Iż-Żewġ Epistoli ta' Pietru

Dwar l-awtur

L-għorrief tal-knisja, sa mit-tieni seklu, dejjem żammew iż-żewġ ittri bħala kitbiet ta’ Pietru l-appostlu. Biss Pietru ma kitibx b’idejh, imma permezz ta’ amanwensi jismu Silvanu (1 Pietru 5:12; imsemmi wkoll fl-1 Tessalonkin 1:1 u 2 Tessalonkin 1:1).

Ħafna ssuġġerew li xi ħadd ieħor kiteb it-tieni ittra wara s-sena 80 minħabba differenzi fl-istil, id-dipendenza fuq Ġuda, u t-tismija li l-ittri ta’ Pawlu kienu miġbura (2 Pietru 3:16). Madakollu, l-użu ta’ skrib differenti jew ebda skrib jirriżulta wkoll f’bidliet stilistiċi. M’hemm ebda raġuni għala Pietru ma setax jissellef minn Ġuda, għalkemm hu iżjed probabbli li Ġuda nkitbet wara t-2 Pietru. Fit-tieni ittra tiegħu Pietru ma jirreferix neċessarjament għall-ittri kollha ta’ Pawlu, iżda biss dawk li kienu nkitbu sa dak iż-żmien. Barra minn hekk, similaritajiet bejn iż-żewġ ittri jindikaw l-istess awtur, u l-aċċettazzjoni tat-tieni ittra fil-qanun tiddomanda awtorità appostolika warajha. 

Il-kittieb tat-tieni ittra kien preżenti fit-Trasfigurazzjoni (2 Pietru 1:16-18), u jgħid li kiteb ittra oħra qabilha (2 Pietru 3:1), ilkoll fatti li jippontaw lejn Pietru bħala l-awtur.

L-ittri nkitbu sewwasew qabel il-martirju ta’ Pietru (i.e., fis-sena 67 w.K.; cf., 2 Pietru 1:14), u possibbilment minn Ruma (imsejħa Babel fl-1 Pietru 5:13). Filwaqt li Pietru indubjament kellu fidili Lhud fi ħsiebu, l-epistoli tiegħu jqisu fidili Ġentili wkoll (1 Pietru 2:10). 

L-Ewwel Epistola ta’ Pietru 

Din l-ewwel ittra, miktuba minn knisja fuq art tal-Ġentili (1 Pietru 5:13), tippreżenta l-veritajiet fondamentali kollha tal-fidi Kristjana, b’enfasi speċjali fuq it-tpattija ta’ Kristu. In-nota distintiva ta’ Pietru hi t-tħejjija għar-rebħa fuq is-sofferenzi. L-awtur innifsu jgħidilna li t-tema hi “l-grazzja vera t’Alla” (1 Pietru 5:12) f’ħajjet il-fidil.

It-Tieni Epistola ta’ Pietru 

It-Tieni Epistola ta’ Pietru u t-Tieni Epistola lil Timotju għandhom ħafna komuni. Fit-tnejn, l-awturi huma konxji li l-martirju tagħhom qorob (2 Timotju 4:6; 2 Pietru 1:14 ma’ Ġwanni 21:18-19). It-tnejn huma singularment pożittivi u ferrieħa; it-tnejn jaraw minn qabel l-apostasija li fiha tispiċċa l-istorja tal-knisja professjonanti. Pawlu jsib dik l-apostasija fl-aħħar stadju tagħha meta l-hekk imsejħa lajċi jkunu nfettati (2 Timotju 3:1-5; 4:3-4); Pietru jsib l-oriġni tal-apostasija fl-għalliema foloz (2 Pietru 2:1-3,15-19). F’Pietru l-għalliema foloz jiċħdu l-verità tal-fidwa (2 Pietru 2:1); fi Ġwanni nsibu verità ifnad – ċaħda tal-verità rigward il-persuna ta’ Kristu (1 Ġwanni 4:1-5). F’Ġuda naraw il-fażijiet kollha tal-apostasija. Iżda f’ebda waħda minn dawn l-epistoli m’hemm nota ta’ qtugħ il-qalb jew pessimiżmu. Alla u l-wegħdi tiegħu jibqgħu r-riżorsa primarja għall-fidili.

It-Tieni Epistola ta’ Pietru hi tifkira (2 Pietru 1:12; 3:1) tal-verità esposta fil-Kristjaneżmu kif opposta għall-ereżiji ta’ għalliema foloz. Passaġġi importanti jinkludu dawk rigward it-trasfigurazzjoni tal-Mulej Ġesù (2 Pietru 1:16-18), ir-rwol eżaltat u l-ispirazzjoni tal-Iskrittura (2 Pietru 1:21), kondotta xierqa u qaddisa (2 Pietru 2:1-3), il-kundanna ta’ għalliema foloz (2 Pietru 2:4-9), il-karatteristiċi tagħhom (2 Pietru 2:10-12), u finalment iċ-ċertezza tat-tieni miġja ta’ Kristu (2 Pietru 3:4-10).