Il-Bibbja: L-Ogħla Mħallef Fuqna


L-Imħallef finali f’kull kontroversja bejn il-Kristjani, inkwantu x’inhuma obbligati jemmnu u kif imisshom iġibu ruħhom fid-dinja, ma jista’ jkun xejn u ħadd ħlief Alla, li tkellem bl-Iskritturi Mqaddsa. Din l-affermazzjoni nistgħu nikkonfermawha b’dawn l-argumenti li ġejjin:

1. L-Iskrittura mhix dokument vag, iżda tiftiehem. Bħal kull letteratura oħra, il-kontenut tagħha hu kompost minn lingwa normali li tintuża min-nies normali. Bħala librerija ta’ kotba mogħtija lilna b’ispirazzjoni mill-Ispirtu s-Santu, Alla effettivament jikkomunika magħna.

2. L-Iskrittura hi indirizzata lill-Kristjani kollha. L-ittri tal-Patt il-Ġdid huma porzjonijiet mill-iżjed dottrinali u profondi; madankollu ma ninsewx illi ntbagħtu oriġinarjament lill-knejjes li l-maġġoranza tal-membri tagħhom kienu bla edukazzjoni formali u ġejjin minn kultura fqira, billi kienu lsiera (cf., 1 Korintin 1:26-29; 7:21; Mattew 11:25).

3. Il-Kristjani kollha, bla distinzjoni, huma kmandati jfittxu u jistudjaw l-Iskrittura, u biha jiġġudikaw id-dottrini kollha u kull għalliem li jipprova jinfluwenzahom (Ġwanni 5:39; Atti 17:11; Galatin 1:8; 2 Korintin 4:2; 1 Tessalonkin 5:21; 1 Pietru 2:1-2; 1 Ġwanni 4:1-2).

4. Il-wegħda tal-Ispirtu s-Santu, l-awtur tal-Iskrittura, hi mogħtija lill-Kristjani kollha (Luqa 24:44-49; Rumani 8:9; 1 Korintin 3:16-17; 6:19). Bid-dritt hu biss kapaċi jinterpretalna l-Iskrittura (1 Ġwanni 2:20,27; 1 Korintin 2:12,15-16; 2 Timotju 2:7). Jekk titqajjem il-mistoqsija, “Għaliex mela jeżistu differenzi dottrinali fost il-Kristjani?” inwieġbu li anke fiż-żmien appostoliku, inħoloq disgwid, firdiet u dissens (eż., Atti 15). Filwaqt li l-Għalliem tagħna hu perfett, l-istudenti mhumiex, u ħafna drabi jħallu l-opinjoni tan-nies tinfluwenzahom, kif ukoll għandna nirrealizzaw li bosta drabi nersqu lejn l-Iskrittura b’moħħ preġudikat. 

5. Ir-reliġjon hi essenzjalment ħaġa personali. Kull Kristjan jeħtieġ ikun jaf u jemmen il-verità espliċitament għalih innifsu, fuq l-evidenza diretta tal-qawwa morali u spiritwali tagħha, u mhux ibbażata fuq awtorità għamja. Inkella l-fidi ma tistax tkun att morali, u lanqas ma tista’ tnaddaf il-qalb. Il-fidi għandha qawwa tqaddes mill-verità, li tifhem u tapplika għaliha nfisha fuq l-evidenza sperimentali tagħha stess (Ġwanni 17:17,19; Ġakbu 1:18; 1 Pietru 1:22).

Dawn il-fatti, u oħrajn magħhom, juru li l-Kristjani kollha għandhom jistudjaw l-Iskrittura għalihom infushom. Fejn tidħol ir-rieda rivelata t’Alla, l-appell għandu jkun għall-Iskrittura biss, għax hi l-Vox Dei, il-leħen t’Alla.