Il-Ġabra Providenzjali tal-Kotba Ispirati


Il-kotba tal-Patt il-Ġdid inkitbu minn persuni magħżula minn Kristu. L-appostlu Pawlu ma kienx eċċezzjoni peress li l-Mulej deherlu fit-triq ta’ Damasku u ħatru appostlu tiegħu. 

L-Iskrittura tal-Patt il-Ġdid kienet indirizzata lill-gruppi żgħar ta’ fidili mistkerrha (cf., 1 Korintin 1:26-29); madankollu r-reazzjoni spiritwali ta’ dawn li kkostitwew “il-merħla żgħira” kien determinanti bil-qabda rigward x’kellu eventwalment jidħol fil-forma finali tal-qanun. Dawn in-nies ma eżerċitawx influwenza fid-dinja madwarhom, u d-dinja ma kellha x’taqsam xejn mal-formazzjoni tat-qanun tal-Patt il-Ġdid. Il-komunikazzjoni kienet ristretta, u għal ħafna snin il-kitbiet li kienu popolari u effettivi f’ċerta lokalità ma laħqux il-lokalitajiet l-oħra. 

Hu probabbli li ebda knisja ma kellha kopja sħiħa tal-qanun qabel il-bidu tat-tieni seklu. Billi kienu kkopjati bl-idejn, ftit kienu dawk li setgħu jippossiedu dawn it-teżori. Il-porzjon miżmum mill-knisja lokali kien priżervat b’għożża liema bħalha, u l-qari tiegħu kien jifforma parti kbira mix-xirka tal-fidili meta kienu jinġabru flimkien. Ma setgħux ikunu kkonċernati rigward il-qanun, jew x’kien fil-qanun jew le. Kienu jafu li l-bżonnijiet spiritwali tagħhom kienu sodisfatti huma u jaqraw dawn il-kitbiet, u hekk il-porzjonijiet saru apprezzati kullimkien. Dak hu l-bażi għall-formazzjoni tal-qanun. 

Mingħajr ħsieb jew sforz il-qanun ġie approvat fuq il-mertu speċjali ta’ kull porzjon. Mingħajr ma kienu konxji dwar l-importanza ta’ dak li kienu jagħmlu, mingħajr ġlied jew komplotti umani, il-prova finali dwar liema kitbiet kienu ispirati jew le kienet qed tiġi maħduma. Il-perfezzjoni tal-pjan u l-milja tar-riżultat huma evidenza indisputabbli tal-intervent u s-sorveljanza sovrana t’Alla, li ħadem permezz t’aġenziji umani. 

Kienet ħaġa naturali li l-knisja Latina ddum ma tagħraf il-valur sopranaturali tal-ittra anonima lill-Ebrej. Preġudizzji eżistenti oħra kienu bla dubju riflessi f’diversi lokalitajiet oħra. Ma’ mixjet iż-żmien u taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu, intgħelbu d-diffikultajiet kollha, u l-aħħar ktieb – ir-Rivelazzjoni – kien miżjud biex itemm kollox. Hu impossibbli tiddetermina meta eżatt il-Patt il-Ġdid sħiħ kien magħruf bħalma hu llum, il-Kelma t’Alla. 

Jekk naċċettaw li r-Rivelazzjoni nkiteb fis-sena 96 w.K., nistgħu nosservaw li l-kitbiet ta’ Injazju fis-sena 115 w.K. huma biss għoxrin sena wara. Minn dawn il-Padri bikrija u oħrajn, hu evidenti li, apparti mill-preġudizzju naturali fost il-fidili Lhud għall-Bibbja Qadima, il-Patt il-Ġdid kif inhu llum kien distint bħala awtorevoli u obdut bħala Skrittura kmieni fit-tieni seklu. Il-mod kif kien ifformat il-qanun tal-Patt il-Ġdid kien purament naturali, u madankollu r-riżultat aħħari kien totalment sopranaturali.

M’hemm ebda raġuni għala għandna nemmnu li l-Kristjani bikrija kienu konxji illi jinsabu responsabbli biex jiġimgħu flimkien il-kotba ispirati. Nafu żgurament li kienu grati immens għal kull messaġġ mibgħut mingħand xi ħadd li, minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ Kristu jew mal-appostli, seta’ jikteb jew jitkellem b’awtorità. 

Hu ovvju li mhux il-messaġġi kollha, għalkemm jaqblu mal-fatti, kienu ppjanati minn Alla biex jifformaw parti mill-Bibbja. Dak l-element ħaj mogħti mill-ispirazzjoni – u probabbli mingħajr identifikazzjoni speċifika tiegħu minn dawk li qraw il-kotba ispirati – kien kulma jmur iwarrab għalihom b’determinazzjoni irreżistibbli dawk il-porzjonijiet partikolari li kienu maħsuba li kellhom jikkostitwixxu l-qanun tal-Patt il-Ġdid.

Ma kien kemm xi persuna jew grupp ta’ persuni influwenti li ddeċidew b’awtorità l-għażla tal-qanun tal-Bibbja, partikolarment tal-Patt il-Ġdid. Fi żmien il-ministeru ta’ Ġesù fuq l-art, il-qanun tal-Patt il-Qadim kien virtwalment kif inhu llum. Bħalma ġara fil-każ tal-Patt il-Ġdid, ebda persuna jew bord ta’ skulari ma ddeċidew b’awtorità fis-silezzjoni tal-kotba tal-Patt il-Qadim. 

Il-karattru divin ittimbrat fuq dawn il-kotba, riżultat ta’ ispirazzjoni divina, tefgħu dawn il-kitbiet ’l quddiem u ġew distinti mill-kitbiet umani bħala l-Kelma t’Alla. Madankollu il-qanun tal-Patt il-Qadim ma kienx ingħalaq, għax ma kien hemm ebda awtorità umana biex tiddikjarah magħluq. Il-knisja bikrija rċeviet il-Patt il-Qadim b’supremazija assoluta. 

Dan jidher minn kemm hu kwotat fil-Patt il-Ġdid. L-appostli u l-profeti li servew bħala kittieba tal-Patt il-Ġdid kienu kwalifikati fihom infushom u denji jiktbu bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu bħalma kienu l-profeti tal-Patt il-Qadim. Infatti, l-awtur uman, għalkemm ta’ valur fl-użu ġenerali ta’ kitbietu, ma kienx il-bażi finali u determinanti biex jiġi evalwat it-Test Sagru. 

Dan hu provat mill-fatt li fil-qanun taż-żewġ Testmenti, hemm inklużi kotba anonimi. Għalhekk naraw għal darb’oħra li Alla, il-gvernatur suprem, ma ħalliex porzjonijiet umani jitħalltu u jiġu identifikati mal-Kelma pura tiegħu, u lanqas ma ħalla barra jew ħalla jintesa xi porzjon tabilħaqq ispirat. Alla ma ried lil ħadd jippronunzja Kelmtu bħala kompluta; il-Bibbja tagħti xhieda tagħha nfisha u mhi dipendenti fuq ħadd.

Il-qanun tal-Iskrittura issa hu definittivament magħluq. Ilu komplut minn żmien l-appostli; ilu konkluż mindu nkiteb l-aħħar ktieb tal-Bibbja, kif jixhed hu stess (Rivelazzjoni 22:18-19). Mindu tlaqqa’ l-Konċilju ta’ Kartaġni (397 w.K.) il-knejjes Kristjani inġenerali rrikonoxxew dal-fatt. 

Għalhekk ma nippretendux li jistgħu jiġu skoperti jew jinkitbu kotba oħra u jiżdiedu mal-qanun, li issa hu fiss. L-appostli kitbu bosta ittri oħra (mhux ispirati) barra dawk li għandna fil-Bibbja (cf., 1 Korintin 5:9). Dawn ma ġewx inklużi fil-qanun: Alla ħa ħsieb jidderieġi u jmexxi lil niesu biex jagħrfu biss il-kotba ispirati, mingħajr ma jħallu xi wieħed barra jew iżidu xi wieħed mhux ispirat. Alla ma jippermettix dat-taħlit: il-Kelma tiegħu hi apparti u unika (Ġeremija 23:25-33).

Fil-kompilazzjoni tal-kotba ispirati, bl-għeluq u l-formazzjoni tal-Bibbja f’volum wieħed, naraw tabilħaqq opra stupenda t’Alla. L-għeluq formali tal-Patt il-Ġdid hu tal-inqas intimat (Rivelazzjoni 22:18). Id-differenza kif jagħlqu ż-żewġ Pattijiet hi sinifikanti. Il-mistennija mhix imwettqa tal-Patt il-Qadim hi artikolata fl-għeluq ta’ Malakija, u tagħti assigurazzjoni dwar il-miġja ta’ profeta ieħor. Iżda ebda rivelazzjoni kontinwata mhi msemmija f’għeluq il-Patt il-Ġdid; aktarx insibu t-tnedija li l-Mulej dalwaqt jirritorna. Il-konklużjoni naturali hi li ebda vuċi oħra mhi se titkellem mis-sema qabel it-tieni avvent ta’ Kristu.

Prova importanti ta’ dan hi li mindu l-qanun tal-Bibbja ngħalaq, ebda tentattiv ma sar biex jiżdiedu xi kotba oħra miegħu. Bħalma Alla kiteb il-messaġġ tiegħu permezz ta’ bnedmin, hekk l-istess għamel fil-formazzjoni tal-qanun, rikonoxxut b’deċiżjoni u kooperazzjoni umana. Dan hu għaġeb mhux żgħir. Il-Kelma infallibbli tiegħu mhux biss intlaqgħet u nkitbet f’dokumenti inkomparabbli, iżda nġabret ukoll infallibbilment f’volum wieħed u priżervata mill-konfużjoni u taħwid, ħsara, jew deni kontra l-għan divin. 

Il-qanun la hu miżjud u lanqas imnaqqas. Nassiguraw ruħna li lanqas mhu adulterat b’inklużjonijiet ta’ kitbiet mhux ispirati. Alla ħa ħsieb jiddetermina l-formazzjoni tal-qanun, bħalma hu ovvju li ħa ħsieb jittrasmetti l-verità preċiża permezz t’awturi umani. Hekk għażel jagħmel; u ħadd ma jista’ jakkuża ’l Alla li l-iskop tiegħu ma rnexxiex.