In-Neċessità tal-Iskrittura

Fil-qagħda ta’ injoranza spiritwali li fiha waqgħet l-umanità (2 Korintin 4:3-6; Atti 17:30; 1 Korintin 1:21; 2:13-14), Alla għoġbu bosta drabi u b’manjieri differenti jirrivela lilu nnifsu u jiddikjara r-rieda tiegħu lil niesu (Ebrej 1:1). U wara, għoġbu jniżżel fil-kitba il-verità rivelata tiegħu, biex hekk tkun priżervata u propagata tajjeb, u biex niesu jkunu iżjed stabbiliti u mfarrġa, għaliex bl-Iskrittura aħna protetti kontra l-korruzzjoni tan-natura midinba tagħna, li dejjem lesta tressaq l-ideat foloz tagħha, u kontra l-malizzja ta’ Satana u tad-dinja (Prov.22:17-21; Isa.8:19-20; Luqa 1:3-4; Mattew 4:4,7,10; Rumani 15:4; 2 Pietru 1:19-20). Issa mela l-Iskrittura Mqaddsa hi assolutament essenzjali (2 Timotju 3:15; 2 Pietru 1:19) għaliex Alla m’għadux jirrivela r-rieda tiegħu, bħalma kien jagħmel fl-imgħoddi (Ebrej 1:1-2) (cf., L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:1). 

Dir-rivelazzjoni speċjali saret neċessarja minħabba d-dħul tad-dnub fid-dinja. Kitbet Alla fin-natura sfat imdallma u korrotta, u l-bniedem intlaqat minn għama spiritwali u sar suġġett għall-iżball u nuqqas ta’ twemmin. Issa, fl-għama u l-perversità tiegħu, ma jirnexxilux jaqra sewwa t-traċċi li fadal tar-rivelazzjoni oriġinali, u mhux kapaċi jifhem iżjed rivelazzjoni mingħand Alla. Għalhekk sar neċessarju li Alla kellu jerġa’ jinterpreta l-veritajiet tan-natura, jipprovdi rivelazzjoni ġdida ta’ fidwa, jillumina moħħ il-bniedem u jifdih mill-potenza tal-errur (Efesin 4:17-19, eċċ.).

Alla għaddielha Kelmtu. Hemm diversi raġunijiet għala kellu jagħtihielna bil-miktub.

1. Sabiex l-istorja u d-dottrina tagħha jkunu mgħoddija aħjar minn żmien għal żmien; għax jekk il-kelma rrivelata lin-nies qaddisa fl-antik kellha tkun fdata biss fil-memorja tagħhom, biex jgħadduha bi tradizzjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra, kien jiġri li ħafna veritajiet jintilfu mal-medda taż-żmien peress li l-memorju tal-bniedem hi dgħajfa. Għalhekk, fil-għerf t’Alla, ma kienx hemm metodu aħjar biex issir magħrufa l-grazzja tiegħu f’kull epoka milli l-kelma tiegħu titniżżel fil-kitba (cf., 2 Pietru 3:1).

2. Jerġa’, inkitbet biex l-evanġelju jkun propagat aħjar lill-ġnus. Ir-rapporti t’oħrajn ma kinux jiġu emmnuti faċilment, bħalma huma emmnuti l-kitbiet tal-profeti u l-appostli nfushom, li lilhom waslet il-kelma t’ Alla (Luqa 1:1-4; cf., Ġwanni 4:39-42).

3. Fl-aħħarnett, inkitbet biex in-nies t’Alla jkollhom regola ta’ fidi u prattika, regola li ma tinbidilx, ħalli jkunu jistgħu jeżaminaw kull dottrina u jfasslu kull azzjoni tagħhom, u allura jiskansaw prinċipji u azzjonijiet korrotti (Isaija 8:20).

Issa, biex tissalvagwardja s-superstizzjonijiet u t-tradizzjonijiet tagħha aktar effettivament, il-Knisja Kattolika Rumana tisħaq illi mal-Iskrittura jeħtieġ ikun hemm ukoll l-hekk imsejħa “Tradizzjoni Mqaddsa,” li hi biss skuża biex tiddefendi l-invenzjonijiet tagħha li mhumiex mgħallma fl-Iskrittura. 

1. Tisħaq li kien hemm knejjes partikolari li eżistew mingħajr il-Kelma miktuba: pereżempju, dawk fejn l-appostli inizjalment ipproklamaw l-evanġelju fost il-Ġentili u stabbilew knejjes fosthom. 

Bi tweġiba, ngħidu li dan kien il-każ għal perjodu qasir ħafna. Imqar jekk ma kinux fil-pussess immedjat tal-Kelma miktuba, kellhom kelmet l-appostli li kienu mqanqla infallibbilment mill-Ispirtu t’Alla. Fil-każ tagħhom, f’sitwazzjoni missjonarja u pijuniera bħal dik, ninnotaw li l-knisja bdiet teżisti minħabba x-xandir tal-Kelma, u l-appostli ma xandru xejn ħlief il-Kelma fdata lilhom minn Kristu. 

Madankollu, f’sens ġenerali, il-knisja kellha l-Kelma t’Alla fil-pussess tagħha, billi kongregazzjoni partikolari kienet taqsamha ma’ kongregazzjoni oħra (cf., Kolossin 4:16). Il-Lhud fid-Djaspora kellhom il-Kelma miktuba, u kif nafu, f’bosta postijiet fost il-ġnus kienu ġeneralment minn tal-ewwel li laqgħu l-evanġelju.

2. Għall-illiterat il-Kelma miktuba bħallikieku ma teżistix.

Inwieġbu li xorta waħda jisimgħuha moqrija kif ukoll kwotata mix-xandara maħtura mill-Mulej. Hekk il-fidi tagħhom u l-fidi ta’ dawk li kapaċi jaqraw hi ugwalment imsejsa fuq il-Kelma miktuba.

3. Il-poplu t’Alla hu mgħallem mill-Mulej innifsu, u għaldaqstant m’għandux bżonn struzzjoni oħra (cf., Isaija 54:13; Ġeremija 31:34; 1 Ġwanni 2:27).

Inwieġbu li, bl-istess argument, il-knisja ċertament m’għandha ebda bżonn tat-tradizzjonijiet tagħha u allura neċessarjament jeħtieġ jitwarrbu. Jerġa’, meta Alla jistruwixxi lil niesu bil-Kelma, ikunu qed jiġu struwiti minnu. Ħaġa waħda ma teskludix lill-oħra: Alla jagħti l-Ispirtu tiegħu permezz tal-Kelma (Atti 10:44).

Fil-patroloġija (l-istudju tal-kitbiet tas-Santi Padri fl-antik) insibu n-neċessità tal-Iskrittura fil-ħajja u l-ħsieb tal-knisja u tal-fidil individwali. Mill-antik il-knisja, sa mill-ewwel sekli, esprimiet stima għolja lejn l-Iskrittura. Is-Santi Padri kellhom konvinzjoni profonda tal-importanza fondamentali tal-Iskrittura biex il-knisja tinżamm fi triq is-sewwa u l-verità. Espożitur u interpretu ewlieni tal-Iskrittura fis-sekli bikrija kien Ġirolmu.

Jgħid hekk: “(Pawlu) jitkellem dwar ‘għerf t’Alla mistur f’misterju, li Alla ħatar qabel id-dinja’ (1 Korintin 2:7). L-għerf t’Alla hu Kristu, għax Kristu, jingħad, hu ‘l-qawwa t’Alla u l-għerf t’Alla’ (1 Korintin 1:30). Dan l-għerf jibqa’ moħbi f’misterju. Huwa għal dan li jirreferi t-titlu ta’ Salm 9:1, ‘għall-ħwejjeġ mistura tal-iben.’ Fih hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u t-tagħrif. Dak li kien moħbi f’misterju hu l-istess li kien predestinat qabel id-dinja, u kien maħtur u prefigurat fil-Liġi u l-Profeti. Għal dir-raġuni l-profeti ssejħu veġġenti: raw lil dak li oħrajn ma kinux jaraw. Abraħam ra jumu wkoll, u feraħ (Ġwanni 8:56). Is-smewwiet, issiġillati għal nies ribellużi, kienu miftuħa għall-profeta (Eżekjel 1:1). ‘Iftaħli għajnejja,’ jgħid David, ‘biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek (Salmi 119:18).’ Għax il-liġi hi spiritwali, u biex nifhmuha jeħtieġ li jinneħħielna l-velu u naraw il-glorja t’Alla b’wiċċ mikxuf (2 Korintin 3:14-18).

 “Fl-Atti tal-Appostli, l-ewnuku qaddis...kien qed jara ’l Isaija, meta Filippu staqsieh: ‘Qed tifhem x’inti taqra?’ ‘Kif nista’,’ wieġbu, ‘jekk xi ħadd ma jgħallimnix?’ (Atti 8:30-31). M’iniex aktar qaddis u lanqas aktar mgħallem minn dan l-ewnuku, li kien mill-Etjopja, jiġifieri minn trufijiet id-dinja. Ħalla l-palazz irjali u mar iżur it-tempju; tant kienet kbira mħabbtu għat-tagħrif divin illi kien qed jaqra l-Iskritturi Mqaddsa hu u riekeb fuq il-karru. Madankollu avolja żamm il-ktieb f’idu u rrifletta fuq kelmet il-Mulej, isemmagħhom bi lsienu u jippronunzjahom b’xofftejh, ma kienx jaf lil min qiem f’dal-ktieb. Imbagħad ġie Filippu, u wrieh lil Ġesù moħbi fl-ittra. X’għalliem meraviljuż! F’dak l-istess ħin l-ewnuku emmen u tgħammed. Sar wieħed mill-fidili, u qaddis. Minn student sar għalliem. Fl-għajn tax-xagħri sab aktar dwar il-knisja milli rnexxilu jsib fit-tempju indurat tas-sinagoga...

“Dil-ħaġa trattajtha biss fil-qosor – ma nistax nagħmel aħjar fil-limiti t’ittra – sabiex tifhem li ma tistax tavvanza fl-Iskritturi Mqaddsa jekk ma jkollokx gwida esperjenzat biex jurik it-triq...

“Nitolbok, għażiż ħija, biex tgħix fost dawn (il-kotba sagri). Immedita fuqhom, biex ma tkun taf xejn aktar, biex ma tfittex xejn ħliefhom. Jaqaw ma jidhirlikx li dan hu tikka waħda tal-ġenna hawn fuq l-art? Toffendix ruħek bis-sempliċità tal-Iskrittura Mqaddsa, jew bin-nuqqas ta’ sofistikazzjoni ta’ kliemha, għax dawn huma difetti fit-traduzzjoni jew għandhom xi għan ifnad. Għax l-Iskrittura toffri lilha nfisha hekk li kongregazzjoni bla edukazzjoni tkun tista’ titgħallem minnha aktar faċilment, xi wħud jibbenifikaw minnha, u kemm l-imgħallma u kif ukoll l-injoranti jistgħu jiskopru tifsiriet differenti fl-istess sentenza...Mela ħa nistudjaw hawn fuq l-art dak it-tagħrif li jibqa’ magħna fis-smewwiet” (Ittra LIII, 4-6,10).

Mill-Kelma t’Alla, miktuba u mgħoddija lilna, inixxu diversi benefiċċji. Fosthom dawn:

1. Il-ġenerazzjonijiet sussegwenti jgawdu l-Kelma priżervata b’mod iżjed akkurat.  Il-kitba u d-dokumentazzjoni hi evidentement metodu aktar vantaġġjuż milli tafda fuq il-memorja jew it-tennija ta’ tradizzjoni orali (cf., Dewteronomju 31:12-13).

2. Il-kitba tagħti opportunità għal spezzjoni ripetuta, studju bir-reqqa u diskussjoni, li bl-atteġġjament xieraq, iwasslu għal fehma aħjar u ubbidjenza aktar sħiħa. 

3. Il-Kelma miktuba ssir naturalment aktar aċċessibbli lill-poplu. Huwa profitabbli għalina, mela, li nistudjaw il-Kelma miktuba t’Alla, ċoè, il-Bibbja. Dak li Alla għoġbu jgħarrafna dwar il-Kelma tiegħu bħala digriet u l-Kelma tiegħu mlissna direttament huwa inkorporat fl-Iskrittura, u billi l-qanun hu magħluq, m’għandniex infittxu l-Kelma t’Alla xi mkien ieħor. 

Il-bniedem hu mbierek meta jimmedita fuq ix-xhieda miktuba t’Alla (Salmi 1:1-2), u l-istess min jaqraha u jismagħha (Rivelazzjoni 1:3). L-attenzjoni ta’ ruħna trid tkun fuqha, għax meta titkellem l-Iskrittura jitkellem Alla (Galatin 3:8; Rumani 9:17). Allura, fuq il-passi ta’ Ġożwè, jeħtieġ inħammu fuqha lejl u nhar biex ikollna r-risq (Ġożwè 1:8); biex minnha nitgħallmu, inkunu mċanfra, ikkoreġuti u trenjati fil-ġustizzja (2 Timotju 3:16).