L-Epistoli t-Twal ta' Pawlu


Pawlu ħallielna tliet ittri ta’ tul konsiderevoli: l-Ittra lir-Rumani, u tnejn indirizzati lill-knisja f’Korintu. 

L-Epistola lir-Rumani

Dejjem inżamm illi din inkitbet minn Pawlu madwar is-sena 58 meta kien Korintu matul it-tielet żjara tiegħu f’dik il-belt (2 Korintin 13:1). L-okkażżjoni għall-ittra tidher illi kienet l-intenzjoni tal-appostlu li jżur Ruma f’qasir żmien. Naturalment, xtaq jannunzja qabel miġjietu l-veritajiet distintivi rivelati lilu u permezz tiegħu. Ried li l-Kristjani f’Ruma jkollhom l-istqarrija tad-dottrini tal-grazzja tant attakkati bi qrusa kullimkien minn għalliema legalistiċi. 

It-tema ewlenija fl-Epistola lir-Rumani hi “l-evanġelju t’Alla” (Rumani 1:1), l-usa’ deskrizzjoni possibbli għall-verità tal-fidwa, għax huwa Alla li miegħu m’hemmx parzjalità, u li mhux Alla tal-Lhud biss, iżda tal-Ġentili wkoll (Rumani 2:11; 3:29).

Minn stħarriġa dwar il-moralità, “id-dinja kollha” hi misjuba ħatja (Rumani 3:19), u fidwa effettiva hi murija wiesa’ daqs il-bżonn, bl-unika kundizzjoni illi wieħed jemmen. Mhux biss ir-Rumana fiha bl-isħaħ mod id-dottrini tal-grazzja kif għandhom x’jaqsmu mas-salvazzjoni, iżda f’passaġġ rimarkevoli (Rumani 9-11) l-wegħdi kbar lil Iżrael huma rikonċiljati mal-wegħdi rigward il-Ġentili, u t-twettiq tal-ewwel iseħħ paripassu mas-sejħa tal-Ġentili tul iż-żminijiet, sal-aħħar (Rumani 11:25-27). Il-frażi li sservi bħala muftieħ għall-ittra hi “l-ġustizzja t’Alla” (Rumani 1:17; 3:21-22).

Ir-Rumani, iżjed formali mill-ittri Pawlini l-oħra, tippreżenta l-ġustifikazzjoni bil-fidi bir-ramifikazzjonijiet tagħha b’mod sistematiku. Għadd ta’ dottrini bażiċi huma diskussi: ir-rivelazzjoni naturali (Rumani 1:19-20), l-universalità tad-dnub (Rumani 3:9-20), il-ġustifikazzjoni (Rumani 3:24), il-propizjazzjoni (Rumani 3:25), l-istrumentalità tal-fidi għall-ġustifikazzjoni (Rumani 4), id-dnub oriġinali (Rumani 5:12), l-unjoni tal-fidili ma’ Kristu (Rumani 6), l-għażla u r-roftiment ta’ Iżrael (Rumani 9-11), it-tħaddim xieraq tad-doni spiritwali (Rumani 12:3-8), ir-rispett u ubbidjenza lejn il-gvern ċivili (Rumani 13:1-7), iċ-ċentralità tal-imħabba (Rumani 13:8-10), u sensittività lejn aħwa li m’għandhomx l-istess konvinzjonijiet tagħna (Rumani 14:1-15:4).

L-Ewwel Epistola lill-Korintin

L-għorrief kollha jaqblu li l-ewwel epistola nkitbet minn Pawlu għall-ħabta tas-sena 56 w.K. L-eqdem xhieda hi dik ta’ Klement ta’ Ruma, fi ħruġ l-ewwel seklu.  

Is-suġġetti trattati huma diversi, iżda jistgħu lkoll ikunu klassifikati taħt tema ġenerali: l-imġiba Kristjana. L-ittra hi prattika fl-enfasi; tissara ma’ problemi u kwistjonijiet spiritwali u morali. Tifforma manwal ta’ teoloġija pastorali. Anke r-rivelazzjoni tremenda tal-verità rigward il-qawmien mill-mewt issus fuq il-kondotta Kristjana (1 Korintin 15:58). Il-Korintin kienu kitbu lil Pawlu rigward iż-żwieġ u l-użu ta’ laħmijiet offruti lill-idoli (1 Korintin 7:1; 8:1-13). Pawlu jweġibhom, iżda jsemmi wkoll ir-rapporti li rċieva dwar firda u tilwim dejjem jiħrax fil-knisja, u jittratta wkoll każ t’inċest li baqa’ ma ġiex iġġudikat (1 Korintin 1:10-12; 5:1).

Ix-xiżmi ma ġrawx minħabba l-ereżiji, iżda minħabba l-karnalità tal-Korintin, u l-ammirazzjoni Griega tagħhom lejn “l-għerf” mondan u l-elokwenza. Partiti maħluqin mill-bniedem hawnhekk jirċievu ċanfira ġusta. Diżordnijiet minuri feġġew minħabba l-vanità; minfuħin biha, il-Korintin xtaqu d-don tal-ilsna aktarx milli jirċievu struzzjoni meqjusa (1 Korintin 14:1-28). Pawlu jiddefendi l-appostolat tiegħu għaliex l-awtorità tad-dottrina rrivelata permezz tiegħu kienet involuta fin-nofs. 

L-epistola mhix trattat formali, iżda ġiet mill-Ispirtu permezz tal-għali, il-ħrara u l-għadab qaddis tal-appostlu. Enfasi importanti jinkludu:

1. Iċ-ċertezza li lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu biex nagħtu kont tagħna nfusna (1 Korintin 3:11-15).

2. Il-Kristjani jifformaw it-tempju tal-Ispirtu s-Santu, u allura l-imperattiv tal-qdusija personali (1 Korintin 6:19-20).

3. Il-mira illi l-attività kollha tagħna ssir biex Alla jirċievi l-glorja (1 Korintin 10:31).

4. Iċ-ċelebrazzjoni xierqa tal-Ikla tal-Mulej, bħala komunjoni sagra miegħu u ma’ xulxin (1 Korintin 11:23-34).

5. Il-primat tal-imħabba f’ħajjet il-fidili (1 Korintin 13).

6. L-eżerċizzju adatt tad-doni spiritwali, għall-edifikazzjoni ġenerali tal-kredenti (1 Korintin 12-14).

7. L-irxoxt ta’ Kristu u għaldaqstant il-garanzija li l-fidili wkoll għad ikunu rxoxtati fl-aħħar jum (1 Korintin 15). 

It-Tieni Epistola lill-Korintin

Rigward it-tieni ittra, l-għorrief għalenija jaqblu li nkitbet minn Pawlu wkoll, ċirka s-sena 57 w.K. Barra mix-xhieda ta’ kittieba mit-tieni seklu ’l quddiem, għandna x-xhieda tal-ittra stess, li aktar mill-ittri l-oħra, turi r-ruħ u l-qalb ta’ Pawlu. Matulha kollha l-qarrej iħoss qalb l-appostlu tħabbat bl-ikbar imħabba lejn Alla u l-bnedmin; jara lil Pawlu jeħodha bl-aħrax mal-għedewwa tal-evanġelju kif ukoll jaħfer lill-ħatjin niedma.

Din l-ittra tikxef l-istat kommoventi li kien għaddej minnu l-appostlu. Kien jinsab f’qagħda ta’ dgħufija fiżika, għejja u uġigħ. Iżda t-toqol spiritwali tiegħu kien ikbar, toqol ta’ żewġ speċi – il-leħħa tiegħu biex il-knejjes ikomplu fil-grazzja u ma jaqgħux għat-tagħlim tal-legalisti, kif ukoll niket fil-qalb minħabba n-nuqqas t’afdar li l-Lhud u Kristjani Lhud ħassew lejh. 

L-għan tal-epistola hu triplu:

1. Biex jesprimi ferħ għar-reazzjoni favorevoli tal-knisja lejn il-ministeru ta’ Pawlu (2 Korintin 1-7).

2. Biex ifakkar lill-fidili dwar l-offerta għall-aħwa fil-Lhudija, l-itwal diskussjoni dwar l-għoti fil-Patt il-Ġdid (2 Korintin 8-9).

3. Biex jiddefendi l-awtorità appostolika tiegħu (2 Korintin 10-13).

L-ittra fiha ħafna lemħiet personali u awtobijografiċi f’ħajjet Pawlu (2 Korintin 4:8-18; 11:22-33), kif ukoll passi importanti (pereżempju, 2 Korintin 5:10,20-21; 6:14; 8:9; 10:5; 11:14; 12:9 u 13:14).