Il-Knisja Bikrija u l-Qanun tal-Bibbja


Il-ġabra korretta u l-priżervazzjoni tal-qanun skritturali ma kienx jiddependi fuq il-knisja bikrija, fl-aħħar mill-aħħar. Kemm il-knisja kif ukoll il-Bibbja miġbura bħala librerija waħda rridu nqisuhom bħala parti integrali tal-istorja tal-fidwa nfisha. Bħalma Alla ħadem fil-ħolqien, fis-sejħa tal-poplu Iżraelita, matul il-ministeru ta’ Kristu, u fix-xogħol u l-kitbiet tal-appostli, hekk Alla wkoll kien u jibqa’ operattiv fil-priżervazzjoni tal-kotba mnebbħa minnu, għall-benefiċċju ta’ niesu matul il-ġenerazzjonijiet. Ċertament, il-knejjes bikrija kienu strumentali biex jinġabru l-kotba tal-Patt il-Ġdid, iżda finalment nibbażaw il-konfidenza tagħna fuq il-fedeltà t’Alla, li ma jħallix xogħlu jitgħarraq. “Is-smewwiet u l-art jgħaddu ’l hinn, iżda kliemi ma jgħaddix ’l hinn” (Marku 13:31).

Alla kapaċi jippriżerva u jgħasses lil Kelmtu milli tintilef jew tiġi b’xi mod korrotta. F’Isaija naqraw, “Il-ħaxix jinxef, in-nwar jidbiel, iżda Kelma Alla tagħna tibqa’ għal dejjem” (Isa.40:8). Alla, li ħalaq is-sema u l-art, żgurament jieħu ħsieb Kelmtu stess, u ma jħallihiex tkun imbagħbsa jew imħallta ma’ elementi oħra. Meta nitkellmu dwar “il-priżervazzjoni tal-Iskrittura” rridu ngħidu li Alla mhux biss hu kapaċi iżda attwalment u fir-realtà jieħu ħsieb u jżomm il-Kelma tiegħu milli titħassar jew tintilef. Ix-xhieda tiegħu hi mwaqqfa għal dejjem fis-smewwiet, stabbilita tant li ħadd u xejn ma jista’ għaliha (Salmi 119:152,89). Ebda parti ma titneħħa jew taqa’ mill-Kelma (Mattew 24:35); il-Bibbja tibqa’ għal dejjem (1 Pietru 1:23).

Ladarba dan hu minnu, allura ma nistgħux nimmaġinaw illi l-knisja bikrija żbaljat fil-ġabra u r-rikonoxximent tal-kitbiet tal-Patt il-Ġdid. Il-knisja mhijiex infallibbli, iżda Alla nqeda biha biex l-istess Kelmtu tkun rikonoxxuta, emmnuta u mifruda minn kitbiet sempliċement umani. 

Aħna u naqraw l-Iskrittura l-Ispirtu s-Santu jikkonvinċina li l-kotba kollha inklużi huma ġejjin minnu. Ebda volum ieħor eżistenti m’għandu dil-qawwa (Ebrej 4:12). Madankollu l-proċess li bih insiru persważi li l-qanun preżenti tagħna huwa korrett hu mgħejjun ukoll mit-tagħrif storika li għandna. 

Naturalment, jekk il-ġmigħ tal-qanun kien parti waħda mill-atti ċentrali t’Alla fl-istorja tal-fidwa, kif ġa għidna, allura l-Kristjani llum m’għandhomx jippreżumu li jeħduha fuqhom infushom biex jipprovaw iżidu jew inaqqsu mill-kotba tal-qanun: il-proċess ilu qatigħ li ntemm. Madankollu, investigazzjoni fonda taċ-ċirkostanzi storiċi fil-ġabra tal-qanun tassistina biex nikkonfermaw il-konvinzjoni tagħna li d-deċiżjonijiet meħuda mill-knisja bikrija kienu korretti. 

Fatt storiku minnhom hu dan: illum ma jeżistux kandidati serji biex ikunu inklużi fil-qanun bibliku. Mill-banda l-oħra m’hemm ebda oġġezzjoni qawwija kontra xi ktieb fil-qanun preżenti. Minn dawk il-kitbiet li xi wħud fil-knisja bikrija riduhom inklużi fil-qanun, nistgħu ngħidu sikurament li ħadd illum ma jrid jinkludihom. 

Xi wħud mill-kittieba bikrija ddistingwew lilhom infushom fiċ-ċar mill-appostli, kif ukoll żammew distakk bejn kitbiethom u l-kitbiet appostoliċi. 

1. Injazju, pereżempju, meta kiteb għall-ħabta tas-sena 110 w.K, qal, “Ma nordnalkomx kif għamlu Pietru u Pawlu; huma kienu appostli, jien ikkundannat. Huma kienu ħielsa, jien għadni s’issa lsir” (Ittra lir-Rumani 4:3).

2. Silta oħra mill-istess martri Injazju tgħid: “Agħmlu sforz ġenwin, mela, biex iżżommu sħiħ mal-ordnijiet tal-Mulej u l-appostli, biex ‘tagħmlu x’tagħmlu, tirnexxu’ fil-ġisem u r-ruħ, fil-fidi u fl-imħabba, fl-Iben, il-Missier u l-Ispirtu, mill-bidu sat-tmiem, flimkien mal-isqof wisq distint tagħkom, il-presbiterju (dik il-klila spiritwali midfura pulit!), u d-djakni twajba tagħkom. Ċedu għall-isqof u għal xulxin bħalma Kristu għamel mal-Missier f’jiem laħmu, u bħalma l-appostli għamlu ma’ Kristu, mal-Missier u mal-Ispirtu. B’dal-mod tiksbu unità sħiħa” (Ittra lill-Magneżjani 13:1-2).

3. Finalment, ara wkoll l-attitudni lejn l-appostli fl-1 Klement: “L-appostli rċevew l-evanġelju għalina mingħand il-Mulej Ġesù Kristu; Ġesù, il-Kristu, kien mibgħut minn Alla. Hekk Kristu hu mingħand Alla u l-appostli mingħand Kristu” (1 Klement 42:1-2; ċirka 95 w.K.).

L-aħjar mexxejja tal-knisja fl-ewwel sekli għarfu illi l-Bibbja hi fuq skala għaliha, superjuri minn kitbiet oħra, daqskemm id-divin hu superjuri mill-uman.