L-Evanġelju Skont Marku
Mk.1:1-3. Ġwanni l-messaġġier jipprepara t-triq (ara l-passi paralleli f’Mt.3:1-3 u Lq.3:2-6).
L-awtur jgħaqqad flimkien Isaija 40:3 u Malakija 3:1. L-ewwel pass biss hu msemmi, peress li hu l-pass prinċipali ċċitat.
Mk.1:1. evanġelju (ara n-notament f’Mt.4:23).
ta’ Ġesù Kristu nistgħu nifhmuha “dwar Ġesù Kristu.” Il-bxara t-tajba hi dwaru, iżda wkoll mingħandu (Rum.1:9; 1 Kor.9:12; 2 Kor.10:14).
Fil-ġrajja tas-salvazzjoni, l-evanġelju jħabbar it-twettiq tal-wegħdi t’Alla fil-Patt il-Qadim (Isa.40:9; 52:7; Neħ.1:15); hu konness intimament mal-intervent t’Alla li bih isalva lil niesu bil-Feddej maħtur.
Bin Alla (ara n-notament f’Mt.16:15-16) hi affermazzjoni dwar id-divinità ta’ Ġesù, u tenfasizza r-relazzjoni unika tiegħu mal-Missier (cf., Mt.3:11; 5:7; 9:7; 13:32; 15:39).
Mk.1:4-8. Ġwanni jniedi magħmudija għan-niedma (ara l-passi paralleli f’Mt.3:4-12, Lq.3:7-18 u Ġw.1:19-21,25-28).
Mk.1:4. magħmudija ta’ ndiema. Hi magħmudija li tirriżulta mill-indiema (cf., Mt.3:7-8). Il-ministeru ta’ Ġwanni kien illi jsejjaħ lil Iżrael għall-indiema bħala tħejjija biex jilqgħu l-Messija. Aktar milli sempliċi bidla fil-ħsieb jew turija ta’ rimors, l-indiema tinvolvi dawrien lejn Alla mid-dnub (cf., 1 Tes.1:9) li tirriżulta f’għejxien ġust. L-indiema ġenwina hi l-ħidma t’Alla fil-qalb umana (At.11:18).
għall-maħfra tad-dnubiet. Attwalment Ġwanni ma jagħtix il-maħfra, u lanqas il-magħmudija tiegħu bħala ritwal. Kienet l-istqarrija esterna u l-illustrazzjoni tal-indiema vera li tirriżulta fil-maħfra (cf., Lq.24:47; At.3:19; 5:31; 2 Kor.7:10). Il-maħfra, il-kanċellazzjoni tad-dejn uman mal-Ħallieq tiegħu, tappartieni għall-patt ġdid imwassal lill-fidili permezz tal-Messija (Ġer.31:34).
Mt.1:5. jistqarru dnubiethom. Evidentement Alla kien qed jopera fi qlub in-nies. Il-bniedem jammetti li jiżbalja liberament, iżda tistqarr id-dnub hi ħaġa totalment differenti, għax id-dnub hu ksur tal-liġi t’Alla, u jġib kastig. Meta wieħed jistqarr ikun qed jaqbel ma’ Alla kontra tiegħu nnifsu għax dineb. In-nies li marru għall-magħmudija kienu diġà niedma. Magħmudija mingħajr indiema ma tiswa xejn; mill-banda l-oħra, in-nies niedma jitgħammdu.
Mk.1:7. jipprietka. Min hu dan il-wieħed li ġej wara Ġwanni hu diġà evidenti mill-profeziji ċċitati (Mk.1:2-3). Hu “s-Sid,” li f’daqqa waħda jiġi fit-tempju tiegħu, il-messaġġier tal-patt, wara li jkun preċedut minn Ġwanni, “il-messaġġier tiegħi” (Mal.3:1).
Mk.1:9-11. Ġesù jitgħammed (ara l-passi paralleli f’Mt.3:13-17 u Lq.3:21,22).
dritt hi terminu komuni ħafna fil-Vanġelu skont Marku. Tindika nota ta’ urġenza u sens drammatiku.
ra. Mhux viżjoni privata iżda manifestazzjoni pubblika t’Alla (cf., Ġw.1:32-34).
Mk.1:12. xeħtu hu verb qawwi; jagħti l-idea ta’ neċessità divina. L-Ispirtu paradossalment iwaddab lil Ġesù fid-deżert, bħalma Iżrael, imsejjaħ “iben” (Es.4:23), mgħammed f’Mosè u fil-baħar (1 Kor.10:2; cf., Es.14:13-31) tmexxa mill-Ispirtu bil-kolonni tas-sħab u n-nar (Es.14:19-20) tul il-mogħdija ta’ ttestjar fid-deżert.
Mk.1:12-13. Ix-xitan iġarrab lil Ġesù fid-deżert (ara l-passi paralleli f’Mt.4:1-11 u Lq.4:1-13).
mad-dbejjeb. Id-deżert hu post ta’ saħta (cf., Mt.12:43). Ġesù jidħol f’dan id-demanju u jorbot lix-xitan (Mk.3:23-27). It-test ta’ Adam qed jerġa’ jsir: għalkemm Adam kien fi ġnien u bla theddid mid-dbejjeb, waqa’ għat-twebbil ta’ Satana. Fid-deżert, Ġesù, it-tieni Adam, jibda jġib disfatta fuq ix-xitan; hu kwalifikat jaqla’ l-fidwa għax għadda mit-test ta’ ubbidjenza filjali.
Mk.1:13. l-anġli huma s-servi smewwitija ta’ Kristu (Mk.8:38; 13:27), mibgħuta wkoll biex jieħdu ħsieb lil niesu (Ebr.1:14).
Mk.1:14-15. Ġesù jibda l-ministeru tiegħu (ara l-passi paralleli f’Mt.4:12-17 u Lq.4:14-15).
Hu l-evanġelju t’Alla għax hu dwaru u jiġi mingħandu (cf., Rum.1:1; 15:16; 1 Tes.2:2,8-9; 1 Tim.1:11).
Mitmum iż-żmien. Iż-żminijiet mgħoddija, speċjalment tal-atti t’Alla biex iġib salvazzjoni għal niesu Iżrael, jilħqu l-klajmaks tagħhom fiż-żmien preżenti ta’ salvazzjoni b’Ġesù. Daparti t’Alla, issa ħa azzjoni deċiżiva; mal-wasla tas-Sultan, waslet ukoll era ġdida fit-trattament t’Alla mal-bnedmin.
indmu u emmnu. Alla jirrekjiedi l-indiema u t-twemmin għad-dikjarazzjoni illi qorbot saltnatu. L-indiema u l-fidi jifformaw ir-rispons xieraq tal-bniedem għall-offerta grazzjuża t’Alla, is-salvazzjoni (cf., At.20:21).
Mk.1:16-20. Ġesù jsejjaħ erba’ sajjieda (ara l-passi paralleli f’Mt.4:18-22 u Lq.5:1-11).
Mk.1:21-28. Ġesù jfejjaq wieħed indemonjat (ara l-pass paralleli f’Lq.4:31-37).
Mk.1:21. daħal fis-sinagoga u beda jgħallem. Skont id-drawwa tiegħu (Mk.1:39; 6:2), bħala rabbi, Ġesù kien jaqra porzjon mill-Iskrittura mbagħad jispjegah b’applikazzjonijiet diversi (Lq.4:16-21; At.13:14-15; cf., Neħ.8:1-8). Karatteristika ewlenija fil-ministeru ta’ Ġesù kienet it-tagħlim kontinwu (Mk.2:13; 4:1-2; 6:2,34; 8:31; 10:1; 11:17; 12:14,35; 14:49). Bħalu jmissu jkun kull min hu msejjaħ biex jipprietka, u ma jħalli xejn ifixklu minn dil-vokazzjoni primarja (At.6:1-4).
Mk.1:22. għandu l-awtorità. (ara n-notament f’Mt.7:29). It-tagħlim ta’ Ġesù hu f’kuntrast mat-tagħlim tal-iskribi għax hu marbut mal-persuna unika tiegħu (Mk.2:10) u mal-interpretazzjoni korretta tiegħu tal-Iskrittura (Mk.12:35-40). Il-kontenut hu ġdid, filli jannunzja miġjet is-saltna (Mk.1:15) u l-vittorja fuq Satana (Mk.1:27).
Mk.1:23. spirtu impur, ċoè moralment imniġġes; referenza għal anġlu ħażin, jew demonju (2 Pt.2:4).
Ġejt biex teqridna? Il-forzi infernali ta’ Satana kienu konxji tal-maestà ta’ Kristu bħala Sid u Mħallef, u beżgħu minnu (Ġak.2:19).
Mk.1:24. il-Qaddis t’Alla hu titlu ieħor għal Ġesù, Bin Alla (At.3:14).
Mk.1:24. x’għandna x’naqsmu miegħek. Id-demonji huma konxji li jappartienu għal saltna radikalment differenti minn ta’ Ġesù, u ma kellhom xejn komuni bejniethom.
il-Qaddis t’Alla! (cf., Sal.16:10; Dan.9:24; Lq.4:34; At.2:27; 3:14; 4:27; Riv.3:7). Ġesù hu deskritt hekk f’dan l-inċident (Lq.4:34) u fl-istqarrija ta’ Pietru (Ġw.6:67-69). Id-demonji jitriegħdu fil-preżenza ta’ qdusija divina. Frattant jaffermaw id-divinità u l-perfezzjoni ta’ Ġesù – veritajiet li ħafna f’Iżrael ċaħdu, u għadhom jiċħdu.
Mk.1:25. Iskot. Ġesù ma ried ebda xhieda għall-verità mingħand id-demonju sabiex ma jkunx jista’ jiġi mixli leċitament illi kien f’lega max-xitan (cf., 3:22; At.16:16-18).
Mk.1:27. tnixxfu lkoll. Aktar kmieni l-folol stagħġbu bi kliemu (Mk.1:22); issa huma mbellha b’għemilu, għalkemm din ir-reazzjoni ma kinitx prova illi eżerċitaw fidi ġenwina fih (Lq.10:13-15).
Ġesù eżerċita awtorità assoluta kemm fl-azzjoni kif ukoll f’diskorsu (Mt.28:18).
Mk.1:29-31. Omm il-mara ta’ Pietru mfejqa (ara l-passi paralleli f’Mt.8:14 u Lq.4:38-39).
Mk.1:32-34. Diversi nies jitfejqu (ara l-passi paralleli f’Mt.8:15-17 u Lq.4:40-41).
ma ħalliex lid-demonji jitkellmu. Hawn l-ewwel darba f’Marku li niltaqgħu mal-hekk imsejjaħ “sigriet messjaniku” (Mk.1:43; 3:12; 4:10-11; 5:19; 8:30; 9:9). Ir-rivelazzjoni ta’ Ġesù bħala l-Messija kellha tibda diskretament u titkompla pass pass sabiex il-pjan t’Alla għall-mewt tal-Qaddej tiegħu ma jkunx ipperikolat bl-eċċessi ta’ entużjażmu popolari.
Aktar minn hekk, f’dal-każ, Ġesù xtaq illi t-testimonjanza għall-glorja tiegħu ma tiġix minn spirti ħżiena iżda mingħand l-Ispirtu s-Santu (Ġw.15:26; 16:14; 1 Tim.3:16).
jafuh. It-teoloġija tad-demonji hi totalment korretta (Ġak.2:19). Frattant, avolja jafu l-verità jiċħdu lilha u lil Alla, l-awtur tagħha.
Mk.1:35. stenbaħ kmieni wisq. Nammiraw ir-riżolviment ta’ Ġesù biex imantni xirka intima ma’ Missieru. Hu dettall li jġegħilna naraw il-bżonn ta’ dixxiplina fuqna nfusna biex nimitaw lil Sidna fil-qasam tat-talb.
post solitarju, jew lok deżert; hu l-post fejn Ġesù jiġġieled il-battalja spiritwali tiegħu (Mk.1:12). Hekk wera d-dipendenza tiegħu fuq Alla billi warrab ħinijiet apposta għat-talb qabel ma telaq biex jaqdi fost in-nies (Mk.6:46; 14:35).
Bħal Iżrael fl-antik, id-deżert hu wkoll tip għall-mixja Kristjana preżenti (1 Kor.10:1-11; Ebr.13:12-13).
Mk.1:37-38. “Kulħadd qiegħed ifittxek.” Minkejja t-tentazzjoni biex ifittex il-popolarità, Ġesù kkonċentra fuq il-volontà ta’ Missieru, mhux biex jissodisfa r-rieda u l-gosti tal-bnedmin (Sal.40:8).
Mk.1:38. għal dan l-għan ħriġt. Ġesù jitkellem fiċ-ċar dwar il-programm evanġelistiku tiegħu. Ġie biex isalva lill-mitlufa (Lq.19:10). Dan iseħħ b’mewtu ridentiva, imxandra mal-erbat irjieħ. Hawnhekk jibda itinerarju ta’ pritkar u jdur il-Galilija kemm-il darba (Mk.1:39; 6:6; Lq.8:1).
Mk.1:39. (ara l-passi paralleli f’Mt.4:23 u Lq.4:44).
Mk.1:40-45. Ġesù jfejjaq mill-mard tal-ġidla (ara l-passi paralleli f’Mt.8:1-4 u Lq.5:12-16).
tħassru. Ġesù jesprimi reazzjoni emozzjonali għal-lebbruż. Ir-rabbini kienu jevitaw lill-imġiddma li ma jmorrux jitniġġsu ċerimonjalment; frattant Ġesù messu, ġest fiżiku li juri l-mogħdrija tiegħu.
ma setax iżjed jidħol f’belt manifestament. Ġesù ma setax jibqa’ moħbi (eż., Mk.3:7-12,20; 6:31-33). Il-fissazzjoni tal-folol fuq il-mirakli kienet problema spissa għal Ġesù, għax in-nies sikwit ma ntebħux bl-għan veru tal-ministeru tiegħu, ċoè, illi jxandar is-saltna.
Mk.2:1-5. Ġesù jaħfer wieħed mifluġ (ara l-passi paralleli f’Mt.9:1-2 u Lq.5:17-20).
il-kelma hi l-bxara t-tajba illi s-salvazzjoni hi bil-grazzja biss, permezz tal-fidi f’Ġesù waħdu, għall-maħfra tad-dnubiet.
Biex żarmaw is-saqaf bilfors kellhom ħeġġa kbira ħalli hekk iressqu lil ħabibhom quddiem Ġesù.
Mk.2:6-12. Ġesù jfejjaq lill-mifluġ, bħala prova li kapaċi jaħfer (ara l-passi paralleli f’Mt.9:3-8 u Lq.5:21-26).
L-iskribi kellhom raġun jaffermaw illi Alla biss kapaċi jaħfer id-dnub (cf., Isa.43:25), iżda żbaljaw gravament meta kkonkludew illi Ġesù qed ikasbar isem Alla, għax hu Alla nnifsu!
Mk.2:13-17. Is-sejħa ta’ Mattew (Mt.9:9-13; Lq.5:27-32).
Mk.2:18-20. Mistoqsija fuq is-sawm (ara l-passi paralleli f’Mt.9:14-15 u Lq.5:33-35).
Mk.2:21-22. Il-ġdid u l-qadim (ara l-passi paralleli f’Mt.9:16-17 u Lq.5:36-39).
Mk.2:23-28. Ġesù Sid is-Sibt (ara l-passi paralleli f’Mt.12:1-8 u Lq.6:1-5).
Mk.3:1-6. Ġesù jfejjaq raġel b’diżabbiltà (ara l-passi paralleli f’Mt.12:9-14 u Lq.6:6-11).
Mk.3:4. “Huwa leċitu s-Sibt tagħmel it-tajjeb jew tagħmel il-ħażen...?” Il-mistoqsija kixfet l-ipokrisija tagħhom, għax ikkundannawh talli ħabb u serva lin-nies nhar ta’ Sibt, iżda huma pprofanaw is-Sibt bil-mibegħda u l-intenzjonijiet qattiela tagħhom (Mk.3:2,6).
Mk.3:5. ħares madwaru bir-rabja lejhom. L-għadab ġust ta’ Ġesù jindika d-diżapprovazzjoni qalila tiegħu kontra kull ħażen (cf., Ebr.1:9). Il-Kristjan imissu jirreżisti r-rabja kapriċċjuża u inġusta (Gal.5:20; Kol.3:8), iżda niftakru li nkunu qed naġixxu fi qbil mal-karattru ta’ Sidna meta nħossuna mqanqla u emozzjonati kontra d-dnub (Es.32:19; 1 Sam.11:6; 2 Sam.12:5; Neħ.5:6). Meta nkunu dispjaċuti u indignati għall-fallimenti morali fil-ġenerazzjoni tagħna nkunu qed nagħtu evidenza illi ninsabu fuq in-naħa t’Alla kontra l-ħażen (Es.32:19; Sal.94:16; Ġer.6:11; At.17:16).
Mk.3:12. Ġesù widdibhom ħafna. Ma riedx xhieda mingħand id-demonji inkwantu d-divinità tiegħu (Mk.1:34), sabiex tidher aktarx minn xogħlijietu u kliemu fl-Ispirtu.
Mk.3:13-19. L-għażla tal-appostli (ara l-passi paralleli f’Mt.10:1-4 u Lq.6:12-16).
Mk.3:13. lil min ried hu. L-għażla tal-appostli kellha l-oriġni tagħha fl-għan determinat ta’ Ġesù, bħal kull ministeru ieħor fil-knisja.
Mk.3:14. appunta tnax. B’att espliċitu tar-rieda tiegħu, Kristu fforma grupp distint ta’ tnax-il raġel li kienu fost is-segwaċi tiegħu. B’tagħlimhom li semgħuh mingħand Kristu nnifsu, dawn ikkostitwew il-pedament tal-knisja tiegħu (cf., Ef.2:20).
sabiex ikunu miegħu. Importanti li kull persuna maħtura għal ministeru uffiċjali fil-knisja tkun taf lil Ġesù salvivikament u tkun qattgħet żmien ta’ preparazzjoni ħalli tkun tassew kwalifikata għax-xogħol.
Mk.3:15. Ġesù ddelega awtorità jew qawwa lit-tnax biex jippritkaw f’ismu u jilliberaw lin-nies mill-ħakma krudila tagħhom.
Mk.3:17. Boanerges. Idjoma għall-karattru tagħhom, abbli tindika kemm kienu passjonati (Lq.9:54). Fost l-appostli, Ġakbu nqatel l-ewwel (At.12:2) u Ġwanni miet l-aħħar, fi xjuħitu.
Mk.3:20-22. Ġesù u Beelżebul (ara l-passi paralleli f’Mt.12:24 u Lq.11:14-16).
Sar insensat tesprimi atteġġjament ta’ inkredulità u oppożizzjoni lejn Ġesù minn dawk li umanament kienu l-eqreb lejh. L-istil ta’ ħajja tiegħu kien ċertament barra mill-konvenzjoni, lest dejjem biex ħaddieħor jimponi fuqu. Għemilu, tant eminenti fl-imħabba u l-għoti tiegħu nnifsu, deher irrazzjonali.
Mk.3:23-27. Saltna maqsuma ma żżommx (ara l-passi paralleli f’Mt.12:25-30 u Lq.11:17-23).
parabboli (ara n-notament f’Mt.13:3). Stejjer realistiċi, għalkemm ivvintati, li juru u fl-istess ħin jostru veritajiet divini u eterni.
Mk.3:28-30. Id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu (ara l-passi paralleli f’Mt.12:31-32 u Lq.12:10).
Mk.3:31-35. Omm Ġesù u ħutu (ara l-passi paralleli f’Mt.12:46-59 u Lq.8:19-21).
Mk.4:1-9. Iż-żerriegħa: biċċa tieħu u oħra tfalli (ara l-passi paralleli f’Mt.13:1-9 u Lq.8:4-8).
Mk.4:10-12. Għala Ġesù nqeda bil-parabboli (ara l-passi paralleli f’Mt.13:10-17 u Lq.8:9-10).
waħdu...flimkien mat-tnax. Fl-Erba’ Vanġeli naraw lil Ġesù jeżerċita ministeru pubbliku, iżda ħa ħsieb partikolari u speċjali illi jgħallem lid-dixxipli, u jerġa’ aktar lil dawk li kellhom imexxuhom aktar tard, l-appostli (Mk.6:31). Wieħed jeħtieġlu jitgħallem qabel jgħallem lil ħaddieħor (Mk.4:34; 9:2,28; 13:3; cf., Ġw.13:1; 16:29).
li ma jdurux. L-implikazzjoni hi illi l-infidili ma jridux jagħtu daharhom għad-dnub.
Mk.4:13-20. Il-parabbola taż-żerriegħa spjegata (ara l-passi paralleli f’Mt.13:18-23 u Lq.8:11-15).
Mk.4:21-23. Il-moħbi għad jinkixef (ara l-passi paralleli f’Mt.5:13-16; 10:26; Lq.8:16-17; 11:33).
m’hemm xejn moħbi ħlief biex ikun żvelat. It-tagħlim ta’ Ġesù qatt ma kien intenzjonat biss għal ċirku ġewwieni ta’ segwaċi. Id-dixxipli messhom jagħrfu r-responsabbiltà tagħhom illi jikkomunikaw l-evanġelju tas-saltna lid-dinja (cf., Mt.28:19-20).
Mk.4:24. B’liema kejl tkejlu se jkun imkejjel lilkom. Ir-riżultati spiritwali jkunu bbażati fuq l-ammont ta’ sforz daparti tad-dixxipli; jaħsdu skont ma jkunu żergħu.
se jkun miżjud lilkom. Min ikun tgħallem verità spiritwali u applikaha bi bżulija jirċievi aktar verità biex iħaddimha fedelment.
Mk.4:26-27. tisponta u tikber – kif, hu nnifsu ma jafx. Il-predikatur iwassal il-Kelma iżda mhux kapaċi jagħmilha effettiva għall-konverżjonijiet ġenwini. Biss Alla kapaċi jwassalha għall-frott (1 Kor.3:5-7), u l-modijiet tiegħu huma lil hinn mill-fehma umana (cf., Ġw.3:8).
Mk.4:26-29. l-ewwel in-nebbieta, imbagħad is-sbula. Iż-żerriegħa tikber mingħajr sforz uman. Il-frott għas-saltna jikber minn ħamrija ospitali għall-Kelma. Il-mistennija popolari kienet illi saltnet is-smewwiet tiġi f’daqqa u għall-għarrieda. Ġesù jgħallem li r-renju messjaniku jibda bla ma jkun kospikwu, jikber bil-mod u jipprogressa minkejja l-avversità, u jilħaq il-quċċata tiegħu fit-tieni miġja tiegħu (Mt.13:39; Riv.14:15). Għad tasal il-konsumazzjoni, u xejn ma jista’ jwaqqaf il-kobor finali tagħha.
Mk.4:30-32. Is-saltna bħal żerriegħa tal-mustarda (ara l-passi paralleli f’Mt.13:31-32 u Lq.13:18-19).
Mk.4:33-34. L-użu tal-parabboli (pass parallel f’Mt.13:34-35).
Mk.4:35-41. Ġesù jsikket tempesta (ara l-passi paralleli f’Mt.8:23-27 u Lq.8:22-25).
ma jimportakx illi qed nintilfu? Jappellaw lil Kristu bi xrar ta’ fidi iżda wkoll bid-duħħan ta’ inkredulità (Mt.8:26).
Mk.5:1-5. Ġesù jiltaqa’ ma’ wieħed indemonjat f’Gerasa (ara l-passi paralleli f’Mt.8:28 u Lq.8:26-27).
Mk.5:6-10. Ġesù jitkellem mad-demonju (ara l-passi paralleli f’Mt.8:29 u Lq.8:28-31).
Mk.5:7. Bin Alla l-Ogħla. Id-demonji kien jafu illi Ġesù hu assolutament divin, u bħala Alla-bniedem, hu r-rappreżentazzjoni eżatta tal-Missier. Alla l-Ogħla hu titlu antik użat mil-Lhud u l-Ġentili biex jidentifika lil Alla wieħed u ħaj ta’ Iżrael u jiddistingwih mill-allat foloz (cf., Ġen.14:18-20; Num.24:16; Dt.32:8; Sal.18:13; 21:7; Isa.14:14; Dan.3:26; Lq.1:32; Ebr.7:1).
Mk.5:9. Ġesù staqsa X’jismek? mhux għax kellu bżonn ikun jaf personalment, iżda biex joħroġ ir-realtà u l-kumplessità ta’ dan il-każ fil-beraħ. Leġjun hu stakkament ta’ sitt elef suldat tal-infanterija.
Mk.5;11-17. Ġesù jibgħat lid-demonji fil-ħnieżer (ara l-passi paralleli f’Mt.8:30-34 u Lq.8:32-37).
Mk.5:13. ppermettielhom. Bil-qirda tal-ħnieżer Ġesù ta lin-nies preżenti lezzjoni grafika u viżibbli dwar l-immensità ta’ ħażen li minnu ħeles lir-raġel. Juri wkoll illi ruħ waħda tiswa infinitament aktar minn kwalunkwe għadd ta’ bhejjem.
Mk.5:18-20. Il-meħlus mibgħut lejn daru (ara l-pass paralleli f’Lq.8:38-39).
li s-Sid għamel għalik. Ġesù jirreferi għalih innifsu bħala Alla li kkontrolla d-demanju naturali u dak sopranaturali (cf., Lq.8:39).
Mk.5:20. Id-Dekapoli: lega ta’ għaxar bliet inflwenzati mill-Griegi fuq il-Lvant tax-Xmara Ġordan.
Mk.5:21-24. Ġajru jappella lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.9:18-19 u Lq.8:40-42).
Mk.5:25-29. Mara titfejjaq mit-tnixxija tad-demm (passi parallei f’Mt.9:20-22 u Lq.8:43-44).
aktarx marret għall-agħar. Fejn setgħet il-bniedem ma twassalx, Ġesù hu aktar minn kapaċi (Mk.10:27).
Mk.5:30-34. Ġesù jesiġi biex il-mara mfejqa tixhed għalih (ara l-passi paralleli f’Mt.9:22 u Lq.8:45-48).
Mk.5:30. rrealizza. Il-qawwa ta’ Kristu, l-abbiltà intrinsika fih biex jaqdi u jaħdem b’mod sopranaturali, ipproċediet minnu taħt il-kontroll konxju tar-rieda sovrana tiegħu. Jerġa’, ninnotaw kif Ġesù ħa l-ħin milli jgħin mexxej Lhudi importanti sabiex iservi mara emarġinata (Mk.7:25-30).
Min messli lbiesi? Jistaqsi sabiex jislet lill-mara mill-folla u jagħtiha l-opportunità tfaħħar lil Alla għall-fejqan li rċeviet.
Mk.5:34. il-fidi tiegħek salvatek. Ġesù jafferma l-fiduċja espressa fih mill-mara (Mk.5:28,33). Hi mfejqa totalment; l-istess kelma Griega għal “fejqitek” hi tradotta “salvatek,” il-kelma normali għal salvazzjoni mid-dnub. Dan jissuġġerixxi illi l-fidi tal-mara wasslitha ukoll għal salvazzjoni spiritwali.
Mk.5:35-39. Ġesù jinkuraġġixxi lil Ġajru biex jafda fih (Lq.8:49-50).
Mk.5:36. Tibżax; biss emmen. Bint il-kap tas-sinagoga kienet mietet. Ġesù rreaġixxa billi inkuraġġixxa l-fidi tal-missier, imqar f’sitwazzjoni apparentement bla tama. Matul l-istorja, il-fidili narawhom iqiegħdu l-fiduċja tagħhom f’Alla anke meta kollox deher mitluf. Fit-tali perjodi ta’ disprament, Alla jsostni lil uliedu bl-afdar neċessarju biex jeħles lil niesu skont ir-rieda u l-għan tiegħu (cf., Sal.22:4; Isa.26:3-4; 43:2). Hekk esperjenza Abraħam (Ġen.22:2; Ġak.2:21-22), Mosè (Es.14:10-22; 32:10-14), David (1 Sam.17:44-47), Ġeħosafat (2 Kron.20:1-2,12) u Ġajru (Mk.5:21-23,35-42).
Mk.5:38. jibku u jnewħu: parti mir-ritwal tal-vistu, flimkien mad-daqq tal-fifra (Mt.9:23; Lq.8:52). Il-vistużi sikwit kienu jikru newwieħa professjonali biex jesprimu t-telfa tagħhom.
Mk.5:39. rieqda hi espressjoni figurattiva; it-tifla ma kinitx mejta fis-sens normali, għax il-kondizzjoni tagħha kienet temporanja u kien dalwaqt se jqajjimha mill-mewt (cf., Ġw.11:11-14; At.7:60; 13:36; 1 Kor.11:30; 15:6,18,20,51; 1 Tes.4:13-14).
Mk.5:40-43. Ġesù jqajjem lit-tifla ta’ tnax-il sena mill-mewt (ara l-passi paralleli f’Mt.9:23-26 u Lq.8:51-56).
bagħat lil kulħadd ’il barra. Ġesù mhuwiex interessat fl-ispettaklu grandjuż jew is-sensazzjoni ġenerata mill-mirakli. Hu kkonċernat dwar it-tifla, il-fidi tal-ġenituri tagħha, u l-għan ultimu tal-missjoni tiegħu (Mk.5:43).
Talitha, koum hi bl-Aramajk, il-lingwa li biha tkellem Ġesù bħala Lhudi (At.21:40; 22:2; 26:14).
qalilhom jagħtuha x’tiekol. Wara miraklu mill-aktar stupend, Ġesù sejħilhom biex jirritornaw għall-ħajja ordinarja tagħhom.
Mk.6:1-6 In-nies ta’ Nażaret ma jilqgħux lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.13:53-58 u Lq.4:16-30).
Mk.6:2. Għalkemm hu Sid is-Sibt (Mk.2:28), Ġesù josserva l-qima fis-sinagoga kull nhar ta’ Sibt (Mk.1:21; 3:1; Lq.4:16-30).
Mk.6:3. Ir-residenti ta’ Nażaret kienu offiżi bih għax kien qed jippreżenta ruħu bħala għalliem kbir meta kienu jafu bl-isfond ordinarju tiegħu u l-edukazzjoni formali limitata tiegħu (Mt.13:55), bla ma kellu sanzjoni mill-mexxejja reliġjużi.
Mk.6:5. ma seta’ jagħmel ebda setgħa mirakoluża hemmhekk (cf., Mt.13:58). Setgħetu ma kinitx imxekkla jew limitata bl-inkredulità tan-nies. Jista’ jkun li Kristu naqqas il-ministeru tiegħu fosthom bħala att ta’ ħniena, għaliex aktar dawl jirriżulta f’aktar kontabbiltà daparti tagħhom. U ladarba webbsu qalbhom kontrih, kien ikun ta’ kundanna akbar għalihom. Kien kapaċi jagħmel mirakli, ovvjament, imma ma riedx, għax irroftawh, u l-mirakli jappartienu għal dawk li huma disposti jemmnu. Bihom ikunu kkonfermati fil-fidi. Min ma jridx jemmen, bil-mirakli u mingħajrhom, xorta ma jemminx (cf., Lq.16:30-31).
Mk.6:6. Ġesù mmeravilja bl-inkredulità tagħhom, għax klejmjaw li jafu sew dwaru u frattant ċaħduh. Ir-rispons loġiku messu kien il-fidi, peress li tant kien għamel mirakli fosthom.
Mk.6:7-13. It-tnax mibgħuta tnejn tnejn (ara l-passi paralleli f’Mt.10:1,9-15 u Lq.9:1-6).
Mk.6:7. tnejn tnejn. Il-prinċipju bibliku li t-testimonjanza għandha tkun stabilita b’almenu żewġ xhieda (Num.35:30; Dt.17:6; 19:15; Mt.18:16; Ġw.8:17; 2 Kor.13:1; 1 Tim.5:19; Ebr.10:28) hu wkoll applikat fl-attività missjonarja tal-knisja bikrija (At.3:1; 4:1; 13:2; 15:40), għax tnejn jissapportjaw lil xulxin (Ek.4:9-12).
Mk.6:12-13. xeħtu ’l barra ħafna demonji. Dawn kienu araldi tal-evanġelju u kellhom suċċess ripetut fl-iskonġrar ta’ spirti ħżiena min-nies. Il-ministeru tagħhom juri l-qawwa ta’ Kristu fuq id-demanju sopranaturali u kkonferma l-klejm tiegħu bħala Alla l-Iben.
diklu ħafna morda biż-żejt. Dari ż-żejt taż-żebbuġa kien sikwit użat bħala mediċina (cf., Isa.1:6; Lq.10:34) u għal okkażżjonijiet ferrieħa (Sal.23:5; Lq.7:46). Hawnhekk jirrappreżenta l-qawwa u l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, u wżat simbolikament f’fejqan sopranaturali (cf., Isa.11:2; Żak.4:1-6; Mt.25:2-4; Rum.1:4,12).
Mk.6:14-16. Konfużjoni dwar l-identità vera ta’ Ġesù (ara l-pass paralleli f’Mt.14:1-5).
Mk.6:17-20. Erodi u Erodja għandhom għall-Battista (ara l-pass paralleli f’Mt.14:6-7).
perpless. L-interazzjoni ta’ Erodi ma’ Ġwanni ħallietu f’konflitt intern kbir – taqtigħa morali bejn il-konkupixxenza tiegħu għal Erodja u t-tingiż tal-kuxjenza ħatja tiegħu.
Mk.6:21-23. Il-wegħda ta’ Erodi f’għeluq sninu (ara l-pass paralleli f’Mt.14:8-12).
Mk.6:24-29. Il-martirju ta’ Ġwanni l-Għammiedi (ara l-passi paralleli f’Mt.14:6-12 u Lq.9:7-9).
Mk.6:30-32. Id-dixxipli jistrieħu (ara l-passi paralleli f’Mt.14:13 u Lq.9:10).
Mk.6:33,34. Ġesù jagħder lin-nies (ara l-passi paralleli f’Mt.14:14 u Lq.9:11).
bħal nagħaġ li m’għandhomx ragħaj. Iżrael fl-antik, abbandunat minn mexxejja infidili, kien deskritt hekk ukoll (Ġer.50:6; Eż.34:1-10). Ġesù jagħmel kulma wiegħed Alla (Eż.34:11,14); jaġixxi bħala r-Ragħaj tal-poplu t’Alla, bħalma għamel Mosè (Num.27:15-17; Sal.77:20), David (Sal.78:70-72) u Alla nnifsu (Sal.23:1; 74:1; 78:52-53; 80:1; Eż.34:15).
Mk.6:35-38. Ġesù jittestja lid-dixxipli (ara l-passi paralleli f’Mt.14:13-18, Lq.9:10-14 u Ġw.6:1-9).
Mk.6:39-44. Ġesù jitma’ ħamest elef ruħ (ara l-passi paralleli f’Mt.14:19-21, Lq.9:14-17 u Ġw.6:10-15).
Betsajda: belt fuq in-naħa tal-Punent tal-Baħar tal-Galilija, u għan-Nofsinhar ta’ Kafarnaħum (cf., 8:22).
Mk.6:45-52. Ġesù jimxi fuq il-baħar (ara l-passi paralleli f’Mt.14:22-33 u Ġw.6:16-21).
Mk.6:48. kellu l-intenzjoni jgħaddihom. Ġesù mexa f’linja parallela mad-dgħajsa sabiex jiżvela l-glorja tiegħu u jittestja l-fidi tad-dixxipli.
Mk.6:52. ma fehmux rigward il-ħobż. Il-miraklu tal-multiplikazzjoni tal-ħobż fih bażikament l-istess misterju bħal meta Ġesù mexa fuq l-ilma. Inkwantu l-umanità tiegħu, Ġesù hu Mosè l-ġdid. Iżda hu wkoll, u fl-istess ħin, Alla li jipprovdi l-ħobż mis-sema (Es.16:4), xi ħaġa li Mosè m’għamilhiex (Ġw.6:32).
qalbkom kienet imwebbsa. Il-messaġġ ovvju ta’ dal-miraklu ma setax jippenetra n-nuqqas ta’ twemmin stinat li kien għadu fihom (Mk.8:17; 16:14).
Mk.6:53-56. Il-morda jmissu ’l Ġesù u jitfejqu (ara l-pass paralleli f’Mt.14:34-36).
fis-swieq. Is-suq (bil-Grieg, agora) kien iċ-ċentru ta’ ħajja pubblika – fil-qasam politiku, reliġjuż, soċjli u ekonomiku, post għal avvenimenti pubbliċi, u fost il-Griegi, post għad-diskussjoni reliġjuża u filosofika (At.17:17-21).
Mk.7:1-4. It-tradizzjonijiet tal-antenati (ara l-pass paralleli f’Mt.15:1-2).
Mk.7:5-8. Dottrini umani jirrendu l-qima inaċċettabbli (ara l-pass paralleli f’Mt.15:7-9).
Mk.7:9-13. Eżempju kif it-tradizzjoni xxejjen l-Iskrittura (ara l-pass paralleli f’Mt.15:3-6).
Mk.7:14-19. Ġesù jiddikjara l-ikel kollu nadif (ara l-pass paralleli f’Mt.15:10-14).
Mk.7:17-18. Waħdu mad-dixxipli, Ġesù jissokta jgħallimhom fuq l-importanza ta’ qalb safja. Id-dixxipli għadhom bla sens u ma jifhmux (cf., Mk.4:10-13,40; 6:52; 8:14-21,32-33), iżda jibqgħu ma’ Ġesù, u bil-mod il-mod qed jitgħallmu.
Mk.7:19. iddikjara l-ikel kollu nadif. Fit-tagħlim tiegħu, Ġesù essenzjalment neħħa kull distinzjoni fl-ikel. Il-liġijiet ċerimonjali Mosajki ddistingwew bejn ikel nadif u mniġġes (Lev.11:1-47). L-għan ta’ dawn il-liġijiet kien biex iqanqal kuxjenza dwar il-qdusija t’Alla u r-realtà tad-dnub bħala ostaklu għax-xirka m’Alla. Iżda appena jitneħħa t-tniġġis mill-qalb u l-komunjoni sħiħa m’Alla ssir realtà (permezz tal-mewta riparattiva ta’ Ġesù; ara Mk.10:45; Rum.14:14; Ebr.8:6-13; 9:10,14), il-liġijiet ċerimonjali jkunu wettqu l-għan tagħhom u għaldaqstant m’għadhomx bżonjużi iżjed. Saru skaduti. Frattant, kif naraw, id-dixxipli Lhud damu snin ma apprezzaw dan (At.10-11). Il-Kristjan hu ħieles mil-liġijiet ċerimonjali (At.15:1-21; Gal.2:11-12; 4:10; 5:1; 1 Tim.4:3-5).
Mk.7:20-23. Id-dnubiet mill-qalb iħammġu lill-bniedem (ara l-pass paralleli f’Mt.15:15-20).
tipproċiedi mill-bniedem. Ġesù qed jiġġeneralizza dwar il-mod naturali u kostanti li fih in-natura umana, imwaqqa’ fid-dnub, tesprimi lilha nfisha. Il-katalgu ta’ vizzji (Mk.7:21-22) messu jservina biex nagħrfu lilna nfusna (cf., Rum.1:24-32; 2:17-24), nitkexkxu u allura nindmu, billi nirrikorru għandu għall-maħfra.
Mk.7:24-30. Il-fidi tal-mara Sirofeniċja (ara l-pass paralleli f’Mt.15:21-28).
Mk.7:27-28. Ġesù jittesta l-fidi tal-mara u joħroġha fil-beraħ għall-imitazzjoni tagħna. L-ewwel responsabbiltà ta’ Ġesù kienet illi l-ewwel jipprietka l-vanġelu liċ-ċittadini ta’ Iżrael (cf., Rum.1:16; 15:8). Imma dan jimplika illi għad jiġi żmien meta l-Ġentili wkoll ikunu reċipjenti tal-barkiet mis-sema.
Mk.7:33. Ġesù ħadu f’ġenb privatament (ara Isa.35:5-6) biex ma jagħmilx spettaklu mill-fejqan tiegħu (ara Mk.5:37,40). Juża mezzi fiżiċi biex ifejjaq lir-raġel; hekk juri mhux biss qawwietu, iżda jista’ jikkonfronta lid-dixxipli bil-kelma u bl-għemil dwar il-problema tat-truxija u l-għama spiritwali (ara Mk.7:32-8:36; speċjalment 8:17-18,21). Jidher ukoll illi f’xi każijiet il-manjiera tal-fejqan kienet differenti minn persuna għal oħra, iżda dejjem involviet il-kelma setgħana tiegħu.
Mk.7:37. jagħmel it-torox jisimgħu u l-ibkma jitkellmu. Dawn huma sinjali illi l-glorja tas-Sid ġiet għand Iżrael (Isa.35:5-6).
Mk.8:1-5. Ġesù jesprimi kumpassjoni man-nies (ara l-pass paralleli f’Mt.15:32-34).
Mk.8:6-10. Ġesù jerġa’ jitma’ lill-miġemgħa (ara l-pass paralleli f’Mt.15:35-39).
Mk.8:11-13. Il-Fariżej jinsistu għal sinjal mis-sema (ara l-pass paralleli f’Mt.16:1-4).
Hawnhekk, Ġesù jgħid li ebda sinjal ma kien se jingħata, frattant f’Mattew 12:39 Ġesù jirrispondi billi jgħid li se jingħata s-sinjal ta’ Ġona (ċoe, ir-resurrezzjoni ta’ Ġesù nnifsu). Din kontradizzjoni? Il-punt ewlieni f’Marku hu illi Ġesù ma kienx lest iċedi għar-rikjesta immedjata tagħhom għal miraklu. F’Mattew lanqas jgħid li s-sinjal ta’ Ġona se jingħata minnufih. Il-qawmien mill-mewt tiegħu seħħ aktar tard. Allura mqar f’Mattew lanqas jaqa’ għat-talba irraġunevoli tagħhom.
Ġesù dejjem irrifjuta milli jagħmel mirakli bħala xow (Lq.23:8). Qatt ma tefa’ perli quddiem il-ħnieżer. Il-mirakli jsiru skont ir-rieda sovrana t’Alla, mhux il-kapriċċ uman (Ebr.2:4; 1 Kor.12:11). Frattant għamel bosta mirakli biex jikkonferma li hu l-Messija (Ġw.20:31), u l-qawmien tiegħu kien il-miraklu suprem (At.2:22-32). Qalb miftuħa, flimkien mad-dimostrazzjoni tal-qawwa divina ta’ Ġesù, għandhom ikunu aktar minn biżżejjed biex wieħed jintebaħ li hu l-Messija.
Mk.8:12. tniegħed fil-fond. Indikazzjoni tad-diqa tiegħu minħabba l-inkredulità u l-ipokrisija tagħhom.
Mk.8:13. ħalliehom. Mhux biss għarrafhom illi mhu se jaraw ebda miraklu, iżda għal darb’ oħra irtira mill-preżenza tagħhom. Inutli tipprova tfiehem nies li jridu jagħmu lilhom infushom.
Mk.8:14-21. Il-ħmira tal-Fariżej u ta’ Erodi (ara l-pass paralleli f’Mt.16:5-12).
Mk.8:17-18. qalbkom. Id-dixxipli għadhom isibuha bi tqila biex jifhmu l-profondità tat-tagħlim u l-persuna ta’ Ġesù. Ma jċanfarhomx bħala ipokriti bħalma għamel lill-Fariżej (Mk.7:6), avolja jifhmu biss parzjalment min hu Ġesù. Il-mexxejja Lhud irroftaw it-tagħlim ta’ Ġesù kategorikament, mentri d-dixxipli huma kajmana biex japprezzawh. Ir-referenza figurattiva għal għajnejn u widnejn tidwi l-fejqan tat-trux (Mk.7:31-35) u l-għami (Mk.8:22-26). Filli jkomplu jipperseveraw ma’ Ġesù għad ikollhom fehma tajba u adegwata.
Mk.8:22. Din hi Betsajda-Julias, xi mili fit-Tramuntana tal-Baħar tal-Galilija, fuq il-Lvant tax-Xmara Ġordan.
Mk.8:23-25. Lill-għami Ġesù mexxieh barra mir-raħal, forsi biex ikun apparti mill-elementi ta’ inkredulità u ostilità (cf., Mk.5:40; 6:6), jew forsi biex ir-raġel jikkonċentra fuqu bla ma jkun distratt mill-folla.
Ġesù beżaqlu f’għajnejh u messu. Dawn il-mossi kienu apparentement mezzi biex l-għama, dipendenti fuq is-sensi l-oħra tiegħu, ikun assigurat illi Ġesù se jfejqu (cf., 7:33; Ġw.9:6).
Fil-kuntest ta’ Marku 7:31-8:26, il-mistoqsija, Qed tara xi ħaġa? u speċjalment fid-dawl kemm Ġesù qed jiffoka fuq in-nuqqas ta’ fehma fid-dixxipli (Mk.8:17-21), it-tweġiba tar-raġel tista’ titqabbel mal-komprensjoni limitata tad-dixxipli. Jarawh vag (Mk.8:29), bħalma r-raġel issa jara lin-nies bħal siġar mexjin.
Fejqu f’żewġ stadji, abbli biex jenfasizza dan il-fatt, għax il-kuntest (Mk.8:22-26) fih xejn inqas minn disa’ termini relatati mal-vista. Id-dixxipli dalwaqt jifhmu illi Ġesù hu tassew il-Messija (Mk.8:27-30), iżda għadhom lura milli jaċċettaw illi se jkun Messija li jsofri (Mk.8:31-9:1). Dawk b’illuminazzjoni biżżejjed biex jafdaw fi Kristu (2 Kor.4:6) jeħtiġilhom aktar dawl mingħand l-Ispirtu s-Santu biex jikbru fit-tagħrif esperjenzali t’Alla u l-evanġelju (Ef.1:17-18).
Mk.8:27-30. Pietru jistqarr lil Ġesù bħala l-Messija (ara l-passi paralleli f’Mt.16:13-20 u Lq.9:18-21).
Mk.8.31-33. L-ewwel tħabbira kif Ġesù kellu jmut (ara l-passi paralleli f’Mt.16:21-23 u Lq.9:22).
Il-fatt li ra d-dixxipli tiegħu u mbagħad ċanfar lil Pietru jimplika li bħalma Pietru tkellem bħala l-portavuċi tagħhom, hekk iċ-ċanfira hi għalihom ilkoll, għax bażikament kienu jsofru mill-istess fehma mgħawġa.
Mk.8:34-38. X’jirrekjiedi Ġesù mid-dixxipli (ara l-passi paralleli f’Mt.16:24-28 u Lq.9:23-27).
Kull min jistħi minni u minn kliemi. Ġesù jqis id-dinja u s-soċjetà li fiha ngħixu bħala spiritwalment adultera u midinba. In-nies li jipprovaw ikunu popolari jew aċċettati fil-ġenerazzjoni tagħhom aktarx milli jkunu leali lejn is-Sid u saltnatu għad ikunu rroftati minn Kristu fir-ritorn tiegħu (cf., Mt.7:23; 25:41-46; Lq.9:26; 13:27).
Tistħi minn Ġesù jiġifieri tħossok imbarazzat quddiem in-nies meta tkun identifikat miegħu jew mal-valuri u l-messaġġ tiegħu. Titriegħex minnu u minn tagħlimu billi tibqa’ sieket jew dixxipli moħbi jirriżulta filli hu wkoll ma jagħrfikx bħala dixxiplu tiegħu meta jirritorna fil-glorja maestuża tiegħu (cf., Mt.10:33; Mk.8:34; Rum.1:16; 2 Tim.1:8,12,16; Riv.3:14-16).
Mk.9:1-6. Ġesù trasfigurat quddiem tliet dixxipli (ara l-passi paralleli f’Mt.17:1-6 u Lq.9:27-33).
Mk.9:7-10. Alla jixhed għas-supremazija ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.17:7-9 u Lq.9:34-36).
x’setgħet tfisser tqum mill-imwiet. Il-Lhud, ħlief is-Sadduċej, kienu jemmnu fir-resurrezzjoni futura (cf., Ġw.11:24). Id-dixxipli hawn huma konfużi minħabba li Ġesù implika illi l-qawmien tiegħu kien imminenti, u allura mewtu wkoll kienet qrib. Il-konfużjoni tagħhom uriet illi kienu għadhom ma fehmux il-missjoni messjanika tiegħu.
Mk.9:11-13. Elija u Ġwanni l-Battista (ara l-pass paralleli f’Mt.17:10-13).
Mk.9:14-20. Ġesù konfrontat b’wieħed epilettiku (ara l-passi paralleli f’Mt.17:14-17 u Lq.9:37-41).
spirtu ibkem hu demonju li għamel lit-tifel mhux kapaċi jitkellem.
Mk.9:21-29. Il-potenza tal-fidi u t-talb (ara l-passi paralleli f’Mt.17:18-21 u Lq.9:42-43).
Mk.9:22-24. Il-missier sempliċement ifittex għajnuna fil-qawwiet mirakolużi ta’ Ġesù. jekk tista’ tagħmel xi ħaġa. Ġesù jikkoreġih billi jappellalu ħalli jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’Alla. Il-fidi tar-raġel kienet dgħajfa (b’kuntrast għal Marku 1:40).
Kollox possibbli għal min jemmen. Kliem Ġesù m’għandux jittieħed bħala wegħda bla kwalifika. Kollox ma jfissirx kulma jista’ jiġina f’moħħna. It-talba tal-fidi trid tkun imsejsa fuq il-Kelma u r-rieda t’Alla, altrimenti mhi xejn talba ta’ fidi, għax il-fidi titma’ lilha nfisha mill-Iskrittura. Allura l-Kristjan matur ma jitlob għal xejn iblah jew żmerċ (Ġak.4:3). Il-fidi rikjesta hawnhekk hi milqugħa bħala għotja mingħand Alla, li jiżragħha f’qalb il-bniedem.
Il-kustjoni sikwit mhijiex in-nuqqas ta’ qawwa iżda n-nuqqas ta’ fidi, jew fidi dgħajfa, bħalma kienet tal-missier hawnhekk. Għalkemm Ġesù sikwit fejjaq apparti mill-fidi ta’ dawk involuti, hawnhekk għażel illi jenfasizza l-qawwa tal-fidi (cf., Mt.17:20; Lq.17:6). Ġesù fejjaq bosta nies, iżda ħafna, jekk mhux il-biċċa l-kbira, xorta m’emmnux fih (cf., Lq.17:15-19).
“Nemmen; għin l-inkredulità tiegħi.” Il-missier minnufih jistqarr li għandu xi fidi iżda jammetti wkoll id-dgħufija spiritwali tiegħu u jitlob lil Ġesù biex joħloq fih qalb li temmen b’fermezza. Ġesù rnexxa fl-għan tiegħu ma’ dal-missier, billi espona t-taqtigħa ġewwiena f’qalbu u ġibdu lejh biex ifittex għajnuna mingħandu kontra l-inkredulità.
Mk.9:28-29. Għax ma stajniex nixtħuh ’il barra aħna? Apparti li kellhom fehma batuta (Mk.8:17-18; 9:5), id-dixxipli huma nieqsa mill-abbiltà biex iwettqu kompletament il-kummissjoni mingħand Ġesù (cf., Mk.6:7,13; 9:18).
Il-falliment tagħhom serva bħala okkażżjoni għal inkuraġġiment fit-talb (cf., Mk.4:10; 7:17; 10:10). L-implikazzjoni hi ċara: aktar ma nqattgħu ħin u sforz fit-talb, u allura f’xirka eqreb m’Alla, aktar nikbru u nimmaturaw fil-fidi. Ġesù ċertament ma riedx ifisser, “Messkom għidtu talba qabel provajtu tkeċċuh.” Aktarx hemm prinċipju implikat: fejn hemm ftit fidi, hemm ftit talb. Fejn hemm ħafna talb u intimità m’Alla, flimkien ma’ ħajja ta’ mħabba u ubbidjenza għal Alla u Kelmtu, hemm ħafna fidi u awtorità spiritwali. Kieku d-dixxipli mantnew ħajja ta’ talb bħalma għamel Ġesù, kienu jittrattaw il-każ b’suċċess.
Mk.9:30-32. It-tieni tħabbira li Ġesù kellu jinqatel (ara l-pass paralleli f’Mt.17:22-23 u Lq.9:44-45).
Mk.9:33-37. Min jitqies l-akbar fis-saltna (ara l-pass paralleli f’Mt.18:1-5 u Lq.9:46-48).
irid ikun l-ewwel. Ġesù mhux qed jattakka pożizzjonijiet ta’ tmexxija, iżda jixtieq juri l-mod kif it-tali rwoli jmisshom ikunu mħaddma. Dan il-prinċipju hu mlaħħam fih innifsu, għax ma ġiex fostna biex ikun servut, iżda biex iservi lilna, u finalment iċedi ħajtu bħala fidwa għal bosta nies (Mk.10:45). Il-manjiera li biha wettaq il-missjoni messjanika tiegħu, filli investa lilu nnifsu għall-ġid ta’ ħaddieħor, tibqa’ bħala standard għad-dixxipli.
Id-dinjità ta’ kull persuna hi murija mqar f’tifel. L-idgħjef bniedem għandu jkun moqdi bl-istess mod bħallikieku hu l-ikbar.
Mk.9:38. ma jsegwiniex. Probabbli riedu jfissru li r-raġel m’għarafx l-awtorità tat-tnax. Mingħajr ma neħħa l-prerogattivi tat-tnax, Ġesù rrifjuta milli jiddenunzja lir-raġel, għax deherlu li qalulu hekk minħabba l-kburija u l-esklussiviżmu. Minflok, għallimhom illi s-sapport u x-xirka ta’ kull min jissapportja l-kawża tiegħu għandhom ikunu rikonoxxuti b’radd il-ħajr.
Mk.9:40. min mhux kontra tagħna hu magħna (cf., Fil.1:17-18). Għal Ġwanni ma kienx biżżejjed li wieħed jagħmel il-mirakli f’isem Ġesù; kien neċessarju wkoll li jkun fl-istess grupp. Ġesù jispjega li m’hemm ebda newtralità fit-taqtigħa kontra l-ħażen. Bħala dixxipli messna niffokaw fuq il-ministeru fdat lilna u nħallu l-bqija f’idejn Alla, bla ma noqogħdu nikkritikaw lil dawk li wkoll jimxu wara Ġesù iżda ma jappartenux għall-grupp tagħna. It-tali aċċettazzjoni ġeneruża, però, ma tapplikax għal dawk li jirroftaw il-vanġelu (Mt.12:30). Dawk li mhumiex kontina huma favorina, test li jmissna napplikawh għal ħaddieħor. It-test li jmissna napplikaw għalina nfusna jinsab f’Luqa 11:23: “Min mhux miegħi hu kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi jisparpalja.”
Mk.9:41. kull min jisqikom kies ilma minħabba f’ismi. Kull att ta’ ħniena, għożża u fejqan, magħmul f’ġieħ Kristu, ċoè bil-fehma u l-għan illi nservu lilu, se jkun magħurf u premjat minn Kristu bħala evidenza illi wieħed hu dixxiplu tiegħu.
Mk.9:42-48. Twissija dwar l-iskandlu u l-infern (ara l-passi paralleli f’Mt.18:6-9 u Lq.17:1-2).
tmur fl-infern...tinxteħet fl-infern (ara n-notament f’Mt.5:42). L-infern hu l-għamara finali ta’ dawk ikkundannati għall-kastig etern fil-ġudizzju finali (Mt.25:41-46; Riv.20:11-15). Hu deskritt bħala post ta’ nar u dalma (Ġuda 7), ta’ biki u tgħażżiż tas-snien (Mt.8:12; 13:42,50; 22:13; 24:51; 25:30), ta’ qirda (2 Tes.1:7-9; 2 Prov.3:7; 1 Tes.5:3) u turment (Lq.16:23).
Dawn it-termini huma probabbilment simboliċi aktarx milli litteri, imma, jekk xejn, ir-realtà se tkun iżjed terribbli mis-simbolu. It-tagħlim tal-Patt il-Ġdid dwar l-infern hu maħsub biex idehixna u jimlina bl-orrur, u jipperswadina li bħalma l-ġenna se tkun aħjar milli nistgħu noħolmu, hekk ukoll l-infern se jkun agħar milli nistgħu nimmaġinaw. Dawn huma ż-żewġ destini fl-eternità li rridu niffaċċjawhom realistikament.
Alla jinsab preżenti fl-infern bl-għadab u d-dispjaċir tiegħu. Alla hu bħal nar jikkonsma (Ebr.12:29), u l-kundanna ġusta tiegħu tkun imġarrba fl-infern minn dawk kollha li jkunu sfidawh u granfaw mad-dnubiet li hu jistmell (Rum.2:6-12). Skont l-Iskrittura, l-infern ma jintemmx, bħalma ma jispiċċawx in-nies u d-demonji kkundannati fih (Ġuda 13; Riv.14:10-11; 20:10). M’għandna ebda jedd bibliku nispekulaw dwar “it-tieni ċans” wara l-mewt, jew nikilazzjoni tal-ħżiena f’xi stadju.
Il-mitlufa fl-infern jirrealizzaw li jkunu kkundannaw lilhom infushom għad dawk il-pwieni għax ikunu ħabbew id-dlam aktarx mid-dawl, u rrifjutaw milli jħaddnu lill-Kreatur tagħhom bħala l-uniku Sid, u Sid tagħhom. Ippreferew l-indulġenza tagħhom infushom fid-dnub aktarx milli jimxu fit-triqat tal-ġustizzja, u rrifjutaw lil Alla li għamilhom (Ġw.3:18-21; Rum.1:18-32; 2:8; 2 Tim.2:9-11). Alla, li wera lilu nnifsu permezz tal-ħolqien tiegħu, jikkonfronta lil kulħadd b’din l-istess evidenza, u minn din il-perspettiva l-infern għandu bażi fir-rispett t’Alla għall-għażla umana. Kulħadd jirċievi dak li jagħżel, li jkun fit-tgawdija m’Alla għal dejjem jew inkella jġarrab l-orrur tal-korla qaddisa tiegħu. Dawk fl-infern ikunu jafu, mhux biss li ħaqqhom kastig għall-opri ħżiena tagħhom, iżda wkoll li f’qalbhom ikunu għażlu l-infern.
L-għan tat-tagħlim bibliku dwar l-infern hu sabiex iħajjarna nduru bi gratitudni lejn il-grazzja ta’ Kristu li jsalvana minnu (Mt.5:29-30; 13:48-50). Għal dir-raġuni t-twissija t’Alla hi ħanina; fl-aħħar mill-aħħar ma jieħu “ebda pjaċir fil-mewt tal-ħżiena, imma li l-ħażin idur minn triqtu u jgħix” (Eż.33:11).
Mk.9:43-48. Id-dnub hu tant serju illi akkost li nitilfu ħwejjeġ għeżież u importanti jmissna dejjem nissieltu kontrih. Jista’ jkun li idek...sieqek...għajnek huma wżati bħala strumenti li bihom nidinbu. Pereżempju, l-għajn tista’ tirrappreżenta r-regħba, l-immoralità jew l-adulterju (cf., Mt.5:27-30). Ġesù ovvjament mhux qed jikkmanda lin-niex biex litteralment jaqilgħu għajnhom, għax it-tneħħija tal-għajn ma tistax tqaċċat l-għerq tad-dnub fil-qalb (Mk.7:20-23; 9:45). Kliemu jservi bħala twissija sobrija dwar is-severità ta’ kull illegalità, li tista’ twassal għall-infern (cf., Isa.66:24), kastig etern (Mk.8:35-37; 9:47-48).
id-duda tagħhom ma tmutx. Il-ħżiena jġarrbu taħsir, disgrejs u rimors bla tmiem (Isa.66:24).
Mk.9:49-50. Il-valur tal-melħ (ara l-passi paralleli f’Mt.5:13 u Lq.14:34).
immellaħ bin-nar. Il-melħ hu assoċjat mas-sagrifiċċju fil-Levitiku 2:13 u Eżekjel 43:24. B’kuntrast għan-nar tal-qirda li għadu kif tkellem dwaru, il-fidili għad jipperseveraw min-nar ta’ tbatija u persekuzzjoni, u jkunu purifikati bih, sabiex ikunu sagrifiċċju ħaj offrut b’fedeltà bħala rispons għall-ħniena salvivika t’Alla (Rum.12:1-2).
tajjeb il-melħ. Il-melħ jiswa għax għandu togħma tajba (Ġob.6:6) u jaħdem biex jippriżerva l-ikel. L-antiki nqdew bih ukoll bħala antisettiku (Eż.16:4). Hekk il-fedeltà distintiva tal-fidili togħġob lil Alla, tippromwovi t-tajjeb fid-dinja, u trażżan il-ħażen.
jekk il-melħ isir insipidu. Fl-antik il-melħ kien taħlita ta’ minerali, u s-sodium chloride fih seta’ jiżvinta bl-umdità, u jibqa’ biss minerali inutli.
melħ fikom infuskom. Il-melħ jiddeskrivi dixxipli veri, għax hu priżervattiv. L-effett tal-Kelma (Kol.3:16) u l-ħidma interna tal-Ispirtu (Gal.5:22-23) jipproduċu karattru tajjeb, hekk illi l-individwu jservi biex jissalvagwardja l-valuri fis-soċjetà (cf., Mt.5:13). Inutli nipprovaw ikollna influwenza pożittiva fuq ħaddieħor jekk hemm it-tħarbit fil-ħajja personali tagħna.
kunu sielma. Ġesù qed jgħid lis-segwaċi tiegħu biex jużaw l-umiltà u l-qadi ħalli jippriżervaw il-paċi fil-komunità tagħhom, aktarx milli jaqsmuha minħabba xewqa biex wieħed javvanza jew jipprova jkun kbir (Mk.9:34).
Mk.10:1-4. X’għallem Mosè dwar id-divorzju (ara l-pass paralleli f’Mt.19:1-3,7).
Xi kkmandakom Mosè? Il-kustjoni dwar id-divorzju ma tiġix issetiljata skont l-opinjoni kontemporanja, iżda biss fuq it-tagħlim tal-Bibbja.
ppermetta. Il-Fariżej kellhom jikkonċiedu illi l-liġi Mosajka mkien ma tikkmanda d-divorzju. Il-pass in kwistjoni – Dewteronomju 24:1-4 – irrikonoxxa r-realtà tad-divorzju u fittex jipprotieġi d-drittijiet u r-reputazzjoni tal-mara, kif ukoll irregola t-tieni żwieġ.
Mk.10:5-9. Il-ħsieb oriġinali t’Alla dwar iż-żwieġ (ara l-pass paralleli f’Mt.19:4-6,8-12).
Mk.10:10-12. Ġesù jispjiega aktar dwar id-divorzju (ara l-passi paralleli f’Mt.19:9 u Lq.16:18).
Kull min jiddivorzja ’l martu u jiżżewweġ oħra jikkommetti adulterju kontriha. It-tieni żwieġ wara divorzju, jekk id-divorzju m’għandux permess bibliku (ara Mt.19:9), ikattar l-adulterju. Il-parti innoċenti tista’, jekk trid, tiżżewweġ persuna oħra tas-sess oppost, bla ma tkun qed tikser il-liġi t’Alla.
Mk.10:13-16. Ġesù jbierek lit-tfal (ara l-passi paralleli f’Mt.19:13-15 u Lq.18:15-17).
berikhom. Tirċievi l-barka t’Alla jfisser tkun imsejjaħ b’ismu (Ġen.48:16; Num.6:22-27) u tkun inkluż fil-privileġġi u l-hena tal-patt (Ġen.22:16-18; Dt.7:13).
Mk.10:17-22. Mistoqsija dwar il-ħajja eterna (ara l-passi paralleli f’Mt.19:16-22 u Lq.18:18-23).
Mk.10:21-22. ħares lejh u ħabbu. Mit-tjieba t’Alla tnixxi mħabbtu li biha jikkomunika lilu nnifsu lill-ħlejjaq, u jrid illi jingħaqad magħhom biex jagħmlilhom il-ġid, imma f’modi diversi u gradi differenti. Normalment nagħrfu l-imħabba t’Alla minn tliet aspetti jew gradi, avolja hi l-istess imħabba.
1. Hemm l-imħabba ta’ benevolenza li biha Alla jrid il-ġid lill-bniedem mill-eternità (Ġw.3:16). Biha jħobb lill-bniedem qabel lanqas biss eżista (Ġer.31:3; Mal.1:2; Rum.9:10-18). Biha jagħżilna (Ef.1:3-5).
2. Hemm l-imħabba ta’ benefiċjenza li biha jagħmel il-ġid lill-bnedmin fiż-żmien skont ir-rieda tajba tiegħu (Ef.5:25). Din u l-ewwel waħda jippreċiedu kull att tal-ħlejqa. B’din it-tip ta’ mħabba jħobbna kif aħna. Biha jifdina (Riv.1:5).
3. Hemm l-imħabba ta’ kompjaċenza li biha jitgħaxxaq fil-ħlejqa minħabba li jara x-xbieha tiegħu fiha. Din hi espressa bħala riżultat tal-att uman (Isa.62:1-3; Ebr.11:6). Biha jħobbna meta nkunu nixbhuh, ċoè mġedda fix-xbieha ta’ Kristu (Ġw.14:21-23). Biha jippremjana u jonorana bħala qaddisin u ġusti (Ġw.12:26).
L-imħabba ta’ Ġesù għal dan l-individwu hi l-ammirazzjoni tiegħu billi r-raġel ma ntelaqx fi dnubiet esterni u kbar, u talli mar għall-aħjar sors possibbli biex jottieni soluzzjoni għall-problema tiegħu, il-Bibbja nfisha. Aktar minn hekk, ħabbu għax tħassru profondament, u allura ddeċieda illi jirrikmandalu korsa ta’ azzjoni li, jekk segwita kif suppost, issolvi l-problema tiegħu, u tagħtih il-mistrieħ fir-ruħ li kellu bżonn. Ħass kumpassjoni kbira għal dan li kien qed ifittex il-verità u frattant kien tant mitluf.
Ġesù ħabbu wkoll billi tah parir tajjeb. Forsi Ġesù ma kienx messu qallu biex jafda fih? Attwalment, b’mod indirett, hekk għamel. Meta qallu biex ibiegħ kollox, l-ieħor ma setax jobdih mingħajr dik il-kunfidenza kompluta u ċ-ċediment tiegħu nnifsu f’idejh. Dan kien it-test. Filli jkompli billi jsegwih, iż-żagħżugħ ħtieġlu jitgħallem biex jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ s-salib, u allura ma jkunx kapaċi aktar jiddedika lilu nnifsu għas-servizz ta’ mammona, ossija l-flus u l-materjaliżmu li kienu l-alla tiegħu.
Ir-rispons taż-żagħżugħ kien wieħed traġiku. Billi kien iħobb ir-rikkezzi, irrifjuta milli jċedihom biex minflok isegwi lill-Għalliem tajjeb, Ġesù jikkonvinċih illi kiser l-ikbar kmandament minnhom kollha (Dt.6:5; Mt.23:37). Mingħajr il-perfezzjoni etika li jirrekjiedi Alla, jinsab ikkundannat. Jekk dan l-individwu baqa’ bla ma kkonverta allura ntilef, u konsegwentement l-imħabba ta’ Ġesù li esprima lejh fiha biss elementi ta’ kompjaċenza. Ġesù ħa pjaċir bih għax almenu, bil-mod (żbaljat) tiegħu kien qed jipprova jgħix sewwa. Ġesù wera rieda tajba miegħu filli prova jgħinu, għalkemm mitluf kien u mitluf baqa’. It-tjieba divina sikwit hi rroftata (cf., Rum.2:4-5).
Mk.10:23-27. Is-salvazzjoni minħabba Alla waħdu (ara l-passi paralleli f’Mt.19:23-26 u Lq.18:24-27).
Mk.10:28-31. Rikumpensa għad-dixxipli (ara l-passi paralleli f’Mt.19:27-30 u Lq.18:28-30).
Il-frażi daż-żmien mal-kontraparti tagħha ż-żmien li ġej tirrifletti t-tagħlim tar-rabbini dwar il-perjodu ħażin preżenti u ż-żmien futur tal-Messija. Ir-resurrezzjoni ta’ Kristu biddlet din il-fehma b’mod sinifikanti: fil-perjodu bejn il-qawmien ta’ Ġesù u l-qawmien tal-fidili ż-żewġ żminijiet jeżistu, bħal speċi, maġenb xulxin. Il-qadim qed jgħaddi, u l-ġdid hu diġà preżenti, għalkemm mhux fil-milja tiegħu. Għaldaqstant jista’ jkun hemm mitt darba iżjed u persekuzzjonijiet fl-istess ħin. L-ogħna barkiet huma sikwit akkumpanjati bi provi estremi (Rum.8:17; Fil.1:29; 2 Tim.3:12).
Il-premji mwiegħda hawn m’għandniex nifhmuhom b’mod litteru. Frattant imqar f’daż-żmien preżenti l-Kristjan għandu premju (Ebr.11:26), u jirċievi bosta barkiet skont il-providenza divina, inkluż ix-xirka tal-knisja, imħallta mal-afflizzjoni sakemm Kristu jirritorna biex jintroduċina fil-ħajja eterna fil-milja tagħha. Il-barkiet u l-heniet misjuba fir-relazzjonijiet imsemmija hawn ikunu esperjenzati mid-dixxiplu veru li jissagrifika minħabba Kristu. Fil-futur il-fidili għad jirċievi jerġa’ premju ikbar: il-ħajja eterna. Billi wieġeb hekk, Ġesù jassigura lid-dixxipli tiegħu illi huma tabilħaqq wieġbu sewwa għas-sejħa mis-sema u jinsabu mbierka.
Mk.10:32-34. It-tielet tħabbira tal-mewt ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.20:17-19 u Lq.18:31-33).
Id-dixxipli tnixxfu għax innotaw kemm Ġesù kien determinat illi jitla’ Ġerusalemm (cf., Lq.9:51) minkejja l-mewta krudila li kien qed tistennieh hemm.
Mk.10:32-34. (ara l-passi paralleli f’Mt.20:17-19 u Lq.18:31-34).
jifflaġellawh. Ġesù bassar bid-dettall kulma kellu jiġrilu minn idejn il-Ġentili (Mk.15:15,19). Alla jaf il-futur minn qabel b’mod perfett.
Mk.10:35-40. Ir-rikjesta ta’ wlied Żebedew (ara l-pass paralleli f’Mt.20:20-23).
Hawnhekk il-magħmudija hi metafora għall-esperjenza tal-ġudizzju li jġib il-mewt. Kienet se tiġi fuq Ġesù bħal għargħar (cf., Sal.88:7; Ġob.2:3; Lq.12:50), bit-tama ta’ ħelsien ultimu (Rum.6:3-7; 1 Kor.10:2; Kol.2:11-13).
Mk.10:41-45. Tkun kbir billi taqdi – il-missjoni ta’ Ġesù (ara l-pass paralleli f’Mt.20:24-28).
Mk.10:46-52. Ġesù jfejjaq lil Bartimew l-għama (ara l-passi paralleli f’Mt.20:29-34 u Lq.18:35-43).
Il-fidi tiegħek fejqitek fiha ħjiel ukoll ta’ salvazzjoni spiritwali; l-istess espressjoni nsibuha f’Marku 5:34. Bartimew segwieh tul il-vjaġġ finali tiegħu lejn Ġerusalemm, indikazzjoni li sar wieħed mid-dixxipli tiegħu. Tradizzjonalment, l-istudenti ta’ rabbi Lhudi kienu jimxu warajh. Id-dixxipli ta’ Ġesù segwewh fiżikament (Ġw.1:37), iżda l-implikazzjoni hi aktar profonda minn hekk, u jinkixfu livelli ifnad ta’ tifsira matul il-Vanġeli (cf., Ġw.13:36-38; 21:15-21).
Mk.11:1-6. Ġesù jibgħat għal felu (ara l-passi paralleli f’Mt.21:1-6 u Lq.19:28-34).
li fuqu ħadd min-nies għadu ma qagħad bilqiegħda. Bhejjem li qatt ma jkunu għadhom ġarrew tagħbija kienu sikwit użati għal għanijiet sagri jew speċjali (Num.19:2; Dt.21:3; 1 Sam.6:7).
Mk.11:7-11. Id-daħla messjanika f’Ġerusalemm (ara l-passi paralleli f’Mt.21:7-11, Lq.19:35-40 u Ġw.12:12-19).
Mk.11:12-14. It-tina mnixxfa f’daqqa (ara l-pass paralleli f’Mt.21:18-19).
Mk.11:15-19. Ġesù jippurifika t-tempju (ara l-passi paralleli f’Mt.21:12-17, Lq.19:45-48 u Ġw.2:13-22).
Mk.11:16. Ġesù ma ppermettiex lin-nies jgħaddu mill-bitħa tal-Ġentili biex iqassru triqithom ħalli jagħmlu n-negozju b’aktar ħeffa. Dan kien forma ta’ irriverenza u mondanità.
Mk.11:18. ifittxu mod kif jeqirduh. Paradossalment, is-sommi saċerdoti u l-iskribi (li huma favur il-kummerċ fit-tempju) jipprovaw jaraw kif se jeħilsu minn Ġesù, il-Purifikatur (Mk.3:6; 15:31-32) aktarx milli jkunu ppurifikati huma nfushom. L-azzjonijiet tagħhom huma motivati mill-biża’: Ġesù kien popolari. Beżgħu illi jitilfu l-poter soċjali, ekonomiku u politiku tagħhom. Beżgħu li sseħħ xi ħamba pubblika, u fit-tali emerġenza jindaħlu r-Rumani. Il-mexxejja Lhud korrettament raw l-att ta’ Ġesù bħala sfida għall-awtorità tagħhom fl-ispazju l-iżjed sagru immaġinabbli.
Mk.11:20-24. It-tagħlima mit-tina misħuta (ara l-pass paralleli f’Mt.21:19-22).
Mk.11:21. It-tina li sħitt dbielet. Dan ġara f’ġurnata jew inqas (Mt.21:9). Tirrappreżenta l-ġudizzju t’Alla fuq Iżrael (Isa.34:4; Ġoel 1:7-12; Am.4:9).
Mk.11:22-23. Ħa jkollkom fidi f’Alla (ara n-notament f’Mt.21:21). Ir-reazzjoni ta’ Ġesù abbli ssorprendiet lid-dixxipli, għax is-sħit tat-tina x’għandu x’jaqsam mal-fidi? Il-punt hu dan: imisshom jafdaw f’Alla biex ineħħi kulma jfixkilhom milli jipproduċu frott għal Alla.
Iċċaqlaq muntanja kienet metafora fil-letteratura Lhudija għal meta tagħmel dak li hu apparentement impossibbli (Isa.40:4; 49:11; 54:10; cf., Mt.21:21-22). Il-kredenti, b’fiduċja integra f’Alla, jista’ jkollhom il-kunfidenza li jiksbu u jwettqu mqar l-impossibbli, skont ir-rieda sovrana ta’ Missierhom.
Mk.11:24-25. kull ħaġa kwalunkwe li għaliha titolbu. Alla jieħu pjaċir jagħti lil min jitolbu (Mt.7:9-11) u kapaċi jwieġeb kull talba, għalkemm imissna nitolbuh b’intenzjoni qaddisa u skont il-volontà tiegħu (1 Ġw.5:14). Hemm kondizzjonijiet oħra: waħda minnhom hi illi min jitlob irid jaħfer; oħra hi illi nibqgħu f’xirka ma’ Ġesù (Ġw.16:7); u ma nitolbux żmerċ (Ġak.4:3). Dan għax it-talb mhuwiex mezz li bih Alla jservina, iżda mezz li bih inservu lil Alla. L-għan tat-talb m’għandux ikun biex isseħħ ir-rieda tagħna, iżda biex ir-rieda t’Alla sseħħ fina u fuq l-art.
emmnu li rċivejtuha, u tkunilkom. Dawk li jafdaw f’Alla b’mod sewwa għandhom ikollhom il-kunfidenza li Alla mhux se jiddiżappuntahom (Fil.4:19), għax fl-għan sovran tiegħu jaħdem kollox għal ġid ta’ niesu (Rum.8:28). F’ġieħ Ibnu, il-Missier jagħtina l-barkiet tiegħu gratis (Rum.8:32).
Dal-vers hu sikwit abbużat minn persuni li jgħidu lil ħaddieħor illi jekk jitolbu għall-fejqan fiżiku (jew għal xi bżonn ieħor), jekk ikollhom biżżejjed fidi, Alla jwieġeb b’iva. Biss irridu dejjem nadottaw l-istess perspettiva li kellu Ġesù, ċoè, kunfidenza fis-setgħa t’Alla kif ukoll sottomissjoni għar-rieda tiegħu (Mk.14:36).
Mk.11:25. bilwieqfa biex titolbu. Din hi l-postura tradizzjoni Lhudija għat-talb (cf., 1 Sam.1:26; 1 Slat.8:14,22; Neħ.9:4; Mt.6:5; Lq.18:11-13). Talb fuq l-irkopptejn jew mimdud bil-wiċċ mal-art kien użat f’ċirkostanzi straordinarji jew għal rikjesti estremament urġenti (cf., 1 Slat.8:54; Esd.9:5; Dan.6:10; Mt.26:39; At.7:60).
xi ħaġa kontra xi ħadd hi stqarrija inklużiva li tinkludi kemm dnubiet kif ukoll nuqqas ta’ ħmil sempliċi jew kwalunkwe ħaġa oħra, li jikkawża lill-fidil biex iżomm fil-komma kontra nies oħra, huma min huma, sew jekk kredenti bħalu inkella mhumiex.
Mk.11:27-33. Mistoqsija dwar l-awtorità ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.21:23-27 u Lq.20:1-8).
Mk.12:1-8. Il-bdiewa qattiela (ara l-passi paralleli f’Mt.21:33-39 u Lq.20:9-15).
Mk.12:9-12. Il-ħaġra mwarrba (ara l-passi paralleli f’Mt.21:40-46 u Lq.20:16-19).
Mk.12:13-17. Mistoqsija dwar il-ħlas tat-taxxi (ara l-passi paralleli f’Mt.22:15-22 u Lq.20:20-26).
Mk.12:18-23. Is-Sadduċej u l-qawmien (ara l-passi paralleli f’Mt.22:23-28 u Lq.20:27-33).
Mk.12:24-27. Ġesù juri l-iżball tas-Sadduċej (ara l-passi paralleli f’Mt.22:29-33 u Lq.20:34-40).
Mk.12:28-31. Iż-żewġ kmandamenti l-aktar importanti (ara l-pass paralleli f’Mt.22:34-40).
Mk.12:29-31. Isma’, Iżrael! Billi kwota l-ewwel parti tax-Xema (Dt.6:4-5), li hi kelma Ebrajka tfisser “Isma’,” Ġesù kkonferma l-prattika ta’ kull Lhudi devot li kien jikkonfessa x-Xema sħiħa (Num.15:37-41; Dt.6:4-9; 11:13-21), kull filgħodu u flgħaxija.
Mk.12:32-33. Tajjeb, Għalliem. Ir-reazzjoni tal-iskrib tiżvela kemm fehem it-tagħlim tal-Patt il-Qadim illi l-interess morali jiġi qabel il-prattiċi ċerimonjali (cf., 1 Sam.15:22; Isa.1:11-15; Mik.6:6-8).
m’hemmx ieħor ħliefu. L-uniċità t’Alla ta’ Iżrael hi affermata; Alla ħaj u veru wieħed biss hemm.
hu wisq aktar mid-debħiet maħruqa. Dan l-iskrib tgħallem il-lezzjoni li Ġesù enfasizza mal-Fariżej, illi r-ritwali mhuma xejn mingħajr imħabba (Ħos.6:6; Mt.9:13; 12:7).
Mk.12:34. M’intix bogħod minn saltnet Alla. Qabbel mal-ħakkiem għani u żagħżugħ f’Marku 10:21, meta Ġesù rrimarkalu li għad jonqsu ħaġa waħda, kif ukoll ma’ Nikodemu (Ġw.3:1-21). F’kull każ hemm ħtieġa għat-twelid mill-ġdid fil-ħajja eterna (l-istess bħal meta wieħed jidħol f’saltnet Alla), xi ħaġa magħmula possibbli bil-mewt u l-qawmien ta’ Bin il-Bniedem (Ġw.3:3,14-15).
L-iskrib inkwiżittiv hu separat mis-saltna minħabba l-injoranza tiegħu: ma jafx lil Ġesù bħala l-Iben il-maħbub (Mk.9:7), bħala l-Messija li għandu jkun mistqarr (Mk.8:38), u bħala l-Qaddej li kellu jsofri mewta sostituzzjonarja għall-midinbin (Mk.10:45; 12:35-37).
Mk.12:35-37. Il-Messija Bin David u Sid David (ara l-passi paralleli f’Mt.22:41-46 u Lq.20:41-44).
Bin David kien it-titlu messjaniku komuni wżat fit-tagħlim skribali. Il-mexxejja reliġjużi kienu konvinti illi l-Messija ma jkun ħadd ħlief bniedem, u hekk qiesu dat-titlu bħala mhux xieraq. Ġesù jisfidahom biex jagħrfu illi l-Messija hu difatti divin ukoll billi jfakkarhom kif Alla – Jaħwè - sejjaħ lill-Messija bħala Adonaj, titlu li l-Lhud użaw regolarment b’referenza għal Alla wkoll. Għamel dan billi kwota minn Salm 110, definittament meqjus bħala messjaniku minnhom stess. Ġesù jipproklama d-divinità tal-Messija u allura l-divinità tiegħu nnifsu (cf., Rum.1:3; 2 Tim.2:8).
Mk.12:36. qal bl-Ispirtu s-Santu, ċoè David kiteb bi kliemu stess, iżda taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu (cf., 2 Sam.23:2).
Mk.12:38-40. L-ipokrisija tal-iskribi (ara l-passi paralleli f’Mt.23:1-36 u Lq.11:37-54; 20:45-47).
Ħarsu ruħkom mill-iskribi. Is-superfiċjalità tad-dottrina messjanika u l-eseġesi tal-iskribi twassal lil Ġesù biex jikkritika l-istil ta’ ħajjithom inġenerali (cf., Mk.8:15).
ċlieqen twal: referenza għat-tallith, il-libsa twila mixduda biex turi devozzjoni u erudizzjoni.
Mk.12:40. Jiddevoraw djar ir-romol. Xi wħud mill-mexxejja reliġjużi ħadu vantaġġ min-nisa li jgħixu waħidhom u ma jissuspettawx. Jikkonvinċuhom biex jagħtu aktar milli jaffordjaw. B’manipulazzjoni jirnexxilhom jgħixu fil-lussu minn fuq dahar dawn ir-romol sempliċi. Dan l-istess abbuż ta’ reliġjużi rgħab baqa’ jirrepeti ruħu matul is-sekli, speċjalment fi ħdan ir-Rumaniżmu, bl-iskuża biex isir talb b’suffraġju għall-erwieħ fil-purgatorju.
Mk.12:42. Lepta (bil-Grieg, lepton; pl lepti) kienet munita Lhudija tar-ram jew bronż tiswa nofs kodrant jew 1/128 ta’ denarju. Sikwit imsemmija fil-Mixna bħala proverbjalment l-iżgħar munita Lhudija (Lq.12:59; 21:2).
kodrant (bil-Grieg, kodrantēs; bil-Latin, quadrans) kienet munita Rumana tar-ram tiswa kwart ta’ assarju jew 1/64 ta’ denarju. (Mt.5:26).
Alla jkejjel l-għoti mhux bl-ammont iżda bl-imħabba, ġenerożità u sagrifiċċju rappreżentati fl-għotja.
Mk.12:43-44. xeħtet iżjed, ċoè aktar fi proporzjon għall-mezzi tagħha, u allura aktar f’għajnejn Alla.
mill-kotra tagħhom, u allura ma ħassew ebda sens ta’ sagrifiċċju fl-għoti tagħhom.
l-għejxien kollu tagħha. Ġesù jagħti lezzjoni dwar kif Alla jevalwa l-għoti tagħna ladarba l-affarijiet mhumiex kif jidhru fil-wiċċ.
1. Is-sinifikat fl-għotja hu determinat mhux mill-ammont iżda mill-miżura ta’ ġenerożità ġenwina jew sagrifiċċju involuti fl-għotja (cf., 2 Kor.9:6). Is-sinjuri kultant jagħtu biss naqra mill-abbondanza tar-rikkezzi tagħhom, bla sens ta’ sagrifiċċju jew ġenerożità. Għalkemm l-armla tat ammont ċkejken ħafna, l-għoti tagħha rrappreżentat qalb ta’ ġenerożità stravaganti. Tat kemm kien possibbli għaliha.
2. L-assessment ta’ Ġesù fil-prinċipju jista’ jkun applikat għat-totalità tar-relazzjoni tagħna miegħu u s-servizz immirat lejh. Jevalwa ħajjitna u l-ministeru tagħna mhux bil-kwantità tagħhom, ċoè, bil-produttività, l-influwenza jew suċċess estern, iżda bil-kwalità ta’ mħabbitna, il-fidi u l-għoti stravaganti tagħna nfusna lilu b’devozzjoni sinċiera.
Mk.13:1-2. It-tiġrif tat-tempju mbassar (ara l-passi paralleli f’Mt.24:1-2 u Lq.21:5-6).
Mk.13:3-8. Sinjali qabel tmiem iż-żmien (ara l-passi paralleli f’Mt.24:3-8 u Lq.21:7-11).
Mk.13:9-13. Xhieda minkejja tradiment (ara l-passi paralleli f’Mt.24:9-14 u Lq.21:12-19).
Mk.13:11. mhux intom li tkunu titkellmu, iżda l-Ispirtu s-Santu. Bħalma għamel mal-profeti tul il-Patt il-Qadim (Mk.12:36), l-Ispirtu s-Santu kkomunika l-verità divina permezz tal-appostli u l-profeti tal-Patt il-Ġdid. Tahom għerf u qlubija sopranaturali, u verità infallibbli mingħand Kristu (Ġw.15:26-27; 16:13-15; At.2:4; 4:8; 9:17-20; 13:9). Din il-wegħda ta’ Ġesù m’għandhiex tittieħed minna llum biex niskużaw in-nuqqas ta’ studju jew preparazzjoni tal-predikatur qabel jitkellem. Appuntu minħabba l-fatt li m’aħniex appostli jeħtieġ aktar u aktar nistudjaw u nfittxu nifhmu sew l-Iskrittura (2 Tim.2:7,15).
Mk.13:14-20. It-tribulazzjoni l-kbira (ara l-passi paralleli f’Mt.24:15-22 u Lq.21:20-24).
Mk.13:15-18. Dawn l-eżempji jqanqlu sens ta’ urġenza għal dawk li kellhom jaħarbu.
Mk.13:19. ħolqien li Alla ħalaq. Enfasi fuq il-fatt illi kulma jeżisti huwa r-riżultat tal-qawwa kreattiva t’Alla, mhux xi proċess evoluzzjonarju.
Mk.13:20. minħabba l-magħżulin li hu għażel. (ara n-notament f’Mt.24:22).
Mk.13:21-23. Twissija kontra l-ingann (ara l-pass paralleli f’Mt.24:23-28).
Mk.13:24-27. L-avvent ta’ Bin il-Bniedem (ara l-passi paralleli f’Mt.24:29-31 u Lq.21:25-28).
Mk.13:25. Dan hu lingwaġġ profetiku dwar jum is-Sid, meta jimmanifesta lilu nnifsu apertament (Isa.13:10; 24:21-23; 34:4).
Mk.13:28-31. Lezzjoni mis-siġra tat-tin (ara l-passi paralleli f’Mt.24:32-35 u Lq.21:29-33).
Mk.13:32-35. Viġilanza, għax ħadd ma jaf il-jum (ara l-pass paralleli f’Mt.24:36-44).
Mk.14:1-2. Konġura biex joqtlu ’l Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:1-5, Lq.22:1-2 u Ġw.11:34-53).
Mk.14:3-5. Mara tidlek ras Ġesù bil-fwieħa (ara l-passi paralleli f’Mt.26:6-9 u Ġw.12:1-6).
Mk.14:6-9. L-att ġeneruż tal-mara rikonoxxut (ara l-passi paralleli f’Mt.26:10-13 u Ġw.12:7-8).
Mk.14:10-11. Ġuda jiftiehem biex jittradixxi ’l Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:14-16 u Lq.22:3-6).
Mk.14:12-16. Tħejjija għall-ikla tal-Għid (ara l-passi paralleli f’Mt.26:17-19 u Lq.22:7-14).
Mk.14:12. jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid. Ġesù miet fl-Għid, il-festa li fiha l-Lhud jiċċelebraw kif Alla proteġiehom mill-anġlu tal-qirda qabel ma ħarġu mill-Eġittu. Kull familja kellha toqtol ħaruf u ċċappas id-demm mal-bieb ta’ darha.
Il-mewta ta’ Ġesù turi l-kontinwità profonda fil-pjan divin tas-salvazzjoni (cf., 1 Kor.5:7). Fl-ordni ta’ dawn il-festi hi affermata l-prijorità tal-att divin ta’ salvazzjoni (l-Għid u l-fidwa) qabel l-opri tal-ġustizzja tal-fidil (l-Ażżmi u t-tneħħija tad-dnub mill-ħajja tal-fidil).
Mk.14:17-21. It-tradiment imbassar (ara l-passi paralleli f’Mt.26:20-25, Lq.22:21-23 u Ġw.13:21-30).
Mk.14:22-26. It-twaqqif tal-Ikla tas-Sid (ara l-passi paralleli f’Mt.26:26-30, Lq.22:15-20 u l-1 Kor.11:17-34).
Mk.14:27-31. Iċ-ċaħda ta’ Pietru mbassra (ara l-passi paralleli f’Mt.26:30-35, Lq.22:31-34 u Ġw.13:36-38).
Mk.14:32-36. L-orazzjoni fl-ort tal-Getsemani (ara l-passi paralleli f’Mt.26:36-39 u Lq.22:39-44).
Mk.14:36. Hawnhekk Abba hi l-uniku użu rrekordjat meta Ġesù indirizza lil Alla hekk: tfisser Missier.
Mk.14:37-42. Għassu u itolbu (ara l-passi paralleli f’Mt.26:40-46 u Lq.22:45-46).
Mk.14:43-47. Ġesù tradut u arrestat (ara l-passi paralleli f’Mt.26:47-54, Lq.22:47-51 u Ġw.18:2-11).
Mk.14:48-52. Id-dixxipli jabbandunaw lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:55-56 u Lq.22:52-53).
Mk.14:51. ċertu ġuvnott. Dan id-dettall kurjuż jista’ jkun referenza mistura għall-awtur, Marku innifsu, għax familtu kienet minn Ġerusalemm (At.12:12). Forsi din hi stampa tal-għajb u l-konfużjoni tas-segwaċi tan-Nazzarenu f’dan iż-żmien kritiku.
Mk.14:53-59. Xhieda falza fis-Sanedrin kontra Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:57-61 u Lq.22:54).
Mk.14:53-15:15. ħadu ’l Ġesù ’l hemm. Din hi n-narrattiva taż-żewġ proċessi, wieħed tal-Lhud u l-ieħor tar-Rumani. Il-proċeduri huma miżgħuda żbalji u irregolaritajiet; il-ġustizzja hi mwarrba favur l-espedjenza u l-politika. Il-proċess Lhudi kellu tliet partijiet: smigħ quddiem Anna (rapportat biss fi Ġwanni 18:12-14,19-23), quddiem is-Sanedrin, immexxi minn Kajfa f’daru (Mk.14:53-65), u sessjoni tas-Sanedrin kmieni filgħodu (Mk.15:1). Il-proċess Ruman kellu wkoll tliet partijiet: quddiem Pilatu (Mk.15:2-5), quddiem Erodi Antipa (rapportat biss f’Luqa 23:6-12), u jerġa’ quddiem Pilatu (Mk.15:6-15).
Mk.14:56. t-testimonjanzi ma kinux jaqblu. Xhieda kontradittorja ma setgħetx tintuża biex tiġi mfassla akkuża formali (cf., Es.20:16; Dt.5:20; 17:6).
Mk.14:60-62. Ġesù jixhed fis-Sanedrin illi hu l-Messija (ara l-passi paralleli f’Mt.26:62-64, Lq.22:63-71 u Ġw.18:13-24).
Mk.14:63-65. Ġesù kkundannat għall-mewt (ara l-pass paralleli f’Mt.26:65-68).
Mk.14:64. Ġesù hu kkundannat, mhux għal irvell, iżda għax ikklejmja d-divinità għalih innifsu, l-essenza tal-messaġġ tiegħu. Il-qassis il-kbir qiesha bħala dagħwa għax Ġesù klejmja għalih innifsu is-setgħa u l-prerogattiva t’Alla.
Qabel ma ikkundannawh kellhom opzjoni waħda li setgħu kkonsidraw: li Ġesù tabilħaqq qal il-verità u li tassew igawdi l-approvazzjoni tal-Missier smewwieti (cf., Mk.14:28; At.3:13; Kol.2:9).
Mk.14:66-72. Pietru jiċħad ’il Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.26:69-75, Lq.22:56-62 u Ġw.18:15-18,25-27).
jibki. It-temp tal-verb Grieg jindika biki prolongat u ripetut, sinjal illi l-grazzja kienet qed tirbaħ lil Pietru lura bl-indiema (Lq.22:31-32).
Mk.15:1-5. Ġesù merħi f’idejn Pilatu (ara l-passi paralleli f’Mt.27:1-2,11-14, Lq.23:1-5 u Ġw.18:28-38).
Mk.15:6-11. Barabba preferut (ara l-passi paralleli f’Mt.27:15-21, Lq.23:18-21 u Ġw.18:39-19:11).
Mk.15:12-15. Ġesù kkundannat (ara l-passi paralleli f’Mt.27:22-26, Lq.23:22-25 u Ġw.19:12-16).
Mk.15:16-20. Is-suldati jirridikolaw lil Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.27:27-31 u Ġw.19:2-3).
il-porpra kien drapp vjola, jiswa ħafna u diffiċli tiksbu, u allura kien marka ta’ grad għoli (Et.1:6; Prov.31:22; Lq.16:19; Riv.17:4), speċjalment ta’ livell irjali (2 Kron.2:7,14; 3:14; Am.3:10).
Mk.15:21-27. Fuq il-Kalvarju (ara l-passi paralleli f’Mt.27:32-38, Lq.23:26-34 u Ġw.19:17-27).
Mk.15:25 (cf., Ġw.19:14). it-tielet siegħa. M’hemm kontradizzjoni fi xħin kien mislub Ġesù. Marku juża s-sistema Lhudija u Ġwanni s-sistema Rumana: it-tnejn jgħidu li ssallab fid-disgħa ta’ filgħodu, waqgħet id-dalma fuq l-art f’nofsinhar, miet fit-tlieta ta’ waranofsinhar, u difnuh qabel is-sitta (ċoè, qabel ma beda s-Sibt, skont is-sistema Lhudija).
Mk.15:29-32. Ġesù mżeblaħ mill-mexxejja u n-nies (ara l-passi paralleli f’Mt.27:39-44 u Lq.23:35-38).
Mk.15:33-36. Ġesù jagħmel tliet sigħat agonizzant (passi parallei f’Mt.27:45-50, Lq.23:46 u Ġw.19:28-30).
Mk.15:38-41. Spettaturi fuq il-Golgota (ara l-passi paralleli f’Mt.27:54-56 u Lq.23:44-49).
Mk.15:42-47. Ġesù mogħti għad-difna (ara l-passi paralleli f’Mt.27:57-61, Lq.23:50-54 u Ġw.19:38-42).
lejlet is-Sibt, ċoè l-Ġimgħa. Id-difna kellha ssir malajr altrimenti ma jkunx jistgħu minħabba l-jum tal-mistrieħ.
Mk.15:43. mar b’kuraġġ. Mid-dehra dan hu l-ewwel att ta’ fidi daparti Ġużeppi, iżda wettqu f’ħin meta d-dixxipli nfushom ħarbu. Ġużeppi, is-segwaċi sigriet ta’ Ġesù, iqiegħed lilu nnifsu f’kunflitt mad-deċiżjoni tas-Sanedrin, u jipperikola l-futur tiegħu.
Mk.16:1-3. In-nisa jżuru l-qabar ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.28:1, Lq.24:1-3 u Ġw.20:1).
Mk.16:1. junzjonawh. Il-Lhud, differenti mill-Eġizzjani, ma kinux jibbalzmaw lill-mejtin tagħhom. L-unzjoni, jew id-dilka, kienet att ta’ mħabba, biex tnaqqas ir-rieħa ta’ ġisem qed jitħassar. Bħad-dixxipli, in-nisa ma kinux qed jippretendu illi Ġesù jirxoxta mill-mewt (cf., Mk.8:31; 9:31; 10:34).
Mk.16:4-8. Anġlu jħabbar ir-resurrezzjoni ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Mt.28:2-8 u Lq.24:4-12).
Mk.16:6. Hu rxoxtat. Jekk il-Vanġelu skont Marku jilħaq il-quċċata tiegħu fid-dikjarazzjoni li Ġesù hu Bin Alla (Mk.15:39), klajmaks ieħor niltaqgħu miegħu fit-tħabbira tal-qawmien tiegħu, li hu attestazzjoni qawwija li l-ippritkar tiegħu dwar il-miġja tas-saltna fil-qawwa hu minnu.
Mk.16:9-11. Ġesù jidher lill-Madalena (ara l-passi paralleli f’Mt.28:9-10 u Ġw.20:11-18).
Abbli Marija l-Madalena (Mk.15:40,47; 16:1) tissemma bħala tifkira illi Kristu kien diġà kkonkwista lix-xitan f’jiem l-umiljazzjoni tiegħu, għax illiberaha minn seba’ demonji. U issa rebaħlu b’mod aktar apert bħala s-Sid irxoxtat.
Mk.16:9-14. Il-qawmien ta’ Kristu kien ikkonfermat bid-dehra tiegħu lil ħafna xhieda fi ġranet u ħinijiet differenti. Ried jagħti prova li tabilħaqq u fiżikament qam; dan l-avveniment glorjuż ma kienx alluċinazzjoni jew qerq daparti ta’ xi individwi. Hu fatt storiku kkonfermat (1 Kor.15:4-9).
Mk.16:9-20 Issa wara li rxoxta. Il-pass hu problematiku. Ix-xhieda tal-manuskritti għal dawn il-versi mhijiex konsistenti u difatti fihom differenzi kbar.
Xi studjużi jaħsbu li żdiedu aktar tard u allura ma kitibhomx Marku. L-evidenza esterna tissuġġerixxi bil-qawwa illi dawn il-versi ma kinux oriġinarjament parti mill-Vanġelu skont Marku. Ewsebju u Ġilormu, Santi Padri fis-seklu erbgħa, jinnotaw illi kważi l-manuskritti kollha disponibbli għalihom ma kellhomx dawn il-versi.
L-evidenza interna wkoll ixxaqleb kontra l-proposta li Marku kien l-awtur tagħhom.
Dawn il-versi jirrappreżentaw tenattiv bikri biex tingħata dehra ta’ kompletezza u konklużjoni “aktar aċċettabbli” għall-vanġelu. Kważi kulma jingħad f’dan il-pass hu mgħallem fi bnadi oħra tal-Iskrittura. Ebda dottrina m’għandha tkun formulata bbażata biss fuq dan il-pass.
Mill-banda l-oħra, huma ċċitati minn awturi minn tard fit-tieni seklu ’l hawn, fosthom minn Irenew, Tatjanu u possibbilment Ġustinu l-Martri, u nsibuhom fil-maġġor parti ta’ manuskritti Griegi eżistenti tal-Vanġelu skont Marku.
Mk.16:12-13. Tnejn oħra jaraw lil Ġesù rxoxtat (ara l-pass paralleli f’Lq.24:13-35).
Mk.16:14-18. Il-kummissjoni (ara l-passi paralleli f’Mt.28:16-20, Lq.24:36-39, Ġw.20:19-23 u At.1:6-8).
Mk.16:14. rrimproverahom għall-inkredulità tagħhom u l-ebusija ta’ qalbhom. In-nuqqas ta’ perċezzjoni spiritwali, riżultat ta’ ostilità lejn Alla fil-qalb umana, hi tema qawwija f’Marku (3:5; 4:12; 6:52; 7:6,21; 8:17,33; 10:5). Twissina biex ma nserrħux fuq tagħrif intellettwali tal-vanġelu, iżda nfittxu l-illuminazzjoni tal-Ispirtu biex jipproduċi u jsaħħaħ fina tagħrif esperjenzali, imqar wara l-konverżjoni (Sal.119:18,36; Ef.1:17-18).
Mk.16:15-16 hu simili għar-rakkont ta’ Mattew inkwantu l-Kummissjoni l-Kbira, bil-kuntrast miżjud ta’ fidili mgħammda ma’ dawk li rrifjutaw milli jemmnu u allura huma kkundannati. Imqar jekk Mk.16:9-20 hu parti ġenwina tal-Vanġelu skont Marku, hawnhekk mhuwiex mgħallem illi l-magħmudija ssalva lin-nies, għax il-mitlufa huma kkundannati minħabba l-inkredulità tagħhom, mhux għax baqgħu ma tgħammdux.
Min jemmen u jkun mgħammed se jkun salvat. Huwa evidenti qatigħ hawnhekk illi ma jgħid xejn dwar dawk li jemmnu u mhumiex mgħammda. Did-dikjarazzjoni sempliċement titkellem dwar każijiet ġenerali mingħajr ma tagħmel kwalifiki pedantiċi għal dak il-każ rari u mhux tas-soltu meta xi ħadd jemmen l-evanġelju u għadu mhux mgħammed. Ngħidu rari għax fil-knisja appostolika l-magħmudija ma kinitx posposta indefinittivament: ir-regola normali – u din narawha tispikka fl-Atti tal-Appostli – hi illi appena wieħed jemmen jirċievi l-magħmudija bla telf ta’ żmien. Sikwit naqraw illi tgħammdu dakinhar stess li kkonvertew!
Id-drawwa ta’ katekumenat fit-tul daħlet ħafna iżjed tard. Illum, fost l-Evanġeliċi, ukoll hemm il-ħabta li l-konvertit idum jittratieni qabel jirċievi l-magħmudija, sikwit inkuraġġit mill-mexxejja tal-knisja stess. Dan ma jaqbilx mal-mostra murija fil-Patt il-Ġdid.
Dal-vers, mela, m’għandux ikun sforzat biex jgħid xi ħaġa li mhuwiex qed jitkellem dwarha. Hekk jew hekk, fl-istess vers jingħad illi huma dawk li ma jemmnux li se jkunu kkundannati, mhux dawk li ma jitgħammdux.
Mk.16:17. is-sinjali mbassra hawn (ħlief ix-xorb ta’ valenu) huma rekordjati fil-Patt il-Ġdid, speċjalment fl-Atti, imma mhux aktar tard wara l-mewt tal-appostli (cf., Mk.16:20). Dawn l-għeliem kienu mwiegħda lill-komunità appostolika (Mt.10:1; 2 Kor.12:12), mhux għall-fidili kollha tul is-sekli (cf., 1 Kor.12:29-30).
Ovvjament ma jfissirx li kull Kristjan hu mistenni jew ingħatalu d-don jagħmel dawn il-mirakli. Huma mogħtija bħala konferma illi l-messaġġ tal-vanġelu hu awtentiku u ġej mis-sema (ara Rum.15:19; Ebr.2:3-4). Fil-knisja appostolika fl-ewwel seklu l-konferma bil-mirakli hi suffiċjenti, u huma rrekordjati għall-fidi tal-knisja. Bħalma hu rikjest mill-Kristjan illi jemmen il-fatti storiċi u t-tagħlim imniżżel fil-Bibbja kollha, hekk ukoll imissu jemmen illi l-mirakli msemmija fiha huma ġenwini, ġraw tabilħaqq, u jservu bħala awtentikazzjoni tal-vanġelu u l-kelma skritturata kollha.
Mk.16:19-20. L-axxensjoni ta’ Ġesù (ara l-passi paralleli f’Lq.9:51; 24:50-53 u At.1:2-3,9-11).
Mk.16:19. bilqiegħda fuq il-leminija t’Alla hi status jew pożizzjoni li tissimbolizza l-awtorità li Ġesù jixxerja mal-Missier. Hi qagħda ta’ unur u awtorità (Mk.14:62; Fil.2:9; cf., Sal.110:1). Il-vanġelu hekk hu komplut; is-saltna ġiet introdotta, u aħna msejħa biex nidħlu fiha.
Mk.16:20. ikkonferma kelmtu bis-sinjali. B’varjetà ta’ mezzi u għemejjel sopranaturali, ċoè mirakli, Alla vvalida lil Ġesù bħala l-Messija, kif ukoll lill-appostli tiegħu bħala l-ambaxxaturi awtorizzati minnu stess. L-għeġubijiet imwettqa mill-appostli u xi wħud minn sħabhom huma s-sigill divin fuq il-messaġġ fdat lilhom biex jgħadduh lill-knisja għal tul is-sekli (cf., Mt.11:1-6; Lq.7:20-23; Ġw.3:2; 5:17-20; 8:28; Fil.2:9) bħalma Ġesù ħadem mirakli biex ikun provat li hu mibgħut minn Alla (Ġw.3:2; At.2:22). Il-mirakli jixhdu għall-awtentiċità tal-messaġġ u l-messaġġier.
Issa li l-evanġelju hu kkonfermat, ma għandniex nippretendu li Alla jibqa’ jaħdem il-mirakli. Difatti, nafuha bħala fatt storiku, illi wara l-mewt tal-appostli l-mirakli hedew. Kien biss fost is-superstizzjużi, fis-sekli sussegwenti, illi ġew ivvintati stejjer fantastiċi u strambi ta’ mirakli, li saru xi ħaġa mistennija u komuni fi ħdan il-Knisja Kattolika Rumana, u fiż-żmien kontemporanju, fost il-Kariżmatiċi u l-Pentekostali. Dawn, però, huma mirakli foloz, u b’ebda mod ma jikkomparaw mal-mirakli bibliċi. Il-Kristjan mhuwiex mistenni minnu jemmen kull rapport kwalunkwe ta’ ġrajja mirakoluża. Bil-fidi jistrieħ fuq ir-rekordju bibliku, li hu adegwat u suffiċjenti.