.19:30). 


Ġw.17:5. miegħek innifsek. Ġesù jħares lil hinn mis-salib u jantiċipa r-ritorn tiegħu fil-glorja, li kellu ma’ Missieru mill-eternità.


Ġw.17:5. qabel ma kienet id-dinja. Ġesù jafferma bħala parti mill-petizzjoni tiegħu illi l-glorja tiegħu eżistiet minn qabel il-ħolqien, u allura hu preeżistenti u mhuwiex maħluq (Ġw.8:58). 


Ġw.17:6. Immanifestajt ismek. Hawnhekk l-isem jiddenota Alla fil-ġmiel tal-perfezzjoni tiegħu kif rivelat lill-umanità. 

Tiegħek kienu, u int tajthom lili. Kollox u kulħadd jappartieni għal Alla għax hu l-oriġinatur ta’ kull eżistenza, iżda hawn Ġesù qed jitkellem dwar pussess bil-fidwa. Alla ta l-magħżulin lir-Redentur (cf., Ebr.2:10-13). 


Ġw.17:7-8. emmnu illi int bgħattni. Bil-fidi salvivika wieħed jirċievi lil Kristu bħala l-Maħtur minn Alla biex isalva lill-midinbin u jagħtihom il-ħajja eterna, kif stqarr Pietru (Ġw.6:68-69). 


Ġw.17:9. ma nirrikjestax għad-dinja. Bħala Sultan Kristu jaħkem fuq l-umanità kollha (Ġw.17:2); bħala Profeta jsejjaħ lin-nies kollha biex jisimgħu l-vanġelu bil-fidi (Ġw.7:37); bħala Qassis jitlob esklussivament għall-knisja tal-magħżulin t’Alla (Rum.8:33-34), għax huma partikolarment fdati lilu mill-Missier għas-salvazzjoni.

Il-mewta sostituzzjonarja ta’ Kristu seħħet għall-benefiċċju tal-maħturin, dawk li l-Missier tahom lill-Iben biex isalvahom (Ġw.10:14-15,27-29). Minn hawn nifhmu, mela, illi Ġesù miet speċifikament bl-intenzjoni biex isalva lil niesu, u mhux oħrajn. It-talba tiegħu tillimita min għandhom ikunu l-benefiċjarji ta’ mewtu. F’kuntesti oħrajn, fejn l-għan tal-offerta ta’ Ġesù mhuwiex fil-kwestjoni, Ġesù jitlob għall-għedewwa tiegħu, bħalma wkoll messna nagħmlu aħna (Mt.5:44; Lq.23:34). 


Ġw.17:10. kull ħaġa tiegħi hi tiegħek. Il-fidili jappartienu għal Alla (Titu 2:14). Kliem Kristu jagħti prova tal-ugwaljanza tiegħu mal-Missier; it-tnejn jixxerjaw awtorità u pussess divin (Ġw.5:20). 


Ġw.17:11. m’iniex iżjed fid-dinja. Mewtu u t-tluq tiegħu lura fis-smewwiet kienu tant ċerti illi Ġesù hawn jitkellem dwarhom bħallikieku huma fatti li diġà seħħu (cf., Ġw.17:4).

Missier qaddis hu titlu t’Alla misjub hawn biss fl-Iskrittura. Jappella għall-maestà suprema u l-imħabba kumpassjonali tiegħu (Sal.68:5). 

żommhom f’ismek, ċoè ppriżervahom fil-fidi bir-rivelazzjoni tal-vanġelu dwar min hu tabilħaqq Alla. 

sabiex ikunu wieħed bħalma aħna wieħed. L-unità tal-persuni fit-Trinità hi l-mudell suprem għall-għaqda bejn il-fidili minħabba l-unjoni tagħhom ma’ Kristu (Ġw.14:10). Teżisti unità ta’ għan u essenza fil-knisja inviżibbli, il-ġisem ta’ Kristu. 

Din l-unità perfetta (Ef.4:12-16) għandha tkun manifestata f’jum Kristu, u diġà tifforma u ssawwar in-nies t’Alla biex id-dinja temmen (Ġw.17:21). Unità organizzata ma tistax tieħu post l-unità spiritwali, għalkemm diviżjonijiet u separazzjonijiet ta’ denominazzjonijiet indubjament iħallu xhieda negattiva (1 Kor.1:10-13; 12:25; Gal.5:20). 


Ġw.17:12. żammejthom f’ismek. Ġesù pproteġa lill-fidili tiegħu u żammhom sikuri mill-periklu tad-dinja (cf., Ġw.6:37-40,44; 18:1-11). Huma sikuri għal dejjem għax huma mħarsin mis-Salvatur tagħhom (Ġw.10:28-29). 

bin it-telfien. B’lingwaġġ mill-iktar qawwi Ġesù jirreferi għal Ġuda bħala eternament mitluf (cf., Mt.7:13; At.8:20; Rum.9:22; Fil.1:28; 3:19; 1 Tim.6:9; Ebr.10:39; 2 Pt.2:1; 3:7; Riv.17:8,11). Ġuda ntilef mhux għax falla Ġesù, iżda ħtija tiegħu stess, kif imbassar minn qabel fl-Iskrittura skont id-digriet tar-reprobazzjoni (Sal.41:9; 109:8; cf., Ġw.13:18). 


Ġw.17:14. mhumiex mid-dinja. It-twelid mill-ġdid jimplika firda fl-umanità: dawk f’saltnet Alla u dawk barra minnha. Il-fidili jkomplu jgħixu fid-dinja, iżda ma jifformawx parti mis-sistema antikristjana tagħha (Ġw.17:16). 


Ġw.17:15. ma nirrikjestax illi tneħħihom mid-dinja. Hu neċessarju illi d-dixxipli jitħalltu man-nies mitlufa biex jirbħuhom bl-evanġelju, filwaqt li jżommu lilhom infushom separata mit-tniġġis morali. Kristu ma jixtieqx illi niesu jirtiraw għalihom biex jgħixu maqtugħa mis-soċjetà, f’monasteri u kunventi (1 Kor.5:9-10). 

żżommhom mill-Ħażin. Sinifikanti kif Ġesù ma jitlobx biex niskansaw it-tbatijiet jew sfortuni, iżda aktarx biex inkunu mħarsa mill-assalti tax-xitan u l-forzi ħajjiena tiegħu (Mt.6:13; 1 Ġw.2:13-14; 3:12; 5:18-19). Mhux gwaj fiżiku jew soċjali li jmessu jiffastidjana, iżda l-ħażen u l-korruzzjoni morali, għax ix-xitan jipprova jeqridna (1 Pt.5:8), bħalma għamel b’Ġobb, David u Pietru (Lq.22:31-32), u b’mod inġenerali (Ef.6:12). Frattant Alla jibqa’ l-protettur omnipotenti tal-fidili (Ġw.12:31; 16:11; cf., Sal.27:1-3; 2 Kor.4:4; Ġuda 24-25). 


Ġw.17:16. Mhumiex mid-dinja, għax Alla bil-grazzja tiegħu ħadhom ’il barra mid-dominju ta’ Satana u issa jappartienu għas-saltna smewwitija, bħal Kristu (Ġw.8:23; 15:19). 


Ġw.17:17. Qaddishom bil-verità. Għal darb’ oħra Ġesù ma jitlobx biex kollox jiġina ward u żahar, jew biex ma jkun jonqosna xejn materjalment. Jitlob għat-taqdis, għax dan hu l-għan finali u l-aktar importanti għal kull dixxiplu. Jixtieq fuq kollox li niesu jkunu jixbhuh. 

Il-verità hi l-mezz li bih nottienu t-taqdis progressivament. L-iżball u l-qerq huma l-ingredjenti għall-ħażen, mentri l-verità hi bażika għat-tjieba. 

kelmtek hi l-verità. Għal Ġesù l-Patt il-Qadim kollu hu l-pura verità li Alla żvela lill-bnedmin. Dawn id-dokumenti kienu fil-pussess tad-dixxipli u Ġesù riedhom jistudjawhom u jfasslu twemminhom skont il-kontenut tagħhom. Jerġa’, il-verità tinkludi t-tagħlim ta’ Ġesù nnifsu, imsejħa kelmet Alla (Ġw.17:14), u maż-żmien ġiet tinkludi l-kotba tal-Patt il-Ġdid (Ġw.17:20; Lq.8:11-15,21; 11:28; At.4:31; 6:7; 8:14,25; 1 Tes.2:13). Din hi attestazzjoni qawwija ta-awtorità u l-oriġni divina tal-Iskrittura. 


Ġw.17:18. Bħalma bgħatt lili fid-dinja, jien ukoll bgħatt lilhom fid-dinja (cf., Ġw.20:21). Ġesù hu l-mudell suprem u l-ispirazzjoni ewlenija għall-missjonijiet. Kull Kristjan hu kostitwit misssjonarju (mil-Latin missio, missjoni), mibgħut biex jagħti xhieda dwar Sidu u Salvatur, biex jilħaq lill-mitlufa u jwassalhom għand Kristu.


Ġw.17:19. inqaddes lili nnifsi. Ġesù, perfett u kkonsagrat f’kull sens, m’għandux bżonn miljorament (Ebr.7:26-27). Bħala l-qassis il-kbir jiddedika lilu nnifsu (Es.28:41) għall-missjoni qaddisa tiegħu, speċjalment biex joffri s-sagrifiċċju suprem għall-maħfra tal-midinbin, sabiex huma wkoll ikunu sseparati mid-dinja u mqaddsa, ċoè mwarrba u kkonsagrati, għal Alla (Ebr.13:12). 


Ġw.17:20-26. nirrikjesta. L-ewwel, Kristu talab għalih innifsu u l-missjoni tiegħu (Ġw.17:1-5), imbagħad talab għad-dixxipli preżenti quddiemu (Ġw.17:6-19), u issa jitlob għall-konvertiti kollha permezz tax-xhieda appostolika. 


Ġw.17:20. għal dawk li għad jemmnu fija. M’għandniex permess nitolbu għall-mejtin, iżda ċertament nistgħu nitolbu għal nies li għadhom ma twildux, bħalma jagħmel hawn Ġesù nnifsu. Jaf li permezz tal-appostli u x-xandir tagħhom ħafna se jersqu lejh. Kull Kristjan jista’ jkun assigurat li hu inkluż f’dit-talba. 


Ġw.17:21. L-unità li għaliha talab Ġesù mhijiex unità fl-organizzazzjoni iżda unità spiritwali msejsa fuq: 

1. Għejxien fi Kristu (Ġw.17:23).

2. L-għarfien u l-esperjenza tal-imħabba tal-Missier u x-xirka ma’ Kristu (Ġw.17:26).

3. Separazzjoni mid-dinja u l-korruzzjoni tagħha (Ġw.17:17,19).

4. Ir-riċeviment u t-twemmin fil-verità tal-Kelma (Ġw.17:6,8,17). 

5. Ubbidjenza fidila għall-Iskrittura (Ġw.17:6).

6. Ix-xewqa biex tinġieb is-salvazzjoni lill-mitlufa (Ġw.17:21,23). 

Meta kwalunkwe wieħed minn dawn il-fatturi huma nieqsa, l-unità vera li għaliha talab Ġesù ma tistax teżisti, jew inkella tkun unità inferjuri u difettuża. 

Ġesù ma jitlobx biex is-segwaċi tiegħu “isiru wieħed,” iżda aktarx sabiex ikunu lkoll ħaġa waħda. Hemm azzjoni għaddejja l-ħin kollu: kontinwament ikunu ħaġa waħda. Hi unità bbażata fuq ir-relazzjoni komuni tagħhom mal-Missier u l-Iben, u filli għandhom l-istess attitudni bażika lejn id-dinja, il-kelma, u l-ħtieġa li jintlaħqu l-mitlufa (cf., 1 Ġw.1:7). 

Meta jsiru tentattivi biex tinħoloq unità artifiċjali b’kungressi, konferenzi, organizzazzjoni kumplessa jew tentattivi ekumeniċi, jistgħu jirriżultaw fi tradiment ta’ din l-istess unità li għaliha talab Ġesù. Is-Salvatur għandu f’qalbu wisq iżjed minn laqgħat kosmetiċi għall-għaqda; irid unità spiritwali fil-qalb, l-għan, il-ħsieb u r-rieda f’dawk in-nies li huma devoti lejh, lejn Kelmtu u l-qdusija ta’ Missieru (Ef.4:3). 

sabiex id-dinja temmen illi int bgħattni. Dit-talba għall-unità mhix sempliċement għal unità spiritwali jew inviżibbli (avolja din hi aktar importanti), iżda wkoll għall-għaqda viżibbli, li tħalli impatt fuq l-infidili hekk li ħafna minnhom jaraw lil Ġesù attraenti u jafdaw fih. 


Ġw.17:22. l-glorja li tajtni. F’dan il-każ il-glorja ta’ Kristu kienet il-ħajja ta’ servizz u l-mewta tiegħu fuq is-salib biex jifdi lill-bnedmin. B’mod simili, il-glorja tal-fidili hi l-mogħdija ta’ qadi umli u l-ġarr tas-salib. L-umiltà, iċ-ċaħda tagħna nfusna u d-dispożizzjoni tagħna biex inbatu minħabba Sidna tassigura l-unità vera tal-fidili u twassalhom għall-glorja vera. 


Ġw.17:23. ħalli jkunu pperfezzjonati f’ħaġa waħda, ċoè jkunu miġjuba flimkien fl-istess ħajja spiritwali dwar il-verità salvivika. It-talba, ovvjament, hi onorata bir-realtà tal-magħmudija tal-Ispirtu (1 Kor.12:12-13), li biha l-knisja hi waħda (Ef.2:14-22). Din l-unità organika u spiritwali jeħtieġ tkun murija viżibbilment fil-ħajja komunitarja ta’ kull knisja lokali (1 Kor.1:10-17). 


Ġw.17:24. sabiex jaraw il-glorja tiegħi. Ġesù jixtieq illi niesu kollha għad ikunu miġbura fil-glorja eterna fejn is-sebħ tiegħu hu manifestat (Ġw.17:5). Ċertament it-talba qed tiġi mismugħa. Il-fidili mhux biss se jaraw il-maestà u l-manjifiċenza ta’ Sidhom, iżda jixxerjaw fih (Fil.3:20-21; 1 Ġw.3:2). Fil-frattemp nipparteċipaw fil-glorja tiegħu spiritwalment (2 Kor.3:18). Li nkunu ma’ Sidna hi x-xewqa suprema ta’ kull Kristjan (Fil.1:23; 1 Tes.4:17). 


Ġw.17:25-26. Missier ġust hu titlu uniku ieħor t’Alla (Ġw.17:11). Jenfasizza d-differena kbira bejnu u d-dinja ħażina li ma tafux. 

se nkompli ngħarrfu. Kristu jissokta l-ministeru tiegħu bħala l-Profeta tal-knisja permezz tal-Ispirtu (Ġw.16:12-13). 

l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom, u jien fihom. Dawn il-versi huma sommarju tat-talba sħiħa, fejn hu mwiegħed li Kristu jibqa’ jgħammar fil-fidili, u jimmanifestalhom imħabbtu (cf., Rum.5:5). Il-verità tal-vanġelu timmira biex iġġib in-nies f’xirka m’Alla u fl-imħabba xxerjata fit-Trinità. 


Ġw.18:1-3. Ġesù jmur il-Getsemani (ara l-passi paralleli f’Mt.26:36-50, Mk.14:32-46 u Lq.22:39-49).


Ġw.18:4-11. Tradiment u vjolenza (ara l-passi paralleli f’Mt.26:51-56, Mk.14:47-50 u Lq.22:50-53).


Ġw.18:4. billi kien jaf il-ħwejjeġ kollha li kienu ġejjin fuqu. Ġesù kien lest illi jkun arrestat. M’għamel ebda tentattiv biex jaħrab mill-missjoni li għaliha ġie fid-dinja (ara wkoll Ġw.18:7,11). Kunfidenti mill-kontroll sovran t’Alla, jagħti lilu nnifsu lill-opponenti.


Ġw.18:5-7. Jien hu. Jista’ jkun li t-tweġiba hi identifikazzjoni sempliċi, iżda probabbli r-rispons ta’ Ġesù apposta jaqbel perfettament ma’ isem solenni t’Alla – Jaħwè (Jien hu) – użat fit-traduzzjoni Griega tal-Patt il-Qadim fl-Esodu 3:14. Dan hu konfermat mir-reazzjoni rekordjata tas-suldati illi jaqgħu mal-art. Ir-rivelazzjoni divini tbaxxi lill-bniedem (Eż.1:28; 44:4; Dan.2:46; 8:18; 10:9; At.9:4; 22:7; 26:14; Riv.1:17; 19:10; 22:8). 


Ġw.18:8-9. Minn dawk li tajtni ma tlift lil ebda wieħed minnhom (Ġw.6:39; 10:28; 17:12). Hawnhekk ir-ragħaj volontarjament jagħżel il-mewt għalih innifsu biex isalva l-ħajja tan-nagħaġ tiegħu (cf., Ġw.10:11,15,17-18,28). Il-priżervazzjoni fiżika tagħhom tissimbolizza l-protezzjoni spiritwali tagħhom mis-Salvatur. 


Ġw.18:11. Qiegħed is-sejf fl-għant. Ġesù jċanfar lil Pietru għax ġie deliberattivament biex jagħti ħajtu bħala fidwa għal ħafna nies, u allura mhuwiex lant illi xi ħadd itellfu minn dil-missjoni. Id-difiża tagħna nfusna jew ir-reżistenza ċivili mhijiex inkwistjoni hawnhekk. 

mhux se nixrobha t-tazza li tani l-Missier? Metaforikament it-tazza tirreferi għall-inbid tal-għadab t’Alla kontra d-dnub (Sal.75:8; Isa.51:17; Ġer.25:15-17,27-29; 40:12; Riv.14:10; 16:19). Ma jfissirx biss il-mewt fiżika, iżda d-dispjaċir divin kontra l-ħażen (cf., Mt.20:22; Mk.10:38). Il-korla divina ġarrabha hu; ta lilu nnifsu bħala sagrifiċċju ta’ sostituzzjoni bi tpattija għad-dnubiet ta’ niesu (Rum.3:25; Ebr.2:17; 1 Ġw.2:2; 4:10). 


Ġw.18:12-14. Ġesù quddiem Anna (ara l-passi paralleli f’Mt.26:57-58, Mk.14:53-54 u Lq.22:54).

Anna kien is-sommu saċerdot mis-sena 6-15 w.K. u mbagħad tneħħa mill-kariga. Xorta waħda baqa’ jeżerċita ċerta influwenza. 


Ġw.18:12. l-kmandant (bil-Grieg, chiliarkos) kien fizzjal, kiljarka jew uffiċjal militari għoli ġeneralment inkarigat minn sitt mitt sa elf suldat. Jissemma wkoll fir-Rivelazzjoni 19:18.


Ġw.18:15-18. Pietru jiċħad lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:69-70, Mk.14:66-68; Lq.22:55-57). 


Ġw.18:19-24. Anna jinterroga ’l Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:59-66, Mk.14:55-64 u Lq.22:66-71). 


Ġw.18:20. ma tkellimt xejn bil-moħbi (cf., Isa.45:19; 48:16). Ġesù sikwit kellem lid-dixxipli privatament, iżda l-messaġġ kien l-istess bħal fil-pubbliku; ma kienx ħati ta’ xi kospirazzjoni. Għallem fis-sinagoga (cf., Ġw.6:59), fit-tempju (Ġw.2:14-21; 7:14,28; 8:20; 10:23), fid-djar, fl-apert, u bnadi oħra. 


Ġw.18:23. imma jekk tajjeb, għaliex tidrobni? Meta kien sfidat inkwantu t-tweġiba tiegħu lill-qassis il-kbir, Ġesù jalludi għal-liġi fl-Esodu 22:28, u jiċħad illi kisirha. Id-difiża tagħna nfusna, skont il-verità, hi ġusta u sewwa. 


Ġw.18:25-26. Pietru jerġa’ jigdeb (ara l-passi paralleli f’Mt.26:71-75, Mk.14:69-72 u Lq.22:58-62). Il-mistoqsija ġiet mingħand qarib tar-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu (Ġw.18:10), allura Pietru aktar u aktar ħass il-periklu li kien fih. 


Ġw.18:28-32. Ġesù jittieħed fil-pretorju (ara l-passi paralleli f’Mt.27:1-2,11-14, Mk.15:1-5 u Lq.23:1-5). 

Il-ġuri quddiem Kajfa tlesta, u l-ġuri quddiem Pilatu kellu jibda kmieni l-għada filgħodu.


Ġw.18:28. ma daħlux fil-pretorju, sabiex ma jitniġġsux. Skont il-liġi orali tal-Lhud, jekk jidħlu għamara ta’ xi ħadd pagan isiru ċerimonjalment imniġġsa. X’ironija! U x’ipokrisija! Il-mexxejja reliġjużi huma skruplużi dwar kustjoni ta’ safa ċerimonjali, mentri qalbhom hi mimlija mibegħda u għira kontra Ġesù filli riedu jiġġustizzjawh. 


Ġw.18:31. Ħuduh intom infushom u ġġudikawh skont il-liġi tagħkom. Il-Lhud ma ressqu ebda akkuża li setgħet tkun rikonoxxuta f’qorti Rumana, u wisq inqas xilja li ddomandat il-piena kapitali. Pilatu offra illi ladarba ma kinux lesti jispeċifikaw, mela allura l-każ ma jaqax f’idejh u ma setgħux jippretendu li jippresiedi l-proċess. Il-mexxejja reliġjużi, però, ma kinux sodisfatti, għax kienu jafu li ma setgħu jiġġustizzjaw lil ħadd, għalkemm mhux dejjem kienu ubbidjenti għal-liġi Rumana (cf., At.7:57-60). 


Ġw.18:32. indika b’liema tip ta’ mewt kellu jmut. It-tħaġġir kien il-metodu Lhudi biex tingħata l-piena kapitali (cf., At.7:59). It-tgħalliq u t-tislib kienu wżati mir-Rumani. Dan juri l-kontroll divin tal-proċedura kollha, avolja kienet immarkata b’inġustizzja lampanti (ara wkoll Ġw.3:14; 8:28; 12:32-34). 


Ġw.18:33-38. Ġesù jixhed dwar saltnatu (ara l-passi paralleli f’Mt.27:11-14, Mk.15:1-5 u Lq.23:1-5).


Ġw.18:33. Int is-sultan tal-Lhud? Ma kienx sultan politiku, fis-sens li ma ppromwova ebda ribelljoni jew rewwixta kontra Ruma, kif xlewh il-mexxejja Lhud (Lq.23:2), iżda kien is-sultan tal-Lhud fis-sens messjaniku (Mt.2:2; Lq.1:32-33; 19:38; Ġw.12:13). Pilatu xtaq jiddetermina jekk Ġesù kienx jikkostitwixxi theddida għall-poter imperjali Ruman. 


Ġw.18:36. Saltnati mhix minn did-dinja. Ġesù ċertament hu sultan – hu saħansitra s-Sultan tas-slaten – iżda ma jistabbilixxix u lanqas jestendi saltnatu bil-forza. Hi saltna spiritwali: bil-grazzja r-ruħ umana tirrikonoxxih bħala Sid hekk li tobdih bil-ferħ u gratitudni. Hi l-promozzjoni tal-ġustizzja, sliem u ferħ fl-Ispirtu s-Santu (Rum.14:17). Id-deskrizzjoni ta’ Ġesù dwar saltnatu tidwi passaġġi simili f’Danjel 2:44 u 7:14,27. 


Ġw.18:37. sabiex nixhed għall-verità. Il-mistoqsija ta’ Pilatu tirċievi t-tweġiba meraviljuża ta’ Ġesù, li s-saltna u l-missjoni tiegħu huma msejsa fuq il-verità (Ġw.1:8,14,17; 8:32; 14:6). Parti essenzjali mill-missjoni ta’ Ġesù kienet illi jwasslilna l-verità mingħand Alla u jmexxi lin-nies lejha, ċoè ix-xhieda inkarnata tiegħu għall-Missier u l-verità rivelata tal-vanġelu, issa rekordjat fl-Iskrittura. 

Stramba kif illum ħafna jikkompromettu l-verità u d-dottrina ortodossa, joskuraw it-tifsira ċara tal-Iskrittura u jippromwovu l-aġenda personali tagħhom bi spejjeż tal-fidi biblika. Qatt m’għandna nirrifjutaw milli niġbdu distinzjonijiet ċari bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-verità u l-errur, altrimenti nkunu qed niċħdu għan wieħed prinċipali għala Ġesù għammar fostna. Il-verità tar-rivelazzjoni t’Alla hi l-ġojjell li l-knejjes qatt m’għandhom jissagrifikaw (cf., Ġw.17:8,17; 2 Tes.2:10). 


Ġw.18:38-40. Barabba, ribell u ħati ta’ diversi reati, inkluż l-omiċidju (Mk.15:7) hu preferut minn Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.27:15-18, Mk.15:6-11 u Lq.23:17-21). 


Ġw.18:38. X’inhi l-verità? Ironikament, il-persuna inkarigata biex tiddetermina x’inhi l-verità twarrab ir-rilevanza tal-verità fil-preżenza ta’ wieħed li hu l-verità inkarnata (Ġw.14:6). Apparentement Pilatu jiddeċiedi li Ġesù hu għalliem ta’ kwestjonijiet filosofiċi astratti li għalihom ħadd ma jista’ jsib tweġiba adegwata, u allura jaqtagħha li Ġesù mhu ebda minaċċa għall-gvern Ruman. Ma jistenna għal ebda tweġiba mingħand l-uniku wieħed li seta’ jagħtih it-tweġiba. 


Ġw.19:1-4. Is-suldati jżebilħu ’l Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.27:27-31 u Mk.15:16-20). 


Ġw.19:5. Araw il-bniedem! Mod naturali għal Pilatu biex jintroduċi lill-akkużat, bħala bniedem ġwejjed u bla ħsara, iżda providenzjalment hi dikjarazzjoni sinifikanti. Ġesù hu l-aħħar Adam, li jiġbor fih kulma l-umanità tista’ u jmissha tkun.


Ġw.19:7. Aħna għandna liġi. Probabbilment il-liġi f’moħħhom kienet: “Min jidgħi b’isem il-Mulej jagħtuh il-mewt” (Lev.24:16). Din l-akkuża (Ġw.5:18; 8:58-59; 10:33,36) kienet ċentrali fil-proċess ta’ Ġesù quddiem Qajfa (Mt.26:57-68). 


Ġw.19:8. aktar beża’. Ħafna Rumani kienu superstizzjużi. Quddiem Pilatu, Ġesù sar wieħed minn dawk il-bnedmin divini mogħnija b’qawwa sopranaturali. Beża’ għax mhux biss flaġellah iżda seta’ jġib vendetta u saħta fuqu nnifsu. 


Ġw.19:11. Ma kien ikollok ebda poter fuqi. Ġesù jagħraf illi l-pjan sovran t’Alla jinkludi mqar il-ħażen tal-akkużaturi tiegħu u l-kodardja ta’ Pilatu (cf., At.2:23; 4:28). Pilatu jibqa’ aġent morali, responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu, bħall-bnedmin kollha. Meta konfrontat bl-oppożizzjoni u l-ħażen, Ġesù sikwit sab faraġ fis-sovranità ta’ Missieru (eż., Ġw.6:43-44,65; 10:18,28-29). 

Probabbilment Kajfa hu dak li għandu dnub ikbar (Ġw.18:24,28). L-implikazzjoni hi li hemm dnubiet ta’ gravità inqas jew ikbar minn oħrajn (cf., Lev.4:2,13; 5:17; Num.15:30; Eż.8:6,13; Mt.5:19; 23:23). 


Ġw.19:14-16. madwar is-sitt siegħa, ċoè s-sitta ta’ filgħodu, skont il-ħin Ruman. Il-kruċifissjoni saret fid-disgħa (Mk.15:25,33), id-dalma ġrat minn nofsinhar ’il quddiem, Ġesù miet fit-tlieta, u ndifen ftit qabel is-sitta ta’ flgħaxija. 

Araw is-sultan tagħkom. Pilatu jitmaħsar bihom: jippreżenta quddiemhom raġel brutalizzat u dgħajjef bħala sultan denju għalihom. Iċ-ċajta komplieha bit-tabella fuq is-salib (19:19-22). 

M’għandniex sultan ħlief lil Ċesri. Bit-tali dikjarazzjoni, il-mexxejja Lhud jittradixxu l-wirt nazzjonali tagħhom (li fih Alla nnifsu hu s-Sultan suprem u finali tagħhom; cf., Imħ.8:23; 1 Sam.8:7) u jiċħdu l-mistennijiet messjaniċi msejsa fuq il-wegħdi tal-Iskrittura. 


Ġw.19:17-22. Isallbu lis-Sultan (ara l-passi paralleli f’Mt.27:32-44, Mk.15:21-32 u Lq.23:26-43). 


Ġw.19:20. L-Aramajk hi lingwa differenti mill-Ebrajk filli jevita s-sibilanti. (L-Ebrajk hu l-ilsien li fiha inkiteb il-Patt il-Qadim, ħlief għal xi porzjonijiet żgħar miktuba bl-Aramajk). L-Aramajk għandu inqas vokali u bosta varjazzjonijiet fil-konjugazzjoni tal-verbi. Meta l-għaxar tribujiet inġarru minn arthom, il-kolonjalisti, li ħadulhom posthom, ġabu l-Aramajk magħhom. Il-Lhud li eventwalment irritornaw mill-Babilonja tgħallmu bosta kliem tal-istess lingwa. U għalkemm indubjament għaddiet minn diversi bidliet, din kienet il-lingwa mitkellma ġeneralment fil-Palestina meta Sidna kien fuq l-art. Il-Vanġeli jippriżervaw xi kelmiet imlissna minn Sidna bl-Aramajk (eż., Mk.3:17; 7:11,34; 10:46; 14:36).

Il-Latin kien ilsien ir-Rumani, mifrux u popolari ferm. Jissemma biss bħala waħda mil-lingwi li bihom Pilatu kiteb it-tabella fuq is-salib tal-Kalvarju (Lq.23:38). Għadd ta’ kliem fil-Grieg tal-Patt il-Ġdid huma mislufa mil-Latin, bħalma huma spekoulatōr, “bojja,” mil-Latin speculator; u soudarion,“maktur,” minn sudarium. Aktar tard, il-knisja fil-Punent naturalment adottat din il-lingwa bħala l-lingwa uffiċjali tagħha mentri fil-Lvant baqa’ jippredomina l-Grieg.

Il-Grieg. Alla ħatar illi mal-qawma tal-imperu Grieg din il-lingwa tinfirex matul l-Asja Minuri, is-Sirja, l-Eġittu u pajjiżi oħra. Hi lingwa rimarkevolment flessibbli, u kapaċi tifforma termini teoloġiċi ġodda, u tesprimi ideat bi preċiżjoni. Kienet allura l-aħjar lingwa biex biha jkun magħruf l-evanġelju t’Alla, u l-veritajiet meħtieġa għall-edifikazzjoni tal-qaddisin. Mhux biss il-Patt il-Ġdid inkiteb bil-Grieg, iżda il-Patt il-Qadim kien tradott fl-istess lingwa, u dik il-verżjoni, is-Septwaġinta, kienet kwotata minn Sidna u l-appostli tiegħu. 

L-iskrizzjoni fuq is-salib inkitbet bi tliet lingwi, inkluż il-Grieg, bħallikieku biex id-dinja kollha tagħraf min hu dak mislub fuqu (Ġw.19:20).


Ġw.19:21. Tiktibx, ‘Is-sultan tal-Lhud’. Ikkonsidraw l-iskrizzjoni bħala insult għan-nazzjon tagħhom, u Pilatu abbli hekk kellu f’moħħu – iżda rrifjuta milli jibdilha. 


Ġw.19:23-24. Is-suldati jaqsmu ħwejġu bix-xorti (ara l-passi paralleli f’Mt.27:35, Mk.15:24 u Lq.23:34). 


Ġw.19:26-27. Mara, ara, ibnek!...Ara, ommok! F’armonija mal-kmand biex wieħed jonora lill-ġenituri tiegħu (Es.20:12; Dt.5:16), Ġesù jagħmel provdiment għal ommu, li wisq probabbli kienet armla, b’introjtu limitat ħafna. Storikament nafu li Ġwanni ħa ħsiebha bħallikieku ommu, u mietet Efesu.

Frattant abbażi ta’ dal-pass Marija qalgħet ir-rwol ta’ medjatriċi u koredentriċi (Ludwig Ott, Fundamentals of Catholic Dogma, 1960, p.212). Il-Kattoliċi jinsistu illi “dan m’għandux ikun ikkonċeput fis-sens ta’ ekwazzjoni tal-effikaċja ta’ Marija mal-attività ridentiva ta’ Kristu, il-Feddej uniku tal-umanità” (1 Tim.2:5). Għax “hi nfisha kellha bżonn il-fidi u nfdiet minn Kristu” (ibid.). 

Frattant ir-Rumanisti jżommu illi: 

1. “Fil-qawwa tal-grazzja tal-fidwa meritata minn Kristu, Marija, bid-dħul spiritwali tagħha fis-sagrifiċċju tal-iben divin tagħha għall-bnedmin, għamlet tpattija għad-dnubiet tal-bnedmin, u (de congruo) mmeritat l-applikazzjoni tal-grazzja ridentiva ta’ Kristu. F’din il-manjiera tikkoopera fil-fidwa soġġettiva tal-umanità” (ibid., p.213). 

2. “L-interpretazzjoni mistika tal-pass t’hawn fuq tara fi Ġwanni r-rappreżentant tal-umanità kollha. Fih Marija ngħatat bħala l-omm spiritwali tal-umanità mifdija kollha sabiex hi, bl-interċessjoni potenti tagħha, tipprokura għal uliedha li jeħtieġu l-għajnuna dawk il-grazzji li bihom ikunu jistgħu jottienu s-salvazzjoni eterna” (ibid., p.214). 

Nirribattu: l-evidenza skritturali biex insejħu lil Marija medjatriċi jew koredentriċi hi nieqsa għalkollox. Il-kuntest innifsu jipprovdi t-tifsira ta’ kliem Ġesù minn fuq is-salib. “Minn dik is-siegħa d-dixxiplu ħadha f’daru stess.” Evidentement Ġesù kkommetta lil ommu għal taħt il-ħarsien ta’ Ġwanni. 

Ludwig Ott, awtorità klassika Rumanista, jammetti: “Provi Skritturali diretti m’għandniex” (ibid.). Jgħid illi “t-teologi jfittxu pedament bibliku” (ibid.) f’interpretazzjoni mistika ta’ dan il-pass. 

Iżda t-tali interpretazzjoni hi mbiegħda wisq mit-tifsira attwali tat-test u minħabba n-natura dgħajfa tagħha tispiċċa biex tiddebolixxi aktar u aktar il-prova ta’ din id-dottrina. Għall-kuntrarju, hu sikwit sostnut illi Kristu waħdu hu l-medjatur bejn Alla u l-bnedmin (1 Tim.2:5; cf., Ġw.10:1,9-11; 14:6; Ebr.1:2-3; 10:12). 

Fil-Marjoloġija Kattolika ninnotaw dilemma. Tammetti illi kulma neħtieġu bħala fidili nistgħu niksbuh mingħand Kristu direttament. Frattant bosta teologi Kattoliċi tant eżaltaw ir-rwol ta’ Marija bħala dispensatriċi tal-grazzja. Mela jew ir-rwol ta’ Marija huwa superfluwu jew inkella l-medjazzjoni ta’ Kristu hi inadegwata. 

Id-dilemma tissolva biss billi nammettu illi Marija f’ebda sens mhi dispensatriċi tal-grazzja divina. Kristu waħdu jżomm dan l-unur u l-kariga. Marija ommu kienet strumentali biex b’hekk Ġesù, il-fonti ta’ kull grazzja divina, jiġi fid-dinja. B’daqshekk Marija mhijiex il-ġenna bħala dispensatriċi tal-grazzja lilna. 

Ir-reliġjon Kattolika tgħallem li omm Ġesù “kienet imsieħba intimament miegħu wisq aktar minn kull ħadd ieħor fil-misterju tat-tbatija tiegħu għall-fidwa tagħna (ara Lq.2,35; Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, para.618). B’tagħlim bħal dan, mhux ta’ b’xejn il-Kattoliċi jħarsu wkoll lejn Marija biex jiksbu s-salvazzjoni. Dan huwa żball fatali.

Meta ppreżentat lil Ġesù fit-tempju, Xmun ħabbrilha, “sejf ukoll jinfidlek qalbek.” Nistgħu biss nimmaġinaw x’ħasset Marija meta rat lil binha mdendel mal-għuda tas-salib. Ġwanni, Marija Madalena, Salome, u Marija mart Klopa, ħabbew il-Mulej u kienu m’ommu qrib is-Salvatur mislub. Bħal Marija huma wkoll sofrew bil-kbir jaraw il-maħbub tagħhom f’agunija.

Madankollu t-tbatija u l-mewt ta’ Kristu servew għan differenti għalkollox minn tagħhom. Huma batew sforz il-mogħdrija tagħhom lejh, Kristu bata u miet għad-dnubiet ta’ niesu (Rum.6:10; 1 Pt.3:18). L-Iskrittura tippreżenta lil Kristu li kien magħmul bħalna “minbarra d-dnub.” Kristu hu “qaddis, innoċenti, pur, mifrud mill-midinbin” (Ebr.7:26; ara wkoll 4:15). Għalhekk, kif inhu miktub band’ oħra, “hu nnifsu refa’ dnubietna f’ġismu fuq is-siġra, sabiex immutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja; bil-ġrieħi tiegħu kontu mfejqa” (1 Pt.2:24).

Minkejja t-tbatija ta’ Ġesù fuq is-salib, l-Iskrittura kullimkien torbot il-fidwa tagħna, mhux mat-tbatija, iżda mal-mewt tiegħu. “Tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu;” “seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet;” “il-fidwa bid-demm tiegħu;” “ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu.” Kristu ġie “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-ħafna” (Rum.5:10; Ebr.9:15; Ef.1:7; Riv.1:5; Mk.10:45). Il-knisja Kattolika tgħallem li Marija “kważi mietet” u “f’qalbha mietet miegħu.” Iżda fil-fatt Marija ma mititx fuq il-Kalvarju. Kristu waħdu ta ħajtu għall-fidwa ta’ niesu.

Fl-istampi u l-istatwi tal-kunċizzjoni Marija tidher qed tisħaq ras is-serp. Il-Bibbja turina stampa differenti. Alla qal lis-serp, “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu” (Ġen.3:15). Nisel il-mara, il-Mulej Ġesù Kristu, saħaq ras is-serp. Hu waħdu tnissel bla dnub. Hu waħdu l-ġust u miet minflok l-inġusti biex iressaqhom lejn Alla (1 Pt.3:18).


Ġw.19:28-30. Ġesù jrodd ruħu (ara l-passi paralleli f’Mt.27:45-50, Mk.15:33-37 u Lq.23:44-49).


Ġw.19:30. Kollox mitmum! Din hi għajta ta’ trijonf u finalità. Ġesù jiddikjara li l-missjoni tiegħu hi kompluta darba għal dejjem. Il-kelma waħda Griega, tetelestai (mitmum) tipproklama: 

1. Il-fatt li Ġesù rnexxielu jwettaq il-missjoni fdata lilu mill-Missier (Ġw.18:37). 

2. It-twettiq ta’ profezija importanti fil-Patt il-Qadim dwar il-Messija li kellu jsofri (eż., Ġen.3:15; Isa.53). 

3. Il-ħidma lesta tal-fidwa permezz tal-Ħaruf tal-Għid (cf., Ġw.1:29; 1 Kor.5:7), mogħti b’sagrifiċċju ħalli jservi ta’ propizjazzjoni, fidwa, rikonċiljazzjoni (2 Kor.5:18-21; Kol.1:20-22) u l-ġustifikazzjoni (Rum.3:21-31) ta’ kull min jemmen. It-tpattija adegwata seħħet (Ef.1:7; Ebr.9:12,22). 

4. Il-mument deċiżiv ta’ vittorja fuq Satana u d-dominju tad-dlam (Kol.2:15). 

Xejn ma jista’ jiżdied jew jiġi supplimentat mal-opra grandjuża ta’ Kristu għas-salvazzjoni tagħna. It-triq tas-salvazzjoni hi miftuħa għall-midinbin biex jerġgħu lura għand Alla u jgawdu mill-ħniena tiegħu murija fuq is-salib.


Ġw.19:32-33. ma kisrulux riġlejh. Din l-azzjoni, il-crucifragium, tikkawża mewt aktar mgħaġla, peress li r-riġlejn ma jkunux kapaċi jissapportjaw it-toqol tal-ġisem, u l-mislub isibha aktar diffiċli jieħu n-nifs. 


Ġw.19:34. nifidlu ġenbu b’lanza. Ġesù ma kienx f’koma iżda mejjet, kif muri wkoll bit-tħejjijiet għad-difna (Ġw.19:39-40) u l-qabar speċifikat għalih (Ġw.19:41). Il-fatt li Ġesù hu realment uman hu enfasizzat. Minn ġismu ħareġ demm u ilma, sinjal indisputabbli li kien ilu mejjet; f’dan jista’ jkun hemm sinifikat simboliku (1 Ġw.5:6-8). 


Ġw.19:35-36. dak li ra xehed. L-appostlu Ġwanni kien xhud okulari tal-avvenimenti fuq il-Kalvarju (Ġw.13:23; 20:2; 21:7,20; cf., 1 Ġw.1:1-4). 


Ġw.19:37. “Għad iħarsu lejn min nifdu.” Din hi profezija dwar it-tferrigħ tal-Ispirtu tal-indiema fil-kuntest ta’ funtana għat-tindif mid-dnub (Żak.13:1). 


Ġw.19:38-42. Ġesù midfun (ara l-passi paralleli f’Mt.27:57-61, Mk.15:42-47 u Lq.23:50-56).


Ġw.20:1-2. Il-Madalena ssib il-qabar vojt (ara l-passi paralleli f’Mt.28:1-10, Mk.16:1-8 u Lq.24:1-11).


Ġw.20:1. L-ewwel jum tal-ġimgħa hu l-Ħadd. Bil-laqgħat tiegħu mad-dixxipli f’dan il-jum (Ġw.20:19,26; eċċ.), speċifikament imsemmi fil-Vanġeli, Ġesù jistabbilixxi l-Ħadd bħala l-jum imwarrab biex fih tingħata qima lill-Mulej (At.20:7; 1 Kor.16:2). Qabel, il-Lhud kienu jaħdmu sitt ijiem u mbagħad jistrieħu jum, skont il-mostra stabilita meta Alla ħalaq is-smewwiet u l-art; issa, il-Kristjani jibdew biex jistrieħu fi Kristu, u allura jaħdmu għalih, biex hekk juru li huma ħolqien ġdid f’Sidhom Kristu. Il-kmandament dwar jum il-mistrieħ jibqa’ intatt; il-bidla hi biss fil-ġurnata, u hi bidla teoloġikament sinifikanti. Introduċieha Kristu, u l-appostli tiegħu osservawha. 


Ġw.20:3-10. Pietru u Ġwanni jżuru l-qabar (ara l-pass paralleli f’Lq.24:12). 


Ġw.20:5-8. Kif Pietru u Ġwanni għamlu spezzjoni aktar mill-qrib, innotaw ix-xoqoq tal-għażel mqegħdin fl-ordni. Kieku xi ħadd daħal fil-qabar u neħħa l-katavru, id-drapp ma kienx ikun daqshekk irranġat, u l-maktur ma kienx ikun mitwi f’post għalih.


Ġw.20:9. kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura. La Marija u lanqas id-dixxipli ma kienu qed jippretendu l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, minkejja li ripetutament bassar dan (Ġw.20:2). Aktar tard, bħala riżultat tal-istruzzjoni tiegħu, fehmu illi r-resurrezzjoni tiegħu kienet twettiq neċessarju tal-profezija (Lq.24:26-27,44-47; At.2:25-32; 13:35-37). Ġwanni seta’ kellu f’moħħu passi speċifiċi (eż., Sal.16:10; Isa.53:10-12; Ħos.6:2). Id-dixxipli kienu qalbhom maqtugħa wara l-kruċifissjoni, u lanqas mhu loġiku naħsbu li vvintaw l-istorja tal-qawmien biex tkun taqbel mal-fehma reliġjuża tagħhom. 


Ġw.20:11-16. Ġesù rxoxtat jidher lil Marija (ara l-pass paralleli f’Mk.16:9), li nsibuha tibki mal-qabar għax ħabbet lil Kristu bħala s-Salvatur u Sidha. 


Ġw.20:14. ma kinitx taf illi hu Ġesù. Is-Sid ma kienx immedjatament magħruf min-nies wara li qam mill-qabar (Ġw.20:20; 21:4). F’xi okkażżjonijiet dan seta’ ġara minħabba x-xettiċiżmu jew l-għali, jew anke minħabba tfixkil sopranaturali (Lq.24:16,31). Jerġa’, ir-resurrezzjoni tinvolvi bidla fid-dehra (1 Kor.15:35-49). 


Ġw.20:16. Ġesù qalilha, “Marija!” Mis-sempliċi isimha għarfitu. Din hi illustrazzjoni sabiħa kif id-dixxipli tiegħu jisimgħu leħnu f’kull ħaġa, inkluż meta jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu b’isimhom (Ġw.10:3-4). 

Attwalment Marija kienet l-ewwel persuna li Ġesù ltaqa’ magħha wara l-qawmien tiegħu. Ma kinitx xi persuna prominenti, frattant Ġesù żvela ruħu magħha l-ewwel aktarx milli mal-appostli jew mexxejja prominenti. Matul iż-żminijiet Ġesù juri l-preżenza u l-imħabba tiegħu speċjalment ma’ dawk li huma l-inqas. In-nies speċjali t’Alla mhumiex magħrufa – dawk li, bħal Marija fl-għali tagħha, imantnu mħabba soda lejn Sidhom.



Ġw.20:17-18. Marija tirrapporta lid-dixxipli (ara l-pass paralleli f’Mk.16:10-11). 


Ġw.20:17. Taqbadx miegħi. M’għandhiex għalfejn taqbad miegħu bħallikieku għax stejqer; hu mqajjem glorjożament mill-mewt. Jeħtieġ tagħrfu bħala l-Ħaj; il-qawmien tiegħu jimmarkah bħala Sid u Kristu. It-tip ta’ relazzjoni li ħbiebu gawdew s’issa ma tistax tkompli bla mibdula. Hemm intimità tabilħaqq, iżda mhux tal-istess kwalità; hi ogħla u wisq iżjed sublimi. 

għadni ma tlajtx għand il-Missier. B’hekk juriha li r-relazzjoni dalwaqt se tkun effettwata. M’għandna ebda raġun nissupponu illi Ġesù tela’ s-sema bejn il-laqgħa tiegħu ma’ Marija u ma’ Tumas aktar tard. 

Missieri u Missierkom. Ġesù jiddistingwi r-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier, waħda unika, mir-relazzjoni tad-dixxipli m’Alla. Ir-relazzjoni tiegħu hi differenti minn tal-bnedmin mifdija; hu s-Sid mis-smewwiet (Ġw.1:18; 3:13,31). Frattant jirreferi għad-dixxipli bħala ħuti, li timplika relazzjoni personali (Ġw.15:13-14; Ebr.2:12,17). Qabel issejħu lsiera jew ħbieb (15:15), iżda issa billi Ġesù miet minflokhom, dir-relazzjoni ġdida saret possibbli u attwali (Rum.8:14-17; Gal.3:26-27; Ef.1:5; Ebr.2:10-13).


Ġw.20:19-23. Ġesù jagħti kummissjoni lid-dixxipli (ara l-passi paralleli f’Mt.28:16-20, Mk.16:14-18 u Lq.24:36-49).


Ġw.20:19. bil-bibien magħluqa. Ġesù rxoxtat apparentement għadda minn bieb imsakkar (Ġw.20:26), mhux għax kien miftuħ b’xi mod (cf., At.12:10). Il-ġisem tar-resurrezzjoni jinvolvi trasformazzjoni lil hinn mill-fehma tagħna (1 Kor.15:35-49). 

Is-sliem għalikom! It-tislima ta’ Ġesù taqbel mad-dikjarazzjoni tiegħu fuq is-salib, “Kollox mitmum,” għax mewtu neħħiet l-għadwa bejn Alla u niesu hekk li issa għandhom il-paċi, relazzjoni restawrata mal-Ħallieq tagħhom (Rum.5:1; Ef.2:14-17). 


Ġw.20:20. uriehom kemm idejh kif ukoll ġenbu. Il-marki tal-ġrieħi identifikaw lil Ġesù, u taw prova li ma kienx fantażma, iżda b’ġisem reali, l-istess wieħed li bih issallab, għalkemm trasformat (cf., Lq.24:39). 


Ġw.20:21. Bħalma bagħatni l-Missier, jien ukoll nibgħat lilkom. Ġesù jagħti lid-dixxipli kummissjoni (li tibni fuq Ġwanni 17:18 u Mattew 28:19-20), biex jilħqu d-dinja bil-bxara t-tajba. Hu l-eżempju suprem għall-evanġeliżmu u l-missjonijiet. 


Ġw.20:22. Irċievu l-Ispirtu s-Santu. L-għotja tal-Ispirtu hi essenzjali għat-twettiq denju tal-inkombenza mogħtija lis-segwaċi tiegħu. Din l-okkażżjoni meta nefaħ fuqhom hi għelm simboliku, jew pleġġ, tal-milja tal-Ispirtu li kellu jkun mogħti lill-knisja f’Pentekoste (At.1:8; 2:1-3). 


Ġw.20:23. Ta’ min taħfru d-dnubiet, huma maħfurin lilhom; ta’ min iżżommuhom, huma miżmumin. Id-dixxipli miġmugħa, bħala l-ewwel ġenerazzjoni tal-knisja Kristjana u rappreżentattivi tagħha, jirċievu l-awtorità biex jiddikjaraw il-ġudizzju t’Alla fuq id-dnubiet. Fondamentalment, din id-dikjarazzjoni hi magħmula fl-ippritkar tal-vanġelu. 

B’dan id-diskors Ġesù mhuwiex qed jagħti awtorità lill-Kristjani biex jaħfru d-dnubiet. Aktarx, Ġesù qed jgħallem illi d-dixxipli tiegħu kapaċi jiddikjaraw iċ-ċertezza tal-maħfra mingħand il-Missier, minħabba s-sagrifiċċju tas-salib, lil kwalunkwe midneb li jindem u jemmen l-evanġelju. Il-fidili jistgħu, anzi huma obbligati, jgħidu b’ċertezza wkoll illi dawk li ma jirrispondux għall-messaġġ tal-ħniena u l-maħfra permezz tal-fidi fi Kristu, dnubiethom jibqgħu bla ma jinħafru. 

Ċertament hawnhekk Ġesù mhuwiex iwaqqaf l-hekk imsejjaħ sagrament tal-qrar, kif prattikat illum fil-Knisja Kattolika. Dal-vers, abbużat serjament, mhuwiex jitkellem dwar il-konfessjonarju, għal diversi raġunijiet:

1. Qabelxejn nagħmlu osservazzjoni li sikwit nimmissjaw l-importanza tagħha: il-Mulej Ġesù qal dal-kliem lid-dixxipli miġbura, mhux neċessarjament lill-appostli biss. Is-setgħa li ddelega allura hi setgħa li kull Kristjan, xi darba jew oħra, jista’ u jmissu jeżerċita. Ma qalx hekk li xi grupp silettiv mid-dixxipli; wisq inqas ma qal hekk lil xi kasta saċerdotali (Ġw.20:19ff.). Inċidentalment, il-qassisin bħala persuni b’ordni sagri biex joffru s-sagrifiċċju tal-quddiesa, kif inhu msejjaħ, żviluppaw wisq aktar tard.

2. B’hekk tahom setgħa dikjarattiva, u mhux eżekuttiva (cf., Ġer.1:9-10); jiġifieri tahom il-kummissjoni jxandru l-evanġelju (qabbel mal-istess kummissjonijiet fl-Evanġelji l-oħra: Mattew 28:18-20, Marku 16:15-16 u Luqa 24:46-49). Qed jgħallem illi jekk wieħed jemmen jkun maħfur, u jekk jiċħad l-evanġelju ma jkunx maħfur (Ġw.20:23).

3. Id-dixxipli hekk fehmu kliem Ġesù, u hekk għamlu, kif naraw tajjeb ferm matul l-Atti (3:18-19; 5:30-32; 8:20-24; 10:42-43; 11:1,7,18; 14:15; 18:9-11; 20:21,24-25; 26:17-20; 28:30-31). Konsistentement u regolarment naraw illi xogħol l-appostli kien li jħabbru l-evanġelju, mhux jippożaw ta’ qassisin jew medjaturi (1 Tim.2:5). 

4. F’tagħlimhom qatt ma taw ħjiel li l-maħfra divina tinkiseb permezz tal-bniedem, iżda biss mingħand Alla direttament, mingħajr intervent uman (Kol.1:13-14; 2:13; 3:13; Ef.4:32; Ebr.1:3; Riv.1:5-6).

5. Imkien ma nsibu rrekordjat li semgħu l-qrara ta’ ħaddieħor biex jagħtuh il-maħfra. Imkien ma naraw l-iċken ħjiel tas-sagrament tal-qrar kif prattikat fil-Knisja Kattolika.

6. Fil-knisja bikrija l-qrar kif nafuh illum fil-Knisja Kattolika ma kinux jafu bih. Fl-ewwel sekli tal-knisja l-qrar ma kienx magħruf: fatt sempliċi li wieħed jista’ jikkonfermah bir-riċerka. Il-konfessjonarju kien introdott f’xi nħawi fuq bażi volontarja fis-seklu ħamsa, bl-awtorità ta’ Ljun il-Kbir, u dikjarat domma tal-fidi minn Innoċenzju III fl-1215, fir-Raba’ Konċilju tal-Lateran.

7. Is-Santi Padri, il-maġġor parti minnhom dikjarati bħala qaddisin fil-Knisja Kattolika, jixhdu kontra l-prattika antibiblika ta’ qrar għand qassis. Fi żmienhom id-drawwa ħażina kienet dieħla bil-mod il-mod; huma rreżistewha.

Ġwanni Griżostmu. “Mhux neċessarju li xi ħadd ikun xhud tal-qrara tiegħek. Agħraf id-dnubiet tiegħek u ħa jisma’ Alla biss il-qrara tiegħek, mingħajr ħadd ma jkun jaf.”

Band’ oħra jgħid: “Neżortakom u nitlobkom biex tistqarru dnubietkom kontinwament lil Alla. Għax jien mhux se nġibek fit-teatru ta’ qaddejja sħabek, u lanqas mhu se nġiegħlek tikxef dnubietek mal-bnedmin” (De Incarn. Dei Nat. Hom. v.57).

Bażilju l-Kbir, ta’ Ċesarija. “Ma nagħmilx lili nnifsi spettaklu quddiem ħaddieħor biex nistqarr b’xofftejja. Nagħlaq għajnejja u nagħmel il-qrara tiegħi fil-privat ta’ qalbi m’Alla. Biss quddiemek, o Alla tiegħi, inħalli dnubieti jkunu magħrufa. Int biss kun ix-xhud tiegħi.”

Wistin ta’ Ippona. “Għaliex għandi mmur biex nikxef il-ġrieħi ta’ ruħi quddiem il-bniedem? Hu l-Ispirtu s-Santu li jaħfer id-dnubiet. Il-bniedem mhux kapaċi jagħmel dan għax jinsab fl-istess bżonn ta’ tabib bħal dak li jiġi għandu għar-rimedju.”

“Għal liema skop nistqarr dnubieti lill-bnedmin bħallikieku huma nfushom kapaċi jfejquli l-għali tiegħi? – lill-grupp ta’ nies inkwiżittivi filli jindaħlu f’ħajjet ħaddieħor, imma għażżiena filli jirriformaw lilhom infushom. U kif jistgħu dawn, li ma jafux lil qalbi ħlief bl-istqarrija tiegħi, ikunu jafu jekk ngħidx il-verità jew le?” (Il-Konfessjonijiet, 10.3). 


Ġw.20:28. Sid tiegħi u Alla tiegħi! Hawn nisimgħu dikjarazzjoni espliċita u aperta dwar id-divinità ta’ Kristu, li sservi wkoll bħala klajmaks tal-vanġelu. Ġesù jaċċetta din il-qima mingħajr eżitazzjoni, b’kuntrast qawwi mal-anġli meta, bi żball, kienu meqjuma (Riv.19:10; 22:9). 

Xi kulti jipprovaw iżellġu din l-affermazzjoni dwar id-divinità ta’ Kristu billi jargumentaw illi Tumas esklama; effettivament, semma l-isem t’Alla fil-batal. Spjegazzjoni bħal din hi assurda, għax kieku Ġesù kien iċanfru għal dnubu; u lanqas titwemmen meta nafu kif il-Lhud kienu jżommu wisq lura milli jsemmu isem Alla direttament. 

Apparti dan, it-test jgħid li Tumas qal hekk lil Ġesù. L-istqarrija tiegħu tesprimi l-fidi ġdida tiegħu f’Ġesù bħala s-Sid sovran u Alla suprem. L-għan għala Ġwanni kiteb il-Vanġelu hu sabiex nies oħra jaslu biex jistqarru lil Ġesù bl-istess mod kif għamel Tumas. Dan hu essenzjali għas-salvazzjoni tagħna, għax kieku Ġesù mhuwiex divin, kien ikun impossibbli jagħmel tpattija ta’ valur infinita għad-dnubiet. 

Id-divinità sħiħa ta’ Ġesù hi murija filli:

1. Ismijiet divini huma mogħtija lilu: a. Alla (Ġw.20:28; Isa.9:6; Rum.9:5; Titu 2:13; Ebr.1:8); b. Bin Alla (Ġw.5:25; Mt.16:16-17; 8:29; 27:40,43; Mk.14:61-62; Lq.22:70); ċ. L-Ewwel u l-Aħħar (Riv.1:17; 2:8; 22:13); d. L-Alfa u l-Omega (Riv.1:8; 22:13); e. Il-Bidu u t-Tmiem (Riv.22:13). f. Il-Qaddis (Ħos.11:9; At.3:14); ġ. Is-Sid (Lq.2:11; At.4:33; 9:17; 16:31); g. Il-Mulej ta’ kollox u s-Sid tal-glorja (Sal.24:8-10; At.10:36; 1 Kor.2:8). 

2. Qima divina hi mogħtija lil Kristu (Ġw.5:23; 13:13; 20:28; Mt.14:33; Lq.5:8).

3. It-talb hu saħansitra indirizzat lilu wkoll (At.7:59; 1 Kor.1:2; 2 Kor.12:8-9).

4. Karigi divini huma assenjati lil Kristu: a. Ħallieq tal-univers (Ġw.1:3; Kol.1:16; Ebr.1:8,10; Riv.3:14); b. Sostenitur ta’ kulma jeżisti (Kol.1:17; Ebr.1:3); ċ. Jaħfer id-dnubiet (Mk.2:5,10; Lq.7:48-50); d. Jagħti l-ħajja tal-qawmien (Ġw.5:28-29; 6:39-44); e. Imħallef tal-bnedmin kollha (Ġw.5:21-23; Mt.25:31-46; At.17:31; 2 Tim.4:1); f. Donatur tas-salvazzjoni (Ġw.5:24-26; 6:47; 10:28; 17:2). 

5. Il-Patt il-Ġdid jara lil Kristu fi stqarrijiet fil-Patt il-Qadim dwar Jaħwè jew Adonaj jew Eloħim, kollha ismijiet tal-uniku Alla. Qabbel Salm 23:1 ma’ Ġwanni 10:11. Qabbel Salm 102:24-27 mal-Ebrej 1:10-12. Qabbel Isaija 8:13-14 mal-1 Pietru 2:7-8. Qabbel Ġeremija 17:10 mar-Rivelazzjoni 2:23. Qabbel Eżekjel 34:11-12 ma’ Luqa 19:10. 

6. L-isem ta’ Ġesù Kristu hu assoċjat intimament mal-isem ta’ Alla l-Missier (Ġw.14:1,23; Mt.28:19; Rum.1:7; 2 Kor.13:14; Kol.2:2; 1 Tes.3:11; Ġak.1:1; Riv.5:13; 7:10). 

7. Kristu hu assolutament bla dnub u qaddis, u dan jixhed għad-divinità tiegħu (Lq.1:35; 2 Kor.5:21; Ebr.4:15). 

8. Kristu hu ddikjarat bil-miftuħ bħala divin bir-resurrezzjoni tiegħu (Rum.1:4).

Dawn il-provi konklużivi dwar id-divinità tal-Iben ifissru illi l-fidili għandhom jaġixxu ma’ Kristu eżattament l-istess bħalma jaġixxu ma’ Alla l-Missier u l-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ jemmnuh u jafdaw fih, iqimuh, jitolbuh, iservu u jħobbuh b’qalbhom kollha. 


Ġw.20:29. Imberkin dawk li ma rawx, u frattant emmnu. Ġesù jirrikkmanda l-fidi ta’ Tumas. Fl-istess ħin ibierek lin-nies li fil-futur kellhom jemmnu fih bix-xhieda tad-dixxipli (Ġw.17:20; cf., 1 Pt.1:8-9). Din il-barka tintroduċi r-raġuni għall-kitba tar-Raba’ Vanġelu (Ġw.20:30-31). Hekk il-qarrejja ma jinsabu f’ebda żvantaġġ meta mqabbla mas-segwaċi oriġinali ta’ Ġesù. Innota l-eku possibbli ta’ dan it-test fl-1 Pietru 1:8 u t-2 Korintin 5:7. 


Ġw.20:30-31. dawn huma miktubin sabiex temmnu. Ebda wieħed mill-Vanġeli mhu tentattiv biex jingħata rekordju sħiħ u kronoloġiku tal-ħajja ta’ Ġesù. Mhumiex bijografiji fis-sens modern tal-kelma (cf., Ġw.21:25). Però huma suffiċjenti biex, b’kulma jirrakkontaw, il-qarrej jew semmiegħ jasal għall-fidi f’Ġesù bħala iżjed minn xi ħadd li kien jagħmel il-mirakli. Hu l-Messija, il-Kelma inkarnata. Hu Alla flimkien mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu. Billi nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih tingħatalna l-ħajja eterna, għax hu s-sors ta’ din il-ħajja (Ġw.6:32-58). 


Ġw.21:3. Sejjer nistad. Billi ċaħad lil Sidu, Pietru abbli assuma li tilef il-privileġġ li jkun xhud tar-resurrezzjoni ta’ Ġesù. Għall-kuntrarju, Ġesù jirrestawrah fl-appostolat tiegħu (Ġw.21:15-19). 

tul dak il-lejl ma qabdu xejn. Is-sajd billejl kien normali. Iċ-ċirkostanzi jfakkruna fil-qabda mirakoluża ta’ ħut rakkontata f’Luqa 5:4-11, assoċjata mas-sejħa ta’ Pietru u dixxipli oħra. 


Ġw.21:6. Ixħtu x-xibka fuq in-naħa l-leminija. Hu kruċjali għalina ili nirċievu gwida mingħand Sidna f’ħidmietna kollha. Jekk ngħixu mingħajr il-preżenza ta’ Kristu u l-id tal-gwida tiegħu, kulma nagħmlu jsirilna suf u jkun sforz moħli, bla valur għall-eternità. 


Ġw.21:7. libes bil-kapott. Hu ġest stramb għal xi ħadd li dalwaqt se jaqbeż fil-baħar. Abbli għamel hekk b’riverenza lejn Ġesù; ma xtaqx jidher quddiemu kważi bla ħwejjeġ. 


Ġw.21:9. raw maġmar. Kristu kien qed isajjar kolazzjon għalihom; aġixxa bħala ospiti kollu mħabba (Ġw.21:13). ħuta u ħobż huma l-istess ikel meta Ġesù tema’ l-eluf ta’ nies mirakolożament (Ġw.6:5-13). 


Ġw.21:11. mija tlieta u ħamsin ma jidhirx li hu xi numru simboliku, iżda biss jindika qabda kbira. 

ix-xibka ma ċċarrtitx hi indikazzjoni oħra tal-intervent t’Alla. 


Ġw.21:15-17. Xmun bin Ġwanni. Pietru ċaħad lil Sidu tliet darbiet u issa Ġesù jagħtih opportunità biex tliet darbiet ukoll jafferma mħabbtu lejh. Hi restawrazzjoni ta’ wġigħ iżda mimlija ħniena.

Ġesù juża l-istess isem fil-bidu tad-dikjarazzjoni solenni tiegħu meta rrisponda għall-istqarrija ta’ Pietru f’Mattew 16:17. 

tħobbni...? Fl-ewwel żewġ mistoqsijiet tiegħu, Ġesù juża l-verb agapaō (ħabb), mentri fit-tielet mistoqsija u fit-tliet tweġibiet ta’ Pietru hu wżat il-verb kważi sinonimu phileō (ħabb). Jista’ jkun l-awtur għandu intenzjoni speċjali, jew sempliċement juża verb flok ieħor simili bħalma jagħmel band’ oħra fil-Vanġelu. 

Jerġa’, fl-inkarigu mogħti lil Pietru, għalkemm imlissen bi kliem differenti kull darba, bażikament hu wieħed. Ġesù jara l-imħabba lejh bħala l-kwalifika bażika għall-ministeru Kristjan. Hemm kwalifiki oħra (1 Tim.3:1-13), iżda l-imħabba sinċiera u devota lejn Sidna, u allura lejn il-bnedmin, hi indispensabbli (cf., 1 Kor.13:1-3).

il-ħrief tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jikkorrispondu għall-knisja sħiħa (Mt.18:18; Ġw.10:14,26-27), dawk ġodda fil-fidi u oħrajn aktar maturi minnhom.

Pietru tnikket għax għat-tielet darba Ġesù tenna l-mistoqsija; abbli ftakar fit-tliet darbiet meta ċaħad lil Sidu (Ġw.13:38; 18:27). Hu x’inhu, Ġesù jagħti opportunità lill-appostlu tiegħu biex jikkunfessa mħabbtu lejh u jafferma s-sejħa tiegħu biex isegwi wara Ġesù, ir-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ (1 Pt.5:4). 

Sid, int taf kollox. Kristu, fit-tagħrif tiegħu ta’ kulma hu passat, preżent u futur (Ġw.16:30; 18:4), kien jaf qalb Pietru (Ġer.17:10; Riv.2:23), u hekk jikkonferma s-sinċerità ta’ mħabbet Pietru għalih (Ġw.21:18). 


Ġw.21:19. b’liema tip ta’ mewt. Dokumenti antiki jgħidu li Pietru miet martri, imsallab rasu ’l isfel u saqajh ’il fuq. 

Segwini! Din hi bħas-sejħa oriġinali mogħtija minn Ġesù lill-appostli (Mt.4:19; Lq.5:27; cf., Ġw.21:22). L-inċident jirrestawra lil Pietru fl-inkarigu tiegħu bħala ambaxxatur u araldu ta’ Kristu; iċ-ċaħdiet tiegħu issa huma falliment fil-passat.


Ġw.21:22-23. Jekk irridu jibqa’. Mhux is-servi kollha ta’ Kristu huma mitluba jmutu martri, iżda kull wieħed jgħix u jmut skont ir-rieda tas-Sid Ġesù. Hawn hi implikata s-sovranità tiegħu fuq iċ-ċirkostanzi tagħna (Ġak.4:13-16). 

sakemm nerġa’ niġi. L-istqarrija ipotetika ta’ Ġesù hi għall-enfasi. Kieku Ġwanni kellu jgħix sat-tieni miġja ta’ Kristu, dan ma jinteressahx lil Pietru. Pietru kellu bżonn jgħix ħajtu fedelment, u mhux iqabbilha ma’ ta’ ħaddieħor. 

ħareġ dan l-għajdut. Id-dixxiplu li kiteb dan il-vanġelu (Ġw.21:24) kien magħruf sew fil-knisja bikrija. Xi aħwa interpretaw l-istqarrija ta’ Ġesù bħallikieku Ġwanni ma kienx se jmut, u allura Ġwanni hawn jikkoreġihom. 


Ġw.21:24. nafu. Bħal Dan hu d-dixxiplu, din hi referenza tal-awtur għalih innifsu, iżda did-darba probabbilment inkluda lill-fidili u soċji li huma midħla tiegħu. Hekk tingħata affermazzjoni li t-testimonjanza tiegħu hi vera. Billi l-kitba tiegħu hi ispirata, m’hemm ebda awtorità ogħla minnha li setgħet tawtentikaha. Wieħed jista’ biss jilqagħha kif inhi, bħala l-verità t’Alla. 


Ġw.21:25. lanqas id-dinja nfisha ma tesgħa l-kotba. Il-kittieb juża l-esaġerazzjoni biex jagħmel punt: l-evanġelisti kellhom bilfors ikunu silettivi. Irrekordjaw biss fatti dwar Ġesù u tagħlim mingħandu skont l-għan li xtaqu jilħqu. Fl-istess ħin hi aċċentwata l-manjitudni bla limitu ta’ kulma wettaq Ġesù għas-salvazzjoni tal-bnedmin bħala l-Iben etern t’Alla (Ġw.1:1-3), bl-inkarnazzjoni, il-ħajja, il-mewt, il-qawmien u l-axxensjoni tiegħu.