Ispirazzjoni Verbali u Plenarja

L-influwenza divina, kienet ta’ liema speċi kienet, illi akkumpanjat il-kittieba sagri f’dak li kitbu, testendi sal-espressjoni ta’ ħsibijiethom fil-lingwa li wżaw, kif ukoll fil-ħsibijiet infushom. L-effett ta’ dan hu li fl-awtografi (il-kitbiet oriġinali miktuba l-ewwel darba mill-appostli u l-profeti), il-lingwa tesprimi l-ħsieb illi Alla intenzjona li jwassal b’reqqa infallibbli, tant li l-kliem kif ukoll il-ħsibijiet huma r-rivelazzjoni t’Alla għalina.

L-influwenza tal-Ispirtu s-Santu estendiet saħansitra għal kliem użat attwalment fil-Bibbja. Dan jidher minn dawn il-fatti:

1. L-istess disinn ta’ ispirazzjoni mhuwiex illi jassigura r-reqqa infallibbli tal-opinjonijiet tal-kittieba nfushom. Pawlu u Pietru ma qablux bejniethom (Galatin 2:11); u xi kultant il-profeti ma fehmux x’kitbu huma nfushom. Aktarx, mela, huwa illi jassigura r-rekordju infallibbli tal-verità. Imma kulħadd jammetti li rekordju jikkonsisti fl-użu xieraq tal-lingwa.

2. In-nies jaħsbu bil-kliem. Iżjed ma jaħsbu definittivament, iżjed ħsibijiethom huma assoċjati immedjatament mal-espressjoni verbali proprja u xierqa. Għalhekk l-infallibbilità tal-ħsieb ma tistax tkun milħuqa jew priżervata indipendentement minn użu verbali infallibbli.

3. L-Iskrittura tafferma dal-fatt (1 Korintin 2:13; 1 Tesslonkin 2:13). L-importanza tal-kliem hi enfasizzata (cf., Ġwanni 6:63; 17:8; Esodu 20:1).

4. Il-kittieba tal-Patt il-Ġdid, meta jikkwotaw mill-Patt il-Qadim biex jirfdu l-argument tagħhom, sikwit jibnuh fuq il-kelmiet infushom. Hekk jidher li jattribwixxu awtorità lil kull kelma, xejn inqas mill-ħsieb (qabbel Mattew 22:32 ma’ Esodu 3:6,16; qabbel Mattew 22:45 ma’ Salmi 110:1; qabbel Galatin 3:16 ma’ Ġenesi 17:7).

Il-provi illi l-Iskrittura hi ispirata verbalment f’kull parti tagħha huma abbondanti. Dawn huma xi wħud l-aktar ovvji: 

1. L-Iskrittura nfisha tafferma li Alla hu l-awtur tagħha, u hi l-prodott tan-nifs kreattiv tiegħu (2 Timotju 3:16). Theopneustos litteralment tfisser, “b’nifs Alla.”

2. L-awturi kienu merfugħin u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu (2 Pietru 1:21).

3. Insibu ordnijiet speċifiċi biex il-kittieba jiktbu kelmet il-Mulej (Esodu 17:14; 34:27; Numri 33:2; Isaija 8:1; 30:8; Ġeremija 25:13; 30:2; 36:4,27-32; Eżekjel 24:1; Danjel 12:4; Ħabaqquq 2:2).

4. Il-kwotazzjonijiet fil-Patt il-Ġdid jixhdu li l-Iskrittura hi mogħtija mis-sema (Mattew 15:4; Atti 28:25; Ebrej 1:5; 3:7; 4:3; 5:6; 7:21).

5. Il-Patt il-Ġdid jafferma li partijiet oħra tal-Patt il-Ġdid huma Skrittura (1 Timotju 5:18; 2 Pietru 3:16).

6. Il-kittieba kienu konxji li qed iwasslu l-kelma t’Alla (1 Pietru 1:11-12; Eżekjel 26:1; 27:1; 28:1,11,20, eċċ.).

7. L-awturi jaffermaw li kliemhom, u mhux sempliċement il-ħsieb, kien mgħallem mill-Ispirtu (1 Korintin 2:13).

8. Huma jisħqu li Kristu jitkellem fihom u permezz tagħhom (2 Korintin 13:3).

9. L-awturi jiddeskrivu l-messaġġ tagħhom bħala l-Kelma t’Alla (1 Tessalonkin 2:13).

10. L-ispirazzjoni, li dwarha qed nitkellmu, tilħaq sal-kliem innifsu. Dan hu inkluż għal darb’ oħra fl-infallibbilità li Sidna Ġesù jagħti lill-Iskrittura. Rapport sempliċement uman jew rekordju ta’ rivelazzjoni divina bilfors ikun mhux biss fallibbli, iżda xi ftit jew wisq inkorrett.

11. Il-ħsibijiet jinsabu fil-kliem. It-tnejn huma inseparabbli. Jekk kliem bħal qassis, sagrifiċċju, fidwa, propizjazzjoni, ġustifikazzjoni u oħrajn, m’għandhom ebda awtorità divina, mela d-dottrina li jippreżentaw lanqas m’għandha awtorità.

12. Kristu u l-appostli tiegħu sikwit jargumentaw mill-istess kliem tal-Iskrittura. 

a. Sidna Ġesù jgħid li David bl-Ispirtu jsejjaħ lill-Messija, “Sid,” jiġifieri, David juża dik il-kelma partikolari. 

b. Ninnotaw kif Ġesù jibni argument fuq kelma waħda, “allat.” Fi Ġwanni 10:34-36 naqraw: “Ġesù weġibhom, ‘Mhux miktub fil-Liġi tagħkom, “Jien għidt, ‘Allat intom’”? Jekk sejħilhom ‘allat,’ li għandhom ġiet kelmet Alla – u ma tistax tinkiser l-Iskrittura – lil min il-Missier qaddes u bagħat fid-dinja, tgħidulu intom, “Qed tidgħi,” għax għidt, “Jien Bin Alla”’?” L-użu ta’ dik il-kelma, mela, skont kif Kristu kien jistma l-Iskrittura, kien determinat mill-Ispirtu t’Alla. 

ċ. Pawlu jenfasizza l-fatt li fil-wegħda magħmula lil Abraħam, hemm kelma wżata fis-singular u mhux fil-plural, “nisel,” għal wieħed, u mhux “insla,” bħallikieku kienu ħafna (Galatin 3:16).

Kontinwament l-istess kliem tal-Iskrittura hu kwotat bħala mogħni b’awtorità divina.

13. L-istess forma li fiha d-dottrina ta’ ispirazzjoni hi mgħallma fil-Bibbja tassumi li l-organi t’Alla fil-komunikazzjoni tar-rieda tiegħu kienu kkontrollati minnu fil-kliem użat (Ġeremija 1:9; Mattew 10:20; 2 Pietru 1:21). Dawn kollha, u modi simili ta’ espressjoni li bihom hi mimlija l-Iskrittura, jimplikaw li l-kliem użat hu kliem Alla. 

14. Iżjed minn hekk, din hi proprjament l-idea ta’ ispirazzjoni kif mifhuma fid-dinja antika. Kliem l-oraklu kien assunt bħala kliem id-divinità, u mhux dawk magħżula mill-istrument tal-komunikazzjoni. 

Kif diġà rajna, din ukoll kienet l-idea meħmuża mad-don tal-profezija. Kliem il-profeti kien kliem Alla, altrimenti ma setax ikun il-kelliem jew il-fomm t’Alla. 

15. Finalment, fil-passaġġ l-iżjed didattiku dwar das-suġġett, l-appostlu jsostni li l-veritajiet mikxufa mill-Ispirtu huma kkomunikati bi kliem mgħallma mill-Ispirtu. “Għax Alla lilna rrivelahom, permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jfittex kollox, saħansitra l-ħwejjeġ fondi t’Alla. Għax min mill-bnedmin jaf il-ħsibijiet tal-bniedem ħlief l-ispirtu ta’ dak il-bniedem li hu fih? Hekk ukoll il-ħsibijiet t’Alla ħadd ma jafhom ħlief l-Ispirtu t’Alla. Issa aħna rċevejna, mhux l-ispirtu tad-dinja, iżda l-Ispirtu li hu mingħand Alla, sabiex nifhmu l-ħwejjeġ mogħtijin lilna b’xejn minn Alla, liema ħwejjeġ ukoll nitkellmuhom, mhux bi kliem mgħallem minn għerf uman, iżda bi kliem mgħallem mill-Ispirtu, ninterpretaw veritajiet spiritwali lil nies spiritwali” (1 Kor.2:10-13).

Billi hi l-Kelma t’Alla, l-Iskrittura tibqa’ għal dejjem (Isaija 40:8; Marku 13:31). Hi messaġġ żgur u ta’ min jafdah. Il-predikatur għandu bil-konfidenza kollha jgħallimha u jxandarha bħala l-Kelma mis-sema (Rumani 10:17; 1 Korintin 14:36). Għalhekk għandu jieħu ħsieb ukoll li ma tiġix adulterata bl-opinjonijiet tiegħu, il-filosofija ta’ żmienu jew kwalunkwe dottrina oħra ta’ nisel uman. Imissu jxandarha kif inhi, mingħajr apoloġija (Atti 20:20,24,27). 

Hi r-responsabbiltà speċjali ta’ dawk imsejħa għall-ministeru tal-Kelma li jżommu pur u bla mittiefes dak id-depożitu li rċevew (1 Timotju 6:13-14; 2 Timotju 1:13-14; 2:2; Titu 1:9; 2:1, eċċ.). Iżda dan ma jistgħux jagħmluh jekk ma jkunux konvinti personalment mill-ispirazzjoni tal-Bibbja.

Il-Kelma, kif imħaddma u wżata mill-Ispirtu s-Santu, hi l-ankra tal-fidi, kemm għall-predikatur kif ukoll għal kull membru tal-knisja (Atti 20:32). Il-knisja m’għandha ebda raġun tkun intimidata mill-infidili. Bl-Iskrittura infallibbli, taf fejn sejra u għandha kompetenza biex tiggwida lil ħaddieħor. Ma tistax taffordja tittraskura jew tistħi tiddikjara li ngħatalha fi ħdanha messaġġ unikament ċert u infallibbli. L-Iskrittura hi t-teżor li l-knisja bid-dmir trid mhux biss temmen iżda twassal lill-ġnus kollha.  

“Agħtini fehma u għerf: għax jien emmint il-kmandamenti tiegħek...Jien rajt li kull ħaġa perfetta għandha l-limiti tagħha: iżda l-kmandament tiegħek hu bla tarf...Għal dejjem, o Mulej, il-kelma tiegħek hi mwaqqfa fis-smewwiet...Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek” (Salmi 119:18,66,96,89).