Il-Varjanti fil-Manuskritti u l-Ispirazzjoni

Hemm min joġġezzjoni għall-ispirazzjoni tal-Bibbja, għax josservalna li l-inerranza biblika tirreferina għall-awtografi, ċoè l-manuskritti oriġinali tad-dokumenti bibliċi. Illum dawn kollha mitlufa: għandna biss apografi, ċoè kopji ta’ kopji ta’ kopji ta’ x’kiteb Ġeremija, Mattew u l-bqija. Allura qajla jiswielna nagħtu daqshekk importanza fuq dottrina li tapplika biss għal manuskritti noneżistenti, jew għallinqas ħadd ma jaf fejn huma.

Bix-xieraq inwieġbu din l-oġġezzjoni:

1. Qabelxejn, ngħidu fatt ovvju: għal aktar minn disgħa u disgħin ta’ kliem il-Bibbja nafu kif kienu jinqraw l-awtografi, ossija l-manuskritti oriġinali. Imqar għal bosta mill-versi fejn għandna varjanti testwali (i.e., kliem differenti f’kopji antiki differenti tal-istess vers), il-qarja korretta sikwit tidher ċara, u għandna tabilħaqq ftit postijiet fejn il-varjant testwali hu diffiċli biex tevalwah kif ukoll sinifikanti biex tkun determinata t-tifsira. Fil-perċentwal ċkejken ta’ każijiet fejn hemm inċertezza sinifikanti dwar x’jgħid it-test oriġinali, is-sens ġenerali tas-sentenza hu ġeneralment pjuttost ċar mill-kuntest.

2. B’daqshekk ma rridux nagħtu x’nifmhu li l-istudju tal-varjanti testwali mhux importanti. Qed nisħqu biss li l-istudju tal-varjanti testwali ma jħallina f’ebda konfużjoni dwar x’qalu l-awtografi. Dan l-istudju ġabna estremament qrib il-kontenut tal-manuskritti oriġinali. Għall-biċċa l-kbira tal-għanijiet kollha prattiċi, mela, it-test kurrenti ppubblikat (l-edizzjoni l-iktar reċenti tan-Novum Testamentum Graece – Nestle-Aland) hu l-istess bħall-manuskritti oriġinali. Għalhekk, meta ngħidu li l-manuskritti oriġinali kienu inerranti (bla żball), qed nimplikaw ukoll li aktar minn 99% tal-kliem fil-manuskritti preżenti tagħna huwa wkoll inerranti, għax huma kopji eżatti tal-oriġinali. 

Aktar minn hekk, nafu fejn huma l-qarjiet inċerti (għax fejn m’hemmx varjanti testwali m’għandna ebda raġuni nistennew ikkopjar żbaljat tal-oriġinal). Hekk, il-manuskritti preżenti tagħna huma virtwalment l-istess bħall-awtografi, u d-dottrina tal-inerranza, allura, tikkonċerna l-manuskritti preżenti tagħna wkoll. 

3. Huwa estremament importanti naffermaw l-inerranza tad-dokumenti oriġinali, għax il-kopji sussegwenti kienu magħmula min-nies li Alla ma wegħidhomx u lanqas iggarantielhom li l-kopji tagħhom se jkunu perfetti bħall-oriġinal, għalkemm nemmnu li Alla, fil-providenza meraviljuża tiegħu, issorvelja t-trasmissjoni tal-Kelma tiegħu. Għalhekk, jekk għandna ċerti żbalji minuri fil-kopji, kif infatti nammettu, allura dawn huma biss l-iżbalji tal-bnedmin. Imma jekk għandna żbalji fid-dokumenti oriġinali, allura nkunu sforzati ngħidu mhux biss li l-bnedmin żbaljaw (Isaija, Mosè u Luqa) iżda li Alla nnifsu żbalja u tkellem falzament. Dan ma nistgħux nagħmluh. 

Għal kull għan prattiku, il-Kristjan jista’ jkun konfidenti illi meta jaqra traduzzjoni tajba tal-Bibbja qiegħed jaqra Kelmet Alla, bla mittiefsa u bla żball.