Mod Effettiv kif Tistudja l-Bibbja


Kull Kristjan għandu jrawwem fih dispożizzjoni tajba biex jitma’ lil ruħu regolarment mill-Iskritturi Mqaddsa. Bħall-profeta messu jkun kapaċi jgħid lil Alla, “Hekk kif sibt kliemek, blajtu, u kelmtek kienet għalija ferħ u għaxqa ta’ qalbi, għax jien nissemma b’ismek, o Mulej, Alla tal-eżerċti” (Ġeremija 15:16). 

Sew jekk żgħir jew kbir int obbligat tkun familjari mar-rieda t’Alla għalik kif kontenuta fil-Bibbja. “Dan il-ktieb tal-liġi,” qal il-Mulej lil Ġożwè, “ma jitbiegħed qatt minn fommok, iżda aħseb fuqu nhar u lejl, biex tagħmel skont kulma hemm miktub fih, għax imbagħad inti tirnexxi f’kulma tagħmel u jkollok ir-risq” (Ġożwè 1:8). 

Primarjament Alla ta Kelmtu lil niesu stess, bil-ħsieb biex iwassluha lil ħaddieħor ukoll, ħalli l-umanità ma tibqax f’għadwa m’Alla u l-qerq tad-dnub u x-xitan. “Ixandar kelmtu lil Ġakobb, l-istatuti u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. Ma mexiex hekk m’ebda ġens ieħor: id-digrieti tiegħu ma jafuhomx (Salmi 147:19-20). Mela, ladarba int Kristjan, il-Bibbja hi għalik: Alla Missierek iridek tkun kompetenti biex tibbenifika regolarment minnha, anke privatament. 

Il-Bibbja għalik! Frattant taf li għad fadal ħafna x’tiskopri fil-Bibbja, imma tħossok inadegwat. Taf ukoll li l-Bibbja hi l-uniku pedament stabbli għall-kobor tiegħek fil-fidi. Taf li sakemm iddum f’dal-pellegrinaġġ il-Bibbja tibqa’ “il-fanal għal riġlejk u d-dawl għall-mogħdija tiegħek.” Imma xħin tiġi biex tistudjaha waħdek, tikkonfondi. 

Dan l-istudju hu intiż biex jgħinek. Hawnhekk se ssib metodu li kulħadd jista’ jitgħallem iħaddmu. Jinvolvi tliet ħiliet: osservazzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni. 

  • L-osservazzjoni tgħallmek tara preċiżament x’qed jgħid il-passaġġ. Hi l-bażi għall-interpretazzjoni korretta u applikazzjoni f’lokha. Bl-osservazzjoni se tasal biex twieġeb il-mistoqsija: “X’qed jgħallem il-passaġġ?”
  • L-interpretazzjoni twieġeb il-mistoqsija: “Xi jfisser il-passaġġ?”
  • L-applikazzjoni tittratta l-mistoqsija, essenzjali daqs l-ewwel tnejn, “Xi jfisser il-passaġġ għalija personalment?” Fi kliem ieħor, issa li sirt naf it-tifsira tal-passaġġ, liema veritajiet jeħtieġ inħaddem fil-prattika? Fid-dawl tal-istudju tiegħi, liema bidliet imissni nagħmel f’ħajti?

Meta ssir taf x’qed jgħid il-Mulej, xi jfisser, u kif se timplimenta l-veritajiet rivelati minn jum għal jum f’ħajtek, tkun fornut biex tilqa’ kull sfida u kull ċirkostanza fil-ħajja. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan ta’ kull studju personali tal-Bibbja hi ħajja trasformata: relazzjoni aktar u aktar intima ma’ Alla Trinità, u relazzjoni sinifikanti fil-familja, fil-knisja, fuq il-post tax-xogħol, insomma, mal-proxxmu tiegħek. 

Se nikkonsidraw flimkien għaxar passi, il-kolonni prinċipali fil-binja tal-istudju neċessarju. Int u tieħu dawn il-passi, kultant l-osservazzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni iseħħu simultanjament. L-Ispirtu s-Santu sikwit jagħti lil ulied Alla ċertu dixxerniment fi kwalunkwe punt tal-istudju tagħhom. Għalhekk irridu nkunu sensittivi għat-tmexxija tiegħu, filwaqt li nagħrfu l-importanza tad-dixxiplina fl-istudju. Mela, meta xi kelmiet jew passaġġi jagħmlu impatt f’moħħok, ieqaf u immedita fuq x’qed jurik il-Mulej. 

Int u tistudja l-Bibbja kapitlu kapitlu u ktieb ktieb, tikber u timmatura fl-abbiltà tiegħek biex tifhem il-fehma sħiħa t’Alla. 

  • L-osservazzjoni adegwata

Hemm diversi passi li rridu nagħrfu u nipprattikaw fil-proċess tal-osservazzjoni biex niskopru x’qed tgħid l-Iskrittura. 

1. Ibda b’talb sinċier.

It-talb hu sikwit l-element nieqes fl-istudju tal-Bibbja. Apparti mill-ministeru tal-Ispirtu s-Santu, l-istudju ma jkun xejn ħlief studju xott u ma jwassal imkien. Huwa l-Ispirtu, li jgħammar fik, li jiggwidak fil-verità kollha, li jieħu l-ħwejjeġ t’Alla u jurihomlok. Dejjem itlob lill-Mulej biex jgħallmek u jiftaħlek l-Iskrittura. Rgħajja spiritwali, katekisti u għalliema oħra għandhom ir-rwol tagħhom, imma mingħajr il-ministeru indispensabbli tal-Paraklitu l-istudju tiegħek ikun għażiq fl-ilma. Ma jiswielek xejn.

2. Il-mistoqsija oħt il-għerf.

Int u tistudja kwalunkwe passaġġ minn kwalunkwe ktieb tal-Bibbja, ħarreġ lilek innifsek biex tistaqsi kontinwament: Min? X’inhu? Meta? Fejn? Għaliex? Kif? Dawn il-mistoqsijiet huma l-knaten li bihom tinbena l-osservazzjoni preċiża, fattur essenzjali biex imbagħad tasal għal interpretazzjoni akkurata. Sikwit l-Iskrittura tisfa mgħawġa għax il-kuntest ma jingħatax l-importanza li jixraqlu. 

Meta ngħaġġlu u nissaraw fl-interpretazzjoni mingħajr il-pedament vitali tal-osservazzjoni, fehmitna tisfa mlewna mill-presuppożizzjonijiet tagħna – x’naħseb jien, xi nħoss jien, jew x’qalu nies oħra. Trid toqgħod attent biex ma tittorturax l-Iskrittura u ġġegħilha tgħid ħwejjeġ li ma tgħidhomx, jew ma tindunax li qed tgħid ħwejjeġ li jeħtieġlek tismagħhom u tgħixhom.

Tweġibijiet korretti għall-mistoqsijiet imsemmija jgħinuk biex tassigura ruħek li għandek bażi soda għall-interpretazzjoni. Se nieħdu l-1 Pietru 5 bħala silta biex, b’referenza għalih, nifhmu l-istadji li qed nikkonsidraw. 

a. Min qed jitkellem? Dwar min hu l-passaġġ? Min huma l-karattri prinċipali? Pereżempju, agħti titwila l-passaġġ, l-1 Pietru 5. F’dal-kapitlu hemm xi ħadd li qed jitkellem fl-ewwel persuna singular. Min hu (minn dal-kapitlu)? Il-kuntest jinformak ukoll b’ismu. Mnejn issir taf x’jismu, u x’inhi l-kariga tiegħu?

Jerġa’ u tgħid, lil min qed jindirizza? Ara vers 1, vers 5 u vers 6.

b. X’inhu s-suġġett jew l-avveniment kopert fil-kapitlu? X’titgħallem dwar in-nies, l-avveniment, jew it-tagħlim mit-test? Liema struzzjonijiet u ordnijiet jingħataw? Ara, pereżempju, vers 2.

ċ. Meta seħħew, qed iseħħu jew għad iseħħu l-avvenimenti? Meta ġrat jew se tiġri xi ħaġa li xi persuna, nies jew ġens partikolari? “Meta?” hi mistoqsija kruċjali biex tiddetermina l-progressjoni tal-avvenimenti. Ara, pereżempju, vers 4.

d. Fejn ġrat jew se tiġri l-ħaġa? Fejn qed jingħad id-diskors? Fl-1 Pietru 5, l-unika indikazzjoni nsibuha f’vers 13. 

e. Għaliex qed tingħad jew tissemma t-tali ħaġa? Għaliex għandha tiġri jew se jiġri hekk? Għaliex f’dan iż-żmien u mhux f’ieħor? L-1 Pietru 5 jispjega għala u kif Pietru kiteb din l-epistola, u hekk jistabilixxi l-għan tal-ktieb: biex jeżorta u jagħti xhieda li din hi l-grazzja vera t’Alla, ħalli l-Kristjani jżommu sodi fiha. 

f. Kif se jiġri dan? Kif se jkun magħmul? Kif se jsir? Kif inhu illustrat? F’vers 2, innota kif il-presbiteri għandhom jeżerċitaw il-ministeru u s-sorveljanza tagħhom. 

Kull darba li tistudja l-Iskrittura żomm dawn is-sitt mistoqsijiet primarji f’moħħok. Tinkwetax jekk ma tistax issib it-tweġiba għal kull mistoqsija kull darba. Ftakar li hemm diversi tipi ta’ letteratura fil-Bibbja u allura mhux il-mistoqsijiet kollha japplikaw. Studja bil-pawsa. Int u tistaqsi Min, X’inhu, Meta, Fejn, Għaliex u Kif, niżżel xi noti jekk issibhom jgħinuk. Immedita fuq il-veritajiet murija. Ibda aħseb kif japplikaw għalik. Dan iżommok milli l-istudju tiegħek isir tfittxija intellettwali għat-tagħrif u xejn aktar (cf., 1 Korintin 8:1). 

3. Immarka kelmiet u frażijiet importanti. 

Kelma importanti hi waħda essenzjali fit-test. Tista’ tkun nom, aġġettiv jew verb li jwettaq rwol primarju biex il-messaġġ tal-awtur nifhmuh. Kelma jew frażi importanti tingħaraf għax meta titneħħa l-passaġġ jisfa priv mit-tifsira. Sikwit ninnotaw li kelma jew frażi importanti hi ripetuta biex il-punt jew l-iskop tal-kittieb isir aktar enfatiku jew prominenti. Nistgħu nsibuhom imtennija matul il-kapitlu, jew f’parti tal-ktieb, jew fil-ktieb kollu. X’kelma importanti, pereżempju, tissemma 3 darbiet f’xi forma jew oħra fl-1 Pietru 5?

Meta tieħu nota ta’ kelmiet importanti, staqsi l-istess Min? X’inhu? Meta? Fejn? Għaliex? u Kif? bħalma għamilt fil-passaġġ kollu. 

Ftakar ukoll li s-sinonimi fl-istess kuntest jispjegaw lil xulxin. X’kelma sinonima nsibu għax-xitan? v.8-9.

4. Fittex il-listi.

Ġabra ta’ listi tista’ tkun waħda mill-ħwejjeġ l-aktar sinifikanti int u tistudja sezzjoni mill-Iskrittura. Il-listi jiżvelaw veritajiet u jaċċentaw konċetti importanti. L-aħjar mod kif tista’ tiskopri listi huwa billi tosserva kif kelma importanti hi deskritta, tinnota x’jingħad dwar xi ħadd jew xi ħaġa, jew tiġbor ħsibijiet jew istruzzjonijiet relatati ma’ xulxin fi gruppi għalihom. X’lista sempliċi tista’ tiġbor minn 1 Pietru 5:2-3?

Listi topiċi jaqbdu verità, kwalità jew karatteristika ta’ suġġett speċifiku fil-passaġġ. Mod wieħed kif tiskopri lista topika huwa billi tagħraf x’qed jgħid it-test dwar xi kelma importanti kull darba li tintuża. Pereżempju nieħu l-kelma “tbatija.”

a. Kristu bata.

b. L-aħwa qed ibatu.

ċ. Intom se tbatu. 

d. Imma Alla jipperfezzjona, jikkonferma, isaħħaħ u jistabilixxi lil dawk li jbatu!

Xħin tiġi għall-applikazzjoni, il-valur tal-listi huwa kbir. Meta tkun fi tbatija, tista’ tiftakar u titfarraġ li Kristu bata, oħrajn qed ibatu, u fl-aħħar mill-aħħar Alla jinqeda bit-tbatija biex isaħħek. 

5. Oqgħod attent għall-kuntrasti u paraguni.

Kuntrasti u paraguni jużaw lingwaġġ deskrittiv biex iwasslulna veritajiet sinifikanti u lezzjonijiet vitali. Qishom ipenġulna pittura bil-kjaroskur ħalli hekk insibuha eħfef biex niftakru l-lezzjoni li tgħallimna.

Kuntrast hu paragun ta’ ħwejjeġ li huma differenti jew opposti, bħal pereżempju dawl u dlam, jew kburija u umiltà. Il-kelmiet “imma,” “iżda,” “madankollu,” u “minkejja” sikwit tissinifika li qed isir kuntrast. 

Paragun jiżvolġi s-similarità; sikwit hu indikat bl-użu ta’ kelmiet bħal “qisu,” “donnu,” “bħal,” “jixbah,” “bħallikieku” u oħrajn. Sib paragun fl-1 Pietru 5. 

6. Innota espressjonijiet ta’ żmien.

Ir-relazzjoni tal-avvenimenti fiż-żmien sikwit tixħet dawl fuq it-tifsira vera tal-passaġġ. Fil-Bibbja nsibu diversi: ‘Fl-għaxar jum tal-ħdax-il xahar,’ jew ‘Fl-għid tal-Għerejjex.’ Iż-żmien hu sikwit indikat b’kelmiet bħal “sakemm,” “imbagħad,” “meta,” “wara,” “qabel,” “filwaqt,” “matul” u l-bqija. Dawn il-kelmiet juru r-relazzjoni bejn sentenza jew avveniment mal-ieħor. 

Mill-1 Pietru 5 sib xi espressjonijiet ta’ żmien u ddetermina s-sinifikat tagħhom. 

7. Identifika termini ta’ konklużjoni.

Termini ta’ konklużjoni normalment insibuhom wara sekwenza importanti ta’ ħsieb, u jinkludu kelmiet bħal “għalhekk,” “mela,” “minħabba f’hekk,” “għaldaqstant,” “finalment,” “konsegwentement,” u oħrajn. Kelmiet bħal dawn dejjem irridu naraw għaliex qegħdin hemm. Trid tkun kapaċi tħares lejn il-versi preċedenti u tagħmel sommarju tal-messaġġ. 

Mill-1 Pietru 5 sib għala l-awtur kiteb “mela” f’vers 6.

8. Skopri t-tema tal-passaġġ.

It-tema ta’ silta tkun iċċentrata fuq persuna, avveniment jew suġġett prinċipali ta’ dik l-istess silta. It-tema sikwit tintebaħ biha billi tirrevedi l-kliem jew frażijiet ewlenin li tkun diġà skoprejt. Ipprova esprimi t-tema b’mod konċiż kemm jista’ jkun, billi tuża kliem misjub fit-test stess. Prova sib it-tema jew temi fl-1 Pietru 5. Bħala għajnuna prova wieġeb, “X’qed jgħid il-passaġġ?” jew “Dwar xiex qed jitkellem?” It-tema tiġbor it-tweġiba fil-qosor. Jekk meħtieġ, tista’ taġġosta t-tema jew temi tiegħek aktar ma tfannad fl-istudju. 

9. Sib il-lezzjonijiet għall-ħajja. 

Fil-proċess, int u tosserva t-test u tara kif Alla istruwixxa lil niesu u tratta ma’ individwi diversi, l-Ispirtu s-Santu jġib għall-attenzjoni tiegħek veritajiet li Alla jridek takkwista l-konsapevolezza tagħhom u tgħix bihom. Aqbadhom, ħu nota tagħhom u itlob dwarhom biex isiru parti integrali minn ħajtek. 

10. Iġbor kollox qatta waħda.

Wara li tkun għamilt dan l-istħarriġ kollu, żomm rekordju ta’ ħwejjeġ importanti, fosthom: niżżel min hu l-awtur tal-ktieb, meta kiteb, u x’vokabularju pekuljari uża. Jekk pereżempju lestejt l-1 Pietru kollu, ikkopja t-temi tal-ħames kapitlu kollha. Peress li t-taqsim tal-Bibbja f’kapitli sar ħafna sekli wara li nkitbet, mhux dejjem jaqbel naturalment mat-test. Kultant ukoll issib kapitlu b’iżjed minn tema waħda. Jekk dan hu minnu, niżżel it-temi kollha. 

Irrekordja wkoll l-għan tal-ktieb. Meta tiddixxerni l-iskop tal-1 Pietru, pereżempju, ikunlek għajnuna kbira biex tittratta l-Iskrittura b’akkuratezza. Jekk l-awtur ma jniżżilx speċifikament x’inhu l-għan tiegħu, kif insibu fl-1 Pietru 5:12 u Ġwanni 20:31, ikollok tiskopri l-iskop b’mezzi oħra. 

a. Innota s-suġġetti prinċipali koperti fil-ktieb. Dawn sikwit jingħarfu int u tistudja kelmiet prinċipali repetuti. 

b. Sib il-problemi indirizzati. Jista’ jkun li l-għan tal-awtur hu biex jittratta ma’ dawn il-problemi. 

ċ. Innota eżortazzjonijiet u twissijiet mogħtija. Jistgħu jkunu r-raġuni għala nkiteb il-ktieb. 

d. Osserva x’ma trattax l-awtur fil-ktieb tiegħu. Meta tkun taf x’kopra u ma kopriex, tkun tista’ tasal għall-għan tal-ktieb innifsu. 

Irrekordja t-tema prinċipali tal-ktieb. Dan tista’ tagħmlu biss wara li tkun ħadt il-passi l-oħra preċedenti. Liema stqarrija waħda tiddeskrivi l-aħjar il-ktieb kollu kemm hu?

Wara li tkun ħadt dawn l-għaxar passi t’osservazzjoni, tkun lest biex tgħaddi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni. 

  • L-interpretazzjoni korretta

Filwaqt li l-osservazzjoni twassal għall-fehma akkurata ta’ x’qed tgħid il-Kelma t’Alla, l-interpretazzjoni tmur pass ’il quddiem biex tgħinek tifhem xi tfisser. Meta tinterpreta bir-reqqa l-Iskrittura Mqaddsa, tkun kapaċi mbagħad biex b’kunfidenza tħaddem il-veritajiet tagħha fil-ħajja kwotidjana.

Bħal bosta nies oħra, probabbli kont mgħallem sistema ta’ twemmin qabel ma qbadt tistudja l-Bibbja għalik innifsek. Jew forsi kont diġà fformajt opinjonijiet dwar x’tgħallem il-Bibbja qabel ma indenjajt teżaminaha oġġettivament għalik innifsek. Int u titgħallem tittratta l-Kelma t’Alla b’akkuratezza, tkun kapaċi tiddixxerni jekk kulma temmen hux fi qbil strett mal-Iskrittura. Jekk din hi xewqtek u tersaq lejn il-Bibbja bi spirtu ta’ persuna li trid titgħallem, Alla jwasslek u jiggwidak biex aktar u aktar tgawdi l-verità tiegħu. Itolbu biex jagħtik spirtu bħal dan. 

Int u tfittex it-tifsira preċiża tal-Bibbja, dawn il-gwidi jew prinċipji li ġejjin tista’ ssibhom ta’ għajnuna.

1. Ftakar dejjem li l-kuntest jiggverna kollox.

Il-kelma kuntest tfisser “dak li jmur mat-test.” Biex tifhem il-kuntest trid tkun familjari mal-Kelma t’Alla. Jekk tkun diġà qegħidt il-pedament solidu tal-osservazzjoni, tkun preparat biex tikkonsidra kull vers fid-dawl:

a. Ta’ versi qablu u versi warajh.

b. Tal-ktieb li fih jinstab dak il-vers.

ċ. Tal-Kelma t’Alla kollha kemm hi.

Int u tistudja staqsi lilek innifsek: l-interpretazzjoni tiegħi ta’ dis-sezzjoni partikolari tal-Iskrittura hija konsistenti mat-tema, l-għan, u l-istruttura tal-ktieb li fih tinstab? Hija konsistenti ma’ Skritturi oħra dwar l-istess suġġett, jew hemm xi differenza tiżgarra? Qed nikkonsidra l-kuntest storiku u kulturali ta’ x’qed jingħad? Qatt tislet xi parti mill-Iskrittura barra mill-kuntest tagħha biex iġġegħilha tgħid xi ħaġa li tridha tgħid int. Skopri, aktarx, x’qed jgħid l-awtur; iżżidx mat-tifsira tiegħu. 

2. Dejjem fittex il-fehma sħiħa tal-Kelma t’Alla.

Meta tkun midħla tal-Iskrittura ma taċċettax xi biċċa tagħlim sempliċement għax xi ħadd inqeda b’xi vers jew tnejn iżolati biex iseddqu. Dawk il-versi jista’ jkun li nqalgħu barra mill-kuntest tagħhom, jew xi passaġġi importanti oħra ġew injorati, li altrimenti fehmtek kienet tkun totalment differenti. Int u taqra l-Bibbja regolarment u estensivament, u aktar ma ssir familjari mal-fehma sħiħa t’Alla fil-Bibbja, tkun kwalifikat biex tiddixxerni jekk it-tali tagħlim hux bibliku jew le. 

Ixxarrab għasra taħt Kelmet il-ħajja; aktar ma tkun midħla tagħha aktar tkun protett kontra dottrina falza. 

3. Ftakar li l-Bibbja qatt ma tikkontradixxi lilha nfisha.

L-aqwa interpretu tal-Iskrittura huwa l-Iskrittura nfisha. Tinsiex li l-Iskrittura hi ispirata mill-Ispirtu t’Alla; hi Kelma ċerta u awtorevoli, u allura ma jistax ikun li xi parti mill-Iskrittura xi darba teħodha kontra xi parti oħra mill-Iskrittura. Jista’ jagħti l-każ li hemm xi kontradizzjoni apparenti, iżda soluzzjoni dejjem hemm.

Il-Bibbja tiġbor fiha l-verità spiritwali u reliġjuża li teħtieġ għal kwalunkwe sitwazzjoni matul ħajtek. Madankollu, kultant tista’ ssibha diffiċli tirrikonċilja żewġ veritajiet fl-Iskrittura li mal-ewwel daqqa t’għajn jikkontradixxu lil xulxin. Każ tipiku hija r-relazzjoni bejn is-sovranità t’Alla u r-responsabbiltà tal-bniedem. Meta żewġ veritajiet jew aktar, mgħallma fiċ-ċar fl-Iskrittura, qishom jinsabu f’konflitt bejniethom, ftakar li bħala umani għandna mħuħ finiti. Tiħux xi punt ta’ tagħlim f’estremità hekk li tinsa kull tagħlim ieħor, tagħlim li sikwit ikun jikkumplimentah. Sempliċement umilja qalbek bil-fidi u emmen dak li qed jgħid il-Mulej, avolja forsi ma tistax tifhem għalkollox jew tirrikonċiljaha sa dak il-ħin. 

4. Tibbażax il-konvinzjonijiet tiegħek fuq pass oskur tal-Iskrittura.

Pass oskur huwa pass li t-tifsira tiegħu mhux lakemm tifhimha. Peress li passi bħal dawn huma diffiċli biex tifhimhom anke meta tħaddem prinċipji xierqa ta’ interpretazzjoni, m’għandhomx jintużaw bħala pedament biex nistabilixxu xi dottrina. 

5. Interpreta l-Iskrittura b’mod normali.

Il-Bibbja mhix xi ktieb tal-mistiċiżmu. Alla kellimna biex insiru nafu l-verità; jixtieq jikkomunika magħna, mhux iħawwadna. Għaldaqstant, ħu l-Kelma t’Alla kif inhi, fis-sens naturali u normali. Fittex li tikseb it-tagħlim ċar tal-Iskrittura, mhux xi tifsira eżoterika jew moħbija. Ifhem u agħraf id-diversi figuri tad-diskors u interpretahom bħala figuri tad-diskors: l-ironija bħala ironija, l-iperbole bħala iperbole, il-personifikazzjoni bħala personifikazzjoni, u l-metafora bħala metafora. 

Ikkonsidra x’qed jingħad fid-dawl tal-istil letterarju. Pereżempju, se ssib aktar tixbih u metafori f’letteratura poetika u profetika milli fil-kotba storiċi jew bijografiċi. Interpreta porzjonijiet tal-Iskrittura skont l-istil letterarju tagħhom. Fl-Iskrittura nsibu kotba storiċi (bħall-Atti tal-Appostli), profetiċi (bħar-Rivelazzjoni), bijografiċi (bħall-Vanġelu skont Luqa), didattiċi (bħall-ittra lir-Rumani), poetiċi (bħas-Salmi), epistola (bħat-2 Epistola lil Timotju), u proverbjali (bħall-Ktieb tal-Proverbji). 

6. Sib it-tifsira singla tal-pass.

Dejjem prova ifhem x’kellu f’moħħu l-awtur int u tinterpreta. Tgħawwiġx sentenzi li jissapportjaw tifsira illi mhix mgħallma fiċ-ċar. Sakemm l-awtur ta’ ktieb partikolari ma jindikalniex li hemm xi tifsira oħra għal dak li qed jgħid, ħalli l-passaġġ jitkellem għalih innifsu.

  • L-applikazzjoni rilevanti u prattika

Bl-applikazzjoni għaqlija tiskopri kif l-Iskrittura tgħodd għalik. Taf kemm tkun taf dwar l-Iskrittura, jekk ma tapplikax kulma titgħallem, ma tkun t’ebda benefiċċju għal ħajtek. Meta biss tisma’, mingħajr ma tobdi, tkun qed tqarraq bik innifsek (Ġakbu 1:22-25). Din hi r-raġuni għala l-applikazzjoni hi tant vitali! L-osservazzjoni u l-interpretazzjoni huma “s-smigħ” tal-Kelma. Issa, bl-applikazzjoni, l-Ispirtu t’Alla jittrasformak fix-xbieha tas-Sid u Salvatur tiegħek! L-applikazzjoni hi l-abbraċċjar tal-verità, “l-għemil” tal-Kelma t’Alla: teħodha għalik innifsek u tlaħħamha fik, fl-imġiba, fid-diskors u l-ħsibijiet tiegħek. B’dal-proċess Alla jopera f’ħajtek u jqaddsek. 

“Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba (2 Timotju 3:16-17). Huwn hu l-muftieħ għall-applikazzjoni: applika l-Iskrittura fid-dawl tad-dottrina, it-twiddib, il-korrezzjoni u l-ittrenjar li tipprovdilek għall-ħajja. 

1. It-tagħlim, jew dottrina, hu kulma tgħid l-Iskrittura fuq kwalunkwe suġġett partikolari. Dak it-tagħlim, hu x’inhu, dejjem minnu. Il-Kristjan jassigura ruħu li kulma jgħid il-Mulej f’Kelmtu dwar kwalunkwe suġġett hu l-verità assoluta. 

L-ewwel pass fl-applikazzjoni huwa illi tiskopri x’tgħid il-Kelma t’Alla dwar kwalunkwe suġġett bili tagħmel osservazzjoni u interpretazzjoni korretta tat-test. Malli tifhem x’tgħallem l-Iskrittura, tkun obbligat quddiem Alla li taċċetta l-verità u tgħix biha. Meta tkun aġġostajt kwalunkwe konċetti foloz jew tagħlim mgħawweġ li kont tħaddan fil-passat, u ħaddant il-verità kif rivelata fl-Iskritturi Sagri, tkun applikajt dak li tgħallimt. 

2. Iċ-ċanfir jesponi oqsma fil-ħsieb u l-komportament tiegħek li mhumiex allineati mal-Kelma t’Alla. Iċ-ċanfir iseħħ meta tkun skoprejt fejn ħsibt ħażin jew bqajt m’għamiltx dak li Alla jgħid imissek għamilt. L-applikazzjoni taċ-ċanfir isseħħ meta tiffaċċja s-sitwazzjoni kif inhi u int issir taqbel m’Alla, tagħraf fejn żbaljajt fil-mentalità jew fl-imġiba. Hekk tinħeles mill-inkredulità u mill-prattika tad-dnub. 

3. Il-korrezzjoni hu l-pass li jmiss fl-applikazzjoni, u sikwit l-aktar diffiċli. Bosta drabi nindunaw fejn morna żmerċ, imma nibqgħu nittratienu bla ma nieħdu l-passi neċessarji biex nikkoreġu lilna nfusna. Alla ma ħalliekx mingħajr għajnuna jew bla tweġibiet f’dal-pass ta’ korrezzjoni. Kultant it-tweġibiet ikunu diffiċli ssibhom, imma dejjem jinsabu hemm, u kull Kristjan li jixtieq jogħġob lil Alla Missieru jintwerielu kif jagħmel dan, anke forsi bl-għajnuna tal-pastor jew Kristjani maturi oħra. 

Sikwit il-korrezzjoni sseħħ sempliċement biex wieħed jistqarr u jabbanduna l-prattika ħażina tiegħu. Drabi oħra Alla jagħti diversi passi definiti, kif naraw, pereżempju, f’Mattew 18:15-17, fejn aħna istruwiti kif napprowċjaw lil ħuna meta jidneb. Meta tapplika l-korrezzjoni għall-azzjonijiet u attitudnijiet tiegħek, Alla jaħdem fik l-għoġba tajba tiegħu (Filippin 2:13). Ir-riżultat tal-ubbidjenza huwa l-ferħ fl-Ispirtu s-Santu. 

4. Għandna wkoll it-trenjar fl-għixien ġust u tajjeb. Għalkemm il-Kelma t’Alla tiswielna għaċ-ċanfir u t-twiddib, ingħatatilna wkoll bħala manwal għall-ħajja. Aħna u nqattgħu ċertu ħin fl-istudju tal-Kelma, Alla jfornina permezz tat-tagħlim, kmandamenti, wegħdi, eżortazzjonijiet, twissijiet, l-eżempju ta’ karattri qaddisa, u t-trattamenti t’Alla mal-bniedem. 

L-Iskrittura fiha kulma teħtieġ biex tilqa’ kull sitwazzjoni fil-ħajja, biex hekk tkun adegwat u fornut għal kull opra tajba. Applikazzjoni l-aktar effettiva sseħħ meta tmur quddiem il-Mulej u titkellem miegħu dwar kulma tkun qrajt, studjajt, rajt u smajt. 

Fl-applikazzjoni tal-Iskrittura għal ħajtek, liema mistoqsijiet jistgħu jservuk ta’ għajnuna?

Hemm diversi, iżda dawn li ġejjin huma fondamentali:

1. X’qed tgħallimni dis-silta?

Hi ġenerali jew speċifika? Tgħodd biss għal xi nies speċifiċi? Tittratta ma’ problema kulturali ta’ żmien ilu? Titkellem biss dwar xi żmien fl-istorja? Jeħtieġ nistudjaha fid-dawl ta’ xi tagħlim aktar wiesa’? Pereżempju, tul il-Patt il-Qadim, il-Lhud ma kellhomx permess jieklu ċertu ikel jew jilbsu ċerta taħlita ta’ drapp? Dawn il-projbizzjonijiet huma applikabbli għall-Kristjani llum?

2. Dis-sezzjoni ta’ Skrittura qed tesponi xi errur fit-twemmin jew fi mġibti?

Hemm xi kmandamenti jew ordnijiet li għadni lanqas biss bdejt nobdihom? Għad fadalli xi atteġġjamenti mħassra jew xi motivi f’ħajti li l-Iskrittura kixfitli?

3. X’inhi l-istruzzjoni t’Alla għalija bħala wild tiegħu?

Hemm xi veritajiet ġodda li jeħtieġli nemmen? Hemm xi kmandamenti ġodda li rrid ninkorpora f’ħajti? X’dixxerniment ġdid imissni nħaddan? Hemm xi wegħdi ġodda li jmissni nabbraċċja?

4. Jista’ jkun qed niżloq fin-niexef?

Meta tapplika l-Iskrittura, oqgħod attent li ma tmurx tapplika xi standard kulturali aktarx milli standard bibliku. Oqgħod attent ukoll li ma tipprovax issaħħaħ verità leċita billi tuża xi silta inkorrettament. Fuq kollox, għasses kontra tiegħek innifsek li ma tmurx tapplika l-Iskrittura skont il-preġudizzju ta’ taħriġ jew tagħlim żbaljat li rċevejt fil-passat.

Pawlu l-appostlu kien ikkonċernat dwar Timotju, ibnu fil-fidi. Fost ħwejjeġ oħra, kien interessat fih illi jitgħallem jittratta l-Kelma t’Alla b’mod onorabbli u xieraq, b’mod li jogħġob lil Sidu (2 Timotju 2:15). Xi darba aħna wkoll għad irridu nagħtu kont tal-amministrazzjoni tagħna inkwantu l-Iskrittura. Konna ġentili u raġunevoli dwar il-fidi tagħna? Tajna ġieħ lil dawk li Alla sejjaħ biex imexxuna, filwaqt li fl-istess ħin għamilna bħall-Bereani, infittxu kuljum fl-Iskrittura biex nifhmu aħjar il-messaġġ tagħha? Ħallejna l-Kelma ħajja u attiva t’Alla tibdlilna ħajjitna?

L-osservazzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni jwasslu għat-trasformazzjoni. Dan hu l-għan tagħna fl-istudju tal-Kelma t’Alla; biha d-dixxipli ta’ Ġesù jinbidlu minn glorja għal glorja fix-xbieha tal-Imgħallem tagħhom. Hekk Alla jkun imsebbaħ f’uliedu.