Il-Bibbja hi bla żball


Nitkellmu spiss dwar l-infallibbiltà u l-inerranza (bla żball) tal-Bibbja. Dan bir-raġun, għax nemmnu li Alla la jista’ jigdeb u lanqas iqarraq bina. Tul iż-żminijiet in-nies t’Alla ħaddnu din il-fidi. Il-knisja bikrija tkellmet dwar l-inerranza tal-Iskritturi Mqaddsa. 

Nillimitaw ruħna għall-kitbiet ta’ Wistin ta’ Ippona fis-seklu 5. Jgħid li l-Bibbja qatt ma tikkontradixxi lilha nfisha. In-nies li jintimaw il-kuntrarju jkunu qed jaraw biss parti mill-evidenza. “Dawk li jallegaw kontradizzjonijiet fil-Bibbja ‘jeżaminaw biss dawk it-testimonjanzi tal-Iskrittura li jwieżnu l-fehma pekuljari tagħhom, bla ma jagħtu kas it-tifsira sħiħa u perfetta tat-tali passi li jesibixxu n-naħa opposta tal-verità’” (Commentary on Romans 111.7).

Lanqas m’hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid. Il-Bibbja tagħti messaġġ wieħed. Wistin kiteb: “Irridu noqogħdu attenti li l-preċetti divini ma jikkontradixxux lil xulxin. Imma le: ħa nifhmu li hemm armonija perfetta bejniethom. Ħalli ma nsegwux l-immaġinazzjoni ta’ ċerti nies vanitużi, li fl-errur tagħhom jidhrilhom li ż-żewġ Pattijiet fil-Kotba Qodma u l-Kotba Ġodda huma kuntrarju għal xulxin, għax wieħed jinsab fil-ktieb ta’ Salamun, u l-ieħor fil-Vanġelu” (Sermons on New Testament Lessons 32.8).

“Għax l-għidut tal-Iskrittura, armonjużi bħallikieku minn fomm raġel wieħed, jirrikmandaw lilhom infushom għat-twemmin ta’ nies twajba bl-aktar mod akkurat u vista ċara, u jiddomandaw għall-iskoperta u l-konferma tagħhom dik l-intelliġenza l-aktar kalma u r-riċerka l-aktar inġenjuża” (Reply to Faustus the Manichaean 11.6).

Ovvjament jista’ jkun hemm oskuritajiet fl-Iskrittura, imma mhux kontradizzjonijiet sfaċċati. “Onora l-Iskrittura t’Alla,” jgħid Wistin, “onora l-Kelma t’Alla, avolja ma tkunx ċara: stenna b’riverenza għal fehma aħjar. Tgħaġġilx biex takkuża l-Iskrittura b’oskurità jew b’dak li jidher bħala kontradizzjoni. M’hemm xejn kontradittorju fiha. Hemm xi ħwejjeġ oskuri, mhux biex tiċċaħħad minnha, imma biex tħarrġek meta tirċeviha aktar tard” (Exposition on the Book of Psalms 147.10).

“L-Ispirtu s-Santu, b’għerf ammirabbli u b’għożża għall-ġid tagħna, irranġa l-Iskrittura Mqaddsa b’tali mod li bil-passi aktar ċari jissodisfa l-ġuħ tagħna, u b’dawk aktar oskuri jistimula l-aptit tagħna. Għax kważi xejn ma jitħaffer minn dawk il-passi oskuri li ma jinstabx b’lingwaġġ ċarissmu band’ oħra” (On Christian Doctrine 2.6).

Filwaqt li l-Iskrittura hi perspekwa (ċara) u għandna nfittxuha bl-akbar fedeltà, ma jfissirx li hi nieqsa minn kull diffikultà. Imma l-Bibbja ma fihiex aktar diffikultajiet milli fiha n-natura ta’ madwarna. Jgħid Wistin: “Dawk kollha li laqgħu l-Iskritturi bħala ispirati mill-Ħallieq tad-dinja, jistenna li jsib fihom id-diffikultajiet kollha li jiltaqgħu magħhom dawk li jinvestigaw is-sistema tal-univers” (Commentary on Psalms 1.4).

Bħall-bqija tas-Santi Padri, Wistin għallem li l-Iskrittura hija r-Rivelazzjoni Divina, l-Orakli t’Alla (The City of God 8.2). Ladarba hija ispirata (Ibid., 11.2), mela hija infallibbli (Ibid., 11.6). Għalih, il-Bibbja ġiet minn fomm Alla; hija l-kitba tal-Ispirtu s-Santu (Il-Konfessjonijiet 7.21; 12.15; Expositions on the Book of Psalms 119.12). 

Għaldaqstant hija ta’ awtorità suprema u għandha awtorità unika (City of God 11.3). F’dan ir-rigward l-attitudni tiegħu lejn l-Iskrittura kienet ekwivalenti għall-prinċipju Protestant, Sola Scriptura (Letters 82.3; Reply to Faustus the Manichaean 11.5). Ovvjament mela għandha awtorità fuq kull kitba jew opinjoni ta’ bniedem ieħor. 

Għal Wistin ma kinitx tgħaddilu minn rasu li l-Isqof ta’ Ruma, pereżempju, għandu awtorità fuq l-Iskrittura (City of God 11.1; Reply to Faustus the Manichaean 11.5; On the Trinity 1.4). Hija l-istandard kanoniku għall-fidili kollha (Letters 82.2; 143.2; Reply to Faustus the Manichaean 11.5). 

Hi ħaġa impossibbli li l-Iskrittura jkun fiha falsità jew erruri (Letters 40.4); anzi, l-Iskrittura biss hi inerranti (Reply to Faustus the Manichaean 11.5). Jekk l-Iskrittura fiha xi ‘żball,’ hu dovut għall-fatt li t-tradutturi huma fallibbli. Mill-bqija, l-awtografi (il-kitbiet oriġinali) huma ħielsa minn kull żball, hu ta’ liema xorta hu (Letters 28.3; 40.1,4). 

L-Iskrittura titkellem il-verità dejjem, imqar f’oqsma storiċi u xjentifiċi (City of God 12.24; 13.24; 15.14,16). Emmen li l-mirakli kollha ġraw tassew, u huma rekordju ta’ fatti storiċi (Letters 102.32): pereżempju, li x-xemx litteralment waqfet f’mixjietha għal jum sħiħ fi żmien Ġożwè (Il-Konfessjonijiet 11.23), u li Ġona tabilħaqq għadda mill-esperjenza stramba tiegħu. “Mela ħalli dak li jipproponi li jinvestiga għala l-profeta Ġona qatta’ tlett ijiem f’żaqq il-monstru tal-baħar, jibda billi jkeċċi ’l hemm id-dubji rigward il-fatt innifsu; għax dan attwalment ġara, u ma ġarax għal xejn b’xejn” (Letters 102.33). Wistin, bħall-bqija tad-dutturi tal-knisja fl-ewwel sekli tagħha, jaċċetta kull tagħrif li tressqilna l-Iskrittura: pereżempju, li Mosè kiteb il-Ġenesi, u ma kienx kompilazzjoni minn awturi differenti, kif tipproponi l-kritika moderna (Il-Konfessjonijiet 12.26).

Meta wieħed jinnega l-inerranza biblika jkollu jaffaċċja konsegwenzi serji. Il-problemi li jinħolqu biċ-ċaħda tal-inerranza mhumiex insinifikanti. Insemmu x’wħud minnhom.

1. Jekk niċħdu l-inerranza, tikkonfrontana problema morali serja: nistgħu nimitaw ’l Alla u nigdbu intenzjonalment fi ħwejjeġ żgħar aħna wkoll? Jekk Alla gideb jew għawweġ il-fatti biex iwasslilna l-messaġġ aħjar, nagħmlu bħalu? Dan ipoġġina f’xaqliba tiżloq u r-riżultati negattivi għandhom ħabta kulma jmur jikbru.

2. Jekk niċħdu l-inerranza nibdew intellgħu u nniżżlu kemm realment nistgħu nafdaw ’l Alla f’dak li jgħid. Jekk jidħak bina fi ħwejjeġ żgħar, x’garanzija għandna li mhux se jingannana fi ħwejjeġ kbar? “Min mhux fidil fil-ftit mhux fidil fil-ħafna.” Iċ-ċaħda tal-inerranza loġikament tħalli fina effett detrimentali għall-fidi tagħna, u l-ġenerazzjoni ta’ warajna tkun agħar minna. 

3. Jekk niċħdu l-inerranza essenzjalment inkunu qed naħtru lill-moħħ ċkejken tagħna bħala standard ogħla tal-verità mill-Kelma t’Alla nfisha. Dil-proċedura hi l-għerq ta’ kull dnub intellettwali. Hija l-Kelma t’Alla li tiġġudikana, mhux aħna lilha.