Il-Bibbja Suffiċjenti: Applikazzjonijiet


X’applikazzjonijiet prattiċi għandha d-dottrina tas-suffiċjenza tal-Iskrittura għalina l-Insara? Mingħajr ma nipprovaw inkunu komprensivi, insemmu l-punti li ġejjin:

1. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura għandha tinkuraġġina aħna u nipprovaw niskopru xi jridna naħsbu Alla (dwar punt dottrinali partikolari) u x’nagħmlu (f’sitwazzjonijiet partikolari). Kulma jridna nkunu nafu fuq it-tali suġġett jinsab fl-Iskrittura. B’daqshekk ma jfissirx li l-Bibbja twieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħna, dwar il-ġografija, il-politika, l-ekonomija u oqsma oħra. Il-Bibbja mhix enċiklopedija li tiġbor fiha l-veritajiet u l-fatti kollha. L-għan tagħha hu speċifikat: biha naslu biex insalvaw (permezz tal-fidi fi Kristu) u biha wkoll nitgħallmu ngħixu ġustament għall-unur t’Alla Missierna (2 Timotju 3:16-17). F’dan iż-żewġ oqsma kbar il-knisja ssib il-gwida tagħha fl-Iskrittura biss. 

2. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura tfakkarna li m’għandna nżidu xejn mal-Bibbja, u m’għandniex nikkonsidraw xi kitbiet oħra magħha bħala ugwalment profitabbli għalina. Il-kulti u s-setet kollha jiksru dal-prinċipju fondamentali. Il-Mormoni għandhom The Book of Mormon, il-Christian Scientists għandhom is-Science and Health With a Key to the Scriptures, ta’ Mary Baker Eddy; il-Knisja Kattolika Ruamna għandha t-Tradizzjoni; u nibqgħu sejrin hekk. Il-Kristjani hawnhekk iridu joqogħdu attenti li, għalkemm ma jżommu ebda ktieb jew dokumenti umani fuq l-istess livell mal-Iskrittura, jiġu influwenzati mill-kultura tagħhom, il-psikoloġija moderna, il-filosofija, l-ispekulazzjoni tagħhom stess, l-esperjenzi tagħhom, hekk li jsegwu lilhom aktarx milli l-Iskrittura.

3. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura tgħidilna li Alla ma jirrekjediniex nemmnu xi ħaġa dwaru jew dwar il-ħidma ridentiva tiegħu li mhix irrekordjata fl-Iskrittura. Fost il-kitbiet minn żmien il-knisja bikrija nsibu xi ġabriet ta’ għidut allegatament ta’ Ġesù li mhumiex priżervati fil-Patt il-Ġdid. Jista’ jkun li għallinqas xi wħud minn dawn l-għidut huma rekordju akkurat ta’ ħwejjeġ li Ġesù attwalment qal (għalkemm issa huwa impossibbli għalina niddeterminaw b’xi grad għoli ta’ probabbiltà liema huma). Imma ma jimportax għalina jekk qatt ma naqraw jew insiru midħla ma’ dawn l-għidut, għax Alla kkawża li jkun irrekordjat fl-Iskrittura dak kollu li neħtieġu mill-kliem u l-għemejjel ta’ Ġesù biex inkunu nistgħu nafdawh u nobduh perfettament. Għalkemm dawn id-dammiet għandhom xi valur limitat fir-riċerka lingwistika u forsi fl-istudju tal-istorja tal-knisja, m’għandhom ebda valur dirett għalina biex nitgħallmu x’għandna nemmnu dwar ħajjet Kristu u tagħlimu, jew biex nifformulaw il-konvinzjonijiet dottrinali jew etiċi tagħna.

4. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura turina li ebda “rivelazzjoni” fiż-żmien preżenti m’għandha timpressjonana jew inħalluha tinfluwenzana. Il-moviment Kariżmatiku, bit-taparsi profeziji tiegħu, hawnhekk jinkixef bħala moviment li qed jeħodha kontra s-suffiċjenza biblika, jew almenu qed jixħet dell ta’ dubju dwar il-verità fondamentali ta’ Sola Scriptura, ċoè nemmnu skont ma tgħallem il-Bibbja, u l-Bibbja biss. 

5. Inkwantu ħajjitna, is-suffiċjenza tal-Iskrittura taffermalna li xejn mhu dnub jekk mhux miċħud fl-Iskrittura espliċitament jew b’implikazzjoni. Jekk timxi fil-liġi tal-Mulej tkun “bla ħtija (Salmi 119:1). M’għandniex mela nżidu jew nimponu fuq ħaddieħor projbizzjonijiet li mhumiex meħuda mill-Iskrittura. 

Il-ħafna liġijiet ekkleżjastiċi tal-Knisja Kattolika Rumana hawnhekk jaqgħu u jisfumaw fix-xejn: jinkixfu bħala tradizzjonijiet tal-bnedmin. Naturalment, soċjetajiet umani, bħalma huma ġnus, knejjes, familji u l-bqija, jistgħu jagħmlu regoli għall-kondotta tal-ħwejjeġ tagħhom infushom. Ubbidjenza għal dawn ir-regoli hija xierqa għax l-Iskrittura tgħidilna nkunu suġġetti għall-awtoritajiet governattivi (Rumani 13:1-7; 1 Pietru 2:13-3:6; et al). L-abbuż isir meta jkun hemm tentattiv biex ir-regola tingħata applikazzjoni ġeneralizzata barra mis-sitwazzjoni li fiha jmissha bix-xieraq tiffunzjona. Innota d-differenza bejn, “F’did-dar, it-tfal ma jistgħux jaraw televiżjoni matul il-ġimgħa,” u, “Il-Kristjani kollha, huma fejn huma, m’għandhomx iħallu lil uliedhom jaraw it-televiżjoni matul il-ġimgħa.”

6. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura tgħidilna li Alla ma jirrekjiedi xejn minna ħlief dak kmandat fl-Iskrittura espliċitament jew b’implikazzjoni. Il-knisja għandha tiffoka t-tfittxija tagħha għar-rieda t’Alla fuq il-Bibbja aktarx milli nfittxu l-gwida permezz tat-talb għal ċirkostanzi mibdula jew kambjament fis-sentimenti tagħna jew gwida diretta mill-Ispirtu s-Santu, li qatt ma jmexxina apparti mill-Iskrittura (2 Pietru 1:3-5). 

“Immexxija mill-Ispirtu” (Rumani 8:14; Galatin 5:18) ma tfissirx gwidati mistikament b’esperjenzi straordinarji jew impressjonijiet ġewwiena. Aktarx tirreferi għal kif l-Ispirtu jwassalna biex nobdu r-rieda rivelata tiegħu fl-Iskrittura. Il-frażi, “immexxija mill-Ispirtu,” għandha aspetti morali. L-iskoperta ta’ dil-verità tista’ ġġib ferħ u sliem kbir lill-Kristjan. Ladarba jkun konvint mis-suffiċjenza tal-Bibbja, ma jinħeliex ifixxex il-gwida t’Alla apparti minnha, iżda aktarx ifittixha fiha. Bi ħrara u regolarment jagħraf jikber fl-ubbidjenza tiegħu, u jġarrab libertà u sliem f’ħajtu (cf., Salmi 119:44-45,165).

7. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura tgħallimna li jmissna nenfasizzaw dak li tenfasizza l-Iskrittura u nkunu kuntenti b’dak li qalilna Alla fiha. Hemm xi suġġetti li dwarhom Alla qalilna ftit jew xejn affattu. “Il-ħwejjeġ sigrieta huma tal-Mulej Alla tagħna” (Dewteronomju 29:29). Hija fil-prerogattiva tiegħu x’jgħidilna jew xi jżomm bogħod minna. Attwalment qalilna eżattament dak kollu li neħtieġu nkunu nafu. Jekk l-Iskrittura hi siekta fuq it-tali suġġett, jeħtieġ nitgħallmu nsikktu ħalqna u nammettu, “Ma nafux.”

F’ċerti oqsma fejn l-Iskrittura tagħti enfasi relattivament ċkejkna, hija ħaġa ironika u traġika li mexxejja denominazzjonali sikwit jiddefendu bil-forza kollha preċiżament dawk il-punti dottrinali minuri li tagħmel id-denominazzjoni tagħhom differenti mill-oħrajn. Sforzi bħal dawn rari huma motivati minn xewqa biex tkun koltivata l-unità fil-knisja. Inevitabbilment tiddeffes il-kburija, jew xewqa biex tinżamm tmexxija fuq l-oħrajn, jew ikun hemm tentattiv biex wieħed jiġġustifika lilu nnifsu, xi ħaġa li ma togħġobx ’l Alla u fl-aħħar mill-aħħar ma tibnix lill-knisja.