Ir-Rivelazzjoni lil Ġwanni

Dwar l-awtur

Skont il-ktieb innifsu isem l-awtur kien Ġwanni, profeta (Rivelazzjoni 1:4,9; 22:8-9). Tradizzjonalment dan Ġwanni hu identifikat bħala Ġwanni l-appostlu, bin Żebedew. L-istil tar-Rivelazzjoni hu differenti minn dak tal-Evanġelju u t-tliet ittri, iżda dan mhu ebda prova li r-Rivelazzjoni ġie prodott minn xi Ġwanni differenti. In-natura ta’ letteratura apokalittika, il-fatt li dir-rivelazzjoni kienet mogħtija f’dehra, u ċ-ċirkostanzi ta’ Ġwanni bħala ħabsi faċilment ifornuna b’raġunijiet adegwati għad-differenzi fl-istil.

L-eqdem kittieba, fosthom Ġustinu (151-155 w.K.) u Irenew (180 w.K.), jgħidu li dan Ġwanni kien l-appostlu. Xi wħud, bħal Dijonisju, isqof ta’ Lixandra, u Ewsebju (miet 339 w.K.) jiċħdu li kitbu l-appostlu. Oħrajn, bħal Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Ġwanni Griżostmu, u Teodoretu, qatt ma jsemmu r-Rivelazzjoni fil-kotba tagħhom. Iżda għorrief oħra Griegi, bħal Atanasju, Ċirillu ta’ Lixandra, Epifanju, Girgor ta’ Nissa u oħrajn, kif ukoll il-Latini kollha jżommu ’l Ġwanni l-appostlu bħala l-awtur tar-Rivelazzjoni. 

Meta nkiteb

Irenew jgħid li Ġwanni kellu r-rivelazzjoni “tista’ tgħid fi żmienna, tikka qabel tmiem is-saltna ta’ Domizjanu.” Dan l-imperatur inqatel fit-18 ta’ Settembru, sena 96 w.K. Ġirolmu (miet 420 w.K.) jinformana li Ġwanni niżżel ir-Rivelazzjoni fil-kitba f’Patmos fis-sena 14 ta’ Domizjanu, jiġifieri 94-95 w.K.

Vittorinu, isqof ta’ Pettau (miet 304 w.K.), jgħid li Ġwanni kien ikkundannat għax-xogħol tal-barrieri f’Patmos minn Domizjanu, u hemm kiteb il-viżjonijiet tiegħu. Jidher ċar li nkiteb f’perjodu meta l-Kristjani kienu mhedda minn Ruma. Indubjament kienu taħt pressjoni biex jirroftaw il-fidi u jaċċettaw il-kult tal-qima tal-imperatur.

Metodi ta’ interpretazzjoni

Għadma iebsa għal kull qarrej tar-Rivelazzjoni, magħruf ukoll bħala l-Apokalissi, hu kif se jinterpretah. Jeżistu mill-inqas erba’ perspettivi prinċipali rigward l-interpretazzjoni ta’ dal-ktieb:

1. Il-Preterista.

Tħares lejn il-profeziji tal-ktieb bħala diġà mwettqa fl-istorja bikrija tal-Knisja.

2. L-Istorika.

Tifhem il-ktieb bħala tpenġija u panorama tal-istorja tal-knisja minn żmien Ġwanni sa tmien iż-żmien.

3. Il-Futurista.

Tqis il-maġġor parti tal-ktieb (Rivelazzjoni 4-22) bħala profezija li għad trid isseħħ lejn l-aħħar tad-dinja.  

4. L-Idealista.

Tikkonsidra l-ktieb bħala żvolġiment pittoresk ta’ prinċipji kbar f’kunflitt kostanti, bla referenzi speċifika jew dettaljata għal avvenimenti attwali.

Kull skola ta’ ħsieb għandha xi ftit raġun, iżda kollox ma’ kollox jidher li bażikament l-Idealista tqarreb l-iktar lejn interpretazzjoni sana u korretta. 

Il-ktieb hu apokalissi, ossija rivelazzjoni jew kixfa (Rivelazzjoni 1:1), u allura jista’ jkun mifhum. Ħafna minnu hu ċar biżżejjed, iżda jibqa’ sfida qawwija għal kull eseġeta. Hawn hu l-lok għall-umiltà u l-prudenza.

Xi simboli hu mfissra (Rivelazzjoni 1:20; 17:1,15), oħrajn le. Importanti dejjem ninnotaw kliem bħal “qisu,” “donnu,” u “bħallikieku” (pereżempju, Rivelazzjoni 6:1; 9:7), għax dan jindika paragun, mhux identifikazzjoni.

Temi prinċipali 

It-tema ewlenija tal-ktieb hu s-Sid Ġesù eżaltat; jinsab fiċ-ċentru tal-ktieb kollu (Rivelazzjoni 1:1). Fil-glorja tiegħu, imqajjem mill-mewt (Rivelazzjoni 1), jidderieġi l-knejjes tiegħu fuq l-art (Rivelazzjoni 2 u 3). Fil-viżjoni introduttorja Kristu jidher bħala s-Sultan maestuż, l-Imħallef tal-univers u l-Ħakkiem fuq il-knejjes (Rivelazzjoni 1:12-20).

Kristu jindirizza bżonnijiet speċifici f’kull knisja, skont it-tiġrib u sitwazzjonijiet diffiċli li jkunu għaddejjin minnhom. Il-wegħdi potenti tiegħu wkoll ifakkru lill-knejjes dwar l-iskop u l-profundità tas-sejħa tagħhom (Rivelazzjoni 2:7,10-11,17,26-28; 3:5,12,21). Is-silezzjoni ta’ seba’ knejjes eżattament jissuġġerixxi ir-rilevanza usa’ tal-messaġġ. 

Imbagħad it-twiddib u l-inkuraġġiment ta’ Kristu jieħu forma ġdida (minn 4:1 sa 22:5). Hu l-Ħaruf maqtul u mqajjem, u lejh kull qima hi diretta (Rivelazzjoni 4 u 5). Permezz ta’ Kristu u l-anġli tiegħu (Rivelazzjoni 22:8-9,16), Ġwanni jirċievi sensiela ta’ viżjonijiet maħsuba biex jiftħu għajnejn l-Insara għas-supremazija rjali u l-maestà t’Alla, in-natura tat-taqbid spiritwali, il-ġudizzji t’Alla fuq il-ħażen, u r-riżultat tal-konflitt. 

Alla u l-eżerċtu tiegħu bilfors jirbħu l-battalja (Rivelazzjoni 17:14; 19:1-2), imma Satana jeħodha kontra l-forzi tad-dawl. Infatti x-xitan huwa d-dragun il-kbir. Miegħu, id-dbib u l-profeta falz jifformaw trinità moqżieża (Rivelazzjoni 12:3; 13; 16:13), li jqarrqu bid-dinja kollha. 

F’oppożizzjoni għal dat-theddid il-qaddisin jeħtieġ iżommu xhieda vera u fidila, imqar sal-martirju (Rivelazzjoni 12:11). Iridu jissoktaw f’purità spiritwali vera (Rivelazzjoni 14:4; 19:8). Fis-smewwiet ġodda u art ġdida, ix-xhieda tagħhom issib it-twettiq tagħha fid-dawl finali tal-verità t’Alla (Rivelazzjoni 21:22-27), u s-safa tagħhom tkun ipperfezzjonata fl-għarusa bla tebgħa tal-Ħaruf (Rivelazzjoni 21:9).

It-tema prinċipali tar-Rivelazzjoni hi l-ħakma assoluta t’Alla fl-istorja, li jwassalha għall-klajmaks trijonfali fi Kristu. Fiċ-ċentru hemm il-viżjonijiet ta’ Kristu (Rivelazzjoni 1:12-16) u t’Alla (Rivelazzjoni 4:1-5:14). Alla jesibixxi l-maestà, l-awtorità u l-ġustizzja tiegħu bħala l-Ħakkiem u l-Imħallef tal-univers. Dawn il-viżjonijiet ċentrali diġà jagħtu ħjiel tal-konsumazzjoni tal-istorja, meta sebħ Alla jimla kollox (Rivelazzjoni 21:22-23; 22:5; 4:1-5:14). Ir-Rivelazzjoni jista’ jitqies bħala ktieb bl-istampi, preżentazzjoni drammatika li tgħin lill-Kristjan jikseb perspettiva fuq l-istorja ffokata f’Alla.

Il-qafas tal-ktieb hu indikat (Rivelazzjoni 1:19). Il-ħwejjeġ li Ġwanni kien ra jinkludu l-viżjoni ta’ Kristu rxoxt (Rivelazzjoni 1). Il-ħwejjeġ li huma jinsabu deskritti fl-ittri lis-seba’ knejjes fl-Asja Minuri. Komprensivament jiddeskrivu l-andament tal-knisja viżibbli matul il-ġenerazzjonijiet (Rivelazzjoni 2 u 3). Il-ħwejjeġ li għad ikunu huma l-profeziji mniżżla wara, li qed jiġu mwettqa f’dawn l-aħħar jiem (il-perjodu bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu), sabiex finalment isseħħ il-konsumazzjoni tal-ħwejjeġ kollha (Rivelazzjoni 4 sa 22).