L-Epistoli Pastorali
Għandna tliet ittri li Pawlu kiteb lill-kollegi stmati tiegħu, Timotju u Titu, li għenuh f’xi partijiet mill-appostolat tiegħu. Jiswew immensament biex nagħrfu kif Alla jrid kull knisja tkun amministrata u mmexxija.
Dawn l-ittri, magħrufa bħala “l-Ittri Pastorali” (peress li fihom prinċipji għall-ħarsien pastorali tal-knejjes u kwalifiki għall-presbiteri), inkitbu minn Pawlu skont l-introduzzjoni tagħhom, kif attestat ukoll mill-kittieba tal-knisja mit-tieni seklu ’l quddiem.
L-ewwel waħda lil Timotju nkitbet fis-sena 63 w.K., it-tieni fis-sena 66 w.K., u dik lil Titu fis-sena 65 w.K.
L-Ewwel Epistola lil Timotju
Fir-relazzjoni ma’ Timotju personalment, it-tema hi “ġġieled il-ġlieda t-tajba” (1 Timotju 1:18). Fir-relazzjoni mal-knisja korporalment, it-tema hi l-imġiba fid-dar t’Alla (1 Timotju 3:15). Hekk kif il-knejjes ta’ Kristu kotru fil-għadd, il-kwistjonijiet ta’ ordni fil-knisja, saħħa u korrettezza fil-fidi, kif ukoll it-tħaddim ta’ dixxiplina, saru urġentement importanti. Għall-ewwel l-appostli rregolaw dawn il-ħwejjeġ direttament, iżda r-resqa lejn tmiem il-perjodu appostoliku għamlitha neċessarja illi titħalla rivelazzjoni ċara għall-gwida tal-knejjes. Din insibuha speċjalment fl-Ittri Pastorali.
Suġġetti importanti diskussi jinkludu l-liġi (1 Timotju 1:7-11), it-talb (1 Timotju 2:1-8), l-apparenza u l-attività tan-nisa (1 Timotju 2:1-8), kwalifiki għall-presbiteri (mexxejja) u djakni (1 Timotju 3:1-13), id-dekadenza morali fl-aħħar jiem (1 Timotju 4:1-3), il-manteniment tar-romol (1 Timotju 5:3-16), u l-użu ġeneruż tal-flus mill-benestanti (1 Timotju 6:6-19).
It-Tieni Epistola lil Timotju
Flimkien mat-Tieni Epistola ta’ Pietru, Ġuda, it-2 u t-3 Epistola ta’ Ġwanni, din l-ittra tittratta dwar il-mixja personali u t-testimonjanza tal-qaddej ġenwin ta’ Kristu fi żmien ta’ apostasija u dekadenza spiritwali. Il-frażi ewlenija hi, “Dawk kollha li huma fl-Asja telquni” (2 Timotju 1:15), u “suldat tajjeb ta’ Ġesù Kristu” (2 Timotju 2:3). Il-knejjes fl-Asja ma kinux sfaxxaw, u lanqas ma hedew li jsejħu lilhom infushom Kristjani, iżda kienu taw daharhom għad-dottrini tal-grazzja distintivament rivelati permezz ta’ Pawlu. Dan kien prova li l-apostasija diġà bdiet tinfirex fl-ewwel fażi tagħha, il-legaliżmu.
Il-kontenut jinkludi l-apostasija tal-aħħar jiem (2 Timotju 3:1-9; cf., 1 Timotju 4:1-3), l-ispirazzjoni plenarja tal-Iskrittura (2 Timotju 3:16), u l-premju wara dil-ħajja taħt il-figura ta’ kuruna tal-ġustizzja (2 Timotju 4:8).
L-Epistola lil Titu
Titu tixxiebah ħafna mal-Ewwel Epistola lil Timotju: it-tnejn huma kkonċernati b’ordni xierqa fil-knejjes. F’Titu l-ordni divin għall-knejjes lokali hu iżjed evidenti (Titu 1:5) filwaqt li f’Timotju iżjed importanza hi mogħtija lid-dottrina ortodossa (1 Timotju 1:3-10).
Topiċi importanti diskussi f’Titu jinkludu: il-kwalifiki għall-presbiteri, magħrufa wkoll bħala sopristanti jew pastors (Titu 1:5-9), istruzzjonijiet rilevanti u speċifiċi lil diversi kategoriji ta’ nies (Titu 2:1-8), u r-relazzjoni mal-gvern (Titu 3:1-2).
Titu tinkludi żewġ sommarji tal-evanġelju, sbieħ u impressjonanti:
1. “Għax il-grazzja t’Alla li ġġib is-salvazzjoni dehret lill-bnedmin kollha; tħarriġna sabiex niċħdu l-empjetà u l-passjonijiet mondani, ngħixu sensibbilment, ġustament u pjetożament fiż-żmien preżenti aħna u nistennew it-tama mbierka, il-manifestazzjoni glorjuża t’Alla l-kbir, ossija s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li ta lilu nnifsu għalina, sabiex jifdina minn kull illegalità, u jippurifika għalih innifsu poplu bħala pussess tiegħu, imħeġġeġ għall-opri t-tajba” (Titu 2:11-14).
2. “Għax aħna wkoll konna darba boloh, diżubbidjenti, imqarrqin, imjassrin minn passjonijiet u pjaċiri varji, ngħaddu ħajjitna fil-malizzja u l-għira, odjużi u nobogħdu ’l xulxin. Imma meta dehret il-bontà t’Alla s-Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu lejn il-bniedem, salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-ħniena tiegħu, bil-ħasil tar-riġenerazzjoni u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, li sawwab fuqna bl-għana permezz ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna, sabiex, ġustifikati bil-grazzja tiegħu, insiru werrieta skont it-tama tal-ħajja eterna. Affidabbli l-affermazzjoni; u fuq dawn il-ħwejjeġ irridek tinsisti sabiex dawk li emmnu f’Alla jieħdu ħsieb jingaġġaw fl-opri t-tajba; dawn il-ħwejjeġ huma tajbin u siewja għall-bnedmin” (Titu 3:3-8).