L-Evanġelju Skont Mattew



Mt.1:1-17. Ktieb il-ġenealoġija, jew ir-rekordju tal-arblu tar-razza ta’ Ġesù, kif fasslu Mattew hu differenti minn ta’ evanġelista ieħor (Lq.3:23-38), iżda jikkumplimentaw lil xulxin. Luqa jenfasizza l-antenati bijoloġiċi ta’ Ġesù sa David u jmur lura saħansitra sa Adam, billi jaqbeż xi ġenerazzjonijiet.

Bil-ġenealoġija tiegħu Mattew jagħti prova illi Ġesù għandu klejm legali għat-tron ta’ David, għax jenfasizza kif għandu dixxendenza legali minn David u Abraħam.


Mt.1:1. Kristu (bil-Grieg, Christos) litteralment tfisser midluk jew unzjonat; hi ekwivalenti għall-kelma Ebrajka “Messija” (Ġw.1:41; 4:25). Messija hi t-trasliterazzjoni ellenizzata tal-kelma Aramajka “mesiha.” Il-kelma Ebrajka hi derivata mill-verb “masah” (unzjona; dellek biż-żejt). Fil-Patt il-Qadim, id-dlik biż-żejt seta’ jsir għall-kariga ta’ profeta (1 Slat.19:16), qassis (Es.29:7) jew sultan (1 Sam.16:13). 

Il-Patt il-Qadim wiegħed il-miġja tal-Qaddej ġust ta’ Jaħwè (Isa.42:1-9), li jkun profeta bħal Mosè (Dt.18:18-19), qassis bħal Melkisedek (Sal.110:4), u sultan bħal David, l-unzjonat tal-Mulej (Isa.55:3-5; Ġer.30:9; Eż.34:24; Ħos.3:5; Żak.12:8). 

Mattew jiżvelalna minnufih illi Ġesù hu l-Messija, is-Sultan u Ħellies imwiegħed (Mt.1:1). Jafferma li Ġesù hu l-unzjonat bl-Ispirtu s-Santu (cf., Isa.61:1; Lq.4:18; Ġw.3:34; At.10:38). Hu unzjonat:

1. Bħala Profeta biex iġibilna t-tagħrif spiritwali u l-verità divina, ħalli ma nibqgħux fl-injoranza (Dt.18:15).

2. Bħala Qassis biex joffri sagrifiċċju wieħed, jikkanċella d-dnub u l-ħtija, u jinterċiedi għal niesu (Sal.110:4; Ebr.10:10-14).

3. Bħala Sultan biex jiggverna, jiggwida u jistabbilixxi s-saltna t’Alla, renju ta’ ġustizzja, sliem u ferħ fl-Ispirtu s-Santu (Żak.9:9). 

It-titlu, “Messija,” kultant intuża għal figuri politiċi pagani, bħal Ċiru (Isa.45:1), u saħansitra għall-artal (Es.29:36), iżda l-aktar sikwit għas-sultan ta’ Iżrael (eż., Sal.89:20). Notevolment il-kelma “Messija” ma tidhirx fil-Patt il-Qadim. (Danjel 9:25 għandha tkun tradotta “wieħed midluk”). 

Is-sens primarju tat-titlu hu “sultan,” bħala l-bniedem midluk t’Alla, iżda tissuġġerixxi wkoll għażla, ċoè, ir-re kien magħżul, u għaldaqstant onorat. Evenwalment, fil-Ġudaiżmu, it-tama marbuta mal-Messija kienet mixħuta fil-futur, u gradatament issawret il-fehma illi l-Messija kellu jkun mistenni fi tmiem iż-żmien (ara, eż., Ġer.33; Isa.9 u 11; Mik.5:2; Żak.9 u 12).

Bin il-Bniedem f’Danjel m’għandux ikun identifikat mal-Messija; hu biss aktar tard fil-Ġudaiżmu illi ż-żewġ figuri rawhom bħala wieħed. Il-Qaddej li Jsofri, imħabbar minn Isaija, hu jerġa’ figura oħra. Għalhekk il-Messija, jew is-sultan ideali futur ta’ Iżrael, Bin il-Bniedem u l-Qaddej li Jsofri kienu tliet rappreżentazzjonijiet distinti fil-Patt il-Qadim.

Tul il-ministeru tiegħu Ġesù wera kif dawn it-tlieta, rappreżentazzjonijiet eskatoloġiċi kbar, iseħħu fih. Apparti minn din il-verità m’għandna ebda spjegazzjoni għall-konfużjoni tad-dixxipli meta għarrafhom illi jeħtieġlu jsofri u jmut (Mt.16:21-23). Ġesù ma kellu ebda dubju: deher bħala l-Messija mwiegħed. Dan esibieh l-aħjar fl-użu tat-titlu “Bin il-Bniedem.” Marku jikkonferma li Kristu (Messija) u Bin il-Bniedem huma l-istess (Mk.14:61-62). Ġesù aċċetta t-titlu “Bin David” għalih innifsu, li hu wkoll titlu messjaniku (eż., Mt.21:9,15; Mk.10:47-52). 

Probabbilment Ġesù evita milli jsejjaħ lilu nnifsu “Messija” direttament minħabba konsiderazzjonijiet politiċi. Kieku nqeda regolarment b’dan it-titlu kien ikebbes aspirazzjonijiet politiċi fis-semmiegħa tiegħu biex jaħtruh sultan, prinċipalment bħala figura nazzjonalistika, u jippretendu minnu li jaħbat għar-Rumani u jkeċċihom minn Iżrael. 

Fir-realtà, però, il-konċett messjaniku mħaddan minn Ġesù kien totalment differenti mill-mistennija popolari Lhudija fi żmienu. Meta provaw ilaħħquh sultan, Ġesù warrab (Ġw.6:15). Quddiem Pilatu stqarr: “Saltnati mhix minn did-dinja” (Ġw.18:36). Mela nikkonkludu li Ġesù nqeda bit-titlu “Bin il-Bniedem” biex jgħatti mis-semmiegħa tiegħu l-missjoni messjanika tiegħu, iżda jiżvelaha lid-dixxipli tiegħu. 

L-ewwel ġenerazzjoni tal-knisja ma eżitatx milli tirreferi għal Ġesù bħala l-Messija jew Kristu, u hekk għarfitu bħala l-Iben ikbar ta’ David, is-Sultan. Il-kelma l-ewwel intużat bħala titlu għal Ġesù (Mt.16:16), u aktar tard bħala parti mill-isem personali tiegħu (Ef.1:1, eċċ.). F’Pentekoste Pietru ddikjarah bħala l-Kristu u s-Sid, u għalhekk it-twettiq tal-kariga messjanika hi integralment marbuta mad-divinità essenzjali ta’ Ġesù. Litteralment jgħid li Alla “għamlu” Kristu, fis-sens li ħatru jew ikkostitwieh. Bil-qawmien tiegħu l-Missier ikkonfermah bħala l-Messija, Bin Alla (Rum.1:4; Fil.2:9-11). Titli oħra attribwiti lil Ġesù jinkludu Qaddej, Sid, Bin Alla, il-Qaddis, il-Ġust u l-Imħallef.


Mt.1:1. bin David hu titlu messjaniku komuni (Mt.9:27; 12:23; cf., 1 Kron.17:11-12). 

bin Abraħam. Ġesù hu l-werriet tal-wegħdi mogħtija fil-patt mal-patrijarka Abraħam; hu l-medjatur ta’ barkiet lill-ġnus (Ġen.12:1-3; 22:17-18). Dawn l-għeruq storiċi juruh bħala s-Salvatur li jwettaq l-għanijiet t’Alla matul il-ġrajja umana. 


Mt.1:3-16. In-nisa normalment ma kinux inklużi f’ġenealoġiji Lhud u anke ta’ ġnus fil-Lvant Qrib. Frattant Mattew jirreferi għal ħamsa: 

1. Tamar (Mt.1:3) kienet mara Kagħnanija li ppożat bħala prostituta biex tisseduċi lil Ġuda; tfakkarna fil-falliment tiegħu u l-immoralità umana (Ġen.38:13-30).

2. Raħab (Mt.1:5) kienet prostituta pagana (Ġoż.2). 

3. Rut (Mt.1:5) kienet mara pagana minn Mowab (Rt.1:4), u allura suġġetta għal saħta speċjali (Dt.23:3-5). 

4. Batseba (Mt.1:6) – dik li kienet il-mara ta’ Urija – ikkommettiet adulterju ma’ David, u serviet għall-waqgħa tiegħu (2 Sam.11).

5. Marija (Mt.1:16) ġarret l-istigma ta’ tqala barra ż-żwieġ. Frattant twettaq il-profezija f’Isaija 7:14, u jerġa’ l-wegħda aktar kruċjali fil-Ġenesi 3:15 (Gal.4:4). 

Kull waħda minnhom hi lezzjoni tremenda dwar il-ħidma tal-grazzja divina; u huma wkoll importanti għall-għan t’Alla filli jibgħat lil Kristu. Il-ħames nisa msemmija hawn ifakkruna illi Alla sikwit jagħmel ħwejjeġ mhux mistennija, u saħansitra jagħżel persuni apparentement skwalifikati.


Mt.1:5-6. Salmon nissel lil Boaż minn Raħab. Evidentement mhijiex ġenealoġija komprensiva; bosta ismijiet tul il-ġrajja tal-Lhud huma mħollija barra (cf., v.8 mal-1 Kronaki 3:11-12, fejn ninnotaw tliet ġenerazzjonijiet maqbuża). Minn Raħab, fi żmien Ġożwè, sa David (Mt.1:6) hemm kważi erba’ sekli. L-awtur jagħti indikazzjoni tal-arblu tar-razza mingħajr mhu qed jipprova jagħti lista xjentifikament kompluta. 

Inċidentalment, ladarba nafu fiċ-ċert illi din il-ġenealoġija mhijiex kompluta, allura hu probabbli li lanqas dik fil-Ġenesi 5 mhi kompluta, u allura ma nistgħux nużawha, kif għamlu xi wħud fl-imgħoddi, biex nikkalkolaw x’età għandha d-dinja. 


Mt.1:9. Użżija (2 Slat.15:32,34) hu attwalment Ażarija (2 Slat.15:1-7). Kultant il-Bibbja tagħti ismijiet differenti għal individwu wieħed (eż., Imħ.6:32; 7:1; Dan.1:7; Mt.10:2-3; At.13:9).


Mt.1:11. Ġosija nissel lil Ġekonija. Għal darb’ oħra hawn ġenerazzjoni maqbuża (cf., 1 Kron.3:14-16). Ġekonija hu msejjaħ ukoll Ġeħojakin (2 Slat.24:6; 1 Kron.3:16; 2 Kron.36:8) u kultant Konija (Ġer.22:24). Fuq dan il-persunaġġ ingħadet saħta illi ebda wieħed mid-dixxendenti tiegħu ma jkun fuq it-tron ta’ David, għal dejjem (Ġer.22:30). Ladarba Ġesù kien werriet irjali permezz ta’ Ġużeppi, il-missier legali tiegħu, u mhux il-missier attwali tiegħu, allura s-saħta ma missitx lil Ġesù, u hekk id-dilemma hi solvuta. 


Mt.1:11. id-deportazzjoni lejn il-Babilonja hi l-Eżilju Babilonjan, jew il-Kaptività Babilonjana, iż-żamma forzata tal-Lhud fil-Babilonja wara li s-saltna tal-Ġudea nqabdet fis-sena 598/7 u 587/6 q.K. minħabba d-diżubbidjenza stinata u l-idolatrija lampanti tal-Lhud. L-eżilju ntemm formalment fis-sena 538 q.K, meta l-konkwistatur Persjan tal-Babilonja, Ċiru l-Kbir, ta permess lil-Lhud jirritornaw fil-Palestina. 


Mt.1:16. Marija, li minnha twieled Ġesù. Mattew jikteb b’tali mod biex jagħmilha ċara illi Ġesù hu wild Marija, u mhux il-wild fiżiku ta’ Ġużeppi. Frattant il-ġenealoġija tistabbilixxi l-klejm ta’ Ġesù għat-tron ta’ David bħala l-eredi legali ta’ Ġużeppi. 


Mt.1:16. Marija. Bix-xieraq nistabilixxu x’dinjità u ġieħ imissha żżomm omm Ġesù f’qalb il-fidili. Indubjament tokkupa post ta’ unur pekuljari u speċjali fl-Iskrittura. Kien tabilħaqq favur uniku illi tkun magħżula bħala l-omm umana tal-Messija, il-Kelma inkarnata (Lq.1:28). Marija għarfet l-istat umli tagħha u kif Alla għoġbu jaħtarha għal dak il-privileġġ tremend. Eliżabetta ħasset l-istess meta esklamat, “Imma mnejn hu dan għalija illi tiġi omm Sidi għandi?” (Lq.1:43).

Nirrispettaw ukoll il-fidi ubbidjenti u umli tagħha kif irrispondiet għad-deċiżjoni divina illi tkun omm il-Messija. Ċertament sabitha diffiċli taċċetta kulma ntqalilha mill-anġlu (Lq.1:29,34), iżda minkejja l-mistoqsija inizjali tagħha u l-iskantament, ir-rispons ilvent tagħha kien motivat minn fidi sempliċi u qawwija f’Alla. “Ara, l-ilsira tas-Sid; ħa jkunli skont kelmtek” (Lq.1:38).

Jerġa’, il-qagħda esponietha għal diffikultajiet partikolari minkejja d-dinjità intrinsika tagħha. Forsi fost il-biżgħat, “ħa jkunli skont kelmtek,” hi espressjoni ta’ ubbudjenza riżoluta għas-sejħa u l-kummissjoni divina – ubbidjenza illi indubjament kompliet timmanifesta fl-oskurità komparattiva tas-sħubija tagħha fil-knisja l-bqija ta’ ħajjitha. 

Għarfet iċ-ċokon tagħha. Xewqitha kienet il-foħrija tal-Mulej, bla ma qatt provat tisraq il-glorja, li bid-dritt hi t’Alla waħdu, għaliha nfisha. Bħal Ġwanni rrikonoxxiet li “Hu (Ġesù) jeħtieġ jikber, jien nonqos.” Marija talbet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.” Ix-xewqa ta’ Marija ma kinitx l-eżaltazzjoni tagħha nfisha. 

Ironikament, kontra r-rieda tagħha, matul l-istorja Marija saret magħrufa b’titli u ngħatat qima li jixirqu biss lil Alla. L-immaġni “tal-madonna” fir-reliġjon Kattolika qajla taqbel mat-tagħlim tal-Iskrittura dwar Marija.

La fiha nfisha, però, u lanqas bħala rappreżentattiva tar-razza umana ma kkontribwiet pożittivament għall-ħidma kbira ta’ rikonċiljazzjoni. Bix-xieraq, fil-Magnificat, dawret ħsibijietha lejn Alla bħala s-Salvatur tagħha. Lil Marija nonorawha l-aħjar billi nagħtuha d-dinjità li hi tagħha fl-Iskrittura bla ma nintilfu fi spekulazzjoni, jew agħar minn hekk, niddgħajfu fid-devozzjoni totali u esklussiva tagħna lejn is-Sid Ġesù Kristu (2 Kor.11:2-4).


Mt.1:17. Mattew jorganizza l-ġenealoġija apposta fi tliet gruppi ta’ erbatax-il ġenerazzjoni l-wieħed biex juri illi hemm ordni fl-istorja apparentement imħawda, kif ukoll illi Alla għandu għan, jew pjan, li finalment jitwettaq. Erbatax hu l-valur numeriku tal-isem “David” bl-Ebrajk, u hekk juri s-sinifikat ta’ Bin David matul il-ġenealoġija. Biex jirnexxilu jippreżenta dis-simettrija kellu juża abbrevjazzjonijiet. (Qabbel Mattew 1:5 ma’ Ġożwè 2. Qabbel Mattew 1:8 mat-2 Kronaki 21:4-26:13). Jaqbeż xi ismijiet, bħalma huma t-tliet ġenerazzjonijiet bejn Ġoram u Użżija (cf., 1 Kron.3:10-12).

 

Mt.1:18. mgħarrsa. L-għerusija Lhudija kienet torbot virtwalment daqs iż-żwieġ modern tagħna. Biex tiġi terminata għerusija kien hemm bżonn id-divorzju (Mt.1:19). L-għarajjes kienu meqjusa bħala legalment raġel u mara miżżewġa, għalkemm l-unjoni sesswali bejniethom tkun għadha ma seħħitx. 


Mt.1:19. Ġużeppi kien biħsiebu jiddivorzja lil Marija. L-infedeltà tul l-għerusija kienet tagħmel id-divorzju kwazi obbligatorju. Ġużeppi kellu l-intenzjoni jmantni l-integrità personali, u frattant xtaq juri mogħdrija avolja Marija dehret bħala adultera f’għajnejh. F’dal-pjan tiegħu hu deskritt bħala ġust: kellu l-jedd jiddivorzjaha minħabba (kif assuma hu) l-infedeltà tagħha, iżda ried juriha wkoll mogħdrija, għax ried jinfired minn magħha segretament jew privatament, biex ma jregħixiex man-nies. 


Mt.1:20. L-anġlu jfakkar lil Ġużeppi li hu nnifsu kien bin David, ċoè jappartieni għal-linja ta’ David, u allura l-għanijiet t’Alla għal dar David kienu waslu biex jitwettqu. 


Mt.1:21. L-isem “Ġesù” jfisser “Jaħwè hu salvazzjoni.” 

se jsalva ’ll-poplu tiegħu minn dnubiethom. Ħelsien mid-dnub u l-konsegwenzi koroh tiegħu hi wegħda ripetuta fil-profeti (eż, Isa.40:2; 53:6; Ġer.31:31-34; Eż.36:25-27; Dan.9:24; Żak.13:1). Hi barka ċentrali fl-evanġelju. Ġesù ma ġiex biex jaqleb poteri politiċi jew jikkoreġi inġustizzji soċjali, iżda biex jillibera lil niesu mill-ħtija morali u r-rovina spiritwali (Mt.18:11; 19:25-26). 


Mt.1:22. Il-formula, Issa dan kollu ġara sabiex titwettaq, hi wżata minn Mattew biex jirreferi għal avveniment jew tagħlima ta’ Ġesù li bih iseħħ x’kien inkiteb minn qabel mill-profeti. Tindika: 

1. Twettiqa diretta ta’ tbassira (eż., Mt.1:22-23).

2. It-tifsira sħiħa intenzjonata ta’ xi pass fil-Patt il-Qadim (eż., Mt.5:17-20).

3. Korrispondenza analoġika jew tipoloġika, imfassla fil-pjan divin, bejn il-ġrajja Iżraelita antika u l-ġrajja dwar Ġesù (eż., Mt.2:15,17-18).

Mattew jaċċentwa din it-tema importanti (ara Mt.2:15,17,23; 4:14; 8:17; 12:17; 13:14,35; 21:4; 26:54-56; 27:9,35). Jikkwota mil-Patt il-Qadim aktar minn sittin darba, iżjed spiss minn kwalunkwe awtur ieħor fil-Patt il-Ġdid ħlief Pawlu fir-Rumani. 


Mt.1:22. profeta (bil-Grieg, prophētēs) fis-sens bibliku mhuwiex persuna li sempliċement ibassar il-futur; dan mhuwiex is-sinifikat primarju. Il-profezija tinkludi kwalunkwe komunikazzjoni li Alla ried jgħaddi lil niesu jew lil xi ġens ieħor (cf., Ġen.20:7; Es.8:1; 1 Sam.10:10-11).


Mt.1:23. il-verġni titqal u tiled iben. Il-kelma Ebrajka għal “verġni,” użata mill-profeta (Isa.7:14), setgħet tfisser ukoll xebba, jew mara mhix miżżewġa. Frattant Mattew juża l-kelma Griega li bla ambigwità tfisser biss “verġni,” ċoè mara li qatt ma kellha relazzjoni sesswali ma’ raġel. It-twelid verġni ta’ Ġesù ma jistax ikun enfasizzat iżżejjed. 

Sabiex il-Feddej seta’ jikkwalifika biex ipatti għal dnubietna u jġib is-salvazzjoni, ħtieġlu jkun f’persuna waħda kompletament uman, bla dnub, kif ukoll totalment divin (Ebr.7:25-26). It-twelid verġni jissodisfa dawn it-tliet kondizzjonijiet:

1. L-uniku mod kif Ġesù seta’ jitwieled bħala bniedem kien illi jkun imwieled minn mara. 

2. L-uniku mod kif seta’ jkun bla dnub kien billi jkun imnissel mill-Ispirtu s-Santu (Mt.1:20; cf., Ebr.4:15). 

3. L-uniku mod kif seta’ jkun divin kien billi jkollu lil Alla bħala Missieru. 

Bħala riżultat, il-konċepiment tiegħu kien sopranaturali (Lq.1:35). Ġesù mela hu preżentat lilna bħala persuna waħda b’żewġ naturi, in-natura divina u n-natura umana. Filli għex u sofra bħala persuna umana, Ġesù jissimpatizza mad-dgħufijiet tagħna (Ebr.4:15-16). Bħala l-Iben divin t’Alla, għandu s-setgħa jeħlisna mill-jasar tad-dnub u l-potenza ta’ Satana (At.26:18; Kol.2:15; Ebr.2:14; 7:25). Bħala kemm divin kif ukoll uman, jikkwalifika bħala medjatur li għandu għal qalbu l-interess t’Alla u tal-bniedem fl-istess ħin. L-isem “Ġesù” jispeċifika x’jagħmel – isalva lin-nies. 

Emmanwel ifakkarna min hu – Alla magħna, għall-faraġ u l-hena ta’ niesu (cf., Isa.8:8,10). Il-Vanġelu jikkonkludi fuq l-istess tema: “Jien dejjem magħkom” (Mt.28:20).


Mt.1:25. ma kiex jafha sakemm wildet iben, ċoè, Ġużeppi ma kellu ebda unjoni konjugali ma’ Marija qabel ma twieled Ġesù. L-evidenza turi illi kellhom relazzjoni maritali normali wara t-twelid ta’ Ġesù. Il-loġika u l-grammatika tiddetta favur ħajja ta’ żwieġ, tant illi l-Vanġeli jsemmu kemm-il darba lil ħut Ġesù, ulied illi twieldu lil Marija b’Ġużeppi bħala missierhom (ara wkoll Gal.1:19).

Ġesù hu deskritt bħala “l-primoġenitu tagħha” (Lq.2:7). Kieku Marija kellha lilu biss, xorta waħda kien jissejjaħ “l-ewwel imwieled.” Iżda t-terminu normalment jissinifika illi twieldu tfal oħra warajh. U difatti jissemmew, xi wħud minnhom anke b’isimhom. “‘Ewwilla dan mhux bin il-mastrudaxxa?’ qalu n-nies dwaru. ‘Ommu mhix imsejħa Marija, u ħutu, Ġakbu, Ġużeppi, Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet, mhux magħna lkoll qegħdin? Dan mnejn mela ġab dawn il-ħwejjeġ kollha?’” (Mt.13:55-56. Ara wkoll Mt.12:46,47; Mk.3:31,32; 6:3; Lq.8:19-20; Ġw.2:12; 7:3,5,10; At.1:14). Il-kuntest juri illi kienu ħutu litteralment, mhux kuġini jew qraba tiegħu, partikolarment ukoll għax jissemmew ma’ ommu littera. 

L-argumentazzjoni Rumanista dwar “Marija dejjem verġni” tnixxi mill-ħsieb illi l-astinenza sesswali u ċ-ċelibat huma aktar qaddisa minn attività sesswali fiż-żwieġ. Iżda m’hemm ebda bażi għal din l-idea fl-Iskrittura. 


Mt.2:1. Betleħem kienet belt fil-Ġudea, sitt mili bogħod fin-Nofsinhar minn Ġerusalemm. Kienet magħrufa wkoll bħala Betleħem-Ġuda (Imħ.17:7-9). Rakela mietet u ndifnet hemm (Ġen.35:19); l-istorja ta’ Rut marbuta magħha wkoll (Rut 1:1-22; 2:4). Apparentement David twieled hemm (1 Sam.16:4; 17:12,15); hi msejħa “belt ta’ David” (Lq.2:11). 

Hemm twieled David il-Kbir, Ġesù, avolja kienet ċkejkna fost l-eluf tal-Ġudea. Appuntu t-tifsira tal-kelma “Betleħem” (dar il-ħobż), tirkaċċa iktar: minnha ħareġ il-ħobż ħaj li niżel mis-sema. Bix-xieraq il-profeta jsejħilha “Betleħem-Efrata” (l-għammiela), għax il-mexxej ta’ Iżrael kellu jitwieled hemm (Mik.5:2; Lq.2:4; Ġw.7:42). 


Mt.2:1. Wara li għaxar tribujiet isseparaw, Ġuda u Benjamin ifformaw saltna fin-Nofsinhar bl-isem ta’ Ġuda; l-art saret magħrufa bħala l-Ġudea. Billi t-tempju kien f’Ġerusalemm, bil-qassisin u l-Leviti, Ġuda rrappreżentat il-poplu t’Alla u l-gvern tiegħu fuq l-art. Is-saltna ta’ Iżrael malajr waqgħet fl-idolatrija. Skont il-wegħda tiegħu, Alla ħalla lampa lil David biex tixgħel f’Ġerusalemm. Bħala saltna, Ġuda baqgħet mis-sena 975 q.K. sa 606 q.K., meta bosta nies ittieħdu fil-jasar, għalkemm Ġerusalemm ma nqerditx qabel is-sena 588 q.K.


Mt.2:1. Ma nafux kemm kienu l-maġi; nassumu li kienu tlieta mill-għadd ta’ għotjiet li ġabu magħhom. Ma kinux slaten, iżda astrologi jew possibbilment għorrief Żoroastrijani mill-Persja li t-tagħrif tagħhom tal-Iskritturi Ebrajċi seta’ jmur lura għal żmien Danjel (cf., Dan.5:11). Setgħu kienu wkoll qassisin u esperti fil-misterji tal-Persja u l-Babilonja (cf., Dan.1:20; 2:2; 10:27, eċċ.). Fi żmien Mattew “magoi” setgħet tapplika għal firxa wiesa’ ta’ nies li l-prattiċi tagħhom inkludew l-astroloġija, l-interpretazzjoni tal-ħolm, l-istudju ta’ kitbiet sagri, it-tfittxija tal-għerf, u l-magarija. 

B’din l-istorja dwar il-maġi Alla mhuwiex qed japprova l-astroloġija (Lev.19:26; Dt.18:10; Isa.8:19). Il-kewkba annunzjat, mhux bassret, it-twelid tal-Messija.

Il-ġrajja hi importanti għax turina li Ġesù hu denju ta’ unur irjali mingħand l-umanità kollha. Ukoll, kemm Lhud kif ukoll Ġentili huma inklużi fil-pjan ridentiv t’Alla (cf., Mt.8:11; 28:19; Rum.10:12). Il-wasla tal-maġi wettqet il-profezija wkoll, illi l-Ġentili kellhom jersqu biex ikunu mbierka min-Nisel imwiegħed ta’ Abraħam (Ġen.22:18; Isa.60:3; Żak.8:23). 


Mt.2:1. Fir-renju ta’ Salamun, Alla għażel lil Ġerusalemm biex tkun l-għamara tat-tempju tiegħu (2 Kron.3:1), sikwit imsejħa wkoll Sijon. Saret “il-belt t’Alla” (Sal.46:4), “l-hena tad-dinja kollha” (Sal.48:2), għax issinifikat il-preżenza tiegħu. Aktar minn hekk, “imwieled f’Sijon” tirrappreżenta s-salvazzjoni ta’ dawk li “jafu lil Alla” (Sal.87:4) u li ismijiethom huma “miktubin għall-ħajja f’Ġerusalemm” (Isa.4:3), sew jekk huma nattivi tal-Babilonja jew l-Etjopja (Sal.87:4). 

Bħala simbolu tal-knisja kellha tirbaħ il-Ġentili (Gal.4:26-28). Ġerusalemm tirrappreżenta wkoll il-ġenna nfisha (Ebr.12:22). 

Fi żmien Ġesù kienet il-fus ta’ ħajja reliġjuża għal Iżrael kollu. Inċidentalment, hemm Ġesù ltaqa’ mal-eħrex oppożizzjoni hekk li finalment spiċċa mislub barra minn bwiebha. 


Mt.2:1,3. Erodi s-sultan hu magħruf ukoll bħala Erodi I jew Erodi l-Kbir. Irrestawra t-tempju u bena teatri, bliet, palazzi u fortizzi. Inħatar bħala sultan taħt l-awtorità ta’ Ruma fis-sena 37 q.K. u miet fis-sena 4 q.K. Mela Ġesù attwalment twieled madwar 5 jew 6 q.K. skont l-iddatar standard tal-kalendarju Gregorjan (li nużaw aħna llum).


Mt.2:2. Sultan (bil-Grieg, basileus) hu titlu governattiv għoli wżat għal David (Mt.1:6), għall-Imperatur Ruman (1 Pt.2:13,17), kif ukoll għal Erodi t-Tetrarka (użat b’kortesija, Mt.14:9).

Supremament hu titlu mogħti lil Kristu, bħala s-Sultan tal-Lhud (eż., Mt.2:2; 27:11,29,37), is-Sultan ta’ Iżrael (Mk.15:32; Ġw.1:49; 12:13), is-Sultan tas-slaten (Riv.17:14; 19:16), u s-Sultan Imħallef fil-ġudizzju universali (Mt.25:34,40). 

Kristu bħala s-Sultan kien imbassar fil-Patt il-Qadim (eż., Sal.2:6) u l-Patt il-Ġdid (eż., Lq.1:32-33). Hekk ġie fid-dinja (Mt.2:2; Ġw.18:37) u hekk safa miċħud u maqtul (Lq.19:14; Mt.27:37). Preżentement hu s-Sultan Saċerdot, skont l-ordni ta’ Melkisedek (Ebr.5:6; 7:1,17) u jirrenja għal dejjem ta’ dejjem (Riv.11:15). 

Naturalment, il-kelma “sultan” tiddeskrivi wkoll lil Alla (Mt.5:35; 1 Tim.1:17; 6:15; Riv.15:3).


Mt.2:2. kewkba: ara Num.24:17; Isa.60:1-2. Il-moviment tal-kewkba (Mt.2:9) jissuġġerixxi illi ma kinitx fenomenu naturali (eż., kometa, supernova jew konġunzjoni tal-pjaneti).


Mt.2:3. kien iddisturbat, u Ġerusalemm kollha miegħu. Il-wasla ta’ dan is-sultan veru tal-Lhud preżentat theddida għat-tron ta’ Erodi għax proprjament kien mill-Idumea. Il-kapijiet korrotti Lhud, sew reliġjużi kif ukoll politiċi, lanqas ħadu gost b’dan l-iżvilupp.


Mt.2:4. Fi żmien Ġesù grupp ta’ saċerdoti kienu magħrufa bħala sommi saċerdoti, jew qassisin ewlenin, inkarigati mill-attivitajiet fit-tempju.


Mt.2:4. l-iskribi kienu klassi ta’ skulari professjonali mgħallma fil-liġi, iżda mhux setta separata għalihom. Wieħed seta’ jkun skrib u Fariżew (jew Sadduċew) fl-istess ħin (cf., At.23:9). Sikwit jissejħu “grammateis” (mgħallma fl-Iskritturi; Mt.2:4; Mk.1:22, eċċ.). Kultant huma riferuti bħala “nomikoi,” (esperti legali; Lq.7:30; 14:3, eċċ.) jew “nomodidaskaloi,” (għalliema tal-liġi; Lq.5:17; At.5:34). 

Il-funzjoni tagħhom mhux biss kienet l-elaborazzjoni tal-liġi, ċoè, jagħmlu espliċitu dak li kien biss impliċitu, iżda wkoll it-tagħlim ta’ kulma tirrekjiedi l-liġi. Kienu wkoll jgħaddu d-deċiżjonijiet legali minn ġenerazzjoni għall-oħra. Aktar tard l-iskribi kellhom ir-responsabbiltà addizzjonali illi jippriżervaw bir-reqqa t-test sagru. Minħabba t-theddida tal-Elleniżmu, l-iskribi saru l-protetturi żelużi tal-liġi u kulma jmur kisbu popolarità u influwenza fost il-poplu Lhudi. 

L-istima gawduta minnhom hi riflessa fil-kelma “rabbi” (mgħallem tiegħi), użata biex jindirizzawhom (ara n-notament f’Mt.23:7). Mattew 23 jippriżerva d-denunzja qawwija ta’ Ġesù minħabba l-faċċoliżmu, il-kburija u t-testardaġni spiritwali tagħhom. Sidna Ġesù jiddeskrivihom bħala bilqiegħda fuq is-sede ta’ Mosè, u allura kull dottrina biblika li għallmu kellha tkun obduta, iżda qajla setgħu jkunu imitati fl-imġiba (Mt.7:29; 23:2,13-33). 


Mt.2:6. gvernatur li se jirgħa lill-poplu tiegħi. Attwalment Mattew jagħmel parafrażi ta’ kwotazzjoni minn Mikea u jġonġi magħha porzjon ieħor ta’ Skrittura. Apparentement din il-kwotazzjoni donnha hi referenza għal kliem Alla lil David meta s-saltna ta’ Iżrael kienet oriġinarjament stabilita (2 Sam.5:2; 1 Kron.11:2). B’daqshekk Mattew m’għamel xejn ta’ barra minn hawn. Il-ħakma ta’ Kristu hi setgħana, u fl-istess ħin imexxi b’tenerezza bħal ragħaj (cf., Riv.12:5). 


Mt.2:8. niġi nadurah. Erodi tkellem bil-qerq, kif deher f’azzjoni krudila tiegħu aktar tard.


Mt.2:10. Filwaqt li l-politiċi korrotti u r-reliġjużi tħawdu, il-maġi ferħu eċċessivament b’ferħ kbir. Dan juri kif il-vanġelu kapaċi jkun rieħa ta’ mewt għall-mewt, kif ukoll fwieħa ta’ ħajja għall-ħajja (2 Kor.2:14-17). 


Mt.2:11. Il-maġi ma waslux hekk kif twieled Ġesù fil-maxtura, iżda sa xi sentejn wara, meta Ġesù kien qed jgħammar f’dar.

Meta nxteħtu jadurawh indikaw illi għarfu d-divinità ta’ Ġesù (Mt.14:33). 

deheb u lubien u mirra huma rigali denji għal sultan (cf., Isa.60:1-6). Il-fatt li l-Ġentili kellhom joffru t-tali qima għandha sinifikat profetiku (Sal.45; 72:10-12; 110:3). 


Mt.2:13. aħrab lejn l-Eġittu. Fl-istorja tal-Lhud l-Eġittu kien post ta’ tbatija u theddid, kif ukoll post ta’ kenn, bħal meta ġara l-għaks fi żmien Ġakobb, u f’dan il-każ ukoll. 

L-attentat ta’ Erodi fuq iċ-ċkejken Ġesù jiżvela kif Alla sikwit jipproteġi u jiggwida lil niesu. 

1. Alla ma ħarisx lil Marija, binha u Ġużeppi mingħajr il-kooperazzjoni tagħhom (Mt.2:13,19-20,22). Il-protezzjoni tirrekjiedi l-ubbidjenza għall-gwida divina, li f’dan il-każ kienet tinvolvi ħarba mill-pajjiż. 

2. Alla sikwit jippermetti illi nidħlu f’ċirkostanzi iebsa sabiex titwettaq ir-rieda tiegħu. Kristu beda ħajtu bħala refuġjat u stranġier f’art barranija (Mt.2:14-15). Għall-fehma limitata tagħna kien ikun iżjed faċli kieku Alla neħħa lil Erodi immedjatament, u hekk ma jkunx hemm bżonn jitwarrbu fl-Eġittu bid-diffikultajiet kollha involuti. 

3. Imqar wara li prova waħda tkun ġiet solvuta, jista’ jibqa’ problemi oħra x’niffaċċjaw (Mt.2:19-23). Il-ħarsien t’Alla dejjem neħtiġuh għax l-għadu qatt ma jehda milli jassalta (Ef.6:10-18).


Mt.2:15. Il-kwotazzjoni minn Ħosea 11:1, Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni, titkellem proprjament dwar meta Alla sejjaħ lil ibnu Iżrael mill-Eġittu fl-Esodu. Mattew ried ifisser illi l-istorja tal-fidwa t’Alla fl-antik tipponta ’l quddiem lejn Ġesù, il-veru Iben t’Alla.


Mt.2:16-18. Il-qirda tat-trabi subien Lhud tixbah il-mossa ta’ Faragħun fi żmien Mosè (Es.1:22). Indirettament Mattew qed jgħidilna illi issa wasal Salvatur ikbar minn Mosè, b’fidwa superjuri għal tiegħu. 


Mt.2:17-18. Ġeremija juża l-personifikazzjoni biex jiddeskrivi l-ommijiet ta’ Iżrael – Rakela tibki – fil-vistu għal uliedhom, imneħħija mill-art għall-eżilju. Hekk Iżrael ma baqax nazzjon u kien ikkonsidrat bħala mejjet (Ġer.31:15). Bħall-eżilju, l-attentat fuq ħajjet Ġesù kien intenzjonat biex jelimina l-magħżul t’Alla.

Għal darb’ oħra, dil-profezija hi f’għamla ta’ tip. Jikkwota lil Ġeremija li strettament qed jitkellem dwar żmien l-Eżilju Babilonjan. Ix-xehir u l-biki serva ta’ xbieha minn qabel għall-vistu minħabba t-tfal massakrati fuq l-ordni ta’ Erodi. 


Mt.2:22. Arkelaws kien wieħed minn ulied Erodi; irrenja tirannikament minn 4 q.K. sa 6 w.K. Kien kattiv bħal missieru, u mibgħud mil-Lhud. Ċesri spiċċa biex itturufnah.


Mt.2:22. twissa minn Alla b’ħolma. Għal darb’ oħra (Mt.2:12) naraw kif Alla jgħasses fuq dawk li jħobb. Hu jaf l-aħjar kif jiffrustra l-pjanijiet tal-ħżiena, u kif jeħles lill-fidili minn idejn dawk li jridu jagħmlulhom il-ħsara. 

Inċidentalment, tajjeb nosservaw illi meta Alla jiggwidana providenzjalment (ħolm, ċirkostanzi pekuljari, parir mingħand persuna oħra), qatt u qatt ma jgħidilna biex nagħmlu affarijiet li huma kontradittorji għall-Kelma miktuba tiegħu. 


Mt.2:22. Il-Galilija kienet ir-reġjun fil-Punent tal-Ġordan u l-Baħar tal-Galilija, u fit-Tramuntana tas-Samarija (ara n-notament f’Mt.4:15).


Mt.2:23. Bħala raħal, Nażaret, il-post fejn trabba Ġesù, qatt ma jissemma fil-Patt il-Qadim. Jinsab 103 kilometri fit-Tramuntana ta’ Ġerusalemm, qrib il-Baħar tal-Galilija. 

Kmieni fil-ministeru tiegħu Ġesù għallem fis-sinagoga hemm; għall-ewwel laqgħuh iżda mbagħad offendiehom bi kliemu (Lq.6:16-30). Xi sena wara reġa’ żarhom iżda n-nies tal-lokal stmawh biss bħala “l-mastrudaxxa,” u warrbuh (Mt.13:54-58; Mk.6:1-6). 

Sikwit Kristu hu magħruf fil-Vanġeli bħala “Ġesù ta’ Nażaret,” u t-titlu fuq is-salib hekk jiddeskrivih ukoll – indikazzjoni tal-umiljazzjoni tiegħu. Natanael (Ġw.1:46) apparentement esprima x-xettiċiżmu kontemporanju illi ebda profeta ma jitfaċċa mill-Galilija (Ġw.7:52). 


Mt.2:23. imsejjaħ Nazzarenu. Mattew mhux jikkwota xi profezija speċifika, iżda biss jirreferi għat-tema ġenerali tul il-profeti, għax dawn bassru illi l-Messija jkun mistmerr (Sal.22:6; Isa.49:7; 53:3; cf., Dan.9:26), komparabbli għal kif Nażaret kienet mistmerra fi żmien Ġesù (cf., Ġw.1:46; 7:41,52).

Jista’ jkun ukoll illi peress li Nażaret ġejja mill-kelma bażika “netzer” (fergħa), l-idea ta’ Mattew hi illi l-profeti tkellmu dwar il-Messija bħala “l-Fergħa” (Isa.11:1; Ġer.23:5; 33:15; Żak.3:8; 6:12). 


Mt.3:1. f’dawk il-jiem. Għaddew kważi tletin sena mill-avvenimenti tal-ewwel żewġ kapitli. Ġesù trabba fl-oskurità, u qatta’ t-tfulija u ż-żgħożija tiegħu f’attività sempliċi u umli. Fost ħwejjeġ oħra tgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa. 


Mt.3:1. Ġwanni l-Battista, bħala l-prekursur ta’ Ġesù, kellu rwol storiku importanti filli għaqqad l-attività salvivika t’Alla fil-Patt il-Qadim mal-ħidma salvivika tiegħu fil-persuna u l-missjoni ta’ Ġesù. Kien Nażirita bħal Samwel u Sansun, isseparat għal servizz speċjali lil Alla (Num.6:1-21; Lq.1:15). 


Mt.3:2. L-ewwel kmand rekordjat kemm tal-Battista kif ukoll ta’ Ġesù (Mt.4:17; 18:3; Lq.5:32) hu Indmu! L-indiema kienet messaġġ bażiku fil-profeti (Ġer.7:3; Eż.18:30; Ġoel 2:12-14; Mal.3:7), u xejn inqas tal-appostli (At.2:38; 8:22; 11:18; 2 Pt.3:9).

L-indiema mhijiex biss diqa għad-dnub iżda bidla deċiżiva, dawrien mill-ħażen għal ħajja ta’ ubbidjenza grata lejn Alla. Fil-Patt il-Qadim in-nies kienu sikwit kmandati biex “iduru lura” jew “jirritornaw” għall-fedeltà lejn il-patt. Indiema ma tfissirx tikkastiga lilek innifsek; lanqas mhi sinonima għal dipressjoni jew rimors. Ġuda ddejjaq (Mt.27:3) iżda ma nidimx. Ġwanni jappella lin-nies biex iwarrbu l-ostakli minn ħajjithom li setgħu fixkluhom milli jilqgħu lill-Messija u jkunu introdotti f’saltnatu.

L-indiema hi deċiżjoni ħielsa daparti tal-midinbin, magħmula possibbli bil-grazzja divina meta jisimgħu u jemmnu l-evanġelju (At.11:21). 

L-ippritkar tal-indiema għandu dejjem jakkumpanja l-messaġġ ta’ salvazzjoni fi Kristu (Lq.24:47). Meta ngħidu li nemmnu fi Kristu neċessarjament qed ngħidu li rridu niksruha minn mad-dnub b’mod radikali, altrimenti nkunu qed nilqgħu vanġelu distort (Mk.1:15; Lq.13:3,5; At.3:19; 11:21). 

L-indiema ma tippreparax lill-midinbin fis-sens illi tagħmilhom denji t’Alla, iżda hi l-ħidma tal-grazzja tiegħu f’erwieħhom (Ġer.32:40). 


Mt.3:2. Ġwanni l-Battista introduċa t-tema ewlenija fit-tagħlim ta’ Ġesù – saltnet is-smewwiet. Marku u Luqa jirreferu għaliha bħala “saltnet Alla.” 

Il-profeti tal-Patt il-Qadim stennew u ħabbru r-renju t’Alla, il-manifestazzjoni tal-ħakma sovrana tiegħu fil-fidwa ta’ niesu. Issa ż-żmien ta’ stennija għadda: is-Sultan innifsu ġie. Bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, u bil-firxa tal-vanġelu fost il-ġnus, il-wegħda antika t’Alla nistgħu ngħidu hi mwettqa għalina, għalkemm għadna nistennew ir-realizzazzjoni kompluta meta Kristu jirritorna fil-ġudizzju fl-aħħar jum. 


Mt.3:4. mix-xagħar tal-ġemel. Bi stil ta’ ħajja sempliċi l-Battista kien dimostrazzjoni viżiva ta’ ndiema mix-xalar u l-lussu mondan (Mt.11:8), u fl-istess ħin ikompli ħolqa waħda mal-profeti tal-Patt il-Qadim (Żak.13:4). Speċifikament kif deskritta l-libsa u d-dehra ta’ Ġwanni kienu simili għal ta’ Elija (2 Slat.1:8; Mal.4:5). Hekk hu identifikat bħala l-forier, jew il-prekursur, tas-Sid (Mak.4:5).


Mt.3:5-6. Il-Ġordan hi x-xmara twila 251 kilometru li tgħaqqad il-Baħar tal-Galilija fit-Tramuntana mal-Baħar il-Mejjet fin-Nofsinhar. Il-Mulej nixxef ix-Xmara Ġordan biex Iżrael jaqsamha ħalli jidħol fl-Art Imwiegħda (Ġoż.3:1-4:24). Hi assoċjata wkoll ma’ Elija (1 Slat.17:3-5; 2 Slat.2:6-7,13). Issa terġa’ ssir prominenti bil-magħmudija kritika mxandra minn Ġwanni. Normalment għammed lin-nies fiha, u saħansitra lil Ġesù (Mt.3:13).


Mt.3:6. tgħammdu minnu. Ġwanni rrekjieda magħmudija min-nies li diġà kienu f’komunità pattwali m’Alla. Din il-mossa indikat indiema radikali, sinjal tal-wasla tal-Patt il-Ġdid (Mt.21:25; At.19:3-4). Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet sinjal ta’ ndiema; implikat illi l-madmad ta’ Iżrael ma kienx l-okkupazzjoni Rumana, iżda s-separazzjoni tagħhom minn m’Alla minħabba d-dnub. 

Il-magħmudija Kristjana mhijiex identika mal-magħmudija tal-Battista, avolja għandha l-istess simboliżmu ta’ ndiema u purifikazzjoni (At.22:16; Ef.5:26).

tgħammdu tfisser “kienu mgħaddsa.” Dan issimbolizza t-tindif mid-dnub, u l-mogħdija mill-ilmijiet tal-ġudizzju u l-mewt (cf., Ġen.7:6-24; Es.14:26-29; Ġw.1:7-16).


Mt.3:7. Isem il-Fariżej (bil-Grieg, Pharisaioi) jiddenota l-fatt illi kienu separatisti. Ifformaw l-ikbar setta reliġjuża fl-ewwel seklu; skont Josephus, storiku Lhudi, kienu jgħoddu iżjed minn sitt elef. Huma normalment assoċjati mal-iskribi (Mt.5:20) u s-Sadduċej (Mt.16:1) jew l-Erodjani (Mt.22:15) fl-oppożizzjoni tagħhom lejn Ġesù.

L-oriġni tagħhom mhuwiex magħruf. Il-kredu tagħhom kien nofs triq bejn il-fataliżmu tal-Esseni u pożizzjoni tal-għażla ħielsa miżmuma mis-Sadduċej. Kienu jemmnu fir-resurrezzjoni tal-mejtin, l-anġli, kif ukoll il-premji u l-kastigi futuri (At.23:8). Biex jissapportjaw dan kwotaw il-Pentatewku (il-ħames kotba ta’ Mosè; eż., Num.18:28) kif għamel Ġesù (Lq.20:37). 

Kellhom stima speċjali lejn it-tradizzjoni skribali (Mk.7:9) u żammewha bħala obbligatorja. Waqt li s-Sadduċej injoraw il-bidla, provaw jiffittjaw il-liġi għal ambjenti ġodda b’interpretazzjoni prattika u kontemporanja. Ipprattikaw l-eżorċiżmu (Lq.11:19). Id-dieċmi u s-sawm tagħhom (it-Tnejn u l-Ħamis) kien voluntarju (Lq.18:9-14). Għad-dagħwa u l-adulterju ppreskrivew il-pieni kapitali. 

Il-punti ta’ konflitt bejn Ġesù u l-Fariżej kienu: it-tradizzjoni tagħhom li fir-realtà invalidat il-liġi t’Alla (Mk.7:12); is-sabatarjaniżmu riġidu li rrestrinġa l-fejqan, u allura l-wiri ta’ ħniena mal-proxxmu (Mt.12:12), it-tinġis u r-riġenerazzjoni morali (Mk.7:18-23), il-mertu u l-premji (Lq.17:10), l-ipokrisija (Mt.23:13), il-missjoni għall-Ġentili u l-emarġinati fis-soċjetà (Lq.7:36-50), u n-nuqqas ta’ umiltà f’qalbhom (Lq.18:8-14). Ġesù qabel magħhom f’xi tagħlim aktar spiritwali tagħhom (Lq.10:27-28); ċerti Fariżej, bħal Nikodemu, issapportjawh.

Fuq kollox il-Fariżej kienu legalisti, ċoè emmnu li setgħu jimmeritaw is-salvazzjoni bl-imġiba tagħhom. Hekk jew hekk irraġunaw illi ladarba huma nisel Abraħam allura d-dixxendenza fiżika tagħhom iggarantitilhom l-approvazzjoni t’Alla. Ifformalizzaw l-osservanza tal-liġi sal-iċken dettall, bħala regola għal ħajjithom, bir-riżultat illi evitaw ir-rikjesti veri u essenzjali tal-liġi. 

Il-Fariżej li opponew lil Ġesù kkonsidraw lilhom infushom bħala fidili għal-liġi Mosajka. Frattant, bl-enfasi tagħhom fuq dettalji minuri, ittraskuraw kulma kien tabilħaqq importanti (Mt.23:23-24). L-interpretazzjonijiet elaborati u żgwidati tagħhom ċaħdu l-ispirtu u l-iskop veru tal-liġi (Mt.15:3-9; 23:16-24). Issostitwew it-tradizzjoni umana għal-liġi awtorevoli t’Alla, u rabtu l-kuxjenzi tan-nies meta Alla ħalliehom ħielsa (Mk.2:16-3:6; 7:1-8). Kienu ffissati filli jfittxu l-approvazzjoni umana għalihom infushom u fl-istess ħin jikkundannaw lill-oħrajn (Lq.20:45-47; Mt.6:1-8; 23:2-7).


Mt.3:7. Bħall-Fariżej, is-Sadduċej (bil-Grieg, Saddoukaioi) bħala setta reliġjuża m’aħniex ċerti kif u meta bdew. Fi żmien Ġesù kienu biss grupp żgħir ta’ familji aristokratiċi għonja, bil-kontroll tat-tempju permezz tas-Sagan jew il-Kaptan (At.4:1), u b’maġġoranza fis-Sanedrin. Ikkollaboraw mar-Rumani, u żammew distakk min-nies komuni u l-qassisin ifqar (ħafna minnhom kienu Fariżej). Organizzaw il-persekuzzjoni kontra l-knisja bikrija (At.4 u 5) iżda f’dan ir-rigward kienu mliġġma mill-Fariżej.

Stmaw il-liġi (l-Iskrittura miktuba) bħala obbligatorja, iżda rroftaw it-tradizzjoni skribali u qiesu l-profeti bħala inqas awtorevoli. Ma ħadux pjaċir bl-innovazzjoni. Ċaħdu l-konċett ta’ żewġ ġerarkiji ta’ spirti tajbin u ħżiena (At.23:8), kif ukoll ir-resurrezzjoni tal-ġisem (cf., Lq.20:27-33). L-istoriku Josephus forsi jesaġera meta jgħid li ċaħdu mqar l-immortalità tar-ruħ. Kienu wkoll kontra l-idea ta’ premji u kastigi f’Ħades; aktarx, Alla jikkastiga l-bniedem għal dnubietu matul għomru, u daqshekk. Tamiet messjaniċi ftit interessawhom, u stmerrew passjonijiet nazzjonalistiċi u entużjażmu reliġjuż.

Asserixxew il-libertà umana fl-azzjoni; sostnew li kwalunkwe bniedem għandu s-setgħa jirrestrinġi l-emozzjonijiet u x-xewqat tiegħu, u allura nsibuhom bħala mħallfin severi. Preferew l-indulġenza aktarx milli s-sawm kif prattikat mill-Fariżej. Argumentaw illi Alla ma kiex jimportah mill-għemejjel tajba jew ħżiena tal-bnedmin. Il-Fariżej fettxew jagħmlu l-proseliti, mentri s-Sadduċej kienu wisq aktar esklussivi, u allura baqgħu f’għadd ċkejken. 

Is-Sid Ġesù wissa kontra d-dottrini tagħhom u ddenunzjahom bħala nisel il-lifgħat. Ir-razzjonalisti u l-liberali moderni għandhom ħafna komuni magħhom. 


Mt.3:7. il-lifgħat huma magħrufa għall-movimenti sottili u l-attakki fatali tagħhom.

rabja li ġejja. Il-Patt il-Qadim sikwit isemmi l-wasla tal-Mulej f’ġudizzju ġust (Sal.96:13; Sof.2:1; Mk.3:2). Il-Battista ma riedx jippermetti lill-mexxejja jaħsbu illi l-kies tal-għadab t’Alla hu biss għall-għedewwa ta’ Iżrael, u aktar tard tħawwad kif Ġesù ma ġabx ġudizzju (Mt.11:2-3).

Ir-rabja tirreferi għall-għadab divin kontra d-dnub u kwalunkwe inġustizzja, li se jkun imferra’ fuq l-umanità f’Jum is-Sid, u speċjalment fil-ġudizzju finali, meta l-korla t’Alla se tkun il-kumpensa ġusta lin-nies bla ndiema (cf., Rum.1:18; 1 Tes.1:10; Ebr.10:27). 


Mt.3:8-10. frott hu għemil ta’ mħabba u ġustizzja, li jindika relazzjoni ħajja m’Alla, mhux sempliċement konformità esterna jew reliġjożità mħawħa. Ġwanni bilfors laqathom b’dan id-diskors għax il-Fariżej kienu jistmaw lilhom infushom bħala l-ġusti ta’ żmienhom. 

L-indiema ġenwina hi dejjem akkumpanjata bi mġiba ġusta u qaddisa (cf., Mt.23:23; Lq.3:10-14; At.26:20). Fidi ġenwina tibdel lill-bniedem mill-qiegħ: f’diskorsu, ħsibijietu u għemilu. Il-konverżjoni ssir evidenti hekk kif wieħed jabbanduna stil ta’ ħajja mmarkata b’laxkezza u namur mad-dnub, u minflok jipproduċi opri ta’ mħabba fil-biża’ t’Alla. Dawk illi jgħidu li jemmnu fi Kristu u frattant jgħixu ħajja għerija minn kull qdusija huma bħal siġar li għad jinqatgħu u jinxteħtu fin-nar.


Mt.3:9. Il-Lhud kellhom privileġġi esterni (Rum.3:1-2; 9:4-5), u kienu jħobbu jirrepetu ma’ xulxin il-ħsieb li Bħala missier għandna ’l Abraħam. Dixxendenza fiżika mhijiex biżżejjed; wieħed jeħtieġlu jsegwi l-fidi ta’ Abraħam, u jemmen kelmet Alla bħalma għamel hu (Rum.4:11-16; 9:8; Gal.3:7). Ġwanni jagħti twissija qawwija lil dawk li klejmjaw lill-patrijarka bħala missierhom. Billi wieħed hu Lhud (jew kwalunkwe nazzjonalità jew reliġjon) ma jfissirx li awtomatikament se jkun meħlus mill-ġudizzju. Ma tistax tippretendi li tiskappa l-ġudizzju għax twelidt f’familja jew f’pajjiż b’kultura Nisranija. Tafda fuq id-dixxendenza tiegħek tkun qed twarrab il-fidi tiegħek minn fuq Alla, u dan hu spirtwalment fatali (cf., Ġw.8:39-44). 

Insiru wlied Alla billi nwieġbu personalment għas-sejħa tiegħu filli nafdaw f’Ibnu Ġesù, it-tali fidi li turi l-ġenwinità tagħha f’għemejjel ta’ ndiema. L-ulied veri t’Alla kisbu dan l-istatus minħabba l-ħniena u l-grazzja t’Alla favur tagħhom. Alla waħdu kapaċi japplika l-ilma tat-tindif u jibdel il-qalb tal-ġebel f’qalb tal-laħam (Eż.36:25-26). Kull min għandu t-tama tal-ġenna jagħti evidenza kredibbli b’opri ta’ ndiema u fidi ħajja fi Kristu.

dal-ħaġar (cf., Lq.19:40). Wieħed jista’ jiftakar f’Eżekjel 11:19 u 36:26. Fis-sovranità u l-omnipotenza tiegħu Alla jista’ jaqleb qalb ġeblija f’qalb riċettiva, li temmen, u hi sensittiva għal Alla u l-appelli tiegħu. Kapaċi jagħmel ulied minn oġġetti inanimati jekk jagħżel hekk, jew imqar minn Ġentili iebsa (cf., Gal.3:29). 


Mt.3:10. tinqata’. Saltnet Alla ġġib magħha ġudizzju imminenti (Sal.96:13; Sof.2:1-2; Mal.3:2). 

In-nar hu xbieha tal-infern (Mt.5:22; 13:40,42,50), il-ħaqq t’Alla għal dawk li ma wrewx evidenza ta’ ndiema, hawn imsejjaħ frott (Mt.3:8; 7:19). 


Mt.3:11. inġorr il-qrieq tiegħu. Din kienet il-faċenda l-iktar baxxa li seta’ jagħmel ilsir. Ġwanni qed jesprimi l-umiltà tiegħu u l-eċċellenza ta’ Kristu, f’kategorija totalment differenti mill-profeti.


Mt.3:11. Is-servi t’Alla kapaċi biss jgħammdu l-ġisem bl-ilma, imma s-Sid hu l-għammiedi bl-Ispirtu s-Santu. 

jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu. Il-Patt il-Qadim antiċipa ż-żmien tal-fidwa bħala ż-żmien meta l-Ispirtu jkun imferra’ fuq il-poplu t’Alla. Il-patt ġdid iġib tiġdid għan-nies t’Alla (Ġer.31:33-34; Eż.37:14): l-Iben hu l-medjatur tal-patt, li jagħti l-Ispirtu tiegħu, għax jippossedih f’miżura sħiħa (Isa.42:1; 61:1). Il-magħmudija bl-Ispirtu tirrappreżenta t-twettiq tal-wegħdi divini fil-Patt il-Qadim (Isa.32:15; 44:3; Eż.11:18-19; Ġoel 2:28). 

Ġesù, l-aħħar Adam u t-tieni bniedem, sar l-ispirtu li jagħti l-ħajja (1 Kor.15:45,47). Wara li Ġesù rritorna fis-smewwiet bagħat lill-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu, biex jgħammar ma’ niesu u f’niesu fuq l-art (Ġw.14:26; 16:7). Dil-magħmudija sseħħ appena persuna tersaq lejn Kristu u tafda fih ġenwinament (cf., 1 Kor.12:13), ċoè sseħħ minħabba t-twelid mill-ġdid: hekk midinbin bla fejda jsiru wlied Alla, adottati fil-familja tiegħu u milqugħa fi ħdanu (Ġw.1:12-13; 1Kor.12:13). Kull Kristjan hu mgħammed biha, malli jemmen ġenwinament. Tforni lil ulied Alla bil-qawwa għas-servizz (Lq.24:49; At.1:8), u tagħmilha possibbli biex ikomplu jimtlew bl-Ispirtu (Ef.5:18-20), ċoè jkunu kontrollati minnu tul ħajjithom. Il-magħmudija, mela, ssir darba fil-bidu tal-ħajja Kristjana; il-mili bl-Ispirtu jseħħ ripetutament matul ħajtu, mill-konverżjoni tiegħu ’l quddiem.

It-tindif bin-nar jiddeskrivi l-magħmudija sopranaturali t’Alla, b’kuntrast mas-simbolu tat-tindif bl-ilma. In-nar tal-Ispirtu jġedded in-nies t’Alla u jikkonsma lill-ħżiena bħall-karfa (Isa.4:4; Żak.13:9; Mal.3:2-3; 4:1). Bħala Sid, Ġesù jgħammed bl-Ispirtu u jesegwixxi l-ġudizzju finali (Mk.1:8).


Mt.3:12. Il-luħ, speċi ta’ paletta kbira, kienet tintuża biex tissepara l-karfa u t-tiben mill-qamħ, billi tgħollihom għar-riħ. Dan il-proċess hu wżat figurattivament biex jagħti stampa tal-ġudizzju, meta t-tajjeb ikun mifrud mill-ħażin (eż., Prov.20:8,26; Ġer.15:7; 51:2). It-tajjeb jinżamm; il-ħażin jintrema’. Hekk ukoll il-ministeru ta’ Ġesù: hu wieħed ta’ salvazzjoni kif ukoll ġudizzju. Dis-separazzjoni tinwera aktar fiċ-ċar fil-ġudizzju: il-ġusti jintlaqgħu fil-ġenna, mentri l-ħżiena huma kkundannati għall-infern. 

b’nar li ma jintefiex. Il-ħżiena jsofru għal dejjem (Mt.18:8; 25:41-46). Il-miġja tal-Messija ġġib salvazzjoni u ġudizzju. Dak li Ġwanni rah bħala avveniment wieħed difatti jseħħ f’żewġ avvenimenti (Mt.11:2-3). L-ewwel miġja ta’ Kristu ħolqot diviżjoni fin-nies (Mt.10:34-35). Ma ġabitx ġudizzju finali (Mt.13:41-42) iżda minflok ġabet is-salvazzjoni (Ġw.3:16-21). 


Mt.3:13-17. Jien għandi bżonn inkun mgħammed minnek, u int tiġi għandi? Ġwanni qagħad lura milli jgħammed lil Ġesù għax irrealizza li Ġesù m’għandux bżonn indiema. Imma biex titwettaq “kull ġustizzja” (Mt.3:15), Ġesù kellu jkun identifikat ma’ niesu bħala l-persuna li ġġorr dnubiethom (2 Kor.5:21). 

Fl-aħħar mill-aħħar il-magħmudija ta’ Ġwanni ppontat lejn Ġesù. Biss mewtu fuq is-salib, li hu nnifsu sejħilha “magħmudija” (Lq.12:50), setgħet tneħħi d-dnubiet. Fir-rwol tiegħu bħala Messija, “imwieled taħt il-liġi” (Gal.4:4), Ġesù kellu jissottometti għal kulma rrekjieda Alla għal Iżrael. Il-magħmudija tiegħu pproklamat illi ġie biex jieħu post il-midneb taħt il-ġudizzju t’Alla (Gal.3:10-14). 

Xħin tgħammed kien hemm manifestazzjoni tat-Trinità. Il-Missier, b’leħen mis-smewwiet, ta testimonjanza illi tikkonferma l-identifikazzjoni ta’ Ġesù bħala l-Qaddej ta’ Jaħwè (Isa.42:1; cf., Es.4:22); dan kollu hu konness mas-Sultan messjaniku (Sal.2:7).

Niżlet ukoll ħamiema, bħala sinjal tal-unzjoni tal-Ispirtu, biex iqawwih għal ħidmietu (Isa.11:2; 61:1). Hekk Ġesù kien immarkat bħala dak li għandu l-Ispirtu u allura jgħammed bih (Ġw.1:32-33). Ingħatalu illi jinawgura ż-żmien tal-Ispirtu li kellu jwettaq it-tamiet ta’ Iżrael (Lq.4:1,14,18-21). Il-miġja tal-Ispirtu f’għamla ta’ ħamiema tissuġġerixxi illi l-ħidma ta’ Kristu involviet ġentilezza (Mt.10:16), diqa (Isa.38:14; 59:11), u ħolqien ġdid (Ġen.1:2; 8:10). 


Mt.3:15. Saltnet Alla – il-ħakma sovrana tiegħu fis-salvazzjoni u l-ġudizzju – hi deskritta bħala l-ġustizzja tiegħu. Ġesù jgħallem il-ġustizzja perfetta illi l-Missier jirrekjiedi (Mt.5:20,48). Kisbilna wkoll din il-ġustizzja bħala għotja mingħand il-Missier, għalina li nsofru t-telfa ta’ kollox biex nirbħu lilu (Fil.3:7-9). 

Il-magħmudija tiegħu tipponta lejn mewtu bħala “riskatt għal ħafna” (Mt.20:28). Turi l-ubbidjenza perfetta li fiha jwettaq “kull ġustizzja” (Ġer.23:5-6). Il-maħfra u l-għotja tal-ġustizzja nirċevuha bil-fidi f’Ġesù (Mt.8:10; 21:32; 23:23). Dawk li jonqoshom il-ġustizzja jew il-perfezzjoni mingħand Alla, iżda huma sinċerament mixtiqin għaliha, ikunu sodisfatti biha (Mt.5:6; 6:33). Hekk Ġesù jsejjaħ lin-nies imtaqqla bil-ħtija u l-kundanna ħalli jistrieħu fih (Mt.11:28-12:8).


Mt.3:16. ra l-Ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema, u ġej fuqu. L-Ispirtu jagħti sinjal ċert illi Ġesù hu l-Messija. Ġesù hu hekk kummissjonat għal serivzz uniku (cf., Isa.11:2; 42:1; 61:1). 

Fil-magħmudija ta’ Ġesù, bħal fil-magħmudija Kristjana (Mt.28:19), it-tliet persuni tat-Trinità huma involuti. L-inizjattiva grazzjuża tal-Missier, is-sagrifiċċju tal-Iben bħala s-sostitut ta’ niesu, u l-qawwa u s-sostenn tal-Ispirtu huma lkoll preżenti. 

Hawn u bnadi oħra fil-Bibbja Alla hu żvelat bħala enti li jeżisti fi tliet persuni distinti li jixxerjaw bejniethom natura divina waħda (cf., Mt.3:16-17; 28:19; 2 Kor.13:14; Ef.4:4-6; 1 Pt.1:2; Ġuda 20-21). Hekk Alla hu singular, ċoè unità f’sens wieħed, u plural, ċoè tlieta, f’sens ieħor. 

Alla hu enti wieħed – unità perfetta ta’ natura u essenza waħda (Dt.6:4; Mk.12:29; Gal.3:20). Mill-persuni fit-Trinità ebda wieħed mhu Alla mingħajr it-tnejn l-oħra; kull wieħed mal-oħrajn hu Alla. L-uniku Alla jeżisti fi pluralità ta’ tliet persuni identifikati u distinti, għalkemm mhumiex separati. 

Mela t-tlieta mhumiex tliet allat, jew tliet partijiet jew espressjonijiet ta’ Alla, imma huma tliet persuni hekk kompletament uniti illi jifformaw Alla wieħed etern, ħaj u veru. Kemm l-Iben kif ukoll l-Ispirtu s-Santu jippossiedu attributi li jistgħu jappartienu biss għal Alla (ara Ġen.1:2; Isa.61:1; Ġw.1:1,14; 5:18; 14:16; 16:8,13; 20:28; At.5:3-4; Rum.8:2,26-27; 1 Kor.2:10-11; 2 Tes.2:13; Ebr.9:14). Ebda persuna minnhom ma kienet magħmula jew maħluqa; kull persuna teżisti ugwali fl-enti, attributi divini u glorja. 

Dan Alla veru li jeżisti fi tliet persuni jagħmel possibbli mill-eternità kollha mħabba reċiproka, xirka, l-eżerċizzju ta’ attributi divini, komunjoni u relazzjoni fid-Divinità (cf., Ġw.10:15; 11:27; 17:24; 1 Kor.2:10). 


Mt.3:17. Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq. Id-dikjarazzjoni mis-sema tgħaqqad il-lingwaġġ ta’ Salm 2:7 ma’ Isaija 42:1, profeziji li kienu magħrufa sew man-nies b’mistennija messjanika (cf., Mt.17:5; Mk.1:11; 9:7; Lq.3:22; 9:35). L-unzjoni bl-Ispirtu u kliem il-Missier jindikaw illi Ġesù hu s-Serv Sultan li bih Alla kellu jistabilixxi s-saltna tal-ġustizzja tiegħu fuq l-art.

l-maħbub. Il-Missier jesprimi mħabbtu għall-Iben, jgħid kemm jitgħaxxaq fih, u jikkummissjonah bħala l-Serv Sultan tiegħu (Sal.2:7; Isa.42:1). Minħabba f’hekk junzjonah bl-Ispirtu s-Santu ħalli, bħala bniedem fostna, ikollu l-qawwa jwettaq il-missjoni tiegħu (Lq.4:1,14,18). 

Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu lkoll huma manifesti bħala persuni distinti fit-Trinità (Mt.28:19). Il-Missier jindirizza lill-Iben, u juri lilu nnifsu distint minnu u mill-Ispirtu, għalkemm it-tlieta huma Alla wieħed. 


Mt.4:1. Bħalma l-Ispirtu tella’ lil Iżrael fid-deżert (Isa.63:10-14; cf., Es.13:20-21; 16-17), hekk għamel ukoll ma’ Ġesù. Iżrael il-qadim falla ripetutament u għaddab lil Alla, iżda Ġesù, Iżrael il-ġdid u l-veru, onorah u obdieh. Dan hu paralleliżmu ieħor bejn il-ġrajja antika ta’ Iżrael li ssib it-twettiq sħiħ u finali tagħha f’Ġesù. L-erbgħin jum ifakkruna wkoll fil-perjodu li qatta’ Mosè fuq il-Muntanja Sinaj (Es.24:18; 34:28) u fl-ispjuni ta’ Iżrael fl-Art Imwiegħda (Num.13:25), kif ukoll fis-snin ta’ Iżrael fix-xagħri (Num.13:25; 14:33-34; 32:13). 


Mt.4:1-11. Ġesù ttella’ mill-Ispirtu fid-deżert biex jiġġarrab mix-xitan. It-tiġriba qalila kienet definittivament fil-pjan t’Alla, għalkemm Alla nnifsu mhu qatt l-aġent tat-tentazzjoni. Alla ma jġarrab lil ħadd bil-ħsieb biex jaqa’ (Ġak.1:13), iżda jrid jiżvela x’hemm fil-qalb umana b’testijiet diversi (Ġen.22:1) billi jqegħidna f’sitwazzjonijiet ta’ tentazzjoni (Mt.6:13). It-tiġrib tagħna hu inkluż fil-pjan sovran tiegħu għall-ġid tagħna. Jekk negħlbu, inkunu msaħħin; jekk inċedu, nagħrfu aktar fiċ-ċar il-bżonn għal aktar taqdis u grazzja. Hawn, bħal fil-każ ta’ Ġobb, Alla jinqeda mqar bit-tentazzjoni satanika biex jilħaq l-għanijiet sovrani tiegħu. Mill-bidu Ġesù kellu jiffaċċja l-kwistjoni x’tip ta’ Messija kellu jkun. 

L-esperjenza wegħrija tiegħu tirrifletti l-ittestjar ta’ Iżrael fid-deżert. L-erbgħin jum jikkorrispondu għall-erbgħin sena (cf., Num.14:34). Dan l-avveniment ifakkarna fid-Dewteronomju 8:1-5, ktieb użat minn Ġesù biex jirribatti kull waħda mit-tentazzjonijiet. L-esperjenza tal-Lhud fid-deżert kienet tip jew dell tat-tiġrib ta’ Ġesù. Il-Lhud fallew; Ġesù għadda mit-test, għax baqa’ kompletament ubbidjenti għall-Missier.

It-tiġribiet jappellaw għal motivazzjonijiet komuni: aptit fiżiku, kburija u x-xenqa għall-possedimenti (1 Ġw.2:16). Satana jappella lil Ġesù billi jfakkru fid-drittijiet divini tiegħu: “Jekk int Bin Alla” (Mt.4:3,6; cf., 27:40). It-tielet tiġriba toffri lil Ġesù mogħdija biex jeżerċita d-dritt irjali tiegħu hekk li jevita s-salib.

 Kien imġarrab minn kull lat, u b’kull mod, wisq agħar u eħrex minna lkoll, u frattant baqa’ bla qatt ma dineb (Ebr.4:15). Hekk issa jirrappreżentana quddiem il-Missier bħala s-sommu saċerdot ħanin u fidil (Ebr.2:17); jaf, bin-natura umana tiegħu, x’jiġifieri tissaporti t-tentazzjoni. 

Mattew u Luqa ma jippreżentawx it-tiġribiet fl-istess ordni. Probabbilment Mattew jiddeskrivihom kronoloġikament, mentri Luqa jsemmihom topikament, jew inkella xtaq jenfasizza ċertu klajmaks.


Mt.4:2. Possibbilment, erbgħin jum jalludu għall-erbgħin sena ta’ esperjenza ta’ Iżrael fid-deżert, esperjenza ta’ ttestjar (Dt.1:3; Num.14:33; 32:13).


Mt.4:3. Jekk int Bin Alla. Satana ma kellu ebda dubju dwar l-identità vera ta’ Ġesù. Xtaq iwebbel lil Ġesù bla ma jafdax fl-imħabba u l-provdiment t’Alla. Sfidah illi ladarba hu Bin Alla jmissu jagħmel fattih: imur kontra l-pjan tal-Missier u jeżerċita l-qawwa tiegħu għas-sodisfazzjon immedjat tiegħu nnifsu.


Mt.4:4. Mhux bil-ħobż biss se jgħix il-bniedem. Ġesù jirribatti t-tiġriba ta’ Satana billi jiddikjara li biħsiebu jaġixxi u jgħix skont Kelmet Alla iżjed minn kull ħaġa oħra (cf., Dt.8:3). L-esperjenza ta’ Iżrael fid-deżert tgħallimna biex inħarsu lil hinn mill-immedjat, il-fiżiku u l-mondan; tenfasizzalna l-prijorità illi nagħmlu r-rieda t’Alla (Dt.8:3). Kulma hu importanti fil-ħajja jiddependi fuq Alla u r-rieda tiegħu (Ġw.4:34). Meta nirsistu għas-suċċess, kuntentizza jew ħwejjeġ materjali apparti mill-mogħdija u l-għan t’Alla nkunu qed insegwu riċetta għal diżappunt qares u finalment disfatta. Saltnet Alla – ir-renju, l-attività u l-qawwa tiegħu f’ħajjitna – għandha tkun il-prijorità li tiddetermina kull dettall ieħor.


Mt.4:6. hu miktub. Satana jaf jikkwota l-Iskrittura, iżda juża Salm 91:11-12 b’mod eżattament l-oppost għat-tifsira oriġinali. Salm 91 hu tħeġġiġa biex nafdaw f’Alla; ix-xitan jagħmel tentattiv biex dak l-afdar naqilbuh f’test, u nixħtu ombra fuq il-fedeltà t’Alla. Il-preżunzjoni mhijiex fidi kbira wisq, iżda aktarx ebda fidi affattu. 


Mt.4:6. l-anġli qaddisa mhumiex frott l-immaġinazzjoni reliġjuża umana. Huma entijiet spiritwali, personali u intelliġenti, maħluqa fil-bidu minn Alla. Anġlu litteralment tfisser messaġġier; huma deskritti hekk għax huma spirti qaddejja mibgħuta biex iservu lill-fidili li għad jirtu s-salvazzjoni (Ebr.1:14). Qdew ukoll lil Ġesù (Mt.4:11; Mk.1:13). Il-liġi ngħatat bil-ministeru tagħhom (At.7:53; Gal.3:19). Iwasslu aħbarijiet mingħand Alla (Lq.2:8-14) kif ukoll jesegwixxu l-ġudizzji tiegħu. Ftit nafu dwar in-natura tagħhom (Ebr.1:7); il-bniedem hu deskritt bħala ftit inferjuri għall-anġli (Sal.8:5; Ebr.2:7). 

Hemm diversi tipi u gradi ta’ anġli: prinċipati, setgħat, qawwiet, u l-bqija. Kristu hu r-ras tagħhom (Kol.2:10). Wieħed, Mikiel (li ismu jfisser “Min hu bħal Alla?”) hu magħruf bħala arkanġlu (1 Tes.4:16; Ġuda 9). Jiġġieled kontra Satana (Riv.12:7-8). Gabriel (ifisser “Alla hu qawwieti”) hu anġlu ieħor li nafu x’jismu (Dan.8:16; 9:21; Lq.1:19,26). Il-bqija tal-qtajja’ innumerabbli ta’ anġli ma nafux x’jisimhom (Mt.26:53; Ebr.12:22; Riv.5:11). 

Huma setgħana (2 Tes.1:7), qaddisa (Mk.8:38) u magħżulin (1 Tim.5:21). Ma jiżżewġux (Mk.12:25). Jissejħu wlied Alla (Ġob.38:4-7). Għalkemm setgħana u dinjitużi, m’aħniex imsejħin biex inqimuhom (Kol.2:18) jew nitolbuhom (Riv.19:10; 22:9).


Mt.4:7. Iġġarrabx lis-Sid Alla tiegħek. Għal darb’ oħra Ġesù kwota l-Iskrittura (Dt.6:16), u hekk jivvalida l-kitbiet tal-Patt il-Qadim bħala l-Kelma profitabbli u unikament awtorevoli t’Alla (Mt.5:17-19; 2 Tim.3:16), bħala l-arma tat-taqbid tagħna (Isa.49:2; Ef.6:17). Ġesù ma ddubitax l-abbiltà tal-Missier biex jipproteġih, iżda ssottometta għall-volontà tiegħu biex jipprovdilu f’waqtu. 


Mt.4:8. is-saltniet kollha tad-dinja. Ix-xitan iġarrab lil Ġesù bl-offerta ta’ dominju fuq is-saltniet terrestri, proposta li Ġesù jwarrabha minnufih. Saltnet Ġesù f’dan iż-żmien mhijiex saltna mondana, u lanqas toriġina minn id-dinja (Ġw.18:36-37). Jirrifjuta milli jfittex saltna għalih innifsu bil-metodi midinba ta’ kompromess, poter karnali, manuvrar politiku, vjolenza, popolarità rħisa, unur ta’ opinjoni pubblika, ambizzjoni għamja jew glorja egoistika. 

Aktarx, saltnatu hi l-ħakma spiritwali t’Alla fi qlub niesu, li ttieħdu mis-saltniet ta’ did-dinja. Bħala sudditi leali f’dis-saltna smewwitija, għandna: 

1. Inkunu karatterizzati b’manswetudni, umiltà u lesti nsofru minħabba l-imġiba ġusta tagħna (Mt.5:5,10). 

2. Nagħtu lilna nfusna bħala sagrifiċċju ħaj u qaddis fi mħabba devota, qima u ubbidjenza (Rum.12:1-3). 

3. Niddependu fuq l-armatura spiritwali fit-taqtigħa tagħna kontra d-dnub, Satana u t-tentazzjoni (Ef.6:10-20). 

4. Persistentement nirrifjutaw milli nikkonformaw mal-mostra ta’ did-dinja f’ribelljoni kontra l-Ħallieq tagħha (Rum.12:2).


Mt.4:9. Dawn kollha nagħtihomlok. Bħala użurpatur, Satana hu l-ħakkiem (Ġw.12:31; 14:30; 16:11) u alla ta’ did-dinja (2 Kor.4:4), li tinsab taħt setgħetu (1 Ġw.5:19). Id-dinja mhijiex tiegħu bid-dritt, iżda minħabba d-dnub uman jeżerċita awtorità illegali fuqha. 


Mt.4:10. Satana (li jfisser “avversarju”) hu magħruf ukoll bħala x-xitan (ifisser “akkużatur” jew “avversarju”), id-dragun (Riv.20:2), it-tentatur, is-serp l-antik jew Beelżebul. Hu l-għadu kbir t’Alla u tal-bniedem. Kien maħluq sabiħ u tajjeb, iżda tkabbar u waqa’ (cf., Isa.14; Eż.28). Il-misterju kif anġlu tajjeb irribella kontra Alla qatt mhu spjegat fil-Bibbja; hu biss preżentat bħala fatt. 

Oriġinarjament, taħt il-forma tas-serp, qarraq b’Eva (2 Kor.11:3) hekk li daħal id-dnub fil-ġens uman. Satana issa jinqeda b’reliġjonijiet u għalliema foloz biex ixerred l-ereżija, l-immoralità u kull tip ta’ inikwità. Hu feroċi bħal iljun, u allura rridu nirreżistuh (1 Pt.5:8-9), mixdudin bl-armatura sħiħa provduta minn Alla (Ef.6:10-20). Kapaċi jippreżenta ruħu wkoll bħala anġlu tad-dawl (2 Kor.11:14), u allura l-fidili jeħtieġ ikunu avżati kontra l-istrataġemmi brikkuni tiegħu (2 Kor.2:11).

Parti mill-missjoni ta’ Kristu kienet illi jorbtu biex “jisraqlu” ġidu (Mt.12:25-29). Hekk qed jiġri bħalissa: bl-evanġelju n-nies qed jinħelsu mill-qerq tiegħu (Riv.20:1-3). Kapaċi jaħtaf iż-żerriegħa t-tajba miżrugħa fil-qalb (Mt.13:19) u jagħmi mħuħ il-bnedmin biex ma jemmnux il-vanġelu (2 Kor.4:4), però l-isforzi tiegħu huma sikwit frustrati minn Alla, altrimenti ħadd ma jsalva.

Satana kellu l-qawwa tal-mewt, iżda Kristu nnullifikaha b’mewtu (Ebr.2:14-15), u rebaħlu bis-salib (Kol.2:15). Issa inutli jakkuża lill-aħwa quddiem it-tron t’Alla (Riv.12:10; cf., Żak.3:1-2). Finalment, għad ikun mixħut fl-għadira tan-nar (Riv.20:10). 


Mt.4:11. ix-xitan ħallieh. Ġesù rreżista lil Satana billi baqa’ sod fuq Kelmet Alla. Kull darba laqagħlu billi kwota mill-Bibbja. Hekk ħalla mudell għas-segwaċi tiegħu (cf., Ġak.4:7; 1 Pt.5:9).

l-anġli resqu u servewh. Salm 91:11-2, il-pass bibliku li x-xitan prova jgħawweġ, twettaq bil-mod t’Alla, u fil-ħin kif ried Alla. 


Mt.4:12. Ġwanni kien maqful il-ħabs. Il-ministeru tiegħu kien temporanju; kellu jersaq fil-ġenb sabiex il-Messija jibda l-ministeru pubbliku tiegħu (Ġw.3:30).


Mt.4:13-16. Kafarnaħum, sitwata fil-Majjistral tal-Baħar tal-Galilija, fid-distrett ta’ Gennesaret (Mt.14:34; Ġw.6:17,24), hi rimarkevoli għax tissejjaħ “il-belt” ta’ Ġesù (Mt.9:1). Dan għax żarha bosta drabi, bħallikieku kienet il-kwartieri tiegħu (Mk.2:1), wara li tkeċċa minn Nażaret. Fiha għamel mirakli numerużi, u għalhekk kienet privileġġjata bil-preżenza u t-testimonjanza ta’ Sidna. Iżda peress li rrifjutatu, Ġesù bassar illi avolja hi eżaltata sas-sema, għad titniżżel sa Ħades (Mt.11:23; Lq.10:15). 

Żabulon u Neftali kienu bliet fit-Tramuntana, fil-Galilija. Kristu beda l-ministeru tiegħu f’reġjun mill-iktar imdallam spiritwalment (Isa.9:1-2). Ix-xandir tiegħu biex in-nies jindmu kien bħal imrieżaq ta’ dawl, li jimmarka ż-żerniq ta’ jum ġdid. 

dalma...dawl. Ir-reġjun ta’ Żabulon u Neftali (żewġ tribujiet Lhud, Mt.4:13) ġarrab taqlib taħt id-dominazzjoni Assirjana (2 Slat.15:29). L-abitanti Lhud ixxennqu għal-liberazzjoni mill-ħakma pagana. Issa huma l-ewwel illi raw id-dawl kbir tal-ħelsien divin f’Ġesù.


Mt.4:14-16. sabiex titwettaq il-ħaġa mitkellma. Mattew ma jikkwotax lil Isaija kelma b’kelma, iżda xorta waħda hu korrett, għax ma jgħawwiġx it-tifsira ta’ kliem il-profeta. Sempliċement jikkondensah u jiġbru fil-qosor. Parafrażi hi xorta waħda aċċettabbli, altrimenti ebda rapport ta’ aħbarijiet jew rakkont storiku ma jista’ jitqies bħala preċiż, għax ġabra fil-qosor hi essenzjali għall-istorja. 


Mt.4:15. Galilija tal-Ġentili. Il-parti tat-Tramuntana tal-Palestina, il-Galilija, kienet influwenzata ħafna minn ġnus barranin. Mattew jenfasizza l-iffokar ta’ Ġesù fil-ministeru tiegħu favur Iżrael (Mt.10:5-6). Josserva, però, illi l-ministeru ta’ Ġesù wettaq Isaija 9:2, u allura l-Kummissjoni l-Kbira fi tmiem il-Vanġelu diġà hawn diwi minn qabel tagħha hawnhekk. Il-ħsieb divin minn dejjem kien illi jinkludi lill-ġnus kollha.


Mt.4:17. “Indmu, għax qorbot saltnet is-smewwiet.” Hu l-istess messaġġ li prietka l-Għammiedi (Mt.3:2); is-sejħa urġenti tal-vanġelu tibqa’ rilevanti sal-lum (At.17:30-31). 

Saltnet Alla hi dak l-istat finali meta r-renju suprem tiegħu hu kompletament realizzat fuq univers trasformat u fi qlub in-nies mifdija u glorifikati tiegħu. Dis-saltna hi qrib għax bil-miġja ta’ Ġesù beda l-proċess biex issir attwali. 

Bħalissa s-saltna hi manifestata bir-renju tal-Ispirtu fi qlub l-ikkonvertiti, u dan għad iwassal għar-restawrazzjoni tal-ħolqien kollu (Riv.21:1). Ġesù għadu ma żvelax il-fatt li s-saltna tiġi fi stadji. Kif Ġesù, is-Sultan, għandu x’jaqsam mas-saltna, l-awtur jiżvolġih tul il-vanġelu. Inizjalment, Ġesù hu l-ħabbar tar-renju salviviku t’Alla. 


Mt.4:18. Baħar tal-Galilija kien magħruf ukoll bħala l-Baħar tat-Tiberija (Ġw.6:1; 20:1) jew il-Baħar ta’ Kinneret (Ġoż.12:3; 13:27). Proprjament hu għadira, il-Lag ta’ Gennesaret (Lq.5:1), 166 kilometru kwadrati, twil 21 kilometru u wiesa’ 13. Hawn Pietru u sħabu ħadmu bħala sajjieda qabel issejħu mis-Sid Ġesù għall-appostolat.


Mt.4:18-19. Ejjew warajja. Hi wżata spiss fil-Vanġeli biex tesprimi x’jinvolvi filli wieħed ikun dixxiplu (Mt.4:19; 8:22; 9:9; 10:38; 16:24-26; 19:21; Mk.2:14; 8:34; 10:21; Lq.9:23,59,61; 18:22; Ġw.1:43; 10:27; 12:26). Timplika illi d-dixxiplu jissottometti ruħu għat-tagħlim ta’ Sidu, jimxi f’komunjoni miegħu, u jimita l-eżempju tiegħu f’mixja qaddisa u ġusta (Mk.8:34). Ġesù ma tahomx sempliċi stedina, iżda kmandahom biex ikunu dixxipli. Għalina wkoll, is-sejħa ta’ Kristu mhijiex negozjabbli. Tirrekjiedi l-ogħla u l-iprem alleanza daparti tagħna (Mt.10:24-42).

L-ewwel dixxipli ta’ Ġesù kienu sajjieda. Xogħolhom kien skabruż (Lq.5:2-5); il-manjieri tagħhom sikwit rozzi. Diskorshom u kif kienu jittrattaw lil ħadieħor ma kien xejn komplimentuż (Lq.9:49,54; Ġw.18:10). Ġesù laqqam lil tnejn minnhom, Ġakbu u Ġwanni, bħala “wlied ir-ragħad” (Mk.3:17). Kienu esposti għall-periklu u kull tip ta’ temp, għalhekk bilfors kellhom ikunu kuraġġjużi u paċenzjużi (Ġw.21:3). 

It-tali nies, meta mbottati mill-istess spirtu li mela lill-Imgħallem tagħhom, saru tabilħaqq sajjieda tan-nies, jiġifieri rebħu nies għal Alla bl-evanġelju (Mt.4:19; Lq.5:10). Ġesù minnufih isejjaħ nies biex jimxu warajh, u fl-istess ħin jgħallimhom isejħu huma wkoll nies għal wara s-Salvatur. Is-sejħa hi primarjament u qabelxejn sejħa biex isiru jafuh personalment (cf., Fil.3:8-10). Bħala riżultat, il-ministeru tagħhom hu mmirat lejn il-mitlufa (cf., Prov.11:30; Dan.12:3; 1 Kor.9:16,22). L-evanġeliżmu kien l-għan primarju għala Ġesù sejjaħ lill-appostli, u jibqa’ l-missjoni ċentrali għal niesu (cf., Mt.28:19-20; At.1:8). Hu sinifikanti illi Ġesù ma rreklutax l-appostli tiegħu mill-istabbiliment reliġjuż iżda minn karrieri ordinarja tal-ħajja. 


Mt.4:23. Is-sinagogi kienu binjiet Lhud fi bliet u rħula fejn tingħata qima. L-ewwel sinagogi ġew stabiliti matul l-Eżilju Babilonjan. Wara l-qirda tat-tempju oriġinali (587 q.K.) mibni minn Salamun, ġemgħat lokali għat-talb u l-istudju tal-Iskrittura saru l-fokus tal-ħajja Lhudija. Indubjament għall-ewwel il-laqgħat saru fi djar privati (cf., Eż.8:1; 20:1-3). 

Sussegwenti għad-digriet ta’ Ċiru, l-eżiljati rritornaw lejn Ġerusalemm u reġgħu bnew it-tempju. Is-sinagoga ssoktat bħala istituzzjoni fil-Ġudaiżmu Palestinjan, u nbew sinagogi kull fejn issetiljaw gruppi ta’ Lhud. 

Il-qima fis-sinagoga inkludiet it-talb kif ukoll il-qari u l-ispjegazzjoni ta’ porzjon mill-Iskrittura. Il-prietka żviluppat mit-traduzzjoni u t-tifsira tal-lezzjoni mill-Iskrittura. Minn żmien bikri jidher li kienet konnessa mal-qari mill-profeti. Ifformat parti mill-funzjoni s-Sibt waranofsinhar. Il-predikatur tkellem minn pożizzjoni bilqiegħda fuq post elevat (Lq.4:20). 

Is-superviżjoni tal-funzjonijiet kienet fdata lill-ħakkiem tas-sinagoga. L-attendent kien iġib il-kopja tal-Iskrittura lill-qarrej u jqegħidha f’postha wara li tkun inqrat il-lezzjoni.

Fiċ-ċentru tas-sinagoga kien hemm pjattaforma b’pulptu fiha. L-arka bl-iskrollijiet bibliċi kienet il-biċċa għamara prinċipali. Bankijiet tal-injam kienu mqiegħda madwar il-pjattaforma. Is-siġġijiet ewlenin kienu l-eqreb lejn l-arka (Mt.23:6; Ġak.2:2-3). Skrin kien jissepara n-nisa mill-irġiel. 

Kienet id-drawwa ta’ Ġesù illi jżur is-sinagogi, u fihom wettaq xi wħud mill-mirakli tiegħu u għallem lin-nies (Mt.4:23). Kwalunkwe għalliem kompetenti seta’ jintalab jitkellem (cf., At.13:15). Hekk naraw li Pawlu ngħatalu permess jitkellem fis-sinagoga ta’ Damasku, fejn wera lil-Lhud li Ġesù hu Bin Alla (At.9:20). Sikwit fi bliet oħra rraġuna u ddisputa mal-Lhud fis-sinagogi tagħhom (At.18:4,19; 19:8). 

Is-sinagoga matul id-djaspora kienet għalqa għammiela fl-evanġeliżmu bikri Kristjan. Is-servizzi u laqgħat tagħha influwenzaw bil-kbir il-qima Nisranija. 

L-istess binja serviet ukoll għall-proċedimenti ġudizzjarji (cf., Mt.10:17; At.22:19). “Tkun imkeċċi mis-sinagoga” kienet il-forma ta’ skomunika Lhudija (Ġw.9:22; 12:42-43; 16:2). Indubjament Pawlu sofra s-swat fis-sinagoga (2 Kor.11:24).


Mt.4:23. Strettament, evanġelju (bil-Grieg, euangelion, vanġelu, aħbar tajba) hi kelma meħuda mir-raportaġ politiku jew personali. Tfisser “aħbar tajba.” Il-Griegi nqdew biha għal avvenimenti importanti bħalma hu t-twelid ta’ imperatur jew rebħa militari maġġura. Ir-rekordju storiku tal-messaġġ beda bil-Battista (cf., Mt.11:12; Lq.16:16; At.1:22; 10:37; 13:24).

F’dan il-każ il-vanġelu hu l-fatt li Alla aġixxa biex isalva n-nies permezz tal-inkarnazzjoni, il-ħajja perfetta, il-mewta sostituzzjonarja u l-qawmien glorjuż ta’ Kristu Ibnu (Lq.4:18-21; 7:22; Ġw.3:14-17). Kull fejn dan l-intervent divin hu mxandar bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (1 Kor.2:4; Gal.1:11): 

1. Jiġi b’awtorità (Mt.28:18-20). 

2. Jiżvela l-ġustizzja t’Alla (Rum.1:16-17). 

3. Jiddomanda l-indiema (Mk.1:15; Mt.3:2; 4:17). 

4. Jikkonvinċi mid-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju (Ġw.16:8; Rum.2:16; cf., At.24:25). 

5. Joħloq il-fidi (Rum.10:17; Fil.1:27). 

6. Iġib is-salvazzjoni, ċoè l-barkiet imwiegħda, fosthom il-ġustifikazzjoni (Rum.5:1), il-maħfra u rikonċiljazzjoni m’Alla (2 Kor.5:16-21), il-ħajja eterna u l-għotja tal-Ispirtu s-Santu (At.2:33,38-39; Rum.1:16; 1 Kor.15:22; 1 Pt.1:23). 

7. Jeħles mid-dominju tad-dnub u x-xitan (Mt.12:28; At.26:18; Rum.6). 

8. Inissel tama tajba fil-qalb kredenti (Kol.1:5,23). 

9. Jittrasforma l-ħajja, il-mentalità, l-aġir u d-diskors ta’ min iħaddnu onestament. Idealment il-fidil jogħla fi mħabbtu lejn Kristu bħalma għamel il-mara fl-istorja (Mk.14:3,9). 

10. Inevitabbilment iġib kundanna u mewt eterna lil dawk li jirrifjutawh (Ġw.3:18; 2 Kor.2:14-17).


Mt.4:24. paralitiċi (bil-Grieg, sg, paralutikos: mifluġ; f’Mt.8:6; 9:2; Mk.2:3-5,9-10). Il-paraliżi kienet komuni fi żmien Ġesù. Il-milqut ikollu ġismu mwebbes u qajla jkun jista’ jiċċaqlaq, aħseb u ara jimxi. Kien allura totalment dipendenti fuq ħaddieħor. 


Mt.5:1. tela’ fuq il-muntanja – bħalma għamel Mosè meta Alla tah il-liġi (Es.19:3,20; 24:12). Dan hu xebh interessanti ieħor ma’ Mosè, bid-differenza illi Ġesù hu l-Leġislatur innifsu, li mhux biss ta l-liġi iżda fissirhielna, u hu nnifsu obdieha għall-ġid tagħna. Mela Kristu hu l-Mosè ġdid u ikbar minnu (Dt.18:15), il-profeta suprem (Mt.17:3-5). 


Mt.5:1-7:29. qabad jgħallimhom. Il-Prietka fuq il-Muntanja hi l-ewwel minn ħames blokok kbar fit-tagħlim ta’ Ġesù kif preżentat minn Mattew. Hi t-tnedija klassika tal-etika f’saltnet Alla; hi wkoll espożizzjoni awtorevoli tal-liġi u fl-istess ħin assalt potenti fuq il-legaliżmu Fariżajiku, u tagħlaq b’sejħa għal fidi vera u salvazzjoni (Mt.7:13-29). Hi indirizzata lid-dixxipli u allura lill-knisja kollha llum. Tittratta kemm motivi ġewwiena kif ukoll kondotta esterna (Mt.5:21-22,27-28). 

Dawn id-domandi leġittmi huma tant stretti (Mt.5:48) illi ħadd mhu kapaċi jobdihom kompletament; hekk tagħlaq kull vjal possibbli għall-mertu uman u tħalli lill-midinbin dipendendi fuq xejn ħlief il-grazzja divina għas-salvazzjoni (cf., Rum.3:19-20; Gal.3:23-24). Biha aħna misjuqa lejn il-grazzja u l-ħniena t’Alla. F’xi każijiet Ġesù ovvjament juża esaġerazzjoni apposta biex jagħti illustrazzjoni kemm hi assoluta l-liġi t’Alla (Mt.5:29-30).


Mt.5:3-11. Imberkin. Il-Beatitudnijiet ta’ Kristu huma espożizzjoni konċiża tal-indiema fid-dawl tas-saltna (Mt.4:17). Dawn in-nies, kif jiddeskrivihom Ġesù bħala mbierka, huma sinjuri fil-benefiċċji tal-grazzja divina, minkejja l-qagħda preżenti u esterna tagħhom (Sal.1:1; 2:12; 112:1). Imberkin tfisser iżjed minn stat emozzjonali. Mhijiex sempliċement kuntentizza. Tinkludi benesseri spiritwali filli wieħed igawdi l-approvazzjoni t’Alla, u allura destin hieni (Sal.1).


Mt.5:3. Nies bi bżonn spiritwali ovvju, falluti fir-ruħ – foqra fl-ispirtu – abbli aktar faċilment jagħrfu l-ħtieġa illi jiddependu fuq il-ħniena t’Alla, u mhux fuq tjubithom stess (Isa.57:15; 66:2; Lq.18:9-14; Riv.3:17). L-istess prinċipju nsibuh fir-Rumani 9:30-31.

tagħhom tindika illi dawn in-nies huma diġà parteċipanti u sottomessi għar-renju t’Alla f’din il-ħajja preżenti bl-Ispirtu s-Santu (Mt.12:28). L-esperjenza sħiħa tal-glorja t’Alla, però, għad igawduha fil-futur (Mt.13:43). 


Mt.5:4. Il-kuntest jindika illi x-xehiera jagħlu u huma mnikkta minħabba d-dnub u l-ħażen, speċjalment tagħhom stess (2 Kor.7:10-11), kif ukoll minħabba l-falliment tal-umanità illi tagħti glorja u radd il-ħajr lil Alla.

Ġesù xandar u annunzja illi Alla għad ifejjaq il-midinbin b’qalbhom maqsuma minħabba ħżunithom, u flok għali jagħtihom l-hena. Ikunu mfarrġin. 


Mt.5:5. Hawn Ġesù jirreferi għall-mansweti, nies spiritwalment ġwejda, b’atteġġjament umli u sottomissjoni lejn Alla (cf., Sal.37:11), bla ma jisħqu fuq jeddijiethom. Għall-kuntrarju huma lesti dejjem biex iservu. Il-mudell għall-manswetudni hu Ġesù nnifsu (Mt.11:29), li qagħad totalment għar-rieda tal-Missier.

jirtu l-art. Jirċievu l-wirt imwiegħed fil-patt (Rum.4:13) fil-ħolqien ġdid (Isa.65:17-18; 2 Pt.3:13). 


Mt.5:6. ġewwieħa u għatxana għas-sewwa huma dawk li jixtiequ jgħixu f’kull aspett u f’kull ħin skont il-kmandamenti t’Alla; l-ambizzjoni ewlenija tagħhom hi l-ġustizzja t’Alla f’ħajjithom (Lq.1:75). L-għatx u l-ġuħ li dwarhom tkellem Ġesù narawhom f’Mosè (Es.33:13,18), is-salmista (Sal.42:2,6; 63:1), u l-appostlu Pawlu (Fil.3:10). Dawn għad ikunu sodisfatti bil-qdusija li Alla għad jagħtihom (1 Ġw.3:2). L-oppost tagħhom huma nies kunfidenti fis-sewwa personali tagħhom. 

Il-kondizzjoni spiritwali tal-fidili tiddependi fuq din ix-xenqa għall-preżenza t’Alla f’ħajjithom (Dt.4:29), għall-Iskrittura Mqaddsa (Sal.119), għall-komunjoni ma’ Kristu (Fil.3:8-10), għax-xirka tal-Ispirtu s-Santu (Ġw.7:37-39; 2 Kor.13:14), għall-komportament ġust u fl-imħabba (Mt.5:6), għall-ħakma t’Alla fuq ħajjithom (Mt.6:33) u għar-ritorn tas-Sid Ġesù (2 Tim.4:8). 

Għall-kuntrarju, l-għatx għall-ħwejjeġ t’Alla jsir debboli jew anke meqrud b’ansjetà dwar ħwejjeġ mondani, il-qerq moħbi fit-tfittxija għar-rikkezzi (Mt.13:22), ix-xewqa għall-affarijiet (Mk.4:19) u l-pjaċiri tal-ħajja (Lq.8:14), kif ukoll meta wieħed ma jibqax fi Kristu (Ġw.15:4).


Mt.5:7. Nies li jħennu huma dawk li jirreaġixxu għall-bżonnijiet umani b’kumpassjoni u grazzja (Mt.9:27; 15:22). Fil-ġudizzju dawn l-istess persuni jirċievu ħniena mingħand Alla (Mt.25:31-40; Ġak.2:12-13). 


Mt.5:8. puri f’qalbhom, ċoè huma internament sinċieri fil-fidi u l-imħabba (Sal.24:4; 73:1; At.15:9; 1 Tim.1:5). 

jaraw ’l Alla. Peress li Alla hu spirtu pur, l-essenza divina tiegħu hi inviżibbli (Kol.1:15; 1 Tim.1:17; 6:16). Il-fidili bħalissa “jarawh” permezz tal-fidi, u Ġesù jassigurahom illi ladarba jaraw lilu jaraw lill-Missier (Ġw.14:9). Fl-istat glorifikat, ulied Alla jarawh kif inhu (1 Ġw.3:2), iżda qatt ma jista’ jkun li l-bniedem, imqar glorifikat, jara lil Alla fl-infinità tiegħu.


Mt.5:9. Il-paċieri mhumiex nies li jgħattu jew ma jagħtux kas id-diżubbidjenza għall-Kelma t’Alla, biex ma jaqilgħux inkwiet. Aktarx ifittxu jirrestawraw in-nies f’armonija m’Alla u ma’ xulxin (Rum.12:18-21; 14:19). 


Mt.5:10. L-ippersegwitati huma nies li jisfaw maltrattati u mwarrba minħabba l-fidi tagħhom f’Alla. Il-Mulej jogħġbuh in-nies illi b’għemilhom juru li r-relazzjoni tagħhom miegħu jivvalutawha iżjed minn kull ħaġa oħra fid-dinja. Dan jiġri meta bil-kuraġġ jibqgħu fidili fost l-oppożizzjoni minħabba s-sewwa. 

Kull min jipprova jgħix fl-armonija mal-Iskrittura u jżomm mal-istandard tal-verità, ġustizzja u safa, u fl-istess ħin jirrifjuta milli jaqa’ f’kompromessi mas-soċjetà sekulari jew jaċċetta l-istil ta’ fidili bierda (Riv.2; 3:1-4,14-22), qatt ma jgawdi popolarità. Ikun kritikat u rroftat. Il-persekuzzjoni tiġi mill-infidili (Mt.10:22; 24;9; Ġw.15:19) kif ukoll minn fidili taparsi (At.20:28-31; 2 Kor.11:3-15; 2 Tim.1:15; 3:8-14; 4:16). 

Meta l-Kristjan jesperjenza din it-tip ta’ sofferenza jmissu jifraħ (Mt.5:12), għax eventwalment jirċievi mingħand Alla l-ogħla barka (2 Kor.1:5; 2 Tim.2:12; 1 Pt.1:7; 4:13). Il-Kristjan messu joqgħod attent mit-tentazzjoni illi jikkomprometti r-rieda t’Alla għalih sabiex jevita l-għajb, it-telfa jew it-twarrib min-nies (Mt.10:33; Mk.8:38; Lq.9:26; 2 Tim.2:12). 


Mt.5:11. minħabba fija. Luqa jgħid, “minħabba Bin il-Bniedem” (Lq.6:22). M’għandiex infittxu l-persekuzzjoni fiha nfisha, iżda meta taqla’ tgħajjir jew akkużi foloz bħala Kristjan, minħabba l-fidi u l-lealtà tiegħek lejn Sidek (Mt.5:11), it-tali maltrattament iġib miegħu l-barka t’Alla. 


Mt.5:12. fis-smewwiet. Il-barkiet li Ġesù jitkellem dwarhom huma milħuqa kompletament fiż-żmien li ġej. Madankollu, ibbażati fuq il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, id-dixxipli tiegħu jistgħu jkollhom tidwiqa minn qabel ta’ dawn il-barkiet illum.

Id-dixxipli jinsabu fl-istess linja ta’ wemmenin fidili bħall-profeti. 


Mt.5:13. (ara n-notament f’Mk.9:50). Il-valur primarju tal-melħ, għan-nies li indirizza Ġesù, ma kienx biex jagħti togħma, iżda aktarx bħala priżervattiv. Id-dixxipli għandhom missjoni: ma jħallux id-dinja titħassar u tkun korrotta; jinfluwenzawha għat-tajjeb.


Mt.5:14. Id-dixxipli għandhom il-ħajja tas-saltna fihom, u allura huma dawl, biex iservu bħala testimonjanza ħajja għal dawk fis-soċjetà tagħhom li għad ma jgawdux dan it-tagħrif u s-safa morali.

Ġesù nnifsu hu d-dawl primarju (Ġw.9:5); il-fidili dawl sekondarju. Bħalma hu dawl ix-xemx għall-qamar, hekk Ġesù hu s-sors tad-dawl u aħna nirriflettu dak id-dawl. 


Mt.5:15. il-modd (bil-Grieg, modios) kien miżura daqs tmien litri, bejn wieħed u ieħor. Iżda hawn, f’Marku 4:21 u Luqa 11:33, jindika għata li seta’ ntuża biex jaħbi lampa, forsi satal jew bowl użat biex ikejjel il-qamħ.

l-istend għal-lampa saret tintuża aktar frekwenti minn żmien Ġesù. Jirreferi għaliha bħala fatt ta’ sens komun illi lampa f’kamra suppost titqiegħed fuqha, mhux taħt basket (Mk.4:21; Lq.8:16; 11:33).


Mt.5:16. dawlkom jiddi. Ħajja devota u qaddisa toffri testimonjanza konvinċenti tal-qawwa salvivika t’Alla. Id-dixxiplu ta’ stoffa allura jqanqal glorja lil Alla (cf., 1 Pt.2:12). 


Mt.5:17. Il-Liġi u l-Profeti hu mod kif il-Lhud irreferew għall-Patt il-Qadim kollu (Mt.22:40).

Filli wettaq il-liġi, Ġesù ma bidilhiex; lanqas tana xi ħaġa oħra flokha; u lanqas ġab fix-xejn il-kmandamenti antiki. Jassigurana, ma ġejtx biex nabolixxi. Ifisser x’inhu l-għan ġenwin tagħha; iwettaqha wkoll billi obdieha perfettament hu nnifsu. Kulma nkiteb qabel twelidu jipponta lejh. Kristu jrid illi s-segwaċi tiegħu wkoll iwettqu l-liġi (Rum.3:31; 8:4). Ir-relazzjoni tagħhom mal-liġi t’Alla tinvolvi dan li ġej: 

1. Il-liġi li l-fidil hu obbligat josserva tikkonsisti fil-prinċipji etiċi u morali tal-Patt il-Qadim (Mt.7:12; 22:36-40; Rum.3:31; Gal.5:14), kif ukoll it-tagħlim kollu ta’ Kristu u l-appostli tiegħu (Mt.28:20; 1 Kor.7:19; 9:21; Gal.6:2). Dawn il-liġijiet jiżvelaw in-natura morali t’Alla u l-volontà tiegħu għal niesu u allura għadhom japplikaw illum. Ċertament, il-liġi ċerimonjali (ċirkonċiżjoni, festi u dieta tal-Lhud, sagrifiċċji ta’ bhejjem fit-tempju, u l-bqija) għaddiet (Ebr.10:1-4; eż., Lev.1:2-3; 24:10), għax kienet tipponta lejn Ġesù, u seħħet fih. Mill-bqija, Ġesù jistabbilixxi l-intenzjoni vera tal-liġi.

2. Il-fidili m’għandhomx iħarsu lejn il-liġi bħala sistema ta’ kmandamenti legali li bhom jiksbu mertu għall-maħfra u s-salvazzjoni (Gal.2:16,19). Aktarx, il-liġi nqisuha bħala kodiċi morali għal dawk li diġà huma salvati u maħfura. Billi jobduha jkunu qed jesprimu l-gratitudni tagħhom, kif ukoll jesibixxi l-ħajja ta’ Kristu fihom (Rum.6:15-22). 

3. Il-fidi fi Kristu hi l-punt tat-tluq għat-twettiq tal-liġi. Bil-fidi tagħna fi Kristu nsiru wlied Alla (cf., Ġw.1:12). Għalhekk, l-ubbidjenza tagħna bħala wlied tiżvolġi minn relazzjoni m’Alla bħala Leġislatur sovran, iżda wkoll minn relazzjoni ta’ wlied lejn Missierhom (Gal.4:6). 

4. Permezz tal-fiduċja tagħhom fi Kristu, id-dixxipli tiegħu, bil-grazzja (Rum.5:21) u bil-qawwa tal-Ispirtu operattiv fihom (Rum.8:4-14; Gal.3:5,14), jingħataw xewqa u abbiltà biex iwettqu l-liġi (Rum.16:25-26; Ebr.10:16). Hekk il-konformità esterna tagħna għal-liġi t’Alla hi akkumpanjata bi trasformazzjoni ġewwiena fi qlubna (cf., Mt.5:21-28). 

5. Billi l-fidili huma meħlusin mill-potenza u d-dominju tad-dnub, u issa huma mjassra għal Alla (Rum.6:18-22), isegwu l-prinċipju tal-fidi billi joqogħdu taħt il-liġi ta’ Kristu (1 Kor.9:21). B’ubbidjenza evanġelika jwettquha (Gal.6:2) u hekk huma leali għal kulma tiddomanda l-liġi (Rum.7:4; 8:4; Gal.3:19; 5:16-25). 

6. Ubbidjenza konsistenti u regolari għal-liġi t’Alla hi l-prova konkreta illi wieħed tabilħaqq emmen l-evanġelju u jinsab fis-saltna (Mt.7:21). 


Mt.5:18. Tassew ngħidilkom hi espressjoni li niltaqgħu spiss magħha fl-Evanġelji. Hi speċi ta’ formula li dejjem tintroduċi dikjarazzjoni veritiera u awtorevoli mingħand Ġesù (Mk.6:11; 8:12; 9:1,41; 10:15,29; 11:23; 12:43; 13:30; 14:9,18,25,30).


Mt.5:18. sakemm kollox isir hi allużżjoni għall-manifestazzjoni sħiħa ta’ saltnet Alla (Mt.24 u 25), li għaliha l-fidili messhom jitolbu (Mt.6:10).


Mt.5:19. imsejjaħ kbir f’saltnet is-smewwiet. Il-pożizzjoni tal-fidili se tkun determinata mill-atteġġjament tagħhom lejn il-kmandamenti t’Alla, ċoè, billi jobduhom u jgħallmuhom lil ħaddieħor. Il-grad ta’ fedeltà tagħna f’dan ir-rigward jiddetermina l-grad ta’ glorja tagħna fil-ġenna. 


Mt.5:20. jekk is-sewwa tagħkom ma jisboqx dak tal-iskribi u l-Fariżej. Ġesù ma jikkritikahomx minħabba l-osservanza stretta tal-liġi, iżda aktarx jikxef l-enfasi tagħhom għall-konformità esterna mal-liġi. Mingħajr attitudni ġewwiena xierqa, qbil estern mal-liġi mhuwiex biżżejjed (Mt.23). Il-Fariżej iffokaw fuq il-qoxra ta’ barra biex jevitaw l-intezjoni reali tal-liġi. Apparentement kienu jobdu l-liġi; fir-realtà kienu ipokriti, u qalbhom kienet imbiegħda minn Alla. Bit-tali akkomodazzjoni ma ħassew ebda ħtieġa għall-ħniena divina. Ġesù juri kemm il-liġi tippenetra fil-fond, fil-qalb u l-moħħ, mhux biss l-azzjoni esterna (Mt.5:21-48). L-etika tiegħu hi radikali (Mt.5:29); mhux l-idejn jew l-għajnejn illi jikkawżaw il-lebieba midinba, iżda l-qalb.


Mt.5:21-48. Smajtu illi ngħad. Tul dan il-pass Ġesù jikkoreġi, mhux il-Patt il-Qadim, iżda l-interpretazzjonijiet foloz tiegħu tant prevalenti fi żmienu. Hawn Kristu jiskandalja l-fond tal-liġi, u juri illi d-domandi veri tagħha jmorru wisq lil hinn mit-tifsira ovvja tal-kliem (Mt.5:28,39,44). Jagħti standard ogħla minn dak li l-istudenti l-aktar diliġenti tal-liġi proponew qablu (Mt.5:20). 


Mt.5:22. L-effett perikoluż u qerriedi tal-għadab hu aċċentwat (eż., Prov.20:2; 22:3; 29:22; 2 Kor.12:20; Gal.5:20; Ef.4:31; Ġak.1:20). Min jirrabja jkun faċilment qed jesprimi xewqa għad-distruzzjoni ta’ ħaddieħor (cf., Mt.5:21; Ġak.4:1-2); hu tip ta’ qtil. Ġesù hawn mhuwiex jitkellem dwar rabja ġusta minħabba l-ħażen jew korla minħabba mġiba dannuża (Ġw.2:13-17). 


Mt.5:22. infern (bil-Grieg, geenna; nt., Mk.9:43,45) hi l-ekwivalenti Griega għal żewġ kelmiet Ebrajċi li jissinifikaw “wied ta’ Ħinnom,” il-post qrib Ġerusalemm fejn il-Lhud ġieli ssagrifikaw lil uliedhom fin-nar lill-allat pagani, inkluż Molek (2 Kron.28:3; 33:6) u li aktar tard kien imniġġeż (2 Slat.23:10) u meqjus bħala misħut (Ġer.7:31; 19:2-6). F’dan il-post nar kontinwu kien jaħraq iż-żibel tal-belt. Fil-Patt il-Qadim hu magħruf ukoll bħala Tofet (2 Slat.23:10; Isa.30:33; Ġer.19:13).

Fil-Patt il-Ġdid, tradotta “infern,” dejjem jirreferi għall-post fejn il-ħżiena u l-infidili jieħdu l-kastig tagħhom. Fil-Vanġeli Sinottiċi Ġesù juża l-kelma biex jiddeskrivi l-oppost tal-ħajja fis-saltna (Mk.9:43-48). Hu post fejn kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem ikunu meqruda (Mt.10:28) f’nar li ma jintefiex (Mk.9:43). Din hi lista sħiħa fejn tissemma geenna fil-Patt il-Ġdid: Mattew 5:22,29-30; 10:28; 18:9; 23:33; Marku 9:43,45,47; Luqa 12:5; u Ġakbu 3:6.

Il-kelma Ebrajka xeol hi kultant tradotta “qabar” jew “ħofra.” Normalment, però, tirreferi għal post jew stat inviżibbli fejn l-erwieħ imorru f’mewthom. Jista’ jkollha kemm-il applikazzjoni, skont il-konnessjoni ta’ kull passaġġ (eż., Num.16:33; Ġob.2:2; Sal.9:17; 15:15; Prov.7:27). Peress li Ġesù kien irxoxtat, tbassar dwaru illi Alla ma kienx se jħalli lil ruħu f’Xeol (Sal.16:10). 

Dan kollu jikkorrispondi ma’ deskrizzjonijiet oħra tal-infern:

1. Ħades niltaqgħu magħha fejn dan l-aħħar pass, Salm 16:10, hu kwotat fl-Atti 2:27,31. Għandha l-istess tifsira f’passaġġi oħrajn (Mt.11:23; 16:18; Lq.16:23; Riv.1:18; 6:18; 20:13-14).

2. Tartaru jissinifika l-ifnad abbiss tar-reġjuni infernali. Il-forma verbali tiegħu nsibuha biss fit-2 Pietru 2:4 (tradotta “xeħithom fl-infern”).

3. L-għadira tan-nar hi d-destin etern tal-ħżiena (Riv.19:20; 20:10,15; 21:8). Oriġinarjament il-post terribbli tħejja għax-xitan u l-anġli ħżiena tiegħu; fih jinxteħtu wkoll il-bnedmin infidili (Mt.13:40,42; 25:41; 2 Pt.2:4; Ġuda 6, eċċ.).

F’dawn it-termini kollha hemm sinifikat figurattiv, ċertament; xorta waħda jidher ċar u ċert illi hemm post ta’ kastig etern għall-midinbin li jmutu bla ndiema. Il-Bibbja ma toffri ebda tieni ċans wara l-mewt: id-destin etern ta’ kull individwu hu ffissat irrevokabbilment mal-mewt.


Mt.5:23. iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal. Il-Lhud kienu joffru bhejjem u għotjiet oħra bħala att ta’ qima. Ma tistax isservi lil Alla filwaqt li tibqa’ miġġieled ma’ ħaddieħor (Prov.15:8). 


Mt.5:25. Kun dispost tajjeb mal-avversarju tiegħek. Ġesù enfasizza l-urġenza ta’ rikonċiljazzjoni b’termini legali f’qorti, iżda b’implikazzjonijiet ta’ ġudizzju smewwieti u etern. 


Mt.5:25-26. ma toħroġx minn hemm qabel ma tkun ħallast l-aħħar kodrant. Dan hu pass maltrattat mill-knisja Kattolika Rumana biex mingħaliha tagħti prova biblika tal-purgatorju. Però Ġesù hawn mhux jitkellem dwar ħabs spiritwali wara l-mewt iżda ħabs materjali qabel il-mewt. Veru, is-Sid ma kienx qed jitkellem dwar sempliċi ħwejjeġ esterni hawnhekk iżda dwar kwistjonijiet spiritwali tal-qalb (cf., Mt.5:21-22). Madankollu, xejn fil-kuntest ma jindika l-konklużjoni illi jridna nimmaġinaw xi “ħabs” jew “post” jew “proċess” għat-tisfija tad-dnubiet fil-ħajja li jmiss. Biex wieħed jasal għal din l-idea jrid ikollu diġà f’moħħu d-domma tal-purgatorju. Lanqas mhi illustrazzjoni tal-purgatorju, għax l-illustrazzjonijiet ma jagħtu prova ta’ xejn iżda biss jillustraw xi ħaġa emmnuta bħala vera. Mela dal-pass ma jistax jiġi użat bħala prova tal-purgatorju. 

Jekk wieħed jinsisti illi hawn qed jissemma l-purgatorju, allura jkollu jammetti kontradizzjoni diretta għat-tagħlim ċar tal-Bibbja illi m’għad fadal xejn x’jitħallas għal dnubietna u l-konsegwenzi tagħhom, la temporali u lanqas eterni. It-teoloġija Kattolika tammetti illi l-mewt ta’ Kristu ħallset il-penali għall-ħtija u l-konsegwenzi eterni ta’ dnubietna, iżda tiċħad illi dan ifisser li m’hemm ebda purgatorju fejn inħallsu l-konsegwenzi temporali għal dnubietna. Frattant il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib kienet kemm kompluta kif ukoll suffiċjenti għad-dnubiet kollha ta’ niesu kollha, bil-konsegwenzi kollha tagħhom. Appena tintima illi għad irridu nsofru għal dnubietna tkun qed tinsulta l-ħidma riparatorja ta’ Kristu, li saret “darba għal dejjem” (Ebr.10:14-15), għax kienet effettiva. Ladarba Kristu bata għal dnubietna, m’għad fadal xejn xi nbatu aħna, u ma fadal ebda kundanna fuqna jew għalina (Rum.8:1).


Mt.5:27. L-adulterju kien meqjus bħala offiża estremament serja (Es.20:14). Apparti li persuna oħra hi vvjolata, jeħodha kontra l-patt taż-żwieġ (Mal.2:14), li hu riflessjoni tar-relazzjoni bejn Alla u niesu.


Mt.5:28. biex jitlebleb għaliha. Il-konkupixxenza jew xewqa ħażina titnissel fil-qalb, iċ-ċentru tal-identità u r-rieda tal-persuna (Mt.15:19). Purità fiżika mhijiex biżżejjed; irridu ngħassu wkoll kontra atti ta’ infedeltà mentali. Imqar fl-Għaxar Kmandamenti Alla rrekjieda safa interna (Es.20:17; cf., 1 Sam.16:7; Sal.19:14; 24:4). Ġesù hawn jikkundanna l-ħsieb jew xewqa ħażina akkumpanjata bl-approvazzjoni tar-rieda, ix-xewqa immorali li tfittex sodisfazzjon jekk titfaċċa l-opportunità. Ix-xewqa ġewwiena għall-pjaċir sesswali illeċitu, jekk kontemplata bla ma tkun reżistita, hi dnub. 


Mt.5:29-30. aqlagħha...aqtagħha. Ovvjament mhux qed jordna illi nimmankaw lilna nfusna, għax il-konkupixxenza hi kustjoni tal-qalb. Ġesù juża l-esaġerazzjoni apposta biex jisħaq fuq l-importanza ta’ azzjoni radikali u drastika mbasta wieħed ma jaqax fid-dnub. Imqar ħwejjeġ ta’ valur messna nċeduhom jekk iħajruna għad-diżubbidjenza lejn il-liġi t’Alla.


Mt.5:31. għandu jagħtiha ċertifikat tad-divorzju. Ġesù qed jirreferi għad-Dewteronomju 24:1-4, li allura jeħtieġ nifhmuh sew. Mosè hemmhekk ma jikkmandax, ma jirrikmandax, ma jiskużax, u lanqas biss jissuġġerixxi d-divorzju. Aktarx, jirrikonoxxi illi d-divorzju jiġri fost il-bnedmin, u allura jippermettih biss b’restrizzjonijiet. Il-każ preżentat hu maħsub biex jgħallem illi d-divorzju jikkawża t-tniġġis. Ninnotaw is-sekwenza hekk: 

1. Jista’ jagħti l-każ illi raġel isib xi nuqqas jew impurità (cf., Dt.23:14) f’martu, apparti mill-adulterju (li kien ikkastigat bit-tħaġġir (cf., Dt.22:22). 

2. Jekk allura jiddeċiedi li jiddivorzjaha (għalkemm Alla jobgħod id-divorzju u ddikjara lilu nnifsu kontrih, Mal.2:16; u jippermettih biss minħabba l-ebusija tal-qalb umana, kif spjega Ġesù aktar tard, Mt.19:8), ikun qed jieħu azzjoni kuntrarja għall-intenzjoni oriġinali t’Alla (Ġen.2:24).

3. Jekk il-mara ddivorzjata tiżżewweġ raġel ieħor, li aktar tard imut jew jiddivorzjaha hu wkoll, il-mara ma tistax tirritorna lura għand l-ewwel raġel tagħha (Dt.24:4). 

4. Ir-raġuni mogħtija hi illi issa hi mniġġsa, u dil-ħaġa tkun abominazzjoni. Il-mara tniġġset bit-tieni żwieġ għax ma kien hemm ebda bażi għad-divorzju. Għaldaqstant meta reġgħet iżżewġet, ikkommettiet adulterju (Mt.5:31-32) u hekk hi mniġġsa tant li l-ewwel raġel tagħha ma jistax jeħodha lura. Id-divorzju illeċitu jkattar id-divorzju. 

Issa r-rabbini fi żmien Ġesù kienu qed jieħdu libertajiet b’dak li attwalment tgħid l-Iskrittura. Irreferew għad-Dewteronomju 24:1-4 bħallikieku ngħata sempliċement biex jirregola l-kitba u d-dokumentar meta jsir id-divorzju. Hekk ikkonkludew, bi żball gravi, illi l-irġiel setgħu jiddivorzjaw lin-nisa tagħhom minħabba kwalunkwe skuża, mbasta jagħtu ċ-ċertifikat tad-divorzju. Fir-realtà, però, Mosè kiteb dan bħala konċessjoni biex jipproteġi lill-mara ddivorzjata, mhux biex jiġġustifika jew jillegalizza d-divorzju (Mt.19:1-12). 


Mt.5:32. ħlief għal affari ta’ żena. Ġesù jagħti konċessjoni għad-divorzju fil-każ ta’ immoralità sesswali. Dan juri kemm l-infedeltà sesswali fiż-żwieġ hi nuqqas serjissmu li potenzjalment ifarrak iż-żwieġ. Irridu nifhmu Luqa 16:18 fid-dawl ta’ dal-vers. 

Meta jkun hemm adulterju jew xi dnub sesswali ieħor, idealment ikun hemm indiema u l-koppja terġa’ tirrikonċilja u ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha. Id-divorzju hu permess meta kull tentattiv raġunevoli jkun falla fiċ-ċar, u ma jkunx hemm tama ta’ rikonċiljazzjoni. 

jiżżewweġ mara ddivorzjata. Ġesù jassumi illi persuna tiddivorzja biex tiżżewweġ persuna oħra, għalkemm dan mhuwiex l-għan oriġinali t’Alla fiż-żwieġ. 


Mt.5:34. taħilfu xejn. F’xi każijiet il-ħalf hu leċitu; Ġesù nnifsu qagħad għal ħalfa (Mt.26:63), u Pawlu invoka lil Alla bħala xhud tiegħu (Rum.1:9). Alla nnifsu jaħlef biex uliedu jkunu inkuraġġiti (Ebr.6:17). Ġesù jrid iwissina illi mhux biss il-ħalf hu serju, iżda diskorsna kollu għandu jkun onest u b’integrità. Ma jridx li nkunu veraċi biss meta ninsabu taħt ħalfa; aktarx imissna ngħixu bħallikieku Alla jaf u jisma’ kliemna kollu.


Mt.5:34. sema. Il-Bibbja tiddistingwi tliet smewwiet: 

1. L-atmosfera tal-pjaneta tagħna (Ġen.7:23; Dt.11:11; Dan.4:21; Lq.17:24).

2. L-ispazju tal-univers fejn hemm il-qamar, ix-xemx u l-kwiekeb (Ġen.1:14-15,17).

3. Is-sens kif użata hawn, ċoè, l-għamara t’Alla, fejn hemm it-tron tiegħu (Sal.2:4; 11:4). Minn hemm niżel Sidna Ġesù u hemm reġa’ tela’ (Mk.16:19; Atti 7:55; 1 Kor.15:47). Hu wkoll l-għamara tal-anġli qaddisa (Mt.22:30; 24:36; Gal.1:8).

Id-dinja, fil-pjan divin, għandha tkun gvernata mis-sema. Il-barka tal-bniedem, kemm materjalment kif ukoll spiritwalment, tiddependi fuq il-konnessjoni tiegħu m’Alla tas-sema. Is-saltna tas-smewwiet, ċoè r-renju t’Alla f’qalb il-bnedmin, qed tkun stabilita fuq l-art; meta jintlaħaq u jseħħ il-pjan divin, Ġesù s-Sultan jirritorna mas-sħab tas-sema. Fil-frattemp iċ-ċittadinanza tal-fidili tiegħu hi fis-smewwiet (Fil.3:20). Għad ikunu fejn Ġesù qiegħed bħalissa, voldiri fis-sema. Hu mar qabilhom biex iħejjilhom post (Ġw.14:1-6). Għaldaqstant il-Kristjani jantiċipaw bil-ħerqa “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja” (2 Pt.2:13; ara wkoll Riv.21:1-5).


Mt.5:38. Il-liġi Mosajka ddomandat illi l-kastig ikun ġust u xieraq, jaqbel mal-gravità tar-reat: Għajn għal għajn (Es.21:24; Lev.24:20; Dt.19:21). Mhuwiex ġust meta wieħed ikun ikkastigat lil hinn minn kull proporzjon, u lanqas hu sewwa illi jkun hemm kastigi differenti għall-klassijiet soċjali differenti. Hawn Ġesù jikkontradixxi lil dawk li ħsiebhom biex jiddomandaw vendetta personali.


Mt.5:39. L-użu ta-forza mill-gvern, il-pulizija u s-suldati jaqdi rwol tajjeb meta l-ħażen hu kumbattut (Lq.3:12-14; Rum.13:1-4; 1 Pt.2:13-14). Meta jgħid, tirreżistux lill-ħażin, Ġesù qed jitkellem fuq kondotta personali, u jipprojbixxi t-tendenza universali umana illi tfittex vendetta personali (Rum.12:19-21). Meta xi ħadd jagħmlilna l-ħsara, ikun insensittiv jew kattiv magħna, imissna nirreaġixxu mhux bi spirtu ta’ mibegħda, iżda b’mod li juri illi l-valuri tagħna huma ċċentrati fuq Kristu u saltnatu. (Bħala eżempju ta’ din l-attitudni, qabbel Ġen.13:1-13 ma’ Ġen.14:14. Qabbel ukoll Ġen.50:19-21 ma’ Ġen.37:18-28. Ara wkoll 1 Sam.24 u 26; Lq.23:34; At.7:60).


Mt.5:39. Jekk tpatti daqqa b’daqqa oħra, tkun irdoppjajt il-ħażen; il-vjolenza teskala flok titmewwet. Filli jikkmandana, dawwarlu l-ieħor ukoll, Ġesù mhuwiex jgħidilna biex ma niddefendux lilna nfusna (Lq.12:11; 22:36-38; At.22:1; 24:10) jew biex ma naħarbux mill-ħażen (1 Sam.19:10; Lq.4:29-30; Ġw.8:59; 10:39; 2 Kor.11:32-33). Meta ma nirreżistux attakk inkunu qed nistiednu abbużi iżjed serji. Lill-aggressur irridu nħobbuh (Mt.5:44; 22:39): dan nagħmluh billi ma nħalluhx jagħmel attentati oħra fuqna jew fuq ħaddieħor. It-tagħlim ta’ Sidna jeħtieġ napplikawh bid-dehen, fid-dawl tal-Iskrittura kollha.


Mt.5:40. ħallilu wkoll il-mantar. Il-fidil għandu jkun ġeneruż, mhux ħsiebu biex iressaq in-nar lejn xawwatu, imqar sal-punt illi ħaddieħor jieħu vantaġġ minnu jew ikun immaltrattat għall-kawża ta’ Kristu. 


Mt.5:41. Il-mil (bil-Grieg, milion) Ruman kien fih 8 stadji jew madwar 1618-il jarda.


Mt.5:42. Lil min jissupplikak agħtih. Għin lil min hu ġenwinament batut jew fil-bżonn, u allura sforzat jittallab. Qis li ma tagħtix bl-addoċċ jew bi bluha (cf., Mt.7:6); jekk tagħti lill-għażżien tkun qed tinkuraġġih jibqa’ fil-għażż (2 Tes.3:10). Attent li meta tagħti tkun attwalment qed tgħin, mhux iġġib aktar ħsara.

Ġesù hawnhekk qed jafferma l-ispirtu tal-liġi li ġie biex iwettaq (Mt.5:17-18), f’kuntrast għal dak li “smajtu” (Mt.5:21,27,33,38,43) – x’wasal għand in-nies bi tradizzjoni orali jew b’interpretazzjoni żbaljata. Ġesù qed jopponi l-vendetta personali. Għall-kuntrarju, jgħid illi m’għandniex nirritaljaw kontra l-għadu, anzi nħobbuh, u nagħtuh biex ngħinuh (Mt.5:44). Mhux jippretendi minna nieħdu l-kmand bla kwalifika, daqskemm ma ridniex naqtgħu idna jew naqilgħu għajnejna jekk joffenduna (Mt.5:29-30). 


Mt.5:43. obgħod lill-għadu. Din kienet konklużjoni falza tal-iskribi; ma tinsabx fil-Patt il-Qadim. Għal-Lhudi, il-proxxmu ma kienx sempliċement Lhudi bħalu; l-idea ta’ proxxmu testendi mqar għall-għedewwa personali (Lev.19:18; Lq.10:29-37).


Mt.5:44. Alla jobgħod kwalunkwe ħażen, frattant xorta waħda jbierek lil min jobogħdu jew ma jagħtix kasu (Mt.5:45). Din insejħulha “l-grazzja komuni” tiegħu għax jestendiha lill-bnedmin kollha, xi ftit jew wisq, tul għomorhom. Hi r-rieda tajba u sinċiera tiegħu lejn il-ħlejjaq (cf., Sal.145:9). (Il-grazzja speċjali tiegħu hi riżervata lill-magħżulin tiegħu, maħtura għas-salvazzjoni eterna bi Kristu; Ġer.31:3; Ef.1:3-6). Filli Alla jipprovdi l-ikel, is-saħħa u elf barka oħra lill-infidili jkun qed jistedinhom biex iduru lejh bl-indiema (At.14:17; Rum.2:4). Xorta waħda jibqa’ l-fatt li Alla jobgħod lil dawk li bi stinazzjoni u nuqqas ta’ ndiema jibqgħu fil-ħażen (cf., Sal.5:5; 11:5; Ef.2:3). 

Hawnhekk Ġesù qed jaċċentwa l-azzjoni providenzjali t’Alla li ġġib ġid u barka lill-umanità sħiħa. Bħala dixxipli jmissna nimitaw lil Missierna: ħobbu lill-għedewwa tagħkom. Inħobbu kemm lil min iħobbna kif ukoll lil min jobgħodna: hi kwistjoni ta’ rieda, filli tagħmel il-ġid u tixtieq l-avvanz tal-proxxmu. Bħala membri fil-Patt il-Ġdid, aħna obbligati nsegwu d-domandi proposti hawnhekk: 

1. Inħobbu lill-għedewwa ma jfissirx inħossu mħabba emozzjonali pożittiva lejhom, bħallikieku niggostawhom jew togħġobna mġibithom. 

2. Aktarx imissna nkunu ġenwinament ikkonċernati għall-ġid tagħhom u s-salvazzjoni eterna tagħhom. Ladarba nafu d-destin terribbli li qed jistenna lil dawk ostili lejn Alla u niesu, jeħtieġ ninterċiedu għalihom u nipprovaw, billi dejjem inpattu d-deni bil-ġid, inressquhom lejn Kristu u l-fidi fl-evanġelju (cf., Prov.20:22; 24:29; Mt.5;39-45; Rum.12:17; 1 Tes.5:15; 1 Pt.3:9). 

3. Inħobbu lill-għedewwa ma jfissirx noqogħdu passivi waqt li l-ħżiena jissoktaw b’għemil midneb tagħhom. Meta hu neċessarju għall-unur t’Alla, il-ġid u s-sigurezza ta’ nies oħra, jew il-ġid ultimu tal-ħżiena, messha tittieħed azzjoni severa biex inwaqqfu l-ħażen (Mk.11:15; Ġw.2:13-17). 


Mt.5:45. tkunu wlied Missierkom. Ulied Alla jmisshom iġorru fuqhom it-timbru indelibbli tal-karattru morali ta’ Missierhom. Ladarba hu mimli mħabba, grazzja u ġenerożità – imqar ma’ nies li huma l-għedewwa tiegħu – il-Kristjani jmisshom ikunu jixbhuh. 

jibgħat ix-xita fuq il-ġusti u l-inġusti. Il-providenza t’Alla turi tjubitu fl-avvenimenti ordinarji tan-natura (At.14:17). Għalkemm Alla għad jagħmel distinzjoni bejn il-ġusti u l-inġusti fil-ġudizzju (Mt.7:21,23), preżentement juri tjieba u kumpassjoni mqar mal-għedewwa tiegħu (Rum.2:4-5). 


Mt.5:46. Id-dazjarji kienu kolletturi tat-taxxa, jew pubblikani (Lq.15:1). Għalkemm Lhud, kienu mistmerra mill-poplu Lhudi għax kienu jiġbru t-taxxi għall-potenza politika barranija, Ruma. Kienu wkoll bla skrupli, isiru għonja bi spejjeż ta’ ħaddieħor (Lq.19:1-10), u xogħolhom involviehom f’kuntatt regolari mal-Ġentili, u allura ċerimonjalment imniġġsa. 

Fis-Sinottiċi, fejn jissemmew, huma normalment abbinati ma’ grupp ieħor, “il-midinbin” (Mk.2:15-16), u allura dan jindika kemm kien jispikka dnubhom quddiem in-nazzjon. Mattew isemmihom mal-qħab (Mt.21:31-32), fuq l-istess livell mal-pagani (Mt.18:17).

Il-kumpassjoni ta’ Ġesù lejhom hi fatt sorprendenti fil-ministeru tiegħu. Il-bxara t-tajba tas-saltna t’Alla, issa inawgurata, tistieden l-emarġinati ta’ kull xorta biex jesperjenzaw il-grazzja divina. Luqa jinkludi osservazzjonijiet pożittivi dwarhom (Lq.3:12-13; 7:29; 18:10-14); interessaw irwieħhom fil-messaġġ ta’ Ġesù (Lq.15:1-2; 7:34). Mattew innifsu kien dazjarju qabel ma Ġesù sejjaħlu (Mk.2:13-17).

Hawn Ġesù qed jgħallem li d-dixxipli m’għandhomx jaġixxu fuq l-istess livell tal-infidili. Il-ħajja trasformata tagħhom messha tirriżulta fi mġiba ta’ mħabba ogħla b’mod sinifikanti.


Mt.5:48. L-istandard divin għad-dixxipli hu illi jkunu jixbhu l-karattru t’Alla; għalhekk Kunu mela intom perfetti. L-istandard ta’ Kristu għall-ubbidjenza hu impossibbli apparti mill-grazzja, u l-liġijiet tiegħu kontinwament jagħfsu fuq niesu biex ifittxu grazzja minn fuq (Mt.6:9-13)

bħalma Missierkom is-smewwieti hu perfett. Il-perfezzjoni tal-Missier tinkludi mħabba ta’ grazzja ġenerali u benevolenti (Mt.5:45). Ma nistgħux insiru etikament perfetti f’din il-ħajja, iżda l-qdusija perfetta messha tkun il-mira u l-ambizzjoni ta’ kull Kristjan (Fil.3:12-13). Bħala dixxipli li nfittxu ngħixu fi qbil mal-Iskrittura difatti qegħdin nagħmlu l-almu tagħna biex nimitaw lill-Missier fil-perfezzjonijiet morali tiegħu.


Mt.6:1. Atti pubbliċi ta’ ubbidjenza lejn il-liġi divina huma kommendibbli u onorabbli. Noqogħdu attenti biex ma nagħmluhomx biex naqilgħu l-applaws, il-foħrija jew l-approvazzjoni tan-nies; altrimenti nitilfu l-premju mingħand il-Missier (Mt.6:2,5,16). Alla jridna nagħmluhom biex nogħġbuh.

Missierkom li hu fis-smewwiet hu titlu għal Alla, użat spiss f’Mattew 6 u 7. Ifakkarna fl-imħabba kumpassjonali t’Alla kif ukoll fil-maestà sovrana tiegħu fuqna (Mt.6:9). 


Mt.6:1-2. Ġesù u l-appostli (At.3:2-3; 24:17) jaffermaw il-valur ta’ opri ħanina, elemożina jew karità. Idealment għandhom isiru f’sottomissjoni grata u f’ubbidjenza evanġelika lejn Alla. Motivati minn imħabbtu lejna, nassistu lill-batuti u l-foqra bil-ferħa, iżda qatt ma jmissna nfittxu rikonoxximent jew glorja umana.


Mt.6:2. l-ipokriti huma nies li jikklejmjaw illi jmantnu relazzjoni m’Alla u jħobbu s-sewwa, mentri attwalment ifittxu l-interessi tagħhom u jinsabu mqarrqin. Ġesù jiddenunzjahom (Mt.23). Possibbli tkun ipokritu bla ma tkun taf konxjament.


Mt.6:5. jitolbu fis-sinagogi u fil-kantunieri tat-toroq. Ġesù jiġġudika spiritwalità taparsi u teatrika, l-istess kif jikkundanna t-talb fit-tul tal-iskribi għall-parenza (Mk.12:40). 


Mt.6:6. idħol fl-għorfa privata tiegħek. Ġesù ovvjament ma jikkundannax it-talb pubbliku, għax jikkumplimenta t-talb privat, u hu rikkmandat fl-Iskrittura (eż., 2 Kron.6:13-42; Neħ.9; Mt.14:19; 15:36). Il-motivazzjoni interna tal-persuna hi essenzjali. It-talb pubbliku għandu valur (At.12:5; 1 Tim.2:8), mentri fit-talb privat inkunu nistgħu nesprimu ħwejjeġ m’Alla li sikwit ma jkunx xieraq għal ħaddieħor li jismagħhom. Ġesù hu biss kontra talb għall-wiri jew biex nimpressjonaw lil ħaddieħor bih.


Mt.6:7. Lil Alla ma nimpressjonawhx bil-kwantità tad-diskors, għalhekk meta titolbu toqogħdux tlabalbu. Ġesù hawn ma jikkontradixxix il-prinċipju illi jmissna nkomplu nitolbu u nipperseveraw bil-petizzjonijiet tagħna, dment illi nafu li ninsabu fir-rieda tal-Missier (Lq.18:1-8). It-talb jinstema’ mhux minħabba t-tul tiegħu iżda għax ikun offrut bil-fidi. Insibu bosta eżempji ta’ talb qasir u effettiv (Es.32:31-32; 1 Slat.3:6-9; 1 Kron.4:10; Lq.23:42; At.7:60). 


Mt.6:9-13. Il-Missierna hi talba, mudell sabiħ għall-qosor fil-kliem iżda sinifikat qawwi fil-kontenut. Il-qosor tat-talba ma jfissirx li jmissna nitolbu ftit; kultant Ġesù qatta’ l-lejl kollu fit-talb (Lq.6:12). 

L-ewwel infittxu li Alla jkun glorifikat imbagħad nitolbuh għall-ħtiġijiet tal-ħajja umana. Meta nitolbu lil Missierna nkunu qed niftakru li għandu awtorità fuqna, jgħożżna, u aħna intimi ma’ xulxin. Hu fis-smewwiet, u allura hu traxxendenti, assolutament sovran, ħakkiem fuq kollox. It-tema ta’ “Missier smewwieti” hi fondamentali (Dt.14:1; 32:6; Sal.103:13; Ġer.3:4; 31:9; Ħos.11:1).

It-talba sħiħa tenfasizza l-komunità sħiħa tal-fidili, aktarx milli tiffoka fuq l-individwu. 


Mt.6:9. jitqaddes ismek. Mhux biss illi l-bnedmin iżommu u jistmaw isem Alla bħala qaddis, u jittrattawh fl-ogħla unur u bl-ikbar riverenza, iżda illi Alla nnifsu jqaddsu billi jkun l-Imħallef ġust u Salvatur ħanin. 

L-isem t’Alla jirrappreżenta l-karattru u l-attributi kollha tiegħu (cf., Sal.8:1,9; 9:10; 22:22; 52:9; 115:1). Jinkludi wkoll ir-reputazzjoni tiegħu u kulma jingħad dwaru. Huwa tal-ogħla importanza illi isem Alla jkun stmat b’ġieħ, glorifikat u eżaltat (cf., Sal.34:3). Fit-talb u l-mixja tagħna kuljum imissna nkunu intensivament ikkonċernati dwar il-fama tajba t’Alla, il-knisja, l-evanġelju, il-Kelma u s-saltna ta’ Kristu. L-għemil ta’ kwalunkwe ħaġa li ġġib skandlu u għajb fuq isem Alla u l-karattru tiegħu hu dnub gravi. 


Mt.6:10. Nitolbu u nistinkaw għall-avvanz kontinwu tal-ħakma spiritwali t’Alla fuq l-art: tiġi saltnatek (Kol.4:11). Din hi rikjesta biex is-Sid jirrenja bħala Sultan fil-grazzja u l-glorja. Saltnatu hi preżenti bħalissa filli qed jirrenja bi Kristu Ibnu fi qlub il-fidili. Issir evidenti għal ħaddieħor bl-imħabba u l-ubbidjenza ta’ wliedu, filli jagħmlu l-ġid u jniedu l-aħbar tas-saltna inawgurata. Din is-saltna se tiġi fil-milja tagħha fil-konsumazzjoni fl-aħħar jum; hi diġà parzjalment realizzata bl-ewwel miġja ta’ Ġesù (Lq.11:20).


Mt.6:10. ħa ssir ir-rieda tiegħek, ċoè l-volontà rivelata t’Alla, kif nafuha fil-kmandamenti tiegħu (Mt.5:19). It-talb kollu, l-ewwel u qabel kollox, jissottometti b’rieda tajba għall-għanijiet, il-pjanijiet, u l-glorja t’Alla. Issir, avolja imperfettament, meta nagħmlu kulma jogħġob lilu u jaqbel mal-liġi tiegħu. Issir perfettament meta niesu jinġabru fil-saltna eterna u jkunu kkonfermati fil-qdusija għal dejjem.


Mt.6:11. il-ħobż ta’ kuljum jirrappreżenta l-ħtiġijiet fiżiċi u materjali tagħna l-bnedmin. Ġesù jiżviluppa din il-fehma aktar tard (Mt.6:19-34; cf., Prov.30:8). Dil-petizzjoni tenfasizza d-dipendenza kompluta tagħna fuq il-providenza tajba u għarfa t’Alla f’kull qasam ta’ ħajjitna (Mt.5:45; 6:25-26). 


Mt.6:12. Id-dnubiet jifformaw dejn spiritwali, li impossibbli niskontawh m’Alla. L-unika tama hi l-maħfra tiegħu, għaldaqstant nitolbu aħfrilna djunna. Din il-maħfra ma tirreferix għall-maħfra li nirċievu mingħand Alla bħala Mħallef fil-ġustifikazzjoni tagħna, ċoè meta nkunu salvati inizjalment fil-konverżjoni tagħna. Tirreferi aktarx għall-maħfra paternali li nirċievu bl-istqarrija kontinwa tad-dnubiet (1 Ġw.1:9). Hi bżonjuża biex wieħed imantni r-relazzjoni tiegħu m’Alla, bħala iben ma’ Missieru. 

Din hi talba ta’ wlied Alla biex ikunu restawrati f’xirka personali m’Alla meta dik ix-xirka tkun imfixkla minħabba d-dnub (cf., Ef.4:30). Ifittxu maħfra mingħand Missierhom, li diġà laqagħhom fil-familja tiegħu, mhux mingħand l-Imħallef tagħhom, għax diġà huma ġustifikati darba għal dejjem.

bħalma aħna wkoll naħfru lill-midjunin tagħna. Il-Kristjani jsibu l-kapaċità jaħfru għax huma nfushom maħfura (Mt.18:32-33). Jekk wieħed ma jaħfirx, ma jistax jikklejmja l-maħfra t’Alla għalih innifsu (Mt.6:14-15). 


Mt.6:13. Il-maħfura jitolbu, ddaħħalniex fit-tiġrib, għax huma konxji tad-dgħufija nattiva fihom, u allura jagħrfu l-importanza illi jafdaw f’Alla, bla ma jissograw ikollhom fiduċja fihom infushom. Il-fidil, daparti tiegħu, jixtieq jevita l-perikli tad-dnub totalment. Il-Missier jista’ jittestjana (Dt.8:2; Mt.4:1), mhux bl-intenzjoni sabiex nonqsuh (Ġak.1:13), u ma jippermettix illi nkunu mġarrba lil hinn mill-kapaċità tagħna (1 Kor.10:13). Jista’ jesponina għall-assalti sataniċi, bħal fil-każ ta’ Ġobb (Ġob.1-2) u Pietru (Lq.22:31-32), skont l-għerf inskrutabbli tiegħu. 


Mt.6:13. eħlisna mill-Ħażin, ċoè, ix-xitan (cf., Mt.13:19; għalkemm il-kelma Griega, hawnhekk, tista’ tfisser ukoll “ħażen”). L-aqwa protezzjoni mid-dnub u t-tiġrib insibuha meta nduru lejn Alla u niddependu fuqu u fuq setgħetu, bl-armatura li jipprovdilna hu stess (Ef.6:10-20).


Mt.6:14-15. lanqas Missierkom mhu se jaħfrilkom l-offiżi tagħkom. Alla ma jirtirax il-ġustifikazzjoni tiegħu mill-fidili li diġà rċevew il-maħfra ħielsa u kompluta tiegħu, abbażi tas-sagrifiċċju tal-Kalvarju. Il-maħfra ġudizzjarja f’dak is-sens – liberazzjoni mill-ħtija u kanċellazzjoni kompluta tad-dejn spiritwali m’Alla – tappartieni permanentement għal dawk li jinsabu fi Kristu (cf., Ġw.5:24; Rum.8:1; Ef.1:7). 

Hawnhekk aħna mgħallma illi Alla jiddixxiplina lil uliedu li ma jobduhx (cf., Ebr.12:5-7). Bħala wlied Missierhom fis-smewwiet, id-dixxipli għandhom jistqarru dnubiethom biex jottienu l-maħfra paternali, mingħand Alla Missierhom li diġà jagħrafhom u laqagħhom bħala wliedu (cf., 1 Ġw.1:9). Din il-maħfra paternali hi ħasil mit-tniġġis tad-dinja, mhux tindif komplut mid-dnub (li l-fidil diġà għandu). Hi bħal ħasil ir-riġlejn paragunat ma’ banju sħiħ (Ġw.13:10). Meta l-Kristjan jirrifjuta milli jaħfer jiċċaħħad minn dil-maħfra f’dan is-sens paternali. Agħar minn hekk, wieħed li persistentement ma jaħfirx għandu għalfejn jiddubita serjament huwiex Kristjan, ibda biex (cf., Mt.18:23-35). 


Mt.6:16. Il-liġi Mosajka ddomandat sawma waħda ta’ ġurnata fis-sena, f’Jum it-Tpattija (Lev.16:29-34; 23:26-32; At.27:9). Frattant l-astinenza mill-ikel (mhux ilma) hi sinjal ta’ sogħba u ndiema assoċjati mat-talb (Imħ.20:26; 1 Slat.21:27). Sikwit is-sawm iddiġenera f’ritwal vojt (Isa.58:3). Il-Fariżej apparentement kellhom dixxiplina jsumu darbtejn fil-ġimgħa (Lq.18:12). 

Ċertament fil-Bibbja s-sawm hu rikkmandat; Ġesù jassumi illi d-dixxipli tiegħu jsumu – Meta ssumu... Bħat-talb u l-karità, is-sawm hu dejjem kwistjoni tal-qalb f’relazzjoni m’Alla. Is-sawm hu talb kontinwu bla kliem. Ma jsirx għal wiċċ in-nies, jew għax impost fuqna. Minn bikri l-knisja pprattikat is-sawm (At.13:2-3; 14:23; 27:33).

Is-sawm bit-talb għandu diversi skopijiet: 

1. Biex jonora lil Alla (Mt.6:16-18; Żak.7:5; Lq.2:37; At.13:2). 

2. Biex numiljaw ruħna quddiem Alla (Esd.8:21; Sal.69:10; Isa.58:3) ħalli nesperjenzaw aktar grazzja (1 Pt.5:5) u l-preżenza intima t’Alla (Isa.57:15; 58:6-9). 

3. Biex nagħlu għad-dnub u l-fallimenti spiritwali (1 Sam.7:6; Neħ.9:1-2). 

4. Biex nesprimu sogħba għad-dgħufija spiritwali fil-knisja, l-inikwità fid-dinja u speċjalment pajjiżna (1 Sam.7:6; Neħ.9:1-2). 

5. Biex infittxu l-abbiltà mingħand Alla għal xi inkombenza ġdida u biex nerġgħu naffermaw il-konsagrazzjoni tagħna quddiem Alla (Mt.4:2). 

6. Biex infittxu lil Alla ħalli noqorbu lejh u nippersistu fit-talb kontra forzi spiritwali opposti (Imħ.20:26; Esd.8:21,23,31; Ġer.29:12-14; Ġoel 2:12; Lq.18:3; At.9:10-19). 

7. Biex nesprimu ndiema u hekk nittamaw illi Alla jibdel l-intenzjonijiet dikjarati tiegħu ta’ ġudizzju (2 Sam.12:16,22; 1 Slat.21:27-29; Ġob.3:5,10; Ġer.18:7-8; Ġoel 2:12-14). 

8. Biex Alla, permezz tagħna, jeħles lin-nies mill-jasar għall-ħażen (Isa.58:6; Mt.17:14-21; Lq.4:18). 

9. Biex Alla jagħtina l-għerf u jgħarrafna r-rieda tiegħu (Isa.58:5-6,11; Dan.9:3,21-22; At.13:2-3). 


Mt.6:19-20. fuq l-art...fis-sema. Id-dinja u s-sema hawn jinsabu f’kuntrast, bħala żewġ sferi ta’ eżistenza. Is-sema hu etern u inkorruttibbli (1 Pt.1:4) mentra d-dinja hi transitorja u titħassar (Ebr.1:11). 


Mt.6:20. Il-bnedmin sikwit għandhom għażla bejn attivitajiet li jwasslu għal qligħ ikbar f’did-dinja preżenti (cf., Mt.6:2,5,16) inkella attivitajiet li bihom ikabbru t-teżori fis-sema, ċoè l-premju etern tagħhom. Il-konsegwenza ta’ għażliet ħżiena hi diżastruża (Mk.8:36; Lq.12:20-21).

Il-fidil imissu jgħix għas-saltna eterna (Mt.6:33) billi jobdu l-kmandamenti ta’ Sidu u jeżerċita fidi fil-wegħda divina illi jkun eventwalment premjat (Ebr.11:6). 


Mt.6:21. qalbek hi ċ-ċentru tal-enti tiegħek, u tinvolvi l-emozzjonijiet, ir-raġuni u fuq kollox ir-rieda.


Mt.6:22,23. l-għajn hi bħal-lampa, jew musbieħ, li tiżvela l-kwalità tal-ħajja interna tagħna. L-għajn b’saħħitha (viżjoni ċara) tħares lejn Alla b’devozzjoni u fokus bħala s-Sid uniku (Mt.6:24); hekk il-persuna tkun mimlija bid-dawl tar-rieda t’Alla. “Għajnek hi l-lampa tal-ġisem,” jgħid f’Luqa. L-għajn hi l-mezz tal-ġisem biex jirċievi d-dawl. Jekk l-għajn hi b’saħħitha, wieħed jista’ jirċievi u juża d-dawl kompletament. Jekk l-għajn hi difettuża, allura d-dalma taħkem u wieħed ma jkunx jista’ jara biex jimxi jew jaħdem. 

Bl-istess mod, meta l-għajnejn spiritwali (l-attitudnijiet, il-motivi, l-ambizzjonijiet u x-xewqat) huma diretti lejn ir-rieda t’Alla, allura d-dawl ta’ Kelmtu jidħol fil-qalb u l-bniedem jirċievi barka u jipproduċi l-frott (Gal.5:22-23). Iżda jekk ix-xewqat mhumiex iffokati fuq il-ħwejjeġ t’Alla, ir-rivelazzjoni u l-verità tiegħu qajla jħallu effett. Għall-kuntrarju, meta persuna hi mimlija bid-dawl ta’ Kristu, dan jaffettwa l-eżistenza, l-imġiba, l-atteġġjament u l-mentalità kollha tiegħu. 

Irridu neżaminaw ħajjitna biex nassiguraw illi l-għajnejn spiritwali tagħna huma fit-tali kondizzjoni illi l-vanġelu jkun jista’ tabilħaqq iqaddisna u jġedded il-ħajja ġewwiena tagħna. Imissna nirrispondu għat-tagħlim u l-qari tal-Iskrittura bi spirtu li jħobb lil Alla, jew inkella, minkejja l-prietki u t-tagħlim li nirċievu, nintebħu li hemm timwit f’ruħna u ninsabu f’jasar għall-vizzju. Jekk dan hu l-każ, mela l-vista spiritwali tagħna hi ħażina, u d-dlam jinvadi u jiddomina ħajjitna. F’dal-każ hu imperattiv illi nistqarru dnubietna, nirċievu t-tindif u mbagħad nisseparaw ruħna minn kull kompromess mad-dlam.

meta hi ħażina, ġismek ukoll hu mudlam. Il-problema tal-miskredenti kienet il-perċezzjoni tagħhom, mhux in-nuqqas ta’ dawl. Jekk għajnek hi ħażina (tbati minn viżjoni spiritwali difettuża) tiffissa fuq “teżori fuq l-art, fejn il-kamla u s-sadid iħassru, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu” (Mt.6:19). Tammetti biss id-dlam tar-regħba u l-interess personali (Prov.23:6). Taċċetta l-korruzzjoni morali. Meta nirċievu d-dawl ta’ Ġesù nsiru sħaħ u b’saħħitna, u meta nkunu spiritwalment sħaħ insiru dawl ukoll (Ef.5:8). Ħajjitna hi determinata skont liema tip ta’ dawl l-għajn tippermetti li jidħol, għax Il-musbieħ tal-ġisem hu l-għajn.


Mt.6:24. Ma tistgħux taqdu ’l Alla u ’ll-mammona. Bħalma l-għajn ma tistax tkun diviża, hekk ukoll il-qalb ma tistax tinferaq. Ġesù jsejħilna għal afdar singulari f’Alla u ubbidjenza massima (Ġak.4:8). Tkun qed isservi lill-mammona, ċoè flus u ħwejjeġ materjali, meta tqiegħed valur hekk għoli fuqhom illi tpoġġi l-fiduċja u l-afdar tiegħek fuqhom aktarx milli fuq Alla ta’ kull providenza. Isservihom ukoll meta tħares lejhom bħala s-sigurtà ultima u l-kuntentizza tiegħek, kif ukoll meta tippretendi minnhom li jiggarantulek il-futur. Isservihom finalment billi tkun tixtieq lilhom aktar milli tixtieq il-ġustizzja u s-saltna t’Alla. Il-periklu ta’ rikkezzi akkumulati jinsab filli jiddominaw il-moħħ, l-interessi u l-attività tal-bniedem, hekk li saltnet Alla ma tkunx il-prijorità ewlenija, kif imissu jkun. 


Mt.6:25-34. tinkwetawx għal ħajjitkom. Ġesù jridna nafdaw f’Missier providenti, li jieħu ħsieb il-futur tagħna. Meta jgħid li l-għasafar la jaħsdu u lanqas jiġbru fl-imħażen mhux qed jinkuraġġina biex nitgħażżnu. Il-punt hu illi t-tjur ma jinkwetawx x’għad isibu fil-ġejjieni. L-inkwiet u l-ansjetà jittradixxu nuqqas ta’ afdar f’Alla, li jafna u jindokrana (Mt.6:32-33). Ġesù ma jridx jinsinwa li hu ħażin nagħmlu provdimenti għall-ħtiġijiet fiżiċi u futuri tagħna (cf., 2 Kor.12:14; 1 Tim.5:8). Jipprojbixxi biss dik l-ansjetà inordinata li turi nuqqas ta’ fiduċja f’Alla, li bħala Missierna jħobbna, jipprovdielna u jipproteġina (Eż.34:12; 1 Pt.5:7).


Mt.6:26. Missierkom smewwieti jitmagħhom. Ġesù mhuwiex jissuġġerixxi l-għażż (Prov.19:15). Lanqas l-għasafar mhuma għażżiena; il-punt hu illi Alla ultimament jipprovdi l-ikel. 

ma tiswewx aktar minnhom? Il-bnedmin għandhom valur intrinsiku wisq ogħla mill-bhejjem (cf., Mt.10:31; 12:12), għax: 

1. Huma biss maħluqa fix-xbieha t’Alla (Ġen.1:27).

2. Alla ta lill-ġens uman dominju fuq l-art u l-ħlejjaq l-oħra (Ġen.1:28).

3. Alla ħabb lilna l-bnedmin hekk li tana lil Ibnu biex ikun il-fidwa eterna tagħna (Ġw.3:16).


Mt.6:27. “kubitu” (bil-Grieg, pēkus) jissinifika l-parti bejn l-id u l-minkeb; allura miżura ta’ tul mis-sebgħa n-nofsani sal-minkeb, ċoè madwar 18 jew 21 pulzier (Lq.12:25; Ġw.21:8; Riv.21:17).


Mt.6:30. nies ta’ fidi ċkejkna. L-ansjetà u l-inkwiet dwar ġid terrestri hu l-oppost ta’ afdar fil-Kelma u l-wegħda divina (Mt.13:22). 


Mt.6:32. l-Ġentili huma strettament il-ġnus tad-dinja inġenerali, in-nies li mhumiex Lhud, u allura esklużi mill-pattijiet tal-wegħda u barra mill-barka spiritwali t’Alla (cf., Ef.4:17-19). 

Dawk li ma jafux ’l Alla huma karatterizzati bi tfittxija sfrenata għall-bżonnijiet u anke kapriċċi u pjaċiri mondani, sew jekk sforz il-biża’ jew minħabba r-regħba fihom. Id-dixxipli, però, jingħarfu għax jimmiraw biex jagħtu l-ogħla prijorità u l-ikbar sforzi tagħhom għat-tfittxija tar-renju glorjuż ta’ Missierhom f’ubbidjenza għar-rieda tiegħu (il-ġustizzja tiegħu, v.10), mentri jafdawh biex jissodisfalhom ħtiġijiethom. 


Mt.6:33. L-ogħla prijorità ta’ kull Kristjan messha tkun din: fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja tiegħu. Għix taħt il-ħakma sovrana t’Alla, f’relazzjoni sewwa miegħu. Is-saltna hi l-isfera tas-salvazzjoni; Ġesù jħeġġeġ lid-dixxipli biex ifittxu s-salvazzjoni – u magħha jesperjenzaw l-għożża u l-provdiment ta’ Missierhom ħanin (cf., Rum.8:32; Fil.4:19; 1 Pt.5:7). 

L-inkwiet hu inkonsistenti ma’ din il-mira. Bl-ansjetà nkunu qed nuru dubju fis-sovranità omnipotenti u fit-tjieba t’Alla lejna. Biha nkunu distratti mill-għan veru ta’ ħajjitna. Ġesù jwiegħed li Alla jissodisfa l-bżonnijiet veri ta’ dawk li ‘jirriskjaw’ kollox għalih. 


Mt.7:1. Meta nikkundannaw lil ħaddieħor minħabba d-difetti tiegħu nkunu qed infallu milli neżerċitaw il-maħfra (Mt.6:14-15). L-ewwel nagħrfu d-difetti ikbar tagħna nfusna, imbagħad inkunu f’pożizzjoni biex noffri kritika ġentili u umli. Altrimenti Tiġġudikawx. 

Ġesù ma jridx lid-dixxipli jkollhom atteġġjament imħassar, ħsiebhom biss biex jikkundannaw, speċjalment jekk b’ipokrisija. L-Imgħallem tagħna jikkundanna l-vizzju meta wieħed ħsiebu biex jikkritika lil nies oħra waqt li jinjora d-difetti personali tiegħu. Iwissi kontra l-ipokrisija ta’ nies li ħsiebhom biex jikkundannaw oħrajn għad-difetti li jinsabu fihom infushom (Lq.6:41-42) u għall-falliment tagħhom milli juru ħniena (Lq.7:36). Tiġġudika b’mod inġust jinkludi wkoll meta tikkundanna lil xi ħadd għall-ħażen tiegħu bla ma tkun tixtiequ jirritorna lejn Alla u mogħdijietu (Lq.6:36-37).

B’daqshekk il-Bibbja qatt ma żżommna lura milli neżerċitaw dixxerniment veru, anzi tirrikmandah. Ġesù ma jipprojbix kull tip ta’ ġudizzju. Bnadi oħra jgħallem li d-dixxipli tiegħu jkollhom jiġġudikaw x’jagħmel ħaddieħor (Mt.18:15-17; Ġw.7:24). Jerġa’, il-qalb ta’ persuna tista’ tingħaraf mill-azzjonijiet li joħorġu minnha (Mt.7:15-16; Lq.6:43-45), u allura jeħtieġ illi nevalwaw il-karattru ta’ individwi (1 Kor.5:12; Gal.1:9; 1 Ġw.4:1). 


 Mt.7:3. it-travu f’għajnek stess. L-umoriżmu hu indubjament apposta: Kristu jinqeda bl-esaġerazzjoni biex ipenġi stampi komiċi għall-effett (cf., Mt.23:24; Lq.18:25). 


Mt.7:6. Tagħtux dak li hu qaddis lill-klieb. Dan ċertament jinkludi l-ippriktar tas-saltna. Il-Kristjani m’għandhomx jibqgħu jevanġelizzaw nies li jirroftaw il-bxara t-tajba bi stmerrija, u jkomplu jistmawha biċ-ċajt jew b’disprezz (Mt.10:14; 15:14). L-appostli hekk għamlu (At.13:44-51; 18:5-6; 28:17-28). Ġesù nnifsu m’għamilx mirakli biex jakkomoda lill-miskredenti (Mt.13:58). Din l-istruzzjoni tiggverna t-trattamenti personali tagħna mal-għedewwa; il-prinċipju jirregolalna kif u sakemm imissna nippreżentaw l-evanġelju quddiem dawk li jobogħdu l-verità. Ġesù ma jridniex ikollna moħħ naiv, b’nuqqas ta’ dixxerniment.

Perli jissimbolizzaw il-valur kbir tal-messaġġ dwar is-saltna.


Mt.7:7-8. Issupplikaw...fittxu...ħabbtu. Il-perseveranza fit-talb hi inkuraġġita dejjem. Il-verbi hawn jissinifikaw azzjoni kontinwata. Meta tissupplika jimplika li int konxju ta’ bżonn; temmen ukoll li Alla jrid u kapaċi jassistik. Meta tfittex tkun qed titlob bil-ħerqa f’ubbidjenza għar-rieda t’Alla. Meta tħabbat tkun qed tesprimi persistenza filli tkompli tirrikorri għand Alla avolja ma jirrispondix minnufih. Min jitlob jaqla’, iwegħidna Ġesù.

L-assigurazzjoni tiegħu hi msejsa fuq kondizzjonijiet imsemmija bnadi oħra: 

1. Trid tagħmel saltnet Alla l-ewwel prijorità ta’ ħajtek (Mt.6:33). 

2. Tagħraf it-tjieba paterna t’Alla u mħabbtu lejk (Mt.6:8; 7:11; Ġw.15:16; 16:23,26-27; Kol.1:9-12). 

3. Titlob skont ir-rieda rivelata t’Alla (Mk.11:24; Ġw.21:22; 1 Ġw.5:14). 

4. Tmantni xirka ma’ Kristu (Ġw.15:7). 

5. Tobdih mill-qalb, bla ma jkollok motivi ulterjuri (1 Ġw.3:22). 

Ħajja ta’ talb hi ħajja b’riċeviment kontinwu ta’ grazzja minn fuq. kull min jissupplika jirċievi ma tfissirx illi l-Kristjani dejjem għandhom ir-rikjesti tagħhom onorati, għax Alla hu egħref minnhom u għandu pjanijiet wisq aħjar għal uliedu milli jistgħu jimmaġinaw (cf., Rum.8:28; 1 Kor.2:9). Frattant hawn Ġesù jinkuraġġina sabiex nitolbu bla ma naqtgħu qalbna.


Mt.7:9-11. liema bniedem. Missier uman jimportah minn uliedu wisq inqas mill-Missier smewwieti, għax l-aħjar bnedmin huma mħassra bid-dnub, u Alla hu perfett u ġeneruż ma’ wliedu. Dan jenfasizza l-abbiltà tal-Missier illi jipprovdi lil niesu, u allura m’għandhomx għalfejn jitħassbu u jinkwetaw (Mt.6:25-34). 


Mt.7:12. kull ħaġa kwalunkwe li tridu l-bnedmin jagħmlulkom, hekk ukoll intom agħmlu lilhom. Dan il-prinċipju, sikwit imsejjaħ “ir-Regola tad-Deheb,” insibuh f’ħassieba antiki qabel ma twieled Ġesù, xi ħaġa hekk: “Tagħmilx ma’ ħaddieħor dak li ma tridhomx jagħmlu lilek.” Ġesù jagħmilha obbligu pożittiv, u saħansitra jgħid li dan hu l-ispirtu tal-Patt il-Qadim.


Mt.7:13-27. Idħlu mix-xatba d-dejqa. Ġesù jwissi rigward reliġjon falza, u jippromwovi r-reliġjon ġenwina. Isejħilna biex nagħmlu eżaminazzjoni tagħna nfusna b’diskriminazzjoni u onestà. Mhux kulma jleqq hu deheb. Dixxipli ta’ vera ssibhom diliġenti biex jagħmlu s-sejħa u l-għażla tagħhom ċerti għalihom infushom (2 Pt.1:10). Id-dixxiplar aċċettabbli hu iżjed diffiċli u inqas popolari minn reliġjon ta’ grazzja rħisa. Frattant hu l-uniku mogħdija għall-ħajja eterna (Mt.5:20). 


Mt.7:14-15. Qatt m’għandna nagħtu impressjoni li l-ħajja tad-dixxiplu se tkun faċli u bla ostakli jew sfidi, għax dejqa x-xatba, u ristretta t-triq li twassal għall-ħajja. Attwalment hi mimlija trabil, u dwar dan aħna avżati (Mt.10:38; 16:24-25; Ġw.15:18-19; 16:1-3; At.14:22). 

Huma l-profeti foloz li jħobbu jmellsu bi lsienhom u jħajru b’xenarju li ma jaqbilx mar-realtà. Ċertament, is-salvazzjoni hi għotja b’xejn, bil-grazzja biss, iżda altru milli faċli. Issejjaħ għat-tagħrif tal-verità, l-indiema, sottomissjoni lejn Kristu bħala Sid sovran, u rieda tajba biex nobdu l-volontà tiegħu. 


Mt.7:15-16. Mill-frottijiet tagħhom tagħrfuhom. Il-ħajja immorali tal-profeti foloz u r-riżultat tal-influwenza negattiva tagħhom fuq ħaddieħor iservu bħala indikazzjonijiet illi huma diżapprovati minn Alla. Jiċħdu veritajiet fondamentali tal-fidi, joħolqu diviżjonijiet (1 Tim.6:3-4), jeqirdu l-fidi biblika f’ħaddieħor (2 Tim.2:18), u jiddistruġġu lilhom infushom b’ereżija qerrieda (2 Pt.2:1). Jingħarfu għax ikunu iżjed ikkonċernati b’xewqathom stess milli bil-glorja u l-unur t’Alla, għalkemm sikwit jużaw l-isem t’Alla biex jgħattu xturhom. Id-dottrina tagħhom tkun ċċentrata fuq il-bniedem aktarx milli fuq Alla (Mt.7:21-23). Jaċċettaw tagħlim u tradizzjonijiet umani, f’kontradizzjoni għall-Iskrittura (Mt.7:24-27; 1 Ġw.4:6). Ifittxu u jippromwovu esperjenzi reliġjużi u manifestazzjonijiet sopranaturali bħala l-awtorità finali tagħhom (Mt.7:22-23) aktarx milli jissejsu fuq il-fehma sħiħa t’Alla, kif espressa fil-Bibbja. Ma jissaportux dottrina biblika iżda joffru salvazzjoni fuq it-triq wiesa’ ta’ laxkezza morali u joffru tama fejn il-Bibbja ma toffrix tama (Mt.7:13-14,23). 


Mt.7:16-20. lanqas siġra mħassra ma tista’ tagħmel frottijiet tajbin. Il-kliem ta’ Kristu jimplika illi l-midinbin ma jistgħux isalvaw lilhom infushom. Jeħtieġ ikunu mibdula bil-grazzja sovrana, imbagħad ikunu kapaċi jipproduċu tip ta’ mġiba ġdida (Ġw.3:1-8). 


Mt.7:21. Diskors impressjonanti iżda fieragħ bħal ‘Sid, Sid’ mingħajr imġiba qaddisa ma jsarraf xejn. Jeżistu dixxipli foloz; faċilment jagħmlu stqarrija bil-fomm. Id-diskors, però, mhux dejjem u neċessarjament jindika qalb niedma. L-għera ta’ dik il-fidi tad-diskors tinkixef għax m’għandha xejn sostanzjali. B’daqshekk Ġesù mhux qed jissuġġerixxi illi l-opri huma meritevoli għas-salvazzjoni; qed jgħid ili l-fidi ġenwina ma tfallix milli tipproduċi l-frott ta’ ubbidjenza u opri tajba (cf., Ġk.1:22-27; 2:26). Mhux biżżejjed noffru lealtà formali u verbali lejn Kristu. Fidi ġenwina dejjem tipproduċi l-ubbidjenza għat-tagħlim tiegħu, bħalma siġra tajba tingħaraf mill-frott tajjeb tagħha (Lq.6:44). 


Mt.7:21-23. Mirakli setgħana, professjoni ta’ fidi, doni sopranaturali, u ministeru, mhumiex fihom infushom prova illi wieħed jinsab fis-saltna. Biss bi ndiema ġenwina u fiduċja fi Kristu ningħataw sehem fil-wirt mal-qaddisin.

Qatt ma kont nafkom. Ġesù hu s-Salvatur u jaf lil niesu, ċoè jmantni magħhom relazzjoni ta’ mħabba fidila. Għandu wkoll il-prerogattiva illi jikkundanna lill-miskredenti fl-infern; bl-eżerċizzju tal-ġudizzju juri li hu Alla nnifsu (cf., Ġw.5:18-22). Ħafna nies se jkunu sorpriżi fil-ġudizzju finali għax filwaqt li pretendew li qed jaqdu lill-Mulej, attwalment ħajjithom kienet bla ndiema.

Itilqu minni. Ġesù għad jirriġetta midinbin impenitenti, u jissentenzjahom għall-pwieni eterni (Mt.25:41). 


Mt.7:22. setgħat mirakolużi mhumiex prova illi l-individwu li jagħmilhom għandu l-approvazzjoni t’Alla, peress li jistgħu jiġu minn sorsi oħra, inklużi d-demonji (mirakli foloz) jew bi brikkunaġni umana (trikkijiet qarrieqa; At.19:13-16; 2 Tes.2:9-12; Riv.13:13-14). Wieħed jista’ jaġixxi “f’isem Ġesù” u xorta waħda jkun qed jinganna lilu nnifsu u nies oħra. L-ubbidjenza evanġelika hi l-kwalifika indispensabbli fil-ġudizzju.


Mt.7:24-27. Iż-żewġt irġiel semgħu kliem Ġesù, iżda l-għaref biss joqgħod għalih u jobdi (Ġak.1:21-25). 

Id-dar tirrappreżenta ħajja reliġjuża; ix-xita l-ġudizzju divin. Biss id-dar mibnija fuq pedament ta’ ubbidjenza evanġelika għal Kelmet Alla tibqa’ wieqfa. Din tirreferi għal dak il-bniedem niedem, li jirrofta salvazzjoni bl-opri, u jafda fil-grazzja biex ikun salvat skont il-provdiment ħanin t’Alla. L-afdar tiegħu hu ġenwin għax jirriżulta f’ħajja ta’ qdusija u rabta m’Alla. 


Mt.7:28 tbellhu b’tagħlimu. It-tagħlim ta’ Ġesù Kristu jibqa’ għal dejjem (Mk.13:31), u finalment jiġġudika lis-semmiegħa tiegħu (Mt.7:24-27). Ma nistgħux nenfasizzaw iżżejjed l-importanza li nagħtu kasu: bosta drabi n-nies baqgħu skantati u mgħaġġba bid-dottrina tiegħu (Mt.7:28-29; Mk.1:27). 

Essenzjalment kien jgħallem dwar il-Missier tas-sema, li bagħtu u kien qed jidderiġih, u li d-dixxipli tiegħu kellhom jagħrfuh bħala Missierhom fis-smewwiet. Sejjaħ lin-nies għall-indiema u ħajja ġdida, kif ukoll għallem dwaru nnifsu, bħala Bin il-Bniedem, u l-Messija ta’ Iżrael.

Mix-xhieda ta’ Ġesù dwar il-Missier, lin-nies fil-ħtieġa tagħhom, u dwar ir-rwol tiegħu bħala l-Messija, nistgħu nisiltu tliet temi:

1. Is-saltna tas-smewwiet. Din “is-saltna” hi r-realtà li ġiet ma’ Ġesù bħala t-twettiq tal-pjan t’Alla għall-istorja umana, li dwarha l-profeti tkellmu sikwit (Isa.2:1-4; 9:6,7; 11:1-12:6; 42:1-9; Ġer.23:5,6). Is-saltna tinsab preżenti ma’ Ġesù; il-mirakli tiegħu huma sinjali tagħha (Mt.11:12; 12:28; Lq.16:16; 17:20-21).

Tieħu l-pussess fuq il-ħajja tal-individwu meta jissottometti bil-fidi lejn Kristu bħala Sid, impenn kruċjali li jġib is-salvazzjoni u ħajja eterna (Mk.10:17-27; Ġw.5:24). 

Is-saltna tixxandar u tikber (Mt.13:31-33; 24:14) sakemm Bin il-Bniedem, li bħalissa qed jirrenja mis-smewwiet, jerġa’ jidher għat-tieni darba biex jiġbor lill-magħżulin tiegħu minn kull rokna tad-dinja.

2. Il-ħidma salvivika ta’ Ġesù. Billi niżel mis-smewwiet skont il-volontà tal-Missier biex iwassal lill-midinbin magħżula għall-glorja, Ġesù ħallas dejnhom fuq is-salib, isejħilhom u jressaqhom lejh, jaħfrilhom dnubiethom, u jżommhom sikuri sal-jum meta jqajjimhom mill-mewt (Lq.5:20,23; 7:48; Ġw.6:37-40,44-45; 10:14-18,27-29; 12:32; 17:1-26).

3. L-etika fil-familja t’Alla. Il-ħajja ġdida tingħata lill-midinbin bħala għotja b’xejn skont il-grazzja ħielsa t’Alla u jeħtieġ tintwera fi stil ta’ ħajja qaddisa. Dawk li rċevew il-grazzja għandhom ikunu grati; dawk maħbuba immensament jeħtieġ jesprimu mħabba kbira mal-oħrajn; dawk li jgawdu l-maħfra divina jeħtieġ huma nfushom jaħfru; dawk li jafu ’l Alla bħala Missierhom tas-smewwiet imisshom jaċċettaw il-providenza tiegħu bla tmaqmiq, u jonorawh il-ħin kollu billi jafdaw fil-ħarsien u l-protezzjoni tiegħu. Ulied Alla jridu jkunu bħall-Missier u s-Salvatur tagħhom, radikalment differenti mid-dinja (Mt.5:43-48; 6:12-15; 18:21-35; 20:26-28; 22:35-40).


Mt.7:29 għallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-iskribi tagħhom. (ara n-notament f’Mk.1:22). L-iskribi, bħar-rabbini, kellhom metodu ta’ tagħlim li bih serrħu fuq x’għallmu għalliema qabilhom. L-awtorità tagħhom kienet it-tradizzjoni. Ġesù għallem direttament mill-Iskrittura bl-awtorità tiegħu nnifsu, bħala s-Sultan sovran (Mt.8:8-9; 9:6), xi ħaġa totalment ġdida tant illi s-semmiegħa stagħġbu bih (cf., Mk.1:27; Ġw.7:46).


Mt.8:1-9:38. Ġesù wera lilu nnifsu bħala l-Messija bil-kelma permezz tat-tagħlim uniku tiegħu (Mt.5-7). 

Issa jagħti prova illi hu l-Messija billi jwettaq diversi mirakli bħala evidenza li fih u bih waslet saltnet Alla. Mattew probabbilment irranġa l-ordni tal-mirakli skont it-topik aktarx milli kronoloġikament, għax l-ordni tal-mirakli u l-avvenimenti huma differenti minn kif insibuhom f’Marku u f’Luqa.


Mt.8:2. imġiddem. Il-ġdiem (bil-Grieg, lepra: tissinifika lebbra jew marda dermatoloġika) kien meqjus bir-raġun bħala marda moqżieża, wegħrija u tal-waħx. Il-ġdiem, allura, hu tip vividu tad-dnub, li jaħdem fil-bniedem insidjożament, u jagħmlu moralment maħmuġ. 

Il-ġdiem kliniku kien realtà fil-Palestina fi żmien Ġesù. Il-qassisin Iżraeliti kienu għadhom jużaw il-kriterji dijanjostiċi tal-Levitiku (Mt.8:1-4; Mk.1:40-44; eċċ.), u allura “t-tindif” hu sikwit imsemmi in konnessjoni ma’ fejqan rekordjat fl-Evanġelji. 

Indubjament dawk milqutin mill-ġdiem sofrew personalment u soċjalment. Ġesù u d-dixxipli fejqu n-nies lebbrużi, iżda s-sintomi assoċjati mal-marda jsemmihom Luqa biss. 

Il-kittieba ma jagħmlux użu tekniku mill-kelma. Bħala terminu, “ġdiem” irrefera għal diversi mard li jaffettwa l-ġilda, fosthom Hansen’s disease, mhux neċessarjament lebbra (Mt.8:2; 10:8; 11:5; Mk.1:40; Lq.4:27; 5:12; 7:22; 17:12). Għaldaqstant Xmun l-Imġiddem (Mt.26:6; Mk.14:3) abbli kellu biss vitiligo, għax kien f’kuntatt mill-qrib mas-soċjetà. Mill-bqija l-imġiddma kienu jinżammu kwarantina, l-unika difiża kontra l-firxa tal-marda.

Il-qassis kien speċi ta’ spettur tas-saħħa li seta’ jiċċertifika illi l-lebbruż fieq. Kien inkarigat ukoll joffri s-sagrifiċċji rikjesti fi tmiem it-tniġġis ritwali (Lev.14).


Mt.8:2. jekk trid, tista’, ie., jekk tagħżel hekk, għandek il-kapaċità. Alla biss kapaċi jagħmel kulma jrid (Sal.115:3; 135:6). 


Mt.8:3. dritt il-ġdiem tiegħu kien ippurifikat. Dimostrazzjoni tal-qawwa f’kelmet Kristu (Mt.8:22,27).


Mt.8:4. Ġesù ordnalu, tgħid xejn lil ħadd, biex ma jkunx imfixkel milli jwettaq il-missjoni prinċipali tiegħu (Mk.1:45). Il-pubbliċità setgħet ittellef l-abbiltà ta’ Ġesù milli jservi, kif difatti ġara, u l-attenzjoni tan-nies ma tibqax daqstant fuq il-messaġġ innifsu (cf., Mk.3:12; 5:43; 7:36). Ma xtaqx jiġbed nies lejh sempliċement bil-meravilja tal-mirakli. Din il-kawtela ta’ Ġesù nsejħulha “s-sigriet messjaniku” (Mt.9:30; 12:16; 16:20; 17:9).

bħala xhieda għalihom. Ġesù ried illi l-imfejjaq josserva r-regolazzjonijiet dwar it-tindif tal-lebbrużi (Lev.14:1-32). Il-qassis kien fid-dover jilqa’ l-offerta, jiddikjarah safi, u hekk ikollu affermazzjoni pubblika tal-fejqan tiegħu. Billi juri ruħu lill-qassis, il-lebbruż seta’ mbagħad jerġa’ jingħaqad lura fis-soċjetà (Lev.14:1-32).


Mt.8:5. ċenturjun (bil-Grieg, hekatontarkēs, hekatontarkos) kien uffiċjal fl-armata Rumana, fdat b’mitt suldat. Kienu promossi għal din il-kariga minħabba l-kondotta pożittiva u l-afffidabbiltà tagħhom. 

Huwa rimarkevoli kemm sikwit iċ-ċenturjuri, irġiel pagani, huma nnotati favorevolment (Mt.8:5-13; Lq.23:47; At.10:1,22; 27:6, eċċ.). Dan iċ-ċenturjun kellu apprezzament għall-awtorità ta’ Ġesù, aktar minn ħaddieħor f’Iżrael. Kien konxju wkoll li hu nnifsu kien indenju. Juri wkoll fidi li Ġesù seta’ jegħleb d-diffikultà tal-qagħda indenja tiegħu.

Ninnotaw, jekk inqabblu l-episodju mar-rakkont f’Luqa 7:2-10, illi attwalment iċ-ċenturjun tkellem permezz ta’ rappreżentanti tiegħu. Dan hu normali: imqar illum, meta l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jiltaqa’ ma’ individwi minn pajjiżi oħra, jagħmel dan f’isem il-Prim Ministru. 


Mt.8:9. jien ukoll. Effettivament, iċ-ċenturjun irrisponda fuq dil-linja: “Jien ukoll kapaċi nagħmel affarijiet minħabba l-awtorità mogħtija lili. Kemm aktar int!”


Mt.8:10. Darbtejn biss jingħad illi Ġesù immeravilja: hawn, għall-fidi ta’ frustier (cf., Mt.8:10), u għall-inkredulità f’Nażaret (Mk.6:6).


Mt.8:11-12. ħafna għad jiġu mil-Lvant u l-Punent. Il-fidi taċ-ċenturjun pagan tipprovdi okkażżjoni biex Ġesù jbassar illi Iżrael għad ikun imwebbes u l-vanġelu estiż lill-ġnus kollha. Il-Ġentili, fis-saltna ma’ Abraħam, missier il-fidili, igawdu s-salvazzjoni u l-barka t’Alla (Isa.49:8-12; 59:18; Mal.1:11; Lq.13:28-29). 


Mt.8:11-12. se jirreklinaw mal-mejda hi referenza għall-bankett messjaniku mħabbar f’Isaija 25:6-9, li se jseħħ fl-aħħar taż-żmien (Riv.19:9) biex hekk titwettaq il-wegħda divina lil Abraħam (Ġen.12:3). Daċ-ċenturjun ħass illi kien indenju jilqa’ lil Kristu f’daru (Mt.8:8); frattant Ġesù tah post mal-mejda tiegħu f’saltnatu – eżempju sabiħ tal-ewwel beatitudni (Mt.5:3). 

Il-ġnus jidhru flok ulied is-saltna, idjoma Semitika għal Iżrael nazzjonali, il-Lhud. Dit-tema tibqa’ tirrepeti ruħha (Mt.21:33-44, speċjalment v.43; u 22:1-14). Fir-Rumani 9:30-32 hu spjegat illi l-Lhud fettxew il-ġustizzja bl-opri personali u allura ma kisbuhiex, mentri l-Ġentili (li jafu illi ma ħaqqhom xejn ħlief kundanna) ifittxu l-ħniena divina u jirċevuha.


Mt.8:12. Ġesù jgħid li l-infern hu post ta’ dlam (cf., Mt.22:13; 25:30), u fl-istess ħin post fejn hemm in-nar (Mk.9:48; cf., Riv.20:14). Kif jista’ jkun? Dawn huma figuri tad-diskors li jippreżentaw ir-realtà orribbli tal-infern. In-nar jissinifika qirda u turment. Id-dalma tfisser illi n-nies huma mitlufa għal dejjem. L-infern hu post litteru, iżda d-deskrizzjonijiet tiegħu mhux bilfors għandhom jittieħdu litteralment. 

biki u tgħażżiż tas-snien. Deskrizzjoni grafika u terribbli oħra tal-pwieni sofferti fl-infern, fejn il-mitlufa jbatu għall-eternità fir-ruħ u l-ġisem (cf., Mt.13:42,50; 22:13; 24:51; 25:30; Lq.13:28).


Mt.8:13. ħa jkunlek bħalma emmint. Kultant il-fidi tal-marid kienet involuta fil-fejqan mirakoluż mogħti minn Ġesù, kultant il-fidi ta’ ħaddieħor, bħalma hu dan il-każ (cf., Mt.9:2; 15:28). Drabi oħra ma kinitx fattur determinattiv (Lq.22:51). 


Mt.8:14. kunjata. Pietru kien miżżewweġ, u mqar meta qeda l-appostolat tiegħu kellu dritt għal relazzjoni konjugali (1 Kor.9:1-5). Jidher ċar illi l-ministri tal-Kelma jistgħu jkunu miżżewġa. Hekk kien mill-bidu u hekk jibqa’, minkejja użanzi ekkleżjastiċi l-kuntrarju (1 Kor.9:5; 1 Tim.3:2). Iż-żwieġ hu normali għall-mexxejja Kristjani. Fl-istess ħin iċ-ċelibat jibqa’ possibbiltà leċita (Mt.19:12; 1 Kor.7:7-8,32).


Mt.8:15. qamet u servietu. Il-fejqan kien immedjat u komplut. Ir-reazzjoni tal-mara kienet naturalment servizz grat. Meta Kristu jfejjaqna spiritwalment nirrispondu billi naqduh bil-ħerqa. 


Mt.8:16. indemonjati huma nies taħt il-kontroll ta’ spirtu mniġġes. Il-każijiet kollha ta’ nies oppressati mid-demonji li tratta magħhom Kristu kienu hekk gvernati minnhom illi anke ħakmu fuq il-ġisem tal-vittmi tagħhom, tant li tkellmu permezz tagħhom (Mk.5:5-9), u kienu kapaċi jikkawżaw ġenn (Ġw.10:20), vjolenza (Lq.8:29), jew jimmutaw lill-vittma (Mk.9:17-22). 


Mt.8:17. titwettaq il-ħaġa. Mattew jikkwota Isaija 53:4 illi Kristu tgħabba bil-ħtija u s-saħta tad-dnub (cf., Gal.3:13). Kemm il-fejqan fiżiku kif ukoll il-vittorja ultima fuq il-mewt huma garantiti bit-tpattija tas-Salvatur fuq is-salib, imma dawn mhumiex se jkunu realizzati qabel tmiem id-dinja. Mar-ritorn ta’ Kristu l-fidili jingħataw ġisem glorjuż u immortali, perfett u ħieles minn kull mankament jew mard. Il-barka hi tagħhom iżda mhux se tissarraf qabel tmiem il-ġrajja umana fuq l-art (1 Kor.15:26). Kull Kristjan jistenna l-fidwa ta’ ġismu, għax aħna “salvati fit-tama” (Rum.8:23-24). 

Il-mard hu konsegwenza tad-dnub, u parti mis-saħta tiegħu (Isa.53:4-5). Ġesù ġie biex jerfa’ s-saħta fuqu nnifsu u jneħħi l-ħtija tad-dnub – ġarr il-mardijiet tagħna. Fil-ministeru tiegħu wera setgħetu fuq is-sofferenzi fiżiċi. Frattant ma wegħidx li jneħħi kull mard mid-dinja jew minn fost id-dixxipli qabel l-avvent glorjuż tiegħu, meta jagħti lill-fidili iġsma ġodda u inkorruttibbli (Rum.8:20-25; 1 Kor.15:26; Riv.21:4).


Mt.8:19-20. Bin il-Bniedem hu l-isem jew titlu favorit li bih Ġesù rrefera għalih innifsu aktar minn kull ieħor. Intuża 83 fil-Vanġeli, dejjem minn Ġesù nnifsu (Mt.11:19; eċċ.). Barra l-Vanġeli Ġesù jissejjaħ Bin il-Bniedem fl-Atti 7:56, Rivelazzjoni 1:13 u 14:14 biss. 

Hu titlu messjaniku (Dan.7:13-14), b’referenza ovvja għall-umanità u l-umiltà ta’ Kristu. Frattant jalludi wkoll għall-glorja dejjiema tiegħu, kif juri f’Danjel 7:13-14 (cf., Mt.24:27; At.7:56). B’dan it-titlu: 

1. Ġesù ried ifisser illi hu “bniedem” (użu simili bħal f’Eżekjel 2:1).

2. Jagħmel klejmijiet importanti (Mt.20:28; Mk.10:45).

3. Ibassar it-tbatija, il-mewt u l-qawmien tiegħu, imwettqin għal umanità mitlufa u kkundannata (Mt.17:9,22-23; Mk.8:31; Lq.9:44).

4. Jirreferi għal “Bin il-Bniedem” apokalittiku li jidher biex jiġġudika fi tmiem il-ġrajja umana (Mt.24:287-30; 26:64; Mk.13:26; 14:62). Kif ġa għidna, issellef it-titlu minn Danjel 7:13-14, fejn wieħed bħal Bin il-Bniedem jirċievi dominju u qima mondjali. Hekk juri li hu l-Messija mingħajr ma jinqeda direttament bil-kelma “Messija,” għax il-Lhud kellhom idea żbaljata li l-Messija kellu jkun mexxej politiku u militari.

5. Jitkellem dwar ir-rwol tiegħu filli jiġġudika (Mt.13:41).


Mt.8:20. m’għandux fejn imidd rasu. Ġesù jiddomanda impenn radikali. Kull persuna identifikata miegħu hi frustiera u pellegrina fuq l-art (1 Pt.2:11). Ladarba l-fidili jippretendu li jkunu trattati bħalma kien Sidhom (Ġw.15:18; cf., 16:33), jafu li ħajjithom bħalissa impossibbli tkun faċli u komda.


Mt.8:21-22. nidfen lil missieri. Obbligu strett għal-Lhud kien illi jagħtu difna diċenti lil qrabathom, u Ġesù ċertament ma jeħodhiex kontra l-kmandament illi jmissna nweġġħu lill-ġenituri (Mt.15:1-9). Ġesù jiddomanda lealtà ikbar lejh innifsu; m’għandna nippermettu xejn milli jfixkel ir-rabta u l-komunjoni tagħna miegħu. F’dal-każ probabbilment missieru kien għadu ma mietx, u għalhekk ir-raġel kien qed jitlob għal perjodu twil qabel ma jaqbad isegwi lil Ġesù. 

ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom, ċoè, nies spiritwalment bla ħajja jidfnu nies fiżikament mejta. Id-dinja spiritwalment mejta kapaċi tieħu ħsieb affarijiet mondani, u difatti hi preokkupata bihom (Mt.23:27; Ġw.5:24-25), iżda dawk spiritwalment ħajja jfittxu l-ewwel is-saltna (Mt.6:33; Kol.3:1). Kristu ma riedx jagħti l-impressjoni li mhuwiex importanti sservi u toffri kura lill-ġenituri (Mk.7:9-13). L-iddixxiplar għal Ġesù jmissu jkollu prijorità ogħla minn kull rabta mondana oħra (Lq.14:26). 


Mt.8:24. rieqed. Ġesù kien ilu jgħallem il-ġurnata kollha, u indubjament kien eżawrit. L-evanġelisti sikwit jenfasizzaw ukoll l-umanità sħiħa ta’ Ġesù, avolja b’mod indirett (Mk.4:38; Ġw.4:6; 11:35,38).


Mt.8:26. fidi ċkejkna hi fidi ineffettiva, difettuża jew defiċjenti; ma tfissirx nuqqas ta’ fidi (cf., Mt.6:30). Hi sejħa lid-dixxipli biex jirrealizzaw aktar fiċ-ċar min tabilħaqq hu.

Il-provi jikxfu d-dgħufija fil-fidi tad-dixxipli, u fl-istess ħin huma okkażżjoni biex jikbru. 


Mt.8:27. x’tip ta’ bniedem hu dan. It-tweġiba hi mogħtija mid-dixxipli f’xena mirakoluża oħra fuq il-baħar (Mt.14:33). Imbeżżgħin b’riverenza għall-qawwa sopranaturali murija minn Ġesù, qajl qajl id-dixxipli qed jirrealizzaw l-identità vera tiegħu, ċoè li hu Alla nnifsu! 

l-irjieħ u l-baħar jobduh. Aktar evidenza illi Ġesù hu tabilħaqq divin: Alla biss kapaċi jimmansa l-elementi (cf., Sal.29:3-4; 65:5-7; 89:9; 93:4; 104:6-7; 107:23-30). Ġesù għandu kontroll sovran fuq id-dinja (cf., 2 Sam.22:16; Sal.18:15).


Mt.8:28-34 (cf., Mk.5:1-20; Lq.8:26-39). Attwalment kien hemm żewġ indemonjati li ġew għand Ġesù. Marku u Luqa jsemmu wieħed biss għax kien aktar prominenti għal xi raġuni. Imma billi jsemmu wieħed ma jinnegax il-fatt illi kien hemm tnejn. Fejn hemm tnejn, dejjem hemm wieħed! Kieku qalu kien hemm wieħed biss, allura tiġi kontradizzjoni ma’ Mattew, iżda dan mhuwiex il-każ. 


Mt.8:29. qabel iż-żmien. Id-demonji semmgħu l-ilment illi ma kienx għadu wasal iż-żmien għall-kastig tagħhom, ċoè li jkunu fl-infern. Imqar huma jemmnu fil-ġudizzju finali. 

Ġesù diġà invada l-qawwiet tad-dlam u qed ikissirhom (Mt.12:28). Saħansitra d-demonji għarfu d-divinità tiegħu, jafu illi hemm żmien maħtur għall-ġudizzju tagħhom, u Kristu se jkun l-Imħallef tagħhom. Inċidentalment, id-demonji jafu bosta veritajiet, iżda ma jħobbux il-verità (cf., Ġak.2:19). 


Mt.8:30. Il-ħnieżer kienu annimali mhux safja għal-Lhud, allura r-rgħajja tagħhom kienu Ġentili jew inkella Lhud ma jimportahomx dwar il-liġi.

Skond l-għan sovran tiegħu, ippermettielhom jidħlu fil-ħnieżer u jeqirduhom (Mk.5:11); m’għandna ebda spjegazzjoni oħra (cf., Dt.29:29; Rum.9:20). Hekk Ġesù ta lill-meħlus lezzjoni grafika, viżibbli u qawwija dwar l-immensità ta’ ħażen li lliberah minnu. 


Mt.8:31. Xi żmien wara li nħolqu, xi anġli rribellaw kontra Alla u saru magħrufa bħala demonji (Ġuda 6; 2 Pt.2:4). Ġesù skonġra n-nies mill-ħakma u l-influwenza tagħhom bħala sinjal li ġab is-saltna t’Alla fuq l-art (Lq.11:17-20). Bħalissa jġarrbu u jħajru lill-bnedmin għad-dnub, iżda l-Iskrittura tafferma li għad ikunu megħluba u kkastigati eternament fl-infern. Jissejħu spirti mniġġsa (Mt.10:1); jikkawżaw taħwid fost il-bnedmin, u kultant saħansitra jipposseduhom. Jinsabu f’lega ma’ Satana, il-prinċep jew ħakkiem tagħhom (Mt.9:34; 12:24-28).


Mt.8:34. raħħmulu biex iwarrab. Forsi in-nies tal-lokal kienu kkonċernati dwar it-tħarbit tar-rutina normali u t-telf ta’ proprjetà, u riedu lil Ġesù jwarrab biex ma jsofrux ħsara aktar. Aktar probabbli r-realtà tal-qagħda morali ħażina tagħhom beżżgħethom meta ġew wiċċ imb wiċċ mal-qawwa spiritwali ta’ Ġesù. Il-komunità wriet illi kienet tħaddan valuri perversi; preferew il-ħnieżer mill-ħelsien ta’ żewġt irġiel, kuntrarju għal kif ħasibha Ġesù (Mt.10:31; 12:12). Jerġa’, ħafna nies aktar iħossuhom komdi mad-demonji milli mal-fidili.


Mt.9:2. ra l-fidi tagħhom. L-isforz aggressiv u persistenti tal-ħbieb tal-paralitiku kien evidenza viżibbli tal-fidi inviżibbli tagħhom illi Ġesù kapaċi jfejjaq. Il-fidi dejjem tidher mill-opri li jirriżultaw.


Mt.9:2. maħfurin, ċoè mibgħutin lil hemm jew imkeċċija (cf., Sal.103:12; Ġer.31:34; Mik.7:19). Hekk Ġesù warrab id-dnub tal-mifluġ u ħelsu mill-ħtija. Bħal dejjem Ġesù jara lil hinn mill-bżonn apparenti jew immedjat u jittratta l-ifnad ħtieġa tagħna. Il-maħfra taslilna permezz tal-fidi fih (At.10:43). 

Il-maħfra hi l-prerogattiva t’Alla, għax hu Alla li hu offiż bid-dnub, u d-dnub mhu xejn ħlief il-ksur tal-liġi awtorevoli tiegħu (1 Ġw.3:4). Filli Ġesù, bl-inizjattiva u l-awtorità tiegħu nnifsu kkanċella d-dejn tad-dnub wera li għandu jedd divin (Es.34:7; Sal.103:12; Isa.1:18; 43:25). Billi l-iskribu ma stqarrewhx bħala l-Messija divin, ikkonkludew illi qed jidgħi, ċoè jkasbar lil Alla billi jieħu għalih innifsu l-jedd li Alla waħdu kapaċi jeżerċita (cf., Mk.2:7; Lq.5:21).

Filli ddikjara hekk, Ġesù jimplika li f’dan il-każ id-dnub u l-mard huma relatati; id-dnub hu l-problema bażika u fondamentali, li minnha jitnisslu l-problemi l-oħra. Għalkemm id-dnub individwali mhuwiex dejjem il-kaġun dirett għall-marda tal-individwu (Ġw.9:2-3), fl-aħħar mill-aħħar kull taħsir, dgħufija u mewt jirriżultaw mid-daħla tad-dnub fid-dinja (Ġen.2:17; 3:16-19).


Mt.9:3. Dan qed jidgħi. Irrifjutaw jirrikonoxxu illi l-qawwa ta’ Ġesù ġejja mingħand Alla, u wisq inqas ammettew illi hu Alla nnifsu. 


Mt.9:4. billi kien jaf ħsibijiethom (cf., Mt.12:25; Ġw.2:24). Kristu għaraf x’inhu għaddej minn moħħhom, u hekk wera illi għandu dehen u dixxerniment sopranaturali bħala Mħallef (1 Slat.8:39; Ġer.17:10; Riv.2:23). 

Għalkemm Ġesù umilja lilu nnifsu (Fil.2:4-8), xorta waħda baqa’ kompletament u f’kull sens tal-kelma Alla, għax Alla ma jinbidilx fin-natura tiegħu, u allura hu omnixjenti, għalkemm kultant jingħad illi Ġesù, skont in-natura umana tiegħu, ma kienx jaf ċerti affarijiet (Mk.13:32), kif ukoll tgħallem (Lq.2:52). 


Mt.9:5. x’inhu eħfef? Iżjed faċli tgħid, Dnubietek huma maħfurin milli tgħid, ‘Qum u imxi.’ Ebda bniedem ma jista’ jagħti prova illi l-maħfra seħħet ladarba hi inviżibbli. Iżda tikkmanda lill-paralitiku biex jimxi hi wisq iżjed diffiċli biex tgħid b’konvinzjoni, għax l-azzjonijiet tal-paralitiku immedjatament jivverifikaw l-effett tal-kmand. Ġesù joffrilhom il-possibbiltà biex jerġgħu jikkonsidraw il-ġudizzju tagħhom fid-dawl ta’ setgħetu biex ifejjaq (cf., Ġw.5:36; 10:25,38), li ultimament hi qawwa divina (cf., Sal.41:1; Ġer.3:22; Ħos.14:4). 


Mt.9:9. Segwini...segwieh. Kelmet Kristu hi potenti biex issalva. Hi effettiva bl-Ispirtu biex tittrasforma midinbin f’qaddisin, minkejja l-vizzji u xewqat karnali tagħhom. 


Mt.9:10. rreklinaw mal-mejda flimkien ma’ Ġesù. Kuntatt ma’ midinbin jagħmel lil Ġesù midneb, ladarba r-regolazzjonijiet rabbiniċi speċifikament ipprojbixxew it-tali xirka mal-mejda. Mill-banda l-oħra, il-midinbin setgħu jaraw fil-ġest tiegħu ħbiberija u aċċettazzjoni. Ġesù jżomm lilu nnifsu safi u fl-istess ħin imantni komunjoni ta’ ħniena. 


Mt.9:11-12. jiekol mad-dazjarji u l-midinbin. Ġesù jagħti lis-segwaċi tiegħu regola biex tiggwidahom fil-kuntatti tagħhom mal-infidili. M’għandux ikun għall-pjaċir jew ħbiberija intima, iżda sabiex nagħmlulhom il-ġid u nuruhom it-triq tas-salvazzjoni (Sal.1:1). 


Mt.9:12. Il-Fariżej qiesu lilhom infushom bħala b’saħħithom spiritwalment għax dehrilhom li qed josservaw il-liġi, u allura m’għandhomx bżonn ta’ tabib. Fir-realtà kienu għomja għall-marda f’ruħhom. Biss in-nies li jirrealizzaw il-falliment spiritwali tagħhom jirrikorru għandu għall-fejqan u l-għajnuna, speċjalment is-salvazzjoni eterna tagħhom.

Ġesù tħallat u għamilha mal-midinbin bħalma tabib jagħmilha mal-pazjenti: mhux għax japprova l-mard tagħhom, iżda biex jeħlishom minnu (Mt.4:17). 


Mt.9:13. morru u tgħallem xi jfisser hi frażi wżata bħala ċanfira għal dawk li ma kinux jafu ħaġa meta suppost jafuha. Jikkwota lil Ħosea 6:6 (cf., 1 Sam.15:22 u Mik.6:6-8) fejn il-prijorità assoluta tal-liġi morali hi enfasizzata; hi wisq aktar importanti mill-preċetti ċerimonjali li kellhom jitwarrbu (cf., Mt.12:7). 

Il-Fariżej kellhom ħabta jiffokaw fuq l-aspetti esterni, ritwali u ċerimonjali tal-liġi filwaqt li traskuraw il-kmandamenti morali u allura eternament validi, li sikwit għandhom x’jaqsmu mal-qagħda tal-qalb. B’dan l-atteġġjament kienu sikwit ħorox, ħsiebhom biex jiġġudikaw, jitmaħsru b’ħaddieħor, u bla ħniena. 


Mt.9:13. ġusti...midinbin. B’daqshekk Ġesù mhuwiex jimplika li xi bnedmin huma ġusti fihom infushom. Bħall-Patt il-Qadim (Sal.14:1-3), Ġesù jgħallem li lkoll aħna midinbin (Mk.71-8). Ir-relazzjoni sewwa m’Alla hi l-ewwel u qabel kollox għotja mingħandu lill-midinbin niedma (Sal.51:1-18; Lq.19:8; Rum.3:22).

L-offerta ta’ salvazzjoni b’xejn, skont il-grazzja t’Alla, lin-nies ħżiena kienet theddida serja għall-mentalità tal-Fariżej, għax assumew illi jistgħu jaqilgħuha bil-mertu tagħhom. Frattant id-dikjarazzjoni ta’ Ġesù – ma ġejtx insejjaħ lill-ġusti, iżda ’ll-midinbin – tifforma l-qalba tal-vanġelu li ġie jniedi. Ġesù ma ntbagħatx fostna biex jgħin lil dawk li jidhrilhom li huma diġà tajbin. Attwalment dawn ma jirrealizzawx kemm tabilħaqq għandhom bżonnu. Ġesù hu tabib effettiv għal dawk spiritwalment morda, li jammettu kemm jeħtieġu l-grazzja u allura jirrikorru għandu. 


Mt.9:14. insumu (ara n-notament f’Mt.6:16) Espressjoni maġġura tal-Ġudaiżmu fi żmien Ġesù kienet is-sawm darbtejn fil-ġimgħa (cf., Lq.18:9-14). Frattant il-Patt il-Qadim preskriva sawma waħda fis-sena, f’Jum it-Tpattija (Lev.16:29,31).


Mt.9:15. l-għarus, fil-Patt il-Qadim, hu Jaħwè (cf., Isa.62:5; Ħos.2:19-20). Il-wasla tas-saltna kkawżat żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, simili għaċ-ċerimonja tat-tieġ (cf., Mt.25:10), iżda hu proviżjonalment, għax Ġesù għad isofri u jmut, u jittieħed minn fostna (ara At.13:2; 14:23).

mbagħad isumu. Ġesù jistenna li d-dixxipli tiegħu jsumu wara li ma jibqax fiżikament preżenti magħhom. Dan iż-żmien, mill-axxensjoni ta’ Kristu sar-ritorn tiegħu, hu meta l-għarus hu meħud minn fostna. Il-knisja tistenna u titlob għall-avvent tiegħu (Mt.25:6; Ġw.14:3). Għalhekk is-sawm matul daż-żmien hu: 

1. Sinjal tax-xenqa tal-fidili għar-ritorn ta’ Sidhom. 

2. Mod kif inkabbru l-intimità tagħna ma’ Kristu. 

3. Espressjoni li biha jqiegħdu l-interessi ta’ saltnatu ogħla minn tagħhom. 

4. Tħejjija tal-qalb għal tmiem iż-żmien u l-avvent tiegħu. 

5. Espressjoni ta’ niket għall-assenza tal-Għarus. 

6. Sinjal ta’ diqa minħabba d-dnub kull fejn jinstab. 

7. Żmien ta’ interċessjoni għall-mitlufa, u talb għat-tisħiħ tal-fidili. 


Mt.9:16-17. roqgħa drapp mhix imqardxa fuq libsa qadima. Drapp ġdid ma joqgħodx ma’ materjal qadim. B’din it-tixbiha Ġesù jfisser illi l-verità ta’ patt ġdid li ġab hu ma jmurx mal-forom ċerimonjali tipiċi għal-liġi Mosajka. Wisq inqas ma ġie Ġesù biex iraqqa’ r-reliġjon magħmula mill-bniedem, iżda biex jagħmel ħwejjeġ ġodda. It-tnejn huma inkompatibbli. 

lanqas ma jqiegħdu nbid ġdid fi ġlud qodma. B’din l-illustrazzjoni addizzjonali Ġesù jgħallem illi l-forom ta’ ritwal qadim, bħalma kien is-sawm ċerimonjali tal-Fariżej, ma jixirqux għall-inbid ġdid tal-era li matulha l-patt il-ġdid hu operattiv (cf., Kol.2:17). Ir-reliġjon qadima issa ma kellhiex sehem mal-vanġelu; ma tiffittjax tajjeb miegħu.


Mt.9:18. Meta talbu, poġġi idek fuqha, u tgħix, Ġajru esprima fidi profonda f’Ġesù, imqar f’wiċċ il-mewt. Bħal-lebbruż (Mt.8:2) il-ħakkiem emmen illi Ġesù kapaċi jqajjem lil bintu mejta, miraklu rimarkevoli (2 Slat.4:32-37). 


Mt.9:21. “Jekk biss immiss il-mantar tiegħu, se jgħaddili.” Il-morda sikwit imissu lil Ġesù (Mk.3:10; 5:27-34; 6:56), jew Ġesù jmiss lilhom (Mk.1:41-42; 7:33-35; Mt.8:3,15; 9:29-30; 20:34; Lq.5:13; 7:14-15; 22:51). L-importanti li jkun hemm il-kuntatt u l-preżenza tal-Fejjieq suprem. Bil-mess tiegħu Ġesù jgħaddilna l-fejqan u s-sħuħija tiegħu għax jissimpatizza ma’ dgħufijietna; hu jibqa’ sors ta’ grazzja u ħajja (Ebr.4:16). Meta nfittxu l-fejqan mingħandu, fiżiku jew spiritwali, għandu jkun dejjem bl-iskop li noqorbu lejh u ngħammru fil-preżenza qaddisa tiegħu. 


Mt.9:22. il-fidi tiegħek fejqitek. Il-mirakli ta’ Ġesù huma sikwit b’rispons għall-fidi, mhux għax il-fidi tikkawżahom, iżda għax mingħajr fidi fis-Sultan innifsu ma jservux bħala sinjali tas-saltna imma biss avvenimenti bla sinifikat. Il-barkiet tas-saltna jitgawdew min-nies li jħarsu lejn Ġesù bħala s-soluzzjoni għall-problemi tagħhom (fondamentalment il-problema tad-dnub), mhux għax il-fidi għandha xi potenza fiha nfisha. 

fejqitek hi litteralment ‘salvatek,’ il-kelma normali għal ħelsien minn miżerja fiżika (Mt.8:25), jew falliment spiritwali (Mt.1:21). Is-salvazzjoni ma tirriżultax minn oġġetti fiżiċi assoċjati ma’ Ġesù, iżda billi wieħed jafda fih. 


Mt.9:24. ma mititx, iżda tinsab rieqda. Fi kliem aktar sempliċi, Ġesù qal illi se jqajjimha mill-mewt (cf., Ġw.11:11-14).


Mt.9:25. qabdilha idha. Skont il-liġi Mosajka, min imiss katavru kien ikun mhux safi għal sebat ijiem (Num.19:11-12), imma Ġesù ta l-ħajja lit-tifla u hekk trasforma t-tniġġis f’purità.


Mt.9:27. Bin David (ara n-notament f’Mk.12:35-27; ara wkoll Mt.1:1; 12:23; 15:22; 20:30-31; 21:9,15; 22:42). Iż-żewġ għomja esprimew il-fidi tagħhom f’Ġesù billi sejħulu b’dan it-titlu messjaniku. Il-ħellies mil-linja ta’ David kellu jingħata saltna eterna (2 Sam.7:12-16). Iż-żmien messjaniku kellu jġib fejqan lill-għomja (Isa.29:18; 35:5). Forsi ż-żewġ għomja nfushom ma kinux jafu dan kollu, iżda almenu għarfuh bħala l-uniku wieħed li seta’ jgħinhom, u aħna l-qarrejja napprezzaw ir-rikkezza fl-għajta tagħhom.


Mt.9:34. Bil-ħakkiem tad-demonji, ċoè bix-xitan (Mt.12:22-30). Il-Fariżej raw biżżejjed mill-qawwa ta’ Ġesù biex jagħrfu illi kienet qawwa divina. Fl-inkredulità stinata tagħhom ġabuha illi kien qed jopera bis-setgħa ta’ Satana, l-oppost eżatt tal-verità (cf., Mt.25:41; Mk.3:22; Lq.11:15).


Mt.9:35-39 jgħallem...jikkura. Il-pass kollu hu sommarju tal-attività ta’ Ġesù deskritta f’kapitli 5 sa 9 (tagħlim, pritkar, fejqan), bħalma l-awtur għamel aktar kmieni (Mt.4:23). Jintroduċi wkoll id-diskors f’kapitlu 10. L-isfond hu Eżekjel 34:5-6. Ġesù hu l-vera Ragħaj interessat fil-merħla (Ġw.10); hu identifikat mal-Mulej Alla (Eż.34:11-16). 


Mt.9:36. tħassarhom. Il-kumpassjoni ta’ Ġesù hi enfasizzata (Mt.14:14; 15:32). Alla jitħassarna (Dt.30:3; 1 Sam.23:21; Sal.103:13; Isa.49:15; 54:8; Lam.4:10). Bħal Sidna aħna mħeġġa biex nuru mogħdrija ma’ nies fil-bżonn (Kol.3:12; Ebr.10:34; Ġak.5:11).

bħal nagħaġ li m’għandhomx ragħaj hi xbieha meħuda mill-Patt il-Qadim għan-nuqqas ta’ sultan tajjeb biex jiggverna u jmexxi lill-poplu (1 Slat.22:17; Eż.34:5; Żak.10:2). Bħala ragħaj tajjeb Ġesù jsalva u jiġbor lin-nagħaġ tiegħu (Ġw.10:1-16,26-29). 


Mt.10:1. tnax. Probabbilment l-appostli jirriflettu t-tnax-il tribù ta’ Iżrael; huma simboliċi tal-kontinwità tal-pjan tas-salvazzjoni t’Alla, u fl-istess ħin Ġesù qed iwaqqaf kostituzzjoni oħra, Iżrael imġedded.

tahom awtorità biex juri illi hu u saltnatu huma sovrana fuq id-demanji fiżiċi u spiritwali, fuq l-effetti tad-dnub, u l-forzi tax-xitan. Żejjinhom bit-tali abbiltà hekk illi qatt ma kienet dehret qabel fl-istorja ridentiva, sabiex jannunzjaw il-wasla tal-Messija u jawtentikahom bħala l-ambaxxaturi tiegħu li jniedu l-messaġġ ta’ salvazzjoni dwaru. 


Mt.10:2. appostlu (bil-Grieg, apostolos: messaġġier; lit., wieħed mibgħut) hu rappreżentant mibgħut u allura għandu l-awtorità ta’ min bagħtu. Fis-sens wiesa’ tagħha tintuża għal kwalunkwe messaġġier (2 Kor.8:23; Fil.2:25) u għal wieħed mibgħut (Ġw.13:16). 

Insibuha wkoll f’sens ogħla u aktar enfatiku, billi timplika kummissjoni divina fil-persuna mibgħuta, l-ewwel għas-Sid Ġesù nnifsu (Ebr.3:1) u mbagħad għat-tnax-il dixxiplu magħżula minnu biex ikunu miegħu matul il-ministeru pubbliku tiegħu, ħalli mbagħad jissoktaw b’ħidmietu fl-ippritkar u t-tagħlim (cf., Ġw.17:18), bis-setgħa li jaħdmu l-mirakli bħala awtentikazzjoni tal-ħatra speċjali tagħhom, bħala persuni li saħansitra raw lil Ġesù rxoxtat mill-mewt. 

Mill-erba’ lista ta’ appostli (Mt.10:2-4; Mk.3:16-19; Lq.6:14-16; At.1:13) jidher li Lebbew, Taddew u Ġuda huma l-istess persuna; u li Xmun il-Kanagħni u Xmun iż-Żelota huma l-istess; Xmun hu msejjaħ ukoll Pietru; u Mattew hu magħruf b’isem ieħor, Levi. 

Pietru dejjem jissemma l-ewwel, għax sikwit bħala l-portavuċi għall-bqija; hu, ma’ Ġakbu u Ġwanni, kienu mas-Sid Ġesù fuq il-Muntanja tat-Trasfigurazzjoni, kif ukoll akkumpanjawh f’okkażżjonijiet oħra, għalkemm ebda appostlu wieħed ma kellu awtorità fuq l-oħrajn jew ogħla minnhom. Kienu lkoll aħwa u s-Sid Ġesù l-Imgħallem tagħhom (Mt.23:7-8). Ġuda Iskarjota hu dejjem imsemmi l-aħħar. Is-Sid ħarriġhom billi tgħallmu mingħandu u anke bagħathom jippritkaw u jfejqu (Mt.10:5-15). 

Irċevew missjoni ġdida mingħand is-Sid bħala rxoxtat (Lq.24:45-48; Ġw.20:21-23). U qabel ma tela’ s-sema kienu ordnati jistennew f’Ġerusalemm sakemm tingħatalhom qawwa mis-sema (Lq.24:49). Esperjenzawha meta niżel l-Ispirtu s-Santu fuqhom u fuq sħabhom f’Pentekoste. Huma meqjusa l-ewwel fost id-doni li bihom il-knisja hi fornuta mir-Ras meta tela’ fl-għoli (Ef.4:8-11). Dawn id-doni ngħataw biex il-qaddisin ikunu pperfezzjonati. 

Mal-konverżjoni tiegħu, Sawl ta’ Tarsu kien appuntat bħala l-appostlu għall-Ġentili, u lilu partikolarment kien żvelat il-misterju illi l-Ġentili huma sħab fil-wirt mal-Lhud (Ef.3:6). L-appostolat ta’ Pawlu jokkupa post pekuljari, peress li ssejjaħ mis-Sid smewwieti, u kien inkarigat bil-vanġelu tal-grazzja u l-glorja tiegħu. 

Wara s-suwiċidju tal-Iskarjota, Mattija ntgħażel minfloku, għax kellu jkun hemm tnax-il appostlu bħala xhieda tar-resurrezzjoni ta’ Ġesù (At.1:22; Riv.21:14), bħalma għad hemm tnax-il tribù ta’ Iżrael ġdid, il-knisja (Ġak.1:1; Riv.21:12). Ma jistax ikun hemm suċċessuri għall-appostli, peress li biex tkun appostlu trid tkun rajt lil Ġesù rxoxtat u tkun appuntat personalment minnu (At.1:21-22; 1 Kor.9:1; Riv.2:2). Servew bħala l-pedament tal-knisja, u llum il-knisja tkun tabilħaqq appostolika jekk u sakemm tgħallem l-istess tagħlim mgħallem minnhom (Ef.2:19-22; Riv.2:2). 


Mt.10:4. Żelota. Iż-Żeloti huma litteralment il-Kangħanin (ie., mill-art magħrufa bħala l-Kangħan). Kienu setta nazzjonalistika u rivoluzzjonarja Lhudija (Mk.3:18). L-entużjażmu reliġjuż tagħhom wassalhom biex jadottaw it-tattika ta’ ribelljoni armata kontra Ruma.


Mt.10:4. Ġuda Iskarjota, li wkoll ittradieh. Ġesù għażlu, konxju x’kellu jagħmillu (Ġw.6:64,70-71). Bih Ġesù qatta’ l-ministeru tiegħu kollu fid-dell tas-salib. 


Mt.10:5-11:1. Ġesù bagħat. Is-Sid jgħallem dwar il-missjoni Kristjana. Mattew jiġbor tagħlim preżentat f’okkażżjonijiet oħra u jikkomponi diskors maġġuri ieħor fil-Vanġelu, wieħed minn ħamsa. Eventwalment se tkun missjoni dinjija (Mt.10:17-22; 28:18-20) għalkemm għalissa huma mibgħuta għand Iżrael (Mt.10:5).


Mt.10:5. Ġesù diġà rrisponda għall-fidi fil-Ġentili (Mt.8:10), iżda għalissa l-iffokar hu fuq il-Lhud (Mt.15:24), u l-istess jipproponi lill-evanġelisti tiegħu: Tmorrux fi triq il-Ġentili. Il-Lhud kienu l-werrieta naturali tas-saltna, u bix-xieraq kellhom ikunu l-ewwel nies li jirċievu l-aħbar dwar saltnet is-smewwiet. Il-pjan kien, l-ewwel il-Lhud, imbagħad il-Ġentili (cf., At.1:8; Rum.1:16; 2:9-10). Uffiċjalment Ġesù ġie għal-Lhud, attwalment għall-Ġentili wkoll (Rum.15:7-9); inizjalment għal-Lhud, sussegwentement għall-pagani wkoll (Mt.28:18-20). Primarjament għal-Lhud, sekondarjament għall-ġnus (cf., Rum.1:16). 


Mt.10:5. Is-Samarija hi isem ta’ reġjun (Lq.17:11; Ġw.4:4; Atti 1:8; 8:1-14; 9:31; 15:3) kif ukoll belt, mibnija mis-Sultan Omri, u kisbet prominenza billi saret il-belt kapitali tas-saltna tal-għaxar tribujiet. Benħadad is-Sirjan assedjaha iżda ma rebaħhiex (1 Slat.20:1-34); reġa’ prova fi żmien Ġeħoram u reġa’ għarrielu minħabba intervent divin (2 Slat.6:24-33; 7:1-20). Sargon għelibha u n-nies ittieħdu fl-eżilju (2 Slat.18:9-12) minħabba dnubhom. Erodi l-Kbir reġa’ bnieha. 

Is-Samaritani klejmjaw illi huma l-Iżraeliti l-veri, f’rivalità mal-Lhud (cf., Ġw.4:9-42; Atti 8:5-17). Bnew tempju f’Gerażim, li sar refuġju għal-Lhud apostati. Dan naturalment żied l-animożità qalila bejn il-Lhud u s-Samaritani. Kien l-agħar insult għal wieħed Lhudi jekk jgħajruh Samaritan, bħalma għamlu lil Sidna Ġesù (Ġw.8:48). Raħal Samaritan ma laqax lil Ġesù għax kellu wiċċu mdawwar lejn Ġerusalemm (Lq.9:52-53), sinjal ieħor ta’ pika bejniethom.


Mt.10:7. Il-messaġġ appostoliku dwar is-saltna hu f’ħolqa waħda mat-tnedija ta’ Ġwanni l-Battista u Ġesù, u jibqa’ l-messaġġ li l-fidili jipproklamaw fid-dinja kollha llum (Mt.24:14). 


Mt.10:7-8. L-istess sinjali tas-saltna mwettqa minn Ġesù f’kapitlu 8 u 9 huma magħmula mill-appostli tiegħu: ipproklamaw...ikkuraw...qajmu l-mejtin. Il-messaġġ ukoll hu l-istess, voldiri s-saltna (Mt.3:2; 10:1). Il-knisja jmissha taqdi spiritwalment billi xxandar il-fidwa bi Kristu u tgħallem il-verità t’Alla, mingħajr ma tittraskura l-ħtiġijiet fiżiċi u materjali tal-proxxmu.


Mt.10:8. Irċivejtu gratwitment, agħtu gratwitment. Id-dixxipli rċevew is-saltna b’xejn. Il-barkiet tas-saltna jsiru tagħna bil-grazzja, permezz tal-fidi. Fl-istess spirtu kellhom iniduha lil ħaddieħor biex ma joskurawx in-natura ħielsa tal-vanġelu bħala għotja gratwita. Alla jieħu ħsieb lil tiegħu u ma jħallihomx nieqsa (Mt10:9-10). Dan hu mudell għall-ħajja Kristjana inġenerali. Hi għarukaża u dagħwa jekk xi darba naħsbu illi nistgħu nbigħu s-salvazzjoni bi profitt, bħalma sar u għadu jsir fil-Kattoliċeżmu. Dan ma jfissirx li l-għalliema donati mill-Ispirtu m’għandhomx ikunu ssapportjati mill-knisja (Mt.10:10; 1 Kor.9:14; 1 Tim.5:17). 


Mt.10:9-10. deheb...fidda. Id-dixxipli m’għandhomx jakkumulaw rikkezzi għalihom infushom (At.3:6; 20:33). 


Mt.10:11. denju, ċoè wieħed li jirrispondi pożittivament għall-messaġġ.


Mt.10:14-15. farfru t-trab minn saqajkom, bħala sinjal ta’ ġudizzju. Min ma jilqax il-messaġġiera tal-vanġelu jfisser mhux qed jilqa’ lis-Salvatur. Hu suġġett għall-ħaqq, bħalma ġralhom Sodoma u Gomorra (cf., At.13:51).

Huwa wkoll att simboliku illi jissinifika r-rinunzja kompluta ta’ xirka ma’ dawk li warrbuhom. B’din il-mossa d-dixxipli juri lin-nies illi ladarba rroftaw lil Ġesù u l-evanġelju tiegħu, huma nfuskom kienu mwarrba mis-Sid u minnhom bħala qaddejja tiegħu. 


Mt.10:15. iżjed sapportabbli. Il-ħażen ta’ Sodoma kien proverbjali, iżda meta wieħed jirrofta l-predikaturi tas-saltna hu agħar. Aktar ma wieħed jifhem ir-rivelazzjoni speċjali t’Alla, aktar isir responsabbli għad-dawl li jingħatalu. 

f’jum il-ġudizzju. Iċ-ċertezza tal-ġudizzju finali hi l-isfond li fuqu hu mqiegħed il-messaġġ ta’ grazzja li ssalva. Ġesù Kristu jsalva lil dawk li jafdaw fih “mill-għadab li ġej” (1 Tes.1:10) “f’jum il-għadab u rivelazzjoni tal-ġudizzju rett t’Alla” (Rum.2:6; cf., Ġw.3:36; Rum.5:9; Ef.5:6; Kol.3:6; Riv.6:17; 19:15). 

Il-Ħallieq qaddis hu l-Imħallef tal-midinbin, u bħala Mħallef la jongħos u lanqas jiżbalja. Il-Patt il-Ġdid iniedi l-ħaqq li għad ikun hemm għall-umanità kollha, meta Ġesù Kristu jtemm il-ħidma tas-saltna medjatorjali tiegħu billi jagħmilha ta’ Mħallef skont ir-rieda ta’ Missieru (Mt.13:40-43; 25:41-46; At.10:42; 2 Kor.5:10; Ebr.9:27; 10:25-31; 12:23; Riv.20:11-15). Meta Kristu jerġa’ jiġi u l-ġrajja umana kif nafuha bħalissa tintemm, in-nies ta’ kull żmien jitqajmu għall-ġudizzju u jieħdu posthom quddiem it-tron tiegħu. L-avveniment ma nistgħux nimmaġinawh, iżda l-istħajjil tagħna mhuwiex il-kejl ta’ x’kapaċi jew x’għad jagħmel Alla.

Fil-ġudizzju kull persuna tagħti kont individwali tagħha lil Alla, u Alla permezz ta’ Ibnu Kristu “jrodd lil kull wieħed skont l-għemejjel tiegħu” (Rum.2:6; cf., Mt.16:27; Riv.22:12). Dawk imwielda mill-ġdid, li bħala l-qaddejja ta’ Kristu jkunu tgħallmu jħobbu l-ġustizzja u jixtiequ l-glorja tas-sema, ikunu rikonoxxuti, u fuq il-mertu tal-Feddej tagħhom ikunu premjati bil-ġustizzja li jfittxu. 

Il-bqija, jiġifieri l-mitlufa, ikollhom destin jaqbel mal-ħajja ħażina li jkunu għażlu, f’post assenjat lilhom skont id-diżubbidjenza tagħhom (Rum.2:6-11). Il-qilla tal-kundanna tagħhom tkun determinata mid-dawl tar-rieda t’Alla li jkunu rċevew matul għomorhom (Mt.11:20-24; Lq.11:42-48; Rum.2:12). 

Il-ġudizzju jkun turija tal-ġustizzja perfetta t’Alla. F’dinja ta’ midinbin, fejn Alla “ppermetta lill-ġnus kollha jimxu fi triqathom,” il-ħażen jiggoffa, u jinqanqlu dubji dwar kif Alla, jekk hu sovran, jista’ jkun ġust, jew, jekk inhu ġust, jista’ jkun sovran. Imma Alla għad ikun glorifikat fl-għoti ta’ ġudizzju rett, u l-ħaqq finali għad jagħti risposta għal kull suspett li l-Mulej m’għadux jimportah mis-sewwa (Sal.50:16-21; Riv.6:10; 16:5-7; 19:1-5).

Għal dawk li jipprofessaw li huma ta’ Kristu, rendikont ta’ kliemhom u għemilhom juri jekk il-professjoni tagħhom hix il-frott ta’ qalb onesta u tajba (Mt.12:33-35), jew ipokrisija qarrieqa (Mt.7:21-23). Kollox għad ikun mikxuf f’jum il-ġudizzju (1 Kor.4:5), u kull bniedem jirċievi mingħand il-Mulej dak li hu tiegħu bil-fer. Dawk li l-fidi tagħhom ma tkunx intweriet f’ħajja ġdida, immarkata b’mibegħda lejn id-dnub u mħabba għall-ġustizzja, ikunu mitlufa (Mt.18:23-35; Ġak.2:14-26). Madankollu Alla annunzja jum il-ħaqq minn qabel, filwaqt li jikkmanda lil kulħadd biex jindem (idur lejn Kristu mid-dnub) u jħobb il-ħajja aktarx milli l-mewt (Dt.30:19; Lq.13:24). 


Mt.10:16. l-ilpup huma dawk li jopponu saltnet is-smewwiet, speċjalment l-għalliema foloz li jippersegwitaw il-veri u jfittxu biex jeqirdu l-knisja (cf., Mt.7:15; Lq.10:3; At.20:29). 

astużi bħas-serpenti: tixbiha sorprendenti, għax is-sriep huma assoċjati mal-ħażen (Mt.3:7; 12:24; 23:33). Timplika għassa u viġilanza stretta kontra l-iskremi vjolenti ta’ Satana (Mt.10:17,23; Ġen.3:1; Ef.6:11). 

innoċenti bħall-ħamiem. Is-segwaċi u rappreżentanti ta’ Ġesù l-ġwejjed m’għandhomx jirritilajaw bil-forza kontra min jaħbat għalihom (Mt.5:44; Rum.12:17-18). 


Mt.10:17. oqogħdu attenti min-nies hi twissija f’lokha. Id-dixxipli jmisshom ikunu għaqlin, prudenti u ġentili huma u jittrattaw mal-mitlufa sabiex ma jsofrux bla bżonn.


Mt.10:17-20. l-Ispirtu...jitkellem bikom. Ġesù ma bagħatx lill-predikaturi fidili tiegħu bla riżorsi: tahom l-Ispirtu sabiex bihom u permezz tagħhom il-Kelma tasal effettivament. L-Ispirtu s-Santu jsostnihom ukoll fil-persekuzzjoni u jipprovdilhom difiża (At.4:8).


Mt.10:21. U l-ħu għad jittradixxi ’l ħuh għall-mewt. Stampa realistika: il-messaġġ tas-saltna, radikalment differenti mill-filosofiji tad-dinja, jiddividi mqar l-eqreb persuni. 


Mt.10:22. mibgħudin. Minħabba l-lealtà tad-dixxipli lejn l-Imgħallem tagħhom, din l-avversità tibqa’ realtà preżenti sal-lum (Mt.5:10-12; 1 Ġw.3:13). Minn kulħadd, jiġifieri kull tip ta’ nies.

dan ikun salvat. Id-dixxiplu veru jibqa’ mqabbad ma’ Sidu sat-tmiem; jippersevera minkejja l-ostakli u hekk juri li ġenwinament hu msejjaħ għas-saltna eterna (Mt.19:29; Ġw.10:28). 


Mt.10:22. min jissaporti sat-tmiem, dan ikun salvat. Sikwit l-Iskrittura teżortana biex ma nintelqux u naqdu dmirna bl-ikbar responsabbiltà. Fl-aħħar mill-aħħar, hu l-Mulej li jżommna fidili lejh. Iwiegħed li jħarisna u jippriżerva lil niesu fil-fidi, hekk illi ebda Kristjan ġenwin ma jintilef eternament. Jista’ jitfixkel, iżda hu sikur, miżmum mis-Salvatur tiegħu (2 Pt.1:10; Ġuda 24-25).


Mt.10:23. aħarbu. Id-dixxipli m’għandhomx għalfejn ikunu martri passivi (At.9:23-25; 17:10). Sakemm jibqgħu jingħatawlhom bibien miftuħa jmisshom jevitaw riskju żejjed u jkomplu jwasslu l-messaġġ bnadi oħra. 


Mt.10:23. qabel ma jiġi Bin il-Bniedem. Xi wħud jinterpretawha bħala:

1. Pentekoste.

2. Meta Ġesù jerġa’ jingħaqad magħhom xi żmien wara.

3. Il-qirda ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 w.K. 

4. Allużżjoni għat-tieni miġja ta’ Ġesù biex jiġġudika d-dinja. 

Din l-aħħar fehma taqbel mal-parti l-kbira ta’ fejn niltaqgħu mal-istess frażi (Mt.24:30; 25:31; 26:64; iżda ara Mt.16:28). Id-diffikultà hi n-nota ta’ urġenza f’dan il-vers; tinstema’ inkompatibbli mad-dewmien sal-ġudizzju finali.


Mt.10:25. Beelżebul jissinifika prinċep tad-demonji (Mt.12:24-27). L-isem jidher fil-Patt il-Qadim f’forma distorta bħala Baalżebub, “sid id-dubbien,” bħala isem għal alla ta’ Ekron (2 Slat.1:2).


Mt.10:26. xejn mhu mgħotti li mhux se jkun żvelat. Il-kmand ta’ Ġesù biex ma nibżgħux hu msejjes fuq iċ-ċertezza tal-ġudizzju finali meta Alla jiġġudika lil kulħadd apertament, u hekk jivvindika lill-fidili u jikkundanna lir-reprobati (1 Kor.4:5). 


Mt.10:28. tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem. Bħalma ġralhom il-profeti (Lq.11:47), hekk se jesperjenzaw id-dixxipli ta’ Kristu (Lq.11:49). Imma din hi ħsara żgħira għax il-mewt fiżika ma tistax taffettwa d-destin ultimu tal-fidil (cf., Rum.8:35-39). 

Alla hu dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem fl-infern. Għandna ngħixu fil-biża’ (riverenza u stima għolja, b’ubbidjenza stretta) tiegħu, it-tali biża’ li tirregola l-biżgħat l-oħra kollha. 

jeqred. Il-kelma Griega ma tindikax illi l-ħaġa jew persuna ma tibqax teżisti, iżda tissinifika rovina u telfa. Il-kelma nsibuha aktar kmieni għal ġlud mifqugħa, u allura bla użu (Mt.9:17). 

Il-persekuzzjoni temporali tista’ tkun sfida, iżda mhi xejn meta mqabbla man-nar tal-infern (Mt.5:22). Imissna nkunu motivati dejjem mill-biża’ t’Alla u riverenza lejh, u mhux inħallu n-nies jew is-soċjetà tiddettalna ħajjitna (Mt.10:26-31; cf., Isa.8:12-13). Jingħataw tliet raġunijiet: 

1. L-atti tal-ħżiena għad jinkixfu bl-identità vera tagħhom.

2. In-nies jistgħu joqtlu l-ġisem, imma Alla kapaċi jikkastiga r-ruħ u l-ġisem.

3. Alla jeżerċita kontroll fuq kollox, imqar fuq l-iċken dettalji u avvenimenti apparentement bla importanza.


Mt.10:29 (ukoll Lq.12:6). assarju (bil-Grieg, assarion). Id-diminuttiv tal-as Latin; munita Rumana tar-ram tiswa 1/16 ta’ denarju, jew 1/10 ta’ drakma.


Mt.10:32. jistqarrni. Għal darb’ oħra Ġesù jsejħilna biex niżnu l-biżgħat preżenti mqanqla fina mill-bnedmin kontra l-biża’ tas-Sid u Mħallef universali (Mt.10:28). 

Tikkunfessa lil Ġesù jfisser tagħrfu bla ħabi bħala s-Sid u s-Sultan fuq ħajtek kollha; tagħmel hekk apertament quddiem in-nies, imqar dawk li jopponu l-fidi Kristjana, l-etika u l-istandard ta’ saltnatu. Kristjan jista’ jevita l-persekuzzjoni billi ma jurix jew anke jiċħad li hu dixxiplu ta’ Ġesù, iżda jekk hu matur u leali, ma jasalx biex jagħmel hekk għax iħobb lil Sidu u ma jibżax mill-mewt (Mt.10:28).


Mt.10:33. jiċħadni. Il-konsegwenzi eterni għal dawk li jiċħdu lil Kristu tkun wisq agħar mill-persekuzzjoni li provaw jiskansaw. 


Mt.10:34. ma ġejtx inġib is-sliem. Għalkemm Ġesù hu msejjaħ il-prinċep tas-sliem (Isa.9:6; cf., Mt.5:9; Rum.5:1), u l-verità jeħtieġ tkun proklamata bl-imħabba (Ef.4:15), u l-iskop l-iktar bażiku tal-vanġelu hu sliem m’Alla (Ġw.14:27; Rum.8:6), f’ċertu sens miġjietu fostna ġġib firda u konflitt, u dan intenzjonalment, għax: 

1. Il-fidi fi Kristu tissepara lid-dixxiplu mid-dinja (Mt.10;32-37; Lq.12:51-53). 

2. Ix-xandir ta’ Kelmet Alla joħloq oppożizzjoni u persekuzzjoni (Mt.12:24; 14:4-12; 27:1; At.5:17; 7:54-60; 14:22). Sikwit ir-relazzjonijiet bejn membri tal-istess familja jistgħu jiddeterjoraw, mhux jitjiebu (Mt.10:35-36), u dan mhux għax il-Kristjan ma jridx is-sliem (Mt.5:9; Rum.12:18), iżda għax il-vanġelu, jekk ma jintlaqax, joħloq diviżjoni.

3. Meta wieħed jgħix skont l-istandard ġust tas-saltna jġib fuqu r-ridikolu u l-għajb tal-miskredenti (Mt.5:10-11). 

4. Id-difiża tat-tagħlim appostoliku jqanqal dissens (2 Kor.11:12-15; Gal.1:9; Fil.1:15-17; 2 Tim.1:15). 

Mela Kristu jġib paċi u unità fost niesu li jistqarruh, iżda oppożizzjoni mingħand il-bqija. 

Kristu jeħodha bħala ħaġa minn ewl id-dinja illi s-segwaċi tiegħu jkollhom jissaportu t-tbatija u l-prova (Mt.10:32-33,37-39), u jrid li d-dixxipli jkunu jafuha din. 


Mt.10:35. ġejt indawwar raġel kontra missieru. Meta wieħed idur lejn Kristu bl-indiema jsib paċi għal ruħu (Mt.11:29), iżda l-istqarrija tal-evanġelju tagħmillu ħajtu aktar diffiċli f’diversi oqsma, għax Ġesù jiddomanda t-tali lealtà lejh illi tirregola r-rabtiet naturali tal-ħajja (Mt.10:37-39).


Mt.10:37. mhux denju tiegħi. Ġesù jisħaq fuq lealtà u devozzjoni bla kwalifiki jew kondizzjonijiet, xi ħaġa li l-ogħla rabbini fi żmienu ma ssograwx jiddomandawha. L-imħabba lejn Alla u saltnatu jeħtieġ tieħu preċedenza fuq kull relazzjoni umana. 


Mt.10:38-39. ma jiħux is-salib tiegħu (cf., Mt.16:24; Mk.8:34; Lq.9:23; 14:27). Ġesù qed jimplika li jeħtieġ nobduh u nidentifikaw ruħna miegħu mqar jekk dan ifisser mewt. Irridu nwarrbu l-interessi personali tagħna, immutu għar-rieda tagħna nfusna, u nabbraċċjaw ir-rieda divina għalina, jiġri x’jiġri. Hi r-rinunzja ta’ ambizzjoni egoistika, il-mewt għall-istil ta’ ħajja antika. Terfa’ s-salib ma tfissirx tissaporti xi toqol jew diffikultà imposta fuqek, bħalma hu mard, dgħufija fiżika, problema jew diżappunt. Għal dawk li jersqu lejn Kristu b’fidi li biha jirrinunzjaw lilhom infushom, ir-riżultat għalihom se jkun ħajja vera u eterna: min jitlef ħajtu minħabba fija għad isibha.


Mt.10:42. dawn iż-żgħar, ċoè d-dixxipli kollha ta’ Ġesù (għalkemm it-tfal ċkejknin mhumiex esklużi). Il-fidili għandhom ikunu bħal tfal żgħar (Mt.18:1-6,10,14).

mhux se jitlef il-premju. Huwa importanti naċċettaw u nassistu mqar dawk il-fidili li jidhru insinifikanti (Mt.25:40,45), aktar u aktar meta hu mwiegħed illi nkunu kumpensati bil-kbir.


Mt.11:3. Mixħut u mħolli fil-ħabs minħabba l-kuraġġ tiegħu favur is-sewwa, Ġwanni ma setax jifhem is-sitwazzjoni. Nieda lill-Messija bħala dak li jġib barka fuq in-niedma, iżda wkoll ħaqq fuq l-impenitenti (Mt.3:12). Allura jibgħat jistaqsih, Int dak li kellu jiġi...? għax jinsab konfuż bl-avvenimenti: hu nnifsu kkalzrat, u Kristu kien qed ifejjaq u jagħmel opri ta’ ħniena, mhux iġib ġudizzju. Għadda minn moħħu illi abbli ma fehemx l-aġenda tal-Messija.

Ġesù jispjega illi xorta waħda l-ministeru tiegħu jaqbel mat-tbassir profetiku: l-għomja jaraw (Mt.9:27; cf., Isa.35:5), iz-zopop jimxu (Mt.15:30-31; cf., Isa.29:18; 35:6), l-imġiddma huma kkurati (Mt.8:1-4; cf., Isa.53:4), it-torox jisimgħu (Mk.7:32-37; cf., Isa.29:18-19; 35:5), il-mejtin jitqajmu (Lq.7:11-17; cf., Isa.26:18-19, u l-evanġelju jixxandar lill-foqra (Mt.5:3; Lq.14:13,21; cf., Isa.61:1). 

Għemil Ġesù ta prova suffiċjenti illi hu l-Messija, u li ż-żmien profetizzat tas-salvazzjoni wasal (cf., Isa.61:1; 62:1). Il-ġudizzju, li bassar Ġwanni nnifsu, Ġesù kellu jeżerċitah aktar tard, fl-avvent tiegħu fl-aħħar jum (Ġw.5:26-29). 

M’għandniex għalfejn ninterpretaw il-mistoqsija ta’ Ġwanni bħala xhieda illi l-fidi tiegħu perpret (Mt.11:7). Ninnotaw illi fit-tweġiba tiegħu Ġesù ma offriex spjegazzjoni aktar milli ta, għax kien jaf eżattament kemm hi sħiħa l-fidi tiegħu (cf., 1 Kor.10:13). 


Mt.11:6. mbierek hu kull min mhux offiż bija hi ċanfira ħelwa. Ġwanni u d-dixxipli tiegħu kellhom ikunu miftuħa għall-pjan t’Alla kif kien qed jiżvolġi, avolja l-ministeru preżenti ta’ Ġesù ma qabilx preċiżament mal-mistennija tagħhom. Hemm barka ultima (Mt.5:3-9) għal dawk li jissottomettu għal Kristu mqar meta ma jifhmux mogħdijietu f’ħajjithom. 


Mt.11:7-8. Qasba mriegħda mir-riħ? Minkejja d-dubji jew inċertezzi li Ġwanni kellu jissara magħhom, Ġesù faħħru bħala predikatur solidu, riżolut u urġenti tal-vanġelu, lest illi jiċċaħħad mill-kumdità biex jaqdi l-ministeru tiegħu. 


Mt.11:9. aktar minn profeta. Il-Battista serva bħala l-forier immedjat tal-Messija li dwaru tkellmu minn qabel il-profeti. Il-ministeru ta’ Ġwanni kien uniku bħala l-pont bejn il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid. Ippreżenta lill-Messija aktar ċar u dirett mill-profeti qablu. Hu nnifsu kien is-suġġett ta’ profezija (Mal.3:1), it-twettiq tal-profezija dwar Elija (cf., Mal.4:5-6; ara Mt.11:14), u l-araldu tal-Qaddej ta’ Jaħwè (Mt.3:3; Isa.40:3).

Ġesù jfaħħar lil Ġwanni bħala l-ikbar fost il-bnedmin, imfassal fis-sura tal-profeti ta’ Iżrael u bla mhu influwenzat mill-espedjenza jew lussu. Frattant bħala profeta appartiena għal dak iż-żmien li kien qed jiġi konkluż, għax saltnet Alla kienet qed tiġi introdotta. F’dan is-sens kien inqas minn dawk fis-saltna. 


Mt.11:11. ikbar minnu. Ġwanni hu ikbar mill-profeti għax attwalment ra b’għajnejh u pparteċipa personalment fit-twettiq ta’ kulma bassru l-profeti (Mt.11:10,13). Frattant l-iċken dixxiplu fis-saltna għandu l-vantaġġ li, minħabba s-salib u l-qawmien ta’ Ġesù, irċieva l-milja tal-Ispirtu. Jipparteċipa f’dak li l-profeti raw mill-bogħod (1 Pt.1:10-12). Fl-era tal-Patt il-Ġdid il-fidili huma ikbar minnu għax jipparteċipaw fil-fehma sħiħa u l-esperjenza ta’ xi ħaġa li Ġwanni sempliċement raha minn qabel f’għamla dellija – it-tpattija ta’ Kristu fuq is-salib. 


Mt.11:12. saltnet is-smewwiet issofri vjolenza. In-nies jistgħu jopponuha u jirreżistuha, iżda xorta waħda m’hemmx waqfien għall-iżvilupp tas-saltna. Tibqa’ tikber u tippressa ’l quddiem, u l-vjolenti jaħtfuha. Hekk Kristu jimmanjifika d-diffikultà biex wieħed jidħol fiha. B’atteġġjament artab, għażżien jew indifferenti, in-nies jibqgħu barra.


Mt.11:13. sa Ġwanni. Il-Battista kien l-aħħar wieħed fi ġrajja twila tul il-Patt il-Qadim li antiċipat il-miġja tal-Messija.


Mt.11:14. hu l-Elija li kellu jiġi, għax Ġwanni ġie “fl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija” (Lq.1:17), u hu nnifsu ċaħad li hu Elija (Ġw.1:21). Il-Lhud pretendew xi inkarnazzjoni mill-ġdid jew dehra oħra ta’ Elija t-Tisbita, iżda attwalment interpretaw Malakija 4:5 b’mod żbaljat. Ħaduha litteralment meta t-twettiq kien wieħed figurattiv. Inċidentalment, tajjeb inkunu kawti meta niġu biex ninterpretaw il-profezija: mhijiex faċli daqskemm tidher!


Mt.11:17-19. Ifflawtjajnielkom, u ma żfintux. In-nies jirroftaw il-vanġelu għax Ġwanni u Ġesù, avolja bi stili differenti ta’ ministeru, ma kkkonformawx mal-mistennija tagħhom u lanqas għamlu kif pretendew minnhom.

L-azzjonijiet u l-għemejjel magħmula minn Ġesù huma għerf mingħand Alla (1 Kor.1:30). Dawn jiġġustifikaw lil Ġesù, ċoè juru li għandu raġun u jinsab fis-sewwa (Ġak.3:17-18).


Mt.11:21. Ix-xoqqa tax-xkora u l-irmied kienu sinjali esterni ta’ għali (Est.4:1; Dan.9:3; Ġona 3:6), u speċjalment espressjoni ta’ ndiema. Ix-xoqqa kienet drapp raff magħmul mix-xagħar tal-mogħoż. Kienu jpoġġu fuq l-irmied (Ġob.2:8; Ġob.3:6) jew inkella jqegħduh fuq rashom (2 Sam.13:19).


Mt.11:22-23. Il-bliet, Korażin u Betsajda, semgħu lil Ġesù u warrbuh, u allura kienu iżjed ħatja minn Tir u Sidon, bliet pagani notorji għall-ħażen tagħhom, u għedewwa ta’ Iżrael (Eż.26-28). 

iżjed sapportabbli tindika illi hemm gradi ta’ kastig fl-infern għall-ħżiena (Mt.10:15; Mk.6:11; Lq.12:47-48; Ebr.10:29). Rivelazzjoni ikbar iġġib magħha kontabbiltà ikbar u kundanna eħrex għan-nuqqas ta’ twemmin. 

Kafarnaħum kienet privileġġjata għax serviet bħala kwartieri għal Ġesù. M’għandna ebda rekordju illi n-nies tal-belt irridikolaw lil Ġesù, ħabtu għalih, jew heddewlu ħajtu. Id-dnub kien l-indifferenza lejh – dnub agħar mill-perversità ta’ Sodoma (cf., Mt.10:15). 


Mt.11:25. Infaħħrek, Missier. Alla hu denju ta’ foħrija, ġieħ u ringrazzjament għas-sovranità assoluta tiegħu fuq il-kundanna u s-salvazzjoni ta’ kull bniedem (Ef.1:3-6). 

ħbejt dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief. Jekk wieħed jiċħad l-evanġelju jinżamm responsabbli (Mt.11:12-15), iżda Alla xorta waħda hu sovran, u jiżvela lil Kristu lil min jogħġbu hu (Mt.11:22; Gal.1:15-16).


Mt.11:25-26. Hawn nota ta’ sarkażmu: il-mexxejja Lhud huma ironikament identifikati bħala l-għorrief u l-intelliġenti mentri s-segwaċi ta’ Kristu bħala tfal ċkejknin (cf., 18:3-10) – frattant Alla għoġbu jiżvela lid-dixxipli l-verità dwar il-Messija tiegħu u l-bxara t-tajba dwaru (cf., Mt.13:10-17). It-tfal mhumiex trabi fl-età iżda d-dixxipli li għandhom mit-tfal ċkejknin, għax ma jgħoddux lilhom infushom bħala importanti, paragunati mal-iskribi u l-Fariżej. Alla jigglorifika lilu nnifsu billi jirriversja l-mistennijiet umani, filli jwarrab lill-arroganti (Mt.11:23) u jbierek lill-umli (Mt.18:3).

Iva, Missier, għax hekk għoġbok (cf., Lq.10:21-22). Affermazzjoni qawwija tas-sovranità t’Alla fuq kulma għandu x’jaqsam mal-bnedmin, inkluża s-salvazzjoni tagħhom. 


Mt.11:27. Kollox kien kommess lili. Klejm straordinarju! Id-dispożizzjoni sovrana ta’ kulma jeżisti ngħatat mill-Missier lil Ġesù. Irċieva qawwa u dominju (Dan.7:13-14). Hu waħdu jaf lill-Missier; it-tagħrif tiegħu hu ugwali għal tal-Missier, u l-pożizzjoni tiegħu bħala Iben hi unika. Saħansitra jiddeċiedi hu min isir jaf lill-Missier salvivikament. B’diskorsu Ġesù jafferma prerogattivi divini għalih innifsu, altrimenti diskorsu mhu xejn jekk mhux dagħwa. 

dak li l-Iben, jekk irid, jirrivelahulu. Bħall-Missier, Ġesù hu liberu illi jagħti jew iċaħħad it-tagħrif fil-qalb li hu meħtieġ għas-salvazzjoni. Hawn għandna stqarrija tremenda kemm is-salvazzjoni tiddependi mill-Iben u ħnientu lejna, u ebda ħaġa meritevoli li nagħmlu aħna (Ġw.17:2). 


Mt.11:28-29. Ebda għalliem reliġjuż tajjeb ma jissogra jiġbed in-nies lejh, iżda biss lejn Alla. Ġesù, b’kuntrast, jistieden lill-erwieħ lejh: Ejjew għandi – eku tal-ewwel beatitudni (Mt.5:3). Hi indikazzjoni oħra tan-natura divina tiegħu. 

L-istedina miftuħa għal kulħadd, u frattant hi espressa b’tali mod u manjiera illi dawk li huma mtaqqla bid-dejn spiritwali tagħhom u l-frustrazzjoni illi jsalvaw lilhom infushom bl-osservanza tal-liġi illi jirrispondu għaliha. Ir-ribelljoni umana kontra l-Ħallieq hi tant gravi illi, mingħajr ma jkunu mqanqla, il-midinbin jirrifjutaw milli jammettu sinċerament il-fond tal-povertà spiritwali tagħhom. Minħabba f’hekk jgħid li s-salvazzjoni, min se jgawdiha u min mhux se jibbenifika minnha, hi d-deċiżjoni tal-Missier. 

Frattant il-verità tal-għażla divina (Mt.11:27) mhijiex inkompatibbli mal-offerta ħielsa lil kulħadd (Mt.11:28-30). 

inserraħkom. Meta nifhmu l-kmandamenti bħala mod ta’ salvazzjoni, isiru madmad ta’ jasar (Gal.5:1). Kristu tana l-mistrieħ minn dan il-madmad tqil u wiegħri. Imma b’daqshekk ma jfissirx li l-Kristjan hu għażżien: jaqdi lil Ġesù, bil-ferħ u gratitudni, għax Sidu jifhmu u hu manswet miegħu: għalhekk Ħudu l-madmad tiegħi. Is-salvazzjoni mogħtija lilna hi bidu ta’ ministeru u qima vera lil Alla. 

tgħallmu minni. Is-salvazzjoni tirrikjiedi sottomissjoni lejn Kristu bħala s-Sid ta’ ruħna u ġisimna. Ir-rieda tiegħu, mhux tiegħi, hi determinattiva (Ġer.27:8,11-12; 1 Tim.6:1). 

mistrieħ għal erwieħkom. Ġesù jissodisfa totalment għax jagħti l-maħfra u emanċipazzjoni mid-dnub, kif ukoll jillibera mit-toqol legalistiku u l-ħtija ta’ dawk li jipprovaw jaqilgħu s-salvazzjoni bil-mertu tal-opri tagħhom (cf., Ebr.4:1-3,6,9-11). Il-grazzja sserraħ; tagħti dak li l-bniedem ma jistax jakkwista għalih innifsu bil-merti tiegħu. 

il-madmad tiegħi faċli. Meta ssegwi lil Ġesù bla kompromess, b’riżoluzzjoni ferma u b’impenn, tkun qbadt il-mogħdija għall-aħjar ħajja possibbli, għax hu Sultan ġentili u umli li jservi lil niesu (Mt.20:28; 25:1). Għalkemm hu iebes ma’ dnubietna, il-kmandamenti tiegħu iwasslu għall-pjaċir u għaxqa vera (Prov.3:17). 


Mt.12:1. Is-Sibt jew is-Sabat (bil-Grieg, sabbaton, li tfisser mistrieħ, hedu, waqfien) jissemma sikwit, speċjalment fl-Evanġelji. 

1. Strettament, mhux meqjus bħala festa iżda aktarx bħala ħin sagru għal-Lhud. Kull seba’ jum tal-ġimgħa kien osservat bħala mistrieħ jew waqfien solenni minn kull ħidma (Es.31:12-17; Lev.23:3; Dt.5:12-15). Kien is-seba’ jum imwarrab mil-liġi ta’ Mosè bħala jum ta’ waqfien mix-xogħol normali. Fih wieħed seta’ jistrieħ u jagħti ruħu għall-qima tal-Mulej (Es.20:10; Dt.5:14). 

2. Is-Sabat kien istitwit immedjatament wara l-ħolqien (Ġen.2:2-3) u għalhekk qabel ma ngħatat il-liġi. Minn żmien il-bidu tal-ħolqien Alla ried jum wieħed kull ġimgħa biex iservi ta’ barka għal kulħadd, u mhux biss għar-razza Lhudija. Mela l-prinċipji tas-Sabat għandhom validità permanenti għall-Kristjani; xorta waħda jeħtieġ inwarrbu jum wieħed minn sebgħa bħala jum ta’ rpoż u qima. 

3. Jerġa’ jissemma meta ngħatat il-manna (Es.16:23-30), imbagħad fis-Sinaj (Es.20:8-11; Dt.5:12-15). Hemm regolazzjonijiet numerużi rigward is-Sabat; bażikament l-individwu kellu jaqta’ mix-xogħol normali tiegħu ta’ matul il-ġimgħa. Offerti addizzjonali kienu preskritti fit-tabernaklu. Jiem festivi oħra kienu wkoll imsejħa Sibtijiet (Lev.16:31, eċċ.). 

4. Ġesù kellu kontroversja qalila mal-mexxejja reliġjużi Lhud fuq l-osservanza xierqa tas-Sibt. Jibda biex jagħtina l-prinċipju li s-Sabat sar għall-benefiċċju fiżiku u spiritwali tal-bniedem, u juri kif wieħed jista’ u jmissu jagħmel il-ġid u opri ta’ ħniena mqar fis-Sabat. Sidna Ġesù qatt ma ġab fix-xejn il-prinċipju ta’ jum ta’ mistrieħ; biss kritika l-abbuż tiegħu mill-mexxejja Lhud (Mt.12:1-8; Lq.13:10-17; 14:1-6). Għallem li s-Sabat ingħatalna għall-benesseri spiritwali u fiżiku tagħna (Mk.2:27). Imkien fil-Bibbja mhu indikat illi dan il-prinċipju issa hu skadut. 

5. L-għan spiritwali jidher meta nqisu illi fil-Patt il-Qadim is-Sabat intuża bħala serħan mix-xogħol sabiex wieħed jiddedika lilu nnifsu lil Alla – ħin speċjali biex wieħed isir jaf aħjar lil Alla, jadurah, iroddlu ħajr, u jikkonċentra fil-privat u fil-pubbliku fuq il-ħwejjeġ tas-sema (Lev.24:8; Num.28:9). Illum fil-Patt il-Ġdid jipprovdielna opportunità biex nerġgħu naffermaw l-afdar u l-għaxqa tagħna fil-Mulej u mhux fid-dinja, fil-ġid materjali jew fil-pjaċir karnali (cf., Es.20:10; 34:21; Isa.38:13). Nistgħu nużaw is-Sabat biex inġeddu l-impenn inizjali tagħna lejn Kristu u x-xirka tagħna ma’ fidili oħra. Bl-osservanza tas-Sabat nistqarru li ħajjitna kollha, mhux biss parti waħda minn sebgħa, tappartieni għal Alla (Ebr.4:9-10). 

6. Is-Sabat hu mwarrab minn Alla bħala jum qaddis (Ġen.2:3; Es.16:23; 20:11; Isa.58:13). Għalhekk il-fidili li jwarrbu jum wieħed minn sebgħa bħala qaddis huma mfakkra illi huma nfushom jinsabu mwarrba għal Alla biex jgħixu ħajja qaddisa f’soċjetà mħassra (cf., Es.31:13-14; 1 Pt.2:9).

7. Is-Sabat jissimbolizza l-impenn t’Alla lejn uliedu illi ċertament iwettaq ir-rieda tajba tiegħu għalihom, u jinsab dejjem għad-dispożizzjoni tagħhom biex jgħinhom u jserraħhom (Mt.11:28-30). Hu dejjem lest jisma’ talbhom u jinsab favorihom (cf., Eż.20:12). 

8. Is-Sabat hu simbolu tas-sovranità t’Alla fuq l-univers maħluq tiegħu (Es.20:8). Hu wkoll tifkira tal-fidwa tagħna (Dt.5:12), u jirrappreżenta t-tama ta’ mistrieħ etern fil-konsumazzjoni (Ebr.4:9). Ġesù bħala Sid is-Sibt iwettaq l-aspetti kollha tat-tifsira tas-Sabat (Kol.2:16-17).

9. Minħabba r-resurrezzjoni tiegħu fl-ewwel jum tal-ġimgħa (Mt.28:1; Mk.16:2,9; Lq.24:1; Ġw.20:1,19), il-knisja tosserva l-Ħadd bħala l-ġurnata tal-mistrieħ, u biex fih tingħata qima pubblika lil Alla (At.20:7; 1 Kor.16:1-2; Riv.1:10). Bħalma s-Sibt kien sinjal tal-patt bejn Alla u l-Iżraeliti (Es.31:16-17), hekk il-Ħadd għalina l-Kristjani hu sinjal għalina nfusna u għad-dinja li aħna nappartienu għal Kristu bħala Sidna (At.20:7; 1 Kor.16:2). 


Mt.12:1. iqartmu u jieklu ż-żbul. Dan kien permess fil-liġi (Dt.23:25). Il-fatt li kien magħmul nhar ta’ Sibt rawh bħala azzjoni illeċita. 


Mt.12:2. dak li mhux permess, ċoè kontra t-tradizzjonijiet Fariżajiċi. Id-dixxipli ma kinux qed jisirqu, għax il-liġi ppermettiet illi wieħed jaqbad b’idu u jiekol minn għalqa ta’ ħaddieħor, iżda mhux jaqta’ b’minġel jew għodda oħra (Dt.23:24-25). Id-dixxipli kisru drawwiet u użanzi umani, mhux il-liġi t’Alla. Bħala Kristjani m’għandna ebda obbligu nikkonformaw ma’ tagħlim ivvintat mill-bnedmin.


Mt.12:3. Ma qrajtux...? Il-mistoqsija tissuġġerixxi kritika ironika dwar it-tagħrif tagħhom tal-Iskrittura (Ġw.3:10; 5:39,47). Ġesù ma jiġġustifikax lilu nnifsu billi jwarrab l-Iskrittura; aktarx juri kemm jifhimha fil-fond, u kemm kapaċi japplikaha kif jixraq għall-bżonn uman.


Mt.12:4. il-ħobż ikkonsagrat kien preparat b’mod speċjali għall-użu fit-tabernaklu u, aktar tard, fit-tempju. Kien mikul biss mill-qassisin (Lev.24:5-9). Fi żmien ta’ bżonn David użah għal sħabu (1 Sam.21:3-6) – turija li liġi morali (la toqtolx) hi aktar importanti u għandha preċedenza fuq liġi ċerimonjali.


Mt.12:3-8. hu qalilhom. Ġesù jispjega illi l-liġijiet dwar is-Sibt ma jfixklux milli wieħed jagħmel opri ta’ neċessità (Mt.12:3-4), qadi lil Alla (Mt.12:5-6) jew atti ta’ ħniena (Mt.12:7-8). Reġa’ afferma illi s-Sibt sar għall-benefiċċju tal-bniedem, u għall-glorja t’Alla. Qatt ma kien intenzjonat biex ikun madmad ta’ jasar għall-poplu t’Alla (Mk.2:27).


Mt.12:3. x’għamel David. Biex iġib fix-xejn il-klejm tal-Fariżej, Ġesù jirreferi għall-eżempju ta’ David u niesu. Meta kienu ppersegwitati minn Sawl, sab rifuġju f’Alla tiegħu (1 Sam.21:1-7; 22:9-10). Hekk ukoll Kristu u d-dixxipli tiegħu, issa persegwitati mill-awtoritajiet reliġjużi, isibu kenn fil-ħolqien t’Alla. B’din l-analoġija Ġesù jindika illi, bħal David, jinsab bħala r-rappreżentattiv irjali tan-nies tal-Mulej.


Mt.12:4. kiel. David kiser il-liġi ċerimonjali tat-tabernaklu (Lev.24:9) meta kellu bżonn urġenti biex jiekol (1 Sam.21:1-6), għax is-sitt kmandament jittraxxendi ċerimonji u ritwal. Fi kliem ieħor, il-liġi morali, miġbura fil-qosor fl-Għaxar Kmandamenti, hi aqwa minn liġijiet diversi dwar il-kult tat-tempju illi kellhom jiskadu. 


Mt.12:4. il-ħobż ikkonsagrat, jew il-ħobż tal-preżenza, kien tnax-il ħobża moħmija friski kull nhar ta’ Sibt, u mqiegħda fil-Post Qaddis. Normalment kienu jittieklu mill-qassisin biss (Lev.24:5-9). Alla ma kienx offiż bl-att ta’ David, għax kielu biex jissodisfa bżonn meta niesu kienu dgħajfa bil-ġuħ (1 Sam.21:4-6). 


Mt.12:4. saċerdoti. Minn żmien Mosè kasta saċerdotali speċjali eżisiet f’Iżrael. Kienet tappartieni għall-familja ta’ Arun, l-ewwel sommu saċerdot f’Iżrael. Il-qassis kien medjatur bejn Alla u l-bnedmin, ministru fi ħwejjeġ qaddisa f’isem in-nies, speċjalment fit-tpattija għad-dnub bl-offerti u s-sagrifiċċji tal-annimali fuq l-artal tat-tempju. 

Naturalment, il-qassisin kienu sseparati għal Alla. Il-konsagrazzjoni tagħhom għas-saċerdozju kienet ritwal elaborat (Es.29; Lev.8). Kienu jilbsu wkoll vestwarju distintiv (Es.28). IL-qassisin ordinarji kienu inkarigati mis-sagrifiċċji (Lev.1-6), iddikjaraw l-imniġġsa bħala nodfa wara li jeżaminawhom fiżikament (Lev.13-14) u wettqu doveri minuri oħra (Num.10:10; Lev.23:24; 25:9). Kienu ssapportjati mill-għexur, l-ewwel frott, l-ewwel fost il-frieħ tal-bhejjem, u s-sagrifiċċji varji (Num.18). Is-saċerdoti Lhud kienu organizzati f’roster ta’ erbgħa u għoxrin taqsima (Lq.1:5).

Das-saċerdozju Aroniku ntemm għax twettaq fis-saċerdozju aħjar u superjuri ta’ Kristu (Ebr.5-10). Il-Patt il-Ġdid ma jagħraf ebda kasta ġdida ta’ qassisin fil-knisja; aktarx il-Kristjani kollha huma vokati u jaġixxu bħala saċerdoti, għax għandhom aċċess quddiem Alla l-Missier. Flimkien jifformaw saċerdozju qaddis (1 Pt.2:5,9; Ebr.10:19; Riv.1:6). 


Mt.12:5. jipprofanaw is-Sibt. Il-qassisin kellhom id-dover jaħdmu nhar ta’ Sibt, frattant huma bla ħtija. Hekk jagħtu prova illi xi aspetti tas-Sibt, li fih m’għandux isir xogħol normali, mhumiex assoluti morali li ma jinkisrux, iżda aktarx preċetti li jappartienu għal-lat ċerimonjali tal-liġi. 


Mt.12:6. xi ħadd ikbar mill-maqdes. Bħalma l-bżonnijiet ġenwini tan-nies huma aktar importanti għal Alla mis-simboli ċerimonjali, hekk Ġesù (li fih tgħammar il-milja tad-divinità) hu ikbar mit-tempju fejn simbolikament għammar Alla. Emmanwel hu t-tempju veru, u s-simbolu pponta lejh (Ġw.1:14; 2:21). 


Mt.12:7. ‘Ħniena nixtieq, u mhux sagrifiċċju.’ L-imħabba, il-kumpassjoni u l-fedeltà huma aktar importanti għal Alla minn qima ċerimonjali (Mt.9:13; Ħos.6:6). Allura l-abbuż tal-liġi hu kkundannat kategorikament. Is-Sibt ingħata bħala għajnuna u barka għall-umanità, iżda l-Fariżej ippervertew dan l-għan billi dawru s-Sabat kontra nies fil-bżonn u għamlu toqol minnu (Mk.2:27).


Mt.12:8. Sid is-Sibt (ara n-notament f’Mt.12:1; Mk.2:27). Meta akkużat li kiser is-Sibt, Kristu ma warrabx ir-raba’ kmandament, iżda klejmja li hu tiegħu u għallem kif wieħed josservah sewwa. Hekk jimplika li hu divin u l-Leġislatur tal-liġi divina. Direttament u bla ħabi Ġesù jgħid li hu ogħla mis-Sibt. Jirregolah hu, għax għamlu hu. Għandu dominju fuq il-ħolqien (Mt.8:20) u l-fidwa (Mt.20:28), u issa jisħaq li hu sovran fuq il-ħolqien u l-fidwa. Fuq dik l-awtorità divina, seta’ difatti jwarrab ir-regolazzjonijiet umani dwar is-Sibt u jirrestawra l-intenzjoni oriġinali t’Alla għall-osservanza tas-Sibt bħala barka, u mhux bħala piż. Mhux għaġeb illi l-Fariżej kkumplottaw biex joqtluh! (Mt.12:14).


Mt.12:10-13. Il-każ tar-raġel b’idu niexfa ma kienx wieħed ta’ ħajja jew mewt, iżda Ġesù kien jaf li l-Fariżej kienu kontra l-idea li jfejjaq nhar ta’ Sibt (Mk.3:4). L-azzjoni tiegħu tidher bħala provokazzjoni apposta kif ukoll att ta’ ħniena. Jistaqsihom huwiex leċitu jfejjaq biex jantiċipa l-kritika tagħhom għalli għallem dwar is-Sibt (Mk.2:25-28). Il-Fariżej żammew illi nhar ta’ Sibt kienet permissibbli biss assistenza essenzjali. Ġesù jurihom illi l-interpretazzjoni tagħhom kienet kontra l-ispirtu tal-kmandament, li eżista għall-promozzjoni tat-tajjeb (Mk.2:27). It-tajjeb li Ġesù jagħmel filli jġib il-fidwa hu rikjest, mhux projbit, mil-liġi divina.


Mt.12:10. Huwa leċitu tikkura s-Sibt? It-tradizzjoni Lhudija ma kinitx tippermetti l-prattika tal-mediċina ħlief f’każijiet fejn il-ħajja kienet mhedda. Iżda ebda liġi fil-Patt il-Qadim ma tipprojbixxi l-għoti ta’ mediċina, kura jew fejqan, jew kwalunkwe att ieħor ta’ ħniena nhar ta’ Sibt. Dejjem u f’kull ħin, sebat ijiem fil-ġimgħa, imissna nagħmlu l-ġid u nuru ħniena. 


Mt.12:11-12. ma jaqbadhiex u jtellagħha? Ġesù argumenta mill-inqas għall-ikbar. Jekk att ta’ ħniena ma’ bhima nhar ta’ Sibt mhuwiex dnub, kemm aktar il-fejqan tal-morda nhar ta’ Sibt mhuwiex dnub!

Hu leċitu tagħmel it-tajjeb nhar ta’ Sibt. Ma nsibu ebda projbizzjoni fil-Patt il-Qadim li ma tistax tfejjaq nhar ta’ Sibt; u ovvjament hu kmandat illi t-tajjeb irridu nagħmluh dejjem u f’kull ħin. Il-Fariżej għawġu s-sinifikat tas-Sibt: flok għaxqa qalbuh f’piż skabruż.


Mt.12:14. kif setgħu jeqirduh. It-tensjoni bejn Ġesù u l-komunità li m’emmnitx fih baqgħet tikber. Ġesù wera kif iżżomm is-sitt kmandament nhar ta’ Sibt billi tippriżerva u tippromwovi l-ħajja, mentri l-Fariżej kisru s-Sibt billi kkomplottaw kif setgħu joqtluh u jeħilsu minnu. L-ironija hi qawwija. 


Mt.12:15. irtira minn hemm (cf., Mt.2:14,22; 4:12-13), mhux biex jiskansa kull oppożizzjoni, iżda biex ma teskalax qabel ma jasal iż-żmien tat-tradiment u l-mewta mbassrin minnu. 

kkuralhom il-morda. Qatt ma kien hemm żmien jew persuna li esibixxiet qawwa tant estensiva ta’ fejqan. Il-fejqan fiżiku hu rari fil-Patt il-Qadim. Kristu għażel illi jesibixxi d-divinità tiegħu billi jfejjaq, iqajjem il-mejtin, u jillibera n-nies mid-demonji. Mhux biss wera l-qawwa messjanika fuq id-demanju fiżiku u dak spiritwali, iżda esprima wkoll il-mogħdrija t’Alla lejn dawk afflitti bid-dnub. 


Mt.12:16-21. widdibhom sabiex ma jagħmluhx magħruf. Isaija 42:1-4 hi kwotata bħala spjegazzjoni. Ġesù ġie biex iniedi u jistabbilixxi l-ġustizzja, iżda mhux b’dimostrazzjoni teatrika u wirja ta’ qawwa, u ċertament mhux billi jmexxi movimenti politiku, militari jew rivoluzzjonarju. L-entużjażmu fanatiku hu barra minn loku.


Mt.12:18. se jannunzja l-ġustizzja lill-Ġentili. Ġesù, il-Qaddej ta’ Jaħwè, żvela u ġab ’il quddiem il-ġustizzja t’Alla bl-evanġelju u l-liġi. Bl-evanġelju jlibbes lill-fidi biha, hekk illi huma dikjarati bla ħtija; bil-liġi jgħallimhom jimxu fiha, fi qbil mal-karattru tiegħu. 


Mt.12:19. Mhux se jitlewwem u lanqas jgħajjat. Il-Qaddej li Jsofri ma adottax l-istrateġija ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu, bi propaganda arroganti u minfuħa (Mt.20:25-28).


Mt.12:20. Qasba mġelġla...ftila ddaħħan. Bħala l-Qaddej ta’ Jaħwè, Ġesù jieħu ħsieb u jikkura b’kumpassjoni lid-dgħajfa u l-abbużati (cf., Mt.9:36; 11:28). Il-ftila tibda ddaħħan meta jonqosha ż-żejt. Sid id-dar, flok ikisser il-musbieħ, jerġa’ jimlieh biż-żejt; hekk Ġesù, fl-ewwel miġja tiegħu, ma ġiex biex jeqred il-batut spiritwalment jew fiżikament, iżda biex iġibu jiffunzjona kif suppost, ċoè jsalvah biex jaqdi u jħobb lil Alla. 


Mt.12:23. Jaqaw dan mhux Bin David? It-tweġiba implikata hi waħda dubjuża. Għan-nies, David kien gwerrier u sultan; emmnu illi Bin David ikun liberatur. Sabuha diffiċli jifhmu illi dan il-Fejjieq ġentili seta’ jkun l-Iben imwiegħed lil David.


Mt.12:24-25. L-akkużi tal-Fariżej huma ridikoli. In-nuqqas ta’ unità ġġib magħha distruzzjoni: dar u saltna diviżi ma jżommux fit-tul. Ġesù kien qed jeqred għemejjel ix-xitan, mhux iservih. 


Mt.12:25. għaraf ħsibijiethom. Kummenti dat-tip tul il-Vanġeli jindikaw l-omnixjenza ta’ Ġesù u allura d-divinità tiegħu.


Mt.12:28-29. bl-Ispirtu t’Alla. Ġesù jegħleb lix-xitan u jġib ir-renju tas-Sid f’ħajjet in-nies permezz tal-Ispirtu s-Santu, li bih Alla unzjonah (Isa.11:1-2; 32:1-2,15; Mt.12:18; Rum.14:17). 

ġiet fuqkom saltnet Alla. Bis-sultan f’nofshom, li esibixxa l-qawwa sovrana tiegħu, u wera li kellu l-abbiltà jorbot lix-xitan u d-demonji tiegħu, kienet ovvja li s-saltna tas-smewwiet hi realtà. Ġesù introduċieha u jkompli jkabbarha. 

jaħtaflu ġidu. Saltnet Alla kienet qed tħalli impatt profond kontra d-dominju tad-dlam. Uriet illi Kristu deċiżivament għeleb lil Satana fl-ewwel miġja tiegħu (Lq.10:18; Ġw.12:32; 16:11), għalkemm l-avversarju qalil għadu attiv fid-dinja (Riv.12:9). 

jorbotx. Bil-vittorja tiegħu fuq ix-xitan fid-deżert, u bl-eżorċiżmi tad-demonji, Ġesù ta prova illi qed jillimita lix-xitan, ċoè rabtu. L-avversarju ma jistax iwaqqaf il-miġja u l-firxa ta’ saltnet Alla, u l-fidili huma mdaħħla f’saltnet is-smewwiet, “misruqa” minn taħt id-dominju tad-dlam (Kol.1:13). L-irbit ta’ Satana kien simbolu taż-żmien messjaniku fil-letteratura Lhudija (cf., Riv.20:1-6). 

mbagħad jissakkeġġalu daru. Wieħed jeħtieġ ikun isħaħ minn Satana biex jinvadi d-demanju tiegħu, jorbtu (ċoè, jirrestrinġi jew jillimita l-azzjonijiet u l-poter tiegħu), u jillibera lin-nies minn taħt il-kontroll tiegħu. Biss Ġesù għandu t-tali setgħa fuq ix-xitan (cf., Rum.16:20; Ebr.2:14-15). 


Mt.12:30. Min mhuwiex miegħi hu kontra tiegħi. Ġesù ma jippermettix newtralità dwaru. Ikollok tieħu deċiżjoni; jekk ma tiddeċidix favorih tkun diġà ddeċidejt kontrih.


Mt.12:31-32. tinħafirlu. Xi ħadd li qatt ma sar midħla tal-qawwa u l-preżenza divina ta’ Ġesù abbli jirriġettah fl-injoranza tiegħu, u jkun maħfur jekk kemm-il darba l-inkredulità tiegħu tagħmel il-wisa’ għall-indiema ġenwina, anke jekk ikun l-agħar midneb (cf., 1 Tim.1:13).

Imma hemm nies illi jafu xi kklejmja Ġesù dwaru nnifsu, jafu li kliemu hu veru, u frattant jibqgħu stinati kontrih. Allura d-dagħwa kontra l-Ispirtu tinvolvi meta wieħed jitkellem kontrih, isejjaħ ħidmet l-Ispirtu s-Santu bħala ħidma ta’ Satana, u b’mod espliċitu u stinat jirrofta lill-istess Spirtu omnipotenti li kapaċi jwasslu għall-indiema. Meta xi ħadd apposta, vilment u b’diżrispett imaqdar il-persuna u l-ministeru tal-Ispirtu s-Santu hu u jikkonvinċi dwar Ġesù Kristu bħala l-uniku Sid u Salvatur, ikun qed jinnega l-possibbiltà ta’ maħfra preżenti jew futura. Bażikament ikun irrofta l-unika bażi ta’ salvazzjoni provduta minn Alla nnifsu. Id-dagħwa allura hi stmerrija kontra l-Ispirtu għax huwa l-Ispirtu li jixhed għal Kristu u jwasslilna l-verità tiegħu (Ġw.15:26; 16:14-15). Id-dnub li kkonfronta Ġesù kien ir-roftiment deliberattiv tal-Fariżej ta’ dak li kienu jafu sewwa ġej mingħand Alla (cf., Ġw.11:48; At.4:16). Ma setgħux jiċħdu r-realtà ta’ x’kien qed jagħmel l-Ispirtu s-Santu permezz ta’ Ġesù, għaldaqstant attribwew lil Satana xogħol li manifestament kien mingħand Alla, u dan kienu jafuh (Mt.12:24; Mk.3:22).

Kull min hu inkwetat dwar ħżunitu jista’ jaċċerta ruħu li ma kkommettiex dan id-dnub partikolari. 


Mt.12:32. la f’daż-żmien u lanqas f’li ġej. Ruma tirreferina għal dil-frażi bħala indikazzjoni li hemm maħfra wara l-mewt, ċoè fil-purgatorju. Xejn ma jista’ jkun aktar imbiegħed mill-verità. Ġesù sempliċement qed jinsisti li d-dnub indikat qatt u qatt mhu se jinħafer. Ċertament ma jridx jimplika li xi dnubiet jinħafru lil hinn mill-qabar. 

Imma anke jekk, għas-saħħa tal-argument, ifisser hekk, mhu ebda evidenza favur il-purgatorju, għax iż-żmien li ġej hu dak inawgurat mat-tieni miġja ta’ Kristu meta, skont id-dottrina Kattolika nfisha, il-purgatorju ma jkunx baqa’ jeżisti!


Mt.12:33-34. kif tistgħu, li intom ħżiena, titkellmu ħwejjeġ tajba? Id-diskors u l-għemejjel tagħna jikxfu n-natura interna tagħna (Mt.7:16-20). Impossibbli għall-midinbin illi jagħmlu lilhom infushom tajbin (Ġer.13:23; 17:1). Biss il-grazzja omnipotenti t’Alla kapaċi tikkonvertihom, bl-għotjiet tal-indiema u l-fidi (Mt.19:25-26).

mill-kotra tal-qalb. Il-Fariżej provaw jittimbraw lil Ġesù bħala midgħi (Mt.12:24). Id-diskors pervers tagħhom żvela l-ħażen mistur f’qalbhom; kienu jixbhu siġra mħassra. Allura ħtieġu konverżjoni radikali. 


Mt.12:36-37. kull kelma traskurata. Id-dnub apparentement l-iżjed insinifikanti – żelqa fid-diskors – iġorr miegħu l-potenzjal sħiħ ta’ kastig fl-infern (cf., Ġak.3:6). Ebda ħbit kontra l-qdusija t’Alla ma tista’ tissejjaħ trivjali jew venjali. Kull persuna, finalment, ikollha tagħti kont ta’ kull indiskrezzjoni. M’hemm ebda indikazzjoni aktar qawwija ta’ siġra ħażina mill-frott ħażin tad-diskors (Mt.12:33,35). Is-sriep valenużi jingħarfu mill-ħluq valenużi li jiżvelaw qlub ħżiena (Mt.12:34; cf., Lq.6:45). Kulħadd hu ġġudikat bi kliemu; kulma ngħidu jikxef x’hemm fi qlubna. 

minn kliemek tkun iġġustifikat. Il-kliem ta’ kull individwu hu evidenza esterna tal-karattru intern. “Iġġustifikat” hawn tissinifika “muri bħala ġust.”


Mt.12:38-39. irridu naraw sinjal. In-nies iddomandaw miraklu mis-sema (Lq.11:16). Ġesù jirrimarka illi t-tali rikjesta hi motivata biss mill-inkredulità, speċjalment meta diġà wettaq bosta dimostrazzjonijiet ta’ qawwa messjanika (Lq.7:20-23). Hekk jew hekk, il-preżenza ta’ Ġesù nnifsu hi “sinjal” tal-attività ridentiva t’Alla (Lq.2:34; 11:30). L-infidili m’għandhom ebda dritt jiddomandaw mirakli; Ġesù ma jissodisfahomx. Hekk jew hekk diġà kien għamel kwantità kbira ta’ mirakli.

L-Iskrittura għandha ħafna xi tgħid dwar il-mirakli, u tiddeskrivihom bħala “għeġubijiet,” “għemejjel setgħana,” jew “sinjali.”

“Għaġeb” jiġbdilna l-attenzjoni għall-impressjoni magħmula mill-mirakli fuq in-nies. “Miraklu,” mill-kelma Latina miraculum, ifisser xi ħaġa li tqanqal meravilja. Miraklu hu avveniment lil hinn min-normal, u jagħmilna konxji tal-preżenza u l-qawwa t’Alla. 

“Għemil setgħan” jeħodna lura fil-ġrajja biblika lejn il-preżenza ta’ atti sopranaturali t’Alla li jinvolvu l-qawwa li biha ħalaq id-dinja mix-xejn. Il-qawmien tal-mejtin għall-ħajja huwa opra ta’ qawwa ħallieqa: Kristu kemm-il darba qajjem il-mejtin (Lq.7:11-17; 8:49-56; Ġw.11:38-44); l-istess ukoll għamlu Elija, Eliżew, Pietru u Pawlu. Għemejjel bħal dawn ma jistgħux jiġru b’kumbinazzjoni jew koinċidenza, u ma nistgħux infissruhom skont il-liġijiet tan-natura. 

“Sinjal” hi kelma wżata regolarment għall-mirakli fl-Evanġelju skont Ġwanni, fejn għandna rrekordjati seba’ mirakli ewlenin. Bihom l-appostlu jindikalna li l-mirakli jfissru xi ħaġa: fihom messaġġ. Huma speċi ta’ siġill fuq min jagħmilhom, u juruh bħala rappreżentant u messaġġier t’Alla (Ġw.10:38; 14:11; cf., Es.4:1-9; 1 Slat.17:24; 2 Kor.12:12; Ebr.2:3-4). Barra minn hekk juru l-qawwa t’Alla li jwasslilna s-salvazzjoni u jagħmel ħaqq, minkejja kull oppożizzjoni tal-bniedem. 

Il-mirakli rapportati fil-Bibbja mhumiex assurdi, bla raġuni, jew sempliċement wirjiet ta’ qawwa biex minn jarahom jieħu pjaċir bihom. Iwettqu direttament l-għanijiet t’Alla u jaqblu mal-maestà u l-qdusija tiegħu.

It-twemmin fil-mirakoluż huwa magħġun f’kull min hu tabilħaqq Kristjan. L-inkarnazzjoni u l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu huma ż-żewġ mirakli supremi fl-Iskrittura. Bihom il-fidi Kristjana hi radikalment differenti mir-reliġjonijiet tad-dinja. Ma tistax tiċħad li l-Iben t’Alla ħa ġisem uman bħal tagħna mingħajr ma tiċħad il-fidi nfisha. M’hemm xejn kontra r-raġuni meta nemmnu li Alla (li ħalaq id-dinja) jista’ jindaħal kreattivament fiha fi kwalunkwe żmien, kif attwalment għamel.


Mt.12:39. adultera, ċoè infidila lejn Alla. Il-Mulej ma jċanfarx nies li jfittxuh minħabba bżonn ġenwin, anzi, jieħu pjaċir bihom. Hawn jaf, pero, li l-opponenti tiegħu huma malizzjużi.


Mt.12:39-40. is-sinjal ta’ Ġona. Alla ħeles lil Ġona mill-għarqa u l-ħuta kbira, u hekk serva bħala sinjal għan-nies ta’ Nineve illi l-messaġġ tiegħu kien mingħand Alla. B’mod simili, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù se jkunu sinjal għan-nies, illi hu l-Profeta mibgħut mingħand Alla. “Ġona sar sinjal,” jingħad f’Luqa, ċoè għelm ta’ ġudizzju li għad jiġi. Ġesù jistma r-rakkont dwar Ġona bħala storikament veru.


tlett ijiem u tlett iljieli. Mhux aktar minn daqshekk, jew inkella t-tgħaqqida ta’ kwalunkwe parti ta’ tlett ijiem separati. Ġesù tqajjem fi tlett ijiem għalkemm indifen il-Ġimgħa waranofsinhar u tqajjem il-Ħadd filgħodu (mela, parti mill-Ġimgħa, is-Sibt kollu u parti mill-Ħadd: tlett ijiem skont il-komputazzjoni Lhudija). 

Il-frażi tista’ tittieħed bħala espressjoni konvenzjonali għal perjodu qasir (cf., Ħos.6:2). Jum mhux bilfors ifisser erbgħa u għoxrin siegħa (cf., Sal.1:2). Tlett ijiem u tlett iljieli mhux bilfors ifissru tnejn u sebgħin siegħa preċiżi (cf., Est.4:16; 5:1). Ġesù nnifsu qal li kellu jirxoxta “fit-tielet jum” (Mt.16:21; 17:23; 20:19; cf., 26:61). Imma “fit-tielet jum” ma tistax tfisser “wara tlett ijiem.” Dil-fehma tiffittja l-aħjar l-ordni kronoloġika ta’ avvenimenti mogħtija (cf., Mk.14:1), kif ukoll il-fatt li Ġesù miet f’jum l-Għid (il-Ġimgħa) biex iwettaq il-kondizzjonijiet bħala l-Ħaruf tal-Għid tagħna (1 Kor.5:7; cf., Lev.23:5-15). 


Mt.12:41. L-irġiel Nineviti għad iqumu fil-ġudizzju. Hekk Ġesù jafferma indirettament l-istoriċità tal-ġrajja rekordjati fil-Ktieb ta’ Ġona, għax jgħid li dawk in-nies li semgħuh għad iqumu f’avveniment futur. Ġesù regolarment jesprimi twemmin sħiħ fl-Iskritturi tal-Patt il-Qadim kollu, sew jekk isemmi lil Adam u l-ewwel żwieġ, Noè u d-dulluvju, jew persunaġġi oħra. 


Mt.12:43-45. l-ispirtu impur joħroġ minn bniedem. Probabbilment Kristu qed jitkellem dwar ix-xogħol ta’ eżorċisti foloz, li jidher ġenwin u joffri serħan temporanju, iżda s-sitwazzjoni ssir eħżen minn qatt qabel (Lq.11:26). 

miknusa u kollox irranġat fl-ordni. Ir-raġel naddaf ħajtu, u daqshekk. Ħajtu tinsab vojta, u allura miftuħa għal kwalunkwe influwenza ħażina (cf., Mt.12:43-45). Mal-konverżjoni l-fidili huma meħlusa mill-kundanna u l-ħtija tad-dnub; huma wkoll obbligati biex jikkommettu lilhom infushom għal ubbidjenza radikali, talb, ġustizzja, jitimgħu lil ruħhom bil-Kelma u jkunu mimlija bl-Ispirtu s-Santu. 

Meta nikkonvertu ma jfissirx li l-qawwa ta’ Satana spiċċat; anzi, jibqa’ minaċċa kontrina. Hemm sigurezza mid-dnub u x-xitan billi ninħbew fi Kristu, nibqgħu fih, u nużaw il-mezzi ta’ grazzja disponibbli permezz tiegħu. Ma rridux inħallu l-bieb miftuħ għal influwenza satanika. L-avvanz fit-taqdis tagħna għandu jkun kontinwu u konsistenti. 

l-istat finali ta’ dak ir-raġel isir agħar. Din hi deskrizzjoni ta’ xi ħadd li jipprova jagħmel riforma morali mingħajr ma jkun riġenerat mill-Ispirtu s-Santu. Titjib fil-karattru, apparti l-ħidma tal-Ispirtu fit-twelid mill-ġdid u t-taqdis tiegħu, qatt mhu effettiv u permanenti; eventalment il-persuna terġa’ lura għall-imġiba ħażina ta’ qabel.

Hu essenzjali illi l-Ispirtu s-Santu jkun jgħammar fil-qalb, għax ma nistgħux nibqgħu newtrali. Jew aħna tal-Mulej inkella tax-xitan (Rum.8:9). Jekk ma nikkommettux irwieħna għas-Sultan ladarba nkunu esperjenzajna qawwietu, il-qagħda aħħarija tagħna tkun agħar milli kieku s-saltna qatt ma resqet lejna (Ebr.6:4-6). 


Mt.12:46. ħutu, ċoè wlied imwielda lil Marija u Ġużeppi. L-idea li Marija ma kellhiex ulied ħlief lil Ġesù żviluppat sekli wara. Fir-Rumaniżmu, il-verġinità perpetwa ta’ Marija saret domma, u allura jirraġunaw illi “aħwa” tista’ tirreferi għal qraba oħra (cf., Ġen.13:8; 14:16; Lev.10:4; 1 Kron.23:22). Però f’Marku dejjem tfisser persuna bl-istess ġenituri. Mattew jindika li Marija u Ġużeppi bdew relazzjonijiet maritali normali wara t-twelid ta’ Ġesù (Mt.1:25), hekk li jagħti tifsira miżjuda ma’ kif Luqa ddeskriva lil Ġesù bħala l-ewwel imwieled ta’ Marija (Lq.2:7). Mattew espliċitament juri l-konnessjoni ta’ ħut Ġesù ma’ Marija, u allura jindika li ma kinux kuġini jew ulied Ġużeppi minn żwieġ ieħor, kif immaġinaw xi wħud mis-Santi Padri. 


Mt.12:46-49. ommi u ħuti. Hawnhekk abbli kienu qed jipprovaw “iġibuh f’sensih” (cf., Mk.3:21), għax forsi rraġunaw illi bħala l-iben il-kbir kien qed jittraskura l-familja. Il-missjoni messjanika ta’ Ġesù ħadet preċedenza mqar fuq lealtajiet ta’ familja. Ma jinnegax l-importanza tal-familja bijoloġika (cf., Mt.15:3-9), iżda jisħaq fuq il-preminenza tas-saltna u l-impenn tal-persuna lejh. Jenfasizza s-supremazija u l-eternalità ta’ relazzjonijiet spiritwali (cf., Mt.10:37). Wara kollox, imqar il-familja tiegħu kellha bżonnu bħala Salvatur (cf., Ġw.7:5). 


Mt.12:50. jagħmel il-volontà ta’ Missieri. Mhux biex isalva bl-ubbidjenza jew it-tjieba personali tiegħu. L-ubbidjenza lejn il-Missier hi evidenza konkreta ta’ salvazzjoni bi grazzja. 

Ġesù hawn jagħmel dikjarazzjoni deċiżiva u komprensiva dwar l-iddixxiplar veru. Jinvolvi relazzjoni spiritwali li tmur lil hinn minn familja fiżika u hi miftuħa għal dawk kollha mqawwija mill-Ispirtu s-Santu biex jersqu lejn Kristu bl-indiema u l-fidi, u huma magħmula kapaċi biex jgħixu f’ubbidjenza għall-Kelma t’Alla. 


Mt.13:3. parabboli huma stejjer qosra msawra minn Ġesù biex jgħallem bihom lezzjoni spiritwali jew morali. Ifisser verità spiritwali bi ġrajja vvintata iżda realistika. Normalment parabbola fiha punt jew idea ċentrali waħda, u tipproduċu riżultati differenti f’nies differenti. Mhuwiex lant nittrattawha bħala allegorija, bħallikieku kull dettall tagħha jfisser xi ħaġa oħra. 


Mt.13:9. Min għandu widnejn, ħa jisma’. Hi frażi li ssejjaħ għal attenzjoni ffokata biex wieħed jagħraf it-tifsira tal-analoġija (ara wkoll Mt.11:15; 13:9,43; Mk.4:23; Lq.8:8; 14:35; Riv.2:7; cf., Sal.115:6). Frattant aktar minn fehma umana hi neċessarja biex wieħed jinterpreta l-parabbola – biss dawn mifdija jkollhom is-sinifikat veru tagħha spjegat lilhom mill-Għalliem divin. 


Mt.13:11. Lilkom hu mogħti. L-abbiltà biex nifhmu verità spiritwali hi għotja ta’ grazzja mingħand Alla, mogħtija skont ir-rieda sovrana tiegħu lill-magħżulin tiegħu. Min mhux magħżul ma jirċevix dan il-favur; aktarx jaħsad il-konsegwenzi naturali tal-inkredulità u r-ribelljoni tiegħu – għama spiritwali (Mt.13:13). 


Mt.13:11. il-misterji ta’ saltnet is-smewwiet huma veritajiet sigrieti u moħbija fil-passat (jew indikati b’mod pjuttost mistur fil-Patt il-Qadim), iżda issa huma murija lid-dixxipli mis-Sultan innifsu (cf., 1 Kor.2:7; 4:1; Ef.3:4-5). Ħafna dottrini speċifiċi fil-Patt il-Ġdid huma identifikati bħala “misterji” (eż., Rum.11:25; 1 Kor.15:51; Ef.5:32; Kol.1:26-27; 2 Tes.2:7; 1 Tim.3:9,16). 

Il-misterju, jew sigiret, jirreferi għar-rivelazzjoni speċjali (Rum.16:25; Ef.1:9; 3:3,9), xi tagħrif mhux żvelat qabel, iżda issa mikxuf. Fil-Patt il-Qadim hemm l-idea illi kulma jisma’ l-profeta jsir awtoritattiv, il-messaġġ ispirat għall-poplu t’Alla (Es.24:15-18; Dt.33:2; 1 Slat.22:19; Isa.6:1-13; Ġer.23:18; Am.3:7). It-tali rivelazzjoni tilħaq it-twettiq tagħha fl-evanġelju, “il-misterju ta’ Kristu” (Ef.3:4; Kol.4:3), jew “il-misterju tal-evanġelju” (Ef.6:19). 

Hawnhekk il-misterju hu illi s-saltna ġiet ma’ Ġesù, għax hu s-Sultan. Il-misterju, mgħoddi lid-dixxipli, hu kuntrastat mal-parabboli magħduda lil dawk li għadhom barra. Għall-infidili, il-parabboli huma indovinell (kuntrast ma’ Ġw.16:29), u l-fehma tagħhom mhijiex milħuqa, kif kien profetizzat (Mk.4:12, ċitazzjoni ta’ Isa.6:9-10). Għalihom Ġesù jibqa’ enimma provokattiva. 


Mt.13:11-17. mberkin għajnejkom għax jaraw. Tul il-pass kollu Ġesù jenfasizza l-għażla divina. Imqar il-kapaċità biex nifhmu l-messaġġ, aħseb u ara biex nirrispondu għalih bil-fidi, hi l-għotja t’Alla. Il-Missier jagħtina l-kompetenza biex naraw u nisimgħu spiritwalment. Lilkom hu mogħti, iżda lil nies oħra mhuwiex mogħti. Il-bniedem hu dipendenti fuq il-ħniena t’Alla għas-salvazzjoni tiegħu. 


Mt.13:12. Għal min iddaħħal f’relazzjoni vitali ma’ Ġesù, il-parabboli jfanndu u jseddqu dik il-komunjoni: min għandu se jingħatalu. Iżda għal nies oħra, li m’għandhomx fidi ġenwina, il-parabboli jkabbru l-injoranza u t-taħwid. Iservu bħala strument ta’ ġudizzju billi jwebbsu lill-impenitenti. Mela l-funzjoni tal-parabboli hu doppju: idawlu u jostru. 


Mt.13:13-15. filwaqt li jaraw ma jarawx. Tul il-pass kollu l-awtur jenfasizza r-responsabbiltà umana tan-nies li jwarrbu lil Kristu. Jinkludi r-referenza għal Isaija 6:9-10 biex jillustra kif is-sovranità divina u l-kontabbiltà umana huma kompatibbli. Ma jinnegawx lil xulxin, avolja ma nifhmux eżattament kif jirrelataw flimkien. M’għandniex naħsbu illi Alla jagħmihom għax b’xi mod jieħu pjaċir fil-qirda tagħhom (cf., Eż.33:11). Nistgħu ngħidu illi jagħmihom bħala att ta’ ħniena, sabiex il-kundanna tagħhom ma tkunx ikbar. 


Mt.13:18-23. Il-misterju tal-parabbola (Mk.4:4-20; Lq.8:11-15) mhuwiex it-tagħlim morali tagħha dwar l-ebusija ta’ qalb il-bniedem. Insibuh fil-paradoss illi l-miġja tar-renju t’Alla għandha tkun identifikata ma’ żerriegħa fraġli. Bin il-Bniedem li jeżerċita kull awtorità fuq l-art (Mk.2:11,27) jidher bħala Ġesù ta’ Nażaret. Miġjet is-saltna mhijiex ugwalment viżibbli lil kulħadd, għalkemm hi saltna ta’ qawwa. Dawk fuq barra għandhom qlub xejn riċettivi. Għal dawk sensittivi għal ħidmet Alla, il-parabbola tikxef il-misterju tal-fidwa, moħbi fi Kristu nnifsu u f’ħidmietu.


Mt.13:19. jiġi l-Ħażin u jaħtaf dak li nżera’ f’qalbu. Konverżjoni tista’ tkun inkompluta u allura inaċċettabbli. Imtaqqla b’sens ta’ dnub, individwi ġieli jfittxu l-maħfra iżda ma jkunux riġenerati mill-Ispirtu s-Santu. Għalkemm jistgħu jingħaqdu fix-xirka ma’ Kristjani veri, u jsiru membri fi knisja, ifallu milli juru impenn ġenwin lejn Kristu u separazzjoni mid-dinja. Konverżjonijiet nofs leħja jirriżultaw minn dawn il-fatturi: 

1. L-ewwel u qabel kollox, kif isemmi Ġesù hawnhekk, hemm attività satanika għaddejja li tfixkel lin-nies milli jemmnu ġenwinament (cf., Mk.16:15-17; Mt.10:1,8; 12:22-29). 

2. Il-knisja tittratta ma’ nies qed ifittxu. Tiżbalja jekk tiddikjarahom konvertiti b’mod mgħaġġel mingħajr ma tikkomunikalhom fehma xierqa tal-vanġelu u d-domandi tiegħu. 

3. Xi nies jemmnu fi Kristu b’moħħhom biss; il-qalb ma tkunx mirbuħa, ċoè, il-personalità sħiħa tagħhom tibqa’ lura milli tafda fih (cf., At.2:37; 2 Kor.4:6). 

4. Xi nies jonqsu milli jindmu sinċerament u allura jibqgħu kkakkmati mad-dnub (cf., Mt.3:2; At.8:18-23). 

5. Nies oħra jassumu li huwa aċċettabbli tilqa’ lil Kristu bħala Salvatur, iżda mhux bħala Sid. Dan hu inadegwat, u inġurjuż għall-unur ta’ Kristu nnifsu. Il-Feddej tagħna jrid isalva l-ħajja u l-personalità kollha tagħna. Ma jridx jagħtina biss maħfra, iżda taqdis u saħansitra jwassal lil niesu għall-glorifikazzjoni eterna (Mt.13:20-21). 

6. Il-fidi ta’ xi nies interessati tibqa’ msejsa biss fuq il-kariżma jew karattru qawwi ta’ min wasslilhom il-messaġġ tal-vanġelu, aktarx milli jkunu daru lejn Kristu bħala riżultat tal-Ispirtu u l-qawwa divina fihom (1 Kor.2:4-5; 1 Tes.1:4-10). 


Mt.13:20. jirċeviha bil-ferħ. Rispons entużjast u emozzjonali bla ma wieħed iqis x’inhu involut. Xi nies jimpenjaw ruħhom emozzjonalment u superfiċjalment, u jgħoddu lilhom infushom bħala salvati minn Kristu, iżda l-esperjenza tagħhom mhijiex spiritwalment ġenwina. Jibqgħu interessati biss sakemm ikollhom iħallsu prezz, imbagħad jabbandunaw il-professjoni tagħhom.


Mt.13:22. l-inkwiet tad-dinja hu l-ansjetà u l-biża’ dwar ħwejjeġ ta’ dil-ħajja preżenti (Mt.6:25-34). 

l-ingann tal-għana. Ir-rikkezzi huma barka minn fuq, iżda jsiru perikolużi jekk ijassru l-qalb (Ġak.4:4; 1 Ġw.2:15-17). Nistgħu nużawhom, iżda ħafna jabbużawhom; jagħmluhom il-mira ta’ ħajjithom, għax jaħsbu li fihom sigurtà u poter. Wieħed jista’ jintrabat mal-għana bla ma kważi jintebaħ bil-qerq li jkun għereq fih. Frattant tista’ tħobb il-flus bla ma jkollok flus, u jista’ wkoll ikollok il-flus bla ma tħobbhom. Il-flus u beni materjali ma jissodisfawx ix-xewqat profondi tal-qalb umana, u lanqas iġibu kuntentizza u hena ġenwina li b’mod insidjuż iwiegħdu. Agħar minn hekk, jagħmu lil dawk li jfittxuhom hekk li ma jagħrfux l-importanza ta’ interessi spiritwali u dejjiema (1 Tim.6:9-10). Tentattivi biex tirċievi Kelmet Alla mingħajr ma tindem mill-atteġġjament mondan qatt mhumx profitabbli.


Mt.13:23. l-art it-tajba. Mhux il-fidili kollha jipproduċi l-istess kwantità ta’ frott, iżda kollha jesprimi fidi ġenwina fi Kristu, bir-riżultat illi jipproduċu frott ta’ tjieba u virtujiet oħra.

Il-karatteristika ta’ art tajba hi illi tipproduċi frott. Il-Kelma tibdel il-qalb b’tagħrif esperjenzali, hekk illi Satana, il-provi u l-mondanità ma jkunux kapaċi jwaqqfuha milli tipproduċi ħajja ġdida (Ġw.15:5-6; Gal.5:22-24). Il-Kristjan kontinwament hu attiv. Jagħti kas l-evanġelju għax Alla jagħtih il-grazzja biex jirrispondi għalih. Jagħtih merħba f’ħajtu billi jifhmu u jobdih; għal darb’ oħra dan jiġri għax Alla jiftaħlu qalbu hekk illi l-imġiba tiegħu tibda tkun trasformata u tkompli f’dan il-proċess ta’ qdusija (At.16:14). 


Mt.13:25. Is-sikrana tixbah il-qamħ. Fil-parabbola ta’ qabel l-għadu jaħtaf iż-żerriegħa, u issa jiżra’ l-ħaxix ħażin. Il-messaġġi huma distinti u m’għandhomx ikunu konfużi flimkien. 


Mt.13:30. jikbru flimkien. Alla jippermetti l-fidili u l-infidili jgħixu mħallta flimkien fid-dinja sa jum il-ġudizzju, il-ħsad. 


Mt.13:31-32. Il-ħabba tas-senapa mhijiex l-iżgħar żerriegħa li teżisti, iżda Ġesù ovvjament ma kienx qed jirreferi għaż-żrieragħ kollha eżistenti, iżda ż-żrieragħ magħrufa għall-bdiewa ta’ żmienu li kienu jiżirgħu fl-għelieqi tagħhom. Għal-Lhud iż-żerriegħa tas-senapa (jew mustarda) kienet l-iżgħar; allura m’hawn ebda konflitt bejn ix-xjenza u l-Bibbja. 

Il-parabbola tal-ħabba tas-senapa tagħti stampa tas-saltna li tibda b’influwenza ċkejkna u tibqa’ tikber sakemm issir mondjali fl-iskop tagħha. Is-siġra tirrappreżenta l-isfera tas-salvazzjoni, li tikber tant illi tipprovdi kenn, protezzjoni u benefiċċju lin-nies. Imqar l-infidili li jidħlu f’kuntatt mas-saltna, minħabba d-dixxipli ġenwini, ikunu xi ftit jew wisq imbierka bl-assoċjazzjoni mal-vanġelu u l-qawwa t’Alla fis-salvazzjoni. 


Mt.13:32. ssir siġra. Il-ħwejjeġ t’Alla jistgħu jidhru żgħar fid-dinja, iżda eventwalment ikollhom riżultati kbar. Paragunata mal-Imperu Ruman, saltnet Alla dakinhar dehret insinifikanti, però bil-mod il-mod saret wisq ikbar.

jiġu t-tjur tas-sema u jbejtu fil-friegħi tagħha. Din l-istampa tfakkarna f’Eżekjel 17:23 u 31:6, kif ukoll f’Danjel 4:21, fejn l-għasafar jirrappreżentaw il-ġnus pagani li jsibu kenn fil-Messija u jgawdu l-barkiet tal-patt. Il-Ġentili kellhom ikunu inklużi fis-saltna. 


Mt.13:33. Il-ħmira hi sikwit simbolu tal-ħażen (Mt.16:11; 1 Kor.5:6-7), iżda hawn il-punt hu illi s-saltna tippenetra mad-dinja kollha.

satoni (bil-Grieg, saton, fis-singular). Daqs 21.6 pinta. B’kollox, 3 satoni jagħmlu probabbilment madwar 22 litru (Lq.13.21).


Mt.13:34. mingħajr parabbola xejn ma kellimhom, ċoè lin-nies inġenerali, mhux lid-dixxipli tiegħu. Jerġa’, din l-osservazzjoni tista’ tkun tgħodd biss għal dak l-istadju tal-ministeru ta’ Ġesù, x’kien qed jagħmel f’dak il-perjodu, mhux f’kull okkażżjoni. 


Mt.13:35. Il-profeta f’dan il-każ kien is-salmista (Sal.78:2). Kull min jitkellem f’isem Alla, b’awtorità mingħandu u mibgħut minnu, hu profeta, skont l-Iskrittura. 


Mt.13:37. Dak li jiżra’. Iż-żerriegħ veru tas-salvazzjoni hu l-Mulej innifsu. Hu biss kapaċi jagħti l-qawwa biex il-qalb iddur lejh u tkun trasformata minn ħażina għal tajba, minn mudlama għal imdawla. Hu jagħti l-ħajja, imqar permezz tal-ippritkar u x-xhieda tal-fidili (Rum.10:14). 


Mt.13:38-40. Il-ħsad hu l-konsumazzjoni taż-żmien. Ġesù hawn jafferma li l-ġudizzju finali tal-umanità kollha se jsir fl-aħħar tad-dinja, meta l-ħżiena jkunu mifruda mit-tajbin. Frattant l-għedewwa tas-saltna (is-sikrana) u wlied is-saltna (iż-żerriegħa t-tajba) jibqgħu jeżistu flimkien fl-għalqa, li hi d-dinja, mhux il-knisja (li kemm jista’ jkun trid tinżamm safja fil-qdusija).


Mt.13:41. Bin il-Bniedem għad jibgħat l-anġli tiegħu. B’mod indirett Ġesù jasserixxi l-awtorità divina tiegħu: l-anġli huma tiegħu! It-tali dettalji huma sbieħ u sinifikanti.


Mt.13:42,50. forn tan-nar, deskrizzjoni tal-infern, tipika f’Mattew.


Mt.13:43. il-ġusti jiddu bħax-xemx, u hekk jirriflettu d-dija tal-glorja t’Alla, li fih poġġew tamithom (cf., Es.34:35; Dan.12:3; Mt.17:2; 1 Kor.15:49). Il-fidili diġà jiddu filli jippossiedu l-Ispirtu tal-qdusija u l-messaġġ glorjuż tal-vanġelu (Mt.5:16; 2 Kor.4:3-7). Jiddu jerġa’ aktar fil-glorja ta’ saltnet Sidhom fl-istat etern (Rum.8:16-23; Fil.3:20-21; Riv.19:7-9). 


Mt.13:44-46. Għal min jagħraf is-siwi imprezzabbli tagħha, ma jsibha xejn diffiċli jissagrifika kollox mbasta jakkwista saltnet is-smewwiet (Fil.3:8). Hi moħbija minn ħafna nies, iżda hi tant ta’ valur illi n-nies li tkun żvelata lilhom ikunu lesti jċedu kollox biex jipposseduha. Xi wħud isibu s-saltna bħallikieku aċċidentalment, bħal meta wieħed isib teżor, mhux għax kien qed ifittxu. Oħrajn, bħall-merkant, intenzjonalment ifittxu s-saltna. Alla jwassal lin-nies għal saltnatu b’modi differenti. 


Mt.13:47-50. Ix-xibka tat-tkarkir kienet kbira, maħsuba biex taqbad ħafna ħut. Is-sejħa tal-vanġelu ġġib xi nies mid-dinja fi ħdan il-knisja, u fil-ġudizzju finali jkun hemm il-firda bejn l-ipokriti u l-konvertiti tassew. 


Mt.13:52. ħwejjeġ ġodda kif ukoll ħwejjeġ qodma. Id-dixxipli għandhom fehma tajba tal-istorja ridentiva tul il-Patt il-Qadim li tipponta lejn Kristu, u fl-istess ħin igawdu l-atti ġodda tal-fidwa li jimmarkaw il-preżenza tas-saltna. M’għandhomx għalfejn jarmu l-qadim minħabba l-ġdid. Aktarx, dixxerniment ġdid akkwistat mill-parabbli u t-tagħlim ta’ Ġesù għandu jkun apprezzat fid-dawl ta’ veritajiet qodma, diġà magħrufa, u viċe versa. 


Mt.12:57. Ġesù hu sikwit preżentat fil-Vanġeli bħala profeta (Mt.21:11; Mk.6:4,15; Lq.4:24; cf., At.3:20-23) f’armonija mas-sejħa ta’ profeta fil-Patt il-Qadim. Dawn il-karatteristiċi jidentifikawh bħala profeta: 

1. Kien bniedem tal-Ispirtu u l-Kelma (Mt.21:42; 22:29; Lq.4:1,18; 24:27; Ġw.3:34).

2. Mantna dejjem komunjoni intima ma’ Alla (Lq.5:16).

3. Għaddielna tbassir profetiku (Mt.24; Lq.19:43-44).

4. Wettaq azzjonijiet simboliċi li esprimew iż-żelu għall-unur u l-glorja t’Alla (Mt.21:12-13; Ġw.2:13-17). 

5. Espona l-ipokrisija tal-mexxejja reliġjużi u kritika l-fissazzjoni tagħhom fuq it-tradizzjonijiet umani aktarx milli lealtà devota lejn l-Iskrittura (Mk.7:7-9,13).

6. Esprima n-niket u l-għali t’Alla minħabba l-kondizzjoni mitlufa ta’ dawk li rrifjutaw milli jindmu (Lq.13:34; 19:41).

7. Enfasizza t-tagħlim etiku f’Kelmet Alla – il-ġustizzja, il-qdusija, il-fedeltà, l-imħabba u l-ħniena – f’kuntrast għall-osservanza ċerimonjali (Mk.12:38-40; Mt.23:1-36). 

8. Ipproklama r-renju imminenti u l-ġudizzju t’Alla (Mt.11:22,24; 10:15; Lq.10:12,14). 

9. Kien predikatur tal-indiema filli sejjaħ in-nies biex iduru mid-dnub u d-dinja lejn Alla (Mt.4:17; Mk.6:12). 


Mt.13:58. minħabba l-inkredulità tagħhom. Ġesù m’għamilx bosta mirakli f’Nażaret mhux għax kellu bżonn il-fidi tan-nies biex tagħtih il-qawwa, iżda għax il-mirakli qajla fihom valur għal nies bla fidi.


Mt.14:1. tetrarka (bil-Grieg, tetraarkēs) hu titlu ta’ ħakem minuri b’awtorità inferjuri għal ta’ sultan. Litteralment tissinifika wieħed minn erba’ ħakkiema, allura hu gvernatur tar-raba’ parti ta’ reġjun partikolari. Il-kelma nsibuha wkoll f’Luqa 3:19, 9:7, u l-Atti 13:1.


Mt.14:3-5. Erodi kien iddivorzja l-ewwel mara tiegħu biex jiżżewweġ lil Erodja, azzjoni projbita mil-liġi tal-Patt il-Qadim għax kienet mart ħuh Filippu (Lev.18:16,20; 20:21). 


Mt.14:6. Josephus jgħarrafna li bint Erodja kien jisimha Salome.


Mt.14:10. ddekapita. Il-qtugħ ir-ras kienet forma ta’ piena kapitali riżervata għal reati terribbli. Ġwanni l-Battista miet bħala kriminal mixli, bħalma kellu jsir minn Ġesù aktar tard. 


Mt.14:14. tħassarhom. Il-kumpassjoni hi emozzjoni li tqanqal lill-bniedem mill-qigħan tal-enti tiegħu. Tinvolvi għali minħabba s-sofferenza u ċ-ċirkostanzi iebsa ta’ ħaddieħor, akkumpanjata b’xewqa ardenti biex tgħin. 

Hi karatteristika t’Alla (Dt.30:3; 2 Slat.13:23; Sal.78:38; 111:4) u ta’ Ibnu Ġesù (Mt.9:36; 14:14; 15:32; Mk.1:41; 8:2; Lq.7:13). Is-Salvatur tagħna jistenna din l-attitudni mingħandna s-segwaċi tiegħu (Mt.18:33; Lq.10:33). 


Mt.14:15-17. Agħtuhom intom x’jieklu! Il-mogħdrija ta’ Ġesù hu mqiegħda f’kuntrast mal-atteġġjament tad-dixxipli illi xtaqu jeħilsu mill-folla. Ġesù, bħal dejjem, għażel l-imħabba u l-qadi; id-dixxipli kien għad fadlilhom jitgħallmu mingħandu x’inhu servizz fil-prattika. 

Apparti minn hekk Ġesù ttestjalhom il-fidi fis-suffiċjenza tiegħu, iżda mqar wara bosta mirakli kienu għadhom dgħajfa fil-fidi. Il-mirakli fihom infushom ma joħolqux fidi. 


Mt.14:19. Ġesù ħares ’l fuq lejn is-sema: qagħda fiżika tipika fit-talb (cf., Mk.7:34; Lq.24:35; Ġw.11:41; 17:1). Is-smewwiet kien universalment stmat bħala l-għamara tal-Missier (Mt.6:9). 

Ġesù talab il-barka għal ikla provduta mirakolożament minn Alla l-Missier. Din hi prattika kommendibbli għal dawk li jafdaw fil-Mulej għall-provdiment ta’ ħtiġijiethom (Mt.6:11). 

Il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż hu rekordjat fil-Vanġeli kollha (Mk.6:34-44; Lq.9:10-17; Ġw.6:1-14). Is-sinifikat jinkludi dan li ġej: 

1. Jiċċelebra lil Ġesù bħala l-ħobż tal-ħajja (cf., Ġw.6), dak li jipprovdielna sostenn għall-ġisem u r-ruħ. 

2. Hu testimonjanza qawwija dwar is-setgħa divina ta’ Ġesù bħala l-Ħallieq. 

3. Iservi bħala turija tal-kumpassjoni tiegħu lejn nies batuti u fil-bżonn (Mt.14:14; cf., Es.34:6; Mik.7:18). 

4. Jgħallem illi l-ftit tagħna jista’ jkun trasformat f’ħafna jekk inqegħduh f’idejn Sidna u jirċievi barka mingħandu.


Mt.14:20. kielu kollha u kienu sodisfatti. Niftakru fil-provdiment mirakoluż tal-manna fid-deżert fi żmien Mosè (Es.16:1-36, speċjalment v.16). Ġesù hu l-Mosè ġdid li jistabilixxi patt ġdid; hu nnifsu hu suffiċjenti biex jagħmel lid-dixxipli tiegħu kapaċi ħalli jservu lill-bnedmin fi ħtiġijiethom. 

tnax-il ġewlaq mimli. Forsi simboliċi għall-fatt illi Ġesù ġie biex jagħti barka mimlija għal Iżrael tiegħu, ċoè għall-fidili kollha. 


Mt.14:21. ħamest elef raġel. It-tmigħ ta’ folla hekk kbira b’ammont hekk ċkejken kien miraklu tal-prima kwalità, bħall-għemejjel t’Alla fi żmien Mosè (Es.16), u permezz ta’ Eliżew (2 Slat.4:42-44). 


Mt.14:23. Tul is-soġġorn tiegħu fuq l-art, Ġesù sikwit fittex ħin biex jitlob u jkun waħdu m’Alla (cf., Mk.1:35; 6:46; Lq.5:16; 6:12; 9:18; 22:41-42; Ebr.5:7). Biex iservi lill-ġemgħa, baqa’ magħhom (14:29-34), u issa mal-ewwel opportunità jitwarrab biex igawdi komunjoni mal-Missier (Mk.1:35). 

Ħin ta’ devozzjoni fil-preżenza t’Alla, f’tifħir, stqarrija ta’ dnubietna, ringrazzjament, u interċessjoni, hu essenzjali għall-benesseri ta’ kull fidil. Nuqqas ta’ xewqa għat-talb solitari u komunjoni ma’ Missierna smewwieti hu sinjal illi ninsabu għan-niżla spiritwalment. Hu l-waqt propizju biex nitwarrbu minn kull ħaġa li toffendi lill-Mulej, inġeddu l-impenn tagħna u nipperseveraw filli nfittxu lil Alla u l-grazzja tiegħu (cf., Lq.18:1). 


Mt.14:24. Stadju: (bil-Grieg, stadion); pl stadji. Stadju hu madwar 607 piedi, jew 185 metru. (Riv.14:20; 21:16). Hodos sabbatou, vjaġġ tas-Sibt (At.1:12), approssimattivament kien fih sitt stadji.


Mt.14:25. Il-militar Ruman kien jaqsam il-lejl f’erba’ għases ta’ tliet sigħat-il waħda, mis-6.00 p.m. sas-6.00 a.m. Dawn jissemmew fil-Patt il-Ġdid:

It-tieni għassa (tal-lejl): bejn id-disgħa ta’ billejl u nofsillejl (Lq.12:38).

It-tielet għassa (tal-lejl): bejn nofsillejl u t-tlieta ta’ filgħodu (Lq.12:38).

Ir-raba’ għassa (tal-lejl): bejn it-tlieta u s-sitta ta’ filgħodu (Mt.14:25; Mk.6:48).


Mt.14:26. Huwa fantażma! Id-dixxipli setgħu ħasbu li spirtu ħażin kien qed jipprova jqarraq bihom, jew inkella hawn konnotazzjoni ta’ immaġinazzjoni superstizzjuża. (Il-kelma “fantażma” tissemma’ hawn u f’Marku 6:49 biss fil-Patt il-Ġdid). Fantażma hi apparizzjoni jew ħlejqa immaġinarja. Id-dixxipli għall-ewwel ma setgħux jemmnu li hu attwalment Ġesù, minħabba l-impossibbiltà tat-tali att (li wieħed jimxi fuq l-ilma). Niftakru li d-dixxipli kienu eżawriti u mbeżża’ minħabba l-baħar imqalleb, u mhux ħaġa kbira li kienu influwenzati minn superstizzjonijiet ta’ żmienhom.

Jeżistu iħirsa? Jekk b’fantażma jew ħares nifhmu “enti spirtu,” iva (anġli u demonji). Jekk nifhmu “erwieħ fid-dinja ta’ nies li mietu,” it-tweġiba hi ċertament le. Mal-mewt ir-ruħ tmur għall-ġudizzju immedjat (Ebr.9:27), bir-riżultat ta’ ġenna (Fil.1:23) jew infern (Lq.16:22-24), u għalhekk impossibbli tibqa’ hawn fid-dinja bħala ħares. Il-Bibbja ma tagħraf ebda possibbiltà jew alternattiva oħra. 

Frattant entijiet spiritwali kapaċi jagħmlu konnessjoni u jiġixxu fid-dinja fiżika tagħna. L-anġli huma attivi filli jservu ’l Alla, u l-istess id-demonji, filli jopponuh. Id-demonji sikwit jippożaw bħala anġli tad-dawl u qaddejja tal-ġustizzja (2 Kor.11:14-15). Mhux ħaġa kbira għal xi demonju illi “jirreċta” taparsi hu ruħ ta’ persuna mejta, mbasta jżomm lill-bnedmin imqarrqa u bogħod minn Alla. Probabbilment din hi l-ispjegazzjoni ta’ “iħirsa” llum il-ġurnata. Hu kollu riżultat ta’ attività demonika.


Mt.14:27. Jien hu setgħet fakkrithom f’leħen Jaħwè mill-arbuxxell jaqbad (Es.3:14; cf., Dt.32:39; Isa.41:4; 43:25; 45:18; 52:6; Ħos.13:4; Ġoel 2:27), f’kuntest li fih Kristu wera s-sovranità tiegħu fuq il-ħolqien. Ġesù jipprovdi assigurazzjoni lill-povri dixxipli tal-preżenza tiegħu fosthom bħala Salvatur (cf., Isa.43:10-13). Ir-rakkont fih il-marki kollha ta’ teofaniji (dehriet t’Alla) bibliċi, li jinkludu t-twerwir uman, l-identifikazzjoni divina, u kliem ta’ assigurazzjoni. 


Mt.14:28. Ja Sid. Miexi fuq l-ilma waqt maltempata furjuża, Ġesù juri illi hu tabilħaqq is-Sid sovran fuq il-ħolqien, u għalhekk m’għandhomx għalfejn jitwerwru (Mt.14:27) jew jiddubitaw (Mt.14:32). Ir-rikjesta ta’ Pietru hawnhekk uriet il-fidi ta’ Pietru fis-Sid Ġesù. 


Mt.14:31. Bniedem ta’ fidi ċkejkna. Diskors sorprendenti meta nikkonsidraw kif Pietru kien lest jinżel mid-dgħajsa u jimxi fuq l-ilma bħal Sidu. Frattant parti integrali mill-qawwa tal-fidi tikkonsisti filli tippersevera tul il-prova. 


Mt.14:32. ir-riħ batta. Bħalma ġara meta Ġesù ċanfar il-maltempata (Mt.8:26), kif ikkalma l-baħar f’daqqa hawnhekk juri l-qawwa divina tiegħu fuq is-setgħat kaotiċi tan-natura. 


Mt.14:33. It-titlu Bin Alla jirrikonoxxi lil Ġesù bħala l-Messija (Mt.26:63; Sal.2:7), Bin David imwiegħed (2 Sam.7:16); hawnhekk jingħad wara dimostrazzjoni ta’ qawwa divina. Il-qima tad-dixxipli hi f’lokha, u Ġesù jilqagħha (cf., Mt.4:9-10; Riv.19:10).


Mt.15:2. it-tradizzjoni tal-anzjani kienet korp estensiv ta’ liġjiet u interpretazzjonijiet barra mill-Iskrittura illi attwalment u prattikament ħadu post aktar importanti mill-Iskrittura nfisha bħala l-ogħla awtorità reliġjuża fil-Ġudaiżmu. Kienet kodifikata bħala l-Mixna fit-tieni seklu. Tkopri regoli ta’ ħasil u dettalji oħra. Il-knejjes ta’ Kristu llum iridu joqogħdu attenti li ma jiġrilhomx l-istess, xi ħaġa li tbati minnha l-Knisja Kattolika Rumana.

ma jaħslux idejhom. Id-dixxipli ma kinux inħaslu kif preskritt fit-tradizzjoni Lhudija, u allura kienu kkonsidrati ċerimonjalment imniġġsin. Ġesù jikkritika dawn l-espansjonijiet tradizzjonali tal-liġi ċerimonjali għax tant estendew it-tradizzjonijiet tagħhom illi ppermettew il-ksur attwali tal-liġi morali (Mk.7:9-13). Bis-salib Ġesù kellu finalment iġib il-liġi ċerimonjali fi tmiemha. 


Mt.15:6. Ġesù kritika lill-mexxejja illi telqu l-kmandament t’Alla (Mk.7:8). “Titilqu” tista’ tfisser tikkanċellaw, tabbandunaw jew tittraskuraw. Ġesù hu favur il-liġi; bħas-salmista, hu mxennaq għaliha, iħobbha u jobdiha (Sal.119:20). Iwettaqha, jipproteġiha u jgħallimha intatta lil ħaddieħor (Mt.5:17-20). Lanqas mhu kontra kull tip ta’ tradizzjoni, iżda biss kontra użanzi jew għemejjel li jġibu fix-xejn l-Iskrittura jew jidħlu f’konflitt magħha.

Ġesù jagħmel distinzjoni qawwija bejn tradizzjonijiet umani u kmandamenti divini fl-Iskrittura. Drawwiet u użanzi, avolja antiki u popolari, qatt m’għandna nelevawhom għal-livell ta’ liġi divina, altrimenti naqgħu taħt il-kundanna ġusta, invalidajtu kelmet Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom (ara n-notament f’Mk.7:9). Invarjabbilment jiġri illi meta liġi ta’ oriġni umana titqiegħed maġenb liġi divina, il-liġi umana prattikament tegħleb, u l-liġi divina tintesa. 

Il-Knisja Kattolika Rumana llum hi ħatja tal-istess żball gravi, illi tistma l-hekk imsejħa “Tradizzjoni Mqaddsa” bħala ugwali mal-Iskrittura. Hekk biss tista’ tiddefendi t-talb offrut lill-qaddisin, venerazzjoni u qima lil Marija, meqjusa bħala medjatriċi, qrar għand is-saċerdot u sagramenti oħra vvintati, twelid mill-ġdid bil-magħmudija, it-transustanzjazzjoni, iċ-ċelibat tal-kleru u r-reliġjużi, is-saċerdozju medjatorjali, is-sagrifiċċju ta’ Kristu mġedded fil-quddiesa, il-monastiċiżmu (sorijiet u patrijiet), il-venerazzjoni ta’ xbihat skolpiti, relikwi u indulġenzi, l-awtorità u l-primat tal-papa, il-purgatorju u l-indulġenzi, festi ta’ qaddisin u purċissjonijiet, ritwal ivvintat u innovazzjonijiet oħra. Fuq kollox ixxandar vanġelu falz ta’ fidi, opri u sagramenti aktarx milli salvazzjoni bil-grazzja permezz tal-fidi biss fi Kristu waħdu. Filli tibqa’ tippromwovi dawn il-ħwejjeġ qed turi kemm tabilħaqq tbiegħdet mis-safa tal-Kelma t’Alla, bħalma kien ġralhom il-Lhud fi żmien Kristu. L-istess żball gravi li waqgħu fih il-Fariżej qed jiġi ripetut illum.


Mhux biss l-użanzi u tradizzjonijiet reliġjużi umani huma ineffettivi biex inaddfu l-qalb, iżda attwalment iwasslu biex il-Kelma t’Alla tiġi traskurata (Mk.7:13; 10:5,19; 12:28,31). Tradizzjonijiet jew regoli għandhom ikunu msejsa fuq ir-rivelazzjoni biblika u jikkorrispondu magħha (2 Tes.2:15). Kull denominazzjoni Kristjana jmissha tirreżisti t-tendenza li t-tradizzjonijiet reliġjużi jkunu eżaltati flimkien ma’ għerf uman jew drawwiet kontemporanji. L-Iskrittura hi l-unika regola infallibbli għall-fidi u l-imġiba tagħna; qatt m’għandha tkun nullifikata b’ideat umani jew dottrini li jikkontradixxuha. 


Mt.15:7. Il-mexxejja reliġjużi huma ipokriti għax l-azzjonijiet tagħhom huma biss esterni u mhumiex ġejjin mill-qalb. Iktar minn hekk, it-tagħlim tagħhom mhuwiex bibliku; jirrifletti biss drawwiet umani (cf., Mt.15:2-3). Ġesù kixifhom bħala atturi reliġjużi. Filli segwew l-invenzjonijiet umani r-reliġjożità tagħhom kienet biss mekkanika u konformità ma’ konvenzjoni bla ħsieb, mingħajr ma raw il-ħtieġa ta’ qalb pura. 

qalbhom tinsab imbiegħda minni. Il-Fariżej ġeneralment kienu ħatja tad-dnub magħruf bħala legaliżmu. Wieħed legalist jissostitwixxi atti esterni, regoli jew diskors għall-atteġġjament intern xieraq li jirriżulta meta wieħed hu mwieled mill-ġdid. Il-legalisti jonoraw lil Alla b’xofftejhom mentri l-vera personalità tagħhom qajla tkun trid taf bih. Jidhru ġusti esternament, iżda fil-qalb m’għandhomx imħabba sinċiera lejn Alla. 

Kull min jipprova jżomm il-kmandamenti t’Alla, mingħajr fidi fi Kristu Ibnu, u l-qawwa li jagħti l-Ispirtu s-Santu, hu legalist. Sikwit il-legalist jaħseb li kapaċi jirbaħ il-ġenna bl-ubbidjenza formali tiegħu għal-liġi divina. Allura l-legaliżmu hu kwestjoni ta’ motiv. 

Għax imqar il-Kristjan ġenwin jibqa’ taħt l-istruzzjoni, id-dixxiplina u d-dover li jobdi t-tagħlim ta’ Kristu. Il-Patt il-Ġdid jitkellem dwar il-liġi perfetta li tagħti l-libertà (Ġak.1:25), il-liġi rjali (Ġak.2:8), il-liġi ta’ Kristu (Gal.6:2), u l-liġi tal-Ispirtu (Rum.8:2). Id-differenza tinsab filli l-Kristjan jobdi mill-qalb, u jobdi għax diġà hu maħfur; l-ubbidjenza tiegħu hi rispons għall-imħabba divina li diġà għaraf u rċieva. Għall-kuntrarju, il-legalist jaħseb, fl-arroganza u l-kburija sigrieta tiegħu, illi jista’ jixtri lil Alla, meta Alla jaf qalbu u jaf kemm hu mbiegħed minnu. 


Mt.15:8. qalbhom tinsab imbiegħda minni. Il-liġi t’Alla tirrekjiedi kemm qdusija ġewwiena kif ukoll esterna. Filwaqt li l-Fariżej ippontaw subgħajhom lejn id-dixxipli għax ma ħaslux idejhom (qdusija esterna), Ġesù xela lill-Fariżej talli kienu profani internament, bla qdusija interna (Mt.23:25-27). 


Mt.15:9. jgħallmu bħala dottrini l-preċetti tal-bnedmin. Kristu afferma l-prinċipju bibliku illi l-qima togħġob lil Alla biss meta tingħata kif jikkmanda hu, u mhux skont l-ideat u l-invenzjonijiet umani. Dal-prinċipju nsejħulu l-prinċipju regolattiv fil-qima, u hu mgħallem matul il-Bibbja (eż., Es.25:40; 39:43; Lev.10:1-3; Kol.2:23). 


Mt.15:11. dak li jipproċiedi mill-ħalq, dan iniġġes lill-bniedem. Meta l-bniedem jgħid xi ħaġa mniġġsa jew profana, ikun qed jitħammeġ moralment (cf., Ġak.3:6). Hemm distinzjoni qawwija bejn xi tniġġis ċerimonjali, li jitneħħa b’mezzi ċerimonjali, u tniġġis morali, li jikkorrompi lir-ruħ u li għalih jeħtieġ maħfra u tindif mingħand Alla nnifsu. 


Mt.15:13. Kull xitla li ma ħawwilx Missieri. L-unika reliġjon milqugħa quddiem Alla hi dik li hu stess joħloq bil-grazzja sovrana tiegħu fi Kristu (Mt.13:37). 

maqlugħa mill-għerq. Fiż-żmien preżenti l-ġusti jkollhom jittolleraw il-preżenza tal-ipokriti, iżda fil-ġudizzju finali Alla għad jisseparahom għad-destini xierqa tagħhom. 


Mt.15:14. Ħalluhom. Dan il-ġudizzju sever hu forma tal-għadab t’Alla, li eventwalment jabbanduna lil min ma jridx jaf bih; iċedih għall-ħaqq, li jibda saħansitra minn did-dinja. Min irid jgħix fid-dnub jitħalla fid-dnub, u jitwebbes fih (cf., Rum.1:18-32). U aktar dnub isir il-kastig għad-dnub. 

Il-Fariżej huma gwidi għomja tal-għomja: inkonxji għall-ipokrisija tagħhom infushom u, agħar minn hekk, jiżvijaw lill-poplu għax mhumiex jirrealizzaw l-intenzjoni vera tar-rieda t’Alla fil-Patt il-Qadim.

Il-ħafna mirakli ta’ Ġesù meta fejjaq lill-għomja kienu sinjal illi l-midinbin jeħtiġuh biex ifejqilhom l-għama spiritwali tagħhom ħalli jafdaw u jobdu Kelmet Alla (Isa.42:6-7; Mt.6:22-23; 7:3; 13:15; 23:16-17,19,24,26; At.26:18). 


Mt.15:18. iniġġsu ’ll-bniedem. Il-problema tal-qalb imniġġsa hi wisq ifnad milli wieħed jista’ jassumi (Isa.29:13-16; Ġer.17:9-10); hi bil-qabda iżjed sinifikanti minn impurità ċerimonjali (Mk.7:19). Il-problema fl-essenzjal tagħha hi x’jirresiedi fil-qalb, u allura x’joħroġ minnha – id-dnub fl-għamliet u espressjonijiet varji tiegħu. Fil-Bibbja, il-qalb tirreferi għall-persuna l-vera quddiem Alla, u (kuntrarju għal opinjonijiet moderni) tinkludi l-moħħ, l-emozzjonijiet u r-rieda. 


Mt.15:19. mill-qalb. Id-dnub ma jidħolx f’persuna b’influwenzi esterni jew ħmieġ fiżiku; jitnissel aktarx mill-korruzzjoni interna ta’ umanità mwaqqa’ (Ġen.6:5). Il-qalb umana hi ostili għal Alla u l-verità tiegħu (Mk.3:5; 6:52; 7:6; 8:17; 10:5; 16:14; Rum.8:7-8). 


Mt.15:20. b’idejn mhux maħsulin. Ritwali esterni ma jaffettwawx direttament ir-realtajiet spiritwali. B’dan Ġesù kien diġà qed jissuġġerixxi illi wasal iż-żmien biex jabolixxi l-liġijiet ċerimonjali (Mk.7:19; Lq.11:41; Ġw.4:21-24), partikolarment b’mewtu fuq is-salib (Mt.27:51). 


Mt.15:23. ma weġibhiex kelma. Ġesù injora l-ewwel petizzjoni tagħha; hekk ittestja l-fidi tagħha sabiex joħroġhielha fil-beraħ. 


Mt.15:24. Ma kontx mibgħut ħlief għan-nagħaġ il-mitlufin ta’ dar Iżrael. Qabel ir-resurrezzjoni ta’ Ġesù, il-ħajt ta’ separazzjoni (Ef.2:14) kien għadu wieqaf, u allura Ġesù ffoka l-ministeru tiegħu fuq il-ħtiġijiet spiritwali tan-nisel fiżiku ta’ Abraħam (Mt.9:36; 10:6) qabel ma bagħat l-evanġelju lill-ġnus (Mt.28:19). Ġesù ġie bħala l-Messija u werriet tat-tron ta’ David. Ibierek lill-mara biss wara li għamilha ċara illi ma kellha ebda jedd għall-barka mwiegħda lil Iżrael; aktarx, ittamat illi tibbenifika mit-tifwir ta’ dawk il-barkiet. 


Mt.15:26. l-ħobż tat-tfal huma l-barkiet offruti lil-Lhud. Il-klieb, ċoè l-Ġentili, kellhom post fid-dar t’Alla, imma mhux wieħed prominenti. Il-kuntest jindika li dawn huma klieb miżmuma d-dar, mhux jiġġerrew fit-toroq. L-espressjoni hi differenti mill-insult komuni, “kelb pagan.” B’lingwaġġ apparentement insolenti Ġesù qed jittestja l-fidi tal-mara: irid jara kemm kienet lesta tkun persistenti filli tfittex barka mingħandu.


Mt.15:27. Iva, Sid tindika l-fidi umli tal-mara, kif ukoll l-attitudni tagħna f’sottomissjoni u qima. Taf illi hi midinba u ma ħaqqhiex il-barkiet divini. Ir-rispons tagħha hu nieqes mill-kburija u dipendenza fuqha nfisha; Ġesù jonora r-rikjesta tagħha favur bintha.

B’umiltà l-mara qabdet ma’ kliem Ġesù. Ma ċaħditx il-pożizzjoni indenja tagħha (klieb) iżda serrħet fuq il-grazzja tiegħu (frajkiet). 


Mt.15:28. kbira l-fidi tiegħek. Bħal fil-każ taċ-ċenturjun (Mt.8:10), Ġesù faħħar id-dipendenza umli u persistenti ta’ dil-mara fuqu. Hekk implika li niesu għad ikunu miġbura mill-popli kollha (Mt.12:21). 

bintha tfejqet minn dak il-ħin stess. Ġesù wera setgħetu illi jfejjaq istantanjament u mill-bogħod. Inċidentalment, l-hekk imsejħfa fejjieqa kariżmatiċi ta’ żmienna jidhru li huma totalment foloz għax mhumiex kapaċi jagħmlu dat-tip ta’ mirakli, iżda jridu joħolqu “atmosfera ta’ eċċitament” biex forsi jkunu hemm xi kambjamenti psikosomatiċi, mhux fejqan organiku jew skonġriment immedjat bħalma hu dan. 


Mt.16:1. il-Fariżej u s-Sadduċej kienu tipikament rivali ta’ xulxin, u ma jitħamlux bejniethom, minħabba t-twemmin differenti tagħhom (At.23:6-8), iżda hawn insibuhom uniti fl-oppożizzjoni kontra Ġesù. 


Mt.16:1. biex iġarrbuh talbuh jurihom sinjal mirakoluż. Għalkemm Ġesù kien diġà għamel kotra ta’ mirakli, in-nuqqas ta’ twemmin fil-bniedem qatt mhu sodisfatt. 


Mt.16:3. m’intomx kapaċi tinterpretaw is-sinjali taż-żminijiet? Il-ħidma mirakoluża ta’ Ġesù kienet xhieda qawwija illi hu l-Messija, xi ħaġa tant ovvja illi min ma jilqagħhiex m’għandux skuża. 


Mt.16:4. is-sinjal ta’ Ġona (ara Mt.12:38-40). Il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, tipifikat fl-esperjenza ta’ Ġona f’żaqq il-ħuta, għandu jkun evidenza suffiċjenti biex in-nies jemmnu fih. 


Mt.16:1-4. sinjal mis-sema. Ġesù rrefera lill-Fariżej għal sinjal litteru mis-sema, is-sema nnifsu. L-analoġija tiegħu turi illi l-problema ma kinitx nuqqas ta’ evidenza, iżda nuqqas ta’ rieda tajba biex jiġi aċċettat is-sinifikat ta’ dik l-evidenza. Ġesù kien diġà wettaq ruxxmata mirakli, u qajla allura kienu jeħtieġu miraklu ieħor. Għal min mhux dispost jilqa’ x-xhieda u jemmen, ebda ammont ta’ miraklu mhu suffiċjenti.


Mt.16:6-7. ħmira. Ġesù, bħala għalliem eċċellenti, jinqeda bi ħwejjeġ ordinarji ta’ kuljum biex jikkomunika realtajiet kbar u divini. Juża dan l-ingredjent fil-ħobż bħala metafora. Fil-Patt il-Ġdid l-ħmira hi normalment simbolu għall-ħażen jew korruzzjoni (Mt.13:33; 16:6,11; Lq.12:1; 1 Kor.5:6-8; Gal.5:9). Ammont żgħir ta’ ħmira jiffermenta u jaffettwa l-ħaġa sħiħa. 

Ir-rikjesta għal miraklu tidher leġittma u innoċenti; attwalment hi ċaħda tal-ministeru tiegħu u tas-sinjali mwettqa minnu qabel. Għalhekk iwissi lid-dixxipli kontra konċetti superfiċjali tar-rwol tiegħu. Jippreparahom għat-tagħlim tiegħu rigward it-tifsira vera tal-miġja tiegħu u tas-salib (Mk.8:27,31). Tagħlimu baqa’ inkomprensibbli għal ħafna Lhud (1 Kor.1:22-23). 

1. Il-ħmira tal-Fariżej tirreferi għat-tradizzjonijiet reliġjużi li bihom warrbu l-kmandamenti ġusti t’Alla u invalidaw porzjonijiet minn Kelmtu. 

2. Il-ħmira tas-Sadduċej hi identika ma’ dik ta’ Erodi (Mk.8:15); tirreferi għal spirtu ta’ sekulariżmu u materjaliżmu. Is-segwaċi ta’ Kristu għandhom dejjem jgħassu kontra l-possibbiltà li jaċċettaw ideat umani, drawwiet mondani jew tip ta’ vanġelu umanistiku u sekulari.


Mt.16:9. Għadkom ma tifhmux...? Id-dixxipli klejmjaw illi fehmu l-parabboli (Mt.13:51), iżda hawn għadhom juru nuqqas ta’ dixxerniment u dehen spiritwali. 


Mt.16:11-12. mhux dwar il-ħobż. Ġesù sikwit tkellem bil-parabboli; hawn id-dixxipli ma fehmuhx u ħaduh litteralment (Mt.16:7). Kieku kienet kwistjoni ta’ ħobż seta’ faċilment jipprovdih hu nnifsu, kif diġà kien għamel. Hekk irrealizzaw illi kien qed javżahom dwar il-ħmira, ċoè d-dottrina falza (Mt.16:12) tal-għalliema reliġjużi stabiliti fi żmienu. F’Luqa 12:1 hi l-ipokrisija tagħhom (cf., Mt.23:25). It-tnejn huma minsuġa sfiq flimkien. Id-dottrina tal-mexxejja Lhud kienet waħda prammatika li għamlet il-wisa’ għall-wiri ta’ wiċċ b’ieħor. Kienu ffissati fuq l-estern u ċ-ċerimonji u kif dehru l-affarijiet, mentri ma kienx jinteressahom daqstant il-kustjonijiet tal-qalb. 

Hi twissija pertinenti għalina llum ukoll, għax tagħlim kontra jew lil hinn mill-Iskrittura, bħall-ħmira fl-għaġna, faċilment jinfluwenza lill-knisja u jikkorrompi l-qdusija tagħha. 


Mt.16:13. Ċesarija Filippi kienet belt żgħira f’ħoġor il-Muntanja Ħermon, ħamsa u għoxrin mil fit-Tramuntana ta’ Betsajda fil-Galilija, differenti minn Ċesarija mal-kosta tal-Mediterran, li tissemma fl-Atti. 


Mt.16:15-16. Ġesù jistaqsi lit-tnax, min tgħidu li jien? Qajla nistgħu naħsbu dwar mistoqsija iżjed importanti li tiddetermina d-destin etern tagħna. Ma nistgħux nibqgħu newtrali. Irridu nkunu ċerti li għandna tweġiba korretta għaliha, u ngħixu wkoll fid-dawl ta’ dik il-verità, kif stqarrha Pietru għan-nom ta’ sħabu.

Pietru jiddikjara li Ġesù hu l-Kristu jew il-Messija u Sultan profetizzat fil-Patt il-Qadim. 

Fil-Patt il-Qadim, is-sultan unzjonat issejjaħ “bin” Alla (2 Sam.7:14; Sal.2:7). Iżrael sħiħ ukoll hu “bin” Alla (Es.4:22), u Ġesù jwettaq dan l-istatus ta’ Iżrael (Mt.2:15). Applikat għal Ġesù, it-titlu Bin Alla jirrifletti r-relazzjoni unika tiegħu mal-Missier (Mt.11:27; 21:38). Il-Missier jirrikonoxxih bħala Ibnu l-Maħbub (Mt.3:17; 17:5). Hu Bin Alla l-ħaj, f’kuntrast għall-allat foloz tal-pagani. Ġesù mela jwettaq il-wegħda fil-Patt il-Qadim ta’ Iben divin bħala s-Sultan unzjonat.

Din hi stqarrija kbira ta’ fidi daparti ta’ Pietru, għalkemm kienu għadu bilkemm beda jifhimha sew. 


Mt.16:16. It-tweġiba ta’ Pietru, Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj, hi pjuttost differenti minn kif jirrekordjawha Marku (“Int il-Kristu”) u Luqa (“Il-Kristu t’Alla”). Għaliex? Pietru tkellem bl-Aramajk, mentri l-Vanġeli nkitbu bil-Grieg. Nistennew mela xi bidliet meta ssir traduzzjoni. Imma aktar sinifikanti minn hekk, l-awturi bibliċi kultant jagħtuna l-essenza ta’ xi ngħad min-nies, bħalma jagħmlu l-ġurnalisti llum. Raġuni oħra hi din: l-awturi għażlu xi ntqal u ġieli qassruh biex jiffittja t-tema tal-ktieb tagħhom, jew biex toħroġ l-enfasi li xtaqu jagħmlu. Frattant qatt ma vvintaw xejn, iżda biss irrapportaw.

Fl-istqarrija tiegħu Pietru jitkellem għan-nom tal-appostli (cf., Mk.1:36; 8:32; 9:5; 10:28; 14:29). Ġesù hu l-mexxej unzjonat mibgħut minn Alla (2 Sam.7:14-16; Sal.2; Ġer.23:5-6), u jippretendu minnu li jillibera lill-poplu Lhudi mill-madmad oppressiv ta’ Ruma (Ġw.6:15). Il-kunfessjoni ta’ Pietru ngħatatlu minn fuq (Mt.16:17), iżda hi inkompluta (Mk.8:31-33), għax Bin il-Bniedem messjaniku hu divin (Sal.110:1,5; Dan.7:13-14; Mk.8:38; 12:35-37) u frattant jeħtieġlu jsofri (Isa.53:1-12; Mk.8:31; 10:45). Minħabba f’hekk Ġesù jidderieġi lid-dixxipli biex lil ħadd ma jgħidu dwaru (Mt.16:20). 


Mt.16:17. Il-bniedem, bl-abbiltà naturali tiegħu, mhux kapaċi jagħraf l-identità vera ta’ Ġesù. Bl-intelliġenza jew dixxerniment naturali ma jasalx. mhux il-laħam u d-demm irrivelalek dan. Hu Alla li jagħti din il-barka ħalli hekk wieħed ikun kapaċi jirrispondi bil-fidi fis-Salvatur provdut. 


Mt.16:18. int Pietru, u fuq dil-blata se nibni l-knisja tiegħi. Hemm erba’ interpretazzjonijiet prinċipali fuq din il-logħba bil-kliem (Pietru hi petros, blata; blata hi petra): 

1. Il-blata hi l-istqarrija fuq fomm Pietru illi Ġesù hu l-Messija; fuq it-tali kunfessjoni hi mibnija l-knisja.

2. Ġesù nnifsu hu l-blata (1 Pt.2:5-8).

3. Bħala appostlu rappreżentattiv, Pietru hu l-pedament tal-knisja (Ef.2:20).

4. Pietru jirrapreżenta t-tip ta’ persuna li fuqha l-knisja vera hi mibnija. 

Storikament il-pass ġie abbużat. Kollox ma’ kollox ngħidu li r-referenza hi għal Pietru bħala appostlu rappreżentattiv, bi stqarrija rivelata lilu mis-sema. Il-fidili kollha jsiru “ġebel ħaj” (1 Pt.2:4-8) minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom ma’ Sidhom, bl-appostli bħala l-pedament (Ef.2:20-21; Riv.21:14). Meta Pietru jissuġġerixxi li Ġesù m’għandux ikun mislub, Sidna jsejjaħlu xkiel u jagħraf fih influwenza satanika (Mt.16:23). 

Mill-bqija tal-Patt il-Ġdid nikkonfermaw illi Ġesù ma tax awtorità ikbar lil Pietru. Difatti Pawlu jikkoreġih pubblikament meta żbalja (Gal.2:11-14). Lanqas ma ried ifisser li se jkun infallibbli fit-tagħlim tiegħu; ftit wara Ġesù jċanfru għall-iżball tiegħu (Mt.16:23). Lanqas mhu implikat li se jeżerċita xi kariga speċjali li tintiret mis-suċċessuri tiegħu. 

L-ewwel nofs tal-Atti tal-Appostli Pietru hu sikwit il-portavuċi ta’ sħabu, iżda hu xorta waħda “mibgħut” mill-appostli l-oħra lejn is-Samarija (At.8:14). Kellu wkoll jagħti kont ta’ azzjonitu lill-knisja f’Ġerusalemm (At.11:1-18). F’laqgħa importanti f’Ġerusalemm aktar tard tkellem iżda mhux b’mod deċiżiv; il-konklużjoni finali jesprimiha Ġakbu (At.15:7-21). Meta indirizza lill-presbiteri jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “presbiteru magħkom” (1 Pt.5:1). 

Biblikament u storikament, kollox jindika li Pietru ma kienx kostitwit bħala l-kap suprem tal-knisja, ossija l-ewwel papa. Fl-ewwel sekli tal-knisja, difatti, ebda isqof ta’ Ruma ma pretenda li jgawdi supremazija unika fuq il-knisja universali. 

Is-suċċessjoni appostolika vera tinsab fl-istqarrija tal-vanġelu matul iż-żminijiet minn dawk kollha li baqgħu fidili lejh. 


Mt.16:18. Ġesù jwiegħed illi se nibni l-knisja tiegħi; hu waħdu l-arkitett u l-bennej tagħha, u tappartieni għalih. Il-kelma “knisja” (bil-Grieg, ekklēsia) nsibuha biss hawn u f’Mattew 18:17 fil-Vanġeli. Din hi l-familja tal-fidili (Mt.12:48-50), imsejħa ’l barra mid-dinja biex jappartienu għall-Messija. Hi komunità separata ta’ kredenti, il-ġisem ta’ Kristu, u bi Kristu r-ras tagħhom.

Filwaqt li Alla mill-bidu tal-istorja ridentiva kien ilu jiġbor nies u jsejħilhom bil-grazzja tiegħu, il-knisja distintiva u unika li Ġesù wiegħed hawn rat it-twelid tagħha f’Pentekoste mal-miġja tal-Ispirtu s-Santu (At.2:1-4), li bih is-Sid għammed il-fidili f’ġismu (cf., 1 Kor.12:12-13). 


Mt.16:18. Ix-xtabi ta’ Ħades (cf., “xtabi ta’ Xeol,” Isa.38:10; u “xtabi tal-mewt,” Ġob.38:17; Sal.9:13; 107:18). Wieħed jidħol f’Ħades bil-mewt. Ix-xtabi kienu essenzjali għas-sigurtà u l-qawwa ta’ belt. Ħades hu d-demanju tal-mejtin, u allura l-mewt infisha, l-arma ultima ta’ Satana (cf., Ebr.2:14-15) ma tegħlibx lill-knisja. Id-demm tal-martri, difatti, serva għal-kobor tal-knisja fid-daqs u l-qawwa spiritwali. 


Mt.16:19. B’rispons għall-istqarrija tiegħu, Ġesù wiegħed lil Pietru, għad nagħtik l-imfietaħ ta’ saltnet is-smewwiet, ċoè l-awtorità biex jippermetti entratura fis-saltna bl-ippritkar tal-vanġelu. L-istess awtorità hi sussegwentement mogħtija lil dawk kollha msejħa biex ixandru l-bxara t-tajba. Pietru hu l-appostlu li l-ewwel jipprietka l-messaġġ tas-saltna lil-Lhud (At.2), lis-Samaritani (At.8) u lill-Ġentili (At.10). 

L-imfietaħ allura huma referenza għall-awtorità mgħoddija lill-knisja bħala l-aġent ta’ saltnet Alla (Isa.22:22; Lq.11:52; Riv.1:18; 3:7), eżerċitata mhux bi tradizzjoni u invenzjonijiet umani, jew b’awtorità arbitrarja (kif naraw fil-papat), iżda bl-ippritkar fidil ta’ Kelmet Kristu u l-eżerċizzju ta’ ordni u dixxiplina fil-knisja kif kmanda r-Ras tagħha (At.2:38-39; 3:16-20; 4:12; 10:34-43).

Il-ħabbar tas-saltna jiftaħha għal dawk li ġenwinament jistqarru bħal Pietru; jeskludi però lin-nies li ma jirċevux it-testimonjanza dwar Kristu (Mt.10:14-15). Permezz tal-appostli Ġesù jiżvela Kelmtu. Issa l-pedament appostoliku tal-knisja hu mqiegħed fil-kelma miktuba t’Alla, l-Iskrittura, li hi l-imfietaħ tal-awtorità ta’ Kristu fil-knisja (Ef.2:20; 3:5), permezz tal-qawwa tal-Ispirtu (Mt.18:18). Il-mexxejja reliġjużi foloz, b’kuntrast, jagħlqu saltnet Alla f’wiċċ in-nies (Mt.23:13), għax jabbużaw mill-Iskrittura u jgħawġuha għall-finijiet tagħhom. 


Mt.16:19. torbot...tħoll. Pietru wkoll ingħata awtorità biex jeżerċita dixxiplina dwar kondotta tajba u ħażina għan-nies fis-saltna. Mhijiex esklussiva għalih biss; hi estiża lill-appostli l-oħra (Mt.18:18) u saħansitra lid-dixxipli kollha (Ġw.20:23). Ġesù jiddelega awtorità lill-mexxejja maħtura tiegħu, vokati biex jiggvernaw il-komunitajiet tiegħu fuq l-art, taħt l-awtorità finali ta’ Ġesù, bl-applikazzjoni denja ta’ Kelmtu. 


Mt.16:20. Ġesù vaża lid-dixxipli biex ma jgħidu ’l ħadd min hu tabilħaqq (cf., Mt.8:4). Konċetti popolari dwar il-Messija m’għarfux il-ministeru tiegħu ta’ sofferenza u saħansitra mewta riparattiva għad-dnub. Kieku d-dixxipli pproklamawh bil-miftuħ bħala l-Messija, moviment politiku Lhudi seta’ jkun instigat u l-missjoni reali tiegħu tkun imfixkla (Ġw.6:15). 


Mt.16:21. Wara l-kelma ċkejkna jeħtieġlu hemm it-toqol kollu ta’ profezija, kif ukoll in-neċessità divina kif predeterminata mill-eternità (Mk.9:31; Lq.22:37; 24:7,26,44). Hu fil-pjan infallibbli t’Alla, u m’hemmx mod ieħor (Mt.26:54). It-tbassiriet ta’ Ġesù rigward mewtu u l-qawmien joħorġu minn kif fehem il-kitbiet tal-Patt il-Qadim.


Mt.16:22. beda jċanfru. Bħall-maġġor parti ta’ sħabu, Pietru rreżista l-idea li l-Messija kellu jsofri, avolja dan kien imbassar fil-Patt il-Qadim (eż., Sal.22; Isa.53; Żak.12:10; 13:7). Napprezzaw mela l-għaqal ta’ Ġesù illi xtaq iżomm l-identità tiegħu sigrieta, almenu sakemm ikun irxoxtat, bla ma jgħid apertament li hu l-Messija. Ninnotaw ukoll illi l-messaġġ tas-salib hu bluha (1 Kor.1:18; Gal.3:13).


Mt.16:22-23. Mur warajja, Satana. Ġesù kien għadu kif irrikkmanda lil Pietru talli esprima verità sublimi (Mt.16:17-19), u issa Pietru serva bħala l-portavuċi tax-xitan. Ġesù qies mewtu bħala l-pjan ta’ Missieru (At.2:22-23), u kull min opponieha kien qed jippromwovi d-dominju tad-dlam. Ix-xitan prova jimpedixxi l-missjoni ta’ Ġesù permezz ta’ Pietru, li kellu jibdel l-ideat żbaljati tiegħu (għax ġejjin minn sempliċi moħħ uman). Pietru ma kienx qed jikkonsidra l-affarijiet mill-perspettiva divina. 

Iċ-ċanfira tikkuntrastja mal-kelmiet ta’ kommendazzjoni fuq fomm Ġesù aktar kmieni (Mt.16:17-19). Il-mewt ta’ Ġesù kienet parti integrali mill-pjan sovran t’Alla (At.2:23; 4:27-28; Isa.53:10), u Kristu deher fostna bl-għan espliċitu biex jagħti ħajtu bħala tpattija għad-dnub (Ġw.12:27). Dawk li provaw ifixklu l-missjoni tiegħu kienu allura sħab max-xitan. 


Mt.16:24. Minnufih wara l-ewwel tbassira maġġura dwar mewtu u l-qawmien (Mk.8:31), Ġesù jistruwixxi lil kull wieħed li irid jiġi warajja. Jispjega x’jinvolvi tkun dixxiplu. L-għan hu li jiċħad lilu nnifsu (cf., Mk.14:30-31,72) u jerfa’ salibu. Id-dixxiplu rċieva ordni espliċita u fondamentali: għandu jiċħad lilu nnifsu (cf., Mt.10:38). 

Is-sejħa biex insegwu lil Ġesù tiddomanda illi nabbandunaw kompletament ix-xewqa naturali biex infittxu l-kumdità, fama, prestiġju, popolarità jew poter għalina nfusna. Bħalma Ġesù kien irriġettat, sofra u miet biex iwettaq il-missjoni messjanika tiegħu (Mt.16:21), hekk id-dixxipli tiegħu jkollhom jgħidu le lilhom infushom, u jkunu lesti jkunu mwarrba u persegwitati sabiex isegwuh sal-glorja eterna (Mt.10:24-25,38-39).

Importantissmu nitgħallmu ngħidu le għalina nfusna sabiex ngħidu iva għal Alla: dan hu l-konsegwenza naturali tal-vanġelu (cf., Lq.14:26-27; Mt.10:38; Mk.8:34; Ġw.12:24-26). Il-Krisjan jagħraf illi m’għandux ipaxxi lilu nnifsu, altrimenti jibqa’ bla ma jogħġob lil Alla.

Tajjeb nifhmu illi ċ-ċaħda tagħna nfusna mhijiex xi tip ta’ axxetika, swat fiżiku fuqna nfusna, jew irtir mis-soċjetà. Aktarx hi d-dispożizzjoni serja biex nobdu l-kmandamenti ta’ Sidna, inservu lil xulxin, u jekk ikun hemm bżonn, immutu minħabba l-fedeltà tagħna lejh. 


Mt.16:24. jerfa’ s-salib tiegħu. Prigunieri kkundannati ġeneralment kienu mġiegħla jġorru l-mimduda tas-salib lejn is-sit fejn kellhom jissallbu (cf., Mk.15:21). 

Appena nilqgħu lil Ġesù bħala Sid u Salvatur uniku tagħna, ma nkunux sempliċement qed nemmnu l-verità tal-vanġelu intellettwalment, iżda wkoll nikkommettu ruħna biex nimxu warajh b’sagrifiċċju (Mk.8:34). L-għażla bejn ċaħda tagħna nfusna jew ngħixu għax-xewqat egoistiċi tagħna trid issir kuljum. Dik l-għażla tiddetermina d-destin etern tagħna. 

Il-Kristjan mela għandu jgħodd il-ħajja personali tiegħu bħala spiċċuta sabiex ikun jista’ jaqdi lil Sidu. Dan ma jfissirx narmu lilna nfusna patoloġikament jew inrawmu fina spirtu estrem tal-martri. Aktarx, inkunu qed ninħelsu biex inkunu kapaċi nsegwu lill-Imgħallem bla tfixkil (Mk.1:18; 2:13). Iċ-ċaħda tiegħek innifsek tfisser iċċedi d-determinazzjoni biex taqdi u tgħix għalik innifsek; tgħid le għax-xewqat personali tiegħek (cf., Sal.49:6-8). Minflok għandek l-għan wieħed li tobdi lil Sidek u tiddependi fuqu bħala s-Salvatur tiegħek.

Is-salib ta’ Kristu hu simbolu ta’ sofferenza (1 Pt.2:21; 4:13), mewt (At.10:39), għajb (Ebr.12:2), ridikulaġni (Mt.27:39), roftiment (1 Pt.2:4), u ċaħda tagħna nfusna (Mt.16:24). Meta bħala fidili naqbdu s-salib u nimxu wara Sidna, inkunu qed niċħdu lilna nfusna (Lq.14:26-27) u nikkommettu ruħna għal erba’ oqsma ta’ taqtigħa u tbatija:

1. Insofru f’battalja tul għomorna kontra d-dnub (1 Pt.4:1-2) billi nsallbu x-xewqat midinba tagħna (Rum.6; 8:13; Gal.2:20; 6:14; Titu 2:12; 1 Pt.2:11,21-24). 

2. Insofru fi gwerra kontra Satana u l-potenza tad-dlam aħna u navvanzaw saltnet Alla (2 Kor.10:4-5; 6:7; Ef.6:12; 1 Tim.6:12). Nesperjenzaw kemm l-ostilità tal-avversarju bl-eżerċtu demoniku tiegħu (2 Kor.6:3-7; 11:23-29; 1 Pt.5:8-10) u l-persekuzzjoni li tiġi meta nieqfu kontra għalliema foloz li jgħawġu l-evanġelju veru (Mt.23:1-36; Gal.1:9; Fil.1:15-17). 

3. Insofru l-mibegħda u t-twaqqigħ għaċ-ċajt tad-dinja (Ġw.15:18-25; Ebr.11:25-26) billi nagħtu xhieda bl-imħabba li l-għemejjel tagħha huma ħżiena (Ġw.7:7), billi nisseparaw lilna nfusna minnha kemm moralment kif ukoll spiritwalment, u billi nirrifjutaw milli nilqgħu l-istandard u l-filosofiji tagħha bħala tagħna (1 Kor.1:21-27).

4. Bħal Ġesù, nistgħu nsofru wkoll il-kritika insensata, ir-ridikulaġni u l-persekuzzjoni mid-dinja reliġjuża (Mk.8:31). 


Mt.16:25. kull min irid isalva ħajtu għad jitlifha: verità spiritwali importantissma. In-nies li jfittxu ħajja komda, prestiġju u aċċettazzjoni fid-dinja jibqgħu taħt il-kundanna ta’ dnubhom. Il-bniedem li jwarrab ir-rieda t’Alla għalih u minflok jikkonċentra fuq l-ambizzjonijiet u l-pjanijiet tiegħu – isalva ħajtu – ultimament jitlef għall-eternità kull ġid li prova jipproteġi jew igeddes għalih innifsu. B’kuntrast, dawk li jċedu ħajjithom minħabba Kristu jgħixu mbierka għal dejjem (cf., Ġw.12:25). Il-parteċipazzjoni tal-fidil fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu (imut għall-kburija, id-dnub u d-dinja) hi l-uniku mod biex iqum għall-ħajja reali (Fil.3:8-10). 

min jitlef ħajtu minħabba fija. Apparti mill-kmand biex nimxu wara Ġesù (“Segwini”), din l-affermazzjoni hi mtennija aktar drabi fl-Evanġelji minn kull ħaġa oħra li qal Kristu (cf., 17:33; Mt.10:39; 16:25; Mk.8:35; Ġw.12:25). Mhux bilfors titlef ħajtek bil-martirju; aktar komuni hu l-fatt illi l-Kristjan jgħix għal Sidu b’devozzjoni u mħabba hekk li mhijiex aktar ħajtu, bl-ambizzjonijiet u l-prestiġju personali, iżda aktarx tkun il-ħajja ta’ Kristu fih (Gal.2:20).

Hawn għandna l-paradoss tal-ħajja tad-dixxiplu. Titlef kollox bit-tbatija hu l-mezz biex tirbaħ kollox. U min jirbaħ kollox bħalissa jkun qed jitlef il-wirt etern. 


Mt.16:26. jiggwadanja d-dinja kollha (ara n-notament f’Mk.8:36-37). M’hemm ebda benefiċċju, anzi hu ġenn jekk wieħed jikseb il-flus, pjaċir, xalar u influwenza f’din id-dinja, biex imbagħad jitlef ruħu għall-mewt spiritwali u firda minn Alla (cf., Fil.3:7-9). 

Ir-ruħ umana hi l-persuna reali, l-identità vera tal-individwu, li tibqa’ teżisti saħansitra lil hinn mill-qabar. Fiha valur lil hinn minn kull paragun, u għalhekk imissna nfittxu s-salvazzjoni akkost ta’ kollox (Prov.2:4; 3:14-15; Mt.13:44-45). Tkun totalment fallut jekk ikollok kull ġid iżda ma jkollox lil Kristu. Il-possedimenti mondani qatt ma jikkompensaw it-telfa tar-ruħ fl-infern (Mt.16:26).


Mt.16:27. Bin il-Bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru mal-anġli tiegħu. Ġesù jidentifika lilu nnifsu bħala s-Sultan glorjuż, ħaġa waħda mal-Missier, illi għad jiġġudika lill-umanità (Dan.7:9-14; Mt.13:41; 25:41). Jimplika allura illi s-sofferenzi tiegħu għad iwassluh għall-glorja (Mt.16:21). 


Mt.16:27. fil-glorja ta’ Missieru. Għalkemm fil-jiem tal-umiljazzjoni tiegħu Ġesù kellu jgħaddi minn skumdità u privazzjoni (Mt.8:20), jum wieħed għad ikun irrivelat bi splendur divin bħala Bin Alla (Mk.12:6-11; 14:62; cf., Dan.7:13). Imissna ngħixu llum fid-dawl tal-jum kbir tas-Sid. 

se jrodd lil kull wieħed skont għemilu. Fil-futur, meta Kristu jirritorna, għad ikun hemm premji għall-fidili (1 Kor.4:5; 2 Kor.5:8-10; Riv.22:12), kif ukoll retribuzzjoni għall-ħżiena, ġudizzju finali u etern (Rum.2:5-11; 2 Tes.1:6-10). 


Mt.16:28. ma jduqux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-Bniedem ġej f’saltnatu. Din il-wegħda hi konnessa mat-Trasfigurazzjoni (Mt.16:2-8) li kellha sseħħ ftit wara, għax provdiet tidwiqa minn qabel tal-glorja fit-tieni miġja ta’ Kristu. Hawnhekk “saltna” tissinifika “splendur irjali.” 

Xi wħud jaħsbu li Ġesù hawn qed ibassar il-qawmien mill-mewt tiegħu, jew inkella l-miġja tal-Ispirtu f’Pentekoste, jew anke l-firxa tas-saltna bix-xandir tal-knisja bikrija. Il-kuntest immedjat, però, jindika illi Ġesù kien qed jirreferi għat-trasfigurazzjoni tiegħu, rakkontata immedjatament wara (ara wkoll Mk.9:2-10 u Lq.9:28-36). Fuq il-muntanja tliet appostli kienu xhieda okulari kif se jkun Ġesù meta jirritorna fil-qawwa ta’ saltnatu. 

Issa li d-dixxipli bdew jirrikonoxxu min hu Ġesù, jinsab lest biex jersaq lejn il-klajmaks f’Ġerusalemm. It-Trasfigurazzjoni hi parti mill-preparazzjoni tiegħu għal dik il-kriżi. 

Biha jiżvela l-glorja divina tiegħu (2 Pt.1:16-18). It-trasformazzjoni fiżika tiegħu kienet tifkira tas-sebħ li kellu qabel ma sar bniedem (Ġw.1:14; 17:5; Fil.2:6-7) u ħarsa minn qabel tal-eżaltazzjoni futura tiegħu (Riv.1:16).


Mt.17:1. Pietru u Ġakbu u ħuh Ġwanni kapaċi jirrappreżentaw lit-tnax bħalma Pietru waħdu hekk għamel (Mt.16:18; Mk.8:29; At.2:14). 


Mt.17:1. muntanja għolja hi probabbilment il-Ħermon, mhux it-Tabor, is-sit tradizzjonali. Kemm Mosè (fuq is-Sinaj; Es.24) kif ukoll Elija (fuq il-Ħoreb; 1 Slat.19) ngħataw viżjoni tal-preżenza teofanika t’Alla fuq muntanji għolja. Fl-Iskrittura muntanja għolja hi l-post ta’ rivelazzjoni divina (Es.3:1; 19-20; 34:1-9; 1 Slat.18:19-20; 19:8-12; Eż.40:2). 


Mt.17:2. (cf., Mk.9:2). trasfigurat litteralment tissinifika “mibdul fil-forma.” L-istess kelma tiddeskrivi l-ħidma preżenti tal-Ispirtu fil-bniedem ġewwieni tal-fidil (Rum.12:2; 2 Kor.3:18). Dan ix-xogħol ikun komplut meta l-istess Spirtu jagħti l-ħajja lil ġisimna bħal meta qajjem lil Ġesù mill-mewt (Rum.8:11), u bħalma naraw hawn, fil-glorifikazzjoni mumentanja tiegħu. 

wiċċu idda bħax-xemx. Għal darb’ oħra, għandna xebh ma’ Mosè, li wiċċu idda meta niżel minn fuq is-Sinaj fil-preżenza t’Alla (Es.34:29-35). Ġesù, però, għandu glorja ikbar (Riv.1:16). 

Luqa jgħid, “id-dehra ta’ wiċċu saret differenti.” Fit-trasfigurazzjoni tiegħu Ġesù kien mibdul fil-preżenza ta’ tliet dixxipli, u raw il-glorja smewwitija tiegħu bħalma hu realment – Alla f’laħam uman. L-esperjenza fenomenali serviet bħala:

1. Inkuraġġiment għal Ġesù hekk kif iffaċċja l-mewt fuq salib (cf., Mt.16:21).

2. Tħabbira lid-dixxipli illi Ġesù kellu jsofri bħala l-quċċata tal-missjoni tiegħu (Lq.9:31). Luqa biss jirrapporta s-suġġett tal-konverżazzjoni. “Il-partenza tiegħu” (Lq.9:31) hi litteralment “l-esodu” tiegħu (2 Pt.1:15 għandu l-istess kelma Griega, exodos, tluq, ossija, mewt). Hi tant ċentrali fil-missjoni tiegħu illi kienet diskussa saħansitra fir-rivelazzjoni tal-glorja tiegħu. B’mewtu jgħaddi għall-glorja, u jikseb il-glorja ta’ niesu.

3. Approvazzjoni mill-Missier illi Ġesù hu l-Iben veru tiegħu, kwalifikat biex jifdi r-razza umana (Lq.9:35). 


Mt.17:3. It-Trasfigurazzjoni torbot il-patt il-qadim mal-ġdid, għax tgħaqqad lil Mosè u Elija, rappreżentattivi tal-liġi u l-profeti, ma’ Ġesù u l-appostli, il-messaġġiera tal-fidi kompluta. Ladarba l-liġi u l-profeti jagħtu xhieda dwar Ġesù, Mosè l-leġislatur, u Elija, wieħed mill-ikbar profeti ta’ Iżrael, huma privileġġjati biex jidhru fuq il-muntanja ma’ Ġesù, jitkellmu miegħu dwar il-qofol tal-missjoni tiegħu, mewtu stess (Lq.9:31). Id-dehra u l-konverżazzjoni tagħhom ma’ Ġesù jimplikaw illi l-qaddisin mejta tal-Patt il-Qadim igawdu ħajja eterna fil-glorja (Mt.22:31-32; Lq.16:19-31), u illi t-tama tagħhom kienet u tinsab f’Ġesù (Ġw.8:56). 


Mt.17:5. sħaba dawlija. Sinjal tal-preżenza t’Alla fost niesu, bħalma ġara fit-tabernaklu (Es.40:34) u t-tempju (2 Kron.5:14). 

Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq. It-temp tal-verb nitgħaxxaq juri verità ġenerali dejjem preżenti, minn dejjem għal dejjem: ma kien hemm ebda żmien meta l-Missier ma ħax pjaċir f’Ibnu (Lq.3:22). 

Il-kelmiet mis-sema juru kemm is-suġġeriment ta’ Pietru kien wieħed iblah (Mt.17:4). Alla sejjaħlu lil Ġesù Ibni l-maħbub fil-magħmudija tiegħu wkoll; hi d-deskrizzjoni riżervata għall-Iben uniku tiegħu (Ġw.3:16). Billi hu assolutament bla dnub, Alla jsib il-pjaċir tiegħu fih.

Isimgħu lilu! Pietru xtaq jaqbad u jtawwal il-glorja sabiex jevita t-tbatija li dwarha Ġesù kien diġà tkellem (Mk.8:31-33), iżda l-Missier mis-sema jċanfru indirettament kif ukoll jiddikjara rigward l-awtorità tal-Iben bħala r-rivelatur u l-profeta tal-Patt il-Ġdid. Isimgħu lilu! tidwi d-Dewteronomju 18:15; tidentifika lil Ġesù bħala l-profeta l-kbir jixbah lil Mosè. Kulma qal Alla fl-antik, b’Mosè u l-profeti warajh, jipponta lejn Ġesù. Issa l-kelma finali hi preżentata, il-quċċata tar-rivelazzjoni divina (Ebr.1:1-4). Alla jrid in-nies jisimgħu lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.17:5-8 u Mk.9:7-10). Il-Missier ikkonferma illi Ġesù hu l-profeta l-kbir li kliemu jmissna nemmnu u nobdu jekk nixtiequ nkunu salvati (Dt.18:15,19). 


Mt.17:6. beżgħu eċċessivament. Il-biża’ hi esperjenza komuni għan-nies li jixhdu r-realtà qaddisa tal-preżenza t’Alla (eż., Es.19:16; Dt.5:5).


Mt.17:8. ħlief lil Ġesù, hu waħdu. Hawn naraw is-superjorità u supremazija assoluta ta’ Ġesù fuq Mosè u Elija. Huwa unikament is-Salvatur. Kulma ġara qablu fil-istorja tal-fidwa – il-liġi u l-profeti – jipponta lejh. 


Mt.17:11. Elija tabilħaqq jiġi (ara Mt.11:14). L-iskribi kellhom raġun, iżda naqsu milli jagħrfu kemm lil Elija kif ukoll lill-Messija meta dehru fosthom. Il-ministeru tal-Battista wettaq il-profezija (Mal.4:4-6).


Mt.17:13. fehmu. Il-fehma hi tema notevoli fil-Vanġelu skont Mattew; hawn tirriżulta mit-tagħlim ta’ Ġesù (cf., Mt.13:51-52; 16:6-12).


Mt.17:14-21. meta ġew lejn il-folla, avviċinah raġel. Bħalma ġralu wara l-magħmudija, li biha Ġesù kien attestat mis-sema (Lq.3:22-23; 4:1-2), issa jgħaddi minn rivelazzjoni ta’ glorja għal konfront mal-ħażen. Sikwit il-ħajja tidħol f’fażi ġdida ħabta u sabta. 


Mt.17:17. O ġenerazzjoni miskredenti. Ġesù niżel minn fuq il-muntanja tal-glorja biex iħabbat wiċċu mal-inkredulità (Es.32:15-21). Nilmħu sens ta’ frustrazzjoni u nuqqas ta’ sabar quddiem din ix-xena ta’ infedeltà u impotenza hekk kif irritorna mill-Muntanja tat-Trasfigurazzjoni (probabbilment il-Muntanja Ħermon). Inċidentalment, hi reminixxenti għall-miġja ta’ Mosè lura mill-Muntanja Sinaj, meta sab l-infedeltà u l-idolatrija fi-kamp Iżraelita (Es.32). 

kemm se nkun magħkom? Billi kien bla dnub u assolutament qaddis, Ġesù sabha esperjenza ta’ diqa jgħix fost nies infidili. 


Mt.17:20. Minħabba l-fidi ċkejkna tagħkom. Id-dixxipli kellhom kunfidenza u pretendew suċċess, għax kienu apparentement sorpriżi bil-falliment tagħhom. Ir-raġuni għala ma rnexxilhomx jilliberaw lit-tifel mill-ħakma tad-demonju kienet din: il-mistennija tagħhom ma kinitx imsejsa fuq relazzjoni sewwa m’Alla. Ħabba żgħira ta’ fidi vera, b’għeruqha f’sottomissjoni lejn Alla, hi effettiva, speċjalment meta espressa f’talb ferventi (Mk.9:29). Hawn mela għandna kuntrast bejn fidi difettiva u fidi effettiva. Il-fidi tista’ tkun qawwija jew dgħajfa (cf., Mt.6:30; 8:26; 14:31; 16:8; Rum.14:1).


Mt.17:20. tgħidu ’l dil-muntanja, ‘Warrab minn hawn għal hemmhekk’. Lingwaġġ simboliku dwar kif jingħelbu l-qawwiet li jqumu kontra s-Sid u niesu (Isa.40:4; Ġer.51:25; Żak.4:7). 


Mt.17:20. xejn ma jkun impossibbli għalikom. Ġesù sikwit jikkummenta fuq x’inhi fidi ġenwina, li biha l-kredenti jwettaq ħwejjeġ kbar għal Alla u s-sebħ tiegħu. 

fidi bħal ħabba tas-senapa. Il-fidi vera, skont kif jiddefiniha Kristu, dejjem tinvolvi ċediment għar-rieda t’Alla. M’għandha x’taqsam xejn mal-ħsieb u atteġġjament pożittiv kif mgħallem fil-psikoloġija moderna. Is-sors u l-oġġett ta’ kull fidi ġenwina – imqar dik dgħajfa u żgħira – huma Alla nnifsu. U għal Alla xejn mhu impossibbli (Lq.1:37) – ovvjament Kristu jassumi l-ħsieb li jikkwalifika kollox, illi jeħtieġ nitolbu skont ir-rieda divina (1 Ġw.5:14). Fidi vera tingħaraf minn dawn il-fatturi:

1. Fidi vera hi fidi effettiva li tipproduċi riżultati. Iċċaqlaq muntanja kienet metafora komuni fil-letteratura Lhudija għal għemil apparentement impossibbli (cf., Isa.40:4; 49:11; 54:10; Mt.21:21-22). 

2. Fidi vera mhijiex twemmin fil-fidi bħala forza jew qawwa, iżda hi fidi f’Alla (Mk.11:22). 

3. Fidi vera hi l-opra t’Alla fi qlub uliedu (Mk.9:24; Fil.2:13). Tinvolvi għarfien mogħti fi qlubna li talbna hu mismugħ (Mk.11:23). L-Ispirtu s-Santu joħloqha fina; m’aħniex kapaċi nipproduċuha b’moħħna (Rum.12:3; 1 Kor.12:9). 

4. Ladarba l-fidi vera hi don ta’ Kristu lil niesu, hu importanti nersqu lejh u lejn Kelmtu sabiex infanndu l-impenn tagħna lejh u nitgħallmu nafdawh iżjed, f’kull ċirkostanza u ħin (Rum.10:17; Fil.3:8-15). Mingħajru m’aħna xejn u ma nwettqu xejn li jibqa’ għall-eternità (Ġw.15:5; 3:27; Ebr.4:16; 7:25). Irridu nfittxuh bħala l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi tagħna (Ebr.12:2). Il-preżenza tiegħu u l-ubbidjenza tagħna għal Kelmtu huma s-sors u s-sigriet tal-fidi (Mt.9:21; Ġw.15:7). 

5. Fidi vera hi taħt il-kontroll t’Alla. Il-fidi hi mogħtija abbażi ta’ mħabbtu, l-għerf, il-grazzja u l-għan tajjeb tiegħu. Hi mogħtija biex twettaq ir-rieda tiegħu u biex tesprimi mħabbtu lejna. M’għandna ebda jedd nużawha għall-interess egoistiku tagħna (Ġak.4:3). 


Mt.17:22. Fil-pjan etern t’Alla l-Missier, Bin il-Bniedem kellu jkun merħi f’idejn il-bnedmin. Intenzjonalment se jkun ċedut f’idejn il-mexxejja Lhud (Mk.8:31) u l-Ġentili. Il-paradoss hu profond. Il-ħsieb faħxi tal-qattiela jirnexxi, għax il-Missier jitilqu biex jikseb il-fidwa u rikonċiljazzjoni pjanati permezz ta’ mewtu (Mk.10:45; cf., Isa.53:6,11-12; At.2:23; 4:27-28). 


Mt.17:23. se joqtluh. Għat-tieni darba Ġesù jbassar is-sofferenzi u r-resurrezzjoni tiegħu (Mt.16:21-24). Hu l-Qaddej li Jsofri ta’ Jaħwè (Isa.53). Mid-dehra ħadd qablu ma identifika l-Messija, Bin il-Bniedem u l-Qaddej li Jsofri bħala tliet aspetti tal-istess Ħellies, li hu wkoll is-Sultan imwiegħed. 

Kien inutli għad-dixxipli jisimgħu dwar il-qawmien; ma setgħux jaċċettaw il-fatt li l-Messija kellu jmut. Almenu għall-ewwel l-idea tal-qawmien ma rreġistratx f’qalbhom (Lq.24:25,37-38).


Mt.17:24. didrakma (bil-Grieg, didrakmon): ie., żewġ drakmi, jew in-nofs xekel. Munita Griega valuta approssimattivament għal żewġ denarji; kienet taxxa annwali li kull Lhudi minn għoxrin sena ’l fuq kien rikjest iħallas għas-sapport tat-tabernaklu (Es.30:11-16), aktar tard applikata għat-tempju.


Mt.17:26. Hekk immela l-ulied huma eżenti. Kristu u d-dixxipli jgawdu relazzjoni m’Alla illi tilliberahom mill-obbligi imposti fuq l-istranġieri. Frattant Ġesù lest jikkonforma biex jevita milli joffendi. Pawlu tkellem favur osservanza simili (Rum.14:13-21) u hekk għamel hu nnifsu (At.16:3; 21:26). Mhuwiex għaqli niskandalizzaw bla bżonn, u nuru nuqqas ta’ mħabba. 


Mt.17:27. ixħet sunnara. Kristu wera l-omnixjenza tiegħu (jaf kollox) u s-sovranità tiegħu (jikkontrolla kollox), biex ikompli jagħti evidenza li hu Bin Alla (Mt.17:5). Hu Alla, ugwali fid-divinità mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu (Mt.14:33). 


Mt.17:27. stater (bil-Grieg, statēr) jiswa erba’ drakmi; hu munita Griega valuta ta’ żewġ didrakmi jew erba’ denarji, jew approssimativament xekel. Jissemma hawn biss fil-Patt il-Ġdid.


Mt.18:1. l-ikbar f’saltnet is-smewwiet. Id-dixxipli kellhom ambizzjonijiet egoistiċi għal glorja u avvanz personali. L-unur hu importanti f’kull soċjetà, u t-tali konsiderazzjonijiet jieħdu post sinifikanti fl-imħuħ tan-nies (cf., Mk.10:35-45). Ġesù ġab rivoluzzjoni f’dan il-qasam, mingħajr ma qered l-idea ta’ ġerarkija funzjonali. Mhuwiex faċli nadottaw l-atteġġjament ta’ Sidna Ġesù; bi grazzja biss hu possibbli (Mt.20:20-28).


Mt.18:2. sejjaħ tifel lejh. Ir-reazzjoni ta’ Ġesù għall-kburija fid-dixxipli hi filli jirrikmanda tifel ċkejken, illustrazzjoni tajba ta’ umiltà u dipendenza (Sal.131). 


Mt.18:3. jekk ma tkunux imdawra. Bidla radikali fl-orjentazzjoni u d-direzzjoni. Il-bidla kif jiddomandaha Ġesù fil-konverżjoni tibda billi nsiru bħat-tfal żgħar, għax huma dipendenti fuq ħaddieħor u spontanjament jaċċettaw mingħandhom kulma mhumiex kapaċi jipprovdu għalihom infushom. 

Jerġa’, tifel ċkejken hu umli, ma jippretendihiex, irid minn ħaddieħor, dgħajjef, lest jitgħallem u jafda fil-benefatturi tiegħu. 

Il-konverżjoni mhijiex att wieħed ta’ diqa jew penitenza, iżda aktarx attitudni komprensiva dwar il-ħajja. Dan hu neċessarju għax min-natura għandna ħabta nsegwu triqat li jbegħduna minn Alla (Rum.1:18-32; Ef.2:2-3). Irridu ngħixuha kuljum bħala bażika għas-salvazzjoni u t-taqdis tagħna (At.26:18). 

Il-konverżjoni, jew dawrien tagħna lejn Alla, hi r-rispons uman għall-għotja tas-salvazzjoni. Dan ir-rispons hu possibbli u jsir reali bil-grazzja u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (At.11:18). 

Minħabba r-relazzjoni ġdida tagħna m’Alla, il-konverżjoni tinvolvi kambjamenti fl-oqsma ta’ relazzjonijiet, drawwiet, impenji, ambizzjonijiet, pjaċiri u l-fehma tagħna dwar il-ħajja inġenerali. 


Mt.18:3-5. kull min jilqa’. Ladarba s-segwaċi ta’ Ġesù jeħtiġilhom isiru bħat-tfal, tifel żgħir (Mt.18:5) jirrappreżenta kwalunkwe dixxiplu. Kif nittrattaw lill-fidili u kif nirrelataw magħhom nkunu qed nuru x’tip ta’ rabta għandna ma’ Ġesù; hi offiża gravi meta nħajru dixxiplu jaqa’ fid-dnub (Mt.18:6). 

jumilja lilu nnifsu bħal dat-tifel. L-umiltà ta’ tifel ċkejken tikkonsisti filli jafda, hu vulnerabbli u dgħajjef, u mhuwiex kapaċi javvanza apparti l-għajnuna, id-direzzjoni u r-riżorsi tal-ġenituri. Huwa mistenni u magħruf illi n-nies fid-dinja jikkawżaw lill-Kristjani biex ikunu offiżi, jitfixklu u jidinbu, u għad ikunu ġġudikati minħabba f’hekk. Hu att midneb u gravi wkoll meta Kristjan jiskandalizza Kristjan ieħor (cf., Rum.14:13,19,21; 15:2; 1 Kor.8:13). 


Mt.18:4. dan hu l-ikbar. Il-mogħdija għall-preminenza f’saltnet Kristu hi bis-sagrifiċċju u ċ-ċaħda tagħna nfusna. Flok ifittex l-interess personali, id-dixxiplu għandu jkollu l-ambizzjoni biex iservi u jkun qaddej għall-ġid ta’ ħaddieħor (cf., Fil.2:4). Hemm gradi differenti ta’ glorja f’saltnet Kristu, iżda sorprendentement l-ogħla pożizzjonijiet jingħataw lil dawk li huma l-ibax fl-ssessment tagħhom infushom fil-preżenza t’Alla.


Mt.18:6. ifixkel, jew jikkawża biex wieħed jaqa’ fid-dnub. Ġesù jista’ qed jitkellem dwar tfal ċkejkna meta qal żgħar (Mk.9:36) jew inkella fidili insinifikanti (Mk.9:39). Jekk wieħed, pereżempju, iwaqqa’ għaċ-ċajt il-fidi ta’ nies bla importanza fid-dinja, billi juża poter egoistiku kontrihom (Mk.9:35), ikun qed jistieden fuqu kastig aħrax (Mk.9:43). 

Il-ġebla tqila ta’ mitħna kienet tintuża biex tfarrak u tisħaq iż-żara’. Meta wieħed jagħmel ħsara spiritwali lid-dixxipli minflok ma jħobbhom jispiċċa f’qagħda agħar minn mewta orribbli. 


Mt.18:7. Gwaj. Il-ħażen universali uman jirriżulta inevitabbilment f’diversi offiżi, iżda r-responsabbiltà individwali mhijiex imnaqqsa bl-okkorrenza komuni tad-dnub. 


Mt.18:8-9. aqtagħha ’l barra. Tul l-istruzzjoni tiegħu hawnhekk, Ġesù jinqeda bl-iperbole (esaġerazzjoni apposta) biex jenfasizza l-ħtieġa ta’ dixxiplina rigoruża fuqna nfusna filli nittrattaw mad-dnub radikalment qabel il-ġudizzju. Ebda ammont ta’ mutilazzjoni tal-ġisem ma jista’ jittratta jew jelimina d-dnub, li hu kustjoni tal-qalb. Ġesù allura qed jitkellem figurattivament. Hekk jenfasizza s-serjetà tad-dnub u l-bżonn radikali, daparti tagħna, biex nagħmlu minn kollox ħalli negħilbuh u nimmortifikawh fina.

fin-nar l-etern. F’għadbu Alla jikkastiga lill-impenitenti bi pwieni bla serħan (Dt.32:22; Isa.33:14; 34:9-10).


Mt.18:10. ma tiddisprezzawx. Dan isir meta titmasħar jew iċċekken fidil ieħor billi tittrattah bla konsiderazzjoni jew b’indifferenza, jew bi kwalunkwe mod ieħor illi flok jissaħħaħ fil-fidi jaqa’ lura jew jirrigressa.

l-anġli tagħhom. Hu inkuraġġiment għalina ladarba nafu li Alla jindokrana bl-anġli tiegħu, li jgħassu fuqna u jaqduna (Sal.91:11; Ebr.1:14). Ma jfissirx neċessarjament li kull fidil għandu anġlu kustodju wieħed miegħu; u ċertament m’għandniex nindirizzawhom fit-talb. Dawn l-entijiet spiritwali jistgħu jkunu assenjati oqsma speċifiċi ta’ responsabbiltà (Dan.12:1). 

jaraw wiċċ Missieri. L-anġli għandhom komunikazzjoni kontinwa u aperta m’Alla. Hi ħaġa estremament serja meta tittratta fidil ieħor bi stmerrija ladarba Alla u l-anġli tiegħu huma tant ikkonċernati bil-benesseri ta’ wliedu kollha.


Mt.18:12-14. in-nagħġa żvijata. Wara dil-parabbola probabbilment hemm Eżekjel 34:11-16. L-interess għal persuna mitlufa waħda mhuwiex bi spejjeż għad-disgħa u disgħin. Hawn hu indikat l-impenn tal-Missier smewwieti lejn kull dixxiplu, u l-interess speċjali tiegħu għal xi fidil li jitfixkel jew jiġi fil-periklu. Alla jagħżel, ifittex u jippriżerva mhux biss il-knisja inġenerali, iżda kull individwu fiha.

Il-kelma jintilef tista’ u difatti hawn tfisser “ikun devastat, jew imdamdam, spiritwalment,” aktarx milli jmur l-infern f’qirda eterna. Ġesù ovvjament mhux qed jgħid li wlied Alla jistgħu jintilfu eternament; afferma l-kuntrarju bnadi oħra (eż., Ġw.10:28). 

Possibbiltà perikoluża iżda reali hi illi dixxipli apparenti jistgħu ma jkunu fidili ġenwini xejn, imma biss jipprofessaw il-fidi għall-għajn, bħall-Iskarjota. Huma fidili nominali. 


Mt.18:15-17. Jekk ħuk jidneb kontrik. L-għan u l-qofol ta’ kull dixxiplina fil-knisja hu illi min qed jiżbalja jindem u jinġieb lura fix-xirka ħa jkompli jimmatura bħala dixxiplu: tkun irbaħt lil ħuk. 

Jekk nittraskuraw l-istruzzjoni ta’ Kristu nkunu waqajna f’kompromess u jkun hemm konsegwenzi eterni għall-knisja bħala l-poplu qaddis t’Alla (cf., 1 Pt.2:9). Ninnotaw illi l-għan tad-dixxiplina fil-knisja hu biex:

1. Ir-reputazzjoni ta’ Alla tkun protetta (Mt.6:9; Rum.2:23-24).

2. Il-purità morali u l-integrità dottrinali tal-knisja tkun imħarsa (1 Kor.5:6-7; 2 Ġw.7-11).

3. Membri żvijati jkunu restawrati ħalli jissoktaw fil-korsa tagħhom bħala dixxipli bla ma jsofru nawfraġju (1 Kor.5:5; Ġak.5:19-20). 

Hemm proċedura sempliċi fi tliet stadji kif nittrattaw ma’ Kristjan fid-dnub.

1. Min ikun offenda għandu jkun trattat u ammonit fil-privat: mur urih id-difett tiegħu, bejnek u bejnu waħidkom. F’ebda każ mhu lok illi l-pubbliku inġenerali jsir jaf x’inhu għaddej fil-familja t’Alla inkwantu trattament ma’ fidil midneb. Jekk jagħti widen, jindem u jdur lura fit-triq it-tajba, għandu jkun maħfur minnufih.

2. Jekk jirrifjuta milli jisma’ lil ħuh, ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra biex jgħinu, jisimgħu il-każ, jiddeliberaw flimkien, jagħtu parir, kif ukoll biex iservu bħala xhieda. 

3. Jekk jibqa’ ma jirrispondix pożittivament għat-tentattivi ta’ tnejn oħra miegħu, il-każ tiegħu għandu jinġieb quddiem il-kongregazzjoni: għidha lill-knisja. Jekk iwebbes qalbu mqar għat-twiddib tal-miġemgħa miġbura, ħa jkun għalik qisu pagan. Kristjan bla ndiema, li jibqa’ mwebbes fid-dnub minkejja t-trattamenti tal-knisja miegħu, għandu finalment ikun maqtugħ mix-xirka u sospiż minn relazzjonijiet soċjali ma’ Kristjani oħra, bil-għan illi jirrealizza dnubu u jindem. 

Fil-proċess kollu nintebħu faċilment kif il-prattika tad-dnub m’għandhiex tkun tollerata fl-assemblea ta’ wlied Alla (cf., 1 Kor.5; 1 Tim.1:20). Il-pagan u d-dazjarju jiddeskrivu nies li huma sfaċċatament ribellużi kontra Alla.

Dil-prattika biex tkun salvagwardjata l-purità tal-knisja għandha topera mhux biss f’oqsma ta’ dnub u immoralità, iżda wkoll f’każijiet ta’ ereżija dottrinali u infedeltà għall-fidi kif espressa fl-Iskrittura (Rum.16:17-19; Gal.1:9; Ġuda 3). 

Dnubiet fil-knisja li jinvolvu ż-żena għandhom ikunu trattati skont l-1 Korintin 5:1-5 u t-2 Korintin 2:6-11. Appena l-immorali jindem għandu jkun maħfur u jirċievi affermazzjoni mill-ġdid ta’ mħabba u restawrazzjoni fix-xirka (2 Kor.2:6-8).

Il-presbiteri nfushom mhumiex lil hinn mid-dixxiplina; meta jonqsu għandhom ikunu mċanfra u esposti (Gal.2:11-18; 1 Tim.5:19-20). Frattant, fil-kariga tagħhom, Alla jżommhom responsabbli biex jaraw illi d-dixxiplina qed titħaddem fil-kongregazzjoni (cf., Eż.3:20-21; At.20:26-27).


Mt.18:16-17. L-użu tal-kelma knisja forsi jinstema’ prematur, iżda naħsbu hekk biss jekk naqtgħu “l-knisja” minn għeruqha fil-Patt il-Qadim. Is-Septwaġinta (traduzzjoni tal-Patt il-Qadim għall-Grieg, użata spiss mill-appostli) regolarment issejjaħ il-miġemgħa tal-poplu t’Alla ekklēsia, jew “knisja.” Kif juża d-Dewteronomju 19:15, Ġesù jimplika li l-knisja hi l-ekwivalenti għal Iżrael fil-Patt il-Qadim u t-tkomplija tiegħu.


Mt.18:18-20. kwalunkwe ħwejjeġ li torbtu fuq l-art. Il-pass kollu għandu jittieħed fil-kuntest ikbar; għadu jittratta dwar dixxiplina fil-knisja. Il-komunità tad-dixxipli fidili għandha awtorità tiddikjara t-termini li taħthom Alla jaħfer jew jirrifjuta milli jaħfer id-dnub ta’ dixxipli żvijati.


Mt.18:19-20. jekk tnejn minnkom jaqblu fuq l-art. Il-wegħda tapplika għall-kustjoni tad-dixxiplina diskussa (Mt.18:15-17). It-tnejn huma ż-żewġ xhieda involuti fil-proċess tad-dixxiplina. 

tnejn jew tlieta. It-tradizzjoni Lhudija kienet tirrekjiedi almenu għaxart irġiel biex jikkostitwixxu sinagoga jew imqar jiltaqgħu għat-talb pubbliku. Hawn, Kristu jwiegħed li jkun preżenti bi-barka tiegħu fost għadd wisq iżgħar, tnejn jew tliet xhieda, li jiltaqgħu f’ismu għall-iskop ta’ dixxiplina. 

inkun jien fosthom. Is-Sid hu preżenti mal-fidili huma u jfittxu unità fid-deċiżjoni u biex jivvalida l-attività ġudizzjarja tal-knisja li taġixxi kontra d-dnub u favur il-ġustizzja. Nifhmu wkoll, inċidentalment, illi din hi affermazzjoni tal-omnipreżenza ta’ Ġesù u allura tad-divinità tiegħu.


Mt.18:21-22. Sa seba’ darbiet? hi espressjoni għal maħfra perfetta u bla limiti. Fil-Ġudaiżmu, tliet darbiet kien suffiċjenti biex turi spirtu ta’ maħfra (cf., Ġob.33:29-30; Am.1:3; 2:6). Pietru assuma li b’seba’ maħfriet kien qed juri ġenerożità impressjonanti. Iżda dixxipli ġenwini jaħfru bla ma jgħoddu jew iżommu kont – sa sebgħin għal seba’ darbiet. Forsi hawn għandna diwi kuntrastanti tal-ftaħira ta’ Lamek għall-vendetta (Ġen.4:24; il-Grieg hu l-istess). 


Mt.18:24. għaxart elef talent. Somma astronomika, prattikament inkalkolabbli. Tillustra d-dejn enormi tad-dnub li lkoll imtaqqlin bih quddiem Alla, l-Imħallef tas-sema u l-art. 

It-talent (bil-Grieg, talanton) oriġinarjament kienet tfisser miżien; imbagħad, talent fl-użin, u allura somma flus f’deheb jew fidda ekwivalenti għal talent. It-talent Lhudi kkontiena 3,000 xekel tas-santwarju (eż., Es.30:13). Fit-TG it-talent ma kienx toqol ta’ fidda, iżda t-talent Ruman-Attiku. Jiġbor fih 6,000 denarju. Il-munita Griega tiswa bejn 5,000 u 6,000 denarju; kalkolu ieħor hu madwar għoxrin sena paga ta’ ħaddiem normali (Mt.18:24; 25:14-18). 

Il-fatt li t-talent ddenota xi ħaġa miżuna provda t-tifsira għall-kelma “talent” bħala għotja jew abbiltà, speċjalment taħt l-influwenza tal-Parabbola tat-Talenti (Mt.25:14-30). 


Mt.18:25. jinbiegħ bħala skjav, flimkien ma’ martu u t-tfal. Prattika komuni fid-dinja antika (cf., Es.21:2-11; Dt.15:12-18; 2 Slat.4:1; Neħ.5:4-8), sikwit bħala kastig għan-nies li djunhom kien impossibbli jħallsuhom.


Mt.18:27. ħafirlu d-dejn u ħelsu. Il-kanċellazzjoni ta’ dejn hekk massiv hu illustrazzjoni ta’:

1. Id-dejn infinit li l-bnedmin għandhom mal-Ħallieq qaddis u ġust minħabba dnubhom (Kol.2:14). 

2. L-inabbiltà li xi darba d-dejn jista’ jiġi skontat (Rum.6:23).

3. Il-ħniena u l-grazzja divina (Mt.18:6,29), imma wkoll tal-paċenzja t’Alla illi ma jiġġudikax immedjatament u ma jroddx minnufih x’ħaqqu kull bniedem.

4. Il-provdiment tal-Missier fit-tpattija ta’ Ibnu. 

Prinċipalment il-parabbola tgħallem illi:

1. L-għotja tas-salvazzjoni hi tremendement kbira (Ebr.2:3).

2. Jekk persuna mhijiex ħanina mal-oħrajn, allura l-ħniena t’Alla qatt ma kellha effett salviviku fuqha (Mt.18:32-33), u allura jiġi waqt meta jkollha tħallas il-konsegwenzi ta’ dnubha hi nfisha (Mt.18:34-35).


Mt.18:28. denarju (bil-Grieg, dēnarion) kien munita Rumana, denarius, ftit inqas fil-valur mid-drakma Griega, tiswa approssimattivament paga ta’ jum. (Jissemma wkoll f’Mt.20:2; 22:19; Mk.6:37; 12:15; 14:5; Lq.7:41; 10:35; Ġw.6:7; 12:5; Riv.6:6).


Mt.18:31. tnikktu eċċessivament. Nuqqas ta’ maħfra hi offensiva f’għajnejn fidili oħra. Kemm aktar, mela, toffendi lil Alla! Minħabba f’hekk Alla jċanfar u jiddixxiplina lil uliedu severament meta ma jaħfrux. 


Mt.18:33. Ma messikx int ukoll ħennejt għall-qaddej sieħbek, bħalma jien ħennejt għalik? Il-parabbola (Mt.18:23-35) tinsisti li n-nies li daqu l-ħniena divina messhom joperaw ma’ sħabhom fuq il-prinċipju tal-ħniena. Jekk iwarrbu l-ħniena u jinsistu fuq il-ġustizzja, ma jirċevux ħniena, iżda ġustizzja. Qalb bla ma taħfer hi qalb mhix maħfura, u ħaqqha l-kastig (Mt.18:34). Hu bit-twelid mill-ġdid (Ġw.3:3; Eż.36:25-29) li nirċievu qalb u abbiltà biex naħfru tabilħaqq.


Mt.18:34. sidu rrabja. Billi Alla hu qaddis u ġust, jitgħaddab kontra d-dnub, inkluż id-dnub ta’ wliedu (cf., Ebr.12:5-11). 

reħieh f’idejn il-kalzriera hi allużżjoni għall-kastig etern li l-qaddej ħażin ħaqqu ġustament (cf., Mt.8:12; 10:28; 13:42,49-50; 22:13; 24:51).


Mt.18:35. jekk ma taħfirx lil ħuk minn qalbek. Qalb trasformata, milħuqa bil-grazzja divina, bilfors tirriżulta fi mġiba mibdula li toffri l-istess ħniena u maħfra lill-proxxmu bħalma tkun irċeviet mingħand Alla (cf., Isa.40:2). Mela jekk ma naħfirx regolarment u ġenwinament m’għandi ebda dritt nikkonsidra lili nnifsi bħala maħfur minn Alla. Ħsieb tasssew sobriju!

Bħalma l-ħażen ibejjet fil-qalb u jitnissel minnha (Mt.15:19), hekk il-maħfra tnixxi minn qalb ta’ ħniena u kumpassjoni (Ef.4:32). Madankollu maħfra kompluta tinvolvi restawrazzjoni tar-relazzjoni u tiddependi wkoll fuq l-indiema tal-midneb (Lq.17:3). 


Mt.19:1. ’l hinn mill-Ġordan: magħruf bħala l-Perea, fejn Ġesù ssokta bil-ministeru tiegħu sa ftit qabel il-passjoni. 


Mt.19:3. iġarrbuh. Il-Fariżej iffittaw lil Ġesù biex jipprovaw juru illi hu kien oppost għal-liġi ta’ Mosè (cf., Mt.12:10; 22:17). 

Hu leċitu. Rabbi Ħillel, abbażi tad-Dewteronomju 24:1-4, ippermetta d-divorzju mqar għal raġunijiet trivjali. Kien oppost minn rabbi ieħor, Xammaj, li sostna illi indiċenza grassa biss kienet raġuni valida għad-divorzju. 

Ġesù, b’kuntrast, jeħodha kontra l-kultura kontemporanja tiegħu. Imur lura għall-ordni oriġinali tal-ħolqien. Jistma d-divorzju bħala ċaħda fondamentali tal-ordni maħluq u n-natura taż-żwieġ. 


Mt.19:4-5. dak li ħalaqhom mill-bidu għamilhom ‘maskil u femminil’. Affermazzjoni qawwija tal-ispirazzjoni divina tal-Iskritturi tal-Patt il-Qadim, għax Ġesù jkompli billi jikkwota kliem mill-Ġenesi li mhumiex attribwiti għal xi kelliem (cf., Ġen.2:24). Jgħid li dak il-kliem hu l-kliem t’Alla!

Kristu wkoll afferma fehma littera tal-Ġenesi 1-2. Għallem illi Alla ħalaq lill-bniedem, fil-bidu tal-ħolqien (Mk.10:6). L-idea ta’ għaddew miljuni ta’ snin qabel ma tfaċċa l-bniedem hu waħda totalment pagana.

Il-liġi taż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda sakemm il-mewt tisseparahom hi msejsa fuq il-ħolqien innifsu, u allura hi determinattiva fil-konsiderazzjoni ta’ divorzju u irregolaritajiet oħra. 


Mt.19:5. raġel...martu. Kif pjanah Alla għal tul iż-żminijiet, iż-żwieġ isir bejn raġel wieħed u mara waħda. Kwalunkwe għaqda oħra mhijiex żwieġ. 


Mt.19:5. laħam wieħed. L-ordni stabilit mill-ħolqien tad-dinja għandu jkun mantnut. Iż-żwieġ monogamu, bejn raġel wieħed u mara waħda, sakemm il-mewt tifridhom, għandu jun milqugħ u apprezzat. Iż-żwieġ għandu jibqa’, u kull divorzju hu vjolazzjoni tiegħu, xi ħaġa li Alla jobgħod (Mal.2:16). Bħalma Kristu hu ras martu, il-knisja, u ma jitlaqhiex iżda jibqa’ jħobbha u jieħu ħsiebha, hekk għandu jkun fiż-żwieġ (Ef.5:22-33). 


Mt.19:6. dak li Alla għaqqad flimkien. Għalkemm huma raġel u mara li jidħlu għaż-żwieġ, hu aktar minn kuntratt soċjali; hu att t’Alla nnifsu.


Mt.19:8. mill-bidu (ara Ġen.1:27; 2:24; Es.20:14). Bħas-soltu, Ġesù ma jargumentax mit-tradizzjoni (Mk.7:3-12) iżda jfittex l-intenzjoni tal-Iskrittura u x’tirrekjiedi realment (ara Mt.5:20-22,27-28,31-32). Ir-regolamenti mogħtija minn Mosè dwar id-divorzju (Dt.24:1-3) ma kinux parti mill-pjan oriġinali t’Alla dikjarat fil-bidu, iżda kienu istitwiti minħabba l-ebusija ta’ qalbkom. Fi żmien il-Patt il-Ġdid, avolja d-dnub jibqa’ preżenti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja qabel il-Waqgħa fid-dnub se jkunu realizzati b’mod xieraq (Ef.5:22-33). 


Mt.19:8. Mosè ppermettielkom. Fid-Dewteronomju 24:1-4 Mosè ma ġġustifikax id-divorzju iżda għamel provdimenti għall-każijiet ta’ divorzju li kienu diġà komuni fi żmienu. Jgħid li raġel divorzjat ma jistax jerġa’ jiżżewweġ lill-mara li jkun iddivorzjaha iżjed kmieni, jekk dik il-mara fil-frattemp tkun iżżewġet raġel ieħor.


Mt.19:9. jekk mhux minħabba ż-żena. Il-kelma għal “żena” jew “fornikazzjoni” hi porneia (anke f’Mt.5:32), li tfisser immoralità sesswali. Tinkludi għadd ta’ dnubiet sesswali inkluż l-adulterju. Ġesù jirrikonoxxi li l-infedeltà konjugali potenzjalment teqred ir-rabta maritali bejn il-koppja. Tista’ twassal għal divorzju legali, però d-divorzju mhuwiex bilfors. Ġesù ma jiddomandax divorzju, bħalma għamel il-Ġudaiżmu fi żmienu. Wisq preferibbilment ikun hemm maħfra, rikonċiljazzjoni u bini mill-ġdid tar-relazzjoni konjugali.

jiżżewweġ oħra. Dan jimplika li t-tieni żwieġ, għalkemm jibda b’adulterju, xorta waħda hu żwieġ. Ladarba jkun seħħ, ikun dnub jekk jitkisser. It-tieni żwieġ m’għandux jitqies bħala għejxien kontinwu fl-adulterju, għax ir-raġel u l-mara issa huma miżżewġa lil xulxin, u mhux lil xi ħadd ieħor. 


Mt.19:10. Ir-reazzjoni tad-dixxipli, ma jaqbilx tiżżewweġ, iddoqq bħala waħda ċinika. Ġesù jaċċetta r-rispons tagħhom u jindika illi jista’ jkun mhuwiex espedjenti tiżżewweġ, imma biss minħabba s-saltna, mhux għax iż-żwieġ innifsu hu imprattikabbli (cf., 1 Kor.7:7-9).


Mt.19:11-12. biss dawk mogħti lilhom, ċoè ewnuki, li jinkludu nies bla kapaċità għal relazzjonijiet sesswali, minħabba difetti fiżiċi, kastrazzjoni, jew ħajja voluntarja fl-astinenza. Iċ-ċelibat hu alternattiva aċċettabbli, jekk wieħed hu msejjaħ biex jibqa’ bla ma jiżżewweġ (cf., 1 Kor.7:6-9). 

Kristu mhux qed jikkmanda ċ-ċelibat; l-appostli tiegħu kienu miżżewġa, almenu ħafna minnhom (1 Kor.9:5), u waħda mill-kwalifiki għall-presbiteri jew mexxija fil-knisja hi proprjament illi wieħed ikun raġel ta’ mara waħda (1 Tim.3:2). Iż-żwieġ hu kustjoni ta’ sejħa u għażla personali. 

Xi wħud, bħal Pawlu, ma jiżżewġux biex jiddedikaw irwieħhom għall-avvanz tal-evanġelju; f’dan is-sens għamlu lilhom infushom ewnuki minħabba saltnet is-smewwiet. L-ewnuki kienu rġiel emaskulati u kastrati; sikwit kellhom pożizzjonijiet ta’ ġieħ u responsabbiltà fil-politika tal-Lvant (cf., At.8:27). B’ebda mod il-Bibbja ma tgħallem li ċ-ċelibat hu superjuri għaż-żwieġ (cf., Ġw.2:18; 1 Tim.4:3). Iċ-ċelibat inforzat fil-kleru u nies reliġjużi hu evidentement tluq lamentabbli mill-istandard bibliku. 


Mt.19:13-15. Għalkemm iċ-ċelibat jista’ jkun utli għas-saltna (Mt.19:10-12), iż-żwieġ jibqa’ istituzzjoni divina, u t-tfal huma barka kbira mingħand il-Mulej. 


Mt.19:14. ta’ nies bħat-talin hi saltnet is-smewwiet. Dawn it-tfal kienu żgħar wisq biex nimmaġinaw illi eżerċitaw fidi personali fi Kristu (ara Lq.18:15). Għaldaqstant hu aktar sinifikanti kif Kristu nqeda bihom bħala illustrazzjoni ta’ dawk li jifformaw iċ-ċittadinanza f’saltnet is-smewwiet (cf., Mt.18:1-4). Ġesù jberikhom (Mk.10:16).

Alla sikwit juri ħniena speċjali ma’ dawk li minħabba l-età jew defiċjenza mentali mhumiex kapaċi jeżerċitaw fidi jew ndiema (cf., Ġona 4:11). Huma msejħa innoċenti (Ġer.19:4), mhux għax huma ħielsa mill-ħtija u l-korruzzjoni morali tad-dnub ta’ Adam (Rum.5:12-19), iżda aktarx għax mhumiex ħatja fl-istess sens bħal dawk li dnubiethom huma premeditati u apposta. 

Ġesù hawn jissuġġerixxi illi l-ħniena divina hi estiża lill-infantili hekk illi dawk li jmutu fiż-żgħorija huma sovranament riġenerati u mogħtija entratura fis-saltna – mhux għax ħaqqhom jew b’xi mod jimmeritaw il-ġenna, iżda għax Alla fil-grazzja tiegħu jagħżel illi jifdihom bid-demm ta’ Ibnu (ara wkoll 2 Sam.12:23). 


Mt.19:16. x’għandi nagħmel sabiex niret...? L-idea tar-raġel hi illi l-għemil uman iwassal għall-wirt etern. Isemmi wkoll il-kisbiet u s-suċċessi morali tiegħu: dan kollu jindika perspettiva reliġjuża msejsa fuq it-tjieba (it-tali fehma dwar tjieba li Ġesù kellu jikkoreġiha). 

Il-ħajja eterna hi espressjoni ekwivalenti għal tidħol fis-saltna t’Alla (Mt.19:24; 5:20) u tkun salvat (Mt.19:25-26). Hi wisq aktar minn eżistenza għal dejjem; hi kwalità ogħla u differenti ta’ ħajja. Tingħatalna u ngawduha permezz tal-fidi fis-Sid Ġesù Kristu waħdu, l-uniku Sultan u Salvatur tal-bnedmin (cf., Ġw.3:15-16; 10:28; 17:2-3; Rum.6:23; 1 Ġw.5:11,13,20). Min jippossediha għadda mill-mewt spiritwali għall-ħajja (Ġw.5:24; 1 Ġw.3:14; Ef.2:1-3); hu mejjet għad-dnub u ħaj għal Alla (Rum.6:11), u għandu l-ħajja ta’ Kristu fih, bħalma żarġuna tgħix mid-dielja (2 Kor.4:11; Gal.2:20). Igawdi relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesù Kristu li qatt ma tintemm (Ġw.17:3). 


Mt.19:17. Hemm wieħed biss li hu tajjeb. Mhux għax Ġesù ma jikkonsidrax lilu nnifsu tajjeb, iżda aktarx ried juri lir-raġel li ebda sempliċi bniedem mhu tajjeb. Mhuwiex xieraq għar-raġel illi jindirizza lil Ġesù Għaliem tajjeb (Mk.19:17-18) qabel ma jkun lest jistqarru bħala Alla, għax Alla biss hu assolutament tajjeb. Hekk ir-raġel seta’ jirrealizza illi l-kondotta etika tiegħu ma tagħmlux tajjeb, u allura mhuwiex kapaċi jaqla’ b’għemilu l-ħajja eterna. 

Meta wieħed jifhem it-tjieba infinita t’Alla jiskopri illi l-għemejjel umani impossibbli jimmeritawlu l-ħajja eterna. Ġesù hawn mhux qed jinnega li hu nnifsu divin, iżda aktarx qed jgħallem liż-żgħażugħ illi kull bniedem hu midneb; Alla biss hu perfett u assolutament tajjeb. Id-difett l-aktar serju taż-żagħżugħ kien illi sabha bi tqila biex jammetti l-fallimenti spiritwali tiegħu. 


Mt.19:17. ħares il-kmandamenti. Filli kwotalu xi wħud minnhom, Ġesù ma kienx qed jissuġġerilu li kapaċi jsalva billi jobdihom, għax ħadd ma jobdihom perfettament. Ried iġibu wiċċ imb wiċċ magħhom biex jara l-qagħda midinba tiegħu.

Din hi l-liġi, mhux il-vanġelu. Qabel ma wrieh it-triq għall-ħajja, Ġesù ried jimpressjona liż-żagħżugħ bl-istandard għoli rikjest minn Alla, kif ukoll il-futilità meta wieħed ifittex isalva bil-mertu tiegħu. Iż-żagħżugħ messu rrealizza l-impossibbiltà; minflok, bil-kunfidenza asserixxa illi żamm il-liġi. 

L-opri tajba ma jaqilgħux il-ħajja eterna. Aktar tard Ġesù jkompli jurih illi m’obdiex l-ewwel kmandament (Mt.19:21-22; cf., Es.20:3) u l-ewwel wieħed miż-żewġ kmandamenti l-kbar (cf., Dt.6:5; Mt.22:36-40). Imma l-ubbidjenza għal-liġi hi wkoll espressjoni ta’ twemmin f’Alla tabilħaqq tajjeb li hu s-sors ta’ kull tajjeb, inkluża l-ħajja eterna. Is-salvazzjoni hi għotja skont il-grazzja divina; nirċevuha permezz tal-fidi biss, f’Ġesù waħdu, kif imxandar fl-evanġelju, u mhux bl-opri umani (Ef.2:8-10). L-opri jnixxu mis-salvazzjoni; mhumiex il-kawża tagħha. 


Mt.19:20. Dawn kollha żammejthom. Is-sinjur iwieġeb l-isfida ta’ Ġesù (Mk.10:19) fl-affermattiv. Jisħaq li osserva l-kmandamenti. (Sawl ta’ Tarsu, qabel ma kkonverta, ukoll deherlu li kien qed josservahom; Fil.3:6). Mill-perspettiva umana, ir-risposta tiegħu hi plawsibbli. 

Madankollu, appena l-ġustizzja assoluta t’Alla tixħet dawlha fuq il-qagħda umana (ara Rum.3:21-26; Fil.3:7-11), il-ġustizzja jew is-sewwa tal-bniedem jinkixef bħala għata rqiqa fuq l-ostilità bażika tal-bniedem kontra l-Ħallieq tiegħu (Kol.1:21). Bil-ftaħira tiegħu ż-żagħżugħ juri għama spiritwali traġika. Stħajjel li obda mentri fil-fatt kien idolatra.


Mt.19:21. jekk trid tkun perfett. Il-liġi tiddomanda konformità perfetta għar-rieda morali t’Alla (Mt.5:48). 


Mt.19:21. biegħ il-possedimenti tiegħek u agħti lill-foqra. Ġesù ried jikkonvinċi liż-żagħżugħ illi ma kellux l-attitudni li jabbanduna kollox (Mt.16:24) minħabba l-grazzja mhix meritata t’Alla (Fil.3:7-9).

Indubjament iż-żagħżugħ ta xi flus lill-foqra, peress li l-karità kienet dover. Iżda Ġesù jisfidah biex jagħti kollox, u hekk ipartat l-alla tar-rikkezzi għall-għana imprezzabbli misjuba filli wieħed isegwi lil Ġesù bħala l-uniku Alla veru. It-teżor fis-sema hu s-salvazzjoni bil-benefiċċji kollha tagħha, kemm f’din il-ħajja kif ukoll f’li ġejja, mogħtija mill-Missier li jgħammar hemm (cf., Mt.13:44-46). Mela t-tweġiba ultima għall-mistoqsija oriġinali (Mt.19:16) hi segwini. 

Nistgħu minn dan l-episodju nikkonkludu illi kull Kristjan imissu jbiegħ kulma għandu u jagħtih lill-foqra? Le, Ġesù qed jittratta ma’ dan l-individwu partikolari, u ried jurih l-idolatrija tiegħu, illi kien iqim il-ġid, mhux lil Alla. Il-Bibbja tassumi d-dritt li kulħadd ikollu proprjetà privata (1 Tim.6:17-18). 


Mt.19:22. Sewwed qalbu u ddiżappunta ruħu għax ma rċeviex il-ħajja eterna li fittex. Il-prezz kien għoli wisq; billi kien marbut ma’ ġidu u qeda lil ġidu bħala alla tiegħu, ma kienx lest jitilqu (cf., Mt.8:36-37). Iddispjaċih għax il-parir li rċieva ma kienx wieħed kif pretenda hu. Ir-raġel telaq imnikket, eżattament l-oppost tar-raġel fil-parabbola li sab it-teżor (Mt.13:44). Dan jimplika illi ma kellu ebda idea tal-valur infinit ta’ Kristu u saltnatu. Ried il-ħajja eterna, iżda ma setax iġib lilu nnifsu milli jieqaf iqim il-forza governattiva f’ħajtu, il-possedimenti kotrana tiegħu. Hu l-każ ta’ ħafna: huma reliġjużi, iżda mhux reliġjużi biżżejjed hekk li jikkonvertu ġenwinament.


Mt.19:23. l-għani diffiċilment se jidħol f’saltnet is-smewwiet. Fil-kuntest “diffiċilment” tfisser “impossibbli” (cf., v.25). L-għana għandu ħabta jnissel is-suffiċjenza fina nfusna kif ukoll sens ta’ sigurtà falza. Twassal lil min jippossedih biex jimmaġina illi m’għandux bżonn riżorsi divini (ara Lq.16:13; 19:2; 1 Tim.6:9,17-18). 


Mt.19:23-26. Il-ġid kien ikkonsidrat bħal turija tal-approvazzjoni divina, u allura l-għonja huma kandidati eċċellenti għas-saltna. Ġesù jaqleb din l-idea ta’ taħt fuq, hekk li d-dixxipli skantaw, Min mela jista’ jkun salvat?


Mt.19:24. ġemel jgħaddi minn għajn labra hi espressjoni li tfisser impossibbiltà. Is-salvazzjoni bl-isforz uman hi impossibbli; hi totalment bil-grazzja t’Alla (Rum.3:21-28; 8:28-30; Gal.3:6-9,26-29; Fil.3:4-9). Il-Lhud kienu jemmnu illi bil-karità l-bniedem seta’ jixtri s-salvazzjoni, allura aktar ma wieħed kellu rikkezzi, aktar seta’ jaffordja jagħti l-karità u offerti, u hekk jixtri l-fidwa tiegħu nnifsu. Idea falza għall-aħħar! Billi l-għana kien meqjus bħala prova tal-barka t’Alla fuq is-sinjur, u dawk li kellhom il-ġid setgħu jagħtu aktar karità, kien maħsub popolarment illi l-għonja kienu l-aktar kandidati probabbli għall-ġenna. Ġesù jeqred dal-kunċett żbaljat, u miegħu l-ħsieb illi wieħed jista’ jimmerita favur divin biżżejjed biex jikseb dħul fil-ġenna.


Mt.19:25. “Mela min jista’ jkun salvat?” Mir-reazzjoni tagħhom, id-dixxipli wrew illi fehmu: ħadd, lanqas l-iktar għonja, ma jista’ jsalva bir-riżorsi materjali, reliġjużi, morali jew spiritwali tiegħu. Mhijiex kwistjoni x’nagħmlu aħna. 


Mt.19:26. Kif afferma Ġesù, Għall-bnedmin dan hu impossibbli. Is-salvazzjoni eterna tiġi mingħand Alla Trinità, bl-inizjattiva sovrana tiegħu, għax iħenn għal min irid iħenn (Sal.3:8; 68:19-20; Rum.9:15-16). L-isforz uman qatt mhu l-kawża tas-salvazzjoni, jew fattur li jikkontribwixxi. La s-sinjuri u lanqas il-foqra ma jistgħu jsalvaw lilhom infushom. Il-konverżjoni – ċoè l-indiema u l-fidi fi Kristu – hi lil hinn mill-abbiltà ta’ umanità mwaqqa’ u mjassra fid-dnub (Ġw.6:44).

għal Alla kollox possibbli. Dak li hu umanament impossibbli hu possibbli għal Alla omnipotenti (Ġob.5:17; 6:14; 42:2; Ġer.32:17; Lq.1:37). Bis-setgħa infinita tiegħu Alla kapaċi jsalva lil kulħadd, iżda attwalment ma jagħtix dil-grazzja lil kulħadd. 

Xorta waħda hemm affarijiet illi Alla impossibbli jagħmilhom: pereżempju, jigdeb, jiċħad lilu nnifsu, iqarraq, jagħmel xi ħażen, jew jagħmel dak li hu loġikament impossibbli.


Mt.19:27. aħna ħallejna kollox u segwejniek! Pietru u sħabu diġà għamlu dak li Kristu ddomanda mingħand iż-żagħżugħ (Mt.19:21). Imbarkaw fuq ħajja ta’ fidi fi Kristu. Daparti tiegħu, Ġesù ma ċanfrux għall-mistennija tiegħu ta’ premju aktar ’il quddiem (cf., Riv.22:12), għax difatti Alla jippremja l-ħidma tal-grazzja tiegħu stess f’uliedu. 


Mt.19:28. Il-kelma riġenerazzjoni (bil-Grieg, palingenesia: tiġdid, riġenerazzjoni) insibuha hawn u f’Titu 3:5 biss fil-Patt il-Ġdid. F’Titu tirreferi għat-twelid mill-ġdid preżenti u individwali (cf., Ġw.3:3-5), iżda hawn tħares ’il quddiem għar-rinovazzjoni futura tal-univers sħiħ fl-aħħar taż-żmien (cf., At.3:21; 2 Pt.3:10-13; Riv.21-22).


Mt.19:28. tiġġudikaw, fis-sens ta’ gvernar, mhux jaqtgħu s-sentenza għall-kastig.


Mt.19:29. mitt darba aktar. Il-barkiet tas-salvazzjoni huma inkomparabbli ma’ xi tkun tlaqt jew ċedejt biex tiksibhom (1 Kor.2:9). 


Mt.19:30. ħafna li huma l-ewwel għad ikunu l-aħħar. Il-fidili se jaqsmu ugwalment fil-barkiet smewwitija – verità illustrata bil-parabbola f’Mattew 19:30-20:16. Il-mogħdijiet tal-grazzja divina sikwit jirriversjaw l-istennijiet umani, u għalhekk ma jmissniex nippreżumu. Pożizzjonijiet onorabbli u prestiġjużi f’dil-ħajja b’ebda mod ma jaqilgħu jew jassiguraw l-approvazzjoni smewwitija. Sikwit jiġri l-kuntrarju. Il-parabbola li jmiss turi li t-tul ta’ ħidma mondana tista’ ma tikkorrispondix mal-premju smewwieti. 


Mt.20:1. padrun ta’ dar kien sid id-dar infisha (Mk.14:14) kif ukoll pussessur ta’ raba’ agrikolu; f’dan il-każ, kellu għalqa tad-dwieli wkoll (cf., Mt.21:33; Lq.15:22-32; 16:1-9). Bil-Latin kien jissejjaħ pater familias, missier ta’ familja estiża, li tinkludi martu, uliedu, lavranti, ilsiera, u l-bqija. 

Iżrael hu sikwit imqabbel ma’ dielja jew vinja fil-Patt il-Qadim (eż., Isa.5:1-7; Ġer.2:21; Ħos.10:1; cf., Mt.21:28-46). L-għalqa tad-dwieli tirrappreżenta l-attività tas-saltna fid-dinja (cf., Mt.21:28-46).


Mt.20:1-16. saltnet is-smewwiet tixbah. Din il-parabbola hi iebsa biss għal dawk li ma jagħrfux id-dipendenza assoluta tagħhom fuq il-grazzja għal kwalunkwe ħaġa tajba mingħand Alla. Ebda Kristjan m’għandu jkun għajjur għall-għotjiet tajba li Alla jbierek lil ħaddieħor bihom. 


Mt.20:4. kwalunkwe ħaġa li tkun ġusta nagħtihielkom. Tant kienu ħerqana għax-xogħol illi dawn l-irġiel lanqas biss innegozjaw għal salarju speċifiku. Hekk ukoll, ulied Alla huma żelużi biex jaqdu lil Sidhom. Għalkemm għandhom idea li se jkun hemm kumpensa, ma jafux x’inhi eżattament; frattant xorta waħda jridu jaqdu lil Sidhom, għax jafu li hekk sewwa, u Sidhom ma jistax jagħmel ħlief is-sewwa. 


Mt.20:2-6. siegħa. Il-jum Lhudi jibda mis-sitta ta’ filgħodu u jintemm fis-sitta ta’ flgħaxija. Mela jitqassam mill-ewwel siegħa sat-tnax-il siegħa. “Mhux tnax-il siegħa fih il-jum?” (Ġw.11:9). Is-sigħat tal-jum, kif jissemmew fil-Patt il-Ġdid, huma hekk:

It-tielet siegħa: 9 a.m.(Mt.20.3; Mk.15:25; At.2:15). 

It-tielet siegħa tal-lejl: 9 p.m. (At.23:23). 

Is-sitt siegħa: nofsinhar (Mt.20:5; 27:45; Mk.15:33; Lq.23:44; Ġw.4:6; 19:14; At.10:9).

Is-seba’ siegħa: 1 p.m. (Ġw.4:52). 

Id-disa’ siegħa: 3 p.m. (Mt.20:5; 27:45-46; Mk.15:33; Lq.23:44; At.3:1; 10:3,30). 

L-għaxar siegħa: 4 p.m. (Ġw.1:39). 

Il-ħdax-il siegħa: 5 p.m. (Mt.20:6,9). 


Mt.20:13. m’inix nagħmillek ħsara. B’sorpriża, kulħadd irċieva paga ta’ jum sħiħ. Sid l-għalqa kien qed jaġixxi bi tjieba mhux mistennija ma’ dawk li ħallashom iżżejjed. M’għamel ebda deni lil dawk li ħallashom ta’ ġurnata xogħol, bħalma difatti ħadmu. Preċiżament hekk ftiehem magħhom mill-bidu. Imma kien il-privileġġ u d-dritt tiegħu illi jestendi l-istess ġenerożità ma’ kulħadd (Mt.20:15; cf., Rum.9:15). 


Mt.20:15. għajnek hi ħażina hi idjoma għar-regħba (Mt.6:23). Min hu egoist u ġust f’għajnejh stess joffendi ruħu bil-grazzja t’Alla lejn min ma ħaqqux.


Mt.20:16. Il-parabbola tikkonkludi: Hekk tal-aħħar se jkunu l-ewwel, u tal-ewwel l-aħħar. Dixxiplu m’għandux ikejjel id-den tiegħu billi jipparagunah mal-kisbiet jew sagrifiċċji magħmula minn ħaddieħor. Messu jiffoka filli jservi minn qalb grata, b’rispons għall-grazzja. Hemm gradi ta’ premju fl-istat etern (1 Kor.3:14-15), iżda Ġesù hawn jafferma illi l-ġenerożità t’Alla hi wisq iżjed abbondanti milli wieħed jippretendi. Il-ħaddiema (ħlief tal-ewwel nett) irċevew iżjed milli ħaqqhom. Il-ħalliel mislub maġenb Kristu daħal il-ġenna l-istess u daqs Pietru, li għamel tant sagrifiċċji, stinka u saħansitra miet martri; hekk hi l-grazzja t’Alla. 

Hawnhekk Ġesù jgħid li l-premju hu l-istess għal kulħadd, mentri bnadi oħra l-Bibbja titkellem dwar gradi differenti ta’ premju talli nkunu ħdimna f’saltnet Alla (cf., 1 Kor.3:11-15; 2 Kor.5:10). U hekk hu, xi ħaġa li Ġesù nnifsu jaffermaha (Riv.22:12). Il-punt f’dil-parabbola mhuwiex illi l-premji kollha se jkun l-istess, iżda illi l-premji kollha huma bi grazzja. Turi kif Alla jippremja fuq il-bażi ta’ opportunità, mhux sempliċement fuq kemm irnexxielna nagħmlu. Mhux il-ħaddiema kollha kellhom l-opportunità jaħdmu għal sidhom l-istess ammont ta’ ħin, frattant ilkoll ingħataw l-istess paga. Alla jħares lejn id-dispożizzjoni kif ukoll lejn l-azzjonijiet. 


Mt.20:20-28. L-inċident jiżvela illi d-dixxipli kienu għadhom ma laqgħux it-tagħlim ta’ Ġesù dwar l-umiltà (cf., Mk.9:34; Mt.20:21). Injoraw l-avviżi tiegħu illi kien sejjer Ġerusalemm biex imut (Mk.10:32-34), u baqgħu jimmaġinaw illi se jkun hemm manifestazzjoni fiżika tas-saltna, waħda politika u materjali aktarx milli spiritwali. Allura kienu ħsiebhom biex jimmanuvraw għall-aħjar postijiet ta’ prominenza fiha (cf., Mt.18:1). 


Mt.20:20 omm ulied Żebedew (cf., Mk.10:35). Jekk inqabblu ż-żewġ rakkonti nintebħu illi l-omm u ż-żewġ uliedha ġew għand Ġesù. Possibbilment l-omm tkellmet l-ewwel, b’uliedha maġenbha, li seddqu r-rikjesta tagħha. Dan hu probabbli għax Ġesù jistaqsi lill-ulied humiex kapaċi jixorbu mill-kies tiegħu. Allura m’għandna ebda kunflitt hawnhekk; iż-żewġ rakkonti jarmonizzaw flimkien. 


Mt.20:23. Fil-Patt il-Qadim it-tazza tissimbolizza d-destin tal-bniedem kif determinat minn Alla, sew jekk barka (Sal.16:5) jew diżastru (Ġer.25:15), salvazzjoni (Sal.116:13) jew għadab. Normalment jissinifika t-tferrigħ tal-għadab divin (Sal.75:8; Isa.51:17,22; Ġer.25:15-16). 

Id-dixxipli kellhom isofru, iżda peress li Ġesù xorob it-tazza (isofri, Mt.26:39) għan-nom ta’ niesu, il-fidili ma jixorbux it-tazza mistħoqqa lilhom. Fi Kristu diġà rċevew il-ġudizzju tagħhom. Issa huma magħdudin bħala ġusti fi Kristu u werrieta tal-glorja eterna (Rum.8:17). Frattant jgħodduh bħala privileġġ ikunu identifikati ma’ Sidhom fi tbatijietu (1 Pt.2:21). 


Mt.20:23. mhux jien li nagħti dan. Il-pożizzjoni ta’ kull persuna u l-unuri fis-saltna kienet imħejjija mill-Missier qabel ma ħalaq id-dinja (Mt.25:34); hi stqarrija tal-predestinazzjoni għal kull individwu (Mt.20:16; 22:14). Għalkemm hu s-Sultan, Kristu hu wkoll is-Serv sottomess għar-rieda ta’ Missieru. 


Mt.20:24. indignati. Hawn naraw dispjaċir imnissel mill-għira. Mogħtija l-opportunità, ilkoll kienu jaslu biex jitolbu lil Ġesù pożizzjoni eżaltata. L-ambizzjoni egoistika u l-kburija kienu kustjonijiet rikorrenti fost id-dixxipli (cf., Mt.18:1,4; 23:11; Mk.9:34; Lq.9:46; 22:24,26). 


Mt.20:25. Id-dixxipli jmisshom ikunu karatterizzati b’umiltà u qadi, mhux billi jiddominaw fuq nies li għalihom huma responsabbli. Ġesù ma jinnegax kull użu ta’ awtorità umana (cf., Mt.16:19; 18:18), iżda jesponi l-abbuż oppressiv tagħha.


Mt.20:26-27. mhux hekk hu fostkom. M’hemm ebda lok fil-knisja għal mexxejja li ħsiebhom biex jiddominaw (cf., Mt.23:8-12; 1 Pt.5:3-6; 3 Ġw.9-10).

serv...ilsir. Il-mogħdija għad-dinjità u kobor hi ’l isfel, bl-umiltà u qadi (Mt.18:4). Alla jirriversja l-mistennijiet umani (Mt.19:30; 20:16). It-tmexxija fost il-poplu t’Alla għandha tkun immarkata b’servizz sempliċi u aġir fl-aħjar interess ta’ min hu mmexxi. In-nies mhumiex qegħdin hemm biex iseftru lill-mexxejja; aktarx il-kontra. L-istess jgħodd għall-gvern ċivili (Rum.13:4; cf., 1 Sam.8:11-20; 12:3-5). 

Il-kobor veru allura mhuwiex kwestjoni ta’ tmexxija, awtorità jew kisba personali, iżda hu relatat intimament ma’ atteġġjament fil-qalb ta’ wieħed li sinċerament jixtieq jgħix għal Alla u l-proxxmu. Irridu nkunu hekk kommessi għal Alla illi nidentifikaw ruħna mar-rieda tiegħu fuq l-art mingħajr ma nitlebilbu għall-glorja, pożizzjoni, prestiġju, fama jew premji materjali. Il-premji ta’ kobor veru hu t-twettiq tal-volontà t’Alla f’ħajjitna, inressqu lil ħaddieħor għas-salvazzjoni fi Kristu u nogħġbu lil Alla (Lq.22:24-30). 


Mt.20:28. Bin il-bniedem hu titlu assoċjat mas-sovranità (Dan.7:13-14), iżda hawnhekk ma’ servizz umli u s-sagrifiċċju. 

biex jagħti ħajtu bħala riskatt għal ħafna. Nistgħu nqisu did-dikjarazzjoni bħala l-muftieħ għall-Vanġelu skont Marku (10:45) Il-qlub ġeblija tad-dixxipli finalment jittertqu bl-eżempju illi Ġesù nnifsu jqiegħed quddiemhom. Hu, Bin il-Bniedem li għad jiret “dominju u glorja u saltna” (Dan.7:14), deher fostna bħala qaddej, ħalli jwettaq il-profezija (Isa.52:13-53:12). 

Mewtu fuq is-salib hi tpattija sostituzzjonarja – riskatt għal ħafna (cf., Lev.5:14-6:7; Isa.52:14-15; 53:8-12; Mk.14:24; Rum.4:25; 1 Kor.15:3; 1 Tim.2:6). Ir-riskatt jirreferi għall-prezz imħallas biex jinħeles priġunier jew skjav. Kristu miet biex l-ilsiera għad-dnub jiġu lliberati, kif ukoll biex il-priġunieri taħt id-dominju ta’ Satana jingħataw il-libertà. Din hi l-verità grandjuża tal-evanġelju: Kristu daħal garanti għal niesu, ħa l-kastig minflokhom biex jinfdew għalih innifsu u jservu lilu flok jibqgħu taħt id-dominju tad-dlam (cf., Rum.8:1-3; 1 Kor.6:20; Gal.3:13; 4:5; Ef.1:7; Titu 2:14; 1 Pt.1:18-19). 

Il-ħlas jew prezz ma tħallasx lil Satana, kif proponew ċerti teoriji fl-antik: Satana hu preżentat fl-Iskrittura bħala għadu li kellu jintgħeleb, mhux ħakkiem li għandu jkun propizjat. Il-prezz tar-riskatt tħallas lil Alla biex il-ġustizzja tiegħu tkun onorata, u l-għadab qaddis tiegħu kontra d-dnub ikun sodisfatt. Fi mħabbtu Alla l-Missier innifsu provda r-riskatt, f’Ibnu Ġesù! (Ġw.3:16). B’mewtu Kristu tgħabba bid-dnubiet ta’ niesu u daħal responsabbli għall-ħażen tagħhom (1 Pt.2:24). 

Dal-vers importanti jgħallem fiċ-ċar it-tpattija sostituzzjonarja ta’ Ġesù (Isa.53:4-6; Rum.3:24-25). Ir-riskatt (bil-Grieg, lutron) hu l-prezz jew somma mħallsa biex wieħed jinħeles minn sentenza (Es.21:30), mid-dejn (Es.30:12; cf., Isa.53:10), mill-iskjavitù jew priġunerija. 

Il-prezz għal-libertà mid-dnub u l-kundanna tal-infern hu ħajjet Ġesù, mogħtija għalina (1 Pt.1:18-19). Il-magħżulin – il-ħafna – huma lliberati mill-għadab t’Alla. Ir-riskatt tħallas lil Alla fil-ġustizzja tiegħu, mhux lix-xitan.

Il-prepożizzjoni Griega antigħal – tista’ tkun tradotta “minflok.” Tesprimi l-fatt li Ġesù miet bħala sostitut ta’ niesu; ħa posthom. Flok sofrew huma (fl-infern) sofra hu minflokhom (fuq is-salib). 

Speċifikament Ġesù jgħid ħafna (cf., Isa.53:11-12), mhux kulħadd. Hemm fokus definit għall-attività ridentiva tiegħu. Huma ħafna, mhux ftit. Kristu miet minflok niesu (Mt.1:21); mewtu serviet bħala l-prezz għall-fidwa tagħhom, biex jagħmel tajjeb għad-dejn vast ta’ ħtijiethom m’Alla (Sal.130:3-8; Mt.18:24; 26:28). 


Mt.20:29. Ġeriko (tfisser nifs jew fwieħa), il-belt tal-palm (Dt.34:3; Imħ.1:16), jingħad li hi l-eqdem belt fid-dinja li għadha abitata. Kienet l-ewwel waħda maqbuda fi żmien Ġożwè. Tinsab ħmistax-il mil fil-Grigal ta’ Ġerusalemm. Kienet invistata mis-Sid Ġesù meta daħal fid-dar ta’ Żakkew u fejjaq lill-irġiel għomja (Mk.10:46; Lq.18:35; 19:1). 


Mt.20:30-31. bdew jgħajtu...wisq aktar għajtu. Min għandu l-fidi jippersisti biex isib grazzja quddiem il-Mulej (Mt.15:22-28). 


Mt.20:29-34 żewġt irġiel għomja (cf., Mk.10:46-52; Lq.18:35-43). Ġesù fejjaq għami wieħed, jew tnejn? Dan hu każ simili għal Mattew 8:28-34, u jissolva bl-istess raġunament.


Mt.21:1-11. L-avveniment hu magħruf tradizzjonalment bħala d-daħla trijonfanti; aktar korrettement nistgħu nsejħulha l-inkurunazzjoni tas-Sultan. Hi l-aħħar dehra pubblika u maġġura tiegħu qabel ma sallbuh. L-evanġelisti kollha jirrekordjawha (cf., Mk.11:1-11; Lq.19:29-44; Ġw.12:12-19). 


Mt.21:1. Betfaġe: belt ċkejkna fuq il-Lvant ta’ Ġerusalemm. Betanja: belt oħra (Ġw.11:1), żewġ mili bogħod mill-kapitali. 


Mt.21:5. is-Sultan tiegħek ġej għandek...fuq felu. Kristu intenzjonalment avviċina l-belt b’manjiera illi annunzjat pubblikament il-wasla tas-salvazzjoni għan-nies t’Alla fis-Sultan imwiegħed, kif imbassar mill-profeti (Żak.9:9). 


Mt.21:9. Osanna ’l Bin David! Hawnhekk din l-għajta tipponta lejn iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ġesù bħala messija Davidiku u politiku (cf., 2 Sam.7:14; Isa.9:1-21; 11:1-16; Ġer.23:1-8). Osanna litteralment tfisser “Salva issa” f’Salm 118:25. Dak li n-nies dakinhar setgħu interpretaw bħala ħelsien minn Ruma, jeħtiġilna narawh bħala ħelsien mid-dnub (Mt.1:21). 


Mt.21:9. Imbierek dak li ġej f’isem is-Sid! hi talba meħuda minn Salm 118:25-26, talba ta’ barka għas-saltna messjanika li kellha tiġi (Mt.23:39; Lq.13:35). Id-Daħla Trijonfanti tiġri fil-bidu tal-ġimgħa tal-Għid, li kien ifakkar il-liberazzjoni tal-poplu Lhudi mill-jasar fl-Eġittu; il-pellegrini issa jantiċipaw il-ħelsien messjaniku mill-oppressjoni Rumana. Il-klejmijiet tad-dixxipli huma ulitmament veri. Frattant mhux Ruma se tkun megħluba, iżda għedewwa wisq eħrex: ix-xitan u l-mewt. L-għedewwa tal-ġustizzja jum wieħed għad jaraw l-awtorità tal-Messija. F’Marku dan hu l-uniku avveniment fejn m’hemm ebda tensjoni evidenti bejn l-identità messjanika ta’ Ġesù, il-mistennijiet messjaniċi tad-dixxipli tiegħu, u dawk tan-nies (cf., Mk.2:8-10; 8:27-31; 10:45). Ġesù jittollera dan il-perjodu qasir ta’ ċelebrazzjoni bi twettiq ta’ Żakkarija 9:9, iżda biċ-ċertezza illi xejn mhu se jfixklu milli jieħu l-mewt bħala l-Messija. 


Mt.21:11. “Dan hu Ġesù, il-profeta minn Nażaret fil-Galilija.” Id-Daħla Trijonfanti hi att simboliku. Żakkarija 9:9 kien rikonoxxut bħala messjaniku. L-għajta tan-nies (Mt.21:9) u l-firxa tal-imnatar mal-art (cf., 2 Slat.9:13) tindika li l-folla għarfet il-klejm ta’ Ġesù bħala l-Messija. 


Mt.21:12-13. It-tempju ta’ Ġerusalemm fi żmien Ġesù kien attwalment it-tempju mibni minn Żerubabel ħames sekli qabel, rinovat u mkabbar. Erodi l-Kbir impenja ruħu biex jerġa’ jibnih billi mpjiega 18,000 ħaddiem, għal aktar minn disa’ snin, iżda baqgħu jissupplimentaw miegħu proġetti oħra, hekk li b’kollox ħadu 46 sena (Ġw.2:20). Hu kkalkolat li l-btieħi kienu spazzjużi suffiċjentement biex jesgħu iżjed minn nofs miljun ruħ f’daqqa. Il-Lhud riedu li jkun ugwali, jekk mhux superjuri, għal kwalunkwe binja oħra eżistenti fil-ġmiel u l-isplendur (Mk.13:1-2). Kien iċ-ċentru ta’ qima għall-poplu Lhudi, għalkemm bosta abbużi kummerċjali kienu ttollerati fih. It-tempju nqered fis-sena 70 w.K. minn Titu Vespasjanu, il-ġeneral Ruman (Mt.24:2).

Kristu rrefera għal ġismu bħala tempju (Ġw.2:19). Id-dixxipli tiegħu issa huma t-tempju t’Alla; fihom jgħammar l-Ispirtu s-Santu (Ef.2:22). Il-ġisem ta’ kull Kristjan hu deskritt ukoll bħala maqdes tal-Ispirtu (1 Kor.6:19). 


Mt.21:12. keċċa ’l barra. Ġesù ġustament irrabja kif il-qima fit-tempju sfat korrotta f’negozju. Id-devozzjoni lejn Alla nqalbet f’dagħwa. Filli naddaf it-tempju mill-abbużi kummerċjali li kienu jsiru fih, Kristu wera ż-żelu tiegħu għall-qdusija vera u t-talb fost dawk li jikklejmjaw li qed iqimu lil Alla. Kien l-ewwel att kbir pubbliku tiegħu (Ġw.2:13-22) u l-aħħar wieħed ukoll (cf., Mt.21:12-17). B’rabja ġusta keċċa minn dar Alla l-ħżiena, ir-regħba u dawk li kienu qed jeqirdu l-għan spiritwali u veru tiegħu. 

Ħa noqogħdu attenti, għax tul l-istorja din l-għarukaża rrepetiet ruħha sikwit. Ir-riforma fil-qima u s-servizz tagħna lil Alla trid tibqa’ għaddejja. Ġesù hawn jagħtina lezzjonijiet importanti: 

1. Kristu għandu interess qawwi filli l-knisja tiegħu tkun qaddisa u sinċiera (cf., Ġw.17:17,19). Minħabba f’hekk miet (Ef.5:25-27).

2. Il-qima mogħtija mill-knisja trid tkun fl-ispirtu u fil-verità (Ġw.4:24). Jeħtieġ tkun miġemgħa ta’ nies mogħtija għat-talb u komunjoni m’Alla (cf., Mt.21:13). 

3. Kristu jikkundanna lil dawk kollha li jabbużaw mill-knisja, kif ukoll nies li jinqdew bl-evanġelju jew kelmtu għall-profitt, glorja jew promozzjoni tagħhom infushom. 

4. Imħabba sinċiera lejn Alla u l-għanijiet ridentivi tiegħu tirriżulta f’ħeġġa qawwija għall-ġustizzja f’dar Alla (Ġw.2:17). Inkunu nixbhu lil Kristu meta bħalu ma nittollerawx l-inġustizzja fil-komunità magħrufa bħala l-knisja tiegħu (Riv.2 u 3). 

5. F’kull ministeru Kristjan veru hu essenzjali li ssir protesta kontra dawk li jipprofanaw u jwaqqgħu għaż-żufjett saltnet Alla (cf., 1 Kor.6:9-11; Gal.1:6-10). 

6. Sakemm għandna l-opportunità nagħmlu wisa’ lil Kristu biex inaddaf il-kongregazzjonijiet tiegħu mill-qerq, immoralità, sekularizzazzjoni u desakrazzjoni (Riv.2 u 3). Altrimenti fl-avvent tiegħu, b’ġudizzju divin, inaddaf il-knisja tiegħu b’finalità (ara Mal.3:2). 


Mt.21:13. It-tempju nbena bil-ħsieb illi jkun dar tat-talb, ċentru fejn wieħed ifittex il-grazzja mingħand Alla fl-indiema (Isa.56:7). Il-ġemgħat ta’ Kristjani – knejjes lokali – għandhom ikunu hekk ukoll. 


Mt.21:13. għar tal-ħallelin. Ir-reliġjużi nqdew b’qima esterna biex jgħattu d-dnub, l-inġustizzja u l-ipokrisija bla ndiema tagħhom. 


Mt.21:14. resqu lejh l-għomja u z-zopop fit-tempju. L-aħħar mirakli ta’ fejqan imwettqa minn Ġesù f’dal-Vanġelu għal darb’ oħra jaċċentwaw illi l-qima awtentika t’Alla tinvolvi ħniena lejn il-batuti (Mt.12:7,12). 


Mt.21:16. Minn fomm l-infantili. B’mod straordinarju, Ġesù jikkwota minn Salm 8 biex jiġġustifika t-tifħir tat-tfal, għax Salm 8 jgħid li Alla ħatar il-qima għalih innifsu minn xofftejn it-tfal. Indirettament Ġesù jikklejmja li hu Jaħwè, divin fil-veru sens tal-kelma. 


Mt.21:17. Betanja kienet raħal madwar żewġ mili minn Ġerusalemm. Forsi qagħad fid-dar ta’ Lazzru u ħutu, għax kien ħbieb magħhom (Lq.10:38-42; Ġw.11:1-44; 12:1-3).


Mt.21:19. tina. Ir-referenza speċifika hi għal Iżrael, għax fil-Patt il-Qadim it-tina sikwit isservi bħala metafora għal Iżrael u l-qagħda tiegħu quddiem Alla (eż., Ġer.8:13; Ħos.9:10,16; Ġoel 1:7). 

ma sab xejn fiha ħlief weraq biss. L-azzjonijiet ta’ Ġesù f’din il-ġrajja għandhom importanza simbolika. Jikxef l-ipokrisija ta’ nies li jidhru li qed jipproduċu l-frott mentri fir-realtà mhumiex, u allura jippronunzja l-ġudizzju tiegħu. Ġesù seħet it-tina (Mk.11:21; l-uniku miraklu “negattiv” tiegħu): hekk ried jissinifika l-ġudizzju t’Alla fuq il-Lhud “bla frott” (Mk.7:6) li dawru daharhom lejn Alla u ffissaw fuq legaliżmu vojt, b’ritwal formali bla qawwa (cf., Ħos.9:10-17). Hi parabbola hi viżiva: tesibixxi t-tfittxija diżappuntata ta’ Ġesù għall-frott ġenwin ta’ qima, talb u ġustizzja fin-nazzjon Lhudi u l-prattiċi reliġjużi tiegħu. 

“Qatt iżjed ma jsir frott minnek, għal dejjem.” Il-parabbola dwar il-limitu tas-sabar t’Alla (Lq.13:6-9) hi mwettqa hawnhekk. Min ma jagħmilx frott spiritwali hu mwissi, bil-periklu li jkun imqaċċat bla rimedju. Is-siġra tat impressjoni ta’ produttività kbira; fil-fatt ma kellhiex. 

Is-siġra tat-tin hi sikwit tip tal-ġens Lhudi (Naħ.3:12; Żak.3:10). Hekk kien il-poplu Lhudi fi żmien Kristu: skoss reliġjożità, partita ċerimonji u ritwal estern; fir-realtà, però, l-ispiritwalità kienet nieqsa u l-ipokrisija lampanti. Hekk Ġesù kien qed iħabbar illi l-poplu Lhudi kellu jitwarrab bħala l-poplu t’Alla; minfloku, nies mill-ġnus tad-dinja kellhom jifformaw il-poplu ġdid tiegħu. 


Mt.21:21. tgħidu ’l dil-muntanja (ara n-notament f’Mk.11:22-23). Diskors figurattiv (cf., Mt.17:20). Jirreferi probabbilment għall-qirda imminenti tal-belt fiżika t’Alla (adattament ironiku ta’ Salm 46:2-4). 


Mt.21:21-22. ma tiddubitawx (cf., Mt.17:20). Hawn l-enfasi hu fuq kemm m’għandniex intellgħu u nniżżlu fejn nafu Alla xi jrid minna. Jekk aħna konxji li l-ħaġa hi verament il-volontà t’Alla, ninħelsu mid-dubju. Fidi vera tirċievi dak li titlob għalih; l-afdar f’Alla mhuwiex arroganza jew preżunzjoni, iżda sottomissjoni għar-rieda divina. 


Mt.21:23. B’liema awtorità...? L-awtoritajiet f’Ġerusalemm jipprovaw jesponu lil Ġesù bħala rivoluzzjonarju, bla status uffiċjali biex jaġixxi fit-tempju. Riedu jonsbuh, ladarba Ġesù ma kienx uffiċjalment imħarreġ bħala rabbi u ma kellu ebda kredenzjali umani. Difatti Ġesù kien diġà ta’ dimostrazzjoni qawwija tal-awtorità tiegħu b’diversi mod, bil-kelma u l-mirakli (Mt.7:29; 8:8-9; 9:6-8; 10:1). 


Mt.21:25. Mis-sema jew mill-bnedmin? Il-mexxejja rrifjutaw milli jwieġbu l-mistoqsija u hekk inkixfu fid-diżonestà tagħhom. Ġesù, daparti tiegħu, jaqbadhom f’nasba. Bħala mexxejja jilagħbuha taparsi ma jafux. Jekk ma jafux il-Battista hux mingħand Alla, allura kif jistgħu jiddeċiedu dwar Ġesù nnifsu? It-tweġiba ta’ Ġesù ssikket t-teologi professjonali, għax l-awtorità profetika ma jistax ikollha sors uman (Gal.1:11-12). Hi attestata minn Alla u toddomanda sottomissjoni. Bit-tweġiba tiegħu bħal speċi jistaqsi wkoll, “Qed tirrikonoxxu u tissottomettu għall-awtorità tiegħi?”


Mt.21:27. lanqas jien ma ngħidilkom. Ġesù (u kwalunkwe predikatur jew għalliem għaqli) ma jaħlix tagħlimu ma’ dawk li lesti biss jilagħbu mal-verità (Mt.7:6). 


Mt.21:23-22:46. U ġie fit-tempju. Sezzjoni twila dwar x’ġara nhar ta’ Tlieta qabel ma miet. Qiegħed fil-bitħa tat-tempju u jippreżenta tliet parabboli estiżi li juru l-ħaqq t’Alla fuq il-mexxejja. Mhux biss ma laqgħux l-istedina għal saltnet is-smewwiet, iżda skuraġġew lin-nies (Mt.21:28-22:14). Imbagħad naraw erba’ interazzjonijiet hekk kif il-mexxejja reliġjużi jipprovaw jonsbu lil Ġesù. Mhux talli ma rnexxilhomx, iżda jkompli jiżvela l-identità vera tiegħu bħala Bin Alla (Mt.22:15-46).


Mt.21:28-32. Il-parabboli taż-żewġt itfal tillustra l-falliment tal-mexxejja reliġjużi: ma rrispondewx kif jixraq għall-ministeru profetiku ta’ Ġwanni. B’ipokrisija l-imġiba tagħhom ma qablitx ma’ diskorshom. Il-frott etiku fl-aħħar mill-aħħar jagħti prova jekk wieħed hux tabilħaqq jobdi l-messaġġ t’Alla. 


Mt.21:32. triq il-ġustizzja, ċoè l-indiema u l-fidi li jirriżultaw filli Alla jlibbes lill-fidil bis-sewwa ta’ Kristu nnifsu u jiddikjarah bla ħtija. 


Mt.21:33-46. Isimgħu parabbola oħra, did-darba msejsa fuq Isaija 5:1-2 u possibbilment fuq Salm 80:8-18 ukoll. Il-padrun hu Alla, il-vinja saltnatu, u l-iben hu Ġesù (Mt.21:43). Il-qaddejja huma l-profeti; jingħad li ssawtu, sfaw maqtula jew imħaġġra (Mt.5:12; 23:29-32). Dat-trattament ifakkar x’ġarrbu l-profeti matul is-sekli (eż., 1 Slat.18:4; Ġer.20:1-2). 


Mt.21:33. Dil-parabbola tikxef il-ħtija tan-nazzjon Lhud; il-bdiewa huma l-Lhud f’oppożizzjoni lejn il-Messija. Qalbu saltnet Alla f’possediment privat, u wrew stmerrija għal Kelmtu. Saħansitra rrifjutaw milli jobdu lil Ibnu. Il-knejjes illum kapaċi juru l-istess attitudni meta jwarrbu jew jittraskuraw l-Iskrittura, ma jobduhiex, u joħolqu knisja skont l-ideat tagħhom.


Mt.21:37-39. bagħat lil ibnu. Ġesù qiegħed lilu nnifsu f’kategorija differenti mill-profeti, mhux bħala sempliċi serv iżda bħala Bin Alla u werriet ta’ saltnet Alla. 

‘Se jirrispettawh lil ibni.’ Alla ma kienx żbaljat dwar il-pjanijiet tagħhom kontra Ġesù (Mt.21:10-11; At.2:23); il-parabbola tesprimi l-ġieħ li suppost taw lil Kristu bħala Bin Alla (Sal.2:7-12). 

qatluh hi profezija impliċita rigward ir-roftiment tiegħu u mewtu taħt idejn il-mexxejja mħassra. 


Mt.21:41. l-vinja se jqabbilha lill-gabillotti oħra. Profezija mwettqa fl-istabbiliment tal-knisja u l-mexxejja tagħha, li kienu l-biċċa l-kbira Ġentili (Mt.21:43). Il-Lhud kellhom jitwarrbu bħala l-ħaddiema fl-għalqa t’Alla. Is-saltna kella tiġi trasferita lil poplu ġdid li jinkludi l-Ġentili (Mt.8:11-12; Rum.9:22-26; 11:11). Kellha ssir rikostituzzjoni ta’ Iżrael spiritwali madwar Kristu biex hekk b’unjoni miegħu tagħti ħafna frott (Ġw.15:1-8). 


Mt.21:42. Qatt ma qrajtu fl-Iskritturi...? Litteralment l-Iskritturi huma l-kitbiet, terminu tekniku għall-Bibbja bħala l-Kelma miktuba t’Alla (Mt.22:29; 26:54,56; 2 Pt.1:20-21). 


Mt.21:42. Il-Lhud jisfidaw l-awtorità tiegħu (Mt.21:23), u Ġesù jiddefendi lilu nnifsu billi jikkwota minn Salm 118:22-23 bħala evidenza li l-awtorità tiegħu ngħatatlu minn Alla direttament u ma kinitx derivata minn istituzzjonijiet umani.

Il-ħaġra tirrferi għall-Messija. Il-bennejja huma l-mexxejja ta’ Iżrael. Ġesù jikkwota Salm 118:22-23, għanja li tiċċelebra l-vittorja mogħtija lill-Messija minn Alla hekk li jistabilih fuq it-tron, biex juri kif Alla ħabbar minn sekli qabel kif il-Messija kellu l-ewwel ikun imwarrab mill-mexxejja Lhud. 

rroftaw tidwi t-tema tal-persekuzzjoni tal-profeti (Neħ.9:9-35; At.7:1-53). Ġesù juri fidi f’Missieru u fl-Iskrittura: f’wiċċ il-mewt li għadu kif bassar għalih innifsu – xeħtuh ’il barra mill-vinja u qatluh (Mt.21:39) – kapaċi jithenna fir-rebħa mwiegħda. 

Il-mexxejja reliġjużu warrbu lil Ġesù billi sallbuh; bir-resurrezzjoni tiegħu Alla stabbilixxi lil Ibnu bħala l-ħaġra prinċipali tal-binja (At.4:10-12; 1 Pt.2:6-7). Iżrael il-ġdid (jew aħjar, Iżrael fidil) jaċċetta lill-Iben bħala l-messaġġier leġittmu, il-werriet u ras il-kantuniera tas-saltna messjanika (Ġer.31:26; Żak.4:7). Mormi mill-infidili, Ġesù sar il-ħaġra preminenti fil-binja (1 Pt.2:4-8).

hu meraviljuż f’għajnejna. Xi ħaġa sorprendenti u mhux mistennija illi Alla biss seta’ ppjana u wettaq. 


Mt.21:43. saltnet Alla għad tittieħed minnkom. Il-mexxejja għarrielhom milli jwettqu l-obbligi tagħhom lejn Alla, kemm fil-ħajja personali kif ukoll filli jiggwidaw lin-nazzjon Iżraelita. Dan ir-rwol filli jindokraw il-vinja jew is-saltna issa se jitneżżgħu minnu, u s-saltna tingħata ’l ġens li jipproduċi l-frottijiet tagħha. Il-knisja se tkun il-ġens (bil-Grieg, ethnos, nazzjon; poplu) ġdid. Hu poplu meħud minn fost il-popli kollha tad-dinja (Mt.28:19), miġjuba flimkien bħala ġens wieħed ġdid (1 Pt.2:9).

Kristu hawn jiddikjara l-ġudizzju finali t’Alla fuq Iżrael nazzjonali, it-tmiem tat-teokrazija u t-tempju (Mt.24:1-2; 27:51), u l-formazzjoni ta’ poplu ġdid t’Alla identifikat bi ndiema u ubbidjenza għas-Sultan divin. 


Mt.21:44. dil-ħaġra. Ġesù jgħaqqad il-profeziji f’Isaija 8:14 u Danjel 2:34,44. Bihom juri illi hu għad jeqred is-saltniet tad-dinja, bħala l-fondatur ta’ saltnet Alla fuq l-art. Fl-istess ħin jgħid illi, kif tbassar, il-mexxejja Lhud kienu opposti għal dis-saltna. L-allużżjonijiet tiegħu għal-Patt il-Qadim hawnhekk jipprovdu l-bażi għala l-awturi tal-Patt il-Ġdid jirreferu għalih bħala “ġebla” (At.4:11; Rum.9:33; 1 Pt.2:6-8).


Mt.22:1-14. Saltnet is-smewwiet hi mxebbha ma’ wieħed sultan. Hemm xebh bejn dil-parabbola u oħra f’Luqa 14:16-24, iżda essenzjalment huma differenti. L-ewwel parti (Mt.22:1-10) tkompli tenfasizza illi l-werrieta tas-saltna rroftawha, u s-saltna hi offruta lill-oħrajn (trasferiment minn Iżrael antik għall-knisja tal-Patt il-Ġdid). Is-servi għandhom biċċa xogħol: joffru l-evanġelju lin-nies kollha (Mt.22:9). 


Mt.22:2. tieġ għal ibnu. Kristu hu Bin Alla (Mt.2:15; 16:16) u hu l-għarus tal-knisja (Mt.9:15; 25:1-13).


Mt.22:3. l-ilsiera huma l-profeti, l-appostli u ministri oħra tal-Kelma. 

jsejħu (Mt.22:4,8,9). Permezz tax-xandir tal-vanġelu mill-ambaxxaturi u l-araldi tiegħu, Alla qed isejjaħ dinja mitlufa lejh (2 Kor.5:18-21). 

Is-saltna hi mqabbla ma’ fatra jew festa (Isa.25:6; 55:1-3; Mt.8:11; Lq.14:15-24). 

ma ridux jiġu. Meta wieħed jirrifjuta stedina mingħand sultan ikun qed jinsultah terribbilment, u jisfida sfaċċatament l-awtorità tiegħu. 


Mt.22:5-6. ma taw ebda kas...immaltrattawhom. Xi nies bi traskuraġni jinjoraw l-istedina, u oħrajn jaħbtu u jaggredixxu lix-xandara tal-vanġelu. Iż-żewġ reazzjonijiet huma inaċċettabbli. 


Mt.22:7. ħaraq il-belt tagħhom. Kastig estrem riżervat għal tradiment serju jew rewwixta kontra sultan. Forsi hawn allużżjoni wkoll għall-qirda ta’ Ġerusalemm li kellha tiġri fis-sena 70 w.K.


Mt.22:8. ma kinux denji. Is-sejħa hi totalment bi grazzja; ħadd ma jimmeritaha. Frattant xi wħud jagħtu prova kemm mhumiex f’pożizzjoni biex jirċievu l-barka tagħha billi jibqgħu bla ma jersqu (At.13:46). 


Mt.22:9. dawk kollha li ssibu stidnuhom: hawn għandna l-offerta ħielsa tal-vanġelu (cf., Riv.22:17). Is-sejħa jew l-istedina għall-bankett tiġi estiża lil nies li qabel ma kinux mistednin. Dan jantiċipa l-firxa tal-vanġelu lill-Ġentili (Mt.28:18-20; At.1:8; Rum.1:16). Il-predikaturi jeħtieġ jappellaw lin-nies kollha li jisimgħuhom sabiex jindmu, hu x’inhu l-istat morali tagħhom.


Mt.22:11-14. ma kienx liebes libsa tat-tieġ. Dit-tieni parti tal-parabbola tafferma punt importanti: invit għas-saltna mhuwiex garanzija ta’ inklużjoni. Trid tkun liebes xieraq (cf., Żak.3:3-5; Riv.3:18; 19:8). Kull min jisma’ l-vanġelu hu mistieden. Ħafna jikklejmjaw li jinsabu fis-saltna, iżda biss dawk imlibbsa bil-perfezzjoni ta’ Kristu huma attwalment preżentabbli quddiem Alla. Hu Alla nnifsu li jlibbes lin-nies indenji tiegħu bi lbies sabiħ (Eż.16:10-13). Is-sewwa tagħna quddiem Alla hu magħdud lilna, jew kreditat fil-kont tagħna. F’dan is-sens nitlibbsu bil-ġustizzja ta’ Kristu (Rum.3:21-31; 4:22-25). Biss in-nies magħżula se jkunu preżenti għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf; l-għażla divina ma tiddependix fuq xi status uman (Mt.8:11-12). 


Mt.22:13. ixħtuh fid-dlam ta’ barra hi deskrizzjoni tal-kastig etern fl-infern (Mt.8:12; 13:42,50; 24:51; 25:30). Il-Bibbja ma tagħraf ebda postijiet oħra lil hinn mill-qabar, bħala destin etern għall-bnedmin, ħlief l-għadira tan-nar għall-ħżiena, u d-dinja l-ġdida għall-ġusti. 


Mt.22:14. ħafna huma msejħin, imma ftit magħżula. Kotra innumerabbli qed tkun mistiedna għall-festa tat-tieġ. Iżda mhux kull min jirċievi stedina attwalment suppost ikun hemm, għax ma jkunx magħżul. Alla jsejjaħ b’mod ġenerali: il-vanġelu hu mniedi fost il-ġnus. Jilħaq nies li għad jibqgħu bla ndiema, u nies li jindmu u jemmnu. 

Hemm tip ta’ sejħa oħra, però: hi s-sejħa effettiva li biha Alla jilħaq lill-erwieħ bil-qawwa b’tali mod li jassigura mingħandhom rispons pożittiv. Hekk jaslu għas-salvazzjoni. Dis-sejħa interna (għax tippenetra sar-ruħ, mhux sempliċement sal-widna) tasal lill-magħżulin. Huma biss jiġu effettivament imsejħa, u allura jirrispondu b’fidi vera (1 Kor.1:24,26-28). Dan hu konsistenti mad-dikjarazzjoni ta’ Ġesù, ftit magħżula, ċoè d-dixxipli veri tiegħu (cf., Mt.11:27; 24:22,24,31).


Mt.22:16. L-Erodjani kienu partitarji li ħadu sehem ma’ Erodi u s-suċċessuri tiegħu filli jdakkar il-Lhud b’abitudnijiet Griegi u Rumani, kif ukoll b’laxkezza morali. Fix-xettiċiżmu ingwalawha mas-Sadduċej, iżda mal-Fariżej kienu kelb u qattus. Dan hu aktar sinifikanti meta narawhom uniti magħhom fit-tentattiv biex jittrappolaw lil Ġesù f’diskorsu (Mk.3:6;12:13). Il-prinċipji tagħhom kienu pervażivi bħall-ħmira (Mk.8:15). 


Mt.22:17. Il-Lhud ma ħamlux iħallsu l-ħaraġ għax issimbolizza s-sottomissjoni tagħhom lejn Ruma. Agħar minn hekk, emmnu illi t-taxxi mħallsa lill-mexxejja pagani jikkontradixxu s-sovranità t’Alla fuq Iżrael. Kif wieġeb Ġesù dawwar il-kwestjoni lejn xi ħaġa aktar profonda, il-lealtà ultima tagħna lejn Alla. Il-munita, bix-xbieha tal-imperatur, tappartieni għalih; il-bnedmin, magħmulin fix-xbieha t’Alla, jappartienu għalih. 


Mt.22:21. Roddu mela l-ħwejjeġ ta’ Ċesri ’l Ċesri. Ġesù jinqeda bl-okkażżjoni biex jafferma li l-poter politiku ta’ Ruma hu leġittmu, u fil-proċess tiegħu jiddikjara li hu mingħand Alla (Ġw.19:11). Il-knisja mill-bidu segwiet tagħlimu f’dan ir-rigward (Rum.13:1-7; Kol.1:16; 1 Tim.2:1-6; Titu 3:1-2; 1 Pt.2:13-17), allura kull Kristjan hu obbligat iħallas it-taxxi lil kwalunkwe gvern li jkun fuqu. 

Sidna Ġesù mhuwiex b’daqshekk jissuġġerixxi illi Ċesri għandu awtorità finali u waħdanija fuq l-isferi politiċi u soċjali. Fl-aħħar mill-aħħar, kollox hu t’Alla (Rum.11:36; 2 Kor.5:18; Riv.4:11), inkluż id-demanju li fih Ċesri jeżerċita l-awtorità tiegħu. 


Mt.22:23-33. L-istorja rakkontata mis-Sadduċej (Mt.22:25-28) hi bbażata fuq il-liġi tal-feddej qarib fid-Dewteronomju 25:5-10. Tipprovdi illi linja ta’ familja għandha tkun perpetwata bl-eqreb qarib fil-każ ta’ mewt prematura. Ħasbu illi l-istorja tagħhom tirridikola d-dottrina tar-resurrezzjoni. Is-Sadduċej assumew illi jekk kien hemm ħajja wara l-mewt tkun bejn wieħed u ieħor repetizzjoni ta’ din il-ħajja. Ġesù ma jaqbilx. Iż-żwieġ hu parti essenzjali ta’ dil-ħajja iżda mhux f’li ġejja; għalhekk il-mistoqsija tagħhom hi invalida. 


Mt.22:24. Mosè qal. Ġesù u l-Lhud kontemporanji tiegħu lkoll identifikaw lil Mosè bħala l-awtur uman tal-ewwel ħames kotba fil-Bibbja (Mk.1:44; 7:10; 10:3-4; 12:26). 


Mt.22:29. tinsabu żbaljati. Mexxejja spiritwali numerużi llum jiżgwidaw lil nies oħra minħabba dawn l-istess żewġ raġunijiet: 

1. M’għandhomx pedament bibliku sod, u lanqas jifhmu Kelmet Alla. Allura jgħawġu l-Iksrittura. 

2. Ma jgawdux tagħrif personali tal-potenza t’Alla u l-manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, bil-konsegwenza li jfixklu lil ħaddieħor milli jidħlu f’relazzjoni vitali m’Alla. 

Mela kull Kristjan, iżda speċjalment kull presbiteru, għandu jkun intiż fl-istudju u l-meditazzjoni tal-Iskrittura, bit-talb, u jfittex jidħol fl-esperjenza ta’ qawwet Alla biex ikun kapaċi jservih effettivament. 

la tafu l-Iskrittura (ara n-notament f’Mk.12:24). Kieku s-Sadduċej kienu midħla biżżejjed tal-Iskrittura, u emmnuha, kienu jintebħu dwar ir-realtà tar-resurrezzjoni, għax l-Esodu 3:6 jimplika illi Alla għandu relazzjoni pattwali u kontinwata mal-patrijarki imqar sekli wara li mietu. Kristu ċanfarhom kif ma rnexxilhomx jagħmlu inferenza loġika mill-Iskrittura. 

u lanqas is-setgħa t’Alla. Kienu difettużi wkoll fil-fehma tagħhom dwar l-omnipotenza divina. Alla kapaċi joħloq dinja wisq aktar meraviljuża u sabiħa milli wieħed kapaċi jimmaġina. Ġesù jirreferi għas-setgħa kontinwa t’Alla u l-manifestazzjonijiet potenti tagħha fil-futur (inkluża r-resurrezzjoni) permezz tal-Messija (Lq.22:69; Rum.1:16; 1 Kor.1:18,24). Bir-resurrezzjoni tiskadi l-ħtieġa għal relazzjonijiet sesswali fiż-żwieġ għax jagħti lil niesu iġsma glorjużi u smewwitin, u allura ma jmutux. F’dan is-sens, li ma jmutux, ikunu bħall-anġli (cf., Dan.12:3; 1 Kor.15:35-50). 


Mt.22:30. la jiżżewġu (ara n-notament f’Mt.12:25). Iż-żwieġ kien intenzjonat minn Alla għal did-dinja, biex ir-raġel isib kumpanija intima f’martu, u biex ir-razza umana tkompli titkattar. Fis-sema ma jkunx hemm relazzjonijiet esklussivi jew sesswali. Ulied Alla jidħlu f’eżistenza mmarkata b’relazzjonijiet spiritwali perfetti ma’ xulxin. L-istituzzjoni preżenti taż-żwieġ ma tkomplix fil-ġenna. Ir-resurrezzjoni finali hi t-trasformazzjoni tal-univers fiżiku (Rum.8:21; 1 Kor.15:52-53), u l-mandat tal-ħolqien dwar iż-żwieġ u r-riproduzzjoni (Ġen.1:27-28; 2:24) ma jibqax operattiv. 

bħall-anġli: mhux għax ma jkollhomx ġisem (difatti l-fidili jistennew il-qawmien mill-mewt), iżda għax ma jmutux iżjed (cf., 1 Kor.15:39-49). Jixbhuhom ukoll għax il-qaddisin fis-sema jgħixu mingħajr impenn esklussiv għal persuna waħda (bħalma hu fiż-żwieġ). Il-fidili jagħrfu lil xulxin fil-ġenna u jiftakru r-relazzjoni li kellhom ma’ ħaddieħor fuq l-art (cf., Mt.8:11; Lq.9:30,33). Il-feliċità u l-imħabba ta’ relazzjonijiet ikunu isħaħ u mhux inqas fil-ġenna. Alla kapaċi, skont setgħetu, jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ ħbiberiji jerġa’ ifnad milli qatt inġarrbu hawn. Ċertament il-glorji eterni li qed jistennew lill-mifdija se jkunu wisq aktar meraviljużi milli wieħed jista’ jimmaġina (cf., 1 Kor.2:9; Ef.3:20). 


Mt.22:31-32. ma qrajtux...? Ġesù jikkwota mill-Pentatewku (Es.3:6), porzjon ta’ Skrittura partikolarment għażiż għas-Sadduċej. Alla li deher b’setgħa mirakoluża fit-teofanija tal-arbuxxell jaqbad hu s-Sid mhux tal-mejtin iżda tal-ħajjin, dawk uniti miegħu f’patt etern ta’ grazzja. 

It-tagħlim dwar ir-resurrezzjoni, Ġesù jimplika, mhuwiex limitat għal xi testi (eż., Ġob.19:25-27; Sal.16:9-11; 17:15; 73:24-26; Isa.26:19; 53:11; Eż.37:1-14; Dan.12:2; Ħos.6:2; 13:14), iżda hu msejjes fuq il-persuna ta’ Alla ħaj u li jagħti l-ħajja.

Il-fatt li Alla hu (mhux “kien”) Alla tal-patrijarki jipproklama l-qawmien mill-mewt, għax mhux Alla tal-mejtin iżda tal-ħajjin. Alla etern isejjaħ lill-qaddisin għal relazzjoni eterna miegħu nnifsu. Dan kollu jimplika illi l-patrijarki jkomplu jgħixu fil-preżenza t’Alla u għad ikunu mqajma fil-futur. 


Mt.22:37. Ħobb is-Sid. Magħruf bħala x-Xema, dan il-kmand il-Lhud fidili kienu jgħiduh darbtejn kuljum. Jiġbor fih l-idea ta’ devozzjoni totali lejn Alla u jinkludi d-dmir ta’ ubbidjenza għall-bqija tal-kmandamenti tiegħu (cf., Mt.5:16-20). Alla jirrekjiedi mingħand dawk li ġrew għar-refuġju f’Ibnu Ġesù illi jħobbuh b’devozzjoni (cf., Dt.6:5; Rum.13:9-10) bit-tali mħabba li testendi sal-proxxmu (1 Kor.13). 

Din l-imħabba tinvolvi l-affezzjoni tal-qalb; biha Alla hu valutat u stmat hekk li nixxenqu prinċipalment għall-ħbiberija tiegħu, inħobbuh bl-ubbidjenza tagħna, u nfittxu nonorawh u nigglorifikawh fuq l-art. Jekk tabilħaqq inħobbuh, ma noqogħdux lura milli nidentifikaw ruħna pubblikament bħala wliedu, imqar jekk dan jissarraf f’persekuzzjoni. 

Imħabbitna lejh jeħtieġ tkun dominanti u sinċiera, ispirata minn imħabbtu lejna, dik l-imħabba li wasslitu biex tana lil Ibnu bħala l-garanti tas-salvazzjoni tagħna (Ġw.3:16; Rum.8:32; 1 Ġw.4:10). Imħabbitna għandha tkun ta’ tip partikolari ħafna (Rum.12:1-2; 1 Kor.6:20; 10:31; 2 Kor.9:15; Ef.4:30; 5:1-2; Kol.3:12-17). L-imħabba lejn Alla tinkludi lealtà personali lejn l-istandard qaddis tiegħu, fiduċja ferma fih bħala Missierna, fedeltà fl-impenn tagħna lejh, devozzjoni espressa fid-dedikazzjoni għal-livell ta’ etika u ġustizzja f’dinja li tiċħad is-sovranità tiegħu, u xewqa għall-preżenza u x-xirka tiegħu bħal dik ta’ għarusa mxennqa għall-kumpanija tal-għarus tagħha. 

L-imħabba twettaq il-liġi kollha għax tiġbor fiha l-kmandamenti t’Alla u timmotivana biex nobduhom (Rum.13:8-10; 1 Kor.13). Ma ġġibx fix-xejn in-normi u l-preċetti mogħtija lilna biex jiggwidaw il-kondotta tagħna; anzi tfannadhom u tagħtihom aktar sinifikat (Mt.5:17; Rum.8:4). 


Mt.22:37. qalbek...ruħek...moħħok. Dawn ma jirrappreżentawx kompartamenti riġidi u distinti tal-kostituzzjoni umana; aktarx jirreferu flimkien għall-persuna sħiħa. 


Mt.22:39. ħobb il-proxxmu (ara Lev.19:18,34). Billi kmandament wieħed ma jagħtix stampa bilanċjata tad-dover etiku tagħna, Ġesù jmur pass ’il quddiem u jagħti kmandament ieħor – mil-Levitiku 19:18 – li jikkumplimenta l-ewwel wieħed. Huwa kritiku għalina illi nifhmu d-dmir komplut tal-imħabba, did-darba lejn in-nies; hu tal-istess natura u karattru bħall-ewwel wieħed. Imħabba ġenwina lejn il-Ħallieq tirrekjiedi magħha mħabba ġenwina lejn il-ħlejjaq magħmulin fuq ix-xbieha tiegħu, huma min huma. 

Ulied Alla huma rikjesti juru rieda tajba man-nies kollha, u jfittxu jagħmlulhom il-ġid (Gal.6:10; 1 Tes.3:12). Imqar l-għedewwa tagħhom għandhom jirċievu għemil pożittiv mingħandhom, billi jitolbu għalihom, iberkuhom, jgħinuhom u jpattulhom id-deni bil-ġid (Mt.5:44). Fuq kollox, il-Kristjani huma kmandati speċjalment biex iħobbu lil xulxin (Ġw.13:34; 1 Ġw.3:11).

L-imħabba tissinifika responsabbiltà konkreta biex tfittex l-ogħla tajjeb ta’ nies oħra, sew jekk Lhud inkella Ġentili. L-interess tagħna f’ħaddieħor biex nagħmlulu l-ġid għandu jkun bħall-interess tagħna fina nfusna (Fil.2:3-4). 

L-imħabba lejn il-bnedmin għandha dejjem tkun subordinata, kontrollata u diretta mill-imħabba u d-devozzjoni lejn Alla, għax l-imħabba lejn il-Ħallieq u Salvatur hi l-ewwel u l-ikbar kmandament. Fil-prattika ta’ mħabbitna lejn in-nies, qatt m’għandna permess nikkompromettu s-supremazija ta’ mħabbitna lejn Alla u l-istandard ġust tiegħu kif espressi fl-Iskrittura. 

bħalek innifsek. Il-Bibbja tikkundanna l-fissazzjoni biex inħobbu lilna nfusna (2 Tim.3:2), u teżortana aktarx biex inħarsu lejn l-interessi ta’ ħaddieħor (Fil.2:4). Ġesù hawn qed ifakkar illi jmissna nħobbu bla egoiżmu, u nħobbu kif jixraq. Fl-aħħar mill-aħħar, hemm rispett u mħabba lejna nfusna li hi leġittma u f’lokha (Ef.5:28-29). Hi ħaġa kommendibbli nieħdu ħsieb tagħna nfusna: nieklu, norqdu, ninħaslu, u ma nagħmlux deni lil ġisimna. Ukoll, Ġesù jridna nkejlu mħabbitna lejn ħaddieħor bil-mod kif attwalment inħobbu lilna nfusna. Sikwit, bħala midinbin, inħobbu lilna nfusna b’mod esaġerat u b’fissazzjoni. Daqshekk ieħor imissna nkunu ddedikati għal ħaddieħor u lesti nservuh!


Mt.22:42. X’jidhrilkom dwar il-Kristu? Il-Fariżej ittestjaw lil Ġesù; issa Ġesù jittestja lilhom. Jiffoka fuq kwestjoni kruċjali waħda – l-identità tal-Messija, u allura tiegħu nnifsu. Jikkwota Salm 110:1 biex juri illi l-fehma komuni dwar il-Messija kienet limitata wisq. David jgħid li l-Messija ma kellux ikun sempliċi bniedem b’dixxendenza minn David. Se jkun ukoll Sid David (Mt.22:44). Is-salm innifsu jimplika d-divinità tal-Messija, li kellu jidher bħala Jaħwè inkarnat (cf., Ġw.1:1,14).


Mt.22:43. David. L-interpretazzjoni ta’ Ġesù tiddependi fuq il-fatt illi David hu l-awtur ta’ Salm 110.


Mt.22:43. fl-Ispirtu. Ġesù jattribwixxi lis-salm ta’ David ispirazzjoni divina sħiħa, bħalma jagħmel għall-bqija tal-kitbiet tal-Patt il-Qadim. Hekk ukoll għamlu d-dixxipli tiegħu (At.1:16; 4:25).


Mt.22:44-45. David issejjaħlu ‘Sid’. Ġesù jargumenta illi, waqt li l-Messija hu dixxendent ta’ David, id-dinjità rjali u l-qawwa tiegħu josbqu bil-wisq dawk ta’ David, għax David innifsu jindirizza lil dan is-Sultan bħala ‘Sidi’ (Sal.110:1; bl-Ebrajk, Adonaj). Das-Sultan hu unikament assoċjat mas-Sid (Sal.110:2; bl-Ebrajk, Jaħwè). Interpretazzjoni ċara u fidila tal-Iskrittura bħal din nisimgħuha bil-ferħ (cf., Lq.24:32). 


Mt.23:2. is-siġġu ta’ Mosè kien il-kariga bl-awtorità biex tinterpreta l-liġi. B’daqshekk Ġesù ma riedx ifisser illi l-Fariżej kienu bħal Mosè, jew ugwali fl-awtorità. Difatti bnadi oħra Ġesù jikkundanna l-mexxejja reliġjużi talli żiedu t-tradizzjoni umana mal-liġi (Mt.15:1-9) u talli evadew l-ispirtu tal-liġi (Mt.23:13-32). Hawnhekk jirrikonoxxi r-rwol leġittmu tagħhom bħala għalliema (Dt.17:8-13), iżda tul id-denunzja tiegħu jikxef il-falsità ta’ mġibithom u t-tradizzjonijiet fiergħa tagħhom.


Mt.23:3. kull ħaġa kwalunkwe li jgħidulkom, ipprattikawha u żommuha – ovvjament, sakemm jgħallmu fi qbil mal-Iskrittura. Imqar għalliema gravament żbaljati jgħallmu xi ħwejjeġ tajba. Ġesù mhux qed jgħid illi naċċettaw kulma l-għalliema uffiċjali jgħaddulna, bla ma nittestjaw kollox, għax altrimenti jkun qed jikkontradixxi lilu nnifsu mqar f’din l-istess denunzja tiegħu f’kapitlu 23. 


Mt.23:5. Il-filatteri kienu kaxxi żgħar b’siltiet mill-Iskrittura fihom, marbuta mal-moħħ u d-driegħ, użati mil-Lhud (Dt.6:8). 


Mt.23:7. tislim rispettuż fis-swieq: il-ġieħ u l-unur milqugħ mingħand il-bnedmin huma u għaddejjin miċ-ċentru soċjali tal-belt.

Is-siġġijiet ewlenin fis-sinagogi kienu dawk fuq quddiem qrib il-kaxxetta fejn jinżammu l-iskrollijiet tal-Iskritturi Sagri, postijiet ta’ favur u ġieħ. 


Mt.23:7. Ir-Rabbi kien għalliem tat-Tora. Dan it-titlu ġej mill-kelma Ebrajka rabi, li tfisser “mgħallem tiegħi.” Kien titlu ta’ rispett fost il-Lhud. Bosta nies hekk sejħulu lil Ġesù (Mk.9:5; 11:21; 14:45; Ġw.1:38,49; 3:2,26; 4:31; 6:25; 9:2; 11:8). Ġesù projbixxa lid-dixxipli tiegħu illi jissejħu rabbini, għax l-Għalliem u l-Imgħallem veru tagħhom kien hu nnifsu (Mt.23:8). Skont il-Lhud, il-gradazzjonijiet ta’ unur kienu minn Rab għal Rabbi, u allura għal Rabban jew Rabbuni (Ġw.20:16).


Mt.23:8-10. Ġesù mhux qed jipprojbixxi l-użu ta’ titoli fil-knisja (cf., At.20:17; 1 Kor.9:1; 1 Tim.3:1-2,8,12; Titu 1:5-7). Qed iwissi kontra t-tentazzjoni illi nagħtu lil mexxejja umani l-awtorità u l-prerogattivi li jappartienu għal Alla waħdu – tentazzjoni murija fl-użu ta’ forom ta’ indirizz kollhom pretensjoni li jinforzaw il-kburija umana – Rabbi...Missierkom...gwidi. Imissna nuru rispett lill-mexxejja spiritwali tagħna (1 Tim.5:17), iżda mhux nagħtuhom ubbidjenza għamja u riverenza li tixraq lil Alla waħdu. 


Mt.23:13-36. B’sensiela ta’ seba’ Gwaj għalikom Ġesù jressaq il-kawża t’Alla kontra l-mexxejja reliġjużi; jiddenunzjahom apertament. Annunzja r-realizzazzjoni imminenti tas-saħtiet annessi mal-patt (cf., Isa.5:8-23; Ħab.2:6-20). Imqar fil-ġudizzju Alla jesprimi l-interess tiegħu f’niesu u x-xewqa biex il-bniedem jindem (Mt.23:37-39). 


Mt.23:13. L-ipokriti huma bħal atturi fuq palk: jilbsu maskra reliġjuża b’reliġjon esterna, bi qlub vojta minn tjieba ġenwina, sew jekk huma konxji tal-istat tagħhom inkella le. 

tagħlqu saltnet is-smewwiet. L-għalliema foloz fi żmien Ġesù għamlu hekk billi dawru n-nies minn Kristu u l-ġustizzja tiegħu, xi ħaġa li għadha tiġri fil-Kattoliċeżmu Ruman u f’denominazzjonijiet liberali. Id-dixxipli għandhom mandat jagħmlu l-kuntrarju: jiftħu s-saltna bl-imfietaħ mgħoddija lilhom bix-xandir ħieles tal-vanġelu (Mt.16:19; Lq.11:52). 


Mt.23:15. proselita hu wieħed li jkun ikkonverta mill-paganiżmu għall-Ġudaiżmu (ara At.6:5). 

bin l-infern hu wieħed li d-destinazzjoni eterna tiegħu hi l-infern. Il-Fariżej kienu legalisti: ħasbu li jistgħu jiksbu l-favur t’Alla b’għemilhom stess. Assumew li huma tajbin u spiritwalment b’saħħithom, u allura m’għandhomx x’jambu lil Kristu. Il-konvertiti tagħhom jippreġudikawhom kontra l-vanġelu bħalhom infushom, u għaldaqstant jibqgħu bla tama ta’ salvazzjoni (li nirċevuha bil-fidi f’Ġesù). 


Mt.23:16-22. Kull min jaħlef. Ġesù jeħodha kontra dawk li jaħilfu b’mod frivoluż, għall-parenza. Il-Fariżej qiesu xi ħalfiet bħala obbligatorji u oħrajn le. Għamlu distinzjonijiet fini tant illi setgħu jaħilfu b’diżonestà filwaqt illi xorta waħda żiedu toqol qarrieqi bi kliemhom billi jinvokaw oġġetti sagri. Kristu kixef ir-raġunar tagħhom bħala serjament żbaljat u ipokritiku, għax imqar meta tinvoka ħwejjeġ assoċjati m’Alla jinvolvu l-qdusija u l-unur tiegħu (Mt.5:33-37). 


Mt.23:17. Ġesù ddeskriva lill-għedewwa tiegħu bħala boloh, u frattant ordnalna biex ma ngħajru lil ħadd hekk (Mt.5:22). Ninnotaw illi l-kuntest f’Mattew 5 jindikalna wieħed li hu rrabjat għal ħuh, u allura teżisti mibegħda. La Ġesù u lanqas Pawlu (Gal.3:1; 1 Kor.15:36) ma kellhom mibegħda għal dawk li rreferew għalihom bħala “boloh.” Strettament, l-iblah fis-sens bibliku hu l-infidil (Sal.14:1), u allura Ġesù kellu raġun jgħidilhom boloh: kien jaf li ma jemmnux ġenwinament (cf., Ġw.2:25). 


Mt.23:23. tgħaxxru n-nagħniegħ. Ġesù ma kkundannax l-osservanza tal-punti minuri tal-liġi. Il-problema tal-Fariżej kienet illi warrbu l-ħwejjeġ fondamentali, bħalma hi l-ġustizzja, il-ħniena u l-fidi, mentri nsew il-prinċipji bażiċi tal-liġi. Issodisfaw irwieħhom billi ffokaw fuq l-inċidentali u l-estern filwaqt li rreżistew it-tifsira spiritwali tal-liġi. Ġesù jinsisti fuq il-prijoritajiet tajba, bla nuqqas ta’ ebda ħaġa, dment li hi kmandata minn Alla. 

Id-dieċmi huma l-għoti tal-għexur (parti waħda minn għaxra) lil Alla jew lir-rappreżentattivi tiegħu (Ġen.14:20; 28:22; Ebr.7:2-9). Taħt il-liġi l-għexur ingħataw lil-Leviti; kien hemm diversi regolamenti dwarhom (eż., Lev.27:30-33; Num.18:21-24; Neħ.10:37-38). Jerġa’, waħda minn għaxra tad-dieċmi mogħtija lil-Leviti kienet porzjon għall-qassisin (Num.18:26-28). Niltaqgħu ma’ regolamenti oħra f’dan ir-rigward (Dt.12:6-12,17-18; 14:22-27). Kull tielet sena kienu jitħallsu għexur oħra (Dt.14:28-29; Am.4:4). Min ma jħallasx id-dieċmi jkun prattikament qed “jisraq” lil Alla (Mal.3:8-12).

Faċilment niltaqgħu ma’ nies illi ssibhom stretti fil-ħlas tad-dieċmi iżda mbagħad jittraskuraw ħwejjeġ wisq iżjed importanti, bħalma għamlu l-mexxejja reliġjużi Lhud. Il-ħlas tal-għaxar parti mill-introjtu finanzjarju mhuwiex inforzat illum; aktarx il-fidil hu eżortat biex ikun ġeneruż u jagħti voluntarjament (ara 2 Kor.8 u 9). Idealment, il-prinċipji mgħallma għandhom iwasslu biex il-Kristjan jagħti għall-avvanz tal-evanġelju u ż-żamma tal-ministeru f’ammonti aktar milli kieku għadna taħt il-Patt il-Qadim.


Mt.23:24. In-nemusa kienet l-iżgħar fost l-annimali mhux safja (Lev.11:23) mentri l-ġemel kien l-ikbar (Lev.11:4). 


Mt.23:25-26. Dan il-Gwaj hu indirizzat kontra dawk li huma esternament nodfa u attraenti mentri fir-ruħ huma mħassra u profani. 


Mt.23:27. tixbhu l-oqbra mbajda. L-oqbra kienu regolarment mogħtija passata tibjid biex ħadd ma jirfes fuqhom aċċidentalment u jsiru mniġġsa ċerimonjalment (Num.19:16). Ovvjament minn barra jidhru sbieħ u attraenti, frattant fil-qabar innifsu ma kien hemm xejn ħlief taħsir (cf., Lq.11:44). 


Mt.23:30. ma konniex inkunu ixirka magħhom. Il-Fariżej ġeneralment żammew lilhom infushom bħala ġusti. Dan il-klejm hu ridikolu meta niftakru kif kienu qed jikkomplottaw biex joqtlu lill-Messija (cf., Ġw.11:47-53). 


Mt.23:34. profeti u għorrief u skribi, ċoè d-dixxipli inġenerali, speċjalment il-profeti, l-evanġelisti u għalliema fil-knejjes li ġew warajhom (cf., Ef.4:11). Il-ministri tal-vanġelu jwasslu l-għerf tal-Kelma, għax Kristu hu l-Għerf divin (Lq.11:49). L-iskribi huma nies li studjaw Kelmet Alla biex jobduha u jgħallmuha (Esd.7:6,10). 


Mt.23:35. Abel...Żakkarija. Dawn huma l-ewwel u l-aħħar martri, rispettivament, kif naqraw fil-Ġenesi u fit-Tieni Ktieb tal-Kronaki (l-aħħar ktieb fil-Patt il-Qadim kif miżmum dakinhar mil-Lhud). 

li intom qtiltu. Filli ppersegwitaw lil Ġesù, il-Fariżej saru identifikati mal-antenati qattiela tagħhom. 


Mt.23:36. għad jiġi fuq din il-ġenerazzjoni. Il-kastig soffert mill-ġenerazzjoni li warrbet lill-Messija ħaditu fil-qirda ta’ Ġerusalemm u t-tempju fis-sena 70 w.K.


Mt.23:37. Ġerusalemm, Ġerusalemm. Il-pronunzji qliel ta’ gwaj jinbidlu f’lamentazzjoni kbira. It-tnejn huma espressjoni ta’ qalb Kristu, li jobgħod il-ħażen, jiddispjaċih għall-istinazzjoni umana, u jħobb is-sewwa. 


Mt.23:37. xtaqt niġma’ t-tfal tiegħek...imma ma ridtux! Alla kapaċi jagħmel kulma jixtieq, skont il-volontà sovrana tiegħu (Isa.46:10). Imqar is-salvazzjoni eterna tal-bnedmin hi dipendenti fuq l-għażla tiegħu (Ef.1:4-5). Frattant kultant jesprimi xewqa għal xi ħaġa illi ma jwettaqhiex skont l-omnipotenza u s-sovranità assoluta tiegħu (cf., Ġen.6:6; Dt.5:29; Sal.81:13; Isa.48:18). B’daqshekk l-Iskrittura mhix tissuġġerixxi li hemm limiti fuq is-sovranità t’Alla, jew inkella li Alla jibdel il-pjan etern tiegħu (Num.23:19).

It-tali stqarrijiet jeżvelaw aspetti essenzjali tal-karattru t’Alla: hu mimli kumpassjoni, hu sinċerament twajjeb lejn kulħadd, jixtieq illi l-bnedmin jagħmlu t-tajjeb, u mhux il-ħażen; u ċertament ma jiħux pjaċir bit-telfien tagħhom (Eż.18:32; 33:11). 

Alla jaf minn qabel min se jindem u jsalva; frattant irridu nifhmu l-appelli tiegħu għall-indiema tar-reprobati bħala appelli sinċiera. Tjubitu lejn il-ħżiena hi ħniena ġenwina biex tqanqalhom għall-indiema (Rum.2:4). Hawnhekk Kristu jesprimi dan il-karattru t’Alla: l-emozzjoni murija, bħal f’Luqa 19:41, hi sentiment profond u sinċier. Is-sentimenti ta’ Kristu bilfors huma f’armonija perfetta mar-rieda tal-Missier (cf., Ġw.8:29), u għaldaqstant dawn il-lamentazzjonijiet mhumiex sempliċement esibizzjonijiet tal-umanità tiegħu. 


Mt.23:38-39. m’intomx se tarawni. Il-kuntest għal dit-tbassira jindika l-ġudizzju ta’ Iżrael nazzjonali u l-estensjoni tal-wegħdi lil Iżrael spiritwali, kompost minn Lhud u Ġentili (cf., Mt.21:43). Ġesù jikkwota Salm 118:26. X’ried ifisser? Hemm żewġ possibbiltajiet: il-maġġor parti ta’ Iżrael fiżiku mhux se jaraw il-Messija wara mewtu u l-qawmien tiegħu qabel ma jirritorna bħala Sultan. Jew inkella: l-għama spiritwali tagħhom (Mt.23:16-17,19,24,26) mhux se jitneħħa sa dak il-jum meta l-Ispirtu s-Santu jwassalhom biex jistqarru bil-fidi illi hu s-Sultan ta’ Iżrael (2 Kor.3:14-17). Għad fadal tama għar-ribelli stinati – jekk iduru lejn il-Mulej. 


Mt.24-25 (cf., Mk.13; Lq.21). Id-diskors apokalittiku ta’ Ġesù minn fuq l-Għolja taż-Żebbuġ jinqasam fi tliet partijiet: 

1. Deskrizzjoni ġeneralment kronoloġika ta’ avvenimenti li għad iseħħu qabel l-avvent tiegħu (Mt.24:4-31).

2. Lezzjonijiet dwar għassa, stennija u preparazzjoni għar-ritorn tiegħu (Mt.24:36-25:30).

3. Twissija ta’ ġudizzju u wegħda ta’ premju fi żmien il-parusija, ċoè l-miġja tiegħu (Mt.25:31-46).


Mt.24:1. Ġesù ħareġ mill-maqdes. Wara li ddenunzja lill-Fariżej, dat-tluq ifakkarna meta l-glorja divina warrbet mit-tempju minħabba d-dnubiet ta’ Iżrael (Eż.10). 


Mt.24:2. imġarrfa. Kemm Ġerusalemm kif ukoll it-tempju sfaw meqruda mir-Rumani fis-sena 70 w.K.


Mt.24:3. meta...x’għad ikun...? Bla forsi ma kienu konxji d-dixxipli staqsew żewġ mistoqsijiet differenti, dwar żewġ perjodi ta’ żmien differenti. Ġesù jwieġeb dwar il-qirda tat-tempju u jkompli jelabora dwar miġjietu f’data aktar tard.

meta se jiġru dawn il-ħwejjeġ...? Il-mistoqsija tikkonċerna t-tiġrifa tat-tempju. It-tweġiba ta’ Ġesù donnha tinkludi kemm dan l-avveniment partikolari kif ukoll iż-żmien li jwassal għall-miġja ta’ Bin il-Bniedem (Mk.13:26; cf., Mt.24:3). L-avvenimenti li jduru mat-tiġrifa tat-tempju qishom jantiċipaw dawk assoċjati mat-tieni miġja, u jservu bħala tip.


Mt.24:6. għadu mhux it-tmiem. Ġesù jsemmi diversi affarijiet li jikkaratterizzaw iż-żmien preżenti kollu, iżda jeskalaw lejn it-tmiem (cf., 2 Tim.3:13). 


Mt.24:8. Terremoti, għaks u konflitti dejjem huma fatturi komuni f’dinja midinba, iżda billi Ġesù sejħilhom l-bidu tal-uġigħ tal-ħlas indika illi dawn il-ħwejjeġ se jaggravaw b’mod rimarkevoli lejn it-tmiem tal-era preżenti, qabel il-miġja tiegħu u tmiem id-dinja kif nafuha bħalissa.


Mt.24:9. mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi. Il-fidili kollha fi Kristu jistgħu jistennew gwaj, tfixkil u persekuzzjoni diretta matul il-pellegrinaġġ tagħhom fuq l-art. Is-sofferenza u l-afflizzjoni minħabba l-fidi tagħna fil-Messija Ġesù u minħabba l-lealtà tagħna lejh u lejn Kelmtu huma parti integrali tal-fidi (cf., Mt.5:10; Ġw.15:20; 16:33; At.14:22; Rum.5:3; 2 Tim.3:12).


Mt.24:10. se jkunu offiżi. Kristjani taparsi jitfixklu u jaqgħu, saħansitra jduru kontra xulxin f’atti ta’ tradiment spiritwali. Dawk li jabbandunaw il-fidi jagħtu evidenza illi qatt ma kienu ġenwinament konvertiti. 


Mt.24:12-14. Żewġ kurrenti kbar jikkaratterizzaw l-aħħar jiem, ċoè l-perjodu sħiħ bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu: il-ħażen jikber (2 Tim.3:1-9) u fl-istess ħin ikun hemm evanġeliżmu mad-dinja kollha. Il-knisja mela jeħtieġ tferra’ l-enerġija tagħha fit-talb u l-missjonijiet. 


Mt.24:13. min jissaporti sat-tmiem, dan se jkun salvat (cf., 10:22). Tista’ tfisser għat-tmiem ta’ għomor individwali. It-tali perseveranza hi sikwit assoċjata mat-tbatija (Rum.8:18-25; 12:12; Ebr.10:32; 12:2; 1 Pt.2:20).

Hemm ukoll perseveranza fil-fidi, operattiva bl-imħabba, u saportu fil-lealtà tagħna lejn Kristu. Din hi definizzjoni tajba tat-tip ta’ fidi neċessarja għas-salvazzjoni finali (cf., Ebr.3:14; 6:11-12; 10:36). Il-perseveranza ma taqlagħlniex is-salvazzjoni, iżda biha għandna prova illi ninsabu salvati. Alla, bħala parti mill-ħidma salvivika tiegħu favur il-maħbubin tiegħu, jassigura l-perseveranza tagħhom. Fidili ġenwini huma protetti (1 Pt.1:5), u l-garanzija tat-tkomplija tagħhom fil-fidi sat-tmiem hi mibnija fuq wegħda solenni t’Alla (Ġer.32:40; eċċ.). Jekk wieħed ma jkomplix ifisser li qatt ma kien imwieled mill-ġdid (1 Ġw.2:19). 

Alla jħares lil tiegħu, iżda b’daqshekk ma nikkonkludux illi wliedu huma passivi fil-proċess. Għall-kuntrarju, iżommhom fil-fidi: il-Kristjani jkomplu jemmnu u jeżerċitaw lilhom infushom; jaqbdu sħiħ ma’ Kristu (Riv.3:11), u jagħtu kas it-twissijiet bibliċi (Ebr.10:23-29). 

Ammonizzjonijiet bħal dawn ma jinnegawx il-wegħdi kotrana illi l-fidili jipperseveraw u jissaportu sat-tmiem (Ġw.10:28-29; Rum.8:38-39; 1 Kor.1:8-9; Fil.1:6). L-appelli u l-avvertimenti fl-Iskrittura huma intiżi biex iżommu lill-fidili fuq l-allert; huma fost il-mezzi li Alla juża biex jassigura l-perseveranza tagħhom fil-fidi. Jerġa’, sikwit it-twissija u l-wegħda jidhru flimkien u jikkumplimentaw lil xulxin (Ġuda 21,24; eċċ.).

salvat, mhux minn mewt fiżika (cf., Mt.24:21-22), iżda mir-rabja divina, biex jesperjenza l-barkiet sħaħ u sliem fis-salvazzjoni meta jirritorna s-Sid. It-tali saportu ma jimmeritax is-salvazzjoni, iżda hu l-prova illi s-salvazzjoni vera, f’sens wieħed, diġà seħħet (Rum.8:24).


Mt.24:4-14. gwerer...terremoti...tribulazzjoni...profeti foloz. Ilkoll jippontaw lejn il-miġja glorjuża ta’ Ġesù; fihom infushom jindikaw iċ-ċertezza tal-ġudizzju, mhux iż-żmien tiegħu (Mt.24:6,8). Dawn is-sinjali huma mraxxa tul il-perjodu sħiħ bejn il-qawmien ta’ Ġesù u l-avvent tiegħu fl-aħħar jum. Alla apposta ma informaniex bid-data tar-ritorn ta’ Ibnu f’did-dinja (Mt.24:36) biex id-dixxipli ma jitgħażżnux iżda jibqgħu moralment viġilanti. Frattant għandhom staljata serja: jeħtieġ li l-vanġelu jxandruh lill-popli kollha (Mt.24:14). 


Mt.24:14. proklamat mad-dinja kollha. Iż-żmien bejn ir-resurrezzjoni ta’ Kristu u t-tieni avvent tiegħu mhux biss hu żmien ta’ sofferenza u persekuzzjoni, iżda żmien ta’ grazzja u evanġeliżmu mondjali bi twettiq tal-profezija f’Isaija 49:6. 

mbagħad se jiġi t-tmiem. Kristu jkellem lid-dixxipli bħallikieku kulma bassar seta’ jitwettaq fil-ġenerazzjoni tagħhom. Għalhekk din kienet it-tama tal-knisja bikrija; għandha tkun ukoll tamitna, illi Kristu Sidna għad jirritorna u tmiem id-dinja se jseħħ fil-ġenerazzjoni tagħna. Irridu nitgħallmu ngħixu f’tensjoni bejn il-possibbiltà li jirritorna fi żmienna u l-fatt li Kristu kmandana biex nibqgħu nxandru l-vanġelu, għax qabel ma jixxandar fost il-ġnus ma jirritornax. 


Mt.24:15. l-abominazzjoni tad-deżolazzjoni. Fi żmien il-Makkabej, Antjokju Epifane, sultan Selewċidu, ordna li jinbena artal lil alla Żews fit-tempju ta’ Ġerusalemm (167 q.K.) u hemmhekk offra ħnieżer u bhejjem imniġġsa oħra. Il-Lhud assumew illi l-profezija f’Danjel 9:27 seħħet totalment. Ġesù, però, jikkjarifika li għad fadal twettiq ieħor, ċoè meta r-Rumani jeqirdu t-tempju. Difatti, fis-sena 70 w.K., il-pass f’Danjel definittivament seħħ meta Titu, il-ġeneral Ruman (aktar tard imperatur), ħarbat u seraq it-tempju. Jerġa’, il-pass għad isseħħ fl-aħħar taż-żminijiet meta l-Antikrist ikun inkixef (cf., 2 Tes.2:4; Riv.13:14). 


Mt.24:17-18. min ikun fuq il-bejt. Fl-antik il-bjut fil-Lvant Qarib kienu ċatti u jintużaw. Ġesù jagħti stampa ta’ urġenza terribbli; in-nies kellhom jaħarbu malajr qabel ma jaslu t-truppi Rumani. 


Mt.24:19-20. dawk il-jiem huma ż-żmien meta Ġerusalemm tkun assedjata u meqruda.

nhar ta’ Sibt. Kristu pretenda illi d-dixxipli tiegħu jkunu għadhom josservaw ir-raba’ kmandament (Es.20:8-11); jimplika li għadu validu għall-Insara. Il-ġurnata biss inbidlet. 


Mt.24:15-21. Tul il-pass insibu referenzi għall-qirda ta’ Ġerusalemm mill-armata Rumana taħt Titu, kif ukoll għar-ritorn ta’ Kristu (cf., Lq.21:20-24). X’ġara fis-sena 70 w.K. serva bħala togħma ta’ x’għad jiġri fil-ġudizzju finali. Josephus jgħid illi fl-assedju nqatlu 1.1 miljun ruħ ta’ kull età, u kważi mitt elf ittieħdu priġunieri. Kien ġudizzju qalil t’Alla (Mt.21:41,43; 22:7; 23:37-38). Żmien l-assedju u d-distruzzjoni ta’ Ġerusalemm kien tribulazzjoni kbira, iżda l-viżjoni mpenġija minn Ġesù għad ikollha twettiq aktar wiegħri fil-ġejjieni. X’ġara fl-ewwel seklu hu biss għelm tal-għadab li ġej. Ġerusalemm sfat distrutta bħala dikjarazzjoni unika ta’ tmiem iż-żmien antik (il-Patt il-Qadim) u allura hi sinjal speċifiku u unikament importanti. 


Mt.24:21. tribulazzjoni tant li bħal din ma ġratx mill-bidu tal-ħolqien. Lingwaġġ simili hu wżat għall-kastigi fuq l-Eġittu (Es.9:18,24; 10:6,14). Jindika s-severità wegħrija ta’ dal-ġudizzju, did-darba fuq Iżrael (Ġer.30:7; Dan.12:1). 


Mt.24:22. kieku ma tqassrux dawk il-jiem. Probabbilment referenza għat-tqassir tas-sebgħin ġimgħa (Dan.9:27) jew inkella tat-tnejn u erbgħin xahar (Riv.11:2) qabel it-tieni miġja. Tista’ tirreferi wkoll għaż-żmien limitat meta t-tempju safa meqrud. 


Mt.24:22. Il-magħżulin (ara n-notament f’Mk.13:20) huma dawk li Alla ħabb bi mħabba salvivika mill-eternità (Mt.20:16; 22:14; Ef.1:3-4), dawk li x-xitan jipprova jinganna (Mt.24:24; Mk.13:22), iżda Kristu jsalvahom fl-aħħar jum (Mt.24:31). Jitwasslu għall-glorja finali (Mk.13:27). Marku jenfasizza illi l-għażla hi att esklussiv t’Alla. Alla jagħżel lill-maħturin, mhux il-maħturin jagħżlu lilu (Ġw.15:19). 


Mt.24:24. Kristu jitkellem dwar perjodu indefinit meta l-fedeltà tal-knisja tkun ittestjata bi kristijiet foloz u profeti foloz (At.13:6; 1 Ġw.2:18; 4:1). Jidher illi dan jikkorrispondi maż-żminijiet tal-Ġentili wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm (Lq.21:24).

Dakinhar sinjali mirakolużi se jidhru bħallikieku maħdumin minn Alla meta attwalment ikunu l-ingann tax-xitan u l-forzi malinni tiegħu. Profeta falz jista’ jkollu kapaċitajiet straordinarja; jinkixef bħala falz meta wieħed jittestjah ħa jivverifika jekk it-tagħlim tiegħu jaqbilx mal-Iskrittura, u partikolarment ixandarx l-evanġelju tal-grazzja li jwassal għall-qdusija fil-ħajja tad-dixxiplu (cf., Mt.7:15-20; 9:34; 1 Ġw.4:1). 


Mt.24:24. kieku kien possibbli. Il-profeti foloz jagħmlu ħilithom biex jingannaw bil-maħturin t’Alla, iżda m’hemm ebda possibbiltà reali illi jirnexxilhom (Ġw.10:4-5). Kristjan veru jista’ jkun żbaljat jew iħaddan tagħlim inadegwat f’oqsma sekondarji, iżda l-vanġelu jżommu sħiħ u jgħixu, għax Alla jżomm lil uliedu kollha sikuri fi mħabbtu (Rum.8:31-39; cf., Ġw.10:28-29). 


Mt.24:27. bħalma l-berqa. L-avvent ta’ Kristu jkun evidenti, ċar u magħruf lill-umanità kollha. Ħadd ma jibqa’ dubjuż jew ambigwu rritornax jew le (Mt.24:30). 


Mt.24:28. Is-sinjal tal-miġja ta’ Sid is-sidien ikun ovvju daqskemm meta l-avultuni jxommu l-karkassa, dritt itiru għal fuqha. 


Mt.24:29. It-tribulazzjoni u t-tbatijiet tal-knisja jissoktaw sakemm żmien il-Ġentili jkun imwettaq (Lq.21:24; cf., At.14:22). 

ix-xemx għad tiddallam. Għalkemm dawn il-frażijiet sikwit jirreferu għaż-żmien tal-ġudizzju finali u kosmiku t’Alla (Isa.13:10; 34:4; Ġoel 2:10,31), hawnhekk jistgħu jissinifikaw avveniment tant mumentuż illi warajh id-dinja qatt ma tkun l-istess. Pietru jinterpreta Ġoel 2:31 bħala profezija tat-tferrigħ tal-Ispirtu f’Pentekoste (At.2:16-21). 

l-kwiekeb se jaqgħu mis-sema. Jekk l-avvenimenti msemmija hawn humiex primarjament litteri jew figurattivi, ma nistgħux inkunu dommatiċi, però ċertament se jkunu avvenimenti tremendi li jriegħdu d-dinja. Eventwalment il-ħolqien kollu jkun radikalment trasformat mal-miġja ta’ Kristu (cf., Isa.65:17; 2 Pt.3:13; Riv.21:1). 

Bażikament dal-vers jiddeskrivi t-tħarbit u t-tqanqil kosmiku ta’ jum is-Sid (eż., Isa.13:10; 24:23; 34:4; Eż.32:7). 


Mt.24:30. is-sinjal hu Kristu nnifsu, jew l-ewwel waqtiet tad-dehra tiegħu. L-avvenimenti deskritti jaqblu ma’ Danjel 7:13 u r-Rivelazzjoni 19:11-21.

In-nazzjonijiet jagħlu minħabba r-ribelljoni belha tagħhom, u l-Lhud partikolarment talli rroftaw lil Ġesù bħala l-Messija (allużżjoni għal Żakkarija 12:10-12). 

ġej fuq is-sħab tas-sema. Kristu għad jidher mis-sema b’qawwa u glorja, viżibbilment u pubblikament, sabiex jistabilixxi s-saltna eterna tiegħu. Il-miġja fuq is-sħab tirreferi għad-dominju universali ta’ Kristu kif imbassar f’Danjel 7:13-14. Is-sħab kultant jissinifika l-preżenza divina (Es.19:9; 24:15-18). It-tali miġja tfakkarna fil-manifestazzjonijiet viżibbli ta’ Alla (teofaniji) fil-Patt il-Qadim (Es.19:16; 34:5; Eż.1:4; 10:3-4), bid-differenza li din tkun universali. Kollox jipponta lejn ir-ritorn ta’ Ġesù fl-aħħar taż-żmien (cf., 2 Tes.1:7-10; Riv.19:11-16). Jekk l-ewwel miġja ta’ Kristu hi karatterizzata b’sofferenza u umiljazzjoni (Mk.8:31), il-miġja futura tiegħu fl-aħħar se tkun dikjarazzjoni aperta tal-glorja divina tiegħu.

b’setgħa u glorja kbira. Kristu għad ikun żvelat bħala l-ħakkiem etern ta’ saltnet Alla, li kellu jirċievi qima u jeżerċita dominju fuq l-art u l-abitanti kollha tagħha (cf., Dan.7:13-14). 

Ir-ritorn ta’ Kristu hu avveniment litteru; għad jiġi lura personalment, viżibbilment, korporalment u realment, bl-istess mod kif tela’ fis-smewwiet (At.1:11). 


Mt.24:31. Il-lingwaġġ f’dal-vers jaqbel ma’ passi oħra (eż., Mt.13:41; 16:27; 25:31; 1 Kor.15:32), u allura l-pass naturalment jirreferi għat-tieni miġja tas-Sultan il-kbir. 

L-involviment tal-anġli jindika li fl-avvent tiegħu Ġesù mhux biss jiġma’ għalih innifsu lill-fidili ħajjin fuq l-art, iżda wkoll lill-mifdija li jkunu fil-ġenna (cf., 1 Tes.4:14; Riv.19:11-16). Jinqeda bihom bħala strumenti biex jisseparaw lil niesu mill-inġusti u jġibu lill-magħżulin imferrxa mad-dinja lejh f’esibizzjoni pubblika ta’ mħabbtu (Mt.13:41). 

Is-sejħa għolja ta’ trumbetta hi assoċjata mal-aħħar taż-żmien (Isa.18:3; 27:13; 1 Kor.15:51-52; 1 Tes.4:14-17) fid-dehra tal-Messija. 

mill-erbat irjieħ hi mod poetiku li bih hi affermata l-universalità tal-poplu ġdid t’Alla. Is-Salvatur isejjaħ għalih innifsu lill-maħbubin tiegħu, il-mifdija minn kull ġens. 

minn truf is-smewwiet sat-truf l-oħra. Il-magħżulin kollha mis-smewwiet u l-art ikunu miġbura għal ma’ Sidhom Kristu. Il-quċċata tal-istorja umana tkun intlaħqet. 


Mt.24:32. tgħallmu l-parabbola mit-tina. Ma jidhirx li hemm xi sens simboliku speċifiku għal din it-tina (bħal pereżempju t-twaqqif mill-ġdid tan-nazzjon ta’ Iżrael) speċjalment ladarba fil-ara l-pass paralleli (Lq.21:39) iżid “u s-siġar kollha.” Ġesù qed jgħid illi bħalma hemm sinjali dwar x’se jiġri fid-demanju naturali, hekk ukoll fl-ispiritwali. 


Mt.24:34. dawn il-ħwejjeġ kollha huma distinti mill-konsumazzjoni nfisha fl-aħħar jum. Huma “l-bidu tal-uġigħ tal-ħlas” (Mt.24:8), sinjali li jippontaw lejn l-avvent ta’ Kristu, inkluż l-assedju u l-waqgħa ta’ Ġerusalemm. L-elementi kollha msemmija f’Mattew 24, ħlief it-tieni miġja nfisha, f’xi forma jew oħra seħħew qabel ma għaddiet il-ġenerazzjoni ta’ żmien Ġesù (Lq.21:32). Il-qirda ta’ Ġerusalemm ġrat madwar erbgħin sena wara li Kristu ħabbarha. 


Mt.24:35. Is-sema u l-art għad jgħaddu: l-univers kif nafuh bħalissa għad jispiċċa (cf., Isa.24:18-20; 2 Pt.3:10-13). 

kliemi ma jgħaddi qatt. Ġesù jattribwixxi awtorità divina lit-tagħlim tiegħu; hu permanenti, ċert u stabbli iżjed mill-univers innifsu. Tagħlimu hu l-Kelma infallibbli u eterna t’Alla; ugwali għall-Iskrittura fil-valur (cf., Mt.5:18), u daqsha ma jistax ikun innegat, distrutt jew mibdul (cf., Sal.19:9; Lq.16:17; Ġw.10:35). 


Mt.24:36. dak il-jum u s-siegħa. Id-dixxipli xtaqu jkunu jafu l-ħin preċiż, iżda dan mhux għalihom li jkunu jafuh (At.1:7). L-enfasi ta’ Kristu, minflok, hi fuq il-fedeltà tagħhom, l-għassa, il-mistennija u t-tħejjija, kif ukoll illi jaġixxu bħala amministraturi tajba. Dawn huma proprjament il-lezzjonijiet mgħallma fil-parabboli li jsegwu immedjatament. 


Mt.24:36. lanqas l-Iben. Tul il-ħajja ġenwinament umana tiegħu Ġesù tgħallem bħalma jagħmlu bnedmin oħra (cf., Lq.2:52; Ebr.5:8). Mill-banda l-oħra, hu wkoll realment Alla u allura fin-natura divina tiegħu għandu tagħrif infinit (cf., Ġw.2:25; 16:30; 21:17). Hawn qed jitkellem inkwantu n-natura umana tiegħu. Irridu niddistingwu bejn x’kien jaf Ġesù bħala Alla (kollox, għax hu omnixjenti, Ġw.2:24; Kol.2:3), u x’kien jaf bħala bniedem (kien limitat fit-tagħrif). Bħala bniedem, aktar ma kiber aktar tgħallem (Lq.2:52). Meta qal dan, skont in-natura umana tiegħu, ma kienx jaf meta se jirritorna. 


Mt.24:37-39. bħalma ġara f’jiem Noè. L-enfasi ta’ Ġesù hawn mhijiex daqstant fuq il-ħażen estrem u l-vjolenza fi żmien Noè (Ġen.6:5), iżda fuq il-preokkupazzjoni tan-nies fuq ħwejjeġ mondani ta’ kuljum (Mt.24:38), meta l-ġudizzju ġie fuqhom f’kolp. Irċevew twissijiet (2 Pt.2:5), iżda baqgħu passivi u ma kienx jimportahom dwar il-benesseri spiritwali tagħhom, għaldaqstant inkinsu ħesrem f’nofs l-attivitajiet kwotidjani tagħhom. 


Mt.24:39-41. jittieħed...jitħalla. Il-punt hu sempliċi u daqstant importanti: Ġesù jafferma li se jkun hemm diskriminazzjoni jew ġudizzju. Fil-miġja tiegħu niesu se jkunu miġbura għalih innifsu (1 Tes.4:16-17) u r-reprobati jitħallew għall-ġudizzju. Xi wħud se jkunu salvati eternament, u oħrajn jintilfu eternament. Din mhix referenza għal ħatfa sigrieta, għax dawk li jittieħdu huma l-ħżiena, bħal dawk meqruda fid-dulluvju. 


Mt.24:42-44. Bħalma ħadd ma jaf f’liema ħin preċiż jiġi l-ħalliel, ħadd ma jaf f’liema jum se jirritorna Ġesù (cf., 1 Tes.5:2; 2 Prov.3:10). Kwalunkwe spekulazzjoni hi fiergħa u dannuża għalina nfusna; minflok, il-fidili jmisshom ikunu mħejjija spiritwalment f’kull ħin. 

għandkom tkunu preparati, proprjament għax id-dixxipli ma jafux meta Sidhom se jirritorna. Il-viġilanza hi dejjem xierqa, u fl-istess ħin m’għandniex inkunu boloh billi nipprovaw nindovinaw meta ġej. L-aqwa li ninstabu miexja fil-mogħdija tas-sewwa. 


Mt.24:45-51. Billi nafu x’għad iseħħ kull dixxiplu messu jġib ruħu bħala l-ilsir fidil u prudenti, motivat biex iwettaq l-amministrazzjoni li rċieva u jħaddem id-doni tiegħu, u dejjem jantiċipa r-ritorn ta’ Sidu, li se jżommu kontabbli (Mt.25:14-30). L-avvent ta’ Kristu ma jbeżżagħniex, iżda jagħmilna sobriji. 

dak l-ilsir ħażin hu l-infidil, kif muri mill-kastig li jirċievi; ma jiħux bis-serjetà l-wegħda tar-ritorn ta’ Kristu (cf., 2 Pt.3:4). Frattant, bħall-bnedmin kollha, xorta waħda jkollu jagħti kont lil Kristu għall-amministrazzjoni ta’ ħinu, l-abbiltajiet naturali, l-għana u l-ġid li kulma wieħed għandu mingħand Alla, u allura jeħtieġlu jagħti kont tiegħu nnifsu kif inqeda b’dawn il-ħwejjeġ tul ħajtu. Il-midinbin li jissodisfaw il-passjonijiet tagħhom aktarx milli jobdu lil Kristu għad jaħsdu dannazzjoni eterna fl-infern. 


Mt.25:1. Alla sikwit tkellem dwaru nnifsu bħala “r-raġel” ta’ martu, Iżrael (eż., Isa.54:4-6). Ġesù, b’mod simili, ipenġi lilu nnifsu bħala għarus (cf., Mt.9:14-15; 22:2). Fil-kultura Lhudija (cf., Mt.1:18), l-għarus u ħbiebu jitilqu minn daru u jmur f’dar l-għarusa, fejn issir iċ-ċerimonja taż-żwieġ, sikwit billejl. Imbagħad kulħadd jirritorna f’dar l-għarus għal bankett ta’ ċelebrazzjoni. 


Mt.25:1-13. boloh...għaqlin. Dawn il-kelmtejn huma sikwit użati fl-Iskrittura għal dawk li jwarrbu lil Alla u dawk li jibżgħu minnu, rispettivament (Prov.1:7; 14:16). Id-dewmien fir-ritorn ta’ Kristu jiddistingwi n-nies sapjenti minn oħrajn b’kortavista spiritwali. Tkun imħejji jfisser tkun preparat għal dewmien fit-tul. Żelu għal perjodu qasir hu inadegwat. Spirtu mħejji hu dejjem neċessarju, avolja r-ritorn ta’ Kristu “jiddewwem.” Meta attwalment jiġu lura, ma jkunx hemm it-tieni ċans għal dawk li ma kinux imħejjija. 


Mt.25:3-4. Biss l-għaqlin kienu preparati biex jipperseveraw huma u jistennew fit-tul lill-għarus, billi ħadu ż-żejt (kultant simboliku għall-Ispirtu s-Santu (Żak.4:1-6). 


Mt.25:10. ngħalaq il-bieb. Il-ġudizzju hu deċiżiv, bla ma tista’ tirriversjah. 


Mt.25:11. Sid, Sid. L-istess kelmiet li Ġesù aktar kmieni poġġa fuq fomm l-infidili u l-ipokriti f’jum il-ġudizzju (Mt.7:21-22). 


Mt.25:11-12. ma nafkomx. Ġesù mhuwiex intimament midħla tagħhom f’relazzjoni ta’ mħabba u ħbiberija (Sal.1:6; Mt.7:23; Ġw.10:27). Il-Patt il-Qadim sikwit jitkellem kif Alla “jaf” lill-poplu magħżul tiegħu (Ġer.1:5; Ħos.13:5; Am.3:2). Il-Patt il-Ġdid jissokta fuq tema simili, li tiddeskrivi relazzjoni salvivika m’Alla permezz ta’ Ibnu (cf., Gal.4:8-9; 2 Tim.1:19). 


Mt.25:13. Il-punt ewlieni tal-parabbola hu: Mela għassu. Ngħassu korrettament, jew nibqgħu mqajma u viġilanti, billi nżommu lilna nfusna f’safa etiku, f’xirka mal-Mulej, filli nużaw il-mezzi tal-grazzja tiegħu, imsaħħin fil-fidi, it-tama u l-imħabba. Hekk inkunu preparati biex nakkumpanjaw lil Bin il-Bniedem meta jirritorna. 


Mt.25:14-30. Il-parabbola tat-talenti hi illustrazzjoni ta’ opportunità moħlija. Ġesù s-Sid iqassam responsabbiltà f’livelli differenti, u jiddomanda fedeltà mingħand il-bnedmin. Niesu huma lkoll produttivi xi ftit jew wisq, mentri l-persuna li tibqa’ bla frott hi mikxufa bħala ipokrita, u allura tinqered. 


Mt.25:15. lil kull wieħed skont l-abbiltà tiegħu. Ħadd ma jkun jista’ jiskuża lilu nnifsu illi Alla għabbieh b’responsabbiltà lil hinn mill-kapaċità tiegħu. 


Mt.25:19. wara żmien twil hi l-istess nota ta’ dewmien aċċentwata fiż-żewġ parabboli aktar kmieni (Mt.24:48; 25:5). 


Mt.25:20-23. Prosit, qaddej tajjeb u fidil (cf., Rum.2:29). L-imgħallem ifaħħar liż-żewġ servjenti tiegħu b’kommendazzjoni simili. Dan juri li l-importanti mhux l-ammont totali ta’ qligħ, iżda jekk kinux fidili filli utilizzaw l-għotjiet u l-potenzjal tagħhom. Il-bniedem hu ttestjat skont il-fedeltà, mhux ir-riżultati miksuba. 

Is-Sid juża xogħlijietna biex jiżvela u jindika l-karattru tagħna bħala persuni trasformati bil-grazzja (Mt.12:33-34; 15:13; Fil.1:6; 2:13). 

kont fidil bi ftit ħwejjeġ; se naħtrek fuq ħafna. Imqar riżorsi sostanzjali f’din id-dinja (Mt.25:15) huma fraka paragunati mal-premji li għad jitgawdew fis-saltna eterna.

idħol fil-ferħ ta’ sidek. Kristu jaqsam l-hena eterna tiegħu mas-servi mirbuħa għalih. 


Mt.25:24. int bniedem iebes. It-tielet serv ma kienx lest jagħmel ix-xogħol ta’ investiment għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor. Jikkaratterizza lill-imgħallem bħala opportunist insensittiv, illi jiddomanda wisq. Dan il-qaddej għażżien ma jirrappreżentax fidil ġenwin, għax hu ovvju li ma kellux għarfien veru ta’ sidu. 

Dal-qaddej ma ħarisx lejn Sidu b’fidi fit-tjieba u l-ġustizzja tiegħu, iżda bħala Mgħallem aħrax, irraġunevoli u inġust. Il-fehma tagħna dwar Alla fl-aħħar mill-aħħar tiddetermina kif ngħixu u nimmaniġġjaw x’tana, sew għall-ġid u sew ukoll għad-deni. 


Mt.25:29. kull min għandu se jingħatalu iżjed u jitkattarlu. Bħala dixxipli jmissna nagħmlu l-almu tagħna biex inħaddmu l-abbiltajiet personali b’mod għaqli u produttiv. Alla jiftaħ bibien ta’ opportunitajiet ġodda u usa’ għall-fidili li jservuh b’dedikazzjoni. Finalment, min jirċievi l-grazzja divina jiret barkiet innumerabbli flimkien mal-ħajja eterna fil-favur t’Alla (cf., Rum.8:32). Oħrajn jiddisprezzaw it-tjieba t’Alla (Rum.2:4); filwaqt li jipprovaw jiksbu ħwejjeġ mondana jispiċċaw biex ultimament jitilfu kollox (cf., Mt.6:19; Ġw.12:25).


Mt.25:31-46. jinġabru quddiemu l-ġnus kollha. L-itwal deskrizzjoni tal-ġudizzju tal-bnedmin kollha fl-aħħar jum. Hu preżentat b’mod grafiku, jgħarrafna fuq liema bażi se nkunu ġġudikati (l-għemejjel tagħna) u x’se jkun ir-riżultat: xi wħud, il-ġusti, jidħlu fl-hena dejjiema, u oħrajn, l-inġusti, fil-kastig dejjiem. 


Mt.25:32. In-nies t’Alla huma sikwit deskritti bħala nagħaġ (eż., Sal.79:13; Eż.34; Mt.10:16; Ġw.10:16; 18:12). Id-diviżjoni ssir fost l-individwi, mhux ġnus. 


Mt.25:33. fuq il-lemin hu l-post ta’ ġieħ u unur. 


Mt.25:34-35. l-imberkin ta’ Missieri. Il-barka tikkonsisti filli jirċievu l-wirt ta’ saltnet il-Missier, mogħti mhux bħala premju għall-opri t-tajba, iżda minħabba r-relazzjoni salvivika mal-Missier u l-Iben, bl-operazzjoni tal-Ispirtu.

irtu s-saltna preparata għalikom mill-pedament tad-dinja. Is-saltna hi milqugħa bħala għotja mingħand il-Missier (Gal.4:7), għax is-salvazzjoni tnixxi mill-grazzja sovrana u ħielsa t’Alla (Lq.17:10; Ef.2:8-10) għal dawk in-nies li hu nnifsu għażel għalih innifsu minn qabel ma sar il-ħolqien, prova qawwija illi jsalvaw mhux mertu tagħhom iżda skont id-deċiżjoni t’Alla (Mt.20:23; Ef.1:4). 


Mt.25:34-35. irtu s-saltna...Għax kont bil-ġuħ u tajtuni x’niekol. Il-mifdi jingħaraf minn għemilu; il-fidi tiegħu, dispożizzjoni ta’ afdar f’qalbu lejn is-Salvatur, ma tidhirx. Iżda l-opri tal-ħniena, li jirriżultaw mill-fidi tiegħu, jidhru. Il-ġusti, mela, jirtu l-glorja eterna mhux minħabba l-mogħdrija u l-imħabba li jkunu wrew, iżda għax is-sewwa tagħhom ġej minn qlub trasformati f’rispons għat-tnedija tas-saltna. Bħala evidenza konkreta ta’ dan Ġesù jsemmi l-għemil ġust tagħhom (cf., Mt.5:20; 7:21). 

Dan hu l-iskop tal-ġudizzju universali: Alla jagħti turija ċara u aħħarija illi l-ġusti huma tabilħaqq ġusti (għax huma reċipjenti tal-grazzja tiegħu), u l-ħżiena tabilħaqq ħżiena (għax għexu fid-dnub u l-indifferenza lejn il-proxxmu). Mela s-salvazzjoni hi abbażi tal-grazzja biss (permezz tal-fidi fi Kristu), mentri l-ġudizzju hu abbażi tal-opri (li inevitabbilment juru l-bniedem xi jsarraf, x’inhu u x’mhux). 


Mt.25:40. dawn l-iżgħar fost ħuti huma d-dixxipli ta’ Ġesù (cf., Mt.10:42; 12:48-49; 18:14; Rum.8:29), mhux il-foqra u l-batuti inġenerali. Il-ħaqq tal-ġnus jiddependi fuq kif irreaġixxew għall-Kristjani u l-evanġelju (Mt.10:40-42). Hu bix-xhieda tagħhom li wieħed jista’ jisma’, jemmen u jsalva (Rum.10:14). Aktar minn hekk, Kristu jidentifika ma’ niesu. Tbatijiethom huma tbatijietu. Kif nittrattaw lill-Kristjani hu evidenza konkreta x’fehma u apprezzament għandna dwar Kristu (At.9:4). 


Mt.25:41. Itilqu minn quddiemi. Dawk li warrbu lil Alla jkunu riġettati minn Kristu u sforzati jmorru fl-eżilju, fil-ħabs imsejjaħ l-infern, privi għalkollox mill-benefiċċji tat-tjieba divina (Mt.7:23). 

misħutin. Pronunzjati ħatja talli kisru l-liġi t’Alla u allura huma denji tar-rabja u l-kastig tiegħu (Dt.28:15-19; Gal.3:10). 


Mt.25:46. imorru fil-kastig etern. Il-ħżiena huma ħatja partikolarment bi dnubiet ta’ ommissjoni: irrifjutaw millu juri kumpassjoni mad-dixxipli, u allura wrew li ma jimportahomx minn Ġesù (Mt.25:45). Il-kastig fl-infern hu għall-eternità (Mt.25:41; Riv.14:10-11; 20:10), b’nar li ma jintefiex (Mt.3:12; cf., Dan.12:2; Mk.9:44-49; Lq.16:23-24; 2 Tes.1:9), daqskemm it-tgawdija tal-fidili fid-dinja l-ġdida hi eterna. Il-Bibbja ma taf xejn dwar it-tieni ċans wara l-mewt, jew dwar is-suppożizzjoni li r-ruħ mitlufa tieħu kastig imbagħad ma tibqax teżisti. Tibqa’ suġġetta għall-furja u l-għadab ġust t’Alla, u tbati konxjament, milquta wkoll mill-akkużi ta’ kuxjenza ħatja. Imqar l-infern jistqarr il-ġustizzja perfetta t’Alla (Sal.76:10); min jispiċċa hemm ikun jaf illi l-kastig tiegħu hu ġust u li hu biss jaħti (cf., Dt.32:3-5). 

Il-Bibbja mkien ma tgħallem xi tip ta’ tisfija wara l-mewt. Mal-ġudizzju finali, il-ġrajja umana preżenti fid-dinja tkun waslet fi tmiemha; minnufih jiġi inawgurat l-istat etern (Riv.20:11-13). 


Mt.26:2. l-Għid hu l-festa prinċipali tal-Lhud, imsemmi sikwit fil-Patt il-Ġdid. Kien istitwit fl-erbatax-il jum ta’ Nisan, l-ewwel xahar fil-kalendarju Ebrajk, korrispondenti għal bejn Marzu u April tagħna. Twaqqaf meta l-Iżraeliti kienu għadhom fil-jasar fl-Eġittu, u l-Mulej kien wasal biex jeqred l-ewwel imwieled ta’ kull familja Eġizzjana. Il-Lhud kienu ordnati biex iraxxu d-demm ta’ ħaruf, meħud għal kull dar, fuq il-ħisrejn u l-blata tal-bieb, bil-wegħda li “jien naqbiżkom, u l-ebda ħsara ma tiġi fuqkom biex teqridkom, meta jien nidrob l-art tal-Eġittu” (Es.12:13). Il-poplu t’Alla obda u b’sigurezza perfetta kiel mill-ħaruf, għall-kenn tad-demm tiegħu. Meta waslu fl-Art Imwiegħda kienu kmandati biex iżommu l-Għid bħala waħda mill-festi annwali tagħhom (Es.12:3:28; Lev.23:4-8; Num.9:1-14; 28:16; Dt.16:1-7). 

L-Għid hu tip tal-offerta ta’ Kristu fuq is-salib (1 Kor.5:6-8), il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. Demmu hu xhieda tal-mewt, u kull min jemmen fih “ma jara qatt il-mewt” (Ġw.8:51) iżda jkun meħlus mill-għadab, ikollu l-maħfra u jkun milqugħ minn Alla (Ef.1:6-7).


Mt.26:2. Bin il-Bniedem ikun mitluq. Għar-raba’ u l-aħħar darba Ġesù jbassar l-arrest u l-kruċifissjoni tiegħu (cf., Mt.16:21; 17:22-23; 20:17-19).


Mt.26:3. tas-sommu saċerdot. Bħala qassis il-kbir (minn 18 sa 36 w.K.), Kajfa ppresieda l-ġuri ta’ Ġesù. 

F’Iżrael l-awtorità reliġjuża u ċivili kienu separati. Arun kien oriġinarjament appuntat minn Alla għall-bnedmin fi ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu m’Alla (cf., Ebr.5:1-4). Ulied Arun kienu purament id-deputati tiegħu. Dan hu muri mill-efod u s-sidra bl-Urim u t-Tummim (Es.28:6-30), li bihom is-sommu saċerdot biss seta’ jiskopri r-rieda divina. L-uniċità tal-pożizzjoni tiegħu hi suġġerita fin-Numri 35:25 u fl-inabbiltà tiegħu biex jiddelega l-funzjonijiet tiegħu fil-Jom Kippur, il-Jum tat-Tpattija. Il-funzjoni ewlenija tas-sommu saċerdot kienet illi jippresiedi fiċ-ċerimonji ta’ dal-jum speċjali (Lev.16), iżda wkoll joffri offerti għad-dnub (Lev.4:13-21) u offerti ta’ kuljum (Lev.6:10-11). Bih il-poplu kellu relazzjoni m’Alla, u kien iberikhom bħallikieku mingħand Alla (Lev.9:7,22).


Mt.26:5. Mhux matul il-festa. Il-mexxejja Lhud kienu ilhom ħerqana biex joqtlu lil Ġesù, iżda ddeċidew illi jipposponu l-kumplott tagħhom sa żmien aktar politikament opportun. Ma setgħux, għax iż-żmien maħtur minn Alla kien wasal.

li ma ssirx xi ħamba fost in-nies. Irvellijiet popolari kienu komuni tul perjodi ta’ festa. Il-kapijiet reliġjużi preferew iwettqu l-kumplott tagħhom meta Ġerusalemm tkun ikkwitat, għax Ġesù kellu popolarità kbira mal-poplu. 


Mt.26:6-13. Marija, oħt Marta u Lazzru (Ġw.12:3; cf., Mk14:3) ġabet fwieħa prezzjuża wisq, użata għal atti solenni ta’ devozzjoni. Kienet tiswa kważi paga ta’ sena għal ħaddiem normali. Ġuda kkonkluda li t-tiswiba kienet ħala, iżda Ġesù kkonsidraha bħala opra tajba, għax Marija ħatfet l-opportunità biex tesprimi mħabbitha lejh.


Mt.26:8. Id-dixxipli kienu provokati u mmexxija minn Ġuda f’din il-kritika (Ġw.12:4-6).


Mt.26:10. opra tajba għamlet miegħi. Ġesù japprova mossa meqjusa bħala stravaganti u esaġerata minn ħaddieħor, għax biha l-mara (Marija) uriet is-siwi inestimibbli ta’ Ġesù, ta’ mewtu (Mk.14:8) u tal-komunjoni profonda illi s-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib jistabilixxi. Għemil il-mara jfakkarna fiż-żejt prezzjuż imsawwab fuq Arun il-qassis il-kbir, li s-salmista jqabblu mal-barka mixtieqa ta’ xirka tal-fidili (Sal.133). 


Mt.26:11. L-interess lejn il-foqra hu kmandat minn Alla, imma l-kmandament ma jistax ikollu prijorità ogħla minn Ġesù, il-mibgħut mill-Awtur tal-kmandament. B’mod simili, Alla jordna ġieħ lejn il-ġenituri, iżda mhux unur ogħla mill-unur mogħti lil Ġesù (Mt.10:37; 15:4-6; 19:29). 

Ġesù jitkellem realistikament dwar il-faqar; id-dixxipli huma inkuraġġiti biex jagħmlu l-ġid lill-foqra, bla ma jinkuraġġixxi l-ħolma utopjana illi l-faqar jista’ jkun eradikat kompletament f’dan iż-żmien (cf., Dt.15:11).

dejjem għandkom il-foqra magħkom. Din mhix skuża illi allura naqtgħu qalbna u nibqgħu passivi quddiem il-faqar globali, għax Kristu band’ oħra jikkmandana biex ngħinu lill-batut. Madankollu l-mara ħatfet l-opportunità biex tesprimi mħabbitha lejn Kristu, li dalwaqt kellu jmut. 

mhux dejjem għandkom lili, ċoè Ġesù ma kienx se jibqa’ fiżikament magħna fuq l-art. Aktar tard wiegħed illi l-preżenza spiritwali tiegħu tkun dejjem mal-knisja (Mt.28:20). M’hemm ebda kontradizzjoni. 


Mt.26:12. għamlet hekk biex tħejjini għad-difna. Kienet drawwa illi l-ġisem tal-mejjet jindilek bil-ħwawar (Mk.16:1; Lq.24:1). Setgħet kienet waħda mill-ftit li, billi semgħet b’attenzjoni it-tagħlim ta’ Ġesù (Lq.10:39), fehmet u apprezzat il-ħtieġa illi Ġesù jmut bħala sagrifiċċju u sostitut għal niesu. Mill-banda l-oħra jista’ jkun ukoll illi mhux bilfors kienet konxja tas-sinifikat tal-att tagħha. Alla qanqal qalbha biex twettaq dan l-għemil ta’ qima u mħabba pura, att simboliku u ta’ sagrifiċċju.


Mt.26:13. li għamlet din se jkun mitkellem ukoll bħala tifkira tagħha. Ġesù jrid illi d-devozzjoni stupenda ta’ dil-mara tibqa’ tiġi rakkontata. Ħatar illi din il-ġrajja dwar Marija għandha dejjem takkumpanja x-xandir tal-vanġelu, biex ifakkarha u jonoraha. Alla jonora lil dawk li jonorawh (1 Sam.2:30; Ġw.12:26). 

Hi eżempju u mudell sabiħ tal-imħabba profonda u profuża għal Ġesù li jmissha tkun karatteristika f’kull dixxiplu. L-att tagħha kien espressjoni tad-devozzjoni sinċiera lejn l-Imgħallem. 

Il-fidi Kristjana hi l-ewwel u qabel kollox relazzjoni ta’ mħabba mas-Salvatur, filli nfittxu naqduh bħalma hu qeda lilna. Il-lealtà u ġenerożità tagħna lejn Ġesù hu l-aspett l-iżjed valutat fir-rabta u l-mixja tagħna ma’ Sidna (cf., Ġw.21:15). 


Mt.26:14. It-tradiment ta’ Ġuda, sforz ir-regħba, hu mqiegħed f’kuntrast qawwi mal-imħabba stravaganti u d-devozzjoni tal-mara. L-Iskarjota qatt ma kellu xi interess speċjali u spiritwali f’Ġesù. Kien attirat lejh għax probabbilment pretenda minnu li jistabbilixxi ruħu bħala mexxej reliġjuż u politiku setgħan. Ra potenzjal qawwi fil-poter, għana u prestiġju bl-assoċjazzjoni tiegħu ma’ Ġesù. Mill-bidu Ġesù kien jaf xi jsarraf, frattant għażlu biex bih ikun tradut u hekk titwettaq l-Iskrittura u l-pjan sovran t’Alla (Sal.41:9; 55:12-15,20-21; Żak.11:12-13; Ġw.6:64,70-71; 13:18; 17:12). 


Mt.26:15. tletin biċċa fiddiena (bil-Grieg, argurion). Biċċa waħda sikwit tiddenota “flus,” kif ukoll tirrappreżenta munita tal-fidda, fil-valur daqs xekel jew tetradrachmon, ie., erba’ darbiet daqs id-drakma. (Mt.27:3,5,6,9; At.19:19). Hawnhekk jiswew daqs erba’ xhur paga, il-valur ekonomiku ta’ lsir (Es.21:32). 


Mt.26:17. L-Ażżmi, festa konnessa sfiq mal-Għid, tissemma bnadi oħra wkoll (Mk.14:1,12; Lq.22:1,7; At.12:4; 20:6). Kienet tinżamm għal sebat ijiem, mill-15 sal-21 ta’ Nisan; matul dik il-ġimgħa kull ħmira kienet titneħħa mid-djar. L-ewwel u s-seba’ jum kienu konvokazzjonijiet qaddisa, u fihom ma kellu jsir ebda xogħol servili (Es.12:15-20; 13:3-10; Lev.23:6-8; Num.28:17-25; Dt.16:3-4,8).

Il-festa kienet abbinata intimament mal-Għid, u flimkien huma mwettqa fi Kristu sagrifikat għalina biex iqaddisna għalih innifsu (1 Kor.5:6-8). Il-ħobż ażżmu jippreżentalna dak is-sens ta’ grazzja, permezz tal-fidi, fil-Kristjan, li fih, apparti mill-influwenzi tan-natura midinba u assoċjazzjonijiet qodma, jista’ japprezza s-sagrifiċċju ta’ Kristu u jgawdi komunjoni miegħu, biex hekk ħajtu tkun konsistenti mas-sejħa tiegħu. 

Evidentement “l-Għid” kien ukoll applikat għall-Ażżmi; il-Lhud ma ridux jidħlu fil-pretorju sabiex “ikunu jistgħu jieklu l-Għid” (Ġw.18:28), għalkemm kienu diġà kielu l-ħaruf tal-Għid il-lejl ta’ qabel. 

L-Ażżmi, Għid il-Ħamsin u l-Għerejjex kienet it-tliet festi maġġuri li l-maskili adulti f’Iżrael kienu obbligati jivvjaġġaw lejn it-tempju f’Ġerusalemm biex jiċċelebrawhom hemmhekk (Es.23:14-19). 


Mt.26:18. Iż-żmien tiegħi. Ġesù mhuwiex il-vittma ta’ nies kattivi jew ta’ ċirkostanzi iebsa. L-avvenimenti li dalwaqt jgħaddi minnhom jinsabu totalment taħt il-kontroll divin. Kien wasal il-punt kruċjali illi l-Ħaruf t’Alla jmut biex isalva lill-poplu tiegħu mill-jasar ta’ dnubiethom u mill-għadab t’Alla (Ġw.1:29; 1 Kor.5:7; Riv.5:6,9).


Mt.26:21. wieħed minnkom se jittradini. Ġesù wera bla ħabi illi kien totalment konxju x’se jiġrilu, sabiex jisħaq mad-dixxipli illi mewtu kienet l-għan u l-pjan t’Alla nnifsu. 


Mt.26:24. Ġesù jikkonferma li se jiġrilu bħalma hu miktub dwaru (cf., Sal.55:13-14; Dan.9:25-26; Mk.8:31). Ġesù mhuwiex vittma; mewtu bit-tislib (Sal.22), bħala sostitut għal niesu (Isa.53:1-12) kienet profetizzata. 

Il-mewta riparattiva ta’ Ġesù ma kinitx biss riżultat ta’ kumplott kontrih mill-mexxejja żgwidati, iżda twettiq ta’ profezija, partikolarment l-għanjiet tal-Qaddej li Jsofri (Isa.42-53). Sal-iċken dettalji – imqar it-tradiment minn ħabibu (Sal.41:9; 55:12-14) – kollox kien maħtur minn Alla qabel ma ħalaq id-dinja. 

Frattant in-nies li wassluh għal mewtu huma kontabbli moralment għall-azzjonijiet ħżiena tagħhom – gwaj għal dak il-bniedem (cf., At.2:23). Il-fatt li l-Iskrittura bassret li Ġesù kellu jmut mewta sostituzzjonarja ma jinnegax li Ġuda hu responsabbli għall-ħażen ta’ għemilu. Tul l-Iskrittura l-ordni sovrana ta’ kulma jiġri hi affermata simultanjament mal-kontabbiltà umana għal dawk l-avvenimenti (Ġen.50:18-21; At.2:23; 4:28; 18:9-11; 27:30; 2 Tim.2:10). 

Aħjar kien ikun għalih kieku ma twelidx dak il-bniedem (cf., Ġw.8:21-24; 16:8-11). Dan minħabba l-fatt li l-mitlufa jbatu fl-infern għall-eternità. L-eqqel kastig hu riżervat għal Ġuda u oħrajn bħalu (Ebr.10:29). Hawn nisimgħu waħda mid-dikjarazzjonijiet qawwija fl-Iskrittura fuq ir-responsabbiltà umana illi nemmnu f’Ġesù Kristu, flimkien mal-konsegwenzi koroh jekk wieħed jibqa’ fl-inkredulità. 


Mt.26:26. huma u jieklu (ara n-notament f’Mk.14:22). L-Għid kienet ikla ta’ ċelebrazzjoni bħala tifkira ta’ meta Iżrael kien meħlus mill-jasar fl-Eġittu. Issa Ġesù trasforma dik iċ-ċena f’sagrament għall-knisja, magħruf bħala l-Ikla tal-Mulej. L-ikla sagramentali tal-Patt il-Ġdid hi relatata intimament mal-qadim u tiżvolġi minnu (ara l-paralleliżmu mal-Es.24:9-11). Ġesù jieħu żewġ elementi tal-Għid (ħobż ażżmu u nbid) biex jesprimi l-ħidma ġdida tiegħu tal-fidwa. Hekk juri l-fokus konsistenti fuq il-fidwa matul ir-rivelazzjoni t’Alla. Fi Qsim il-Ħobż, kif inhi magħrufa wkoll, għandna dimostrazzjoni tal-kontinwità essenzjali bejn il-patt il-qadim u l-ġdid. It-tifsira vera tal-Għid tinsab fil-ħelsien effettwat bil-mewt ta’ Ġesù.


Mt.26:26. dan hu ġismi. Waqt li kienu jieklu l-Għid, Ġesù ta tifsira ġdida lill-ħobż. Il-ħobż ażżmu ssimbolizza l-qtugħ tal-Iżraeliti mill-ħajja qadima u jasar fl-Eġittu. Irrappreżenta separazzjoni mis-sistema tad-dinja, mid-dnub u r-reliġjon falza, kif ukoll il-bidu ta’ ħajja ġdida fil-qdusija u s-sewwa. Issa l-ħobż jissimbolizza l-ġisem ta’ Kristu, sagrifikat għas-salvazzjoni tal-bnedmin, u l-inbid id-demm imxerred ta’ Sidna. Ġesù esprima ruħu hekk meta kien għadu fiżikament preżenti mad-dixxipli, u allura identifikazzjoni littera tal-elementi kienet ċertament barra minn ħsibijiethom. Sikwit il-Bibbja titkellem fiġurattivament (ara, eż., Ġen.41:26-27; Riv.2:20). Ġesù jagħmel l-istess: ixebbah lilu nnifsu ma’ bieb (Ġw.10:9) u ma’ dawl (Ġw.8:12). 

Is-sens komun iżommna milli nieħdu kliem Ġesù litteralment. Alla ħalaqna bis-sensi, u l-ħajja tiddependi fuq il-fatt illi nafdaw fis-sensi għall-informazzjoni li jagħtuna dwar id-dinja. Dawk li jemmnu li l-ħobż jinbidel litterament fil-ġisem ta’ Kristu jammettu li l-ħobż ikkonsagrat jidher, jinxtamm, u jtiegħem bħall-ħobż reali. Għala mela Alla jsejħilna biex inwarrbu s-sensi, li hu żejjinna bihom, biex nemmnu xi ħaġa evidentement kontra s-sensi?

Frattant il-ħobż u l-inbid huma iżjed minn simboli konvenzjonali, għax bl-Ispirtu s-Santu jikkomunikaw viżibbilment x’jinqara u x’jinstema’ fil-vanġelu (1 Kor.10:16).


Mt.26:28. Fl-Għid oriġinali d-demm tal-ħaruf ipproteġa lill-Iżraeliti mill-mewt (Es.12:23,30). Il-frażi demmi tal-patt ġejja mill-Es.24:8, u tfakkarna li l-pattijiet bibliċi huma ratifikati u ssiġillati bid-demm (Ġen.15:9-21; 17:9-14; Es.24:4-8). Il-patt Mosajku kien inawgurat b’sagrifiċċju (Es.24:28). Il-Patt il-Ġdid, imħabbar mill-profeta (Ġer.31:31-34; cf., Lq.22:17-20; 1 Kor.11:23-25), hu inawgurat u ratifikat bis-sagrifiċċju fuq il-Golgota. L-Ikla tal-Mulej tipponta lejh. It-tazza tissimbolizza s-sottomissjoni ta’ Kristu għal mewta ta’ sagrifiċċju bħala l-medjatur ta’ patt ġdid, sabiex jottieni u jqassam il-barkiet tal-wirt imwiegħed (Ebr.9:15). Il-Patt il-Ġdid hu l-wegħda ta’ amministrazzjoni finali tal-patt tal-grazzja, li bih il-barkiet spiritwali ta’ trasformazzjoni, komunjoni m’Alla, u l-maħfra huma effettivament mogħtija lin-nies kollha t’Alla (Ġer.31:31-34; Ebr.8:6-13). 

imsawwab għal ħafna hi allużżjoni għal Isaija 53:12 fejn il-Qaddej ta’ Jaħwè “sawwab ruħu għal mewt” u “tgħabba bid-dnubiet ta’ ħafna.”

għall-maħfra tad-dnubiet. Il-maħfra hi neċessarja għax ilkoll kemm aħna midjunin m’Alla minħabba d-diżubbidjenza morali tagħna. Id-dnub jikkaġuna illi nsiru aljenati minn Alla, maqtugħa minn relazzjoni ħajja miegħu, u allura suġġetti għall-kundanna u l-għadab ġust tiegħu (Ef.2:1-3). 

Il-maħfra hi magħmula possibbli bil-mewt ta’ Kristu fuq is-salib; bis-sagrifiċċju fuq il-Golgota r-relazzjoni tagħna m’Alla tista’ tkun restawrata (Rum.5:9-10; Ef.1:7; Kol.2:13). Biex Alla seta’ jaħfrilna kellu jixxerred id-demm ta’ Ibnu (Ebr.9:22). Mela l-maħfra hi msejsa fuq il-mewt tal-Kalvarju (Ġw.1:29; 3:16; Rum.8:32).

Bil-maħfra d-dnubiet huma kkanċellati; Alla jwiegħed li ma jerġax iqajjem il-kwestjoni ta’ dnubna għal darb’ oħra. Bil-maħfra huma mgħottija, midfuna, nullifikati, bħallikieku qatt ma saru (Mk.2:5; Ġw.8:11). Hekk il-midneb hu meħlus mill-kastig etern fl-infern (Rum.5:9; 1 Tes.1:10). 

Alla jaċċetta u jilqa’ fi ħdanu lill-maħfur, kif illustrat fil-parabbola tal-Iben il-Ħali (Lq.15:11-32). Bil-maħfra jibda wkoll ikun liberat mid-dominju tad-dnub għax ikun trasferit minnufih mill-ħakma tad-dlam għas-saltna tal-Iben il-Maħbub (Kol.1:13). Il-maħfur tingħatalu l-ħajja eterna u tul ħajtu jibqa’ jiġġedded fuq ix-xbieha ta’ Sidu, filli jitgħallem jobdi lill-Missier, iħobbu u jqimu (Lq.23:43; Ġw.14:19). 

Biex nirċievu l-maħfra rridu nindmu u nesprimu fiduċja fis-Salvatur Ġesù. Meta ngħidu “nistqarru dnubietna” jiġifieri nammettuhom onestament quddiem Alla, bit-tama li Alla jkollu ħniena minna u jberikna bil-maħfra, skont il-grazzja tiegħu (Lq.17:3-4; At.2:38; 5:31; 20:21). 

Appena nemmnu l-vanġelu ninħafru kompletament u darba għal dejjem; hi maħfra li nirċevuha mingħand Alla l-Imħallef tagħna. Minn għedewwa jagħmilha rikonċiljati miegħu. Jiddikjarana ġusti quddiemu, bil-merti ta’ Ibnu. Bħala wliedu, milqugħa fil-familja tiegħu, neħtieġu kontinwament maħfra mingħand Alla Missierna, biex immantnu r-relazzjoni filjali tagħna u l-komunjoni tagħna miegħu (Mt.6:12; 1 Ġw.1:9). 


Mt.26:29. Meta qal, mhux se nixrob iżjed, Ġesù bassar l-imminenza ta’ mewtu. Iżda esprima fl-istess ħin il-fiduċja tiegħu f’Alla li ma kienx se jabbandunah fil-mewt, għax jgħid lid-dixxipli li għad jasal il-jum meta nixorbu ġdid f’saltnet Alla bħala s-Sid ta’ David (cf., Mk.12:35-37; Sal.110:1,5). Hekk Ġesù jirreferi għall-bankett messjaniku (cf., Mt.8:11; Riv.19:9). Iċ-Ċena Mqaddsa tistedinna nħarsu lura lejn is-salib u ’l quddiem lejn l-avvent ta’ Kristu fl-aħħar jum.


Mt.26:31. ilkoll se tkunu offiżi (cf., v.56). Fi kriżi kerha d-dixxipli kellhom ikunu skandalizzati, jew imfixkla, temporanjament u għal xi żmien ma jibqgħux leali lejn is-Sid Ġesù. Telquh u ċaħduh (Mt.26:34), iżda Ġesù interċieda għalihom sabiex ikunu restawrati (Lq.22:32; Ġw.17:9-11). 


Mt.26:32. se mmur qabilkom fil-Galilija. Il-waqgħa tad-dixxipli ma kellhiex tkun finali (Lq.22:32). Kristu kellu jerġa’ jingħaqad magħhom wara l-qawmien (Mt.28:10,16). 


Mt.26:33. jien qatt mhu se nkun offiż. Pietru kellu fehma mkabbra dwaru nnifsu; ma kienx jaf lilu nnifsu. Dan wasslu biex jirreżisti l-awtorità kemm ta’ Kristu kif ukoll tal-Iskritturi profetiċi (Mt.26:31).


Mt.26:36. il-Getsemani hu l-isem ta’ ġnien f’xi parti tal-Għolja taż-Żebbuġ fejn Ġesù sikwit irtira mad-dixxipli. Hawn qatta’ parti mil-lejl wara l-aħħar Għid tiegħu. Hu u jitlob kien f’agunija minħabba l-prospett illi jixrob it-tazza tal-għadab minħabba d-dnub. Hu sinifikanti, allura, illi l-isem ifisser “magħsra tal-inbid.” Hawn l-Iskarjota tradieh b’bewsa hekk illi arrestawh. 


Mt.26:37. beda jitnikket u jithemmem. Imbellah, imbeżża’ u mriegħed, kważi sal-punt tal-mewt (Mt.26:34-35). Dan kien biss il-bidu tas-sofferenzi reali li Ġesù, bħala bniedem, ħass u ġarrab hekk kif kien wasal biex jidħol responsabbli għad-dnubiet ta’ niesu u jġorr għan-nom tagħhom l-għadab qalil t’Alla (Mt.26:36). Bin Alla, fin-natura umana tiegħu, beda jħoss u jsofri t-toqol insapportabbli tad-dnub.


Mt.26:38. għassu: ibqgħu mqajmin u fuq l-allert; timplika wkoll it-talb (Mt.26:36,40-41). Tidwi l-parabboli ta’ stennija għal Bin il-bniedem (Mt.24:42-43; 25:13). 


Mt.26:39. jekk inhu possibbli. Ġesù ħass l-orrur tal-korla t’Alla qaddis kontra d-dnub ġejja fuqu (Isa.53:6). Appella għal xi mezz ta’ ħarba jekk kien hemm mod kif setgħu jkunu salvati l-midinbin. Ma kienx qed jistaqsi lill-Missier jekk kellux is-setgħa biex iħalli t-tazza, jew il-kies, tgħaddi, imma jekk kienx possibbli fil-pjan t’Alla. Kristu kien dalwaqt se jixrob il-kies billi jmut fuq is-salib bħala l-uniku sagrifiċċju provdut minn Alla għad-dnub (cf., At.4:12). 


Mt.26:39. F’dan il-ħin intensiv ta’ prova, Ġesù konxjament jafda f’idejn il-Missier. It-tazza (ara n-notament f’Mt.26:39) talludi għall-ġudizzju divin, li għad jitferra’ fuq il-midinbin b’ħaqq ġust (Mk.10:38; Isa.51:17-23; Ġer.25:15-18). Ladarba Ġesù jissodisfa l-għadab t’Alla billi sar propizjazzjoni għad-dnub (Mk.10:38-39; Rum.3:25; 1 Ġw.2:2), hu sinifikanti kif u għala d-dixxipli jixorbu mit-tazza ta’ Ġesù (Mk.10:38-39). Is-sagrifiċċju tal-Kalvarju jdawrilhom il-ġudizzju f’purifikazzjoni. Ibatu, iva, mhux għall-kundanna iżda għat-taqdis tagħhom.

Ġesù hu orrifikat quddiem il-prospett illi jissaporti għadab il-Missier, minħabba dnubna. Prefera kieku ma jixrobx it-tazza iżda kien jaf illi biex jifdina kellu jiffaċċja l-mewt, konxju li l-Missier mhux se jkun miegħu, iżda kontrih bil-korla tal-ġustizzja tiegħu.

Tazza hi sikwit is-simbolu ta’ għadab divin kontra d-dnub (Isa.51:17,22; Ġer.25:15-17,27-29; Lam.4:21-22; Eż.23:31-34; Ħab.2:16). L-għada Ġesù kellu jidħol responsabbli għad-dnubiet ta’ niesu (Ebr.9:28), u r-rabja divina taqa’ fuqu (Isa.53:10-11; 2 Kor.5:21) Dan kien il-prezz imħallas minħabba d-dnub, u ħallsu kompletament (cf., Mt.27:46). 

kif trid int. Ġesù salva l-midinbin billi ssottometta ruħu għar-rieda t’Alla u obdieh sal-aħħar (Ġw.6:38-39; Ebr.10:5-10). Dan id-diskors jiżvela r-riżoluzzjoni totali u r-rassenjazzjoni ta’ Ġesù biex jagħmel il-volontà tal-Missier. Minħabba f’hekk ġie fid-dinja, u hekk baqa’ kommess mill-bidu sa mewtu.


Mt.26:41. għassu u itolbu huma żewġ atti ewlenin fit-taqbid spiritwali (Ef.6:18). Għassu tfisser ibqgħu fuq l-allert u viġilanti, bla ma torqod. Ġesù jrid lid-dixxipli jagħrfu meta jinsabu taħt attakk spiritwali. Ma kellhomx iħallu l-kunfidenza fihom infushom traqqadhom spiritwalment biex jaqgħu vittma għat-tiġrib.

l-ispirtu jrid. Avolja fallewh u ddiżappuntawh, Ġesù b’ġentilezza jagħraf is-sinċerità tal-imħabba dgħajfa tagħhom lejh. 

l-ġisem dgħajjef. Kristu kien kompletament midħla tad-dgħufijiet u l-limitazzjonijiet umani (Ebr.4:15), għalkemm moralment perfett. F’dak l-istess waqt kien f’taqtigħa kontra l-passjonijiet umani li, filwaqt li mhumiex midinba fihom infushom, għandhom ikunu suġġetti għar-rieda divina jekk id-dnub għandu jkun evitat. 

Id-dixxipli xtaqu jsegwu lil Ġesù u jibqgħu fidili (Mk.14:31). Iżda malajr ċedew għall-għejja fiżika. Minkejja l-intenzjonijiet u r-rieda tajba, il-fidili jistgħu faċilment jgħarrilhom milli jwettqu s-sejħa tagħhom għax ma jkunux jifilħu għall-ħtiġijiet jew xewqat tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem, jekk ma ninviġilawx kontrihom u nikkumbattuhom, ma jħalluniex nipprattikaw ruħna fl-għejxien ġust kif rikjest minna (cf., Rum.7:15-23). 


Mt.26:44. qal l-istess kliem. Ma talabx bla sens u bi tlablib repetittiv (Mt.6:7). Tenna l-petizzjoni tiegħu għax kienet ix-xewqa ardenti ta’ qalbu (cf., Sal.136:1-26; Isa.6:3; 2 Kor.12:8; Riv.4:8).


Mt.26:45. qorbot is-siegħa, ċoè waslet il-konsumazzjoni tal-ministeru tiegħu fuq l-art, bil-klajmaks tagħha fuq il-Kalvarju. 


Mt.26:48. tahom sinjal, għax kien ikun diffiċli fid-dlam tal-ġnien biex jagħrfu lil Ġesù. 

Il-bewsa, il-mod tipiku u normali għall-ħbieb f’Iżrael, antik u modern, biex jilqgħu lil xulxin, issa ssir is-sinjal ta’ tradiment. 


Mt.26:52. Poġġi sejfek lura f’postu. Din mhix inġunzjoni universali għall-passiviżmu (Rum.13:4). Qallu hekk għax l-azzjoni ta’ Pietru kienet viġilantiżmu: ħa l-liġi f’idejh, xi ħaġa li ma kellu ebda dritt jagħmilha, avolja l-arrest ta’ Ġesù kien totalment inġust. Kliem Ġesù jfakkarna fi prinċipju antik imsemmi fil-Ġenesi 9:6.

Għamilha ċara illi dejjem hu kontra l-idea li saltnatu tipprogressa bil-forza, la politika, la militari u lanqas b’ġegħil mentali jew rikatt. Kull min prova jagħmel hekk – kruċjati, inkwiżizzjoni, pieni ta’ konfiska jew ħabs – għandu jammetti li żbalja bl-ikrah. L-armamenti tal-knisja huma purament spiritwali (2 Kor.10:3-6); twassal l-aħbar tas-saltna bil-persważjoni, bl-imħabba u bis-safa, fil-qawwa tal-Ispirtu. 

dawk kollha li jaqbdu s-sejf bis-sejf għad jinqerdu. Probabbilment allużżjoni għal-liġi t’Alla illi l-qattiela għandhom jinqatlu (Ġen.9:6). Pietru ma kellu ebda jedd jeżerċita forza u vjolenza bħala individwu privat. 


Mt.26:53. Fl-armata Rumana leġjun kien korp ta’ truppi konsistenti minn tlieta sa ħamest elef. Iżda l-kelma tintuża wkoll għal għadd indefinit (Mk.5:9,15; Lq.8:30). 


Mt.26:54,56. Imqar l-għażla tal-għedewwa tiegħu inkwantu meta kif arrestawh ġara sabiex jitwettqu l-Iskritturi, li ħabbru minn qabel id-digriet divin (Mk.9:12; 12:10; 14:21,27; 15:28). 

Ġesù kien f’kontroll assolut tas-sitwazzjoni (Ġw.10:17-18). Frattant mhux hu biss, iżda kulħadd madwaru, inklużi l-għedewwa tiegħu, wettqu d-dettalji tal-profezija antika. Dawn l-avvenimenti jesibixxi s-sovranità divina (At.2:23; 4:27-28).

Ġesù jaf illi kulma nkiteb dwaru mill-profeti għandu neċessarjament iseħħ (Lq.22:37). Forsi hawn għad ghandu Żakkarija 13:7 f’moħħu, iżda aktar probabbilment qed jirreferi b’mod wiesa’ għal mewtu u r-resurrezzjoni tiegħu (Lq.24:44-46; cf., speċjalment Sal.22; Isa.53; Żak.12-13).


Mt.26:56. ħallewh u ħarbu. Ġesù għadu kif għamel referenza għall-Iskrittura, li suppost id-dixxipli kellhom isibuha ta’ sapport u faraġ fil-kriżi tagħhom. Minflok, il-fidi tagħhom ikkollassiet hekk kif irrealizzaw illi Ġesù ma kienx se jirreżisti l-arrest, u huma wkoll setgħu jkunu maqbuda. 


Mt.26:59. Magħruf ukoll bħala s-Sinedriju, is-Sanedrin kien l-ogħla kunsill Lhudi fi kwistjonijiet reliġjużi u ċivili. Ikkonsista f’korp ta’ ekkleżjastiċi fil-Ġudaiżmu li kkontrollaw il-ħajja reliġjuża u politika sakemm il-ġens Lhudi safa sparpaljat fis-sena 70 w.K. Jingħad li beda mas-sebgħin anzjan li servew bħala kunsill għal Mosè (Es.24:1); evidenza ta’ dan m’għandniex. Fil-perjodu Persjan “l-anzjani” msemmija (Esd.5:9; 6:7,14; 10:8) u “l-mexxejja tal-poplu” (Neħ.2:16; 11:1) setgħu ħakmu fuq affarijiet tal-komunità. Wara li Pompej invada ’l Iżrael fis-sena 63 q.K., it-territorju Lhudi kien diviż f’ħames synedria; dak ta’ Ġerusalemm, il-kapitali, sar il-fattur determinanti fl-ifformar ta’ politika Lhudija. 

Sħubija fis-Sanedrin kienet limitata għall-irġiel ta’ demm pur, għall-bqija t’għomorhom. Ġesù tressaq quddiem is-Sanedrin, u l-appostli kienu eżaminati quddiemu (At.4:15-18; 22:30; 23:1-10). Is-Sanedrin kien jieħu d-deċiżjonijiet finali inkwantu l-interpretazzjoni tal-liġi, u aġixxa f’każijiet kriminali, suġġett għall-approvazzjoni tal-gvernatur Ruman. Serva bħala l-kunsill tiegħu biex jikkonsultah fuq ħwejjeġ Lhud, u provda gvern ċentrali tul is-snin meta l-ġens tneżża’ minn kwalunkwe indipendenza reali. 


Mt.26:59. baqgħu jfittxu testimonjanza falza. Il-proċess inġust ta’ Ġesù jixhed għall-perfezzjoni morali tiegħu, u fl-istess ħin għall-ipokrisija u ħażen tal-umanità.


Mt.26:63. Ġesù baqa’ sieket. Ma tkellimx biex jiddefendi lilu nnifsu, iżda bil-kwiet u bi spirtu ġwejjed issaporta x-xiljiet foloz kontrih (Mt.27:14) biex titwettaq Isaija 53:7. Is-silenzju ta’ Ġesù hu silenzju ta’ innoċenza, integrità u fidi f’Alla. Tweġiba mingħandu kienet tagħti lix-xhieda foloz u l-proċedimenti illegali dehra ta’ leġittimità. 


Mt.26:63. Aħlifli b’Alla l-ħaj. Il-ħalfa suppost kellha tagħmel lil Ġesù legalment obbligat biex iwieġeb. Il-fatt li Ġesù rrisponda jimplika illi aċċetta l-ħalfa. 

għidilna jekk intix il-Kristu, Bin Alla. Billi baqa’ bla ma wieġeb, ikkomplika l-proċess għas-sommu saċerdot. Hekk jassumi r-rwol ta’ prosekutur. Il-kustjoni kollha kienet huwiex Bin Alla nkella le. Ġesù hekk għallem fit-tempju (Mk.12:1-12,35-37; cf., Mk.3:5-11). Ikklejmja li hu Bin Alla ta’ Iżrael u s-Sid messjaniku ta’ David, li jixxerja unur esklussiv m’Alla nnifsu. Din l-espressjoni, Bin l-Imbierek, tidher hawn biss fil-Patt il-Ġdid, u hi eżempju ta’ diskors Lhudi illi jevita l-użu dirett ta’ isem Alla. Ġesù minn bikri preżenta lilu nnifsu bħala l-messija u divin (cf., Lq.4;18-21; Ġw.4:25-26; 5:17-18; 8:58). Hekk qanqal kontrih oppożizzjoni qalila mingħand il-mexxejja Lhud (Ġw.5:19-47; 8:16-19; 10:29-39). Is-sommu saċerdot staqsieh dil-mistoqsija diretta biex, fil-fehma tiegħu, Ġesù jinkrimina lilu nnifsu u jkun jista’ jiġi akkużat formalment b’dagħwa. 


Mt.26:64. Int innifsek għidtha. Tweġiba affermattiva diretta, u jissokta billi japplika għalih innifsu profeziji messjaniċi (Sal.110:1; Dan.7:13-14; cf., Mk.12:35-37).

fil-futur għad taraw. B’lingwaġġ meħud minn Salm 110:1 u Danjel 7:13, Ġesù jitkellem dwar il-proċess ta’ eżaltazzjoni fuq il-leminija tal-Missier li f’ċertu sens tibda bl-umiljazzjoni tiegħu fil-mewt. Ir-reliġjużi li qed jakkużawh dalwaqt kellhom jirċievu rapport tal-qawmien tiegħu (Mt.28:11-15), u Stiefnu għad jixhed dwar il-maestà tiegħu (At.7:56). Dak li kienu appik se joqtlu hu tabilħaqq il-Messija.

fuq il-leminija tas-Setgħa (cf., Mk.10:37; At.2:33; 7:55; Ebr.2:9; Riv.12:5). Il-pożizzjoni glorifikata ta’ Ġesù hi biswit it-tron t’Alla, l-ogħla unur immaġinabbli; is-Setgħa hi referenza oħra għal Alla. Ġesù klejmja illi hu s-Sid suprem (Sal.110:1; Dan.7:13; cf., Mt.16:27; 22:41-45; 24:30).


Mt.26:65. ċarrat l-ilbiesi tiegħu: mossa simbolika, normalment bħala espressjoni ta’ diqa kbira (Ġen.37:29; 2 Slat.18:37; 19:1; Ġob.1:20; Ġer.36:24; At.14:14). Hawnhekk hu att ta’ ipokrisija sfaċċata u reċtar, taparsi ddispjaċut. 

Dagħa! Qalb il-bniedem midneb hi tant perversa illi l-verità l-aktar eminenti tgħoddha bħala l-gidba l-aktar faħxija. Il-piena preskritta għad-dagħa (l-insultar tal-isem t’Alla) kienet mewt bi tħaġġir (Lev.24:16), iżda l-qrati Rumani biss setgħu jordnaw il-piena kapitali, allura Ġesù kellu jieħu kastig Ruman, ċoè, it-tislib (Ġw.18:31-32). 


Mt.26:66. Kieku Ġesù gideb talli klejmja li hu divin, allura tabilħaqq Ħaqqu l-mewt! Il-liġi Lhudija hekk iddomandat (Lev.24:10-23). L-ironija hi illi ġie ġġustizzjat talli qal il-pura verità.


Mt.26:69-75. Ma nafux lil dal-bniedem! It-tliet ċaħdiet ta’ Pietru (Mk.14:66-72; Lq.22:54-62; Ġw.18:15-18,25-27) huma dimostrazzjoni qawwija tad-dgħufija umana, minkejja riżoluzzjonijiet u rieda tajba. Fl-istess ħin huma wirja tal-ħniena t’Alla, għax Pietru kien restawrat. 


Mt.26:74. jisħet, ċoè, isejjaħ lil Alla bħala xhud tiegħu, biex joqtlu jekk kliemu mhuwiex veru. Filwaqt li Kristu, imġiegħel b’ħalfa, kien qed jistqarr l-identità tiegħu, wieħed mill-eqreb dixxipli kien qed ipoġġi lilu nnifsu taħt ħalfa biex jiċħdu. Il-passjoni ta’ Ġesù tiżvela l-quċċata inkalkolabbli tal-imħabba divina u fl-istess ħin il-qigħan fondi tad-depravità umana. 

jaħilfilhom. Ġesù aċċetta l-ħalfa; kien jaf li biha se jieħu l-mewt B’kuntrast, Pietru jaħlef biex jiskansa l-mewt. Il-kuntrast bejn is-sewwa u l-ħażen ma jistax ikun aktar misnun. 


Mt.27:1. Il-mexxejja stennew sa kmieni filgħodu sabiex jgħaddu l-verdett uffiċjali (cf., 26:66), minħabba r-regola kontra ġurijiet kriminali billejl: każ illi kienu qed jibilgħu ġemel u jsaffu nemusa. 


Mt.27:2. gvernatur (bil-Grieg, hēgemōn) hu titlu wżat għall-ħakkiema inġenerali (Mt.2:6; Mk.13:9; 1 Pt.2:14), iżda partikolarment għall-prokuraturi Rumani. Fil-Vanġeli niltaqgħu ma’ Ponzju Pilatu (eż., Mt.27:2; Lq.20:20; hekk imsejjaħ minn Taċitu fl-Annali, xv.44). Fl-Atti jisemmew Feliċ (At.23:26) u Festu (At.24:27). Teknikament, il-prokuratur kien uffiċjal finanzjarju taħt prokonslu jew propraetor, biex jiġbor l-introjtu imperjali; kien ukoll fdat b’setgħa maġisterjali biex jiddeċiedi kwistjonijiet relattivi għall-introjtu. 

F’ċerti provinċji – u l-Ġudea kienet waħda minnhom, bil-prokuratur tagħha dipendenti fuq il-legat tas-Sirja – kien l-amministratur ġenerali u mħallef suprem, b’awtorità waħdanija biex jaqta’ sentenzi bejn ħajja u mewt. It-tali gvernatur kien persuna ta’ klassi soċjali għolja. Però Feliċ darba kien skjav, kiseb il-libertà, u l-ħatra tiegħu bħala gvernatur tal-Ġudea bilfors tqieset mil-Lhud bħala insult għal ġenshom. Il-kwartieri tal-gvernatur tal-Ġudea kienu f’Ċesarija.


Mt.27:2. Ġesù għadda minn żewġ ġurijiet, wieħed reliġjuż quddiem is-Sanedrin u l-ieħor sekulari, jew ċivili, quddiem Pilatu, prefett tal-Ġudea minn 26-36 w.K. Sar notorju minħabba l-immaniġjar fjakk tul il-proċess ta’ Ġesù. Kien insensittiv lejn il-Lhud u aħrax fi kwistjonijiet ġudizzjali. Taċitu, Philo u Josephus ilkoll isemmuh f’kitbiethom. Instabet skrizzjoni f’Ċesarija Maritima fl-1961 li ssemmi ismu. Bħala l-gvernatur kellu l-jedd jaqta’ sentenza għall-mewt.


Mt.27:3. Ġuda xogħof, imma d-dispjaċir tiegħu mhuwiex l-istess bħall-indiema. Ħass it-tingiża tal-ħtija, bla ma nidem ġenwinament. Hemm diqa li twassal għall-indiema (2 Kor.7:10), imma x-xogħfa ta’ Ġuda kienet tip ieħor, kif murija mill-fatt illi ħa ħajtu b’idejh (Mt.27:5).


Mt.27:5 (cf., At.1:18). Dawn ir-rakkonti jmorru flimkien bla ma jinnegaw lil xulxin. Tabilħaqq Ġuda tgħallaq; b’xi mod fit-tgħalliq tiegħu waqa’, ġismu nfetaħ u l-intestini tiegħu tferrxu. Probabbilment mat-tgħalliq tiegħu waqa’ fuq il-blat misnun taħtu. 


Mt.27:9-10. L-evanġelista jgħaqqad xi ħsibijiet minn Żakkarija 11:12-13 ma’ Ġeremija 19:2,11 u 32:6-9.


Mt.27:11. Int is-sultan tal-Lhud? Hawnhekk Pilatu qed jinvestiga jekk Ġesù kienx sfida għall-ħakma ta’ Ċesri. Imressaq quddiemu, il-gvernatur Ruman (u issa fir-rwol ta’ maġistrat), l-awtoritajiet Lhud ma xlewx lil Ġesù b’dagħwa (reat reliġjuż li għal wieħed pagan kien irrilevanza), iżda aktarx aċċentwaw il-klejm tiegħu li hu s-sultan tal-Lhud, u allura qed jisfida l-ħakma ta’ Ċesri (f’għajnejn Ruma, reat ħaqqu l-mewt). 

Hekk tgħid int. Ġesù afferma illi hu Sultan, għalkemm mhux sultan mondan u politiku (Ġw.18:36). 


Mt.27:16-19. Barabba kien qattiel u ribell vjolenti kontra l-awtorità ċivili (Mk.15:7; Lq.23:18-19). Aktarx milli llibera lil Ġesù, innoċenti, bħala att ta’ ġustizzja, Pilatu wera kemm hu beżżiegħ billi prova jimmanipula lill-folol biex jagħżlu lil Ġesù aktarx milli kriminal magħruf. Xħin ra li mhux se jirrnexxilu jikkonvinċihom ċeda u ħalla raġel ġust ikun ikkundannat bla ħtija. 


Mt.27:18. Pilatu rrealizza illi l-awtoritajiet Lhud ma għaddewlux lil Ġesù sforz il-lealtà tagħhom lejn Ruma, iżda sforz l-għira tagħhom għalih. Intebaħ bil-qerq u r-raġuni mistura tagħhom, il-ġelożija tagħhom minħabba l-popolarità ta’ Ġesù man-nies. 


Mt.27:20. jissupplikaw għal Barabba, u jeqirdu ’l Ġesù. Ironikament, Pilatu jillibera ribell kontra Ruma, bil-provi, u minflok qata’ sentenza kontra bniedem ġust li ma qalx l-iċken kelma kontra l-imperu Ruman, anzi kmanda l-ħlas tat-taxxi lil Ruma. L-isem Barabba jfisser “iben il-missier.” Hu mqiegħed f’kuntast estrem ma’ Ġesù, li f’sens wisq ogħla hu wkoll Iben il-Missier. 


Mt.27:22. Ħa jkun imsallab! Il-kruċifissjoni oriġinat fil-Persja u ġiet adottata mir-Rumani. Hi forma krudila ta’ piena kapitali, b’għajb issemmix, u wżata prinċipalment kontra lsiera ribellużi u rvellaturi. Imsiemer tal-metall kienu jissammru mill-polz jew l-idejn (Ġw.20:25) u l-għarqub tal-vittma, li kien isofri wġigħ terribbli. Kien imut wara xi jiem kawża tal-ġrieħi, ġuħ, nuqqas ta’ ilma, u abbandun għall-elementi. Ġieli kienu jiksru riġlejn l-ikkundannat (Ġw.19:33) biex imut malajr għax hekk kien jifga, peress li r-riġlejn ma jkunux kapaċi jgħinuh biex jintrefa’ ħalli jieħu n-nifs. It-tislib ta’ Ġesù ġabu pubblikament taħt is-saħta t’Alla (Gal.3:13; cf., Dt.21:23). 


Mt.27:25. Demmu fuqna u fuq uliedna! Dan qaluh il-Lhud. Eżekjel 18:20 (cf., At.2:23,39) jgħallem li d-dixxendenti ma jiħdux sehem mill-ħtija tal-ġenituri tagħhom, mbasta ma jikkooperawx fi dnubiethom. Fl-aħħar mill-aħħar il-Ġentili kienu ħatja u midinba daqs il-Lhud. L-antisemitiżmu m’hemm ebda lok għalih!


Mt.27:26. fflaġellah. L-ikkundannat kien ikun imsawwat bil-flagellum, ġilda qasira ta’ disa’ ilsna, b’biċċiet jaqtgħu ta’ għadam u metall u blalen taċ-ċomb marbuta mat-trufijiet. Il-flaġellazzjoni kienet iċċarrat dahar il-vittma u tesponi l-muskoli u l-għadam. 


Mt.27:27. Il-pretorju kien il-palazz tal-praetor jew gvernatur (Fil.1:13). Oriġinarjament kienet il-kelma għal kwartieri militari jew barracks inġenerali. Fil-Vanġeli tirreferi għal residenza uffiċjali, jew kwartieri, tal-gvernatur Ruman, Pilatu (Ġw.18:28; cf., At.23:35). 


Mt.27:29. kuruna mix-xewk. Is-suldati pagani kellhom l-intenzjoni biex jiżżuffjettaw bl-idea illi Ġesù hu sultan, iżda l-kuruna xewkija hi tifkira viżibbli illi s-Salvatur sofra s-saħta tal-waqgħa tal-bniedem. Ġesù neħħa s-saħta minn fuq il-fidili tiegħu billi refagħha hu stess. Meta Adam dineb, parti mill-kastig kien illi l-art tnibbet ix-xewk u l-għolliq (Ġen.3:17-18). 

Insellmulek. L-omaġġ sarkastiku mogħti lil Ġesù jimita xi pretendew id-diversi imperaturi Rumani mis-sudditi tagħhom.


Mt.27:31. Il-koorti kollu kien jikkonsisti f’madwar sitt mitt suldat.

Mt.27:32. Ċirinew hu wieħed minn Ċirene, belt fl-Afrika ta’ Fuq. Il-flaġellazzjoni tant għaxxet lil Ġesù illi ma felaħx iġorr is-salib: evidenza tal-umanità tiegħu, bid-dgħufija tagħha ħlief id-dnub (Ebr.4:15).

jerfa’ s-salib tiegħu. Normalment l-ikkundannat kien jitgħabba bil-mimduda. Filli ħa s-salib ta’ Ġesù, Xmun sar ix-xbieha viżiva ta’ dixxiplu veru kif jiddomanda Ġesù s-Sid innifsu (Mk.8:34). 


Mt.27:33. l-Golgota tfisser “Post il-Qorriegħa” (Lq.23:33), ekwivalenti għall-Kalvarju (mil-Latin Calvaria, li tfisser “Kranju” jew “Qorriegħa”). Hawn, barra minn Ġerusalemm, sallbu lil Ġesù; fil-qrib kien hemm qabar fejn attwalment indifen. Il-Golgota qatt mhi msejħa “għolja” fl-Iskrittura. Il-lok attwali mhuwiex magħruf, u dan skont l-għerf divin, għax altrimenti probabbilment kien jinqaleb f’post ta’ idolatrija. 


Mt.27:34. tawh jixrob inbid imħallat bil-marrara. Dan kellu effett narkotiku, li jmewwet l-uġigħ. Ġesù rrifjutah, għax ma riedx jevita t-tbatija; għażel aktarx illi jissaporti għadab Alla kollu kemm hu b’moħħ luċidu.


Mt.27:35. sallbuh. Il-kruċifissjoni kienet mewta bil-mod u agonizzanti. Kienet krudila u umiljanti. L-oratur Ruman, Ċiċerun, qal illi hi tant diżgustanti li m’għandhiex tkun diskussa miċ-ċittadini Rumani. Il-mislub kien ikun imdendel ma’ arblu tal-injam, bi njama mimduda fuq biex jitwaħħlu l-idejn immattra. Il-mislub isibha diffiċli jieħu n-nifs, apparti li jkun f’uġigħ insapportabbli. Eżawrit, il-vittma jmut għax ma jkunx jista’ jieħu nifs sewwa; sikwit idum ikarkar kemm-il jum (Mk.15:44). Dit-tip ta’ piena kapitali baqgħet komuni sar-raba’ seklu, meta Kostantinu abolixxa l-prattika.


Mt.27:35. qasmu l-ilbiesi tiegħu. Kien normali għall-iskwadra tas-suldati, inkarigati tul xi kruċifissjoni, illi jiddividu bejniethom il-ħwejjeġ tal-kriminal ikkundannat. Hu dettall apparentement bla importanza, iżda fil-fatt iwettaq Salm 22:18, salm li jiddeskrivi l-agunija ta’ mewta vjolenti u mhix meritata (Sal.22:16). Bl-azzjoni libera tagħhom is-suldati wettqu l-Iskrittura bla ma kienu konxji ta’ dan.


Mt.27:37. l-imputazzjoni hi l-akkuża kontra l-mislub. Il-bniedem waqqa’ għaċ-ċajt lil Ġesù, mentri Alla jigglorifika lil Ibnu, għax fuq is-salib Ibnu kkonkwista (Kol.2:14-15). 

Ġesù s-sultan tal-Lhud. B’din l-iskrizzjoni Pilatu ried jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu u fl-istess ħin jinsulta l-mexxejja Lhud, iżda l-verità fiha hi apparenti u sabiħa. 

Imqabbla ma’ Marku 15:26, Luqa 23:38 u Ġwanni 19:19, l-iskrizzjoni hi differenti kull darba, iżda ma jikkontradixxux lil xulxin. Ara n-notament f’Mattew 16:16 biex tifhem l-għala. 


Mt.27:39-43. iħarrku rjushom hi mossa ta’ stmerrija u twaqqigħ għaż-żufjett (cf., 2 Slat.19:21; Sal.22:7; 44:14; 109:25; Ġer.18:16; Lam.2:15).

inġurjawh...żebilħuh. L-insulti u t-tgħajjir tal-ħżiena wettaq l-Iskrittura (Sal.22:7), u hekk taw prova ta’ dik l-istess ħaġa li ċaħdu huma stess, ċoè illi Ġesù hu s-Sultan ta’ Iżrael, il-Messija. 

inżel mis-salib. L-ironija tibbrilla: preċiżament għax hu Bin Alla, ma niżilx minn fuq is-salib, mhux għax ma kienx kapaċi (Ġw.10:18), altrimenti r-razza umana tisfa bla tama. Jerġa’, wara tlett ijiem Ġesù kien se jerġa’ jibni t-tempju ta’ ġismu, kif bassar (Ġw.2:21).

ħa jinżel issa mis-salib, u nemmnu fih. Is-suġġeriment hu insult kif ukoll tiġriba djabolika simili għal dawk proposti lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru tiegħu (Mt.4:2-6). Ix-xitan baqa’ jipprova jabortixxi l-ħidma tal-fidwa sal-mument meta kienet qed iseħħ, meta Ġesù kien fl-agħar dgħufija fiżika (Mk.14:38). Din l-insistenza finali għal miraklu mill-awtoritajiet Lhud, imwebbsa fl-inkredulità (cf., Mt.8:11), kienet klejm falz għax aktar tard irrifjutaw milli jemmnu il-miraklu tremend tar-resurrezzjoni tiegħu. 


Mt.27:44. il-ħallelin...kienu jgħajruh. Għall-ewwel it-tnejn insulentawh, iżda aktar tard wieħed minnhom nidem, u Luqa allura jikkonċentra fuq l-indiema tiegħu (Lq.23:39-43). 


Mt.27:45. Ġesù kien mislub il-Ġimgħa, fid-disgħa ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ waranofsinhar, xħin miet (cf., Mk.15:25; Lq.23:44). Id-dalma kienet sinjal tal-ġudizzju t’Alla (Mt.8:12; Es.10:21-23; Isa.5:30; Ġoel 2:1-2,30-31; Am.5:18-20; 8:9-10). Għadab Alla ġie fuq Ibnu stess hekk kif għadd id-dnubiet ta’ niesu kontrih (2 Kor.5:21). Id-dlam fuq l-art (Mk.15:33) ifakkarna fid-dalma fl-Eġittu li damet tlett ijiem qabel il-mewt tal-ewwel imweldin (Es.10:22). 


Mt.27:46. Eli, Eli, lema sabaqtani? L-ewwel sentenza ta’ Salm 22:1, bl-Aramajk; għal darb’ oħra għandna twettiq ta’ profezija. Imqar f’xedaq il-mewt, ħajjet Ġesù hi determinata b’kulma hemm miktub fl-Iskritturi. Jerġa’, għalkemm qed jilmenta, fl-uġigħ estrem ta’ abbandun divin (ara Isa.59:2; Ħab.1:13), xorta waħda għandu fiduċja sħiħa fil-Missier, għax isejjaħlu “Alla tiegħi.” 

Il-bqija tas-salm jantiċipa l-intervent divin favur tiegħu (cf., Ebr.5:7-9). Ġesù jaf għalfejn qed jesperjenza l-abbandun, bħalma jaf li mewtu mhijiex it-tmiem tal-ġrajja tiegħu. 

għala abbandunajtni? tesprimi d-diqa u d-deżolazzjoni li Ġesù ħass hekk kif kien qed jerfa’ d-dnubiet ta’ ħafna. Sofra l-abbandun divin li jistħoqq lill-midinbin (Mt.7:23; 25:41; Ġer.7:29; 23:39). Billi daħal responsabbli għal ħtijiethom, allura kellu jsofri separazzjoni mill-Missier, li fih kien qed jiġġudika d-dnub. Is-sentimenti tiegħu kienu wisq iżjed agonizzanti għax bħala l-Qaddis, f’relazzjoni eterna mal-Missier, perfett fl-imħabba, il-firda ħassha infinitament iktar.


Mt.27:50. radd l-ispirtu tiegħu: att voluntarju daqskemm naturali (Ġw.10:18). 


Mt.27:51. il-purtiera tat-tempju ċċarrtet. Il-Post l-iżjed Qaddis kien mifrud għalih b’velu, jew purtiera, mill-bqija tas-santwarju. Issimbolizza l-fatt li ħadd ma jista’ jersaq lejn Alla fi qdusitu (Ebr.9:8). B’mewtu Ġesù ssagrifika lilu nnifsu fuq l-artal smewwieti (Ebr.9:12,24-25), u hekk kiseb għall-fidili aċċess quddiem Alla (Ebr.10:19-20). Is-smewwiet infetaħ għalihom bis-saċerdozju rjali ta’ Kristu (cf., 1 Pt.2:9). Mewtu neħħiet is-separazzjoni bejn il-Post Qaddis u l-Post l-iżjed Qaddis (ara Ebr.9:2-3,12,24; 10:19-20). Il-mewta ta’ Ġesù hi s-sagrifiċċju finali u definittiv għad-dnub (Ebr.7:27). Id-dispensa l-qadima tal-patt tal-grazzja hi miġjuba fi tmiem deċiżiv.

Hekk is-sagrifiċċji saru skaduti, u allura kienu aboliti. Mhux se jkollu bżonn aktar il-qassis il-kbir jidħol fil-Post l-aktar Qaddis wara l-purtiera biex joffri tpattija simbolika għad-dnubiet tal-poplu (Es.26:31-33; cf., Ebr.9:1-10). Id-dellijiet jagħmlu l-wisa’ għar-realtà: Ġesù hu kostitwit is-sommu saċerdot ġdid u etern (Ebr.8:1), kif ukoll is-sagrifiċċju perfett (Ebr.9:14), li ottiena għal niesu “fidwa eterna” (Ebr.9:12). 

minn fuq s’isfel timplika li din kienet azzjoni divina, mhux att ta’ bniedem.


Mt.27:52. Kristu għeleb il-mewt b’mewtu u bil-qawmien (Ebr.2:14; Riv.1:18). Xi fidili mejtin tqajmu mill-mewt wara r-resurrezzjoni ta’ Ġesù, bi twettiq parzjali u simboliku ta’ Danjel 12:2, kif ukoll bħala togħma minn qabel tal-1 Tessalonkin 4:16. 


Mt.27:54. Għalkemm forsi ma fehmux is-sinifikat sħiħ ta’ x’qalu (cf., Mt.16:16; Mk.15:39), is-suldati stqarrew, Verament dan kien Bin Alla! Għal darb’ oħra nota ironika: il-pagani tkellmu kif xeraq, mentri l-werrieta naturali tal-patt kienu qed jgħaddu biż-żmien il-Messija mibgħut fosthom. Jista’ jkun ukoll illi ntlaqtu minn konvinzjoni dwar dnubhom u esprimew fidi ġenwina fi Kristu, bħala tweġiba għat-talba ta’ Ġesù biex il-Missier jaħfrilhom (Lq.23:34). Minn dak il-ħin stess Ġesù, mgħolli fuq salib, beda jiġbed lil kulħadd lejh (Ġw.12:31-33; Riv.5:9).

Biex tifhem id-differenzi bejn Mattew 27:54, Marku 15:39 u Luqa 23:47, inkwantu x’qal iċ-ċenturjun, it-tlieta huma veri. Kull awtur irrapporta l-verżjoni tiegħu, mingħajr ma jafferma illi ċ-ċenturjun qal hekk u xejn aktar. Din hi prattika letterarja komuni, anke sal-lum. 


Mt.27:57. Arimatija kienet belt bejn 15 u 20 mil fil-Majjistral ta’ Ġerusalemm. Ir-rwol ta’ dan Ġużeppi wettaq il-profezija stramba illi Ġesù kellu jindifen mas-sinjuri (Isa.53:9). 


Mt.28:1. għall-ewwel jum tal-ġimgħa. Ġesù rxoxta l-Ħadd; il-jum hu enfasizzat fl-Erba’ Vanġeli bħala l-jum meta d-dawl tal-Irxoxtat beda jżernaq fuq il-ħolqien ġdid (Ġen.1:3-5; Ef.5:14), meta t-tabernaklu l-ġdid kien mibni (Es.40:2,17; Ġw.2:19-21), meta l-fidili bdew jiltaqgħu flimkien f’jum is-Sid (At.20:7; 1 Kor.16:2; cf., Riv.1:10). Ġesù kien fil-qabar mill-Ġimgħa flgħaxija sal-Ħadd filgħodu, tlett ijiem skont il-metodu Lhudi illi parti minn ġurnata tingħad bħala ġurnata sħiħa (Ġw.12:40). 


Mt.28:3. terremot kbir...berqa. Sinjali tal-miġja t’Alla fil-glorja (Es.19:16-18; Sal.18:7,14). 

L-anġlu ġerbeb il-ħaġra biex juri illi l-qabar kien vojt. 


Mt.28:4. L-għassiesa mondani saru qishom mejtin fil-preżenza ta’ għassies smewwieti wieħed. 


Mt.28:5 (cf., Ġw.20:12). Kemm kien hemm anġli, wieħed jew tnejn? Mattew ma jgħidx kien hemm anġlu wieħed biss, mentri Ġwanni jgħid tnejn. Mattew ovvjament isemmi dak l-anġlu li tkellem; b’daqshekk ma żbaljax. 


Mt.28:6. Mhux hawn, għax kien irxoxtat, bħalma qal. Il-qawmien ta’ Kristu hu wieħed mill-veritajiet ċentrali tal-fidi Kristjana (1 Kor.15:1-8) u l-unika spjegazzjoni plawsibbli għall-qabar vojt. Imqar il-mexxejja Lhud ma nnegawx ir-realtà tal-qabar vojt; ivvintaw storja illi d-dixxipli serqu l-ġisem (Mt.28:11-15). L-idea illi d-dixxipli, kollhom imbeżża’ (Ġw.20:19) u mimlija dubji (Mk.16:11,13; Lq.24:10-11) b’xi mod għelbu l-gwardja Rumana u serqu l-ġisem ta’ Ġesù hi assurda. Is-suġġeriment illi serquh waqt li l-għassiesa kienu rieqda hi aktar prepostera. Kif setgħu ġarrew il-blata minn quddiem l-entratura mingħajr ma stenbaħ imqar suldat wieħed? U kif setgħu s-suldati jkunu jafu x’ġara jekk kienu rieqda? 

Hemm minn spekula wkoll illi Ġesù deher li miet, iżda attwalment biss storda u aktar tard bl-arja friska tal-qabar reġa’ ġie f’sensih. Dawn u teoriji midinba oħra ġew imressqa tul is-sekli biex jipprovaw jinnegaw dan il-fatt kbir u fondamentali tal-fidi. Ilkoll huma futili; il-qawmien glorjuż ta’ Kristu hu attestat b’mod mill-iktar adegwat. L-evidenza favur l-irxoxt hi difatti inkonfutabbli. 

L-importanza fondamentali tal-qawmien fiżiku ta’ Ġesù tidher kif ġej: 

1. Tagħti prova li hu Bin Alla (Ġw.10:17-18; Rum.1:4). 

2. Tiggarantixxi l-effikaċja tal-mewta ridentiva tiegħu (1 Kor.15:16-17). 

3. Tawtentika u tiggarantixxi l-verità tal-Iskrittura bil-profeziji tagħha (Sal.16:10; Lq.24:44-47; At.2:31). 

4. Hi prova tal-ġudizzju futur fuq il-ħżiena u l-impenitenti (At.17:30-31). 

5. Hi r-raġuni għala Kristu jista’ jagħti l-għotja tal-Ispirtu s-Santu u ħajja spiritwali lil niesu (Ġw.20:22; Rum.5:10; 1 Kor.15:45). 

6. Il-qawmien ta’ Ġesù għamel possibbli l-ministeru ta’ interċessjoni tiegħu u r-rappreżentanza tiegħu fis-smewwiet għan-nom tal-fidili (Ebr.7:23-28). 

7. Tassigura lill-fidili l-wirt futur u smewwieti tagħhom (1 Pt.1:3-4). 

8. Tiggarantixxi l-qawmien mill-mewt ta’ wlied Alla kollha meta Sidna jirritorna (Ġw.14:3; 1 Tes.4:14-17). 

9. Bil-qawmien tiegħu Kristu hu preżenti bil-qawwa tiegħu fl-esperjenzi ta’ kuljum tagħna (Gal.2:20; Ef.1:18-20; Rum.6:4). 

10. Tixħet dawl ġdid u perspettiva mill-aktar pożittiva u mimlija tama fuq ħajjitna kollha (1 Kor.15:17-20). 


Mt.28:7. sejjer qabilkom fil-Galilija. Minħabba l-inkredulità tagħhom, id-dixxipli tlajjaw u ma aġixxewx fuq id-diskors magħdud lilhom. Ma telqux lejn il-Galilija (Mt.28:7,16) qabel ma Ġesù dehrilhom ripetutament f’Ġerusalemm (cf., Lq.24:13-32; Ġw.20:19-31). 


Mt.28:9. Ġesù ltaqa’ magħhom. Il-qawmien ta’ Sidna hu verifikat sewwa storikament. Wara r-resurrezzjoni, Kristu baqa’ fuq l-art għal erbgħin jum. Deher u tkellem mal-appostli u bosta mis-segwaċi tiegħu. L-inkontri kienu bosta; dawn huma msemmija speċifikament: 

1. Marija Madalena (Ġw.20:11-18). 

2. In-nisa li kienu qed jirritornaw mill-qabar (Ġw.20:9-10). 

3. Pietru (Lq.24:34). 

4. Żewġ vjaġġaturi fi triqthom lejn Emmaws (Lq.24:13-32). 

5. Id-dixxipli kollha ħlief Tumas, u oħrajn magħhom (Lq.24:36-43). 

6. Id-dixxipi kollha l-Ħadd billejl ġimgħa wara (Ġw.20:26-31). 

7. Seba’ dixxipli mal-Baħar tal-Galilija (Ġw.21:1-25). 

8. Ħames mitt persuna fil-Galilija (cf., Mt.28:16-20 mal-1 Kor.15:6). 

9. Ġakbu (1 Kor.15:7). 

10. Id-dixxipli meta rċevew il-Kummissjoni l-Kbira (Mt.28:16-20). 

11. L-appostli meta rawh tiela’ lura fis-smewwiet (At.1:3-11). 

12. L-appostlu Pawlu (1 Kor.15:8). 


Mt.28:9. qabdulu saqajh u adurawh. Il-laqgħa tad-dixxipli ma’ Ġesù rxoxtat tikkonvinċina illi ma ġarrbux sempliċi viżjoni jew alluċinazzjoni. Ġesù tqajjem fiżikament, l-istess Ġesù li ssallab, hekk li setgħu jaqbdu miegħu. Ġesù ppermettielhom iqimuh (ukoll Mt.28:17). Jaċċetta l-istqarrija tad-divinità tiegħu, peress li Alla waħdu għandu jkun meqjum.


Mt.28:10. ħuti. Probabbilment il-grupp usa’ tad-dixxipli li segwewh (cf., Mt.12:49-50; 25:40). Nafu li Ġesù deher lil individwi kif ukoll ġemgħat, fosthom ġemgħa ta’ ħames mija f’daqqa (1 Kor.15:6).


Mt.28:11. rraportaw lis-saċerdoti: turi d-determinazzjoni tal-mexxejja illi jaħbu x’kien ġara, u allura kemm kienu mwebbsa fl-inkredulità, minkejja evidenza ċara (Lq.16:31). 


Mt.28:13. serquh waqt li aħna konna reqdin. Ħrafa ridikola; ma setgħux ikunu jafu x’ġara jekk tabilħaqq kienu reqdin. It-tali stejjer hu magħruf illi kienu għadhom jiċċirkolaw fi żmien Ġustinu l-Martri (ċirka 150 w.K.). 


Mt.28:11-15. ġew billejl u serquh. L-inċident juri illi evidenza ċara jista’ ma tħalli ebda effett fuq erwieħ illi huma stinati fl-inkredulità. Joħolqu skuża illi jafu huma stess kemm hi insostanzjali.


Mt.28:16. Il-ħdax huma l-appostli wara li Ġuda tradixxa lill-Imgħallem. 


Mt.28:17. xi wħud iddubitaw. Din il-frażi sempliċi hi waħda mit-testimonjanzi kotrana favur l-integrità tal-Iskrittura. L-onestà trasparenti ta’ stqarrija bħal din turi illi l-awtur ma kienx qed jipprova jeskludi jew jaħbi l-fatti illi setgħu naqqsu l-perfezzjoni ta’ mument glorjuż bħal dan. 

Il-qima esterna ma tindikax neċessarjament fidi interna. Id-dixxipli ssaraw biex jemmnu illi Ġesù tqajjem mill-qabar (Lq.24:37; Ġw.20:24-29). 


Mt.28:18. Lili ngħatat kull awtorità. Bin il-Bniedem resaq quddiem l-Anzjan tal-Jiem u rċieva d-dominju mwiegħed (Dan.7:13-14,27). Issa beda l-istadju finali tal-ġrajja umana, u mhux se jintemm qabel ma Kristu jirritorna fil-glorja (Mt.26:64). L-awtorità assoluta tiegħu, bħala l-Messija li wettaq il-missjoni tiegħu b’suċċess, tixhed għad-divinità sħiħa tiegħu (ara wkoll Mt.11:27; Ġw.3:35); issa hu eżaltat fuq kollox u kulħadd (Fil.2:9-11). 

Bħala Bin Alla, Kristu minn dejjem ixxerja fl-istess omnipotenza u supremazija bħall-Missier u l-Ispirtu fuq il-ħolqien kollu (Mt.8:26-27; 11:27; Ġw.1:1-3). Bħala Medjatur, però, billi obda fedelment lill-Missier sal-mewt, Kristu issa daħal fi stat ġdid ta’ eżaltazzjoni billi tqajjem mill-mewt (Fil.2:8-9). Ġesù, Alla u bniedem glorifikat, irċieva awtorità fuq kull ħlejqa mondana u smewwitija (Sal.110:1-4), sabiex japplika s-salvazzjoni lill-magħżulin minn kull ġens (Sal.2:7-12; Ġw.17:1-2). 


Mt.28:19. Morru mela. Il-Kummissjoni l-Kbira ngħatat lill-knisja abbażi tal-awtorità ta’ Sidha. Billi għandu dominju universali, l-evanġelju jeħtieġ jilħaq id-dinja kollha. Dan il-kmandament hu r-raġuni primarja għall-evanġelju u l-missjonijiet (At.13:1-4). F’dan l-inkarigu, mogħti lill-knisja matul il-ġenerazzjonijiet tagħha, ninnotaw l-għan, ir-responsabbiltà u l-inkombenza tagħha fid-dinja. 

1. Il-fidili għandhom jilħqu d-dinja bl-evanġelju billi jwassluh fedelment lil nies oħra ma’ kullimkien, skont ir-rivelazzjoni mogħtija fl-Iskrittura Mqaddsa. 

2. L-ippritkar tal-vanġelu hu ċċentrat fuq l-indiema u l-maħfra abbażi tal-mewt u l-irxoxt ta’ Kristu (Lq.24:47), il-wegħda illi min jemmen jirċievi l-għotja tal-Ispirtu s-Santu (At.2:38), u l-eżortazzjoni biex jissepara ruħu minn din il-ġenerazzjoni korrotta (At.2:40), filwaqt li jistenna r-ritorn ta’ Kristu mis-sema (At.3:19-20; 1 Tes.1:10). 

3. L-għan hu biex isiru dixxipli, mhux sempliċement konvertiti. Ġesù jrid miegħu segwaċi li josservaw il-kmandamenti tiegħu. Evanġeliżmu li jirriżulta biss f’deċiżjonijiet superfiċjali huwa inadegwat. L-enerġija spiritwali m’għandhiex tkun ikkonċentrata biex titneffaħ is-sħubija fil-knisja lokali, iżda li jiġu fformati dixxipli separati mid-dinja u t-taħsir tagħha, iħarsu l-etika biblika, jgħaddu ’l quddiem fil-frott tal-Ispirtu, u jimxu wara Sidhom b’qalbhom, ruħhom, moħħhom u r-rieda kollha tagħhom (cf., Ġw.8:31). 

4. It-tagħlim u l-katekeżi għandu jkun prominenti. Kristu ma qalilniex biex nikkristjanizzaw is-soċjetà jew nirbħu d-dinja politikament. Niesu għandhom joħorġu mis-sistema ħażina ta’ did-dinja preżenti u ma jmissu xejn imniġġes (Rum.13:12; 2 Kor.6:14), filwaqt li jesponu l-inikwità tal-infidili (Ef.5:11). 

5. Il-fidili għandhom jitgħammdu bl-ilma, il-pleġġ tal-patt mogħti lilhom li bih iwiegħdu li jirrinunzjaw l-immoralità, l-opri tax-xitan, id-dinja u n-natura midinba tagħhom infushom. Jippleġġjaw lealtà sħiħa lejn Sidhom u l-għanijiet ta’ saltnatu. 

6. Kristu jkun mas-segawċi ubbidjenti tiegħu fil-preżenza u l-qawwa tal-Ispirtu (cf., Mt.28:20). Bl-Ispirtu tiegħu huma mlibbsa bis-setgħa biex iwettqu l-kummissjoni b’suċċess (Lq.24:49; At.1:8).


Mt.28:19. il-ġnus kollha. Fl-antik Abraħam irċieva wegħda li b’nislu – Kristu (Gal.3:16) – jitbierku l-popli kollha (Ġen.12:3). Issa wasal il-waqt li l-promessa divina tibda sseħħ.


Mt.28:19. tgħammduhom. Il-magħmudija Kristjana ssir f’isem Alla Trinità. Tissimbolizza l-unjoni tal-fidili ma’ Kristu f’mewtu u fil-qawmien tiegħu (Rum.6:3-6; 1 Kor.12:13; Gal.3:27; Kol.2:12). Hu sinifikanti illi l-konvertiti jitgħammdu fl-isem, mhux “fl-ismijiet.” Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma distini minn xulxin, u frattant huma Alla wieħed. Alla hu wieħed fl-essenza, u tlieta fil-persuni. Dan hu misterju, iżda mhux kontradizzjoni. F’ċertu sens hu wieħed, u f’sens ieħor hu tlieta. 

Il-fidil bil-magħmudija jirċievi testimonjanza li issa jappartieni għal Alla, miġjub fit-tgawdija tal-patt ġdid li jesprimi r-rieda ta’ Alla Trinità. 

Il-fidili biss għandhom jitgħammdu. Ninnotaw l-ordni kif jagħtiha Kristu nnifsu: l-ewwel nevanġelizzaw, imbagħad min jemmen jitgħammed, imbagħad ikompli jitgħallem. Hemm mostra żvelata f’diversi postijiet: turi definittivament illi dawk biss li jagħtu professjoni kredibbli ta’ fidi fi Kristu għandu ikunu mgħammda. Għaldaqstant sikwit insejħulha “magħmudija tal-fidili.” Meta wieħed jagħti evidenza raġunevoli li jafda fi Kristu u jrid ikun dixxiplu tiegħu, jintlaqa’ fi ħdan il-knisja b’das-sagrament ta’ inizjazzjoni. Il-magħmudija, is-simbolu tal-bidu tal-ħajja Kristjana, messha tkun mogħtija lil dawk biss li difatti bdew, bil-konverżjoni, il-ħajja Kristjana. 

Hekk ġara fil-knisja bikrija, skont ir-rekordju storiku ispirat. Appena wieħed jemmen, jersaq għall-magħmudija. Qatt ma naraw lill-infidili jew trabi jitgħammdu. 

1. Wara l-prietka ta’ Pietru f’Pentekoste jingħad illi “dawk li aċċettaw kelmtu tgħammdu, u żdiedu f’dak iljum madwar tlett elef ruħ” (At.2:41). Aħna informati speċifikament illi kienu dawk li rċevew il-messaġġ illi ħadu l-magħmudija. Fdaw fi Kristu għas-salvazzjoni, saru magħqudin miegħu bil-fidi, u allura ħadu fuqhom il-baġġ tal-għaqda tagħhom ma’ Kristu. Baġġ mingħajr realtà ma jfisser xejn. Luqa ma jsemmi xejn illi t-trabi tal-kredenti kienu mgħammda. Bilfors għal raġuni waħda: għax ma kinitx il-prattika tal-appostli li jgħammdu l-miskredenti jew persuni li m’għandhomx fakoltà jew mhumiex f’pożizzjoni li jindmu u jemmnu.

2. Meta Filippu xandar il-vanġelu fis-Samarija naqraw, “meta emmnu ’l Filippu li pprietka l-evanġelju dwar saltnet Alla u isem Ġesù Kristu, tgħammdu, kemm irġiel kif ukoll nisa” (At.8:12). Għal darb’ oħra: emmnu u tgħammdu. Hemm ordni loġika msejsa fuq raġuni teoloġika. Kieku Filippu għammed lit-trabi, kif ma jissemmewx, meta Luqa speċifikament jgħid liema kategoriji ta’ nies tgħammdu, “kemm irġiel kif ukoll nisa”? Apparentement kienu kotra ta’ nies ikkonvertiti: kieku kienet il-prattika li jitgħammdu t-trabi, hawn hu l-post ideali għal Luqa biex jgħid “irġiel, nisa u trabi”! Iżda xejn minn dan. Forsi għax inzerta dawn ma kellhomx trabi? Kienu kollha għożżieba, jew miżżewġin bla tfal? Qajla!

3. Pietru nieda l-bxara t-tajba wkoll f’dar Kornelju fejn inġabret ġemgħa kbira. Ikkmanda l-magħmudija għal dawk li semgħu il-Kelma u rċevew l-Ispirtu s-Santu, ċoè, dawk li taw evidenza persważiva tal-ħidma interna tar-riġenerazzjoni. Kien għadu qed jitkellem meta “l-Ispirtu s-Santu waqa’ fuq dawk kollha li semgħu l-messaġġ. U l-fidili taċ-ċirkonċiżjoni, dawk kollha li akkumpanjaw lil Pietru, skantaw, għax l-għotja tal-Ispirtu s-Santu ssawbet saħansitra fuq il-Ġentili; għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jeżaltaw lil Alla” (At.10:44-46). Ir-rispons ta’ Pietru hu konsistenti: il-magħmudija tixraq għal dawk li saru ħajjin spiritwalment. F’dal-każ taw evidenza immedjata hekk li Pietru staqsa, “‘Jaqaw jista’ xi ħadd jipprojbixxi l-ilma biex dawn ma jitgħammdux, li rċevew l-Ispirtu s-Santu proprju bħalma rċivejnieh aħna wkoll?’ U kkmandahom ikunu mgħammda f’isem Ġesù Kristu” (At.10:47-48).

4. Hemm rakkonti oħra li jaqblu ma’ dil-mostra fissa: il-każ ta’ Lidja (At.16:14-15), il-familja tal-kalzrier (At.16:32-33), u d-dar ta’ Stefana (1 Kor.1:16). 

Jekk Luqa jixtieq jgħallimna xi ħaġa b’dan kollu hu illi l-magħmudija hi xierqa għal dawk li wieġbu għall-vanġelu bil-fidi. Persuni oħra, huma min huma, qatt ma jagħti l-iċken ħjiel li tgħammdu. Paragrafu 1226 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jaqbel perfettament ma’ dit-tweġiba. Nikkwotawh kollu: “Minn nhar Għid il-Ħamsin, il-Knisja tiċċelebra u tamministra l-Magħmudija. San Pietru lill-folla, imqanqla mill-predikazzjoni tiegħu, qalilha: ‘Indmu u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubiet, u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu’ (Atti 2:38). L-Appostli u l-kollaboraturi tagħhom kienu jagħtu l-Magħmudija lil kull min kien jemmen fi Kristu: Lhud, nies li kellhom il-biża’ t’Alla, pagani (ara Atti 2:41; 8:12-13; 10:48; 16:15). Il-Magħmudija dehret dejjem marbuta mal-fidi: ‘Emmen fil-Mulej Ġesù u ssalva int u l-familja tiegħek,’ qal San Pawl lill-għassies tal-ħabs ta’ Filippi. U l-ġrajja tkompli: ‘Bla telf ta’ żmien tgħammed l-għassies u niesu kollha’ (Atti 16:31-33).”

L-ordinanza li timmarka l-bidu ta’ mixjietna ma’ Kristu għandha tingħata lil dawk li juru evidenza illi attwalment bdew dil-mixja. Hemm l-assunzjoni illi kull min tgħammed fada personalment fi Kristu u esperjenza s-salvazzjoni. Jekk mhux hekk, ir-raġunar jintilef u jsir bla sens.

“Intom ilkoll ulied Alla permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù, għax intom ilkoll li kontu mgħammdin fi Kristu, ilbistu ’l Kristu” (Gal.3:26-27). Għandna l-assunzjoni ċara illi l-magħmudija hi s-sinjal estern ta’ riġenerazzjoni interna. Dan ma kienx ikun jgħodd għat-trabi, peress li t-trabi bħala trabi impossibbli jemmnu jew jagħtu xi turija ta’ twelid mill-ġdid. 

“Jew ma tafux illi aħna lkoll li konna mgħammdin fi Kristu Ġesù konna mgħammdin f’mewtu? Mela konna midfunin flimkien miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, sabiex bħalma Kristu kien irxoxtat mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nimxu fit-tiġdid tal-ħajja” (Rum.6:3-4).

Impossibbli jingħad hekk dwar it-trabi. Allura dawk li jiddefendu l-magħmudija tat-trabi jkollhom jgħidu li l-magħmudija tfisser xi ħaġa differenti għat-trabi minna, “aħna lkoll li konna mgħammdin fi Kristu Ġesù.” Il-pedobattisti (dawk li jemmnu fil-magħmudija tat-trabi u jipprattikawha) hawnhekk jadottaw lingwaġġ vag dwar it-trabi adottati “fil-patt” jew “fil-komunità tal-patt.” Imkien fil-Patt il-Ġdid ma nsibu ideat bal dawn inkwantu l-magħmudija. Għall-kuntrarju, il-mgħammdin kollha huma midfuna ma’ Kristu, imqajma miegħu u libsuh. 

“Midfunin miegħu bil-magħmudija, li fiha kontu wkoll irxoxtati miegħu permezz tal-fidi fil-qawwa t’Alla, li qajmu mill-imwiet” (Kol.2:12). Ma jistax jingħad li t-trabi ndifnu ma’ Kristu, u tqajmu miegħu permezz tal-fidi tagħhom. Għadhom ma kibrux biżżejjed biex jeżerċitaw fidi għalihom infushom. 


Mt.28:20. tgħallmuhom iħarsu. Il-fidili, appena jikkonvertu, jidħlu għal kors ta’ dixxiplar. Mhux biss jitgħallmu x’jemmnu, iżda kif jobdu. Il-qdusija prattika f’ħajjithom issir prijorità. It-tagħlim hu mezz li bih id-dixxipli huma kontinwament trasformati biex isiru jixbhu aktar lil Sidhom etikament (cf., Mt.10:24-25; Rum.8:28; 2 Kor.3:18). Id-dixxipli għandhom karatteristika ewlenija: iħarsu, ċoè jobdu, il-kmandamenti tal-Feddej tagħhom.


Mt.28:20. jien magħkom dejjem. Emmanwel – Alla magħna (Mt.1:23) – avolja tela’ lura fis-smewwiet, jibqa’ magħna tul is-sekli sa tmiem id-dinja. Jidentifika ruħu mal-moviment ġdid mibdi minnu; speċifikament għandu r-responsabbiltà jgħallem ir-rieda tiegħu lid-dinja permezz ta’ fidili li jistqarruh b’ubbidjenza lejh. Ġesù hu preżenti ma’ niesu fil-persuna tal-Ispirtu s-Santu (Ġw.14:16,26) u permezz ta’ Kelmtu (Ġw.14:23). 

Hi x’inhi l-kondizzjoni tiegħek – dgħajjef, fqajjar, umli, apparentement mhux importanti – jimportah minnek, jgħasses fuq kull dettall ta’ ħajtek, fit-taqtigħat u l-provi tiegħek, u jsostnik bi grazzja suffiċjenti (2 Kor.12:9). Finalment iwassalna d-dar (Mt.18:20; At.18:10). Inkwantu l-Kristjan, dan hu r-rimedju għal kull biża’, dubju, gwaj, qsim il-qalb jew skuraġġiment.