L-Evanġelju Skont Luqa



Lq.1:2-3.   testimoni okulari. Hemm evidenza affidabbli għal xi nkiteb, għalkemm l-awtur, Luqa t-tabib, jiddistingwi lilu nnifsu minn dawk li raw b’għajnejhom u semgħu b’widnejhom, speċjalment it-tnax (Lq.6:13-16). Frattant ir-riċerka u l-investigazzjoni li għamel qabel kiteb kienet aktar minn adegwata. Imur lura għall-bidu tal-moviment Kristjan, l-avvenimenti li ġraw fi żmien it-twelid ta’ Ġesù nnifsu. 


Lq.1:3.   Teofilu abbli kien ħabib ta’ Luqa, benefattur jew patrun tiegħu. Kienet x’kienet ir-relazzjoni, l-awtur hu interessat illi Teofilu jifhem il-veritajiet dwar il-persuna ta’ Ġesù u xogħlu fuq l-art (il-Vanġelu) kif ukoll mis-sema (At.1:1). 

iċ-ċertezza. Ninnotaw il-klejm impliċitu għall-awtorità. Għalkemm l-awtur ikkonsulta diversi sorsi, qies l-affidabbiltà u l-awtorità tal-Vanġelu tiegħu bħala superjuri għal sorsi oħra li ma kinux ispirati. 

Il-kelma Griega għal mgħallem hi s-sors tal-kelma Maltija “katekiżmu.” L-Iskrittura, sors bil-kitba, tagħti lill-fidili wisq aktar ċertezza milli tista’ tagħti l-memorja ta’ proklamazzjoni orali. Luqa kiteb bil-għan biex dawk li emmnu jkunu fermi u sodi fi twemminhom (Ef.4:12-14; Kol.2:7). 


Lq.1:5.   Il-qassisin servew f’tempju wieħed skont orarju fiss. Id-diviżjoni t’Abija kienet it-tmien waħda minn erbgħa u għoxrin diviżjoni (1 Kron.24:10). Kull taqsima kienet tkun inkarigata għal ġimgħa darbtejn f’sena.


Lq.1:6.   ġusti...bla ħtija. Ma jfissirx illi ma kienu jidinbu assolutament qatt, iżda kienu nies twajba u jimxu fil-biża’ t’Alla. Kienu fidili, u allura ġustifikati f’għajnejn Alla. Hawn eku ċar tat-teoloġija Pawlina f’din l-espressjoni. 


Lq.1:10.   titlob barra. Id-devozzjoni u l-qima jispikkaw f’dan ix-xenarju. 


Lq.1:11   deherlu. Iż-żjara tal-anġlu kien l-ewwel rivelazzjoni speċjali t’Alla wara kważi erba’ mitt sena. 

L-artal tal-inċens kien artal żgħir tad-deheb quddiem il-purtiera li tifred il-Post Qaddis mill-Qaddis tal-Qaddisin, l-ewwel fit-tabernaklu (Es.30:1-10), u aktar tard fit-tempju. 


Lq.1:12.   qabdu l-biża’. Din hi reazzjoni normali u xierqa (cf., Lq.12:5) meta xi ħadd hu konfrontat b’viżitazzjoni divina jew opra setgħana t’Alla (Imħ.6:22; 13:22; Mk.16:5; Riv.1:17). Luqa speċjalment jiġbed l-attenzjoni għal dan, meta wieħed jiġi wiċċ imb wiċċ m’Alla jew ma’ għemilu (cf., Lq.1:30,65; 2:9-10; 5:10,26; 7:16; 8:25,37,50; 9:34,45; 23:40). 


Lq.1:13.   il-petizzjoni tiegħek. Abbli Żakkarija kien ilu jitlob għal wild, iżda probabbilment fit-tali mument kienet talba għall-fidwa ta’ Iżrael, bħalma kienu jagħmlu Lhud devoti. Hu x’inhu, it-tweġiba għat-talba kellha tidher fit-twelid ta’ iben, Ġwanni, li ismu jfisser “is-Sid hu grazzjuż.”


Lq.1:14.   ferħ u eżultanza huma karatteristiċi tas-saltna messjanika, li kull Kristjan jinsab fiha (Isa.25:9; Sal.14:7; 48:11). Il-motif tal-ferħ jiġri matul dal-vanġelu (cf., Lq.1:44,47,58; 2:10; 6:23; 8:13; 10:17-21; 13:17; 15:5-10,22-32; 19:6,37; 24:52). 

It-twelid ta’ Ġwanni jġib konsolazzjoni u faraġ mhux biss għall-ġenituri iżda wkoll għal ħafna f’Iżrael. 


Lq.1:15.   inbid. Jista’ jkun li Ġwanni kien Nażri, u allura ma setax jixrob alkoħol, iżda l-awtur ma jgħidhiex speċifikament. Aktar probabbli, Ġwanni kellu pożizzjoni unika, la qassis u lanqas Nażri. Hu l-unika persuna fil-Patt il-Ġdid li jingħad li kien mimli bl-Ispirtu s-Santu minn twelidu, sabiex iwettaq il-ministeru partikolari tiegħu. Dan jindika wkoll illi kien persuna umana distinta qabel ma twieled; jissuġġerixxi li Alla rriġenerah qabel ma twieled. 

mimli bl-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu kellu jimla qalb Ġwanni bi mħabba lejn Kristu (Lq.1:41-44) u bl-abbiltà biex jipprotetizza (Lq.1:16-17). 

meta jkun għadu f’ġuf ommu. Dan il-każ ifakkarna f’Ġeremija 1:5, u jservi ta’ illustrazzjoni għas-sovranità t’Alla fis-salvazzjoni. Alla kapaċi jsalva u jsejjaħ lill-midinbin imqar meta jkunu għadhom ċkejknin ħafna. 


Lq.1:17.   fl-ispirtu u s-setgħa t’Elija. Ġwanni kellu jkun bħall-profeta Elija, bla ma jitgerrex jew jibża’. Mimli bl-Ispirtu, ikun predikatur ta’ ġustizzja morali (Lq.3:7-14; Mt.3:1-10), bla ma jikkomprometti l-kuxjenza tiegħu jew jgħawweġ prinċipji bibliċi minħabba l-istatus jew sigurtà tiegħu (Lq.3:19-20; Mt.14:1-11). Jobdi lil Alla u jibqa’ leali lejh, tabilħaqq bniedem mibgħut mingħand Alla (Ġw.1:6), bħalma għandu jkun kull għalliem jew predikatur tal-vanġelu. 


Lq.1:18.   Kif se nkun naf dan? Abraħam ukoll talab sinjal f’ċirkostanzi simili (Ġen.15:8). L-għelm mogħti lil Żakkarija kien ukoll ċanfira talli ddubita (Lq.1:20). 


Lq.1:19.   Gabriel (imsemmi wkoll f’Danjel 8:16 u 9:21) u Mikiel (Dan.10:13,21; Ġuda 9; Riv.12:7) huma l-uniċi żewġ angli fil-Bibbja li nafu x’jisimhom. Gabriel għandu jkun emmnut aktar u aktar għax hu fil-preżenza t’Alla, b’responsabbiltà u fedeltà inkomparabbli (cf., Dan.9:21). 


Lq.1:20.   se tkun sieket. L-anġlu jagħti lil Żakkarija sinjal billi jeħodlu l-kapaċità illi jitkellem għal xi żmien (Dan.10:15). 


Lq.1:21.   ddawwar. Suppost offra l-inċens imbagħad ħareġ biex jippronunzja l-barka (Num.6:23-27) fuq in-nies. It-taħdita mal-anġlu ħaditlu aktar ħin. 


Lq.1:24.   martu kkonċepiet. Bħalma wiegħed l-anġlu, Eliżabetta ħarġet tqila. Tibqa’ bla tfal kienet ikkonsidrata bħala kastig divin, u l-ulied kienu stmati bħala l-premju t’Alla għal servizz fidil (Sal.127:3-5). Eliżabetta, però, ma kinitx se ġġorr dan l-għajb fuqha iżjed (cf., Ġen.30:23; Isa.4:1). Fil-każ tagħha, il-fatt li ma kellhiex tfal ma kienx minħabba dnub personali, iżda fforma parti mill-pjan sovran u għaref t’Alla.

ħbiet lilha nfisha, probabbilment bħala att ta’ devozzjoni, ferħ u gratitudni profonda lejn il-Mulej. 


Lq.1:25.   ineħħili l-għajb tiegħi. Mara miżżewġa bla wlied setgħet kultant kienet sinjal ta’ nuqqas ta’ favur m’Alla (Lev.20:20-21), imma mhux dejjem (cf., Ġen.30:23; 1 Sam.1:5-10). Dan ingħad f’kultura fejn l-isterilità kienet stigma u umiljazzjoni. 


Lq.1:26.   fis-sitt xahar, ċoè meta Eliżabetta kienet ilha tqila sitt xhur.


Lq.1:26-33.   L-annunz dwar il-konċepiment tat-tarbija fil-ġuf ta’ Marija sar l-ewwel lilha, imbagħad lil Ġużeppi (cf., Mt.1:20). 


Lq.1:27.   Marija kienet verġni qabel il-konċepiment ta’ Ġesù f’ġufha, kif ukoll tul it-tqala tagħa, bi twettiq tal-profezija (Isa.7:14). L-Ispirtu s-Santu wettaq it-tnissil ta’ Ġesù b’mod sopranaturali. Il-konċepiment tiegħu b’dan il-mod mhuwiex prova diretta tad-divinità u l-perfezzjoni morali tiegħu, iżda jixhed bil-qawwa favorihom.


Lq.1:27.   mgħarrsa. Mhux bħal għerusija moderna, iżda l-ewwel pass taċ-ċerimonja Lhudija taż-żwieġ. Bl-għerusija Marija kienet legalment tappartieni għal żewġha Ġużeppi (Mt.1:18-21). 


Lq.1:27.   minn dar David. Kif setgħet Marija, mit-tribù ta’ Ġuda (Lq.1:39; 3:30), tkun qariba ta’ Eliżabetta, mit-tribù ta’ Levi? (Lq.1:5). Tkun qariba ta’ mara mit-tribù ta’ Ġuda ma jfissirx li dik il-mara kienet minn dak it-tribù. Huwa possibbli illi kienu relatati biż-żwieġ. Żwiġijiet bejn it-tribujiet kien permissibbli (Es.6:23; 1 Kron.2:10).

Ġużeppi kien dixxendent ta’ David u l-werriet leġittmu tat-tron Davidiku. Aktar tard Ġesù hu magħruf bħala “Bin David” (Lq.18:38-39). 


Lq.1:28-29.   Marija kienet umiljata u mistifikata kif l-anġlu informaha li kienet ffavorita. Din hi traduzzjoni korretta tal-kelma li sikwit nisimgħu tradotta bħala “mimlija bil-grazzja.” Tindika li omm Ġesù rċeviet grazzja, mhux li kienet is-sors ta’ grazzja għal ħaddieħor. Hi reċipjent, mhux dispensatriċi, tal-grazzja. 

Fit-8 ta’ Diċembru, 1854, il-Papa Piju IX, bil-bolla Ineffabilis, pronunzja “infallibbilment” id-dottrina mimżuma llum mill-Kattoliċi Rumani: “Il-Verġni l-iżjed Imqaddsa Marija kienet mill-ewwel mument tal-konċepiment tagħha, b’don uniku ta’ grazzja u privleġġ ta’ Alla Omnipotenti, minħabba l-merti ta’ Ġesù Kristu, ir-Redentur tal-umanità, priżervata ħielsa minn kull tebgħa ta’ dnub oriġinali” (Ludwig Ott, Fundamentals of Catholic Dogma,1960, p.199).

Hekk intemmet kontroversja mqanqla mibdija fis-seklu tnax, l-aktar bil-kitba tal-patri Ingliż Eadmer favur din id-dottrina. Fil-frattemp, kontriha kitbu studjużi Kattoliċi kbar bħal Bernardu ta’ Clairvaux, Pietru l-Lombardi, Bonaventura u Tumas Akwinu. Fis-seklu erbatax il-patri Franġiskan, Duns Skotu, żviluppa d-dottrina li kellha tagħti r-rebħa lill-Franġiskani kontra d-Dumnikani li tant opponewha.

Ott jargumenta illi “l-espressjoni ‘mimlija bil-grazzja’ (Lq.1:28)…fit-tislima tal-anġlu, tirrappreżenta l-isem proprju, u allura minħabba f’hekk tesprimi kwalità karatteristika ta’ Marija…Madankollu hi perfetta biss jekk hi perfetta mhux biss intensivament iżda wkoll estensivament, ċoè, jekk testendi tul ħajjitha kollha, mill-bidu tad-dħul tagħha fid-dinja” (ibid, p.200).

It-test bibliku nnifsu jgħid hekk: “U kif daħal għandha, qal, ‘Insellimlek, iffavorita! Is-Sid miegħek.’ Imma hi kienet aġitata ferm għal dad-diskors, u kkonsidrat x’tip ta’ tislima setgħet tkun din. U l-anġlu qalilha, ‘Tibżax, Marija, għax sibt favur m’Alla. U ara, se tikkonċepixxi fil-ġuf u tiled iben, u se ssemmi ismu Ġesù’” (Lq.1:28-31). 

Xejn f’dan il-pass ma jiġġustifika twemmin fil-konċepiment immakulat ta’ Marija. Tkun idea mġebbda jekk nieħdu t-tislima “mimlija bil-grazzja,” – tradotta l-aħjar bħala “ffavorita” – bħala isem proprju ta’ Marija. Verżjonijiet Kattoliċi kontemporanji ma jittraduċuhiex bħala isem proprju. Tirreferi sempliċement għall-istat ta’ Marija bħala reċipjent tal-favur t’Alla, favur eċċezzjonali tabilħaqq.

Iżda mqar kieku fil-fatt huwa isem proprju u jirreferi għall-karattru essenzjali ta’ Marija, mhuwiex neċessarju illi neħduh estensivament lura sa twelidha jew sal-konċepiment tagħha. Il-Bibbja mkien ma tgħallem il-konċepiment immakulat ta’ Marija. Naturalment, il-Kattoliċi jemmnu illi t-tradizzjoni timla dak li l-Iskrittura ma tiddikjarax. Imma jekk dan hu minnu, mela għalfejn jappellaw għall-Iskrittura bħala sapport? Il-fatti huma xort’ oħra: dik li llum hi pronunzjata domma tal-fidi semmgħet l-ewwel ħjiel tagħha sekli wara li nkitbet il-Bibbja. 

Imqar jekk hi meħuda estensivament sal-bidu ta’ Marija, ma tfissirx neċessarjament konċepiment immakulat. Tista’ tirreferi sempliċement għall-possibbiltà illi l-grazzja kienet fuq ħajjitha mill-konċepiment. Imma dan jgħodd ukoll għal ħaddieħor, inklużi Ġeremija (Ġer.1) u Ġwanni l-Battista (Lq.1) li ma kinux konċeputi b’mod immakulat. 

Jerġa’, il-kelma Griega għal “mimlija bil-grazzja” hi charitō, verb użat għall-fidili kollha (Ef.1:6) mingħajr ma jimplika perfezzjoni prattika bla dnub. Mela fit-tislima tal-anġlu Gabriel m’hemm xejn li jistabilixxi d-dottrina tal-konċepiment immakulat ta’ Marija. Kienet unikament iffavorita minn Alla, biex tkun omm il-Messija, ċertament. Iżda wieħed ikollu jappella għal tradizzjoni barra mill-Bibbja, biex isib sapport għad-domma Kattolika. 

Kristu kien konċeput minn verġni. Marija ma kinitx hekk konċeputa; kellha missier u omm naturali. Tumas t’Akwino, wieħed mill-ikbar teologi Kattoliċi, li għadu stmat hekk sal-lum, iddikjara d-dottrina tal-immakulata konċizzjoni bħala impossibbiltà (Summa Theologica 3, 27, 2) peress li Marija, bħall-umani l-oħrajn kollha, wirtet natura midinba minn Adam (cf., Rum.5:12).

L-apoloġisti Kattoliċi jisħqu illi min hu mimli bil-grazzja jfisser li m’għandux dnub peress li difetti morali personali huma irrikonċiljabbli ma’ milja bil-grazzja. 

Però, kif ġa intimajna, it-traduzzjoni skont il-Vulgata, “mimlija bil-grazzja,” hi waħda dgħajfa. Strettament il-kelma tfisser “iffavorita.” Maż-żmien il-Vulgata assisiet biex tissaħħaħ l-idea illi l-grazzja estendiet matul l-għomor sħiħ ta’ Marija. Imma mqar jekk akkurata, meħuda fil-kuntest, it-tislima tal-anġlu hi biss referenza għall-istat ta’ Marija f’dak il-waqt, mhux għal ħajjitha kollha. Ma taffermax illi minn dejjem kienet u se tibqa’ mimlija bil-grazzja. 

Kienet iffavorita peress li Alla għażilha għall-unur singulari illi tkun omm Ġesù, is-Sid. Il-grazzja mogħtija lil Marija ma kinitx biss limitata fiż-żmien iżda limitata fil-funzjoni. Irċeviet grazzja għall-kompitu biex tkun omm il-Messija. Xejn ma jindika illi l-għan ta’ din il-grazzja kien biex tkun imħarsa minn kull dnub. 

L-enfasi fuq il-milja tal-grazzja tiżvija l-imħuħ, peress li mqar skulari Kattoliċi jammettu illi Marija ħtiġilha l-fidwa. Imma għaliex kellha bżonn tinfeda jekk ma kinitx midinba? Ludwig Ott jgħid ċar dwar Marija illi “hi nfisha kellha bżonn il-fidwa u kienet mifdija minn Kristu” (Fundamentals of Catholic Dogma, 1960, p.212). Il-Bibbja ma tissapportjax is-suġġeriment komuni Kattoliku illi Alla fdieha billi ma ħallihiex tittebba’ bid-dnub aktarx milli ħelisha attwalment mid-dnub. 

Jerġa’, il-Bibbja ma tagħti ebda ħjiel illi Marija għexet kompletament bla dnub. Għall-kuntrarju, tafferma dan hi stess. “U Marija qalet, ‘Ruħi timmanjifika lis-Sid u l-ispirtu tiegħi jeżulta f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax ħares lejn l-istat umli tal-qaddejja tiegħu’” (Lq.1:46-48). Ikkunfessat il-ħtieġa preżenti tagħha għall-fidwa (wara l-konċepiment tagħha). 

Prova addizzjonali ta’ dan hu l-fatt illi, bħala midinba, preżentat offerta lill-qassis Lhudi minħabba l-qagħda midinba tagħha (Lq.2:22), proċedura rikjesta fit-Testment il-Qadim (Lev.12:2). L-offerta kienet tkun superfluwa kieku Marija ma kinitx midinba.


Lq.1:29.   sibt favur, ċoè rċevejt grazzja (Lq.1:28). 


Lq.1:32-33.   Bin l-Ogħla (cf., Lq.1:76). Ladarba iben għandu l-kwalitajiet ta’ missieru, meta persuna tissejjaħ “bin” xi ħadd kien jissinifika illi hi ugwali miegħu. Ġesù għandu l-istess natura tal-Missier u jirriflettih preċiżament. 

Dan l-isem għal Alla veru – l-Ogħla – ġej mill-antik (Ġen.14:18-22; Num.24:16). Sar titlu komuni għal Alla fost l-Iżraeliti monoteistiċi, speċjalment fis-Salmi (ara wkoll Dan.3:26; 4:24,34). Bħala Ibnu, Ġesù hu s-suċċessur imwiegħed għat-tron ta’ David (2 Sam.7:12-13,16). It-tron hu emblematiku għas-saltna messjanika (cf., 2 Sam.7:13-16; Sal.89:26-29). 

dar Ġakobb hi, għal darb’ oħra, terminoloġija Lhudija tal-Patt il-Qadim, li tirreferi għar-realtà ġdida li kienet waslet biex tibda sseħħ, ċoè l-knisja tal-Patt il-Ġdid. Din il-prattika hi normali fost l-awturi tal-Patt il-Ġdid (eż., Gal.6:16; Ebr.8:7-13; 1 Pt.2:4-10; Riv.7:4-8). 

ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu. Ir-renji ta’ slaten oħra jintemmu minħabba d-dnub u l-mortalità; dan is-Sultan hu qaddis u immortali (Isa.9:6-7), u r-renju tiegħu fuq il-qaddisin jibqa’ tul l-eternità. 


Lq.1:34.  għadni verġni. Marija, għarusa, fehmet konċepiment immedjat. Il-mistoqsija tagħha tesprimi moħħ konfuż u meraviljat, mhux dubju jew nuqqas ta’ twemmin, hekk li l-anġlu ma ċanfarhiex bħalma għamel lil Żakkarija (1:20). 


Lq.1:35.   L-Ispirtu s-Santu, b’att kreattiv, wettaq il-miraklu inkomparabbli tal-inkarnazzjoni. Marija ħarġet tqila mingħajr ma kellha unjoni sesswali ma’ xi raġel. 

s-setgħa tal-Ogħla se ddellek. Bħas-sħaba glorjuża t’Alla fuq it-tabernaklu (Es.40:35). 

konsegwentement tindika illi l-qdusija ta’ Ġesù hi r-riżultat ta’ dal-konċepiment straordinarju u uniku. Ġesù kien, u jibqa’, bniedem ġenwin u sħiħ, moralment perfett, mingħajr ma wiret in-natura u d-dispożizzjoni midinba mingħand Adam, bħalma jagħmlu l-bnedmin l-oħra (cf., 2 Kor.5:21; Ebr.4:15; 1 Pt.2:22; 1 Ġw.3:5; b’kuntrast, Sal.143:2; Ef.2:3). 


Lq.1:38.   ħa jkunli skont kelmtek. Marija sabet ruħha f’pożizzjoni estremament imbarazzanti u diffiċli. Iffaċċjat l-istigma ta’ maternità bla żwieġ; kienet taf illi se tkun mixlija b’adulterju, offiża punibbli bit-tħaġġir (Dt.22:13-21). Frattant issottomettiet għar-rieda t’Alla u fdat fih.


Lq.1:41.   imtliet bl-Ispirtu s-Santu, ċoè kienet kontrollata minnu, li indubjament qanqal l-espressjoni ta’ tifħir fuq fommha.  


Lq.1:42.   Imbierka inti fost in-nisa. Skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, “Marija, Omm Alla, hi intitolata għall-Kult tal-Iperdulija” (Ludwig Ott, Fundamentals of Catholic Dogma, 1960, p.215). Dan ifisser li Marija tista’ u għandha tkun venerata u onorata fuq livell ogħla mill-ħlejjaq l-oħra, sew jekk huma anġli jew qaddisin. Madankollu “din (il-venerazzjoni) li jmissha tirċievi Marija hi sostanzjalment inqas mill-cultus latriae (jew adorazzjoni) li jmissu jirċievi Alla waħdu, iżda hi ogħla mill-cultus duliae (jew venerazzjoni) li jmisshom jirċievu l-anġli u qaddisin oħra. 

“Is-sors skritturali għal din il-venerazzjoni speċjali lejn Omm Alla nsibuh f’Luqa 1. Vers 28 jgħid, ‘Insellimlek, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek,’ u fit-tifħir ta’ Eliżabetta, mimlija bl-Ispirtu s-Santu. Vers 42 iżid jgħid: ‘Imbierka inti fost in-nisa u mbierek frott ġufek!’ Il-kelmiet profetiċi ta’ Omm Alla nsibuhom f’vers 48: ‘Ara, minn issa ’l quddiem il-ġenerazzjonijiet kollha se jsejħuli mbierka’” (ibid.).

Minkejja l-isforzi, evidentement imqanżħa, tal-apoloġisti Kattoliċi, dawn il-versi kollha ma jissapportjaw xejn il-konklużjoni illi Marija messha tkun venerata fuq il-ħlejjaq kollha iżda inqas minn Alla nnifsu. 

It-testi ma jsemmu xejn dwar venerazzjoni jew talb indirizzat lil Marija. Sempliċement isejħu lil Marija “mbierka,” u tabilħaqq hekk kienet. Madankollu, kuntrarju għall-prattika Kattolika, Marija ma kinitx imbierka fuq in-nisa kollha iżda sempliċement fost in-nisa kollha. Hija loġika stramba targumenta illi min hu mbierek fost in-nisa jsir denju ta’ aktar unur min-nisa l-oħra. Eva kienet omm l-umanità kollha (Ġen.3:20), unur distintiv miżmum minn ebda persuna oħra inkluża Marija, u frattant il-Kattoliċi ma jivvenerawhiex skont l-istatus imbierek tagħha. 

Jerġa’, imqar midinbin kbar huma maħfura u mbierka bil-kotra. B’daqshekk ma nikkonkludux illi jmissna nqimuhom minħabba dak il-fatt (ara, eż.,1 Kor.15:9 u 1 Tim.1:15).Abraħam issejjaħ “missier il-fidili kollha,” frattant gideb dwar martu (Ġen.20:1-18). Jingħad dwar David illi qalbu kienet devota totalment għall-Mulej (1 Slat.11:4) u frattant ikkommetta adulterju u omiċidju (2 Sam.11).

Ma nsibu ebda każ fil-Patt il-Ġdid fejn ingħatat xi venerazzjoni lil Marija. Meta l-maġi waslu u nviżtaw lit-tarbija mwielda f’Betleħem, taw qima lit-tarbija u mhux lil ommha (Mt.2:11).

Addizzjonalment, il-venerazzjoni reliġjuża lil kwalunkwe ħlejqa, imqar lill-anġli, hi strettament projbita (Kol.2:18; Riv.22:8-9). Ma nistgħu mmilu quddiem ħadd b’devozzjoni reliġjuża ħlief quddiem Alla nnifsu (Es.20:4-5).

Jekk neżaltaw lil Marija u nsejħulha “sultana tas-sema,” meta nafu li din il-frażi hi mislufa direttament mill-paganiżmu sfrenat (cf., Ġer.7:18), inkunu qed nistiednu l-akkuża ta’ marjolatrija. U l-marjolatrija hi tip wieħed ta’ idolatrija. 

Minkejja distinzjonijiet teoloġiċi, il-prattika fost il-Kattoliċi qajla tagħraf differenza bejn venerazzjoni mogħtija lil Marija u dik mogħtija lil Kristu. 


Lq.1:43.   omm Sidi hi magħduda b’tifħir għat-tarbija li kienet f’ġuf Marija. Kienet kunfidenti li Marija hi omm il-Messija mwiegħed, dak li David sejjaħlu “Sid” (cf., Lq.20:44). Id-dixxerniment u l-kliem ta’ Eliżabetta għandhom ikunu attribwiti għall-illuminazzjoni tal-Ispirtu (Lq.1:41), li biha diġà esprimiet fidi f’Ġesù, għax Marija kellha twelled lil dak li hu unikament Alla-bniedem.


Lq.1:44.  it-tarbija f’ġufi qamset bl-eżultanza. Ġwanni, minkejja li kien għadu ma twelidx, kien mimli bl-Ispirtu s-Santu (cf., Lq.1:15,41). Hu każ brillanti kif l-Ispirtu s-Santu jaħdem fuq min u meta jrid hu. Ir-reazzjoni tal-Battista, bħal dik t’ommu, kienet imqanqla sopranaturalment mill-Ispirtu. 


Lq.1:45.   Marija hi mbierka għall-privileġġ mogħti lilha illi kellha tiled lil Bin Alla (Lq.1:42-45). U frattant, kif jgħid Wistin, hi aktar imbierka għax afdat fi Kristu milli għax wellditu.


Lq.1:46-47.   Ruħi timmanjifika lis-Sid. Lil Marija la nitolbuha u lanqas inqimuha; iżda nħobbuha u f’diversi oqsma hi mudell għalina l-fidili, ta’ mara qaddisa li kienet. L-intenzjoni tal-Patt il-Ġdid hu illi jippreżentalna lil Ġesù bħala kollox f’kollox għalina (eż., Ġw.20:31). Fl-istess ħin jissemmew diversi appostli, ħaddiema għall-evanġelju u nies oħra, għax Ġesù għex fi żmien partikolari u post speċifiku flimkien magħhom. 

Marija mhijiex impenġija direttament. Mill-bidu nett naqraw “il-ktieb tal-ġenealoġija ta’ Ġesù Kristu” (Mt.1:1). L-evanġelisti kollha jagħtu rakkont illi mill-ftuħ tiegħu jlaqqgħuna ma’ Bin Alla, inkarnat fostna. Frattant, fil-korsa tar-rakkontar jingħatalna titwila fil-karattru ta’ ommu. Karatteristika waħda dominanti tibbrilla fiha: il-fidi tagħha f’Alla. Hi murija fl-umiltà, l-ubbidjenza, it-tifħir u l-familjarità tagħha mal-Iskrittura. Meta l-anġlu għarrafha x’kien se jiġrilha, flok ma esprimiet inkredulità, kif għamel Żakkarija (Lq.1:18) wara li talbet spjegazzjoni, iddikjarat l-ubbidjenza umli u fidila tagħha. “Ara, il-qaddejja tas-Sid; ħa jkunli skont kelmtek” (Lq.1:38). Eliżabetta rrikonoxxiet il-beatitudni ta’ Marija, meta qaltilha: “Imbierka dik li emmnet illi se jkun hemm twettiq tal-ħwejjeġ mitkellma lilha mingħand is-Sid” (Lq.1:45). Flok protestat jew webbset rasha kontra r-rieda divina, obdiet u “għożżot dawn il-ħwejjeġ kollha f’qalbha” (Lq.2:51).

Marija kellha tifħir għal Alla f’qalbha u fuq fommha. l-ispirtu tiegħi jeżulta f’Alla s-Salvatur tiegħi (Lq.1:47). Minbarra l-lodi, il-Magnificat tagħha jfawwar b’umiltà vera quddiem Alla, il-pedament tal-ubbidjenza tagħha (Lq.1:48). Kliemha jindika illi hi nfisha kellha bżonn Salvatur biex jeħlisha mid-dnub, u li difatti għarfet lill-Mulej bħala l-Ħellies tagħha mill-ħtija u l-kundanna, bħall-bqija tal-fidili. 

Ċertament Marija ma ħasbitx dwarha nfisha bħala “immakulata,” ċoè bla tebgħa tad-dnub mit-tnissil tagħha ’l quddiem. L-oppost hu veru: użat lingwaġġ tipiku għal  persuna li taf illi l-unika tama tagħha għas-salvazzjoni hi l-grazzja divina. Jerġa’, imkien fl-Iskrittura ma nsibu l-iċken idea li Marija jmissha tkun oġġett ta’ adorazzjoni. 

Indubjament imissna nimitaw il-kwalitajiet tajba tagħha. Nimitawha billi bħalha nkunu intiżi fl-Iskrittura. Impressjonanti tassew l-allużżjonijiet u l-frażjoloġija tagħha mlewna mill-Patt il-Qadim, il-Bibbja tagħha (eż., 1 Sam.1:11; 2:1-10). Punt wara punt irreċtat il-wegħdi tal-patt divin. Il-fidi tagħha kienet imsawra bil-kontenut tal-kotba profetiċi. 

Alla s-Salvatur tiegħi. L-umiltà u l-fidi ta’ Marija tintwera filli hi nfisha tħares lejn Alla bħala s-Salvatur personali tagħha, li b’Ibnu fdieha mid-dnub, bħalma feda wkoll lill-maħturin kollha tiegħu. Storikament, l-Immakulata Kunċizzjoni (Marija tnisslet mingħajr tebgħa tad-dnub oriġinali) ma kinitx magħrufa fl-ewwel sekli tal-knisja. L-idea żviluppat fil-Medju Evu, u ġiet definita bħala domma f’nofs is-seklu dsatax (ara wkoll in-notamenti fuq Lq.1:28-29 u Lq.1:42).


Lq.1:51.   Għamel għemejjel potenti bi driegħu hi espressjoni komuni matul il-Patt il-Qadim (Dt.4:34; Sal.44:3; 89:13; Isa.53:1). Tirreferi speċjalment għall-ħelsien setgħan t’Alla u s-salvazzjoni minn provi kritiċi bħalma kien l-esodu. Marija għarfet illi Alla għadu jifdi lil niesu bl-omnipotenza tiegħu. 


Lq.1:58.   Il-miżerikordja (ħniena) divina hi waħda mit-temi kbar fit-tifħir li Marija offriet lil Alla (Lq.1:50,54). 


Lq.1:59.   Iċ-ċirkonċiżjoni kienet issir fit-tmien jum mit-twelid tat-tarbija, skont il-liġi (Ġen.17:12; Lev.12:1-3; Fil.3:5). 


Lq.1:60.   Le. Eliżabetta saret taf mingħand żewġha, bil-kitba, kulma kien qallu Gabriel. 


Lq.1:67.   mtela bl-Ispirtu s-Santu (cf., v.41). Meta l-Ispirtu jimla, jew jikkontrolla, lil xi ħadd, ir-riżultat ikun qima sinċiera, fost ħwejjeġ oħra (cf., Ef.5:18-20). 


Lq.1:67-80.   Bil-Latin tal-Vulgata Imbierek hi tradotta Benedictus, u allura l-għanja ta’ Żakkarija baqgħet magħrufa hekk. Il-lingwaġġ tal-qassis Żakkarija hu mgħobbi bi xbihat meħuda mill-Patt il-Qadim. Faħħar u bassar ix-xogħol t’Alla għall-ġid ta’ niesu bl-Iben imwiegħed ta’ David. Fl-istess ħin jagħraf lil ibnu Ġwanni bħala l-prekursur tal-Messija. 


Lq.1:69.   qarn ta’ salvazzjoni hi espressjoni komuni fil-Patt il-Qadim (2 Sam.22:3; Sal.18:2; 75:4-5; cf., 1 Sam.2:1). Il-qarn hu simbolu ta’ qawwa (Dt.33:17), hawnhekk b’referenza għal Ġesù. 


Lq.1:70-71.   tkellem b’fomm il-profeti l-qaddisa tiegħu. Bħan-nies devoti kollha Żakkarija wera l-konfidenza tiegħu illi l-profeti tal-antik esprimew kliem Alla nnifsu. 


Lq.1:72.   jiftakar fil-patt qaddis tiegħu. Insibu diversi pattijiet fil-Patt il-Qadim, iżda dak magħmul ma’ Abraħam kien dejjem stmat bħala speċjalment sinifikanti (Ġen.17; Dt.7:9; 1 Slat.8:23), għax għandu wegħda ta’ salvazzjoni bi grazzja. 


Lq.1:74-75.   naqduh bla biża’. Alla jeħlisna mill-kundanna u l-ħtija tad-dnub sabiex inqimuh u nobduh f’ħajja ġusta (Es.3:12). 


Lq.1:76.   Ġwanni kellu jkun il-forier tas-Sid, u jservi bħala araldu, iniedi l-messaġġ tas-salvazzjoni misjuba f’Ġesù (Isa.40:3-5; Mal.3:1). 


Lq.1:77.   Il-maħfra tad-dnubiet tinsab fil-qalba tas-salvazzjoni. Alla jeħles lill-midinbin għax huma separati minnu u midjunin miegħu; flok ma jsofru fl-infern, jikkanċellalhom id-dejn bit-tpattija ta’ Ġesù fuq is-salib (Rum.4:6-8; 2 Kor.5:19; Ef.1:7; Ebr.9:22). 


Lq.1:78-79.   Il-fidwa miġjuba lilna tiżvela l-ħniena tenera t’Alla tagħna (Es.34:6). 

ż-żerniq hu probabbilment metafora għall-miġja tal-Messija (cf., Isa.9:2; 60:1-3; Mal.4:2; forsi wkoll Num.24:17; ara wkoll 2 Pt.1:19; Riv.22:16).


Lq.2:1-2.   Ċesri Awgustu, ċoè Ottavjanu, li għeleb lil Marku Antonju u laħaq imperatur mis-sena 31 q.K. sa 14 w.K. Bla ma ntebaħ kien strumentali fil-pjan divin tal-fidwa meta ġiegħel lin-nies jivvjaġġaw lejn il-post nattiv tagħhom sabiex jirreġistraw ħalli jiġbor it-taxxi. Hekk Marija kellha tmur Betleħem, fejn twieled Ġesù, bi twettiq tal-profezija (Mik.5:2). 

ċensiment. Dan kien isir biex tinġabar lista sħiħa uffiċjali għal finijiet ta’ taxxa. L-amministrazzjoni Rumana kienet tesiġi illi jsir regolarment fil-provinċji. Fl-Eġittu jidher li kien isir kull erbatax-il sena. 

Kirinu kien jiggverna s-Sirja. Luqa jsemmi diversi persunaġġi distinti fiż-żmien meta twieled Ġesù; dan jgħinna biex niddeterminaw id-data. Frattant is-sena preċiża tibqa’ problematika, iżda kollox ma’ kollox, l-istudjużi jikkonkludu li ma ġratx qabel is-sena 6 q.K. u ċertament mhux aktar tard mis-sena 4 q.K. Il-kalendarju kif użat illum hu ovvjament żbaljat. 


Lq.2:6.   għalqulha l-jiem (ara Lq.1:57). Raġunijiet politiċi kkontribwew biex finalment Ġesù twieled f’Betleħem, iżda l-kawża ultima hu Alla li jikkontrolla l-ġrajja umana u jiggarantixxi li l-profezija tkun infallibbilment imwettqa (Mik.5:2; Mt.2:1-6).


Lq.2:7.   Ġesù kien il-primoġentu, jew l-ewwel wild, ta’ Marija; warajh kellha wlied oħra (Mt.12:46). 


Lq.2:10.   Matul il-ktiba tiegħu l-awtur regolarment iħares lejn is-salvazzjoni bħala barka hekk inkalkolabbli li tnissel u ġġib ferħ kbir. 


Lq.2:11.   Ġesù hu msejjaħ salvatur darbtejn biss fl-Erba’ Vanġeli (hawn u fi Ġwanni 4:42), għalkemm l-erba’ rekordji huma ritratti brillanti tiegħu u tal-opra tas-salvazzjoni li wettaq. Salvatur hu wieħed li jeħles u jippriżerva lin-nies (Lq.1:47; At.5:31; 13:23). 

Kristu (ara n-notament f’Mt.1:1) hu wieħed unzjonat minn Alla permezz tal-Ispirtu (Lq.4:18) bħala profeta, qassis u speċjalment f’dal-kuntest, sultan (Lq.2:26; 3:15; 4:41; 9:20; 20:41; 22:67; 23:2,35,39; 24:26,46). 

is-Sid (bil-Grieg, Kurios) hu l-mod kif Alla hu regolarment deskritt fis-Septwaġinta. Termini mill-iżjed straordinarji huma wżati għat-tarbija l-ġdida. 


Lq.2:12.   Is-sinjal ingħata biex jikkonferma l-messaġġ anġeliku. 


Lq.2:13-14.   armata hi kelma militari: hu rimarkevoli kif armata anġelika kellha tannunzja s-sliem, sliem m’Alla, ottenut mill-Messija. Il-paċi t’Alla hu għotja ta’ grazzja lil dawk li huma l-oġġetti tal-għoġba tiegħu. 


Lq.2:18-19.   mmeraviljaw. L-għaġeb u l-meravilja għall-misterji tal-kliem u l-għemejjel ta’ Kristu hi waħda mill-ħjut tematiċi tal-Vanġelu kif miktub minn Luqa (cf., Lq.1:21,63; 2:19,33,47-48; 4:22,36; 5:9; 8:25; 9:43-45; 11:14; 20:26; 24:12,41). 

Marija mmeditat fil-fond ta’ qalbha. Irriflettiet fuq l-avvenimenti kollha bi sforz sabiex issir taf is-sinifikat profond tagħhom.


Lq.2:20.   jfaħħru ’l Alla. Sikwit Luqa jinnota din ir-reazzjoni matul il-Vanġelu (cf., Lq.1:64; 2:28; 5:25-26; 7:16; 13:13; 17:15-18; 18:43; 19:37-40; 23:47; 24:52-53). 


Lq.2:21-24.   jiċċirkonċizzaawh. Ġesù kien ċirkonċiż it-tmien jum skont kif ippreskriviet il-liġi (Ġen.17:12-14; 21:4; Lev.12:3; cf., Gal.4:4-5). 

il-purifikazzjoni. Kif twelled, omm kienet ikkonsidrata mniġġsa għal sebat ijiem (id-doppju jekk it-tarbija tkun femminili; Lev.12:1-5). 

biex jippreżentawh lis-Sid. Ġużeppi u martu telgħu Ġerusalemm skont il-liġi Mosajka biex Marija tkun ippurifikata ritwalment u tippreżenta lil Ġesù fit-tempju, bħala l-ewwel imwieled tagħha (Es.13:2,12-15).  

par gamiem. Marija offriet l-offerta tal-foqra (Lv.12:8). L-ewwel tarbija tifel ta’ kull omm kellha tkun preżentata lill-Mulej (Es.13:2). 


Lq.2:25-26.   Il-laqgħa bejn Simgħon u t-tarbija Ġesù kienet orkestrata minn fuq. Kien l-Ispirtu s-Santu li ġabhom flimkien, billi kien attiv imqar qabel Pentekoste. 

jistenna l-faraġ ta’ Iżrael. Il-faraġ jew konsolazzjoni (bil-Grieg, paraklēsis) hi t-tama li Alla jiġi biex jeħles u jwennes lil niesu (Isa.40:1-2). Oħrajn ukoll stennew bil-ħeġġa b’mistennija simili (cf., Lq.2:38; 23:50-51; Mk.15:43; At.10:22). L-espressjoni torbot sabiħ mal-profeziji messjaniċi f’Isaija 25:9; 49:13; 51:3; 57:18; 61:2; 66:1-11. Dit-tama tinvolvi l-ħelsien spiritwali (Lq.2:30), il-maħfra (Lq.1:77) u s-salvazzjoni tal-mitlufa (Lq.19:10). 


Lq.2:30.   is-salvazzjoni tiegħek, ċoè wieħed li kellu jifdi lil niesu minn dnubiethom. Is-salvazzjoni mhijiex sett ta’ ideat biex issegwihom, jew tip ta’ filosofija, jew sistema reliġjuża, iżda persuna – Ġesù. 


Lq.2:31.   tal-popli kollha, jiġifieri l-ġnus u n-nazzjonijiet imferrxa mad-dinja kollha (cf., Riv.7:9); mhux biss Iżrael, iżda l-Ġentili wkoll (Lq.2:32) skont kif kien imbassar (Isa.42:6; 49:6; 60:1-3). 


Lq.2:34.   għall-waqgħa u l-qawmien. Jekk dan japplika għal grupp wieħed, allura tfisser li jridu l-ewwel ikunu umiljati fl-indiema qabel ma jqumu għas-salvazzjoni. 

Jekk tiddeskrivi żewġ gruppi, hu indikat li dawk li b’arroganza jew infedeltà jwarrbu lil Ġesù jaqgħu eternament (cf., Lq.1:50-53; 6:24-26), mentri dawk li jaċċettawh b’umiltà u fidi jqumu biex ikunu m’Alla (Lq.4:18-19; 6:20-23). Għal dawk li jirroftaw lil Ġesù, hu tfixkil (1 Pt.2:8); dawk li jilqgħuh huma mgħollija (Ef.2:6; cf., Isa.8:14-15; Ħos.14:9; 1 Kor.1:23-24).

sinjal oppost. Ġesù kien reżistit b’insulti verbali, b’mibegħda, roftiment u finalment bi kruċifissjoni. Tul iż-żminijiet jibqa’ l-figura kontroversjali: kemm mibgħud minn xi wħud kif ukoll maħbub minn oħrajn. 


Lq.2:35.   Ix-xabla tfisser li dan kollu mhux se jkun mingħajr prezz għal Marija li kellha tara lil Binha mwarrab, mormi u msallab (Ġw.19:25).

rivelati l-ħsibijiet minn ħafna qlub. Ir-roftiment tal-Messija jiżvela l-verità kexkiexa dwar l-istat apostata tal-Lhud, u l-istat midneb ta’ bosta oħrajn.


Lq.2:36.   profetessa: f’dal-każ, mara li tlissen Kelmet Alla, bħala għalliema tal-Patt il-Qadim, mhux bħala messaġġiera ta’ rivelazzjoni ġdida. Il-Patt il-Qadim jsemmi biss tliet nisa li profetizzaw: Mirjam (Es.15:20), Debora (Imħ.4:4), u Ħulda (2 Slat.22:14). Fil-Patt il-Ġdid jissemmew il-bniet ta’ Filippu (At.21:9). Ir-rivelazzjoni divina, kemm mitkellma kif ukoll miktuba (u inkorporata fil-qanun tal-Bibbja) dejjem ingħatat permezz ta’ rġiel qaddisa maħtura apposta. 


Lq.2:36-37.   tqim bis-sawm u l-petizzjonijiet. Alla jiżvela l-għanijiet sigrieti tiegħu fl-istorja lis-servi umli tiegħu li kontinwament jgħammru fil-preżenza tiegħu (cf., Am.3:7; Lq.24:53). 


Lq.2:41-52.    Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Nistgħu nittraċċaw l-istadji li bihom Marija kellha tissepara ruħha minn binha Ġesù bħala ommu u tadotta relazzjoni oħra ta’ mara mifdija mill-Feddej tagħha. L-inkombenza maġġura ta’ Marija kienet illi tiled lis-Salvatur tad-dinja u trabbih. Appena dik il-ħidma kienet mitmuma, u anke waqt li kienet f’nofsha, kellha tibda tissepara lilha nfisha minn binha. Għalkemm kienet ommu, kienet sottomessa għalih. Hu kien is-Sid u s-Salvatur tagħha. Kellha bżonn titolbu l-maħfra ta’ dnubietha. Ninnotaw diversi istanzi fejn nilmħu r-relazzjoni ta’ bejniethom qed tinbidel. 

1. It-tfajjel Ġesù fit-tempju (Lq.2:41-52). Luqa jagħmilha ċara fi tmiem l-episodju li Ġesù kien ubbidjenti. Xorta waħda jwasslilna ħjiel tas-separazzjoni bejn Ġesù fuq naħa, u Marija u Ġużeppi fuq naħa oħra. Għall-ewwel darba intima l-ħidma messjanika tiegħu, meta staqsihom, “Għaliex kontu tfittxuni? Ma kontux tafu illi jeħtieġli nkun f’dar Missieri?” (Lq.2:49).

2. It-tieġ f’Kana (Ġw.2:1-12). Hawnhekk ir-relazzjoni ġdida tieħu sura diretta. L-istorja tibda b’omm Ġesù iżda tispiċċa bid-dixxipli ta’ Ġesù. Ovvjament kienet taf min hu Ġesù – Gabriel u r-rgħajja kienu qalulha – u allura issa ssuġġeriet illi jasserixxi l-awtorità tiegħu. Ċertament waslet is-siegħa tiegħu. Imma Ġesù, biex jiżvolġi b’mod indisputabbli r-relazzjoni ta’ Sid u qaddejja, kif ukoll Salvatur u salvata, bejnu u bejn ommu, qalilha, “X’inhu dan għalija u għalik, mara? Għadha ma ġietx is-siegħa tiegħi” (Ġw.2:4). Inqeda bil-kelma “mara,” flok “omm,” mhux b’nuqqas ta’ rispett iżda bħala forma pulita biex juriha li ma kienx għadu taħtha bħala ommu. Is-separazzjoni issa hi definita. 

3. Omm u ħut Ġesù (Mt.12:46-50; Mk.3:31-35; Lq.8:19-21). Biss meta nifhmu l-ispirtu ta’ indipendenza minn ommu illi t-tweġiba ta’ Ġesù lil ommu u ħutu nistgħu nifhmuha sew. Meta provaw jarawh, ma kellux f’moħħu illi jonqoshom mill-korteżija meta medd idu lejn id-dixxipli u ddeskriviehom bħala ommu u ħutu. Aktarx, ried jgħarraf lill-qraba immedjati tiegħu illi kellhom bżonn isiru qrabatu spiritwalment. Ir-rabta fiżika saret realtà fuq l-isfond. 

4. Marija mas-salib (Ġw.19:25-27). Fuq il-Kalvarju s-separazzjoni hi ċarissma. Ir-relazzjoni bejn omm u binha issa kellha tkun maqtugħa u rimpjazzata b’relazzjoni bejn Ġwanni u Marija, fejn Marija kellha tirċievi kura u ħarsien mingħand id-dixxiplu l-maħbub. B’tenerezza Ġesù jsejħilha “mara,” biex juriha irrevokabbilment illi r-relazzjoni ta’ bejniethom issa hi dik ta’ Sid u qaddejja. 

Meta l-knisja medjevali m’għarfitx dan, nifhmu allura kif żviluppat marjoloġija li tmur wisq lil hinn mill-ħsieb tal-Patt il-Ġdid. 


Lq.2:42.   tnax-il sena. Ġesù seta’ tela’ m’ommu u Ġużeppi kull sena, iżda d-drawwa Lhudija speċifikat illi tifel għandu jittieħed għall-festa sena jew tnejn qabel ma jagħlaq it-tlettax, meta jsir bar mitzvah, “bin il-kmandament,” u membru adult tal-komunità reliġjuża Lhudija. 

telgħu skont id-drawwa tal-festa. L-Għid kien wieħed mit-tliet festi annwali li għalih il-Lhud kellhom jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm. 


Lq.2:43-45.   baqa’ f’Ġerusalemm. Mhux spjegat għala Ġesù tħalla wara; ċertament mhux għax kien imqareb jew diżubbidjenti. F’karwana jkun faċli tassumi li tifel kien mal-ħbieb. Ukoll, seta’ n-nisa u t-tfal jivvjaġġaw quddiem u l-irġiel wara. Ġenitur wieħed seta’ assuma li tifel kien mal-omm, jew viċe versa.


Lq.2:46-47.   jismagħhom kif ukoll jistaqsihom. Il-btieħi tat-tempju kienet regolarment użati għat-tagħlim. Ġesù sema’ u staqsa, b’determinazzjoni li jitgħallem. Fl-edukazzjoni Lhudija ntweriet enfasi fuq id-diskussjoni tal-problemi (Lq.2:47). B’rispett, Ġesù assuma r-rwol ta’ student, iżda mqar minn età bikrija, il-mistoqsijiet tiegħu urew għerf li bellhu lill-esperti. 


Lq.2:48-50.   għaliex għamiltilna hekk? Ġużeppi u martu ma fehmux; hemm ċanfira fi kliem Marija, reazzjoni normali għal omm fit-tali ċirkostanzi, iżda spostjata f’dan il-każ. In-nota ta’ nuqqas ta’ fehma adegwata tibqa’ tidwi u tkompli f’Luqa 4:22; 9:45; 18:34; 24:5-7,25-26,45. 

Ġesù ma kienx qed jistaħba minnhom jew jisfidahom. Għall-kuntrarju, għamel preċiżament il-ħaġa sensibbli: mar f’post sikur u pubbliku, fil-preżenza ta’ adulti affidabbli, fejn il-ġenituri tiegħu setgħu jippretendu li jkun. 

missierek. Ġużeppi kien missieru legalment, mhux fiżikament. 

f’dar Missieri. Minn età tenera, Ġesù kien konxju ta’ relazzjoni speċjali mal-Missier smewwieti, kif ukoll tal-missjoni tiegħu. It-tweġiba tiegħu ma turix insolenza, iżda biss stagħġib ġenwin kif ma kinux jafu fejn imisshom isibuh.


Lq.2:51.   Luqa hu preċiż; ma jammettix li Ġesù naqas mill-ubbidjenza lejn ommu u Ġużeppi. Anzi, kien sottomess fi dmirijietu lejhom. Imqar bħala tifel Ġesù obda l-liġi morali t’Alla għan-nom ta’ niesu (Es.20:12; Rum.8:1-4). 


Lq.2:52.   avvanza. Ġesù ma hediex milli jkun Alla jew neżża lilu nnifsu mill-attributi divini biex isir bniedem. Aktarx, ħa fuqu natura umana. Kien Alla, u baqa’ Alla, iżda assuma wkoll in-natura umana. Bħala bniedem issottometta l-użu tal-attributi divini għar-rieda tal-Missier (Ġw.5:19,30; 8:28; Fil.2:5-8). Kien hemm okkażżjonijiet meta l-omnixjenza tiegħu dehret (Mt.9:4; Ġw.2:24-25; 4:17-18; 11:11-14), u waqtiet oħra meta kienet mistura bl-umanità tiegħu skont il-volontà ta’ Missieru (Mk.13:32). 

L-iżvilupp ta’ Ġesù bħala bniedem kien sħiħ, fil-qasam intellettwali, fiżiku, soċjali u spiritwali, konxju illi Alla hu l-Missier uniku tiegħu. Mat-tmintax-il sena mill-ħajja ta’ Ġesù huma maqbuża mingħajr kumment. 

Kif kienet ħajtu fiż-żgħożija tiegħu? Kiber f’familja numeruża (Mt.13:55; Mk.6:3); il-missieru putattiv tiegħu kien mastrudaxxa u Ġesù tgħallem l-istess mestier. Billi Ġużeppi qatt ma jissemma iżjed fil-Vanġeli, probabbilment miet qabel ma Ġesù beda l-ministeru pubbliku tiegħu u allura kellu jipprovdi għal ommu u ħutu iżgħar minnu. 


Lq.3:1-2.   fil-ħmistax-il sena. Meta nikkonsidraw kollox, id-data probabbilment kienet is-sena 25-26; din taqbel l-aħjar mal-kronoloġija tal-ħajja ta’ Kristu. Ninnotaw kif Luqa jagħti sfond storiku billi jsemmi persunaġġi magħrufa fi żmien Ġesù. Bħalhom, Ġesù hu figura storika li tassew eżista u għex fostna. L-evanġelju, ċoè l-istorja dwar Ġesù, għandu għeruqu fond fil-ħamrija tal-ġrajja umana f’din id-dinja tagħna.


Lq.3:1-6.   Ġwanni u l-magħmudija ta’ ndiema (ara l-passi paralleli f’Mt.3:1-3, Mk.1:1-3 u Ġw.1:19-23).


Lq.3:2.   ġiet kelmet Alla lil Ġwanni. Profeta hu wieħed li jirċievi messaġġ mingħand Alla biex jgħaddih lin-nies (cf., 1 Sam.15:10; 2 Sam.7:14; 24:11; 1 Slat.12:22; Ġer.1:4; Eż.1:3; Ġen.1:1; Ħag.1:1; Żak.1:1; Mal.1:1). Dan hu avveniment tremend għax il-poplu kien ilu ma jisma’ leħen profetiku minn żmien Malakija (460 q.K.). Wara silenzju daqshekk twil, Alla tkellem għal darb’ oħra – biex jibda jwettaq kulma wiegħed!


Lq.3:3.   magħmudija ta’ ndiema. Il-Lhud għammdu lill-Ġentili jekk xtaqu jsiru parti mill-poplu t’Alla. It-tingiża fil-prattika ta’ Ġwanni kienet is-sejħa tiegħu biex il-Lhud infushom jgħaddu minn rit meqjus bħala adatt biss għall-pagani. Ġwanni esiġa minnhom bidla fil-qalb (Mt.3:6; Mk.1:4). 


Lq.3:4-6.   Il-proklamazzjoni hi ċara: is-Sid (Jaħwè) innifsu se jiġi biex iġib is-salvazzjoni lil niesu. Mhux biss, l-umanità kollha se tgawdi minn dis-salvazzjoni provduta (cf., Lq.2:30-32). 


Lq.3:7-9.   L-indiema u twissija dwar il-ġudizzju (ara l-pass paralleli f’Mt.3:4-10).


Lq.3:10.   Mela x’għandna nagħmlu?  Il-frekwenza tal-mistoqsija f’Luqa u fl-Atti tindika kemm hi importanti (cf., Lq.3:12,14; 10:25; At.2:37; 16:30-31; 22:10). Sogħba ġenwina tirrekjiedi bidla vasta fl-imġiba etika, bħalma hu indikat fl-eżempji (Lq.3:10-14). 


Lq.3:12.   dazjarji huma kolletturi tat-taxxi. It-tweġiba ta’ Ġwanni timplika illi m’hemm xejn ħażin intrinsikament meta l-awtorità ċivili tiġbor it-taxxi. 


Lq.3:13-14.   Tisolħu lil ħadd. L-evanġelju jiddomanda ndiema illi tintwera f’integrità u karattru għoli fil-ħwejjeġ prattiċi tal-ħajja kwotidjana, mhux ħajja monastika jew axxetika mistika (cf., Ġak.1:27). 


Lq.3:15-20.   Imbassra l-magħmudija bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar (ara l-passi paralleli f’Mt.3:11-12 u Mk.1:4-8).

l-luħ jagħti stampa ta’ ħsad (ara n-notament f’Mt.3:12). 

mċanfar. Ġwanni kien kuraġġjuż biżżejjed biex jikkritika u jirrimprovera lill-mexxej politiku tiegħu għall-fallimenti morali tiegħu. Meta l-knisja tara l-ħwejjeġ ħżiena kollha madwarha m’għandhiex tidħol f’fosdqa u tibqa’ siekta. 


Lq.3:20-21.   Ġwanni jgħammed lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.3:13-17 u Mk.1:9-11). 


Lq.3:23.   madwar tletin sena. Il-qassisin Aroniċi, David u Eżekjel lkoll bdew il-ministeru tagħhom għall-ħabta ta’ din l-età (Ġen.41:46; Num.4:3; 2 Sam.5:4; Eż.1:1). 

kif kien suppost (ara l-pass paralleli f’Mt.1:1-17), ċoè n-nies hekk assumew, iżda difatti Ġesù tnissel f’ġuf Marija mingħajr l-intervent ta’ raġel (Lq.1:34-37). 


Lq.3:23-38.   Il-ġenealoġija hi differenti minn kif ikkomponieha Mattew, għax tmur lura sa Adam aktarx milli sa Abraħam biss. Xi wħud mill-ismijiet huma differenti; hekk ukoll hu l-ordni. Xi wħud jissuġġerixxu li Mattew għandu l-linja ta’ Ġużeppi, mentri Luqa jagħti ta’ Marija, però Luqa speċifikament jibda minn Ġużeppi. Jista’ jkun li Mattew ma jagħtix antenati diretti iżda dawk li kienu jkunu legalment fil-linja għat-tron ta’ David. Iż-żewġ evanġelisti jenfasizzaw illi Ġesù għandu dixxendenza Davidika. 


Lq.3:27-34.   Żorobabel kien il-kap tat-tribù ta’ Ġuda meta Ġuda rritorna mill-eżilju madwar is-snin 539-519 q.K. 

Ġesù hu l-werriet leġittmu għat-tron ta’ Iżrael, bħalma wiegħed Alla lil David (2 Sam.7:12). 

Alla kien ta wegħda lil Ġuda li x-xettru rjali ma jitwarrabx minnu (Ġen.49:10). 

Ġesù hu n-nisel imwiegħed ta’ Abraħam, li permezz tiegħu l-ġnus ikunu mbierka (Ġen.22:17-18). 


Lq.3:38.   bin Adam, bin Alla. Il-konklużjoni tal-ġenealoġija timplika illi Adam kien persuna reali u storika. Ukoll, Ġesù Bin Alla (Lq.3:22), ġie mhux biss biex isalva lil Iżrael iżda wkoll bħala l-aħħar Adam għall-umanità (Rum.5:12,14; 1 Kor.15:22,45), sabiex jegħleb lix-xitan, it-tentatur li instiga lill-bniedem għad-dnub (Lq.4:1-13),  u jirriversja s-saħta tal-waqgħa.


Lq.4:1.   mimli bl-Ispirtu s-Santu. Hu enfasizzat illi Ġesù kien imqawwi u kontrollat mill-Ispirtu għall-ministeru (Lq.1:15,41,47; At.2:4; 4:8,31; 6:3,5,8; 7:55; 9:17; 11:24; 13;9). Jekk Ġesù kellu bżonn dil-fortifikazzjoni mis-sema, kemm aktar aħna d-dixxipli! 


Lq.4:1-4.   Satana jittanta ’l Ġesù mġewwaħ (ara l-passi paralleli f’Mt.4:1-4 u Mk.1:12-13).

erbgħin (ara n-notament f’Mt.4:1). Hu numru assoċjat kemm ma’ ttestjar kif ukoll ma’ rivelazzjoni divina.


Lq.4:5-8.   Ix-xitan iwebbel lil Ġesù biex jadurah (ara l-passi paralleli f’Mt.4:8-11 u Mk.1:12-13). 


Lq.4:9-13.   Ġesù mħajjar biex iġarrab ’l Alla (ara l-passi paralleli f’Mt.4:5-7 u Mk.1:12-13).

sa żmien opportun. Satana baqa’ jġarrab lil Ġesù tul il-ministeru tiegħu (cf., Ebr.4:15), u baqa’ jopponih sal-Getsemani (Lq.22:39-46) u saħansitra fuq il-Kalvarju (Lq.23:36-39). L-ubbidjenza ta’ Kristu fid-deżert, minkejja l-assalti sataniċi, hi f’kuntrast qawwi mad-diżubbidjenza ta’ Adam fil-ġnien (Ġen.3:1-24). 


Lq.4:14-15.   (ara l-passi paralleli f’Mt.4:12-17 u Mk.1:14-15). Ġesù jibda l-ministeru pubbliku tiegħu. Kien normali għalih illi jgħallem fis-sinagogi (Lq.4:16,33,44; 6:6; 13:10).  


Lq.4:16-20.   qam biex jaqra. Il-funzjoni fis-sinagoga kienet tinkludi qari mil-Liġi u ieħor mill-Profeti. Ġesù jew il-kap tas-sinagoga seta’ għażel it-test, Isaija 61:1-2 u 58:6. L-użanza ddettat illi n-nies iqumu għall-qari bħala rispett għal Kelmet Alla, u jpoġġu għall-prietka. 


Lq.4:18.   L-Ispirtu tas-Sid fuqi. Ġesù kwota silta illi tgħaqqad is-sena tal-Ġublew (Lev.25:8-17) mal-ministeru tiegħu, għax kellu jkun hu illi jeħles mill-jasar tad-dnub u jillibera lill-ikkaptivati. 

unzjonani. L-Ispirtu nnifsu kien l-unzjoni (Lq.4:1,14). 


Lq.4:19.   nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid. Fil-kalendarju Lhudi, kull seba’ sena kienet sena sabbatika, jew sena ta’ libertà biex l-art titħalla bla ma tinżera’ jew tinħadem (Es.23:10-11; Lev.25:1-7). Ma tissemmiex fil-Patt il-Ġdid. Kull ħamsin sena, ċoè wara seba’ snin sabbatiċi, kellha tkun proklamata l-libertà lil dawk kollha fil-jasar minħabba d-dejn, u l-artijiet kellhom jintraddu lura lis-sidien oriġinali tagħhom (Lev.25:8-55; 27:17-24; Eż.46:17). Fil-Patt il-Ġdid hemm allużżjoni għaliha hawnhekk biss. 

Ġesù qara Isaija 61:1-2 u waqaf f’nofs vers 2, għax il-bqija tal-vers profetizza ġudizzju f’jum il-vendetta t’Alla. Peress li l-ġudizzju se jkun esegwit fit-tieni avvent tiegħu, waqaf mill-qari f’nofs is-sentenza! 


Lq.4:21-27.    Illum twettqet din l-Iskrittura. Ġesù hu konxju tal-unzjoni tiegħu (Lq.3:22; cf., At.4:26-27; 10:38). Jikklejmja li hu l-qaddej messjaniku tas-Sid li qed jitkellem fil-pass kwotat (Isa.61:1). 

F’dan il-pass jidhru l-karatteristiċi kollha li jibqgħu jippersistu tul il-ministeru ta’ Ġesù: 

1. In-nies tistagħġeb bit-tagħlim ta’ Ġesù u frattant il-maġġor parti jibqgħu f’inkredulità persistenti u jirroftawh (Lq.4:22,28).

2. Il-ministeru tiegħu hu t-twettiq tal-kitbiet profetiċi (Lq.4:21).

3. Ġesù hu kkonċernat għall-foqra u l-oppressati (Lq.4:18-19).

4. L-għan ultimu tiegħu hu illi jinkludi l-Ġentili fost il-poplu t’Alla (Lq.4:26-27). 


Lq.4:22-24.   (ara l-passi paralleli f’Mt.13:53-58 u Mk.6:1-6). In-nies ta’ Nażaret huma xettiċi dwar Ġesù. L-attitudni tagħhom kien ta’ ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek!’ voldiri, “Agħmel dak li tgħid.” Riedu jaraw il-mirakli li kien għamel fil-Ġudea, kif kien rapportat lilhom. 


Lq.4:25-27.   Kemm l-armla f’Sarepta (1 Slat.17:8-24) u Nagħman is-Sirjan (2 Slat.5) kienu Ġentili; għexu fi żmien ta’ apostasija qawwija f’Iżrael. Ġesù qed jagħmel punt: Alla warrab ir-romol u l-imġiddma f’Iżrael, u frattant wera grazzja lill-pagani. L-interess t’Alla għall-Ġentili u l-imwarrba hu wieħed mit-temi fil-Vanġelu skont Luqa. 


Lq.4:28.   mtlew bl-għadab. In-nies saru ostili għalih għax issuġġerixxa illi l-grazzja divina abbli tkun miċħuda lilhom u minflok murija lill-Ġentili. 


Lq.4:29.   ħaġeb l-għolja. Bħalma hi llum, Nażaret hi mibnija fuq għolja tħares lejn il-Pjanura ta’ Esdraelon, b’sies ta’ madwar elf pied. 


Lq.4:30.   għadda minn nofshom u telaq. Mhux spjegat kif irnexxielu, għax il-folla kollha kienet kontrih. Frattant kien għadu mhuwiex il-ħin għalih biex imut, għax “is-siegħa” tiegħu kienet għadha ma waslitx (Lq.22:53; Ġw.7:30). 


Lq.4:31-37.   Ġesù jeħles raġel minn spirtu impur (ara l-pass paralleli f’Mk.1:21-28). 


Lq.4:40-41.   wkoll id-demonji. Hemm distinzjoni bejn fejqan ta’ mard u pussessar tad-demonji. Mhux il-mard kollu jirriżulta minħabba setgħa jew influwenza demonika, għalkemm xi mard jista’ jkollu oriġni demonika (cf., Lq.13:10-17). 


Lq.4:38-41.   Ġesù jfejjaq u jillibera n-nies (ara l-passi paralleli f’Mt.8:14-17 u Mk.1:29-34).


Lq.4:42-44.   Ġesù mfittex; imur jipprietka fil-Galilija (ara l-pass paralleli f’Mk.1:35-39). 

Jeħtieġli. Hemm neċessità divina illi mbottat lil Ġesù biex iwettaq il-pjan t’Alla u l-missjoni fdata lilu (Lq.2:49; 9:22; 13:33; 17:25; 19:5; 21:9; 22:37; 24:7,26,44,46). 

nxandar. It-tnedija tal-vanġelu hi prijorità għall-kobor tas-saltna (Lq.1:19; 2:10; 3:18; 4:18; 7:22; 8:1; 9:6; 16:16; 20:1). Ġesù kien predikatur itineranti, idur minn raħal għal ieħor. 


Lq.5:1.   il-Laġ ta’ Gennesaret hu l-Baħar tal-Galilija, imsejjaħ ukoll il-Baħar tat-Tiberija (Ġw.6:1; 21:1). 


Lq.5:2.   jaħslu x-xbieki, jiġifieri jiċċekkjaw, isewwu u jnaddfuhom mill-ħaxix tal-baħar għal sajda oħra. 


Lq.5:5.   Il-lejl kien il-ħin preferut għas-sajd. 

għal kelmtek se nkala x-xbieki. Pietru fada kelmet Kristu aktar mill-esperjenza tiegħu bħala sajjied tas-sengħa. 


Lq.5:8-11.   Pietru skantat; sajjied tal-bnedmin (ara l-passi paralleli f’Mt.4:18-22 u Mk.1:16-20). 

Fid-daqqa u l-ħin Pietru jsir konxju li jinsab fil-preżenza ta’ wieħed li eżerċita l-qawwa divina, Sid il-ħolqien. Intebaħ għaldaqstant bl-istat midneb tiegħu, kif ġralhom nies oħra f’esperjenzi simili (cf., Ġen.18:27; Ġob.42:6; Isa.6:5; Eż.1:28). 

taqbad lill-bnedmin. L-evanġeliżmu jibni fuq l-analoġija tas-sajd, għax bix-xandir tal-vanġelu nkunu qed inġibu n-nies fis-saltna t’Alla, u f’relazzjoni ma’ Ġesù.


Lq.5:12-16.   Ġesù jfejjaq mill-mard tal-ġilda (ara l-passi paralleli f’Mt.8:1-4 u Mk.1:40-45). 


Lq.5:13.   Irrid. Ġesù wera l-awtorità sovrana tiegħu fuq il-mard. 

dritt. Il-fejqan ta’ Ġesù u l-appostli tiegħu kien immedjat u totali (cf., 17:14; Mt.8:13; Mk.5:29; Ġw.5:9), mhux bħall-mirakli foloz li sikwit nisimgħu dwarhom illum, li taparsi jsiru minn evanġelisti żgwidati. Jerġa’, il-mirakli ta’ Ġesù kienu jidhru li huma mirakli, bla ebda dubju, għax kienu viżibbli, mhux bħalma jikklejmjaw fejjieqa reliġjużi llum, li taparsi jfejqu mard sikwit ma jidhirx (emigranja, tumuri, kanċer, uġigħ fl-intern), li wieħed qajla jista’ jivverifikah. 


Lq.5:16.   Matul il-Vanġelu skont Luqa, Ġesù jitlob fi stadji sinifikanti għall-ministeru tiegħu. Hekk juri d-dipendenza tiegħu fuq il-Missier (Lq.3:21; 6:12; 9:18,28-29; 11:1; 22:41,44). Hawnhekk Ġesù qed jipprepara biex jidħol f’sensiela ta’ konflitti. 


Lq.5:17-20.   Ġesù jaħfer wieħed paralizzat (ara l-passi paralleli f’Mt.9:1-2 u Mk.2:1-5). 

s-setgħa tas-Sid kienet preżenti għalih biex ifejjaq. Ġesù ħadem flimkien mal-Missier (Ġw.5:19-20), bl-Ispirtu s-Santu (Lq.4:14; 6:19; 8:46; At.10:38).

tellgħuh fuq il-bejt. Id-djar sikwit kellhom taraġ minn barra jagħti għal fuq bjut ċatti, magħmul mill-friegħi u tafal niexef jew inkella xorok, sapportjati bi travi tal-injam. 

ra l-fidi tagħhom. Il-fidi tidher mill-għemil. Dan inkluda kemm il-paralitiku kif ukoll ħbiebu. Ġesù jibda bil-maħfra (is-saħħa tar-ruħ), il-ħaġa aktar importanti, mhux bil-fejqan (is-saħħa tal-ġisem), għalkemm Alla ċertament jimportah minn ġisimna u għad jirxoxtah mill-mewt, biex ikun ġisem inkorruttibbli u glorjuż, mhux affettwat aktar bid-dnub.


Lq.5:24.   (ara n-notament f’Mt.8:19-20). Bin il-bniedem jista’ jkun kwalunkwe bniedem (Sal.8:4), jew aktar speċifikament, bniedem li Alla tah saltna eterna għan-nom tan-nies t’Alla (Dan.7:13-14,27). Dan kien wieħed mit-titli favoriti ta’ Ġesù għalih innifsu (Lq.6:5; 9:22,26; 17:22-30; 21:27; 22:69, eċċ.). 


Lq.5:20-26.   Ifejqu lill-magħtub bħala evidenza li kapaċi jaħfer (ara l-passi paralleli f’Mt.9:3-8 u Mk.2:6-12).

Il-fatt li għaraf ħsibijiethom hu evidenza favur l-omnixjenza ta’ Ġesù (cf., Mt.9:4; Mk.2:8; Lq.6:8). 


Lq.5:27-32.   Ġesù jsejjaħ lil Mattew (ara l-passi paralleli f’Mt.9:9-13 u Mk.2:13-17). 


Lq.5:28.   Meta Levi, ossija Mattew, ħalla kollox, qatt ma reġa’ lura għall-karriera tiegħu; is-sejħa ta’ Ġesù hi radikali u l-azzjoni ta’ Levi hi finali. Minn issa ’l quddiem għandu missjoni ġdida x’jaqdi. 


Lq.5:30.   Il-Fariżej gemgmu u indubjament baqgħu barra; stmaw ix-xirka mal-midinbin fl-ikel bħala speċjalment tħammeġ moralment. Ġesù dejjem għamilha mal-midinbin bl-iskop biex ma jibqgħux fid-dnub, iżda jwassalhom għall-indiema. 


Lq.5:33-35.   Jistaqsu ’l Ġesù dwar is-sawm (Mt.9:14-15; Mk.2:18-20). 


Lq.5:36.   Ħadd hi l-aħjar mifhuma bħala kundanna ironika fuq il-Fariżej, li ffavorew il-passat u rroftaw il-wasla tas-saltna u l-Patt il-Ġdid (Lq.22:20). Ġesù qed jagħmel punt: ma tistax tħallat il-patt il-qadim mal-ġdid. Il-Patt il-Ġdid, inawgurat minn Ġesù, jirrekjiedi l-indiema (Mt.4:17), it-twelid mill-ġdid (Ġw.3:3), u forom ġodda ta’ qima (Ġw.4:24). 


Lq.5:36-39.   Il-ġdid ma jmurx mal-qadim (Mt.9:16-17; Mk.2:21-22). 

Il-qadim hu tajjeb. Il-kumment ta’ Ġesù hu dwar il-Fariżej (Lq.5:33,36) li warrbu l-inbid ġdid tal-vanġelu u żammew mal-inbid qadim, il-Ġudaiżmu ta’ żmienhom. Mhux Ġesù iżda min qed jixrob l-inbid qadim jidhirlu li hu tajjeb biżżejjed, għax altrimenti nkunu qed naqilbu t-tifsira tal-parabbola (Lq.5:37-38). Ġesù jgħid li l-Fariżej u s-segwaċi tagħhom lanqas biss għarfu l-mertu tal-ġdid; iħossu li huma sodisfatti bil-qadim. Il-Fariżej preferew l-interpretazzjoni rabbinika tal-liġi aktarx milli l-inbid ġdid tal-vanġelu. Il-punt hu: il-Fariżej ma aċċettawx ir-rivelazzjoni ġdida t’Alla fi Kristu. Min laqa’ lil Ġesù jaf li fil-verità l-inbid ġdid hu wisq aħjar. 


Lq.6:1-5.   Il-ħniena aqwa mil-liġi ċerimonjali (ara l-passi paralleli f’Mt.12:1-8 u Mk.2:23-28).


Lq.6:6-11.   Raġel imfejjaq: tjieba mqar nhar ta’ Sibt (ara l-pass paralleli f’Mt.12:9-14 u Mk.3:1-6). 

Ġesù jippreżenta għażla biex tagħmel it-tajjeb jew tagħmel il-ħażin nhar ta’ Sibt, mhux bejn tagħmel it-tajjeb jew ma tagħmel xejn. L-indifferenza jew l-għażż fil-benefiċjenza huma fihom infushom ħżiena. L-opponenti ta’ Ġesù baqgħu ma weġbuhx għax sabu lilhom infushom f’dilemma (cf., Lq.13:15-17; 14:5-6; 20:3-7).


Lq.6:12-16.   It-tnax appuntati (ara l-passi paralleli f’Mt.10:1-4 u Mk.3:13-19). 

qatta’ l-lejl kollu fit-talb. Ġesù regolarment kien jirtira għat-talb privat (Lq.5:16). Hawnhekk ifittex wiċċ il-Missier fit-tul qabel jieħu deċiżjoni importanti fl-għażla tat-tnax, li kellhom ikunu l-futur tal-moviment ġdid tiegħu. Luqa jsemmi lil Ġesù fit-talb kemm-il darba, speċjalment qabel avvenimenti maġġuri (cf., 3:21; 5:16; 9:18,28-29; 11:1; 22:32,40-46). 


Lq.6:17-19.   Aktar fejqan u skonġuri (ara l-pass paralleli f’Mt.4:23-25). 


Lq.6:20-49.   F’dil-prietka, mogħtija minn fuq post wati, insibu similaritajiet mal-Prietka fuq il-Muntanja (Mt.5-7), iżda hi wisq iqsar. Probabbilment Ġesù, bħal predikaturi oħra, uża l-istess materjal f’għadd ta’ okkażżjonijiet differenti.


Lq.6:20-26.   Dawn il-beatitudnijiet (ara l-pass paralleli f’Mt.5:1-12) u l-gwajijiet iservu bħala sejħa profetika għad-dixxiplar (Isa.65:13-14). 


Lq.6:20.   Imberkin intom il-foqra. Luqa  hu speċjalment interessat fil-barkiet li l-vanġelu jġib lill-foqra (ara Lq.1:46-55). Il-faqar jista’ jkun saħta (Prov.30:8-9), u d-dixxipli jafu li jmisshom jafdaw f’Alla għal kollox. M’għandhomx riżorsi tagħhom, iżda hu mberkin b’saltnet Alla. Konsistentement Ġesù jagħti kas speċjali lil dawk f’xifer is-soċjetà – nies li għandhom ix-xbieha t’Alla iżda huma trattati bħala skampli u oġġetti ta’ oppressjoni (Lq.14:13,21; 18:22; cf., Ġak.2:3-6; 5:1-6).


Lq.6:21.   għad tkunu sodisfatti. Alla jissupplixxi bżonnijiethom, l-ewwel bil-preżenza abbondanti tiegħu f’din il-ħajja (Sal.107:9), u mbagħad ukoll billi jossollevahom minn ħtiġijiethom, forsi malajr f’daż-żmien (Mt.25:35-40; Mk.10:30; Ġak.2:15-17; 1 Ġw.3:17-18), iżda ċertament bil-kotra taż-żmien li ġej (Lq.13:29). 

tibku issa, iżda t-tama hi illi Alla għad jimsaħ kull demgħa minn għajnejn niesu (Riv.7:17; 21:4). Flok il-biki għad ikun hemm daħk (Sal.126:1-2).


Lq.6:24-26.   Il-gwajijiet jikkorrispondu għall-barkiet (cf., Dt.28:1-30:20). In-nies li ma jirrealizzawx il-falliment u povertà spirtwali tagħhom iżda jiddependu fuq il-kisbiet ekonomiċi jew reliġjużi tagħhom finalment jaħsdu diżastru. Il-kelma Gwaj sikwit tintroduċi oraklu profetiku ta’ traġedja (eż., Eż.34:2). 


Lq.6:24.  l-għonja. Ir-rikkezzi huma periklu reali u theddida għall-benesseri spiritwali tad-dixxipli. Frattant il-kundanna ta’ Kristu hi aktar fuq dik is-suffiċjenza spiritwali illi l-bniedem min-natura jippossiedi, li ma tħallihx jara lilu nnifsu bħalma tabilħaqq hu (Ħos.12:8; Riv.3:17). 


Lq.6:25.   tidħku issa. Id-daħk li Ġesù għandu f’moħħu hu dak iċ-ċaċċrar u frivolità li jġorru magħhom l-idea ta’ kumdità mondana, indifferenza u xalar fil-ħajja bbażati fuq is-sodisfazzjon tagħna nfusna (Ek.2:1-2; 7:2-6). Dawk ikkuntentati bil-possedimenti tagħhom u bl-istil terrestri ta’ ħajjithom għad iqattgħu eternità ta’ għali u dispjaċir. 


Lq.6:26.   jitkellmu tajjeb dwarkom. Hemm nies illi ħsiebhom biex iqasqsu kliemhom u jillapazzaw il-messaġġ tagħhom biex jissodisfaw lil ta’ madwarhom (2 Tim.4:3). 


Lq.6:27-31.   L-imħabba fil-prattika: ir-regola tad-deheb (ara l-pass paralleli f’Mt.5:38-42; 7:12). 



Lq.6:28.   Hu possibbli nbierku lil dawk li jistħukom (1 Kor.4:12; Lq.23:34; At.7:59-60); din l-abbiltà tiddependi fuq l-afdar kunfidenti tagħna illi Alla jieħu ħsiebna u jidderieġi l-avvenimenti ta’ ħajjitna skont l-għan sovran tiegħu, għal ġid tagħna stess (Rum.8:28). 


Lq.6:32-36.   L-imħabba fl-ogħla kwalità tagħha (ara l-pass paralleli f’Mt.5:43-48). 


Lq.6:37-38.   Kif tagħmel int isir lilek (ara l-pass paralleli f’Mt.7:1-2). 

aħfru, u tkunu maħfura. It-tali maħfra mingħand Alla mhijiex premju meritat, iżda jekk kemm-il darba ma naħfrux lil ħaddieħor m’għandniex l-indiema u l-fidi ġenwini, u allura neskludu lilna nfusna mill-maħfra.


Lq.6:39-42.   Il-kwalifika għal ġudizzju tajjeb (ara l-pass paralleli f’Mt.7:3-5). Dawn il-versi huma dwar iġġudikar bi preżunzjoni, kburija u ipokrisija, li bih wieħed jgħolli lilu nnifsu fuq sħabu. M’għandux x’jaqsam ma’ dak id-dixxerniment neċessarju biex nonoraw lil Alla u nagħmlu l-ġid lin-nies. 


Lq.6:43-45.   Siġra magħrufa minn frottha (ara l-passi paralleli f’Mt.7:16-20; 12:34-35). 

mill-kotra tal-qalb jitkellem fommu. Il-qalb, iċ-ċentru tal-enti ta’ kull individwu, tiddetermina l-imġiba esterna tagħna. Jeħtieġ tkun riġenerata u mibdula (Mk.7:20-23). Mingħajr dak il-kambjament spiritwali ġewwieni, ħadd ma jista’ jagħmel ir-rieda t’Alla b’mod aċċettabbli (cf., Ġer.24:7; 31:33; 32:39; Eż.36:23,27; Mt.12:33-35; 15:18-19; 21:43; Lq.1:17; Rum.6:17). 


Lq.6:46-49.   L-ubbidjenza sisien stabbli (ara l-pass paralleli f’Mt.7:24-27). 


Lq.7:1-6.   Appell lil Ġesù għan-nom ta’ ċenturjun (ara l-pass paralleli f’Mt.8:5-7). 

Denju. Ix-xjuħ tal-poplu apparentement stmaw lil dar-raġel għaż-żelu reliġjuż tiegħu aktar milli r-raġel ivvaluta lilu nnifsu (Lq.7:6). 


Lq.7:6-10.   Ġesù jirrikkmanda l-fidi taċ-ċenturjun (ara l-pass paralleli f’Mt.8:8-13).


Lq.7:11-17.   tħassarha. Billi qajjem lil bin l-armla mill-mewt Ġesù wera l-kumpassjoni u s-setgħa tiegħu, sinjali illi Alla nnifsu żar lil niesu f’sura ta’ bniedem. 


Lq.7:14.   mess il-katalett. Normalment din l-azzjoni ġġorr magħha tniġġis ċerimonjali – iżda mhux lil Ġesù! Aktarx, il-qawwa tiegħu istantanjament keċċiet il-preżenza tal-mewt u l-ħmieġ morali.


Lq.7:15.   Il-mejjet qam bilqiegħda. Dan hu l-ewwel minn tliet mirakli msemmija meta Ġesù qajjem persuni mill-mewt (Lq.8:40-56; Ġw.11:1-44). Hu implikat illi qajjem oħrajn li mhumiex imsemmija speċifikament. It-tali mirakli kienu sinjali messjaniċi potenti (Lq.7:22). 

Dawn huma intrinsikament differenti, però, mir-resurrezzjoni ta’ Ġesù nnifsu, għax ruħhom reġgħet ingħaqdet mal-ġisem mortali tagħhom hekk li eventwalment reġgħu mietu. B’kuntrast, Ġesù rxoxta biex ma jmut qatt iżjed. Bħala l-ewwel wieħed imlibbes b’ġisem immortali u indistruttibbli (1 Kor.15:42-44), Ġesù hu l-ewwel imwieled mill-mejtin (Kol.1:18; cf., 1 Kor.15:20). 


Lq.7:16.   profeta kbir hi deskrizzjoni korretta ta’ Ġesù (Lq.4:23-24; 7:39; 9:8,19; 13:33; 24:19), iżda inadegwata jekk kemm-id darba wieħed ma jagħrfux ukoll bħala l-Messija, Bin Alla, Bin il-Bniedem u Sid. 

Alla żar lil niesu! Bil-preżenza potenti ta’ Ġesù, Alla kien qed iġib is-salvazzjoni lill-poplu Lhudi illi kien ilu jistennieha (cf., Lq.1:68; 19:44; At.15:14). 


Lq.7:19.   dak li għandu jiġi (l-istess frażi fi Mt.11:3) kien titlu komuni għall-Messija mwiegħed. Fis-sofferenza tal-priġunerija (Lq.3:20), Ġwanni fittex mingħand Ġesù konferma għall-fidi tiegħu (Mt.11:2-3). 


Lq.7:21-22.   kkura ħafna nies mill-mard. Kristu ħalla l-azzjonijiet u l-mirakli tiegħu biex jitkellmu għalihom infushom, għax hekk proprjament il-profeti bassru dwaru (Isa.35:5-6; 61:1). Hekk ipoġġi l-fidi fl-azzjoni. 


Lq.7:18-23.   Il-Battista jibgħat messaġġiera għand Ġesù (ara l-pass paralleli f’Mt.11:2-6). 

Morru rrapportaw lil Ġwanni. Ġesù ma jweġibx il-mistoqsija tal-Battista direttament; minflok, jagħtih evidenza biex tikkonfermah fil-fidi illi Ġesù hu proprjament dak li kellu jiġi, għax Isaija kien bassar kif il-Messija kellu jwettaq it-tip ta’ mirakli li kien qed jagħmel Ġesù (Isa.29:18; 35:5; 42:18). Il-jiem tal-Messija bdew tabilħaqq, għalkemm mhumiex se jkunu konsumati qabel ma Kristu jirritorna biex jistabbilixxi s-saltna eterna.


Lq.7:24-30.   Ġesù jixhed għal Ġwanni (ara l-pass paralleli f’Mt.11:7-11).


Lq.7:29.   iġġustifikaw lil Alla. In-nies komuni u l-pubblikani mwarrba mis-soċjetà, li semgħu lil Ġwanni, irrikonoxxew illi dak li rrekjieda mingħandhom bħala għemil ta’ ndiema kien mingħand Alla u allura kien ġust. Fi kiem ieħor qalu, “Alla għandu raġun!”


Lq.7:30.   l-avukati ma kinux esperti fil-liġi ċivili iżda skulari fil-liġi ta’ Mosè. 

rroftaw l-għan t’Alla għalihom infushom. Is-sejħa tal-Battista għall-indiema kienet espressjoni tar-rieda t’Alla. Billi baqgħu ma nidmux, l-avukati mhux biss warrbu lill-Battista, iżda lil Alla nnifsu. 


Lq.7:31-35.   Nies bi skużi kapriċċużi (ara l-pass paralleli f’Mt.11:16-19).


Lq.7:31-34.   B’dil-ġenerazzjoni Ġesù ma kienx qed jirreferi għan-nies kollha fi żmienu, iżda partikolarment għall-mexxejja reliġjużi u oħrajn magħhom li rroftaw kemm lil Ġwanni kif ukoll lil Ġesù. Kienu għadhom il-forza dominanti fil-kultura. Filli warrbu lil Ġwanni “l-axxetiku” u lil Ġesù li jiekol u jixrob, kienu jixbhu tfal li rrifjutaw milli jipparteċipaw, la f’logħba ferrieħa u lanqas f’waħda ta’ niket. 


Lq.7:35.   l-għerf (il-mogħdija t’Alla) hu ġġustifikat (muri bħala sewwa u korrett) mit-tfal kollha tiegħu (is-segwaċi ta’ Ġwanni u d-dixxipli ta’ Ġesù). Jerġa’, l-għerf veru hu vindikat bil-konsegwenzi tiegħu, jew x’jipproduċi (cf., Ġak.2:14-17). 


Lq.7:36.   wieħed mill-Fariżej. Dan ir-rakkont hu eżempju dwar x’għadu kif qal Ġesù. Il-Fariżew juri illi warrab il-messaġġ ta’ Ġesù u pprova jiġġustifika lilu nnifsu, meta attwalment kien qed jikkundanna lilu nnifsu (Lq.7:30). Il-mara midinba tesibixxi l-għerf veru filli ħaddnet il-messaġġ ta’ Ġesù. 


Lq.7:38.   tibki. Id-dmugħ tal-mara (probabbilment prostituta) u l-fatt li dilket riġlejn Ġesù juru kemm is-sogħba kif ukoll l-umiltà tagħha. Sforz imħabbitha lejn Ġesù, dil-mara xxarrablu saqajh bi dmugħha. Il-biki jista’ jkun espressjoni ta’ diqa u għali, jew inkella sinjal ta’ mħabba grata lejn Kristu. 

1. Il-Kristjani jesprimu lil Alla Missierhom x’hemm qalbhom; it-tali dmugħ onest hu valutat bħala offerta u servizz lilu, imqanqla mill-fidi tagħhom (Lq.7:37-50; cf., Sal.126:5-6; Ġer.9:1; 14:17; 31:15-16; At.20:19,31; 2 Kor.2:4; Neħ.8:9). 

2. B’dan il-mod il-fidili wkoll jipparteċipaw fis-sofferenzi ta’ Kristu (2 Kor.1:5; Fil.3:10; 1 Pt.4:13). 

3. It-talb u d-dmugħ sikwit imorru flimkien (2 Slat.20:5; Sal.39:12; 56:8). Kristu nnifsu beka meta talab, u kien mismugħ (Ebr.5:7). 

4. B’mod simili l-appostlu Pawlu qeda lill-Mulej b’ħafna dmugħ (At.20:19; 2 Kor.2:4). Imqar illum min jibki fi Kristu hu meqjus imbierek (Lq.6:21). 

5. Fis-saltna eterna Alla għad jimsaħ id-dmugħ minn għajnejn niesu (Riv.7:17; 21:4). 


Lq.7:41-42.   Ġesù juri illi l-azzjonijiet ta’ dil-mara kienu motivati mill-imħabba, ir-reazzjoni tal-fidili għall-maħfra u s-salvazzjoni fi Kristu. 


Lq.7:47-50.   maħfura, għax ħabbet wisq. Il-mara rċeviet il-maħfra għax emmnet f’Ġesù, kif jikkonfermalha hu stess: Il-fidi tiegħek salvatek. Mhux in-nies kollha li fejjaq Ġesù kienu salvati, iżda biss dawk li esprimew fidi vera fih (cf., 17:19; 18:42; Mt.9:22). 

Frattant imħabbitha u d-devozzjoni tagħha lejn Sidha kienu evidenza qawwija illi fehmet u apprezzat xi tfisser il-maħfra divina għaliha. Mela mħabbitha mhijiex il-kawża tal-maħfra, iżda r-riżultat tagħha.

“Dnubietek huma maħfura.” Ġesù pubblikament jassigura lill-mara illi hi maħfura.

Il-fidi tiegħek salvatek. Il-fidi hi l-id battala li biha nirċievu lil Kristu u l-benefiċċji kollha tiegħu. 


Lq.8:4-8.   Żrieragħ bi produttività differenti (ara l-passi paralleli f’Mt.13:1-9 u Mk.4:1-9). 


Lq.8:10.   Il-misterji ta’ saltnet Alla jinvolvu veritajiet li huma lil hinn mill-għerf jew l-intelliġenza umana, iżda Alla għoġbu jgħarrafhomlna.


Lq.8:11-15.   Il-parabbola taż-żerriegħa interpretata (ara l-passi paralleli f’Mt.13:18-23 u Mk.4:13-20). 


Lq.8:13.   jemmnu għal xi żmien. Din hi fidi nominali u allura taparsi. Test wieħed ta’ fidi ħajja u ġenwina hu l-perseveranza. Dawk li xi darba jew oħra jiżvijaw mill-mogħdija tal-verità evanġelika, u jibqgħu mbiegħda mit-triq id-dejqa, jiżvelaw illi qatt attwalment ma fformaw parti mill-familja t’Alla (1 Ġw.2:19). 


Lq.8:15.   b’qalb onesta u tajba. Is-sempliċi tagħrif mhuwiex biżżejjed. Rispons sewwa lejn Ġesù jirrekjiedi qalb ġdida u tajba mogħtija bit-twelid mill-ġdid (Ġer.31:33; Eż.36:26). 

Hawnhekk għandna x’jikkostitwixxi salvazzjoni vera. jisimgħu l-kelma tirreferi għal fehma tajba u l-eżerċizzju tal-fidi (Ġw.831,47). jżommuha tirreferi għall-perseveranza, meta d-dixxiplu jkompli jobdi (Lq.11:28). jipproduċu l-frott hi referenza għall-opri t-tajba murija fil-ħajja tal-Kristjan (Mt.7:16-20; Ġak.2:14-26). 


Lq.8:16-18.   Id-dawl tat-tagħlim (ara l-pass paralleli f’Mk.4:21-25). 

Il-musbieħ hu aktarx referenza għat-tagħlim ta’ Ġesù. 

m’hemm xejn moħbi. Kelmet Ġesù mhux biss iddawwal iżda wkoll tesponi l-ħsibijiet u l-intenzjonijiet mistura fil-qalb (Ebr.4:13). 

Attenti mela kif tisimgħu. Kif tisma’ l-ippritkar tal-Kelma, b’liema atteġġjament u motiv, hu essenzjali. Kif wieħed jirreaġixxi għad-dawl spiritwali f’din il-ħajja hu kruċjali, għax fil-ġudizzju finali ma jkun hemm ebda opportunità biex iħaddan il-verità li qabel kienet imwarrba (Riv.20:11-15). Min jirrofta d-dawl issa jitteħidlu għall-eternità (cf., 19:26; Mt.25:29). 


Lq.8:19-21.   Il-qraba veri ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.12:46-50 u Mk.3:31-35). 

Ommi u ħuti huma dawn. It-tweġiba ta’ Ġesù ma timplikax ċaħda tal-familja naturali tiegħu. Ħa ħsieb lil ommu mqar meta kien mdendel mas-salib (Ġw.19:26-27). Qed jgħid li s-servizz lejn Alla, u xogħlu bħala l-Messija, huma wisq iżjed importanti minn kwalunkwe relazzjoni naturali. 


Lq.8:22-25.   Ġesù jikkalma tempesta (ara l-passi paralleli f’Mt.8:23-27 u Mk.4:35-41). 

waqgħet il-kalma. Biss il-Ħallieq kapaċi jaħkem fuq l-ibħra fferoċjati b’sempliċi kelma tiegħu (Ġen.1:8; Sal.33:5-8; 107:28-29). 

“Fejn hi l-fidi tagħkom?” Id-dixxipli raw l-għemejjel ta’ Ġesù iżda baqgħu ma fehmux il-grandizza u l-maestà tal-glorja tiegħu. 


Lq.8:26-29.   Inkontru ma’ indemonjat f’Gerasa (ara l-passi paralleli f’Mt.8:28-29 u Mk.5:1-5). 


Lq.8:30-33.   Ġesù jibgħat id-demonji fil-ħnieżer (ara l-pass paralleli f’Mk.5:6-13). 

ttallbulu. Minkejja s-setgħa kbira tad-demonji fuq il-bniedem, kellhom jappellaw lil Ġesù biex ma jwaddabhomx fl-ispiera bla qiegħ tal-infern. L-abbiss hu d-destinazzjoni finali ta’ Satana u l-anġli tiegħu (cf., Mt.25:41; 2 Pt.2:4; Riv.20:3). 

qatgħa mdaqqsa ta’ ħnieżer. Wieħed jippretendi illi f’dan ir-reġjun tal-Ġentili, il-ħnieżer kienu jitrabbew għall-ikel, għalkemm il-Lhud kienu projbiti jieklu l-majjal (Lq.11:7). 


Lq.8:34-37.   Il-Gerasin jitolbu lil Ġesù jwarrab (ara l-passi paralleli f’Mt.8:34 u Mk.5:14-17). 

rrikjestawh jitlaq. Il-biża’ ġiegħel dawn in-nies jirroftaw opportunità mill-isbaħ. Forsi tfantsu mill-qawwa li raw fil-fejqan tal-indemonjat, jew inkella tħawdu bit-telfa tal-merħla ħnieżer. 


Lq.8:38-39.   Il-meħlus ordnat biex jixhed għat-tjieba t’Alla (ara l-pass paralleli f’Mk.5:18-20). 


Lq.8:40-44.   Mara mfejqa mit-tnixxija tad-demm (ara l-passi paralleli f’Mt.9:18-22 u Mk.5:21-29). 


Lq.8:44-45.   Minħabba l-afflizzjoni tagħha, il-mara kienet tniġġes lil dawk li jidħlu f’kuntatt magħha. Hawnhekk l-effett hu preċiżament il-kuntrarju: Ġesù jnaddaf lilha!

Min hu dak li messni? Ġesù hu konxju li persuna messitu bil-fidi u fieqet. Il-fejqan tal-mara kellu jkun magħruf pubblikament sabiex tittieħed lura fil-ħajja soċjali normali. Il-kondizzjoni tagħha kienet tagħmilha ċerimonjalment imniġġsa (Lev.15:25), u taqtagħha mir-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor. Ġesù ħa ħsieb jirranġa biex tkun milqugħa lura. 


Lq.8:45-48.   Il-mara tiddikjara l-fejqan (ara l-passi paralleli f’Mt.9:22 u Mk.5:30-34). 

Ġesù sejjaħ Bint lil din il-mara biss; hi forma tenera ta’ indirizz. Jassiguraha billi jgħidilha li l-fidi tiegħek fejqitek (fis-sens ta’ fejqan kemm fiżiku kif ukoll spiritwali; il-verb sōzō jista’ jiġi tradott bħala “fejjaq” jew “salva” (ara v.36,50; Mt.9:22). Ukoll, il-kliem finali ta’ Ġesù biex tmur fis-sliem jissuġġerixxi li kienet salvata). 


Lq.8:49-56.   Ġesù jqajjem lil bint Ġajru mill-mewt (ara l-passi paralleli f’Mt.9:23-26 u Mk.5:35-43). 


Lq.8:50.   biss emmen. Imqar il-mewt infisha ma tistax tieqaf quddiem Ġesù, Sid il-ħajja. Kulma kien rikjest minn Ġajru kien il-fidi, l-istess mezz li bih il-mara rċeviet il-fejqan tagħha. 


Lq.8:55.   l-ispirtu tagħha rritorna. Ġisimha reġa’ ngħata l-ħajja. Din hi stqarrija ċara illi t-tifla kienet mietet, iżda Kristu b’mod sopranaturali qajjimha għall-ħajja (1 Slat.17:22). 


Lq.8:56.   ordnalhom ma jgħidu ’l ħadd. Ġesù ma jixtieqx illi niffokaw fuq il-mirakli tiegħu u nieqfu hemm; ultimament ġie biex imut fuq is-salib u jirxoxta. Hawn hu l-messaġġ fondamentali. 


Lq.9:1-6.   Twissijiet lit-tnax qabel intbagħtu (ara l-passi paralleli f’Mt.10:9-15 u Mk.6:7-13). 

it-tnax evidentement ma kinux flimkien il-ħin kollu (xi wħud kellhom djar u familji). Imma għal dil-missjoni importanti Ġesù ġabarhom u forniehom bil-qawwa fuq il-forzi tad-dlam, id-demonji, u l-mard. Ikkummissjonahom biex jissoktaw b’ħidmietu fl-ippritkar u l-fejqan, filwaqt li jieħdu magħhom il-minimu ħalli jitgħallmu jafdaw fil-provdiment tal-Missier. 


Lq.9:7-9.   Erodi mħawwad (ara l-passi paralleli f’Mt.14:1-2 u Mk.6:14). 

Das-sultan immorali pprova jarah biex forsi jiddeverti b’wirja spettakolari, mhux għax kellu l-fidi. Ħafna nies ifittxu s-sensazzjonali, mhux l-ispiritwali. 


Lq.9:10-14.   Ġesù jittestja lid-dixxipli (ara l-passi paralleli f’Mt.14:13-18, Mk.6:30-38 u Ġw.6:1-9). 


Lq.9:14-17.   Ġesù jkattar il-ħobż u l-ħut (ara l-passi paralleli f’Mt.14:19-21, Mk.6:39-44 u Ġw.6:10-15). 


Lq.9:18-20.   Pietru jistqarr lil Ġesù bħala l-Messija (ara l-passi paralleli f’Mt.16:13-20 u Mk.8:27-29). 


Lq.9:21-22.   Ġesù jħabbar il-passjoni (ara l-passi paralleli f’Mt.16:20-23 u Mk.8:30-33). 

ordnalhom ma jgħidu b’dan lil ħadd. Ikkmanda s-silenzju biex in-nies ma jassumux illi l-glorja tiġi mingħajr sofferenza (Lk.24:46). 


Lq.9:23-26.   Min isalva ħajtu jitlifha (ara l-passi paralleli f’Mt.16:24-28 u Mk.8:34-38).

kuljum il-Kristjan hu rikjest illi joqtol ix-xewqat imkabbra u midinba tiegħu (Gal.5:24; 6:14), kif ukoll jesperjenza l-fatt illi d-dinja tirroftah. Jgħodd lilu nnifsu bħala msallab, mewta ta’ għajb u skandlu.

jsegwini. Id-dixxiplu jimmira biex kull ħin u f’kull post jimita lil Sidu. 


Lq.9:27-33.   Ġesù trasfigurat fuq il-muntanja (ara l-passi paralleli f’Mt.16:28-17:4 u Mk.9:1-6).


Lq.9:36.    żammew siekta. Id-dixxipli ma qagħdux jiddandnu u jiftaħru bir-rivelazzjoni speċjali mogħtija lilhom. Kienet maħsuba biex jirriflettu fuqha, mhux biex jitkabbru biha. Kien aktar tard illi Pietru fakkar lill-aħwa kif Kristu hu awtentiku, għax esperjenza l-glorja tiegħu fuq il-muntanja (2 Pt.1:16-18). 


Lq.9:37-43.   Ġesù jeħles tifel minn demonju (ara l-passi paralleli f’Mt.17:14-21 u Mk.9:14-27). 


Lq.9:40-41.   Luqa ma jelaborax l-għala d-dixxipli ma setgħux ikeċċu lid-demonju, iżda ċ-ċanfira ta’ Ġesù tindika illi, f’dal-każ partikolari, ma kellhomx fidi.


Lq.9:43-45.   Tħabbira oħra tal-mewt u l-qawmien (ara l-passi paralleli f’Mt.17:22-23 u Mk.9:30-32). 

Ħallu dal-kliem jeħel fil-menti tagħkom. Ġesù ma riedx id-dixxipli jkunu maqbuda filli jimmeraviljaw bil-qawwa tiegħu iżda biex jiftakru dwar is-sofferenzi li kellu jgħaddi minnhom (cf., Es.17:14). 


Lq.9:46-48.   L-akbar wieħed fis-saltna (ara l-passi paralleli f’Mt.18:1-5 u Mk.9:33-37). 


Lq.9:49-50.   Min mhux kontrikom hu magħkom (ara l-pass paralleli f’Mk.9:38-40). ma jsegwix magħna. Dar-raġel ma kienx jivvjaġġa fiżikament mal-grupp tad-dixxipli, u allura assumew illi ma messux ikeċċi d-demonji. Frattant, naturalment ir-raġel ma setax jiskonġra apparti mill-qawwa ta’ Kristu operattiva fih. 


Lq.9:51.   ssoda wiċċu  b’riżoluzzjoni, jew għamel riżoluzzjoni ferma; kien definittivament deċiż (cf., Isa.50:7). Din tipprovdi t-tema għal Luqa 9:51-19:27, l-itwal sezzjoni fil-Vanġelu, u tipponta lejn is-salib (Lq.23:33), il-qawmien (Lq.24:6) u l-axxensjoni fis-smewwiet (Lq.24:51). 

Hawnhekk jingħata bidu ġdid u importanti fil-Vanġelu skont Luqa. Kristu dar mill-ministeru tiegħu fil-Galilija u ddeċieda li jitla’ Ġerusalemm, fejn jiltaqa’ ma’ mewtu. Matul dis-sezzjoni Ġesù juri determinazzjoni qawwija, konxju tal-għan divin għalih (Isa.50:6-7).


Lq.9:53.   Is-Samaritani ma laqgħuhx, għax kien sejjer b’wiċċu mdawwar lejn Ġerusalemm. Irroftaw il-messaġġ probabbilment għax ma aċċettawx lil Ġersualemm bħala l-post fejn Alla għandu jkun meqjum (Ġw.4:20), u għax Ġesù kien sejjer hemm biex imut. Jerġa’, il-prezz biex wieħed isegwih kien għoli wisq.


Lq.9:54.   tridna ngħidu n-nar jinżel mis-sema u jikkonsmahom? Ċertament id-dixxipli wrew żelu għall-ministeru; kien għad fadlilhom japprezzaw aħjar il-ħniena t’Alla. Riedu jifhmu wkoll li fl-ewwel miġja tiegħu Ġesù ma ġiex biex iġib ġudizzju (Ġw.3:17). Lanqas ma ried iġiegħel lin-nies isegwuh minħabba t-theddida ta’ kastig immedjat, iżda aktarx iġibilhom l-offerta libera tal-vanġelu (cf., Mt.11:28). 


Lq.9:57-62.   X’jiswa biex il-bnedmin isiru dixxipli (ara l-pass paralleli f’Mt.8:18-22). 


Lq.9:62.   jqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares warajh hi stampa ta’ bniedem indeċiż u infidil. Impossibbli taħrat b’raded dritti mingħajr ma tħares biss ’il quddiem. 


Lq.10:1-4.   Ħsad abbondanti bi ftit ħaddiema (ara l-pass paralleli f’Mt.9:37-38).

Mosè wkoll kien appunta tnejn u sebgħin anzjan bħala r-rappreżentanti tiegħu (Num.11:16,24-26). Il-maħtura ta’ Ġesù ma kinux appostli (cf., Lq.9:3-5), iżda ngħataw ministeru itineranti biex iwettqu mirakli u jippritkaw (Lq.10:9), bħalma għamel Filippu l-evanġelista (At.8:5-40; 21:8). B’daqshekk ma nikkonkludux illi Alla jsejjaħ lil niesu kollha biex jagħmlu ħwejjeġ straordinarji u mirakolużi. 


Lq.10:3.   nibgħatkom (bil-Grieg, apostellō, bagħat). Għalkemm it-tnax huma msemmija “appostli” (Lq.6:13; 9:10; 22:14; At.1:26), Kristjani oħra huma wkoll “mibgħuta” (Ġw.20:21). 

bħall-ħrief fost l-ilpup. Dit-tixbiha timplika li d-dixxipli m’għandhomx jipprovaw jirbħu konvertiti bil-forza. Il-firxa tal-evanġelju tiġi bix-xandir fidil dwar Ġesù, u bl-invit lis-semmiegħa biex iwieġbu minn rajhom, bi ndiema u fidi fih (cf., Mt.11:28; Ġw.1:11-12; At.3:19; Rum.10:14-17; Riv.22:17). Il-Kristjaneżmu bibliku jħaddan prinċipju bażiku illi l-impenn reliġjuż ġenwin ma jistax ikun imġiegħel b’tattika militari, rikatt, negozjar, jew manuvrar psikoloġiku.


Lq.10:5-12.   Dixxipli mibgħuta jfejqu u jxandru saltnet Alla (ara l-pass paralleli f’Mt.10:7-16). 

bin is-sliem hi idjoma Ebrajka għal wieħed li jirċievi l-evanġelju tal-paċi m’Alla. 

Pawlu kkwota dad-diskors ta’ Ġesù, il-ħaddiem hu denju tas-salarju tiegħu, flimkien mal-liġi ta’ Mosè, u t-tnejn rrefera għalihom bħala Skrittura (1 Tim.5:8). Ġesù ta permess lid-dixxipli biex jaqilgħu ħobżhom mill-ippritkar tal-vanġelu, bla ma jiddejqu milli jirċievu sostenn mingħand ħaddieħor (1 Kor.9:14). 

Qorbitilkom saltnet Alla (ara Lq.9:2; 11:20; 16:16; 17:21). Saltnet Alla f’dan iż-żmien preżenti mhijiex saltna mondana, militari jew politika. Hi l-ħakma u r-renju grazzjuż t’Alla fi qlub in-nies u f’ħajjithom. Timmanifesta ruħha filli n-nies jemmnu f’Ġesù u jsegwu tagħlimu. Bil-barkiet spiritwali u anke fiżiċi li Alla jogħġbu jsawwab fuqhom tingħatalhom togħma minn qabel tal-ħajja tal-irxoxt fiż-żmien li ġej. 


Lq.10:13-16.   Saħta fuq bliet bla ndiema (ara l-pass paralleli f’Mt.11:20-24). 

min jirrofta lilkom jirrofta lili. Ġesù hu solidari mas-segwaċi tiegħu. Meta n-nies iwarrbu l-messaġġiera t’Alla jkunu virtwalment qed iwarrbu lil Alla wkoll (cf., Lq.9:48; Mt.10:40).


Lq.10:18.   Rajt lil Satana jaqa’ mis-sema bħal berqa. Fil-kuntest taċċentwa illi l-ministeru tal-predikaturi ġab disfatta fuq ix-xitan, li jagħmi n-nies biex ma jemmnux, għax ix-xandir tal-vanġelu jġib id-dawl (2 Kor.4:1-6). Il-ħakma satanika fuq in-nies hi miksura deċiżivament u f’daqqa (cf., Isa.14:12).

Jista’ jkun illi b’mod sottili Ġesù jwissi kontra l-kburija, ir-raġuni għala waqa’ Satana, għar-rimarka tad-dixxipli (cf., 1 Tim.3:6). 


Lq.10:19.   Meta mibgħuta b’awtorità minn Alla, ix-xandara tal-vanġelu huma sikuri mis-serpenti u l-skorpjuni, simboliċi ta’ oppożizzjoni demonika (cf., Sal.91:13; Eż.2:6; Rum.16:20), u kwalunkwe ħaġa oħra li tista’ tagħmlilhom il-ħsara (cf., Lq.21:18; At.28:3-5). Huma protetti biex iwettqu l-ministeru tagħhom, dejjem skont l-għan sovran ta’ Sidhom. Ma jfissirx li ma jduqux tbatija meta Alla fl-għerf tiegħu jara li hemm bżonnha.


Lq.10:20.   tifirħux b’dan. Aktarx milli nkunu mgħaxxqa b’manifestazzjonijiet straordinarji bħalma hi l-abbilità tal-mirakli u l-iskonġrar, imissna nirrealizzaw illi l-ikbar għaġeb fosthom kollha hu s-salvazzjoni nfisha – il-qalba tal-messaġġ tal-evanġelju u l-kustjoni ċentrali li għalihom jagħtu xhieda l-mirakli. 

ismijietkom huma miktuba fis-smewwiet. Dan juri l-għan etern u infallibbli t’Alla, kif ukoll is-sigurtà li l-fidili għandhom fih (cf., Fil.4:3; Ebr.12:23; Riv.21:27). B’kuntrast, l-infidili huma miktubin fit-torba (Ġer.17:13). 


Lq.10:21-24.   Ġesù eżulta, jew thenna. (ara l-passi paralleli f’Mt.11:25-27 u Mk.13:16-17). Din hi referenza rari għall-ferħ ta’ Ġesù matul ħajtu fuq l-art. L-Ispirtu s-Santu hu d-donatur ta’ kull feliċità spiritwali (At.13:52; Rum.14:17; 15:13; Gal.5:22). 


Lq.10:25-26.   xi jmissni nagħmel biex niret il-ħajja eterna? L-istess mistoqsija bażika niltaqgħu magħha fuq fomm fittiexa oħra (Lq.18:18-31; Mt.19:16-22; Ġw.3:1-15). 

Fil-Liġi x’hemm miktub? Għal Ġesù, il-Patt il-Qadim hu definittiv, b’awtorità suprema, u jservi bħala l-istandard infallibbli għall-fidi u l-prattika (cf., Lq.18:19-20). Sikwit ifakkar lis-semmiegħa tiegħu illi diġà għandhom awtorità suprema li jistgħu jirreferu għaliha. Hekk għandu jkun għal kull dixxiplu tiegħu: il-Bibbja Mqaddsa, l-awtorità definittiva tagħna u l-ogħla waħda, tiddetermina x’nemmnu u tgħallimna kif inġibu ruħna. 


Lq.10:27.   Fil-kmandament fondamentali Ħobb is-Sid Alla tiegħek hemm involut fiduċja fih kif ukoll l-għaxqa fih, it-tali rabta li tiddetermina l-ħajja sħiħa tal-individwu. L-emozzjonijiet, ir-rieda u l-ifnad konvinzjonijiet huma inklużi (qalbek), il-parti immaterjali tal-persuna (ruħek), u r-raġuni, il-fehma u l-intellett (moħħok). F’Mt.22:37, fejn hu kwotat, ma nsibux saħħtek (kif il-persuna tuża l-abbiltajiet u l-poteri tagħha). Dan kollu juri li Alla jrid mill-bnedmin devozzjoni totali lejh, f’kull qasam u kull ħin. 


Lq.10:28-29.   Kif wieġeb l-avukat ma kien hemm xejn jiżgarra. Anzi, meta staqsew lil Ġesù liema hu l-kmandament il-kbir, Ġesù wieġeb fuq linja simili. Allura jgħidlu, agħmel dan u tgħix (cf., Lev.18:5; Eż.20:11). 

Din hi l-wegħda tal-liġi. Iżda ladarba ebda midneb ma jista’ jobdi perfettament, id-domandi impossibbli tal-liġi huma maħsuba biex isuquna ħalli nfittxu l-ħniena divina, esibita fi Kristu nnifsu (Gal.3:10-13,22-25). L-avukat messu rrisponda bi stqarrija tal-ħtija tiegħu, aktarx milli prova jiġġustifika lilu nnnifsu. 

It-tagħrif hu importanti, iżda ovvjament insuffiċjenti. Wieħed irid iwettaq kulma jaf li hu minnu. Bil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, Ġesù jipprova jikkonvinċi lill-avukat illi ma kienx qed isegwi dawn il-kmandamenti. 

xtaq jiġġustifika lilu nnifsu, ċoè xtaq jivvindika lilu nnifsu jew juri lilu nnifsu bħala ġust. 


Lq.10:29-37.   Il-parabbola twieġeb il-mistoqsija min hu l-proxxmu, mhux x’għandna nagħmlu biex insalvaw. Il-Lhud kellhom diversi ideat dwar il-proxxmu, iżda kkonfinaw kollox għal Iżrael, u partikolarment il-Fariżej emmnu li l-ġusti biss huma l-proxxmu. Il-Fariżej għollew l-ostilità lejn il-ħżiena għal livell ta’ virtù. Effettivament ġabu fix-xejn it-tieni l-ikbar kmandament. 

 Skont huma, il-ħżiena, inklużi midinbin sfaċċati bħalma kienu l-prostituti u l-pubblikani, ħaqqhom mibegħda għax kienu l-għedewwa t’Alla. Pereżempju ddefendew il-fehma tagħhom bi Skrittura bħal Sal.139:21-22. Kif jissuġġerixxi dan il-pass, il-mibegħda tal-ħażen hi l-korollarji naturali tal-imħabba għall-ġustizzja. Iżda “l-mibegħda” lejn il-midinbin f’qalb il-persuna verament ġusta mhijiex għadwa malevolenti. Hi stkerrih ġust ta’ kulma hu pervers u korrott, mhux stmerrija personali lejn l-individwi. Mibegħda ġusti hi mmarkata b’għali u qsim il-qalb minħabba l-kondizzjoni miżerabbli tal-midneb. U hi wkoll gwidata minn imħabba ġenwina, kif jintwera f’dil-parabbola u bnadi oħra (Lq.6:27-36; Mt.5:44-48). 

Ġesù jgħallem li l-proxxmu hu kwalunkwe bniedem (hi x’inhi r-razza, reliġjon, grad soċjali, età jew sess) li jinzerta għandu bżonn l-imħabba u l-għajnuna tiegħek. Bil-parabbola jeqred l-iskuża tal-Fariżej li biha kienu jobogħdu lill-għedewwa tagħhom. 

Il-parabbola tenfasizza illi integralment mal-fidi salvivika tidher dejjem l-imħabba għan-nies fil-bżonn. Is-sejħa biex inħobbu lil Alla hi fl-istess ħin sejħa biex inħobbu lill-bnedmin, maħluqa fix-xbieha tiegħu, huma min huma. Il-ħajja ġdida u l-grazzja li Kristu jagħti lil dawk li jilqgħuh jipproduċu l-imħabba, il-ħniena u l-kumpassjoni lejn il-batuti u l-afflitti. Hi r-responsabbiltà tal-fidili illi jaġixxu skont l-operazzjoni tal-Ispirtu fi qlubhom u ma jitwebbsux kontra l-proxxmu (Lq.10:29,36-37; cf., Mt.25:41-46; 1 Ġw.3:16-20). 


Lq.10:31-33.   saċerdot...Levita. Ġesù apposta għażel l-elit reliġjuż, l-esperti fil-liġi, biex jagħmel kuntrast qawwi mas-Samaritan, ikkonsidrat frustier despikabbli mil-Lhud abbażi tan-nazzjonalità (Ġw.4:9). 


Lq.10:33-34.   tħassru, mhux għax imġiegħel jew għax ħassu ħati, iżda mqanqal mill-imħabba. Wera ħniena mal-imsejken raġel, miġruħ u mdamdam, u ħa ħsieb metikoluż biex iħallas għall-bżonnijiet tal-magħdur, billi provdielu bi spejjeż tiegħu nnifsu: stampa vivida tal-imħabba ta’ Kristu lejn il-midinbin.


Lq.10:36.   Liema wieħed...kien proxxmu...? L-avukat ma kienx sinċier fil-mistoqsija tiegħu għax xtaq biss jiġġustifika lilu nnifsu (Lq.10:29). Kien qed jipprova jevadi responsabbiltà lejn ħaddieħor billi jqiegħed xi wħud minnhom barra mill-kategorija ta’ “proxxmu.” Ġesù jikkoreġilu l-mistoqsija xejn xierqa tiegħu. Il-mistoqsija mhijiex, “min hu l-proxxmu tiegħi?” iżda, “kif nista’ nkun proxxmu?”


Lq.10:40-42.   It-tħejjijiet ta’ Marta setgħu kienu elaborati wisq. Oħtha Marija għarfet l-opportunità sabiħa u straordinarja li tisma’ lil Ġesù u tgawdi komunjoni miegħu. Ippreferietu aktar minn kwalunkwe interess ieħor. Għalkemm servizz attiv u prattiku hu essenzjali u kommendibbli, l-inkombenza prinċipali u l-iżjed importanti tad-dixxiplu hi mħabba u devozzjoni li jesprimu lilhom infushom  f’qima kwieta, talb u xirka mal-Mulej. Ma nistgħux naffordjaw illi tant isiru bieżla fl-attendenza tal-funzjonijiet u ħwejjeġ oħra illi ninsew il-bażiku, ċoè l-ewwel kmandament, l-imħabba lejn Alla b’qalbna, ruħna, il-qawwa u l-moħħ kollu tagħna (Mt.22:37-38). 

ħaġa waħda hi bżonjuża. Tħobb u sservi lill-oħrajn hi parti kruċjali fl-għemil tar-rieda t’Alla, kif turi l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Frattant l-ikbar kmandament hu li nħobbu lis-Sid, Ħallieq u Feddej tagħna (Lq.10:27). Il-qadi lejn nies oħra m’għandux ifixkilna milli mmantnu komunjoni miegħu permezz ta’ Kelmtu (Lq.10:39). 

Marija għażlet il-porzjon it-tajjeb. Dan jidwi bosta passi fil-Patt il-Qadim fejn l-ikbar possediment hu xirka intima mal-Mulej bħala “l-porzjon” ta’ ħajjitna (cf., Ġoż.18:7; Sal.16:5; 27:4; 73:26; 119:57; 142:5), f’attitudni ta’ qima u meditazzjoni, tisma’ b’moħħ miftuħ u qalb devota l-kliem ta’ Ġesù. 


Lq.11:1-4.   Id-dixxipli mgħallma xi jmisshom jitolbu (ara l-pass paralleli f’Mt.6:9-15).


Lq.11:5-8.   Il-parabbola mhijiex stampa t’Alla; aktarx tgħallem billi tipprovdi kuntrast. Jekk raġel jista’ jiġi perswadit sabiex jgħin meta ffaċċjat bit-tostaġni, kemm aktar il-Missier smewwieti, mimli mħabba u grazzja, jisma’ r-rikjesti qalbiena u persistenti tal-fidili!


Lq.11:9-13.   Wegħdi u tħeġġiġ għat-talb (ara l-pass paralleli f’Mt.7:7-11). 


Lq.11:11-13.   Jekk naċċettaw l-argument f’versi 11-12, il-konklużjoni f’vers 13 bilfors hi wisq iżjed vera. Ġesù jgħid lis-semmiegħa, intom ħżiena, fatt li ma setgħux jinnegaw (Rum.3:10-23). 

Il-ħut u l-bajd kienu ikel komuni fil-Palestina, mentri s-serpenti u l-iskorpjuni kienu perikli regolari. Għotja wisq akar importanti minn barkiet materjali hi l-unzjoni, il-gwida u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-fidil (ara Mt.12:28; Lq.4:1,14; At.1:8; Rum.8:13-14,26; 1 Kor.12:11; Gal.5:18). 


Lq.11:14-19.   Dar maqsuma ma żżommx (ara l-passi paralleli f’Mt.12:22-28 u Mk.3:22-26). Id-difiża ta’ Ġesù kontra l-akkużi tal-opponenti tikkonsisti f’żewġ argumenti. 

L-ewwel wieħed jikkonsisti f’żewġ analoġiji: saltna mifruqa kontra tagħha nfisha tisfa ddeżolata, ċoè bi gwerra ċivili, u b’mod simili, dar diviża kontriha stess taqa’. Mela l-idea li Satana kien qed jaħdem permezz ta’ Ġesù biex jimmina xogħlu stess kienet waħda assurda (Lq.11:18). 

It-tieni argument (Lq.11:19) isostni illi l-istess xilja (Lq.11:15) setgħet tinġieb kontra l-iskonġrar imwetttaq minn uliedkom stess, voldiri s-segwaċi tagħhom. 

se jkunu l-imħallfin tagħkom, ċoè xhieda kontrihom tant illi jikkundannawhom. Dan qisu jissuġġerixxi illi l-eżorċiżmu frodulenti tal-Lhud (cf., At.19:13-15), li kellu l-approvazzjoni tagħhom, serva bħala testimonjanza kontra l-Fariżej infushom, li ma approvawx l-eżorċiżmi ġenwini ta’ Kristu. 


Lq.11:20.   bis-saba’ t’Alla. Dil-figura tiddeskrivi għemil Alla nnifsu (cf., Es.8:19). Miġjet is-saltna seħħet mal-miġja ta’ Ġesù. Il-mirakli tiegħu huma evidenza għal dawk li għandhom għajnejn biex jaraw illi Alla jinsab operattiv bih. Ġesù jispjega kif bl-iskonġrar tad-demonji hu muri illi saltnet Alla ġiet fuqkom. Ġesù kien qed “jisraq” id-demanju tax-xitan (Lq.11:21-22; cf., Lq.10:17-19) billi jittrasferi n-nies għal saltnatu stess. Il-mirakli varjati tiegħu huma evidenza qawwija li saltnet Alla invadiet dan iż-żmien u post speċifiku fil-ġrajja umana, kif dimostrat f’ħajtu u f’ħidmietu (cf., Mk.1:14-15; Gal.4:4).


Lq.11:21-23.   Ġesù jegħleb lix-xitan (ara l-passi paralleli f’Mt.12:29-30 u Mk.3:27). 

jiddistribwixxi l-bottin tiegħu. Probabbilment referenza għal Isaija 53:12. Meta demonju hu megħlub bil-qawwa ta’ Kristu, ir-ruħ hi mbattla mid-dlam, u Kristu – il-wieħed isħaħ – jirrenja fiha (cf., Lq.11:24-26).

Min mhux miegħi hu kontra tiegħi. Ma jistax ikun tibqa’ newtrali. Il-messaġġ tas-saltna jġib il-possibbiltà ta’ għalba fuq il-ħażen, u kull min jirrofta l-messaġġ ikun qed jaċċetta l-mogħdija tal-ħażen. Linja medjana ma teżistix. 


Lq.11:24-26.   Spirtu impur jirritorna (ara l-pass paralleli f’Mt.12:43-45).


Lq.11:27-28.   Pjuttost imberkin. Tassew, Marija hija hienja għax kellha l-privileġġ uniku li tkun omm Ġesù. Attent għat-tweġiba tal-Mulej innifsu. Mhuwiex jinnega li Marija hi mbierka; isostni aktarx illi s-smigħ u l-ubbidjenza ta’ Kelmet Alla hu iżjed importanti. In-nies ubbidjenti lejh huma aktar hienja għaliex il-grazzja tas-salvazzjoni hi akbar saħansitra mill-privileġġ li twelled u trabbi lil Ġesù. Aktar hienja huma dawk li semgħu l-Evanġelju, jemmnu b’qalbhom kollha fil-Mulej Ġesù u jobduh. Dawn huma mbierka b’kull barka spiritwali (Ef.1:3). 


Lq.11:29-32.   Nisel ħażin jiddomanda sinjal (ara l-passi paralleli f’Mt.12:38-42 u Mk.8:12). 


Lq.11:31-32.   Is-Sultana tan-Nofsinhar. Ir-reġina ta’ Xeba (fl-Għarabja tan-Nofsinhar) għamlet vjaġġ diffiċlu u twil biex tisma’ lil Salamun (1 Slat.10; 2 Kron.9:1-12). 

In-Nineviti nidmu kif semgħu t-twissija ta’ Ġona (Ġen.3:6-10). Fiż-żewġ każijiet l-argument hu mill-iżgħar għall-ikbar. In-nies irrispondew għal Salamun u Ġona; kemm iktar messhom jirreaġixxu pożittivament għal Bin Alla!


Lq.11:37-41.   L-importanza tal-ġewwieni (ara l-pass paralleli f’Mt.23:25-26). 

ma nħasilx. Dan kien ħasil ċerimonjali, mhux kmandat fl-Patt il-Qadim, iżda adottat bi tradizzjoni, biex titmantna l-purità ritwali. 

l-ġewwieni tagħkom mimli regħba. Il-Fariżej u nies bħalhom huma preokkupati b’ċerimonji esterni, biex imbagħad jittraskuraw l-kustjoni supremament importanti ta’ moralità interna. 

Imbeċilli. Kienu nies bla fehma. Din kienet il-verità dwarhom, u mhux it-tip ta’ tgħajjir li Kristu nnifsu pprojbixxa band’ oħra (Mt.5:22).

agħtu bħala karità l-ħwejjeġ li huma ġewwa. Irid ikun hemm attitudni ġewwiena sewwa qabel ma tagħti lill-foqra, u meta l-ġewwieni hu sewwa, kollox hu nadif. Il-karità hi espressjoni ta’ qalb fidila (cf., Mt.6:1-4).


Lq.11:42-44.   Ċanfir u kundanna lill-mexxejja foloz (ara l-pass paralleli f’Mt.23:6-7,23,27). 

Il-Lhud kienu jimmarkaw jew ibajdu l-oqbra biex ma jmorrux aċċidentalment jirfsu jew imissu wieħed u hekk isiru ċerimonjalment imniġġsa (Num.19:16). 


Lq.11:45-48.   Gwaj lill-avukati ħatja (ara l-pass paralleli f’Mt.23:29-33).

s-sepulkri tal-profeti. L-avukati assumew illi billi jibnu l-oqbra kienu qed jonoraw lil dawn in-nies kbar, frattant ma setgħux jaħbu l-kompliċità ma’ dawk li qatluhom.


Lq.11:49-52.   Ġudizzju fuq dil-ġenerazzjoni (ara l-pass paralleli f’Mt.23:34-36).

l-għerf t’Alla qal. Kristu profetikament qed jannunzja l-ġudizzju imminenti t’Alla, mhux qed jikkwota xi sors miktub. Aktarx qed jagħtihom twissija diretta mingħand Alla. Ġesù hu l-għerf divin li dwaru kiteb Salamun (Lq.11:31). L-għerf jingħad li jsejjaħ lill-boloh u l-midinbin biex jisimgħu u jindmu (Prov.1:20-33; 8:1-9:18). 

Il-profeti u appostli huma l-messaġġiera maħtura ta’ Kristu (Ef.4:11), li jwasslulna l-għerf. Dawn huma rroftati minn dinja mkabbra u belha (1 Kor.1:18-2:16), iżda milqugħa mill-magħżulin (Gal.4:14). 


Lq.11:51.   minn demm Abel sa demm Żakkarija. Il-martirju tagħhom hu rrekordjat fil-Ġenesi 4 u t-2 Kronaki 24:20-22 rispettivament, ċoè mill-bidu tal-ewwel ktieb sa tmiem l-aħħar ktieb tal-Bibbja Ebrajka (li hi l-istess kontenut tal-Patt il-Qadim tagħna, iżda l-arranġament tal-kotba hu differenti).


Lq.11:52.   ħadtu l-muftieħ tat-tagħrif. Sakkru l-verità tal-Iskrittura u rmew iċ-ċavetta billi imponew l-interpretazzjoni żbaljata u t-tradizzjonijiet umani fuq Kelmet Alla (cf., Mt.23:13). L-istess errur gravi ġara matul is-sekli fil-knisja, speċjalment bir-restrizzjonijiet fil-Kattoliċeżmu inkwantu qari u studju tal-Iskrittura. 


Lq.12:1-3.   l-ipokrisija. Kollox se jkun żvelat u magħruf mill-Missier (cf., Lq.8:17). F’jum il-ġudizzju kull għemil u ħsieb se jinġieb fil-beraħ; kull wira ta’ ħaġa b’oħra jkun mikxuf (At.17:31). 


Lq.12:4-7.   Tibżgħux min-nies; ibżgħu minn Alla (ara l-pass paralleli f’Mt.10:28-31).


Lq.12:5.   Il-kmand imtenni, minn dan ibżgħu! hu mogħti għall-enfasi. Il-biża’ t’Alla jirriżulta filli ma jkollniex għalfejn nibżgħu min-nies jew ħwejjeġ oħra.


Lq.12:6.   wieħed minnhom mhuwiex minsi quddiem Alla. Il-providenza divina tiggverna mqar id-dettalji tal-ħolqien, anke dwar li f’għajnejna jidhru bla importanza. Alla jimportah minn kulma ħalaq, avolja jidher żgħir u insinifikanti (Mt.10:29). 


Lq.12:8-12.   Ġesù mistqarr u xhieda għalih (ara l-passi paralleli f’Mt.10:32-33; 12: 32; 10:19-20). 


Lq.12:8.   quddiem l-anġli t’Alla, ċoè fil-ġudizzju universali (cf., Mt.25:31-34; Ġuda 24). 


Lq.12:9.   jiċħadni quddiem il-bnedmin. Din hi ċaħda li tikkundanna lir-ruħ għat-telfien, mhux it-tip ta’ ċaħda li Kristjan jista’ juri temporanjament, sforz id-dgħufija (cf., 22:56-62). Hi d-dnub stinat ta’ dawk li minħabba t-timidezza, mistħija, traskuraġni, dewmien, jew l-imħabba lejn id-dinja, iwarrbu l-evidenza u r-rivelazzjoni divina hekk illi jibqgħu bla ma jħaddnu lil Kristu, kemm verbalment kif ukoll bi mġibithom, bħala Salvatur u Sultan.


Lq.12:10.   Meta wieħed jidgħi bl-Ispirtu s-Santu jattribwixxi lil Satana l-għemil tal-Ispirtu permezz ta’ Kristu minkejja evidenza morali qawwija għall-kuntrarju. It-tali roftiment apposta tal-verità hu roftiment deċiżiv tal-Ispirtu li kapaċi jġib persuna għall-indiema u l-fidi. Ir-reżistenza persistenti u bla ndiema kontra l-Ispirtu s-Santu u l-messaġġ tiegħu dwar Ġesù (cf., At.7:51) ma tkunx maħfura. Il-persuna li tostina ruħha u twebbes qalbha deliberattivament kontra Alla, kontra l-ħidma tal-Ispirtu tiegħu, u kontra l-provdiment ta’ Kristu bħala Salvatur, hu barra mill-isfera tal-maħfra. Dan id-dnub jagħmel il-maħfra impossibbli.


Lq.12:11.   tinkwetawx kif jew b’liema diskors se tiddefendu ruħkom. Ġesù jwiegħed l-assistenza tal-Ispirtu tiegħu fi żminijiet qliel ta’ persekuzzjoni. Minn kliemu hawnhekk m’għandniex inġibuha illi l-għalliem fil-knisja m’għandux għalfejn jipprepara ruħu. Studju, meditazzjoni u talb huma dejjem fid-dover regolari ta’ kull presbiteru jew katekist. 


Lq.12:14-15.   Min ħatarni mħallef jew arbitru fuqkom? Ċertament Kristu hu l-Imħallef tal-art kollha (Ġw.5:22), iżda ma ġiex biex ikun ġudikant ta’ disputi mondani u puwerili. Din kienet tilwima li setgħet titressaq quddiem l-awtoritajiet ċivili. Ġesù ma jindaħalx bejn dawn l-aħwa għax jara li d-disputa nħolqot sforz ir-regħba.


Lq.12:19-21.   Ironikament, ir-raġel li ħa ħsieb u ppjana għall-bżonnijiet mondana tiegħu hu msejjaħ, bla ħabi jew skrupli, imbeċilli. Flok ma wettaq ir-responsabbiltà morali tiegħu biex jaħseb għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, hu mċanfar talli geddes teżor għalih innifsu, waqt li baqa’mhuwiex għani lejn Alla. Ġesù b’daqshekk mhux qed jikkundanna r-rikkezzi; aktarx iwissi dwar l-implikazzjonijiet eterni u perikolużi tar-rikkezzi, bit-tendenza tagħhom illi jisseduċu lill-bniedem hekk li jibda jħossu suffiċjenti fih innifsu, u jsir rgħib. Għalkemm l-għani pretenda snin twal ta’ kumdità u lussu, fejn seta’ jgħid lilu nnifsu, Strieħ, kul, ixrob u thenna, fil-fatt kien qed jistennieh destin etern f’separazzjoni minn Alla l-Imbierek.


Lq.12:22-26.   It-tħassib hu inutli (ara l-pass paralleli f’Mt.6:25-27). Ġesù jippreżentalna argumenti kontra l-ansjetà: 

1. Interess inordinat fil-ġid mondan hu bluha għax il-ħajja nfisha hi aktar importanti (Lq.12:23).

2. Alla jieħu ħsieb lil uliedu, bħalma jindokra u jipprovdi liċ-ċawluni (Lq.12:24).

3. L-ansjetà ma tipproduċi xejn pożittiv (Lq.12:25-26).

4. Bħala werrieta tar-rikkezzi ineżawribbli ta’ saltnet Alla, il-fidili ma jmisshomx jinkwetaw dwar dettalji terrestri (Lq.12:32-33). 

Ġesù jsejjaħ lis-segwaċi tiegħu biex jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom billi jiffokaw qlubhom fuq is-saltna (Lq.12:34).


Lq.12:27-31.   Afdar fil-providenza tal-Missier (ara l-pass paralleli f’Mt.6:28-34). 

Tfittxux x’se tieklu ma tfissirx li ma jmissniex naħdmu u nissapportjaw lilna nfusna u lill-familja (cf., 1 Tes.4:11-12). Hi twissija, aktarx, kontra l-inkwiet u l-ansjetà bla bżonn, filli niffissaw fuq ħwejjeġ li Alla fil-providenza tiegħu jogħġbu jagħtina. 

Fittxu pjuttost saltnatu. Id-dixxipli diġà huma fis-saltna. Għaldaqstant imisshom jikkonċentraw l-enerġiji tagħhom fuq l-interessi ta’ dik is-saltna eterna.


Lq.12:32-34.   Teżori dejjiema (ara l-pass paralleli f’Mt.6:19-20). 

għoġbu Missierkom. Kristu jenfasizza l-għożża tenera tal-Missier lejn il-merħla tiegħu bħala antidotu kontra l-ansjetà (12:22-30). Jekk diġà tana s-saltna u ninsabu milqguħa minnu, kemm iżjed kapaċi jagħtina barkiet iżgħar!


Lq.12:33-34.   agħtu l-karità. Il-ħsieb ċentrali hu l-kuntrast bejn il-ġid mondan, li jispiċċa u huwa sors ta’ ansjetà, u t-teżori tas-saltna t’Alla, għajn perenni ta’ paċi. Xi wħud mis-segwaċi ta’ Ġesù kellhom almenu għana moderat (Lq.10:38; Ġw.19:27). Mhux qed jiddomanda li kull wieħed mid-dixxipli jkun fqir, iżda jridhom ikunu ġenerużi, u ma jiffissawx qlubhom fuq proprjetà li eventwalment tinqered.

Il-kamla tirrovina d-drapp tas-suf, u allura kienet minaċċa (Ġob.4:19; Isa.51:8; Mt.6:19-20; Ġak.5:2). 


Lq.12:34.   fejn hu t-teżor tagħkom (fuq l-art jew inkella fis-sema), hemmhekk ukoll se tkun qalbkom. Fejn wieħed jiddepożita flusu jiżvela l-prijoritajiet ta’ qalbu (cf., Lq.16:1-13; Mt.6:21). Ġesù jisħaq fuq id-dispożizzjoni tal-qalb, li fl-Iskrittura tirrappreżenta ċ-ċentru tal-individwalità tal-persuna u mnejn inixxu x-xewqat u l-emozzjonijiet. Il-qalb hi fuq kollox il-maqgħad tar-raġuni u tar-rieda. Il-kwalità u l-qagħda tal-qalb hi riflessa fil-ħwejjeġ li tistma l-iżjed. 


Lq.12:35.    Ħa jkunu ġenbejkom imħażżma, jew, kunu mlibbsa lesti  għas-servizz u l-moviment (Es.12:11). Imnatar u lbies imlaħlaħ kien ifixkel il-moviment u allura kienu jtellgħu lbieshom b’ċintorin ogħla mill-irkopptejn meta meħtieġ. 


Lq.12:41-48.   l-amministratur fidil u għaqli (ara l-passi paralleli f’Mt.24:45-51; 25:21). Fl-antik l-amministratur kien ilsir fdat bil-proprjetà kollha ta’ sidu. L-imgħallem kien ħieles mit-toqol ta’ amministrazzjoni. Bħala l-inkarigat speċjali, l-amministratur jew stjuward kellu awtorità konsiderevoli. Ġesù jinqeda b’dil-parabbola biex jagħti illustrazzjoni taż-żewġ modi possibbli kif id-dixxipli jistgħu jgħixu fid-dawl tal-assenza u r-ritorn imwiegħed ta’ Sidhom.

1. Jistgħu jkunu fidili u ubbidjenti, dejjem jgħassu u spiritwalment lesti għar-ritorn ta’ Sidhom fi kwalunkwe ħin, biex hekk jirċievu l-barka (Lq.12:35; Mk.13:35).

2. Jistgħu jsiru traskurati u moħħhom fid-dinja, jemmnu li Sidhom se jiddawwar, jieqfu milli jirreżistu d-dnub u jabbandunaw il-mogħdija tal-fedeltà; imbagħad jirċievu l-kundanna u jirtu għajb dejjiemi u rovina fil-miġja tiegħu (Lq.12:45-46; Mt.24:44).


Lq.12:44.   jaħtru fuq il-possedimenti kollha tiegħu. Il-premju għall-qadi fidili hu l-opportunità biex iwettaq servizz ogħla. 


Lq.12:46.   jaqsmu bċejjeċ hi figura tad-diskors li titkellem dwar is-severità tal-ġudizzju finali għall-infidili. Ikunu meqruda għalkollox – għalkemm il-Bibbja qatt ma tissuġġerixxi li l-erwieħ mitlufa jiġu fix-xejn hekk li ma jibqgħux jeżistu. 


Lq.12:47-48.   kien jaf ir-rieda ta’ sidu. In-nies huma kkastigati talli jgħarrilhom milli jagħmlu s-sewwa kif ukoll talli jagħmlu d-deni. L-injoranza tista’ tkun kolpevoli fejn hemm l-opportunità biex issir taf x’inhu rikjest. Alla juri fiċ-ċar x’inhu d-dover uman (Rum.1:20; 2:14-15). Il-bniedem li ġie fdat b’bosta abbiltajiet u responsabbiltajiet wisq se jkun iddomandat mingħandu. Fi kliem ieħor, se jkun evalwat bi standard ogħla fl-aħħar jum (cf., Mt.25:29; Mk.4:24-25). 


Lq.12:49-53.   Ġesù jġib il-firda (pr. Mt.10:34-36). Mhux biss ġie biex iġib rikonċiljazzjoni u fidwa, iżda wkoll biex jaqsam l-umanità f’żewġ kampijiet kbar: in-nies ikollhom jiddeċiedu jsegwuhx jew le. B’Nar ġejt nixħet fuq l-art probabbilment ma jirreferix għall-ġudizzju finali iżda għan-nar ta’ raffinament, li jiddividi l-fidili mill-infidili (ara Lq.12:51-53).

Frattant in-nar sikwit hu xbieha ta’ ġudizzju; hemm konnessjoni bejniethom (Isa.66:15; Ġoel 2:30; Am.1:7,10-14; 2:2,5; Mal.3:2; 1 Kor.3:13; 2 Tes.1:7-8). 


Lq.12:50.   għandi magħmudija. Is-sofferenzi u l-mewta ta’ Ġesù huma deskritta bħala magħmudija (cf., Sal.88:7), xbieha oħra li tipponta lejn il-mewt (“tgħammed” belt ifisser tissuġġettaha għal kważi qirda totali). Liturġikament, il-magħmudija saret tissimbolizza l-mewt għall-ħajja l-qadima biex wieħed jiġi inawgurat f’ħajja ġdida. Ġesù aċċetta mewtu stess bħala l-pjan divin biex iġib is-salvazzjoni lill-midinbin. 

kif jien mhemmem sakemm titwettaq! Għalkemm imnikket minħabba l-passjoni li kellu jieħu, frattant hi missjoni li ġie biex iwettaq, u allura jiddetermina biex finalment isseħħ (Lq.9:51; cf., Ġw.12:23-27). 


Lq.12:51-53.   sliem...firda. Kristu jaħdem ir-rikonċiljazzjoni bejn Alla u niesu, iżda jipprovoka konflitt bejn dawk li jindmu u jsegwuh, u dawk li jkomplu fl-ebusija ta’ qalbhom, servi ta’ Satana (Ġen.3:15). Id-diviżjoni li inevitabbilment iqanqal Ġesù kapaċi taqta’ l-eqreb relazzjonijiet domestiċi. 


Lq.12:54-56.   Dixxerniment taż-żmien (ara l-pass paralleli f’Mt.16:2-3). Meta taraw sħaba tiela’. In-nies, bl-esperjenza u l-folklor, setgħu jagħrfu illi normalment ir-riħ Punent mill-Mediterran iġib ix-xita, u riħ isfel mid-deżert ifisser għomma. Iżda fil-vojtizza spirtwali tagħhom ma għarfux Alla x’kien qed jagħmel f’nofshom stess (cf., Lq.11:20).


Lq.12:57-59.   Ikkonċilja mal-għadu (ara l-pass paralleli f’Mt.5:25-26). fi triqtek agħmel ħiltek biex tirranġa miegħu. Fi kwestjonijiet legali, jekk għandi każ debboli jew ħażin nara kif nagħmel biex nissetilja barra mill-qorti, għax jaqbilli. B’mod simili, il-midinbin għandhom ikunu rikonċiljati m’Alla issa waqt li għadhom fi triqthom lejn il-ġudizzju finali; jintilfu eternament jekk jittratienu sa dakinhar. Fittex kun sewwa m’Alla qabel ma jkun tard wisq.


Lq.13:2.   In-nies ġeneralment jemmnu li d-diżastri u traġedji huma r-riżultat tad-dnub (Ġob.4:7; Ġw.9:1-2), iżda Ġesù ma jaqbilx. il-Galilin ma kinux speċjalment midinba iżjed minn ħaddieħor. 


Lq.13:3.   jekk ma tindmux, se tintilfu. Ġesù aċċetta l-konnessjoni bejn il-katastrofi u l-ħażen uman, għax it-tali afflizzjonijiet kollha fl-aħħar mill-aħħar isibu għeruqhom fis-saħta pronunzjata fuq l-ewwel koppja appena dinbet (Ġen.3:17-19). Jerġa’, traġedji speċifiċi jistgħu tabilħaqq ikunu r-riżultat ta’ ċerti dnubiet (Prov.24:16).

Imma Kristu sfida l-idea tan-nies illi kienu moralment superjuri għal dawk li sofrew bla avviż u għall-għarrieda. Sejjaħ lil kulħadd għall-indiema, għax kollha kienu fil-periklu ta’ qirda f’daqqa. Ħadd mhu garantit il-ħin biex jipprepara għall-mewt, għaldaqstant issa hu l-ħin adatt għall-indiema (cf., 2 Kor.6:2). L-opportunità hi sewwa sew illum!

tintilfu bħalhom ilkoll. Billi aħna lkoll midinbin, Ġesù jsejħilna għall-indiema – altrimenti nintilfu. Il-Galilin ma kellhomx ċans jindmu fil-ħin ta’ mewthom, u Ġesù josserva illi aħna lkoll nistgħu niffaċċjaw imwiet li ma jagħtuna ebda opportunità għall-indiema. 


Lq.13:6-9.   vinja jew għalqa bid-dwieli kienet art għammiela għal tina, u fi tliet snin kellha tikber biżżejjed biex tagħti l-frott. Sid il-vinja ta permess biex titħalla sena oħra, ċans finali. Il-fatt li Alla ma jikkastigax lill-midinbin immedjatament ma jfissirx li japprova d-dnub. Aktarx, il-paċenzja tiegħu turih bħala ħanin u allura n-nies messhom iduru lejh waqt li għandhom l-okkażżjoni. 

It-tina hi sikwit użata bħala simbolu għal Iżrael (cf., Mt.21:19; Mk.11:14). F’dan il-każ il-lezzjoni dwar il-ħtieġa għall-frott tapplika ugwalment għan-nazzjon kollu, u għal kull ruħ individwali. 

ħalliha dis-sena wkoll. Dal-kliem iservi ta’ illustrazzjoni għall-interċessjoni ta’ Kristu kif ukoll għas-sabar estrem u l-attitudni tal-Missier, mimlija grazzja. 


Lq.13:11-12.   Il-mara ma setgħetx timxi dritta minħabba spirtu ta’ mard. Madankollu Kristu ma kellux għalfejn jikkonfronta u jkeċċi lid-demonju, iżda sempliċement iddikjaraha meħlusa. Il-każ tagħha jidher pjuttost differenti minn każijiet oħra ta’ pussess demoniku li sikwit iltaqa’ magħhom (cf., Lq.11:14). 

sejħilha. Ħafna nies sikwit fettxew lil Ġesù għall-fejqan; did-darba kien Ġesù li ħa l-inizjattiva (cf., Lq.7:12-14). Ebda fidi speċjali ma kienet mitluba daparti tagħha jew ta’ xi ħadd ieħor. Ġesù kultant sejjaħ għall-fidi, iżda mhux dejjem (cf., Lq.8:48; Mk.5:34). 


Lq.13:15.   Il-Lhud kienu jindokraw il-bhejjem tagħhom, imqar nhar ta’ Sibt. Imma dan il-mexxej tas-sinagoga joġġezzjona talli Ġesù wera kumpassoni ma’ mara, li tiswa wisq aktar minn bhima. Għaldaqstant isejħilhom ipokriti.


Lq.13:16.   Ġesù jirreferi għaliha bħala bint Abraħam, għax kienet Lhudija. 

Satana rabatha. Il-mard fiżiku ta’ Ġobb u diżastri oħra kienu wkoll inflitti mix-xitan, skont il-providenza għarfa u misterjuża t’Alla. Dil-mara apparentement tħalliet issofri, mhux minħabba xi deni jew ħażen li għamlet hi personalment, iżda sabiex il-glorja t’Alla tidher fiha (cf., Ġw.9:3). 


Lq.13:18-21.   Is-saltna tixbah is-senapa u l-ħmira (ara l-passi paralleli f’Mt.13:31-33 u Mk.4:30-32). Il-bidu ċkejken tas-saltna jixbah żerriegħa tas-senapa. B’Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu, eventwalment il-ħakma tiegħu titwessa’ u tippenetra sat-trufijiet tad-dinja. It-tjur jirrappreżentaw ulied is-saltna li jsibu protezzjoni u provdiment fiha (Dan.4:12). 

Jew b’tixbiha oħra, bħall-ħmira li, għalkemm inviżibbli, tinfluwenza l-għaġna. Hekk il-kobor tas-saltna mhux dejjem jintgħaraf, iżda dejjem qed tilħaq u tittrasforma aktar nies. 


Lq.13:22-27.   Il-bieb id-dejjaq; pretensjonijiet tal-mitlufa (passi parallei f’Mt.7:13-14,21-23). 


Lq.13:23-24.   ftit huma dawk li se jsalvaw? Għalkemm folol kbar kienu għadhom qed ifittxuh (Lq.14:25), ħafna min-nies kienu diżappuntati b’Ġesù, u ftit kellu dixxipli fidili lejh (cf., Ġw.6:66). Hu stess vaża li t-triq id-dejqa ftit isibuha (Mt.7:14). Dan kien kollu kuntrarju għat-twemmin Lhudi illi, ħlief għall-midinbin notorji, il-Lhud kollha jsalvaw minħabba l-fatt li huma Lhud. Għal darb’ oħra Kristu jaċċentwa d-diffikultà illi wieħed jidħol mix-xatba d-dejqa; flok ma jħajjar spekulazzjoni dwar il-pjanijiet u l-azzjonijiet t’Alla, jindika x’għandhom jagħmlu l-individwi biex isalvaw.

Agħmlu kull sforz ma timplikax illi s-salvazzjoni tagħna niksbuha bl-opri. Jistinka kemm jistinka l-midneb, ma jistax isalva lilu nnifsu. Is-salvazzjoni hi dejjem bi grazzja, għotja b’xejn mingħand Alla, u l-opri huma l-frott tas-salvazzjoni, mhux il-kawża tagħha (Ef.2:8-10). 

Hi mod qawwi ta’ espressjoni: in-nies messhom juru kull serjetà u interess ġenwin dwar is-salvazzjoni. Hi diffiċli, għax tiswa inkwantu l-mortifikazzjoni tal-kburija umana, tiswa minħabba l-imħabba naturali tal-midneb għad-dnub, u minħabba l-oppożizzjoni tad-dinja u ta’ Satana lejn il-verità li wieħed hu mitlub iħaddan.

Ġesù jwiegħed illi min ifittex, isib (ara wkoll 1 Kron.28:9; Isa.55:6; At.10:35). Frattant hawn jgħid illi ħafna jipprovaw jidħlu, u ma jkunux kapaċi (cf., Ġw.7:34). Din kontradizzjoni? 

Min ifittex lil Alla b’diliġenza jsibu (Ebr.11:6), mbasta ma nfittxuhx bit-termini u kondizzjonijiet tagħna. Jekk nersqu lejh bl-opri ‘tajba’ tagħna ma nsalvawx (Titu 3:5). Ħafna toroq jidhru sewwa, meta difatti mhumiex (Prov.14:12). Imma jekk nersqu lejh bi ndiema ġenwina nsibuh u jilqagħna. Fil-ġudizzju, ħafna nies jidhrilhom illi jimmeritaw dħul fil-glorja eterna, u jġibu raġunijiet – kollha invalidi – għala messhom ikunu salvati (cf., Mt.7:21-23). 


Lq.13:25.   jagħlaq il-bieb. Għal kull persuna hemm limitu għall-offerta tas-salvazzjoni. Trid tkun aċċettata waqt li tinsab preżenti; il-prokrastinazzjoni u l-indifferenza għall-ħwejjeġ eterni huma perikolużi immensament.


Lq.13:26-27.   Kilna u xrobna fil-preżenza tiegħek. Ġesù jkompli jwissi biex ma nabbużawx mill-opportunitajiet offruti lilna. Ħafna nies se jkunu familjari mat-tagħlim tiegħu u saħansitra tħalltu ma’ niesu f’xirka, iżda dan fih innifsu mhuwiex garanzija ta’ ħajja eterna, għax din ingawduha biss b’fidi personali fi Kristu. Fiċ-ċar, ikun ikkonfermat illi ebda relazzjoni qatt ma eżistiet bejn il-mitlufa u Kristu; jipprotestaw, iżda jirċievu l-istess tweġiba: Ma nafkomx mnejn intom. 

twarrbu minni. Ġesù mhux biss hu l-uniku Salvatur tad-dinja, iżda wkoll l-Imħallef finali tal-umanità kollha. Min iwarrab is-sagrifiċċju tiegħu ma jibqagħlu xejn ħlief mistennija ta’ ġudizzju, pronunzjat minnu stess. 


Lq.13:28-30.   Tal-ewwel jiġu l-aħħar (ara l-passi paralleli f’Mt.8:11-12 u Mk.10:31). 

Il-mifdija għad ikunu miġbura minn kull żmien u mill-partijiet kollha tad-dinja, kif kien profetizzat (Sal.107:3; Isa.66:18-19; Mal.1:11; cf., Lq.24:47; At.1:8). jirreklinaw mal-mejda tirreferina għall-bankett messjaniku; fis-saltna eterna se jkun hemm hena indeskrivibbli (Lq.14:15; Riv.19:9). U jkun hemm riversjar totali ta’ bosta ideat foloz miżmuma fost l-umanità, għax tal-ewwel...għad ikunu l-aħħar, u viċe versa. 


Lq.13:31-35.   Ġesù jagħli għal Ġerusalemm (ara l-pass paralleli f’Mt.23:37-39).


Lq.13:31.  Erodi jrid joqtlok. Kienet x’kienet l-intenzjoni għala l-Fariżej wissewh, Ġesù ma bidilx il-programm tiegħu. Ma wera ebda biża’ minn Erodi.


Lq.13:32.   Għal-Lhud, wieħed bla siwi u brikkun kien imsejjaħ volpi. Ġesù ma intimidax ruħu bit-theddid ta’ Erodi, u jgħid li se jissokta bil-ministeru tiegħu, għax hemm limitu għaż-żmien tiegħu, imkejjel bil-jiem aktarx milli s-snin. It-tielet jum hu probabbilment allużżjoni għar-resurrezzjoni tiegħu (Lq.9:22). 


Lq.13:33.   mhux possibbli li profeta jintilef barra minn Ġerusalemm. L-ikkomplottar ta’ Erodi (Lq.13:31) ma jistax ifixkel u wisq inqas jannulla l-pjan t’Alla għall-fidwa. Aktar minn hekk, Ġesù ma jridx ifisser li ebda profeta ma miet barra mill-belt kapitali tal-Lhud, għax xi wħud mietu barra minnha (ara 2 Kron.24:20-22; Ġer.26:20-23; 38:4-6). 

Minn żmien David, Ġerusalemm intgħażlet minn Alla biex tkun iċ-ċentru ta’ qima għal Iżrael, u l-post fejn Alla jimmanifesta l-preżenza unika u ħidma ridentiva tiegħu fid-dinja (cf., Mt.5:35; Sal.48:1-3). Allura Ġesù qed juża l-ironija: Ġerusalemm, iċ-ċentru tar-reliġjon u l-qima Lhudija, kienet aktar perikoluża għal profeta vera minn kwalunkwe minaċċi  mingħand Erodi fil-Galilija. 


Lq.13:34.   O Ġerusalemm, Ġerusalemm (ara Lq.10:41). Ġesù tbekka fuq it-tmiem ta’ Ġerusalemm, bl-abitanti tagħha jgħoddu fi żmienu bejn il-25,000 u t-30,000 ruħ (cf., l-ilment f’Sal.137). L-għali tiegħu applika wkoll għal Iżrael kollu, peress li Ġerusalemm kienet il-kapitali reliġjuża u politika tan-nazzjon. 

L-għożża u l-imħabba tiegħu lejn il-mitlufa jesprimiha bix-xbieha ta’qroqqa li tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha. Sikwit il-bniedem mitluf jibqa’ stinat fi dnubu u ma jweġibx kif jixraq għall-istedina divina. L-espressjonijiet imtennija ta’ Kristu, li bihom wera l-għali tiegħu għal Ġerusalemm, b’ebda mod ma jnaqqsu r-realtà tas-sovranità assoluta tiegħu fuq kulma jiġri. Lanqas m’għandna nużaw il-verità tas-sovranità divina biex nixħtu fid-dell is-sinċerita tal-kumpassjoni tiegħu. 


Lq.14:3.   Hu leċitu...? Il-liġi ta’ Mosè ma kinitx kontra l-fejqan nhar ta’ Sibt, iżda “t-tradizzjoni tal-anzjani” (Mk.2:16) illimitat il-kura medika għal każijiet fejn il-kondizzjoni kienet gravi, u allura theddida għall-ħajja.

Il-Lhud kienu jtellgħu tifel, ħmar jew gendus minn bir nhar ta’ Sibt, avolja teknikament dan kien xogħol. L-atti tagħhom f’emerġenza wrew illi għemejjel ta’ ħniena kienu leċiti nhar ta’ Sibt, u Ġesù kien għadu kif wettaq għemil ta’ ħniena.


Lq.14:8-9.   tirreklinax fil-post tal-unur. M’għandniex infittxu b’kilba l-iprem siġġijiet bħala mistiedna. Kuntrarju għaż-żelu tal-bniedem biex jippromwovi lilu nnifsu, Ġesù għallem l-umiltà u l-qadi (Lq.22:26; Rum.12:16). 


Lq.14:10-11.   imtedd fl-aħħar post. Ġesù mhuwiex jagħti parir kif navvanzaw fid-dinja, iżda qed jippromwovi l-umiltà ġenwina (cf., Lq.18:14; Mt.23:12). Aħjar tkun umli milli umiljat (Lq.14:9). Kif turi l-parabbola, kultant l-għarfien u l-apprezzament jiġuna f’din il-ħajja, iżda ċertament l-eżaltazzjoni tal-umli sseħħ kompletament fil-ġudizzju finali (cf., Ġak.4:6,10; 1 Pt.5:5-6). 

min jeżalta lilu nnifsu għad ikun umiljat. Ġesù ffavorixxa dat-tip ta’ diskors paradossali (cf., Lq.9:24; 13:30; 17:33; 18:14; Mt.23:11-12). Il-lezzjoni tixbah x’jingħad fil-Proverbji 25:6-7. 


Lq.14:12-14.   stieden lill-foqra. Ġesù jenfasizza l-ġenerożità radikali li d-dixxipli messhom juru ma’ dawk li huma fiżikament batuti jew ekonomikament lura. B’lingwaġġ iperboliku (cf., Lq.14:26), komuni fost is-Semitiċi, mhux qed jipprojbixxi illi wieħed jistieden lil ħbiebu jew qraba għall-ikel. Il-punt hu sempliċi: tistieden lil min hu komdu bħalek ma tistax tkun klassifikata bħala att spiritwali ta’ karità vera. 


Lq.14:15-20.   Skużi biex ma jattendux il-pranzu (ara l-pass paralleli f’Mt.22:1-6).

Imbierek min jiekol il-ħobż f’saltnet Alla! apparentement kienet sentenza komuni, però hawn possibbilment ingħadet biex tibdel is-suġġett skonfortabbli, ċoè, biex l-attenzjoni ma tibqax fuq l-immankati u l-foqra, u r-responsabbiltà tas-soċjetà lejhom. Jirreferi għal saltnet Alla u l-bankett messjaniku futur, li n-nies fi żmien Ġesù fehmu illi Lhud twajbin biss se jkunu mistiedna għalih. Ġesù, però, juża l-parabbola biex jgħallimhom, kuntrarju għall-mistennija tagħhom, illi n-nies oriġinarjament mistiedna se jgħarrilhom milli jattendu l-bankett (Lq.14:24) u se jkunu rimpjazzati b’nies magħduda bħala indenji kif ukoll bil-Ġentili. 


Lq.14:18-20.   L-iskużi huma diżonesti. Ħadd ma jixtri għalqa jew gniedes mingħajr ma jispezzjonahom minn qabel, u lanqas ma kien hemm xi għaġla partikolari. Ir-raġel li żżewweġ seta’ nħeba wara d-Dewteronomju 24:5, iżda dik kienet tillibera bniedem minn servizz militari, mhux kuntatti soċjali. Meta npoġġu n-negozju, karriera jew kwalunkwe impenn ieħor ogħla mill-klejm t’Alla u ta’ saltnatu fuqna, nuru li m’aħniex denji nidħlu. Ġesù għallem fuq temi simili (Lq.8:19-21; 9:23-24,59-62; 10:41-42; 12:31; cf., 14:26-27). 


Lq.14:21-24.   L-istedina estiża biex id-dar timtela (ara l-pass paralleli f’Mt.22:7-10). Il-parabbola hi profezija dwar l-estensjoni tal-vanġelu lin-nies li l-Fariżej għoddewhom bħala indenji. Il-foqra, l-immankati, l-għomja u z-zopop irrappreżentaw il-Lhud mistmerra li ma kinux kapaċi josservaw il-liġijiet tradizzjonali ta’ purità ritwali (kultant imsejħa “in-nies tal-art”), mentri dawk barra l-belt matul il-passaġġi rrappreżentaw lill-pagani. Il-parabbola tikkonkludi bi twissija lill-elitisti ta’ Iżrael illi rroftaw lill-Messija li mhux se jingħataw it-tieni ċans. 

għad hemm il-wisa’. Alla hu aktar ħerqan biex isalva lill-midinbin milli l-midinbin huma interessati illi jkunu salvati. 

ġegħilhom jidħlu, ċoè, mhux bl-użu tat-theddid, vjolenza jew koerzjoni, iżda bil-persważjoni mqanqla mill-imħabba. Kwalunkwe reliġjon sforzata ma tiswiex quddiem Alla: trid tiġi mill-qalb, għax wieħed irid (Fm.14).

ebda wieħed minn dawk l-irġiel mistiedna mhu se jduq miċ-ċena tiegħi. Dawk privileġġjati u mistiedna inizjalment huma mneżża’ mil-libertà biex jersqu għall-ikla. Min jirreżisti lill-Mulej ikun qed jirriskja illi jitwarrab u jinqata’ għal dejjem. 


Lq.14:25-27.   Erfa’ s-salib (ara l-pass paralleli f’Mt.10:37-38). 

folol kbar. L-għan ta’ Kristu ma kienx illi jiġbor ġmiegħi ta’ nies li sempliċement japprezzaw, iżda ried jagħmel dixxipli ġenwini u dedikati, segwaċi ta’ stoffa. Qatt ma adatta l-messaġġ għall-preferenzi tal-maġġoranza, iżda dejjem iddikjara x’jiswa tkun dixxipli. Hawn jagħmel dikjarazzjonijiet illi jiskuraġġixxu lin-nies ta’ nofs qalb. Il-predikaturi u evanġelisti moderni jmisshom jadottaw l-istess strateġija bħalu. 

ma jobgħodx. Ġesù ma jridniex litteralment nobogħdu lill-ġenituri u l-familja; fil-kuntest tfisser “tħobb inqas” (cf., Ġen.29:30-31; Dt.21:15-17; Mt.10:37; Lq.16:13). Tkun dixxiplu jfisser li tħobb lill-Imgħallem tant illi mħabbiet oħra, paragunati mad-devozzjoni lejn Kristu, jidhru mibegħda.


Lq.14:28.   jikkalkula n-nefqa. Dixxiplu potenzjali għandu l-ewwel jaħsibha sew, jew jagħmel inventarju, biex jara hux lest jippersevera fil-fidi (cf., Lq.8:15; 21:19). Ġesù ma jridx li n-nies jibdew miegħu u ma jkomplux (cf., Lq.9:57-62).


Lq.14:31-32.   jikkonfronta sultan ieħor fi gwerra. Min isegwi lil Kristu jkun daħal f’taqtigħa kontra d-dnub u Satana, għedewwa qliel (Lq.13:24; Ef.6:10-18). Dan l-istand determinat jiddomanda tama illi l-vittorja hi fi Kristu (1 Ġw.5:5). 


Lq.14:33.   kull wieħed minnkom li ma jirrinunzjax il-possedimenti kollha tiegħu nnifsu ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. Biex persuna tikkwalifika bħala dixxiplu ta’ integrità, trid tassessja bir-reqqa x’jiswielu (Lq.14:28-32); deċiżjonijiet meħuda bl-emozzjoni u bla ħsieb ma jissarrfu f’xejn sostanzjali. Għandhom ikunu lesti jinvestu kollox fis-saltna. Mhux fis-sens illi wieħed jabbanduna l-ġid materjali tiegħu; aktarx Kristu hawn jitkellem dwar ċediment assolut u bla kondizzjoni. Id-dixxipli tiegħu ma setgħux iżommu privileġġi jew jinnegozjaw kondizzjonijiet miegħu. Lanqas setgħu jgħożżu stil ta’ ħajja midneb. Ma jaffordjawx jiggranfaw ma’ possedimenti mondani; huma msejħa jużawhom u jħaddmuhom, bħala amministraturi tajba u fidili ta’ Sidhom, iżda l-ġid fdat f’idejhom mhuwiex, strettament, tagħhom. Ma setgħux lanqas ikunu indulġenti magħhom infushom. L-impenn tagħhom lejn Sidhom imissu jkun bla riżerva. 


Lq.14:34-35.   Melħ bla togħma ma jiswiex (ara l-passi paralleli f’Mt.5:13 u Mk.9:50). 


Lq.15:1-7.   In-nagħġa l-mitlufa (ara l-pass paralleli f’Mt.18:12-14).


Lq.15:1-2.   Ironikament, il-mormija u l-imwarrba tas-soċjetà kienu aktar attirati lejn Ġesù mill-mexxejja reliġjużi, li kulma jmur saru aktar determinati biex joqtluh (cf., 1 Kor.1:26-29). 

Dan jilqa’ l-midinbin u jiekol magħhom. Minħabba l-kritika tagħhom Ġesù jirrakkonta triloġija ta’ parabboli biex jikkonvinċini dwar l-attitudni pożittiva t’Alla lejn il-bniedem u l-ferħ tiegħu għal kull wieħed li jdur lejh bl-indiema. Kristu juri l-aħjar atteġġjament t’Alla, għax hu nnifsu fittex lill-midinbin u ma staħax ikun magħruf bħala ħabib tagħhom (Lq.7:34), mhux għax approva jew ħamel l-għemil ħażin tagħhom, iżda għax ried iwassalhom f’rikonċiljazzjoni ma’ Missieru tas-smewwiet. 


Lq.15:3.   dil-parabbola. Difatti Ġesù jagħti tliet parabboli f’daqqa. Is-singular, ‘parabbola,’ allura jimplika illi hu importanti naraw dawn it-tliet xeni bħala marbuta sfiq flimkien, u jesprimu l-ferħ tal-Missier meta tindem persuna. 


Lq.15:4-5.   tilef waħda. Ġesù jpenġi lill-midneb bħala nagħġa mitlufa li tkun iġġerriet u warrbet mill-merħla. Tkun abbandunat lir-ragħaj u poġġiet lilha nfisha f’periklu estrem (Isa.53:6; Mt.9:36; 10:6; 15:24). Ninnotaw ukoll il-valur tal-individwu f’kuntrast mall-grupp, il-mitt nagħġa. Il-kumpassjoni ta’ Kristu mhijiex dwar numri, iżda dwar il-bżonn ta’ kull midneb partikolari. 

jmur wara l-mitlufa. Alla jieħu l-inizjattiva filli jfittex lill-midinbin. In-nagħġa ma tfittixx ir-ragħaj, sforz l-injoranza tagħha; aktarx ir-ragħaj hu responsabbli minnha u jara li ma tiġrilha ebda ħsara. 

fuq spallejh tagħtina stampa ta’ ragħaj li jħobb in-nagħaġ tiegħu (cf., Ġw.10:11; Sal.24:1). ferħan hi l-mota li tissemma regolarment f’dan l-għanqud ta’ tliet parabboli. Alla jithenna fis-salvazzjoni tal-erwieħ (Lq.15:7,10,32). 


Lq.15:6-7.   Ifirħu miegħi hi sejħa impliċita biex dawk li kkritikawh u barqmu kontrih meta rawh jilqa’ l-midinbin u jiekol magħhom (Lq.15:1-2) jingħaqdu miegħu filli jitgħaxxqu bil-ħniena t’Alla għall-midinbin (ripetuta għall-enfasi f’v.9; cf., v.32). 

Il-ferħ fis-sema hu l-ferħ t’Alla nnifsu, mal-anġli tiegħu, f’kuntrast għat-tgemgim tal-Fariżej. Kemm Alla kif ukoll l-anġli tiegħu jithennew bil-kbir meta l-bnedmin iduru lejh (Lq.15:10). 

li m’għandhomx bżonn indiema. Il-Bibbja tgħallem li kull bniedem għandu bżonn l-indiema (Lq.3:3; 5:31-32) għax kulħadd hu midneb (Lq.11:13; cf., Rum.3:10-20). Allura din l-aħjar nifhmuha bħala ironika għan-nies li jaħsbu li m’għandhomx bżonn jindmu, bħalma kienu l-Fariżej (cf., Lq.5:32; 16:15; 18:9).


Lq.15:8-9. id-drakma (bil-Grieg, drakmē) kienet munita tal-fidda tiswa madwar paga ta’ ġurnata, ċirka daqs id-denarju Ruman fil-valur. Nosservaw illi l-ekwivalent eżatt ta’ flus, kwalunkwe kejl, użin u distanzi llum ma jistax ikun stabilit preċiżament u bla dubju. Sikwit irridu noqogħdu fuq valur jew ekwivalent approssimattiv.

Ninnotaw illi l-munita kienet, min-natura tagħha, totalment passiva waqt li kien imfittxija mill-mara, li stinkat biex issibha. Din hi stampa tal-ħidmiet setgħana tal-grazzja sovrana t’Alla biex isalva lil dawk mejtin fi dnubiethom (Lq.15:24,32). 


Lq.15:11-32.   It-tielet xena tuża l-eżempju ta’ iben mitluf; isservi biex tagħmel il-ġrajja aktar intima u personali. Il-parabbola tal-iben il-ħali preferibbilment nirreferu għaliha bħala l-parabbola tal-Missier il-ħali (fl-imħabba), jew tal-missier jistenna. Filwaqt li l-indiema tal-iben hi importanti, ir-rieda tajba u l-ħniena superba tal-missier biex jaħfer u jagħti akkoljenza sabiħa, b’azzjonijiet xejn mistennija, iservu bħala illustrazzjoni impressjonanti tal-imħabba t’Alla għall-bnedmin żvijati. 

L-iben tost u diżubbidjenti joffri stampa ta’ ndiema aċċettabbli, bl-azzjoni li jieħu biex jirritorna d-dar għand missieru. Ħuh il-kbir hu illustrazzjoni tan-nies reliġjużi, bħalma kienu l-Fariżej, mimlijin bihom infushom li huma tajbin, u indifferenti lejn midinbin li jduru lejn Alla. Persuni reliġjużi u ipokriti ssibhom qrib il-post tal-Missier, it-tempju, iżda m’għandhom ebd sens ta’ dnub, ebda mħabba reali għall-Missier, hekk illi jaqsmu l-ferħ tiegħu, u ebda interess f’midinbin irrestawrati, kif naraw fl-istorja. Il-missier fil-parabbola hu stampa t’Alla, ħerqan biex jaħfer, u mxennaq għar-ritorn ta’ ibnu żvijat. In-nota predominanti, però, bħaż-żewġ parabboli l-oħra, hu l-ferħ divin, u ċ-ċelebrazzjoni ċelesti meta midneb idur lejn Alla, sogħbien minħabba d-diżubbidjenza tiegħu. 


Lq.15:12-13.   agħtini s-sehem tal-proprjetà li tmiss lili. B’ardità u diżrispett l-iben jitlob il-wirt mingħand missieru. Xtaq ġidu, bla ma kien jimportah minnu, u difatti trattah bħallikieku kien diġà mejjet. Il-mitlufa hekk jittrattaw lil Alla: iridu jużawh u jgawdu l-barkiet temporanji tiegħu bla ma jħobbuh. 

Bl-għejxien dissolut tiegħu l-iben baqa’ jixħet għajb u diżunur fuq missieru.


Lq.15:14-15.   jagħlef il-ħnieżer. L-impjieg tiegħi kien diżgustanti, għax il-qżieqeż kienu ċerimonjalment imniġġsa għall-Iżraeliti (Lev.11:7). 


Lq.15:17-18.   daħal fih innifsu. Meta l-ħajja laxxiva u midinba tiegħu ħallietu totalment fallut u mġewwaħ, seta’ jaħseb aktar fiċ-ċar. F’dik il-kondizzjoni, fqir materjalment u spiritwalment, kien kandidat tajjeb għas-salvazzjoni (cf., Mt.5:3-6). 

dnibt kontra s-sema hi ewfemiżmu għal “dnibt kontra Alla.” Mhux biss għaraf il-futilità tas-sitwazzjoni tiegħu, iżda fehem il-gravità tat-trasgressjonijiet tiegħu kontra l-missier. 


Lq.15:19-20.   m’iniex iżjed denju. L-indiema tumilja lill-bniedem, u tneżżgħu minn kull idea illi b’xi mod jixraqlu l-barka, iżda tittama għall-ħniena – agħmilni bħal wieħed mill-qaddejja mikrija tiegħek.

tħassru. Is-salvazzjoni tal-Mulej tnixxi mill-ħniena tenera tiegħu lejn midinbin miżerabbli (Lq.1:78; 7:13). 


Lq.15:22-23.   L-azzjonijiet tal-missier jindikaw maħfra totali u r-restawr tar-relazzjoni. l-aħjar ċulqana hi marka ta’ distinzjoni; iċ-ċurkett jissinifika awtorità (Ġen.41:41; Et.3:10; 8:2). Billi l-ilsiera ma kinux jilbsu żarbun, il-qorq juri l-istatus ta’ persuna ħielsa, li tgawdi l-adozzjoni. F’okkażżjonijiet speċjali biss kien jinqatel l-għoġol l-imsemmen. Dan kollu jissimbolizza l-ġenerożità stravaganti tas-salvazzjoni divina bil-barkiet kotrana tagħha (cf., Ef.1:3; 2:4-7). 


Lq.15:24.   dan ibni. Il-missier irrifjuta milli jirċievi lura lill-midneb bħala servjent (bħallikieku l-iben seta’ jaqla’ xi barka), iżda rrestawrah kompletament. Bis-salvazzjoni tiegħu Alla jittrasformana minn għedewwa għal ulied adottivi u maħbuba (Ef.1:5; Gal.4:4-7). 

mejjet u reġa’ għex. Is-salvazzjoni hi qawmien minn mewt spiritwali għall-ħajja spiritwali (Lq.15:32; cf., Eż.37:1-14; Ġw.5:24-25). Opra sopranaturali bħal din jeħtieġ tkun ċelebrata (Ef.1:6). 


Lq.15:28.   rrabja u ma riedx jidħol. Il-Fariżej u l-iskribi baqgħu barra mill-iffestiġġjar ta’ Kristu man-niedma. Ħa ħamlux l-idea illi l-midinbin sfaċċati setgħu jingħatalhom favur mingħand Alla. 

missieru ħareġ. Bħalma għamel mal-iben iż-żgħir (Lq.15:20), il-missier ħa l-inizjattiva biex jirrestawra r-relazzjoni. Il-parabbola taċċentwa l-imħabba sovrana t’Alla li b’mod attiv ifittex midinbin indenji biex igawdu lilu u l-barka tiegħu (Lq.19:10). 


Lq.15:29-32.   inseftirlek. L-iben il-kbir, bħall-Fariżej u l-iskribi, ikkonsidra r-relazzjoni mal-missier bħala premju għall-imġiba meritevoli tiegħu. Missieru jfakkru li kull ħaġa tiegħi hi tiegħek. Is-salvazzjoni mhijiex premju għall-opri t-tajba, iżda totalment għotja grazzjuża t’Alla (Ef.2:8-9). L-attitudni ħażina tal-iben il-kbir, il-legalist, tellfitu milli jirrealizza li r-relazzjoni mal-missier għandha tkun waħda msejsa fuq l-imħabba. 


Lq.15:31.   Ibni hi appell affezzjonat mill-missier. Juri li għadu jħobbu u jixtiequ jingħaqad magħhom fiċ-ċelebrazzjoni. B’implikazzjoni, Ġesù għadu jistieden lill-Fariżej biex jindmu u jilqgħu l-bxara t-tajba. 


Lq.16:1-3.   iberbaqlu l-possedimenti. Id-diżonestà tal-maniġer hi tema ċentrali fil-parabbola. Hu ħati kif akkużat, għax meta l-imgħallem keċċieh, ma provax jiddefendi lilu nnifsu. 


Lq.16:4-8.   L-amministratur diżonest iddeċieda, fl-aħħar mumenti tiegħu bħala dispensier, illi jfittex jingħoġob mal-midjunin ta’ sidu sabiex imbagħad ikunu jafuhulu. Prova jassigura futur għalih innifsu – jilqgħuni fi djarhom. Inqeda bl-esperjenza finanzjarja tiegħu biex jagħmel ħbieb għalih innifsu. Is-sid ikkommendah għall-astuzja tiegħu filli ħaseb għall-futur, għalkemm dan ma jfissirx li faħħru għall-ħażen tiegħu.


Lq.16:6. bat (bil-Grieg, batos) hi miżura likwida ta’ madwar 65 pinta jew 8.1 galluni.


Lq.16:7.   kor (bil-Grieg, koros) hu miżura niexfa ta’ madwar għaxar sa tnax-il bushel. Mitt kor jagħmlu probabbilment madwar 35 kilolitri.


Lq.16:8.   In-nies mitlufa – ulied did-dinja – sikwit juru iżjed interess u ħila filli jieħdu ħsieb il-benesseri mondan tagħhom milli n-nies mifdija – ulied id-dawl – jieħdu ħsieb l-investiment tagħhom fi ħwejjeġ eterni. Ċanfira lid-dixxipli!


Lq.16:9.   Id-dixxipli għandhom jagħmlu użu mill-għana tagħhom, mhux għal għanijiet egoistiċi, iżda biex jagħmlu ħbieb (probabbilment karità lill-foqra). 

mammona tal-inġustizzja, jew rikkezzi inġusti. Jissejħu hekk minħabba l-mod kif sikwit huma akkwistati. Spiss jintużaw mezzi dubjużi, b’abbuż minn ħaddieħor, flimkien ma’ diżonestà, biex wieħed isir sinjur. Hemm ukoll ix-xewqa biex ir-rikkezzi jintużaw għall-gratifikazzjoni personali u għanijiet egoistiċi aktarx milli wkoll għall-ġid tal-proxxmu. Jerġa’, l-għana sikwit tikkorrompi u twassal lin-nies għall-inġustizzja.

meta tfalli, għax ir-rikkezzi inevitabbilment jiddiżappuntaw; la jissodisfawx u lanqas jilqgħu għall-bżonnijiet eterni.

jilqgħukom. Ma nafux min jilqa’: possibbiltajiet huma l-foqra nfushom li jkunu ġew mgħejjuna f’din il-ħajja, jew Alla nnifsu. L-assistenza mogħtija lill-oħrajn tul is-snin hi sinjal ta’ dixxiplu ġenwin u tas-salvazzjoni diġà gawduta.


Lq.16:11-12.   rikkezzi inġusti hawn jirreferu għall-flus u beni materjali, mentri l-għana veru jfisser l-amministrazzjoni spiritwali u responsabbiltà f’saltnet Alla, u ultimament premju fis-sema. Jekk tagħkom stess hu l-għana veru, allura Ġesù qed jgħid li l-fedeltà bħala amministratur f’dil-ħajja tiddetermina l-premju fis-saltna eterna (Mt.25:34). L-użu fidil tal-ġid mondan hu ripetutament marbut mat-tiġmigħ ta’ teżor fis-sema (cf., Lq.12:33; 18:22; Mt.6:19-21,24). 

ta’ ħaddieħor tirreferi għal Alla, u l-amministrazzjoni tal-fidil inkwantu flusu. Kulma l-Kristjan għandu qed jimmaniġġjah bħala stjuward għan-nom ta’ Sidu. 


Lq.16:13.   Fedeltà sħiħa lejn Alla (ara l-pass paralleli f’Mt.6:24). Ma tistgħux taqdu ’l Alla u ’ll-mammona. Impossibbli jkollok żewġ sidien. Id-dixxipli jkollhom bilfors jagħmlu għażla bejn jaqdu lil Alla jew inkella jservu l-flus. Il-flus, flimkien ma’ kull materjaliżmu, huma personifikati f’kuntrast ma’ Alla; hekk hu indikat kif il-flus sikwit jieħdu post idolatruż f’ħajjitna. Il-mod kif nistgħu nservu lil Alla aktarx milli l-flus hu billi nqiegħdu r-riżorsi materjali tagħna għas-servizz ta’ oħrajn u għall-avvanz tas-saltna. 


Lq.16:14-18.   Il-liġi, il-profeti u s-saltna (ara l-passi paralleli f’Mt.11:12-13; 5:31-32 u Mk.10:11-12). 


Lq.16:14.   kienu jħobbu l-flus. Il-Fariżej stmaw ir-rikkezzi bħala barka mingħand Alla għall-osservanza fidila tagħhom lejn il-liġi. Tmasħru b’Ġesù peress li kien fqir, għax ikkonsidraw il-faqar bħala sinjal li Alla ma onorahx. 


Lq.16:15.   tiġġustifikaw lilkom infuskom (cf., Lq.10:29). In-nies li tipikament ħsiebhom biss biex jidhru ġusti quddiem ħaddieħor mhumiex ġusti quddiem Alla, għax ħarstu tinfed sal-intenzjoni u l-motivi tal-bniedem. dak li hu valutat fl-għoli fost il-bnedmin jinkludi kwalunkwe tip ta’ kisba jew suċċess uman li mhuwiex magħmul għall-glorja tiegħu (cf., Lq.18:9-14). 


Lq. 16:16.   sa Ġwanni. Il-ministeru tal-Battista serva bħala l-inkroċju kbir fl-istorja ridentiva (Mt.11:11). Hu l-quċċata tal-ġrajja twila ta’ profezija u tipoloġija fil-Patt il-Qadim li antiċipaw is-saltna messjanika. 

kulħadd qed jisforza triqtu għal ġo fiha (cf., Ġer.29:13). Waqt li l-Fariżej kienu bieżla jopponu lil Kristu, il-midinbin kienu qed jidħlu f’saltnatu. Il-lingwaġġ użat jindika forza vjolenti, probabbilment biex jissinfika ż-żelu li bih il-midinbin kienu qed ifittxu b’qalbhom kollha biex jiksbu s-salvazzjoni.


Lq.16:17.   qrajjen kien qisu virgola ċkejkna f’xi ittri Ebrajċi, l-iżgħar parti ta’ ittra. Il-liġi sħiħa ġejja mingħand Alla, u hi ċerta daqs l-Awtur tagħha. 


Lq.16:19-20.   Ġesù ma jgħid xejn dwar il-kondizzjoni spiritwali tal-għani u l-fqir, iżda hu implikat li Lazzru kien sewwa m’Alla mentri s-sinjur ma kienx. 


Lq.16:22.   ħdan Abraħam hi espressjoni misjuba fit-Talmud, hawnhekk użata bħala figura għall-ġenna, għall-istat intermedjat tal-fidili bejn il-mewt u r-resurrezzjoni fl-aħħar jum (2 Kor.5:8; Fil.1:21-23). L-idea hi illi Lazzru ngħata post ta’ unur għoli, xirka ma’ dawk li għandhom il-fidi tal-patrijarka Abraħam. 


Lq.16:23.   Ħades kienet il-kelma Griega għall-għamara tal-mejtin, ekwivalenti għall-kelma Ebrajka Xeol, id-demanju tal-mejtin inġenerali, bla ma neċessarjament tiddistingwi bejn erwieħ ġusti u injusti. Fil-Patt il-Ġdid Ħades u infern (Geenna) dejjem jirreferi għall-post tal-ħżiena qabel il-ġudizzju finali meta l-mitlufa mbagħad ikunu mixħuta fl-għadira tan-nar.


Lq.16:24-26.   ibgħat lil Lazzru. L-għani jaf l-isem ta’ Lazzru u għalhekk kien konsapevoli wkoll tal-miżerja tiegħu, għalkemm injoraha. Il-konverżazzjoni bejn l-għani u Abraħam hi wieħed minn dawk id-dettalji fil-parabbola li mhuwiex għaqli jkun pressat f’sinifikat dottrinali. Imkien aktar fl-Iskrittura m’hemm indikazzjoni li jista’ jkun hemm komunikazzjoni bejn erwieħ fil-ġenna u l-mitlufa fl-infern.

ninsab miġugħ qatigħ f’dil-fjamma. Kristu jpenġi lil Ħades bħala post fejn it-turment tal-infern diġà beda. Fost il-miżerji sofferti huma l-fjamma li ma tintefiex (Mt.25:46), kuxjenza dejjem takkuża, mitmugħa b’memorji ta’ opportunità mitlufa (Lq.16:25), u s-separazzjoni permanenti u irriversibbli minn Alla u kwalunkwe ħaġa tajba (Lq.16:26).


Lq.16:24-31.  Il-mitlufa għandhom reliġjożità vojta, għax jindirizza lill-patrijarka Missieri Abraħam, iżda ma tiswa xejn. Imqar f’Ħades l-għani hu arroganti. Jaħseb li jista’ jibgħat lil Lazzru fuq faċenda, kif ukoll jikkmanda x’għandu jsir filli jargumenta ma’ Abraħam. 


Lq.16:25.   L-għani gawda dak li hu stmah bħala l-ħwejjeġ tajba tul għomru, biex finalment tilef kollox. Seta’ għażel il-ħwejjeġ t’Alla, li huma eterni u sikuri, iżda prefera l-pjaċiri fiżiċi u materjali. 

L-indirizz Ibni hu wieħed teneru, iżda ma jistax jibdel il-fatti. Fiżikament kien dixxendent ta’ Abraħam (cf., Ġw.8:39) iżda ma kellux il-fidi ta’ Abraħam (cf., Rum.9:6-13; Gal.3:9,29). Id-destin finali tal-individwu hu irrevokabbli u irriversibbli mal-mewt – hemm iffissat dagħbien kbir – u sikwit in-nies f’mewthom isibu ordni ġdid bil-valuri mondani totalment irriversjati. 


Lq.16:26.   iffissat dagħbien kbir. M’hemm ebda komunikazzjoni bejn l-infern u l-ġenna, u d-destin finali ta’ kull ruħ hi determinata irreversibbilment mal-mewt.


Lq.16:28.   għandi ħames aħwa. Evidentement ir-ruħ wara l-mewt fiżika tibqa’ tiftakar l-esperjenzi ta’ għomorha fuq l-art. Ir-ruħ la torqod u lanqas tiġi fix-xejn. 

ħalli jwissihom, li ma jiġux huma wkoll f’dal-post tat-turment. Probabbilment ma ridhomx ikunu miegħu fl-infern għax hekk jiżdiedlu t-turment u s-sofferenzi tiegħu. 


Lq.16:29.   Mosè u l-Profeti hi referenza għal-Patt il-Qadim kollu, li lkoll jagħtu xhieda abbondanti ta’ Kristu bħala s-Salvatur (Lq.24:27). Is-sinjur assuma li l-apparizzjoni ta’ Lazzru tkun effettiva. Ogħla u aħjar mix-xhieda tal-Kelma skritturata t’Alla m’hemmx. Meta wieħed iwarrabha, żgur ma jilqax xhieda oħra, tkun xi tkun. Il-bniedem jibqa’ bla ndiema u jirrifjuta milli jemmen il-vanġelu, mhux minħabba evidenza fjakka jew inadegwata, iżda minħabba l-qalb iebsa tiegħu (cf., Mk.8:17; Ġw.11:37-40; Ebr.3:7-11,15; 4:7). 


Lq.16:31.   lanqas mhuma se jkunu persważi. L-Iskrittura hi singularment suffiċjenti biex tegħleb kull nuqqas ta’ fidi. L-evanġelju nnifsu hu l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni (Rum.1:16). Billi l-inkredulità hi fil-qalba tagħha problema morali u mhux intellettwali, ebda ammont ta’ evidenzi ma jegħleb l-inkredulità. Biss il-kelma rivelata t’Alla, użata milll-Ispirtu s-Santu, għandha l-qawwa twassal lill-bniedem għall-fidi (cf., Ġw.6:63; Ebr.4:12; Ġak.1:18; 1 Pt.1:23). 


Lq.17:1-3.   Twissija kontra l-iskandlu (ara l-passi paralleli f’Mt.18:6-7 u Mk.9:42). 


Lq.17:1   tentazzjonijiet. Il-kelma Griega skandalon oriġinarjament tirreferi għall-istikka li magħha titwaħħal il-lixka f’nassa; saret tfisser kwalunkwe ħaġa li tfixkel in-nies jew twaqqagħhom fi trappola, ostaklu, dak li jikkawża d-dnub jew jagħti okkażżjoni għall-ħażen.

Fl-għerf inskrutabbli tiegħu, Alla ħatarha bħala ħaġa inevitabbli illi jiġu t-tentazzjonijiet, iżda b’daqshekk il-bniedem mhuwiex skużat milli jkun il-kawża ta’ tiġrib għal ħaddieħor, għax Ġesù jgħid li jekk iservi f’dan ir-rwol, gwaj għalih (cf., Lq.22:22; At.2:23; 4:27-28). 


Lq.17:2.   dawn iż-żgħar: tfal jew inkella fidili umli (cf., Lq.10:21), li huma dgħajfa apparti mill-għajnuna t’Alla. 


Lq.17:3-4.   Il-maħfra bejn l-aħwa (ara l-pass paralleli f’Mt.18:15,21-22).

widdbu. Hu dover Kristjan illi wieħed jittratta onestament u bil-miftuħ ma’ oħtu jew ħuh fil-fidi, meta jkun imxeblek fid-dnub (Lev.19:17-19; Prov.27:5-6). 

jekk jindem, aħfirlu. Ġesù jesiġi illi d-dixxipli tiegħu jippossiedu attitudni li tixtieq taħfer u tgħin lil dawk li offendewhom, aktarx milli jrawmu spirtu ta’ vendetta jew mibegħda (Ef.4:32). Però l-maħfra u r-rikonċiljazzjoni ma tistax isseħħ realment qabel ma l-persuna li offendiet tammetti l-azzjoni ħażina tagħha. Imissna nipperseveraw fl-eżerċizzju tal-maħfra dment li min joffendi jindem sinċerament. 

Hawnhekk Ġesù mhuwiex qed jiskuża d-dnub abitwali, u lanqas qed jissuġġerixxi li l-fidil għandu jħalli lil ħaddieħor jimmaltrattah indefinittivament. Minflok, jgħallem li jeħtieġ immantnu atteġġjament li bih inkunu dejjem lesti nirrestawraw u naħfru lil min naqasna, bla ma nżommu fil-komma.

seba’ darbiet matul il-jum mhuwiex limitu sakemm għandek taħfer (cf., Sal.119:164), iżda preċiżament il-kuntrarju. Il-maħfra jmissna nestenduha bla ma noqogħdu nżommu fil-komma jew ngħoddu d-drabi kemm ħfirna (cf., Ef.4:32; Kol.3:13). 


Lq.17:5-6.   Żidilna l-fidi. L-appostli ħassewhom inadegwati quddiem l-istandard għoli mqiegħed quddiemhom; ħasbu illi kellhom bżonn fidi kbira biex jaħfru. Ġesù jirrimarka illi mqar fidi ċkejkna kapaċi tagħmel għemejjel rimarkevoli, għax iżjed importanti mill-kwantità ta’ fidi hu l-oġġett tal-fidi, ċoè Alla infinit u omnipotenti. 


Lq.17:9-10.   Jaqaw irodd ħajr lill-qaddej...? It-tweġiba implikati hi “Le.” Frattant Ġesù mhuwiex jinkuraġġina nkunu psataż jew ingrati. Aktarx, hu eżempju vividu biex jillustra punt, illi nagħmlu kemm nagħmlu hu biss dmirna. 

Ilsiera bla fejda aħna. Bħall-pubblikan (Lq.18:13) u mhux bħall-Fariżew (Lq.18:11-12), il-Kristjan messu jammetti liberament illi Alla mhu obbligat xejn lejh, u li hu messu jagħtih kollox, imqar ħajtu stess (cf., 1 Kor.4:7). B’ebda mod u f’ebda okkażżjoni l-Kristjan m’għandu għalfejn jintefaħ bil-kburija minħabba s-servizz li qed irodd; imissu jirrealizza illi l-ubbidjenza tiegħu hi sempliċement dover. Fiha nfisha ma ħaqqha ebda tifħir jew premju – avolja Alla, fit-tjieba u l-grazzja tiegħu, jippremjaha. 


Lq.17:14.   Morru għand il-qassisin, sabiex ikunu dikjarati nodfa, jew imfejqa (Lev.13:2-3; 14:2-32). Il-kmand ta’ Ġesù, meta kien għadu ma ġara xejn, serva bħala test ta’ fidi. Tfejqu huma u sejrin f’ubbidjenza għal kelmet Ġesu.


Lq.17:15-16.  Raġel wieħed b’sens ta’ gratitudni rritorna jfaħħar lil Alla għal li ġara. Il-fatt li kien Samaritan jagħmel il-każ jerġa’ iżjed interessanti, għax ma kienx mistenni juri wisq gratitudni għal fejjieq Lhudi. 


Lq.17:19.   il-fidi tiegħek fejqitek, litteralment “salvatek,” (cf., l-istess verb Grieg f’Luqa 7:50; 8:48; 18:42), għalhekk il-fejqan hawnhekk kien iktar minn fiżiku. 


Lq.17:20-25.   Is-saltna – diġà waslet u għad trid tiġi (ara l-pass paralleli f’Mt.24:23-28). 


Lq.17:20-37.   mistoqsi mill-Fariżej meta kellha tiġi saltnet Alla. Abbli staqsew b’atteġġjament ta’ stmerrija jew biex jgħadduh biż-żmien, billi kienu diġà kkonkludew illi Ġesù mhuwiex il-Messija. 

Saltnet Alla ma tiġix bl-osservazzjoni, ċoè mhux  bil-pompa u s-sensazzjonaliżmu mistenni mill-Fariżej, iżda b’mod kwiet hekk kif il-vanġelju jaħdem fir-ruħ tal-bniedem.

Is-saltna u l-miġja tagħha għandha karattru dinamiku. Hi preżentata bħala realtà preżenti – saltnet Alla hi fostkom. Fil-persuna ta’ Ġesù u fir-renju t’Alla manifestat f’dawk li diġà kienu qed isegwu lil Ġesù, is-saltna diġà ġiet. Fl-istess ħin bħala saltna li għad trid tkun irrivelata kompletament (Lq.17:20-37). Hi realtà moħbija u qed tikber (Mt.13:31-33), bil-kwiet u inviżibbilment, mingħajr l-isplendur u l-pompa normali assoċjata mal-wasla ta’ sultan; hi preżenti kif ukoll futura. Fil-ministeru ta’ Ġesù hi diġà preżenti (Lq.11:20), iżda r-realtà sħiħa tas-saltna għad trid tkun manifestata (cf., Lq.19:11). Id-dixxipli għandhom jitolbu għar-realizzazzjoni sħiħa ta’ saltnet Alla (Lq.11:2). 


Lq.17:22.   wieħed mill-jiem ta’ Bin il-Bniedem. Probabbilment tfisser illi jixxenqu biex jaraw jum meta Ġesù jkun diġà rritorna fid-dinja u jkun magħhom għal darb’ oħra. Xi wħud, però, jifhmuha illi jixxenqu għaż-żmien meta Ġesù kien magħhom fuq l-art. Ma tarawhx għax Ġesù ma jkunx għadu fuq l-art u ma jkunx għadu ġie lura. 


Lq.17:23-24.   Il-Kristjani m’għandhomx jagħtu kas nies li jikklejmjaw illi Ġesù ġie b’mod sigriet jew moħbi, għax it-tieni miġja tiegħu fl-aħħar jum tkun drammatika u viżibbli għall-umanità kollha. Is-saltna eterna tkun inawgurata mar-ritorn ta’ Kristu bi glorja u għall-għarrieda, bħalma berqa tleħħ minn naħa s’oħra tal-orizzont. 


Lq.17:25.   l-ewwel jeħtieġlu jbati. Il-konsumazzjoni tas-saltna tirrekjiedi li l-ewwel iseħħ avveniment divin, ċoè, l-obbligu li Ġesù jagħti ħajtu bħala fidwa għal niesu skont l-għan tal-Missier (cf., Lq.9:22; 18:31-33; 24:25-26; Mt.16:21; Mk.8:31).


Lq.17:26-30.   Bħal fi żmien Noè u Lott (ara l-pass paralleli f’Mt.24:37-39). Ġesù jaċċetta l-istoriċità sħiħa ta’ kulma hu rekordjat fil-Patt il-Qadim, inkluż id-dulluvju globali fi żmien Noè. 

In-nies fi żmien Noè (Ġen.6-9) u Lott (Ġen.19:24-25) baqgħu għaddejjin fil-korsa normali ta’ ħajjithom. Impressjonanti kif Ġesù ma jsemmix l-inikwità jew il-ħażen tagħhom, imma biss il-fatt li kienu mixrubin fl-andament terrestri ta’ ħajjithom, u daqshekk. Allura traskuraw l-opportunità spiritwali tagħhom, u finalment inqabdu bla ma kienu preparati. Noè u Lott kienu midinbin, iżda taw kas it-twissija u allura kienu salvati. Ma kinux mgħarrqin fil-materjaliżmu u s-sekulariżmu ta’ żmienhom.


Lq.17:31-37.   Wieħed jittieħed u ieħor jitħalla (ara l-passi paralleli f’Mt.10:39; 24:17-18,28,40-41). 


Lq.17:31.   Il-bejt ta’ dar Palestinjana kien jintuża wkoll, b’aċċess għalih b’taraġ minn barra, fejn wieħed seta’ jorqod, jitlob (At.10:9), u jagħmel xi attività oħra. 


Lq.17:32.   Ftakru f’mart Lott! Din ħarset lura b’xenqa lejn Sodoma meta kienu qed jiskappaw mill-qirda tagħha (Ġen.19:17,26). Mewtha sservi bħala eżempju ta’ ġudizzju divin li jiġi f’kolp fuq dawk li ma jobdux il-kmandamenti tal-Mulej mill-qalb.


Lq.17:33.   Kull min jipprova jsalva ħajtu se jitlifha. Bħal kull predikatur u evanġelista ieħor, l-Imgħallem sikwit tenna twissijiet fondamentali (cf., Lq.9:24). Dan hu xieraq u adatt, għax l-udjenza tinbidel, u anke min ikun sema’ jeħtieġ ikun imfakkar li l-bniedem egoist, ħsiebu biss biex jafferma u javvanza lilu nnifsu, ikun miexi lejn mewt spiritwali u eterna fl-infern. 


Lq.17:34-35.   wieħed se jittieħed u l-ieħor se jitħalla. Nies salvati jgħixu qrib ma’ nies mitlufa, sikwit taħt l-istess saqaf. B’daqshekk il-mitlufa ma jkunux vantaġġjati fil-miġja ta’ Kristu inkwantu l-ġudizzju finali. 


Lq.18:1-8.   It-tifsira ta’ dil-parabbola mhijiex illi Alla jisma’ kontra qalbu l-għajtiet ta’ niesu. Aktarx, l-imħallef bla skrupli mhuwiex stampa t’Alla iżda mqiegħed f’kuntrast miegħu. Jekk imħallef imkabbar u korrott jasal biex jgħin armla li ma tfisser xejn għalih, minħabba l-persistenza tagħha, kemm aktar Alla ġust jonora t-talb ta’ niesu, il-magħżulin fi mħabbtu!


Lq.18:1.   dejjem jeħtiġilhom jitolbu. Din hi tema rikorrenti fl-epistoli ta’ Pawlu (cf., Rum.1:9; 12:12; Ef.6:18; 1 Tes.5:17; 2 Tes.1:11). Ġesù tkellem kontra talb fit-tul, għax hu repettitiv u formali (Mt.6:7). Hu aktar ikkonċernat dwar is-saħħa tat-talba milli t-tul tagħha. Min jitlob jinstema’ mhux għax itawwalha, iżda għall-għajta sinċiera tiegħu. 

u ma jintelqux – minħabba l-afflizzjonijiet u l-provi mġarrba, kif ukoll id-dewmien tar-ritorn ta’ Sidhom (cf., Lq.17:20-37). Bħal f’Luqa 18:9 u 19:11, l-introduzzjoni tal-parabbola sservi bħala l-gwida għall-interpretazzjoni, ċoè, biex nitolbu persistentement għall-ġustizzja għan-nies t’Alla, bħalma għamlet l-armla.


Lq.18:3.   L-armla, speċjalment dak iż-żmien, kienet persuna bla saħħa u vulnerabbli (Es.22:22-24). 


Lq.18:7.   Jekk imqar imħallef inġust jagħmel is-sewwa, kemm iżjed Alla, l-imħallef tas-sema u l-art, li għandu l-magħżulin u maħbubin tiegħu fuq l-art? Hu argument minn iżgħar għal ikbar. 

nhar u lejl, ċoè, dejjem (Lq.18:1; cf., Lq.2:37; At.9:24; 20:31; 26:7). 

Se joqgħod itawwalha magħhom? Alla mhux se jibqa’ jinki u jittratieni bħall-imħallef fil-parabbola; kwalunkwe dewmien għandu raġuni. 


Lq.18:8.   fil-pront. Alla jintervieni tabilħaqq, iżda dejjem skont iż-żmien u l-pjan tiegħu (2 Pt.3:8-9), mhux tagħna. Mill-perspettiva umana, naraw li l-ġustizzja ddum biex tiġi. 

meta jiġi Bin il-bniedem. It-tweġiba ultima għall-appelli tal-fidili hi r-ritorn glorjuż ta’ Sidhom (Lq.9:26; 12:40; 21:27). 

se jsib fidi fuq l-art? Mhux għax ma jkunx hawn fidili, iżda għax il-fidi ma tkunx karatteristika ta’ kulħadd. Meta jirritorna, Ġesù se jfittex lil dawk li jkunu jitolbu u viġilanti għalih, li apparentement se jkunu relattivament ftit, bħal fi żmien Noè (Lq.17:26). Il-perjodu qabel l-avvent glorjuż ta’ Kristu se jkun immarkat b’persekuzzjoni, apostasija u inkredulità (Mt.24:9-13,24). 


Lq.18:9-14.   Ġesù rrakkonta dil-parabbola biex jagħmilha ċara illi l-qagħda ġusta tagħna quddiem Alla niksbuha fih waħdu, mhux fi kwalunkwe ħaġa li nistgħu nagħmlu aħna (Rum.3:21-26; 2 Kor.5:21). 

niżel iġġustifikat lejn daru. Ġesù għallem il-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi qabel Pawlu. Pawlu spjegaha aktar u saħaq fuqha. Dil-parabbola twieġeb il-mistoqsija kruċjali u urġenti kif il-midneb, għeri minn kull tjieba personali, jista’ jkun dikjarat ġust quddiem Alla. Dan jiġri meta jafda fih b’fidi niedma.

Ġesù jirrakkonta l-parabbola fis-smigħ ta’ nies reliġjużi, mimlija bihom infushom, li kienu jafdaw fit-tjubija personali tagħhom sforz l-ubbidjenza tagħhom għal-liġi (Lq.18:10-11). It-tali kunfidenza fis-sewwa tiegħek innifsek ma tiswa xejn ħlief biex tikkundannak (cf., Rum.10:3; Fil.3:9). Is-sewwa li kapaċi jilħaq kwalunkwe bniedem, imqar jekk hu fastidjuż u metikoluż fid-doveri tiegħu, ma jissodisfax l-istandard divin (Mt.5:48). 

It-tama tal-evanġelju hi proprjament hawn: il-midinbin huma dikjarati ġusti u maħfurin meta s-sewwa ta’ Kristu hu magħdud fil-kont tagħhom (cf., Ġen.15:6; Rum.4:4-5; 2 Kor.5:21; Fil.3:4-9). Avolja tkun fost l-eħżen mill-bnedmin, din biss hi l-bażi ta’ salvazzjoni, bħalma ġralu l-pubblikan fil-parabbola. Appella biss għall-ħniena t’Alla, esprima fiduċja fih, u Alla ġġustifikah. 

Ħafna nies reliġjużi, bħal-Fariżew, għandhom it-tama tagħhom fuq il-fatt li mhumiex ħżiena daqs ħaddieħor (Lq.18:11). Qed jiddependu fuq tjubithom stess: Insum darbtejn fil-ġimgħa, u l-bqija. M’għandhom ebda sens li huma nfushom, quddiem Alla, huma indenji (cf., Lq.18:18-21; Mt.19:17-20). 


Lq.18:11.   Il-postura normali tat-talb hi bilwieqfa. Dit-talba, jekk nistgħu nsejħulha hekk, hi mimlija bil-jien. L-egoċentriċità tal-Fariżew hi ovvja. Aktarx milli radd ħajr lil Alla għalli wettaq għalih, il-Fariżew jiftaħar b’arroganza m’Alla dwar is-safa morali tiegħu kif ukoll ir-riverenza u l-osservanzi reliġjużi tiegħu.

jitlob hekk miegħu nnifsu. Il-problema prinċipali tal-Fariżew kienet illi ħaseb li seta’ jieqaf quddiem Alla u jkun milqugħ minnu abbażi tal-lista twila ta’ ħwejjeġ morali u reliġjużi li kien jagħmel (Sal.130:3; 143:2). F’diskorsu m’hemm ebda ħjiel ta’ ndiema mid-dnub. 


Lq.18:13.   lanqas biss jerfa’ għajnejh. Waqt it-talb kien normali għal-Lhud li jħarsu ’l fuq lejn is-sema, iżda dan il-pubblikan kien konxju wisq tal-istat indenju tiegħu. Umiljat, sempliċement talab għall-ħniena divina hu u jammetti dnubu. 

ħabbat fuq sidru hi sinjal ta’ għali u sogħba għad-dnub (cf., Lq.23:48). 

Alla, kun pjetuż miegħi, il-midneb! – it-talba tal-midneb pereċċellenza (cf., Sal.51:1), li tfittex ħaġa waħda biss: il-ħniena t’Alla. Il-kuntrast qawwi maħluq bejn l-indiema tal-midneb u l-Fariżew minfuħ bih innifsu tifforma l-fokus tal-parabbola. Il-pubblikan kien jaf li hu midneb bla fejda; seta’ biss jieqaf quddiem Alla b’favur mingħandu, u xejn aktar (Sal.51:1-2). 


Lq.18:14.   Ġesù jippronunza verdett xokkanti għas-semmiegħa tiegħu. Il-Fariżew, bis-sensiela ta’ opri u merti personali, fada fih innifsu u l-kisbiet reliġjużi tiegħu. Ma kienx jaf li t-tjubija umana altru milli mhix suffiċjenti quddiem Alla li jiddomanda l-perfezzjoni etika (Mt.5:48). Prova jiġġustifika lilu nnifsu billi semma lista twila ta’ ħwejjeġ morali fih innifsu. 

B’kuntrast, il-pubblikan iddependa totalment fuq il-miżerikordja t’Alla u sabha. Kien Alla li ddikjarah ġust – iġġustifikat. Kien maħfur, mentri l-ieħor, bil-kburija spiritwali tiegħu, ma kienx. 

min jumilja lilu nnifsu għad ikun eżaltat. Element integrali u essenzjali fil-fidi hu sens qawwi ta’ umiltà. 


Lq.8:15-17.   Ġesù jbierek liż-żgħar (ara l-passi paralleli f’Mt.19:13-15 u Mk.10:13-16). Ħalli t-tfal ċkejknin jiġu għandi. Bħalma Alla jiġġustifika u jonora lill-midneb umli li jafda fil-grazzja tiegħu murija fi Kristu (Lq.18:13-14), hekk Ġesù jagħti merħba liż-żgħar għax is-salvazzjoni tappartieni għal dawk li quddiem Alla jixbhu lit-tfal, li jafu jiddependu fuq ħaddieħor, proprjament għax huma tfal. 

ta’ nies bħat-talin. Ġesù mhux jgħid li s-saltna tappartieni awtomatikament għat-tfal; aktarx jafferma li s-saltna hi ta’ min hu bħat-tfal, dawk in-nies li jippossiedu afdar u fiduċja fih, bħalma t-tfal jiddependu spontanjament fuq il-kbar (cf., Mt.18:4; Mk.10:13-15). 


Lq.18:18-23.   Direttivi lil ħakkiem sinjur (ara l-passi paralleli f’Mt.19:16-22 u Mk.10:17-22). 


Lq.18:18.   Għalliem tajjeb ma kinitx forma normali ta’ indirizz fil-Ġudaiżmu; kienet biss lusingar fil-vojt. Ir-raġel assuma li l-opri tiegħu jwassluh għall-ħajja eterna. 

Xi jmissni nagħmel biex niret il-ħajja eterna? Dar-raġel hu ammirabbli għall-interess tiegħu fi ħwejjeġ spiritwali tal-ikbar importanza, iżda daqshekk ieħor hu twissija għalina, għax jidher illi għadu mwaħħal f’mentalità li jrid jagħmel, jagħmel, jagħmel, biex abbli jikseb mertu quddiem Alla. Ġesù attakka dil-mentalità gravament żbaljata billi wrieh illi jagħmel kemm jagħmel ma jistax isalva bl-opri tiegħu, għax il-perfezzjoni ħadd mhu kapaċi jilħaqha. 


Lq.18:19.   Għaliex issejjaħli tajjeb? Ġesù, l-omnixjenti, jisfida t-tfaħħir tal-mexxej billi jfakkru li t-tjieba vera u assoluta hi attribut ta’ Alla waħdu. Il-lusingar tiegħu kien diżonest, kif muri mill-falliment tiegħu: meta l-Għalliem qallu x’għandu jagħmel, baqa’ m’obdihx (Lq.18:23). 


Lq.18:20.   Il-kmandamenti tafhom. Ġesù ffoka fuq it-tieni tavla tal-liġi, li tirrigwardja r-relazzjonijiet tagħna ma’ bnedmin oħra, abbli għax ir-rikkezzi sikwit jippromwovu l-egoiżmu. 


Lq.18:22.   biegħha u ddistribwixxi lill-foqra. Ġesù, it-tabib tar-ruħ, jagħti preskrizzjoni lit-tali għax għandu bżonn dak it-trattament, u lil individwu ieħor jimxi miegħu mod ieħor. L-isfida li jbiegħ kulma kellu u jinvestih fil-foqra kixfet lir-raġel bħala wieħed li għadu ma fehemx l-ispiritwalità u l-profondità tal-kmandamenti divini. Meta ffaċċjat bl-għażla, sar evidenti li l-proprjetà tiegħu kienet tiġi qabel Alla. Ġidu, effettivament, kien alla tiegħu.


Lq.18:23-25.   L-għani finanzjarjament hu mġarrab biex jafda fi ħwejjeġ terrestri, flimkien ma’ nies sinjuri f’kisbiet intellettwali, artistiċi, kulturali u f’oqsma oħra. Min għandu ħafna, hu x’inhu, isibha diffiċli jiddependi għalkollox fuq il-ħniena t’Alla murija fi Kristu. 


Lq.18:24-30.   Dħul u kompensa fis-saltna (ara l-passi paralleli f’Mt.19:23-30 u Mk.10:23-31).


Lq.18:26.   Allura min jista’ jsalva? Ladarba r-rikkezzi kienu suppost sinjal tal-favur t’Alla, is-semmiegħa bilfors tħawdu, għax jekk raġel sinjur (li seta’ jagħti l-karità liberament u joffri sagrifiċċji kemm ried) ma setax isalva, mela min jista’?


Lq.18:27-30.   Il-ħwejjeġ impossibbli għall-bnedmin huma possibbli għal Alla (cf., Lq.1:37; Ġen.18:14). Minħabba l-qawwa u l-grazzja t’Alla, in-nies jingħataw l-indiema u l-fidi biex jafdaw f’Ġesù u jsalvaw, imqar jekk huma għonja (Lq.19:1-10). Is-salvazzjoni hi għemil il-Mulej, li jwettaq hu nnifsu dak li altrimenti hu impossibbli (Lq.3:8; At.11:18; 13:48; 16:14).


Lq.18:31-34.   It-tielet tħabbira tal-passjoni (ara l-passi paralleli f’Mt.20:17-19 u Mk.10:32-34). 

se jitwettaq kulma nkiteb. Il-missjoni ta’ Kristu hi l-messaġġ grandjuż tal-Iskrittura (Lq.24:26-27,44-47). Il-volontà t’Alla kif żvelata fil-Ktieb tiegħu impossibbli tfalli (Lq.16:17). 

Kristu jiddeskrivi l-umiljazzjoni u l-abbużi fiżiċi li kellu jgħaddi minnhom. Il-Lhud ma kinux waħidhom biex il-Messija nqatel; il-Ġentili lanqas ma kienu innoċenti.


Lq.18:35-43.   Ġesù jfejjaq għama fqir (ara l-passi paralleli f’Mt.20:29-34 u Mk.10:46-52).

Imqar fi triqtu lejn Ġerusalemm Ġesù volontarjament u b’rieda tajba jieqaf biex ibierek u jifdi lin-nies. 

Filli iżjed issokta jgħajjat Bartimew hu eżempju ta’ fidi perseveranti, li ma ċċedix (cf., Lq.8:15; 18:1-8; 21:19).

nirkupra l-vista! Kliemu jikkonferma l-fidi kbira tiegħu f’Ġesù bħala l-Messija (Lq.18:38). Aktarx milli ttallab għall-flus (Lq.18:35), ifittex miraklu. Wara li ġie jara, kompla bħala dixxiplu, jagħti s-sebħ lil Alla, kif inhu xieraq.

Il-fidi hi dejjem l-istrument jew il-mezz li bih nirċievu u ngawdu kwalunkwe għotja mingħand Alla, ibda mill-maħfra sal-barkiet li jsawwab fuqna minn ġurnata għall-oħra. L-appell tal-għama kien biżżejjed biex jirċievi l-barka tremenda tas-salvazzjoni. Il-fiduċja tal-għami hi f’kuntrast qawwi mal-attitudni tal-ħakkiem sinjur, li għall-ewwel resaq lejn Ġesù iżda ftit wara warrbu għax ma kienx lest iserraħ fuqu għas-salvazzjoni. 


Lq.19:2.   Ġesù kien għadu kif wissa illi għas-sinjuri s-salvazzjoni hi umanament impossibbli (Lq.18:25). Kif inhu deskritt Żakkew jagħtina x’nifhmu illi r-rikkezzi tiegħu kisibhom bil-qerq, b’abbuż tal-impjieg tiegħu.


Lq.19:3-4.   Ma kienx kulturalment aċċettabbli illi raġel jixxabbat ma’ sikamoru jew siġra oħra, iżda Żakkew, biex jilmaħ lil Ġesù, kien lest jagħmel din l-azzjoni stramba.


Lq.19:5.   Għalkemm Żakkew kien qed jipprova jara lis-Sid, hu rekordjat illi Ġesù ħares ’il fuq. Seta’ baqa’ għaddej, iżda waqaf, u stieden lilu nnifsu fid-dar tal-pubblikan. Hawn naraw illustrazzjoni stupenda tas-sovranità u l-inizjattiva divina fis-salvazzjoni. 

jeħtieġli turi n-neċessità divina ta’ Ġesù li kellu jwassal is-salvazzjoni lid-dar ta’ Żakkew (cf., Lq.19:9-10). Kliemu jesprimi mandat, mhux rikjesta. Hu l-uniku post fil-Vanġeli fejn Kristu stieden lilu nnifsu għand xi ħadd (cf., Isa.65:1). 


Lq.19:8.   erba’ darbiet. Il-liġi rrekjediet l-ammont u parti minn ħamsa (Lev.6:5; Num.5:7). Żakkew kien se jmur wisq lil hinn milli l-liġi ddomandat. Ir-riżoluzzjonijiet ta’ Żakkew jiżvelaw illi l-indiema u l-fidi huma ġenwini (ara Lq.3:8). L-eżempju ta’ Żakkew, li ta nofs ġidu, timmarka l-ġenerożità li għandha tikkaratterizza lin-nies li qalbhom ġiet trasformata bil-vanġelu. 


Lq.19:9.   Ġesù kien għadu kif qal illi hu diffiċli għal persuna għanja biex tasal għas-salvazzjoni (Lq.18:24-25). Il-każ ta’ Żakkew juri illi mhuwiex impossibbli, fejn il-grazzja t’Alla hi operattiva (Lq.18:27).

bin Abraħam, mhux biss b’dixxendenza fiżika, iżda bħala wieħed li xxerja l-istess fidi ta’ Abraħam, u allura wkoll werriet tal-patt t’Alla (Rum.4:16-18). Żakkew kien wieħed min-nagħaġ mitlufa ta’ Iżrael, li lejh Ġesù eżerċita l-missjoni speċjali tiegħu (cf., Lq.13:16; Mt.10:6; 15:24).


Lq.19:10.   Ġesù jagħti sommarju tal-missjoni tiegħu: ġie jfittex u jsalva xi ntilef (cf., Lq.5:31-32; 15:4-7,10,24,32). Hi t-tema prinċipali tal-Vanġelu skont Luqa. Għalkemm Żakkew fittex lil Ġesù (Lq.19:3), dan għamlu għax Ġesù kien qed ifittex lilu l-ewwel. Dan jispjega għala dar-raġel, partikolarment sinjur, kien kapaċi jagħmel l-impossibbli u jkun konvertit (Lq.18:25-27). Il-Missier għeleb il-kburija, ir-regħba u l-egoiżmu fih, u minflok ħawwel fih xewqa ġenwina għal Kristu u s-salvazzjoni. 


Lq.19:11-15.   Wieħed nobbli jafda għaxar miniet f’idejn l-ilsiera (ara l-pass paralleli f’Mt.25:14-19).


Lq.19:11.   Il-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm kien għoddu wasal fi tmiemu, u xi wħud ħasbu li kien immedjatament se jwaqqaf saltna mondana u manjifiċenti hemmhekk. Kien hemm mistennijiet tremendi ta’ messija politiku. Il-parabbola li ġejja turi li s-saltna tintwera fil-milja tagħha meta Kristu jirritorna. Tibda b’mod ċkejken u tikber gradatament sa dak il-jum il-kbir (cf., Lq.13:18-21). 


Lq.19:12-13.   Ġesù ma tkellimx dwar il-miġja immedjata ta’ saltnatu, iżda dwar il-mewt imminenti tiegħu, u l-axxensjoni tiegħu fis-sema sabiex jirċievi saltna għalih innifsu, fuq il-leminija ta’ Missieru. 

Il-parabbola tat-talenti (Mt.25:14-29) tixbah lil din, iżda hemmhekk l-ammonti huma ikbar u jvarjaw fid-daqs, u l-qaddejja huma ttestjata għax-xerqa tagħhom għal inkombenzi ikbar. Hawnhekk l-ammonti huma żgħar u l-istess għal kulħadd. Dil-parabbola tal-miniet tgħallem li kull wieħed għandu biċċa xogħol bażika: illi jservi lil Alla fedelment. 

Ġesù evidentement kultant immodifika t-tagħlim tiegħu għal sitwazzjonijiet u udjenzi differenti biex jenfasizza aspetti differenti ta’ verità.


Lq.19:12.  biex jirċievi l-investitura bħala sultan tfisser biex jilqa’ awtorità fuq saltna. Is-saltna li kien se jirċievi ma kinitx il-pajjiż ’il bogħod ’il fejn kien se jivvjaġġa, iżda l-art li minnha telaq. L-implikazzjoni hi illi se jerġa’ jirritorna (it-tieni miġja ta’ Bin il-Bniedem) però mhux immedjatament. Is-semmiegħa allura m’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwar id-dewmien, għax Ġesù diġà għallem li mhux se jiġu lura minnufih. Minn issa sa tmiem il-Vanġelu, l-awtur sikwit jisħaq fuq Ġesù bħala Sultan. 


Lq.19:13.   Ikkummerċjaw bihom...sakemm niġi lura. Kemm-il darba Ġesù jsemmi l-attività tan-negozju b’mod pożittiv fil-parabboli tiegħu. Il-punt prinċipali tal-parabbola hawn hu d-dover tal-Kristjan bħala amministratur aktarx milli negozju jew biżnis. 

Il-Patt il-Ġdid, però, iħares lejn ix-xogħol u n-negozju b’mod kommendibbli ħafna (ara Mt.25:14-30; Lq.10:7; 19:13-23; Kol.3:23-4:1; Ġak.4:13-15). Jiġbed l-attenzjoni wkoll li hu qasam fejn hemm tentazzjonijiet sostanzjali wkoll (Mt.6:19-21; 1 Tim.6:9-10) kif ukoll il-possibbiltà ta’ sfruttament (Ġak.5:1-6).


Lq.19:13-25. mina (bil-Grieg, mna) hi kelma Semitika, kemm użin kif ukoll somma flus. Hi munita Griega tiswa mitt denarju jew 1/60 ta’ talent, madwar paga ta’ 3 xhur.


Lq.19:15.   meta rritorna: stampa tal-avvent ta’ Kristu fl-aħħar jum. Il-manifestazzjoni sħiħa ta’ saltnatu hi riżervata għal dik il-kriżi apokalittika (cf., 17:20). 


Lq.19:16-23.   L-ilsiera jagħtu kont tan-negozju tagħhom (ara l-pass paralleli f’Mt.25:20-27). 


Lq.19:16-19.   Żewġ servi qdew dmirhom sew u kienu premjati b’opportunitajiet iżjed ta’ servizz fil-proporzjon tas-suċċess tagħhom. Ninnotaw il-modestja tagħhom – il-mina tiegħek – u r-responsabbiltà wisq akbar assenjata lilhom. Dan hu wieħed minn għadd ta’ passaġġi li jgħallmu gradi ta’ premju u responsabbiltà fis-smewwiet (ara Mt.6:20; 1 Kor.3:8,14-15; 1 Tim.6:17-19).


Lq.19:20-21.   bżajt minnek. Il-biża’ żamm lit-tielet raġel milli jaġixxi, avolja kien jaf li l-imgħallem pretenda ħafna. Xejn ma jingħad dwar is-seba’ l-oħra. L-istorja hi kkonċernata b’żewġ klassijiet: dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux. 

int bniedem awster ma tfissirx egoist jew inġust, iżda aktarx strett u jmantni standard għoli. Din mhix intenzjonata bħala deskrizzjoni ta’ Kristu; attwalment hu abbondantement ġeneruż u grazzjuż (Lq.19:17,19). Dal-qaddej ma jafux sew lil sidu, jew inkella qed iġib skuża għall-falliment tiegħu.


Lq.19:22.   ilsir ħażin. Dawk li jgħarrilhom milli jkunu utli bir-riżorsi, talenti u opportunitajiet mogħtija lilhom minn Alla jaqgħu taħt id-dispjaċir tiegħu, apparti li jkunu qed jindikaw minn issa li probabbilment lanqas huma fidili ġenwini (cf., Mt.25:30). 


Lq.19:22-26.   min għandu jingħatalu aktar. Il-kastig talli wieħed ma jużax li għandu hu illi jitilfu, prinċipju ta’ applikazzjoni wiesa’. Dawk li jħaddmu l-opportunitajiet spiritwali tagħhom isibu iżjed, mentri dawk li ma jagħmlu xejn dwarhom jitilfu liema abbiltà seta’ kellhom. 


Lq.19:24-27.   Il-fidil premjat aktar; l-infidil ikkastigat (ara l-pass paralleli f’Mt.25:28-30). 

dawk l-għedewwa tiegħi tista’ tkun allużżjoni għall-qirda ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 w.K., iżda wkoll tippreviedi l-ġudizzju finali ta’ kull min jirrofta lil Ġesù. Iċ-ċittadini huma magħduda bħala għedewwa ta’ Ġesù għax irrifjutaw il-ħakma tiegħu (Lq.19:14). In-nies imisshom ikunu leali lejh, avolja hu merfugħ fis-smewwiet u fiżikament assenti mid-dinja, għax hu s-Sultan leġittmu tagħhom. 


Lq.19:28-34.   Ġesù jibgħat għal felu (ara l-passi paralleli f’Mt.21:1-6 u Mk.11:1-6).


Lq.19:30.   Il-felu seta’ kien żiemel jew ħmar; il-Vanġeli l-oħra jagħmluha ċara li kien ħmar żgħir. Il-fatt li ħadd ma kien għadu rikeb fuqu jagħmlu adatt għal għan sagru (Num.19:2; 1 Sam.6:7). 


Lq.19:35-40.   Daħla trijonfali f’Ġerusalemm (ara l-passi paralleli f’Mt.21:7-11, Mk.11:7-11 u Ġw.12:12-19).

Imbierek is-Sultan. Did-daħla f’Ġerusalemm wettqet il-profezija f’Żakkarija 9:9 u kienet klejm pubbliku illi Ġesù hu l-Messija, iżda ta’ tip distintiv, ladarba l-ħmar kien bhima ta’ raġel tas-sliem. Sultan fil-konkwista jirkeb żiemel. In-nies donnhom għarfu n-nota rjali, iżda ma ntebħux bl-enfasi fuq is-sliem.

jgħajjat il-ħaġar. Il-ħolqien kollu sar biex tingħata qima lil dan is-Sultan li hu Sid ta’ kollox. Dan hu klejm qawwi għad-divinità ta’ Kristu, u forsi referenza għall-kliem ta’ Ħabaqqaq 2:11. L-Iskrittura sikwit titkellem dwar il-fatt li n-natura inanimata tfaħħar lil Alla (cf., Sal.96:11; 98:7-9; 114:7; Isa.55:12).


Lq.19:41.   Kif qorob u ra l-belt, beka fuqha (ara Lq.13:34; Ġw.11:35). Għalkemm ir-roftiment ta’ Ġesù mill-maġġor parti tal-Lhud kien imbassar fil-Patt il-Qadim (Ġw.12:37-40), Ġesù xorta waħda jħoss diqa kbira. Ċertament hi riflessjoni ta’ qalb Alla hu u jikkontempla l-poplu Lhudi kif tratta ħażin lill-profeti u speċjalment lil Ibnu. 


Lq.19:43-44.   Din hi tbassira u deskrizzjoni ta’ x’ġara fl-assedju ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 w.K., bl-armata Rumana mmexxija mill-ġeneral Titu. 

m’għaraftx iż-żmien. Il-belt kellha tisfa meqruda. In-nies kellhom jgħixu bir-roftiment tagħhom tal-Messija t’Alla, bil-konsegwenzi kollha.


Lq.19:45-48.   It-tindifa tat-tempju (ara l-passi paralleli f’Mt.21:12-17, Mk.11:15-19 u Ġw.2:13-22).  

Alla ta lil Iżrael it-tempju bħala post għat-tfittxija t’Alla bit-talb u l-indiema (Isa.56:7), iżda huma abbużaw il-qima ritwali bħala għata għad-dnub. 


Lq.19:47.   Ġesù ssokta fil-ministeru tiegħu, jgħallem kuljum minkejja li kien wasal biex imut (Lq.20:1). Hekk wera liema prijorità poġġa fuq il-ħidma profetika tiegħu (Lq.4:14-15,43-44). 


Lq.20:1-8.   L-awtorità ta’ Ġesù sfidata (ara l-passi paralleli f’Mt.21:23-27 u Mk.11:27-33). 


Lq.20:1.   Ironikament Ġesù kien qed jipprietka l-evanġelju, iwassal bxara tajba mingħand Alla, waqt li l-għedewwa tiegħu qed jikkomplottaw kontrih. 


Lq.20:2.   dawn il-ħwejjeġ ċertament jinkludu t-tindifa tat-tempju, filli protesta kontra l-istabbiliment reliġjuż bl-abbużi tiegħu. 


Lq.20:3-4.   nistaqsikom jien ukoll. Ġesù mhux qed jevita l-milli jwieġeb il-mistoqsija. Ġwanni xehed illi Ġesù hu l-Messija. Jekk huma jwieġbu l-mistoqsija ta’ Ġesù, ikollhom it-tweġiba għal tagħhom.  


Lq.20:7-8.   lanqas jien ma ngħidilkom. Ġesù ma kienx lest jitkellem dwar l-awtorità ma’ nies li rrifjutaw milli jwieġbu mistoqsija reliġjuża importantissma. It-tweġiba kienu attwalment jafuha, iżda ma ssograwx jgħiduha, għax jispiċċaw jixlu lilhom infushom (cf., Mt.7:6). 


Lq.20:9-12.   Il-bdiewa jimmaltrattaw lill-qaddejja (ara l-passi paralleli f’Mt.21:33-36 u Mk.12:1-15). 


Lq.20:13-16.   Imqar l-iben jisfa maqtul (ara l-passi paralleli f’Mt.21:37-41 u Mk.12:6-9).

X’naqbad nagħmel?  Normalment wieħed sid benestant, ikkonfrontat bi stinazzjoni persistenti biex iħallsuh jew b’abbuż tal-messaġġiera tiegħu, kien jieħu miżuri iebsa. Imma bħalma dan is-sid jibqa’ jagħti lill-gabillotti l-opportunità għall-indiema, hekk Alla jissokta jmidd idu lejn il-midinbin. 

ibni l-maħbub tfakkarna fil-kommendazzjoni tal-Missier fil-magħmudija ta’ Ġesù (Lq.3:22; cf., Mt.3:17). Għalhekk ċertament hawn talludi għal meta Alla bagħat lil Ibnu Ġesù biex jipproklama l-vanġelu tas-saltna lil Iżrael, u kif ġeneralment warrbuh, u finalment qatluh (ara Ġw.1:9-11). 


Lq.20:17-19.   L-importanza tal-ħaġra mormija (ara l-passi paralleli f’Mt.21:42-46 u Mk.12:10-12).

Il-ħaġra li rmew il-bennejja, din saret ras il-kantuniera hi kwotazzjoni minn Salm 118:22 (użata wkoll fl-At.4:11; 1 Pt.2:7). L-Iben riġettat kellu jsir Ras il-knisja, il-poplu t’Alla.

fuq min taqa’, se tisħqu trab. L-espressjoni hi kwotazzjoni minn Isaija 8:13-15, li titkellem dwar Jaħwè. Bħal ħafna passi oħra mill-Patt il-Qadim, hi applikata għal Kristu nnifsu, u allura hi prova illi hu Jaħwè inkarnat. 


Lq.20:20-26.   Il-ħlas tat-taxxi lil Ċesri (ara l-passi paralleli f’Mt.22:15-22 u Mk.12:13-17).

roddu l-ħwejjeġ ta’ Ċesri lil Ċesri, u l-ħwejjeġ t’Alla lil Alla. Iċ-ċittadini ta’ kull pajjiż għandhom doveri lejn l-istat sekulari, kif ukoll dmirijiet lejn Alla. B’dir-risposta Ġesù jgħallem ukoll illi hemm distinzjoni leġittma bejn il-gvern u l-knisja. Ħakkiema ċivili messhom jirċievu rispett, taxxi u sottomissjoni, iżda Alla jmissu jirċievi mingħand kull persuna l-qima u l-ubbidjenza fit-totalità tal-ħajja (Rum.12:1-2). 


Lq.20:27-33.   Is-Sadduċej jirridikolaw il-qawmien (ara l-passi paralleli f’Mt.22:23-28 u Mk.12:18-23). 

Il-liġi levirita (mil-Latin, levir, silf) hi espressa fid-Dewteronomju 25:5, u narawha fil-Ġenesi 38:8.


Lq.20:34-40.   It-tama tal-qawmien ikkonfermata (ara l-passi paralleli f’Mt.22:29-33 u Mk.12:24-27).


Lq.20:34-36. ulied daż-żmien hi idjoma għan-nies li jgħixu preżentement fid-dinja, kif oppost għaż-żmien futur ta’ glorja u immortalità. 

simili għall-anġli, jiġifieri bħalhom, fis-sens li ma jipprokreawx. Is-Sadduċej għarrielhom milli jifhmu d-differenzi bejn iż-żmien t’issa u ż-żmien li ġej, meta istituzzjonijiet ta’ dal-ħolqien preżenti, bħalma hu ż-żwieġ, jitilfu l-ħtieġa tagħhom. 


Lq.20:37-38.   Ġesù jaċċetta lil Mosè bħala l-awtur tal-Ktieb tal-Esodu, bħall-bqija tal-Pentatewku, kuntrarju għall-fehmiet liberali ta’ xi skulari moderni. 

Meta Alla deher lil Mosè identifika lilu nnifsu bħala Alla ta’ Abraħam u l-patrijarki warajh. Uża t-temp preżenti: ma qalx, “Jien kont,” iżda, “Jien hu,” u allura jindika illi l-eżistenza tagħhom ma ġietx fix-xejn f’mewthom. 

ilkoll jgħixu għalih. Il-bnedmin kollha, sew jekk ħajjin jew mejtin, jibqgħu jgħixu, u jibqgħu jeżistu għall-eternità. Ħadd mhu ridott fix-xejn malli jmut jew aktar tard (cf., Ġw.5:28-30). 


Lq.20:41-44.   Kristu Sid David, u Ibnu wkoll! (ara l-passi paralleli f’Mt.22:41-46 u Mk.12:35-37). Sfida finali issa tiġi mingħand Kristu nnifsu, li biha jwieġeb il-mistoqsija tagħhom dwar l-awtorità tiegħu (Lq.20:2). Ġegħilhom jikkonsidraw l-identità vera tal-Messija. Is-Sultan David sejjaħlu Sidi (Sal.110:1-2). Hekk implika illi Bin David, avolja uman, hu wkoll persuna wisq ikbar minn kwalunkwe bniedem. Difatti hu Alla nnifsu. F’dan l-inkontru Ġesù jsejjaħ lill-għedewwa biex flok jipprovaw ixebilkuh bil-mistoqsijiet, li juru biss insubordinazzjoni, imilu quddiemu u jissottomettu għas-sovranità divina tiegħu. 


Lq.20:45-47.   Ġesù wissa kontra r-reliġjożità falza u l-faċċoliżmu, b’talb għal parenza, il-kburija, ir-regħba, u n-nuqqas ta’ kumpassjoni (ara l-passi paralleli f’Mt.23:1-36, Mk.12: 38-40 u Lq.11:37-54). 


Lq.21:1-4.   xeħtet iżjed (ara l-pass paralleli f’Mk.12:41-44). Ġesù jiżen l-għoti tagħna skont il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet ta’ qlubna kif ukoll il-proporzjon tal-offerta għal xi jkun fadlilna (cf., 2 Kor.8:5,12; 9:7). Il-ġudizzju u l-premju tiegħu għall-għoti ta’ kull persuna abbli jissorprendina (Lq.13:30). 


Lq.21:5-6.   Ġesù jbassar il-qirda tat-tempju imżejjen b’ħaġar sabiħ u offerti votivi (ara l-passi paralleli f’Mt.24:1-2 u Mk.13:1-2). It-tieni tempju kien skwiżit, mibni u rinovat mis-sena 19 q.K. sa madwar 63 w.K.


Lq.21:7-11.   Sinjali u persekuzzjonijiet (ara l-passi paralleli f’Mt.24:3-8 u Mk.13:3-8). M’għandniex nippretendu illi Kristu se jirritorna immedjatament wara diversi gwerer, terremoti, pesti, għaks u gwajijiet oħra, għax dawn jiġru matul iż-żminijiet. 


Lq.21:12-19.   Dixxipli mibgħuda u megħjuna (ara l-passi paralleli f’Mt.24:9-14,17-21 u Mk.13:9-13). 

opportunità ta’ xhieda. Provi u saram iservu bħala okkażżjonijiet għall-ġid (Ġak.1:2-4), u l-persekuzzjoni hi sikwit opportunità biex issaħħaħ it-testimonjanza tiegħek u tagħti xhieda. Hu nnifsu jagħtina fomm u għerf hekk illi mqar l-avversarji ma jkunux kapaċi jikkontradixxu. 

xagħra waħda minn raskom mhix se tintilef. L-aħjar neħduha bħala mod figurattiv kif il-popolu t’Alla mhu se jsofri ebda deni spiritwali etern (cf., Ġw.10:28-29).

Bil-perseveranza tagħkom għad takkwistaw ħajjitkom stess. Ulied Alla messhom jingaġġaw f’devozzjoni intensa lejn Kristu billi jħaddmu l-mezzi tal-grazzja, ċoè, jissoktaw fit-talb, l-istudju u l-meditazzjoni fuq il-Kelma, il-qima privata u komunitarja, intimità qaddisa m’Alla, xhieda, xirka ma’ fidili oħra u reżistenza kuljum kontra d-dnub. Billi jissaportu u jkomplu minkejja kollox fil-fidi vera, il-kredenti jistgħu joħorġu rebbieħa f’kull ċirkostanza u finalment jirtu l-ħajja eterna. 


Lq.21:20-24.   Id-distruzzjoni ta’ Ġerusalemm (ara l-passi paralleli f’Mt.24:15-22 u Mk.13:14-19).

Il-jiem ta’ vendetta huma r-retribuzzjoni u l-ġudizzju t’Alla, mhux ta’ Ruma, biex il-profeziji jseħħu (cf., Lq.18:31; 24:44; At.13:29).

żminijiet il-Ġentili jistgħu jkunu l-perjodu meta l-ġnus ikollhom it-trijonf tagħhom fuq Iżrael, jew inkella ż-żmien meta l-vanġelu hu pritkat lill-Ġentili, jew it-tnejn. Se jkunu mwettqa skont l-għan divin (cf., Rum.11:1-32). 


Lq.21:25-28.   L-avvent glorjuż ta’ Kristu (ara l-passi paralleli f’Mt.24:29-31 u Mk.13:24-27).


Lq.21:25-26.   sinjali fix-xemx. Dal-pass jifforma transizzjoni sottili mill-qirda ta’ Ġerusalemm għal tmiem iż-żmien preżenti, immarkat b’taqlib kosmiku relatat ma’ jum is-Sid (Isa.13:10; 24:23; 34:4). 


Lq.21:27.   ġej fi sħaba. Ġesù għad jirritorna viżibbilment b’setgħa u glorja kbira (Lq.9:26; 17:24), sabiex jiġġudika lill-għedewwa tiegħu u jirrenja fuq kollox għal dejjem, kif profetizzat (Dan.7:13-14).  


Lq.21:28.   erfgħu rjuskom. Il-fidili jifirħu bil-miġja ta’ Sidhom, mhux jitwerwru minnha. Għaliha jitolbu kuljum: “Ħa tiġi saltnatek.”

fidwa tfisser ħelsien bi ħlas ta’ prezz. Ġesù ħallas il-prezz fuq il-Kalvarju (Mk.10:45; Lq.1:68; Rum.3:24-25), u hawn jantiċipa l-applikazzjoni u t-twettiq sħaħ u finali ta’ dak il-ħelsien, meta l-mortalità tilbes l-immortalità (1 Kor.15:53) u sseħħ il-fidwa tal-ġisem (Rum.8:23).


Lq.21:29-33.   Tagħlima mit-tina (ara l-passi paralleli f’Mt.24:32-35 u Mk.13:28-31). 

L-analoġija tat-tina tindika illi meta s-sinjali msemmija f’Luqa 21:25-26 jiġru, ir-ritorn ta’ Bin il-Bniedem ikun qorob. 


Lq.21:31.   saltnet Alla hi qrib tfisser il-konsumazzjoni tas-saltna, meta Alla joħloq smewwiet ġodda u art ġdida, u l-istorja umana kif nafuha bħalissa tkun intemmet.


Lq.21:33.   Is-sema u l-art għad jgħaddu ’l hinn. B’miġjietu Kristu jintroduċi ħolqien ġdid, l-għamara tal-fidili tiegħu (Isa.65:17; 2 Pt.3:13; Riv.21:1-2). 


Lq.21:34.   li ma jittaqqlux qlubkom b’dissipatezza u sokor. Ir-ruħ tista’ faċilment tkun imfixkla b’ikel u xorb żejjed, stampa tal-letarġija spiritwali u dgħufija prodotti mid-dnub. 


Lq.21:36.   inviġilaw tfisser illi jmissna nibqgħu spiritwalment fuq l-allert; dan hu possibbli bit-talb. Talb ferventi u fidil isaħħaħ lill-fidili biex jiskansaw il-ħsara eterna kawża taż-żminijiet koroh u ċirkostanzi mwiegħra qabel ir-ritorn ta’ Kristu. Meta nibqgħu devoti fit-talb ma naqtgħux jiesna (Lq.18:1), immantnu l-mixja tagħna fil-fidi (Lq.18:8) u nkunu kapaċi nidhru quddiem Bin il-Bniedem. Billi ngħassu, nitolbu u nissoktaw fl-għemil it-tajjeb, mela, naħarbu mill-ħaqq u nisimgħu lil Sidna jgħid lil kull fidil, “Prosit, qaddej tajjeb!” (Lq.19:17). 


Lq.22:1-6.   Komplott kontra Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:1-5,14-16, Mk.14:1-2,10-11 u Ġw.11:45-53).

Ġuda qatt m’emmen ġenwinament f’Ġesù, u Ġesù kien konxju ta’ dan (Ġw.6:64,70), għalkemm apparentement ħadd mid-dixxipli l-oħra ma rrealizzaw il-qagħda vera tiegħu (Lq.22:23). L-imġiba diżonesta ta’ Ġuda hi evidenza tal-inkredulità tiegħu (Ġw.12:6). Hawnhekk, bil-kunsens tal-qalb ħażina tiegħu, Satana daħal f’Ġuda u hekk eżerċita influwenza wisq ikbar fuq l-azzjonijiet tiegħu. Webblu biex imur għand is-sommi saċerdoti b’kumplott.


Lq.22:7-13.   Tħejjija għall-Għid (ara l-passi paralleli f’Mt.26:17-25, Mk.14:12-21 u Ġw.13:21-30). li fih kien meħtieġ ikun issagrifikat il-ħaruf tal-Għid. Il-ħaruf kellu jinqatel għall-Għid, u hekk ukoll b’neċessità divina t-twettiq tal-ministeru ta’ Kristu u s-sagrifiċċju tiegħu biex jitneħħew id-dnubiet kienu waslu. 


Lq.22:14-15.   meta waslet is-siegħa, ċoè, biex jiċċelebraw l-Għid, u f’sens usa’, is-siegħa tal-passjoni u l-mewt tas-Sid Ġesù (Lq.22:53; Ġw.13:1; 17:1). 

Xtaqt bil-ħerqa niekol dan l-Għid magħkom qabel ma nbati. Ġesù hawn jesprimi intensità qawwija fix-xewqa tiegħu. Fid-dawl ta’ mewtu riesqa, dal-kliem hu ħelu u farraġi, għax Ġesù ma kienx ħaruf kontra qalbu; għall-kuntrarju tgħaxxaq jagħmel ir-rieda tal-Missier biex iġib lura l-midinbin fi ħdanu (Ebr.12:2). 


Lq.22:16.   imwettaq. Il-mewt ta’ Kristu l-għada wettqet is-simboliżmu tal-ikla tal-Għid. Dil-festa fakkret il-ħelsien mill-jasar fl-Eġittu kif ukoll serviet bħala tip tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li bih il-fidili jgawdu ħelsien wisq ikbar. Ġesù warrab il-festa tal-Għid (mal-festi u l-liġijiet ċerimonjali l-oħra kollha), biex minflokha jistabilixxi xi ħaġa ġdida u aħjar, l-Ikla tas-Sid, li tħares ’il quddiem għal meta Kristu jiekol ma’ niesu f’saltnet Alla (1 Kor.11:20,26). 


Lq.22:18.   qabel ma tiġi saltnet Alla. Dan hu aspett importanti fl-Ikla tal-Mulej bħala sagrament; tistedinna nħarsu ’l quddiem għall-avvent glorjuż ta’ Kristu fl-aħħar jum (1 Kor.11:26). 


Lq.22:19-23.   Il-Komunjoni mwaqqfa (ara l-passi paralleli f’Mt.26:26-30, Mk.14:22-26 u l-1 Kor.11:17-34). 

Dan hu ġismi. Il-knisja għaddiet minn bosta kontroversji fuq dawn il-kelmiet. Ċertament Ġesù mhux qed jgħallem illi l-ħobż f’idejh inbidel b’miraklu f’ġismu stess. Id-dixxipli ma setgħux jimmissjaw l-intenzjoni simbolika fid-dikjarazzjoni ta’ Sidhom, għax il-ġisem attwali ta’ Ġesù kien preżenti quddiemhom!

Il-verb “hu” ma jfissirx “identiku ma’,” iżda xi ħaġa aktar bħala “jirrappreżenta,” “jissinifika,” jew forsi, “jfisser” (cf., 8:11; 22:20). Il-ġemgħa ta’ Kristjani hi msejħa biex titma’ minn Kristu fil-qalb meta tirċievi l-ħobż. 

mogħti għalikom. Il-verb sempliċi Grieg (didōmi, ta) hu wżat għas-sagrifiċċju f’Marku 10:45, Luqa 2:24 u Galatin 1:4. “Għalikom” (bil-Grieg, hyper humōn) sikwit għandha sens sostituzzjonarju, fejn persuna waħda tagħmel xi ħaġa minflok ħaddieħor. Kif preżentat u mbassar fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla tal-Mulej, il-ġisem ta’ Ġesù hu t-twettiq darba għal dejjem taċ-ċerimonji bil-ħaruf tal-Għid. Ġesù, bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, għamel tpattija kompluta; abbażi tiegħu Alla “jibqa’ għaddej” bla ma jidrob lil niesu minħabba dnubiethom, għax ir-rappreżentant tagħhom miet minflokhom.

agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Din hi l-unika ħaġa li Ġesù kmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmluha bħala tifkira, b’referenza għal mewtu. Is-salib hu ċentrali għall-fidi Kristjana. Ġesù hawn stabilixxa din l-osservanza bħala ordinanza għall-qima (cf., 1 Kor.11:23-26). 


Lq.22:20.   B’mewtu, Ġesù offra s-sagrifiċċju li jirratifika l-patt il-ġdid imħabbar f’Ġeremija 31:31. Qabbel ma’ “id-demm tal-patt” fl-Esodu 24:8; ara wkoll il-Levitiku 7:11-14. Bit-tixrid ta’ demmu Ġesù ssiġilla l-patt u għamlu operattiv, bil-benefiċċji kotrana tiegħu, fosthom il-maħfra, il-fidwa, ir-rikonċiljazzjoni m’Alla u l-għoti tal-Ispirtu u l-ħajja eterna. Il-patt ġdid iwiegħed santifikazzjoni interna u t-tagħrif pattwali t’Alla msejsa fuq il-maħfra tad-dnubiet (Ġer.31:31-34). 

li hu msawwab għalikom. Ġesù jirreferi għal mewtu bħala sagrifiċċju sostituzzjonarju għal niesu, l-uniku sagrifiċċju neċessarju u finali li seta’ jsir. Bħall-ħaruf tal-Għid, miet biex niesu jiskappaw il-ġudizzju t’Alla u jgħixu. 


Lq.22:22.   skont x’kien iddeterminat. Kull dettall tal-passjoni ta’ Kristu kien taħt il-kontroll sovran t’Alla u jaqbel mal-għan etern tiegħu (cf., At.2:23; 4:26-28). 

madankollu gwaj. It-tradiment ta’ Ġuda kien inkluż fil-pjan għaref t’Alla, u frattant Ġuda mhuwiex meħlus mill-ħtija tar-reat li kkommettieh, għax hekk iddeċieda hu, u allura wettqu bir-rieda tiegħu. It-treġija sovrana t’Alla fuq il-ħolqien u l-ħlejjaq kollha tiegħu mhi ebda skuża leġittma għad-dnub uman. 


Lq.22:24-27.   Argument dwar min hu l-ikbar (ara l-passi paralleli f’Mt.20:25-28 u Mk.10:42-45). 

min minnhom kellu jkun ikkonsidrat bħala l-ikbar. Karattru kbir hu kwestjoni tal-ħajja ġewwiena; hemm involut spirtu umli u qalb safja (Mk.10:43). Jintwera fl-individwu li jesprimi mħabbtu lejn Kristu (1 Kor.13:13) f’umiltà sinċiera (Fil.2:3), f’xewqa li jservi kemm lil Alla kif ukoll lill-bnedmin. Hu dejjem lest u kuntent jidher l-inqas importanti f’saltnet Alla. 

1. Irridu nifhmu li karattru kbir ma jinsabx fil-pożizzjoni, kariga, tmexxija, poter, influwenza, gradi akkademiċi, fama, abbiltà, talenti, kisbiet kbar jew suċċess. Mhuwiex daqstant x’nagħmlu għal Alla; aktarx hu x’aħna fl-ispirtu quddiemu (Lq.22:25-27; Mt.18:3-4; 20:25-28). 

2. Karattru kbir hu magħruf hekk għax kiber u mmatura fl-oqsma korretti. Tgħallem ikun kbir fil-fidi, ixxamplat fl-umiltà, distintiv fit-tjieba, prattiku fil-għerf, kontrollat fuqu nnifsu, ġeneruż fis-sabar u preminenti fl-imħabba (Gal.5:22-23). Karattru kbir jixbah lil Kristu (Ebr.1:9). 

3. Karattru kbir hu r-riżultat ta’ mħabba mill-qalb u impenn lejn Alla u l-istandard tiegħu. Jirrekjiedi konsagrazzjoni u fedeltà lejh, minkejja li l-providenza tista’ tkun misterjuża u iebsa lejh. F’għajnejn Alla, l-ikbar f’saltnatu huma n-nies bl-ikbar imħabba lejh, marbutin miegħu bl-ubbidjenza għall-Kelma rivelata tiegħu (Lq.21:3; Rum.12:1-2). 

4. Karattru kbir u kkonsagrat lill-Mulej jimmiljora dejjem ir-riżultati f’ħidmet il-Mulej, imma biss f’dawk l-oqsma li Alla jkun qiegħdu fihom, u fil-kuntest tad-doni li jkun tah (Rum.12:3-8; 1 Kor.12). 


Lq.22:28.   fit-tiġrib tiegħi. Bħala l-Qaddis t’Alla, immakulat u perfett, il-ħajja sħiħa ta’ Kristu kif ukoll il-ministeru tiegħu kien mimli tentazzjonijiet (Lq.4:1-13), tbatija (Lq.9:58), dwejjaq (Lq.19:41), u aguniji (Lq.22:44) – biex ma nsemmux is-sofferenzi tas-salib li bihom temm il-missjoni tiegħu u wassalha fil-perfezzjoni tagħha. 


Lq.22:29.   nikkonferixxi saltna lilkom. Id-dixxipli huma mwiegħda futur meraviljuż li jinkludi l-iġġudikar tat-tribuijiet ta’ Iżrael (Lq.22:30). Difatti, minħabba li l-fidili kollha huma magħquda bil-grazzja ma’ Kristu s-Sultan, għad jirrenjaw miegħu (Riv.5:9-10) u jiġġudikaw lill-anġli (1 Kor.6:3). 


Lq.22:31-34.   Ġesù jitlob għal Pietru (ara l-passi paralleli f’Mt.26:31-35, Mk.14:27-31 u Ġw.13:36-38).

Xmun, Xmun. B’solennità u enfasi, Ġesù jinformah illi mhux hu biss se jkun imġarrab, iżda sħabu kollha. 

Satana ssupplika permess bil-ħerqa ħalli jgħarbilkom. Ninnotaw illi x-xitan m’għandu ebda qawwa jaġixxi barra mill-qasam li jassenjalu Alla, skont id-digriet għaref u inskrutabbli tiegħu.

tlabt għalik. Ġesù interċieda għad-dixxipli kollha (Ġw.17:6-19); hawnhekk jassigura personalment lil Pietru mit-talb tiegħu u l-vittorja finali ta’ Pietru, filwaqt li jinkuraġġih biex imbagħad hu wkoll jinkuraġġixxi – issoda – lil sħabu. Kristu, bħala s-sommu saċerdot tagħna, jippriżervana bl-interċessjoni tiegħu sabiex ma naqgħux finalment u kompletament (Rum.8:34; Ebr.7:25). 

sabiex il-fidi tiegħek ma tfallix, fis-sens, ma tfallix kompletament. Pietru żbalja bl-ikrah, ripetutament, iżda Ġesù, ir-ragħaj tal-fidili, hawn jassigurah li se jindokrah għax interċieda għalih. Għalkemm għarrielu l-fidi tiegħu ma ntgħelbitx għalkollox (cf., Ġw.21:18-19). Il-fidi restawrata ta’ Pietru ma kinitx il-kisba tiegħu, iżda riżultat tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu bit-tweġiba għar-rikjesta ta’ Ġesù. 

dort hi sikwit użata biex tissinifika ndiema jew ritorn lejn Alla (eż., At.3:19; 9:35; 2 Kor.3:16). Kristu hu ċert illi t-talba tiegħu tottieni grazzja effettiva għal Pietru; ma jgħidlux “jekk,” iżda meta tkun dort. 

issoda ’l ħutek. Fidili restawrati wara xi waqgħa fid-dnub iservu lil Alla billi jgħinu lil ħaddieħor biex iduru lejh (Sal.51:12-13). 


Lq.22:36.   Iżda issa. Meta Kristu bagħathom ixandru, irranġa sabiex ma jkun jonqoshom xejn. Issa l-metodu se jinbidel: kellhom jużaw mezzi normali biex jipprovdu għas-sapport u l-protezzjoni tagħhom infushom. 

Ġesù ma jridx ifisser biex id-dixxipli jixtru sejf litteralment (cf., Lq.22:49-51; Mt.26:51-52); qed jgħarrafhom li se jiffaċċjaw futur perikoluż. Ġesù nnifsu ffaċċja t-twettiq ta’ Isaija 53:12, u s-segwaċi tiegħu ċertament għad jesperjenzaw reżistenza u persekuzzjoni. 


Lq.22:38.   Kif ġara sikwit tul il-ministeru tiegħu, id-dixxipli ħaduh litteralment (bħalma wkoll għamlu l-avversarji tiegħu), u Ġesù kellu jiġbdilhom l-attenzjoni. Hu suffiċjenti – ċoè, biżżejjed minn dat-tip ta’ diskors. 


Lq.22:39-46.   Talb u agunija fil-Getsemani (ara l-passi paralleli f’Mt.26:36-46 u Mk.14:32-42). 

It-talb hu neċessarju biex negħlbu kull tiġrib u oppożizzjoni (Lq.11:4). 

neħħi dit-tazza minni. Ġesù qed jitkellem dwar is-sofferenzi li appik kellu jgħaddi minnhom (cf., Mt.20:22-23; Mk.10:38-39). Joħroġ ċar mil-Patt il-Qadim illi meta Ġesù aċċetta t-tazza jissinifika li ħa fuqu nnifsu l-għadab t’Alla minħabba d-dnub ta’ ħaddieħor (cf., Isa.51:17,22; Ġer.25:15,17,28; 49:12; Lam.4:21; Eż.23:31-33; Ħab.2:16; Żak.12:2). Allura miet minħabba l-midinbin u minflokhom (cf., Mk.14:36; Ġw.18:11; Rum.3:25; 1 Ġw.2:2). 

mhux ir-rieda tiegħi. Bħala wieħed li ħa fuqu nnifsu natura umana kompluta, kienet ħaġa naturali għal Ġesù li jitkexkex mill-orrur tas-salib, aktar u aktar meta kien jaf li f’dik it-tip ta’ mewta sostituzzjonarja kien se jkun mitluq minn Alla u jġarrab it-toqol tal-għadab divin minħabba d-dnub. Frattant Ġesù hu determinat isegwi r-rieda ta’ Missieru sal-aħħar; dan għamlu konxjament, voluntarjament, u ubbidjentement (Ebr.12:2).


Lq.22:43.    deherlu anġlu mis-sema, isaħħu. Għalkemm ried illi Ibnu kellu jmut għall-fidwa tagħna, Alla l-Missier sema’ l-għajta tiegħu u wieżen in-natura umana tiegħu b’faraġ permezz ta’ spirtu smewwieti (Mt.4:11). 


Lq.22:44.   qtar tad-demm. Il-kondizzjoni hi magħrufa bħala hematidrosis, meta niket, kif ukoll pressjoni fiżika u mentali, jikkawżaw il-capillary vessels tad-demm illi jintefħu u jinfaqgħu, u l-għaraq jitħallat mad-demm. Dan jagħtina ħjiel tal-intensità tat-trawma emozzjonali u fiżika li Ġesù għadda minnha. 


Lq.22:45.   reqdin minħabba n-niket (cf., Lq.9:32). L-għafsa emozzjonali kienet qed tifni lid-dixxipli wkoll. Ir-reazzjoni tagħhom, madankollu, kienet illi jċedu. Iggratifikaw ix-xewqa immedjata għall-irqad, aktarx milli baqgħu mqajma biex jitolbu ħalli jissaħħu, bħalma kmandahom Ġesù (Lq.22:40). Il-fallimenti tagħhom aktar tard isibu għeruqhom f’din l-imġiba debboli tagħhom fil-ġnien.


Lq.22:47-51.   Tradiment u arrest (pr. Mt.26:47-54; Mk.14:43-47; Ġw.18:3-11). 

messlu widintu u fejqu. Miraklu uniku ta’ Kristu, filli fejjaq ferita friska. Hu impressjonanti wkoll għax fejjaq għadu tiegħu, bla ma talbu, u mingħajr evidenza ta’ fidi daparti l-miġruħ. Rimarkevoli wkoll kif it-tali miraklu drammatiku ma ħalla ebda effett f’qalb iċ-ċorma li ħarġet kontrih. U lanqas il-kliem tiegħu, li bih waqgħu mal-art! (Ġw.18:6). Kemm hu għami u insensittiv il-mitluf, illi jibqa’ fil-korsa tad-dnub, minkejja evidenza kontra l-bluha tiegħu, bħallikieku xejn (22:54). 


Lq.22:52-53.   Is-siegħa tad-dlam (ara l-passi paralleli f’Mt.26:55-56 u Mk.14:48-52).

din hi s-siegħa tagħkom u l-potenza tad-dlam. Ma kellhomx ħila jikkonfrontawh fil-preżenza tal-folol, fit-tempju, fejn għallimhom kuljum. It-tattika ħajjiena tagħhom tiżvela d-dalma f’qalbhom; l-arrest sigriet tagħhom juri minn min kien imnebbaħ – minn Satana nnifsu (cf., Ġw.3:20-21; Ef.5:8,12-15; 1 Tes.5:5-7). 


Lq.22:54-62.   Pietru jiċħad lil Ġesù u jagħli bi ndiema ġenwina (ara l-passi paralleli f’Mt.26:57-58,69-75, Mk.14:53-54, 66-72 u Ġw.18:12-18,25-27).


Lq.22:63-65.   Ġesù mżeblaħ u msawwat (ara l-passi paralleli f’Mt.26:67-68 u Mk.14:65). 


Lq.22:66-71.   Quddiem is-Sanedrin (ara l-passi paralleli f’Mt.26:59-66, Mk.14:55-64 u Ġw.18:19-24).

Luqa ma jgħid xejn dwar akkuża formali jew dwar proċess skont il-proċedura normali. Is-Sanedrin sempliċement irrekjieda lil Ġesù biex jinkrimina lilu nnifsu skont il-fehma tagħhom dwar il-Messija. Ġesù ma waqax għalihom, peress li ma kinux ħa jemmnuh. Iżda jgħid li minn issa ’l quddiem se jkun fil-post tal-ogħla unur fis-smewwiet. 


Lq.23:1-5.   Ġesù quddiem Pilatu (ara l-passi paralleli f’Mt.27:1-2,11-14, Mk.15:1-5 u Ġw.18:28-38).

jipprojbixxi milli titħallas it-taxxa: gidba sfaċċata, peress li kienu staqsewh direttament fuq dil-kustjoni (20:19-26).

Għall-mistoqsija diretta huwiex sultan, Ġesù wieġeb lill-gvernatur Ruman, Hekk tgħid int. F’sens wieħed Ġesù kien is-Sultan tal-Lhud, u hawn jagħmel stqarrija tajba, filli ma ċaħadx illi hu Sultan b’awtorità rjali (1 Tim.6:13), imma ma kienx fis-sens li fih Pilatu fehem dan it-titlu. Tweġibtu tfisser xi ħaġa bħal, “Dak int qed tgħidu” (cf., Ġw.18:33-38). Minn dir-risposta Pilatu kkonkluda li Ġesù ma kienx rivoluzzjonarju.

“Ebda ħtija ma nsib f’dal-bniedem.” Kristu kellu jkun iġġustizzjat bħala wieħed vindikat pubblikament bħala innoċenti (Lq.23:14-15,22). 


Lq.23:9.   hu xejn ma wieġbu. Fl-interrogazzjonijiet kollha, Ġesù ma tniffisx biss quddiem Erodi (cf., Mt.7:6). Erodi rema’ l-verità meta semagħha mingħand il-Battista, u għaldaqstant kien ikun bla skop illi Ġesù jwieġbu (cf., Sal.38:13-14; 39:1-2,9; 1 Pt.2:23). 

Aktar minn hekk, fit-twettiq tal-missjoni tiegħu biex jottieni l-fidwa ta’ niesu, Ġesù ma fetaħx fommu biex joffri difiżi tiegħu nnifsu, iżda voluntarjament ħaddan is-salib (Isa.53:7). 


Lq.23:13-21.   Pilatu jiddefendi ’l Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.27:15-21, Mk.15:6-11 u Ġw.18:39-19:11). 

wara li nkun sawwattu, se neħilsu. Taħt il-liġi Rumana persuna setgħet tissawwat u tingħata twissija, jew lezzjoni, biex fil-futur toqgħod aktar attenta. Pilatu kien evidentement qed jittama li dal-pass jipplaka lil-Lhud u jagħtuh ċans jillibera lil wieħed li kien persważ mill-innoċenza tiegħu.

 

Lq.23:22-25.   Ġesù kkundannat (ara l-passi paralleli f’Mt.27:22-26, Mk.15:12-15 u Ġw.19:12-16). 

L-inġustizzja grassa fid-deċiżjoni ta’ Pilatu u l-għażla orribbli tal-folla mhux biss wettqu d-digriet divin iżda servew bħala illustrazzjoni, għax Ġesù l-ġust kien ikkastigat u l-midneb illiberat. 


Lq.23:26-30.   Iċ-Ċirenew u n-nisa ta’ Ġerusalemm (ara l-passi paralleli f’Mt.27:32 u Mk.15:21). 

Il-Bniet ta’ Ġerusalemm kienu nisa lokali, mhux pellegrini mill-Galilija. Ġesù hu kkonċernat għalihom, mhux għalih innifsu, u jdawwar l-attenzjoni tagħhom għall-gwaj u l-għali terribbli li kienu ġejjin fuq l-art (Lq.21:20-24). 


Lq.23:30.   Aqgħu fuqna. Sinjal ta’ xewqa ddisprata biex jaħarbu l-ġudizzju t’Alla, li hu agħar mill-mewt (Ħos.10:8; cf., Riv.6:16).  


Lq.23:31 hu evidentement qawl. Jissinifika illi jekk Ġesù (li hu innoċenti) se jispiċċa msallab, x’se jsir mil-Lhud (li huma ħatja)?


Lq.23:32-34.   sallbu lilu (ara l-passi paralleli f’Mt.27:33,44, Mk.15:21-28 u Ġw.19:17-22). Il-kruċifissjoni u l-mewt ta’ Kristu huma l-qofol tal-pjan tal-fidwa (1 Kor.1:23-24). Ġesù, il-bniedem perfett u impekkabbli, miet għan-nom tal-midinbin u minflokhom. Bit-tislib tiegħu Alla wettaq rikonċiljazzjoni miegħu, għax il-piena minħabba d-dnub tħallset, u ħidmet Satana żżarmat (cf., Rum.3:25). Issa n-nies huma eżortati biex iduru lejn Alla bl-indiema, kif ukoll b’fidi f’Ibnu ħalli jirċievu l-maħfra u l-ħajja eterna (2 Kor.5:18-21).


Lq.23:34.   Ġesù qal. L-ordni tas-seba’ kelmiet minn fuq is-salib probabbli hi hekk:

1. F’xi ħin mid-disa’ ta’ filgħodu sa nofsinhar qal il-kelma tal-maħfra, meta Ġesù interċieda għall-għedewwa tiegħu (Lq.23:34).

2. Qal ukoll il-kelma tas-salvazzjoni, meta wiegħed lill-ħalliel li se jkun miegħu fil-ġenna (Lq.23:43). 

3. Il-kelma tal-imħabba, meta kkommetta lil ommu lil Ġwanni biex jieħu ħsiebha (Ġw.19:25-27).

4. Tul it-tliet sigħat ta’ dlam, minn nofsinhar sat-tlieta, mhu rapportat li qal xejn. Imbagħad nisimgħu l-kelma ta’ tbatija spiritwali meta staqsa lil Alla għalfejn abbandunah (Mk.15:34). 

5. Il-kelma ta’ tbatija fiżika, meta qal li għandu l-għatx (Ġw.19:28). 

6. Il-kelma’ ta’ trijonf, meta ddikjara li kollox hu mitmum (Ġw.19:30).

7. Il-kelma ta’ afdar, meta kkommetta ruħu f’idejn il-Missier preċiżament qabel miet (Lq.23:46).


Lq.23:34.   Missier, aħfrilhom. Ġesù jwettaq tagħlimu stess dwar l-imħabba għall-għedewwa (Lq.6:35). Jaċċentwa fuq il-fatt li mewtu kienet qed tipprovdi l-istess bażi li fuqha dawk li sallbuh setgħu jkunu maħfura (Isa.53:12). Ġesù hekk hu l-mudell perfett għas-segwaċi kollha tiegħu (ara At.7:60; 1 Pt.2:21-24). Xi frott mit-talba tiegħu seta’ jkun is-salvazzjoni ta’ eluf ta’ nies f’Ġerusalemm f’Pentekoste (At.2:41).

għax ma jafux x’qegħdin jagħmlu. B’daqshekk ma titneħħiex ir-responsabbiltà minn fuq il-Lhud jew ir-Rumani, iżda turi li ma fehmux kompletament ir-reat terribbli li kienu qed jagħmlu filli sallbu lill-Qaddis u l-Ġust (At.3:14; 13:27-28), li kien kemm il-Messija veru kif ukoll Bin Alla. Kienu għomja għall-verità divina (1 Kor.2:8). L-injoranza tagħhom ma tfissirx illi mmeritaw il-maħfra; aktarx, l-għama spiritwali tagħhom kienet manifestazzjoni ta’ ħtijiethom (Ġw.3:19). Kristu interċieda għalihom waqt li kienu qed jitmaħsru bih: hi espressoni tal-kumpassjoni straordinarja tal-grazzja divina. 


Lq.23:35-38.   Ġesù mgħajjar u mħajjar jinżel mis-salib (ara l-pass paralleli f’Mk.15:29-32). 


Lq.23:40-41.   Kriminal minnhom, li aktar kmieni għajjar lil Ġesù (Mk.15:32), esperjenza bidla f’qalbu hekk illi beża’ minn Alla. Ammetta l-ġustizzja fil-kundanna tiegħu, u fl-istess ħin stqarr illi Ġesù hu ġust – dan ebda misfatt m’għamel. 


Lq.23:42-43.   ftakar fija meta tiġi f’saltnatek! Dir-rikjesta tindika xi miżura ta’ afdar. F’sentenza waħda nilmħu dan li ġej: 

1. Il-ħalliel emmen illi r-ruħ tibqa’ tgħix imqar wara l-mewt fiżika. 

2. Kien kunfidenti illi Ġesù ma kienx se jispiċċa fix-xejn f’mewtu, iżda kien se jidħol jew sejjer f’saltna smewwitija. 

3. Ir-rikjesta tiegħu hi appell għall-ħniena; fehem illi ma kellu ebda tama jekk mhux fil-miżerikordja divina.

4. Apprezza wkoll il-fatt illi l-ħniena mis-sema titwassal lill-bnedmin permezz ta’ Ġesù, il-Medjatur. 

Dan kollu hu dimostrazzjoni ta’ fidi ġenwina daparti tal-ħalliel penitenti, u Kristu bi grazzja jafferma s-salvazzjoni ta’ dal-malefattur. X’illustrazzjoni superba tal-grazzja!


Lq.23:43.   Tassew ngħidlek, illum se tkun miegħi fil-ġenna. Il-ġenna (bil-Grieg, paradeisos, minn kelma Persjana li tfisser “ġnien”) tidher li, bħala kelma, kellha oriġni orjentali. Jingħad li s-sultan tal-Persja kellu ġonna li kienu jissejħu ġenniet, mimlija b’kull ħaġa sabiħa u tajba prodotta mill-art. Is-Septwaġinta adottat il-kelma għall-Ġnien tal-Għeden, li jissinifika “għaxqiet.” L-isem, il-ġenna, hu mogħti wkoll lit-tielet sema (2 Kor.12:4), għall-ġenna t’Alla, fejn hemm is-siġra tal-ħajja (tip ta’ Kristu; Riv.2:7).

Il-wegħda ta’ Ġesù, mela, abbli tagħti ħjiel dwar ir-restawrazzjoni tal-komunjoni intima u personali m’Alla li eżistiet fl-Għeden qabel il-waqgħa fid-dnub. Il-ġenna fil-Patt il-Ġdid hi l-post ta’ hena, feliċità u barka fis-smewwiet, fejn Ġesù wiegħed lill-malefattur mislub maġenbu li kellu jkun miegħu dakinhar stess. 

Inċidentalment, it-tweġiba ta’ Ġesù hi testimonjanza qawwija li l-bniedem hu salvat bil-grazzja permezz tal-fidi f’Ġesù (Ef.2:8-9), hekk li lanqas is-sagramenti mhuma assolutament essenzjali għas-salvazzjoni. Il-ħalliel ovvjament ma tgħammidx; sempliċement fada f’Ġesu. Dakinhar stess, f’mewtu, ruħu ttieħdet il-ġenna f’xirka m’Alla. 


Lq.23:44-46.   Ġesù jmut (ara l-passi paralleli f’Mt.27:45-50, Mk.15:33-37 u Ġw.19:28-30).

waqa’ d-dlam fuq l-art kollha. Għal tliet sigħat l-art inbelgħet f’dalma sopranaturali. Ma kienx eklissi, għax l-Għid isir fi żmien il-qamar kwinta. Id-dlam hu assoċjat mal-ħaqq divin (Es.10:21-23) u l-jum tas-Sid (Ġoel 2:1-2,10,31; Am.5:18,20; 8:9). 


Lq.23:46.   f’idejk nikkommetti l-ispirtu tiegħi (cf., Sal.31:5). Ġesù wera sat-tmiem nett il-fiduċja u d-devozzjoni tiegħu lejn Alla (Sal.31:5); volontarjament ta ħajtu għall-mewt (Ġw.10:18; 19:30). Offra lilu nnifsu bla tebgħa lil Alla (Ebr.9:14). F’dak il-mument ir-ruħ ta’ Ġesù rritornat fil-preżenza t’Alla l-Missier (Lq.23:46; Ġw.19:30; At.7:59).


Lq.23:47-49.   Ix-xhieda taċ-ċenturjun, it-tieni konvertit fuq il-Kalvarju (ara l-passi paralleli f’Mt.27:54-56 u Mk.15:38-41).


Lq.23:50-56.   Ġesù midfun f’qabar ġdid (ara l-passi paralleli f’Mt.27:57-61, Mk.15:42-47 u Ġw.19:38-42).

jistenna saltnet Alla, bħal Anna u ħbiebha (Lq.2:38). Emmen il-klejm ta’ Ġesù, għalkemm kien dixxiplu fis-sigriet (Ġw.19:38). 

ssupplikah għal ġisem ta’ Ġesù. Att qalbieni, għax identifika lilu nnifsu ma’ wieħed ikkundannat mis-Sanedrin għal dagħwa u ġustizzjat bħala kriminal. 

niżżlu mis-salib, f’ubbidjenza għad-Dewteronomju 21:22-23. 

qabar. Il-ġisem ta’ Ġesù ma kienx midfun fil-għajb, iżda fl-unur. 

Jum it-Tħejjija, ċoè l-Ġimgħa, il-ġurnata qabel is-Sibt. 

s-Sibt irpożaw. Fl-aħħar jum tal-ġimgħa ma kienx isir xogħol. Allura n-nisa kellhom jistennew qabel ma jerġgħu jiġu u junzjonaw il-ġisem bil-fwejjaħ. 


Lq.24:1-3.   In-nisa jżuru l-qabar ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.28:1, Mk.16:1-3 u Ġw.20:1). 


Lq.24:4-7.   L-anġli jħabbru l-qawmien ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.28:2-8 u Mk.16:4-8). Iż-żewġt irġiel kienu anġli (Lq.24:23; Mt.28:2,5). Għan-nisa, il-qabar vojt għall-ewwel kien ħaġa ta’ perplessità; għall-fidili llum hu evidenza tar-resurrezzjoni u konferma tal-klejm ta’ Ġesù nnifsu illi hu Bin Alla (cf., Lq.22:70).

sfaw terrifikati. Il-biża’ (cf., Lq.24:37; At.10:4) jirreferi għal dak l-istat ta’ waħx li jwassal għar-riverenza (ara Lq.1:12). Id-dehra tal-anġli sikwit nisslet it-tali biża’ (cf., Imħ.13:19-20). L-anġli huma l-ewwel ħabbara tar-resurrezzjoni, Għalfejn tfittxu l-ħaj fost il-mejtin? Kristu issa hu ħaj biex ma jmut qatt iżjed (Rum.6:9), is-sors ta’ ħajja eterna għal dawk kollha mlaqqma fih bil-fidi (cf., Lq.24:23; 3:15; Rum.14:9). 


Lq.24:6.   Mhuwiex hawn, iżda hu rxoxtat! Il-qawmien ta’ Ġesù hu kkonfermat minn dawn il-fatti: 

1. Il-qabar instab vojt. Kieku l-għedewwa ta’ Ġesù serqu l-katavru, ċertament kienu juruh bħala prova li ma rxoxtax. Kieku d-dixxipli ħadu l-ġisem, hu wisq improbabbli li kienu jissagrifikaw ħajjithom u ġidhom għal gidba. Il-qabar vojt juri li Ġesù tabilħaqq qam u verament hu Bin Alla.

2. Ġesù deher bosta drabi u tkellem mad-dixxipli wara l-irxoxt tiegħu. Tahom ħafna provi infallibbli li tassew hu l-istess Ġesù mqajjem mill-qabar (At.1:1-3; 10:39-43, eċċ.). 

3. L-eżistenza, il-ferħ u d-devozzjoni tal-knisja bikrija. Kieku Ġesù ma qamx u ma dehrilhomx, qatt ma kienu se jkunu trasformati minn grupp ta’ nies kważi ddisprati u nieqsa mit-tama għal armata ta’ evanġelisti mimlija ferħ ma jitfissirx, karatterizzata minn kuraġġ qawwi u tama (Lq.23:52-53).

4. Il-magħmudija tal-Ispirtu f’Pentekoste u l-manifestazzjonijiet sopranaturali fil-komunità Kristjana bħala realtà esperjenzjali huma prova illi Ġesù tassew qam u ġie eżaltat fuq il-leminija tal-Maestà fl-ogħla smewwiet (cf., At.1:3-5; 2:33). Kieku Kristu ma qamx, ma kien ikun hemm ebda magħmudija esperjenzjali bl-Ispirtu s-Santu, għax hu Ġesù li jgħammed bih (cf., Ġw.16:7). 

5. Miljuni ta’ fidili matul almenu żewġ millenji esperjenzaw f’qalbhom u f’ħajjithom il-preżenza ta’ Ġesù rxoxtat u x-xhieda tal-Ispirtu s-Santu. 

6. L-ikbar prova li għandna llum, oġġettiva u inkonfutabbli, hi l-kitbiet tal-Patt il-Ġdid li ngħatawlna minn irġiel mgħallma minn Ġesù, li dejjem għallem il-verità bħala fondamentali. Qatt ma kienu se jaslu biex jiffalsifikaw xi ħaġa hekk kruċjali, jew iħallu rekordju qarrieqi dwar Messija kieku l-ministeru tiegħu spiċċa bil-mewt u f’diżillużjoni (1 Kor.15:12-19). Il-kitbiet tas-segwaċi tiegħu jagħtu kull indikazzjoni li huma awtentiċi, storiċi u affidabbli. 


Lq.24:6.   Ftakru kif kellimkom. Ninsew għax ma nkunux emminna jew ma nkunux żammejna l-verità bħala prezzjuża fi qlubna. Ġesù kien ripetutament bassar il-qawmien tiegħu stess, però d-dixxipli ma fehmuhx (cf., Lq.9:22,44; 18:32-33).


Lq.24:7-8.   Jeħtieġ. Dal-kapitlu ripetutament juża l-lingwaġġ ta’ neċessità divina (Lq.24:26,44,46). Hekk jiġbor it-tema kbira tal-vanġelu: il-ħidma ridentiva ta’ Kristu twettaq id-digriet etern, li ma jistax ifalli (Lq.4:43). 


Lq.24:11.   m’emmnuhomx. Il-fatti tas-sitwazzjoni kienu verifikati minn xhieda diversi f’jiem diversi, nies li ma kinux imzazen, lesti jibilgħu kollox. Damu biex emmnu, u dan minħabba l-fatt illi b’ebda mod ma setgħu jinnegaw il-provi infallibbli u konkreti li tahom Kristu rxoxtat (At.1:1-3). 


Lq.24:13-17.   Fit-triq lejn Emmaws (ara l-pass paralleli f’Mk.16:12-13). 

B’għajnejhom inżammu hu indikat illi Alla (cf., Lq.9:45; 18:34) ma ħallihomx jagħrfu lil Ġesù f’dik l-okkażżjoni (cf., Ġw.20:14-15; 21:4).


Lq.24:19-20.   setgħan fl-għemil u l-kelma. Hekk wera lilu nnifsu bl-iskonġrar tad-demonji, fejqan u mirakli qawwija, kif ukoll bl-awtorità tiegħu fit-tagħlim, u saħansitra bil-maħfra tad-dnubiet. 

Bi żball kienu qed jippretendu saltna mondana immedjata. B’Ġesù mislub kienu probabbilment qed jissaraw mad-dubju dwar jekk kienx il-Messija li kellu jirrenja. Iżda xorta waħda stmawh bħala profeta – deskrizzjoni korretta iżda inadegwata (Lq.7:16). 


Lq.24:21.   jifdi ’l Iżrael. Il-fidwa hi l-ħlas ta’ prezz biex jinħeles l-ilsir. Fiċ-ċar, iż-żewġt irġiel kienu qed jaħsbu dwar il-ħelsien politiku tan-nazzjon tagħhom. 


Lq.24:26.   jbati...jidħol fil-glorja. Il-qafas tal-programm divin hu dejjem l-istess: l-ewwel tbatija, imbagħad glorja, kemm għal Kristu (Lq.24:44-47; Fil.2:5-11; Ebr.1:3; 1 Pt.1:10-11) kif ukoll għal niesu (Rum.8:17). 


Lq.24:27.   spjegalhom fl-Iskritturi. Il-Messija u l-ħidma ridentiva tiegħu bis-sofferenza hi tema ċentrali fil-Patt il-Qadim. Kristu abbli fisser jew almenu alluda għal diversi passi (eż., Ġen.3:15; 22:18; 49:10; Num.21:6-9; 24:17; Sal.16:9-11; 22:1,18; 69; 110:1; Isa.25:8; 52:14-53:12; Ġer.23:5-6; Dan.2:24,35,44; 9:26; Mik.5:2; Żak.3:8; 9:9; 12:10; 13:7; Mal.3:1). Seta’ wkoll għamel referenza għal qabda profeziji messjaniċi oħra, partikolarment dawk li tkellmu dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu. Apparti minn hekk seta’ inkluda spjegazzjoni dwar is-sistema ta’ qtil ta’ bhejjem bħala sagrifiċċju, li kienet mimlija tipi u simboli li tkellmu dwar is-sofferenzi u l-mewt tiegħu. 


Lq.24:31.   Apparentement kienet azzjoni divina meta għajnejhom infetħulhom (cf., Lq.24:16). 

sparixxa. Il-ġisem tal-qawmien tiegħu, għalkemm reali u tanġibbli (Ġw.20:27) kif ukoll kapaċi jiekol ikel normali (24:42-43), kien glorifikat u mibdul b’mod misterjuż (cf., 1 Kor.15:35-54; Fil.3:21), hekk illi seta’ jidher u jgħib. Seta’ apparentement ukoll jgħaddi minn affarijiet solidi (24:12; Ġw.20:19,26). Frattant kien l-istess ġisem li bih miet, hekk li seta’ jurihom il-marki tal-imsiemer (Ġw.20:25-27). Ċertament ma kienx xi fantażma. 


Lq.24:32.   “Qalbna ma kinitx taħraq fina waqt li kellimna matul it-triq, waqt li spjegalna l-Iskritturi?” L-illuminazzjoni salvivika ta’ Kristu permezz tal-Kitbiet Sagri mhux biss tinforma lill-intellett, iżda wkoll tkebbes l-affezzjonijiet fi mħabba risponsiva lejn Alla (Sal.119:18,36-37). 


Lq.24:34.   Ma kinux emmnuhom lin-nisa (Lq.24:11), iżda issa dehra lil Xmun Pietru kienet konvinċenti.


Lq.24:36-43.   Ġesù jagħti provi illi tabilħaqq irxoxta (ara l-pass paralleli f’Mk.16:14). 

qagħad f’nofshom. Id-dehra f’daqqa ta’ Ġesù fosthom, għalkemm il-bibien kienu msakkra (Ġw.20:19), tindika li s-Sid irxoxtat ma kienx limitat bħalma huma bnedmin ordinarji. 


Lq.24:38-40.   Fid-dawl ta’ x’jgħidilhom Ġesù hawnhekk, id-dubji almenu jinkludu xi konfużjoni dwar ir-realtà fiżika u attwali tal-ġisem irxoxtat, u mistoqsijiet dwar ir-realtà tar-resurrezzjoni nfisha. Imma Ġesù jagħtihom provi konvinċenti u infallibbli li hu realment imqajjem mill-mewt: appella għall-vista tagħhom (kapaċi jarawh), għas-smigħ (jisimgħuh jitkellem), u għall-mess (jistedinhom imissuh biex jikkonfermaw li hu reali). 


Lq.24:39.   Araw idejja u saqajja, illi jien hu, jien innifsi! (cf., Ġw.20:25,27; 1 Ġw.1:1). Ġesù mhuwiex spirtu bla ġisem. Kristu rxoxtat u Ġesù ta’ Nażaret huma l-istess persuna, għalkemm il-ġisem irxoxtat ta’ Kristu  hu glorjożament differenti mill-ġisem li assuma għalih innifsu fil-ġuf ta’ Marija ommu. Il-ġisem tal-irxoxt issa hu qawwi, inkorruttibbli, glorjuż, u jservi għall-eternità, bla mhu suġġett għall-mewt u t-taħsir (1 Kor.15:1-19,50-58).


Lq.24:41-42.   Kristu rxoxtat kiel ħuta mixwija u xorob biex jagħti prova konkreta u esperjenzali illi ma kienx sempliċement apparizzjoni jew viżjoni. 


Lq.24:44-48.   Ġesù jfehimhom il-pjan divin għall-fidwa tagħna (ara l-passi paralleli f’Mt.28:16-20, Mk.16:15-20 u Ġw.20:19-23). 

Ma kinitx ħaġa aċċidentali illi l-Iskrittura titwettaq: kulma hu miktub dwari fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u s-Salmi kien jiżvela l-għan determinat t’Alla, u hekk difatti ġara. Kull parti tal-Patt il-Qadim, b’xi mod jew ieħor, direttament jew indirettament, tagħti xhieda dwar Kristu. 


Lq.24:45.   fetħilhom moħħhom biex jifhmu. Kull fehma tajba u korretta tal-Bibbja hi għotja t’Alla (cf., Lq.9:45; 18:34).  Bħala l-profeta l-kbir tal-knisja, Ġesù mhux biss jiżvelalna verità divina, iżda bl-Ispirtu tiegħu (At.1:2) jiftaħ il-qlub tal-midinbin u jegħleb l-għama spiritwali tagħhom sabiex ikunu kapaċi jirċievu dik il-verità divina b’fidi u mħabba (Lq.24:27,32; At.16:14; 2 Kor.4:6). Hu obbligu tagħna naqraw, nistudjaw u nimmeditaw fuq l-Iskrittura, iżda hu l-Awtur tagħha li jrid idawlilna qalbna biex napprezzawha u nifhmuha skont l-intenzjoni tiegħu (cf., Sal.119:18; Isa.29:18-19; 2 Kor.3:14-16). 

Ġesù juri lid-dixxipli l-mod korrett kif jifhmu l-Bibbja. Il-mewt u r-resurrezzjoni tiegħu kienu mbassra matul il-Patt il-Qadim (Lq.24:26). Jerġa’, is-sejħa għall-indiema u l-maħfra kienu wkoll profetizzati (Lq.24:47). Dawn huma msejsa fuq il-ħidma riparattiva ta’ Kristu fuq is-salib. 


Lq.24:47.   l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet. Id-dixxipli mhumiex inkarigati jxandru l-maħfra divina b’kapriċċ jew bl-addoċċ; il-maħfra tasal lill-midneb appena jindem. Il-predikatur li joffri s-salvazzjoni abbażi ta’ fidi nominali, rħisa jew faċli, jew billi wieħed jaċċetta l-vanġelu intellettwalment mingħajr impenn biex jobdi lis-Sid irxoxtat u Kelmtu jkun qed jipprietka vanġelu falz. L-indiema tinvolvi l-abbandunar tad-dnub. Ma tistax tippretendi li Kristu jneħħik minn taħt il-piena u l-kundanna tad-dnub meta int innifsek għadek tixtieq tibqa’ tgħaffeġ fih. Ġesù jsalva lil niesu minn dnubiethom, mhux fi dnubiethom (Mt.1:21). 

lill-ġnus kollha. Kristu nnifsu jistitwixxi l-missjonijiet bħala inkombenza qaddisa u mandatorja, ir-responsabbiltà ewlenija tal-knisja, li ma teżistix bħala istituzzjoni għaliha nfisha, iżda għall-ġid spiritwali u materjali ta’ ħaddieħor. Il-missjonijiet hi tema prinċipali kemm fil-Patt il-Qadim (Ġen.22:18; 1 Slat.8:41-43; Sal.72:8-11; Isa.2:3; 45:22-25) kif ukoll fil-Patt il-Ġdid (Mt.28:19; At.1:8; 28:28; Ef.2:14-18). 


Lq.24:48.   Il-predikaturi huma bażikament xhieda. Mhumiex inkarigati biex jipproduċu xi konċetti ġodda tagħhom infushom, jew jaqilbu l-proklamazzjoni ta’ salvazzjoni f’sistema filosofika, iżda aktarx iservu bħala testimoni dwar x’għamel Alla f’Ibnu. 


Lq.24:49-53.   L-Ispirtu mwiegħed, u l-axxensjoni (ara l-passi paralleli f’Mk.16:19 u At.1:6-11). 

nibgħat il-wegħda. Ġesù rxoxtat se jforni lill-komunità tiegħu b’dak li wiegħed il-Missier, l-għotja tal-Ispirtu s-Santu, biex il-knisja tkun qawwija, unita u msostnija bil-grazzja u l-ferħ (Ġoel 2:28-32; Ġw.14:26; 15:26; At.2:1-4). 


Lq.24:50.   refa’ jdejh u berikhom.  Alla hu l-Imbierek (1 Tim.6:15) u jmissna nagħrfuh hekk (Ġen.9:26; 24:27). Bħala s-sors perenni ta’ kull barka, Alla jbierek lill-bniedem: iwassal u jagħti għotja bi kliem potenti (Ġen.1:22,28).Hekk jagħnih bil-ġid (innota s-sinonimi fil-Ġenesi 12:2, Numri 6:23, u Salm 28:9). 

Hi l-oppost tas-saħta divina (Dt.23:5). Bil-barka tiegħu jsostni ħidmietu fina (Eż.34:26), u jagħti suċċess lil xogħolna (Dt.28:2,12). Tissinifika wkoll il-preżenza t’Alla magħna (Ġen.26:3), kif ukoll illi jagħtina qawwa, saħħa u għajnuna (Ef.3:16; Kol.1:11). Bil-barka tiegħu jaħdem fina u permezz tagħna għall-ġid (Fil.2:13). Il-barka divina tissinifika benesseri temporali u spiritwali (Ġen.26:12-13; 1 Kron.4:10; Sal.32:1-2; 65:4; 94:12; 112:1), iżda huma aktar spiritwali fit-TG (Mt.5:3-10; 11:6; 13:16; 16:17; Lq.11:28; 12:37; Ġw.13:17). Ġesù hu l-medjatur tal-barka mingħand il-Missier (At.3:26; Lq.24:50. Ef.1:3; Gal.3:8-9).

Il-bniedem ibierek lil Alla, fis-sens li jfaħħru u jroddlu ħajr, għax jirrealizza l-barka divina fuqu, li tqanqalha (Neħ.9:5; Sal.145:1-2; Lq.1:64; 24:53). Il-bniedem ibierek ukoll lill-bniedem: jesprimi xewqa jew jagħmel profezija fuqu (Ġen.24:60; 27:4; 48:15; Num.6:23-27).

Hu essenzjali għalina li jkollna l-barka t’Alla fuqna, u allura bix-xieraq jeħtieġ nistaqsu fejn ninsabu inkwantu l-barka mis-sema. Dan għax il-barka t’Alla hi kondizzjonali. Kulħadd irid jagħmel għażla bejn barka permezz ta’ ubbidjenza, jew saħta minħabba d-diżubbidjenza (Dt.30:15-18; Ġer.17:5-8).

Nirċievu l-barka divina billi: 

1. Inħarsu dejjem lejn Ġesù għall-barka tiegħu fuq il-miniseru, l-impjieg u l-familja tagħna (Ebr.12:2).

2. Nafdawh, inħobbuh u nobduh (cf., Mt.5:3-11; 24:45-46; Riv.1:3; 16:15; 22:7).

3. Inneħħu kull ħaġa li tfixkel il-barka tiegħu (Rum.13:12; Ef.4:22; Ebr.12:1). 

Niftakru, però, illi l-barka divina mhijiex l-istess bħal gwadann materjali u personali, jew inkella assenza ta’ sofferenza minn ħajjitna (Ebr.11:37-39; Riv.2:8-10). Wieħed jista’ jbati, ikun marid u fqir, u frattant ikun imbierek mill-Mulej (Lq.6:20-21).


Lq.24:50-51.   ħdejn Betanja...ntrefa’ fis-sema. L-istess awtur, fl-Atti 1:9-11, jgħid illi Ġesù tela’ lura fis-sema mill-Għolja taż-Żebbuġ, qrib Ġerusalemm. Betanja kienet sitwata fuq ix-xaqliba tal-Lvant tal-Għolja taż-Żebbuġ. M’hemm ebda kontradizzjoni.


Lq.24:51-53.   Kienu x’kienu l-fehmiet tagħhom dwar Ġesù fil-jiem bikrija, issa li ltaqgħu miegħu rxoxtat mill-mewt, irrikonoxxew id-divinità tiegħu u qimuh. Issa li huma mogħtija fehma korretta, laqgħu d-divinità sħiħa tiegħu, bla konfużjoni jew dubju (cf., Mt.28:9; Ġw.20:28; kuntrast ma’ Mt.28:17). 

Is-separazzjoni ma ġabitilhomx dwejjaq, iżda ferħ kbir, għax Alla tabilħaqq żar u feda lil niesu (Lq.1:68). Hekk l-Evanġelju skont Luqa jintemm kif beda, f’Ġerusalemm bil-qima t’Alla, ir-rispons xieraq ta’ kull mifdi.