Il-Kanoniċità tal-Patt il-Ġdid


Kull ktieb tal-Iskrittura jawtentika lilu nnifsu, ladarba mill-mument li nkiteb kien b’nifs Alla (2 Timotju 3:16). Ma kien hemm ebda bżonn nistennew sakemm jitlaqqgħu diversi konċilji biex jeżaminaw il-kotba u jiddeterminaw liema kienu aċċettabbli u liema le. Ladarba kienu ġejjin minn Alla, il-kotba kienu diġà strettament kanoniċi. Il-knejjes bikrija, bħala l-merħla ta’ Kristu li tagħraf leħnu u ma tagħtix kas leħen il-barrani (Ġwanni 10:3-5,27), sempliċement għarfu u stqarrew - wara xi disputi u dibattiti - dak li kien diġà veru minħabba l-ispirazzjoni intrinsika tal-kotba. Peress li ħafna kotba spurji kienu qed jiġu ċċirkolati, Alla ggwida, skont il-providenza misterjuża u għarfa tiegħu, lil niesu biex jagħmlu għażliet korretti u jiġbru f’damma waħda l-kitbiet varji fil-qanun tal-Bibbja.

L-Iskrittura, speċjalment il-Patt il-Qadim, inkitbet meta kien hemm ftit sforzi letterarji fl-oqsma l-oħra. Fil-każ tal-Patt il-Qadim, il-kitbiet kienu prodotti fil-maġġoranza tagħhom min-nies li kellhom awtorità fl-isfera reliġjuża, u xi ftit jew wisq fil-ħajja ċivili tal-poplu. Mosè kien rikonoxxut bħala r-rappreżentant tal-Mulej, li bih ingħatat il-Liġi tiegħu. Il-kitbiet tiegħu, bħal dawk tal-profeti akkreditati, ma kienu xejn ħlief dak it-tagħlim orali mxandar b’awtorità mhix disputata, ippriżervat f’għamla miktuba. Ftit kienu dawk li rreżistew il-messaġġ tal-Mulej imwassal mill-profeti tiegħu.

Imbagħad, meta l-Mulej Ġesù għex fostna fuq l-art, wiegħed lill-appostli l-abbiltà mingħand l-Ispirtu s-Santu biex jiftakru b’akkuratezza kliemu u l-għemejjel tiegħu, kif ukoll biex jinterpretawhom sewwa għall-ġenerazzjonijiet sussegwenti (Ġwanni 14:26; 16:13-14). Hekk id-dixxipli intimi ta’ Kristu kienu promessi r-rivelazzjoni tal-verità fl-appan tagħha. Iżżejnu b’doni meraviljużi ħalli jkunu kapaċi jiktbu l-Iskrittura. L-Ispirtu kellu jgħallimhom “il-ħwejjeġ kollha,” jikkawżahom li jiftakru “kulma” kien qal Ġesù, u jiggwidahom “fil-verità kollha.”

Konsegwentement, l-appostli narawhom jikklejmjaw awtorità ugwali mal-profeti tal-Patt il-Qadim. Alla tahom li jitkellmu u jiktbu kliemu stess (cf., 2 Pietru 3:2; 1 Korintin 2:9,13; 14:37). Id-direttivi tagħhom ma oriġinawx minnhom infushom, iżda kienu attwalment il-kmandamenti tal-Mulej. “Min jisma’ lilkom jisma’ lili.” “Aħna minn Alla; min jaf ’l Alla jisma’ lilna; dak li mhuwiex minn Alla ma jismagħniex. Minn dan nagħrfu l-Ispirtu tal-verità u l-ispirtu tal-errur” (1 Ġw.4:6). 

Meta ddefenda l-kariga appostolika tiegħu, Pawlu jgħid lill-Korintin li se jagħtihom “prova li Kristu jitkellem fija (2 Korintin 13:3). L-awtorità unika u kruċjali tal-appostli hi mgħallma bnadi oħra (Rumani 2:16; Galatin 1:8-9; 1 Tessalonkin 2:13; 4:8,15; 5:27; 2 Tessalonkin 3:6,14).

L-apposli, mela, kellhom l-awtorità li jiktbu l-istess kliem t’Alla, ugwali u tal-istess mertu bħall-Iskritturi tal-profeti. Dan għamluh biex jirrekordjaw, jinterpretaw u japplikaw lill-fidili l-veritajiet grandjużi dwar il-ħajja, il-mewt u r-reżurezzjoni ta’ Kristu.

Il-qanun tal-Patt il-Ġdid beda jifforma bil-kitbiet tal-appostli. Il-kitba tal-Iskrittura seħħet primarjament in konnessjoni mal-atti kbar t’Alla fil-ġrajja ridentiva. Il-Patt il-Qadim jirrekordja u jinterpretalna s-sejħa ta’ Abraħam u ħajjet il-posteri tiegħu, l-esodu mill-Eġittu u l-mixi fid-deżert, l-istabbiliment tal-poplu t’Alla f’art Kagħnan, it-twaqqif tal-monarkija, kif ukoll l-Eżilju u r-ritorn mill-jasar. 

L-Iskrittura tal-Patt il-Qadim tiżvolġielna s-sinifikat ta’ dan kollu, u tagħlaq bil-mistennija tal-Messija li kellu jiġi (Malakija 3:1-4; 4:1-6). L-istadju li kien imiss fl-istorja ridentiva hu miġjet il-Messija mwiegħed, u mhux għaġeb li ebda Skrittura oħra ma nkitbet sakemm seħħ dan l-ikbar avveniment fl-istorja tal-fidwa.

Il-Patt il-Ġdid huwa tampar l-Iskritturi antiki tal-Patt il-Qadim. Tal-inqas f’żewġ postijiet, b’mod indirett, il-kitbiet tal-appostli huma meqjusa ta’ preġju ugwali mal-kitbiet profetiċi.

1. Pietru, fit-tieni ittra tiegħu, jalludi għall-epistoli ta’ sieħbu Pawlu, u filwaqt li jwissi li jistgħu jkunu tqal biex infissruhom, ipoġġihom fl-istess keffa mal-bqija tal-Iskrittura, ċoè tal-Patt il-Qadim. Indirettament jesprimi l-persważjoni tiegħu li l-ittri Pawlini huma f’kull sens Skrittura (2 Pietru 3:15-16). Il-kelma li juża, graphē, tinstab wieħed u ħamsin darba fil-Patt il-Ġdid, dejjem b’referenza għall-Iskrittura tal-Patt il-Qadim. Għalhekk il-kelma “Skrittura” kienet terminu tekniku għall-awturi tal-Patt il-Ġdid, użata biss għal dawk il-kitbiet magħduda bħala l-orakli t’Alla u allura parti mill-qanun bibliku. Hawnhekk Pietru jikklassifika l-epistoli ta’ Pawlu mal-Iskritturi diġà eżistenti. Pietru, mela, kien diġà inkludihom fil-qanun. 

2. F’lok wieħed, Pawlu jikkwota darbtejn mill-Iskrittura: l-ewwel minn Mosè u mbagħad, immedjatament wara, minn Luqa (eżattament l-istess kelmiet fit-test Grieg) (1 Timotju 5:17-18, fejn jikkwota Dewteronomju 25:4 u Luqa 10:7). Loġikament, f’moħħ Pawlu, l-Evanġelju skont Luqa u l-Ktieb tad-Dewteronomju huma t-tnejn “Skrittura.” Pawlu allura jattesta l-validità kanonika tal-korpus ta’ Luqa.