L-Ittri Iqsar ta' Pawlu


Dawn huma kitbiet bikrija tal-appostlu: l-Ittra lill-Galatin, u ż-żewġ ittri mibgħuta lill-knisja f’Tessalonika. Nagħtu tagħrifa dwar kull waħda.

L-Epistola lill-Galatin

Kitibha Pawlu probabbilment fis-sena 49 biex jerġa’ jafferma fiċ-ċar x’inhu l-evanġelju, li m’għandux ikun mibdul.

It-tema, il-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi biss fi Kristu biss, hi difiża (Galatin 1:11-2:21), spjegata (Galatin 3:1-4:31) u applikata (Galatin 5:1-6:10). Pawlu jagħti vindikazzjoni ċelebri tal-evanġelju tal-grazzja t’Alla, mogħtija mingħajr kundizzjonijiet tal-liġi, li jikkwalifikaw jew jeqirdu l-karattru ta’ grazzja pura. 

Kif jistgħu l-bnedmin, midinba min-natura, jersqu lejn Alla qaddis min-natura? Din hi l-problema. Pawlu jagħti t-tweġiba: hemm triq waħda biss – aċċetta s-salvazzjoni li Alla provda fil-grazzja tiegħu permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu l-waħdieni. Insa dwar salvazzjoni bil-merti tiegħek billi tobdi l-kmandamenti ta’ Mosè. Il-bniedem hu dgħajjef wisq min-natura biex jaħdem u jikseb is-salvazzjoni tiegħu nnifsu jew biex iqaddes lilu nnifsu. 

L-errur li l-Galatin kienu mħajra jilqgħu kellu żewġ għamliet, u Pawlu jirrifjutahom it-tnejn.

1. Hu żball kardinali meta taħseb illi l-ubbidjenza għal-liġi, imħallta mal-fidi, isservi bħala l-bażi għall-ġustifikazzjoni tal-midneb.

2. Żball ieħor jikkonsisti fl-assunzjoni illi l-fidil ġustifikat jibda bil-fidi iżda hu magħmul perfett billi jżomm il-liġi. 

Pawlu jilqa’ kontra tal-ewwel b’dimostrazzjoni li l-ġustifikazzjoni hi permezz tal-Patt Abraħamiku (Ġenesi 15:18), u li l-liġi, li ngħatat mis-Sinaj erba’ mija u tletin sena wara l-konferma ta’ dak il-patt, u li l-għan veru tagħha kienet il-kundanna, u mhux il-ġustifikazzjoni, ma tistax tannulla salvazzjoni mwiegħda li tistrieħ fuq patt iżjed bikri. 

Pawlu jilqa’ kontra t-tieni forma ta’ errur billi juri l-Ispirtu s-Santu bħala Santifikatur, li fil-fidili jkattar il-frott tiegħu, preminentement l-imħabba (Galatin 5:22-23).

Suġġetti sinifikanti oħra jinkludu t-tliet snin ta’ Pawlu fl-Għarabja (Galatin 1:17), l-avveniment meta kkoreġa lil Pietru (Galatin 2:11), u l-liġi bħala tutur li teħodna għand Kristu (Galatin 3:24).

L-Ewwel Epistola lit-Tessalonkin

Iż-żewġ ittri lit-Tessalonnkin kitibhom Pawlu minn Korintu, fi żmien it-tieni safra, ftit xhur wara li wasal hemm, jiġifieri fl-ewwel xhur tas-sena 51 w.K.   

L-ewwel waħda hi ittra minn pastor grat u moħħu mistrieħ rigward merħla dejjem tikber. Minbarra li esprima l-gratitudni tiegħu, Pawlu ddefenda lilu nnifsu kontra kampanja insidjuża li kienet qed tipprova tgħarraqlu l-ministeru tiegħu (1 Tessalonkin 2:9-10), inkuraġġixxa fidili ġodda mhux biss kontra l-persekuzzjoni iżda wkoll kontra l-pressjoni li jegħrqu lura fi mġiba pagana (1 Tessalonkin 3:2-3). Wieġeb ukoll mistoqsija dwar x’jiġri mill-Kristjani li jmutu qabel ir-ritorn tal-Mulej (1 Tessalonkin 4:13-18), u finalment jiddiskuti xi problemi fil-knisja (1 Tessalonkin 5:12-13,19-20).

Il-kontenut tal-passaġġi ewlenin ta’ din l-ittra huma eskatoloġiċi, jiġifieri għandhom x’jaqsmu m’avvenimenti finali fil-ġrajja dinjija, bħalma hi l-ħatfa tal-knisja (1 Tessalonkin 4:13-18) u Jum il-Mulej (1 Tessalonkin 5:1-11). Inċidentalment l-epistola hi interessanti għax turina l-għana ta’ dottrina fl-evanġeliżmu primittiv. Matul missjoni ta’ madwar xahar l-appostlu kien għallem id-dottrini kbar tal-fidi.

Matul l-ittra kollha t-tieni miġja ta’ Kristu hi prominenti. L-ewwel taqsima tal-ittra hi personali u storika (1 Tessalonkin 1-3); it-tieni prattika u widdieba (1 Tessalonkin 4-5). Għandha tema tripla: 

1. Biex tikkonferma dixxipli bla esperjenza fil-veritajiet pedamentali diġà mgħallma lilhom.

2. Biex teżortahom ħalli jissoktaw fil-qdusija.

3. Biex tfarraġhom rigward l-aħwa li kienu raqdu fi Kristu. 

It-Tieni Epistola lit-Tessalonkin

Din l-ittra ntbagħtet lill-Insara f’Tessalonika tikka wara l-ewwel waħda biex twieġeb għal sitwazzjoni ġdida. Pawlu sar jaf li b’xi mod ma kienx inftehem tajjeb, jew saħansitra kien rappreżentat ħażin (2 Tessalonkin 2:2), rigward tagħlimu dwar il-miġja ta’ Jum il-Mulej (1 Tessalonkin 5:1-11). Xi wħud ħasbu li l-ġudizzji ta’ dal-Jum kienu diġà bdew, madankollu kienu fehmu mingħand Pawlu li kellhom ikunu meħlusa minn dawn il-ġudizzji. Ir-ramifikazzjoni prattika ta’ dat-taħwid dottrinali kien illi xi wħud, billi assumew li l-aħħar tad-dinja kien fil-qrib, waqfu milli jaħdmu u allura nħolqot sitwazzjoni imbarazzanti (2 Tessalonkin 3:6,11). Pawlu jikkoreġihom u jċanfar lill-għażżiena. 

Is-sezzjoni ewlenija fuq il-bniedem tad-dnub (2 Tessalonkin 2:1-12) għandha tkun imqabbla ma’ passaġġi oħra li jitkellmu dwar l-Antikrist (Danjel 9:27; Mattew 24:15; Rivelazzjoni 11:7; 13:1-10).