Il-Bibbja: L-Ogħla Awtorità


L-Iskrittura Mqaddsa hi l-unika regola infallibbli ta’ fidi u prattika. “Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba” (2 Timotju 3:16-17). 

Kulma jgħallem jew jikkmanda Alla hu t’awtorità sovrana, unika u suprema. Meta nsejħu l-Iskrittura “regola infallibbli” rridu ngħidu illi twasslilna tagħrif totalment bla żball fit-tagħlim u l-kmandamenti t’Alla. L-Iskritturi tal-Patt il-Qadim u l-Ġdid, sitta u sittin ktieb b’kollox, jifformaw l-unika organu li bih, għaż-żmien tal-lum, Alla jgħaddilna l-informazzjoni dwar ir-rieda tiegħu, jiġifieri x’għandna nemmnu dwaru, u x’doveri jirrekjiedi minna.

Dan nirreferu għalih ukoll bħala s-suffiċjenza tal-Iskrittura. Il-Bibbja, xejn inqas u xejn iżjed, hi l-messaġġ sħiħ u komplut li Alla f’għerfu għadda lil niesu. Tikkonsisti fil-kliem kollu t’Alla li neħtieġu għas-salvazzjoni, biex nafdawh perfettament, u nobduh perfettament.

Irridu ngħidu illi l-ammont ta’ Skrittura mogħtija kien suffiċjenti f’kull stadju tal-ġrajja ridentiva. Is-suffiċjenza tal-Iskrittura ma timplikax li Alla ma setax iżid aktar kliem ma’ dak diġà mogħti lil niesu. Timplika aktarx li l-bniedem ma jistax iżid, bl-inizjattiva tiegħu stess, kwalunkwe kliem ma’ dak diġà mogħti b’ispirazzjoni. Timplika wkoll li infatti Alla ma tkellimx aktar milli jirrekjedina nemmnu jew nobdu minn dak li issa għandna miġbur fil-qanun tal-Iskrittura.

Dal-punt jgħinna nifhmu kif Alla seta’ jgħid lil niesu li kliemu għalihom kien suffiċjenti fi stadji differenti fl-istorja tal-fidwa, u kif madankollu seta’ jżid miegħu aktar tard. Pereżempju, Mosè jgħid, “Il-ħwejjeġ misturin huma tal-Mulej, t’Alla tagħna, iżda l-ħwejjeġ mikxufin huma tagħna u ta’ wliedna, għal dejjem, biex nagħmlu l-kelmiet kollha ta’ dil-liġi” (Dewteronomju 29:29).

Stqarrija bħal din tfakkarna li Alla dejjem ħa l-inizjattiva fl-irrivelar tal-verità. Hu ddeċieda x’jurina u x’ma juriniex. F’kull stadju, il-ħwejjeġ rivelati kienu għal niesu għal dak iż-żmien, u kellhom id-dmir jistudjaw, jemmnu u jobdu dawk il-ħwejjeġ. Hekk kif ipprogressat l-istorja tal-fidwa, żdiedet aktar rivelazzjoni t’Alla, biex tirrekordja u tinterpreta dik l-istorja.

Il-prinċipju tas-suffiċjenza tal-Iskrittura, imsemmi diversi drabi matul l-għoti tal-Iskrittura:

“Iżżidx mal-kelma li qed nikkmandak, lanqas tneħħi minnha, sabiex iżżomm il-kmandamenti tas-Sid Alla tiegħek li qed nikkmandak...Kulma nikkmandak oqgħod attent biex tagħmlu; la żżidx u lanqas tneħħi minnu” (Dewteronomju 4:2; 12:32).

“Kull kelma t’Alla hi ttestjata; hu tarka għal dawk li jsibu rifuġju fih. La żżidx ma’ kliemu li ma jċanfrikx, u toħroġ ta’ giddieb” (Proverbji 30:5-6).

“Jien nixhed lil kull min jisma’ kliem il-profezija ta’ dal-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla se jżidlu l-flaġelli li huma miktubin f’dal-ktieb; u jekk xi ħadd ineħħi mill-kliem tal-ktieb ta’ dil-profezija, Alla se jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja u mill-belt il-qaddisa, li huma miktubin f’dal-ktieb” (Rivelazzjoni 22:18-19).

Il-prinċipju illi l-Bibbja hi suffiċjenti jibqa’ l-istess għal-lum ukoll. 

Il-Kredijiet Kristjani jiddikjaraw din il-verità fondamentali: jisħqu illi l-Iskrittura, waħidha u sħiħa, hi r-regola ta’ fidi u dover tagħna. Id-denominazzjonijiet Kristjani kollha jaqblu fuq dal-punt bażiku: “il-Kelma t’Alla, kif insibuha fl-Iskrittura tat-Testment il-Ġdid u l-Qadim, hi l-unika regola infallibbli ta’ fidi u prattika.” Mis-simboli numerużi tal-knejjes Protestanti nikkwotaw xi wħud. 

1. Il-Knisja Anglikana tikkonfessa: “L-Iskrittura Mqaddsa fiha l-ħwejjeġ kollha neċessarji għas-salvazzjoni, tant li dak li mhuwiex fiha jew ma jistax ikun provat biha, m’għandux jintalab mill-bnedmin, li għandu jkun emmnut bħala artiklu tal-fidi, jew ikun maħsub bħala meħtieġ jew neċessarju għas-salvazzjoni” (Id-Disgħa u Tletin Artiklu; Artiklu 6).

2. L-Istqarrija ta’ Fidi Battista, imsejsa mill-qrib fuq dik ta’ Westminster, tgħid hekk: “Il-fehma sħiħa t’Alla rigward il-ħwejjeġ kollha meħtieġa għall-glorja tiegħu stess, is-salvazzjoni tal-bniedem, il-fidi u l-ħajja tiegħu, hi espressament imniżżla jew inkella neċessarjament kontenuta fl-Iskrittura Mqaddsa, li magħha m’għandu jkun miżjud xejn f’ebda żmien, la b’rivelazzjoni ġdida tal-Ispirtu u lanqas bit-tradizzjonijiet tal-bnedmin (2 Timotju 3:15-17; Galatin 1:8-9). Madankollu nagħrfu l-illuminazzjoni ġewwiena tal-Ispirtu t’Alla bħala neċessarja għall-fehma salvivika tat-tali ħwejjeġ kif inhuma rivelati fil-Kelma (Ġwanni 6:45; 1 Korintin 2:9-12). Hemm xi ċirkostanzi rigward il-qima t’Alla u l-gvern tal-knisja li huma komuni għall-azzjonijiet u soċjetajiet umani, li għandhom ikunu determinati fid-dawl tan-natura u l-prudenza Kristjana, skont ir-regoli ġenerali tal-Kelma li dejjem għandhom ikunu osservati (1 Korintin 11:13-14; 14:26,40).”

3. L-Istqarrija Belġika tiddikjara: “Aħna nemmnu li f’din l-Iskrittura Mqaddsa hemm kontenuta r-rieda t’Alla kompletament, u li kulma wieħed jeħtieġlu jemmen biex ikun salvat hu mgħallem suffiċjentement fiha. Għax ladarba l-manjiera ta’ servizz sħiħ li Alla jirrekjiedi minna huwa deskritt fiha fit-tul, ħadd – lanqas jekk ikun appostlu jew anġlu mis-sema, kif jgħid Pawlu (Galatin 1:8) – m’għandu jgħallem differenti minn dawk il-ħwejjeġ li diġà għallmitna l-Iskrittura. Għax ladarba huwa projbit inżidu jew innaqqsu mill-Kelma t’Alla (Dewteronomju 12:32; Rivelazzjoni 22:18-19), dan juri fiċ-ċar li tagħlimha hu perfett u komplut f’kull rispett. Għaldaqstant m’għandniex nikkonsidraw kitbiet umani – kienu kemm kienu qaddisa l-awturi tagħhom – bħala ugwali għall-kitbiet divini; lanqas ma nistgħu nqiegħdu d-drawwa, jew il-maġġoranza, jew l-età, jew il-passaġġ taż-żmien jew ta’ persuni, jew konċilji, jew deċiżjonijiet uffiċjali, ogħla mill-verità t’Alla, għax il-verità hija ’l fuq minn kull ħaġa oħra. Għax il-bnedmin kollha huma giddieba min-natura u aktar fiergħa mill-frugħa nfisha. Għaldaqstant nirroftaw b’qalbna kollha kull ħaġa li ma taqbilx ma’ dir-regola infallibbli, kif aħna mgħallma nagħmlu mill-appostli meta jgħidu, ‘Ittestjaw l-ispirti biex taraw jekk humiex minn Alla (1 Ġwanni 4:1),’ kif ukoll, ‘jekk xi ħadd jiġi għandkom, u ma jġibx dat-tagħlim, la tilqgħuhx id-dar, u la sselmulux’ (2 Ġwanni 10)” (Artiklu 7).

Kristjani Evanġeliċi allura huma kommessi għal dawn il-punti kif elenkati hawn:

1. L-Iskritturi tal-Patt il-Ġdid u l-Qadim huma l-Kelma t’Alla, miktuba bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u konsegwentement infallibbli, u ta’ awtorità divina fil-ħwejjeġ kollha li għandhom x’jaqsmu mal-fidi u prattika. Għalhekk ma fiha ebda żball ta’ dottrina, fatt jew preċett. 

2. L-Iskrittura tiġbor fiha r-rivelazzjonijiet sopranaturali kollha t’Alla li jeżistu llum, maħsuba minn Alla biex iservu ta’ regola għall-fidi u l-prattika fil-knisja tiegħu.

3. L-Iskrittura hi miktuba b’tali mod li tiftiehem min-nies meta jużaw mezzi ordinarji, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, fil-ħwejjeġ kollha neċessarji għall-fidi u prattika, mingħajr il-bżonn ta’ interpretu infallibbli.

Is-suffiċjenza tal-Iskrittura għall-fidi u l-prattika tagħna hija d-differenza fondamentali bejn l-Evanġeliċi u l-Kattoliċi Rumani.