Il-Kitbiet tal-Patt il-Ġdid


It-tieni taqsima prinċipali tal-Bibbja Mqaddsa tissejjaħ “Il-Patt il-Ġdid (cf., Luqa 22:20). Il-kelma patt tfisser arranġament, jew ftehim solenni, magħmul minn wieħed, li l-ieħor seta’ jaċċetta jew jirrofta, iżda ma setax ibiddel. Il-Patt il-Qadim primarjament jirrekordja t-trattament t’Alla ma’ Iżrael fuq il-bażi tal-patt istitwit permezz ta’ Mosè fuq is-Sinaj, filwaqt li l-Patt il-Ġdid jiddeskrivi l-arranġament ġdid t’Alla mal-bnedmin permezz ta’ Kristu fuq il-bażi tal-mewt u l-irxoxt tiegħu (Ara Esodu 24:1-8; Luqa 22:14-20; 2 Korintin 3:6-11). 

Il-Patt il-Qadim irrivela l-qdusija t’Alla fl-istandard ġust tal-Liġi u wiegħed Feddej li kellu jiġi. Il-Patt il-Ġdid juri l-qdusija t’Alla f’Ibnu l-ġust. Il-Patt il-Ġdid, mela, fih dawk il-kitbiet li jfissru dan l-arranġament ġdid t’Alla ma’ niesu. 

Il-messaġġ tal-Patt il-Ġdid hu ċċentrat u preokkupat:

Bil-Mulej Ġesù Kristu li ta lilu nnifsu għall-maħfra tad-dnubiet (Mattew 26:28).

Bin-nies li rċevew is-salvazzjoni tiegħu, magħrufin kollettivament bħala l-knisja (Efesin 5:25-27).

Għaldaqstant it-tema ċentrali tat-Testment il-Ġdid hi s-salvazzjoni eterna. 

L-Evanġelji jintroduċu s-Salvatur. L-Atti jiddeskrivu l-firxa tal-Aħbar it-Tajba dwar is-salvazzjoni provduta ma’ parti kbira tal-Mediterran fl-ewwel seklu w.K. L-Epistoli jagħtu dettalji tal-barkiet ta’ dik is-salvazzjoni, u r-Rivelazzjoni juri l-konflitt tul is-sekli dejn id-dlam u d-dawl, bejn id-dinja u saltnet Kristu, sakemm tiġi fil-milja tagħha fl-aħħar jum.

Hemm metodu u loġika kif inhuma rranġati s-sebgħa u għoxrin ktieb tal-Patt il-Ġdid. Miktuba minn disa’ awturi differenti fuq perjodu ta’ madwar ħamsin sena, dawn il-kotba jitqassmu naturalment f’erba’ taqsimiet:

1. L-Erba’ Vanġeli.

Jiddeskrivu b’mod silettiv il-ħajja u l-ministeru ta’ Ġesù Kristu, b’enfasi speċjali fuq il-passjoni u l-mewt tiegħu. Jikkonkludu bl-irxoxt tiegħu mill-qabar. Għalkemm inkitbu iżjed tard minn ħafna kotba oħra tal-Patt il-Ġdid, kienet ħaġa minn ewl id-dinja li fl-ordni tal-kotba, tingħata prijorità lilhom peress li l-fidi Kristjani hi bbażata fuq fatti storiċi: l-inkarnazzjoni, il-qadi, it-tagħlim, il-passjoni, il-mewt, u l-qawmien tal-Iben uniġenitu t’Alla.

2. L-Atti tal-Appostli.

Hu l-ġrajja ta’ kif bdiet il-knisja u kif infirex il-Kristjaneżmu fl-ewwel tletin sena fid-dinja Griega-Rumana.

3. Il-wieħed u għoxrin Epistola, mir-Rumani sa Ġuda.

Mindu l-iskoperti arkeoloġiċi wrew li l-korrispondenza permezz tal-ittri kien mezz komuni ta’ komunikazzjoni fl-ewwel sekli w.K., mhux sorprendenti nsibu li l-maġġoranza tal-kotba tal-Patt il-Ġdid kienu fl-għamla ta’ ittri. L-appostlu Pawlu, il-missjonarju u teologu kbir tal-knisja bikrija, kiteb tlettax minnhom. Kienu indirizzati lil xi knejjes partikolari kif ukoll lil xi individwi, u jgħallmu dottrina Kristjana kemm b’mod formali, bħal fir-Rumani, kif ukoll applikata f’sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal fl-1 Korintin u Filemon. 

4. Ir-Rivelazzjoni.

Bħala l-aħħar ktieb, ir-Rivelazzjoni jiddeskrivi t-trijonf eskatoloġiku ta’ Ġesù Kristu u niesu fil-ġejjieni.