Stadji fil-Formazzjoni tal-Qanun


Nistgħu nqassmu s-sekli bikrija fi tliet perjodi distinti li fihom il-qanun ġie rikonoxxut aktar u aktar.

1. L-ewwel, naturalment, kien il-perjodu tal-appostli. Huma saħqu awtorità għall-kitbiet tagħhom (1 Tessalonkin 5:27; Kolossin 4:16), u billi riedu li l-ittri tagħhom jinqraw fil-knejjes, beda proċess li dawn il-kotba eventwalment saru magħrufa universalment. Meta Pietru kiteb it-tieni ittra tiegħu, jidher li sa dak iż-żmien l-ittri ta’ Pawlu kienu magħrufa u popolari, u meqjusa fuq livell ugwali mal-Patt il-Qadim (2 Pietru 3:15-16).

2. Is-Santi Padri juru familjarità mal-kotba tal-Patt il-Ġdid. Dan juri li l-maġġor parti tal-Patt il-Ġdid kienet rikonoxxuta bħala Skrittura fit-tieni seklu. Hawn jibda t-tieni stadju. 

Klement ta’ Ruma (96 w.K.) jikkwota minn Mattew, Luqa, Rumani, l-1 Korintin, Efesin, l-1 Timotju, Titu, Ebrej u l-1 Ġwanni. L-Epistola ta’ Barnaba (70-100 w.K.) għandha żewġ kwotazzjonijiet mill-Patt il-Ġdid, u ssejjaħ lill-Mattew 22:14 bħala Skrittura. 

Polikarpu (69-135 w.K.) jikkwota minn Mattew, Luqa, Ġwanni, Atti u l-1 Ġwanni, kif ukoll minn għaxar ittri ta’ Pawlu. 

Ġustinu l-Martri (100-165 w.K.) jikkwota bl-għama mill-Patt il-Ġdid u jgħid li l-Evanġelji huma moqrija nhar ta’ Ħadd, darba huma u darba l-Profeti. 

Irenew (125-192 w.K.), fil-kitbiet tiegħu li waslulna, jagħmel elf u tmien mitt kwotazzjoni mill-Patt il-Ġdid, u jagħraf l-Erba’ Vanġeli, l-Atti, tlettax-il epistola ta’ Pawlu, l-1 Pietru, l-1 Ġwanni u r-Rivelazzjoni bħala Skrittura kanonika. 

Il-fatt li dawn ma kkwotawx mill-kotba kollha tal-Patt il-Ġdid mhuwiex prova li ma kinux jafuhom jew jirrikonoxxuhom bħala Skrittura. Hi ħaġa rimarkevoli kif fil-ftit kitbiet ta’ dak iż-żmien li waslulna, nistgħu nsibu daqshekk referenzi għall-kotba tal-Patt il-Ġdid. 

Fit-tieni seklu saru xi traduzzjonijiet tal-Patt il-Ġdid f’ilsna oħra. Il-verżjoni qadima Latina (150 w.K.) kien fiha sitta u għoxrin ktieb – it-2 Pietru kienet eskluża. Il-verżjoni Sirjaka (150 w.K.) kien fiha tnejn u għoxrin ktieb, billi eskludiet it-2 Pietru, it-2 u t-3 Ġwanni, Ġuda u Rivelazzjoni. Id-Djatessaron ta’ Tatjan (170 w.K.), magħmul fil-lingwa Sirjaka, kien armonija tal-Erba’ Vanġeli. 

Sa tmiem it-tieni seklu, il-kotba kollha tal-Patt il-Ġdid (ħlief sebgħa minnhom, ċoè, Ebrej, it-2 u t-3 Ġwanni, it-2 Pietru, Ġuda, Ġakbu u r-Rivelazzjoni) kienu rikonoxxuti universalment bħala appostoliċi u ispirati. 

Fit-tielet seklu, Oriġene (185-254 w.K.) qasam il-kitbiet fi tliet klassijiet: dawk milqugħa universalment (l-Erba’ Vanġeli, Atti, tlettax-il ittra ta’ Pawlu, l-1 Pietru, l-1 Ġwanni, u r-Rivelazzjoni); dawk iddubitati minn xi knejjes (Lhud, Ġakbu, it-2 Pietru, it-2 u t-3 Ġwanni, u Ġuda); u finalment, ċerti kotba apokrifi.

3. Ir-raba’ seklu jagħti bidu għat-tielet u l-aħħar stadju, fejn insibu persunaġġi bħal Ewsebju, Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Atanasju, Griżostmu, Ġirolmu u Wistin jagħtu xhieda għall-fatt li s-sebgħa u għoxrin ktieb tal-Patt il-Ġdid kienu universalment rikonoxxuti bħala kanoniċi. Minn dik l-epoka ’l quddiem, il-kustjoni kienet issetiljata. Ħadd ma ġieh f’moħħu serjament illi jnaqqas jew iżid mas-sebgħa u għoxrin dokument ispirat.

It-testimonjanza l-aktar bikrija, eżistenti llum, rigward il-lista tal-kotba tal-Patt il-Ġdid hi dik ta’ Atanasju. Fid-39 Ittra tal-Għid tiegħu (367 w.K.) ħallielna lista eżatta tas-sebgħa u għoxrin ktieb li flimkien jifformaw il-qanun tal-Patt il-Ġdid. Din kienet il-lista ta’ kotba milqugħa mill-knejjes fil-Lvant tad-dinja Mediterranja.

Aktar tard, fis-sena 382 w.K., il-Konċilju Damaxxenu ta’ Ruma, u t-tielet Konċilju ta’ Kartaġni (397 w.K.), il-kwistjoni tal-qanun ingħalqet fil-Punent. Sas-sena 500 il-knejjes Griegi kollha mid-dehra wkoll aċċettaw il-kotba kollha tal-Patt il-Ġdid kif inhu llum.