L-Evanġelju Skont Marku

  • Dwar l-awtur

Ġwanni Marku, li kien bin Marija, mara għanja u ta’ pożizzjoni tajba f’Ġerusalemm, hu l-awtur tal-Vanġelu li jġib lil ismu (Atti 12:12). Kien kuġin ma’ Barnaba (Kolossin 4:10). Marku kien ħabib intimu ta’ Pietru, possibbilment ukoll ikkonvertit minnu, għax isejjaħlu “ibni” (1 Pietru 5:13). Kellu l-privileġġ rari li jakkumpanja lil Pawlu u Barnaba fl-ewwel vjaġġ missjonarju tagħhom, iżda ma kompliex magħhom tul l-entrapriża kollha. Minħabba f’hekk, Pawlu rrifjuta li jieħu miegħu fit-tieni vjaġġ tiegħu, u għalhekk Marku mar ma’ Barnaba lejn Ċipru (Atti 15:38-40). Xi tnax-il sena wara kien għal darb’ oħra ma’ Pawlu (Kolossin 4:10; Filemon 24), u qabel ma Pawlu sofra l-martirju, bagħat għalih (2 Timotju 4:11). Hemm qbil ġenerali li Marku rċieva ħafna mill-informazzjoni għall-evanġelju tiegħu mingħand Pietru. Bl-awtorità appostolika ta’ Pietru wara l-Evanġelju skont Marku, l-inklużjoni tiegħu fil-qanun qatt ma kienet sfidata.

Il-kittieba kollha sa mill-eqdem żminijiet jgħarrfuna li Marku nkiteb mill-istess persuna li jġib dan l-isem. Papija, madwar is-sena 120, jgħid li hu sema’ lil Ġwanni l-Anzjan jgħid li Marku, id-dixxiplu ta’ Pietru, kiteb kliem u għemil Kristu. Jekk Ġwanni l-Anzjan hu Ġwanni l-appostlu, bħalma jaħsbu bosta, ix-xhieda ta’ Papija hi xhieda tal-appostli li ħadd ma jista’ jmeriha. 


  • Meta nkiteb 

Jekk l-Atti jeħtieġ ikun datat madwar is-sena 61 w.K., u jekk l-Evanġelju skont Luqa, il-volum sieħeb ma’ Luqa, ippreċieda lill-Atti, mela Marku nkiteb qabel Luqa, ladarba l-Evanġelista Luqa apparentement inqeda b’Marku fil-kompilazzjoni tal-evanġelju tiegħu. Dan jimmarkalna data fil-ħamsinijiet għal Marku. Madankollu, bosta skulari jemmnu li Marku ma nkitibx qabel miet Pietru, jiġifieri, wara 67 w.K. iżda qabel 70 w.K.


  • Karatteristiċi fil-Vanġelu skont Marku

Marku kiteb għall-qarrejja Ġentili inġenerali u għall-qarrejja Rumani b’mod partikolari. Minħabba f’hekk il-ġenealoġija ta’ Kristu mhix inkluża (din kienet tfisser ftit li xejn għall-Ġentili); il-Prietka fuq il-Muntanja mhix rapportata; u l-kundanna tas-setet Lhud tirċievi attenzjoni minima. Bħala indikazzjoni li kiteb għall-Ġentili, Marku deherlu li hu meħtieġ jinterpreta kliem bl-Arami (Marku 5:41; 7:34; 15:22) u uża kelmiet Latini mhux misjuba fl-Evanġelji l-oħra, bħal “bojja” (Marku 6:27), u “kwadrant” (Marku 12:42).

F’Marku nsibu madwar 63 kwotazzjoni jew allużjoni mill-Patt il-Qadim, imqabbel ma’ madwar 128 f’Mattew u bejn 90 u 100 f’Luqa. 

L-Evanġelju ta’ Marku jenfasizza x’għamel Ġesù aktarx milli x’qal. Hu ktieb mimli azzjoni. “Immedjatament,” jew, “dritt,” kelma ta’ qadi fil-pront, insibuha iżjed minn erbgħin darba. Il-Ħaddiem setgħan hu iżjed prominenti mill-Għalliem uniku. Hu l-evanġelju “tal-Qaddej tiegħi, ir-Rimja” ta’ Jaħwe (Żakkarija 3:8). It-tema tal-ktieb hu Kristu l-Qaddej (cf., Filippin 2:6-8). Il-ħsieb ewlieni, “għax saħansitra Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun servut, iżda biex iservi u biex jagħti ħajtu bħala riskatt għal ħafna” (Marku 10:45), jaqsam l-evanġelju f’żewġ taqsimiet maġġuri: is-servizz tal-Qaddej (Marku 1-10) u s-sagrifiċċju tal-Qaddej (Marku 11-16).

Iżda dal-Qaddej umli, li battal lilu nnifsu mis-sura t’Alla, u kien misjub bħala bniedem, kien, madankollu, “Alla qawwi (Isaija 9:6), kif jiddikjara distintivament Marku fl-eżordju, ċoè l-bidu jew ir-rimarki tal-ftuħ (Marku 1:1), u allura għemil setgħan akkumpanja u awtenika l-ministeru tiegħu. 

Tħejjija tajba tal-qalb għall-istudju ta’ Marku hu l-qari meditattiv ta’ profeziji fuqu (Isaija 42:1-21; 50:4-11; 52:13-53:12; Żakkarija 3:8).