Il-Bibbja: Il-Kelma Ħajja t'Alla


Il-Bibbja fiha element inimitabbli ta’ vitalità jew ħajja. Hemm attributi varji rikonoxxuti fil-Kelma miktuba t’Alla. Fost ħwejjeġ oħra, il-Bibbja hi perfetta (Salmi 19:7), sewwa (Salmi 19:7), dritta (Salmi 19:8), safja (Salmi 12:6; 9:8; 119:140), ġusta (Salmi 19:9; 119:176), fidila (Sal.119:86), u affidabbli, ċoè, ta’ min joqgħod fuqha u jafdaha (Salmi 111:7; 93:5). Hi wkoll bla tarf (Salmi 119:96), tajba (Salmi 119:128), tal-għaġeb (Salmi 119:129), u tibqa’ għal dejjem (Salmi 119:160).

Minħabba f’hekk l-Iskrittura kapaċi taħji r-ruħ (Salmi 19:7), tagħmel għaref lill-belhieni (Salmi 19:7; 119:98-100), tferraħ il-qalb (Salmi 19:8; 119:14) u ddawwal l-għajnejn (Salmi 19:8).

Fil-Patt il-Ġdid: 

1. Hi deskritta bħala l-verità. Ġesù talab għad-dixxipli, “Qaddishom bil-verità; kelmtek hi l-verità” (Ġwanni 17:17. cf., 8:32). Għalhekk hi dejjem potenti, u tirbaħ fuq il-kuxjenza. 

2. Hi preżentata bħala Kelma ħajja. “Għax ħajja kelmet Alla, u attiva, u misnuna iżjed minn kwalunkwe sejf b’żewġt ixfar, u tippenetra sad-diviżjoni tar-ruħ u tal-ispirtu, tal-ġogi kif ukoll tal-mudullun, u kapaċi tiġġudika l-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb” (Ebrej 4:12. Ara wkoll l-1 Pietru 1:23 u Ġwanni 6:63).

3. Hi mxandra bħala Kelma qawwija. Billi hi “s-sejf tal-Ispirtu” (Efesin 6:17), hi enerġetika. Fiha nifs Alla; il-ħajja divina hi residenti fl-Iskrittura.

4. Hi magħduda bħala profitabbli. “Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba” (2 Timotju 3:16-17). Hi ideali għalina biex turina kif nistgħu nsalvaw u ngħixu denji bħala wlied Alla.

Il-Bibbja Mqaddsa teżerċita potenza fuq il-mitlufa. Bħala ilma, il-Kelma t’Alla hi strumentali għall-Ispirtu s-Santu biex iwettaq it-twelid mill-ġdid fl-individwu (Ġwanni 3:5; cf., Titu 3:5; 1 Pietru 1:23; Ġakbu 1:18). Hekk jintlaħaq l-għan ewlieni tal-Iskrittura, li twasslilna l-għerf meħtieġ għas-salvazzjon (2 Timotju 3:15), billi hi l-aġenzija li biha l-fidi hi ġenerata fil-bniedem (Rumani 10:17). Dan jiġri għax l-Iskrittura tagħti xhieda għall-Mulej Ġesù Kristu fil-milja kollha tiegħu (Ġwanni 5:39-40).

Naturalment, il-Kelma t’Alla tħalli effett qawwi fuq in-nies diġà konvertiti. 

1. Ġesù Sidna talab biex dawk mogħtija lilu jkunu mqaddsa (mifrudin speċjalment mill-ħażen għal Alla) permezz tal-verità, li hi l-Iskrittura (Ġwanni 17:17-19; 2 Korintin 7:1). Kristu jieħu ħsieb il-knisja billi jnaddafha bil-ħasil tal-ilma bil-Kelma (Efesin 5:26); allura tippurifikana (cf., Salmi 37:31; 119:11).

2. Il-Kelma hi ta’ manteniment, u tqawwi (1 Pietru 2:2). Min jagħraf jobdiha u jħaddimha, jimmatura u jinbena fil-fidi (Atti 20:32); u bil-wegħdi tagħha jsir imxierek fin-natura divina (2 Pietru 1:3-4).

3. Wieħed li jrid jaqdi lil Alla u jogħġbu f’kollox isib l-istruzzjonijiet kollha miġbura fil-Kelma. L-iskop sekondarju tal-Bibbja jinqasam f’erba’ elementi: tnejn huma pożittivi (tagħlim u taħriġ fil-ġustizzja), u tnejn oħra negattivi (ċanfir u twiddib) (2 Timotju 3:16-17). Bl-Iskrittura wlied Alla huma fornuti b’kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-ħajja u t-tjieba (2 Pietru 1:3-4).

Il-predikaturi Kristjani wkoll jafu illi l-Kelma mnedija u mgħallma minnhom hi aġenzija vitali b’qawwa sopranaturali f’idejn Alla sovran. Il-presbiteri m’għandhomx skuża jitimgħu xi ħaġa oħra lill-merħla ħlief il-Kelma bnina t’Alla, li jużaha biex jinkiseb l-għan etern tiegħu (Isaija 55:10-11; Ġeremija 23:29). Biha l-Ispirtu s-Santu joħroġ riżultati sopranaturali. Minħabba f’hekk l-appostli dejjem taw prominenza lill-ministeru tal-Kelma u waħħluha li xejn ma jfixkilhom mill-missjoni li jgħallmu d-dottrini inkorporati fl-Iskrittura (Atti 6:1-4; 17:11-12; 18:9-11, 27-28; 19:8-10; 20:27). Il-mexxejja spiritwali ma jistgħux jagħmlu aħjar milli jimitaw lill-appostli u jagħtu kas l-ordni tagħhom biex ixandru l-Kelma f’kull żmien (2 Timotju 4:2; cf., Kolossin 4:3; 1 Tessalonkin 1:6), u jitkellmu l-ħwejjeġ li jixirqu lit-tagħlim b’saħħtu (Titu 2:1; cf., 1:9; 1 Timotju 4:6,13,16).