L-Evanġelju Skont Mattew


  • Dwar l-awtur

L-awtur hu Lhudi, wieħed Mattew, imsejjaħ ukoll Levi (Marku 2:14). Qabel ma nħatar bħala appostlu, kien kollettur tat-taxxi, ċoè pubblikan, għall-gvern Ruman (Mattew 9:9). Peress li kkollabora mar-Rumuni, li kienu mibgħuda mil-Lhud bħala tiranni f’pajjiżhom, Mattew u l-pubblikani kollha kienu mistmella minn sħabhom il-Lhud. Madankollu, Mattew wieġeb għas-sejħa sempliċi iżda awtorevoli ta’ Kristu biex jimxi warajh. Wara r-rakkont tal-mikla li ta lill-kollegi tiegħu biex huma wkoll jiltaqgħu ma’ Ġesù, ma jissemmiex iżjed ħlief fil-lista tat-Tnax (Mattew 10:3; Atti 1:13). It-tradizzjoni tgħid li prietka fil-Palestina għal xi tnax-il sena wara l-qawmien ta’ Kristu u mbagħad mar f’artijiet oħra, iżda minn dan m’aħniex ċerti.

L-ewwel kittieb li jsemmi lil Mattew b’ismu hu Papija, mexxej tal-knisja f’Ġerapoli, fil-Friġja. Għall-ħabta tas-sena 120 w.K., kiteb: “Mattew qassam bl-ordni bl-ilsien Lhudi (jiġifieri Arami) l-logia, u kull wieħed fissirhom kif seta’.” Irenew (isqof f’Lyons), Pantenu, Oriġene fl-Eġittu, Ewsebju u ħafna oħra jgħidu b’leħen wieħed li Mattew kiteb evanġelju.

  • Meta nkiteb

Għad li xi drabi dan l-evanġelju kien datat fit-tmeninijiet jew id-disgħinijiet, xi wħud jaħsbu li kien l-ewwel evanġelju li nkiteb (madwar 50 w.K.), filwaqt li oħrajn jgħidu li nkiteb fis-sittinijiet. Sa mill-aħħar snin tal-ewwel seklu, insibu xebgħa siltiet żgħar u tifkiriet mill-Ewwel Evanġelju fil-kitbiet ta’ Klement ta’ Ruma. 


  • L-iskop u l-kontenut ta’ Mattew 

Mattew kiteb għal udjenza Lhudija biex iwieġeb mistoqsijiet dwar Ġesù ta’ Nażaret li saħaq li kien il-Messija tagħhom. Kien infatti l-Messija mħabbar minn qabel fil-profeti? Jekk kien, irnexxielu jistabilixxi s-saltna mwiegħda, u kif? X’tip ta’ saltna hi, u min jidħol fiha? X’inhu l-għan t’Alla sal-konsumazzjoni taż-żmien? Għaldaqstant, f’dan l-evanġelju, Ġesù sikwit hu referut bħala Bin David u bħala l-persuna li wettqet il-profeziji dwar il-Messija. Saltnet is-smewwiet hi s-suġġett ta’ qabda mit-tagħlim rekordjat tiegħu. 

Mattew hu karatterizzat bl-inklużjoni ta’ nies barra mill-Ġudaiżmu. L-għeluq tiegħu jirrekordja l-Kummissjoni l-Kbira lid-dixxipli biex imorru fid-dinja kollha; fost l-Evanġelisti, f’Mattew biss tidher il-kelma “knisja” (Mattew 16:18; 18:17). Ġesù hu deskritt ukoll bħala Bin Abraħam (Mattew 1:1), għax f’Abraħam “il-familji kollha tal-art ikunu mbierka” (Ġenesi 12:3).

L-iskop u l-għan tal-ktieb huma indikati fl-ewwel sentenza tiegħu. Isservi ta’ konnessjoni ma’ żewġ pattijiet l-iżjed importanti: dak Davidiku u allura rjali (2 Samwel 7:8-16), u dak Abraħamiku, ċoè tal-wegħda (Ġenesi 15:18). Mattew l-ewwel jikteb dwar Kristu s-Sultan, minn nisel David, imbagħad dwar Bin Abraħam, ubbidjenti sal-mewt, skont it-tip ta’ Iżakk (Ġenesi 22:1-18; Ebrej 17-19).

Il-karattru prominenti ta’ Kristu f’Mattew hu dak tas-Sultan imwiegħed b’patt, ir-Rimja ġusta ta’ David (Ġeremija 23:5; 33:15). Jirrekordja l-ġenealoġija tiegħu; twelidu f’Betlehem, il-belt ta’ David (skont Mikea 5:2); il-ministeru tal-prekursur tiegħu (skont Malakija 3:1); il-ministeru tas-Sultan innifsu; iċ-ċaħda tiegħu minn Iżrael; u t-tħabbira tiegħu dwar it-tieni miġja tiegħu f’setgħa u qawwa kbira.

Wara dan Mattew jixħet l-attenzjoni fuq il-patt iżjed bikri, u jirrekordja l-mewt ta’ Bin Abraħam bħala sagrifiċċju (Mattew 26:28).

Dan jiddetermina l-għan u l-istruttura ta’ Mattew. B’mod pekuljari hu l-evanġelju għal Iżrael; u, bħala nixxiegħa mill-mewt ta’ Kristu, evanġelju għad-dinja kollha. 

Sezzjonijiet importanti f’Mattew huma l-Prietka fuq il-Muntanja (Mattew 5-7), li fiha l-Beatitudnijiet (Mattew 5:3-12) u l-Missierna (Mattew 6:9-13); sensiela ta’ parabboli dwar is-saltna (Mattew 13); u d-Diskors fuq l-Għolja taż-Żebbuġ rigward avvenimenti futuri (Mattew 24 u 25).