L-Ittri ta' Pawlu mill-Ħabs


Fil-perjodu meta Pawlu, mixli mil-Lhud, ittieħed Ruma biex jidher quddiem Ċesri, kiteb erba’ ittri, bikri fis-sittinijiet tal-ewwel seklu. Sa mit-tieni seklu, dejjem inżamm li dawn l-ittri, magħrufa bħala “l-ittri tal-ħabs” (għax inkitbu matul il-priġunerija ta’ Pawlu f’Ruma) (Efesin 3:1; Filippin 1:7; Kolossin 4:10; Filemon 9), inkitbu mill-istess appostlu għall-ħabta tas-sena 61 W.K.

L-Epistola lill-Efesin

Fiha l-ogħla verità dwar il-knisja, iżda xejn dwar l-ordni fil-knisja. Il-knisja hawnhekk hi l-knisja vera, “ġismu,” mhux il-knisja lokali. Essenzjalment, tliet linji ta’ verità jikkomponu din l-epistola: 

  1. Il-pożizzjoni eżaltata tal-fidili permezz tal-grazzja.
  2. Il-verità rigward il-ġisem ta’ Kristu. 
  3. Il-mixja, jew imġiba, skont dik il-pożizzjoni u l-verità.

Għalhekk it-tema maġġura tal-ittra hi l-għan etern t’Alla li jistabilixxi u jkompli l-ġisem, il-knisja ta’ Kristu. Hu u jiżviluppa dit-tema, Pawlu jiddiskuti l-predestinazzjoni (Efesin 1:3-14), Kristu bħala r-Ras fuq il-ġisem (Efesin 1:22-23; 4:15-16), il-knisja bħala l-bini u t-tempju t’Alla (Efesin 2:21-22), il-misterju ta’ Kristu (Efesin 3:1-21), id-doni spiritwali għall-avvanz u l-effettività tal-knisja (Efesin 4:7-16), kif ukoll il-knisja bħala l-għarusa ta’ Kristu (Efesin 5:22-33).

Hemm affinità mill-qrib bejn l-Efesin u l-Ktieb ta’ Ġożwè. L-imkejjen fis-smewwiet fil-qagħda tal-Kristjan iwieġbu għall-Kagħnan fl-esperjenza ta’ Iżrael. Fit-tnejn hemm kunflitt, sikwit falliment, iżda wkoll vittorja, mistrieħ, u pussess (Ġożwè 21:43-45; Efesin 1:3; 3:14-19; 6:16,23).

L-Epistola lill-Filippin

It-tema hi l-esperjenza u x-xirka Kristjana. Pawlu jassumi dottrina korretta, u m’hemm xejn nieqes fl-ordni tal-knisja. Il-Filippin hi ġemgħa normali tal-Patt il-Ġdid, “qaddisin” fi Kristu Ġesù, “mas-sopristanti u djakni.” Iċ-ċirkostanzi tal-appostlu, bħala priġunier ta’ Neruni, huma mpenġija f’kuntrast mal-esperjenza Kristjana tiegħu, speċjalment l-espressjoni ta’ ferħ, kuntentizza u vittorja. Irid jgħallimna li ma niddependux fuq iċ-ċirkostanzi ta’ madwarna, iżda aktarx fuq x’qed jiġri ġewwa fina. 

Il-vers ewlieni hu, “Għalija li ngħix hu Kristu, u li mmut qligħ (Filippin 1:21). Ninsabu f’liema stat ninsabu, nistgħu nħallu l-ħajja, in-natura u l-moħħ ta’ Kristu jgħammar fina (Filippin 1:6,11; 2:5,13).

Wieħed mill-iżjed passaġġi kruċjali hu mgeżwer f’applikazzjoni, fejn Pawlu jippreżenta l-kenōsis – litteralment, it-tbattil, jew l-umiljazzjoni volontarja ta’ Kristu. Għalkemm għandu l-prerogattivi kollha tad-divinità tiegħu, kien lest jobdi u jservi (Filippin 2:5-8). Jagħtina wkoll skeċċ awtobijografiku biex bih jispjega illi għalkemm seta’ jiddependi fuq il-merti tiegħu, safrattant qies l-ottenimenti reliġjużi u morali tiegħu bħala żibel sabiex jirbaħ lil Kristu, u biex fil-ġudizzju jinstab f’unjoni miegħu, ġustifikat bil-fidi fih (Filippin 3:4-14).

Diversi passaġġi huma favoriti (Filippin 1:21,23b; 3:10,20; 4:6-8,13).

L-Epistola lill-Kolossin

Pawlu kiteb lill-Kolossin biex jikkumbatti ċertu tagħlim falz. Mill-enfasi tiegħu nistgħu niddixxernu xi wħud mill-fattizzi tad-dottrina żbaljata li kienet bdiet tinfiltra fost il-Kolossin. Kien tagħlim sinkretistiku, li jgħaqqad il-legaliżmu Lhudi, l-ispekulazzjoni filosofika Griega u l-mistiċiżmu Orjentali. Ħwejjeġ speċifiċi f’dat-tagħlim falz kienu l-osservanzi tas-Sibt u ta’ dieta, kif ukoll ir-rit taċ-ċirkonċiżjoni (Kolossin 2:11,16), il-qima tal-anġli (Kolossin 2:18), u l-prattika tal-axxetika, illi tnisslet mit-twemmin li l-ġisem kien intrinsikament ħażin (Kolossin 2:21-23).

Hu u jiġġieled kontra din l-ereżija, Pawlu jenfasizza s-sinifikat kosmiku ta’ Kristu bħala Sid il-ħolqien u Ras il-Knisja. Kwalunkwe tagħlim, prattika, jew intermedjarju li jtellfulna l-attenzjoni mill-uniċità u ċ-ċentralità ta’ Kristu, huma kontra l-fidi. 

It-tema hi s-supremazija u s-suffiċjenza ta’ Kristu. Suġġetti importanti jinkludu l-persuna u x-xogħol ta’ Kristu (Kolossin 1:15-23), l-ereżija (Kolossin 2:8-23) u l-unjoni tal-fidili ma’ Kristu (Kolossin 3:1-4).

L-Epistola lil Filemon

Onesimu, ilsir ta’ Filemon, Kristjan f’Kolossi, kien seraq lil sidu u ħarab lejn Ruma, fejn ikkonverta taħt il-ministeru ta’ Pawlu. Onesimu jintbagħat lura b’din l-ittra, l-iżjed waħda personali mill-ittri Pawlini. Hi ta’ valur imprezzabbli bħala tagħlim f’ġustizzja prattika, fi fratellanza u kortesija Kristjana, u fil-liġi tal-imħabba.