Is-Santi Padri u Sola Scriptura


L-awtorità suprema tal-Bibbja Mqaddsa, fuq u ogħla minn kull awtorità, tidher minn attwalitajiet bażiċi. Apparti li l-Iskrittura nfisha tisħaq ripetutament illi hi l-Kelma t’Alla, nikkonsidraw ukoll illi:

1. L-Iskrittura ngħatat bin-nifs Alla – hi Kelmtu lill-bnedmin. Il-messaġġ kien trasmess minn profeti magħżula u rikonoxxuti minn dawk li għandhom wasal l-ewwel. “Jekk xi ħadd jidhirlu li hu profeta jew spiritwali, ħa jagħraf illi l-ħwejjeġ li qed niktbilkom huma l-kmandament tas-Sid” (1 Korintin 14:37). La l-awturi u lanqas dawk li taħt Alla ddeterminaw il-qanun ma jikkontribwixxu xi awtorità lill-Iskrittura.

2. L-Iskrittura hi mogħtija l-attestazzjoni, jew l-approvazzjoni rjali ta’ Bin Alla. Għalih “ma tistax tinkiser” (Ġwanni 10:35). Ikkonsidraha bħala l-arbitru finali, filwaqt li kkritika lil dawk li vvintaw tradizzjonijiet li bihom ġabu fix-xejn il-Kelma t’Alla. 

3. L-Iskrittura oriġinat u hi wżata mill-Ispirtu s-Santu. Hu jinqeda biha biex jikkonvinċi lin-nies rigward il-verità.

Il-knisja fehmet u apprezzat dan mill-bidu. Il-mexxejja bikrija tal-knisja, wara l-appostli, issieltu u ddefendew il-verità mhux abbażi ta’ tradizzjoni orali, jew konċilju li kien sar fil-passat, jew b’editt mill-isqof ta’ Ruma. Le, fl-aħħar mill-aħħar żammew u pproklamaw il-verità b’appell dirett lejn l-Iskrittura. 

Inġibu xi siltiet mill-ewwel kittieba u dutturi tal-knisja bħala evidenza konkreta.

Irenew ta’ Lyons (130-202 w.K.) xehed hekk: “Ma tgħallimna mingħand ħadd il-pjan tas-salvazzjoni tagħna, jekk mhux mingħand dawk li permezz tagħhom il-Vanġelu wasal għandna, li huma fi żmienhom ipproklamaw fil-pubbliku, u f’perjodu aktar tard, bir-rieda t’Alla, għaddewlna l-Iskritturi, biex ikunu l-pedament u l-kolonna tal-fidi tagħna” (Against Heresies, 3.1.1).

Tertulljanu ta’ Kartaġni (ċ.160-235), meta ddefenda l-verità dwar it-Trinità, kiteb hekk: “Hu d-dover tiegħek, madankollu, illi tressaq il-provi tiegħek mill-Iskritturi, fiċ-ċar kif nagħmlu aħna, meta nagħtu prova illi Alla għamel Kelmtu Iben għalih innifsu....L-Iskritturi kollha jattestaw l-eżistenza ċara, u d-distinzjoni tal-Persuni tat-Trinità, u tabilħaqq ifornuna bir-Regola tal-fidi tagħna” (Against Praxeas, 11)

Hippolytus (170-235 w.K.) kiteb: “L-aħwa, hemm Alla wieħed, u nsiru nafuh mill-Iskritturi Mqaddsa, u minn ebda sors ieħor. Għax bħalma persuna, jekk tixtieq issir midħla tal-għerf ta’ did-dinja ssib lilha nfisha kostretta illi ssir familjari mad-dommi tal-filosfi, hekk ilkoll kemm aħna li nixtiequ nipprattikaw it-tjieba mhu se nkunu kapaċi nitgħallmu l-prattika tagħha minn ebda lok ieħor ħlief mill-orakli t’Alla. Kulma jiddikjaraw l-Iskritturi Mqaddsa, dan imissna nħarsu; u kwalunkwe ħwejjeġ li jgħallmu jmissna nitgħallmuhom” (Against Heresies, 9).

Antanasju ta’ Lixandra (296-373 w.K.), wara li ta lista tal-kotba tal-Bibbja, kompla jgħid: “Dawn huma l-għejjun tas-salvazzjoni, u dawk li jinsabu bil-għatx jistgħu jkunu sodisfatti bil-kliem ħaj li fihom. F’dawn biss hi proklamata d-dottrina tat-tjieba. Ħalli ħadd ma jżid magħhom, u lanqas m’għandu jneħħi xi ħaġa minnhom. Għax rigward dawn il-Mulej waqqa’ għall-għajb lis-Sadduċej, u qal, ‘Qed tiżbaljaw, għax ma tafux l-Iskritturi.’ U ċanfar lil-Lhud billi qal, ‘Fittxu l-Iskritturi, għax dawn jixhdu dwari’ (Festal Letter 39,6-7). 

Ċirillu ta’ Ġerusalemm (315-386 w.K.), wara li ddefenda d-dottrina dwar l-Ispirtu s-Santu, kompla jgħid: “Ma jmissna ngħaddu ebda rimarka, avolja każwali, mingħajr l-Iskritturi Mqaddsa; lanqas m’għandna nitwarrbu fil-ġenb b’sempliċi probabbiltajiet jew l-artifiċjalità ta’ argumentar. Mela temmnunix għax ngħidilkom dawn il-ħwejjeġ, jekk ma tirċevux mill-Iskritturi Mqaddsa l-prova ta’ kulma qed nipproponu: għax din is-salvazzjoni, permezz tal-fidi tagħna, mhijiex b’raġunamenti inġenjużi, iżda bi prova mill-Iskritturi Mqaddsa” (Catechetical Lectures, 4.17ff).

Bażilju (329-379 w.K.) jitkellem fuq binarju simili: “Bla dubju hi waqgħa wisq ovvja mill-fidi, u sinjal ċertissmu ta’ kburija jekk nintroduċu xi ħaġa li mhix miktuba fl-Iskrittura.”

Bażilju ta’ Ċesarija (330-379 w.K.) kiteb: “Billi tgawdu l-faraġ tal-Iskritturi Mqaddsa, m’għandkom bżonn la l-assistenza tiegħi u lanqas ta’ xi ħadd ieħor biex jgħinkom tifhmu dmirkom. Għandkom il-kunsill u l-gwida, f’kollox suffiċjenti, tal-Ispirtu s-Santu biex imexxikom f’dak li hu sewwa” (Letter CCLXXXIII, ANCF, p. 312).

Ambroġ ta’ Milan (330-397 w.K.) kiteb: “Għax kif nistgħu nadottaw dawk il-ħwejjeġ li ma nsibuhomx fl-Iskritturi Mqaddsa?” (On the Duties of the Clergy, 1:23:102).

Girgor ta’ Nissa (335-395 w.K.), fil-kontroversja kontra l-Arjani, jgħid hekk: “X’inhi mela t-tweġiba tagħna? Ma naħsbux illi hu sewwa li nagħmlu d-drawwa prevalenti tagħhom il-liġi u r-regola ta’ dottrina korretta. Għax jekk id-drawwa tiswa bħala prova ta’ korrettezza, aħna wkoll, ċertament, nistgħu navvanzaw id-drawwa prevalenti tagħna; u jekk huma jirriġettawha, aħna żgurament m’aħniex marbuta biex insegwu tagħhom. Ħalli l-Iskrittura ispirata, allura, tkun l-arbitru tagħna, u l-vot tal-verità jingħata ċertament lil dawk li d-dommi tagħhom jinstabu illi jaqbdu mal-kliem divin” (Dogmatic Treatises, Book 12. On the Trinity, To Eustathius).

Band’ oħra l-istess duttur kiteb hekk: “Aħna nagħmlu l-Iskrittura Mqaddsa r-regola u l-miżura ta’ kull dottrina; neċessarjament niffissaw għajnejna fuqha, u napprovaw dak biss li jarmonizza mal-intenzjoni ta’ dawk il-kitbiet” (On the Soul and the Resurrection). 

Ġwanni Griżostmu (ċ.347-407 w.K.) jitkellem hekk: “U għalhekk intom ukoll, jekk tkunu tridu tapplikaw ruħkom għall-qari tiegħu b’moħħ miftuħ, ma jkollkom bżonn ebda moħħ ieħor.”

Ġilormu (347-420 w.K.), fil-korrispondenza tiegħu, ħalla miktub hekk: “Meta, allura, kwalunkwe ħaġa fix-xogħol ċkejken tiegħi jidhirlek li hi ħarxa, tqisx kliemi, iżda biss l-Iskrittura, mnejn ħadthom” (Letter, 48:20).

Jerġa’: “Nitolbuk, ħija l-għażiż, għix fost dawn il-kotba (i.e., l-Iskritturi), immedita fuqhom, ħa ma tkun taf xejn ħliefhom, tfittex xejn ħliefhom” (Letter, 53:10).

Wistin ta’ Ippona (354-430 w.K.), influwenti immensament fi żmienu kif ukoll wara, jirrifletti f’kitbietu l-konvinzjoni tal-knisja fl-ewwel sekli tagħha. Naraw li kien iżomm l-istess prinċipju, riskopert iżjed tard mir-Riformisti, li l-Iskrittura għandha awtorità unika u hi l-ogħla leħen fil-knisja. 

Wistin jgħid: “Madankollu, jekk tistaqsi jew tiftakar l-opinjoni ta’ Ambroġ tagħna, u wkoll ta’ Ċiprijanu tagħna, rigward dal-punt inkwistjoni, għandek issib li jien m’iniex mingħajr xi wħud li mxejt fuq il-passi tagħhom f’dak li jien żammejt. Fl-istess ħin, kif diġà għidt, hija lejn l-Iskrittura kanonika biss li jien marbut li nkun sottomess impliċitament tant li nimxi ma’ tagħlimha, mingħajr ma nammetti l-iċken suspett li fiha xi żball jew xi stqarrija maħsuba biex tqarraq” (Letters 82.3, kwotat f’What Augustine Says ta’ Norman L. Geisler, Baker, 1982, p.36,37).

Band’oħra Wistin jgħid: “Fil-kotba innumerabbli li nkitbu dan l-aħħar nistgħu xi kultant insibu l-istess verità bħal fl-Iskrittura, iżda m’hemmx l-istess awtorità. L-Iskrittura għandha qdusija pekuljari għaliha nfisha...Imma b’konsegwenza tal-kitbiet sagri, aħna marbutin nilqgħu bħala veru dak kollu li l-qanun juri li ntqal saħansitra minn profeta wieħed, jew appostlu jew evanġelista. Inkella ebda paġna ma titħalla għall-gwida ta’ fallibbiltà umana” (Reply to Faustus the Manichaean 11.5; ibid., p.37-38).

Għalhekk il-Bibbja għandha awtorità fuq kull kitba oħra. Hu jgħid: “L-espressjoni, ‘Belt t’Alla,’ li jien kont qed nuża, hi ġustifikata mill-Iskrittura, li l-awtorità divina tagħha tqegħidha ’l fuq mil-letteratura tan-nies l-oħra kollha, u tqiegħed taħt ħakmitha kull tip ta’ ġenju uman – u dan, mhux b’xi reazzjoni intellettwali każwali, iżda b’dispożizzjoni ta’ providenza divina” (The City of God 11.1; ibid., p.37).

L-aħħar kwotazzjoni turina kif l-ogħla u l-aħħar appell hu dejjem għall-Iskrittura, ir-regola li biha nkejlu t-tagħlim u l-prattika tagħna. “Dan hu wisq pertinenti għall-ħaġa li qed nittratta – jiġifieri, il-konferma tal-verità universali u indubitabbli tal-Iskrittura divina, li twasslet lilna għall-edifikazzjoni tagħna fil-fidi, mhux min-nies xejn magħrufa, iżda mill-appostli, u minħabba f’hekk intlaqgħet bħala l-istandard kanoniku u awtorevoli” (Letters 82:2; ibid., p.38).

Theodoret (393-457) afferma: “Inċedi biss għall-Iskrittura” (Dialogues, 1).

Jidher fiċ-ċar illi l-għalliema tal-knisja, mill-ewwel sekli, xtaqu jżommu l-prinċipju illi jgħallmu biss veritajiet kontenuti fil-Bibbja Mqaddsa. Fil-Medju Evu l-knisja, xi ftit jew wisq, żvijat billi introduċiet ideat u dottrini li ma jistgħux jiġu difiżi mill-Bibbja. Ir-Riformisti, fis-seklu sittax, reġgħu lura għall-prinċipju magħruf mill-antik, illi nemmnu l-Iskrittura kollha, u xejn ħlief l-Iskrittura. 

Iva, hemm tradizzjoni tajba, u din hi illi msejsa lilna nfusna fuq il-Bibbja Mqaddsa. Hemm tinsab is-sigurtà tagħna. Din kienet proprjament it-tradizzjoni appostolika, meta Pawlu kiteb: “Issa nfaħħarkom għax tiftakru fija f’kollox, u żżommu sħiħ mat-tradizzjonijiet, bħalma għaddejthomlkom” (1 Korintin 11:2). Ovvjament ma kienx qed jirreferi għal xi għajn ta’ rivelazzjoni oħra apparti mill-Bibbja; kien qed jirrikkmandahom għax żammew it-tagħlim mgħoddi lilhom b’fommu, tagħlim li kien jaqbel mal-Bibbja Mqaddsa.