L-Atti tal-Appostli


At.1:1. l-ewwel rakkont hu l-Evanġelju skont Luqa. 


At.1:2. sa dak il-jum. Wara r-resurrezzjoni tiegħu Ġesù kkomunika mal-appostli, speċjalment, dwar ir-realtà tal-qawmien fiżiku tiegħu (Lq.24:37-43), il-verità tas-sejħa tiegħu bħala l-Messija (Lq.24:44-49), u l-barka tal-Ispirtu s-Santu, li kellu jitferra’ fuqhom (Ġw.20:21-23), barka mibgħuta kemm mill-Missier, kif ukoll hi l-għotja tal-Iben (Ġw.14:1,26; 15:26). 


At.1:3. ippreżenta lilu nnifsu ħaj. Id-dehriet ta’ Kristu wara li rxoxta (Mt.28; Mk.16; Lq.24: Ġw.20-21; 1 Kor.15:5-7) kienu importanti bħala konferma soda tal-persuna u l-ħidma sopranaturali tiegħu. Kienet ħaġa kruċjali illi d-dixxipli jarawh imqajjem mill-mewt u jkunu konvinti minn dan il-fatt fondamentali (At.1:22). 

Minħabba f’hekk Kristu tahom ħafna provi konvinċenti, billi ltaqa’ u tkellem magħhom, kif ukoll messewh u kiel quddiemhom. L-evidenza solida u tagħrif tal-fatti jsaħħu l-fidi (idea kuntrarju għal xi fehmiet moderni dwar “il-fidi”). L-irxoxt ta’ Kristu hu fatt storiku, mhux finzjoni (1 Kor.15;5-7). 

erbgħin jum hu sikwit perjodu ta’ preparazzjoni għal xi ħaġa oħra (Lq.4:2). 

Għalkemm komuni fil-Vanġeli bħala t-tema prinċipali fl-ippritkar ta’ Ġesù (cf., Mt.4:23; 9:35; Mk.1:5; Lq.4:43; 9:2; Ġw.3:3-21), saltnet Alla tissemma biss sitt darbiet fl-Atti (1:3; 8:12; 14:22; 19:8; 28:23,31). L-espresssjoni tirreferi għall-isfera tas-salvazzjoni, id-demanju grazzjuż ta’ ħakma divina fi qlub il-fidili (1 Kor.6:9; Ef.5:5; Kol.1:13-14).

Il-proklamazzjoni fil-knisja bikrija tirrappreżenta l-bidu tat-twettiq tal-wegħdi divini inkwantu s-saltna tas-smewwiet, li mhijiex saltna militari jew politika iżda r-renju preżenti u spiritwali t’Alla, li gradatament jittrasforma l-ħajjiet individwali u kulturi sħaħ bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu (cf., Mt.6:33). 


At.1:4. il-wegħda tal-Missier hi l-Ispirtu s-Santu mogħti lill-knisja bħala l-qawwa, is-sostenn, il-faraġ u l-gwida tagħha (Lq.11:13; 24:49; Ġw.7:39; 14:16,26; 15:26; 16:7). 


At.1:5. titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu. Fl-Atti, il-magħmudija u l-għotja tal-Ispirtu huma relatati sfiq ma’ xulxin. L-indiema, il-maħfra, ir-riċeviment tal-Ispirtu u l-magħmudija bl-ilma jifformaw il-mostra bażika ta’ konverżjoni. 

L-appostli kellhom jistennew sa jum Pentekoste, iżda minn dakinhar ’l hawn il-fidili kollha huma mgħammda bl-Ispirtu appena jemmnu fi Kristu għas-salvazzjoni tagħhom (1 Kor.12:13; cf., Rum.8:9; 1 Kor.6:19-20; Titu 3:5-6). 


At.1:6-7. tirrestawra s-saltna lil Iżrael. Minn dak li qal Ġesù (Mt.19:28) id-dixxipli ħasbu li se jegħleb lir-Rumani u jirrestawra s-saltna ġeografika u politika lill-ġens Lhudi. Jew, aktar probabbli, ikkonkludew mill-qawmien ta’ Kristu u l-wegħda tal-Ispirtu illi ż-żmien messjaniku bexbex u s-salvazzjoni finali ta’ Iżrael kienet imminenti. Madankollu kienu aktar probabbilment qed jippretendu r-restawrazzjoni ta’ saltna politika biex b’hekk jitkeċċew ir-Rumani mill-pajjiż u s-sovranità nazzjonali ta’ Iżrael tkun restawrata, kif ġara bosta drabi fil-Patt il-Qadim. 

Ġesù kkoreġiehom: is-saltna mwiegħda lil bin David kienet ġejja diġà fir-renju smewwieti permezz tax-xandir tal-vanġelu (At.2:29-30,34; 5:30-31; 13:22-23,32-39; 15:14-17). Ġesù mela weġibhom billi fakkarhom illi ma jistgħux ikunu jafu iż-żminijiet jew l-epoki tar-ritorn tiegħu (Mt.24:36), iżda jmisshom jiffokaw fuq il-ministeru tagħhom bħala xhieda mad-dinja kollha, għax bl-ippritkar tagħhom is-saltna tinbena. Għal dan l-għan għarrafhom illi se jirċievu qawwa, mhux biex jittrijonfaw fuq l-eżerċti u l-poter Ruman, iżda biex iwasslu l-bxara t-tajba lill-ġnus. Fi kliem ieħor, ir-ritorn jinsab fl-orarju t’Alla; fil-frattemp, hemm ħwejjeġ importanti oħra x’għandhom iwettqu l-fidili. 

Mhux għalikom biex tkunu tafu ż-żminijiet. Xi wħud f’kull żmien jipprovaw jindovinaw meta se jirritorna Kristu f’did-dinja. Frattant is-snin u d-dati speċifiċi huma moħbija; il-Missier biss jafhom (cf., 1 Tes.5:2). L-awtorità finali fl-iddeterminar tal-avvenimenti fl-istorja hi attribwita konsistentement lil Alla l-Missier fost il-persuni tat-Trinità.


At.1:8. tirċievu s-setgħa. Għalkemm l-Ispirtu s-Santu kien attiv matul il-Patt il-Qadim, issa kellu jimmanifesta ruħu b’mod usa’ u isħaħ. L-involviment aktar mifrux u evidenti tiegħu ġab diversi riżultati pożittivi: 

1. Aktar effettività fix-xhieda u l-ministeru tal-Kelma (At.1:8), bi proklamazzjoni dinamika tal-vanġelu (cf., Mt.28:19).

2. Qawwa spiritwali biex tinkiseb vittorja konkreta fuq id-dnub (At.2:42-46; Rum.6:11-14; 8:13-14; Gal.2:20; Fil.3:10).

3. Setgħa għar-rebħa fuq ix-xitan u l-forzi demoniċi (At.2:42-46; 16:16-18; 2 Kor.10:3-4; Ef.6:10-18; 1 Ġw.4:4).

4. Distribuzzjoni wiesa’ ta’ doni għall-ministeru (At.2:16-18; 1 Kor.12:7,11; 1 Pt.4:10; cf., Num.11:17,24-29). 

Il-kelma setgħa (bil-Grieg, dunamis) hi wżata fl-Atti biex tirreferi għall-mirakli konnessi max-xandir tal-vanġelu (At.2:22; 3:12; 4:7; 6:8; 8:10; 10:38; 19:11). 

meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom. Ġesù jrid ifisser li l-Ispirtu s-Santu se juri l-kontroll tiegħu fuq il-bnedmin b’manifestazzjonijiet viżibbli: l-infiħ ta’ riħ vjolenti, id-dehra ta’ ilsna tan-nar, u t-tkellim b’lingwi frustieri (At.2:1-4). 

xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, u fil-Ġudea kollha u s-Samarija, u sa truf l-art. L-Atti bħala ktieb jsegwi din l-istrateġija. Ix-xhieda f’Ġerusalemm (At.2) tagħti f’għamla minjatura l-ministeru dinji t’Alla: il-Lhud minn kull nazzjon (At.2:5) li semgħu u emmnu wasslu l-messaġġ mal-erbat irjieħ. Fil-bqija tal-Atti l-vanġelu jinfirex f’Ġerusalemm (At.3:1-8:1), fil-Ġudea u s-Samarija, tela’ Antjokja fis-Sirja (At.8:1-12:25), u sa truf l-art, kif għadu jsir sal-lum (At.13:1-28:31). 

Il-kummissjoni li Ġesù ta lid-dixxipli kontemporanji tiegħu, li raw personalment il-ministeru u l-qawmien tiegħu, kienet illi jservu bħala xhieda (Lq.24:48; At.1:22; 2:32; 3:15; 4:33; 5:32; 10:39,41; 13:31; 22:15,18; 26:16,22). Dil-kummissjoni tixbah lis-sejħa ta’ Iżrael fil-Patt il-Qadim illi jiddikjaraw il-glorja unika t’Alla lill-ġnus (Isa.43:10; 44:8).


At.1:9. intrefa’, u sħaba rċevietu. Dan jaqbel mal-manjiera li biha Alla sikwit wera l-maestà u l-isplendur tiegħu (Es.40:34; 1 Slat.8:10-11; Mk.13:26; Lq.9:34-36). 

L-axxensjoni viżibbli ta’ Ġesù fis-smewwiet tindika li Ġesù żamm ġisem uman fiżiku, bħala bniedem, avolja hu eżaltat fuq il-leminija t’Alla, ċoè mogħti ħakma eżekuttiva diretta fis-saltna spiritwali t’Alla (Mt.28:18). Il-miraklu stupend tal-inkarnazzjoni mhuwiex biss illi Bin Alla ħa natura umana għalih innifsu u sar persuna simultanjament divina u umana, iżda wkoll se jibqa’ kemm Alla kif ukoll bniedem għall-eternità. 


At.1:10. Persuni deskritti bħala mixdudin ilbiesi bojod huma normalment entijiet sopranaturali jew glorifikati: 

1. Ġesù (Mt.17:2; Mk.9:3; Riv.1:14).

2. Qaddisin glorifikati (Lq.9:30-31; Riv.3:4-5,18; 4:4; 7:14). 

3. F’dan il-każ huma anġli (cf., Mt.28:3; Mk.16:5; Lq.24:4; Ġw.20:12).


At.1:11. għad jerġa’ jiġi bil-mod kif osservajtuh sejjer. Ġesù għad jirritorna personalment u viżibbilment, bil-ġisem glorifikat tiegħu, ġej mas-sħab tas-sema (Mt.24:30; 26:64; Mk.14:62; 1 Tes.4:16-17; Riv.1:7).


At.1:14. kienu jiddedikaw lilhom infushom għalenija għat-talb. Ġesù, bl-eżempju tiegħu (Lq.3:21; 5:16; 6:12; 9:18,28-29; 11:1; 22:32,41; 23:34,46), stabbilixxa mostra ta’ talb fil-ħajja tad-dixxipli. 

Marija, omm Ġesù. Is-separazzjoni ta’ Marija minn binha sabet it-twettiq tagħha fl-unjoni spiritwali tagħha miegħu. Wara l-axxensjoni ta’ Sidna, Marija ngħaqdet f’talb kontinwu mal-appostli. Fl-Atti ma jissemma xejn iżjed dwarha. Appena xogħolha sar, kellha tingħaqad ma’ fidili oħrajn u tkun bħalhom. Postha kien fil-knisja, bħala kredenti, mhux fis-sema bħala dispensatriċi ta’ kull grazzja. 

Ġwanni jipproklama l-istess verità. Mit-tislib ta’ Ġesù ’l quddiem, id-dixxiplu l-maħbub ħa ħsiebha u ġabarha f’daru stess. Jekk kien hemm appostlu li seta’ jgħaddilna informazzjoni dwar Marija, kien proprjament Ġwanni. Frattant isemmiha biss darbtejn – fit-tieġ ta’ Kana u mas-salib ta’ Ġesù – u fiż-żewġ okkażżjonijiet flok ma jeżaltaha jisħaq fuq il-punt illi kienet taħt binha, bħala fidila u qaddejja. Dan jaqbel sewwa mal-vanġelu, bil-għan tiegħu illi jipponta n-nies lejn Kristu, mhux lejn Marija (Ġw.20:31).

ma’ ħutu, ċoè l-ulied bijoloġiċi ta’ Marija u Ġużeppi (Ġw.2:12; 7:3,10; Gal.1:19). Veru illi “aħwa” tista’ tfisser “qraba,” skont il-kuntest, frattant il-Bibbja ma taffermax il-verġinità perpetwa ta’ Marija. Jerġa’, meta “aħwa” hi wżata f’konnessjoni ma’ missier jew omm ma tfissirx “kuġini” jew “qraba,” iżda aħwa attwali (cf., Mt.13:55; Mk.6:3; Lq.14:26). 


At.1:15. Id-dixxipli huma nies li jissottomettu għal Ġesù bħala studenti u imitaturi taħt l-awtorità tiegħu (Mt.10:24-25). Imqar wara li l-fidili bdew jissejħu “Kristjani” (At.11:26; 26:28; 1 Pt.4:16), it-terminu favorit ta’ Luqa baqa’ “dixxipli.”

mija u għoxrin. Sikwit Luqa jsemmi n-numri fil-kapitli bikrija biex juri b’liema forza u trijonf l-evanġelju beda jikkonverti n-nies. 


At.1:16. kien meħtieġ. Bħall-Vanġelu (Lq.4:43; 24:7-8), l-Atti jgħallem illi l-Iskrittura tiżvela d-digriet etern t’Alla, li jseħħ b’neċessità sovrana (At.1:22; 3:21; 4:12; 9:16; 14:22; 17:3; 18:21; 19:21; 23:11; 27:24,26). 

tkellem minn qabel l-Ispirtu s-Santu b’fomm David. L-Ispirtu s-Santu ispira lil David biex jikkomponi l-kliem tas-salmi billi ħaddem is-sengħa poetika tiegħu. Meta nkiteb kien kliem profetiku li seħħ elf sena wara (ara At.1:20; cf., Sal.69:25; 109:8). L-istess insibu fl-Atti 4:25, fejn għandna sommarju tal-ispirazzjoni verbali. L-awturi tal-Bibbja tkellmu u kitbu taħt il-gwida infallibbli tal-Ispirtu (2 Pt.1:21).


At.1:18. waqa’ għal rasu. Ġuda attwalment tgħallaq (Mt.27:5). Apparentement xħin tgħallaq (jew wara) ġismu waqa’ mal-art u mad-daqqa żaqqu nfetħet. 


At.1:20. L-inkarigu tiegħu ħa jieħdu ħaddieħor. L-għażla ta’ Mattija (At.1:26) bħala t-tnax-il appostlu kienet twettiq dirett ta’ profezija (cf., At.1:16; Sal.109:8). Kollox sar taħt id-direzzjoni tal-Mulej. Pietru juża l-iktar prova konvinċenti, l-Iskrittura, biex jassigura lill-fidili illi t-twarrib ta’ Ġuda u l-għażla ta’ xi ħadd ieħor biex jeħodlu postu kienu fl-għan t’Alla (cf., Sal.55:12-15). 

Iż-żieda ta’ Mattija għaqdet in-nukleu ġdid għall-poplu t’Alla. L-appostli jikkorrispondu għat-tnax-il patrijarka u t-tnax-il tribù ta’ Iżrael. Għalkemm dawn it-tnax baqgħu il-grupp bażiku ta’ appostli (Lq.22:30; 1 Kor.15:5; Riv.21:12,14), aktar tard is-Sid sejjaħ lil Sawl il-Fariżew biex ikun l-appostlu għall-Ġentili. Hu u Barnaba jissejħu appostli, iżda fil-każ ta’ Barnaba neħduha illi ssejjaħ hekk għax kien mibgħut (appostlu strettament tfisser mibgħut) mill-knisja ta’ Antjokja (At.14:4,14). Ma kellux l-istess awtorità bħat-tnax jew bħal Pawlu. 

Naturalment l-appostli ma kinux rimpjazzati ma’ mewthom; meta miet Ġakbu, ħu Ġwanni, ma laħaqx ieħor floku (At.12:2). Dan għax l-appostli servew bħala l-pedament għall-knisja (Ef.2:19-22), u pedament jitqiegħed darba. 


At.1:21-22. xhud magħna tar-resurrezzjoni tiegħu. Il-kandidat għall-appostolat kellu jkun wieħed li pparteċipa fil-ministeru mondan ta’ Ġesù, kif ukoll rah imqajjem mill-mewt, peress li r-resurrezzjoni hi ċentrali fil-kerugma, jew xandir, appostoliku (cf., At.2:24,32; 3:15; 5:30; 10:40; 13:30-37). 


At.1:24. Uri liema wieħed għażilt. Id-dixxipli għarfu illi r-responsabbiltà umana u l-għażla ta’ bniedem biex jissuċċiedi lil Ġuda ġraw, bħal kull ħaġa oħra, fil-konfini tar-rieda sovrana t’Alla. 


At.1:25. f’postu stess. Ġuda għażel it-tmiem tiegħu, fl-infern, billi rriġetta lil Kristu. Mhuwiex inġust ngħidu illi Ġuda u l-infidili l-oħra li jmorru l-infern jappartienu għal hemm: hu posthom (cf., Ġw.6:70). 


At.1:26. tefgħu x-xorti. Fil-Patt il-Qadim ix-xorti hi msemmija bħala mezz biex tiġi aċċertata r-rieda t’Alla (cf., Es.28:30; Lev.16:8-10; Ġoż.7:14; Prov.18:18). Dan ma jimplikax li n-nies għandhom jixħtu x-xorti biex jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom illum, għax m’hemm ebda kmand fil-Patt il-Ġdid għal dan. Il-ħatra ta’ appostlu kienet sitwazzjoni unika, għażla li għamilha Ġesù nnifsu. 

Fil-bqija tal-Patt il-Ġdid, il-presbiteri u d-djakni huma appuntati għall-kariga skont id-deċiżjonijiet ta’ bnedmin oħra, sew jekk appostlu jew oħrajn fil-knejjes (ara At.6:3-6; 14:23; 15:22; 2 Kor.8:19), fuq kriterji stabiliti u magħrufa (1 Tim.3:1-13; Titu 1:5-9). Il-miġja tal-Ispirtu u r-rivelzzjoni kompluta t’Alla, l-Iskrittura, jagħmlu l-użu tax-xorti proċedura mhix neċessarja għal-lum. B’għerf mogħti mill-Iskrittura u l-Ispirtu t’Alla, l-awtur tagħha, nistgħu naslu biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlija u sewwa. 


At.2:1. Pentekoste (At.20:16; 1 Kor.16:8) hi magħrufa wkoll bħala Għid il-Ħamsin. Hi festa Lhudija ċelebrata fil-ħamsin jum wara l-Għid, ċoè fis-sitt jum ta’ Sivan (ħabta ta’ Mejju jew Ġunju, skont il-kalendarju tagħna). Fil-Patt il-Qadim nsibuha bħala l-Festa tal-Ġimgħat. Fiha kienu jsiru diversi offerti u tkun proklamata konvokazzjoni qaddisa, bla ma jsir xogħol (Es.23:16; 34:22; Lev.23:15-21; Num.28:26-31; Dt.16:9-12). L-Iżraeliti kienu jersqu bl-offerti voluntarji tagħhom lill-Mulej, skont kif ikun berikhom.

Il-festa hi tipika tal-preżentazzjoni tal-qaddisin fis-setgħa u s-santifikazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Kien jum ta’ hena universali quddiem il-Mulej (Dt.16:9-12); serva bħala l-bidu tal-ġmigħ tal-ħsad. Hu sinifikanti kif il-knisja tal-Patt il-Ġdid ġiet inawgurata proprjament f’din il-festa (At.2:1).

Festi Lhud oħra li ma jissemmewx fil-Patt il-Ġdid huma l-Ewwel Frott (Lev.23:9-14; Num.28:26), it-Trombi, jew Rox Ħaxana (Lev.23:23-25; Num.29:1-6) u Jum it-Tpattija, jew Jom Kippur (Lev.16:23-32; Num.29:7-11). Għandna referenza impliċita għal din l-aħħar festa fl-Ebrej 9:7, kif ukoll il-menzjoni tas-sawma obbligatorja fil-Jom Kippur (At.27:9. Jekk is-sena kienet 59 w.K. is-sawma msemmija hawn ħabtet fil-ħamsa t’Ottubru). 

Il-Purim kien ukoll żmien sagru għal-Lhud; tista’ tingħad bħala festa, u kienet tinżamm fl-erbatax u l-ħmistax ta’ Adar, it-tnax-il xahar. Oriġinat fi żmien meta kumplott serju biex jiġi esterminat il-ġens Lhudi falla (Et.9:18-32). Ma tissemmiex fil-Patt il-Ġdid.


At.2:2-3. Tliet sinjali – riħ...nar...ilsna – taw xhieda tal-preżenza divina (Es.3:2; 13:21; 24:17; 40:38; 1 Slat.19:11-13). Ir-riħ kien simbolu tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu (Eż.37:9,13; Ġw.3:8) mentri n-nar kien simbolu tal-qawwa tiegħu biex inaddaf u jiġġudika (Mt.3:11-12). 


At.2:4. L-ilsna kienu diversi lingwi reali mitkellma fil-partijiet tar-reġjun tal-Mediterran, minn Ruma sal-Persja. L-ilsna kienu lingwi umani kurrenti dak iż-żmien. Evidentement id-don illum m’għadux operattiv; dak li jsir fil-Pentekostaliżmu hu biss kakofonija ta’ ħsejjes jew sillabi bla sens. Biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom xi wħud jgħidu li huma lingwi tal-anġli; imkien l-Iskrittura ma tagħti ħjiel ta’ dan. Dejjem u kullimkien fil-Patt il-Ġdid l-ilsna huma lingwi veri li jistgħu jkunu tradotti għal lingwa oħra. Difatti l-pellegrini li nzertaw Ġerusalemm u semgħuhom għarfu l-lingwa jew djalett minn pajjiżhom mnejn ġew (At.2:6). Luqa jagħti lista ta’ pajjiżi u gruppi etniċi, prova oħra illi l-ilsna kienu lingwi umani ta’ veru (At.2:9-11). 

L-Ispirtu s-Santu ta l-abbiltà lil ċerti fidili biex jitkellmu b’lingwi li qatt ma tgħallmuhom, bħala sinjal ta’ ġudizzju fuq Iżrael miskredenti (1 Kor.14:21-22). Urew ukoll illi minn dakinhar ’il quddiem il-poplu t’Alla kellu jkun ifformat min-nies meħuda mill-ġnus kollha. Immarkaw l-era ta’ transizzjoni minn Iżrael nazzjonali għal Iżrael il-ġdid, il-knisja. L-ilsna jissemmew darbtejn oħra biss fl-Atti (10:46; 19:6). 


At.2:4. mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu. Ir-referenza hi probabbilment għall-mija u għoxrin miġbura flimkien (At.1:15). Ġoel 2:28 ibassar kif Alla kellu jferra’ l-Ispirtu tiegħu fuq “kull laħam.” L-ewwel dixxipli kienu taħt il-gwida speċjali u l-influwenza tal-Ispirtu, bl-evidenza partikolari illi kienu kapaċi jitkellmu b’lingwi reali li qatt ma tgħallmu (cf., At.10:46; 19:6). Il-miġja tal-Ispirtu ma tfissirx li ma kienx attiv fost il-poplu t’Alla fil-Patt il-Qadim (ara Imħ.3:10; 1 Sam.10:6; Sal.51:11; Isa.11:2; 63:10-11).

F’kuntrast għall-magħmudija bl-Ispirtu, li hi att ta’ darba li bih Alla jqiegħed lill-fidil ġdid fil-ġisem ta’ Kristu (1 Kor.12:13), il-mili tal-Ispirtu hu realtà ripetuta. Bil-mili, jew kontroll, tal-Ispirtu, il-fidili jġibu ruħhom denjament ta’ Sidhom, u huma allura kmandati biex ikunu kontinwament maħkuma minnu (Ef.5:18). L-istess nies f’Pentekoste kienu mimlija bl-Ispirtu għal darb’ oħra aktar tard (eż., At.4:8,31; 6:5; 7:55). Riżultat wieħed tal-mili hu illi l-Kristjan jagħti xhieda bil-kunfidenza, dipendenti fuq il-qawwa ta’ Sidu, però l-mili tal-Ispirtu jaffettwa kull qasam tal-ħajja (cf., Ef.5:19-33).

bħalma l-Ispirtu tahom li jlissnu. Fil-ħajja Kristjana kollha xejn mhu mwettaq apparti minn Alla (Ef.2:10; Fil.2:12-13). 


At.2:5. kull ġens. L-Għid kien għadu kif ġibed eluf ta’ nies mid-dinja magħrufa ta’ dak iż-żmien. Pentekoste jissinifika illi s-saħta fuq it-torri ta’ Babel bdiet tiġi rriversjata. Dakinhar l-umanità tħawdet u nqasmet minħabba l-kburija (Ġen.11:1-9), mentri l-vanġelu jgħaqqad il-ġnus biex isebbħu lil Alla (At.2:11; Rum.15:5-12). Frattant kien ukoll sinjal ta’ ġudizzju fuq dawk li jwarrbu l-vanġelu, bħalma għamel parti kbira minn Iżrael (Isa.28:11-12; 1 Kor.14:21-22). 


At.2:11. dwar l-għemejjel potenti t’Alla. Il-Kristjani kienu qed jikkwotaw mill-Patt il-Qadim x’għamel Alla għal niesu (cf., Es.15:11; Sal.40:5; 77:11; 96:3; 107:21). It-tali tifħir kien sikwit mismugħ f’Ġerusalemm matul staġuni festivi. 


At.2:12-13. “Xi jfisser dan?” Il-miraklu attira l-folla, iżda r-reazzjonijiet varjati wrew illi kellu jkun spjegat bl-ippritkar tal-Iskrittura. 


At.2:14. Pietru, bilwieqfa flimkien mal-ħdax. Pietru, darba beżżiegħ, issa jippritka fl-istess belt li sallbet lil Sidu. Il-messaġġ tiegħu jiffoka fuq it-twettiq tal-għanijiet salviviċi t’Alla permezz ta’ Ibnu. 

Sikwit Pietru serva bħala portavuċi, jew kelliem, għan-nom ta’ sħabu. B’daqshekk mhux implikat illi kien kap fuqhom jew b’awtorità ogħla minn tagħhom. M’hemm ebda evidenza biblika soda li turi illi Pietru kien l-ewwel papa. Il-papat kien żvilupp medjevali. Kristu kien u jibqa’ r-ras u l-kap uniku tal-knisja. 


At.2:17-21. ‘Jiġri fl-aħħar jiem,’ jgħid Alla. Pietru jikkwota minn Ġoel 2:28-32, fejn Alla wiegħed illi mhux biss iferra’ l-Ispirtu tiegħu iżda wkoll illi jiġi b’ġudizzju kontra l-bniedem u l-ħolqien. 

L-aħħar jiem (cf., Isa.2:2; Ħos.3:5; Mik.4:1; 1 Tim.4:1; 2 Tim.3:1; 1 Pt.1:20; 1 Ġw.2:18) jagħmluha ċara illi Ġoel kien qed jirreferi għall-aħħar żminijiet imwiegħda minn Alla. Pietru jinterpreta kliem il-profeta Ġoel bħala referenza għall-patt ġdid f’kuntrast mal-jiem bikrija tal-patt il-qadim (Ebr.8:7; 9:1).

“L-aħħar jiem” fil-Patt il-Qadim huma kkonsidrati ż-żmiem meta l-Mulej jaġixxi bis-setgħa biex jiġġudika l-ħażen u jġib is-salvazzjoni lil niesu (cf., Isa.2:2-21; 3:18-4:6; 10:20-23; Ħos.1-2; Ġoel 1-3; Am.8:9-11; 9:9-12). 

Il-Patt il-Ġdid jiżvela li l-aħħar jiem bdew mal-ewwel miġja ta’ Kristu u t-tferrigħ inizjali tal-Ispirtu fuq il-poplu t’Alla, u li l-aħħar jiem jintemmu mat-tieni miġja tal-Mulej (Mk.1:15; Lq.4:18-21; Ebr.1:1-2). Dan iż-żmien speċifiku hu karatterizzat bħala żmiem ta’ ġudizzju kontra l-ħażen, awtorità fuq id-demonji, salvazzjoni għar-razza umana u l-preżenza ta’ saltnet Alla. 

L-aħħar jiem jinvolvu l-invażjoni tas-setgħa t’Alla permezz ta’ Kristu fid-demanju ta’ Satana u d-dnub. Frattant il-gwerra għadha kif bdiet; għadha mhijiex konsumata, għax il-ħażen u l-attività satanika għadhom preżenti (Ef.6:10-18). Biss it-tieni avvent ta’ Kristu jġib fi tmiem l-attività ta’ forzi ħżiena u jiffinalizza l-aħħar jiem (cf., 1 Pt.1:3-5; Riv.19). 

L-aħħar jiem jikkostitwixxu żmien ta’ xhieda profetika; kulħadd hu msejjaħ biex jindem, jemmen fi Kristu u jesperjenza t-tferrigħ tal-Ispirtu s-Santu (At.1:8; 2:4,28-40; Ġoel 2:28-32). Jeħtieġ nipproklamaw il-ħidma salvivika ta’ Kristu bil-qawwa tal-Ispirtu, aħna u nantiċipaw il-jum finali tal-għadab (Rum.2:5), ċoè, il-jum kbir u glorjuż tas-Sid. Irridu ngħixu kuljum fuq l-allert, nistennew jum il-fidwa u r-ritorn ta’ Kristu għal niesu (Ġw.14:3; 1 Tes.4:15-17).

L-aħħar jiem jinawguraw saltnet Alla, li issa tiġi bis-setgħa. Jeħtieġ nesperjenzaw il-milja ta’ dik il-qawwa aħna u niffaċċjaw taqbid spiritwali (2 Kor.10:3-5; Ef.6:11-12), u tbatija minħabba l-ġustizzja (Mt.5:10-12; 1 Pt.1:6-7).


At.2:20-21. Ix-xemx se tinqaleb fi dlam, sew jekk b’mod litteru jew simboliku, tindika l-konsumazzjoni finali tad-dinja. Pietru inkluda l-profezija sħiħa avolja fadal parti minnha illi għad titwettaq. 

Il-kwotazzjoni minn Ġoel intemmet mal-vers prinċipali (Ġoel 2:32), li jassigura li kull min jinvoka isem is-Sid se jkun salvat. Naturalment l-udjenza ta’ Pietru kienet tassumi li s-Sid hu Jaħwè ta’ Iżrael, imma għal Pietru isem is-Sid li jsalva hu Ġesù (At.2:36; cf., 4:12). L-applikazzjoni tat-titlu “Sid” (Ġoel 2:32) lil Ġesù tikkonferma d-divinità tiegħu. 

Ma kienx neċessarju ssir proselita Lhudi biex tkun salvat (At.2:10). Minflok, dawk kollha li jagħrfu l-miżerja ta’ dnubhom stess, u jirrinunzjaw il-konfidenza fihom infushom jew f’qawwiet oħra, u jitolbu lil Alla fi Kristu għas-salvazzjoni jkunu meħlusa mill-kastig għal dnubhom (Rum.10:13).


At.2:22. Ġesù n-Nazzarenu. Dan it-titlu hu wżat bnadi oħra minn Luqa (Lq.18:37; 24:19; At.6:14; 10:38; 22:8; 26:9). Fil-prietka Pietru jenfasizza fatti importanti dwar Ġesù: mewtu (At.2:23), ir-resurrezzjoni fiżika tiegħu (At.2:24-32), l-eżaltazzjoni tiegħu (At.2:33), l-inkurunazzjoni tiegħu (At.2:34,36), u l-konkwista finali fit-tieni miġja tiegħu (At.2:35). 


At.2:22. raġel akkreditat minn Alla għalikom b’setgħat. Il-mirakli ngħataw bħala prova tal-missjoni ta’ Mosè (Es.4:1-17); u Nikodemu għaraf illi Ġesù ntbagħat minn Alla bl-evidenza kotrana tal-mirakli tiegħu (Ġw.3:2). Alla ta xhieda għall-vanġelu tiegħu bil-mirakli (Ebr.2:4). 

Mill-banda l-oħra hu ovvju illi l-mirakli ma jaħdmux biex jikkonfermaw il-messaġġ divin għal dawk li ma jemmnux (Lq.16:31; Ġw.12:36-37). 

Hemm raġuni għal did-diskrepanza apparenti. Hemm differenza bejn prova u persważjoni. Il-mirakli ta’ Ġesù kienu konferma ta’ kulma klejmja dwaru nnifsu, iżda b’daqshekk ma jfissirx li kull min rahom kien konvint bihom. Kienu dimostrazzjoni oġġettiva, iżda mhux in-nies kollha laqgħuhom soġġettivament. L-evidenza, hi x’inhi u tingħata f’liema qasam tingħata, hi effettiva biss fuq il-moħħ li jrid, mhux li ma jridx. Dawk li ma jridux jammettu lil Alla f’ħajjithom jisimgħu biss ragħda, mentri dawk li huma miftuħa għalih jisimgħu leħnu (Ġw.12:27-29). 


At.2:23. skont il-pjan determinat u t-tagħrif minn qabel t’Alla. Għalkemm nies ħżiena, Lhud u pagani (At.4:27-28) minn rajhom qatlu lil Ġesù, l-azzjonijiet tagħhom kienu fid-determinazzjoni sovrana t’Alla (cf., 2 Kron.25:16; Ġer.21:10; Dan.11:36; At.17:26). Alla appuna lil Ibnu għall-mewt, imma l-qattiela immedjati jġorru ħtija fuqhom talli sallbuh (At.3:17; 13:27). Alla jaħtar kemm il-mezzi kif ukoll it-tmiem tal-avvenimenti umani mingħajr ma jivvjola l-libertà umana u r-responsabbiltà tal-bniedem. Il-Lhud ma setgħux jgħaddu l-ħtija lir-Rumani; kienu huma li insistew biex Ġesù jkun iġġustizzjat; għaldaqstant kienu kolpevoli (At.3:15; 4:10; 5:30; 10:39). 


At.2:24. kien impossibbli għalih li jinżamm minnha. Minħabba l-qawwa divina tiegħu (Ġw.11:25; Ebr.2:14), kif ukoll minħabba l-wegħda u l-għan t’Alla (Lq.24:46; Ġw.2:18-22; 1 Kor.15:16-26), Kristu ma setax jibqa’ mejjet, avolja l-qabar qatt mhu sodisfatt (Prov.30:16). Kiser qawwietha, hekk li ma kellha ebda klejm fuqu (Rum.6:9). 


At.2:25-31. David jgħid dwaru. F’Salm 16 is-Sultan David primarjament qed jitkellem dwar l-esperjenzi u t-tbatija tiegħu nnifsu, imma fil-versi kwotati hawn qed jitkellem fl-aħħar mill-aħħar dwar Ġesù, il-Qaddis t’Alla li ġismu m’għaddiex mit-taħsir (At.2:27). Pietru rraġuna li ladarba David miet u ġismu tħassar, allura kien qed jitkellem dwar wieħed mid-dixxendenti tiegħu. Ladarba Ġesù hu l-uniku wieħed li kkonkwista l-mewt u hu dixxendent ta’ David, allura bilfors hu l-Messija mwiegħed li David bassar dwaru.


At.2:27. tabbanduna ’l ruħi f’Ħades. Ħades hu l-ekwivalenti fil-Patt il-Ġdid għal Xeol fil-Patt il-Qadim. Għalkemm kultant hu identifikat bħala l-infern (Mt.11:23), hawnhekk jirreferi għall-istat tal-mejtin. Hemm teorija infondati illi tgħid li meta Kristu miet, mar fil-kompartiment ta’ Ħades fejn kien hemm miżmuma l-qaddisin tal-Patt il-Qadim u daħħalhom il-ġenna għall-ewwel darba. Din l-idea hi falza għall-aħħar, għax:

1. Preċiżament qabel miet wiegħed lill-ħalliel mislub maġenbu illi se jieħdu l-ġenna miegħu; mela ruħ Kritu marret il-ġenna (Lq.23:43). Il-ġenna hi t-tielet sema, ċoè l-għamara t’Alla (2 Kor.12:1-4). 

2. Qabel miet talab lill-Missier u kkommetta ruħu f’idejh; fi kliem ieħor, kien se jmur direttament fis-smewwiet (Lq.23:46).

3. Meta l-qaddisin tal-Patt il-Qadim kienu jmutu, nafu illi kienu jmorru direttament fis-sema. Alla ħa lil Ħenok biex ikun miegħu (Ġen.5:24; Ebr.11:5), u mar fis-sema meta ttieħed minn fuq l-art (2 Slat.2:1). 

4. It-tama tal-qaddisin fil-Patt il-Qadim kienet illi jkunu milqugħa minn Alla (Sal.73:23-24). 

5. Ħdan Abraħam (Lq.16:23), fejn mar Lazzru meta miet, hu deskrizzjoni tas-sema. Qatt mhu deskritt bħala Ħades jew l-infern. Hu saltnet is-smewwiet (Mt.8:11). 

6. Qabel miet Ġesù, il-fidili kienu jittieħdu l-ġenna għax Kristu kien il-Ħaruf maqtul mill-pedament tad-dinja (Riv.13:8), xi ħaġa ċerta, u allura fuq li-merti tiegħu Alla laqagħhom fil-preżenza konfortabbli tiegħu. 

7. Meta jingħad fil-kredu illi Ġesù “niżel fil-Limbu” (ie., Ħades), niftakru li l-frażi żdiedet biss fir-raba’ seklu. U bħala kredu mhuwiex ispirat, iżda stqarrija umana ta’ fidi. B’din il-frażi nifhmu illi Ġesù kien fiżikament fi stat ta’ mewt bit-tislib tiegħu.


At.2:30-32. Pietru jagħti t-tifsira ta’ Salm 16 bħala qed jirreferi, mhux għal David, iżda għal Ġesù Kristu, li kellu jitqajjem biex jirrenja (At.2:30; cf., Sal.2:1-9; 89:3). 

billi kien profeta. Pietru jikkwota Salm 132:11. Bħala kelliem għal Alla, David kien jaf illi Alla se jżomm u jonora l-ħalfa tiegħu (2 Sam.7:11-16) u Kristu kellu jiġi. 

Dan Ġesù qajmu Alla (cf., At.2:24; 10:40; 17:31; 1 Kor.6:14; Ef.1:20). Ir-resurrezzjoni hi l-attestazzjoni suprema illi Alla l-Missier approva s-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib. 

aħna lkoll xhieda. Appuntu, l-inkarigu prinċipali tal-appostli kien illi jaffermaw illi raw lil Kristu rxoxtat, bħala s-sors u l-kawża tas-salvazzjoni tal-bnedmin (At.3:15,26; 4:10; 5:30; 10:40; 13:30,33-34,37; 17:31). 


At.2:33. mgħolli għal fuq il-leminija t’Alla. Il-pjan t’Alla jmur lil hinn mill-qawmien ta’ Ibnu, li kellu jkun eżaltat għall-pożizzjoni glorjuża tiegħu li okkupa mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu mill-eternità (Ġw.17:5). 

sawwab dan. It-tferrigħ tal-Ispirtu s-Santu kien wirja pubblika tas-setgħa rjali ta’ Kristu. 


At.2:34. mhux David tela’ fis-smewwiet. Naturalment ruħ David, f’mewtu, intlaqgħet minn Alla fis-smewwiet (At.13:22; Mt.22:42-46). Allura Pietru hawn qed jirreferi għal ġisem David, li kien fil-qabar, u ma qamx mill-mewt. 


At.2:36. Alla għamlu kemm Sid kif ukoll Kristu. Fid-dikjarazzjoni kruċjali u finali tiegħu Pietru jisħaq illi Ġesù hu l-Messija mwiegħed tul il-Patt il-Qadim (At.3:18,20; 4:26; 5:42; Isa.11:1; Lq.4;18-21); hu wkoll is-Sid eżaltat, Alla nnifsu (Rum.10:9; 1 Kor.12:3; Fil.2:9-11), u s-Sultan renjanti (1 Kor.15:24-25; Riv.19:16). 


At.2:37. intnifdu f’qalbhom. L-Ispirtu s-Santu jinqeda b’Kelmtu bħal sikkina jew xabla biex jippenetra sal-qalb bil-konvinzjoni tad-dnub (Ġw.16:8; Ef.6:17; Ebr.4:12). 

“X’se nagħmlu, l-aħwa?” Dawk konvinti minn dnubhom għadhom mhumiex salvati, iżda jħossu l-bżonn urġenti illi jkollhom Salvatur (At.16:30). 


At.2:38. Indmu. L-indiema hi d-dawrien tagħna lejn Alla b’sogħba ġenwina għad-dnub, b’determinazzjoni li nabbandunawh u nissieltu kontra l-ħażen. L-indiema, murija u espressa fil-magħmudija, kienet parti integrali:

1. Fix-xandir ta’ Ġwanni l-Battista (Mt.3:1; Mk.1:4). 

2. Fit-tagħlim ta’ Ġesù (Mt.4:17; 11:20; Lq.13:3,5).

3. Fil-proklamazzjoni tal-knisja bikrija (Mt.28:18-19; At.17:30-31; 26:19-20). Hekk għandha tibqa’ llum. 

f’isem Ġesù Kristu. Il-magħmudija, bix-xieraq, issir f’isem it-tliet persuni tat-Trinità, iżda hawn Pietru jsemmi lill-Iben biss peress li l-prietka tiegħu kellha x’taqsam ma’ Ġesù u l-ministeru tiegħu. Għal fidil ġdid, il-magħmudija hi identifikazzjoni kruċjali u tiswa biex wieħed jaċċettaha. 

L-isem ta’ Ġesù hu l-glorja tiegħu rivelata fil-vanġelu (Sal.8:1; 9:10), mhux sempliċement formula mitkellma (At.19:13-17). L-isem jiġbor fih l-evanġelju jew l-aġir bil-fidi fl-evanġelju (At.3:6; 4:18; 5:40-42; 8:12,16; 9:27,29; 10:48; 15:26; 16:18; 19:5; 21:13; 22:16). 

għall-maħfra ta’ dnubietkom. Il-magħmudija bl-immersjoni fl-ilma hi sinjal u siġill tat-tindif spiritwali li l-Ispirtu s-Santu jeffettwa bil-maħfra tad-dnubiet (Titu 3:5). Meta wieħed ikun irid jisssottometti għall-magħmudija jkun qed jesprimi l-fidi ġewwiena tiegħu fi Kristu (cf., 1 Pt.3:21). Il-vanġelu jista’ jkun miġbur fil-qosor f’diversi modi:

1. Kultant il-fidi biss hi msemmija bħala l-unika ħaġa neċessarja għas-salvazzjoni (Ġw.3:16; At.16:31; Rum.10:9; Ef.2:8-9). 

2. Drabi oħra l-indiema waħidha hi msemmija (Lq.24:47; At.3:19; 5:31; 17:30; 2 Kor.7:10). 

3. Jerġa’ f’xi passi l-fidi u l-indiema huma msemmija flimkien (At.20:21; 26:18-20). 

L-ispjegazzjoni hi sempliċi: il-fidi ġenwina dejjem tinvolvi l-indiema, u viċe versa. L-indiema tinkludi bidla radikali fil-moħħ li twassal għal afdar f’Alla. 

Pietru apparentement qed jgħid illi dawk li rrispondew kellhom jindmu u jkunu mgħammda qabel ma jkunu jistgħu jirċievu l-Ispirtu s-Santu. L-espressjoni tiegħu tixbah lil tal-evanġelista, “Deher Ġwanni jgħammed fid-deżert u jipproklama magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet” (Mk.1:4); u saħansitra ta’ Ġesù, “l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tkun pritkata f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm” (Lq.24:47). Nirribattu billi nosservaw:

1. Il-kelma “għal” (eis) tista’ tfisser “in vista ta’” jew anke “minħabba.” F’dal-każ, il-magħmudija bl-ilma ssir għax kienu salvati, mhux sabiex ikunu salvati. Il-magħmudija ma tipproduċix il-maħfra; ir-realtà tal-maħfra tippreċiedi l-magħmudija (At.2:40-41). L-indiema ġenwina tirriżulta f’maħfra mingħand Alla (Ef.1:7), u minħabba f’dan il-fidil ġdid kellu jkun mgħammed. Il-magħmudija, allura, kellha tkun l-att dejjem preżenti ta’ ubbidjenza, hekk li virtwalment saret sinonima mas-salvazzjoni. Mela meta jingħad li wieħed jitgħammed għall-maħfra hu l-istess bħal meta tgħid li wieħed hu salvat. 

2. In-nies isalvaw billi jilqgħu l-kelma t’Alla, u partikolarment l-evanġelju dwar Ibnu. Ħafna mill-udjenza ta’ Pietru hekk għamlu. “Għalhekk dawk li aċċettaw kelmtu tgħammdu, u żdiedu f’dak il-jum madwar tlett elef ruħ” (At.2:41). Ir-realtà tal-maħfra tippreċiedi r-rit tal-magħmudija. L-indiema ġenwina ġġib il-maħfra mingħand Alla (cf., Ef.1:7), u minħabba f’hekk il-fidil ġdid hu mgħammed.

3. Il-knisja hi deskritta bħala komposta minn persuni li emmnu, mhux li tgħammdu. “Dawk kollha li emmnu kienu flimkien u kellhom kollox komuni” (At.2:44). Il-ħaġa distintiva u indispensabbli għas-salvazzjoni hi l-fidi fi Kristu, mhux il-magħmudija. Il-magħmudija, madankollu, hi l-att dejjem preżenti ta’ ubbidjenza (rispons bil-fidi xieraq għall-evanġelju), hekk li ssir virtwalment sinonima mas-salvazzjoni. Meta tgħid wieħed hu mgħammed għall-maħfra hu l-istess bħal meta tgħid hu salvat. Kull fidil igawdi l-maħfra kompluta ta’ dnubietu (Mt.26:28; Lq.24:47; Ef.1:7; Kol.2:13; 1 Ġw.2:12). 

4. Aktar tard, jidher ċarissmu illi dawk li emmnu l-messaġġ ta’ Pietru rċevew l-Ispirtu s-Santu qabel ma tgħammdu. Pietru qal, “Jaqaw jista’ xi ħadd jipprojbixxi l-ilma biex dawn ma jitgħammdux, li rċevew l-Ispirtu s-Santu proprju bħalma rċivejnieh aħna wkoll?” (At.10:47).

5. Pawlu jissepara l-magħmudija mill-evanġelju (1 Kor.1:17). Hu speċifikmament il-vanġelu li jsalvana. “Għax jien ma nistħix mill-evanġelju, għax hu s-setgħa t’Alla għas-salvazzjoni ’l kull min jemmen, kemm għal-Lhudi l-ewwel kif ukoll għall-Grieg” (Rum.1:16). Mela, il-magħmudija mhijiex parti minn dak li jsalvana. 

6. Ġesù rrefera għall-magħmudija bħala opra ta’ ġustizzja (Mt.3:15). Imma l-Bibbja tiddikjara ċar illi “salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-miżerikordja tiegħu” (Titu 3:5).

7. L-Evanġelju kollu ta’ Ġwanni, miktub espliċitament biex in-nies ikunu jistgħu jemmnu u jsalvaw (Ġw.20:31), ma jippreżentax il-magħmudija bħala kondizzjoni għas-salvazzjoni. Sempliċement jgħid ripetutament, kemm direttament kif ukoll b’diversi figuri tad-diskors, illi l-bnedmin għandhom “jemmnu” f’Ġesù u jkunu salvati (cf., Ġw.3:16,18,36; eċċ.).

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi jidher l-aħjar illi nifhmu l-istqarrija ta’ Pietru hekk: “Indmu u tgħammdu in vista tal-maħfra tad-dnubiet.” Il-kuntest hekk jindika u l-bqija tal-Iskrittura hekk tgħallem. It-twemmin (jew l-indiema) u l-magħmudija huma mqiegħda flimkien, ladarba l-magħmudija messha ssegwi t-twemmin. Iżda mkien ma tgħid, “Min ma jitgħammidx se jkun ikkundannat” (cf., Mk.16:16). Frattant Ġesù qal enfatikament illi “min ma jemminx hu diġà kkundannat” (Ġw.3:18). Il-magħmudija hi kmandata għad-dixxiplu, però mhix deċiżiva jew indispensabbli għas-salvazzjoni. 

tirċievu l-għotja tal-Ispirtu s-Santu. Kull min jemmen immedjatament isir għamara tal-Ispirtu santifikanti t’Alla, kif ukoll jirċievi l-maħfra (Ef.1:7) u jkun imsaħħaħ għall-qadi bħala dixxiplu. Sinifikanti kif Pietru hawnhekk ma jitkellem xejn dwar ir-riċeviment tad-don tal-ilsna. L-għotjiet tal-maħfra u l-Ispirtu residenti fil-fidili huma essenzjali għall-produzzjoni ta’ frott jew kobor fil-virtujiet Kristjani (Gal.5:22-23). Il-fidili jkunu wkoll f’pożizzjoni biex jibdew jeżerċitaw id-doni li l-Ispirtu jagħżel illi jagħti fi żminijiet differenti lill-fidili diversi (1 Kor.12:4-11). 


At.2:39. Il-wegħda hi referenza għall-patt t’Alla (Ġen.17:7). Pietru qal lis-semmiegħa illi dil-wegħda tiġihom bis-sinċerità kollha: jekk jindmu jirċievu l-maħfra. Jekk jissodisfaw il-kondizzjoni (indiema) jirċievu l-barka (maħfra, u l-Ispirtu s-Santu nnifsu). 

għal kull min isejjaħ lejh is-Sid. Bħal dejjem, is-salvazzjoni hi msejsa fuq l-għażla u s-sejħa t’Alla (Ġw.6:37; Ef.1:4-5). Fl-aħħar mill-aħħar tiġi mingħandu, bħala għotja ta’ grazzja, mingħajr mertu uman. 


At.2:40. Kunu salvati minn dil-ġenerazzjoni perversa! Ħadd ma jista’ jara wiċċ Alla jekk ma jdurx mit-taħsir u l-korruzzjoni tas-soċjetà preżenti (cf., Lq.9:41; 11:29; 17:25; Fil.2:15). Speċjalment Kristjani ġodda għandhom ikunu mgħallma biex jabbandunaw relazzjonijiet midinba, jitilqu s-seduzzjonijiet u t-tlellix ta’ dinja ħażina, jgħixu f’komunjoni regolari ma’ Kristu u niesu, u jimpenjaw ruħhom għall-qadi u l-ħidma t’Alla (2 Kor.6:14,17). 


At.2:41. tlett elef ruħ. Dan hu xogħol rimarkevoli tal-Ispirtu, il-ħwejjeġ ikbar li Ġesù wiegħed lid-dixxipli illi kellhom jagħmlu (Ġw.14:12). 


At.2:42. ddedikaw irwieħhom għat-tagħlim tal-appostli u għax-xirka, fi qsim il-ħobż u fit-talb. Din hi ġabra fil-qosor tal-elementi essenzjali meħtieġa fid-dixxiplar Kristjan. Huma elementi li l-appostli nfishom tgħallmuhom fl-esperjenza tagħhom ma’ Ġesù: it-tagħlim tiegħu dwar il-persuna u l-ħidma tiegħu (Mt.16:18-19; Lq.24:46) u r-responsabbiltà Kristjana tagħhom bħala s-segwaċi tiegħu (Mt.5-7), il-komunjoni ta’ Kristu mad-dixxipli tiegħu (Ġw.13; 1 Ġw.1:3), l-Ikla tal-Mulej, jew Qsim il-Ħobż (Mt.26:17-30; 1 Kor.11:24-29), u d-dixxiplina vitali tat-talb (Mt.6:5-13; Lq.11:1-13; Ġw.14:13-14; At.1:14,24; 4:24-31). 

Il-Kristjani jiltaqgħu flimkien biex iwettqu d-dover spiritwali tagħhom billi jistimulaw lil xulxin għall-għejxien ġust u ubbidjenza evanġelika. Impressjonanti kemm insibu tħeġġiġ għall-għajnuna reċiproka ta’ kull tip (cf., Rum.12:10; 13:8; 15:5; Gal.5:13; Ef.4:2,25; 5:21; Kol.3:9; 1 Tes.4:9; Ebr.3:13; 10:24-25; 1 Pt.4:9-10). 

fit-talb probabbli hi referenza għal-laqgħat ta’ talb f’ħinijiet speċifiċi. L-importanza ta’ talb korporat hi enfasizzata (At.1:14,24; 3:1; 6:4,6; 12:5,12; 13:2-3; 14:23; 16:13,16,25; 20:36; 21:5). 


At.2:43. għeġubijiet u sinjali mirakolużi permezz tal-appostli. L-abbiltà biex isiru mirakli kienet limitati għall-appostli u xi kollegi qrib tagħhom. Jissemma Stiefnu (At.6:8), Filippu (At.8:13) u Barnaba (At.14:3; cf., 2 Kor.12:12; Ebr.2:3-4). Dawn il-mirakli produċew timenza u rispett għall-qawwa divina, u servew bħala awtentikazzjoni tal-messaġġ appostoliku. 


At.2:44. kienu flimkien. Ix-xirka u l-ħajja komunitarja tad-dixxipli bikrija huma dimostrazzjoni sabiħa tal-unità maħluqa mill-Ispirtu, karatteristika essenzjali tal-knisja (Ef.4:3). 


At.2:44-45. jbiegħu l-proprjetajiet. Lil min hu indirizzat il-pass? Bħala rekordju ta’ avveniment storiku, dan hu limitat għal żmien u kundizzjonijiet oħra. Liema prinċipju ġeneriku hemm wara l-azzjon jew l-avveniment? Jaqaw dan hu l-mod kif il-Kristjani kollha f’kull żmien u f’kull soċjetà għandhom iġibu ruħhom? Ladarba din l-imġiba hi rapportata f’dawl favorevoli, kemm hawn kif ukoll iżjed ċar band’ oħra (At.4:33-5:11), nistgħu nisiltu għallinqas prinċipju wieħed: hi ħaġa tajba u lodevoli illi komunità Kristjana jkollha kollox komuni, jew li tbiegħ il-proprjetà tiegħek u tagħti d-dħul lil min hu fil-bżonn. L-uniku mod li dan jista’ jiġi kkonsidrat ħażin hu jekk hemm imposta xi limitazzjoni, jew kieku nsibu xi kundanna ta’ dan f’xi passaġġ ieħor fl-Iskrittura. Ladarba m’hemmx, irridu naċċettaw l-imġiba bħala xierqa, għallinqas għal xi Kristjani f’xi żminijiet. 

Luqa ma jagħtix raġuni ċara għal din l-imġiba. Ladarba ma jiddettax il-prinċipju, ma nistgħux nikkonkludu li dan hu normattiv, u allura l-obbligu tal-Kristjani kollha. Ma nistgħux nittrattawh bħala prinċipju mniżżel espliċitament għal kull ġenerazzjoni. F’dal-każ għandna saħansitra evidenza iżjed ta’ limitazzjoni fl-Atti 5:4, passaġġ korrispondenti miegħu. Ma kien hemm ebda regola li d-dixxipli bikrija kellhom ibiegħu jew kienu sforzati jagħtu kollox jew parti ta’ dak li biegħu. 

Għalhekk, liema prinċipju pożittiv nistgħu nisiltu minn din l-azzjoni kommendibbli? Liema huma l-implikazzjonijiet għad-dottrina jew ħajja kontemporanja? Dan l-eżempju jiddeskrivilna għoti ġeneruż u liberali bħala mod kif ngħixu. Jidher li r-responsabbiltà għall-għożża fiżika tal-knisja għandha tkun ikkonsidrata bħala l-livell tagħna. Bla dubju jeżistu prinċipji oħra. Il-prinċipji jissaħħu iżjed meta huma rinforzati b’tagħlim espliċitu fi mkejjen oħra tal-Bibbja. Infatti jsiru mandatorji. “Afda u obdi” – afda f’Alla li jieħu ħsieb bżonnijietek sabiex tkun ħieles biex tagħti – saħansitra tbigħ u tagħti. Għandna niddedikaw lilna nfusna biex nagħtu b’sens ta’ sagrifiċċju u nikkoltivaw relazzjoni bejnietna bħala membri tal-istess knisja.

Magħqudin fl-Ispirtu, il-fidili saru sensittivi għall-ħtiġijiet fiżiċi ta’ oħrajn u voluntarjament (At.4:34; 5:4) taw biex jintlaħqu dawk l-istess bżonnijiet (At.4:32). Għalkemm xi wħud irreferew għal dis-sitwazzjoni bħala “komuniżmu bikri,” mhuwiex il-każ, għax l-għoti kien minn rajhom, bla mġiegħla mill-gvern, u n-nies xorta waħda kellhom beni personali, għax baqgħu jiltaqgħu fi djarhom (At.2:46), u ħafna Kristjani oħra aktar tard xorta ppossedew id-djar (At.12:12; 17:5; 18:7; 20:20; 21:8,16; Rum.16:5; 1 Kor.16:19; Kol.4:15; 2 Ġw.10). L-aħwa ma kellhom ebda obbligu biex ibiegħu l-proprjetà u jagħtu flushom (At.5:4). Il-jedd għall-proprjetà privata jibqa’ (1 Tim.6:17-19; imma wkoll 1 Tim.6:6-10). Mill-banda l-oħra naraw ġenerożità volontarja li ċertament hi kommendibbli. 


At.2:46. jaqsmu l-ħobż tirreferi għall-ikliet komuni ta’ kuljum fid-djar. 


At.2:47. ifaħħru ’l Alla. Waħda mill-karatteristiċi ta’ stejqien veru hu x-xewqa li nqattgħu ħafna ħin fil-qima u l-adorazzjoni t’Alla.

is-Sid żied. Il-knisja tappartieni għall-Mulej; skont l-għan sovran u infallibbli tiegħu jibni l-knisja, bħalma wiegħed (Mt.16:18; At.2:39; 5:14; 1 Kor.3:9). 


At.3:1. Id-dixxipli baqgħu jmorru fil-maqdes, it-tempju ta’ Ġerusalemm, biex jitolbu. It-tempju kellu żewġ ħinijiet maħtura għat-talb: id-disgħa ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ waranofsinhar – id-disa’ siegħa.


At.3:6. f’isem Ġesù Kristu. Kien biss bil-fidi fil-qawwa ta’ Ġesù bħala s-Sid irxoxtat illi d-dixxipli kellhom is-setgħa jwettqu l-mirakli. 


At.3:12. bħallikieku bis-setgħa jew pjetà tagħna stess. Pietru kien pront biex jagħti glorja lil Kristu, bla ma jħajjar lin-nies iħarsu lejh bħallikieku hu speċjali (Ġen.41:15-16; Dan.2:23,26-30). 


At.3:13. Alla ta’ Abraħam, u Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb hi deskrizzjoni t’Alla familjari għall-udjenza Lhudija (cf., Es.3:6,15; 1 Slat.18:36; 1 Kron.29:18; 2 Kron.30:6; Mt.22:32). Hekk jenfasizza l-fedeltà t’Alla għall-patt tiegħu; jurihom illi qed jiddikjaralhom l-istess Alla u Messija proklamat mill-profeti fl-antik. 

s-serv tiegħu Ġesù. Ġesù hu r-rappreżentant personali t’Alla. Dan hu titlu mhux tas-soltu għal Ġesù, użat biss fl-Atti 3:13,26; 4:27,30 u Mattew 12:18 fil-Patt il-Ġdid, iżda hu isem aktar familjari għall-Messija fil-Patt il-Qadim (Isa.42:1-4,19; 49:5-7). 


At.3:14. ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust. Il-frażi, “il-Qaddis,” b’referenza għal Alla, tidher kemm-il darba fil-Patt il-Qadim. Il-frażi “il-Qaddis ta’ Iżrael” insibuha f’Isaija 1:4 u 5:24 (cf., Lq.1:35). Il-profeta evanġeliku jitkellem ukoll dwar Alla bħala “l-Ġust” (Isa.24:16; cf., At.7:52; 22:14). Filli japplika did-deskrizzjoni lil Ġesù, Pietru jindika d-divinità ta’ Kristu.


At.3:16. bil-fidi f’ismu. Fis-sens bibliku tal-kelma, “isem” ifisser kwalunkwe ħaġa vera dwar il-persuna, u allura, f’ċertu sens, il-persuna nfisha. Ġesù, li fejjaq lir-raġel zopp, ħadem permezz tal-fidi ta’ Pietru.


At.3:17. aġixxejtu bl-injoranza (cf., 1 Kor.2:8), għax ma fehmux kompletament illi Ġesù kien il-Messija veru kif ukoll Bin Alla. Imma t-tali injoranza, waqt li tista’ tnaqqas il-kastig, ma tneħħix ir-responsabbiltà tan-nies għall-azzjonijiet tagħhom.


At.3:18. nieda minn qabel b’fomm il-profeti kollha (cf., Lq.24:26-27,44-47). Pietru seta’ faċilment iċċita diversi passi (eż., Dt.18:15; Isa.53; Sal.2; 16:8-11; 22; cf., 1 Pt.1:10-11). 


At.3:19. Indmu hi kelma spissa fil-Patt il-Ġdid li tirrelata mal-midinbin meta jibdlu ħsiebhom dwar Alla, id-dnub u dwarhom infushom (At.9:35; 14:15; 26:18,20; Lq.1:16-17; 2 Kor.3:16; 1 Pt.2:25). 

ikunu mħassra (cf., Sal.51:9; Isa.43:25; 44:22). Hawnhekk il-maħfra hi paragunata ma’ meta l-linka tintmesaħ kompletament minn wiċċ dokument (Kol.2:14). 


At.3:20. jibgħat lil Kristu appuntat għalikom. Għadna qed nistennewh jirritorna fl-aħħar ta’ daż-żmien. Il-wegħda hi illi dawk li jindmu u jafdaw fi Kristu jidħlu fil-mistrieħ tiegħu (Ebr.4:3,11). 


At.3:18-21. biex dnubietkom ikunu mħassra. Is-sejħa għall-konverżjoni (dawrien lejn Alla bi ndiema u fidi) hi element neċessarju fl-ippritkar appostoliku (At.2:38; 17:30; 20:21). Fl-ordni tal-vanġelu, l-indiema u l-fidi jġibu magħhom maħfra mingħand Alla u t-tneħħija tad-dnub. 

Il-frażi, żminijiet ta’ freskezza, bħalma hi r-restawrazzjoni tal-ħwejjeġ kollha, abbli tirreferi għat-tieni miġja tal-Messija. Fiżikament Ġesù jibqa’ fil-ġenna sakemm tasal il-milja taż-żmien meta Alla jirrestawra l-univers skont kif wiegħed. L-avvenimenti fl-aħħar taż-żmien jinkludu mhux biss il-ġudizzji t’Alla fuq l-art, iżda wkoll salvazzjoni fost il-ġnus, magħmula possibbli bit-tferrigħ universali tal-Ispirtu s-Santu (cf., Ġoel 2:28-32; At.2:17-21), li jirriżulta fi ħsad spiritwali u finali kbir (Isa.11:6-10; 35:1-10; 54:10; Eż.34:26; 44:3; 47:1-12; Ħos.6:11; Sof.3:20; Riv.7:9,13-14; 14:14-16). Dan hu l-wirt imwiegħed tal-Missier lill-Iben (Sal.2:8), u l-milja tal-frott miksub bis-salib tiegħu (Kol.1:19-20; 2:13-15).


At.3:22. profeta bħali. Mosè bassar dwar Ġesù u ddeskrivieh bħala profeta bħalu, għalkemm infinitament ikbar minnu (Dt.18:18-19). Ġesù jixbah lil Mosè f’dawn l-oqsma:

1. Mosè kien unzjonat mill-Ispirtu (Num.11:17); l-Ispirtu tal-Mulej kien ukoll fuq Ġesù biex ixandar il-vanġelu (Lq.4:18-19). 

2. Alla nqeda b’Mosè biex jinawgura l-patt mis-Sinaj (li issa qdiem u skada); Ġesù ġab u introduċa l-patt mill-Kalvarju (li jibqa’ rilevanti bla ma jgħaddi).

3. Mosè mexxa lil Iżrael ’il barra mill-jasar fl-Eġittu lejn is-Sinaj u stabbilixxa relazzjoni ta’ patt m’Alla; Kristu feda lill-poplu tiegħu mid-dnub u l-iskjavitù sataniku, u stabbilixxa relazzjoni ġdida u ħajja mal-Missier li biha l-fidili jistgħu jidħlu fil-preżenza t’Alla.

4. Mosè fil-liġi rrefera għas-sagrifiċċju ta’ ħaruf biex iġib il-fidwa; Kristu nnifsu sar il-Ħaruf t’Alla biex iġib is-salvazzjoni lil dawk kollha li jilqgħu lilu u r-rikonċiljazzjoni maħduma minnu. 

5. Mosè fedelment għadda l-liġi lill-poplu, għallimhielhom u esiġa li tkun obduta sabiex in-nies jirċievu barka mingħand Alla. Kristu obda, għallem u seddaq il-liġi, filwaqt li pponta lejh innifsu u lejn l-Ispirtu bħala l-mod t’Alla biex inwettqu r-rieda tiegħu u nirċievu l-barka divina u l-ħajja eterna. 


At.3:25. b’nislek għad jitbierku l-familji kollha tal-art. Billi Pietru qed jindirizza lil-Lhud, iqisha pertinenti jirreferi għall-patrijarki tagħhom (At.3:13; cf., 7:32; 13:17). Hawn, fil-klajmaks tal-messaġġ tiegħu, jerġa’ jsemmi lil Abraħam, li bih Alla bagħat lil nislu, il-Messija (Gal.3:16), biex ibierek il-ġnus kollha fuq l-art. Bħala membri tal-posterità spiritwali ta’ Abraħam, kull min jappartieni għal Kristu hu msejjaħ ukoll “nisel Abraħam” (Rum.4:16; Gal.3:29).


At.3:26. Alla qajjem lis-serv tiegħu u bagħtu biex iberikkom. Kristu hu n-nisel imwiegħed ta’ Abraħam (At.4:25; Gal.3:16). Bih Alla jbierek lill-ġnus, u l-ewwel barka hi l-għotja tal-indiema (At.5:31; 11:18). 


At.4:7-10. f’liema isem. It-tweġiba ngħatat bla ħabi: f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu. Ninnotaw enfasi spissa fuq l-isem ta’ Ġesù jew isem is-Sid. B’hekk hi enfasizzata l-persuna u l-ħidma tiegħu (At.2:21,38; 3:16; 4:10,12; 8:16; 9:15,28; 15:26; 16:18). 


At.4:8. mimli bl-Ispirtu s-Santu. Billi Pietru kien taħt il-kontroll tal-Ispirtu kien kapaċi jiffaċċja l-persekuzzjoni u jipprietka l-vanġelu bil-qawwa (cf., Lq.12:11-12). 


At.4:11. l-ħaġra rriġettata. Fl-Atti, l-apoloġetika (id-difiża tal-vanġelu) sikwit tinkludi referenza għat-twettiq tal-profezija fil-Patt il-Qadim; hawnhekk Salm 118:22 hu kwotat, iċċitat ukoll f’Mattew 21:42 u l-1 Pietru 2:7 (cf., Rum.9:33).


At.4:12. m’hemm ebda isem ieħor. Bħalma Ġesù kien l-unika tama għall-fejqan fiżiku taz-zopp, hekk ukoll hu l-unika speranza għall-fejqan spiritwali tal-umanità. Din id-dipendenza esklussiva u totali fuq Kristu għas-salvazzjoni hi parti integrali mit-tagħlim ċar tal-Bibbja (Mt.11:27; Ġw.3:18; 10:1-10; 14:6; At.10:43; 1 Tim.2:5-6; 1 Ġw.5:12). Hekk kienu konvinti l-appostli. 

L-ikbar bżonn ta’ kull individwu hu li jkun meħlus mid-dnub u allura mill-għadab ġust t’Alla kontrih. Il-knisja tinsab responsabbli biex ixxandar il-bxara t-tajba lil kull nazzjon; mingħajrha l-bniedem ma jistax isalva. Allura l-knisja qatt ma tista’ tistrieħ u tillaxka. Din hi l-bażi għall-imperattiv missjonarju. 

Pietru ma jiddejjaqx jiddikjara li Kristu hu l-uniku Salvatur. Illum dan hu meqjus bħala esklussiviżmu dejjaq u inaċċettabbli. Xi ngħidu għall-pagan sinċier, jew għall-Buddist li jgħix sewwa, skont kif jaf hu? Inwieġbu:

1. Is-sinċerità waħidha mhijiex test tajjeb tal-verità. Ħafna nies huma sinċerament żbaljati dwar ħafna ħwejjeġ f’ħafna oqsma (Prov.14:12). 

2. Kull verità hi esklussiva. Il-verità illi “tnejn u tnejn jagħmlu erbgħa,” hi esklussiva ħafna: ma tippermetti ebda konklużjoni oħra. L-istess għad-dikjarazzjoni, “In-nies m’għandhomx jisirqu.” Jekk taqbel magħha, fl-istess ħin qed tgħid li min jisraq mhux jagħmel sewwa. M’int tittollera ebda alternattiva oħra. 

3. Kull klejm għall-verità hu esklussiv. Jekk l-ateiżmu hu korrett, kull min jemmen f’Alla hu żbaljat. Jekk il-ġenna u l-infern huma l-uniċi żewġ destini għall-bnedmin wara mewthom, kull min jemmen xort’ oħra hu awtomatikament żbaljat. Jekk Ġesù biss isalva, allura kull min ma jaqbilx hu minnufih imqarraq. Il-kustjoni hi biss, jekk dan il-klejm hux minnu jew le. Il-Bibbja tisħaq li din hi l-pura verità (Ġw.14:6; 1 Tim.2:5). Ġesù insista li mhux biss hu l-bieb, iżda min jipprova jgħaddi minn band’ oħra hu ħalliel u brigant (Ġw.10:1). 


At.4:13. osservaw il-kuraġġ. Kelma importanti fl-Atti (2:29; 4:29,31; 28:31; cf., 2 Kor.3:12) hi kuraġġ (bil-Grieg, parrēsia, kuraġġ; kunfidenza; frankezza; assigurazzjoni), il-qlubija ispirata mill-Ispirtu s-Santu biex wieħed jitkellem bil-kunfidenza minkejja l-periklu jew it-theddid. 

bla edukazzjoni formali. Il-kuraġġ u x-xhieda pronta ta’ Pietru u Ġwanni huma twettiq tal-wegħda ta’ Kristu (Mt.10:19-20). Il-membri tas-Sanedrin baqgħu mbellha bil-qlubija u d-diskors tagħhom, sempliċi sajjieda. Innotaw illi dawn l-irġiel kienu ma’ Ġesù, u ftakru illi anke Ġesù, għalkemm ma kellu ebda taħriġ formali, sikwit issorprendiehom b’tagħlimu (Lq.2:46-47; Ġw.7:15). 

Qajla nisgħu nimmaġinaw kemm id-dixxipli tgħallmu tul it-tliet snin f’assoċjazzjoni ma’ Bin Alla fuq l-art, jisimgħuh jgħallem u jitlob, u josservawh jilqa’ u jegħleb sfidi diffiċli. Kienu jafu lil Ġesù mill-qrib, u dat-tagħrif swielhom wisq iżjed milli setgħu kisbu fi skejjel normali stabiliti fi żmienhom.


At.4:16-17. X’naqbdu nagħmlu b’dawn l-irġiel? Il-mexxejja reliġjużi kienu kkonfonduti x’azzjoni setgħu jieħdu, peress li l-fejqan tar-raġel kien inkonfutabbli; jekk jikkastigaw lil dawk li fejquh, il-popolin jippilla. Mexxejja uffiċjali sikwit huma motivati mill-biża’ tan-nies aktarx milli l-biża’ t’Alla (Mt.14:5; 21:26,46; Lq.19:48; 22:2; At.4:21; 5:26; cf., Ġw.12:42-43).

Jerġa’, beżgħu illi jitilfu l-poter u l-influwenza tagħhom. Flok kellhom xewqa jsebbħu lil Alla, ikunu fidili għal Kelmtu, u jwasslu t-tagħrif veru tas-salvazzjoni, ħasbu għal pożizzjoni tagħhom.


At.4:19. nisimgħux minnkom aktarx milli minn Alla. Alla u l-gvern it-tnejn għandhom ikunu obduti, iżda l-lealtà tagħna lejn Alla hi primarja u fondamentali għal kull tip ta’ ubbidjenza oħra. Tirregola kull relazzjoni oħra, hi x’inhi. Id-dover ta’ qima reliġjuża u evanġeliżmu jieħu preċedenza, allura, fuq id-drittijiet tal-istat fuq iċ-ċittadin. Id-dmir tal-kuxjenza Kristjana quddiem Alla illi l-vanġelu jkun proklamat bla tfixkil hu ogħla mill-jedd ta’ kull korp politiku jew statali. Il-gvern hu maħtur bħala qaddej t’Alla biex imantni l-paċi u l-ordni (Rum.13:1-7); m’għandu ebda dritt jindaħal barra mill-qasam tiegħu. Meta jinħoloq konflitt, il-Kristjan għandu jkun lest ibati aktarx milli jwaqqa’ l-istandard tiegħu quddiem Alla.


At.4:20. ma nistgħux ma nitkellmux. L-Ispirtu s-Santu ħalaq fl-appostli xewqa tremenda biex jipproklamaw il-vanġelu. Sal-lum l-Ispirtu, billi jrid jigglorifika lil Ġesù, iqanqal lill-fidili biex iwasslu l-bxara t-tajba dwar Ġesù lil ħaddieħor (At.1:8; 2:14-41; 3:12-26; 8:25,35; 9:15; 10:44-48; 13:1-4, eċċ.). 


At.4:24. refgħu leħinhom għalenija lejn Alla. Il-knisja ġriet għall-kenn f’Alla. Dit-tip ta’ attività kienet ir-riżultat naturali tal-ittrenjar tal-appostli ma’ Ġesù u d-drawwiet li kienu fformaw (At.2:42). 

Mulej (bil-Grieg, despotēs; Lq.2:29; 2 Tim.2:21; 2 Pt.2:1; Ġuda 4; Riv.6:10) hu titlu li jesprimi l-qawwa kreattiva totali u l-kontroll assolut t’Alla fuq il-ħolqien materjali u fuq l-affarijiet tal-umanità (cf., At.4:25-26; Ġer.10:12). 


At.4:25. Għala siblu l-ġnus. Fl-avvenimenti ta’ jiem reċenti d-dixxipli raw twettiq ta’ Salm 2:1-2, kwotat hawnhekk. 


At.4:28. kulma idek u l-għan tiegħek ippredestinaw. Assolutament xejn, lanqas azzjonijiet midinba, ma jiġru apparti mir-rieda u l-kontroll sovran t’Alla omnipotenti. Alla kiteb l-istorja kollha skont il-pjan etern tiegħu (cf., Rum.8:29-30; 1 Kor.2:7; Ef.1:5-11). Iċ-ċertezza tal-pjan t’Alla għad-dinja hu stabilit mill-għan sovran tiegħu u assigurat mill-id setgħana tiegħu. 

Frattant is-sovranità divina u r-responsabbiltà umana huma kompatibbli. Waqt li l-qattiela ta’ Ġesù aġixxew skont xi ddetermina Alla mill-eternità, kienu moralment aġenti responsabbli u huma miżmuma bħala kontabbli (At.3:15). 


At.4:29. jitkellmu kelmtek. Id-dixxipli, maħbuta u kkalpestati, flok jingħalqu fihom infushom, ħtiġilhom kuraġġ imġedded biex jagħtu xhieda u jitkellmu dwar Kristu. Matul il-ħajja Kristjana aħna wkoll imissna nitolbu sabiex negħlbu l-biża’ minħabba r-roftiment, kritika jew anke persekuzzjoni diretta. L-Ispirtu s-Santu jimlina u jerġa’ jimlina, skont il-grazzja divina, biex hekk isostnina u jgħinna nevanġelizzaw bi qlubija (cf., Mt.10:32). 


At.4:30. Il-fidili ma eżitawx milli jitolbu biex Alla jwettaq fosthom sinjali mirakolużi u għeġubijiet huma u jissoktaw bit-tnedija tal-vanġelu. It-tali talba ma tindikax fidi defiċjenti iżda aktarx hi evidenza tat-twemmin sod tagħhom li Alla kapaċi jopera fosthom b’mod immedjat sabiex il-vanġelu jkun awtentikat darba għal dejjem.


At.4:31. għamlu petizzjoni. Dit-talba tal-komunità fidila hi illustrazzjoni kif il-knisja messha tkun imqawwija u inkuraġġita bis-sovranità t’Alla. F’wiċċ it-theddida ta’ vjolenza fiżika, il-kredenti affermaw il-kontroll divin fuq is-sitwazzjoni (At.4:28). Imfarrġa b’dan, talbu għal qlubija ikbar.

mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu tindika li l-Kristjani jistgħu, u huma obbligati, ikunu mimlija bl-Ispirtu aktar minn darba. Hi esperjenza ripetuta. Ninnotaw, mela, żewġ veritajiet importanti: 

1. Il-magħmudija bl-Ispirtu sseħħ darba fl-individwu, appena jemmen l-evanġelju (1 Kor.12:13). Għalhekk kull Kristjan ġenwin, bla eċċezzjoni, hu mgħammed bl-Ispirtu (Rum.8:9). Biha hu kkonsagrat għal Alla. 

2. Imbagħad, matul ħajtu, jeħtieġlu jkun assistit biex iwettaq dmirijietu b’mod aċċettabbli. Il-kelmiet “mimli,” “imlibbes,” jew “imqawwi” bl-Ispirtu għall-ministeru (At.2:4; 4:8,31; 9:17; 13:9,52) jiddeskrivu t-tweġiba għal dil-ħtieġa. Allura, skont il-bżonn, il-mili jista’ jkun imtenni. 

 Pietru kien fosthom u kien diġà mtela bl-Ispirtu (At.4:8), u d-dixxipli kollha f’Pentekoste kienu mimlija bih ukoll (At.2:4). Eżempji oħra ta’ mili mġedded insibuhom fl-Atti 7:55 u 13:9. 

Jekk nixtiequ nkunu effettivi u potenti għall-Mulej jeħtieġ inkunu mlibbsa b’qawwietu. Ninnotaw ukoll li l-Ispirtu ma ġiex fuqhom awtomatikament, iżda bi tweġiba għat-talb bibliku tagħhom, li bih pretendew lil Alla jintervieni.


At.4:32-35. kollox kien komuni bejniethom (ara At.2:45). Il-fidili fehmu illi kulma kellhom appartiena għal Alla, u għaldaqstant meta xi ħadd fosthom kellu bżonn dawk li setgħu jgħinu kienu obbligati jieħdu azzjoni (cf., Ġak.2:15-16; 1 Ġw.3:17). Il-metodu kien illi jagħtu l-flus lill-appostli, imbagħad dawn jagħmlu distribuzzjoni skont il-każ (At.4:35,37). Kollox kien fuq bażi voluntarja. 


At.4:33. L-ippritkar u l-ministeru appostoliku twettaq b’setgħa kbira, għax:

1. Ix-xhieda tal-appostli kienet ibbażata fuq Kelmet Alla (At.4:29) u l-konvinzjoni li ngħatat bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.

2. Id-dixxipli kienu konxji li ntbagħtu u kienu kummissjonati mis-Sid irxoxtat innifsu (Ġw.20:21).

3. Involut magħhom intimament kien hemm l-Ispirtu s-Santu (Ġw.15:26-27), li ġab konvinzjoni fi qlub dawk li semgħu l-evanġelju (Ġw.16:8). 

4. Ix-xhieda tagħhom kienet ikkonfermata b’sinjali mirakolużi (u tibqa’ hekk sal-lum) hekk li n-nies semgħu b’widnejhom u raw b’għajnejhom, u ħafna tressqu lejn is-Salvatur Ġesù (At.5:12-16).

Il-prova ewlenija tas-salvazzjoni provduta hi ir-resurrezzjoni tas-Sid Ġesù. L-appostli, bħala xhieda okulari u oriġinali, kellhom jagħtu xhieda ta’ dawn l-avvenimenti ridentivi (At.1:22). 


At.4:36. Bin l-Inkuraġġiment. Barnaba għex skont it-tifsira tal-laqam tiegħu. Jagħti eżempju brillanti ta’ Kristjan li kkontribwixxa għall-bżonnijiet tal-oħrajn, f’kuntrast mal-eżempju egoistiku u indenju ta’ Ħananija u martu Saffira (At.5:1-11). Interċieda wkoll għal nies li kellhom bżonn sapport jew introduzzjoni tajba fix-xirka tal-aħwa (At.9:27; 15:37). Inkuraġġixxa l-knisja f’Antjokja (At.11:22). Kien pijunier f’xogħol missjonarju fl-esteru (At.13:2-3), u baqa’ fidil fil-ministeru tiegħu minkejja nuqqas ta’ ftehim (At.15:37-39).


At.5:2. ġenneb parti mill-introjtu. Ħananija u martu kellhom kull jedd iżommu d-dħul finanzjarju minn arthom ladarba kienet proprjetà tagħhom (At.5:4). Hawn kwistjoni ta’ diżonestà, gideb u faċċoliżmu filli taw l-impressjoni li huma iżjed ġenerużi milli fil-fatt kienu. Hekk it-testimonjanza tal-knisja kollha kienet irriskjata minħabba d-dnub tal-ftit (cf., Lev.10:1-2; Num.16:23-35; Ġoż.7:19-25; 2 Sam.6:1-7).


At.5:3-4. Satana mlielek qalbek biex tigdeb. Ix-xitan kapaċi jinfluwenza lill-mitlufa (Ġw.13:27) u saħansitra lin-nies salvati wkoll (Mk.8:33). Aħna mwissija kontra l-influwenza potenzjali u malinna tiegħu fuqna (1 Pt.5:8). 

tigdeb lill-Ispirtu s-Santu. Ftit wara Pietru jgħidlu li gideb lil Alla. Kliemu jindika li l-Ispirtu s-Santu hu persuna, u aktar minn hekk, hu infatti Alla (At.5:9). 

L-Ispirtu kien intimament imsieħeb fl-unità tax-xirka manifestata fl-ixxerjar bejniethom. Ħananija u martu abbużaw ix-xirka bil-qerq tagħhom u hekk heddew l-għaqda tagħha. Il-gideb hu karatteristika tax-xitan (Ġw.8:44) u eżattament il-kuntrarju għall-karattru t’Alla, li ma jistax jigdeb (cf., Num.23:19; Prov.30:5; Titu 1:2; Ebr.6:18). 

L-għerq tad-dnub ta’ Ħananija u martu kien l-imħabba għall-flus u t-tfaħħir mingħand il-bnedmin. Dan qegħidhom kontra l-Ispirtu Qaddis t’Alla (At.5:9). Appena l-kilba għall-materjaliżmu u t-tifħir uman jieħdu l-pussess fuq persuna, l-ispirtu tagħha jinfetaħ għal kull tip ta’ tiġrib sataniku (1 Tim.6:10). Impossibbli tħobb il-flus u tfittex l-approvazzjoni tan-nies, u fl-istess ħin tħobb u sservi lil Alla (Mt.6:24; Ġw.5:41-44). 


At.5:5. In-nies qabadhom biża kbir hekk kif irrispondew għall-manifestazzjoni tal-preżenza t’Alla: hi timenza riverenti kif ukoll biża’ san quddiem id-dispjaċir u d-dixxipina tal-Mulej. 

Il-ġudizzju t’Alla fuq id-dnub ta’ dil-koppja kkawża tkattir fl-umiltà, timenza u biża’ (At.5:11). Mingħajr il-biża’ xieraq t’Alla qaddis u ta’ għadbu kontra d-dnub, niesu malajr jirritornaw lejn l-Eġittu f’qalbhom u wkoll f’għemilhom. Lanqas ikunu f’pożizzjoni illi jesperjenzaw it-tiswib tal-Ispirtu u jkunu maqtugħa minn xirka mal-Missier. Il-biża’ tal-Mulej hu element essenzjali fil-fidi tul l-Iskrittura kollha. 


At.5:9. Saffira hi akkużata li hi u żewġha ftiehmu biex iġġarrbu l-Ispirtu tas-Sid (cf., Es.17:2; Dt.6:16; Mt.4:7; Lq.4:12). Hi espressjoni li tidwi bosta passi fil-Patt il-Qadim dwar kif in-nies ittestjaw lil Jaħwè. Din mela hi indikazzjoni oħra li l-Ispirtu s-Santu hu divin. M’għandniex tagħrif biżżejjed biex niddeterminaw jekk Ħananija u martu kinux Kristjani foloz jew le. 


At.5:11. Il-kelma knisja (bil-Grieg, ekkēsia, knisja; kongregazzjoni; assemblea) tissemma aktar minn għoxrin darba fl-Atti, u din hi l-ewwel referenza diretta għaliha. Stiefnu jinqeda b’dil-kelma għall-kongregazzjoni tal-poplu fil-Patt il-Qadim (At.7:38). Fis-Septwaġinta l-assemblea tan-nies t’Alla, miġbura għall-qima, hi deskritta b’dil-kelma. Fil-Greċja antika, l-ekkēsia kienet il-ġemgħa politika taċ-ċittadini (At.19:32). Il-Patt il-Ġdid jinqeda b’dil-kelma biex jirreferi għal grupp organizzat ta’ fidili (At.8:1; 11:22; 13:1). 


At.5:12. Is-Sid ħadem sinjali u għeġubijiet b’idejn l-appostli biex jikkonferma x-xhieda tagħha lid-dinja (At.2:43; Ebr.2:3-4). Xi kollegi tagħhom, bħal Stiefnu u Filippu, ukoll wettqu l-mirakli. Apparti minn hekk m’għandniex nippretendu li kull Kristjan ikollu setgħat mirakolużi (1 Kor.12:29-30). 


At.5:13. ħadd mill-bqija ma ssogra jassoċja ruħu magħhom. Ebda segwaċi diżonest jew superfiċjali ma jfettillu jidentifika ruħu mal-knisja, dment li l-knisja tmantni l-istandard etiku fl-għoli, kif preżentat fil-Bibbja Mqaddsa. Il-mitlufa li jitħalltu mal-knisja normalment ma jdumux fit-tul. Il-knisja qatt m’għandha taqa’ għal-livell tad-dinja biex mingħaliha tirbaħ id-dinja; ikun ġara biss illi d-dinja tkun rebħet lill-knisja.


At.5:15. Bħalma l-fejqan mingħand Ġesù nixxa għal għand il-mara billi messet ilbiesu (Mk.5:27-28), hekk Alla ppermetta li d-dell ta’ Pietru jeffettwa l-fejqan. Ovvjament il-qawwa hi t’Alla, mhux xi maġija mingħand sempliċi bniedem. Dan jindika kemm l-Ispirtu s-Santu kien manifestat b’qawwa sopranaturali fil-ħajja ta’ Pietru (cf., At.19:12). 


At.5:17. Is-Sadduċej mtlew bl-għira, mhux għall-unur u l-glorja t’Alla jew għall-avvanz ta’ saltnatu, iżda għax riedu jmantnu l-poter tagħhom fuq in-nies. Hi tema ripetuta (At.7:9; 13:45; 17:5).


At.5:20. Il-vanġelu hu deskritt bħala l-messaġġ kollu ta’ dil-ħajja (cf., Fil.2:16; 1 Ġw.1:1-4), għax kull min jemmen fi Kristu jirċievi l-ħajja eterna. Minn persuni spiritwalment mejta jsiru ħajja fih (cf., Ġw.1:4; 11:25; 1 Ġw.5:20). Jidher ukoll li l-Kristjaneżmu bikri seta’ kien imsejjaħ “il-Ħajja,” kif ukoll “it-Triq (At.9:1-2). 


At.5:28. ġġibu fuqna d-demm ta’ dal-bniedem. Il-membri tas-Sanedrin kienu akkużati bil-mewt ta’ Ġesù (At.2:23; 3:15-16; 4:10-11). In-nies semgħuha din ix-xilja. 


At.5:29. Jeħtieġ nobdu ’l Alla aktarx milli lin-nies. Il-mistoqsija kruċjali quddiem kull fidil mhijiex: “X’jaqbel jew x’inhu komdu jew popolari?” iżda, “X’inhu sewwa f’għajnejn Alla?” (cf., Gal.1:10). 


At.5:30. Alla ta’ missirijietna. Pietru ma warrabx l-għeruq Lhud tiegħu, anzi ra illi l-evanġelju hu proprjament it-twettiq tal-wegħdi t’Alla lill-ġens Ebrajk matul is-sekli. 


At.5:31. Alla għollieh għal-leminija tiegħu. Is-Sanedrin naturalment fehem did-dikjarazzjoni bħala referenza għall-irxoxt ta’ Kristu. It-tali eżaltazzjoni wriet fiċ-ċar li Ġesù, is-Sid glorjuż, hu ugwali m’Alla (cf., Ġw.5:18; 10:33). 

jagħti l-indiema. Biex wieħed isalva jeħtieġlu jindem, u l-indiema hi strettament għotja ta’ grazzja mingħand Kristu nnifsu (cf., At.2:38; 3:19; 17:30; 20:21; 26:20). 


At.5:32. l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta ’l dawk li jobduh. Jekk m’hemm ebda ubbidjenza reali lejn Kristu jew tfittxija sinċiera għall-ġustizzja ta’ saltnatu (Mt.6:33; Rum.14:17), allura kwalunkwe klejm illi wieħed jippossiedi l-milja tal-Ispirtu hi invalida. Pentekoste mingħajr Kristu s-Sid hi impossibbli (cf., At.2:38-42), għax l-Ispirtu f’qawwietu hu mogħti biss lil dawk li jgħixu fl-ubbidjenza li tirriżulta mill-fidi tagħhom (Rum.1:5). 


At.5:33. infurjaw. Tul l-Atti nilmħu mostra ta’ reżistenza daparti tal-Lhud (cf., At.7:51; 12:1-3; 13:45; 25:7; 28:14), u sorprendentement daqshekk ieħor il-pagani kienu riċettivi għall-vanġelu. 


At.5:38-39. m’intomx se tkunu kapaċi twaqqfuhom. Il-loġika ta’ dan ir-rabbi, Gamaljel, hi rrekordjata bħala turija illi l-vanġelu javvanza minkejja l-persekuzzjoni. Hu konferma illi x-xandir kien sapportjat bil-qawwa t’Alla (Fil.1:28). 


At.5:41. L-appostli ħallew il-qorti ferħanin għax kienu kkonsidrati denji li jkunu ddiżonorati għall-isem. Bi qlubija u lealtà sħiħa ssoktaw ixandru lil Ġesù, minkejja l-minaċċa tas-Sanedrin. Paradossalment is-sofferenza rriżultat f’kobor addizzjonali fil-knisja (At.6:1). It-tbatija minħabba s-Sid Ġesù hi tema karatteristika tul l-Atti. 


At.5:42. L-appostli baqgħu jgħallmu u jxandru, jagħtu evidenza illi Ġesù ta’ Nażaret hu realment il-Messija mwiegħed. Dan kien ix-xogħol primarju tagħhom, sew jekk f’laqgħat pubbliċi jew inkella fi gruppi żgħar. 


At.6:2. Hawn l-ewwel darba l-fidili jissejħu dixxipli fl-Atti (ara wkoll At.6:7; 9:1; 11:26; 13:52). Dixxiplu hu student jew alliev, li jitgħallem mingħand wieħed ogħla u aħjar minnu. Pawlu ma jużax din il-kelma biex jidentifika lill-Kristjani, frattant l-idea illi l-Kristjani jitgħallmu u jikbru moralment u intellettwalment hi prominenti f’kitbietu. 


At.6:3. mimlija bl-Ispirtu u l-għerf. Iż-żewġ kwalifiki għall-ministeru jew servizz f’kull żmien huma ubbidjenza għall-Ispirtu (li tana Kelmtu fl-Iskrittura) u azzjoni gwidata bid-dehen u l-prudenza. 


At.6:4. niddedikaw lilna nfusna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma. Din hi ċertament l-ogħla ħidma tal-mexxejja Kristjani. Ma jridu jħallu xejn ifixkilhom milli jwettquha b’fedeltà u impenn. L-ippritkar u t-tagħlim hu prominenti fl-Atti, iżda t-talb xejn inqas. Hu msemmi diversi drabi (At.1:14,24; 2:42; 4:24-31; 6:4,6; 9:40; 10:2,4,9,31; 11:5; 12:5; 13:3; 14:23; 16:25; 22:17; 27:35; 28:8). 


At.6:6. L-appostli kkonfermaw l-għażla tal-kongregazzjoni meta talbu u poġġew idejhom fuqhom. It-tqiegħed tal-idejn jissemma f’konnessjoni mal-fejqan (Mt.9:18; Mk.5:23; 6:5; At.9:17; 28:8), mal-barka (Mt.19:13,15), mal-għotja tal-Ispirtu (At.8:17-19; 9:17; 19:6), u mal-ikkummissjonar għall-ministeru (At.6:6; 13:3). Jissinifika l-affermazzjoni, is-sapport u l-identifikazzjoni ma’ xi ħadd u l-ministeru tiegħu (ara 1 Tim.4:14; 5:22; 2 Tim.1:6; cf., Num.27:23).

Probabbilment dawn is-sebgħa huma l-ewwel djakni maħtura uffiċjalment. Minn banda waħda, il-kelma “djaknu” (bil-Grieg, diakonos, serv; qaddej; djaknu) ma tissemmiex hawn. Mill-banda l-oħra, il-verb korrispondenti (bil-Grieg, diakoneō, serva; ħa ħsieb; qeda bħala djaknu) hu wżat fl-Atti 6:2, u l-istess verb hu wżat għal dawk li jaqdu bħala djakni (1 Tim.3:10,13). Madankollu, dan hu verb komuni għal “servizz.” Jista’ jkun li dawn l-irġiel issejħu biex jittrattaw ma’ din il-kustjoni u oħrajn bħalha. 


At.6:7. kelmet Alla baqgħet tikber; u l-għadd tad-dixxipli f’Ġerusalemm immultiplika. Luqa jinqeda bil-lingwaġġ tal-ħolqien biex jiddeskrivi l-barka u l-grazzja pattwali t’Alla (Ġen.1:22,28; 8:17; 9:1,7). Hawn għandna rapport fil-qosor dwar il-progress tal-vanġelu; hemm oħrajn tul il-ktieb (At.9:31; 12:24; 19:20). Hawnhekk ninsabu fi transizzjoni mill-ewwel stadju tal-ħidma tal-appostli f’Ġerusalemm (At.5:28) għall-firxa tal-vanġelu lil hinn mill-kapitali tal-Lhud (At.1:8). 


At.6:8. Stiefnu, bħal Filippu aktar tard (At.8:6), ukoll wettaq mirakli bħall-appostli li ħatruhom. B’daqshekk ma nikkonkludux illi kull Kristjan hu msejjaħ biex jagħmel il-mirakli, xi ħaġa li evidentement mhijiex il-każ, la llum u lanqas tul il-ġenerazzjonijiet tal-knisja. 


At.6:11. Għalkemm fid-dawl tal-vanġelu Stiefnu abbli kien beda jitkellem biex juri l-osservanza vojta tad-dettalji tekniċi tal-liġi, kulma qal, kif inhu evidenti f’kapitlu 7, hu illi Mosè, bħal Ġesù u bħal Stiefnu nnifsu, kien riġettat mill-poplu (At.7:35,39). Dan ma setax jittieħed bħala dagħa kontra Mosè u kontra Alla.


At.6:13. kontra dan il-post qaddis u kontra l-liġi. Stiefnu ma tkellimx kontra t-tempju, iżda biss iddikjara li Alla mhuwiex konfinat għal maqdes fuq l-art ladarba s-smewwiet hu daru u t-tron tiegħu (At.7:48-50). Attwalment Stiefnu ssapportja l-liġi Mosajka u t-tagħlim tagħha, speċjalment minħabba l-fatt li tat xhieda ta’ Kristu li kellu jiġi (At.7:37-38). 


At.7:2-53. isimgħuni. Id-difiża ta’ Stiefnu hi l-itwal diskors fl-Atti. Tikkonsisti f’rakkont silettiv tal-ġrajja tal-Patt il-Qadim, u tinkludi sezzjonijiet fuq Abraħam (At.7:2-8), Ġużeppi (At.7:9-16), Mosè (At.7:17-34) u l-apostasija Iżraelita (At.7:35-50). Inqata’ fil-qasir meta Stiefnu applika l-lezzjoni tiegħu mill-istorja għall-qagħda preżenti ta’ Iżrael filli rroftaw il-Messija (At.7:51-53). Stiefnu rrisponda għall-akkużi miġjuba kontrih billi qalibhom fuq ix-xellejja tiegħu; huma kienu dawk li mhumiex jobdu lil Alla għax warrbu l-mexxejja maħtura tiegħu, speċjalment lill-istess Ibnu, is-Salvatur.

Stiefnu hu l-prekursur tal-apoloġisti Kristjani li jiddefendu l-fidi biblika kontra dawk li jopponuha jew jgħawġuha; hu wkoll l-ewwel wieħed li miet għal dir-raġuni. L-imħabba ta’ Stiefnu għall-verità u l-fatt li kien lest imut martri għal Sidu jinsabu f’kuntrast qawwi ma’ nies li mhumiex lesti jikkontendu għall-fidi (Ġuda 3), għax jippreferu s-sentimentaliżmu (li huma jsejħulu mħabba), il-paċi u t-tolleranza. 


At.7:2. It-titlu, Alla tal-glorja, ifakkarna fis-sebħ divin li Alla wera lil niesu fi żmien Mosè: il-kolonna tas-sħab (Es.14:19; 16:10; Sal.105:39), il-kolonna tan-nar (Es.14:24), il-glorja ta’ Jaħwè fuq il-muntanja (Es.24:15-18; 2 Kor.3:7), u l-glorja fuq it-tabernaklu fid-deżert (Es.40:34; cf., Ġw.1:14). 

Hu titlu wżat biss hawn u f’Salm 29:3. Il-glorja ta’ Alla hi t-totalità sħiħa tal-attributi tiegħu (Es.33:18-19). 


At.7:5. Abraħam ma ngħata ebda possediment fl-Art Imwiegħda, lanqas biss spazu ta’ sieq. Hekk Stiefnu wera li Alla jopera u jirrelata man-nies; jagħtihom wegħdi mqar meta ma kienx jeżisti t-tempju, u għalkemm jista’ jdum ma jwettaqhom, ċertament ma jinsihomx.


At.7:7. jqimuni f’dal-post. L-enfasi ta’ Stiefnu hawn tinsab fuq il-fatt kif Alla rrivela lilu nnifsu barra mill-Art Imqaddsa u kif wiegħed post ta’ qima vera, li ma kienx it-tempju. 


At.7:8. il-patt taċ-ċirkonċiżjoni. Iċ-ċirkonċiżjoni fiżika kienet is-sinjal tal-patt li Alla stabilixxa ma’ Abraħam, li bih wiegħdu li jbierku (Ġen.17:11). 


At.7:9. l-patrijarki kienu mbierka minn dak ħuhom li rroftawh. Iżrael ċaħad konsistentement lil dawk il-mexxejja li Alla ħatar fuqu; din hi t-tema rikorrenti fid-diskors ta’ Stiefnu, li jilħaq il-quċċata tiegħu fl-osservazzjoni illi l-kontemporanji ta’ Stiefnu ċaħdu lill-Messija nnifsu. 

Il-preżenza ta’ Alla ma’ Ġużeppi fl-Eġittu turi illi l-Mulej kapaċi jbierek lil dawk barra mill-Art Imwiegħda, u għaldaqstant tempju materjali ma kienx kruċjali għall-għanijiet salviviċi tiegħu. 


At.7:15. Ġakobb niżel fl-Eġittu – skont l-ordni u x-xewqa t’Alla. Jerġa’, is-soġġorn tal-Lhud għal erba’ mitt sena fl-Eġittu jindika illi l-Mulej hu ma’ niesu mqar meta huma barra minn arthom. 


At.7:22. Mosè kien edukat fl-għerf kollu tal-Eġizzjani. Dal-fatt mhuwiex imsemmi direttament fil-Patt il-Qadim iżda kien stabilit sew fit-tradizzjoni Lhudija. Stiefnu jenfasizza illi dak li ħeles lil Iżrael kien edukat f’ambjent sekulari, u allura Alla wettaq salvazzjoni b’mod mhux mistenni, bħalma għamel issa wkoll permezz ta’ Ġesù ta’ Nażaret.


At.7:23-29. ġieh f’qalbu li jżur lil ħutu. Stiefnu aċċentwa s-snin nofsana ta’ Mosè (minn 40 sa 80 sena tiegħu) billi rrakkonta biss it-tpattija għal wieħed Iżraelita abbużat. Meta prova jirrikonċilja żewġ Lhud jitlewmu (Es.2:11-15), għarrielu, u kellu jqatta’ erbgħin sena fil-Midjan, imwarrab. Stiefnu għażel jenfasizza dan l-inċident waħdu għax hu illustrazzjoni kif Iżrael l-ħin kollu warrab lill-mexxejja mibgħuta lilu (At.7:35). 


At.7:30. deherlu anġlu. Sikwit fil-Patt il-Qadim, is-Sid hu mibgħut mis-Sid; hu Kristu qabel l-inkarnazzjoni tiegħu, li rrivela lilu nnifsu f’perjodi deċiżivi biex jeħles lil niesu (Es.3:1-6). 


At.7:35-36. Stiefnu ssokta l-istorja ta’ Mosè billi ħareġ għad-dawl kif kien irroftat kontinwament mill-poplu Lhudi. Min ħatrek ħakkiem...? Impliċitament jippreżentah bħala tip ta’ Kristu: it-tnejn kienu mibgħuta minn Alla, it-tnejn servew bħala feddej (Lq.24:21), it-tnejn wettqu għeġubijiet u mirakli (At.2:22) u t-tnejn xandru messaġġ li ma kienx milqugħ. Iżrael la għaraf lil Mosè u lanqas lill-Messija mbassar minnu; aktarx prefera jiffanga fl-idolatrija (At.7:40-41). 


At.7:37. Mosè kien tip ta’ Kristu, il-profeta finali (Dt.18:15; At.3:22). 


At.7:38. fil-kongregazzjoni fid-deżert. Hawnhekk, kongregazzjoni hi l-istess kelma Griega għal “knisja”: ekklēsia. Bħalma Mosè mexxa l-qahal (assemblea) jew l-ekklēsia lejn l-Art Imwiegħda tul id-deżert (Es.12:3,6,19,47; 16:1-2,9-10; 17:1; 35:1; Lev.4:13; 16:5; Num.1:2; 8:9; 13:26), hekk Kristu jmexxi l-ġemgħa jew il-knisja tal-Patt il-Ġdid. Imsejħa “nisel Abraħam” (Gal.3:29; cf., Rum.4:11-18) u “l-Iżrael t’Alla” (Gal.6:16), il-knisja tal-Patt il-Ġdid tagħraf għeruqha fil-Patt il-Qadim, u bħall-poplu Iżraelita, hi fid-deżert, ċoè hi knisja pellegrina fi vjaġġ ta’ fidi li jwassalha sal-art imwiegħda, voldiri wirt smewwieti (Ebr.11:6-16). Minħabba f’hekk qatt ma nistgħu nsiru komdi bil-ħajja hawn isfel, meta s-sejħa tagħna hi hemm fuq (Kol.1:1-4). 

mal-anġlu li tkellem miegħu. Għalkemm Mosè rċieva l-liġi mingħand Alla fuq il-Muntanja Sinaj (Es.20:1,21), l-anġli kellhom xi sehem fl-istituzzjoni tagħha (Dt.33:2; At.7:53; Gal.3:19; Ebr.2:2).


At.7:39. Bħalma l-poplu fid-deżert irrofta l-mexxej maħtur minn Alla kif ukoll il-wirt imwiegħed, hekk ħafna Lhud fi żmien Stiefnu daru lura minn Ġesù għal-legaliżmu, it-tradizzjoni umana u ċ-ċerimonjal bla siwi. 


At.7:42-43. Alla dar minnhom u telaqhom. Hawn insibu prinċipju stabilit fl-Iskrittura u fil-ġrajja ridentiva: dawk li jippersistu filli jirreżistu u ma jobdux lil Alla eventwalment huma abbandunati għall-influwenza tal-ħażen, Satana u l-idolatrija (cf., Rum.1:24,26,28). Għal dawk li jwebbsu qlubhom, jopponu l-Ispirtu t’Alla u jirrifjutaw milli jaċċettaw is-salvazzjoni provduta minn Ġesù, jibqa’ biss mistennija ta’ għadab u ġudizzju (Rum.2:4-8).

Stiefnu kompla jinsisti fuq l-idolatrija tal-Lhud imqar meta okkupaw l-Art Imwiegħda, meta bdew iqimu l-armata tas-sema (Am.5:25-27). Filwaqt li riduha bħala l-poplu t’Alla attwalment kienu apostati. 


At.7:44. it-tabernaklu tax-xhieda. Din l-għamara, ordnata minn Alla skont il-mudell muri lil Mosè, offriet testimonjanza għall-preżenza t’Alla Feddej fost il-poplu Iżraelita. Kien fiha l-arka tal-patt u t-twavel tal-Għaxar Kmandamenti, imsejħa “x-Xhieda.” Aktar minn hekk, issimbolizzat il-fedeltà u l-qawwa t’Alla li jagħti l-ħajja, filli kien fiha wkoll il-ħobż ikkonsagrat (Es.37:10-16; Ebr.9:2), il-kandelabru b’seba’ friegħi, magħruf ukoll bħala l-menora (Es.37:17-23; cf., Ġw.8:12; Riv.1:12-18), u l-artal tal-inċens (Es.37:25-29) li kien figura tat-talb tal-poplu mifdi tiela’ quddiem Alla dejjem preżenti (Sal.141:2; Riv.8:3-4). 

Stiefnu m’għandux ikun mifhum illi l-bini tat-tempju kien żball, għax jirrakkonta dan l-avveniment mingħajr kritika. Jafferma biss illi Alla ma jistax ikun kontenut jew ikkonfinat għal xi tempju terrestri (At.7:48; cf., At.17:24-25). Il-Lhud ma kellhomx għalfejn jesaġeraw l-importanza tiegħu, għax fl-aħħar mill-aħħar Alla xorta waħda għammar simbolikament fit-tabernaklu waqt il-mixi tal-Lhud fid-deżert sakemm David xtaq jibnilu tempju (2 Sam.7:1-17). 


At.7:48. Stiefnu kkwota Isaija 66:1-2 biex jistabbilixxi l-fatt li Alla ma jgħammarx fi djar magħmulin bl-id, punt illi Salamun innifsu (1 Slat.8:27). L-iżball tal-kontemporanji ta’ Stiefnu kien illi provaw jillimitaw lil Alla għat-tempju. Stiefnu ssuġġerixxa wkoll illi la t-tabernaklu u lanqas it-tempju ma kienu intenzjonati biex iservu għal dejjem. It-tnejn taw xhieda ta’ xi ħaġa aħjar li kellha tiġi. 


At.7:49-50. Is-sema t-tron tiegħi. Alla tal-glorja (At.7:2) hu tant kbir illi ebda tempju ma jista’ jikkontenih, għax ħalaq kollox; ir-reliġjon mhix kustjoni ta’ binjiet iżda ta’ umiltà (Isa.66:1-2). 


At.7:51. Stiefnu jsejjaħ lis-semmiegħa tiegħu stinati, Nies b’għenuqkom irmazzati u bla ċirkonċiżjoni fil-qlub u l-widnejn, għax ma kinux lesti jisimgħu minn qalbhom, u lanqas jobdu lill-Mulej u l-Iskritturi li kkwotalhom. Dawn il-metafori huma meħuda mil-Patt il-Qadim u jissinifikaw nies spiritwalment ostinati u bla riġenerazzjoni (Es.32:9; 33:3,5; 34:9; Dt.9:6,13; 10:16; 30:6; Ġer.4:4; 6:10; Eż.44:7,9). Ir-rieda t’Alla kienet konsistentement u kontinwament reżistita mil-Lhud (cf., Isa.63:10), u mxew kontra l-Ispirtu s-Santu. L-akkuża tiegħu hi l-istess waħda tal-profeti mill-antik. 

Imqar tul il-Patt il-Ġdid, l-Iżrael ta’ Kristu, il-knisja, irid ikun konxju tat-tendenza tiegħu illi jgħix bħalma għexu l-Lhud taħt il-patt l-antik. Il-knejjes ta’ Kristu jistgħu jiddiġeneraw, iduru minnu u jabbandunaw Kelmtu filli jirrifjutaw milli jagħtu kas leħen l-Ispirtu s-Santu fl-Iskrittura. Meta jiġi dan, iġibu ġudizzju fuqhom infushom; is-saltna tittieħed minnhom (Rum.11:20-22; Riv.2-3). 

tirreżistu lill-Ispirtu s-Santu. Dan għamluh billi rroftaw lix-xandara ta’ Kristu u l-messaġġ tiegħu, imwassal bil-qawwa tal-Ispirtu. 


At.7:52. sirtu tradituri u qattiela. Bħal Ġesù, Stiefnu akkuża lis-semmiegħa Lhud talli qatlu l-profeti (cf., Lq.11:47-51; 13:34) u issa qed jirriġettaw lill-Ħellies finali u kbir tagħhom, mibgħut minn Alla nnifsu. il-Ġust hu titlu wżat għal Jaħwè omnipotenti (Isa.24:16) u għal Ġesù Kristu (At.22:14; 1 Ġw.2:1). 


At.7:53. rċevejtu l-liġi...u frattant ma żammejtuhiex. Ma kienx Stiefnu iżda l-akkużaturi tiegħu illi fl-aħħar mill-aħħar warrbu l-liġi. U filli ċaħdu lill-Ħellies mibgħut lilhom minn Alla, ċaħdu lil Alla nnifsu. 

kif mgħoddija mill-anġli (Dt.33:2; Gal.3:19; Ebr.2:2). Ma jingħadx x’rwol preċiż kellhom l-anġli fl-għoti tal-liġi, iżda l-Iskrittura tisħaq il-fatt dwar il-preżenza tagħhom. 


At.7:54. jgħażżu snienhom hi espressjoni ta’ korla infurjata (Sal.37:12). 


At.7:55. ra l-glorja t’Alla. Isaija (Isa.6:1-3), Eżekjel (Eż.1:26-28), Pawlu (2 Kor.12:2-4) u Ġwanni (Riv.1:10) rċevew ukoll viżjonijiet tal-glorja t’Alla fis-smewwiet. 

B’mod sinifikanti ferm, hawnhekk jingħad li Ġesù hu wieqaf fuq il-leminija t’Alla meta s-soltu jingħad li jinsab bilqiegħda peress li ħidmietu għas-salvazzjoni ta’ niesu hi mitmuma (Rum.8:34; Kol.3:1; Ebr.10:12). Bħala Difensur ta’ niesu, Ġesù hu lest biex jirċievi lil Stiefnu; mewta martri ma tissinifikax disfatta jew telfa, anzi hi magħduda bħala vittorja. F’din ix-xena, Bin il-Bniedem hu kemm Imħallef kif ukoll Avukat. Kristu jonora lis-serv tiegħu, jistqarru quddiem Missieru, u jinsab lest biex jagħtih merħba fid-dar imħejjija għalih u għall-fidili l-oħra fis-smewwiet (cf., Mk.8:38; Lq.12:8; Rum.8:34; 1 Ġw.2:1). 


At.7:56. nara...’l Bin il-Bniedem bilwieqfa fuq il-leminija t’Alla. Il-viżjoni ta’ Stiefnu bilfors fakkret lill-membri tas-Sanedrin illi meta staqsew lil Ġesù huwiex il-Messija, wieġeb illi għad jaraw lil Bin il-Bniedem bilqiegħda fuq il-leminija tal-Qawwa, u ġej mas-sħab tas-sema (Mk.14:61-62). Ix-xhieda ta’ Stiefnu tikkundannahom għax tagħti prova li huma opponenti t’Alla u tal-Messija tiegħu.


At.7:60. iżżommx dad-dnub kontra tagħhom! Bħalma għamel Ġesù qablu (Lq.23:34), Stiefnu interċieda għall-għedewwa tiegħu. Id-dixxipli, bil-qawwa tal-Ispirtu, kapaċi jitgħallmu jimitaw lil Sidhom. 

raqad hi ewfemiżmu komuni fil-Patt il-Ġdid għall-mewt tal-fidili (cf., Ġw.11:11-14; 1 Kor.11:30; 15:20,51; 1 Tes.4:14; 5:10). B’mewtu Stiefnu ta xhieda għal Sidu, u gglorifikah, għax għażel il-lealtà lejh aktarx milli l-favur mad-dinja (cf., Ġw.21:18-19). U kif qal Tertulljanu, “Id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-knisja.” Difatti hekk naraw fil-kapitlu li jmiss: il-knisja tferrxet u kibret.


At.8:1. ħlief l-appostli. Baqgħu minħabba d-devozzjoni tagħhom lejn Kristu, biex jindokraw lill-aħwa f’Ġerusalemm u jkomplu l-evanġelizzazzjoni tar-reġjun (cf., 9:26-27). 


At.8:3-4. dawk li tferrxu għaddew ixandru l-kelma. Bil-persekuzzjoni l-messaġġ twassal fi rkejjen ’il bogħod b’ritmu aktar mgħaġġel (At.11:19). Indirettament, id-djaspora (il-verb Grieg hu diaspeirō, ferrex) tal-Kristjani wasslet għat-twettiq tal-wegħda fl-Atti 1:8 (cf., Ġak.1:1; 1 Pt.1:1). Sawl kien strumentali fil-persekuzzjoni, kif jixhed aktar tard (At.22:4-5; 26:10-11) u fl-epistoli (1 Kor.15:9; Gal.1:13,23; Fil.3:6; 1 Tim.1:13). 


At.8:5. Filippi niżel lejn il-belt tas-Samarija. Bil-messaġġ tiegħu dwar Alla li mhuwiex konfinat għal ġens jew post wieħed, Stiefnu qiegħed il-pedament għal missjoni dinjija. Filippu, li bħal Stiefnu kien Ellenista, kien l-ewwel wieħed li qiegħed il-viżjoni ta’ Stiefnu fil-prattika, u xehed lis-Samaritani (At.8:4-25) u lil wieħed Etjopjan (At.8:26-40). 


At.8:6. is-sinjali mirakolużi. Fl-Atti kienu l-appostli li għamlu l-mirakli, bħala konferma tal-verità divina mgħallma minnhom (Mk.16:20). Hawnhekk għandna eċċezzjoni, billi s-Samaritani twasslilhom l-evanġelju għall-ewwel darba mindu Kristu miet (Ġw.4:1-42). 


At.8:9-11. “Dar-raġel hu s-setgħa t’Alla, imsejħa s-setgħa l-kbira.” Xmun is-saħħar ipprattika mirakli foloz u bihom inganna lin-nies. 


At.8:13. emmen. Il-kuntest dejjem jiddetermina hix fidi ġenwina inkella falza. Hawnhekk jirriżulta illi kienet fidi temporanja (Ġw.6:66). 


At.8:14. l-appostli...bagħtulhom lil Pietru u ’l Ġwanni. Il-knisja aktar tard bagħtet delegazzjoni lill-konvertiti f’Antjokja (At.11:22-24). Inċidentalment, hawnhekk jidher ċar illi Pietru ma kienx il-kap tal-appostli jew tal-knisja, imma serva billi kien wieħed mill-mibgħuta. 


At.8:15-16. ħalli jirċievu l-Ispirtu s-Santu. Sa dal-punt is-Samaritani li emmnu kienu għadhom ma rċevewx evidenza tal-preżenza dinamika u esterna tal-Ispirtu s-Santu, għalkemm bħala fidili l-Ispirtu kien qed jgħammar fihom (Rum.8:9). M’aħniex informati x’evidenza tahom l-Ispirtu s-Santu, iżda mmanifesta l-wasla tiegħu b’xi mod illi Xmun seta’ jaraha u jismagħha (At.8:18). 


At.8:17. rċevew l-Ispirtu s-Santu. Din hi speċi ta Pentekoste mtennija. Apparentement f’dan il-każ uniku, fejn l-evanġelju kien għall-ewwel darba qed jippenetra lil hinn mill-konfini tal-Ġudaiżmu, il-Mulej sovranament stenna u ma ta ebda manifestazzjoni tal-qawwa sħiħa tal-Ispirtu s-Santu (cf., At.8:15-16) qabel ma waslu xi appostli ħalli fil-preżenza tagħhom ma jkun hemm ebda dubju li s-Samaritani rċevew l-għotja speċjali tal-Patt il-Ġdid, l-Ispirtu s-Santu, bl-istess mod kif ġralhom il-Kristjani Lhud fil-bidu nett.

Dan kellu juri li s-Samaritani għandhom ikunu magħduda bħala membri sħaħ tal-knisja vera, il-komunità pattwali tan-nies t’Alla, imsejsa u bbażata dak iż-żmien f’Ġerusalemm. Kellha tiggarantixxi wkoll li s-Samaritani, li għal ħafna ġenerazzjonijiet kienu ostili lejn il-Lhud u rivali tagħhom, ma jistabbilux knisja Kristjana separata jew inkella jkunu esklużi mill-knisja minn fidili Lhud. 

L-Ispirtu, jew aħjar l-evidenza tiegħu, ingħatat biss minn idejn l-appostli, biex jintwera b’mod konvinċenti li kemm Lhud kif ukoll nies mhumiex Lhud issa jgawdu sħubija sħiħa fost il-poplu mifdi (ara Rum.11:13-24; Ef.2:11-22). 


At.8:18. offrielhom il-flus. Kien komuni illi wieħed iħallas għal status jew abbiltà għolja, speċjalment f’kulti reliġjużi. Dil-prattika, tħallas għal pożizzjoni reliġjuża, illum hi magħrufa bħala simonija. 


At.8:21-23. Bil-kliem u l-azzjonijiet tiegħu, Xmun ta prova illi ma emminx ġenwinament fi Kristu. Kien għadu b’qalbu mhix sewwa quddiem Alla, ivvalenat bil-qrusa (cf., Dt.29:18; Ebr.12:15) u fir-rabta tal-inikwità (ara Rum.6:16; 8:8). Professjoni ta’ fidi mingħajr indiema hi invalida. 


At.8:24. Mhuwiex ċar Xmun nidimx jew le. Kontra dil-possibbiltà hemm it-tradizzjoni marbuta ma’ Xmun bħala “l-ewwel eretiku” u l-fatt li ma jindika ebda rieda li kien lest jagħmel xi ħaġa biex jesprimi l-indiema tiegħu. 

Agħmlu petizzjoni intom infuskom għalija lis-Sid. L-intenzjonijiet eżatti ta’ Xmun ma nafuhomx. Mill-kuntest jidher illi Xmun irrifjuta milli jindem. 


At.8:28. jaqra l-profeta Isaija. L-ewnuku kien jaf l-importanza illi jfittex lil Alla permezz tal-Iskrittura (Lq.24:25-27; Ġw.5:39,46; Rum.10:12-15). 


At.8:35. xandarlu ’l Ġesù. Filippu bdielu minn Isaija 53 u identifika l-qaddej f’dal-pass bħala l-Qaddej li Jsofri, Ġesù. L-istess hu implikat li għamel b’siltiet oħra mill-Patt il-Qadim biex jikkonvinċih li Ġesù hu l-Messija. 


At.8:36-39. niżlu t-tnejn fl-ilma. Regolarment dixxipli ġodda fiż-żmien appostoliku tgħammdu billi ġew mgħaddsa taħt l-ilma kompletament u miġjuba fil-wiċċ għal darb’ oħra. La t-traxxix, la t-tferrigħ u lanqas xi mod ieħor qatt ma dehru jew ġew irrikkmandati. Dan hu kkonfermat milli ġej:

1. Il-kelma Griega baptizō tfisser “għaddas, immersa” xi ħaġa fl-ilma jew likwidu ieħor. Din hi rikonoxxuta bħala t-tifsira standard tal-kelma fil-letteratura Griega antika, kemm fil-Bibbja kif ukoll barra minnha. Interessanti kif jitkellem Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Is-sagrament jissejjaħ ‘magħmudija’ miċ-ċerimonja ċentrali tar-rit li bih iseħħ: tgħammed (‘baptizein’ bil-Grieg, ‘baptizare’ bil-Latin) ifisser ‘tgħaddas,’ ‘iddaħħal fl-ilma,’ ‘tgħaddas’ fl-ilma hu simbolu tad-dfin fil-mewt ta’ Kristu tal-katekumenu, li mill-ilma joħroġ permezz tal-qawmien ma’ Kristu (ara Rumani 6:3-4; Kolossin 2:12) bħala ‘ħolqien ġdid’ (2 Korintin 5:17; Galatin 6:15)” (para. 1214).

2. Is-sens ta’ “għaddas” hu xieraq u rikjest f’diversi passi. Ġwanni għammed in-nies fix-Xmara Ġordan. Eżaminazzjoni tal-prepożizzjonijiet użati għall-magħmudija konsistentement jiffavorixxu l-idea tat-tgħaddis. Ġwanni ma qagħadx maġenb jew qrib ix-xmara, iżda fiha (Mk.1:5). Fil-magħmudija ta’ Ġesù, il-fatt li kemm hu kif ukoll Ġwanni telgħu mix-xmara jissuġġerixxi l-immersjoni, peress li t-traxxix jew tferrigħ tal-ilma seta’ aktar faċilment isir billi joqogħdu maġenb ix-xmara, partikolarment għax bosta kienu ġejjin għall-magħmudija. Jingħad band’ oħra li “Ġwanni wkoll kien qed jgħammed f’Ajnun qrib Salim, għax kien hemm ħafna ilmijiet hemmhekk” (Ġw.3:23). Bit-traxxix m’għandikx bżonn ħafna ilmijiet; bit-tgħaddis iva. 

L-istess fil-każ tal-ewnuku Etjopjan li kien għadu kif laqa’ l-vanġelu. Kif kienu jivvjaġġaw matul it-triq ġew quddiem xi ilma. “‘Ara, hawn l-ilma!’ qal l-ewnuku. ‘X’jipprojbini milli nkun mgħammed?’ U amar il-karru jieqaf. Imbagħad niżlu t-tnejn fl-ilma, kemm Filippu kif ukoll l-ewnuku, u għammdu. Xħin telgħu mill-ilma, l-Ispirtu tas-Sid ħataf lil Filippu” (At.8:37-39). Kieku t-traxxix kien leċitu u rikonoxxut, seta’ jitgħammed b’xi erba’ qatriet ilma – ċertament kellu xi kontenitur fuq il-karru miegħu la kien qed jivvjaġġa minn triq deżert. Il-magħmudija bl-immersjoni dejjem tiffittja kull inċident rakkontat, u hawn ċertament hi l-unika spjegazzjoni sodisfaċenti.

3. Is-simboliżmu tal-unjoni tal-fidil ma’ Kristu fil-mewt, id-difna u l-qawmien tiegħu loġikament jirrikjiedi l-magħmudija bl-immersjoni. “Jew ma tafux illi aħna lkoll li konna mgħammdin fi Kristu Ġesù konna mgħammdin f’mewtu? Mela konna midfunin flimkien miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, sabiex bħalma Kristu kien irxoxtat mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nimxu fit-tiġdid tal-ħajja” (Rum.6:3-4). Innota l-lingwaġġ: “midfunin flimkien miegħu,” jixbah dikjarazzjoni oħra band’ oħra: “midfunin miegħu bil-magħmudija, li fiha kontu wkoll irxoxtati miegħu permezz tal-fidi fil-qawwa t’Alla, li qajmu mill-imwiet” (Kol.2:12).

Meta l-kandidat jinżel fl-ilma hemm stampa qisu qed jitniżżel fil-qabar u se jindifen. Meta joħroġ mill-ilma mbagħad hemm stampa qisu tqajjem ma’ Kristu biex jimxi fit-tiġdid tal-ħajja. Il-magħmudija bl-immersjoni tagħtina x’nifhmu li l-ħajja antika tagħna spiċċat u flokha għandna ħajja ġdida fi Kristu. Il-magħmudija bit-traxxix sempliċement timmissja das-simboliżmu sabiħ. 

Inċidentalment, l-ilma tal-magħmudija jfakkarna wkoll fil-ġudizzju t’Alla li ġie fuq il-miskredenti fi żmien id-dulluvju, jew meta għerreq lill-Eġizzjani fl-esodu (Ġen.7:6-24; Es.14:26-29; cf., ukoll Ġona 1:7-16 meta l-profeta diżubbidjenti kien mitfugħ fil-fond tal-baħar, avolja wara nħeles mirakolożament u hekk sar sinjal tar-resurrezzjoni). Għalhekk dawk li jinżlu fl-ilma tal-magħmudija fir-realtà qed jinżlu fl-ilmijiet tal-ġudizzju u l-mewt, il-mewt li jimmeritaw mingħand Alla għal dnubiethom. Meta joħorġu mill-ilma juru li għaddew bla ħsara mill-ġudizzju divin, u dan minħabba l-mertu ta’ Kristu Ġesù, li miegħu huma uniti f’mewtu u fil-qawmien tiegħu. Minħabba f’hekk jingħad li l-magħmudija tikkorrispondi ma’ meta Noè u familtu kienu meħlusin mill-ilmijiet tal-ġudizzju fid-dulluvju (1 Pt.3:20-21).


At.8:39. l-Ispirtu tas-Sid ħataf lil Filippu. Elija (1 Slat.18:12; 2 Slat.2:16) u Eżekjel (Eż.3:12,14; 8:3) kienu wkoll maħtufa b’mod mirakoluż. Din kienet konferma qawwija għall-karwana sħiħa illi Filippu kien rappreżentattiv t’Alla.


At.9:2. tat-triq. Ismijiet oħra wżati fl-Atti għall-Kristjani bikrija huma: “Kristjani” (użata biss fl-Atti 11:26, 26:28, u l-1 Pietru 4:16), “dixxipli” (At.9:10,19), “qaddisin” (At.9:13), “dawk...li jinvokaw lil ismek” (At.9:14), u “aħwa” (At.9:30). It-triq tidentifika l-kawża Kristjana bħala komposta minn segwaċi ta’ Ġesù, li hu t-triq (Ġw.14:6). Hi wżata kemm-il darba (At.19:9,23; 22:4; 24:14,22). Il-fidi Kristjana hi t-triq li twassl għand Alla (At.18:26), it-triq għall-postijiet qaddisa (Ebr.10:19-20), u t-triq għall-verità (2 Pt.2:2). 


At.9:3. Damasku (217-il kilometru fil-Grigal ta’ Ġerusalemm) hi waħda mill-bliet l-iżjed antiki tad-dinja, u tissemma’ fi żmien Abraħam (Ġen.14:15). Kienet il-kapitali tas-Sirja (Isa.7:8). Tibqa’ magħrufa bħala l-belt fejn Sawl ta’ Tarsu kkonverta, irċieva d-dawl u beda jipprietka (At.9:2-27; 22:5-11). 


At.9:3-6. leħħ madwaru dawl mis-sema. Din kienet l-ewwel minn sitt viżjonijiet li kellu Pawlu, kif rekordjati fl-Atti (cf., 16:9-10; 18:9-10; 22:17-18; 23:11; 27:23-24). Id-dawl hawnhekk hu l-glorja ta’ Kristu (cf., 22:6; 26:13), viżibbli biss għal Pawlu (26:9). Il-konverżjoni tiegħu bdiet b’viżjoni tal-glorja t’Alla fi Kristu, bħalma ntemmet ta’ Stiefnu (At.7:56). Tfakkarna wkoll fil-kummissjoni profetika (Isa.6:1-13; Eż.1:1-28). 


At.9:4. Sawl, Sawl. Ir-repetizzjoni tagħtina x’nifhmu indirizz intimu (cf., Ġen.22:11; 46:2; Es.3:4; 1 Sam.3:10; Lq.10:41; 22:31). 

tippesegwitani. Minħabba l-unjoni mistika bejn Kristu r-ras u l-fidili l-membri tiegħu, meta l-Kristjani huma attakkati jfisser bħallikieku Kristu nnifsu hu maħbut (Mt.5:10-12; 18:5-6; Ġw.15:19-20). 


At.9:5. Min int, Sid? Għalkemm Pawlu kien mogħmi bid-dawl leqqien (cf., At.9:3,8-9), jindika bnadi oħra li attwalment ra lil Kristu rxoxtat f’din l-okkażżjoni (ara 1 Kor.9:1; 15:8; Gal.1:16; cf., At.9:27). Ix-xena hi sinifikanti mhux biss minħabba l-konverżjoni tiegħu, iżda wkoll għax turi illi kien jaf dwar il-qawmien mill-esperjenza diretta ta’ Ġesù u hekk seta’ japprezza l-għala l-qawmien kien parti integrali mill-messaġġ Kristjan (1 Kor.15). 


At.9:9. baqa’ tlett ijiem bla ma jara. Sawl għamel żmien għami u sajjem; dan ma kienx kastig iżda r-riżultat tal-inkontru intensiv tiegħu ma’ Kristu fil-glorja. Bħal fil-każ ta’ Żakkarija (Lq.1:18-20), il-perjodu kritiku kien intenzjonat bħala opportunità għar-riflessjoni. 


At.9:10. s-Sid hu Ġesù, mhux Alla l-Missier (ara At.9:17). Ir-rispons ta’ Ħananija, hawn jien, Sid, tfakkarna fi predeċessuri fil-Patt il-Qadim bħal Abraħam (Ġen.22:1,11), Ġakobb (Ġen.31:11; 46:2), Mosè (Es.3:11), Samwel (1 Sam.3:4-8) u Isaija (Isa.6:8). 


At.9:13. Il-fidili fil-Patt il-Ġdid huma sikwit imsejħa qaddisin (cf., At.26:10; Rum.1:7; 1 Kor.1:2; Riv.13:7; 19:8). L-idea bażika tal-kelma “qaddis” (bil-Grieg, hagios, mifrud għal Alla jew minn Alla; ikkonsagrat; moralment pur) hi separazzjoni mid-dnub u għal Alla. Il-qaddisin, fi kliem ieħor, huma “l-isseparati t’Alla.” 

Dan jimplika li l-Kristjani huma mmexxija u santifikati mill-Ispirtu s-Santu (Rum.8:14; 1 Kor.6:11; 2 Tes.2:13; 1 Pt.1:2). Ifisser wkoll li wieħed ta dahru għal did-dinja ħażina, għall-għemejjel tax-xitan u għall-passjonijiet karnali tiegħu biex isegwi lil Ġesù (Ġw.17:15-17). 

Madankollu l-kelma “qaddis” ma timplikax li l-fidil hu diġà assolutament perfett jew mhuwiex kapaċi jidneb (cf., 1 Ġw.2:1). Mhijiex il-prattika tal-Patt il-Ġdid illi jsejjaħ lill-Kristjani “midinbin salvati,” kif inhi l-moda llum. Bħala d-deskrizzjoni komuni għall-fidili kollha, “qaddis” tenfasizza l-mistennija biblika li l-fidili kollha jikkonformaw għall-ġustizzja t’Alla kif rivelata fil-liġi tiegħu (Ef.5:3) u taċċentwa wkoll in-neċessità għall-qdusija bħala realtà interna għal dawk kollha li jappartienu għal Kristu (1 Kor.1:30). 


At.9:15. strument magħżul. Hemm kontinwità bejn is-salvazzjoni ta’ Pawlu u s-servizz tiegħu: Alla ħatru mhux biss għall-ġenna iżda wkoll biex iwassal il-grazzja tiegħu lin-nies (Gal.1:1; cf., 1 Tim.2:7; 2 Tim.1:11). 

iwassal ismi quddiem il-Ġentili u s-slaten u wlied Iżrael. Pawlu kkonsidra lilu nnifsu appostlu lill-pagani jew lill-ġnus (Rum.1:13-14; 15;16), bħalma Pietru kien ikkonċentrat fuq il-Lhud (Gal.2:8), iżda Pawlu prietka kemm-il darba lil-Lhud, partikolarment fis-sinagogi tagħhom (At.9:20; 13:14; 14:1; 17:1,10; 18:4; 19:8; Rum.1:16; 1 Kor.9:20). Imqar is-slaten semgħuh, bħal fil-każ ta’ Agrippa (At.25:23-26:32) u probabbilment Ċesri (cf., At.25:10-12; 2 Tim.4:16-17). 


At.9:16. jeħtieġlu jbati għal ismi. Il-konverżjoni u s-salvazzjoni ta’ Sawl issarrfu mhux biss f’sejħa għall-ippritkar tal-vanġelu iżda wkoll biex isofri għal Kristu. Mill-bidu nett hu mgħarraf illi jkollu jgħaddi mill-prova minħabba l-kawża ta’ Kristu. Fis-saltna tas-smewwiet, is-sofferenza f’ġieħ il-Feddej hi sinjal tal-ogħla favur t’Alla (Mt.5:11-12; At.14:22; Rum.8:17; 2 Tim.2:12). Hi wkoll il-mezz għal ministeru abbondanti (Ġw.12:24; 2 Kor.1:3-6). Tirriżulta wkoll fi premju kotran fil-ġenna (Mt.5:12; 2 Tim.2:12). Il-mewt ikollha topera fil-fidili sabiex il-ħajja t’Alla tnixxi minnhom għal għand ħaddieħor (Rum.8:17-18,36-37; 2 Kor.4:8-18). Pawlu qatt ma fittex it-tbatija jew persekuzzjoni b’idejh, iżda feraħ meta esperjenzaha, u sikwit tkellem dwarhom (At.20:23; 2 Kor.6:3-10; 11:23-27; Gal.6:17; 2 Tim.1:11-12).


At.9:17. Ġesù, li deherlek fit-triq. Sawl ma kellux ħolma, iżda attwalment ra lill-Mulej irxoxtat (cf., Isa.6:1,5). 

timtela bl-Ispirtu s-Santu (cf., At.2:38). L-Ispirtu kien diġà attiv fil-ħajja ta’ Sawl: ikkonvinċieh mid-dnub (Ġw.16:9), ipperswadieh dwar Ġesù, illi hu divin u s-Sid ta’ kollox (1 Kor.12:3), ittrasformah (Titu 3:5), u assuma r-residenza tiegħu fih (1 Kor.12:13). Imbagħad kien mimli, jew maqbud u maħkum, mill-Ispirtu, u hekk ingħatatlu l-qawwa biex iwettaq l-appostolat tiegħu (cf., At.2:4,14; 4:8,31; 6:5,8). Xejn ma jingħad dwar xi doni sopranaturali, iżda l-enfasi hi mqiegħda fuq l-ippritkar setgħan dwar Ġesù bħala Bin Alla (At.9:20). 


At.9:18. waqgħu minn għajnejh qishom qxur. Dan l-avveniment fiżiku kien ukoll simbolu illi l-għama spiritwali ta’ Sawl issa tfejqet u seta’ jara, ċoè jifhem u japprezza l-verità smewwitija (2 Kor.3:14). 

Filli tgħammed, Sawl għamel dikjarazzjoni immedjata u pubbika tal-fidi tiegħu f’Ġesù bħala l-Messija. Bl-intervent tal-grazzja, Sawl, bħal kull fidil ieħor, ġiet trasferit mid-dlam għad-dawl meraviljuż tal-Mulej.


At.9:23-25. ikkomplottaw biex joqtluh. L-għedewwa tal-vanġelu mhumiex kapaċi jegħlbuh b’dibattitu ħieles u apert, għaldaqstant sikwit jirrikorru għall-vjolenza, falsità, omiċidju u interventi governattivi (cf., At.9:29). Iżda l-vanġelu hu mingħand Alla, hu l-qawwa tiegħu għas-salvazzjoni, u impossibbli jkun imwaqqaf. U minkejja l-perikli li l-fidili jidħlu fihom, Alla sikwit jindaħal biex jipproteġihom skont l-għan tiegħu (cf., At.23:16-22). Normalment Alla ma jsejjaħx lil niesu biex imutu martri iżda biex jaħarbu mill-periklu żvelat lilhom. Din mhix kodardja iżda azzjoni sensibbli ħalli jkomplu jwettqu l-ministeru tagħhom sakemm Alla jogħġbu. 


At.9:31. Bilfors kien hemm mijiet ta’ knejjes fil-bliet żgħar u rħula matul dawn ir-reġjun vast, iżda lkoll huma msejħa knisja – singular. Il-Patt il-Ġdid kapaċi japplika l-kelma knisja għal grupp ta’ Kristjani li jiltaqgħu f’dar privata (Rum.16:5; 1 Kor.16:19), f’belt sħiħa (1 Kor.1:2; 2 Kor.1:1), f’reġjun kbir (bħal hawnhekk), jew mad-dinja kollha (1 Kor.12:28; Ef.5:25). 

fil-biża’ tas-Sid ma jfissirx twerwir mill-ġudizzju finali. Hi tema komuni fl-Atti li tirreferi għat-timenza sana, riverenza, u devozzjoni (eż., At.2:43; 10:2; 13:26), jew biża’ mid-dispjaċir t’Alla u d-dixxiplina paterna tiegħu (eż., At.5:5,11; 16:29; 19:17; Ebr.12:7-10). Fil-Vanġelu tiegħu Luqa wkoll jaċċentwa l-biża’ tal-Mulej (Lq.1:50; 18:2; 23:40); dan it-tip ta’ biża’ jipproduċi afdar u ubbidjenza, kif ukoll l-evitar tal-ħażen (Ġob.28:28; Sal.111:10; Prov.1:7). 


At.9:34. Ġesù Kristu jfejqek. Pietru kien sempliċi strument li bih ħadem is-Sid (At.3:12-16). 

U minnufih qam. Bħalma l-mirakli ta’ Ġesù kienu immedjati u totali, hekk huma l-mirakli tal-appostli. Illum, jekk “il-fejjieqa” reliġjużi jidhrilhom li għandhom qawwa mirakoluża, għandhom joffru l-istess kwalità ta’ fejqan.


At.9:35. daru lejn is-Sid. L-indiema mhi xejn inqas minn dawrien radikali mill-ħajja l-qadima għat-tiġdid tal-ħajja fi Kristu (At.2:38; 3:19). 


At.9:36. mimlija b’opri tajba u karità. Bħalma Alla ħadem b’Pietru biex ifejjaq (At.9:33-35) u jqajjem il-mejtin (At.9:40), jaħdem ukoll b’Dorkas b’għemilha ġeneruż u kollu mħabba. L-għajnuna lejn il-batuti u l-foqra hi dimostrazzjoni tal-mogħdrija ta’ Kristu u tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu daqs meta jsiru mirakli, sinjali u għeġubijiet. Dil-verità hi enfasizzata (1 Kor.13; cf., 1 Pt.4:10-11). 


At.9:39. Il-fidili bix-xieraq jistgħu jibku l-mewt ta’ mara maħbuba u rispettata bħalma kienet Dorkas (At.8:2). 


At.9:40. Tabita, qum (cf., At.3:6). Pietru ma kellu ebda qawwa sopranaturali fi kliemu stess, iżda l-Mulej urieh x’kien se jagħmel bi tweġiba għat-talba tiegħu, u Alla għadda f’qalb Pietru t-tagħrif u l-fidi li kien se jirrestawra lil Tabita lura għall-ħajja. 


At.9:42. ħafna nies emmnu fis-Sid. Sikwit il-mirakli servew għall-avvanz tal-vanġelu (cf., At.9:35). Naraw mostra illi mirakli rimarkevoli jwasslu għal konverżjonijiet ġenwini hekk kif il-vanġelu jinfirex. Dan hu totalment differenti mit-taparsi mirakli li hu klejmjat illi jsiru llum minn profeti foloz. Insejħulhom hekk għax:

1. Sikwit ħafna mill-mard imfejjaq illum hu mard psikosomatiku, mhux organiku, jiġifieri l-persuna tħossha aħjar, imqar jekk temporanjament, minħabba l-influwenza mentali eżerċitata fuqha mit-taparsi fejjieq. 

2. Ħafna mit-taparsi fejqan ma jidhirx: pereżempju, uġigħ ta’ ras jew fejqan ta’ organi interni jew kanċer. Faċilment, kif sikwit ġara, wieħed jista’ jivvinta l-mard biex taparsi mbagħad tfejjaq minnu. 

3. Sikwit il-fejqan hu dubjuż huwiex verament fejqan jew le, mentri l-fejqan ta’ Sidna Ġesù u l-appostli tiegħu kien dejjem fejqan bla dubju, ċar u inkonfutabbli, hekk li lanqas l-għedewwa tal-verità ma setgħu jinnegaw l-għemejjel mirakolużi tagħhom (cf., Ġw.3:2; 11:47-48; At.4:16-17).

4. Il-Kristjan, bħal f’oqsma oħra u bħal dejjem, jeħtieġ jeżerċita dixxerniment biex jiddistingwi l-ġenwin mill-falz (1 Ġw.4:1). M’aħniex insejħin inkunu mzazen.


At.9:43. Xmun, konzatur. Għal-Lhud l-ikkonzar kien mestier imniġġes għax involva kuntatt ma’ bhejjem mejta (Lev.5:2). Pietru kien lest jgħammar ma’ konzatur għax il-vanġelu kien diġà qed ixejjen il-firdiet bejn in-nies. Dan jantiċipa wkoll il-viżjoni li ngħata Pietru (At.10:9-23).


At.10:1. Ċesarija, belt ħamsin kilometru fit-Tramuntana ta’ Ġoppa, kienet l-għamara tal-prokuratur Ruman fil-Ġudea. 


At.10:2. jibża’ minn Alla hi deskrizzjoni li tista’ tindika illi Kornelju kien parzjalment konvertit għall-Ġudaiżmu, pagan li kien iqim lil Alla iżda kien għadu mhuwiex ċirkonċiż (At.13:16,26). 


At.10:4. Id-devozzjoni ta’ Kornelju hi deskritta bħala tifkira, lingwaġġ ta’ sagrifiċċju (cf., Lev.2:2,9,16), u hekk hu indikat illi xi ħaġa ġiet miftakra quddiem Alla (cf., Fil.4:18). 


At.10:5. sejjaħ lil wieħed Xmun. Alla ma wassalx il-vanġelu lil Kornelju b’rivelazzjoni diretta jew permezz ta’ anġlu, avolja seta’. Inqeda b’mezzi ordinarji, f’dal-każ predikatur mill-knisja (Rum.10:14-15). 


At.10:9. biex jitlob. Probabbilment Pietru talab tliet darbiet kuljum (cf., At.3:1; Dan.6:10); dan kien il-perjodu ta’ talb tiegħu f’nofs il-jum, u l-bejt kien post ideali għalih għax kien pjuttost privat. Tipikament id-djar kellhom bjut ċatti li jintlaħqu minn taraġ fuq barra. 

Il-Kristjani bikrija kienu nies dedikati għat-talb. Fehmu illi l-qawwa ta’ saltnet Alla ma tistax tkun manifestata bi ftit minuti talb kuljum (At.1:14; 2:42). Il-Lhud devoti talbu darbtejn jew tlieta kuljum (cf., Sal.55:17; Dan.6:10). Id-drawwa tad-dixxipli ta’ Ġesù, speċjalment l-appostli (At.6:4), kienet illi jersqu lejn it-tron tal-grazzja bl-istess devozzjoni. Kellhom dixxiplina fuqhom infushom u allura ħinijiet imwarrba apposta għat-talb (At.3:1; 16:16). Alla jippremja lil dawk li jżommu l-appuntamenti miegħu (At.10:30-32).

Imissna nissoktaw fedelment fit-talb (Rum.12:12), nitolbu dejjem bla ma naqtgħu jiesna (Lq.18:1) billi nipperseveraw fih (Kol.4:2), nitolbu kontinwament f’kull ċirkostanza (1 Tes.5:17), nitolbu f’kull post (1 Tim.2:8), f’kull okkażżjoni, u b’kull tip ta’ talb (Ef.6:18). Importanti ma nħaddnu ebda dnub magħruf f’ħajjitna, bħala nies ġusti (Ġak.5:16). 

It-tali eżortazzjonijiet jindikaw illli ma nistgħu ngawdu ebda qawwa spiritwali fil-battalja tagħna kontra d-dnub, Satana u d-dinja, jew vittorja fit-tentattivi tagħna biex nirbħu lill-mitlufa, mingħajr talb impenjat kuljum. 

Jogħġob wisq lill-Mulej meta ngħassu u nitolbu mqar siegħa waħda (Mt.26:38-41). Fid-dawl tal-urġenza taż-żminijiet li fihom ngħixu, kull fidil imissu jmantni relazzjoni intima m’Alla. It-tali komunjoni hija impossibbli mingħajr ma nagħtu lit-talb il-post xieraq tiegħu. Siegħa talb tista’ tinkludi l-adorazzjoni t’Alla u t-tifħir lilu, kant lill-Mulej, radd il-ħajr, l-istennija t’Alla, qari mill-Iskrittura u riflessjoni fuqha, is-smigħ ta’ leħen Missierna fl-Iskrittura, l-istqarrija ta’ ħtijietna, ringrazzjament, l-interċessjoni għal ħaddieħor, u talb għal ħtiġijietna stess. 


At.10:10. daħal f’estasi. L-istat konxju ta’ Pietru kien irtirat minn ħwejjeġ esterni bi preparazzjoni għall-viżjoni (cf., At.22:17). 


At.10:11. ra s-sema miftuħ: rivelazzjoni mingħand il-preżenza t’Alla (Eż.1:1; Lq.3:21; At.7:56). 


At.10:12-13. Il-kwadrupedi u bhejjem oħrajn kienu xi wħud tajbin għall-ikel u oħrajn meqjusa bħala mniġġsa (Lev.11). Pietru naturalment, kif imdorri, eżita milli jivvjola l-liġijiet tal-Patt il-Qadim għax ċerti annimali kienu projbiti milli jittieklu. Mal-miġja tal-Patt il-Ġdid u s-sejħa tal-Ġentili, Alla temm ir-restrizzjonijiet fuq id-dieta (cf., Mk.7:19). 


At.10:14. Żgurissmu le, Sid. Forsi ħaseb li dan kien test; Pietru esprima d-devozzjoni tiegħu għal-liġi t’Alla (Eż.4:14). 


At.10:15-16. Il-ħwejjeġ li Alla ppurifika. B’din l-illustrazzjoni vivida, Alla għarraf lil Pietru li kien abroga l-liġijiet ta’ ndafa ritwali (cf., Mk.7:14-19). Magħhom Alla warrab il-liġi ċerimonjali kollha, li tinkludi liġijiet dwar sagrifiċċji fuq l-artal, festi u jiem speċjali, u ċ-ċirkonċiżjoni. 

Kienet diffiċli għal Pietru jaċċetta dan, u għalhekk l-apparizzjoni ġiet imtennija għal tliet darbiet biex ikun konvint. 


At.10:19-20. l-Ispirtu qallu. L-Ispirtu s-Santu mhwiex sempliċi qawwa jew enerġija jew forza, iżda persuna divina li jitkellem, u jikkmanda lill-anġli u l-bnedmin (At.5:3-4; 13:2,4). 


At.10:25-26. Pietru issa kien lest jidħol f’dar ta’ wieħed pagan (At.10:28). Kornelju, daparti tiegħu, kien emozzjonalment megħlub bil-preżenza ta’ Pietru u adurah, avolja ma kienx xi dinjitarju, għax kien Alla li dderiġieh biex jibgħat għall-appostlu tiegħu. 

Alla jgħidilna biex ninoraw u nirrispettaw lil xulxin, iżda Pietru ra fl-azzjoni ta’ Kornelju adulazzjoni esaġerata, u ma aċċettax il-qima tiegħu. Jien innifsi wkoll sempliċi bniedem, qallu (cf., At.14:11-15 u Riv.22:8-9). B’kuntrast, ara r-rispons ta’ Erodi (At.12:20-23; cf., Riv.19:10; 22:8-9). Alla Trinità waħdu ħaqqu l-qima tagħna. 


At.10:28. Meta qal Alla wrieni, Pietru kien qed jirreferi għall-viżjoni li kellu xi jiem qabel (At.10:15). 


At.10:34. Alla ma jurix parzjalità (Dt.10:17; 2 Kron.19:7; Ġob.34:19; Rum.2:11; 3:29-30; Ġak.2:1) fis-sens li l-vanġelu tiegħu hu maħsub kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Ġentili (At.1:8; Rum.1:16). Bil-mod il-mod il-knisja, bil-mexxejja tagħha, kienet qed issir konxja tar-responsabbiltà tagħha li tevanġelizza d-dinja kollha. 

Illum irridu nagħrfu li Alla m’għandu ebda nazzjon favorit jew grupp etniku tiegħu, lanqas jiffavorixxi xi individwu minħabba nazzjonalità, razza, twelid, kapaċità intellettwali, jew pożizzjoni fis-soċjetà (cf., Ġak.2:1). Alla juri l-favur tiegħu lil dawk li jduru mid-dnub, jemmnu fi Kristu, jibżgħu minnu u jgħixu ġustament (At.10:35; cf., Rum.2:6-11). 

aċċettabbli tissinifika mmarkat b’manifestazzjoni favorevoli tal-pjaċir divin. 


At.10:34-43. Il-messaġġ li bagħat lil ulied Iżrael. Dan id-diskors lill-Ġentili hu uniku fost il-prietki fl-Atti għax jipprovdi sommarju tal-ministeru ta’ Ġesù. Ma fih ebda provi skritturali, u kien interrott ħesrem qabel ma Pietru seta’ jagħti stedina biex jafdaw fi Kristu. Naturalment, l-awtur hawnhekk jagħti biss rakkont fil-qosor. 


At.10:35. f’kull nazzjon. Alla ma baqax jiffoka barkietu fuq Iżrael fiżiku (Sal.147:19-20). 

min jibża’ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettabbli għalih. Din hi l-istess terminoloġija wżata biex tiddeskrivi r-reliġjon u l-moralità ta’ Kornelju (At.10:22). Pietru mhuwiex jgħallem il-ġustifikazzjoni bl-opri, għax il-maħfra tiġina biss bil-fidi fi Kristu (At.10:43). Qed jgħid li l-vanġelu joffri salvazzjoni mhux biss lil-Lhud iżda wkoll lill-Ġentili li għandhom il-biża’ t’Alla.

Il-kelma wżata hawn, aċċettabbli (bil-Grieg, dektos, aċċettabbli; mogħti merħba; milqugħ) ma tirreferix għal ġustifikazzjoni legali quddiem Alla (f’dan il-każ il-Patt il-Ġdid juża l-verb dikaioō, qiegħed f’relazzjoni tajba; iddikjara jew tratta bħala ġust; illibera). Pietru mhux qed jafferma li min jgħix sewwa jsalva. Aktarx, il-kustjoni hawn hi jekk il-favur t’Alla huwiex għad-dispożizzjoni tal-Lhud biss (“parzjalità,” At.10:34), jew inkella hux ukoll għall-Ġentili minn kull nazzjon.

min jibża’ minnu u jagħmel is-sewwa. Din l-espressjoni tiġbor fil-qosor l-imġiba ta’ xi ħadd li ħajtu togħġob lil Alla. Għalkemm Pietru ma jsemmix espliċitament il-fidi salvivika (bħalma jagħmel f’Atti 10:43), abbli hi inkluża jew implikata fit-tifsira ta’ dawn iż-żewġ termini f’dan il-kuntest. Wara kollox, il-fidi hi afdar f’Alla u r-rispons xieraq tal-qalb umana lejh. 


At.10:36. Il-bxara tajba ta’ sliem hi r-rikonċiljazzjoni m’Alla permezz tas-sagrifiċċju uniku u effettiv ta’ Kristu, is-sliem tagħna (Rum.5:1-11; Ef.2:13-14). 

dan hu Sid kulħadd tidwi Isaija 52:7 u 57:19. Fi kliem ieħor, il-vanġelu hu għan-nies kollha, inkluż Kornelju u l-Ġentili sħabu. 


At.10:39. Is-salib hu riferut bħala siġra, u hekk Pietru jagħmel konnessjoni ċara mal-użu tal-istess kelma (bil-Grieg, xylon, għuda; siġra) fis-Septaġinta, fejn fid-Dewteronomju 21:23 jingħad li min hu mdendel ma’ siġra hu misħut. Ġesù tqiegħed f’pożizzjoni li l-Patt il-Qadim jgħid hi “misħuta minn Alla,” u hekk ħa fuqu nnifsu l-penali għad-dnub (cf., Gal.3:13). Is-saħta ġiet trasferita minn fuq il-fidili għal fuq is-Salvatur tagħhom, Kristu. 


At.10:41. kilna u xrobna miegħu. Huma attivitajiet illi juru li Ġesù ma kienx fantażma jew spirtu, iżda kellu ġisem fiżiku reali wara li rxoxta. Iċċenar flimkien hu sinjal ta’ xirka personali fil-qrib. 


At.10:42-43. bħala l-Imħallef. Il-vanġelu jannunzja kemm salvazzjoni kif ukoll ġudizzju permezz ta’ Ġesù, għax hu s-Sid (At.17:31). 

jemmen fih. Kristu waħdu jsalva; il-fidi hi l-mezz strumentali biex ningħaqdu ma’ Kristu u hekk inkunu salvati (Ġw.3:14-17; 6:69; Rum.1:16; 10:11; Gal.3:22; Ef.2:8-9). 


At.10:44. l-Ispirtu s-Santu waqa’ b’mod viżibbli. Il-Ġentili waslu biex esprimew fidi ġenwina fi Kristu u rċevew il-qawwa u l-milja tal-Ispirtu s-Santu, skont il-provdimenti tal-Patt il-Ġdid. Kulma ġara kien sinjal evidenti illi Alla laqagħhom bħala membri sħaħ u ugwali ma’ niesu, Kristjani Lhud. Il-fatt li ma segwewx il-liġijiet ċerimonjali Mosajki (bħalma huma ċ-ċirkonċiżjoni u restrizzjonijiet fid-dieta) qabel ma rċevew l-għotja tal-Ispirtu s-Santu hu punt importanti, kif se jidher aktar tard (At.11:15-17).


At.10:45. Kien diffiċli għal-Lhud stretti – l-fidili taċ-ċirkonċiżjoni – li ma rawx il-viżjoni ta’ Pietru biex jirrealizzaw illi Alla ma jurix favoritiżmu fl-offerta tiegħu għall-maħfra u sliem miegħu, u għalhekk skantaw. 


At.10:46. jitkellmu bl-ilsna. Il-foħrija t’Alla u d-don sopranaturali li jitkellmu b’lingwi li qatt ma tgħallmu qabel servew bħala dismostrazzjoni tal-preżenza tal-Ispirtu kif ukoll illi Alla aċċetta lil dawn il-Ġentili bla ċirkonċiżjoni. Fil-Patt il-Qadim, iċ-ċirkonċiżjoni kienet rikjesta għall-konverżjoni fil-Ġudaiżmu. Issa l-affarijiet qed jinbidlu. 


At.10:47. biex dawn ma jitgħammdux. Pietru ma setax jindaħal jew jikkoreġi lil Alla! Il-magħmudija hi ordinanza li tagħti bidu formali għall-ħajja Kristjana: hi sinjal estern tal-grazzja interna t’Alla fi qlub il-bnedmin u tal-impenn personali tagħhom lejn Kristu. 

bħalma rċivejnieh aħna wkoll. Pietru jirreferi għar-riċeviment tal-Ispirtu f’Pentekoste. L-ilsna wkoll ġraw dakinhar (At.2:4), aktar tard mid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista (At.19:6), u abbli wkoll fost is-Samaritani (At.8:18). F’kull każ l-ilsna vvalidaw lil dawk li ħaddmuhom bħala nies li jappartienu għal Alla u rċevew l-Ispirtu s-Santu fil-milja tal-Patt il-Ġdid. 


At.11:2. dawk taċ-ċirkonċiżjoni huma l-Lhud, speċjalment dawk li osservaw il-liġi ċerimonjali ta’ Mosè.


At.11:3. kilt flimkien magħhom. L-iċċenar ma’ nies mhumiex Lhud kien vjolazzjoni ċara tal-liġi ċerimonjali għax il-Ġentili ma kinux isegwu l-liġijiet dwar l-ikel (Lev.11) u lanqas jinħaslu ċerimonjalment (Mk.7:5). 


At.11:4. beda jispjegalhom bl-ordni. Ir-repetizzjoni tal-ġrajja magħduda f’kapitlu 10 tenfasizza l-importanza tagħha. Il-fidili Lhud kellhom bżonn jifhmu u japprezzaw illi Alla, mhux il-bnedmin, beda din il-bidla.


At.11:14. jkellmek kliem li bih tkun salvat. Tajjeb kemm hu tajjeb esternament, u jipprova kemm jipprova, il-bniedem, hu min hu, impossibbli jsalva lilu nnifsu. Kornelju kien twajjeb, u kellu kuntatt mal-Ġudaiżmu, iżda xorta waħda kellu bżonn jisma’ l-vanġelu u jilqgħu bil-fidi (Ef.2:8-9). 

int u darek kollha. Il-grazzja salvivika t’Alla hi sikwit estiża lill-familji sħaħ, bħalma jidher konsistentement fil-Patt il-Qadim (eż., Abraħam, Iżakk u Ġakobb u l-familji tagħhom) u fil-Patt il-Ġdid (Lq.19:9; At.2:38-39; 16:31). Ir-referenza hi għal kull min seta’ jifhem u jemmen il-vanġelu (At.16:15,31); min jinkludi t-trabi jagħmel hekk bi spekulazzjoni, bla awtorizzazzjoni biblika. Mhux għax Alla ma jimportahx mit-trabi: altru! Irid illi l-ġenituri jgħallmu l-biża’ tiegħu lil uliedhom, biex huma wkoll jaslu għall-fidi f’Ibnu Ġesù. 


At.11:15. bħalma waqa’ fuqna fil-bidu. Alla attesta għar-realtà ta’ salvazzjoni lill-Ġentili bl-istess fenomenu illi ġara f’Pentekoste. 


At.11:16. ftakart kelmet is-Sid. Pietru mhux biss serraħ fuq il-viżjoni u l-esperjenzi spiritwali ta’ Kornelju u daru, iżda ttestja dawn il-ħwejjeġ bit-tagħlim ta’ Ġesù (At.1:5). Esperjenzi spiritwali jistgħu biss ikun spjegati b’Kelmet Alla. 


At.11:17. nopponi ’l Alla. Kienet ir-rieda sovrana t’Alla li jsalva kemm lil-Lhud kif ukoll lill-Ġentili; indubjament xi wħud minn dawk preżenti ftakru fill-wegħda antika mogħtija lil Abraħam, illi fih il-familji kollha tal-art kellhom ikunu mbierka (Ġen.12:3; cf., Gal.3:8). 


At.11:18. malli semgħa dan, ikkwitaw. Id-diskors ta’ Pietru sikket kull oġġezzjoni (At.11:4-18). Il-Mulej ċertament għammed lill-pagani bl-Ispirtu s-Santu (At.10:45), u ta evidenza konvinċenti għax semgħuhom jitkellmu b’lingwi oħra (At.10:46). Kienu lingwi reali; bħala sinjal mirakoluż, kien aċċettat bla kustjoni. 

l-indiema għall-ħajja hi ndiema kif suppost tkun, mogħtija minn Alla u maħduma mill-Ispirtu tiegħu f’qalb il-bniedem. Hi radikalment differenti minn sempliċi dispjaċir għad-dnub li ma jwassal għal ebda bidla permanenti. L-indiema biblika tfisser għali ġenwin għad-dnub bħala ksur tal-liġi t’Alla u allura offiża kundannabbli. B’qalb mimsusa bil-grazzja t’Alla, in-niedem idur mill-ħażen u jirrikorri lejn Alla (At.20:21), b’rieda ferma biex jogħġbu. L-indiema inevitabbilment tiġi espressa viżibbilment u kontinwament fi mġiba qaddisa, f’opri tajba u ubbidjenza evanġelika, li għalihom isejħilha Alla (Lq.3:8; At.26:20; Ef.2:10). 

Dal-vers hu wieħed mill-ammissjonijiet xokkanti fl-istorja Lhudija, iżda l-avveniment kien imbassar fl-Iskrittura (Isa.42:1; 49:6). 


At.11:19. ħlief lil-Lhud biss. Dawn il-Kristjani apparentement kienu għadhom ma semgħux bl-avvenimenti stupendi rekordjati fl-Atti 10:1-11:18, kif Alla fetaħ il-bieb tal-grazzja lill-ġnus kollha. 


At.11:21. L-irġiel pritkaw, iżda n-nies kienu salvati hekk kif Alla sejħilhom biex jemmnu fih permezz t’Ibnu (1 Kor.3:6). L-espansjoni rimarkevoli tal-knisja tiġri biss bis-setgħa u l-ħniena t’Alla, mhux bl-għerf jew is-sengħa umana, għalkemm Alla jinqeda bi strumenti umani. 

id is-Sid kienet magħhom. Din hi referenza għall-qawwa t’Alla, hawnhekk fil-barka (Esd.7:9; 8:18; Neħ.2:8,18). Bnadi oħra hi allużżjoni għall-ġudizzju tiegħu (cf., Es.9:33; Dt.2:15; Ġoż.4:24; 1 Sam.5:6; 7:13). 


At.11:23. ra l-grazzja t’Alla. L-evidenzi ta’ konverżjoni vera huma evidenti; jidhru mill-istil ġdid ta’ ħajja adottat mill-konvertiti. 

jibqgħu fidili lejn is-Sid b’riżoluzzjoni mill-qalb. M’għandniex nassumu illi dawk li jipprofessaw il-fidi awtomatikament se jkomplu fil-mogħdija evanġelika. Alla biss jaf il-qalb umana. Aħna naċċettaw ix-xhieda verbali u naraw l-imġiba ta’ individwi oħra, iżda ma nistgħux inkunu ċerti kkonvertewx verament jew le. Allura għandu mnejn it-tlellix tad-dnub, tad-dinja u t-tiġrib ta’ Satana jiżvijahom. Bħal Barnaba jmissna nittrattaw dixxipli ġodda billi ngħinuhom, inwissuhom u ninkuraġġuhom biex jissoktaw fil-fidi, fl-imħabba u fix-xirka ta’ Kristu u l-knisja tiegħu (cf., At.13:43; 14:22). 


At.11:26. ssejħu Kristjani. Kristjan hu wieħed li jappartieni għal Kristu u hu devot lejh. L-isem seta’ oriġina fi ħdan il-knisja, jew jista’ jkun kien laqam ivvintat mill-mitlufa. Il-laqam ġdid jindika illi l-fidili kienu qed jiksbu identità għalihom apparti mil-Lhud l-oħra. Il-Kristjaneżmu ma setax jitqies bħala setta oħra fil-Ġudaiżmu. Għalkemm nibet minnu, hu fenomenu totalment ġdid. It-terminu “Kristjan” nsibuh hawn, fl-Atti 26:28 u fl-1 Pietru 4:16 biss fil-Patt il-Ġdid. 


At.11:27. profeti Kristjani jissemmew bnadi oħra (At.13:1; 15:32; 21:9). Bħala predikaturi r-rwol tagħhom involva l-edifikazzjoni u l-inkuraġġiment hekk kif tkellmu ħwejjeġ rivelati lilhom mill-Ispirtu s-Santu (1 Kor.14:32; Ef.2:20). Kultant bassru l-futur, bħalma għamel Agabu hawnhekk (ara wkoll l-Atti 21:4,10-11).


At.11:29. jibagħtu kontribuzzjoni bħala rilif lill-aħwa. Il-fidili Ġentili raw lilhom infushom bħala aħwa uniti mal-fidili Lhud, u fettxew jgħinuhom. 


At.11:30. Hawn insibu l-presbiteri msemmija l-ewwel darba. Huma rgħajja, ossija għalliema (Ef.4:11), tal-knejjes (At.15:4,6,22-23; 16:4; 21:18). Alla jrid illi kull knisja lokali titmexxa minnhom bħala sopristanti, mhux minn persuna waħda. Il-pluralità ta’ rġiel maturi u devoti għal Alla (1 Tim.3:1-7; Titu 1:5-9), responsabbli biex imexxu u jiggwidaw lill-aħwa, hi l-mostra murija fil-Patt il-Ġdid. Huma responsabbli biex jedifikaw il-merħla bit-tagħlim appostoliku mħolli fil-Patt il-Ġdid (cf., Ef.2:20). 


At.12:3. arresta ’l Pietru wkoll. L-għan misterjuż u sovran t’Alla jitwettaq infallibbilment fil-ħajjiet tas-servi ugwalment dedikati tiegħu: waqt li Ġakbu miet martri bis-sejf, Pietru nħeles mill-ħabs għal ministeru itwal.


At.12:5. In-normi u l-istandard għall-knisja nsibuhom tul il-Patt il-Ġdid, u ħadd m’għandu dritt ibaxxihom jew jibdilhom: 

1. Il-marka primarja ta’ knisja vera hi l-ippriktar u t-tagħlim fidil tal-Iskrittura Mqaddsa (At.2:42). Il-knisja tibqa’ leali għall-evanġelju, ċoè t-triq tas-salvazzjoni bil-grazzja permezz tal-fidi biss fi Kristu biss kif mgħallma fil-Patt il-Ġdid (Rum.3:19-31; Ef.2:1-10; Gal.2:14-21). L-aħwa jkunu trenjati biex jiddedikaw lilhom infushom għall-istudju u l-ubbidjenza tal-Iskrittura (At.6:4; 18:11; Rum.15:18; Kol.3:16; 2 Tim.2:15). 

2. Unita fl-Ispirtu s-Santu, il-knisja bi bżulija tfittex relazzjoni personali u qaddisa m’Alla permezz ta’ Ibnu, fil-qawwa tal-Ispirtu (At.13:2; 16:5; 20:7; Rum.16:3-4; 1 Kor.16:19; 2 Kor.11:28; Ebr.11:6). 

3. Il-knisja hi msejħa biex tagħti xhieda konvinċenti lill-infidili, tirbaħhom għas-saltna t’Alla, tgħammidhom, tintroduċihom għall-komunjoni tal-Ikla tal-Mulej, u tgħallimhom dwar it-tama tar-ritorn ta’ Kristu (At.2:41-42; 4:33; 5:14; 11:24; 1 Kor.11:26). Il-knisja, ubbidjenti lejn Sidha, tfittex tkun involuta fl-evanġeliżmu u anke missjonijiet f’artijiet oħra (At.2:39; 13:2-4).

4. Il-knisja messha tħaddem id-doni tal-Ispirtu mogħtija lil kull membru (Rum.12:6-8; 1 Kor.12:4-11; Ef.4:11-12), kif ukoll tkun mimlija bl-Ispirtu f’sottomissjoni għal Alla (Ef.5:17-21).

5. Almenu fl-ewwel jum tal-ġimgħa (At.20:7; 1 Kor.16:2) l-kongregazzjoni lokali tiltaqa’ għall-qima pubblika t’Alla u l-edifikazzjoni reċiproka tal-Kelma miktuba t’Alla (1 Kor.12:7-11; 14:26; 1 Tim.5:17).

6. Il-knisja tgħix fl-umiltà, timenza u l-biża’ fil-preżenza ta’ Alla qaddis (At.5:11). L-aħwa għandhom ikunu vitalment ikkonċernati għas-safa morali tal-knisja, jiddixxiplinaw lil min jissokta fid-dnub bla ndiema kif ukoll għalliema li mhumiex leali għall-fidi biblika (At.20:28; 1 Kor.5:1-13). 

7. Il-knisja għandha tieħu ħsieb tmantni l-ministeru tal-Kelma bi presbiteri kwalifikati kif ukoll djakni biex jassistuhom f’affarijiet temporali u materjali (1 Tim.3:1-7; Titu 1:5-9).

8. Għandu jkun hemm imħabba evidenti u xirka fl-Ispirtu fost il-membri (Ġw.13:34; At.2:42,44-46), mhux biss fil-kongregazzjoni lokali, iżda wkoll bejn kongregazzjonijiet oħra, avolja jkunu ta’ denominazzjonijiet differenti (mbasta jżommu sħiħ mad-dottrini fondamentali tal-vanġelu). 

9. Il-knisja għandha tkun ġemgħa ta’ aħwa li jitolbu u jsumu (At.1:14; 6:4; 12:5; 13:2; Rum.12:12; Ef.6:18; Kol.4:2). Speċjalment bit-talb imantnu komunikazzjoni effettiva m’Alla Missierhom u jkunu setgħana għall-ministeru. 

10. Il-fidili jagħrfu jisseparaw irwieħhom mill-andament midneb tad-dinja u l-ispirtu tal-kultura li fiha jgħixu (At.2:40; Rum.12:2; 2 Kor.6:17; Gal.1:4; 1 Ġw.2:15-16). 

11. Il-knisja, leali lejn Sidha, għandha tkun preparata biex tirċievi maltrattament mill-infidili u ssofri afflizzjoni u anke persekuzzjoni diretta (At.4:1-3; 5:40; 9:16; 14:22). M’għandhiex tbaxxi l-istandard tagħha biex tipprova tingwalaha mad-dinja. 


At.12:15. Qed tiġġennen! L-aħwa donnhom kellhom ftit fidi għat-tweġibiet t’Alla għal talbhom, u frattant Alla għamel iżjed milli immaġinaw. 

Hu l-anġlu tiegħu. Ħasbu li kien l-anġlu kustodju personali ta’ Pietru aktarx milli Pietru nnifsu (Mt.18:10; Ebr.1:14). L-idea popolari kienet illi anġlu seta’ jassumu l-bixra tal-persuna umana protetta.


At.12:16. kif fetħu u rawh, baqgħu skantati. L-istess aħwa li talbu ferventement lil Alla (At.12:5,12) ironikament għarrielhom milli jemmnu kif Alla onora l-interċessjoni tagħhom. 

L-enfasi hi dejjem illi minkejja d-dgħufija umana Alla jibni l-knisja, javvanzaha u kapaċi jintervieni b’mod sopranaturali għall-barka ta’ wliedu. Biex naraw l-intervent t’Alla rridu nitolbu! Talb ferventi u korporat hu element vitali fil-qima ta’ kwalunkwe knisja – mhux sempliċement minuta jew tnejn fil-funzjoni. 

Fil-knisja bikrija l-qawwa u l-preżenza t’Alla ntwerew permezz tat-talb, speċifiku u fiduċjuż f’Alla l-Missier. Ebda ammont ta’ pritkar, tagħlim, kant, mużika jew attività ma jipproduċu spiritwalità ġenwina u qdusija vitali bħalma jagħmel it-talb. Alla għandu widnejh miftuħa għall-għajta ta’ wliedu. 


At.12:23. ma tax il-glorja ’l Alla. Fi kburitu, aċċetta għalih innifsu dawk li bix-xieraq jappartieni għall-Mulej waħdu. Alla jikkastiga mexxejja li jigglorifikaw lilhom infushom flok lilu (Dan.4:30-32; 5:23). 


At.12:24. kelmet is-Sid kompliet tikber. Ebda poter ma jista’ jittrijonfa fuq il-messaġġ tas-salvazzjoni (cf., At.6:7; 13:49), u dawk li jipprovaw jagħmlu ħsara lill-poplu mifdi t’Alla finalment jiffaċċjaw ġudizzju huma nfushom.


At.12:25. temmew is-servizz. Barnaba u Sawl kienu inkarigati biex iwasslu l-kontribuzzjoni finanzjarja minn Antjokja lill-qaddisin f’Ġerusalemm (At.11:27-30). 


At.13:1. Antjokja hi memorabbli fl-annali tal-knisja bħala l-belt fejn id-dixxipli ssejħu Kristjani għall-ewwel darba. Hemm iltaqgħet assemblea ta’ Ġentili kkonvertiti, u minn fosthom Pawlu u sħabu telqu fuq il-vjaġġi missjonarji tagħhom. Kienet ċentru għat-taħbit evanġelistiku tagħhom, barra mill-influwenza Lhudija prevalenti f’Ġerusalemm; frattant il-miġemgħa hemmhekk żammet xirka mal-aħwa f’Ġerusalemm u bnadi oħra (At.6:5; 11:19-30; 13:1; 14:26; 15:22-35; 18:22; Gal.2:11). 


At.13:1. profeti. Dawn kellhom rwol sinifikanti fil-knisja appostolika. Kienu predikaturi tal-kelma t’Alla u responsabbli fis-snin bikrija tal-knisja biex jgħallmu kongregazzjonijiet lokali. F’xi okkażżjonijiet irċevew rivelazzjoni ġdida ta’ natura prattika (cf., At.11:28; 21:10), funzjoni illi ntemmet mal-waqfa tad-doni temporanji mogħtija bħala sinjal. Il-kariga tagħhom illum hi mwettqa mir-rgħajja spiritwali, ossija presbiteri u għalliema (li jmexxu ġemgħat lokali) u evanġelisti (li huma aktar intiżi biex jilħqu lill-mitlufa). 


At.13:2. jsumu. Is-sawm hu sikwit konness mat-talb viġilanti u appassjonat (cf., Neħ.1:4; Sal.35:13; Dan.9:3; Mt.17:21; Lq.2:37). Id-devot iwarrab l-ikel biex jikkonċentra aktar fuq kustjonijiet spiritwali. 


At.13:2. għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom. Il-missjoni Kristjana fl-esteru għandha titwettaq bħala tim, ikkummissjonat mill-knisja (At.13:3) u bl-inizjattiva u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (At.13:4), li żvela lilu nnifsu bħala persuna divina, is-Sid tal-knisja u l-missjoni tagħha (At.8:29; 10:19-20; 15:28; 16:6-7). In-natura u l-kwalità ta’ dil-ħilma hi deskritta (At.9:15; 13:5; 22:14-15,21). 

Pawlu u Barnaba servew bħala predikaturi u għalliema tal-vanġelu biex jirbħu n-nies għal Ġesù Kristu. Imkien mhu indikat illi l-missjonarji ntbagħtu biex jagħmlu xogħol soċjali jew politiku, ċoè, biex jippropagaw l-evanġelju u jistabbilixxu knejjes billi jimbarkaw fuq kull tip ta’ attività soċjali u politika għall-benefiċċju tan-nies fl-Imperu Ruman. L-għan tagħhom kien li jwasslu lin-nies għall-ubbidjenza tal-fidi (At.16:31; 20:21), jeħilsuhom mit-tirannija tax-xitan (At.26:16-18), u jorganizzawhom fi knejjes effettivi ħalli l-evanġeliżmu jitkompla bihom. L-inkombenza suprema tal-ippritkar evanġelistiku għandha tinkludi atti personali ta’ mħabba u ħniena lejn persuni fil-bżonn (cf., Gal.2:10). 


At.13:3. poġġew idejhom fuqhom. Uffiċjalment u formalment identifikaw irwieħhom ma’ Barnaba u Sawl inkwantu l-ħwejjeġ li l-Ispirtu s-Santu kien diġà wettaq bihom (At.13:2) kif ukoll għall-fatt li kien qed jibgħathom bħala missjonarji (At.13:4; cf., At.14:23; 1 Tim.4:14). 

bagħtuhom ’l hemm. Il-knisja, wara li tidentifika l-missjonarji potenzjali fi ħdanha, bil-gwida tal-Ispirtu, permezz tat-talb u s-sawm (At.13:1-3), għandha tinkuraġġixxi lil dawk mibgħuta f’pajjiżi oħra bl-evanġelju. Tibgħathom bl-assigurazzjoni ta’ mħabbitha b’manjiera denja t’Alla (3 Ġw.6), billi tinterċiedi għalihom (At.13:3; Ef.6:18-19), u tappoġġjahom finanzjarjament (Lq.10:7; Fil.4:10,14-18; 3 Ġw.6-8). Il-missjonarji huma kkonsidrati bħala estensjoni tal-għan tal-knisja; hu fl-interess tagħha li tibgħathom. Hekk taħdem u tikkoopera magħhom għat-tixrid tal-verità (Fil.1:5). Min imur fil-missjoni jeħtieġlu jkun lest jirriskja ħajtu għall-isem ta’ Ġesù (At.15:26). 


At.13:4. baħħru lejn Ċipru. Fl-Iskrittura kollha l-Baħar Mediterran mhuwiex riferut b’dan l-isem, iżda normalment bħala l-Baħar il-Kbir (Num.34:6-7; Eż.48:28), jew il-Baħar ta’ Ġoppa (Esd.3:7) jew il-Baħar tal-Filistin (Es.23:31) jew il-Baħar tal-Punent (Dt.11:24). Pawlu baħħar fuqu sikwit matul l-appostolat tiegħu. 


At.13:5. nidew kelmet Alla fis-sinagogi. Pawlu segwa din l-istrateġija regolarment (At.17:1-2; eċċ.). Udjenza Lhudija kienet għalqa naturali għaż-żriegħ tal-messaġġ tal-vanġelu, peress li l-Iżraeliti diġà kienu jemmnu li l-Iskritturi tal-Patt il-Qadim huma assolutament awtorevoli u l-kelma vera t’Alla. Apparti minn hekk, għożżew il-wegħda divina illi kellu jintbagħat il-Messija. Xogħol Pawlu kien illi jħabbrilhom illi dan il-Messija issa deher: hu Ġesù ta’ Nażaret. 


At.13:6. magu. Il-magi u sħaħar huma kkundannati fil-Patt il-Qadim (Dt.18:9-12; cf., Riv.21:8). 


At.13:7. Il-prokonslu (bil-Grieg, anthupatos) kien uffiċjal jaġixxi minflok konslu, il-gvernatur ta’ provinċja senatorjali (ie., waħda li ma kellhiex armata għal-lest). Il-prokonsli jissemmew fl-At.13:7,8,12; 18:12; 19:38.


At.13:8. oppponiehom. Mhux biss konfront bejn żewġt irġiel, iżda bejn is-saltna tad-dawl u d-dominju tad-dlam (Es.7:10-11). 


At.13:9. mimli bl-Ispirtu s-Santu. Pawlu kien mgħammed bl-Ispirtu (At.9:17), frattant fi żmien ta’ bżonn speċjali jirċievi mili ġdid bl-Ispirtu. Ingħata l-qawwa. Mili mtenni bl-Ispirtu għandu jkun in-norma għall-fidili kollha. Mili ripetut hu neċessarju biex:

1. Tikkonfronta l-oppożizzjoni għall-evanġelju (At.4:8-12). 

2. Tavvanza l-evanġelju (At.4:8,31). 

3. Tisfida direttament attivita satanika (At.13:9,50-52). 


At.13:11. se tkun għami. Il-mirakli mhux dejjem huma pożittivi; xi wħud, bħall-għaxar kastigi fuq l-Eġittu fiż-żmien Mosè, jesprimu l-ġudizzju tiegħu. L-istess fil-Patt il-Ġdid: normalment huma mirakli ta’ fejqan, iżda hawn naraw l-għadab t’Alla kontra Elima (At.13:8-11), u band’ oħra naqraw kif laqat lil Erodi b’ġudizzju (At.12:20-23). Id-dispjaċir t’Alla kontra Ħananija u Saffira (At.5:1-11) hu eżempju ta’ ġudizzju mirakoluż kontra d-dnub fi ħdan il-knisja. 

ċpar u dlam, bħall-kastig t’Alla fuq l-Eġittu (Es.10:21-23; Sal.105:28). 


At.13:12. emmen, imbellah bittagħlim tas-Sid. Qawwet Kristu għelbet ir-reżistenza ta’ Satana, iżda kienet primarjament il-Kelma li ġibdet l-attenzjoni tal-prokonslu. 


At.13:15. Funzjoni ta’ qima fis-sinagoga kienet tinkludi l-kredu (Dt.6:4), it-talba ta’ “tmintax-il barka,” il-qari tal-liġi u l-profeti, interpretazzjoni taż-żewġ siltiet u applikazzjoni tagħhom (Lq.4:16-30), benedizzjoni fit-tmiem, kif ukoll kolletta ta’ karità għall-foqra. 

tkellmu. Kienet drawwa illi viżitaturi Lhud ikunu mistiedna jitkellmu, speċjalment jekk ikunu donati, bħalma kien Pawlu, imrobbi Fariżew (Fil.3:5). 


At.13:22. raġel għal qalbi. Din id-deskrizzjoni ta’ David tista’ tkun sorprendenti peress li kultant kien midneb skandaluż (cf., 1 Sam.11:1-4; 12:9; 21:10-22:1). Frattant Alla hekk qal dwaru: mhux għax kien perfett (ħadd mhu!), iżda għax għaraf id-dnub u nidem minnu (cf., Sal.32,38,51). 


At.13:23. skont il-wegħda. Il-profezija titkellem dwar il-Messija bħala dixxendent ta’ David (cf., 2 Sam.7:12-16; Sal.132:11; Isa.11:10; Ġer.23:5). Ġesù wettaq dawn it-tħabbiriet (Mt.1:1,20-21; Rum.1:3; 2 Tim.2:8). 


At.13:29. siġra. Il-kelma Griega tista’ tirreferi għal arblu jew struttura tal-injam, hawnhekk is-salib (At.5:30; 10:39). Il-mewt ta’ Kristu b’din il-manjiera indikat illi, għalkemm ġust, sofra s-saħta t’Alla bħala s-sostitut għall-midinbin (Dt.21:22-23; Gal.3:10,13). 


At.13:31. huma xhieda tiegħu lill-poplu. Xhud hu persuna li tagħti testimonjanza bl-atti u b’diskorsu favur il-verità. Xhud Kristjan hu wieħed li jikkonferma u jħabbar il-ħidma salvivika ta’ Ġesù Kristu bil-kelma, l-għemil, il-ħajja, u jekk neċessarju mqar b’mewtu. Ix-xhieda tinvolvi dawn il-prinċipji:

1. Ix-xhieda Kristjana hi obbligu sagru fuq il-fidili kollha (At.1:8; Mt.4:19; 28:19-20). 

2. Ix-xhieda Kristjana hi motivata minn Alla Trinità, li jħobb id-dinja (At.11:18; 13:2-4; 26:16-18; Mt.28:19-20; Lq.24:47), u mhux xi raħal, belt jew pajjiż wieħed.

3. Ix-xhud Kristjan jitkellem primarjament dwar is-sinifikat u t-tifsira tal-ħajja, il-mewt, ir-resurrezzjoni u l-qawwa salvivika ta’ Kristu, kif ukoll dwar l-Ispirtu s-Santu mwiegħed (At.2:32,38-39; 3:15; 10:39-41,43; 18:5; 26:16; 1Kr15:1-8). 

4. B’diskorsu x-xhud Kristjan jeħtieġlu jġib konvinzjoni rigward id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju (At.2:37-40; 7:51-54; 24:24-25; Ġw.16:8). B’hekk is-semmiegħ, bl-operazzjoni tal-Ispirtu, jista’ jasal għall-eżerċizzju ta’ fidi f’Ġesu (At.2:41; 4:33; 6:7; 11:21). 

5. Ix-xhud irid ikun lest isofri (At.7:57-60; 22:20; 2 Kor.11:23-29), għax id-dixxiplar jinvolvi impenn, tkun xi tkun in-nefqa. 

6. Ix-xhud Kristjan jeħtieġlu jkun separat mill-kurrent midneb ta’ did-dinja (At.2:40). Ħajtu trid tkun deċiżivament waħda qaddisa u kkonsagrata għal Alla (Rum.14:17), u jgħix b’dipendenza totali fuq l-Ispirtu s-Santu (At.4:29-33) illi tirriżulta fil-manifestazzjoni tal-Ispirtu u l-potenza t’Alla (1 Kor.2:4). 

7. Ix-xhieda Kristjana hi profetika (At.2:17), imqawwija mill-Ispirtu (At.1:8) u ispirata minnu (At.2:4; 4:8). 


At.13:33. It-tieni salm hu salm messjaniku. Il-wegħda tal-eżaltazzjoni ta’ Bin Alla għat-tron maħtur għalih minn Alla twettqet fir-resurrezzjoni u l-axxensjoni tiegħu. 

Int Ibni; jien illum nissiltek. Ċoè, illum filli qajjimtek mill-mewt, qed niddikjara li int Ibni u jien Missierek (Ebr.1:5). 


At.13:36. serva l-għan t’Alla fil-ġenerazzjoni tiegħu. Dan jiżvela kunfidenza fid-direzzjoni sovrana t’Alla inkwantu l-ġrajja umana: is-saltna ta’ David ma kinitx maħsuba bħala finali, iżda serviet għan speċifiku għal żmienha, peress li antiċipat il-Messija ikbar li kellu jiġi. Għalkemm ma kienx bla dnub, David kien ġeneralment fidil lejn Alla, u hek wettaq l-iskop divin għal ħajtu. Il-fedeltà lejn Sidna messha tkun l-intenzjoni primarja ta’ kull Kristjan f’kull ġenerazzjoni. 


At.13:39. min jemmen hu ġġustifikat. Il-liġi dderiġiet lill-midneb lejn Kristu (Gal.3:24), għax bl-osservanza tal-liġi ħadd ma jista’ jkun dikjarat ġust quddiem Alla (Rum.3:28; 1 Kor.1:30; Gal.3:11; Fil.3:9). Ir-raġuni hi sempliċi: ħadd ma jista’ jsir sewwa m’Alla bl-isforzi tiegħu ladarba diġà dineb, u d-dnub ma jitħassarx ħlief bil-maħfra divina (Gal.2:16). Il-liġi qatt ma ngħatat bil-ħsieb biex issalva mid-dnub, mhux biss għax in-nies jgħarrilhom milli josservawha, iżda wkoll għax ma setgħetx tagħmel tpattija għad-dnubiet (Gal.3:10-14; Ebr.10:1-14). 

Iġġustifikat tfisser illiberat, jew magħdud bħala ġust minn Alla l-Imħallef. Il-bniedem hu ġustifikat permezz tal-fiduċja tiegħu f’Ġesù waħdu, u ladarba ġustifikat igawdu l-maħfra darba għal dejjem (Ef.1:7). Dak li ma setgħetx tagħmel il-liġi wettqu Kristu għall-benefiċċju ta’ niesu (Rum.8:1-3). Il-maħfra hi disponibbli għal dawk kollha li jemmnu (Ġw.3:16; Kol.2:13-14). Biss il-maħfra maqlugħa u offruta minn Kristu kapaċi teħles il-midinbin minn ħtijiethom (Rum.3:20-22). 


At.13:40-41. Araw mela. Il-vanġelu jinkludi wegħda ta’ barka għall-fidili kif ukoll twissija ta’ saħta kontra dawk li jistmerruh, skont il-Patt il-Qadim (Ħab.1:5). 


At.13:43. jissoktaw fil-grazzja t’Alla. In-nies ġenwinament salvati jkomplu miexja fit-triq id-dejqa, u jivvalidaw ir-realtà tas-salvazzjoni tagħhom billi jikkooperaw m’Alla għat-taqdis tagħhom (cf., Ġw.8:31; 15:1-6; Kol.1:21-23; 1 Ġw.2:19). 

Bit-tali inkuraġġiment, Pawlu u Barnaba ttamaw illi jfixklu lil dawk li kienu biss intellettwalment konvinti mill-veritajiet tal-vanġelu, u frattant ma kellhomx fidi salvivika, milli jerġgħu lura għal-legaliżmu aktarx milli jabbraċċjaw lil Kristu kompletament. 


At.13:46. mitkellma lilkom l-ewwel. Ladarba l-Messija twieled Lhudi fost il-Lhud, u ġie l-ewwel għalihom biex jitwettqu l-wegħdi mgħoddija lill-patrijarki tagħhom (Rum.15:7-9), Pawlu hu konsistenti filli japplika l-prinċipju illi l-vanġelu jixxandar l-ewwel lilhom iżda wkoll lill-pagani (Rum.1:16). Jirrikonoxxi bil-miftuħ illi l-pjan t’Alla jinkludi lill-Ġentili (Isa.49:6), fatt reżistit ferm mil-Lhud f’Antjokja. 

indenji. Ir-reżistenza ostinata tal-Lhud uriet lil Pawlu li kien ikun biss telf ta’ ħin u sforz jekk ikompli jipprova jirraġuna magħhom.


At.13:48. emmnu dawk kollha li kienu maħturin għall-ħajja eterna. Mill-eternità Alla għażel lill-bnedmin li għandhom ikunu salvati, skont l-għoġba sovrana tiegħu peress li bħala midinbin ħadd m’għandu l-iċken klejm fuq Alla. Issa, permezz ta’ konvinzjoni u ndiema (At.11:18; 2 Tim.2:25), il-Missier ġabhom għall-fidi fi Kristu (Ef.2:8). Luqa juża l-vuċi passiva – kienu maħturin – biex jagħmilha ċara li hu Alla illi jagħżel. L-għażla tiegħu hi misterjuża għalkemm mhix arbitrarja. Alla waħdu jagħti l-ħajja eterna (Mt.25:46; Ġw.10:28; 17:2). Alla jagħżel lill-bniedem għas-salvazzjoni, mhux il-bniedem jagħżel lil Alla. Dawk li jduru lejn Alla jagħmlu dan skont l-abbiltà u l-grazzja mogħtija lilhom minn fuq. 

Il-predestinazzjoni hi dottrina totalment biblika. Frattant qatt mhi mgħallma f’oppożizzjoni għar-responsabbiltà umana. Iż-żewġ realtajiet huma preżentati flimkien. Il-fatt li Alla għażel diġà ma jfissirx ma jsirx evanġeliżmu; għall-kuntrarju! Luqa jafferma s-sinifikat tal-attività umana, u l-isforz rimarkevoli u s-sagrifiċċji involuti biex jixxandar l-evanġelju. Hekk bla kontradizzjoni l-awtur imantni l-enfasi doppja dwar il-predestinazzjoni għall-ħajja eterna – kienu maħturin – kif ukoll l-importanza tar-rispons uman – emmnu. L-għażla sovrana t’Alla tirriżulta fit-twemmin daparti tan-nies; hi turija ċara li l-fidi tagħna ġejja mingħand Alla sforz il-grazzja tiegħu (Fil.1:29). 


At.13:51. farfru t-trab minn saqajhom. Sinjal ta’ ġudizzju kontra dawk li rroftaw il-vanġelu (Lq.10:11). 


At.13:52. mimlija bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu hu d-donatur ta’ hena sopranaturali fi Kristu (Rum.14:17; 15:13; 1 Tes.1:6).


At.14:3. xehed għall-kelma tal-grazzja tiegħu billi tahom li jiġru sinjali u għeġubijiet b’idejhom. L-ippritkar bikri tal-vanġelu, tul l-era appostolika, kien akkumpanjat u kkonfermat b’għeġubijiet biex il-verità tkun imseddqa. B’dan il-mod, bħalma għamel mal-profeti fl-antik, Alla ħadem mal-appostli biex jagħti assigurazzjoni li tagħlimhom oriġina minn fuq u għandu l-approvazzjoni divina. Ladarba hu hekk ikkonfermat, u għandna fl-Iskrittura li ġraw dawn il-mirakli kollha, m’għandniex għalfejn nissupponu li l-mirakli jkomplu jiġru tul is-sekli. Ċertament, Alla hu sovran u jagħmel kulma jogħġbu, u l-mirakli huma l-eħfef ħaġa għalih, però nafu illi l-mirakli jwettaqhom bi skop, mhux kapriċċjożament. 


At.14:4-5. Il-kelma l-appostli hi wżata hawnhekk f’sens wiesa’, bħala rġiel mibgħata mill-knisja f’Antjokja. Fis-sens strett, Pawlu, flimkien mat-tnax, huma l-appostli ta’ Ġesù Kristu. 


At.14:6. ħarbu. Id-dixxipli, bħala nies sensibbli, ma fittxewx il-persekuzzjoni, iżda aċċettawha meta sabu ruħu fil-forn tal-prova. 


At.14:9. kif ra illi għandu l-fidi biex ifiq. Dan id-dehen ingħatalu mis-Sid Ġesù (Lq.5:20). 


At.14:14. l-appostli. Peress li Barnaba hu deskritt bħala appostlu flimkien ma’ Pawlu, probabbilment l-awtur inqeda bil-kelma fis-sens ġenerali ta’ “persuni mibgħuta” (Ġw.13:16; 2 Kor.8:23; Fil.2:25). 

ċarrtu lbieshom: sinjal ta’ għali u dispjaċir. 


At.14:15-17. dawn il-frugħat hi deskrizzjoni xierqa għall-idolatrija prevalenti f’reliġjonijiet foloz. Ma jiswew xejn.

ma ħalliex lilu nnifsu bla xhieda. Il-kontenut tal-prietka ta’ Pawlu hu simili għad-diskors tiegħu aktar tard f’Ateni (At.17:22-31). It-tnejn kienu indirizzati lill-folol pagani li ma kinux f’pożizzjoni jifhmu jew japprezzaw kwotazzjonijiet mil-Patt il-Qadim. Pawlu enfasizza s-setgħa kreattiva u providenzjali t’Alla, estiża kullimkien, li biha ta evidenza li hu ħaj u veru (Rum.1:18-20). Imqar l-attivitajiet ordinarji tal-ħajja huma xhieda mingħand Alla tal-eżistenza, l-għerf u t-tjieba tiegħu. 

Il-pagani ma setgħux jassumu li dawn l-affarijiet sempliċement jiġru, jew li huma x-xogħol ta’ xi allat lokali, għax difatti huma għotjiet mingħand Alla l-ħaj, li għamel is-sema, l-art, il-baħar u l-ħwejjeġ kollha fihom.


At.14:19. ħaġġru ’l Pawlu. Fis-sovranità u l-għerf tiegħu, Alla mhux dejjem jipproteġi lis-servi tiegħu mill-ħsara. Din il-verità hi bażika: ma nistgħux nippretendu illi għax naqdu lil Alla, allura jibgħatilna kollox ward u żahar. Saltnet Alla tavvanza bi spiża sikwit kbira għall-qaddejja tiegħu. 


At.14:22. B’ħafna tribulazzjonijiet jeħtiġilna nidħlu f’saltnet Alla. Sikwit il-fidili ġodda huma eżortati biex jipperseveraw fil-fidi (At.11:23; 13:43). Billi l-Kristjani jixhdu kontra d-dinja u favur saltnet Alla, ma jistgħux jippretendu merħba jew akkoljenza sabiħa mingħand l-infidili. Id-diffikultajiet u ostakli dejjem se jkunu hemm. Dawk li jikkommettu lilhom infushom lil Ġesù s-Sid suprem ikollhom isofru matul il-pellegrinaġġ tagħhom. 

Billi ngħixu f’dinja ostili, ikollna ningaġġaw f’taqbid spiritwali kontra d-dnub u l-qilla tax-xitan (Ef.6:12; cf., Rum.8:17; 2 Tes.1:4-7; 2 Tim.2:12). Dawk li jridu jkunu leali lejn Kristu, Kelmtu u l-mogħdijiet ġusti tiegħu, jistgħu jippretendu t-trabil f’did-dinja (Ġw.16:33). Biss il-Kristjan biered jew kompromettenti jsib is-sliem u s-sigurtà mid-dinja (cf., Riv.3:14-17). Id-dinja ħażina preżenti u l-aħwa foloz jibqgħu avversarji tal-vanġelu sakemm is-Sid Ġesù jegħleb is-sistema dinjija fl-avvent tiegħu (Riv.19-20). 

Frattant it-tama tal-fidili hi riservata għalihom fis-smewwiet (Kol.1:5) u se tkun żvelata fl-aħħar taż-żmien (1 Pt.1:5). Tamithom mhijiex f’did-dinja u ma tissarrafx tul għomorhom, iżda fid-dehra tas-Salvatur fidil tagħhom li jeħodhom għandu (Ġw.14:1-3; 1 Ġw.3:2-3). 


At.14:23. Il-knejjes bikrija segwew il-mostra tat-tmexxija fis-sinagoga filli nħatrulhom presbiteri. Hu sinifikanti illi l-presbiteri kienu appuntati mill-bidu għall-knejjes tant żgħar (cf., Ġak.5:14). Il-lingwaġġ hawn jindika aktar minn mexxej wieħed f’kull knisja, kuntrarju għal kif inhi l-moda llum f’bosta knejjes evanġeliċi (ara wkoll At.11:30; 15:2,4,6,22-23; 16:4; 20:17; 21:18; 1 Tim.5:17; Titu 1:5; 1 Pt.5:1,5).


At.14:25-26. Bħala ħaddiema kontrabbli, irrapportaw lura fil-knisja ta’ Antjokja, meta kienu rċevew il-kummissjoni oriġinali biex ixandru l-vanġelu (At.13:1-3). 

rrikkmandati għall-grazzja t’Alla. Il-fidili kkommettew il-missjonarji għall-għajnuna u s-sapport t’Alla, probabbilment bit-talb (At.15:40; 20:32). 


At.15:1-30. qam dissens u dibattitu. F’dil-laqgħa ġiet diskussa l-iktar mistoqsija importanti u vitali, X’għandu wieħed jagħmel biex ikun salvat? L-appostli u l-presbiteri sfidaw kull sforz biex jiġi impost il-legaliżmu (salvazzjoni bl-opri) jew ritwaliżmu (salvazzjoni bis-sagramenti jew ċerimonji) bħala prerekwiżiti neċessarji għas-salvazzjoni. Għal dejjem affermaw illi s-salvazzjoni hi totalment bi grazzja permezz tal-fidi biss fi Kristu Ġesù waħdu. 


At.15:1. Jekk ma tkunux ċirkonċiżi skont id-drawwa ta’ Mosè, ma tistgħux tkunu salvati. Din kienet il-kontenzjoni tal-Ġudaisti. Għalhekk mhumiex magħrufa b’dan l-isem, dawn kienu legalisti. Għallmu lill-fidili Kristjani illi kellhom bżonn isiru Lhud (biċ-ċirkonċiżjoni), josservaw il-kalendarju reliġjuż u jħarsu l-liġijiet ritwali Lhud biex hekk jiksbu favur quddiem Alla. 

Ġesù attakka l-legaliżmu fil-Fariżej; Pawlu ħadha kontra l-legalisti fil-knisja bikrija (ara speċjalment l-Epistola lill-Galatin). Il-Ġudaisti opposti minn Pawlu żiedu mar-rikjesti tal-vanġelu għas-salvazzjoni hekk illi oskuraw u saħansitra ċaħdu s-suffiċjenza ta’ Kristu (Gal.3:1-3; 4:21; 5:2-6). L-għerq tal-iżball tagħhom kien l-idea illi mal-fidi fi Kristu wieħed kellu jissupplimenta ħwejjeġ addizzjonali. Pawlu rreżista dan il-ħsieb, hu min hu li pproponieh (Kol.2:8-23), għax ikkorrompa l-mogħdija tas-salvazzjoni. Bħal Sidu Ġesù, ma ttollerax lil dawk li ġabu tagħbijiet ġodda biex iqegħduhom fuq il-fidili.


At.15:4. rrapportawlhom. Bl-impenn missjonarju tagħhom Pawlu u Barnaba rebħu ħafna għall-fidi, kollu għemil Alla permezz tagħhom. Indubjament provdew evidenza suffiċjenti biex jivverifikaw il-ġenwinità tas-salvazzjoni tal-pagani (cf., At.10:44-48; 11:17-18). 


At.15:7-9. sar ħafna dibattitu. Dan hu normali fost il-bnedmin illi jkollhom jesprimu l-fehmiet diverġenti tagħhom, sakemm jintlaħaq il-ftehim mixtieq. 

Alla għażel fostkom. L-appostlu jirreferi għas-sovranità t’Alla, hawnhekk inkwantu l-viżjoni li tah biex twassal s’għand Kornelju xi għaxar snin qabel. Il-fidi ta’ dawn il-Ġentili hi biss impliċita f’kapitli 10 u 11, iżda Pietru jirreferi għaliha direttament hawnhekk u jixhed illi Alla ippurifikalhom qlubhom bil-fidi. Kienu salvati permezz tal-fidi tagħhom f’Ġesù, mhux biċ-ċirkonċiżjoni jew xi ritwal ieħor (u lanqas bil-magħmudija, għax tgħammdu wara li niżel l-Ispirtu s-Santu fuqhom). 


At.15:10-11. Ir-rabbini sikwit użaw il-metafora ta’ madmad b’referenza għal-liġi. Mhux biss iċ-ċirkonċiżjoni, iżda l-liġi kollha ta’ Mosè, hi deskritta bħala madmad. Meta tkellem dwar il-liġi bħala madmad insapportabbli, Pietru mhuwiex qed jiċħad li l-liġi kienet l-għotja t’Alla lil Iżrael. Aktarx, kien qed jargumenta li Iżrael ma kienx kapaċi jwettaqha perfettament. Isostni wkoll li ma nistgħux nottienu s-salvazzjoni bl-osservanza tal-liġi (cf., Rum.2:17-24). Pawlu wkoll jirreferi għal kwalunkwe obbligu biex iżżomm il-liġi bil-ħsieb ta’ salvazzjoni biha bħala madmad ta’ skjavitù (Gal.5:1).

Mezz wieħed ta’ salvazzjoni jeżisti kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Ġentili: il-grazzja t’Alla f’Ġesù Ibnu, li jagħti l-maħfra tiegħu u jsejjaħ lil niesu biex jieħdu fuqhom il-madmad ġdid tiegħu, madmad ħafif, għax jgħinna l-Ispirtu s-Santu biex nerfgħuh, kif ukoll ħelu, għax aħna motivati mill-imħabba t’Alla fina biex nirrispondu kif jixraq għalih.


At.15:13. Ġakbu kien bin Marija u Ġużeppi (Mt.13:55). Jidher li sar mexxej prominenti fil-knisja f’Ġerusalemm (Gal.2:9). Hawnhekk żied it-testimonjanza tiegħu illi l-fidili Ġentili m’għandhomx ikunu mgħobbija biex iżommu d-dettalji tal-liġi ċerimonjali; id-diskors tiegħu jagħfas fuq l-Iskritturi tal-Patt il-Qadim u l-applikazzjoni tagħhom għall-konverżjoni tal-Ġentili. 


At.15:15-18. Ġakbu jirrimarka li kulma kien qed jiġri fi żmienhom jaqbel ma’ kliem il-profeti, u hekk wera li kien kapaċi jappella għal aktar minn pass wieħed fil-Patt il-Qadim biex jiddefendi l-inklużjoni tal-Ġentili bil-fidi biss, mingħajr il-ħtieġa li l-ewwel isiru Lhud biċ-ċirkonċiżjoni. Ara l-allużżjoni għal Isaija 45:21 fl-Atti 15:18, u l-kuntest tal-profezija ta’ Isaija. Ġakbu jikkonċentra fuq Għamos 9:11-12, li titkellem dwar iż-żmien meta Alla kellu jirrestawra d-dar ta’ David billi jiġbor poplu għalih minn fost il-Ġentili. Ġakbu jikkonkorri ma’ Pietru illi żmien l-inklużjoni tal-Ġentili fost il-poplu t’Alla issa wasal. 


At.15:19. jien niġġudika. Ġakbu jsib appoġġ fl-Iskrittura u fit-testimonjanzi ta’ Xmun Pietru, Barnaba u Pawlu illi Alla jrid il-Ġentili ħielsa mil-liġi ċerimonjali u mid-domandi tal-Ġudaisti. Jipproponi illi kemm Lhud kif ukoll Ġentili jipprattikaw il-moderazzjoni. Il-Kristjani Lhud messhom jirrikonoxxu illi l-Ġentili m’għandhomx ikunu marbuta b’liġijiet ċerimonjali Lhud. Il-fidili Ġentili għandhom jikkonsidraw l-iskrupli tal-Kristjani Lhud u ma joffenduhomx billi jieklu ikel sagrifikat lill-idoli, jew jieklu laħam ta’ bhejjem fgati, jew demm (Lev.17:10-14; 19:26). 


At.15:20. ħwejjeġ ikkontaminati mill-idoli kienu ikel offrut lill-allat pagani u mbagħad mibjugħ fil-ħwienet tal-laħam. Peress li l-idolatrija kienet tant repulsiva għal-Lhud u projbita minn Alla (cf., Es.20:3; 34:17; Dt.5:7), il-Kristjani Ġentili evitaw kwalunkwe ħaġa li kellha x’taqsam mal-idolatrija (cf., 1 Kor.8:1-13). 

fornikazzjoni tkopri dnubiet sesswali inġenerali, imma partikolarment l-orġji assoċjati mal-qima ta’ allat pagani. Il-Ġentili kellhom jevitaw milli jkunu offensivi għas-sensibbiltà Lhudija fiż-żwiġijiet tagħhom u kwalunkwe relazzjoni oħra mas-sess oppost. 

minn laħam fgat u mid-demm. Din mhijiex projbizzjoni kontra t-trasfużjoni tad-demm lil pazjent meta jeħtieġ jirċievi attenzjoni medika. Billi jingħata d-demm ma jfissirx li qed jieklu. Ċertament il-Bibbja mhix qed tirreferi għat-tali żviluppi mediċi, meta lanqas biss kienu vvintati meta nkitbet. Finalment, il-Kristjani llum il-ġurnata mhumiex obbligati jżommu l-liġi ċerimonjali. Fid-dieta tagħhom il-Lhud evitaw milli jieklu laħam bid-demm (Ġen.9:4; Lev.3:17; 7:26; 17:12-14). B’rispett lejhom il-Ġentili kkonvertiti huma mħeġġa biex jagħmlu l-istess, biex ma joħolqux skandli bla bżonn (1 Kor.10:32). 


At.15:21. Mosè għandu f’kull belt lil dawk li jippritkawh. Almenu parti mir-raġuni għar-restrizzjonijiet imniżżla f’vers 20 tidher illi kienet il-ħtieġa tal-Ġentili illi jakkomodaw għall-aħwa Lhud. 


At.15:22-29. mal-knisja kollha. Id-digriet ma ħariġx mingħand Ġakbu iżda mill-assemblea kollha wara li ntlaħaq ftehim unifikat fost il-mexxejja u l-membri tal-knisja. 


At.15:24. ħawdulkom imħuħkom. Il-Ġudaisti li insistew illi l-konvertiti Ġentili għandhom joqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni la rrappreżentaw il-mexxejja Kristjani f’Ġerusalemm u lanqas kellhom l-approvazzjoni tagħhom (cf., At.15:1-2,5). 


At.15:28. deher tajjeb lill-Ispirtu s-Santu u lilna. Id-dibattitu kien sħun u mqanqal iżda l-knisja kienet mimlija bl-Ispirtu (At.2:1-41; 4:8; 6:5; 9:17; 13:4) u rrikonoxxiet ir-rwol tal-Ispirtu tul id-dibattitu u d-deċiżjoni. Din il-kustjoni teoloġika importanti fl-istorja bikrija tal-knisja ma kinitx deċiża b’xi digriet promulgat minn profeta, iżda b’raġunar bir-reqqa u argumentazzjoni bi ħsieb imsejsa fuq l-Iskrittura. L-għerf u r-raġunar matur, b’dipendenza fuq is-Sid, irriżultaw f’deċiżjoni unanima.

ebda toqol. Il-miġmugħa f’dil-laqgħa f’Ġerusalemm, tant kruċjali, la rrikjedew iċ-ċirkonċiżjoni u lanqas l-osservanza tal-liġi Mosajka (At.15:10), għax għarfu lkoll illi s-salvazzjoni hi bil-grazzja biss permess tal-fidi biss fi Kristu waħdu (At.15:11). 


At.15:32. Xogħol il-profeti ma kienx illi jbassru l-futur biss iżda wkoll japplikaw il-verità t’Alla lin-nies għall-ubbidjenza u l-faraġ tagħhom (1 Kor.14:3). 


At.15:36. naraw kif inhuma. Apparti l-ippritkar, Pawlu għaraf ukoll ir-responsabbiltà illi jgħin lill-fidili ġodda jimmaturaw fil-mixja tagħhom (Mt.28:19-20; Ef.4:12-13; Fil.1:8; Kol.1:28; 1 Tes.2:17). 


At.15:39. nqalgħet diskordja. Barnaba naqas milli jissapportja l-Kristjani Ġentili (Gal.2:13) u dan seta’ kkontribwixxa għan-nuqqas ta’ ftehim dwar Marku. Fil-bqija tal-Atti ma nsibux li Pawlu ħadem ma’ Barnaba aktar. Frattant, aktar tard Pawlu jsemmih f’dawl pożittiv (1 Kor.9:6), u l-istima għolja ta’ Pawlu għal Marku hi evidenti (Kol.4:10; 2 Tim.4:11; Fm.24).

Barnaba ħa miegħu lil Marku, li kien jiġi kuġinuh (Kol.4:10). Imbarkaw fuq vjaġġ missjonarju lejn Ċipru, il-gżira fejn twieled Barnaba. Dan seta’ jipprovdi opportunità għal Barnaba biex jinkuraġġixxi lil Marku, iżgħar minnu fl-età (At.4:36). 

Fis-sovranità t’Alla, minn dan in-nuqqas ta’ ftehim irriżulta rdoppjar tat-taħbit tagħhom, għax it-tnejn kellhom assistenti magħhom (Pawlu ma’ Sila, u Barnaba ma’ Marku), u l-evanġeliżmu baqa’ għaddej b’ritmu miżjud. Kultant meta jinqala’ d-dissens fost l-aħwa li jħobbu lill-Mulej u lil xulxin, jekk ma jkunux jistgħu jirriżolvuh, l-aħjar hu illi jaqblu li ma jaqblux, u jħallu lil Alla jaħdem ir-rieda tiegħu fil-ħajja ta’ dawk kollha kkonċernati. Id-differenzi fl-opinjoni qatt m’għandna nħalluhom jinfestawlna qalbna bi qrusa jew ostilità. Kemm Barnaba kif ukoll Pawlu ssoktaw ħidmiethom għal Sidhom bil-barka u l-grazzja tiegħu. 


At.16:3. Pawlu ċċirkonċizzah biex ikun milqugħ mil-Lhud u jipprovdilu aċċess sħiħ għas-sinagogi, jiġifieri għamilha għax kienet għajnuna għall-evanġeliżmu (1 Kor.9:20). Kieku ma kienx ċirkonċiż il-Lhud setgħu jassumu illi rrinunzja l-patrimonju Lhudi tiegħu u għażel li jgħix bħala pagan. Ladarba din il-ħaġa ma kellhiex x’taqsam mal-evanġelju u s-safa tiegħu, Pawlu ma sabhiex bi tqila jimxi b’sensittività ma’ ħaddieħor. 


At.16:4-5. ssodati...kotru. Id-digrieti tal-assemblea f’Ġerusalemm kienu mezz biex il-ġemgħat ta’ Kristu jkunu mbierka b’kobor spiritwali u numeriku. 


At.16:6. kienu projbiti mill-Ispirtu s-Santu milli jitkellmu l-kelma fl-Asja. Kif jista’ jkun jekk Ġesù kmanda biex l-evanġelju jittieħed fid-dinja kollha (Mt.28:19; At.1:8)? Pawlu u sħabu kienu miżmuma biss f’dak l-istadju. Alla kellu rotta aktar strateġika għall-vanġelu. Eventwalment, il-bxara t-tajba xxandret ukoll fl-Asja, permezz tal-konvertiti tiegħu fl-Ewropa (1 Tes.1:7), u minn Pawlu nnifsu (At.19:10,22,26). Il-projbizzjoni, allura, kienet biss temporanja, mhux permanenti. Inċidentalment, dan kollu juri illi l-Ispirtu s-Santu jidderieġi l-missjonijiet, u dan jagħmlu skont l-għan sovran tiegħu. Allura nistgħu nagħtu l-istess raġunijiet għala l-evanġelju ppenetra f’ċertu pajjiżi kmieni, u f’oħrajn aktar tard. 


At.16:9. dehret viżjoni. Xi tip ta’ immaġni viżibbli ta’ raġel ġiet għand Pawlu b’forza, akkumpanjata b’sens qawwi tal-preżenza t’Alla. Pawlu kkonkluda li Alla kien qed jiggwidahom. Alla tkellem man-nies f’viżjonijiet (bil-Grieg, horama) bnadi oħra (At.7:31; 9:10; 10:3; 12:9; 18:9; cf., Ġen.15:1; 46:2; Es.3:3; Dan.7:1,13; Mt.17:9). 


At.16:10. fittixna...kkonkludejna. B’mod diskret, hawnhekk u bnadi oħra l-awtur jindika li hu nnifsu akkumpanja l-grupp missjonarju.


At.16:14. s-Sid fetħilha qalbha. L-illuminazzjoni u l-persważjoni divina huma neċessarji għal-qab mogħmija bid-dnub biex tirrispondi pożittivament għall-evanġelju (Ġer.13:23; Ġw.6:44,65; Rum.9:16; 1 Kor.2:14). Din is-sejħa effettiva t’Alla tassigura li dawk kollha magħżulin minnu jaslu biex ġenwinament jemmnu fi Kristu (At.13:48; 2 Tes.2:13-14; 2 Tim.1:9-10). Hija l-ħidma sopranaturali t’Alla, mhux l-għerf, l-intelliġenza jew l-abbiltà nattiva umana fis-semmiegħ jew fil-predikatur, illi fl-aħħar mill-aħħar tiġbed lin-nies lejn Kristu. Fuq kollox, din hi prova oħra tas-sovranità t’Alla fis-salvazzjoni, li jwebbes il-qlub (Es.8:15,19; 9:12; Rum.9:15,18), jew jagħmilhom riċettivi għall-verità tiegħu skont kif jogħġbu (Mt.13:14-15; Lq.24:31). 


At.16:15. tgħammdet. Prattika komuni matul l-Atti hi illi l-konvertiti jitgħammdu bla dewmien.


At.16:16. spirtu bassari. Il-frażi bil-Grieg tirreferi għal serpent mitiku li kien jgħasses it-tempju u l-oraklu ta’ Apollo f’Delfi. Aktar tard saret tfisser persuna ppussessata minn demonju jew anke ventrilokwist.


At.16:17-18. lsiera t’Alla l-Ogħla. El Eljon, Alla assolutament sovran, hu titlu t’Alla fil-Patt il-Qadim (użat madwar ħamsin darba) għal Alla ta’ Iżrael (ara Ġen.14:18-22; Sal.78:35; Dan.5:18). 

li qed inidulkom it-triq tas-salvazzjoni. Kliem ix-xebba kien formalment minnu. Frattant Pawlu infoska ferm, probabbilment għax ma xtaqx iħalli l-impressjoni li kienet imsieħba magħhom fl-evanġelju. 

Nordnalek f’isem Ġesù Kristu. Aktarx milli talab lil Alla, Pawlu kellem direttament lill-ispirtu u kkmandah jitlaq. It-tali ordni verbali hi konsistenti mal-awtorità fuq id-demonji li Ġesù nnifsu eżerċita (cf., Mt.8:16; 12:28), u li kien iddelega lid-dixxipli tiegħu (Mt.10:8; Lq.10:17). Kull Kristjan, speċjalment fejn tidħol reżistenza kontra d-dnub, hu involut f’taqbid spiritwali mal-forzi tad-dlam (cf., 2 Kor.10:3-4; Ef.6:12; Ġak.4:7; 1 Pt.5:8-9).


At.16:19. Is-sidien tat-tfajla tfantsu bit-telfa tal-profitt. Il-motiv tan-negozju sikwit jaħdem kontra l-evanġelju – ara Xmun is-saħħar (At.8:18-24), Elima (At.13:8-12), u Demetriju l-arġentier (At.19:24). 


At.16:20. Il-preturi (bil-Grieg, stratēgoi) huma maġistrati ewlenin, repsonsabbli illi jżommu l-ordni ċivili; kienu l-ogħla uffiċjali ċivili ġo Filippi (At.16:20,22,35,36,38). F’kull belt, li kienet kolonja Rumana, kien hemm tnejn maħtura. F’terminoloġija Latina, dawn kienu d-duumviri jew praetores. Kienu servuti mil-lictors jew surġenti, li jesegwixxu l-ordnijiet tagħhom. L-istess kelma hi applikata wkoll għall-kaptan ewlieni tat-tempju, Levita, li kellu taħt il-kmand tiegħu Leviti oħra li kienu kontinwament jgħassu ġot-tempju f’Ġerusalemm u madwaru (Lq.22:4,52; Atti 4:1; 5:24,26). 


At.16:21. drawwiet li mhuwiex leċitu għalina li naċċettaw. Ix-xilja kienet illi Pawlu u Sila kienu qed jippropagaw reliġjon illegali u jiddisturbaw il-paċi pubblika. L-akkuża kienet fjammata bi preġudizzju kulturali u reliġjuż. 


At.16:25. jgħannu tifħir lil Alla. Minkejja l-uġigħ fiżiku u t-tbatija sofferta, Pawlu u sieħbu esperjenzaw il-preżenza qawwija tal-Ispirtu s-Santu, li mela qlubhom b’eżultanza u lodi lill-Mulej (cf., 1 Pt.2:19-21; 4:12-14). L-hena għall-unur ta’ sofferenza minħabba Kristu hi tema komuni fl-Atti (eż., 4:24-30). 

Mill-esperjenza tagħhom nitgħallmu illi:

1. Il-ferħ tal-Kristjan hu ġewwien, mhux kondizzjonat minn ċirkostanzi esterni; il-persekuzzjoni ma tistax teqred il-paċi u l-hena tal-fidili (Ġak.1:2-4).

2. L-għedewwa ta’ Kristu ma jistgħux jiddistruġġu l-fidi tal-Kristjan f’Alla u mħabbtu lejh (Rum.8:35-39). 

3. Fl-agħar ċirkostanzi Alla jipprovdi grazzja suffiċjenti għal dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu u lesti jsofru għal ismu (Mt.5:10-12; 2 Kor.12:9-10). 

4. L-Ispirtu tal-glorja u t’Alla jistrieħ fuq dawk li jbatu minħabba s-Salvatur tagħhom (1 Pt.4:14). 


At.16:30-31. Emmen fis-Sid Ġesù. Fiduċja sempliċi u esklussiva fil-Feddej provdut hi l-muftieħ għall-maħfra u l-ħajja eterna (cf., Ġw.3:16; Rum.1:16; eċċ.). Wieħed jeħtieġlu jemmen xi kklejmja Ġesù dwaru nnifsu: hu Alla l-Iben, u l-Messija (Ġw.20:31). Irid jemmen ukoll fil-missjoni ta’ salvataġġ li wettaq għall-midinbin fuq il-Kalvarju (1 Kor.15:3-4). Il-fidi li ssalva hi wisq iżjed milli temmen fatti dwaru.

tkun salvat. Il-kalzrier staqsa l-iżjed mistoqsija importanti li wieħed jista’ jlissen. Temmen fis-Sid Ġesù jfisser:

1. Tilqa’ mingħandu l-maħfra bħala għotja b’xejn (1 Ġw.2:12; At.5:31; 10:43; Ef.1:7), biex hekk issib aċċettazzjoni mingħand il-Missier, u tkun magħdud darba għal dejjem bħala ġust bil-merti tiegħu waħdu (At.13:38-39).

2. Tiffoka l-fiduċja, l-afdar u l-impenn tiegħu fuqu kif imxandar fil-Patt il-Ġdid (2 Kor.11:4; Gal.1:6-9).

3. Iddur lejh b’qalbek u r-rieda tiegħek għax temmen li hu Feddej ħaj, is-Salvatur mid-dnub, mill-mewt u mill-infern (Rum.10:8-13).

4. Tistqarru sinċerament bħala Bin Alla (Mt.10:32-33), mibgħut mill-Missier, biex jgħallimna t-triq, u li kulma qal hu verità u mill-iktar rilevanti għal ħajtek.

5. Tkun lest tissottometti l-bqija ta’ ħajtek għall-awtorità tiegħu (Mt.28:18-20; 2 Kor.10:5), bħala l-Ħallieq li sar bniedem bħalek, bla dnub, biex idaħħlek f’saltnatu. 

6. Bl-Ispirtu s-Santu mogħti lilek, tkun lest tonorah u timxi kuljum fid-dawl tal-vanġelu, u jkollok lil Kristu biex jgħinek, jiggwidak, ifarrġek u jwasslek sal-ġenna. 

7. Tersaq lejh, tibqa’ fih f’komunjoni konsistenti u dejjem tikber, tikkommetti l-gwaj u s-saram tiegħek f’idejh (Fil.4:12-13), bl-assigurazzjoni illi hu, Kelmtu u l-Ispirtu tiegħu jkunu kollox f’kollox għalik.

int u darek. Tul l-istorja ridentiva sikwit hi l-prattika t’Alla li jsalva familji sħaħ fl-istess ħin (Ġen.17:7-14; At.2:38-39; 10:24,48; 11:14; 1 Kor.1:16). Dawk kollha li kapaċi jifhmu u jħaddnu l-evanġelju bil-fidi huma kandidati għas-salvazzjoni. Allura t-trabi huma esklużi (cf., 16:15). Alla jridna nittrattaw ma’ dawk b’età tenera b’mod differenti: miż-żgħorija tagħhom, it-tfal għandhom ikunu mgħallmu l-Iskrittura, isir talb għalihom, sabiex fiż-żmien maħtur, jaslu biex jikkommettu ruħhom f’idejn Kristu għas-salvazzjoni huma wkoll. 


At.16:33. ħaslilhom il-feriti. Ħasel għax kien maħsul; naddfilhom il-ġrieħi, għax hu nnifsu kien imnaddaf mill-ġrieħi ta’ dnubietu. Il-fidi tirriżulta minnufih f’opri ta’ ħniena u mħabba lejn ħaddieħor. 

tgħammed immedjatament, hu u l-familja kollha tiegħu. Hemm diversi każijiet fl-Atti fejn jingħad li tgħammdu familji sħaħ. Min jemmen fil-magħmudija tat-trabi jużahom biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu. 

Nirribattu illi mit-tagħrif li għandna m’aħniex f’pożizzjoni li niddeċiedu dawn il-familji kellhomx trabi, u jekk kellhom, għammduhomx. Mill-każijiet attwali msemmija, hemm indikazzjonijiet ta’ fidi daparti dawk kollha mgħammda. 

1. Pereżempju, veru li l-familja tal-kalzrier tgħammdet, iżda veru wkoll li Pawlu u Sila tkellmu kelmet il-Mulej miegħu u “ma’ dawk kollha f’daru” (At.16:32). Allura l-assunzjoni hi illi kienu kbar biżżejjed biex jifhmuha u jemmnuha. Wara li tgħammdu jingħad li l-kalzrier feraħ “ma’ daru kollha talli emmen f’Alla” (At.16:34). Mela mhux biss magħmudija tal-familja għandna, iżda wkoll riċeviment tal-vanġelu daparti l-familja kollha, kif ukoll ferħ f’Alla daparti l-familja kollha. Dan kollu jissuġġerixxi li l-familja kollha waslet għall fidi fi Kristu fuq bażi individwali. Ara l-istorja sħiħa fl-Atti 16:25-34.

2. Inkwantu dar Stefana mgħammda minn Pawlu, jingħad li familtu kienu l-ewwel konvertiti fl-Akaja, u ddedikaw lilhom infushom għas-servizz tal-qaddisin. Mela mhux biss mgħammda, iżda wkoll ikkonvertiti u rsistew biex joffru qadi lil ħaddieħor. Għal darb’ oħra, il-magħmudija ta’ familja tidika fidi fil-familja (1 Kor.1:16; 16:15).

3. Infatti hemm każijiet oħra fejn ma tissemmiex magħmudija iżda naraw testimonjanza li d-dar kollha waslet għall-fidi. Wara li Ġesù fejjaq bin l-uffiċjal, il-missier innifsu emmen, u daru kollha (Ġw.4:53). U Krispu, il-kap tas-sinagoga, emmen fil-Mulej, flimkien ma’ daru kollha (At.18:8).

4. L-unika magħmudija ta’ familja li m’għandhiex xi indikazzjoni ta’ fidi tal-familja hi l-każ ta’ Lidja. “U ċerta mara jisimha Lidja, bejjiegħa ta’ drapp tal-porpra, mill-belt ta’ Tijatira, li kienet tqim ’l Alla, kienet qed tisma’; u s-Sid fetħilha qalbha biex tagħti kas il-ħwejjeġ mitkellma minn Pawlu. U meta tgħammdet, hi u darha, eżortatna billi qalet, ‘Jekk iġġudikajtuni li jien fidila għas-Sid, idħlu f’dari u oqogħdu għandi.’ U pprevaliet fuqna” (At.16:14-15). Ma jgħidilniex jekk kienx hemm trabi fil-familja jew le. Hu ambigwu u ċertament ebda evidenza konkreta favur il-magħmudija tat-trabi. L-istorja fiha nfisha mhix konklużiva. 

5. F’Pentekoste Pietru ħeġġeġ lis-semmiegħa billi qalilhom, “Għax għalikom hi l-wegħda, u għat-tfal tagħkom, u għal dawk kollha fil-bogħod, għal kull min isejjaħ lejh is-Sid Alla tagħna” (At.2:39). Fi kliem ieħor, għall-ġenerazzjoni tiegħu u għall-ġenerazzjonijiet sussegwenti, dawk kollha miġbuda mill-Missier biex jersqu lejn Ġesù Ibnu bil-fidi. Fl-istess kuntest hu speċifikat, difatti, illi “dawk li aċċettaw kelmtu tgħammdu, u żdiedu dak il-jum madwar tlett elef ruħ” (At.2:41). Mhux dawk li emmnu flimkien ma’ wliedhom jew it-trabi tagħhom, iżda biss dawk li emmnu tgħammdu. 


At.16:34. eżulta ma’ daru kollha talli emmen f’Alla. Il-kelma għal eżulta hi agalliaō, kelma mhix użata mill-kittieba Griegi sekulari. Fil-Patt il-Ġdid dejjem tissinifika hena spiritwali profonda (cf., Mt.5:12; Lq.1:46-47; 10:21; Ġw.8:56; At.2:26; 1 Pt.4:13; Riv.19:7). 


At.16:37. jibagħtuna ’l barra bil-moħbi? Hekk le! Pawlu aġixxa hekk għax kien ikkonċernat mir-reputazzjoni pubblika tal-evanġelju, u indubjament ukoll għall-fama tal-knisja li kien għadu kif stabbilixxa f’Filippi. Minħabba f’hekk insista fuq vindikazzjoni pubblika li ma jmorrux in-nies tal-lokal jaħsbu li kien ġie fosthom biex jaqla’ t-trabil. Ried jagħmilha ċara li sar żball u sofrew intortament; il-Kristjaneżmu ma kien ebda theddida għal Ruma.


At.16:38. beżgħu għax Pawlu kellu jedd jixlihom formalment.


At.16:40. inkuraġġewhom. Rimarkevolment, dawk li sfaw imsawta u sofrew il-ħabs qawwew lill-fidili l-oħra (2 Kor.1:4). 


At.17:2. Pawlu prietka fis-sinagoga għal tliet Sibtijiet, iżda fil-fatt baqa’ Tessalonika għal perjodu wisq itwal (ara 1 Tes.2:9; 5:12; wkoll Fil.4:16). 


At.17:3. Il-lhud irreżistew l-idea illi l-Kristu ħtieġlu jbati, avolja l-passjoni u mewtu kienu mbassra fil-Patt il-Qadim (Sal.22; Isa.53; Żak.12:10; 13:7). 


At.17:5. l-Lhud saru ġelużi għax ikkonfondew li jitilfu l-poter u l-influwenza (cf., At.5:17; 13:45). Bnadi oħra l-avversarji tal-vanġelu rreżistew minħabba telfa finanzjarja. 


At.17:6-7. il-politarki (bil-Grieg, politarkas) kienu uffiċjali jew awtoritajiet tal-belt, membri tal-kunsill tal-belt. Jissemmew hawn biss fil-Patt il-Ġdid.

ġabu d-dinja sottosopra. Dawn l-opponenti ostili tkellmu aħjar milli setgħu jimmaġinaw, għax il-firxa tal-vanġelu tul l-Imperu Ruman kien il-bidu ta’ moviment li kellha jibdel il-korsa tal-istorja għal dejjem.

kuntrarju għad-digrieti ta’ Ċesri. Inġabet xilja politika kontra Pawlu, għax tkellem dwar is-saltna spiritwali ta’ Kristu (At.14:22; 19:9; 20:25; 28:23,31). L-opponenti tiegħu apparentement għawġulu kliemu biex ifisser oppożizzjoni politika kontra Ruma. Għall-ħabta ta’ daż-żmien, Klawdju Ċesri (49-50 w.K.) keċċa lil-Lhud minn Ruma minħabba rvellijiet allegatament istigati minn wieħed “Chrestus,” probabbilment referenza għal Kristu. 


At.17:11. eżaminaw l-Iskritturi kuljum. Il-Bereani qabblu t-tagħlim orali ta’ Pawlu mal-Kelma miktuba t’Alla. Luqa evidentement ifaħħarhom, għax hekk taw eżempju eċċellenti għall-knisja matul il-ġenerazzjonijiet. Nisimgħu predikaturi u għalliema, iva, imma niċċekkjaw illi kulma jwasslulna għandu l-approvazzjoni tal-Bibbja Mqaddsa. Luqa evidentement emmen li l-Iskritturi huma ġeneralment ċari u jistgħu jinftiehmu, mhux biss minn skulari iżda wkoll min-nies ordinarji li jaqrawhom bi ħrara u bżulija, b’dipendenza konxja fuq l-Ispirtu s-Santu għall-illuminazzjoni. Idealment kull pritkar mill-Bibbja messu jipproduċi studenti tal-Bibbja mis-semmiegħa.


At.17:16. Ateni kienet il-belt ewlenija tal-Attika, u l-maqgħad tat-tagħlim, filosofija, kultura u arti Griega – u mgħarrqa fl-idolatrija. Pawlu tħabat waħdu f’Ateni, waqt li stenna lil Sila u Timotju. Ra xi frott minn xogħlu (At.17:15-22; 18:1; 1 Tes.3:1).

l-ispirtu tiegħu kien provokat fih. Kif osserva l-idolatrija lampanti u l-korruzzjoni morali, Pawlu ħassu mqanqal; aktar u aktar irrealizza kemm in-nies huma lsiera tad-dnub u jeħtieġu s-salvazzjoni. Il-bżonn kien massiv. Esprima l-istess atteġġjament ta’ Ġesù Sidu lejn id-dnub u l-ħidma qerrieda tiegħu (ara Ġw.11:33). Attitudni ta’ rabja qaddisa lejn il-ħażen u l-immoralità jmissha tikkaratterizza li dawk li għandhom l-ispirtu ta’ Kristu. Għall-kawża tiegħu l-ispirtu tagħna messu jkun imbottat mill-idolatrija mistkerrha, tant offensiva għal Alla u distruttiva għall-umanità (cf., 1 Kor.6:18-20; 10:14,19-20). 


At.17:18. L-Epikurej kienu segwaċi t’Epikuru (341-270 q.K.), filosfu Grieg li għallem fehmiet materjalistiċi tal-ħajja, illi l-ogħla tajjeb jikkonsisti f’kuntentizza fiżika u mentali, kif ukoll f’libertà mill-uġigħ, emozzjonijiet u biżgħat.

Dawk imsejħa Stojċi oriġinarjament segwew it-tagħlim tal-filosfu Grieg Żenone (miet 265 q.K.) li sostna li l-kuntentizza tinsab fil-ħelsien mill-pjaċir u l-uġigħ. Saħaq fuq l-għejxien f’armonija man-natura u d-dipendenza fuq ir-raġuni u qawwiet umani oħra.

Iż-żewġ filosofiji enfasizzaw il-kwestwa għall-paċi fil-moħħ.


At.17:19. L-Arjopagu (bil-Grieg, Areios pagos), l-Għolja ta’ Marte, fejn kienet tkun ikkonvokata l-qorti antika u venerabbli Atenjana fi kwistjonijiet ta’ ġustizzja u f’affarijiet morali u politiċi. Il-qorti kien sitwat fuq għolja mublata faċċata tat-tarf tal-Punent tal-Akropoli. 


At.17:22-34. intom estremament reliġjużi. Pawlu, bħala predikatur mudell, dejjem joqgħod attent lil min qed jindirizza; ikellimhom skont x’inhuma u skont liema ostakli qed ifixkluhom milli jagħrfu lil Alla. Dan id-diskors hu eżempju brillanti ta’ pritkar lin-nies li mhumiex midħla tal-Bibbja. L-ideat u l-kurrent sħiħ tad-diskors isibu għeruqhom fil-Patt il-Qadim, iżda jappella għal awturi magħrufa mill-udjenza tiegħu biex jikkomunika b’mod sinifikanti magħhom. Hu predikatur informat u jaf il-letteratura sekulari ta’ żmienu. Is-suġġett prinċipali tiegħu hu l-errur tal-idolatrija; bih jibda u jispiċċa (At.17:23,29). Hekk iwitti t-triq għal dikjarazzjoni qawwija tal-vanġelu, iżda kien interrott qabel ma kkonkluda. 


At.17:23-24. Lil Alla mhux magħruf. L-Atenjani riedu jassiguraw illi ebda alla ma jibqa’ mhux rikonoxxut minnhom. Pawlu jinqeda b’dan il-punt ta’ kuntatt biex jibda d-diskors tiegħu dwar Alla li ħalaq l-univers, li mhuwiex imnaqqax mill-ħaġar jew konfinat f’xi maqdes, u li għandu t-treġija assoluta taż-żminijiet u l-postijiet fejn jgħammru l-bnedmin.

L-Atenjani kienu sopranaturalisti – emmnu f’qawwiet sopranaturali illi intervenew fil-korsa ta’ liġijiet naturali. Almenu rrikonoxxew l-eżistenza ta’ xi ħadd lil hinn mill-abbiltà tagħhom biex jifhmuh, li għamel kollox. Pawlu introduċiehom mal-Ħallieq li seta’ jkun magħruf (Dt.4:35; 1 Slat.8:34; 1 Kron.28:9; Sal.9:10; Ġer.9:24; 24;7; 31:34; Ġw.17:3). Meta evanġelizza l-pagani, Pawlu beda mill-ħolqien, ir-rivelazzjoni ġenerali t’Alla (cf., At.14:15-17). Meta evanġelizza l-Lhud, bdielhom mil-Patt il-Qadim, ir-rivelazzjoni speċjali t’Alla (At.17:10-13). 


At.17:24-25. Alla, li għamel id-dinja. Billi kien qed jindirizza lill-paġani, Pawlu kellu jibda mir-rivelazzjoni ġenerali t’Alla l-Ħallieq fil-kreazzjoni tiegħu (Sal.19:1; Rum.1:19-20). 

ma jgħammarx f’santwarji magħmulin bl-idejn. Alla hu infinit u indipendenti (Sal.50:12-13; Isa.66:1-2; Ġer.23:23-24). Pawlu kkritika l-idolatrija grassa tan-nies komuni, punt li ħafna Griegi u Rumani filosofiċi kienu jaqblu miegħu. 

jagħti ’l kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. Hemm Alla wieħed; hu nnifsu mhuwiex il-ħolqien, iżda jippossedih u hu sovran fuq l-univers kollu (Ġen.1:1; Sal.95:3-5; 104:1-30). 


At.17:26. bniedem wieħed hi referenza għal Adam, li fih il-bnedmin kollha jsibu l-unità tagħhom, idea li kienet tappella għas-sens qawwi ta’ fraternità umana mħadda mill-Istojċi, però setgħet ukoll kienet daqqa ta’ ħarta għall-kburija nazzjonali tal-Griegi, li emmnu illi kull min ma kienx Grieg kien barbaru (Rum.1:14). 

Pawlu jafferma l-istoriċità ta’ Adam u d-dixxendenza tar-razza umana kollha minnu. Dan indirettament jikkundanna kull tip ta’ razziżmu, peress li d-diversi gruppi etniċi ġejjin minn bniedem wieħed. 

ddetermina ż-żminijiet assenjati. Alla, fis-sovranità tiegħu, jikkontrolla l-qawma u l-waqa’ tal-ġnus u imperi (cf., Dan.2:36-45; Lq.21:24). 

l-konfini t’għamarthom. Alla hu responsabbli filli jistabbilixxi l-popli inkwantu l-identità razzjali u l-lokalitajiet ġeografiċi speċifiċi tagħhom (Dt.32:8), kif ukoll jiddetermina l-firxa tal-konkwisti tagħhom (cf., Isa.10:12-15). 


At.17:27. jteftfu madwarhom għalih u jsibuh timplika tip ta’ mixi bl-amment fid-dlam, mingħajr ma jafu realment kif isibuh, għalkemm ittamaw illi jirnexxilhom. Iż-żewġ verbi huma fil-mod optattiv fil-Grieg: hu suġġerit possibbiltajiet kkonsidrati inċerti milli jkunu realizzati. 

mhux bogħod minn kull wieħed minna tesprimi l-omnipreżenza t’Alla u timplika wkoll illi Alla jisma’ t-talb tan-nies u jaf qlubhom. 

Il-providenza divina twassal lill-bnedmin biex ifittxu ’l Alla, hekk kif jagħti l-barkiet ġenerali tiegħu – ikel, xita, kumditajiet, u l-bqija – iżda l-bnedmin, midinbin avversivi tiegħu, jgħarrilhom milli jidħlu f’relazzjoni tajba miegħu b’suċċess (Rum.1:18-3:20). Pawlu qed jistieden. Hemm Alla xi nsibu, u mhuwiex diffiċli nsibuh, għax żvela lilu nnifsu fil-ġrajja storika dwar Ġesù Kristu. Pawlu kien preparat jirrakkontaha, iżda ġie interrott. 


At.17:28. Fih ngħixu u qed inkunu mċaqilqa u neżistu. Alla beda r-razza umana, u l-bnedmin jibqgħu jeżistu bil-providenza tiegħu. Fid-dinja antika t-tliet misterji kbar fil-filosofija u x-xjenza kienu l-mistoqsijiet dwar il-ħajja, it-taħrik u l-enti. 

xi wħud mill-poeti tagħkom. L-Atenjani ma kinux midħla tal-Patt il-Qadim, għalhekk Pawlu jikkwotalhom tlieta mill-poeti tagħhom. Il-kliem oriġinarjament irrefera għal Żews, il-kap tal-allat Griegi, iżda Pawlu japplika l-kwotazzjonijiet għal Alla l-ħaj tas-sema u l-art. Il-poeti huma Epimenide (ċ 600 q.K.), Kleante (331-233 q.K.) u Aratu (ċ 315-240 q.K.). Ikkwotahom b’approvazzjoni, mingħajr ma jimplika li jaqbel ma’ kulma kitbu (ara nota fl-1 Korintin 15:33).

Pawlu rraġuna illi ladarba Alla ħalaq lill-bniedem biex ikun nislu, u l-bniedem hu ikbar mill-materjal illi jsawru f’idolu, Alla ma jistax ikun bħall-idoli. Hi ċanfira qawwija kontra l-idolatrija.


At.17:30. ma tax kas iż-żminijiet tal-injoranza. Alla ħa inkonsiderazzjoni l-limitazzjonijiet tat-tagħrif tagħhom dwaru, iżda issa Pawlu għarrafhom il-verità dwar l-uniku Alla l-ħaj. Il-bnedmin kollha huma msejħa biex jindmu, iduru lejh mill-idolatrija u mid-dnubiet tagħhom. 


At.17:31. jiġġudika d-dinja. Pawlu ddikjara l-pjan deċiż t’Alla illi hemm jum merfugħ li fih se jagħmel ħaqq minn kull individwu (Riv.20:12-15). Jekk l-Atenjani jirriġettaw lill-bniedem maħtur minn Alla bħala l-Imħallef tagħhom jirriżulta illi fil-ġudizzju finali Ġesù ġustament jirriġettahom. 

L-evidenza inkonfutabbli illi għad ikun hemm ġudizzju għall-umanità tinsab fir-resurrezzjoni storika ta’ Ġesù – Alla qajmu mill-imwiet. Ġesù mhuwiex filosfu jew sempliċi għalliem reliġjuż. L-irxoxt tiegħu hu fiċ-ċentru tal-pjan divin għall-ġrajja umana; hu l-bażi għat-tama tal-qawmien fiżiku tal-bnedmin mill-mewt fil-futur (1 Kor.15:42-57; Riv.21:4). Hu evidenza ċentrali biex in-nies ikunu perswaditi jemmnu (At.2:24,32). 

Importantissmu wkoll nirrealizzaw illi bl-irxoxt tiegħu Ġesù poġġa fuq il-leminija t’Alla, u hekk hu muri bħala kompetenti biex ikun l-imħallef u d-donatur tas-salvazzjoni li Pawlu xtaq jiddeskrivi. Jenfasizza wkoll illi s-sejħa jew l-offerta divina għall-indiema u l-fidi mhijiex sempliċement stedina, iżda kmand, u jekk ma nobduhx nagħmlu dan għar-rovina eterna tagħna. 


At.18:3. kien tal-istess mestier. Pawlu prietka l-vanġelu kif ukoll ipprattika sengħa, ħalli hekk jaqla’ x’jiekol waqt li jivvjaġġa jew joqgħod f’xi residenza (At.20:34; 1 Tes.2:9; 2 Tes.3:8). Presbiteri u ħaddiema oħra għas-saltna li jkollhom jaħdmu biex jissapportjaw lilhom infushom u l-familji tagħhom mhumiex ingaġġati f’xi ministeru tat-tieni klassi. Ministeru u mpjieg sekulari fl-istess ħin għandhom preċedent appostoliku. 


At.18:5. ddedika lilu nnifsu esklussivament għall-kelma. L-għotja finanzjarja, l-ewwel waħda mill-knisja ta’ Filippi (Fil.4:16-18), għamlitha possibbli għal Pawlu biex jerġa’ jixteħet fl-ippritkar. 


At.18:6. opponewh u saru abbużivi. Evanġelista għal qalb Alla lest iqatta’ ħafna ħin ma’ udjenzi fejn hemm interess u rispons, imqar jekk ma jemmnux minnufih (At.18:6), imma jwarrab meta sempliċement jiffaċċja oppożizzjoni ostili. 

farfar ilbiesu kienet mossa ta’ roftiment, bħal meta wieħed ifarfar it-trab minn saqajh. Pawlu żamm lill-opponenti tiegħu kompletament responsabbli talli warrbu lil Kristu u l-vanġelu tiegħu (cf., Ġoż.2:19; 2 Sam.1:15; 1 Slat.2:37; Eż.18:13; 33:4; Mt.27:25). 

Demmkom fuq raskom stess! Id-dikjarazzjoni ta’ Pawlu tirrifletti kliem Eżekjel dwar l-għassies profetiku (Eż.33:1-7). Id-demm ifisser ir-responsabbiltà għall-ġudizzju tagħkom mingħand Alla. L-appostlu fedelment wettaq ir-responsabbiltà tiegħu, hekk li fil-ġudizzju finali ma jkunx jista’ jingħad li l-Lhud m’emmnux għax Pawlu ma qalilhomx dwar Kristu. 


At.18:8. emmnu u tgħammdu. Kuntrarju għall-użanza komuni llum fost il-knejjes evanġeliċi, il-magħmudija regolarment narawha tiġi amministrata minnufih wara l-professjoni ta’ fidi.


At.18:9-10. Tibżax. Kull ħaddiem Kristjan għandu sentimenti, u Alla jaf xi jkun għaddej fil-moħba tal-qalb. Evidentement l-oppożizzjoni u l-mibegħda kontra Pawlu kienu qed jiżdiedu, u forsi ddubita kellux jibqa’ Korintu jew jiskotx għal xi żmien (cf., 1 Kor.2:3). In-nies t’Alla ġieli jogħtru jew jeżitaw, avolja fidili, bħalma ġralhom ukoll Elija (1 Slat.9:4) u Ġeremija (Ġer.15:15). Fit-tali ċirkostanzi Alla jinkuraġġihom; il-wegħda tal-preżenza tiegħu – jien ninsab miegħek – tkun suffiċjenti biex teħlishom mit-twerwir u tagħtihom l-assigurazzjoni u s-sliem neċessarji biex ikomplu jwettqu l-volontà ta’ Missierhom (At.18:11). 

Il-Mulej hu omnipreżenti (cf., At.17:26-28; Sal.139; Ġer.23:23-24; Am.9:24), iżda hawnhekk Ġesù jfakkar lil Pawlu dwar il-qrubija speċjali tiegħu mal-appostlu fidil tiegħu. Il-preżenza tiegħu tfisser li hu personalment jikkomunika r-rieda, l-imħabba, il-faraġ u x-xirka tiegħu ma’ niesu ubbidjenti. Hu preżenti biex jaġixxi f’kull sitwazzjoni ta’ ħajjithom ħalli jberikhom, jgħinhom, jipproteġihom u jiggwidahom. 

Alla hu mal-fidili tiegħu: ma’ Mosè meta tah il-kariga biex jeħles lil Iżrael mill-Eġittu (Es.3:12), ma’ Ġożwè meta ħatru mexxej suċċessur ta’ Mosè (Ġoż.1:5), u mal-poplu tiegħu (Isa.43:2,5). Wieħed mill-għanijiet tal-miġja ta’ Kristu fostna kien biex Alla jkun magħna (Mt.1:23), u jibqa’ magħna wliedu (Mt.28:20), ħalli jassistina fil-mandat mgħoddi lilna (Mk.16:20). 


At.18:10. għandi ħafna nies f’dil-belt. Ġesù jwiegħed illi t-taħbit ta’ Pawlu f’Korintu se jirrendi l-frott għax in-nies t’Alla, persuni li Alla għażel mill-eternità għas-salvazzjoni (At.13:48) kienu jgħammru f’dik il-belt. Avolja dawk l-individwi Korintin, maħtura minn Alla, kienu għadu m’emmnux il-vanġelu, u xi wħud lanqas biss għadhom semgħuh, frattant kienu magħrufa għal Alla. Bl-ippritkar ta’ Pawlu l-magħżulin kellhom jinġiebu għall-fidi u s-salvazzjoni (Rum.10:13-15; Titu 1:1). 


At.18:18. Il-vot probabbilment kien wieħed privat, għax il-vot tan-Nażirita ma kienx prattiku f’artijiet Ġentili (Num.6:1-21). Pawlu abbli ħadu bħala eżerċizzju reliġjuż. Ħalla xagħru jikber, u meta qatgħu kien ifisser il-konklużjoni tal-wegħda u forsi kien espressjoni ta’ gratitudni lil Alla talli għenu fi żmien sfidanti u diffiċli. 


At.18:21. jekk Alla jrid. Il-Kristjan matur lest jafferma li l-pjanijiet tiegħu huma f’idejn Alla, fl-aħħar mill-aħħar (cf., 1 Kor.4:19; Ġak.4:15).


At.18:23. jissoda d-dixxipli. Mal-bidu tat-tielet vjaġġ missjonarju tiegħu (At.18:23-21:15) Pawlu jerġa’ jinvista l-knejjes stabiliti minnu fl-ewwel (At.13-14) u t-tieni (At.15:36-18:22) entrapriża appostolika tiegħu. Evanġelista galbat qatt ma jirbaħ il-konvertiti u mbagħad jinsiehom; Pawlu hu ugwalment ikkonċernat illi jagħmel dixxipli u jsaħħaħhom b’ministeru supplimentarju, ħalli jimmaturaw (Kol.1:28-29). Fidili ġodda għandhom ikunu kuntattjati minn Kristjani stabiliti biex jitolbu magħhom, jgħallmuhom il-mogħdija evanġelika, u jinkuraġġuhom biex jiltaqgħu ma’ fidili oħra għall-qima, talb u ministeru tal-Kelma għall-ġid ta’ kulħadd (Mt.28:19-20; At.2:42; 1 Kor.12:7-11).


At.18:25. triq is-Sid hi frażi mill-Patt il-Qadim li tiddeskrivi l-istandard spiritwali u morali li Alla rrekjieda mingħand niesu (Ġen.18:19; Imħ.2:22; 1 Sam.12;23; Sal.18:21; 25:8-9; 138:5; Prov.10:29; Ġer.5:4-5). 


At.18:26. ħaduh fil-ġenb u spjegawlu. Ma kkoreġewx lil Apollo pubblikament iżda twarrbu miegħu u kellmuh privatament. Kemm irġiel kif ukoll nisa għandhom l-obbligu jfissru Kelmet Alla lil xulxin f’ambjenti privati jew informali (bħal f’konverżazzjonijiet personali jew fi gruppi żgħar) bla ma jiksru l-projbizzjoni fl-1 Timotju 2:12 fejn jingħad li n-nisa m’għandhomx jgħallmu rġiel miġmugħa flimkien. Akwila u martu wasslu t-taħriġ ta’ Apollo għas-sedqa xierqa tiegħu billi għallmuh il-milja tal-fidi Kristjana. 

it-triq t’Alla hi isem għall-fidi Kristjana u dixxiplar lejn Ġesù Kristu (At.9:2). 


At.18:27. emmnu permezz tal-grazzja. Il-fidi hi għotja mingħand Alla, maħduma fil-qalb mill-Ispirtu s-Santu (At.16:14). 


At.19:2. Malli sirtu temmnu, irċevejtu l-Ispirtu s-Santu? Pawlu kien inċert mill-qagħda spiritwali tagħhom. Peress li kull Kristjan jirċievi l-Ispirtu s-Santu fil-mument meta jemmen ġenwinament (Rum.8:9; 1 Kor.12:13), it-tweġiba tagħhom tiżvela illi ma kinux Kristjani kif għandu jkun. Lanqas biss kienu mgħammda, evidenza oħra illi ma kinux fidili ġenwini. 

Le, lanqas biss smajna li hemm l-Ispirtu s-Santu. Dawn l-irġiel ma kinux familjari mat-tferrigħ tal-Ispirtu f’Pentekoste (At.2), u probabbilment lanqas kienu semgħu wisq dwar il-ħajja ta’ Ġesù, u ċertament xejn dwar mewtu u l-qawmien tiegħu (cf., At.18:25). Evidentement kienu twarrbu mill-Palestina qabel ma Ġesù beda l-ministeru tiegħu. Allura bħala dixxipli tal-Battista kienu jafu biss illi l-Messija kellu jagħti l-Ispirtu (Lq.3:16). 


At.19:4-5. jemmnu f’dak li kien ġej warajh, ċoè f’Ġesù. Dawn id-dixxipli ma rrealizzawx illi Ġesù ta’ Nażaret kien l-imħabbar mill-Battista. Kienu nies li nqabdu fit-transizzjoni bejn il-patt il-qadim u l-ġdid, bla ma kienu jgawdu l-benefiċċji sħaħ tal-Patt il-Ġdid. 

Pawlu tahom struzzjoni dwar Ġesù, mhux kif jirċievu l-Ispirtu s-Santu (prattika żbaljata f’xi komunitajiet Pentekostali llum). 

Kif tgħallmu li Ġesù wettaq il-messaġġ tal-Battista, tgħammdu f’isem is-Sid Ġesù, f’kuntrast għall-magħmudija ta’ ndiema li kienu diġà rċevew. Għalkemm ma ssalvax fiha nfisha, il-magħmudija hi neċessarja għall-fidili, billi hi kmandata mis-Salvatur tagħna. 


At.19:6. Pawlu poġġa jdejh fuqhom. Din il-mossa ssinifikat l-inklużjoni tagħhom fost il-poplu t’Alla. L-appostli kienu preżenti meta l-knisja twieldet (At.2), u meta s-Samaritani (At.8) u l-Ġentili (At.10) kienu milqugħa fiha. F’kull każ, l-għan t’Alla kien illi jenfasizza l-unità tal-knisja. 

l-Ispirtu s-Santu ġie fuqhom, ċoè rċevew il-milja u l-qawwa tal-Ispirtu skont il-provdiment tal-Patt il-Ġdid, xi ħaġa li ġrat lid-dixxipli ta’ Ġesù għall-ewwel darba f’Pentekoste. Ma kinux jafu bil-mewt u l-qawmien tal-Messija, allura t-twemmin bikri tagħhom (At.19:2) kien wieħed illi bih kienu qed iħarsu ’l quddiem għall-Messija, stat simili għall-fidili tal-Patt il-Qadim.

tkellmu bl-ilsna u pprofetizzaw. L-esperjenza tal-Efesin meta rċevew l-Ispirtu s-Santu tikkorrispondi mal-esperjenza tal-Lhud f’Pentekoste (At.2:4,11), is-Samaritani (At.8:14-17), u l-Ġentili (At.10:44-46). Dan l-episodju hu estensjoni tal-esperjenza f’Pentekoste għal jerġa’ grupp ieħor ta’ nies li weħlu nofs triq bejn il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid. L-ipprofetizzar tagħhom serva bħala dimostrazzjoni u verifika illi issa rċevew l-Ispirtu. 

pprofetizzaw hawnhek tista’ tissinifika illi tkellmu dwar l-għemejjel meraviljużi t’Alla (At.2:11) jew tkellmu hekk li mmanjifikawh (At.10:46). 

L-ilsna u l-profezija servew bħala provi illi kienu parti mill-knisja. Kellhom ukoll bżonn għal evidenza tanġibbli illi l-Ispirtu s-Santu issa jgħammar fihom, ladarba ma kinux semgħu illi kien imferra’ (19:2). 


At.19:12. In-nies ħadu mkatar jew fradal, użati mill-appostlu f’ħidmietu hu u jagħmel it-tined (At.18:3) skont id-drawwa superstizzjuża u pagana tagħhom (cf., At.19:19), biex ifiqu l-morda tagħhom, bħalma nies oħra emmnu illi d-dell ta’ Pietru seta’ jfejjaq (cf., At.5:15; Mt.9:21). Il-fejqan sopranaturali mwettaq permezz ta’ ħwejjeġ mingħand l-appostlu Pawlu ma jagħti ebda prova illi jmissna nivveneraw xi ħaġa. 

L-appostli ngħataw is-sinjali li awtentikawkom bħala ambaxxaturi ta’ Kristu (2 Kor.12:12) biex jikkonfermaw ir-rivelazzjoni speċjali t’Alla permezz tagħhom, ċoè t-tagħlim kontenut fil-Patt il-Ġdid. Issa li hu kkonfermat, ma fadal ebda ħtieġa għas-sinjali ta’ appostlu biex jintlaħaq dan l-għan (Ebr.2:3-4).

Inkwantu r-relikwi, imkien ma jingħad hawn jew bnadi oħra fil-Patt il-Ġdid illi jmissna nivvenerawhom peress li jsiru mirakli bihom. Luqa jirrakkontalna x’ġara bla ma jirrikkmandalna kif imissna nirreaġixxu. Fid-dawl tar-rivelazzjoni divina fl-Iskrittura (speċjalment Es.20:4-5) ċertament m’għandna ebda jedd jew obbligu nivveneraw fdalijiet ta’ qaddisin.

Mhijiex prattika żmerċa illi nżommu xi mementos tal-għeżież tagħna li jkunu ħallewna minħabba l-mewt. Iżda l-venerazzjoni tar-relikwi b’ebda mod ma tikkompara ma’ dan. Apparti li ma jgawdu ebda sapport skritturali, iż-żamma tar-relikwi u l-venerazzjoni tagħhom iqajmu protesti diversi li ma nistgħux naffordjaw ma nagħtux kashom. Fosthom:

1. Il-ġisem mejjet għandu jingħata difna diċenti u dinjituża, kif difatti għamlu n-nies devoti meta Stiefnu, l-ewwel martri tal-knisja, safa mħaġġar għall-mewt (At.8:3). Din narawha bħala l-mostra normali fost il-poplu t’Alla: Abraħam xtaq jidfen lil martu minnufih (Ġen.23:3-4) u l-istess għamlu l-fidili l-oħra. Imkien mhu indikat li nżamm xi fdalijiet tagħhom għat-tkattir tad-devozzjoni. 

2. L-abbużi lampanti inkwantu r-relikwi huma ovvji u magħrufa wisq biex nelenkawhom. Il-fidili m’għandhom ebda ċertezza li r-relikwi huma ġenwini. Skalda mis-salib, biċċa drapp mill-velu ta’ Marija jew għadma ta’ San Ġorġ ma jistgħux iqarrbuna m’Alla, imqar kieku kienu ġenwini.

3. It-traffikar fir-relikwi hu skandlu u, agħar minn hekk, kien kaġun biex l-infidili, sforz l-injoranza tagħhom, żebilħu triq il-Mulej. Flok devozzjoni, ir-riżultat hu sikwit kummerċ diżgustanti.

4. Ħrejjef u leġġendi dwar relikwi mirakolużi huma wkoll notorji, partikolarment dawk meħuda mill-Medju Evu. Dawn iwaqqgħu għaċ-ċajt ir-rivelazzjoni divina meta n-nies jassumu, skorrettament, li huma parti mill-fidi Nisranija ortodossa. 

5. Fuq kollox ir-relikwi jaqilgħu l-ħarsa tar-ruħ minn fuq Kristu, li hu kollox f’kollox għad-dixxipli, u jixħtuha fuq sempliċi bnedmin. 

6. Apparti mill-fatt li l-Bibbja ma ssemmi xejn dwar il-priżervazzjoni, l-esibizzjoni u l-venerazzjoni tar-relikwi, il-missjoni tal-appostli kienet illi jgħarrfu l-evanġelju li bih irġiel, nisa u tfal jistgħu jaslu għall-għarfa salvifika ta’ Kristu, is-Salvatur irxoxtat u renjanti fis-sema. Hu l-evanġelju li jeħtiġilna nippriżervaw u nesibixxu!

7. Ir-relikwi huma inutli. Agħar minn hekk, inisslu superstizzjonijiet u jġibu infamazzjoni fuq is-suffiċjenza ta’ Kristu. Jimminaw il-fidi illi l-Kristjani jmisshom jeżerċitaw lejn Sidhom Ġesù, il-Qassis u l-Medjatur perfett tagħhom. Il-punt ta’ kuntatt bejna u Alla mhuwiex qtar tad-demm ta’ San Ġennaru jew il-kranju ta’ San Sabbas is-Santifikat, iżda biss is-sagrifiċċju suffiċjenti offrut minn Kristu darba għal dejjem fuq il-Golgota. L-Insara jidħlu fil-preżenza t’Alla b’dan il-mod ġid u ħaj. B’Ġesù ngawdu aċċess għand il-Missier; bih naqilgħu l-grazzji meħtieġa, mhux bix-xagħar ta’ Sant’ Ursula!


At.19:13-14. eżorċisti itineranti. Fl-antik kienet prattika komuni illi jintużaw ismijiet maġiċi biex jitkeċċew l-ispirti ħżiena. Xi Lhud f’Efesu provaw jagħmlu dak li għamel Pawlu f’isem Ġesù, bla ma kellhom il-qawwa u l-approvazzjoni t’Alla (At.19:12; 16:18). 


At.19:15. Lil Ġesù nagħrfu, u Pawlu naf dwaru. Id-demonju għaraf illi l-eżorċisti ċarlatani ma kellhom ebda awtorità fuqhom, mhux bħal Ġesù jew l-araldu tiegħu Pawlu. Irrofta t-tentattiv tagħhom biex ikeċċuh mill-vittma tiegħu. Dan jikkonferma illi l-qawwa biex isiru skonġrimenti tappartieni għal Ġesù u l-appostli tiegħu, u għal ħadd iżjed. Imqar id-demonji jagħtu dix-xhieda. 


At.19:19. ġabu l-kotba flimkien u ħarquhom. Kotba u materjal ieħor li jħajjar għad-dnub għandhom ikunu meqruda; hekk nagħtu prova addizzjonali illi l-indiema hi ġenwina. Mingħajr għodda għad-dnub, wieħed ma jistax faċilment jirreżumi l-prattika ħażina tiegħu. 

Il-prezz tal-kotba kien wieħed għoli immensament; b’daqshekk wieħed m’għandux jittratieni milli jieħu pass fid-direzzjoni t-tajba, avolja jiswielu ħafna. 


At.19:20. Luqa jenfasizza l-qawwa intrinsika f’kelmet is-Sid, u juri illi l-vanġelu jittrijonfa fuq kull potenza demonika. Fis-sommarji tiegħu, l-awtur ikompli jattribwixxi s-suċċes għall-omnipotenza t’Alla u jagħtih glorja, aktarx milli jfaħħar is-sengħa, it-tagħrif jew l-isforz uman, għalkemm evidentement Alla jinqeda bid-dgħufija tagħna biex iwettaq għanijietu. 


At.19:24. Demetriju kien bniedem tan-negozju, u l-interess tiegħu kien fl-introjtu finanzjarju tiegħu. Il-problema reali tiegħu kienet illi l-polemika ta’ Pawlu kontra l-idolatrija kienet qed tolqtu f’butu, iżda żied aktar akkużi volatili li qanqlu l-orgolju ċiviku u reliġjuż. 

Is-santwarji fiddiena ta’ Artemi kienu kopji jew mudelli ċkejkna tat-tempju tagħha, wieħed mis-seba’ għeġubijiet tad-dinja antika. Id-devoti kienu jixtruhom u jeħduhom id-dar bħala artali jew oġġetti reliġjużi, jew anke kienu jippreżentawhom lura lil Artemi. 

Kieku l-appostli għallmu li jistgħu jsiru xbihat għall-użu reliġjuż Kristjan, Pawlu seta’ faċilment issuġġerixxa li, flok dawn l-oġġetti idolatrużi, l-arġentiera jsawru mudelli tat-tempju f’Ġerusalemm jew statwetti ta’ qaddisin jew profeti. L-istorja kollha turi li l-użu ta’ xbihat tnissel wisq wara, kuntrarju għat-tagħim appostoliku. 


At.19:31. L-Asjarki (bil-Grieg, asiarchēs) kienu uffiċjali għolja tal-Asja, magħżula kull sena mill-bliet tal-provinċja Rumana tal-Asja. Kienu inkarigati jieħdu ħsieb il-logħob pubbliku u l-btajjel reliġjużi.


At.19:33-34. Possibbilment il-Lhud imbottaw lil Alessandru, wieħed minnhom, biex jiċċaraha illi huma, bħala Lhud, ma kellhomx x’jaqsmu mal-Kristjani, u hekk iġibu akkuża oħra kontra Pawlu u sħabu. Imma lil Alessandru ma ħallewx ikompli d-difiża tiegħu, għax in-nies irrealizzaw illi l-Lhud ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, kienu opposti għall-qima pagana ta’ Artemi. 


At.19:35 l-iskrivan kien l-uffiċjal eżekuttiv ewlieni għall-belt, responsabbli biex imantni s-sliem f’Efesu. 


At.19:37. la huma sagrilegi u lanqas jidgħu b’din l-alla tagħna. Dawn kienu x-xiljiet komuni tal-pagani kontra l-Lhud u Kristjani Lhud. 


At.20:7. fl-ewwel jum tal-ġimgħa. Il-Ħadd, il-jum li fih il-knisja tiltaqa’ għall-qima. Kristu waqqaf dal-jum peress li qam mill-mewt nhar ta’ Ħadd (cf., Mt.28:1; Mk.16:2,9; Lq.24:1; Ġw.20:1,19). Din saret il-prattika tal-knisja miż-żmien appostoliku (1 Kor.16:2). 

Il-kitbiet tas-Santi Padri bikrija jikkonfermaw illi l-knisja baqgħet tiltaqa’ l-Ħadd. L-Iskrittura ma tirrekjedix li l-Kristjani josservaw is-Sibt, għax:

1. Is-Sibt kien is-sinjal tal-Patt Mosajku (Es.31:16-17; Neħ.9:14; Eż.20:12), filwaqt li l-Kristjani huma taħt il-Patt il-Ġdid (2 Kor.3; Ebr.8).

2. M’hemm ebda kmand fil-Patt il-Ġdid biex jinżamm is-Sibt.

3. Fil-laqgħa appostolika f’Ġerusalemm (At.15), li rregolat diversi ħwejjeġ inkwantu l-imġiba tal-Kristjani Ġentili, ma ġiet promulgata ebda ordni biex jitħares is-Sibt.

4. L-appostli qatt ma wissew lill-Kristjani dwar il-ksur tas-Sibt. 

5. Il-Patt il-Ġdid espliċitament jgħallem illi l-osservanza tas-Sibt mhijiex neċessarja (Rum.14:5; Gal.4:10-11; Kol.2:16-17). 

ħalli naqsmu l-ħobż. Ladarba ltaqgħu biex jagħtu qima fl-ewwel jum tal-ġimgħa, Jum is-Sid (Riv.1:10), din iċ-ċelebrazzjoni inkludiet il-komunjoni (At.2:42), u mhux sempliċement ikla ta’ xirka bejniethom (At.2:46).


At.20:8-10. L-istorja għandha ħajta umoriżmu fiha, bi tmiem hieni. L-isem Ewtiku jfisser “fortunat.” Il-bosta lampi u l-prietka twila ħajru liż-żagħżugħ biex iffittex l-arja mat-tieqa, imma marret għajnu bih xorta waħda u ħadha għal isfel. Luqa jafferma li nġabar mejjet, u Pawlu, bil-qawwa t’Alla, qajjem lill-iffortunat. Meta qal, ħajtu hi fih, qalha għax kien diġà miġjub lura mill-mewt. Tabita (imqajma minn Pietru) u Ewtiku huma l-uniċi tnejn fl-Atti li tqajmu mill-mewt.

fl-għorfa fuqanija fejn konna miġbura (cf., At.1:13). Il-knisja bikrija ltaqgħet fid-djar (Rum.16:5; 1 Kor.16:19; Kol.4:15; Fm.2). L-ewwel binjiet biex iservu bħala knejjes nisimgħu dwarhom mit-tielet seklu. 


At.20:17. il-presbiteri tal-knisja. Presbiteru (bil-Grieg, presbuteros, anzjan) hu sopristant (bil-Grieg, episkopos, oversir; gwardjan; tradizzjonalment tradotta isqof) u huwa wkoll ragħaj jew pastor (bil-Grieg, poimēn, ragħaj). Studju komparattiv (ara At.20:17,28; Titu 1:5-7; 1 Tim.3:1-7 u 1 Pt.5:1-5) juri fiċ-ċar li dawn huma deskrizzjonijiet differenti għall-istess kariga ta’ tmexxija fil-knisja. Idealment kull knisja għandu jkollha aktar minn presbiteru wieħed (Fil.1:1); huma responsabbli biex jindokraw il-merħla, jgħallmuha l-Kelma, iwissuha, jimmotivawha u jħarrġuha għall-ministeru biex kull membru javvanza u jkun preżentat matur fi Kristu. 


At.2:19. dmugħ. Pawlu beka minħabba:

1. Nies mitlufa, għax ma kinux jafu lil Kristu (cf., Rum.9:2-3; Fil.3:18-19).

2. Kristjani li kienu għadhom immaturi, trabi fil-fidi (2 Kor.2:4).

3. It-theddida kontinwa ta’ għalliema foloz (At.20:29-30). 


At.20:20. għallimtkom pubblikament u minn dar għal dar. Matul it-tliet snin soġġorn f’Efesu, it-tagħlim ta’ Pawlu kien estensiv. Inkluda taħditiet fis-sinagoga u fis-sala ta’ Tirannu (At.19:8-10), kif ukoll struzzjoni privata fid-djar. 


At.20:21. l-indiema lejn Alla u fidi f’Sidna Ġesu. Kemm Lhud kif ukoll Ġentili m’hemmx differenza bejniethom inkwantu s-salvazzjoni tagħhom: ilkoll jeħtiġilhom jersqu lejn Alla bl-istess mod, b’sogħba għad-dnub (Lq.24:47; At.26:20) u fiduċja fis-Salvatur maħtur, Ġesù. Fejn hemm fidi hemm l-istkerrih u l-abbandun tad-dnub, u viċe versa. L-indiema hi element essenzjali tal-vanġelu (cf., Mt.4:17; Lq.3:18; 5:32). 


At.20:24. Il-messaġġ appostoliku hu msejjaħ l-evanġelju tal-grazzja t’Alla – deskrizzjoni f’lokha, għax is-salvazzjoni hi totalment u kompletament frott il-favur t’Alla li jnixxi minn imħabbtu lejn il-bnedmin (Ef.2:8-9; Titu 2:11). 


At.20:27. il-fehma sħiħa t’Alla. Ir-rivelazzjoni t’Alla laħqet il-quċċata tagħha fl-inkarnazzjoni ta’ Ibnu u t-tpattija mwettqa minnu. Pawlu ma ħeba ebda verità iżda nieda kulma Alla rrivelalu. Dejjem inqeda bit-tattika u d-diskrezzjoni, iżda qatt ma kkomprometta l-bxara t-tajba. 

Xi partijiet tal-Iskrittura huma diffiċli u xejn popolari, u xi predikaturi moderni jitmeżmżu milli jgħallmu kollox. Frattant Pawlu ma ssograx jippreżenta messaġġ żbilanċjat. Kulma tgħid l-Iskrittura jmissna nxandruh bla apoloġija, avolja jista’ joffendi s-sentimenti tas-semmiegħa. Pawlu kkundanna bis-sħiħ lil dawk li jgħawġu l-verità biblika (2 Kor.2:17; 2 Tim.4:3-4; cf., Riv.22:18-19). 


At.20:28. Oqogħdu attenti għalikom infushom. Mexxejja spiritwali jeħtiġilhom l-ewwel u qabel kollox jgħassu l-purità spiritwali u morali tagħhom biex hekk ikunu kwalifikati jgħallmu lil nies oħra. 

l-knisja t’Alla li akkwista b’demmu stess. Il-frażi hi rimarkevoli għall-mod kif tiddikjara li d-demm ta’ Kristu hu d-demm t’Alla. Hi xhieda qawwa tad-divinità ta’ Kristu. 


At.20:29. jidħlu fostkom ilpup feroċi. Influwenzati mill-ambizzjoni biex javvanzaw saltnathom stess jew sforz il-kilba għall-flus, il-poter jew il-popolarità (eż., 1 Tim.1:6-7; 2 Tim.1:15; 4:3-4; 3 Ġw.9), l-imposturi fil-knisja jgħawġu l-vanġelu oriġinali kif misjub fil-Patt il-Ġdid billi:

1. Jiċħdu jew jinjoraw xi veritajiet fondamentali tiegħu.

2. Iżidu ideat umanistiċi, filosofiji jew psikoloġiji skont l-għerf uman. 

3. Iħalltu d-dottrini u l-prattiċi tiegħu b’tagħlim stramb li ma jsib ebda worant fl-Iskrittura.

4. Jittolleraw imġiba immorali kuntrarja għall-istandard ġust t’Alla (1 Tim.4:1; Riv.2-3).


At.20:30. minnkom infuskom. It-twissija profetika ta’ Pawlu twettqet peress li l-knisja f’Efesu malajr sfat impestata b’għalliema foloz, xi wħud minnhom mexxejja (1 Tim.1:3,7,19-20; 4:1-3; 6:3-5). 


At.20:31-32. Pawlu eżorta lill-presbiteri biex jimxu fuq il-mudell li ħallielhom tul tliet snin li kienu ilhom jafuh. Offra benedizzjoni u ddedika s-servizz tagħhom għas-setgħa u t-tmexxija t’Alla. 

Enfasizza partikolarment illi l-kelma kellha tkun ċentrali fil-ministeru tagħhom, għax kapaċi ssaħħaħ u tkabbar lill-fidili spiritwalment filli tgħallimhom u tfakkarhom dejjem li s-salvazzjoni hi bil-grazzja hekk li l-wirt finali (is-salvazzjoni eterna) jirċevuh dawk li jappartienu għal Alla, mixtrija bid-demm ta’ Ibnu. 

L-Iskritturi, ir-rekordju tal-ittrattar grazzjuż t’Alla mal-bniedem, jibnuna u jiffortifikawna spiritwalment. Huma s-sors ta’ maturità (1 Tes.2:13; 2 Tim.3:16-17; 1 Pt.2:2) għall-Kristjani kollha. U ladarba l-knisja hi l-kolonna u r-rifda tal-verità (1 Tim.3:15), il-mexxejja tagħha jeħtiġilhom ikunu familjari mal-verità tagħha, ħalli jgħixuha u jwassluha lil ħaddieħor.

Il-Kristjani jingħarfu għax huma l-imqaddsin, ċoè huma mwarrba għal Alla u s-servizz tiegħu, magħmulin qaddisin fil-qalb darba għal dejjem, u progressivament juru dan it-taqdis bi mġiba konformi mar-rieda t’Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu. 


At.20:37. bisuh. Il-prattika antika tal-bewsa Kristjana (Lq.7:45; 1 Tes.5:26; 1 Pt.5:14) għadha prattikata f’xi kulturi llum. F’pajjiżi differenti l-Kristjani iħaddmu l-mod tagħhom kif jilqgħu lil xulxin u jesprimu l-affezzjoni tagħhom lejn xulxin, mhux bilfors b’bewsa. Mod ieħor popolari hu li nieħdu b’id xulxin jew b’tgħanniqa. 


At.21:4. Pawlu ma kienx diżubbidjenti għall-gwida mis-sema. L-Ispirtu s-Santu kien qed iġiegħlu jmur Ġerusalemm (At.20:22). Kien permezz tal-Ispirtu li ħbieb Pawlu saru jafu li dalwaqt kien se jsofri l-ħabs u t-tbatija (At.20:23), u bħala reazzjoni għal dir-rivelazzjoni, imqanqla mill-imħabba, provaw jipperswaduh biex ma jitlax Ġerusalemm (At.21:11-12). 


At.21:9. jipprofetizzaw. Ladarba n-nisa m’għandhomx ikunu predikaturi jew għalliema fil-knisja (1 Kor.14:34-36; 1 Tim.2:11-12), probabbilment eżerċitaw il-ministeru tagħhom ma’ individwi jew f’kuntesti oħra. Frattant, id-don tal-profezija lin-nisa kien sinjal illi l-Ispirtu t’Alla tferra’ fuq in-nies kollha t’Alla (At.2:17-18; cf., 1 Kor.11:5). 


At.21:10-11. ċintorin...rabat saqajh stess. Azzjonijiet simboliċi kienu mwettqa wkoll mill-profeti tal-Patt il-Qadim (Ġer.27:2; Eż.4:1). 

Dan jgħid l-Ispirtu s-Santu. Fl-era appostolika fl-ewwel seklu, Agabu, bħala profeta, kien imqanqal direttament mill-Ispirtu biex jagħti messaġġ ispirat minn Alla (cf., Es.5:1). 


At.21:13. X’intom tagħmlu, tibku u tiksruli qalbi? Ir-rieda tal-maġġoranza jew imqar ix-xewqa unanima ta’ fidili ġenwini mhijiex neċessarjament ir-rieda t’Alla. Pawlu ma kienx indifferenti għall-appelli u d-dmugħ ta’ ħbiebu, iżda xorta waħda ma setax jibdel l-għan riżolut tiegħu illi jsofri l-ħabs u mqar il-mewt għal Sidu. 

isem. Il-magħmudija (At.2:38; 8:16; 10:48; 19:5), il-fejqan (At.3:6,16; 4:10), is-sinjali u għeġubijiet (At.4:30), u l-ippritkar (At.4:18; 5:40; 8:12) kienu kollha magħmula fl-isem is-Sid Ġesù. Ismu jirrappreżenta kulma hu. 


At.21:14. Ħa ssir ir-rieda tas-Sid! Espressjoni kunfidenti ta’ afdar f’Alla; ir-rieda tiegħu hi definittivament l-aħjar. Sikwit l-għan t’Alla jintlaħaq bis-sofferenzi tas-servi tiegħu (At.7:57-60; 12:1-3). Għalkemm ma nafux kif se jimxi magħna bil-quddiem, inkwantu dettalji, nistgħu nistrieħu fih bħala Missierna twajjeb u għaref (cf., 1 Sam.3:18; Mt.6:10; Lq.22:42; Ġak.4:13-15). 


At.21:17. Ġakbu, ħu s-Sid Ġesù, hu l-awtur tal-Epistola ta’ Ġakbu, u kien mexxej prominenti fil-knisja f’Ġerusalemm (At.15:13). Nafu li kien bniedem ta’ talb. 


At.21:20-21. żelużi għal-liġi. Eluf ta’ Kristjani Lhud f’Ġerusalemm osservaw strettament il-liġi Mosajka, anke fl-aspetti ċerimonjali tagħha. B’kuntrast għall-Ġudaisti (At.15), ma ħarsux lejn il-liġi bħala mezz ta’ salvazzjoni. Bosta minnhom indubjament ma ħadux gost illi l-Kristjani Ġentili ma kinux obbligati josservaw il-liġi ċerimonjali ta’ Mosè (At.21:25; 15:1-31). Iżda x-xilja hawnhekk hi illi Pawlu kien qed jinkuraġġixxi lil-Lhud biex jabbandunaw il-liġi wkoll, forsi għax kienu semgħu kif Pawlu nnifsu ma kienx josserva l-liġi ċerimonjali meta jkun fil-kumpanija tal-Ġentili. 

Attwalment Pawlu ma oġġezzjonax illi l-Lhud josservaw id-drawwiet antiki, iżda strettament oppona kwalunkwe tentattiv biex it-tali osservanza b’xi mod tkun ikkonsidrata bħala neċessarja għas-salvazzjoni (Rum.14:1-8; Gal.5:2-6). Dejjem qagħad attent biex jevita milli joffendi bla bżonn, u l-flessibbiltà tiegħu f’dawn il-ħwejjeġ turi li l-interessi tal-vanġelu kienu dejjem preminenti f’moħħu (1 Kor.9:19-23). 

ma jiċċirkonċizzawx lil uliedhom. Iċ-ċirkonċiżjoni hi partikolarizzata għax kienet meqjusa bħala l-baġġ tal-patt t’Alla mal-Lhud. Ix-xniegħa kienet falza; Pawlu ma oġġezzjonax illi l-fidili Lhud voluntarjament isegwu l-liġijiet ċerimonjali tal-Patt il-Qadim (ara 1 Kor.7:18-19; At.16:3).


At.21:24. ssaffa magħhom. Dan kien il-vot jew il-wegħda tan-Nażirita (Num.6:1-21), li matulha wieħed iħalli xagħru tikber. Meta jintemm il-perjodu tal-vot (normalment xahar), iqaxxar xagħru, jiddedikah lill-Mulej, u jaħarqu mas-sagrifiċċju tal-offerta tax-xirka (Num.6:18). Pawlu ħallas l-ispejjeż għal erba’ Nażiriti, mar għand il-qassis magħhom għas-sagrifiċċji, u pparteċipa fir-riti ta’ purifikazzjoni. Hekk wera pubblikament li kien Lhudi li jżomm il-liġi, u ma kienx joġġezzjona illi l-konvertiti Lhud isegwu d-drawwiet tal-Patt il-Qadim voluntarjament, imbasta dawk l-istess drawwiet ma kinux imposti fuq il-fidili Ġentili.


At.21:28. daħħal saħansitra l-Griegi fil-maqdes. Evidenza arkeoloġika turi li kellhom tabelli u skrizzjonijiet bil-Grieg iwissu lill-pagani, fuq piena ta’ mewt, biex ma jidħlux lil hinn mill-Bitħa tal-Ġentili. 


At.21:31. It-tribun jew kmandant (bil-Grieg, chiliarchos) jirreferi għal kmandant ta’ bejn sitt mija u elf suldat (minn chilios, elf, u archō, ħakem). Kienet il-kelma Griega għall-viżier Persjan, kif ukoll għat-tribun militari, kmandant ta’ koorti Ruman (Ġw.18:12; At.21:31-33,37; 22:24). It-tali kmandant kien kostantement inkarigat mill-gwarniġġjon Ruman f’Ġerusalemm. Il-kelma saret tintuża wkoll għal kwalunkwe kmandant militari, pereżempju, kaptan jew kaptan ewlieni (Mk.6:21; Riv.6:15; 19:18).


At.21:38. L-Assassini kienu terroristi, nies li jħanxru l-griżmejn tal-għedewwa, membri ta’ grupp fanatiku ta’ nazzjonalisti Lhud.


At.22:6. dawl qawwi leħħ mis-sema. Dan hu l-isplendur tal-glorja t’Alla (cf., At.26:13), bħal f’Eżekjel1:26-28 u fir-Rivelazzjoni1:16. 


At.22:12. raġel devot skont il-liġi. Il-Kristjani onoraw l-Iskritturi tal-Patt il-Qadim. 


At.22:14. Alla ta’ missirijietna. Il-ministeru ta’ Pawlu kien f’kontinwità mal-pjan tal-fidwa mibdi fil-Patt il-Qadim kif imwiegħed fil-pattijiet antiki. 


At.22:16. tgħammed u aħsel dnubietek, billi tkun invokajt lil ismu. Din l-istruzzjoni ma timplikax li l-att fiżiku tal-magħmudija inaddaf lin-nies spiritwalment mid-dnub, għax Ħananija jagħti lil Pawlu żewġ ordnijiet distinti. Il-magħmudija għandna nqisuha bħala s-simbolu estern tat-tindif mid-dnub li jiġri meta xi ħadd jafda f’Ġesù (cf., 1 Pt.3:21). It-twemmin iwassal għall-purifikazzjoni, u l-magħmudija, bit-tgħaddis, hi stampa vivida ta’ dan. Peress li l-magħmudija hi illustrazzjoni ta’ dir-realtà, it-tnejn huma sikwit diskussi bħallikieku jappartienu għall-istess att. Bħal f’Ebrej 10:19-22, id-dnubiet tal-fidil huma maħsula permezz tal-fidi fid-demm ta’ Ġesù, bir-riżultat li l-fidil hu mraxxax nadif u maħsul b’ilma safi. 

tgħammed strettament tfisser “għammed lilek innifsek” jew aktarx, “ikkawża lilek innifsek biex tkun mgħammed,” jew, “ħalli lil xi ħadd jgħammdek.” Pawlu kellu jaħsel dnubietu fl-istess sens illi kellu jgħammed lilu nnifsu, ċoè, billi jikkunsenta li jirċevihom it-tnejn mingħand xi ħadd ieħor. Bħalma ġismu kellu jkun mgħammed minn bniedem, hekk ruħu kellha tkun maħsula minn Alla. Il-magħmudija u l-ħasil mid-dnub mhumiex identiċi, u lanqas hemm xi unjoni inseparabbli bejniethom, kif jidher ċar mill-bqija tal-Patt il-Ġdid. Huma konnessi bħala tip u antitip, perfettament distinti fihom infushom u faċilment separabbli fl-esperjenza. 

invokajt lil ismu tfisser tinvokah fil-qima, billi tagħraf id-divinità u s-sovranità ta’ Kristu, bħala prerekwiżit indispensabbli għall-magħmudija.

Il-Kattoliċi u xi denominazzjoni Protestanti jgħallmu illi, f’xi sens, il-magħmudija hi meħtieġa għas-salvazzjoni. Għalkemm hemm finezzi differenti f’tagħlimhom, dil-pożizzjoni hi miżmuma minn bosta Episkopaljani, Luterani u mill-Knejjes ta’ Kristu. Bħala Evanġeliċi, aħna nagħrfu u nobdu l-kmand ta’ Ġesù rigward il-magħmudija, bħalma għamlu l-appostli (Mt.28:19; At.2:38), iżda ma mmorrux fl-estrem u nżommuha bħala indispensabbli għas-salvazzjoni eterna. Dan għal diversi raġunijiet:

1. Jekk insostnu illi l-magħmudija jew kwalunkwe att ieħor hu neċessarju għas-salvazzjoni nkunu qed ngħidu li m’aħniex ġustifikati bil-fidi biss, iżda bil-fidi u b’opra sagramentali magħha, l-opra tal-magħmudija. Hekk inkunu qed ninnegaw l-evanġelju (ara Gal.2:14-16; Ef.2:8-10; Titu 3:4-8). Is-salvazzjoni tiġi billi ninvokaw isem is-Sid, ċoè nistqarru d-dipendenza tagħna fuq Ġesù Kristu, bil-fidi (Rum.10:9-13), mhux bir-rit tal-magħmudija. 

2. L-idea illi l-magħmudija taħfer id-dnubiet u allura meħtieġa għas-salvazzjoni żviluppat wara li mietu l-appostli. Pawlu ċertament kien jopponiha bil-qawwa bħalma oppona l-idea simili li ċ-ċirkonċiżjoni hi neċessarja għas-salvazzjoni. (Ara l-Epistola lill-Galatin kollha, speċjalment 5:1-12). Il-pożizzjoni tal-Kattoliċi u oħrajn hi teoloġikament diffikultuża, għax iċċajpar l-evanġelju tal-grazzja t’Alla, u aħna msejħa biex nissalvagwardjaw il-verità tal-vanġelu ħalli ma jkunx mittiefes iżda emmnut fis-safa tiegħu (Gal.2:4-5).

3. Il-ġustifikazzjoni tagħna sseħħ appena nemmnu (Ġw.5:24; At.13:38-39; Fil.3:7-10), mhux meta nitgħammdu, li normalment tiġri aktar tard. Iżda jekk wieħed hu diġà ġustifikat u bi dnubietu maħfura eternament malli jafda fi Kristu, allura l-magħmudija mhijiex meħtieġa għall-maħfra u l-ħajja eterna.

3. Meta minn fuq is-salib Ġesù wiegħed lill-ħalliel illi dakinhar stess kien se jkun miegħu fil-ġenna, hekk ġara, għax Ġesù ma jigdibx (Lq.23:43). Il-ħalliel ma setax ikun mgħammed qabel miet, iżda ċertament kien salvat. Il-forza ta’ dal-punt ma tistax tkun evitata billi wieħed jargumenta li l-ħalliel kien salvat taħt il-Patt il-Qadim (li taħtu l-magħmudija ma kinitx neċessarja għas-salvazzjoni), għax il-Patt il-Ġdid sar effettiv mal-mewt ta’ Kristu (Ebr.9:17), u Ġesù miet qabel iż-żewġ ħallelin misluba maġenbu (Ġw.19:32-33).

Mela l-magħmudija mhijiex assolutament neċessarja biex insalvaw. Hi neċessarja, però, ladarba jmissna nkunu ubbidjenti lejn Kristu u nonorawh, għax hu nnifsu kmanda l-magħmudija għad-dixxipli kollha tiegħu.


At.22:26. dar-raġel hu Ruman. Pawlu jerġa’ jappella għaċ-ċittadinanza Rumana tiegħu, għax kien se jkun ikkastigat mingħajr proċess (At.16:37). Iċ-ċittadinanza Rumana kienet prezzata fl-għoli, u normalment mogħtija biss lin-nies ta’ pożizzjoni għolja jew għax ikunu wettqu xi servizz siewi lill-istat. Imbagħad kienet mgħoddija wkoll lill-familja. 


At.23:1. ġibt ruħi b’kuxjenza tajba għalkollox. Il-kuxjenza hi l-funzjoni interna tal-fakoltà spiritwali tagħna illi tkellimna dwar is-sewwa jew il-ħażen ta’ kwalunkwe azzjoni pjanata jew imwettqa minna. Kuxjenza tajba tagħti l-verdett illi ma offendejniex lil Alla jew ma konniex diżubbidjenti apposta. Il-klejm ta’ Pawlu (probabbilment qed jirreferi għall-ħajja pubblika tiegħu quddiem in-nies) hu sinċier (cf., Fil.3:6). Imqar qabel ma kkonverta emmen li kien qed jagħmel il-volontà t’Alla filli jippersegwita lill-Kristjani (At.26:9). L-impenn ta’ Pawlu lejn Alla, ir-riżolviment intensiv tiegħu biex jogħġbu, u l-ħajja bla xilja tiegħu qabel ma kkonverta messha ġġiegħel lill-fidili jistħu meta jiskużaw l-infedeltà tagħhom lejn Kristu billi jisħqu li kulħadd jidneb u impossibbli tgħix quddiem Alla b’kuxjenza tajba. 


At.23:3. ħajt imbajjad! (cf., Eż.13:10-16; Mt.23:27). 

tittrasgredixxi l-liġi. Pawlu saħan għall-ksur lampanti tal-liġi. Meta Ġesù, b’mod simili, tawh daqqa ta’ ħarta bi ksur tal-liġi, irreaġixxa billi bil-kalma staqsa għala ngħatatlu d-daqqa (Ġw.18:23). Ir-reazzjoni ta’ Pawlu kienet żbaljata, kif ammetta aktar tard (23:5). Għalkemm persuna ħażina, Ħananija xorta waħda żamm kariga mwaqqfa minn Alla, u kellu jingħata r-rispett li l-pożizzjoni tiegħu ddomandat. 


At.23:5. Ma kontx naf. Jista’ jkun Pawlu kien ibati b’għajnejh (cf., Gal.4:15), jew inkella kien qed ikun sarkastiku, għax Ħananija ma kienx qed iġibu ruħu sewwa bħala qassis il-kbir. Probabbilment l-aħjar nieħdu kliemu bla tidwir: kien ilu ma jkun Ġerusalemm u ma kellux ħila jagħraf min kien il-qassis il-kbir, forsi wkoll għax ma kienx liebes l-ilbies uffiċjali. 


At.23:11. is-Sid waqaf ħdejh. Pawlu hu ansjuż dwar x’seta’ jiġrilu. Ħaseb illi seta’ jinqatel f’Ġerusalemm u l-pjanijiet tiegħu biex iwassal il-vanġelu f’Ruma u minn hemm lejn Spanja ifallu. Ġesù nnifsu deherlu, inkuraġġih u assigurah illi għad jixhed favur il-kawża t’Alla f’Ruma. Drabi oħra l-Mulej ukoll farraġ lis-serv tiegħu (At.18:9-10; 22:17-18; cf., 27:23-24). 


At.24:2. ksibna sliem kotran. Tertullu jneffaħ lill-gvernatur bi tfaħħir biex jassigura r-rieda tajba tiegħu. Ir-rimarki tiegħu ftit kienu jaqblu mar-realtà; Feliċ kellu amministrazzjoni mill-inqas sielma fi żmienu, kien mibgħud mil-Lhud, u kien innotat aktar għad-dispożizzjoni tiegħu biex jixxaħħam milli għall-benevolenza tiegħu. 


At.24:10. Pawlu beda d-difiża tiegħu billi fil-qosor irrefera għall-ħafna snin (ħamsa jew sitta) illi Feliċ kien ilu gvernatur. L-onestà tiegħu tikkuntrastja sew mal-illusingar ta’ Tertullu.


At.24:14-15. it-triq li huma jsejħuha setta. Il-Kristjani huma dixxipli ta’ Ġesù bħala t-triq (Ġw.14:6); dan il-laqam abbli għażluh huma għalihom infushom. Hekk saru magħrufa kollettivament fost il-miskredenti (cf., At.9:2; 16:17; 19:9,23; 24:14,22). Il-kelma triq (bil-Grieg, hodos, triq; mogħdija) tissuġġerilna illi s-salvazzjoni fi Kristu mhijiex biss maħfra u ġustifikazzjoni biex hekk nidhru aċċettabbli quddiem Alla l-Imħallef, iżda wkoll mixja ta’ kuljum fil-fidi u xirka ma’ Ġesù. Imqawwi mill-Ispirtu, il-Kristjan ġenwin jimxiha sat-tmiem sakemm jiret is-salvazzjoni eterna. 

Pawlu assigura lil Feliċ illi bħala Lhudi segwa reliġjon protetta minn Ruma. Bħala segwaċi tat-triq, Pawlu jgħid, inqim l Alla ta’ missirijietna u allura emmen fil-qawmien mill-mewt (Dan.12:1-2; 1 Tes.4:13-18; 2 Tes.1:8). Illi r-resurrezzjoni għad tinkludi kemm il-ġusti kif ukoll l-inġusti timplika ġudizzju finali u universali. Evidentement Pawlu emmen f’qawmien wieħed fl-aħħar jum, bħal Ġesù (Ġw.5:28-29).

nemmen il-ħwejjeġ kollha skont il-Liġi u l-ħwejjeġ miktuba fil-Profeti. Pawlu jafferma li jinsab fiduċjuż illi l-Iskrittura Mqaddsa hi bla żball, infallibbli u affidabbli f’kollox u f’kulma tgħallem. Din l-istqarrija tal-appostlu tikxef il-falsità ta’ mexxejja reliġjużi llum illi jemmnu biss dak li jogħġobhom fil-Bibbja. Min għandu l-moħħ ta’ Kristu (Mt.5:18) u tal-appostli tiegħu (2 Tim.3:16; 1 Pt.1:11) jemmen u jiddefendi kulma hu mwassal lilna fl-Iskrittura, bla eċċezzjoni.

għandi tama f’Alla. It-tama kbira tal-Lhud kienet ir-resurrezzjoni (Ġob.19:25-27; Dan.12:2). Kien Pawlu, u mhux is-Sadduċej, illi ħaddan it-teoloġija prinċipali u tradizzjonali tal-Lhud. 


At.24:16. mmantni kostantement kuxjenza safja. Kuxjenza klir hi waħda mill-armi essenzjali għall-ħajja spiritwali suċċess; ministru li jogħġob lil Alla ma jistax jgħaddi mingħajrha (2 Kor.1:12; 1 Tim.1:19). Kuxjenza tajba tinvolvi libertà ġewwiena tal-ispirtu li tirriżulta meta nafu li Missierna mhuwiex offiż bi ħsibijietna, kliemna jew għemilna (Sal.32:1; At.23:1; 1 Tim.1:5; 1 Pt.3:16; 1 Ġw.3:21-22). Meta l-kuxjenza tisfa korrotta, il-fidi, it-talb, il-komunjoni m’Alla u l-ħajja ta’ opri tajba jkunu serjament miġruħa (Titu 1:15-16). Meta wieħed jiċħad kuxjenza tajba, il-fidi tiegħu ssofri diżastru (1 Tim.1:19). 


At.24:21. Rigward ir-resurrezzjoni tal-mejtin. Pawlu għamel stqarrija waħda kritika illi ma kinitx tappartieni għall-interessi politiċi Rumani, iżda għat-teoloġija Lhudija u Kristjana. 


At.24:25. Alla jiddomanda l-ġustizzja min-nies kollha, għax fin-natura tiegħu hu qaddis u ġust (Mt.5:48; 1 Pt.1:15-16). Biex il-bnedmin jikkonformaw ma’ dan l-istandard assolut jeħtieġu l-awtokontroll. Meta wieħed jgħarrilu milli jeżerċita rażna fuqu nnifsu, ma jifdallu xejn ħlief il-prospett ta’ ġudizzju. 

Feliċ sar beżgħan. Pawlu ma żigħelx bil-politiku li kellu l-poter ta’ ħajja u mewt fuqu, iżda pproklama l-vanġelu bi qlubija u ċarezza hekk li tnisslet fih konvinzjoni dwar id-dnub (Ġw.16:8). Is-salvazzjoni tan-nies tiddependi fuq it-tnedija fidila ta’ veritajiet fondamentali li bihom l-Ispirtu jipproduċi sens qawwi fir-ruħ illi l-midinbin jinsabu taħt il-kundanna u jeħtiġilhom jaħarbu għand Ġesù għar-refuġju. 


At.24:27. xtaq jagħmel favur lil-Lhud. Mid-dehra Feliċ għaraf li Pawlu kien totalment innoċenti. Traġikament, iżjed kien interessat filli jmantni favur mill-kostitwenti tiegħu milli jamministra l-ġustizzja. Għaldaqstant żamm lil Pawlu fil-ħabs għal sentejn (57-59 w.K.) sakemm tneħħa mill-kariga talli bażwar xogħlu f’disputa bejn il-Lhud u l-Ġentili f’Ċesarija. 


At.25:4. Fil-providenza għarfa t’Alla, bla ma rrealizza Festu pproteġa lil Pawlu billi insista illi s-smigħ tal-kawża għandu jsir fil-kwartieri tiegħu f’Ċesarija.


At.25:8. kontra l-liġi tal-Lhud. Pawlu jaf li ma kkommetta ebda offiża kontra l-liġi Lhudija, li hi l-liġi t’Alla. Pawlu tabilħaqq żamm il-liġi morali tal-Patt il-Qadim (cf., At.21:24). 

1. Jaf li l-istandard morali tal-liġi ma jinbidel qatt, għax jirrifletti l-karattru perfett t’Alla. Il-prinċipji morali u spiritwali tal-liġi fil-Patt il-Qadim jibqgħu taħt il-Patt il-Ġdid u huma applikati mill-ġdid bħala l-liġi ta’ Kristu (cf., 1 Kor.9:21; Gal.6:2).

2. Għalih il-liġi hi tajba (Rum.7:12-14) għax tesprimi r-rieda t’Alla għall-bnedmin (cf., Mt.5:18-19). 

3. Frattant Pawlu ma osservax il-liġi bħala sett ta’ kmandamenti li bihom seta’ jsir perfett. 

4. Ħajja ġusta tirrekjiedi l-ħidma omnipotenti tal-Ispirtu s-Santu. L-ewwel is-siġra tkun magħmula tajba mbagħad tagħmel frott tajjeb. L-ewwel il-bniedem midneb huwa riġenerat imbagħad jagħmel opri tajba ta’ ubbidjenza għal-liġi t’Alla. Bl-Ispirtu jgħammar fihom il-Kristjani għandhom il-kapaċità jobdu (Rum.8:4). 


At.25:11. Nappella għal quddiem Ċesri. Pawlu beża’ illi Festu kien se jċedi għar-rikjesta tal-Lhud, u allura eżerċita l-jedd bħala ċittadin Ruman illi l-każ tiegħu jidher quddiem Ċesri f’Ruma. F’dan il-perjodu Neruni kien għadu taħt l-influwenza benevolenti tal-filosfu Stojku Seneka, u ma kien għadu wera ebda ostilità lejn il-fidi Kristjana. Pawlu ttama li Ċesri seta’ jilliberah. 


At.25:21. Strettament, l-imperatur (bil-Grieg, sebastos) tfisser awgust jew riverenti. Saret referenza għall-ħakkiem assolut Ruman (tissemma hawn u Atti 25:25 biss). Imbagħad sar titlu ta’ unur applikat għal ċerti leġjuni jew battaljuni, distinti għall-qlubija tagħhom (At.27:1). 


At.26:5. għext bħala Fariżew. Billi kien jaf l-isfond ta’ Agrippa, Pawlu saħaq fuq id-dipendenza tiegħu fuq Alla ta’ missirijietu (cf., At.24:14) u r-rabta tiegħu mal-Fariżej (Fil.3:5-6) biex juri li l-Ġudaiżmu tiegħu hu wieħed leġittmu. Argumenta illi Alla wiegħed ir-resurrezzjoni tal-ġisem. Għalkemm din kienet it-twemmin tal-Lhud inġenerali u tal-Fariżej partikolarment, kienet qed tintuża bħala l-bażi tal-akkużi kontrih. 


At.26:6. minħabba t-tama fil-wegħda. Il-wegħda kienet il-miġja tal-Messija u saltnatu, li issa twettqet f’Ġesù, u li fih hi miġbura l-wegħda tal-qawmien u l-immortalità għal niesu kollha (cf., Ġen.3:15; Isa.7:14; 9:6; Dan.7:14; Mik.5:2; At.1:6; 3:22-24; 13:23-33; Titu 2:13; 1 Pt.1:11-12). 


At.26:12-14. rajt dawl mis-sema. L-esperjenza ta’ Pawlu fit-triq lejn Damasku (At.9:1-19) kienet tant importanti u kruċjali għalih illi donnu ma jixbax jirrakkontaha (cf., At.22:6-16). Did-darba qed jgħidha quddiem udjenza prinċipalment pagana. 

Iebes għalik toqmos kontra n-niggiżiet. Proverbju li jfisser illi ħadd mhu kapaċi jirreżisti r-rieda t’Alla fl-aħħar mill-aħħar. In-niggiżiet kienu stikek ippontati wżati fuq il-barrin huma u jaħartu jew iġorru t-tagħbijiet biex jekk jirreżistu jitniggżu iżjed severament ħalli jobdu.


At.26:18. Hawn għandna stqarrija klassika x’jixtieq il-Mulej Ġesù mill-ippritkar tal-vanġelu lill-mitlufa:

1. ħalli tiftħilhom għajnejhom. Satana jagħmi lill-mitlufa għar-realtà tal-kondizzjoni tagħhom taħt l-għadab u s-saħta tal-liġi miksura, u lanqas iħallihom jaraw il-verità tal-vanġelu (2 Kor.4:4; 6:14; Mt.15:14). Biss pritkar dwar Ġesù l-Messija fil-qawwa tal-Ispirtu jiftaħ il-fehma tagħhom (cf., 2 Kor.4:5; Ef.1:18).

2. biex iduru mid-dlam għad-dawl u mid-dominju ta’ Satana lejn Alla. Satana hu l-ħakkiem użurpatur ta’ did-dinja, u dawk kollha mingħajr Kristu u bogħod mill-grazzja t’Alla jinsabu taħt it-tirannija tiegħu, skjavi għalih. L-ispirtu tad-diżubbidjenza jopera fil-midinbin (Ef.2:2). Il-proklamazzjoni dwar it-tpattija ta’ Kristu fuq Golgota, imbierka mill-Ispirtu, teħles lin-nies mis-setgħa satanika u ġġibhom fis-saltna tal-Iben il-Maħbub (Kol.1:13; 1 Pt.2:9). Ladarba l-infidili jinsabu fid-dalma tal-għama spiritwali tagħhom, id-dawl sikwit jissimbolizza s-salvazzjoni (Mt.4:16; Ġw.1:4-5,7-9; 3:19-21; 8:12; 9:5; 12:36; At.13:47; 26:23; Ef.5:8,14; Kol.1:12-13; 1 Tes.5:5; 1 Pt.2:9; 1 Ġw.1:7; 2:8-10). 

3. sabiex jirċievu l-maħfra tad-dnubiet. Il-kanċellazzjoni totali tad-dnub titgawda mill-mument illi wieħed sinċerament jafda fi Kristu waħdu, li bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu ħadem rikonċiljazzjoni m’Alla (2 Kor.5:20-21; Kol.2:12-14). Il-maħfra hi r-riżultat l-aktar sinifikanti tas-salvazzjoni (Mt.1:21; 26:28; Lq.1:77; 24:47; At.2:38; 3:19; 5:31; 10:43; 13:38; 1 Kor.15:3; Gal.1:4; Kol.1:14; Ebr.8:12; 9:28; 10:12; 1 Pt.2:24; 3:18; 1 Ġw.2:1-2; 3:5; 4:10; Riv.1:5). 

4. u post fost dawk imqaddsin bil-fidi fija. Il-maħfur, illiberat mill-kundanna u ġustifikat bid-demm ta’ Kristu (Rum.8:1; 5:1), issa hu l-għamara tal-Ispirtu s-Santu (1 Kor.6:19-20), mgħammed bih (Mk.1:8), separat mid-dinja (Ġw.17:15-19) u kapaċi jgħix għal Alla u s-sebħ tiegħu (1 Pt.2:5; 4:11), f’xirka mal-qaddisin (1 Kor.12:12-13), li bħalu huma salvati bi Kristu. 

Il-Bibbja fiċ-ċar tgħallem ripetutament illi s-salvazzjoni niksbuha permezz tal-fidi biss, apparti mill-opri tajba tagħna (Ġw.3:14-17; 6:69; At.13:39; 15:9; 16:31; Rum.3:21-28; 4:5; 5:1; 9:30; 10:9-11; Gal.2:16; 3:11,24; Fil.3:9). 

Il-post jissinifika l-barkiet insuperabbli illi l-fidili jgawdu matul l-eternità fid-dinja l-ġdida (cf., At.20:32; Ef.1:11,14,18; Kol.1:12; 3:24; Ebr.9:15). 


At.26:19. ma kontx diżubbidjenti għall-viżjoni smewwitija. Id-dawrien ta’ Pawlu lejn is-Sid ġdid tiegħu ġara waqt il-vjaġġ lejn Damasku, meta kien għadu avversiv lejh. Minn dak il-mument għaraf b’riżoluzzjoni illi Ġesù hu s-Salvatur u l-Mulej uniku tiegħu, u ddedika ħajtu biex iservih (cf., Rum.1:5). 


At.26:20. jipprattikaw opri denji tal-indiema. Is-salvazzjoni hi bil-grazzja, permezz tal-fidi biss f’Ġesù waħdu, mingħajr opri. Frattant il-persuna milħuqa mill-grazzja tagħti prova evidenti illi hi f’saltnet is-smewwiet billi tgħix ħajja ġusta (Ef.2:8-10).


At.26:23. illi l-Messija kellu jbati, illi bir-resurrezzjoni mill-imwiet tiegħu jkun l-ewwel li kellu jniedi d-dawl. Il-Lhud sabuha diffiċli jaċċettaw l-idea li l-Messija kellu jsofri u jmut. Ġesù u l-appostli tiegħu għallmu din id-dottrina fondamentali mill-Iskrittura (Lq.24:27; At.17:2-3; 1 Kor.15:3-4), u frattant il-Lhud ċaħduha, arrestaw lil Pawlu u riedu joqtluh. 

It-tbatija tal-Messija (Sal.22; Isa.53) u l-qawmien tiegħu (Sal.16; cf., At.13:30-37), temi ċentrali fl-ippritkar appostoliku, huma mgħallma ċari fil-Patt il-Qadim.


At.26:24. Qed tiġġennen, Pawlu! Feliċ skanta kif skular bħal Pawlu seta’ jemmen illi l-mejtin jerġgħu jieħdu l-ħajja; ebda Ruman intelliġenti ma jasal biex jaċċetta l-proposta. Inċidentalment, dak li d-dinja tgħoddu ġenn, għall-Kristjan hu għerf rivelat mis-sema; u dak li d-dinja tqisu għerf hu bluha għal Alla u niesu. 


At.26:27-28. temminhom il-profeti? Agrippa ffaċċja dilemma: jekk iwieġeb le, jgħaddab lil-Lhud; jekk iwieġeb iva, jinqabad f’inkonsistenza, għax Pawlu mbagħad jappellalu biex jemmen il-vanġelu, għax il-Patt il-Qadim jafferma l-mewt u l-qawmien tal-Messija. 

Naf illi temmen. Agrippa kellu reputazzjoni ta’ Lhudi twajjeb, u minħabba f’hekk Pawlu seta’ jagħmel it-tali appell.

Fi ftit ħin se tipperswadini biex insir Kristjan. Is-sultan inqeda bit-tattika tad-dewmien, u argumenta illi diskors ta’ nofs siegħa ma kienx suffiċjenti biex isir Kristjan. Fl-ewwel seklu, Kristjan (cf., At.11:26) kienet probabbilment kelma ta’ stmerrija (1 Pt.4:16).


At.27:1. Koorti, jew riġment, kien parti minn għaxar partijiet ta’ leġjun Ruman, b’xi sitt mitt suldat.


At.27:5. l-baħar matul il-Kilikja u l-Pamfilja hu r-rokna tal- Mediterran fil-Grigal tiegħu, taħt it-Turkija moderna.


At.27:9. is-Sawma tirreferi għall-Jom Kippur, il-Jum tat-Tpattija, li kien jaħbat fl-għaxar jum tax-xahar lunari Tixri, bejn nofs Settembru u l-ewwel parti ta’ Ottubru. 


At.27:17. is-Sirti hu isem ta’ żewġ golfijiet baxxi u perikolużi matul il-kosta Afrikana, magħrufa bħala ċ-ċimiterju tal-bastimenti. Jissemmew hawn biss. 


At.27:24. Tibżax, Pawlu. Anġlu, messaġġier t’Alla, jassigurah illi għad jasal Ruma u jagħti xhieda. Hekk l-appostlu mtela bil-kunfidenza f’nofs periklu kbir. Kull Kristjan jista’ jitlob: “O Sidi, jien tiegħek; inservik. Kun int il-protettur tiegħi” (Sal.16:1-2). 

Alla tak gratwitment dawk kollha li qegħdin ibaħħru miegħek. Ir-raġuni finali għall-ħelsien ta’ Pawlu kienet it-testimonjanza tiegħu f’Ruma (cf., At.19:21; 23:11). Għaldaqstant, waqt li l-preżenza ta’ Ġona fuq il-ġifen heddet li teqred lil kulħadd (Ġob.1:12), il-preżenza ta’ Pawlu assigurat il-ħelsien ta’ kulħadd. Hawn għandna każ ta’ grazzja komuni, kif ukoll illustrazzjoni kif il-Kristjan kapaċi jaffettwa s-soċjetà bil-preżenza tiegħu, anke mingħajr ma jinduna. 


At.27:25. sostnu l-kuraġġ tagħkom, jew, “taqtgħux jieskom.” L-appostlu hu priġunier abbord bastiment, u frattant hu bniedem liberu fi Kristu, u jgħix ħieles mit-twerwir fil-preżenza t’Alla. B’kuntrast, il-passiġġieri miegħu jinsabu paralizzati bit-twerwir minħabba li setgħu jegħrqu. Biss il-Kristjan fidil u sinċier kapaċi jesperjenza qrubija m’Alla biex jiffaċċja r-riskji, parti integrali mill-ħajja, bi qlubija u assigurazzjoni.


At.27:27. L-Adrijatiku hu parti mill-Mediterran. Fl-antik kien jirreferi għall-ibħra li jestendu sew mal-Italja tas-Sud, sa Malta u Kreta. 


At.27:28. qama (bil-Grieg, orguia) hi ċirka sitt piedi jew 1.83 metru.


At.27:30. provaw jaħarbu. Il-baħrin għarfu li qed joqorbu l-art, għalhekk iddeċidew jieħdu l-unika dgħajsa fuq il-bastiment u jfittxu l-kenn fuq ix-xatt. Iżda azzjoni hekk egoistika ma kienet se tħalli lil ħadd bis-sengħa tat-tbaħħir abbord, u ħafna passiġġieri abbli jmutu. Għalhekk Pawlu wissa liċ-ċenturjun dwar il-pjan tal-baħrin, u waqqafhom (At.27:31-32). 

L-azzjoni ta’ Pawlu turi l-kompatibbiltà tas-sovranità divina (ara At.27:22-24) mar-responsabbiltà umana. Alla jwettaq il-wegħdi tiegħu, tabilħaqq, iżda b’daqshekk l-importanza ta’ azzjonijiet umani mhijiex innegata. Sikwit l-azzjoni umana hi l-mezz biex Alla jżomm kelmtu (cf., At.18:9-11). 

Ħafna mill-wegħdi t’Alla huma kondizzjonati fuq l-ubbidjenza tal-bniedem għar-rieda tiegħu. (Ara Ġen.1:26-31 u 6:6-7. Ara Es.3:7-8 u Num.14:28-34. Ara 2 Sam.7:12-16 u 1 Slat.11:11-13; 12:16).


At.27:33. ebda xagħra. Alla jinsab fil-kontroll, irieġi mqar id-dettalja ta’ kull ħajja individwali (Lq.21:18). 


At.27:34. tieħdu trejjiqa tal-ikel. Parir prattiku f’ċirkostanzi iebsa. Il-Kristjan, bit-tama tiegħu ankrata f’Sidu Ġesù, kapaċi jkun sostenn għal ħaddieħor fil-prova (At.27:22). 

ebda xagħra minn ras xi ħadd minnkom mhi se tintilef. Idjoma li tissinifika sigurtà totali (1 Sam.14:45; 2 Sam.14:11; Lq.21:18). 


At.27:35. Pawlu rringrazzja ’l Alla qabel l-ikel, għax hekk xieraq, iżda wkoll bħala testimonjanza għall-fidi tiegħu f’Alla li kien se jeħlishom mill-għarqa. 


At.27:37. mitejn sitta u sebgħin ruħ. Dettall li jixhed illi l-awtur kien preżenti magħhom. Josephus jitkellem dwar bastiment fl-ewwel seklu li kellu sitt mitt persuna abbord. 


At.27:42-43. Imma ċ-ċenturjun, billi ried isalva ’l Pawlu. Fil-providenza misterjuża t’Alla, l-għan divin biex Pawlu jasal Ruma intlaħaq permezz ta’ deċiżjoni minn persuna li la biss kien Kristjan, u lanqas kien jaf bil-pjan t’Alla. 

ipprojbielhom din l-intenzjoni. Għal darb’ oħra, minħabba Pawlu ġew salvati nies oħra, il-priġunieri l-oħra. Is-suldati beżgħu li jaħarbulhom għax jekk jiġri dan ikollhom iħallsu b’ħajjithom stess (cf., At.12:19). 


At.28:1. L-isem antik ta’ Malta kien Melita, mogħti mill-Feniċi li ssetiljaw fil-gżira xi elf sena qabel. Ir-Rumani rebħuha fis-sena 218 q.K. fil-bidu tat-Tieni Gwerra Punika, u għamluha muniċipju. Id-djalett lokali kien Puniku-Kartaġiniż, imma l-Grieg u l-Latin kienu magħrufa. 


At.28:5. ma bata ebda ħsara. L-esperjenza ta’ Pawlu, migdum minn serp valenuż, jillustra rimarkevolment il-wegħda ta’ Ġesù (Mk.16:18). Billi kien hawn Kristjani li mietu b’gidma ta’ serp, dan jikkonferma li l-wegħda kienet maħsuba bħala konferma għax-xhieda appostolika fl-ewwel seklu, u mhux għall-ġenerazzjonijiet kollha. L-istess jgħodd għas-sinjali l-oħra msemmija. B’daqshekk ma niċħdux illi Alla kapaċi jfejjaq, kultant meravoljożament, bħala tweġiba għat-talb ta’ wliedu. 


At.28:6. biddlu fehmithom. Hemm tikka ironija fl-evalwazzjoni tan-nies tal-post inkwantu l-karattru ta’ Pawlu – minn qattiel destinat għall-mewt għal status bħala alla. F’Listra ġara l-kuntrarju, fejn l-ewwel in-nies laqgħu lil Pawlu u Barnaba bħala allat, imbagħad ħaġġruh lil Pawlu kważi għall-mewt. 


At.28:8. Id-disenterija (bil-Grieg, dusenterion), marda fl-intestini, tissemma hawn biss. Sikwit kienet akkumpanjata b’deni qawwi, u faċilment setgħet tkun fatali. Xi wħud jaħsbu li hi l-istess bħad-deni rqiq ikkawżat mill-ħalib tal-mogħoż.


At.28:11. wara tliet xhur probabblment tindika Marzu tas-sena 60 w.K., meta wara x-xitwa, l-istaġun tat-tbaħħir jiġi inawgurat.

Id-Dijoskuri kienu meqjusa bħala allat tewmin, protetturi tal-baħħara. 


At.28:14. Ruma kienet il-kapitali renomata tal-Italja u l-metropoli tal-imperu Ruman. Kien hemm stranġieri minn Ruma f’Ġerusalemm f’Jum Pentekoste, fejn indubjament semgħu l-evanġelju. Xi wħud ikkonvertew u ġarrew il-bxara t-tajba magħhom lura d-dar (At.2:10). Pawlu kiteb l-itwal epistola tiegħu lill-kongregazzjoni f’Ruma għall-ħabta tas-sena 57-58. Apparentement kienet tikkonsisti l-biċċa l-kbira fi kredenti Ġentili (Rum.1:13; 11:13; 15:15-16). Spiċċa priġunier hemm fid-dar mikrija tiegħu għal madwar sentejn, ikkatenat ma’ suldat. Hekk il-vanġelu baqa’ jinxtered, u saħansitra ppenetra fil-palazz ta’ Ċesri (Fil.1:13; 4:22). Pawlu u Pietru mid-dehra t-tnejn batew il-martirju f’Ruma. 


At.28:15. għamel kuraġġ. Kulħadd kapaċi jperper kultant u jkun skuraġġit (1 Slat.19:10). Imqar għal nies kbar fil-fidi, ix-xirka Kristjana hi mezz effettiv fejn inkunu edifikati, entużjażmati u mimlija bil-qlubija (Ebr.10:25). 


At.28:16. meta dħalna f’Ruma. Kienet xewqet Pawlu illi jipprietka l-vanġelu fil-kapitali tal-imperu (Rum.15:22-29), u kienet ukoll il-volontà t’Alla illi jagħmel dan (At.23:11). Frattant wasal fid-destinazzjoni tiegħu marbut b’katina, wara li sofra l-ħabs, għeleb bosta ostakli, u għadda minn maltempata, li Luqa ħa ħsieb jirrakkonta b’dettall impressjonanti, biex jonqoxha f’moħħna li t-tali esperjenzi huma parti integrali mill-ħajja ta’ kwalunkwe ħaddiem għal saltnet Alla. Għalkemm Pawlu baqa’ fidil, Alla ma wittilux triqtu u għamillu kollox faċli: altru! Bit-tbatijiet Alla jqaddes lil uliedu, iseddqilhom it-tama, jgħallimhom jafdawh aktar, u b’xi mod jew ieħor jopera fil-ġid u d-deni biex jaħdem favur dawk li jħobbuh (Rum.8:28). Il-lealtà u l-ubbidjenza tagħna lejh ma jassigurawlniex kumdità; għall-kuntrarju, idaħħluna fi provi li bihom Alla jkompli jimmaturana u jqarribna lejh.


At.28:20. It-tama ta’ Iżrael hi l-miġja tal-Messija, kif attestata mir-resurrezzjoni tiegħu (ara At.23:6; 24:15; 26:8,23). 


At.28:23. Il-kontenut tal-messaġġ ta’ Pawlu kien saltnet Alla (ara wkoll At.28:31), li hawnhekk tirrappreżenta t-twettiq tal-wegħdi salviviċi t’Alla lil niesu. 

Bħas-soltu, lil-Lhud prova jipperswadihom illi attwalment f’Ġesù seħħ it-twettiq tal-wegħdi, tipi u profeżiji li għandhom x’jaqsmu mal-Messija u s-Sultan maħtur t’Alla. 


At.28:26-27. Ġesù wkoll ikkwota dal-pass minn Isaija (Isa.6:9-10) biex jispjega l-falliment tal-Lhud bħala nazzjon milli jaċċettawh (Mt.13:14-15). Għalkemm għandhom għajnejhom u widnejhom u qalbhom (l-organu ta’ ħsieb, rieda u deċiżjoni) għarrielhom milli jirrispondu pożittivament.


At.28:31. jipproklama saltnet Alla. L-Atti, bħala ktieb, apparentement jikkonkludi f’kolp, bla għeluq formali dwar x’wettaq il-Mulej permezz tal-Ispirtu tiegħu u x-xandir tal-appostli l-oħra. L-intenzjoni t’Alla hi illi l-evanġeliżmu jissokta matul il-ġenerazzjonijiet kollha (At.2:17-21; Mt.28:18-20). Luqa tana rakkont ispirat li jservi bħala mostra kif Alla jrid il-knisja tiegħu tkun. Għandna biżżejjed eżempji ta’ fedeltà tal-kredenti, kif ukoll it-trijonf tal-vanġelu minkejja oppożizzjoni ċivili u reliġjuża. 

Issa nafu kif jopera l-Ispirtu fost il-poplu t’Alla. Dan hu l-kampjun għall-knejjes moderni u futuri; aħna responsabbli nikkonformaw miegħu (2 Tim.1:14). Kwalunkwe kongregazzjoni ta’ Kristjani messha tkejjel lilha nfisha ma’ x’qal u x’għamel l-Ispirtu s-Santu fost id-dixxipli bikrija. Jekk il-qawwa spiritwali, l-għejxien ġust u qaddis, il-ferħ u l-fidi misjuba fil-knejjes Evanġeliċi ma jixxibhux ma’ x’naqraw fl-Atti, jeħtiġilna nitolbu lil Alla Missierna għal stejqien u fidi mġedda fi Kristu rxoxtat, kif ukoll għall-mili setgħan tal-Ispirtu tal-qdusija u l-verità.

bla impediment. Sakemm dam hemm, Pawlu baqa’ jevanġelizza lil Ruma (cf., Fil.1:13; 4:22), megħjun mill-kollaboraturi tiegħu (cf., Kol.4:10; Fm.24). Il-messaġġ dwar saltnet Alla u dwar Ġesù wasal fil-kapitali tal-imperu u minn hemm ikompli jinfirex ma’ kullimkien, u għad jittrijonfa. 

Luqa ma jinkludix il-proċess ta’ Pawlu quddiem Ċesri jew il-bqija ta’ ħajtu u l-martirju tiegħu. Dan ifakkar lill-qarrej illi l-Atti mhuwiex primarjament dwar Pawlu jew xi appostlu ieħor, iżda dwar l-għemejjel setgħana tal-Mulej Ġesù, li jibgħat ix-xhieda tiegħu f’kull parti tad-dinja (1:8), inkluża l-ikbar belt tal-Imperu Ruman.