Il-Bibbja: Suffiċjenti għall-Fidi u l-Etika


L-Iskrittura Mqaddsa toffri diversi argumenti favur id-dottrina li hi l-unika regola infallibbli ta’ fidi u prattika. Pereżempju:

1. L-Iskrittura dejjem titkellem f’isem Alla, u tikkmanda l-fidi u l-ubbidjenza.

2. Kristu u l-appostli tiegħu dejjem jirreferu għall-Iskrittura miktuba, li eżistiet dak iż-żmien, bħala awtorità finali, u għall-ebda regola ta’ fidi oħra assolutament (Luqa 16:29; 10:26; Ġwanni 10:39; Rumani 4:3; 2 Timotju 3:15).

3. Il-Bereani huma mfaħħra talli ttestjaw fid-dawl tal-Iskrittura kull tagħlim, saħansitra tagħlim appostoliku (Atti 17:11. Ara wkoll Isaija 8:16).

4. Kristu ċanfar bis-sħiħ lill-Fariżej talli żiedu u għalhekk għawġu l-Iskrittura (Mattew 15:7-9; Marku 7:5-8. Ara wkoll Rivelazzjoni 22:18-19; Dewteronomju 4:2; 12:32; Ġożwè 1:7; Proverbji 30:5-6).

L-Iskrittura hi suffiċjenti bħala regola ta’ fidi u prattika. Ma rridux infissru li l-Iskrittura fiha kull rivelazzjoni li Alla qatt għamel lill-bniedem, iżda rridu ngħidu li l-kontenut sħiħ tal-Iskrittura hu l-uniku rivelazzjoni sopranaturali li Alla issa jagħmel lill-bniedem. Dir-rivelazzjoni sopranaturali hi sħiħa u biżżejjed għall-finijiet tagħha biex tiggwida lill-bniedem f’dak li jirrigwarda x’għandu jemmen, kif għandu jġib ruħu, u x’modi ta’ qima għandu jadotta. L-Iskrittura għalhekk teskludi n-neċessità u d-dritt li jkun hemm invenzjonijiet umani fir-reliġjon.

B’daqshekk ma rridux niċħdu li Alla jirrivela lilu nnifsu, il-qawwa eterna u d-divinità tiegħu, bl-għemejjel tiegħu, u għamel hekk mill-bidu tal-ħolqien. Iżda l-veritajiet kollha hekk rivelati huma mgħarrfa ċar fil-Kelma miktuba tiegħu. Lanqas ma rridu niċħdu li seta’ kien hemm, u probabbli kien hemm, kotba miktuba minn awturi li kellhom sehem mill-kitba oriġinali tal-Bibbja, li llm intilfu u m’għadhomx jeżistu. Wisq inqas ma rridu niċħdu li Kristu u l-appostli tiegħu taw messaġġi numerużi li mhumiex rekordjati, u li kieku huma magħrufa u awtentikati, ikunu t’awtorità ugwali mal-kotba issa stmati bħala kanoniċi. 

Kulma qegħdin ninsistu hu, li l-Bibbja tinkludi fiha r-rivelazzjonijiet kollha t’Alla li jeżistu għal-lum, li kienu fi ħsiebu illi jservu ta’ regola ta’ fidi u prattika għal niesu; tant li xejn ma nistgħu leċitament nimponu fuq il-kuxjenza tal-bnedmin bħala verità jew dmir jekk mhix mgħallma direttament jew b’implikazzjoni neċessarja fil-Kotba Mqaddsa.

Allura l-Bibbja, u l-Bibbja biss, hi r-reliġjon tal-Kristjan. Hu d-dover ta’ kull Kristjan li jaċċetta, jiġbor u jikkombina l-fatti kollha li Alla għoġbu jirrivela dwaru nnifsu u r-relazzjoni tagħna miegħu. Dawn il-fatti jinsabu miġbura kollha fil-Bibbja. Dan hu veru, għaliex kulma hu rivelat fin-natura, u fil-kostituzzjoni tal-bniedem rigward Alla u r-relazzjoni tagħna miegħu, huwa kontenut u awtentikat fl-Iskrittura. F’das-sens, il-Bibbja, u l-Bibbja biss, hi r-reliġjon tal-Kristjan ubbidjenti. 

Nistgħu nammettu li l-veritajiet li t-teoloġu jrid jirranġa u jarmonizza flimkien, huma rivelati parzjalment fl-għemejjel esterni t’Alla, xi ftit fil-kostituzzjoni tan-natura tagħna u xi ftit fl-esperjenza reliġjuża tal-fidili. Madankollu, biex żgur ma niżbaljawx fl-inferenzi tagħna mill-għemejjel t’Alla, provdielna fil-Kelma tiegħu rivelazzjoni iżjed ċara ta’ kulma tirrivelalna n-natura. Biex ma mmorrux ninterpretaw ħażin il-liġijiet tan-natura u l-kuxjenza tagħna, kulma nistgħu leċitament nitgħallmu minn dawn is-sorsi nsibuh rikonoxxut u awtentikat fl-Iskrittura. Biex ma mmorrux nattribwixxu l-operazzjonijiet tal-affezzjonijiet naturali tagħna lill-Ispirtu s-Santu, insibu dejjem fil-Bibbja n-norma u l-istandard ta’ kull esperjenza reliġjuża ġenwina. L-Iskrittura mhux biss tgħallem il-verità, iżda wkoll x’inhuma l-effetti tal-verità fuq il-qalb u l-kuxjenza, meta l-verità tkun applikata b’qawwa salvivika mill-Ispirtu t’Alla.

Il-karattru tal-Iskrittura juri illi tabilħaqq hi kompluta u suffiċjenti għall-fidi u l-imġiba tagħna. Tgħidilna li kapaċi twassalna biex ngħarfu verament lil Alla. Għalhekk jeħtieġ tgħallimna kulma hu neċessarju biex jintlaħaq dan l-iskop. Jekk teħtieġ xi regola oħra supplimentarja, bħalma hi t-tradizzjoni, nistennew li tirreferina għaliha. Ma tistax tibqa’ siekta fuq hekk għax kieku tkun qed tqarraq bina billi ma tgħidilniex il-verità kollha. Iżda xi nsibu? Filwaqt li ħafna mill-awturi tal-Bibbja jirreferu għall-kitbiet oħra ispirati u jikkwotawhom, lanqas wieħed minnhom qatt ma jagħtina ħjiel li teżisti jew hemm bżonn xi regola oħra (cf., Ġwanni 20:31; 2 Timotju 3:15-17).

Bħalma l-Iskrittura tippreżenta lilha nfisha bħala regola suffiċjenti għall-iskopijiet tagħha, hekk tabilħaqq instabet u għadha tinstab prattikament min-nies veri u spiritwali t’Alla matul iż-żminijiet. L-Iskrittura tgħallem sistema ta’ dottrina sħiħa u armonjuża. Tforni lill-poplu t’Alla mxerred ma’ kullimkien f’kulturi u ambjenti differenti dawk il-prinċipji neċessarji kollha għall-gvern tal-ħajja privata tal-Kristjan, f’kull relazzjoni, għall-qima pubblika t’Alla, u għall-amministrazzjoni tas-saltna. Mhux hekk biss, iżda l-Iskrittura wkoll tattakka direttament kull tradizzjoni reliġjuża u kull innovazzjoni saċerdotali.

Hemm min joġġezzjona billi jgħid li Pawlu jiddeskrivi l-Iskritturi bħala “siewja” u mhux bħala “suffiċjenti.” Il-linka hi siewja u neċessarja għall-kitba, iżda mhix suffiċjenti waħidha.

Bi tweġiba ngħidu illi hu miktub li l-Kelma kapaċi tagħmilna għorrief għas-salvazzjoni, u kwalunkwe ħaġa li hi profitabbli għas-salvazzjoni hi neċessarjament suffiċjenti wkoll. Minħabba f’hekk ma jista’ jkun hemm ebda ħaġa bżonjuża oħra. Ix-xemx hi profitabbli għall-illuminazzjoni, u b’hekk virtwalment qed ngħidu li hi suffiċjenti, billi ebda dawl ieħor mhu meħtieġ jew profitabbli meta nkunu illuminati mix-xemx.

Il-Kattoliċi jgħidu illi l-istess test Pawlu jrreferi għall-Patt il-Qadim. Jekk il-Patt il-Qadim kien suffiċjenti għas-salvazzjoni, allura l-Ġdid mhux neċessarju, jirraġunaw. Ladarba hu indispensabbli, madankollu, allura “siewja” hawnhekk hi kważi identika ma’ “vantaġġjuża” iżda mhix ekwivalenti għal “suffiċjenti.”

Dan l-argument inweġbuh hekk:

1. Il-Patt il-Qadim kien suffiċjenti saż-żmien appostoliku. Il-Patt il-Ġdid ma jipproponix dottrina jew prattika differenti minn dik preżentata fil-Patt il-Qadim, iżda aktarx jikkonferma u jawmenta l-ħaġa mwiegħda, u hekk jagħti espożizzjoni tat-twettiq tagħha. Jekk il-Patt il-Qadim kien siewi jew profitabbli sa ċertu grad li kien suffiċjenti għal dak iż-żmien, allura l-ġabra flimkien tal-Qadim u l-Ġdid hi iżjed u iżjed profitabbli.

2. Meta Pawlu kiteb lil Timotju, il-parti l-kbira tal-Patt il-Ġdid kien diġà miktub għad-dispożizzjoni tal-knisja u allura hu inkluż ukoll.

3. Il-ftit kotba bibliċi li kienu għadhom ma nkitbux ukoll jaqgħu taħt din l-affermazzjoni ta’ Pawlu għax huma wkoll “Skrittura,” li Alla fiż-żmien imwaqqat kellu jagħti.

Bħala regola ta’ fidi, l-Iskrittura hi aċċessibbli. Din hi karatteristika preminenti tal-Iskrittura, b’kuntrast għat-tradizzjoni li ħadd ma jaf f’xiex tikkonsisti sewwa sew. Il-Bibbja ħadd m’għandu monopolju fuqha, u tista’ tirreferi għaliha bil-libertà. Għall-kuntrarju, it-tradizzjoni u kull regola oħra, hi x’inhi, tinsab fil-kustodja ta’ korporazzjoni ta’ qassisin jew soċjetajiet arkani. F’dan ir-rigward, l-aġenzija tal-knisja hi sempliċement li tagħti sfog għall-Kelma t’Alla. Xogħolna hu li npoġġuha f’idejn in-nies sabiex l-Ispirtu t-Alla jpoġġiha f’qalbhom.

Bħala regola ta’ fidi, l-Iskrittura hi wkoll l-imħallef li jaqta’ s-sentenza fi kwalunkwe kustjoni xi jmissna nemmnu u nagħmlu. Regola hi standard ta’ ġudizzju; imħallef hu dak li jfisser u japplika dik ir-regola biex tittieħed deċiżjoni f’każijiet partikolari. 

Id-dottrina Kristjana tgħid li l-Iskrittura hi l-unika regola infallibbli ta’ fidi u prattika.

1. Negattivament dan ifisser li ma teżisti ebda aġenzija ta’ nies kwalifikati jew awtorizzati minn Alla biex jinterpretaw l-Iskrittura, jew japplikaw il-prinċipji tagħha biex jiddeċiedu kwistjonijiet partikolari f’sens li jorbtu l-fidi ta’ ħuthom il-Kristjani l-oħra.

2. Pożittivament ifisser li l-Iskrittura hi l-uniku leħen infallibbli fil-knisja, u għandha tkun interpretata fid-dawl tagħha stess u bl-għajnuna grazzjuża tal-Ispirtu s-Santu, imwiegħed lil kull Kristjan (1 Ġwanni 2:20-27). Għandha tkun interpretata minn kull individwu għalih innifsu, bl-assistenza, għalkemm mhux bl-awtorità, ta’ sħabu l-Kristjani l-oħra. Kredijiet u stqarrijiet ta’ fidi, fl-għamla tagħhom, jorbtu biss lil dawk li jħaddnuhom volontarjament, u fil-kontenut tagħhom, jorbtu biss sakemm jirriflettu fedelment it-tagħlim tal-Iskrittura, u jorbtu għax hekk tgħallem l-Iskrittura.