Il-Kanoniċità tal-Iskrittura


Il-kelma Griega kanon, li minnha hi derivita “qanun,” tfisser riga jew qasba tal-kejl. Tinsab ħames darbiet fil-Patt il-Ġdid; hi tradotta “qies” (2 Korintin 10:13,15; Filippin 3:16) u “regola” (Galatin 6:16).

 Sa fejn nafu l-kelma kienet applikata l-ewwel f’das-sens minn Atanasju fir-raba’ seklu. B’daqshekk ma jfissirx li l-idea ta’ kanoniċità ma kinitx teżisti qabel. Infatti, l-istess kelma Skrittura, kif użata fil-Patt il-Ġdid, iġġorr magħha l-idea ta’ kanoniċità, jew dak li jitkejjel mal-livell divin, il-Kelma awtorevoli t’Alla. Kristu żamm l-Iskrittura bħala regola li ma tistax tinkiser, u lanqas tgħaddi qabel ma jitwettaq kull nitfa u naqra fiha.

M’hemm ebda dubju li Pietru qies l-ittri ta’ Pawlu bħala Skrittura (2 Pietru 3:16), u l-knisja universali miż-żminijiet bikrija għarfet is-sebgħa u għoxrin ktieb tal-Patt il-Ġdid, bi ftit eċċezzjonijiet, bħala Skrittura ugwali mal-Patt il-Qadim. 

“Fir-raba’ seklu kien hemm għaxar katalgi (ta’ Skrittura kanonika), f’sitta minnhom il-kotba kollha tal-Patt il-Ġdid preżenti, kienu stmati bħala kanoniċi. Dawn kienu l-katalgi ta’ Wistin ta’ Ippona, Ġirolmu, Rufinju, il-Konċilju ta’ Kartaġni, Epifanju u Atanasju. It-tliet katalgi li ħallew barra l-Ktieb tar-Rivelazzjoni kienu dawk ta’ Girgor Nażjanżenu, il-Konċilju ta’ Laodikeja, u Ċirillu ta’ Ġerusalemm. Dak ta’ Filaster eskluda wkoll l-Epistola lill-Ebrej” (Dickson’s New Analytical Bible, paġna 3).

Il-qanun, mela, jirreferi għal dik il-lista ta’ kotba li għaddew minn ċerti testijiet jew regolamenti, u allura kienu kkonsidrati bħala awtorevoli u kanoniċi. Għaldaqstant dil-ġabra ta’ kotba kanoniċi ssir ir-regola għal ħajjitna.

Das-suġġett jinvestiga mistoqsijiet bħal: Kif kienu miġjuba u miġbura flimkien id-diversi kotba tal-Patt Qadim u l-Ġdid? Fuq liema bażi dawn il-kotba kienu milqugħa bħala awtorevoli? Għaliex ċerti kotba kienu esklużi? Għaliex ċerti kotba kienu ddubitati? Hemm kotba fil-Bibbja preżenti tagħna li m’għandhomx ikunu hemm? Kien hemm xi kotba li kellhom jagħmlu parti mill-Bibbja li ntilfu jew ma ġewx aċċettati?

Ladarba l-attenzjoni tal-knisja għandha tkun mixħuta fuq il-Kelma miktuba t’Alla, hija ħaġa loġika, urġenti u xierqa li nkunu nafu liema kitbiet jifformaw parti mill-Iskrittura u liema le. Il-kwistjoni tal-qanun tista’, mela, tkun definita hekk: il-qanun tal-Iskrittura huwa l-lista komprensiva tal-kotba kollha li flimkien jifformaw il-Bibbja Mqaddsa.

Qajla nistgħu nesaġeraw l-importanza ta’ dil-kwistjoni. Il-poplu t’Alla jgħix u jitmantna bil-Kelma li toħroġ minn fomm Alla. Mhix ħaġa trivjali. “Għax din mhix kelma fiergħa għalikom; tassew, din hi ħajjitkom, u biha ttawlu jiemkom fuq l-art (Dewteronomju 32:47).

Meta żżid jew tnaqqas mill-Kelma t’Alla tkun qed iċċaħħad lil niesu milli jobduh kompletament. Kmandamenti mnaqqsa ma jibqgħux magħrufin u jintesew (bħalma ġara mit-tieni kmandament fost il-Kattoliċi; ara Esodu 20), u tagħlim miżjud jirrikjiedi doveri superfluwi li Alla ma jitlobhomlniex. Għaldaqstant it-twissija biex ma nbagħbsux mal-kontenut tal-Kelma t’Alla tibqa dejjem rilevanti (Dewteronomju 4:2; Rivelazzjoni 22:18-19).

Għalhekk jeħtieġ niddeterminaw preċiżament kemm hu wiesa’ l-qanun bibliku. Jekk irridu nisimgħu leħnu, nafdawh u nobduh, irridu neċessarjament inkunu ċerti liema hi Kelmtu u liema mhix. Jekk fl-Iskrittura jkun hemm xi sezzjonijiet li dwarhom għandna xi dubju jekk humiex il-Kelmet Alla jew le, nispiċċaw biex ma nikkonsidrawhomx bħala mogħnija b’awtorità divina u allura ma nafdawhomx bħala l-messaġġ divin għalina.

Il-knejjes Evanġeliċi konsistentement żammew 66 ktieb partikolari bħala ispirati minn Alla, li flimkien jifformaw il-qanun tal-Iskrittura. “Taħt it-titolu ta’ Skrittura Mqaddsa (jew il-Kelma miktuba t’Alla) issa huma kontenuti dawn il-kotba kollha li ġejjin tal-Patt il-Qadim u l-Ġdid:-

“IL-PATT IL-QADIM

“Ġenesi, Esodu, Levitiku, Numri, Dewteronomju, Ġożwè, Imħallfin, Rut, 1 & 2 Samwel, 1 & 2 Slaten, 1 & 2 Kronaki, Esdra, Neħemija, Ester, Ġobb, Salmi, Proverbji, Ekkleżjażti, Għanja ta’ Salamun, Isaija, Ġeremija, Lamentazzjonijiet, Eżekjel, Danjel, Ħosea, Ġoel, Għamos, Għabdija, Ġona, Mikea, Naħum, Ħabaqquq, Sofonija, Ħaggaj, Żakkarija u Malakija.

“IL-PATT IL-ĠDID

“Mattew, Marku, Luqa, Ġwanni, Atti, Rumani, 1 & 2 Korintin, Galatin, Efesin, Filippin, Kolossin, 1 & 2 Tessalonkin, 1 & 2 Timotju, Titu, Filemon, Ebrej, Ġakbu, 1 & 2 Pietru, 1, 2 & 3 Ġwanni, Ġuda u Rivelazzjoni.

“Dawn il-kotba kollha huma mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla biex ikunu r-regola ta’ fidi u ħajja (2 Timotju 3:16)” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:2).